RAPPORT dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza
8.5.2012 - (2011/2068(INI))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Gerben-Jan Gerbrandy
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ‘Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi’ (COM(2011)0571),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ‘Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020’ (COM(2011)0021),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ‘Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar 'Nisfruttaw aħjar il-benefiċċji tal-miżuri ambjentali tal-UE: nibnu l-fiduċja permezz ta’ għarfien u rispons aħjar' (COM(2012)0095);
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar strateġija effikaċi dwar il-materja prima għall-Ewropa[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ambjent dwar il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’użu effiċjenti tar-riżorsi adottat fid-19 ta' Diċembru 2011 (18786/11) il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni tad-29 ta’ Novembru 2011 għal ekonomija Ewropea kompetittiva u l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ambjent tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar l-“Amministrazzjoni sostenibbli tal-materjali u l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli: kontribut ewlieni għal Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi',
– wara li kkunsidra r-rapport taż-ŻEE dwar ‘L-Ambjent Ewropew - il-qagħda u l-prospetti 2010’ (SOER2010),
– wara li kkunsidra l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-Brażil, li se ssir fl-20-22 ta’ Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-materja prima ssir disponibbli għall-benesseri tal-Ewropa fil-ġejjieni – Proposta għal sħubija Ewropea tal-innovazzjoni dwar il-materja prima” (COM 2012/0082 finali);
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2012 dwar kif nevitaw il-ħela tal-ikel: strateġiji għal katina tal-ikel aktar effiċjenti fl-UE[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Kumitat għas-Sajd (A7-0161/2012),
A. billi l-kriżi ekonomika, finanzjarja u ambjentali turi li l-Ewropa għandha l-bżonn urġenti ta' sorsi ġodda ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli;
B. billi l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' riżorsi, bħalma hija ż-żieda fil-prezzijiet, jaffettwaw partikolarment ħażin lill-persuni b'inqas dħul u fir-reġjuni l-aktar żvantaġġjati; billi, għaldaqstant, hija meħtieġa aktar minn qatt qabel is-sinerġija bejn il-politiki soċjali u dawk ambjentali;
C. billi ż-żieda fid-domanda għar-riżorsi naturali u s-soprasfruttament tagħhom u l-bdil fl-użu tal-art assoċjat iwasslu għal degradazzjoni ambjentali, għal tibdil aktar mgħaġġel tal-klima u għall-qerda tal-kapital naturali limitat tad-dinja inkluż it-telfien tal-bijodiversità;
D. billi l-iskarsezza tar-riżorsi li tirriżulta mill-użu intensiv, l-ispekulazzjoni tal-prezzijiet fis-swieq tal-prodotti u ż-żieda sostanzjali fil-konsum globali qed jgħollu l-prezzijiet tal-materja prima, bil-prezzijiet reali tal-prodotti jiżdiedu b’147% mill-bidu ta' dan is-seklu; billi probabbilment l-UE se taffronta sfidi serji sabiex tiżgura l-aċċess għal riżorsi ewlenin u l-provvista kontinwa tagħhom; billi l-użu effiċjenti tal-materja prima jiġi rikonoxxut fl-ekonomija u l-politika bħala ċ-ċavetta biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi;
E. billi l-bidla lejn ekonomija li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti u li tirrispetta l-limitazzjonijiet planetarji, kif ukoll iż-żieda fil-popolazzjoni tad-dinja u l-livelli tal-popolazzjoni ta’ dawk li fil-ġejjieni jgħixu f’nazzjonijiet industrijalizzati, twassal għal aktar kompetittività u għal sorsi ġodda ta’ tkabbir u tal-impjiegi permezz tal-iffrankar tal-ispejjeż minħabba aktar effiċjenza, il-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjonijiet u minħabba ġestjoni aħjar tar-riżorsi tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom;
F. billi r-riċiklaġġ huwa aktar milli l-ġbir ta’ skart riċiklabbli u għalhekk, għandhom jiġu inklużi l-fażijiet kollha matul il-katina tal-valur fil-miżuri tal-ġejjieni;
G. billi l-politika integrata tal-ġejjieni dwar ir-riżorsi m’għandhiex tagħmel aktar differenza biss bejn riżorsi “rinnovabbli” u “mhux rinnovabbli”, iżda għandha tinkludi wkoll materjali permanenti;
H. billi l-Eurobarometer ta’ Marzu 2011 juri li l-użu tar-riżorsi b’mod effiċjenti u l-produzzjoni u l-konsum sostennibli huma parti mit-tħassib ewlieni taċ-ċittadini tal-UE; billi, fi kwalunkwe każ, ma jistax ikun hemm progress lejn is-sostenibbiltà mingħajr ma ċ-ċittadini jkunu involuti b’mod dirett, permezz ta’ bidla fil-mentalità u fid-drawwiet tas-soċjetà fir-rigward tal-użu tar-riżorsi;
I. billi l-iżgurar tal-aċċess u l-provvista tar-riżorsi mingħajr interruzzjonijiet hija sfida dejjem tikber minħabba ż-żieda fil-konsum tar-riżorsi, l-użu tal-ilma u l-art;
J. billi industrija kompetittiva tippermetti investiment ġdid f'teknoloġiji aktar effiċjenti;
Azzjonijiet prijoritarji
1 Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Task Forces konġunti għat-tlett oqsma ewlenin tal-ikel, l-akkomodazzjoni u l-mobilità sabiex tiżviluppa, malajr kemm jista' jkun, Pjanijiet ta’ Azzjoni Ewropej għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi b’azzjonijiet ċari għat-tnaqqis tar-riżorsi; dawn it-Task Forces għandhom jikkuplimentaw ix-xogħol tal-Pjattaforma għar-Riżorsi Effiċjenti tal-UE, u għandhom ikunu magħmula minn esperti mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri, mill-industrija, mis-soċjetà ċivili u minn partijiet interessati oħra ewlenin, u jkollhom ir-rwol li jinkoraġġixxu sħubijiet bejn l-atturi fil-katina tal-valur;
2. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli li jfixklu l-funzjonament tas-suq Ewropew fir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid u biex jinkoraġġixxu tali suq billi jħeġġu d-domanda u d-disponibilità għal materjali riċiklati u prodotti sekondarji, permezz ta' mezzi li għandhom jinkludu l-iżvilupp ulterjuri u mgħaġġel ta' kriterji stretti għat-twaqqif tal-ħela u permezz ta’ inċentivi ekonomiċi, bħat-tnaqqis tar-rati tal-VAT għal materjali sekondarji, għall-oqsma li fihom hemm falliment fis-suq jew miżuri promozzjonali għall-użu ta’ teknoloġiji innovattivi għall-ġbir u s-separazzjoni, sas-sena 2013; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni attwali dwar l-iskart u ż-żieda fis-sorveljanza u l-infurzar;
3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika biex titħaffef it-tranżizzjoni għal ekonomija li tuża r-riżorsi b’effiċjenza; jenfasizza li ‘l-Unjoni tal-Innovazzjoni’, inklużi Horizon 2020, is-sħubija Ewropea tal-innovazzjoni dwar il-materja prima, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Eko-Innovazzjoni u ċ-Ċentri ta' Għarfien Innovattiv, hija wieħed mill-muturi għal Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza; jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf bażi tad-data, online u faċilment aċċessibbli, dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex, sal-2013, jaqblu li jużaw indikaturi ċari, robusti u li jistgħu jitkejlu għall-attività ekonomika li tikkunsidra t-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-użu effiċjenti tar-riżorsi mill-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja, pereżempju fil-forma ta' basket ta' indikaturi tal-użu tar-riżorsi, jiġifieri l-impronta tal-art, l-impronta tal-ilma, l-impronta tal-materjal u l-impronta tal-karbonju,u l-użu ta' dawn l-indikaturi bħala l-bażi ta' inizjattivi leġiżlattivi u ta' objettivi konkreti ta' tnaqqis; jenfasizza li dan il-proċess irid ikun trasparenti u jinkludi l-partijiet interessati ewlenin;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi estensjoni għall-ambitu tad-direttiva dwar l-ekodisinn għal prodotti li mhumiex relatati mal-enerġija u biex tistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn dwar l-effiċjenza ġenerali fl-użu tar-riżorsi u dwar il-prestazzjoni tal-prodotti, inkluż il-kontenut riċiklat, id-durabbiltà, il-kapaċità ta' riċiklaġġ, ta' tiswija u ta' użu mill-ġdid, sabiex jittejjeb l-impatt ambjentali tagħhom u jiġu promossi s-swieq tar-riċiklaġġ; jenfasizza li kwalunkwe proposta bħal din għandha tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi u għandha tkun koerenti ma' regolamenti relevanti oħra;
6. Iħeġġeġ lill- Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw l-aġenda tal-effiċjenza tar-riżorsi bl-aktar mod komprensiv possibbli fil-politiki l-oħra kollha, inklużi l-politiki ta' governanza ekonomika ġenerali bħall-Ewropa 2020, u jimplimentawha fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE;
Aġenda għat-tkabbir futur
7. Japprova l-Inizzjattiva Ewlenija dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza u l-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’użu effiċjenti tar-riżorsi u l-viżjoni tagħha tal-2050, inklużi l-miri speċifiċi; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq malajr il-leġiżlazzjoni u l-inizzjattivi l-oħra neċessarji kollha biex jinkisbu l-istadju intermedji u biex ikun żgurat li l-politiki tal-UE kollha huma konformi magħhom u mal-viżjoni ġenerali tal-UE dwar il-ħolqien ta’ ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju sal-2050 billi, fost l-oħrajn, tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra bi 80-95% meta mqabbla mal-livelli tal-1990; ifakkar li d-distinzjoni bejn it-tkabbir ekonomiku u l-użu tar-riżorsi hija essenzjali sabiex l-Ewropa ssir iktar kompetittiva u titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq ir-riżorsi; jirrakomanda li l-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm qafas leġiżlattiv stabbli sabiex ma tikkompromettix l-investimenti fit-tul;
8. Jenfasizza l-importanza tal-użu tar-riżorsi b'effiċjenza għall-kisba tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020; jemmen bis-sħiħ li l-Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Horizon 2020 għandu jkollu rwol vitali f'dan ir-rigward; jitlob lill-Istati Membri jadottaw Pjanijiet Direzzjonali Nazzjonali ta' Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi li jinkludu miżuri u miri speċifiċi bi qbil mal-objettivi tal-Pjan Direzzjonali tal-UE;
9. Jistieden lill-Kummissjoni, biex sal-aħħar tal-2012, tipproponi qafas ta' politika dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli (SCP), billi tistabbilixxi proċess li jidentifika l-prodotti u servizzi ta’ prijorità li jikkontribwixxu l-iżjed lejn l-oqsma ewlenin tal-konsum globali (l-ilma, l-art, il-materjali u l-karbonju), f'konformità mal-indikaturi tal-konsum kif stabbilit fil-Pjan Direzzjonali dwar l-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi; dan għandu jkun akkompanjat bi proposti leġiżlattivi li jindirizzaw il-prodotti u s-servizzi ta’ prijorità bl-għodda rilevanti, inklużi l-mekkaniżmi li jistgħu jtejbu l-effiċjenza tar-riżorsi fil-katina ta’ provvista, u l-possibbiltà li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi jew punti ta’ riferiment tal-aqwa prestazzjoni permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni;
10. Jifhem li azzjonijiet intiżi sabiex tinkiseb effiċjenza ikbar fl-użu tar-riżorsi m'għandhom taħt l-ebda ċirkustanza jkunu limitati biss għad-dominju pubbliku, għalhekk jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lin-negozji biex jiffukaw l-istrateġiji ekonomiċi tagħhom fuq it-titjib radikali fl-użu effiċjenti tar-riżorsi li jwassal għas-separazzjoni tat-tkabbir ekonomiku mill-konsum tar-riżorsi; jemmen ukoll li jeħtieġ niffukaw kemm fuq l-effiċjenza kif ukoll fuq l-effettività tal-użu tar-riżorsi;
11. Jenfasizza l-urġenza li tittieħed azzjoni immedjata biex jiġu appoġġati l-innovazzjoni u l-investiment f’tekniki ġodda u mudelli kummerċjali, inklużi strateġiji industrijali settorjali u mudelli kummerċjali sostenibbli bħal soċjetà ta’ kiri, u li jinħolqu l-inċentivi li se jwasslu għal benefiċċji għall-ekonomija; jenfasizza r-rwol prinċipali tas-settur privat, inklużi l-SMEs, biex ikun hemm tkabbir ekonomiku ekoloġiku;
12. Jenfasizza li l-Ewropa bħala soċjetà li tirriċikla jeħtieġ li tuża mill-ġdid u tirriċikla fil-parti l-kbira l-iskart tagħha stess u tipproduċi materja prima sekondarja bl-iktar mod effiċjenti;
13. Isejjaħ għal żvilupp ta' standard adatt għall-SMEs għall-użu tar-riżorsi bbażati fuq kunċetti bħalma hu l-Patt Globali;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jintegraw bis-sħiħ l-għanijiet tal-użu effiċjenti tar-riżorsi fis-Semestru Ewropew dwar il-koordinament tal-politika ekonomika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonfermaw dan ir-rekwiżit fil-Kunsill Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji dwar kif il-progress tal-Istati Membri lejn aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi se jiġi vvalutat b'mod konkret bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew.
15. Jenfasizza li l-vantaġġ ta' min jagħmel l-ewwel pass fl-użu effiċjenti tar-riżorsi jista’ jattira s-swieq li qed jikbru, u jfakkar li l-UE għandha bejn wieħed u ieħor terz tas-suq dinji tat-teknoloġiji ambjentali;
Nittrasformaw l-ekonomija
16. Ifakkar li t-tnaqqis assolut fl-użu tar-riżorsi huwa meħtieġ b’mod urġenti sabiex jiġu evitati l-problemi mistennija bħall-iskarsezza tar-riżorsi u ż-żieda fil-prezzijiet tar-riżorsi;
17. Jinnota li biex isseħħ it-tranżizzjoni lejn ekonomija li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti, il-prezzijiet tas-suq jeħtieġ jirriflettu bis-sħiħ il-livell tal-iskarsezza tar-riżorsi kif ukoll l-ispejjeż involuti fil-proċess tal-produzzjoni; jenfasizza li s-swieq jistimulaw l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi jekk il-prezzijiet jirriflettu l-ispiża vera tar-riżorsi użati; jitlob għall-implimentazzjoni tal-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja fil-proċess tal-kontabbiltà u għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali esterni bi qbil mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas;
18. Japprova l-impenn tal-Kummissjoni fil-Pjan Direzzjonali għall-iżvilupp ta’ strumenti bbażati fuq is-suq sabiex ikunu jistgħu jiġu inklużi esternalitajiet negattivi fil-prezzijiet tas-suq u għaldaqstant dan ikun jirrifletti l-ispiża vera tal-użu ta’ riżorsi u l-impatt ambjentali tagħhom;
19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw inċentivi li jinkorraġġixxu kumpaniji u korpi pubbliċi biex ikejlu, isibu punti ta' referenza u jtejbu kontinwament l-impronti tagħhom fuq l-ilma, l-art, il-materjal u l-karbonju, kif ukoll miżuri biex jestendu l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-produtturi u biex jeliminaw ostakoli li jnaqqsu l-użu effiċjenti tar-riżorsi;
20. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu bidla lejn tassazzjoni ambjentali, jenfasizza li dan għandu jippermetti t-tnaqqis ta’ taxxi oħrajn bħal dawk fuq ix-xogħol, iżid il-kompetittività, joħloq ambjent ekwu, u jwitti t-triq għal żvilupp teknoloġiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissorveljaw u jikkumparaw l-effetti ta' dan l-istrument;
21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirriċerka l-iżvilupp ta’ mudell ta’ ġerarkija bil-għan li tiżgura l-ogħla valur miżjud mill-użu tar-riżorsi mingħajr ma jiġi kompromess l-ambjent bi qbil mar-Rapport dwar strateġija effettiva tal-materja prima għall-Ewropa (2011/2056(INI));
22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw pjanijiet konkreti, mingħajr dewmien u sal-2014, ibbażati fuq definizzjoni ċara għat-tneħħija b'mod gradwali tas-sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent qabel l-2020, inklużi s-sussidji li jagħtu inċentiv għall-użu ineffiċjenti ta’ riżorsi rinovabbli, u jirrapurtaw dwar il-progress permezz tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma;
23. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga opportunitajiet għat-twaqqif ta’ skemi estiżi ta’ responsabbiltà tal-produtturi fl-UE għal titjib fil-prestazzjoni fl-Istati Membri kollha inklużi dawk fejn ir-rati tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ huma ħafna aktar baxxi mill-medja tal-UE;
24. Jenfasizza l-importanza tar-rwol li ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom biex iġibu l-bidla fit-trasformazzjoni tal-ekonomija; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji ta’ għarfien u strateġiji li jbiddlu l-imġiba tal-konsumatur u jevitaw l-effetti tar-reazzjoni(rebound effect);
25. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata provvista Ewropea sostenibbli ta’ materja prima meħtieġa biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-settur li dejjem jikber tar-riċiklaġġ, u li tgħin biex tespandi l-ekonomija miftuħa Ewropea u li jinħolqu l-impjiegi;
26. Jitlob għal rekwiżiti iktar b’saħħithom dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) għal prodotti u servizzi li għandhom impatti ambjentali sinifikanti u li jikkontribwixxu l-iżjed għall-konsum tar-riżorsi globali ewlenin (l-ilma, l-art, il-materjali u l-karbonju), kif stipulat fil-Pjan Direzzjonali dwar l-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa fejn l-APE jista’ jiġi marbut ma’ proġetti ffinanzjati mill-UE; jitlob għal sforzi li jippromwovu l-akkwist konġunt u netwerks ta’ uffiċjali ta’ akkwist pubbliku bħala appoġġ għall-APE sat-tmiem ta' din is-sena mingħajr ma dan joħloq żvantaġġ kompetittiv għall-intrapriżi pubbliċi;
27. Jitlob li tiġi estiża l-informazzjoni ambjentali għall–prodotti ta’ konsum konvenzjonali tal-massa ; jappoġġja l-provi nazzjonali fil-qasam ta’ ttikkettar ambjentali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem fuq metodu armonizzat Ewropew għall-kalkolu tal-impatt ambjentali tal-prodotti, sabiex jiżdied l-għarfien fost il-konsumaturi dwar prodotti mhux koperti minn skemi eżistenti bħalma huma l-ekotikkettar, l-ittikkettjar tal-enerġija, jew l-ittikkettar tal-agrikultura organika;
28. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-acquis tal-UE dwar l-iskart, fosthom l-objettivi minimi, ikun implimentat bis-sħiħ permezz tal-istrateġiji u l-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart; ifakkar li l-objettivi eżistenti rigward il-ġbir u s-separazzjoni tal-iskart jeħtieġ jiġu elaborati iżjed u stabbiliti biex isir l-aħjar irkupru tal-materjali u dak l-iżjed kwalitattiv f’kull fażi; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa tal-finanzjament tal-UE filwaqt illi tingħata prijorità lill-attivitajiet iktar 'il fuq fil-ġerarkija tal-iskart, kif stipulat fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (eż.l-għoti ta' prijorità lill-impjanti tar-riċiklaġġ fuq ir-rimi tal-iskart); jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħtieġa li ttejjeb u tarmonizza l-metodi u l-istatistiċi għall-kalkolu rigward l-iskart, sabiex tipprovdi basis affidabbli li tippromwovi r-riċiklaġġ;
29. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni aktar effettiva kontra l-ġarr illegali tal-iskart f’pajjiżi terzi, speċjalment skart perikoluż, u b’mod partikolari biex jissaħħu dawn il-mekkaniżmi ta’ kontroll rilevanti; f’dan ir-rigward jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ “Politika Barranija tal-Ewropa dwar l-Iskart”, li tfittex li tifrex l-aqwa standards Ewropej dwar it-trattament tal-iskart, ukoll ’il barra mill-Unjoni Ewropea;
30. Jinnota li madwar 20 fil-mija tal-prodotti tal-ikel jintremew bħala skart u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jittieħdu azzjonijiet konkreti biex inaqqsu b'mod sinifikanti l-ħela tal-ikel; jirrimarka, madankollu, li mhux biss l-ikel qed jinħela, iżda wkoll ir-riżorsi fil-qasam tal-ipproċessar tal-ikel u l-ippakkjar;
31. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jenfasizzaw aktar l-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħolqien ta' kuxjenza, speċjalment dwar is-separazzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, filwaqt li jitqies li l-edukazzjoni għandha impatt dirett fuq drawwiet dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi;
32. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-acquis dwar l-iskart filwaqt illi tqis il-ġerarkija tal-iskart u l-ħtieġa li l-iskart residwu jonqos kważi fix-xejn; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tagħmel proposti sal-2014 bil-għan li gradwalment tintroduċi projbizzjoni ġenerali dwar landfills tal-iskart fuq livell Ewropew u biex telimina gradwalment, sa tmien dan id-deċennju, l-inċinerazzjoni ta' skart riċiklabbli u li jista' jsir kompost; dan għandu jkun akkumpanjat minn miżuri tranżizzjonali xierqa inkluż żvilupp addizzjonali ta' standards komuni bbażati fuq il-ħsieb taċ-ċiklu tal-ħajja; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-objettivi dwar ir-riċiklaġġ tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart 2020; huwa tal-fehma, li anke l-istrument ta’ taxxa fuq il-miżbla – li ġie diġà introdott minn xi Stati Membri – jista’ jkun ta’ għajnuna biex jintlaħaq dan l-għan;
33. Jinnota, li l-miżbliet eżistenti jistgħu jintużaw bħala maħżen għall-materja prima (“urban mining”), madankollu dwar dan għad hemm biss ftit riċerka konklussiva;
34. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jespandu l-ħidma tagħhom fuq linji gwida għall-iżvilupp ta’ standards għal materjali riċiklati permezz tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN);
35. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura politiki li jmexxu l-użu sekwenzjali ta’ materja prima naturali u li tiffavorixxi l-prodotti bl-ogħla valur miżjud u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, filwaqt illi tqis b’mod partikolari l-potenzjal tat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra;
36. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi wkoll approċċ sekwenzjali għall-użu tal-bijomassa, li jiffavorixxi r-riċiklaġġ, il-prodotti bl-ogħla valur miżjud u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, bħal prodotti b’bażi bijoloġika u l-materjali industrijali, fuq il-bijoenerġija;
37. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iwaqqfu programm li joħloq il-kuxjenza u jipprovdu gwida lill-kumpaniji, speċjalment lill-SME's;
38. Jenfasizza li sabiex approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja jkun sinifikanti dan għandu jiġi bbażat fuq kontabbiltà kemm jista’ jkun preċiża; jinsisti, f’dan il-kuntest, li fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil, il-fornituri għandhom japplikaw valur predefinit separat għal ramel taż-żift;
39. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha ċara li l-ġbir u t-trattament tal-iskart miġbur b’mod separat għar-riċiklaġġ mid-djar privati m’għandux jiġi afdat biss f’idejn kumpaniji pubbliċi;
40. Jenfasizza l-importanza tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni sabiex titħaffef il-bidla għal Ewropa li tagħmel użu effiċjenti tar-riżorsi; jinnota l-bżonn ta’ aktar innovazzjoni b’mod partikolari fl-esplorazzjoni u l-estrazzjoni ta’ materjali favur l-ambjent, fl-agrikultura, fil-kimika, fit-trattament tal-iskart, fir-riċiklaġġ, fil-ġestjoni tal-ilma, fil-potenzjal tal-użu mill-ġdid, u s-sostituzzjoni ta' materjali li għandhom impatt ambjentali, ta' teknoloġiji u t-tfassil għal inqas użu ta’ materjal u enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-użu effiċjenti tal-enerġija; jinnota li anke l-għoti ta’ “tax credits” marbuta mal-użu tar-riżorsi jibbenefika wkoll l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp;
41. Ifakkar li l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi għandu jkollha l-għan li tgħin lill-Ewropa żżid il-prestazzjoni teknika sabiex ikun hemm aktar estrazzjoni mill-materja prima tul il-katina kollha tal-valur (fil-kuntest ta' tħaffir fil-minjieri, l-ipproċessar, l-irfinar, ir-riċiklaġġ);
42. Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga kif l-użu effiċjenti fl-użu tar-riżorsi jista' jiżdied fl-industrija tat-tħaffir fil-minjieri u tal-ipproċessar tal-UE sabiex tiżdied il-kompetittività u s-sostenibilità, billi jiġi promoss inter alia l-użu ta' teknoloġiji ġodda u t-titjib fil-produzzjoni ta' prodotti sekondarji flimkien ma' metalli bażiċi;
43. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw it-twaqqif ta’ ċentri għal teknoloġiji tal-innovazzjoni sabiex jappoġġjaw l-estrazzjoni, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ta’ komponenti utli minn prodotti tal-iskart tal-minjieri u biex jiffaċilitaw l-użu sussegwenti ta’ prodotti tal-iskart tal-minjieri, li jinsabu f’diversi tipi ta’ mħażen tal-iskart u fl-industrija tal-kostruzzjoni kif ukoll l-immaniġġjar ta’ dawn il-ħażniet tal-iskart b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent;
44. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jintużaw prodotti alternattivi li jimmodifikaw il-mudelli ta' konsum intensiv tal-enerġija u l-materjal, filwaqt li jżommu l-istess livell ta' prestazzjoni, u l-ħtieġa ta' materja prima alternattiva u ta' materjali oħra li jnaqqsu l-livell ta' intensità tal-enerġija fil-proċessi tal-manifattura;
45. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-effetti ta' taxxa fuq ir-riżorsi u l-materja prima pura, u b'mod partikolari kwalunkwe effett sekondarju, bħal sostituzzjoni mhux sostenibbli, evażjoni fiskali jew ċaqliq tal-attività ekonomika lejn pajjiżi terzi;
46. Jenfasizza l-importanza tal-ħiliet u t-taħriġ; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom fi djalogu mill-qrib mas-sħab soċjali, l-akkademja u l-industrija f'dan il-kuntest; jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mal-industrija u l-akkademja, biex tappoġġja l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi permezz ta' programmi universitarji speċjali u boroż ta' studju; ikompli jappoġġja, f'dan il-kuntest, il-programmi ta' skambju f'dan il-qasam bħall-Programm dwar il-Minerali u l-Ambjent Erasmus Mundus;
47. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fir-riċiklaġġ ta' materja prima u ta' elementi terrestri rari, peress li t-tħaffir fil-minjieri, ir-raffinar u r-riċiklaġġ tal-elementi terrestri rari għandhom impatt ambjentali sever jekk ma jiġux immaniġjati kif suppost;
Il-kapital naturali u s-servizzi tal-ekosistemi
48. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jevalwaw il-valur ekonomiku tal-ekosistemi u jintegraw dawn il-valuri fis-sistemi ta’ rappurtar u kontabilità sal-2015;
49. Jenfasizza li l-bijodiversità hija essenzjali għall-eżistenza tal-ħajja tal-bniedem u għall-benessri tas-soċjetajiet, kemm b'mod dirett kif ukoll b’mod indirett, permezz tas-servizzi tal-ekosistemi li tipprovdi; jilqa’ u jappoġġja l-istrateġija tal-UE dwar il-bijodiversità sal-2020, flimkien mal-objettivi u l-azzjonijiet tagħha kollha; jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità, anki fi ħdan Ewropa li tagħmel użu effiċjenti tar-riżorsi;
50. Jilqa’, għaldaqstant, l-implimentazzjoni ta’ miżuri speċjali kontra l-ispeċi invażivi u jitlob li jiġu implimentati mingħajr dewmien;
51. Jenfasizza l-importanza tal-ilma bħala riżors naturali li huwa kruċjali kemm għall-bniedem kif ukoll għall-ekosistemi; ifakkar fil-pressjoni akbar fuq id-disponibbiltà u l-kwalità ta’ riżorsi tal-ilma sikuri u żguri minħabba f’fatturi bħad-deforestazzjoni, l-urbanizzazzjoni, it-tkabbir tal-popolazzjoni u dak ekonomiku u l-bidla fil-klima; jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ fil-livelli kollha fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma tagħna, jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tal-Inizjattiva Ewlenija għal Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza;
52. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkalkola u tiżvela wkoll l-ispiża tal-ħsara ambjentali b’konsegwenza tal-politiki tal-UE dwar l-agrikoltura u s-sajd;
53. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel użu mill-aħjar prattiċi fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi sabiex tfassal kriterji xierqa u tibda proġetti pilota għal diversi riżorsi, bħal pereżempju l-fosforu, bil-għan li jkun hemm użu mill-ġdid ta’ kważi 100% fl-2020 kif ukoll l-aħjar użu u riċiklaġġ tagħhom; jenfasizza li dawn il-proġetti piloti għandhom ikunu finanzjati b’mod diretti mill-UE;
54. Jikkunsidra li r-riżorsi Ewropej għandhom jiġu ġestiti b'mod strateġiku u ambjentalment aktar b'saħħtu; jemmen li għandu jitwettaq sforz akbar fil-ġestjoni tar-riżorsi eżistenti fl-UE, b'mod partikolari ta' minerali, metalli u injam kif ukoll riżorsi tal-enerġija li jinkludu l-fjuwils fossili; jenfasizza l-potenzjal tal-UE li tikkontribwixxi għall-bżonnijiet ta' materja prima tagħha stess u jitlob għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet tal-materja prima prodotta b'metodi ambjentalment mhux sostenibbli;
55. Huwa tal-fehma li l-industriji fl-Istati Membri għandhom jiddependu dejjem aktar fuq materja prima domestika; jirrimarka li l-ġestjoni ta' riżorsi domestiċi għandha tiżgura li dawn ma jinħlewx;
56. Jenfasizza l-importanza tal-agrikoltura sostenibbli u l-bidliet fid-dieta biex jitnaqqas l-ammont ta’ proteini li nieħdu mill-annimali, li jwassal biex jitnaqqas l-użu tal-art kif ukoll jonqos l-impatt tal-karbonju tal-Ewropa;
57. Jemmen li l-għarfien tal-konsumatur għandu rwol kruċjali fit-titjib tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fil-konsum tal-ikel u jappoġġja inizjattivi f’livell lokali, nazzjonali u tal-UE biex jiġu promossi tendenzi tal-konsum tal-ikel aktar sostenibbli;
58. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tar-riżorsi naturali rinnovabbli, bħalma huma l-foresti, fl-użu effiċjenti tar-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi l-użu ta’ materja prima u materjali oħra rinnovabbli, bijoloġiċi, riċiklabbli, u favur l-ambjent; jindika b'mod partikolari li l-użu ta' materjali rinnovabbli b’emissjonijiet baxxi, bħall-injam, għal skopijiet ta’ bini, huwa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;
59. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-ħarsien tal-forestrija fl-UE u li jiġu kkonsolidati l-metodi ta' prevenzjoni ta' riskju assoċjati magħha, peress li r-riżorsi tal-forestrija u l-kwalitajiet ambjentali tal-injam jikkostitwixxu kapital naturali importanti; jitlob li jiġu stabbiliti strumenti finanzjarji għall-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti u miżuri għall-prevenzjoni tal-parassiti; jitlob lill-Kummissjoni, flimkien mal-industrija tal-injam, biex teżamina l-iskop għat-teħid ta' miżuri speċifiċi bl-għan li r-riżorsi tal-forestriji jiġu sfruttati b'mod sostenibbli, b'mod partikolari permezz ta' proġetti pilota; jappoġġja użu aħjar tal-miżuri tal-forestrija li huma diġà fis-seħħ, sabiex jissaħħaħ il-valur ekonomiku tal-foresti u tiġi żgurata aktar disponibbiltà tal-injam, pereżempju permezz ta' xogħol ta' tħawwil mill-ġdid skont programmi ta' żvilupp rurali;
60. Jenfasizza li t-telf tas-sustanzi li jidħol fl-ambjent permezz tal-produzzjoni agrikola joħloq spejjeż esterni kbar għall-ekosistemi, is-saħħa tal-bniedem u l-klima; jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi tekniki moderni għall-ġestjoni tas-sustanzi biex jitnaqqas it-telf tas-sustanzi hekk kif tiġi intensifikata l-produzzjoni;
61. Jirrimarka li l-pakkett ta' riforma tal-PKS hi element importanti tal-inizjattiva ewlenija attwali tal-Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza; iqis li l-ogħla rendiment sostenibbli, li jiġi evitat l-iskart, magni aktar effiċjenti u li ma jniġġsux, tagħmir tas-sajd aktar selettiv, kundizzjonijiet internazzjonali ugwali, u kapaċità żejda tal-flotta huma kwistjonijiet li jeħtieġ jiġu indirizzati biex ikollna settur tal-akwakultura u tas-sajd ambjentalment u ekonomikament b'saħħtu; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza soċjali u ekonomika ta' flotot kostali fuq skala żgħira;
Governanza u monitoraġġ
62. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta, f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, indikaturi b'saħħithom u li jinftiehmu malajr, pereżempju għall-impronta tal-art, l-impronta tal-ilma, l-impronta tal-materjal u l-impronta tal-karbonju, sabiex ikun sorveljat il-progress li jwassal lejn dawn l-objettivi; dawn l-indikaturi għandhom ikunu bbażati fuq għodda tal-kontabilità integrata u fuq metodi bbażati fuq ix-xjenza li jkunu konsistenti u aċċettati b'mod wiesa', u għandhom ikunu definiti b'mod espliċitu sabiex japplikaw fl-UE kollha, mill-atturi li jfasslu l-politiki għal dawk privati; barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati l-impatti taċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja u jitkelju r-riżorsi li jintużaw mill-ekonomija sabiex jippermettu li jiġu indirizzati l-aspetti kollha tal-iskarsezza tar-riżorsi, u b'hekk jiġu integrati l-flussi li ma jidhrux; iwissi li l-indikatur tal-produttività tar-riżorsi mhuwiex se jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa;
63. Ifakkar fl-importanza ta’ għadd ta’ miri settorjali koerenti, li jistgħu jkunu verifikati u ċari, fosthom objettiv ġenerali, sabiex ikunu implimentati l-viżjoni u l-objettivi speċifiċi tal-Pjan Direzzjonali; jirrikonoxxi l-kumplessità tas-suġġett u l-ħtieġa konsegwenti ta' bażi xjentifika solida; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta konkreta għal dawn l-objettivi għall-UE u l-Istati Membri, sa mhux aktar tard minn sena mill-adozzjoni tal-indikaturi relevanti, u biex tiżgura li l-politiki tal-UE jkunu konsistenti mal-objettivi stabbiliti; jikkunsidra li l-miri speċifiċi inklużi fil-Pjan Direzzjonali għandhom jitqiesu bħala miri sakemm ma jkunux stabbiliti miri aktar dettaljati; jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu objettivi korrispondenti fl-istrateġiji tagħhom għall-użu effiċjenti tar-riżorsi;
64. Jenfasizza li l-indikaturi tal-użu effiċjenti tar-riżorsi speċifiċi huma importanti ħafna fl-oqsma tal-politika kollha u jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra l-indikaturi tal-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha kollha; huwa wkoll tal-fehma li anke “Eżami tal-Kompetittività” kif inhu pprovdut fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM 2010/614, għandu jkun parti obbligatorja ta’ kull valutazzjoni tal-impatt;
65. Jistieden lill-Kummissjoni tinforza l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-ilma, sabiex jiġu utilizzati l-opportunitajiet kollha bl-aħjar mod possibbli;
66. Jilqa’ d-Direttiva tal-UE dwar il-Kwalità tal-Fjuwil (FQD) bħala pass importanti fl-approċċ li jqis iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja fir-rigward tal-konsum tar-riżorsi u jinsisti li, fl-implimentazzjoni tal-FQD, il-fornituri japplikaw valur predefinit separat għar-ramel taż-żift;
67. Jikkunsidra li s-seba’ EAĠ għandu jipprovdi l-qafas politiku t-tajjeb biex jinkisbu l-viżjoni, il-miri speċifiċi u l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali lejn Ewropa li tagħmel użu effiċjenti tar-riżorsi;
68. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina politiki tal-UE, u tevalwa fost l-oħrajn il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali Rinnovabbli u l-Politika Agrikola Komuni, mil-latt tal-impatt tagħhom fuq l-użu effiċjenti tar-riżorsi;
69. Jikkunsidra li Ewropa b’użu effiċjenti tar-riżorsi tkun qafas xieraq għall-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi għal kulħadd, u mingħajr diskriminazzjoni.
70. Isostni li l-użu effiċjenti tar-riżorsi huwa ta' sikwit imfixkel minn proċeduri amministrattivi ikkumplikati; jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-proċessi ta’ awtorizzazzjoni sabiex tippermetti li l-effiċjenza tar-riżorsi tkun implimentata b’mod aħjar; jilqa, f'dan ir-rigward, l-inizjattiva tal-Kummissjoni fid-Direttiva dwar it-Trasparenza; 71. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw kampanji ta’ informazzjoni u ta’ edukazzjoni pubbliċi bil-għan li jiġu adottati prodotti magħmula minn skart riċiklat;
72. Jitlob għal azzjoni li tiżgura li l-użu l-aktar effiċjenti tar-riżorsi jkun meqjus sew fi ħdan il-politika reġjonali; jenfasizza li l-effiċjenza tar-riżorsi teħtieġ wkoll li tkun indirizzata fuq livell reġjonali u lokali, filwaqt li jkunu meqjusa n-nuqqasijiet potenzjali u l-livelli ta' żvilupp differenti tar-reġjuni tal-Ewropa; u jenfasizza li huwa neċessarju li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jallinjaw il-miżuri fil-qasam tal-użu effiċjenti tar-riżorsi mal-istrateġija Ewropa 2020;
Dimensjoni internazzjonali
73. Iqis l-użu effiċjenti u sostenibbli u l-allokazzjoni tar-riżorsi bħala element ewlieni tal-politika industrijali tal-UE, li għandu wkoll ikun applikat fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni issa u fil-futur; jemmen, f’dan ir-rigward, li l-kummerċ fi prodotti u servizzi ambjentali hu strument ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli ta' benefiċċju kemm għall-kummerċ kif ukoll għall-ambjent;
74. Hu tal-fehma li sistema ta' kummerċ multilaterali ġusta, miftuħa u mhux diskriminatorja u l-ħarsien ambjentali għandhom isaħħu lil xulxin u għandhom ikunu ta' benefiċċju għall-komunitajiet lokali, sakemm ir-regoli tal-kummerċ multilaterali jiġu riformati ħalli jirrispondu aħjar għall-isfidi ambjentali u l-ħtiġijiet umani bażiċi;
75. Jitlob lill-Kummissjoni tinkorpora kwistjonijiet relatati ma’ materja prima, bħal (a) il-limiti fuq l-esportazzjonijiet u (b) l-aspetti tal-investiment, b’mod aktar estensiv fin-negozjati attwali u futuri tal-UE fuq bażi bilaterali jew multilaterali;
76. Jenfasizza li l-ftuħ b'mod ġust tas-swieq globali għal prodotti u servizzi ambjentali b'mod li jinkoraġġixxi l-konsum sostenibbli, joħloq opportunitajiet ta' esportazzjoni, impjiegi ġodda marbuta mat-tixrid ta' teknoloġiji ħodor ġodda, innovazzjoni u kompetittività, u jwassal għal prezzijiet aktar baxxi, kwalità ogħla u għażla akbar għall-konsumatur;
77. Jilqa' l-ħidma li saret matul ir-Rawnd ta' Doha tad-WTO ta' negozjati kummerċjali dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' ostakli tariffarji u mhux tariffarji għall-kummerċ ta' prodotti u servizzi ambjentali, u jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Partijiet biex ikomplu jaħdmu – indipendentement mill-futur tar-Rawnd ta' Doha – favur definizzjoni ċara ta' prodotti u servizzi ambjentali, li tkun tinkludi r-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, l-istandards ambjentali tal-UE u prinċipji ta' kummerċ ġust;
78. Jafferma mill-ġdid li l-ftehimiet kummerċjali Ewropej bilaterali u reġjonali attwali kollha jeħtieġ li jinkludu kapitolu ambizzjuż dwar is-sostenibilità, bħal fil-każ tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles l-iktar riċenti tal-Unjoni Ewropea mar-Repubblika tal-Korea, il-Kolombja u l-Peru, u l-Amerika Ċentrali; iqis li l-kapitoli dwar is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali għandhom jitqiegħdu fuq livell indaqs mal-aspetti kummerċjali tal-ftehim u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel dawn il-kapitoli suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' soluzzjoni tat-tilwim ta' FTAs futuri;
79. Iqis li l-inklużjoni ta' preferenzi tariffarji għall-prodotti u s-servizzi ambjentali maħduma b’mod soċjalment responsabbli fis-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati tista' tiġġenera valur miżjud fil-qasam tal-kummerċ tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tista' tkun inċentiv addizzjonali biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-għanijiet fuq perjodu ta' żmien twil tal-Unjoni fir-rigward tal-klima u l-enerġija;
80. Jemmen li fil-kuntest tal-konferenza Rio +20 u fit-tħejjija għaliha, jeħtieġ li jsir dibattitu ġdid u msaħħaħ li jkun jinvolvi l-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti, is-soċjetà ċivili u t-trejdjunjins, b'mod partikolari dwar l-effikaċja tan-natura volontarja tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji;
81. Jenfasizza li l-innovazzjoni ekoloġika tal-UE tistimula aktar użu aktar effiċjenti tar-riżorsi lil hinn mill-fruntieri tagħna, u għalhekk tonqos il-qerda tar-riżorsi globali; għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-istrateġija nazzjonali dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi u jaqsmu t-tagħrif tagħhom f’forum globali bħas-summit Rio+20; isostni li ż-żieda mgħaġġla fil-konsum dinji u t-tnaqqis fl-istokkijiet ta’ materja prima jimplikaw bżonn għal investiment fl-effiċjenza globali tar-riżorsi;
82. Jirrimarka li s-Summit dwar id-Dinja Rio +20 li se jsir dalwaqt, jista' jkun forum importanti għad-diskussjoni ta' kwistjonijiet dwar l-użu effiċjenti ta' riżorsi u l-iżvilupp sostenibbli; jemmen li sett ġdid ta' għanijiet ta' żvilupp sostenibbli (SDGs) ikun jista’ jimla l-lakuni li ħallew l-MDGs u jkun jista’ jsir proġett suċċessur dinji ta’ qawwa kbira li jirrikonoxxi r-rabtiet indissolubbli bejn l-ambjent u kull dimensjoni tal-iżvilupp; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha sabiex jassumu rwol deċiżiv u pożittiv f’din il-konferenza ħalli jilqgħu l-isfidi tat-twaqqif ta’ ekonomija ekoloġika u inklużiva fuq skala globali;
°
° °
83. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P7_TA-PROV(2011)0364.
- [2] Testi adottati, P7_TA-PROV(2012)0014
NOTA SPJEGATTIVA
“L-ekonomija globali qiegħda toħroġ bil-mod, u b'mod irregolari, mill-agħar kriżi li l-maġġoranza tagħna qatt esperjenzaw. Filwaqt li nittrattaw problemi immedjati bħar-rata għolja ta’ qgħad, il-pressjonijiet ta’ inflazzjoni jew id-defiċits fiskali, irridu nħarsu lejn il-futur u nsibu modijiet ġodda biex niżguraw li t-tkabbir u l-progress li konna mdorrijin bihom huma assigurati fis-snin li ġejjin.” OECD, Tkabbir Ekoloġiku 2011
L-isfidi huma ċari: il-pjaneta tagħna qed toqrob lejn 9 biljun persuna fl-2050, l-ammont ta’ konsumaturi mill-klassi medja kważi se jirdoppja għal aktar minn 3 biljun persuna fl-għaxar snin li ġejjin, skont il-FAO il-produzzjoni tal-ikel għandha tiżdied b’70% sal-2050, u bħalissa diġà hemm 60% tal-ekosistemi globali li huma degradati jew użati b’mod li mhuwiex sostenibbli.
L-Ewropa għandha bżonn ta’ aġenda ġdida għat-tkabbir futur. Din l-aġenda l-ġdida se teħtieġ bidla fundamentali. Mod ġdid kif nħarsu lejn il-produzzjoni u t-tendenzi ta’ konsum tagħna. Din se teħtieġ bidliet mhux biss tekniċi, iżda wkoll istituzzjonali u innovazzjoni soċjali. L-aġenda l-ġdida għat-tkabbir futur se tassigura livell għoli ta’ prosperità u ta' kwalità ta’ ħajja fl-Ewropa.
Il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza se jwettaq l-analiżi u jistabbilixxi l-ewwel passi lejn din l-aġenda l-ġdida. Madankollu dan ma jirriflettix is-sens neċessarju ta’ urġenza. M'aħniex fil-pożizzjoni li nieħdu għaxar, jew għoxrin sena biex inwettqu l-bidla lejn ekonomija ċirkolari. Id-dinja kompetittiva li fiha qed ngħixu u t-tkabbir spettakolari tal-ekonomiji emerġenti ma jħallulniex dan l-ammont ta’ ħin. Il-Kummissjoni Ewropea qed tistabbilixxi d-direzzjoni t-tajba, iżda mhux qed tkun konkreta biżżejjed fil-passi li għandhom jittieħdu.
Huwa l-kompitu tal-Parlament li jistabbilixxi l-prijoritajiet u li jmexxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija lejn aġenda aktar ambizzjuża. Għal dik ir-raġuni din l-istituzzjoni m’għandhiex biss issegwi l-istruttura tal-Pjan Direzzjonali, iżda l-ewwel għandha tiddefinixxi l-prijoritajiet tagħha u tistabbilixxi l-kriterji għall-aġenda l-ġdida għat-tkabbir futur, sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha u tibgħat messaġġ politiku ċar.
L-isfidi ewlenin huma: 1) Li tinħoloq aġenda komuni b’saħħitha mas-settur publiku u privat. It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari hija sfida tas-soċjetà u għandha titħaddan minn kulħadd. 2) Li jittejjeb b'mod radikali l-użu Ewropew ta' materjali sekondarji u jinħolqu l-inċentivi adegwati biex jiġi evitat l-iskart jew jiġi utilizzat mill-ġdid. 3) Li l-użu effiċjenti tar-riżorsi u s-sostenibbiltà jsiru l-ogħla prijoritajiet fil-programmi tal-innovazzjoni kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali. 4) Li jinbidel il-mod kif inkejlu l-ġid u t-tkabbir ekonomiku tagħna billi nikkunsidraw is-sostenibbiltà ambjentali, il-kapital naturali u l-użu effiċjenti tar-riżorsi. 5) Li jiġu stabbiliti kriterji għall-prodotti kollha li jidħlu fis-suq Ewropew billi nestendu l-ambitu tad-direttiva dwar l-Ekodisinn b’kontenut riċiklat, bid-durabbiltà u bl-użu mill-ġdid.
L-aġenda l-ġdida għat-tkabbir futur tfisser li l-affarijiet ma jistgħux ikunu bħas-soltu. Dan ħa jkun eżerċizzju politiku diffiċli. Dan jeħtieġ kuraġġ u viżjoni. U teħtieġ ukoll l-enerġija biex inkunu nistgħu nwettqu l aġenda fuq medda itwal ta’ żmien. Għandna bżonn nerġgħu naħsbu b'mod serju dwar is-sussidji eżistenti. Ħafna minn dawn mhumiex biss ta’ ħsara għall-ambjent, iżda ukoll għall-innovazzjoni. Speċjalment issa, fi żminijiet ta’ awsterità, is-sussidji governattivi u l-pakketti ta' stimolu jridu jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-ekonomija tagħna b’mod strutturali. Dan jeħtieġ it-tneħħija b’mod gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara, li toħloq b'hekk opportunitajiet ġodda.
Id-dibattitu politiku ta’ spiss jiffoka fuq il-kwistjoni tal-objettivi u l-indikaturi. U d-dinja xjentifika ħadmet u għadha taħdem fuq l-iżvilupp kontinwu tagħhom. Tassew, jeħtieġ li jkollna d-data tajba. Iżda diġà nafu biżżejjed dwar id-direzzjoni li għandna nieħdu. M'aħniex fil-pożizzjoni li nistennew għal indikaturi u objettivi perfetti, li dejjem jidhru li jistgħu jintlaħqu fi ftit snin. Issa għandna biżżejjed tagħrif biex nimxu 'l quddiem b’mod politiku. Id-dettalji jistgħu jsiru aktar tard.
Din mhijiex biss aġenda Ewropea. L-aġenda l-ġdida għat-tkabbir futur għandha titħaddan anki fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. L-Eurobarometer juri r-rieda taċ-ċittadini Ewropej li jieħdu rwol attiv f’din l-aġenda. Dan jista' jsir b’konsum iktar sostenibbli, bit-tnaqqis tal-iskart, bil-ġabra u l-għażla aħjar tal-iskart. Din l-attitudni turi li l-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi mhuwiex eżerċizzju impost minn fuq, iżda jista' jiġi promoss miż-żewġ naħat. Minn fuq u minn isfel. Il-politiċi lokali għandhom rwol kruċjali fir-rigward tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. L-użu effiċjenti tar-riżorsi huwa kunċett li ċ-ċittadini tagħna jħaddnu, mela ejja nagħmlu bħalhom.
Internazzjonalment, din hija l-unika triq ‘il quddiem. L-UE għandha tieħu rwol ewlieni billi tippromwovi din l-aġenda l-ġdida għat-tkabbir futur fis-summit Rio+20. It-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika ma tistax tkun evitata. Użu aktar effiċjenti tar-riżorsi huwa parti integrali tal-ekonomija ekoloġika. L-UE għandha tuża s-saħħa politika u ekonomika tagħha biex tħeġġeġ partijiet oħra tad-dinja ħalli jaħdmu fl-istess direzzjoni.
Biex niżguraw il-benesseri tagħna stess u biex nagħtu lill-ġenerazzjonijiet futuri l-possibilità li jgawdu l-istess benefiċċji li ngawdu minnhom aħna, jeħtieġ li nżommu mal-limiti ta’ dak li għandha x’toffri l-pjaneta tagħna, u nifirdu t-tkabbir ekonomiku tagħna mill-użu tar-riżorsi tagħna.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (18.4.2012)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza
(2011/2068(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Salvatore Iacolino
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Iqis l-użu effiċjenti u sostenibbli u l-allokazzjoni tar-riżorsi bħala element ewlieni tal-politika industrijali tal-Unjoni Ewropea, li għandu wkoll ikun applikat fir-relazzjonijiet esterni tagħha issa u fil-futur; jemmen, f’dan ir-rigward, li l-kummerċ fi prodotti u servizzi ambjentali jista’ jkun strument ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, għall-benefiċċju kemm tal-kummerċ kif ukoll tal-ambjent;
2. Jissottolinja li d-distinzjoni bejn it-tkabbir ekonomiku u l-użu tar-riżorsi hija essenzjali sabiex l-Ewropa ssir iktar kompetittiva u titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq ir-riżorsi;
3. Ivverifika b’mod ċar li l-użu intensiv tar-riżorsi globali, partikolarment dawk mhux rinnovabbli, huwa ta’ periklu għall-pjaneta u huwa wkoll ta’ theddida għas-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija;
4. Jinnota li sistema ta' kummerċ multilaterali ġusta, miftuħa u mhux diskriminatorja u l-ħarsien ambjentali għandhom jirrinforzaw lil xulxin u għandhom ikunu ta' benefiċċju għall-komunitajiet lokali, sakemm ir-regoli tal-kummerċ multilaterali jiġu riformati sabiex jirrispondu aħjar għall-isfidi ambjentali u l-ħtiġijiet umani bażiċi;
5. Jilqa' l-ħidma li saret matul ir-Rawnd ta' Doha tad-WTO ta' negozjati kummerċjali dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' ostakli tariffarji u mhux tariffarji għall-kummerċ ta' prodotti u servizzi ambjentali, u jħeġġeġ bis-saħħa lill-Partijiet biex ikomplu jaħdmu – indipendentement mill-futur tar-Rawnd ta' Doha – favur definizzjoni ċara ta' prodotti u servizzi ambjentali, li tkun tinkludi r-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji, l-istandards ambjentali tal-UE u prinċipji ta' kummerċ ġust;
6. Jirrimarka li s-Summit dwar id-Dinja Rio +20 li se jsir dalwaqt, jista' jkun forum importanti għad-diskussjoni ta' kwistjonijiet ta' użu effiċjenti ta' riżorsi u żvilupp sostenibbli; jemmen li sett ġdid ta' għanijiet ta' żvilupp sostenibbli (SDGs) ikun jista’ jimla l-lakuni li ħallew l-MDGs u jkun jista’ jsir proġett suċċessur dinji ta’ qawwa kbira li jirrikonoxxi r-rabtiet indissolubbli bejn l-ambjent u kull dimensjoni tal-iżvilupp; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha sabiex jassumu rwol deċiżiv u pożittiv f’din il-konferenza sabiex jilqgħu l-isfidi tat-twaqqif ta’ ekonomija ekoloġika u inklużiva fuq skala globali;
7. Jemmen li fil-kuntest tal-konferenza Rio +20 u fit-tħejjija għaliha, jeħtieġ li jsir dibattitu ġdid u msaħħaħ li jkun jinvolvi l-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti, is-soċjetà ċivili u t-trejdjunjins, b'mod partikolari dwar l-effikaċja tan-natura volontarja tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji;
8. Jenfasizza li l-ftuħ b'mod ġust tas-swieq globali għal prodotti u servizzi ambjentali b'mod li jinkoraġġixxi l-konsum sostenibbli, joħloq opportunitajiet ta' esportazzjoni, impjiegi ġodda marbuta mat-tixrid ta' teknoloġiji ħodor ġodda, innovazzjoni u kompetittività, u jwassal għal prezzijiet aktar baxxi, kwalità ogħla u għażla akbar għall-konsumatur;
9. Jitlob lill-Kummissjoni tinkorpora kwistjonijiet relatati ma’ materja prima, bħal (a) il-limiti fuq l-esportazzjonijiet u (b) l-aspetti tal-investiment, b’mod aktar estensiv fin-negozjati attwali u futuri tal-UE fuq bażi bilaterali jew multilaterali;
10. Jistieden l-iżvilupp ta' standard adatt għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) għall-użu tar-riżorsi skont l-ISO 26000 u kunċetti bħall-Patt Globali;
11. Jilqa’ l-attenzjoni li qed tingħata lill-akkwist pubbliku ekoloġiku (APE) fil-Pjan ta’ Direzzjoni tal-UE dwar l-Effiċjenza fir-Rizorsi, li qed jimponi rekwiżiti addizzjonali fuq il-prodotti u l-proġetti b’impatt ambjentali sinifikanti; jitlob lill-Kummissjoni taħdem favur regoli iktar stretti għall-akkwist effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, inkluż il-Ftehim multilaterali dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) tad-WTO;
12. Jilqa’ d-Direttiva tal-UE dwar il-Kwalità tal-Fjuwil (FQD) bħala pass importanti fl-approċċ li jqis iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja fir-rigward tal-konsum tar-riżorsi u jinsisti li, fl-implimentazzjoni tal-FQD, il-fornituri japplikaw valur ta' dìfolt separat għar-ramel taż-żift;
13. Huwa mħasseb dwar l-effett distorsiv li s-sussidji tal-enerġija mill-fossili għandhom fuq il-kummerċ dinji, l-impatt tagħhom fuq il-klima u l-ispiża li joħolqu għall-finanzi pubbliċi; jilqa’ l-impenn tal-G20 sabiex dawn is-sussidji jinqatgħu b'mod gradwali; jistieden lill-UE sabiex tassumi rwol ta’ tmexxija internazzjonali f’din il-kwistjoni u jistieden lill-Kummissjoni sabiex ma ddumx ma tressaq proposti ta' skadenzi għat-tneħħija gradwali ta’ dawn is-sussidji fl-UE; itenni t-talba tal-Parlament Ewoprew li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jinfurmawh dwar self mogħti minn aġenziji tal-krediti għall-esportazzjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment għal proġetti li jkollhom impatt negattiv fuq il-klima;
14. Jafferma mill-ġdid li l-ftehimiet kummerċjali Ewropej bilaterali u reġjonali attwali kollha jeħtieġ li jinkludu kapitolu ambizzjuż dwar is-sostenibilità, bħal fil-każ tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles l-iktar riċenti tal-Unjoni Ewropea mar-Repubblika tal-Korea, il-Kolombja u l-Peru, u l-Amerika Ċentrali; iqis li l-kapitoli dwar is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali għandhom jitqiegħdu fuq livell indaqs mal-aspetti kummerċjali tal-ftehim u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel dawn il-kapitoli suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' soluzzjoni tat-tilwim ta' FTAs futuri;
15. Iqis li l-inklużjoni ta' preferenzi tariffarji għall-prodotti u s-servizzi ambjentali prodotti b’mod soċjalment responsabbli fis-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati tista' tiġġenera valur miżjud fil-qasam tal-kummerċ tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tista' tkun inċentiv addizzjonali biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-għanijiet fuq perjodu ta' żmien twil tal-UE fir-rigward tal-klima u l-enerġija;
16. Jenfasizza li żidiet fil-produttività tar-riżorsi jirrappreżentaw fattur ta' kompetittività għall-politika industrijali tal-UE, li l-użu effiċjenti ta' riżorsi huwa alleat ewlieni fit-tnaqqis b'mod sinifikanti tal-konsum u d-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija, u li t-teknoloġiji għall-effiċjenza joħolqu opportunitajiet ta' żvilupp f'ħafna pajjiżi terzi, inklużi pajjiżi li qed jiżviluppaw.RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
27.3.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 0 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
William (The Earl of) Dartmouth, Damien Abad, Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle de Sarnez, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Paweł Zalewski |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Josefa Andrés Barea, Catherine Bearder, George Sabin Cutaş, Mário David, Elisabeth Köstinger, Jörg Leichtfried, Jarosław Leszek Wałęsa |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Gabriel Mato Adrover |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (26.1.2012)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza
(2011/2068(INI))
Rapporteur: Kent Johansson
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza l-importanza tal-użu tar-riżorsi b'effiċjenza għall-kisba tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza l-fatt li d-diżakkoppjar tat-tkabbir ekonomiku reali mill-konsum tar-riżorsi, speċjalment tal-materjali, hu kruċjali għat-titjib tal-kompetittività industrijali tal-Ewropa u għat-tnaqqis tad-dipendenza relattiva tagħha fuq l-importazzjoni ta' riżorsi, b'mod partikolari tal-materja prima; jemmen bis-sħiħ li l-Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020 għandu jkollu rwol vitali f'dan ir-rispett; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji dwar kif il-progress tal-Istati Membri lejn aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi se jiġi vvalutat b'mod konkret bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew. jitlob lill-Istati Membri jadottaw Pjanijiet Direzzjonali Nazzjonali ta' Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi li jinkludu miżuri u miri speċifiċi bi qbil mal-objettivi tal-Pjan Direzzjonali tal-UE;
2. Jinnota li l-ilma huwa riżors vitali li jeħtieġ li jiġi protett u ġestit b'mod effikaċi fl-UE; huwa tal-fehma li, peress li l-baċiri fejn jinġabar l-ilma spiss jinsabu fit-territorju ta' diversi Stati Membri, jeħtieġ investiment konġunt għall-immaniġġjar tal-ilma;
3. Jinnota li s-suċċess tal-politika għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi jiddependi bil-qawwi fuq il-konsistenza tagħha mal-politiki interni jew esterni rilevanti tal-UE u mal-impenn politiku tal-Istati Membri li jimplimentawha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta miri ċari, li jistgħu jitkejlu u verifikabbli, kif ukoll indikaturi u miżuri inkluż objettivi speċifiċi u inizjattivi leġiżlattivi konkreti bl-għajnuna tal-fondi u tal-mekkaniżmi finanzjarji meħtieġa biex jappoġġawhom biex tiżgura li din il-proposta ewlenija tkun ta' suċċess jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pjan direzzjonali għal Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi jkun konsistenti mal-istrateġija tal-UE dwar il-materja prima;
4. Jappoġġja l-idea tal-Kummissjoni għal trasferiment tat-tassazzjoni lil hinn mix-xogħol u lejn il-konsum tar-riżorsi u t-tassazzjoni ambjentali; jemmen, madankollu, li f'ħafna setturi t-taxxa fuq ir-riżorsi minerali mhijiex għodda fiskali adegwata għaż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi; jilqa' l-ħsieb biex l-Istati Membri jitħeġġu jneħħu b'mod gradwali s-sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent (EHS) billi jippreparaw pjanijiet u skedi u jirrappurtaw dwarhom bħala parti mill-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom; jinnota li dan jista' jinkiseb b'mod li joħloqx ħsara għall-kompetittività tal-UE jew li ma jżidx ir-riskju tar-rilaxx tal-karbonju; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu t-teknoloġiji ġodda u t-tkabbir sostenibbli, inter alia, bl-iżgurar li politiki ta' akkwist pubbliku jirriflettu aħjar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi; jemmen li l-attivitajiet immirati biex jiġu żviluppati kriterji u l-promozzjoni tal-użu tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi għandu jissaħħaħ;
5. Jinnota li t-tassazzjoni indiretta jew it-tneħħija tas-sussidji eżistenti mhijiex għodda adegwata biex iżżid l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi peress li tista' twassal għal esternalitajiet negattivi f'diversi setturi u żżid it-tħassib dwar l-ekwità soċjali; jinnota li kull żieda fin-nefqa totali tal-materja prima tista' twassal għall-ħruġ tal-investimenti mill-UE;
6. Ifakkar li l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi għandu jkollha l-għan ta' għajnuna lill-Ewropa biex iżżid il-prestazzjoni teknika sabiex ikun hemm aktar estrazzjoni ta' materja prima tul il-katina kollha tal-valur (fil-kuntest ta' tħaffir fil-minjieri, l-ipproċessar, l-irfinar, ir-riċiklaġġ);
7. Jenfasizza l-fatt li bosta setturi industrijali żiedu b'mod sostanzjali l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, prinċipalment minħabba ż-żidiet kbar fil-prezzijiet; jenfasizza, madankollu, li l-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi titlob bidla profonda fit-tendenzi ta' konsum tas-soċjetà, flimkien ma' bidliet fil-produzzjoni li huma mmexxija aktar mill-prestazzjoni milli mit-tendenza li jistgħu jinkisbu permezz ta' soluzzjonijiet ġodda għall-ġestjoni u l-politiki effiċjenti fl-użu tar-riżorsi li jwasslu għall-akbar benefiċċji għall-UE f'termini ta' tkabbir, impjiegi u sigurtà tal-enerġija; jitlob għalhekk għal:
– investiment f'mudelli kummerċjali innovattivi;
– attenzjoni akbar li għandha tingħata għall-użu mill-ġdid tal-materja prima b'investiment fid-disinn ta' prodotti li jiffunzjonaw b'mod affidabbli fuq perjodu ta' żmien twil (miż-żmien meta tqiegħdu fis-suq sat-tmiem tal-ħajjiet utli tagħhom), li ladarba jispiċċaw, huma faċli li jiġu ġestiti f'termini tar-riċiklaġġ u tal-ġestjoni tal-iskart u li jistgħu jissewwew faċilment u jerġgħu jintużaw;
– Investiment fir-riċerka dwar it-teknoloġiji sostenibbli ġodda tat-tħaffir fil-minjieri u teknoloġiji għall-ipproċessar tal-metalli;
– estensjoni tal-ambitu tad-direttiva dwar l-ekodisinn, abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt, biex tkopri l-kriterji bħall-effiċjenza tar-riżorsi, ir-rati ta' materjal riċiklat, id-durabbiltà u l-kapaċità tal-użu mill-ġdid u l-implimentazzjoni totali ta' dik id-direttiva;
– adozzjoni ta' programm tal-ogħla kwalità bħala mekkaniżmu effikaċi ta' inċentiv għat-titjib fil-prestazzjoni;
8. Jitlob lill-Kummissjoni tallinja l-użu effiċjenti tar-riżorsi fl-inizjattivi ewlenin dwar il-"Politika Industrijali Integrata" u l-"Unjoni tal-Innovazzjoni", li għandhom jinkludu l-iżvilupp ta' strateġiji u politiki industrijali settorali fuq perjodu ta' żmien twil, li huma meħtieġa biex jgħinu t-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u b'użu effiċjenti tar-riżorsi u tal-enerġija;
9. Jitlob li ssir l-implimentazzjoni ta' malajr tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u b'mod partikolari tal-ġerarkija tal-iskart, li għandu jkollha l-għan li tipprijoritizza l-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u possibilitajiet oħra ta' rkupru fir-rigward ta' metodi tar-rimi filwaqt li progressivament jitnaqqsu l-miżbliet;
10. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jintużaw prodotti alternattivi li jimmodifikaw il-mudelli ta' konsum intensiv tal-enerġija u l-materjal, filwaqt li jżommu l-istess livell ta' prestazzjoni, u l-ħtieġa għal materja prima alternattiva u għal materjali oħra li jnaqqsu l-livell ta' intensità tal-enerġija fil-proċessi tal-manifattura;
11. Jinnota li l-mod l-aktar sikur biex jinkiseb l-użu effiċjenti tar-riżorsi mingħajr ma jiġu kompromessi l-kapaċità industrijali Ewropea, il-potenzjal tat-tkabbir u l-kompetittività, u biex titjieb id-disponibilità u l-prestazzjoni tat-teknoloġiji meħtieġa għall-effiċjenza akbar fl-użu tar-riżorsi u kompetittività ekonomika akbar, huwa l-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni; jitlob għalhekk għal:
– sforzi Ewropej fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni li jkunu allinjati mal-objettivi ta' effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;
– l-allokazzjoni ta' finanzjament suffiċjenti bħala parti mill-Orizzont 2020 (skont il-programmi marbutin mal-isfidi tas-soċjetà u l-kompetittività industrijali) u fil-kuntest ta' strumenti speċifiċi għall-SMEs, għal programmi ta' riċerka u l-innovazzjoni li jiffokaw fuq effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u fuq ir-riċerka dwar materjali ta' sostituzzjoni ġodda;
12. Jenfasizza l-importanza tal-użu tar-riżorsi proprji tagħha għall-kompetittività u l-innovazzjoni tal-industrija Ewropea; jenfasizza r-rwol ta' teknoloġiji ġodda tat-tħaffir fil-minjieri għat-tħaffir sostenibbli fil-minjieri;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi, malajr kemm jista' jkun, metodi akkurati ta' indikaturi bbażati fuq iċ-ċiklu tal-ħajja għall-kejl tal-konsum attwali tar-riżorsi u sabiex ikun jista' jfassal politiki effikaċi dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi, jadatta għal tendenzi futuri u jimmaniġġja n-nuqqasijiet reali u artifiċjali tal-materja prima;
14. Jilqa' il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta' Pjan ta' Azzjoni ġdid ta' Ekoinnovazzjoni ġdid, skont l-impenn meħud fil-pjan tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, u jitlob għall-implimentazzjoni sostnuta tiegħu;
15. Jinnota li l-użu effiċjenti tar-riżorsi m'għandux ikun għan fih innifsu, minflok għandu jkun għodda indispensabbli għall-akkwist tal-iżvilupp, it-tkabbir, is-sostenibbiltà, il-kompetittività, l-impjiegi u l-prosperità għaċ-ċittadini u l-impriżi Ewropej;
16. Huwa tal-fehma li l-materjali naturali, li jinkludu l-injam ipproċessat u l-materjali minerali ipproċessati, jistgħu jintużaw b'suċċess bħala sostituti għall-materjali tal-bini li jintużaw fil-preżent;
17. Jinnota li n-nuqqas ta' utenti finali huwa ostakolu kbir għar-riċiklaġġ sħiħ ta' skart muniċipjali differenzjat; jikkunsidra li teknoloġiji innovattivi u skemi ta' appoġġ finanzjarju għall-SMEs huma essenzjali sabiex jiġu manifatturati prodotti ta' kwalità għolja u mmexxija mis-suq, bl-użu ta' dawn ir-riżorsi;
18. Jitlob li jkun hemm Sħubiji Ewropej għall-Innovazzjoni u Ċentri ta' Għarfien Innovattivi li huma maħsuba għall-qasam tal-materja prima sabiex jiġi indirizzat mhux biss l-aspett tal-isfruttar, il-ġestjoni u r-riċiklaġġ sostenibbli tar-riżorsi, iżda wkoll dawk tal-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u s-sostituzzjoni;
19. Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga kif l-użu effiċjenti fl-użu tar-riżorsi jista' jiżdied fl-industrija tat-tħaffir fil-minjieri u tal-ipproċessar tal-UE sabiex tiżdied il-kompetittività u s-sostenibilità, billi jiġi promoss inter alia l-użu ta' teknoloġiji ġodda u t-titjib fil-produzzjoni ta' prodotti sekondarji flimkien ma' metalli bażiċi;
20. Jikkunsidra li r-riżorsi Ewropej għandhom jiġu ġestiti b'mod aktar strateġiku u ambjentalment b'saħħtu; jemmen li għandu jitwettaq sforz akbar fl-iżviluppi tar-riżorsi eżistenti fl-UE, b'mod partikolari ta' minerali, metalli u injam kif ukoll riżorsi tal-enerġija li jinkludu l-fjuwils fossili; jenfasizza l-potenzjal tal-UE li tikkontribwixxi għall-bżonnijiet ta' materja prima tagħha stess u jitlob għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet tal-materja prima prodotta b'metodi ambjentalment sostenibbli;
21. Huwa tal-fehma li l-industriji fl-Istati Membri għandhom jiddependu dejjem aktar fuq materja prima domestika; jinnota li l-ġestjoni ta' riżorsi domestiċi għandhom jiżguraw li huma ma jinħlewx u li jintużaw għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali, pereżempju permezz tad-dħul fiskali jew ta' impjiegi f'impjanti tal-ipproċessar tal-materja prima li jinsabu qrib tal-postijiet fejn jintużaw;
22. Jenfasizza li biex tiġi żgurata s-sigurtà tar-riżorsi minerali għall-Istati Membri, jeħtieġ li titqies il-bażi tal-iżvilupp sostenibbli permezz tal-protezzjoni tad-depożiti tal-fjuwils fossili, l-iżvilupp tal-bażi tar-riżorsi potenzjali u l-ħolqien ta' politika adegwata għall-isfruttar tar-riżorsi minerali;
23. Jenfasizza li r-riżorsi tal-forestrija tal-UE għandhom potenzjal kbir li jagħtu kontribut għall-miri tal-UE dwar l-użu effiċjenti tal-enerġija u li joffru mod sostenibbli għaż-żieda tal-użu effiċjenti tal-enerġija fis-settur tal-bini tagħha;
24. Iħeġġeġ lill-UE tippromwovi l-użu tal-bijomassa, li hija materja prima rinovabbli, għall-produzzjoni u l-użu ta' prodotti b'sors bijoloġiku;
25. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-ħarsien tal-forestrija fl-UE u biex jiġu kkonsolidati l-metodi ta' prevenzjoni ta' riskju assoċjati magħha, peress li r-riżorsi tal-forestrija u l-kwalitajiet ambjentali tal-injam jikkostitwixxu kapital naturali importanti; jitlob li jiġu stabbiliti strumenti finanzjarji għall-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti u miżuri għall-prevenzjoni tal-parassiti; jitlob lill-Kummissjoni, flimkien mal-industrija tal-injam, biex teżamina l-iskop għat-teħid ta' miżuri speċifiċi bl-għan tal-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tal-forestrija, b'mod partikolari permezz ta' proġetti pilota; jappoġġja użu aħjar tal-miżuri tal-forestrija li huma diġà fis-seħħ, sabiex jitjieb il-valur ekonomiku tal-foresti u tiġi żgurata aktar disponibbiltà tal-injam, pereżempju permezz ta' xogħol ta' tħawwil mill-ġdid skont programmi ta' żvilupp rurali;
26. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fir-riċiklaġġ ta' materja prima u ta' elementi terrestri rari, peress li t-tħaffir fil-mini, l-irfinar u r-riċiklaġġ tal-elementi terrestri rari għandhom impatt ambjentali sever jekk ma jiġux immaniġjati kif suppost;
27. Jenfasizza l-importanza taż-żieda fil-kontrolli tal-esportazzjonijiet illegali tal-iskart sabiex materja prima ta' valur tinżamm fi ħdan l-UE;
28. Jenfasizza ż-żieda fil-kompetizzjoni globali għar-riżorsi u "l-metalli meħtieġa għat-teknoloġija"; jenfasizza li t-tmexxija politika u teknoloġika tal-Ewropa għall-iżvilupp sostenibbli globali, il-pożizzjoni kompetittiva tal-UE u l-potenzjal għal "impjiegi ambjentali" fl-UE għandhom dipendenza qawwija fuq il-provvista sikura ta' dawn ir-riżorsi importati; jitlob għall-ħolqien ta' valur miżjud Ewropew permezz tal-iżvilupp ta':
– politika ta' innovazzjoni industrijali tal-UE bbażata fuq il-prinċipji tat-tnaqqis, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u s-sostituzzjoni;
– strateġija internazzjonali komprensiva għall-provvista sostenibbli tal-materja prima għall-UE b'mod partikolari għal elementi terrestri rari, inklużi minn sorsi tal-UE; jinnota li din l-istrateġija għandha tinkludi ukoll politika kummerċjali tal-UE bbażata fuq it-trasparenza, ir-reċiproċità u r-rispett għad-demokrazija, l-ambjent u fuq l-iżvilupp sostenibbli f'pajjiżi li jesportaw;
29. Jitlob li tiġi dedikata attenzjoni addizzjonali lit-teknoloġiji innovattivi li jagħmlu possibbli l-irkupru u l-użu mill-ġdid ta' materja prima ta' valur, bħat-tħaffir fil-miżbliet u t-tħaffir ta' minjieri urbani;
30. Jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ is-servizzi ta' konsulenza dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi, b'mod partikolari għall-SMEs, pereżempju billi ssaħħaħ programmi bħal dawn amministrati fl-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (EACI); jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-SMEs f'dan il-qasam billi tippromwovi l-qsim tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, u tipprovdi aċċess għar-riċerka relevanti skont l-FP7 u l-Orizzont 2020;
31. Jenfasizza l-importanza tal-ħiliet u t-taħriġ; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom fi djalogu mill-qrib mas-sħab soċjali, l-akkademja u l-industrija f'dan il-kuntest; jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mal-industrija u l-akkademja, biex tappoġġja l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi permezz ta' programmi universitarji speċjali u boroż ta' studju; ikompli jappoġġja, f'dan il-kuntest, il-programmi ta' skambju f'dan il-qasam bħall-Programm dwar il-Minerali u l-Ambjent Erasmus Mundus.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
25.1.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
54 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gabriele Albertini, Amelia Andersdotter, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Jürgen Creutzmann, Pilar del Castillo Vera, Dimitrios Droutsas, Christian Ehler, Vicky Ford, Gaston Franco, Adam Gierek, Norbert Glante, András Gyürk, Fiona Hall, Jacky Hénin, Kent Johansson, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Jens Rohde, Paul Rübig, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Alejo Vidal-Quadras |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Antonio Cancian, Francesco De Angelis, Seán Kelly, Werner Langen, Zofija Mazej Kukovič, Vladko Todorov Panayotov, Mario Pirillo, Vladimír Remek, Peter Skinner, Silvia-Adriana Ţicău |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (29.11.2011)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza
(2011/2068(INI))
Rapporteur: Derek Vaughan
OPINJONIJIET
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jitlob lill-Kumitat għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezz tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora l-opinjonijiet li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa’ l-inizjattiva ewlenija dwar l-effiċjenza tar-riżorsi, li għandha tinkludi r-riżorsi vasti kollha tal-Ewropa, inklużi l-materja prima, bħall-fjuwils, il-minerali u l-metalli u anke riżorsi bħall-ikel, il-ħamrija, l-ilma, l-arja u l-ambjent naturali; jissottolinja li l-politika għandha tippromwovi l-użu sostenibbli tar-riżorsi u tiffoka fuq l-investiment fl-iżvilupp sostenibbli tat-territorju ħalli jkun żgurat tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv fl-Ewropa li jkun jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-fornitura tal-enerġija, trasport aktar effiċjenti f'termini ta' enerġija, filwaqt li jsir realtà l-potenzjal ta' impjegi u kompetittività tal-impriżi Ewropej li t-tnejn li huma jkunu jiffavorixxu l-ambjent kif ukoll it-titjib tal-kwalità tal-ħajja għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri u tkun żgurata s-solidarjetà interġenerazzjonali;
2. Jenfasizza l-ħtieġa li l-investiment jiġi kkonċentrat fuq l-effikaċità tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija tal-bini u t-trasport li ma jniġġisx, kif ukoll fuq l-infrastruttura reġjonali għall-enerġija rinnovabbli, speċifikament fir-reġjuni żvantaġġjati; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kontribut tal-Fondi Strutturali għal tkabbir sostenibbli waqt il-perjodu ta' programmar attwali u jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-programmi operattivi mmodifikati b'mod rapidu u mhux burokratiku;
3. Jinnota li, minkejja l-isforzi tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, għad hemm nuqqasijiet importanti fl-użu kondiviż tar-riżorsi; jisħaq, b’konsegwenza ta’ dan, li sabiex tinkiseb Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza,għandhom jiġu implimentati fuq livell lokali, reġjonali u tal-UE aktar koordinament u sinerġiji bejn gamma wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika u l-varji strumenti tagħhom, flimkien mal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fil-kuntest tan-netwerks ta' awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom x’jaqsmu mal-ġestjoni ta' fondi reġjonali, u dan bl-iskop li tiġi żgurata l-effikaċja tagħhom u l-promozzjoni ta' strateġija konġunta għall-użu tar-riżorsi; jenfasizza li l-politika reġjonali diġà għandha stabbilit approċċ koordinat u integrat; jinnota li jeżistu kompromessi bejn ċerti oqsma politiċi, u dawn għandhom jitħeġġew, bi gwida ċara u bbażata fuq l-evidenza;
4. Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-politika reġjonali f’appoġġ lill-inizjattivi bl-għan ta’ użu tar-riżorsi b’effiċjenza, speċifikament għall-effiċjenza tal-enerġija tal-bini, l-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli, minħabba l-programmi ta’ żvilupp fit-tul tagħha, sistema amministrattiva deċentralizzata u l-inkorporazzjoni tal-prijoritajiet tal-UE għal żvilupp sostenibbli li tagħmilha partikolarment idonja għall-ksib tal-iskop ta’ użu aktar effiċjenti tar-riżorsi; fid-dawl tad-dibattitu dwar politika msejsa fuq ir-riżultati, jitlob programmi u prattiki biex jiġi żgurat li l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi jkun kunsiderazzjoni ċentrali fil-politika reġjonali u jqis li dawn il-prijoritajiet għandhom jitqiesu fil-leġiżlazzjoni futura dwar il-politika reġjonali, filwaqt li jkun hemm enfasi dwar il-proġetti li jippromwovu l-effiċjenza tar-riżorsi fl-Ewropa;
5. Ifakkar fl-importanza tal-elaborazzjoni ta' strateġiji konġunti fil-livell ta' aktar minn reġjun wieħed u ta' aktar minn Stat Membru wieħed għall-użu effiċjenti tar-riżorsi; jenfasizza f'dan is-sens l-importanza tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea biex jintlaħqu strateġiji koordinati ta’ dan it-tip, l-urġenza li jsir investiment fl-infrastrutturi tal-enerġija u ambjentali transkonfinali għal ħarsien u ċirkolazzjoni aħjar tar-riżorsi; jinkoraġġixxi barra minn hekk l-elaborazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali ffukati b'mod partikolari fuq il-ħarsien ambjentali, il-provvista u l-indipendenza enerġetika;
6. Jisħaq li l-effiċjenza tar-riżorsi għandha tkun indirizzata f’livell reġjonali u lokali – billi jitqiesu l-potenzjal, ix-xkiel u l-livelli differenti ta’ żvilupp tar-reġjuni Ewropej – u l-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll l-organizzazzjonijiet ċivili, iċ-ċittadini u stakeholders oħrajn għandhom ikunu direttament imdaħħlin fl-ippjanar inizjali u l-implementazzjoni sussegwenti tal-miżuri relevanti skont il-prinċipju tat-tisħib li jkun iffinanzjat kif jixraq skont l-assistenza teknika; dan l-approċċ, imżewweġ ma’ strateġija ta’ kuxjenza pubblika, għandu jwassal għal sensazzjoni akbar ta’ responsabbiltà u identifikazzjoni aktar mill-qrib mal-iskopijiet ta’ effiċjenza tar-riżorsi fil-livelli kollha u r-rwol tagħha fit-taqbida kontra t-tibdil fil-klima; jenfasizza li huwa neċessarju li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jallinjaw il-miżuri fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija mal-istrateġija UE 2020 u jinkludu dawn il-miżuri fil-patti territorjali usa' li jkopru l-inizjattivi emblematiċi kollha;
7. Jirrakkomanda lill-Istati Membri li jinvolvu l-livelli sottonazzjonali, inkluż il-livell lokali, direttament sa mill-bidu nett fid-definizzjoni tal-prijoritajiet, l-ippjanar tal-miżuri u l-implimentazzjoni tagħhom; jirrakkomanda barra minn hekk li titwettaq konsultazzjoni maċ-ċittadini biex tiġi provduta pjattaforma ta' diskussjoni u ta' informazzjoni, peress li se jkollhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri u se jkunu l-benefiċjarji aħħarin ta' Ewropa li tkun effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;
8. Jisħaq fuq il-ħtieġa għal ġabra komuni ta’ indikaturi li jkunu jippermettu li l-effett sħiħ tal-miżuri adottati f’livell settorjali jkun ivvalutat, u jemmen li l-Kummissjoni għandha tkun imdaħħla fid-determinazzjoni ta’ dawk l-indikaturi;
9. Jenfasizza li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u reġjonali għandhom iżommu quddiemhom l-importanza li jiġi diżakkoppjat it-tkabbir mill-użu tar-riżorsi; jitlob lil kull Stat Membru u lil kull reġjun biex jagħmlu aktar sforzi fl-użu effiċjenti tar-riżorsi u biex jappoġġaw il-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp f'dan il-qasam. jenfasizza f'dan il-kuntest li l-objettivi għandhom ikunu jistgħu jitwettqu u jkunu fattibbli u li għandhom ikunu marbuta mal-objettiv fuq perjodu twil ta' żmien u mat-triq li tkun trid tiġi segwita f'dik id-direzzjoni;
10. Iqis li t-trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika ta’ koeżjoni u maċ-ċiklu tal-programmazzjoni tagħha, l-allokazzjoni tan-nefqa u l-aċċess għall-informazzjoni għall-benefiċjarji potenzjali tal-fondi strutturali huma prerekwiżiti ċentrali għall-ksib tal-objettivi globali tal-politika ta’ koeżjoni;
11. Jisħaq li l-innovazzjoni u r-riċerka huma meħtieġa ħalli jinkisbu tendenzi ta’ produzzjoni u konsum aktar sostenibbli;
12. Ifakkar li l-FEŻR għandu jissokta jissodisfa l-objettivi komplementari tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u tat-taqbida kontra l-faqar enerġetiku;
13. Jisħaq li kemm l-imprendituri kemm il-konsumaturi għandhom f’idejhom muftieħ siewi għal Ewropa effiċjenti fir-riżorsi;
14. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-istrument ta' inġinerija finanzjarja JESSICA għall-proġetti ta’ infrastrutturi enerġetiċi u ta‘ effiċjenza enerġetika fiz-zoni urbani.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
23.11.2011 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Luís Paulo Alves, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, Zuzana Brzobohatá, Alain Cadec, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Brice Hortefeux, Danuta Maria Hübner, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Jan Olbrycht, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Csanád Szegedi, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrea Cozzolino, Ivars Godmanis, Karin Kadenbach, Vilja Savisaar-Toomast, Derek Vaughan |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd (24.1.2012)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza
(2011/2068(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Catherine Trautmann
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jitlob lill-Kumitat għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora l-opinjonijiet li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Ifakkar li fit-13 ta' Lulju 2011, il-Kummissjoni pproponiet riforma ewlenija tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) li hi element ewlieni tal-inizjattiva ewlenija attwali tal-Ewropa għall-użu tar-riżorsi b'effiċjenza peress illi għandha l-għan li tiżgura l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi marittimi ħajjin;
2. Jinnota li l-Kummissjoni, fil-pakkett ta' riforma tal-PKS, qed tipproponi li ddaħħal approċċ għal rendiment massimu sostenibbli (MSY) sabiex l-istokkijiet ta' ħut jinġiebu f'livelli tajba u biex dawn jinżammu f'kundizzjoni ta’ saħħa tajba; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-approċċ MSY, b'mod partikolari fir-rigward ta' stokkijiet ta' ħut ta' speċijiet differenti;
3. Jemmen li l-mira fit-tul għandha tkun li l-istokkijiet tal-ħut jitħallew jirkupraw il-livelli li jistgħu jeċċedu l-MSY u li jiġġeneraw l-akbar renditu ekonomiku fuq bażi sostenibbli u fit-tul, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni twettaq ir-riċerka meħtieġa u biex tressaq proposti għal riforma tal-PKS ibbażati fuq il-proposti attwali u biex tiżviluppa pożizzjoni li għandha tkun ambjentalment u ekonomikament aktar avvanzata;
4. Jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni, kif deskritta fil-pakkett ta' riforma tal-PKS, li l-prattika ta' tfigħ 'il baħar ta' ħut mhux mixtieq tirrappreżenta ħela ta' riżorsi; jinnota, madankollu li sabiex titjieb is-sitwazzjoni, għandhom jinstabu soluzzjonijiet permezz ta' diskussjoni mas-sajjieda u ma' parteċipanti interessati oħrajn u billi dawn jiġu adattati għar-realtà tal-kundizzjonijiet ta' ħidma tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-miżuri għall-konservazzjoni ta' stokkijiet ta' ħut sfruttati żżejjed sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet tal-industrija tas-sajd tal-UE jkunu ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli;
5. Jirrikonoxxi li l-kapaċità żejda tal-flotta għadha waħda mill-ostakoli ewlenin għall-kisba ta' sajd sostenibbli; madankollu, hu tal-fehma li l-proposta attwali tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta' konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli bħala mezz biex titnaqqas il-kapaċità tas-sajd u tiżdied il-vijabilità ekonomika tas-sajd mingħajr spiża għal min iħallas it-taxxa għadha kontroversjali ħafna, b'mod speċjali minħabba l-effetti possibbli tagħhom fuq l-ekosistemi tal-baħar u fuq l-ekonomija tas-settur minħabba l-possibilità li l-kapaċitajiet tas-sajd ikunu kkonċentrati f'idejn numru ta' atturi mnaqqas;
6. Jenfasizza l-importanza soċjali u ekonomika ta' flotot kostali fuq skala żgħira f'ċerti reġjuni u jitlob li jkun hemm miżuri speċifiċi, li jappoġġjaw it-tkabbir ekoloġiku, intelliġenti u inklussiv u li jikkontribwixxu għal sajd b'impatt żgħir u għal akwakultura sostenibbli;
7. Jinnota li l-flotta tas-sajd tal-UE hi utent importanti ta' fjuwils fossili u li jenħtieġ aktar progress fl-iżvilupp tal-ekodisinn, b'mod partikolari bil-għan li jkunu żviluppati magni aktar effikaċi u nodfa għall-bastimenti tas-sajd;
8. Ifakkar li l-inizjattiva ewlenija għalluużu tar-riżorsi b'effiċjenza tinkludi ukoll il-protezzjoni tal-ekosistemi; jinnota f'dan ir-rigward l-isforzi meħtieġa li għandhom jitwettqu għar-riċerka u l-iżvilupp sabiex ikun prodott tagħmir tas-sajd aktar selettiv, u għas-sinerġiji potenzjali bejn il-ġestjoni tal-istokkijiet u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet protetti;
9. Jenfasizza li l-azzjonijiet esterni tal-UE, b'mod partikolari r-relazzjonijiet kummerċjali esterni tagħha, għandhom ikunu konsistenti mal-prinċipji u mal-objettivi tal-PKS u għandhom jipprovdu kundizzjonijiet kummerċjali ekwi għall-industriji tas-sajd u tal-akwakultura tal-Istati Membri.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
24.1.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
22 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Kriton Arsenis, Alain Cadec, Chris Davies, João Ferreira, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Dolores García-Hierro Caraballo, Marek Józef Gróbarczyk, Carl Haglund, Ian Hudghton, Iliana Malinova Iotova, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Guido Milana, Maria do Céu Patrão Neves, Ulrike Rodust, Raül Romeva i Rueda, Struan Stevenson, Catherine Trautmann |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ioannis A. Tsoukalas |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
25.4.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
48 3 5 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Lajos Bokros, Nessa Childers, Yves Cochet, Chris Davies, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Nick Griffin, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Holger Krahmer, Corinne Lepage, Peter Liese, Kartika Tamara Liotard, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Vladko Todorov Panayotov, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Frédérique Ries, Oreste Rossi, Daciana Octavia Sârbu, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Bogusław Sonik, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Åsa Westlund, Glenis Willmott |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jacqueline Foster, Julie Girling, Judith A. Merkies, Miroslav Mikolášik, Vittorio Prodi, Michèle Rivasi, Struan Stevenson, Anna Záborská, Andrea Zanoni |
||||