ABBOZZ TA’ RAPPORT b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali
10.5.2012 - (2011/2285(INI))
Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Edit Bauer
(Inizjattiva – Artikolu 42 tar-Regoli ta’ Proċedura)
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali;
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 157 TFUE,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)[1];
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bl-isem ”Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2010 bl-isem “Impenn Imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f’Isem il-Mara” (COM(2010)0078),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2010 bl-isem “Id-Differenza fil-Pagi bejn in-Nisa u l-Irġiel fl-Ewropa minn Perspettiva Legali”,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Frar 2009 min-netwerk Ewropew ta’ esperti legali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi bl-isem “It-Traspożizzjoni tad-Direttiva riformulata 2006/54/KE,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2007 li ġġib l-isem “Niġġieldu kontra l-inugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel” (COM(2007)O424),
– wara li kkunsidra r-rapport tan-netwerk ta' esperti legali tal-Kummissjoni fl-oqsma tax-xogħol, l-affarijiet soċjali u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa ta' Frar 2007 li jġib l-isem “Aspetti Legali tad-Differenza fil-Pagi bejn in-Nisa u l-Irġiel”,
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-ugwaljanza bejn is-sessi (2011 - 2020) adottat mill-Kunsill fis-7 ta’ Marzu 2011,
– wara li kkunsidra l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ibbażata fuq l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol tal-5 ta’ Marzu 2010, li jġib l-isem “Addressing the gender pay gap: Government and social partner actions”,
– wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Azzjonijiet dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tas-Sħab Soċjali Ewropej tal-1 ta’ Marzu 2005, ir-rapporti ta’ segwitu tiegħu tal-2006, l-2007 u l-2008 u r-rapport ta’ evalwazzjoni finali tal-2009,
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1994 tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) dwar Xogħol Part Time[2], li teżiġi li l-pajjiżi jinkorporaw fil-kuntratti tal-akkwisti pubbliċi tagħhom klawżola dwar ix-xogħol li tinkludi l-kwistjoni ta' pagi indaqs,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 100 tal-ILO, “Remunerazzjoni Indaqs”,
– wara li kkunsidra l-webinar Global Compact tal-ILO u n-NU ta’ Marzu 2011: "Ħlas Ugwali għal Xogħol ta’ Valur Ugwali: Kif ser naslu?",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1)(d) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Għamla ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU permezz tar-Riżoluzzjoni 34/180 tat-18 ta' Diċembru 1979,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Novembru 2008 dwar l-Applikazzjoni tal-prinċipju ta' ħlas indaqs għall-irġiel u n-nisa[3],
– wara li kkunsidra s-segwitu tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2009 għar-riżoluzzjoni tat-18 ta’ Novembru 2008,
– wara li kkunsidra l-inizjattiva tat-8 ta’ Marzu 2010 minn 10 tal-Membri tiegħu għat-tfassil ta’ rapport ta’ inizjattiva leġiżlattiva dwar ”Pagi Ugwali għal Xogħol Ugwali” skont l-Artikolu 42 tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7–0160/2012),
A. billi skont l-aħħar ċifri proviżorji u mhux kompluti fl-Unjoni Ewropea, il-paga medja tan-nisa fl-Unjoni Ewropea hija 16.4% inqas minn tal-irġiel, u d-differenza fil-pagi bejn is-sessi tvarja bejn 4.4% u 27.6% fl-Istati Membri, u billi – minkejja l-korp ta' leġiżlazzjoni sinifikanti fis-seħħ għal kważi 40 sena u l-azzjonijiet meħuda u r-riżorsi li ntefqu fit-tentattiv sabiex titnaqqas id-differenza[4] – il-livell ta’ progress kien baxx ħafna (id-disparità fil-livell tal-UE kienet 17.7% fl-2006, 17.6% fl-2007, 17.4% fl-2008, 16.9% fl-2009 u 16.4% fl-2010) u f’xi Stati Membri d-differenza kompliet tikber; filwaqt li d-differenza tal-pagi bejn is-sessi tista’ tkun ogħla milli indikat peress li d-dejta ta’ tliet Stati Membri għadha nieqsa;
B. billi l-kawżi tad-differenza konsistentement kbira fil-pagi bejn is-sessi huma kumplessi, multipli u ħafna drabi interrelatati, u jmorru lil hinn ħafna mill-kwistjoni unika ta’ pagi ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali; billi dawn il-kawżi jinkludu diskriminazzjoni diretta u indiretta, kif ukoll fatturi soċjali u ekonomiċi bħal swieq tax-xogħol segregati ħafna kemm orizzontalment kif ukoll vertikalment, sottovalutazzjoni tax-xogħol tan-nisa, inugwaljanza fl-ibbilanċjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u tradizzjonijiet u sterjotipi, anke fl-għażla ta’ toroq edukattivi, fil-gwida għall-istudju, fl-aċċess għas-snajja u l-professjonijiet u konsegwentement għall-karrieri professjonali, b’mod partikolari għall-bniet u għan-nisa, li jwassluhom għal professjonijiet tipikament femminili li jitħallsu inqas; billi, skont analiżi minn esperti, id-diskriminazzjoni diretta u indiretta hija responsabbli għal madwar nofs id-differenza;
C. billi sikwit id-differenzi fil-pagi huma relatati ma’ wirt kulturali u ma’ fatturi legali u ekonomiċi preżenti fis-soċjetà ta’ llum;
D. billi bħala medja n-nisa kellhom jaħdmu sat-2 ta’ Marzu 2012 sabiex jaqilgħu daqs il-medja tal-qligħ tal-irġiel fis-sena sal-31 ta' Diċembru 2011;
E. billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' pagi ugwali għal xogħol ugwali u għal xogħol tal-istess valur hija kruċjali sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu mistiedna jikkompilaw u regolarment joħorġu statistika li turi mhux biss il-medja tar-rata tal-paga f’siegħa, iżda wkoll l-ammonti ta’ pagi li l-irġiel u n-nisa jirċievu għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali;
F. billi d-Direttiva 2006/54/KE riformulata ikkontribwiet għat-titjib tas-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol iżda ma bidlitx b’mod profond il-leġiżlazzjoni dwar it-tnaqqis tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi; billi studji preliminari minn esperti juru li sar ftit jew ma sar l-ebda tibdil fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u ma ttieħdu l-ebda sanzjonijiet kontra dawk li jħaddmu; billi l-kumplessità tal-kwistjoni ma tirrkjedix biss it-titjib tal-leġiżlazzjoni iżda wkoll strateġija madwar l-Ewropa sabiex tiġi indirizzata d-differenza fil-pagi bejn is-sessi, li, min-naħa tagħha, teħtieġ tmexxija soda min-naħa tal-UE fil-koordinazzjoni ta’ politiki, il-promozzjoni tal-prattiki tajba u l-involviment ta’ atturi varji;
G. billi t-tendenzi juru li s-salarji qegħdin iżjed ta’ spiss jiġu nnegozjati b’mod individwali, li jirriżulta f’nuqqas ta’ informazzjoni u trasparenza dwar is-sistema ta’ ħlas individwalizzat li twassal għal iżjed disparitajiet fil-pagi fost dawk li jħaddmu f’livelli simili, u jista’ jirriżulta fit-twessigħ tad-differenza fil-ħlas bejn is-sessi; billi sistema iżjed deċentralizzata u individwalizzata sabiex jiġu stabbiliti l-pagi għandha għalhekk tiġi vvalutata bħala żvilupp li pjuttost iqajjem tħassib, waqt li l-ħarsien tad-data ma jistax jiġi użat bħala skuża leġittima sabiex ma tiġix ippubblikata informazzjoni statistika dwar is-salarji;
H. billi, fl-Istati Membri kollha, l-istudenti nisa jiksbu rata ta’ suċċess edukattiv ogħla mill-istudenti rġiel u jirrappreżentaw daqs 59% tal-gradwati universitarji kollha; billi, madankollu, minħabba l-isterjotipi fl-edukazzjoni huma minoranza tal-gradwati universitarji f’oqsma bħall-matematika u l-inġinerija tal-kompjuter;
I. billi l-ħiliet u l-kompetenzi tan-nisa ħafna drabi huma sottovalutati, bħalma huma sottovalutati l-professjonijiet u x-xogħlijiet li fihom jippredominaw in-nisa, minkejja li dan mhux neċessarjament ġustifikat permezz ta’ xi kriterju oġġettiv; billi t-twessigħ tal-prospetti tal-karriera u l-bidliet fix-xejriet edukattivi tan-nisa jista' jkollhom influwenza pożittiva fuq l-indirizzar tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi;
J. billi n-nisa jiġu impjegati iżjed ta' spiss f’xogħol part-time, u billi d-differenza fil-pagi bejn is-sessi tammonta għal kważa d-doppju fost il-ħaddiema part-time milli fost il-ħaddiema full-time;
K. billi, skont analiżi minn esperti, id-differenza fil-pagi bejn is-sessi tibda tidher wara li l-mara tmur lura lejn is-suq tax-xogħol mil-liv tal-maternità tagħha, tiżdied minħabba interruzzjonijiet ripetuti fil-karriera minħabba fatturi esterni, bħal waqfien mix-xogħol biex tieħu ħsieb tfal jew membri dipendenti tal-familja, u aktarx li tkompli tikber bl-età u l-livell edukattiv; billi l-karrieri anqas rapidi, iqsar u/jew interrotti tan-nisa joħolqu wkoll differenza tas-sessi fil-kontribuzzjonijiet għas-sistemi tas-sigurtà soċjali u b’hekk iżidu r-riskju li n-nisa jispiċċaw foqra f'età anzjana;
L. billi l-istatistika disponibbli tindika li l-kwalifiki u l-esperjenza li jiksbu n-nisa jirriżultaw f’kumpens finanzjarju anqas minn dawk li jiksbu l-irġiel; billi, barra mill-kunċett ta’ pagi ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali, li m’għandux ikun ippreġudikat minn approċċ sterjotipiku għad-differenza bejn is-sessi, jeħtieġ li jitwarrbu rwoli tradizzjonali fis-soċjetà, li s’issa influwenzaw b’mod sinifikattiv l-għażla ta’ edukazzjoni u l-karriera; billi huwa possibbli u neċessarju li jiġu eliminati l-perċezzjonijiet soċjali tas-sessi mill-qasam edukattiv; billi bl-istess mod il-liv tal-maternità jew tal-ġenituri m’għandux iwassal għal diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol; ;
M. billi min iħaddem f’industriji u impjiegi femminizzati jħallas pagi inqas bħala medja, u billi dawn l-industriji u l-impjiegi normalment ikollhom inqas rappreżentanza u saħħa tan-negozjar kollettiv;
N. billi, skont il-leġiżlazzjoni u l-każistika Ewropea, dawk li jħaddmu għandhom japplikaw l-istess kriterji ta' valutazzjoni għall-persunal kollu, l-arranġamenti ta' remunerazzjoni għandhom ikunu jiftiehmu u trasparenti, u l-kriterji applikati għandhom jikkunsidraw in-natura u t-tip ta' xogħol u għandhom ikunu ħielsa minn elementi dikriminatorji;
O. billi d-differenza fil-pagi hija aktar qawwija fost in-nisa bi żvantaġġi multipli, bħal nisa b’diżabbiltà, nisa minn minoranzi u nisa bla kwalifiki;
P. billi l-għadd ta’ klejms dwar diskriminazzjoni fil-forma ta’ differenza fil-pagi bejn is-sessi li jaslu għand il-qrati kompetenti huwa żgħir[5]; billi jeżistu ħafna spjegazzjonijiet għal din l-iskarsezza, inkluż nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-pagi, l-ambitu problematiku tat-tqabbil, in-nuqqas ta’ riżorsi personali tar-rikorrent, u n-nuqqas ta’ superviżjoni, u l-impożizzjoni ta’ penali fuq korpi li jonqsu milli jippubblikaw informazzjoni dwar salarji;
Q. billi l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jista’ jkollu rwol fundamentali fil-monitoraġġ tal-iżvilupp tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi, l-analiżi tal-kawżi tagħha u l-valutazzjoni tal-impatt tal-leġiżlazzjoni;
R. billi l-Parlament talab ripetutament lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattivi, inkluża r-reviżjoni ta’ leġiżlazzjoni eżistenti, sabiex tindirizza d-differenza fil-pagi bejn is-sessi, u biex jiġi eradikat ir-riskju tal-faqar fost il-pensjonanti, li huwa akbar fost in-nisa bħala effett dirett tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi;
1. Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 2006/54/KE sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar 2013, skont l-Artikolu 32 tagħha, u tipproponi emendi għaliha fuq il-bażi tal-Artikolu 157 TFUE, wara rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fl-anness ta’ din ir-riżoluzzjoni, mill-inqas għal dak li jirrigwarda l-aspetti li ġejjin tal-kwistjoni dwar id-differenza fil-pagi bejn is-sessi:
- definizzjonijiet,
- analiżi tas-sitwazzjoni u t-trasparenza tar-riżultati,
- evalwazzjoni tax-xogħol u l-klassifikazzjoni tal-impjieg,
- korpi għall-ugwaljanza u rimedju legali,
- id-djalogu soċjali,
- prevenzjoni tad-diskriminazzjoni
- integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi,
- sanzjonijiet,
- is-simplifikazzjoni ta' regolazzjoni tal-UE u tal-politika tal-UE;
2. Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipji fundamentali u l-prinċipju ta’ sussisdjarjetà;
3. Iqis li l-proposti mitluba mhuma se jkollhom l-ebda implikazzjoni finanzjarja;
4. Jirrikonoxxi li jeżistu bosta kawżi li jkabbru d-differenza fil-pagi u għalhekk, li approċċ b’ħafna livelli u aspetti jeħtieġ tmexxija soda mill-Unjoni Ewropea għall-koordinazzjoni tal-politiki, il-promozzjoni tal-prattiki tajba u l-involviment ta’ diversi atturi bħas-sħab soċjali u l-NGOs Ewropej, bl-għan li tinħoloq strateġija madwar l-Ewropa kollha sabiex tindirizza d-differenza fil-pagi bejn is-sessi;
5. Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw id-Direttiva 2006/54/KE riformulata b’mod konsistenti u jħeġġu lis-settur privat u lis-settur pubbliku jieħdu parti iżjed attiva fit-tnaqqis tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi, u jippermettu lis-sħab jinnegozjaw pjanijiet għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-livell tal-kumpaniji, nazzjonali u Ewropew; l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iħeġġu lis-sħab soċjali, inklużi dawk li jħaddmu, biex iwettqu skemi għall-evalwazzjoni ta’ impjiegi mingħajr preġudizzji relatati mas-sessi, biex jimplimentaw sistemi ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi, u biex irawwmu l-kunċett ta’ xogħol imsejjes fuq paga indaqs;
6. Jitlob lill-Istati Membri jkunu huma stess eżemplari fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-pagi għan-nisa f’karigi governattivi, istituzzjonijiet u kumpaniji pubbliċi b’mod ġenerali;
7. Jinnota li negozjati u diskussjonijiet kollettivi għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, u mhux lanqas f'dak li jirrigwarda l-aċċess għax-xogħol, pagi, kundizzjonijiet tax-xogħol, avvanz fil-karrieri u taħriġ vokazzjonali;
8. Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni “Ġurnata Ewropea għal Pagi Indaqs” li twaqqfet għall-ewwel darba fil-5 ta' Marzu 2011 u li ġiet organizzata għat-tieni darba fit-2 ta’ Marzu 2012;
9. Jinnota li inugwaljanzi fil-pagi minħabba xi fattur ieħor bħal razza, etniċità, orjentazzjoni sesswali u reliġjon ma tridx tkun tollerata;
10. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kunsill taħt il-Presidenza Belġjana fl-2010 dwar l-evalwazzjoni u l-aġġornament tal-grupp ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi;
11. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tħeġġeġ koordinazzjoni eqreb fost l-Istati Membri rigward ir-riċerka, l-analiżi u l-isfruttament bis-sħiħ tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki;
12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, bl-involviment tas-sħab soċjali kull meta jkun possibbli, biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u jżidu l-kooperazzjoni fl-iżvilupp ta’ ideat ġodda għall-indirizzar tad-differenzi fil-pagi bejn is-sessi;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jopponu l-inugwaljanzi fil-pagi bejn is-sessi fil-politiki tal-UE u l-programmi nazzjonali relevanti kollha, b'mod partikulari dawk maħsuba għall-ġlieda kontra l-faqar;
14. Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jistgħu jkunu jixtiequ jaħtru Difensur tal-Pagi Indaqs sabiex iwettaq monitoraġġ tas-sitwazzjoni fi Stati Membri individwali u jirrapporta lura lill-parlamenti nazzjonali tagħhom u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress li jkun qiegħed isir;
15. Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi d-direttiva tal-Kunsill dwar il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, bl-għan li tiġi eliminata d-differenza fil-pagi bejn is-sessi;
16. Iħeġġeġ lis-sħab soċjali jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom għall-ħolqien ta’ struttura ta' pagi iżjed ugwali bejn is-sessi; sabiex jipprovdu taħriġ dwar il-ħiliet fin-negozjar, inkluż in-negozjar ta’ pagi; sabiex jippromwovu l-kuxjenza dwar pagi ugwali fl-ewwel istanza, bil-ħsieb li jaħdmu lejn awditi obbligatorji tal-pagi; u sabiex issaħħu l-pożizzjonijiet tan-nisa fl-istruttura tas-sħubija soċjali, b’mod partikolari f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;
17. Jistieden lill-Istati Membri jipprevedu l-possibilità ta’ rimedju kollettiv kontra ksur tal-prinċipju ta’ pagi indaqs, bħala mezz biex l-individwi u/jew korpi rappreżentattivi biex iressqu każ f’isem kwerelanti li jagħtu l-kunsens fi proċedimenti tal-qorti u biex l-NGOs u t-trejdunjins jingħataw rikonoxximent legali biex jirrappreżentaw vittmi ta’ diskriminazzjoni anke fi proċedimenti amministrattivi; jistieden lill-Kummissjoni teżamina, fil-kuntest tal-proposta imminenti tagħha għal strument orizzontali dwar rimedju kollettiv, l-inklużjoni ta’ rimedju kollettiv kontra ksur tal-prinċipju ta’ pagi indaqs;
18. Jenfasizza li għad żgħir ħafna ta’ klejms ta’ diskriminazzjoni fil-pagi bejn is-sessi waslu sal-qrati kompetenti (regolari jew amministrattivi); iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex ikomplu l-kampanji ta’ qawmien ta’ kuxjenza, anke billi jipprovdu informazzjoni adegwata dwar l-oneru tal-provi, minħabba li dan għandu rwol importanti fl-iżgurar tal-prinċipju ta’ trattament indaqs;
19. Huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-proċeduri u l-mekkaniżmi għad-difiża tal-prinċipju tal-paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali u biex jipprojbixxu kull forma ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi, jitjiebu u jiġu semplifikati;
20. Jitlob lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ‘l dawk ta' min iħaddem biex flimkien jiżviluppaw strumenti oġġettivi ta' valutazzjoni ta' impjiegi sabiex jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa;
21. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiddeterminaw l-objettivi, l-istrateġiji u l-limiti taż-żmien biex jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi bejn is-sessi u biex il-ħlas għall-istess xogħol u għal xogħol tal-istess valur ikun indaqs;
22. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippromwovi aktar riċerka dwar strateġiji ta' flessigurtà sabiex tevalwa l-impatt tagħhom fuq id-differenzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa u tiddetermina kif dawk l-istrateġiji jistgħu jgħinu l-indirizzar tad-diskriminazzjoni bejn is-sessi;
23. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2010 li stiednu lill-Istati Membri jwettqu miżuri b’ambitu wiesa' biex jegħlbu l-kawżi ta' din l-inugwaljanza fil-pagi;
24. Isostni li ż-żieda fl-impjiegi tan-nisa, speċjalment fil-pożizzjonijiet ta' livell għoli, tista' tgħin biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel; jirrimarka dwar il-ħtieġa li n-nisa jkollhom irwol aktar attiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet fis-settur ekonomiku, bl-użu tal-influwenza tagħhom biex jittieħdu deċiżjonijiet li jqisu perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi; jiġbed l-attenzjoni għall-istudji li kkonkludew li teżisti korrelazzjoni qawwija bejn preżenza akbar femminili fil-pożizzjonijiet ta' tmexxija fil-kumpaniji u profitti akbar tal-kumpaniji minn assi, bejgħ u mill-kapital investit;
25. Ifakkar lill-Istati Membri bl-impenji tagħhom rigward rieżami tal-effett li l-politiki fiskali u ta' impjieg għandhom fuq id-differenza fil-pagi;
26. Jipproponi li l-Parlament għandu joffri premju ‘In-nisa u n-Negozju fl-Ewropa’ li jkun jista' jingħata lil dawk li jħaddmu (impriżi, istituzzjonijiet u awtoritajiet) li jkunu fuq quddiem fil-promozzjoni tan-nisa, li jappoġġjaw lin-nisa f’pożizzjonijiet għolja u li jipprattikaw paga indaqs;
27. Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri favur il-promozzjoni tal-iżvilupp professjonali u tal-karrieri f'kundizzjonijiet ta' ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel; jirrimarka li dan il-prinċipju jifforma parti mill-kunċett tar-responsabilità soċjali tal-impriżi, li hija promossa fuq livell internazzjonali u nazzjonali u jeħtieġ li jkun żviluppat fl-Istati Membri kollha;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati mehmużin magħha lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:
RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI RIGWARD IL-KONTENTUT TAL-PROSPOSTA MRESSQA
Rakkomandazzjoni 1: DEFINIZZJONIJIET
Id-Direttiva 2006/54/KE tagħti definizzjoni ta' pagi ugwali billi tikkopja d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/117/KEE. Biex ikun hemm kategoriji aktar preċiżi bħala għodda biex tiġi trattata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa (gender pay gap - GPG) huwa importanti li tingħata definizzjoni aktar preċiża tal-kunċetti differenti, bħal pereżempju:
- GPG, li d-definizzjoni tagħha m’għandhiex tkopri biss il-paga grossa fis-siegħa, waqt li jrid ikun hemm distinzjoni bejn id-differenza bejn is-sessi fil-paga mhux aġġustata u dik “netta”;
- Diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-pagi;
- Rimunerazzjoni, li d-definizzjoni tagħha għandha tkopri kull paga netta u salarju nett kif ukoll kull dritt finanzjarju marbut max-xogħol u kull benefiċċju in natura;
- Differenza fil-pensjonijiet (f’pilastri differenti tas-sistemi ta’ pensjoni, pereżempju fis-sistemi ta’ rtirar mhux iffinanzjati u fl-iskemi tal-pensjoni ta’ kumpanija, bħala kontinwazzjoni tad-differenzi fil-pagi wara li wieħed jirtira);
- Xogħol trattat bħala ‘ugwali’ (f’kategoriji individwali ta’ xogħlijiet);
- Xogħol tal-istess valur, sabiex ikunu msemmija fatturi rilevanti;
- Min iħaddem, biex ikun żgurat li r-responsabilità għall-pagi tal-ħaddiema u kwalunkwe inugwaljanza possibbli tkun definita b’mod ċar;
- Professjonijiet u ftehimiet kollettivi – għandu jkun iċċarat aktar li impjiegi relatati ma’ ftehimiet kollettivi differenti u professjonijiet differenti jistgħu jitqabblu fil-qorti, sakemm l-impjiegi jkunu komparabbli bħala xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali.
Rakkomandazzjoni 2: ANALIŻI TAS-SITWAZZJONI U T-TRASPARENZA TAR-RIŻULTATI
2.1. In-nuqqas ta' informazzjoni u għarfien fost l-impjegati u min iħaddem dwar l-eżistenza ta’ differenzi possibbli fil-pagi fil-kumpanija tagħhom kif ukoll in-nuqqas ta’ għarfien tagħhom idgħajjef l-implimentazzjoni tal-prinċipju mħaddan fit-Trattat u fil-leġiżlazzjoni eżistenti.
2.2. Billi jirrikonoxxi li hemm nuqqas ta' data statistika preċiża, komparabbli u koerenti, inkluż dwar id-differenza fil-ħlas part-time bejn is-sessi u fil-pensjonijiet, u r-rati eżistenti tal-pagi aktar baxxi għan-nisa, speċjalment fi professjonijiet fejn tradizzjonalment hemm predominanza ta' nisa, l-Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni sħiħa għad-differenza fil-pagi bejn is-sessi fil-politiki soċjali tagħhom u jittrattawha bħala problema serja.
2.3. Huwa għalhekk essenzjali li awditi regolari tal-pagi, kif ukoll il-pubblikazzjoni tar-riżultati tagħhom, filwaqt li titqies il-protezzjoni tad-data personali, isiru obbligatorji fi ħdan il-kumpaniji (pereżempju kumpaniji li jħaddmu tal-anqas 30 impjegat u fejn kull sess hu rappreżentat b’mill-inqas 10 % tal-impjegati). Dan ir-rekwiżit jista’ japplika wkoll għal tagħrif dwar remunerazzjoni addizzjonali mal-pagi. Din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għall-impjegati, it-trejdjunjins u l-awtoritajiet adegwati (pereżempju spezzjonijiet tax-xogħol, korpi għall-ugwaljanza).
2.4. Min iħaddem għandu jipprovdi lill-impjegati u lir-rappreżentanti tagħhom riżultati taħt forma ta' statistika dwar il-pagi, kategorizzata skont is-sess iżda filwaqt li tkun ikkunsidrata l-protezzjoni tad-dejta personali. Din l-informazzjoni għandha tinġabar fil-livelli settorjali u nazzjonali f'kull Stat Membru.
2.5. Għandu jkun hemm rekwiżit fuq min iħaddem sabiex jadotta politika ta’ trasparenza rigward il-kompożizzjoni u l-istrutturi tas-salarji, inkluż ħlas żejjed, bonusijiet u vantaġġi oħra li jagħmlu parti mir-remunerazzjoni.
2.6. Meta l-istatistika dwar il-pagi turi differenzi ta’ gruppi jew individwali fil-pagi fuq bażi ta’ sess, min iħaddem huwa obbligat li janalizza aktar dawn id-differenzi u jirreaġixxi biex jeliminahom.
Rakkomandazzjoni 3: EVALWAZZJONI TAX-XOGĦOL U KLASSIFIKAZZJONI TAL-IMPJIEGI
3.1. Il-kunċett tal-valur tax-xogħol irid ikun ibbażat fuq kwalifiki, ħiliet interpersonali u responsabbiltà li jenfasizzaw il-kwalità tax-xogħol, bl-għan li jiġu promossi l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel. Dan il-kunċett m'għandux ikun karatterizzat minn approċċ sterjotipiku li jisfavorixxi n-nisa, billi pereżempju jenfasizza s-saħħa fiżika aktar mill-ħiliet interpersonali u għandu jiżgura li xogħol li jinvolvi responsabbiltà minn persuni ma jitqiesx li għandu valur aktar baxx minn xogħol b’responsabbiltà minn riżorsi materjali jew finanzjarji. Għalhekk, in-nisa trid tingħatalhom informazzjoni, għajnuna u/jew taħriġ fin-negozjar tal-pagi, il-klassifikazzjoni tax-xogħol u l-livelli ta' pagi. Irid ikun hemm il-possibilità li setturi u kumpaniji jintalbu jeżaminaw jekk is-sistemi ta' klassifikazzjoni tal-impjiegi tagħhom jirriflettux id-dimensjoni tas-sessi differenti kif meħtieġ, u sabiex jagħmlu l-korrezzjonijiet meħtieġa.
3.2. L-inizjattiva tal-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex idaħħlu klassifikazzjoni ta' impjiegi li taqbel mal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irgiel u n-nisa, u li tippermetti kemm lil min iħaddem u kemm lill-ħaddiema jidentifikaw diskriminazzjoni fil-pagi li jista' jkun hemm fuq il-bażi ta' definizzjoni ta’ skala ta' pagi preġudikata. Għandu jibqa' importanti r-rispett tal-liġijiet u tradizzjonijiet nazzjonali rigward is-sistema ta’ relazzjonijiet industrijali. Elementi bħal dawn ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol għandhom ikunu wkoll trasparenti u jkunu għad-dispożizzjoni ta' kull min hu kkonċernat u tal-ispettorati tax-xogħol u ta' korpi għall-ugwaljanza.
3.3. L-Istati Membri għandhom jagħmlu evalwazzjoni bir-reqqa ffukata fuq il-professjonijiet iddominati minn nisa,
3.4. Evalwazzjoni newtrali tax-xogħol dwar id-diffferenza bejn is-sessi għandha tkun ibbażata fuq sistemi ġodda ta' klassifikazzjoni u organizzazzjoni ta' persunal u ta' xogħol u fuq esperjenza professjonali u prodottività li tkun fuq kollox evalwata f'termini kwalitattivi, bħal edukazzjoni u kwalifiki oħra, rekwiżiti mentali u fiżiċi, responsabbiltà għal riżorsi umani u materjali, biex tintuża bħala sors ta' data u grids ta' evalwazzjoni li jiddeterminaw il-pagi, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipju tal-komparabilità.
Rakkomandazzjoni 4: KORPI GĦALL-UGWALJANZA U RIMEDJU LEGALI
Il-korpi ta' promozzjoni tal-ugwaljanza u ta' monitoraġġ għandhom ikollhom rwol akbar fit-tnaqqis tal-GPG. Il-korpi għandu jkollhom is-setgħa li jimmonitorjaw, jirrappurtaw, u fejn ikun possibbli jinfurzaw b’mod aktar effikaċi u independent l-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi waqt li għandhom jiġu ffinanzjati b’mod adegwat. L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE għandu jigi rivedut sabiex iseddaq il-mandat tal-korpi billi:
- jagħtu appoġġ u pariri lill-vittmi ta' diskriminazzjoni fil-pagi;
- jipprovdu stħarriġ indipendenti rigward id-differenza fil-pagi;
- jippubblikaw rapporti indipendenti u jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ diskriminazzjoni fil-pagi;
- ikollhom setgħat legali sabiex jibdew l-investigazzjoni tagħhom stess;
- ikollhom setgħat legali sabiex jimponu sanzjonijiet f’każijiet ta’ ksur tal-prinċipju ta’ pagi ugwali għal xogħol ugwali u/jew jiftħu kawżi fil-qrati dwar diskriminazzjoni fil-pagi;
- jipprovdu taħriġ speċjali għas-sħab soċjali u għall-avukati, l-imħallfin u l-ombudsmen ibbażat fuq ġabra ta’ strumenti analitiċi u miżuri mmirati sabiex jintużaw jew fit-tfassil ta’ kuntratti jew sabiex jiġi vverifikat jekk ir-regoli u l-politiki li jindirizzaw id-differenza fil-pagi humiex qegħdin jiġu implimentati, kif ukoll billi jipprovdu korsijiet ta’ taħriġ u materjali ta’ taħriġ dwar evalwazzjoni mhux diskriminatorja tal-impjiegi għal min iħaddem;
Rakkomandazzjoni 5: DJALOGU SOĊJALI
Jeħtieġ aktar skrutinju ta' ftehimiet kollettivi u skali ta' pagi applikabbli tagħhom u skemi ta' evalwazzjoni tax-xogħol, l-aktar rigward it-trattament ta' ħaddiema part-time u ta' ħaddiema b'arraġamenti atipiċi ta' xogħol oħrajn jew pagamenti addizzjonali/bonusijiet inklużi ħlasijiet in natura. Skrutinju bħal dan għandu jkopri mhux biss kundizzjonijiet ta' xogħol primarji, imma wkoll kundizjonijiet ta' xogħol sekondarji u skemi ta' sigurtà soċjali rigward xogħol (regoli għal-liv, skemi tal-pensjoni, karozzi tal-kumpaniji, arranġamenti għall-kura tat-tfal, ħin tax-xogħol flessibbli, bonusijiet eċċ.). L-Istati Membri, filwaqt li jirrispettaw il-liġi nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattiki, għandhom jinkoraġġixxu lis-sħab soċjali biex jintroduċu klassifikazzjonijiet tal-impjiegi newtrali fir-rigward tal-ġeneru, hekk li kemm min iħaddem u kemm l-impjegati jkunu jistgħu jidentifikaw diskriminazzjonijiet fil-pagi li jista' jkun hemm li jkunu bbażati fuq definizzjoni ta' skala ta' paga preġudikata.
Il-ġestjoni tista' wkoll ikollha rwol importanti mhux biss rigward l-ekwità tal-ħlas, iżda wkoll f'termini ta' ħolqien ta' klima għall-appoġġ ta' kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet tal-kura u l-avvanz tal-karriera kemm għall-impjegati rġiel kif ukoll għal dawk nisa.
Is-sħab soċjali għandhom jingħataw is-setgħa li jinkludu fl-aġenda kwistjonijiet dwar pagi indaqs, mhux biss fi ħdan is-setturi tagħhom stess, iżda wkoll li jagħżlu li jkun hemm bilanċ intersettorjali.[6]
Il-Kummissjoni għandha tfassal ktieb ta’ gwida għad-djalogu soċjali fil-kumpaniji u l-Istati membri li jkun operattiv, prattiku u faċli biex jintuża. Dan għandu jinkludi linji gwida u kriterji biex ikun deċiż il-valur tax-xogħol u għat-tqabbil tal-impjiegi. Għandha tinkludi wkoll suġġerimenti għal metodi ta’ evalwazzjoni tal-impjieg possibbli.
Rakkomandazzjoni 6: PREVENZJONI TAD-DISKRIMINAZZJONI
Għandu jkun hemm referenza speċifika għad-diskriminazzjoni fil-pagi fl-Artikolu 26 (dwar il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni) tad-Direttiva 2006/54/KE, bil-għan li jiġi żgurat li l-Istati Membri, bl-involviment tas-sħab soċjali u organizzazzjonijiet favur opportunitajiet indaqs, jaddottaw:
- miżuri speċifiċi rigward taħriġ u klassifikazzjoni ta' impjiegi, immirati lejn sistemi ta' taħriġ vokazzjonali u mfassla biex jneħħu u jipprevjenu d-diskriminazzjoni fit-taħriġ u l-klassifikazzjoni u fil-valutazzjoni ekonomika tal-ħiliet,
- politiki speċifiċi sabiex ikun possibbli li tintlaħaq armonija bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, li tkopri l-kura tat-tfal u ta’ persuni dipendenti oħra u servizzi oħra ta’ kura ta’ kwalità bi prezzijiet raġonevoli, organizzazzjoni u sigħat tax-xogħol flessibbli, u liv tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u tal-familja,
- azzjonijiet konkreti (skont l-Artikolu 157(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) biex jirmedjaw id-differenzi fil-pagi u s-segregazzjoni minħabba differenza tas-sessi, li jiddaħħlu fis-seħħ mis-sħab soċjali u organizzazzjonijiet favur opportunitajiet indaqs fil-livelli varji, kemm kuntrattwali u kemm settorjali, bħalma huma: il-promozzjoni ta' ftehimiet rigward pagi biex jikkumbattu l-GPG, investigazzjonijiet rigward pagi ndaqs għal xogħol ugwali, l-iffissar ta' objettivi kwalitattivi u kwantitattivi u benchmarking u l-appoġġ tal-iskambji tal-aħjar prattika,
- klawsola f'kuntratti pubbliċi li tesiġi rispett għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-pagi ndaqs għal xogħol ugwali.
Rakkomandazzjoni 7: INTEGRAZZJONI TAL-ĠENERU
L-integrazzjoni tal-ġeneru għandu jisseddaq bl-inklużjoni fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2006/54/KE ta' linji gwida preċiżi għall-Istati Membri rigward il-prinċipju tal-pagi ndaqs u biex jitnaqqsu d-differerenza fil-pagi. Il-Kummissjoni għandha tarma ruħha biex tipprovdi għajnuna lill-Istati Membri u lil min hu involut fir-rigward ta' miżuri prattiċi biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn is-sessi permezz ta' dan li ġej:
- jitfasslu skemi ta' rappurtar bl-iskop li jevalwaw id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa,
- jinħoloq bank ta' data li jiġbor l-informazzjoni dwar bidliet fis-sistemi ta' klassifikazzjoni u organizzazzjoni tal-ħaddiema,
- jinġabru u jitqassmu r-riżultati ta' esperimenti dwar ir-riforma tal-organizzazzjoni tax-xogħol,
- jixterdu informazzjoni u linji gwida rigward mezzi prattiċi, b'mod partikulari għall-SMEs (pereżempju dwar l-għodda LOGIB-D ibbażata fuq l-IT) biex jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi, inklużi ftehimiet kollettivi nazzjonali u settorjali,
- l-iżvilupp, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-assoċjazzjonijiet, ta' ċertifikat ta' kwalità għall-ugwaljanza fil-pagi Ewropew li l-istituzzjonijiet, impriżi u awtoritajiet ikunu jistgħu jużaw biex jirreklamaw il-konformità tagħhom ma' kriterji speċifiċi li jikkonċernaw l-ugwaljanza fil-pagi, bħal, pereżempju, it-trasparenza tal-pagi,
- it-tfassil ta’ linji gwida speċifiċi għall-monitoraġġ tad-differenzi fil-pagi fil-qafas ta’ ftehimiet kollettivi, li għandu jkun disponibbli fuq sit tal-Internet tradott f’numru ta’ lingwi u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha.
Rakkomandazzjoni 8: SANZJONIJIET
8.1. Għal raġunijiet differenti, il-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam jidher biċ-ċar li hija anqas effikaċi u, jekk wieħed iżomm f'moħħu li l-problema kollha ma tistax tissolva bil-leġiżlazzjoni biss, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom isaħħu l-leġiżlazzjoni preżenti b'għamliet xierqa ta' sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u dissważivi.
8.2. Huwa importanti li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ksur tal-prinċipju ta' pagi ugwali għal xogħol ugwali jkun suġġett għal sanzjonijiet xierqa skont id-dispożizzjoni legali fis-seħħ.
8.3. Minkejja l-leġiżlazzjoni eżistenti, l-ispezzjonijiet u l-azzjoni punittiva huma spiss inadegwati b’mod serju ħafna safejn ikun ikkonċernat il-prinċipju tal-pagi ugwali. Dawn il-kwistjoniiet jeħtieġ li jiġu trattati bħala prijorità, u l-aġenziji u l-korpi responsabbli għalihom għandhom ikunu pprovduti bir-riżorsi tekniċi u finanzjarji meħtieġa.
8.4. Qed jiġi mfakkar li skont id-Direttiva 2006/54/KE, l-Istati Membri diġà huma obbligati jipprovdu kumpens jew riparazzjoni (Artikolu 18), kif ukoll pieni (Artikolu 25). Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex biżżejjed biex jevitaw ksur tal-prinċipju ta' paga ugwali. Għal din ir-raġuni huwa propost li jsir studju dwar il-fattibiltà, l-effikaċja u l-impatt tat-tnedija ta' sanzjonijiet possibbli, bħalma huma:
- penali, li jridu jinkludu l-ħlas ta' kumpens lill-vittma;
- multi amministrattivi (pereżempju fil-każ ta' nuqqas ta' notifika jew ta' komunikazzjoni mandatorja jew nuqqas ta' disponibilità ta' analiżi u evalwazzjoni ta' statistiċi ta' pagi mqassma skont il-ġeneru (skont ir-Rakkomandazzjoni 2)) mitlubin mill-ispettorati tax-xogħol jew mill-korpi ta' ugwaljanza kompetenti;
- skwalifika minn benefiċċji pubbliċi, sussidji (inkluż finanzjament tal-UE mmanniġġjat mill-Istati Membri) u proċeduri ta' akkwist pubbliku, kif diġà stipulat fid-Direttivi 2004/17/KE[7] u 2004/18/KE[8] rigward il-proċedura ta' akkwist;
- l-iżvelar tal-identità min ma jikkonformax, li għandha ssir magħrufa pubblikament.
Rakkomandazzjoni 9: SIMPLIFIKAZZJONI TA' REGOLAZZJONI TAL-UE U TAL-POLITIKA TAL-UE
9.1. Qasam fejn hi meħtieġa azzjoni urġenti jirrigwarda l-fatt li hemm penalizzazzjoni fil-pagi marbuta ma' xogħol part time. Dan jeħtieġ evalwazzjoni u possibilment reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 rigward il-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time konkluż mill-UNICE, is-CEEP u l-Anness ETUC: Ftehim Qafas dwar xogħol part time[9], li jippreskrivi trattament ugwali bejn min jaħdem full time u min jaħdem part time, kif ukoll azzjonijiet aktar immirati u aktar effettivi fi ftehimiet kollettivi.
9.2. Objettiv konkret biex jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi għandu jiddaħħal b'urġenza fil-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, inkluż fir-rigward ta' aċċess għal taħriġ vokazzjonali u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-kompetenzi tan-nisa.
- [1] ĠU L 204, 26.7.2006 p. 23.
- [2] http://www.ilo.org/ilolex/cgi-lex/pdconv.pl?host=status01&textbase=iloeng&document=178&chapter=1&query=%23status%3D01&highlight=on&querytype=bool&context=0.
- [3] ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 21.
- [4] L-iżvilupp sostenibbli fl-Unjoni Ewropea: Rapport ta’ monitoraġġ 2011 tal-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli tal-UE, Eurostat, 2011.
- [5] Dokument ta’ sfond li jakkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem: “Strateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015” SEC(2010)1080, p. 36.
- [6] Fondazzjoni Ewropea għal Titjib fil-Kondizzjonijiet ta’ l-Għajxien u x-Xogħol: Nindirizzaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa: Azzjonijiet tal-gvern u tas-sħab soċjali, 5 ta’ Marzu 2010, p. 30.
- [7] ĠU L 134, 30.4.2004, p.1
- [8] ĠU L 134, 30.4.2004, p.114
- [9] ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (28.3.2012)
għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
dwar ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali;
(2011/2285(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Gabriele Zimmer
(Inizjattiva – Artikolu 42 tar-Regoli ta' Proċedura)
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli:
– biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni għadha ma weġbitx b’mod adegwat għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-18 ta’ Novembru 2008, jew għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 2010, u għadha ma bdietx taħdem fuq inizjattiva leġiżlattiva, jew għamlet użu wiesa’ tas-‘Sena Ewropew għal Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd’ (2007) biex tittratta b’mod effikaċi l-problema tal-inugwaljanza fil-paga bejn il-ħaddiema rġiel u nisa, peress li t-tnaqqis tal-ispazju bejn il-ġeneri għadha prijorità politika maqsuma bejn l-Istati Membri kollha u plejers prinċipali oħra fil-livell Ewropew, kif rifless fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Patt Ewropew għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-perjodu 2011-2020;
2. Jenfasizza li d-differenza tal-pagi bejn is-sessi teżisti l-aktar minħabba l-isterjotipi u minħabba li n-nisa jitqiesu biss mil-lat tad-distribuzzjoni tradizzjonali tar-rwoli; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-pagi ugwali billi jniedu inizjattivi fil-livelli kemm nazzjonali kif ukoll lokali;
3. Huwa mħasseb ħafna li f'dawn l-aħħar għaxar snin, l-avvanzi li saru kienu bil-mod wisq u matul l-aħħar snin, id-differenza fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa baqgħet kostantement kbira, filwaqt li, minkejja l-prinċipju legali vinkolanti ta' paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali fl-UE-27, fis-sena 2009 d-dħul fis-siegħa tan-nisa kien fil-medja 17.5 % anqas minn dak tal-irġiel (sa 30% anqas fis-settur privat, minkejja l-mertu u l-kwalifiki ugwali); huwa mħasseb dwar id-differenza kbira ħafna fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel kwalifikati ħafna f'xi Stati Membri; jenfasizza li n-nisa huma fost il-gruppi fis-soċjetà milquta l-agħar mill-impjieg insikur u mill-konsegwenzi soċjali tal-kriżi; jirrimarka li, skont ir-rapport tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bit-titolu ‘Tendenzi Globali tal-Impjiegi 2012: Il-Prevenzjoni ta’ kriżi aktar profonda tal-impjiegi’, aktar nisa minn irġiel jinsabu f'impjieg vulnerabbli (50.5% kontra 48.2%);
4. Iqis li l-ħarsien tan-nisa permezz ta' arranġamenti kuntrattwali tal-flessigurtà jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali fis-suq tax-xogħol, l-aktar għan-nisa li jsiru ommijiet jew li jista' jkollhom ir-responsabilità li jieħdu ħsieb xi anzjani; jinnota li l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol tan-nisa għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom u wkoll biex itejbu l-bilanċ bejn il-ħajja privata u tax-xogħol tagħhom;
5. Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-valur miżjud reali tan-nisa fil-postijiet tax-xogħol tagħhom u joħolqulhom kundizzjonijiet adegwati biex itejbulhom iċ-ċans tagħhom ta' impjieg u jżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, permezz ta' assistenza u kura tat-tfal bi prezzijiet raġonevoli, skemi tal-liv għall-ġenituri u kundizzjonijiet flessibbli tax-xogħol, partikolarment meta n-nisa jirritornaw fis-suq tax-xogħol wara perjodi twal ta' inattività minħabba li jkollhom it-tfal jew li jissodisfaw impenji familjari oħrajn;
6. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippromwovi aktar riċerka dwar strateġiji ta' flessigurtà sabiex tevalwa l-impatt tagħhom fuq id-differenzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa u tiddetermina kif dawk l-istrateġiji jistgħu jindirizzaw id-diskriminazzjoni bejn is-sessi;
7. Jilqa' l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2010 li stiednu lill-Istati Membri jwettqu miżuri ta' ambitu wiesa' biex jegħlbu l-kawżi ta' din l-inugwaljanza fil-pagi;
8. Jenfasizza li d-differenza bejn il-pagi tikber bi żvantaġġ għan-nisa aktar ma l-pożizzjoni tkun ta' livell għoli u aktar ma l-persuni jkollhom kwalifiki;
9. Jirrimarka li f'xi pajjiżi d-differenza bejn il-pagi tikber bi żvantaġġ għan-nisa waqt l-aktar żminijiet diffiċli għalihom, jiġifieri meta jkunu tal-età li jkollhom it-tfal u meta jersqu lejn l-età tal-irtirar;
10. Jenfasizza li l-kawżi wara d-differenza fil-pagi bejn is-sessi għadhom ħafna u kumplessi; huwa tal-fehma li din l-inugwaljanza għandha impatt negattiv fuq il-ħajja ta' ħafna nisa, speċjalment fl-età tal-pensjoni, peress li l-pagi aktar baxxi jistgħu jwasslu għal ħlasijiet ta' pensjoni aktar baxxi u jistgħu jagħtu spjegazzjoni għall-fatt li n-nisa huma milquta aktar mill-faqar fl-età anzjana b'rata ta' 22 %, meta mqabbla mar-rata ta' 16 % għall-irġiel; jenfasizza li f'ħafna każijiet ir-raġuni li għaliha n-nisa rtirati jgħixu fil-faqar hija li huma jkunu impenjaw ruħhom biex jieħdu ħsieb ta' xi ħadd, peress li huwa aktar komuni li n-nisa jwettqu impjiegi temporanji jew part-time sabiex jikkombinaw ix-xogħol mar-responsabilitajiet tal-familja; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jeliminaw dawn l-inugwaljanzi u jiżguraw li jkun hemm trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-pensjonijiet tagħhom;
11. Iqis li l-ħaddiema nisa li jwettqu xogħol ta' sengħa, sforz u responsabilità simili għal dawk imwettqa mill-irġiel għandu jkollhom opportunitajiet ugwali fl-etajiet kollha għat-taħriġ, avvanz, il-ksib mill-ġdid ta' ħiliet, u t-tħarriġ mill-ġdid, kif ukoll id-drittijiet ta' pensjoni u benefiċċji għal nuqqas ta' impjieg li huma ugwali għal dawk applikabbli għall-irġiel;
12. Jemmen li t-tnaqqis fid-differenzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa jkollu impatt pożittiv fuq il-promozzjoni ta' żieda fl-għadd ta' wlied u sabiex jitnaqqsu x-xejriet demografiċi li qed irabbu aktar għeruq – drammatikament fil-każ tal-lvant tal-Ewropa – u jtejjeb is-sitwazzjoni tan-nisa bit-tfal, b'mod partikulari jekk jispiċċaw ommijiet waħedhom, biex b'hekk jitnaqqas ir-riskju tal-faqar fost it-tfal;
13. Iqis li suq tax-xogħol ħieles mill-isterjotipi jista' jżid mhux biss l-introjtu tan-nisa iżda wkoll il-prodott domestiku gross tal-Istati Membri; jinnota li, skont ir-riżultati ta' diversi studji, jekk il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol kellha tiżdied għal 70% u ssir daqs dik tal-irġiel, dan iħalli impatt ekonomiku siewi ħafna (bejn 4 % u 8 %) fuq il-PDG tal-UE;
14. Jenfasizza li n-nuqqas tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "paga ugwali għal xogħol ugwali ta' valur ugwali" jipperikola l-objettivi tal-impjiegi tal-Ewropa 2020; Jinnota li l-parteċipazzjoni aktar attiva tan-nisa fis-suq tax-xogħol tgħin biex issaħħaħ is-sostenibilità tal-iskemi tal-assikurazzjoni, partikularment fid-dawl tax-xejriet demografiċi;
15. Jinnota, madankollu, li l-approċċi li kienu jikkonsistu f'miżuri li jittrattaw kawża jew oħra tad-differenza bejn il-pagi għaliha waħedha wrew li ma kinux adatti biex jeliminaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa b'mod effettiv;
16. Jenfasizza li, apparti mill-ħtieġa ta' enfasi fuq il-kumpaniji privati u s-settur pubbliku, għandha tingħata attenzjoni għat-trattament inugwali tan-nisa fin-negozji tal-familji u fil-biedja, fejn in-nisa mhux biss huma mħallsa anqas mill-irġiel iżda sikwit m'huma mħallsa xejn; jappella biex jittieħdu miżuri biex titqajjem il-kuxjenza pubblika dwar l-impatt li din is-sitwazzjoni għandha fuq il-pożizzjoni żvantaġġata li għandhom in-nisa fir-rigward tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet;
17. Jinnota li l-istatistiki għandhom ikunu koerenti, komparabbli, speċifiċi għall-ġeneru, kompluti u mfassla biex iqisu sistemi ġodda ta' klassifikazzjoni u organizzazzjoni tal-persunal u tar-riforma tal-organizzazzjoni tax-xogħol; huwa tal-fehma li, fil-valutazzjoni tad-differenza fil-paga, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss id-differenzi fil-ħlas gross fis-siegħa, iżda wkoll elementi oħra bħall-paga individwali, it-tip ta’ kuntratt, is-supplementi u l-bonusijiet, il-kwalifiki professjonali, il-kapaċitajiet u l-ħiliet personali, l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-esperjenza professjonali u l-produttività, li għandhom jitkejlu mhux biss f'termini kwantitattivi (sigħat meta l-ħaddiem ikun fiżikament preżenti fuq il-post tax-xogħol) iżda wkoll f'termini kwalitattivi u f'termini tal-impatt li t-tnaqqis fis-sigħat ta' xogħol, il-perjodi ta' liv u assenzi minħabba attivitajiet ta' kura jkollhom fuq iż-żidiet awtomatiċi fil-pagi;
18. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw strateġiji għall-inklużjoni tal-perspettiva tas-sessi, minħabba li l-kwistjonijiet tal-ġeneru jikkonċernaw fl-istess ħin il-kura tat-tfal, il-politiki dwar it-taxxa u l-akkwist pubbliku;
19. Isostni li ż-żieda fl-impjiegi tan-nisa, speċjalment fil-pożizzjonijiet ta' livell għoli, tista' tgħin biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel; jirrimarka dwar il-ħtieġa li n-nisa jkollhom irwol aktar attiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet fis-settur ekonomiku, bl-użu tal-influwenza tagħhom biex jittieħdu deċiżjonijiet li jqisu perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi; jiġbed l-attenzjoni għall-istudji li kkonkludew li teżisti korrelazzjoni qawwija bejn preżenza akbar femminili fil-pożizzjonijiet ta' tmexxija fil-kumpaniji u profitti akbar tal-kumpaniji minn assi, bejgħ u mill-kapital investit;
20. Jenfasizza li fil-kuntest tal-Istrateġija UE 2020, ġie speċifikament iffissat objettiv biex ir-rata tal-impjiegi għan-nisa u l-irġiel tal-età bejn l-20 u l-64 tiżdied għal 75 %, objettiv li jista' jiġi promoss permezz ta' miżuri bl-għan li tingħalaq id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, biex jissaħħaħ it-taħriġ tan-nisa u sabiex jiġi promoss l-imprenditorjat fost in-nisa bħala parti minn pjan usa' għall-irkupru ekonomiku, filwaqt li jitqiesu l-pożizzjonijiet ta' tluq tal-Istati Membri differenti u ċ-ċirkustanzi nazzjonali;
21. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex il-pagi jkunu aktar trasparenti; iqis li t-trasparenza tas-sistemi tal-ħlas għandhom jiġu żviluppati u promossi u li min jimpjega għandu jimmoniterja l-pagi – imħallsa f'kontanti jew le – fir-rigward tal-kompiti, kwalifiki u esperjenza, filwaqt li jqis il-kwistjonijiet tas-sessi; jirrimarka li l-politiki ta' rimunerazzjoni tal-kumpaniji, kif ukoll ir-regoli dwar l-għoti ta' allowances u bonusijiet, għandhom ikunu trasparenti;
22. Jinnota li huwa kompitu tal-Istati Membri li jimplimentaw l-Istrateġija UE 2020 u li huma huma li qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jallokaw ir-riżorsi proprji f'termini tal-kisba effettiva tal-objettivi maqbula;
23. Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri favur il-promozzjoni tal-iżvilupp professjonali u tal-karrieri f'kundizzjonijiet ta' ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel; jirrimarka li dan il-prinċipju jifforma parti mill-kunċett tar-responsabilità soċjali tal-impriżi li hija promossa fuq livell internazzjonali u nazzjonali u jeħtieġ li jkun żviluppat fl-Istati Membri kollha;
24. Jinnota li d-differenza fil-pagi spiss hija konnessa ma’ firxa ta’ fatturi soċjali u ekonomiċi preżenti fis-soċjetà moderna, iżda jqis li l-uniku mod kif jingħata effett prattiku lill-prinċipju ta' "paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali" huwa li jiġu adottati politiki li jippermettu li r-responsabilitajiet fil-familji jinqasmu b'mod ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;
25. Jirrimarka li hemm bżonn li jiġu promossi standards dwar imġiba ġusta u etika lejn il-persunal, b'enfasi partikulari fuq sistema ta' ħlas ugwali u trasparenti;
26. Jirrimarka li r-responsabilitajiet familjari jillimitaw l-possibilitajiet ta' karriera għan-nisa; jinnota li, minħabba dik ir-raġuni, hemm perċentwal għoli ta' nisa fix-xogħol part-time, fatt li jnaqqas ferm kemm huma jdumu jaħdmu bi dħul, filwaqt li n-nisa jiffurmaw il-biċċa l-kbira tal-forza tax-xogħol fl-ekonomija informali, li fiha huma n-nisa li aktarx ikollhom l-aktar impjiegi prekarji, ikunu l-aktar vulnerabbli li jitkeċċew, u ma jkunux koperti kif xieraq b'sistemi tas-sigurtà soċjali;
27. Iqisha ħaġa prijoritarja li tiġi promossa kultura ġdida ta' qsim ta' responsabbiltà kemm fil-ħajja privata kif ukoll fid-dinja tax-xogħol, fir-rigward tat-trobbija tat-tfal u kompiti ta' mmaniġġjar domestiku u b’hekk isir aktar faċli li l-ħajja tal-familja tiġi rikonċiljata mal-fatt li wieħed ikollu karriera; isostni li l-għażla tal-użu tas-servizzi li jieħdu ħsieb it-tfal, is-serivzzi tal-viċinat u ta’ kura offruti mill-istituzzjonijiet għandhom ukoll jiġu promossi; jitlob lill-Istati Membri jagħmlu mod li t-taxxa fuq dawn is-servizzi tkun tista' titnaqqas;
28. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jeħtieġ li jittieħdu miżuri pożittivi favur in-nisa u l-irġiel, mhux sempliċiment biex ikunu jistgħu jirritornaw lura għax-xogħol wara żmien iddedikat lill-familja (trobbija tat-tfal u/jew kura ta' qarib marid jew b'diżabilità), kif ukoll politiki ta' (ri)integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, biex b'hekk jerġgħu jiksbu indipendenza finanzjarja;
29. Huwa tal-fehma li jeħtieġ li jittieħdu inizjattivi u miżuri, l-aktar fil-qasam tal-edukazzjoni, f'kull stadju u fil-livell kemm nazzjonali kif ukoll Ewropew, li jiġġieldu l-idea sterjotipata li l-impjieg tan-nisa huwa assoċjat ma' dħul sekondarju tal-familja, idea li kkontribwixxiet ħafna biex titma' u tmantni d-differenza fil-pagi bejn is-sessi;
30. Jenfasizza l-ħtieġa li l-prospetti ta' karriera tan-nisa jitwessgħu u sabiex in-nisa jkunu mħeġġa' jidħlu għal karrieri tekniċi u xjentifiċi li tradizzjonalment jitqiesu "tal-irġiel";
31. Huwa tal-fehma li jinħtieġu miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi fil-livelli nazzjonali u tal-UE, sabiex titnaqqas id-differenza bejn il-pagi, biex tissaħħaħ aktar il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-setturi ddominati mill-irġiel u biex jiżdied ir-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-prestazzjoni tan-nisa fil-post tax-xogħol tagħhom sabiex jingħelbu l-esklużjoni orizzontali u vertikali, kif ukoll biex jkunu evitati l-isterjotipi dwar ix-xogħlijiet u s-setturi li huma karatteristikament femminili; jenfasizza li tali miżuri għandhom jippromwovu l-involviment tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha u fis-setturi kollha u jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati membri jikkunsidraw l-adozzjoni ta’ kwoti legalment vinkolanti għall-ħatra ta’ nisa f’impriżi pubbliċi u privati, b’mod partikolari f’pożizzjonijiet għolja; jiddeplora l-fatt li n-nisa bi żvantaġġi multipli (e.ż. nisa b'diżabilità u nisa minn minoranza etnika jew bi sfond ta' immigrazzjoni) huma milquta saħansitra aktar mid-differenza fil-pagi;
32. Isostni li jeħtieġ li jittieħdu miżuri b'urġenza biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fil-pagi, kemm billi tiġi rieżaminata d-direttiva attwali, jew bit-tfassil ta' programmi settorjali fuq għadd ta' stadji u b'objettivi preċiżi – bħat-tnaqqis tad-differenza fil-pagi għal 0.5 % sal-2020 – bil-għan li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta, kif ukoll billi jitħeġġu n-negozjati għal ftehimiet kollettivi u t-taħriġ ta' konsulenti favur l-ugwaljanza, tiġi solvuta l-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f'termini tax-xogħol mhux imħallas, u jitfasslu pjanijiet ta' ugwaljanza għall-fabbriki u għal postijiet oħra tax-xogħol; jemmen li t-trasparenza meta jiġu ddeterminati l-pagi għandha ssir ir-regola, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni ta' negozjar tal-ħaddiema nisa;
33. Jiddeplora l-fatt li, għalkemm il-Parlament, fl-20 ta' Ottubru 2010, approva r-reviżjoni tad-Direttiva 92/85/KEE, li tikkonċerna l-liv ta' maternità, il-Kunsill għadu ma adottax pożizzjoni formali dwar il-proposta; jirrimarka li, biex ir-rata tal-impjieg tan-nisa tilħaq il-75 % u biex id-differenzi fil-pagi jonqsu, kif previst fl-Istrateġija UE 2020, iridu jiġu implimentati aktar miżuri li jiffaċilitaw il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata; jistieden lill-Istati Membri jadottaw pożizzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet sabiex iwittu t-triq għal negozjati interistituzzjonali biex jintlaħaq il-ftehim meħtieġ;
34. Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu l-impjieg mhux iddikjarat tan-nisa, minħabba li dan mhux biss jipperikola s-sostenibilità tal-fondi tal-assikurazzjoni, iżda jikkontribwixxi wkoll għad-deregolamentazzjoni sħiħa tal-istrutturi tal-pagi tan-nisa, li jżid il-faqar fost in-nisa, partikolarment f'età avvanzata;
35. Jilqa' l-introduzzjoni mill-Kummissjoni tal-Jum tal-Parità fil-Pagi (Equal Pay Day) biex jiġu enfasizzati l-inugwaljanzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa, kif ukoll l-iżvilupp ta' softwer li jkejjel id-differenza fil-pagi; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tissokta bil-kampanja ta' tagħrif u sensibilizzazzjoni dwar id-differenzi fil-pagi fis-27 Stat Membru;
36. Jappella biex il-proċedimenti legali li jiddefendu l-prinċipju legalment vinkolanti ta' paga ugwali għal xogħol ugwali jiġu ssemplifikati, jitħaffu u jsiru aktar aċċessibbli għall-impjegati;
37. Jistieden lill-Istati Membri jirrevedu l-istrutturi tal-pagi fil-professjonijiet u fix-xogħlijiet iddominati min-nisa bħala mod biex jitkissru l-isterjotipi tas-sessi li huma fil-qofol tal-problema tad-differenzi fil-pagi;
38. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li n-nisa jkollhom aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja fil-livelli kollha, u sabiex jiġġieldu l-isterjotipi sessisti eżistenti, iħeġġuhom jagħżlu studji u karrieri xjentifiċi; jenfasizza li għadd akbar ta' nisa żgħażagħ kwalifikati involuti fix-xjenza u t-teknoloġija jsaħħaħ it-tkabbir u l-kompetittività Ewropea;
39. Jistieden lill-Kummissjoni tfittex li jkun hemm l-aħjar koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qafas tal-linji gwida dwar l-impjiegi bil-għan li japplikaw il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali u għal xogħol ta' valur ugwali; jistieden lill-Istati Membri jadottaw regoli estensivi u legalment vinkolanti sabiex jimplimentaw fil-prattika dan il-prinċipju u, fejn iqisu meħtieġ, isaħħu d-dispożizzjonijiet nazzjonali billi jintroduċu sanzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għal ksur ieħor tal-liġi tax-xogħol bħal, pereżempju, xogħol mhux dikjarat; jenfasizza li għandha tittieħed azzjoni urġenti biex ittejjeb il-qagħda tan-nisa f’impjiegi prekarji, peress li huma jintlaqtu partikolarment ħażin u huma vulnerabbli fi żminijiet ta’ kriżi soċjali u ekonomika;
40. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jopponu l-inugwaljanzi fil-pagi bejn is-sessi fil-politiki kollha tal-UE u l-programmi nazzjonali kollha, u b'mod partikulari dawk maħsuba għall-ġlieda kontra l-faqar;
41. Jenfasizza l-ħtieġa għall-involviment tas-sħab soċjali, li għandhom rwol importanti fil-livelli kollha sabiex, permezz ta' negozjar kollettiv, jieħdu azzjoni kontra l-paga differenti għall-irġiel u għan-nisa u jiġġieldu d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, inkluż fl-aċċess għall-impjiegi, paga, kundizzjonijiet tax-xogħol, avvanz fil-karriera u taħriġ vokazzjonali; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni mas-sħab soċjali;
42. Jirrimarka li l-kuntatti diretti tal-miżuri tal-Kummissjoni m'għandhomx ikunu biss l-Istati Membri u s-sħab soċjali iżda wkoll l-entitajiet għall-ugwaljanza, l-assoċjazzjonijiet tan-nisa, l-inizjattivi favur in-nisa u l-uffiċjali responsabbli għall-opportunitajiet indaqs fil-livell ta' komunità u tax-xogħol, li jistgħu wkoll jipprovdu taħriġ dwar il-kwistjonijiet tal-ġeneru – speċjalment fir-rigward tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi – partikolarment għas-sħab soċjali, avukati, imħallfin u ombudsmen;
43. Isostni li l-kunċett ta' "xogħol ta' valur ugwali" jeħtieġ li jkun iċċarat aktar; iqis li l-kompiti li jservu biex jiġi ddeterminat il-"valur ugwali" ta' tipi differenti ta' xogħol għandhom ikunu evalwati fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u analiżi nondiskriminatorja; jemmen ukoll li, fl-evalwazzjoni ta' "paga ugwali" u fl-iffissar ta' skali ta' pagi, huwa importanti li jitqiesu bħala fattur il-komponenti individwali tal-pakkett salarjali, b'mod partikulari s-salarju bażiku, il-benefiċċji u s-sussidji relatati;
44. Jitlob lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jieħdu miżuri kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, kontra l-inugwaljanzi fit-taħriġ bejn l-irġiel u n-nisa u kontra s-segregazzjoni tas-suq tal-impjiegi, biex ikun hemm bilanċ li jiffunzjona bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata u trasparenza sħiħa tal-paga, u biex dawn il-kwistjonijiet ikunu inklużi fil-leġiżlazzjoni jew fil-ftehimiet kollettivi;
45. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu, b'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, politiki ta' impjieg ekwilibrati mill-profil tas-sessi u jinfurzaw evalwazzjoni tax-xogħol li tkun newtrali mil-lat ta' sessi li għandha tkun applikata għal min jimpjega, sabiex inaqqsu d-differenza fil-pagi u jiġġieldu d-diskriminazzjoni fix-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata permezz ta' kura tat-tfal ta' kwalità għolja u arranġamenti tax-xogħol flessibbli li jirrikonċiljaw sewwa mal-ħajja familjari;
46. Isostni li sabiex tiġi eliminata d-differenza fil-pagi, jeħtieġ li jkun hemm proċeduri legali effettivi xierqa; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, is-siwi ta' inspezzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, u jqis li l-imħallfin, l-avukati u l-ispetturi tax-xogħol għandhom jingħataw taħriġ speċifiku, kif ukoll għandhom jiksbu kompetenzi fi kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni fil-pagi;
47. Jenfasizza li, sabiex id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa titnaqqas fil-prattika, jeħtieġ li l-miżuri fl-Istrateġija Ewropea għat-Tkabbir u l-Impjiegi jiġu implimentati u li jingħata appoġġ għall-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell tal-Unjoni, bl-involviment tas-sħab soċjali kull meta jkun possibbli;
48. Huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-proċeduri u l-mekkaniżmi għad-difiża tal-prinċipju tal-paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali u biex jipprojbixxu kull forma ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi, jitjiebu u jiġu semplifikati;
49. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju adegwat u taħriġ xieraq lin-nisa li jixtiequ jibdew negozju, bil-għan li titħeġġeġ l-imprenditorija tan-nisa;
50. Ifakkar lill-Istati Membri bl-impenji tagħhom rigward rieżami tal-effett li l-politiki fiskali u ta' impjieg għandhom fuq id-differenza fil-pagi;
51. Huwa tal-fehma li l-Istati Membri, minħabba l-avvanzi limitati, għandhom jikkunsidraw miżuri effikaċi u, fejn ikun il-każ, leġiżlattivi u jistipulaw penalitajiet kontra min iħaddem, meta dawn jiksru l-prinċipju ta' paga ugwali; Imantni li b’mod partikulari, għandu jkun possibbli li jitressqu lmenti minħabba diskriminazzjoni fil-pagi; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-Istati Membri għandhom iħeġġu lin-negozji li jieħdu passi biex jinkuraġġixxu l-ugwaljanza fil-pagi, sabiex tinxtered il-prattika tajba;
– biex jinkorpora r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
52. Huwa tal-fehma li kombinazzjoni ta' strateġiji u miżuri, filwaqt li tirrispetta l-approċċ favur l-integrazzjoni tas-sessi, tista' telimina d-differenza fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa u għandha tinkludi dan li ġej:
(a) miżuri speċifiċi għall-kumpatibilità tal-impjieg, l-istudju, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid mal-ħajja tal-familja u dik privata permezz tal-aċċess għas-servizzi tal-kura (li għandhom ikunu għall-but ta' kulħadd, faċilment aċċessibbli u indipendenti mill-istatus tal-impjieg u mit-tip ta' kuntratt ta' impjieg), permezz ta' forom ta' ħinijiet tax-xogħol li huma adatti għall-ħtiġijiet ta' persuni impjegati, partikolarment ġenituri waħedhom, u permezz ta' lif tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u tal-familja flimkien mal-possibilità tar-riintegrazzjoni fix-xogħol u parteċipazzjoni ugwali min-nisa fis-suq tal-impjiegi;
(b) politika fiskali u tas-sigurtà soċjali adatta u miżuri għall-protezzjoni tal-familja, inklużi miżuri biex jiġu eliminati l-iżvantaġġi sinifikanti fil-pensjonijiet tal-irtirar minħabba perjodi ta' waqfien mix-xogħol u xogħol part-time tal-ġenituri, u miżuri speċifiċi għall-ġeneru maħsuba biex jikkumpensaw għal differenzi inġusti u mhux ġustifikati fil-pagi, biex titjieb il-kwalità tal-impjieg tan-nisa u biex jingħataw servizzi atipiċi fis-settur tal-assistenza fil-familja jew fl-ambjent viċin tagħha,
(c) miżuri konkreti li għandhom jiġu implimentati mis-sħab soċjali u mill-entitajiet għall-ugwaljanza (skont l-Artikolu 157(4) tat-TFUE) biex jeliminaw id-differenza fil-paga u l-esklużjoni fis-setturi kuntrattwali u settorali differenti, bħall-obbligu li s-sħab soċjali jikkonkludu kuntratti ta' pagi, it-twettiq ta' investigazzjonijiet regolari fir-rigward tal-ugwaljanza tal-pagi, l-implimentazzjoni fiż-żgur tal-pjanijiet ta' ugwaljanza tal-kumpaniji, l-iffissar ta' objettivi kwalitattivi u kwantitattivi u ta' stabbiliment ta' punti ta' referenza, l-iskambju tal-aħjar prattiki vvalidati mill-partijiet ikkonċernati u akkumpanjati minn rapporti dwar l-ostakli u d-diffikultajiet misjuba,
(d) l-inklużjoni ta' klawsola għall-ħarsien tal-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-istess paga f'kuntratti pubbliċi,
(e) l-adozzjoni ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-politika tal-ugwaljanza u tal-istess salarju għan-nisa u l-irġiel mill-intrapriżi;
(f) l-iżvilupp, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-assoċjazzjonijiet, ta' ċertifikat ta' kwalità għall-ugwaljanza fil-pagi Ewropew li l-istituzzjonijiet, impriżi u awtoritajiet ikunu jistgħu jużaw biex jirreklamaw il-konformità tagħhom ma' kriterji speċifiċi li jikkonċernaw l-ugwaljanza fil-pagi, bħal, pereżempju, it-trasparenza fil-pagi;
(g) lista ta' eżempji utli biex tingħeleb id-diskriminazzjoni tal-ġeneri u tal-pagi,
(h) informazzjoni u linji gwida dwar soluzzjonijiet prattiċi biex inaqqsu d-differenzi fil-pagi,
(i) l-iżvilupp ta' sistemi ta' valutazzjoni tax-xogħol li jkunu trasparenti u newtrali biex jevalwaw jekk id-deskrizzjonijiet tax-xogħol u l-kriterji tal-iffissar tal-pagi humiex jiggarantixxu n-nondiskriminazzjoni,
53. Jipproponi li l-Parlament Ewropew joffri premju ‘In-nisa u n-negozju fl-Ewropa’ li jkun jista' jingħata lil dawk li jħaddmu (impriżi, istituzzjonijiet u awtoritajiet) li jkunu fuq quddiem fil-promozzjoni tan-nisa, li jappoġġjaw l-aċċess tan-nisa fil-pożizzjonijiet għolja u li jipprattikaw paga ugwali;
54. Jikkunsidra li jeħtieġ li l-Artikolu 157(1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jiġi interpretat u implimentat kif suppost u li d-Direttiva relevanti tiġi adattata għal-livell tal-UE jew waqt l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni fil-livell nazzjonali;
55. Huwa konvint dwar il-ħtieġa ta' implimentazzjoni aħjar u aktar malajr tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva rilevanti fir-rigward tal-entitajiet għall-ugwaljanza u d-djalogu soċjali, sabiex tiġi eliminata b'mod reali d-differenza fil-paga permezz tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri, is-sħab soċjali u l-entitajiet għall-ugwaljanza;
56. Fid-dawl tal-kriżi ekonomika u tal-bidliet demografiċi, iqis li l-pagi ugwali għan-nisa u l-irġiel għal xogħol ugwali, kif ukoll in-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-pagi huma ta' importanza fundamentali f'termini tal-kompetittività, tkabbir ekonomiku u l-garanzija ta' dinjità għan-nisa fl-Unjoni Ewropea;
57. Isostni li l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem, u ta' korpi rilevanti oħrajn, bħall-kumissjonijiet governattivi għall-ugwaljanza bejn is-sessi, għandhom ikunu involuti fl-adozzjoni ta' politiki u miżuri skont il-programmi nazzjonali tal-Istati Membri għall-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol; jemmen li l-għan tal-involviment tagħhom għandu jkun li jtejbu l-fehim u t-tixrid tal-aħjar prattiki u l-liġijiet maħsuba biex jippromwovu l-applikazzjoni usa' tal-pagi ugwali, u li jitwaqqfu sistemi għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-implimentazzjoni tagħhom;
58. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi lill-Parlament li turi liema atti legali fil-livell tal-UE u/jew nazzjonali jkunu mezz xieraq biex jinkiseb tnaqqis sinifikanti fid-differenza fil-pagi fl-anqas żmien possibbli;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
27.3.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 0 5 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Regina Bastos, Edit Bauer, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, David Casa, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Marije Cornelissen, Emer Costello, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Thomas Händel, Marian Harkin, Roger Helmer, Nadja Hirsch, Danuta Jazłowiecka, Jean Lambert, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu, Inês Cristina Zuber |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sergio Gaetano Cofferati, Tamás Deutsch, Sergio Gutiérrez Prieto, Richard Howitt, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Ramona Nicole Mănescu, Ria Oomen-Ruijten, Csaba Sógor, Gabriele Zimmer |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ioan Enciu, Louis Grech |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
24.4.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 0 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Emine Bozkurt, Andrea Češková, Iratxe García Pérez, Zita Gurmai, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Lívia Járóka, Nicole Kiil-Nielsen, Silvana Koch-Mehrin, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Astrid Lulling, Barbara Matera, Elisabeth Morin-Chartier, Angelika Niebler, Siiri Oviir, Antonyia Parvanova, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Marc Tarabella, Britta Thomsen, Marina Yannakoudakis, Anna Záborská, Inês Cristina Zuber |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Franziska Katharina Brantner, Christa Klaß, Ana Miranda, Mariya Nedelcheva, Katarína Neveďalová, Antigoni Papadopoulou |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Tamás Deutsch |
||||