RAPPORT dwar il-ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni. Kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija

16.5.2012 - (2011/2284(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Ivailo Kalfin

Proċedura : 2011/2284(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0167/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħarsien tal-infrastruttura kritika ta' informazzjoni - kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija

(2011/2284(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 intitolata ‘Aġenda Diġitali għall-Ewropa: 2015.eu’[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 intitolata ‘governanza tal-Internet: il-passi li jmiss’[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 intitolata ‘Il-broadband Ewropew investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment’[3],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0167/2012),

A. billi t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) jistgħu jużaw il-kapaċità sħiħa tagħhom sabiex jitmexxew 'il quddiem l-ekonomija u s-soċjetà biss jekk l-utenti jkollhom il-fiduċja u l-kunfidenza fis-sigurtà u r-reżiljenza tagħhom, u jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar kwistjonijiet bħall-privatezza tad-dejta u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiġi infurzata b’mod effettiv fl-ambjent tal-internet;

B.  billi l-impatt tal-internet u tal-ICT fuq aspetti differenti ta’ ħajjiet iċ-ċittadini qiegħed jikber b’mod veloċi, u billi huma muturi kruċjali għall-interazzjoni soċjali, l-arrikkiment kulturali u t-tkabbir ekonomiku;

C. billi s-sikurezza tal-ICT u tal-Internet hija kunċett komprensiv b’impatt globali fl-aspetti ekonomiċi, soċjali, teknoloġiċi u militari li jitlob definizzjoni u distinzjoni ċara tar-responsabilitajiet, u mekkaniżmu robust ta’ kooperazzjoni internazzjonali;

D. billi l-iskop tal-Aġenda Diġitali tal-UE hu li tagħti spinta lill-kompetittività tal-UE, abbażi tat-tisħiħ tal-ICT, u li jinħolqu l-kondizzjonijiet għal tkabbir kbir u robust u għal impjiegi bbażati fuq it-teknoloġija;

E.  billi s-settur privat jibqa’ fil-pożizzjoni primarja bħala investitur, sid u ġestur tal-prodotti, is-servizzi, l-applikazzjonijiet u l-infrastruttura tas-sikurezzà tal-informazzjoni, b’investiment ta’ biljuni ta’ ewro matul l-aħħar deċennju; billi dan l-involviment għandu jissaħħaħ permezz ta’ strateġiji xierqa ta’ politika għall-promozzjoni tar-reżiljenza tal-infrastrutturi li huma operati minn entitajiet pubbliċi, privati jew pubbliċi-privati, jew li huma l-proprjetà ta’ entitajiet bħal dawn;

F.  billi l-iżvilupp ta’ livell għoli ta’ sigurtà u reżiljenza fin-netwerks, fis-servizzi u t-teknoloġiji tal-ICT għandu jżid il-kompetettività tal-ekonomija tal-UE, kemm bit-titjib tal-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ċibernetiku kemm bil-għoti lill-ekonomija tal-UE kollha kemm hi ta’ infrastrutturi ta’ informazzjoni isħaħ ħalli jsostnu l-innovazzjoni u t-tkabbir, billi joħolqu l-opportunitajiet għalbiex l-impriżi jsiru aktar produttivi;

G. billi d-data disponibbli dwar l-infurzar tal-liġi għaċ-ċiberkriminalità (li tkopri ċiberattakki, iżda wkoll tipi oħra ta’ kriminalità onlajn) tissuġġerixxi żidiet kbar f’diversi pajjiżi Ewropej; billi madankollu, dejta statistikament rappreżentattiva li tikkonċerna ċ-ċiberattakki mill-infurzar tal-liġi u l-komunità CERT (grupp ta’ reazzjoni f’emerġenzi relatati mal-kompjuters) tibqa’ skarsa u għandha tkun aggregata aħjar fil-futur, biex jiġu permessi reazzjonijiet akbar mill-infurzar tal-liġi madwar l-UE kollha u risponsi leġiżlattivi itjeb għat-theddid ċibernetiku li dejjem qed jevolvi;

H. billi livell xieraq ta’ sigurtà ta’ informazzjoni huwa kruċjali għat-tkabbir robust tas-servizzi bbażati fuq l-Internet;

I.   billi l-inċidenti, t-tfixkil u l-attakki ċibernetiċi riċenti kontra l-infrastruttura tal-informazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE, tal-industrija u tal-Istati Membri juru l-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema robusta, innovattiva u effettiva ta' ħarsien tal-infrastruttura kritika ta’ informazzjoni (CIIP), abbażi ta’ kooperazzjoni internazzjonali sħiħa u standards minimi ta’ reżiljenza fost l-Istati Membri;

J.   billi l-iżvilupp mgħaġġel ta’ toroq ġodda tal-ICT bħall-Cloud computing, jeħtieġ fokus b’saħħtu fuq is-sigurtà tal-Internet jagħmluha possibbli li l-benefiċċji tal-kisbiet teknoloġiċi jkunu jistgħu jiġu sfruttati b’mod sħiħ;

K. billi l-Parlament Ewropew insista ħafna biex jiġu applikati standards għoljin għall-privatezza tad-dejta u l-protezzjoni tad-dejta, in-newtralità tal-Internet u l-protezzjoni intellettwali tad-drittijiet tal-proprjetà;

I. Miżuri għat-tisħiħ tas-CIIP fuq livell nazzjonali u tal-Unjoni

1.  Jilqa’ l-implimentazzjoni tal-Istati Membri tal-Programm Ewropew għas-CIIP, inkluż it-twaqqif tan-Netwerk ta’ Informazzjoni ta’ Twissija dwar l-Infrastruttura Kritika (CIWIN);

2.  Iqis li l-isforzi tas-CIIP mhux biss se jtejbu s-sigurtà ġenerali taċ-ċittadini iżda se jtejbu wkoll il-perċezzjoni ta’ sigurtà taċ-ċittadini u l-fiduċja tagħhom f’miżuri adottati mill-Gvern għall-ħarsien tagħhom;

3.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra r-reviżjoni tad-Direttiva 2008/114/KE[4] tal-Kunsill u jitlob biex tiġi pprovduta l-prova tal-effettività u l-impatt tad-direttiva qabel jittieħdu aktar passi; jitlob li tkun ikkunsidrata l-espansjoni tal-ambitu tagħha, l-aktar bl-inklużjoni tas-settur ICT u tas-servizzi finanzjarji; jitlob, barra minn hekk, li tingħata kunsiderazzjoni lil oqsma bħalma huma s-saħħa, is-sistemi tal-provvista tal-ikel u tal-ilma, ir-riċerka u l-industrija nukleari (fejn dawn ma jkunux koperti b’dispożizzjonijiet speċifiċi); huwa tal-opinjoni li dawn is-setturi għandhom jibbenefikaw ukoll mill-approċċ transettorjali adottat mis-CIIP (li jikkonsisti minn kooperazzjoni, sistema ta’ twissija u l-iskambju tal-aħjar prattiki);

4.  Jenfasizza l-importanza li tkun stabbilita u żgurata l-integrazzjoni dewwiema tar-riċerka Ewropea sabiex tinżamm u tissaħħaħ l-eċċellenza Ewropea fil-qasam tal-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni (CIIP);

5.  Jitlob, invista tan-natura interkonnessa u altament interdipendenti, sensittiva, strateġika u vulnerabbli tal-infrastrutturi kritiċi nazzjonali u Ewropej tal-informazzjoni, u għall-aġġornament regolari tal-istandards minimi tar-reżiljenza għall-qagħda ta’ tħejjija u reazzjoni kontra t-tentattivi jew attakki ta' tħarbit, inċidenti, distruzzjoni, bħalma huma dawk riżultanti minn infrastruttura insuffiċjentement robusta jew end-terminals insuffiċjentement imħarsa;

6.  Jenfasizza l-importanza ta’ standards u protokolli ta’ sigurtà tal-informazzjoni u jilqa' l-mandat tal-2011 tas-CEN, is-CENELEC u l-ETSI biex jiġu stabbiliti standards ta’ sigurtà;

7.  Jistenna li s-sidien u l-operaturi tal-infrastrutturi tal-informazzjoni kritika għandhom jippermettu, u jekk hemm bżonn, jassistu lill-utenti biex jużaw il-mezzi xierqa li jipproteġuhom minn attakki u/jew tfixkil malizzjuż, permezz ta’ superviżjoni umana u awtomatizzata, fejn meħtieġ;

8.  Jappoġġja l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati pubbliċi u privati fil-livell tal-Unjoni, u jinkoraġġixxi l-isforzi tagħhom biex jittieħdu u jiġu żviluppati standards għas-sigurtà u r-reżiljenza għal infrastruttura ta’ informazzjoni kritika ċivili (pubbliċi, privati jew pubbliċi-privati) nazzjonali u Ewropej;

9.  Jenfasizza l-importanza ta’ eżerċizzji pan Ewropej bi tħejjija għal inċidenti ta’ sigurtà fin-netwerk fuq skala kbira, u d-definizzjoni ta’ sett uniku ta’ standards għall-valutazzjoni tat-theddid;

10. Jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tevalwa l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tas-CIIP; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu CERTs nazzjonali/tal-gvern li jkunu jaħdmu tajjeb, iħeġġiġhom ukoll jiżviluppaw strateġiji nazzjonali ta’ ċibersigurtà, jorganizzaw eżerċizzji nazzjonali u pan-Ewropej regolari dwar iċ-ċiberinċidenti, jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali ta’ kontinġenza għaċ-ċiberinċidenti għall-iżvilupp ta’ pjan Ewropew ta’ kontinġenza għaċ-ċiberinċidenti sal-aħħar tal-2012;

11. Jirrakkomanda li jidħlu fis-seħħ pjanijiet ta’ sigurtà għall-operatur jew miżuri ekwivalenti għall-infrastrutturi kritiċi Ewropej ta’ informazzjoni u li jinħatru uffiċjali ta' kollegament tas-sigurtà;

12. Jilqa’ r-rieżami li għaddej bħalissa tad-Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI[5] dwar attakki kontra s-sistemi ta’ informazzjoni; jinnota l-ħtieġa li jiġu kkoordinati l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra ċ-ċiberattakki fuq skala kbira, billi jiġu inklużi l-ENISA, il-kompetenzi tas-CERTs tal-Istati Membri u tas-CERT Ewropew tal-futur;

13. Iqis li l-ENISA tista’ taqdi rwol importanti fil-livell Ewropew fil-protezzjoni ta’ infrastruttura ta’ informazzjoni kritika, billi tipprovdi kompetenzi tekniċi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll rapporti u analiżi dwar is-sigurtà tas-sistema tal-informazzjoni fil-livell Ewropew u f'dak globali;

II. Attivitajiet ulterjuri tal-UE għas-sikurezza robusta tal-internet

14. Iħeġġeġ lill-ENISA sabiex tkompli tikkoordina u timplimenta, fuq bażi annwali, ix-Xhur ta’ Kuxjenza dwar is-Sigurtà tal-Internet tal-UE, sabiex kwistjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà jingħataw attenzjoni speċjali mill-Istati Membri u ċ-ċittadini tal-UE;

15. Jappoġġja lill-ENISA, b’konformità mal-għanijiet tal-Aġenda Diġitali, biex teżerċita d-dmirijiet tagħha fir-rigward tas-sigurtà tal-informazzjoni tan-netwerk u b’mod partikolari billi jiġu pprovduti gwida u pariri lill-Istati Membri dwar kif għandhom jissodisfaw il-kapaċitajiet bażiċi għas-CERTs tagħhom, kif ukoll jappoġġja l-iskambju tal-aqwa prattiki permezz tal-iżvilupp ta’ ambjent ta’ fiduċja; jitlob lill-Aġenzija biex tikkonsulta mal-partijiet interessati rilevanti biex jiġu stabbilti miżuri simili ta’ ċibersigurtà għas-sidien/operaturi tan-netwerks u tal-infrastrutturi privati, kif ukoll biex tingħata assistenza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-użu ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni għas-sigurtà tal-informazzjoni, regoli ta’ mġiba u prattiki ta’ kooperazzjoni fost is-CERTs nazzjonali u Ewropej u s-sidien/operaturi tal-infrastrutturi, kif u fejn meħtieġ permezz tad-definizzjoni tar-rekwiżiti minimi komuni tat-teknoloġija newtrali;

16. Jilqa’ l-proposta attwali għall-analiżi tal-mandat tal-ENISA, b'mod partikolari l-estensjoni tagħha u għall-espansjoni tax-xogħlijiet tal-aġenzija; jemmen li flimkien mal-għajnuna tagħha lill-Istati Membri billi tipprovdi kompetenzi u analiżi, l-ENISA għandha tkun intitolata li tmexxi numru ta’ xogħlijiet eżekuttivi f’livell tal-UE, u flimkien mal-kontropartijiet rispettivi tagħha fl-Istati Uniti, relatati mal-prevenzjoni u s-sejba ta’ inċidenti ta’ sigurtà tal-informazzjoni u tan-netwerks, filwaqt li ttejjeb il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri; jindika li, skont ir-Regolament ENISA, għandu mnejn li lill-aġenzija jiġulha assenjati responsabilitajiet addizzjonali marbutin mar-rispons għall-attakki mill-internet, sal-punt li żżid il-valur mal-mekkaniżmi nazzjonali ta' rispons;

17. Jilqa’ r-riżultati tal-eżerċizzji taċ-Ċibersigurtà Pan-Ewropea tal-2010 u l-2011, li saru madwar l-Unjoni u li ġew immonitorjati mill-ENISA, li l-għan tagħhom kien li jassistu lill-Istati Membri fl-iddisinjar, iż-żamma u l-ittestjar ta’ pjan ta’ kontinġenza pan-Ewropew; jitlob lill-ENISA żżomm eżerċizzji bħal dan fuq l-aġenda tagħha u progressivament tinvolvi lill-operaturi privati rilevanti bħala xierqa ħalli jkabbru l-kapaċitajiet ta’ sigurtà globali tal-Ewropa; jistenna b’ħerqa li jkun hemm aktar espansjoni internazzjonali ma' sħab li għandhom l-istess mod kif jaraw l-affarijiet;

18. Jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet ta’ kontinġenza nazzjonali taċ-ċibersigurtà, li għandhom jinkludu elementi prinċipali bħal punti ta’ kuntatt rilevanti u dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna, it-trażżin u t-tiswija fil-każ ta’ tfixkil jew ċiberattakki b’rilevanza reġjonali, nazzjonali jew transkonfinali; jinnota li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ ukoll mekkaniżmi u strutturi xierqa ta' koordinazzjoni f’livell nazzjonali, li jgħinu sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar fost awtoritajiet nazzjonali kompetenti u jagħmlu l-azzjonijiet tagħhom aktar koerenti;

19. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tipproponi miżuri vinkolanti permezz tal-pjan ta' kontinġenza tal-UE għaċ-ċiberinċidenti għal koordinament aħjar f'livell tal-UE tal-funzjonijiet tekniċi u ta’ kontroll fost is-CERTs nazzjonali u governattivi;

20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu l-infrastruttura kritika miċ-ċiberattakki u biex jipprovdu mezzi biex iwaqqfu l-aċċess għal infrastrutturi kritiċi f’każ li l-funzjonament tagħha jiġi mhedded b’mod serju minn ċiberattakk dirett;

21. Jistenna b’ħerqa l-implimentazzjoni sħiħa bejn is-CERT u l-UE li se tkun fattur ewlieni fil-prevenzjoni, is-sejba, ir-respons u l-irkupru miċ-ċiberattakki intenzjonati u malizzjużi mmirati lejn l-istituzzjonijiet tal-UE;

22. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipproponi miżuri vinkolanti ddisinjati sabiex jiġu imposti standards minimi dwar is-sigurtà u r-reżiljenza u tittejjeb il-koordinazzjoni fost is-CERTs nazzjonali;

23. Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jiżguraw l-eżistenza ta’ CERTs li jiffunzjonaw tajjeb, u li jkollhom kapaċitajiet minimi ta’ sigurtà u reżiljenza abbażi tal-aqwa prattiki miftiehma; jindika li s-CERTs nazzjonali għandhom ikunu parti minn netwerk effettiv li fih, l-informazzjoni rilevanti tiġi skambjata skont l-istandards neċessarji ta’ kunfidenzjalità; jitlob li tiġi stabbilita kontinwità 24/7 tas-servizz tas-CIIP għal kull Stat Membru, kif ukoll li jiġi stabbilit protokoll Ewropew komuni ta’ emerġenza li għandu jkun applikabbli bejn il-punti ta’ kuntatt nazzjonali;

24. jenfasizza li t-tkattir tal-fiduċja u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri huma kruċjali għall-protezzjoni tad-dejta u tal-infrastrutturi u n-netwerks nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tissuġġerixxi proċedura komuni għall-identifikazzjoni u l-għażla ta’ approċċ komuni biex ikun ittrattat it-theddid transfrontaljier tal-ICT, filwaqt li l-Istati Membri jiġi mistenni minnhom li jagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni ġenerika dwar ir-riskji u t-theddid għall-infrastruttura tagħhom ta' informazzjoni kritika, u l-vulnerabilitajiet tal-istess;

25. Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiġi żviluppata Sistema Ewropea ta’ Qsim ta’ Informazzjoni u ta’ Twissija sal-2013;

26. Jilqa’ l-konsultazzjonijiet varji mal-partijiet interessati dwar is-sigurtà tal-internet u s-CIIP mibdija mill-Kummissjoni, bħala s-Sħubija Pubblika Privata Ewropea għar-Reżiljenza; jagħraf l-involviment diġà sinifikanti u l-impenn tal-bejjiegħa fil-qasam tal-ICT f’dan l-isforz, jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tagħmel aktar sforzi sabiex tinkoraġġixxi lill-assoċjazzjonijiet tal-akkademja u tal-utenti tal-ICT sabiex ikollhom rwol aktar attiv, u sabiex jitrawwem djalogu kostruttiv u bejn bosta partijiet interessati dwar kwistjonijiet ta’ ċibersigurtà; jappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tal-Assemblea Diġitali bħala qafas għall-governanza tas-CIIP;

27. Jilqa' x-xogħol imwettaq s’issa mill-Forum Ewropew tal-Istati Membri f’termini ta’ stabbiliment ta’ kriterji speċifiċi għas-settur biex jiġu identifikati infrastrutturi kritiċi Ewropej b’fokus fuq komunikazzjonijiet fissi u mobbli, kif ukoll id-diskussjoni dwar il-prinċipji u l-linji gwida tal-UE għar-reżiljenza u l-istabilità fl-Internet; jistenna bil-ħerqa li jitkompla l-bini ta’ kunsens fost l-Istati Membri, u f’dan il-kuntest, jinkoraġġixxi lill-Forum biex jikkumplimenta l-approċċ attwali ffukat fuq l-assi fiżiċi bi sforzi biex jiġu koperti wkoll l-assi loġiċi tal-infrastrutturi li, waqt li jiżviluppaw it-teknoloġiji cloud u dawk tal-virtwalizzazzjoni, se jsiru aktar rilevanti għall-effettività tas-CIIP;

28. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tniedi inizjattiva pubblika dwar l-edukazzjoni fl-Ewropa kollha, li l-għan tagħha jkun li jkun hemm edukazzjoni u tqajjim ta’ kuxjenza fost l-utenti finali privati u tan-negozju dwar it-theddid potenzjali fuq l-Internet, kif ukoll fl-apparat fiss u mobbli tal-ICT f’kull livell tal-katina ta’ utilità, u biex tiġi promossa mġiba individwali aktar sikura onlajn; ifakkar, f’dan ir-rigward, dwar ir-riskji assoċjati mal-apparat u s-softwer mhux aġġornat tal-IT;

29. Jistieden lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, biex isaħħu l-programmi ta’ taħriġ u edukazzjoni dwar is-sigurtà tal-informazzjoni, li huma mmirati lejn l-infurzar tal-liġi nazzjonali u l-awtoritajiet ġudizzjarji u lejn l-aġenziji rilevanti tal-UE;

30. Jappoġġja l-ħolqien ta’ kurrikulu tal-UE għall-esperti akkademiċi fil-qasam tas-sigurtà tal-informazzjoni, minħabba li dan jista’ jkollu impatt pożittiv fuq il-kompetenza u t-tħejjija tal-UE fir-rigward taċ-ċiberspazju li dejjem qiegħed jevolvi u tat-theddid tiegħu;

31. Jirrakkomanda l-promozzjoni tal-edukazzjoni fiċ-ċibersigurtà (apprendistati għall-istudenti fil-livell ta’ PhD, korsijiet fl-università, workshops, taħriġ għall-istudenti, eċċ.) u eżerċizzji ta’ taħriġ speċjalizzati fil-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni;

32. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, sal-aħħar tal-2012, strateġija komprensiva tas-sigurtà tal-internet għall-Unjoni, abbażi ta’ terminoloġija ċara; huwa tal-fehma li l-istrateġija tas-sigurtà tal-internet għandha l-għan li toħloq ċiberspazju (sostnut minn infrastruttura sikura u reżiljenti u standards miftuħin) li jiffavorixxi l-innovazzjoni u l-prosperità permezz tal-fluss ħieles tal-informazzjoni waqt li tiġi żgurata protezzjoni robusta tal-privatezza u libertajiet ċivili oħra; isostni li l-istrateġija għandha tiddeskrivi l-prinċipji, l-għanijiet, il-metodi, l-istrumenti u l-politiki (kemm interni kif ukoll esterni) meħtieġa sabiex jiġu mtejba l-isforzi nazzjonali u tal-UE, u biex jiġu stabbiliti standards minimi ta’ reżiljenza fost l-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat servizz sikur, kontinwu, robust u reżiljenti, kemm f’konnessjoni mal-infrastruttura kritika kif ukoll mal-użu ġenerali tal-internet;

33. Jenfasizza li l-“Istrateġija għas-Sigurtà tal-Internet” li ġejja tal-Kummissjoni għandha tqis ix-xogħol fuq il-ħarsien tal-infrastruttura kritika ta’ informazzjoni bħala punt ċentrali ta’ referenza u timmira għal approċċ olistiku u sistematiku lejn iċ-ċibersigurtà billi tinkludi kemm miżuri proattivi, bħall-introduzzjoni ta’ standards minimi għal miżuri ta’ sigurtà jew it-tagħlim ta’ utenti individwali, negozji u istituzzjonijiet pubbliċi, kif ukoll miżuri reattivi, bħal sanzjonijiet fid-dritt kriminali, fid-dritt ċivili kif ukoll sanzjonijiet amministrattivi;

34. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmu robust biex jiġu kkoordinati l-implimentazzjoni u l-aġġornament b’mod regolari tal-istrateġija ta’ sigurtà tal-Internet; huwa tal-fehma li dan il-mekkaniżmu għandu jkun appoġġjat b’riżorsi amministrattivi, esperti u finanzjarji biżżejjed u li l-kamp ta’ azzjoni tiegħu għandu jinkludi l-faċilitazzjoni tat-twaqqif ta’ pożizzjonijiet tal-UE fir-relazzjoni kemm mal-partijiet interessati interni kemm dawk internazzjonali f’materji marbutin mas-sigurtà tal-internet;

35. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi qafas tal-UE għan-notifika tal-vjolazzjonijiet tas-sigurtà f’oqsma kritiċi bħalma huma l-enerġija, it-trasport, il-provvista tal-ilma u tal-ikel, kif ukoll is-settur tal-ICT u tas-servizzi finanzjarji, ħalli jkun żgurat li l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u l-utenti jkunu nnotifikati dwar iċ-ċiberinċidenti, l-attakki u t-tħarbit;

36. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ittejjeb id-disponibilità tad-dejta statikament rappreżentattiva rigward l-ispejjeż taċ-ċiberattakki fl-UE, fl-Istati Membri u fl-industrija (partikolarment is-servizzi finanzjarji u s-settur tal-ICT) billi jiġu mtejba l-kapaċitajiet tal-ġbir tad-dejta taċ-Ċentru Ewropew għaċ-Ċiberkriminalità previst, li għandu jiġi mwaqqaf sal-2013, is-CERTs u inizjattivi oħra tal-Kummissjoni, fosthom is-Sistema Ewropea għall-Iskambju ta’ Informazzjoni u ta’ Twissija (EISAS), sabiex jiġi żgurat rappurtar sistematiku u skambju ta’ dejta dwar iċ-ċiberattakki u dwar forom oħra ta’ ċiberkriminalità fuq l-industrija Ewropea u l-Istati Membri;

37. Jirrakkomanda relazzjoni u interazzjoni mill-qrib bejn is-setturi privati nazzjonali u l-ENISA sabiex jgħaqqad is-CERTs Nazzjonali/Governattivi mal-iżvilupp tas-Sistema Ewropea għall-Iskambju ta’ Informazzjoni u ta’ Twissija (EISAS),

38. Ifakkar li l-mutur primarju li jixpruna l-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġiji ddisinjati sabiex iżidu s-sigurtà tal-internet huwa l-industrija tal-ICT; ifakkar li l-politiki tal-UE għandhom jevitaw milli jimpedixxu t-tkabbir tal-ekonomija Ewropea tal-Internet u jinkludu l-inċentivi meħtieġa sabiex jiġi sfruttat b’mod sħiħ il-potenzjal tan-negozju u ta’ sħubiji pubbliċi privati; jirrakkomanda l-investigazzjoni ta’ aktar inċentivi ħalli l-industrija tiżviluppa pjanijiet aktar robusti ta’ sigurtà operattiva inlinja mad-Direttiva 2008/114/KE;

39. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva biex iċ-ċiberattakki (jiġifieri spear-phishing, frodi onlajn, eċċ.) jiġu kriminalizzati aktar;

III. Kooperazzjoni Internazzjonali

40. Ifakkar li l-kooperazzjoni internazzjonali hija l-istrument prinċipali għall-introduzzjoni ta' miżuri effettivi ta' ċibersigurtà; jirrikonoxxi li, fil-preżent, l-UE mhijiex involuta b’mod attiv fuq bażi kontinwa fi proċessi u djalogi internazzjonali ta’ kooperazzjoni relatati maċ-ċibersigurtà; jistieden lill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) sabiex jibdew djalogu kostruttiv mal-pajjiżi kollha tal-istess fehma bil-għan li jiġu żviluppati fehim u politiki komuni bil-għan li tiżdied ir-reżiljenza tal-internet u tal-infrastruttura kritika; isostni li, fl-istess ħin, l-UE għandha, fuq bażi permanenti, tinkludi kwistjonijiet tas-sigurtà tal-internet fl-ambitu tar-relazzjonijiet esterni tagħha, fost affarijiet oħra, meta tfassal strumenti varji ta’ finanzjament jew meta timpenja ruħha lejn ftehimiet internazzjonali li jinvolvu l-iskambju u l-ħżin ta’ dejta sensittiva;

41. Jinnota l-kisbiet pożittivi tal-Konvenzjoni ta’ Budapest tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2001 dwar iċ-ċiberkriminalità; jindika, iżda, li waqt li jinkoraġġixxi aktar pajjiżi jiffirmaw u jirrattifikaw il-Konvenzjoni, l-SEAE għandu jibni wkoll ftehimiet bilaterali u multilaterali dwar ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-Internet ma’ msieħba internazzjonali tal-istess fehma;

42. Jindika li l-parti l-kbira tal-attivitajiet kurrenti mwettqa minn diversi istituzzjonijiet, korpi u aġenziji internazzjonali u tal-UE kif ukoll minn Stati Membri jeħtieġu koordinament sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, u għal dan l-iskop hemm lok fejn wieħed iqis il-ħatra ta' uffiċjal responsabbli għall-koordinazzjoni, possibilment permezz tal-ħatra ta' koordinatur taċ-ċibersigurtà tal-UE;

43. Jenfasizza l-importanza ta’ djalogu strutturat bejn l-atturi ewlenin u l-leġiżlaturi fl-UE u fl-Istati Uniti involuti fis-CIIP għal fehim komuni u interpretazzjonijiet u pożizzjonijiet komuni fir-rigward ta' oqfsa legali u ta' governanza;

44. Jilqa’ l-ħolqien, fis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti ta’ Novembru 2010, tal-Grupp ta’ Ħidma bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberkriminalità, u jsostni l-isforzi tiegħu sabiex jinkludi l-kwistjonijiet dwar is-sigurtà tal-Internet fid-djalogu dwar il-politika transatlantika; jilqa’ t-twaqqif konġunt mill-Kummissjoni u mill-Gvern tal-Istati Uniti, taħt il-kappa tal-Grupp ta' Ħidma UE-Stati Uniti, ta' programm komuni u ta' pjan dwar iċ-ċibereżerċizzji transkontinentali konġunti/sinkronizzati fl-2012/2013;

45. Jissuġġerixxi li jiġi stabbilit djalogu strutturat bejn il-leġiżlaturi tal-UE u tal-Istati Uniti sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mal-internet bħala parti mit-tfittxija għal fehim, interpretazzjoni u pożizzjonijiet komuni;

46. Iħeġġeġ lill-SEAE u lill-Kummissjoni, abbażi tax-xogħol imwettaq mill-Forum Ewropew tal-Istati Membri, sabiex jiżguraw pożizzjoni attiva fi ħdan il-fora internazzjonali rilevanti, fost affarijiet oħra, billi jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri bil-ħsieb li jippromwovu l-valuri, l-għanijiet u l-politiki prinċipali tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u r-reżiljenza tal-internet; jinnota li dawn il-fora jinkludu n-NATO, in-NU (partikolarment permezz tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni u l-Forum dwar il-Governanza tal-Internet), il-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati, l-Awtorità tan-Numri Assenjati tal-Internet, l-OSKE, l-OKŻE u l-Bank Dinji;

47. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-ENISA biex jipparteċipaw fid-djalogi tal-partijiet interessati ewlenin sabiex jiġu ddefiniti l-istandards tekniċi u legali fiċ-ċiberspazju fuq livell internazzjonali;

48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 81E, 15.3.2011, p.45.
  • [2]  ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 33.
  • [3]  Testi adottati, P7_ TA(2011)0322.
  • [4]  ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75
  • [5]  ĠU L 69, 16.3.2005, p. 67.

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rwol tat-teknoloġija ġie estiż dejjem iżjed fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fl-aspetti kollha tagħha mill-komunikazzjoni sal-finanzi u s-servizzi bankarji, mit-trasportazzjoni sal-enerġija, mill-kultura u d-divertiment sas-saħħa.

Illum il-ġurnata, bl-użu dejjem jikber tal-internet u t-tekonoloġiji bbażati fuq il-kompjuter, is-sigurtà tal-internet hija waħda mill-ogħla prijoritajiet politiċi għall-Unjoni Ewropea u l-bqija tad-dinja. L-Istrateġija Ewropea 2020, imnedija fl-2010, inkludiet l-Aġenda Diġitali tal-UE bħala politika prominenti, li tistabbilixxi għanijiet ambizzjużi għall-iżvilupp teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea. L-użu dejjem jikber ta' teknoloġiji innovattivi tal-ICT, bħan-netwerks tal-internet u ċellulari fissi u mobbli, veloċi u ultra-veloċi, netwerks intelliġenti, iżda anke servizzi tal-Internet, bħal cloud computing u l-Internet tal-Oġġetti, kollha jiddependu fuq aspett wieħed, sempliċi, iżda kruċjali: is-sigurtà, ir-reżlijenza u l-fiduċja.

F’Diċembru tal-2006, il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni dwar Programm Ewropew għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika (EPCIP). Jistabbilixxi qafas globali għall-attivitajiet tal-ħarsien ta’ infrastruttura kritika fil-livell tal-UE. Sentejn wara, il-Kunsill adotta d-Direttiva 2008/114/KE dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-infrastrutturi kritiċi Ewropej u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għal titjib tal-protezzjoni tagħhom. Fl-ewwel stadju tagħha, id-Direttiva ffokat fuq is-setturi tal-enerġija u t-trasport. Hija tittratta esklussivament l-infrastrutturi li l-interruzzjoni tagħhom taffettwa żewġ Stati Membri tal-UE jew aktar.

Id-Direttiva 2008/114 identifikat is-settur tal-ICT bħala settur ta’ prijorità futura, għalkemm ma ġiex ikklassifikat bħala infrastruttura kritika. Madankollu, mill-2005 il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jiġu kkoordinati sforzi għall-bini tal-fiduċja u l-kunfidenza f’komunikazzjonijiet elettroniċi[1]. Għal dan l-għan, ġiet adottata fl-2006 strateġija għal soċjetà ta’ informazzjoni sikura[2] , li l-elementi ewlenin tagħha ġew approvati fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill 2007/068/01.

Fl-2009 il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar "Il-Protezzjoni tal-Ewropa miċ-ċiberattakki u l-perturbazzjonijiet fuq skala kbira: it-titjib fit-tħejjija, is-sigurtà u r-reżistenza”[3]. Bis-saħħa ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni iffissat il-“Pjan ta’ Azzjoni CIIP” bl-iskop li tkun stimolata u sostnura s-sigurtà tal-infrastrutturi tal-informazzjoni kritika kemm f’livell nazzjonali kemm f’dak tal-Unjoni. Il-pjan jiddefinixxi r-rwoli speċifiċi tal-Kummissjoni, l-ENISA, l-Istati Membri u l-industrija. Il-kwestjoni li jiżdiedu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastrutturi tal-ICT ġiet indirizzata ulterjorment, b'intensità miżjuda, fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[4] u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill[5], id-Direttiva proposta dwar attakki kontra sistemi ta’ informazzjoni[6], kif ukoll il-proposta tal-Kummissjoni għal mandat ġdid għal ENISA imsaħħa u modernizzata[7].

F’Marzu 2011, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni dwar is-CIIP: "Kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà kriminali"[8]. F’dak id-dokument, il-Kummissjoni tqis ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tas-CIIP mill-2009 u tiddeskrivi l-passi li jmiss li jridu jittieħdu, filwaqt illi żżid l-enfasi fuq il-kooperazzjoni internazzjonali lil hinn mill-fruntieri tal-UE.

Dawn l-iżviluppi kollha fi ftit snin, li ma jeżawrixxux l-isforzi sabiex tiżdied is-sigurtà taċ-ċiberspazju fl-Unjoni, juru li l-kwistjoni tas-sigurtà tal-internet hija waħda pertinenti. Isir ovvju li l-internet hija infrastruttura kritika, u li l-perturbazzjoni tal-internet tista' twassal għal telf u riskji tas-sigurtà sostanzjali, li jaffettwaw numru kbir ħafna ta’ ċittadini u negozji Ewropej. Barra minn hekk, l-iżvilupp rapidu tat-teknoloġija jeħtieġ li l-prevenzjoni tal-attakki fuq l-internet, ir-reazzjonijiet ta’ rimedju u r-reżiljenza tan-nett dinji għandhom jiġu bbażati fuq qafas komprensiv, reattiv, flessibbli, innovattiv u għal żmien twil. Dan il-qafas jeħtieġ li jassigura interazzjoni effiċjenti bejn il-gvernijiet, in-negozji, l-individwi u l-partijiet interessati l-oħra kollha. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, reżiljenza miżjuda tal-Internet hija possibbli biss meta jkunu fis-seħħ sistema effiċjenti ta’ kooperazzjoni internazzjonali u standards internazzjonali.

  • [1]  COM(2005)229
  • [2]  COM(2006)251
  • [3]  COM(2009)149
  • [4]  COM(2010)245
  • [5]  Konklu¿jonijiet tal-Kunsill tat-31 ta' Mejju 2010
  • [6]  COM(2010)517
  • [7]  COM(2010)521
  • [8]  COM(2011) 163 finali

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (22.3.2012)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar il-ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni. Kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija.
(2011/2284(INI))

Rapporteur: Ágnes Hankiss

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jitlob lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li l-ħarsien tal-infrastruttura kritika ta' informazzjoni teħtieġ approċċ interdixxiplinarju li għandu bżonn jinkludi l-aspetti importanti tal-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern bħas-sigurtà interna, il-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għall-kunfidenzjalità u għal ħajja privata, u b'hekk isaħħaħ is-sigurtà filwaqt li jirrispetta d-drittijiet fundamentali;

2.  Ifakkar li l-ħarsien tal-infrastruttura kritika ta' informazzjoni hi inkluża fl-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-UE fil-kuntest tat-titjib tal-livelli tas-sigurtà għaċ-ċittadini u n-negozji fiċ-ċiberspazju;

3.  Iħeġġeġ it-tkomplija u l-aġġornament kontinwu tal-identifikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE[1]dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom; jenfasizza wkoll il-bżonn li jinħoloq Netwerk ta’ Informazzjoni ta’ Twissija dwar l-Infrastruttura Kritika fil-livell Ewropew malajr kemm jista’ jkun; jinsisti li, fid-dawl tad-dipendenza qawwija tal-istituzzjonijiet pubbliċi, in-negozji u d-djar privati fuq it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (TIK), id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE għandha tiġi rieżaminata sabiex tirrikonoxxi wkoll t-TIK bħala settur kritiku;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija nazzjonali u jiżguraw ambjent għat-tfassil tal-politika u regolatorju b'saħħtu, proċeduri komprensivi għall-ġestjoni tar-riskju u miżuri preparatorji u mekkaniżmi xierqa; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma stabbilixxewx is-CERT (Skwadra ta’ rispons f’emerġenza relatata mal-kompjuters) tagħhom biex jistabbilixxuha fiż-żmien dovut, bl-assistenza tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) jekk ikun meħtieġ;

5.  5. Hu tal-fehma li kwalunkwe bażi ta' data fuq skala kbira li tittratta data personali sensittiva, bħal dawk tal-UE, gvernijiet tal-Istati Membri u istituzzjonijiet finanzjarji u tal-kura tas-saħħa, għandha titqies bħala parti mill-infrastruttura kritika ta' informazzjoni u li -ħarsien ta’ data bħal din għandu jkun żgurat skont l-ogħla standards possibbli;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu l-infrastruttura kritika miċ-ċiberattakki u biex jipprovdu mezzi biex iwaqqfu l-aċċess għal infrastrutturi kritiċi f’każ li l-funzjonament tagħha jiġi mhedded b’mod serju minn ċiberattakk dirett;

7.  Jenfasizza l-importanza ta’ eżerċizzji pan Ewropej bi tħejjija għal inċidenti ta’ sigurtà fin-netwerk fuq skala kbira, u d-definizzjoni ta’ sett uniku ta’ standards għall-ivvalutar tat-theddid;

8.  Iqis li l-ENISA tista’ taqdi rwol importanti fil-livell Ewropew fil-protezzjoni ta’ infrastrutturi ta’ informazzjoni kritika, billi tipprovdi kompetenzi tekniċi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll rapporti u analiżi dwar is-sigurtà tas-sistema tal-informazzjoni fil-livell Ewropew u f'dak globali;

9.  Jemmen li l-kooperazzjoni internazzjonali lil hinn mill-UE hi indispensabbli, minħabba li n-natura ta’ theddid informatiku hi globali, u teħtieġ reazzjonijiet globali li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali; jenfasizza wkoll li kull ftehim internazzjonali li jkun jinvolvi l-iskambju ta’ data sensittiva għandu jikkunsidra s-sigurtà tat-trasferiment u l-ħżin tad-data;

10. Jenfasizza li l-“Istrateġija għas-Sigurtà tal-Internet” li ġejja tal-Kummissjoni għandha tqis ix-xogħol fuq il-ħarsien tal-infrastruttura kritika ta' informazzjoni bħala punt ċentrali ta’ referenza u timmira għal approċċ olistiku u sistematiku lejn iċ-ċibersigurtà billi tinkludi kemm miżuri proattivi, bħall-introduzzjoni ta’ standards minimi għal miżuri ta’ sigurtà jew it-tagħlim ta’ utenti individwali, negozji u istituzzjonijiet pubbliċi, kif ukoll miżuri reattivi, bħal sanzjonijiet fil-liġi kriminali, fil-liġi ċivili kif ukoll sanzjonijiet amministrattivi;

11. Jemmen li l-koordinazzjoni fl-UE għandha tissaħħaħ u tittejjeb l-ewwel u qabel kollox bejn l-atturi ċivili u militari u wkoll bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħra fil-prevenzjoni, fil-ġlieda u fl-ippenalizzar ta’ attakki kontra sistemi ta’ informazzjoni, inkluż il-pulizija u l-awtoritajiet l-oħra mill-Istati Membri għall-infurzar tal-liġi, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati fil-livell Ewropew, bħal Eurojust, il-EUROPOL u l-ENISA;

12. Jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni b’saħħitha bejn is-setturi pubbliċi u privati, minħabba li l-qawwiet differenti tas-setturi għandhom jikkontribwixxu, permezz ta’ kumplimenti reċiproki, għall-isforzi li jsiru biex tiġi protetta l-infrastruttura u b'hekk jiġu protetti l-ħajjiet u l-privatezza taċ-ċittadini Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi s-Sħubija Pubblika-Privata Ewropea għar-Reżiljenza, li tkun integrata mal-ħidma tal-ENISA u tal-Grupp Governattiv Ewropew ta’ CERTs;

13. Jindika li l-parti l-kbira tal-attivitajiet kurrenti mwettqa minn diversi istituzzjonijiet, korpi u aġenziji internazzjonali u tal-UE kif ukoll minn Stati Membri jeħtieġu koordinament sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, u għal dan l-iskop hemm lok fejn wieħed iqis il-ħatra ta' uffiċjal responsabbli għall-koordinazzjoni, possibilment permezz tal-ħatra ta' koordinatur taċ-ċibersigurtà tal-UE;

14. Iqis li l-isforzi għall-ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni mhux biss se jtejbu s-sigurtà ġenerali taċ-ċittadini iżda se jtejbu wkoll il-perċezzjoni ta’ sigurtà taċ-ċittadini u l-fiduċja tagħhom f’miżuri adottati mill-Gvern għall-ħarsien tagħhom;

15. Jenfasizza l-importanza li tkun stabbilita u żgurata l-integrazzjoni dewwiema tar-riċerka Ewropea sabiex tinżamm u tissaħħaħ l-eċċellenza Ewropea fil-qasam tal-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni;

16. Jenfasizza l-importanza ta’ pjan direzzjonali ta’ riċerka attiv fil-qasam taċ-ċibersigurtà;

17. Jirrakkomanda l-promozzjoni tal-edukazzjoni fiċ-ċibersigurtà (apprendistati għall-istudenti fil-livell ta’ PhD, korsijiet fl-università, workshops, taħriġ għall-istudenti, eċċ.) u eżerċizzji ta’ taħriġ speċjalizzati fil-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni;

18. Jirrakkomanda relazzjoni u interazzjoni mill-qrib bejn is-setturi privati nazzjonali u l-ENISA sabiex jgħaqqad is-CERTs Nazzjonali/Governattivi mal-iżvilupp tas-Sistema Ewropea għall-Iskambju ta’ Informazzjoni u ta’ Twissija (EISAS),

19. Jenfasizza l-importanza ta’ Strateġija komuni għaċ-Ċibersigurtà Ewropea u tal-istabbiliment ta' perjodu ta’ żmien għad-definizzjoni tagħha f’termini ta' azzjonijiet u riżorsi meħtieġa;

20. Jenfasizza l-importanza ta’ djalogu strutturat bejn l-atturi ewlenin u l-leġiżlaturi fl-UE u fl-Istati Uniti involuti fis-CIIP għal fehim komuni u interpretazzjonijiet u pożizzjonijiet komuni fir-rigward ta' oqfsa legali u ta' governanza.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.3.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Roberta Angelilli, Edit Bauer, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Philip Claeys, Carlos Coelho, Rosario Crocetta, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Juan Fernando López Aguilar, Monica Luisa Macovei, Svetoslav Hristov Malinov, Véronique Mathieu, Anthea McIntyre, Jan Mulder, Antigoni Papadopoulou, Judith Sargentini, Csaba Sógor, Renate Sommer, Rui Tavares, Kyriacos Triantaphyllides, Wim van de Camp, Renate Weber, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Vilija Blinkevičiūtė, Andrew Henry William Brons, Michael Cashman, Anna Maria Corazza Bildt, Ana Gomes, Nadja Hirsch, Stanimir Ilchev, Iliana Malinova Iotova, Franziska Keller, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Mariya Nedelcheva, Hubert Pirker, Zuzana Roithová, Kārlis Šadurskis

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Luis de Grandes Pascual

  • [1]  ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

8.5.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, Josefa Andrés Barea, Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Jürgen Creutzmann, Pilar del Castillo Vera, Dimitrios Droutsas, Adam Gierek, Norbert Glante, Robert Goebbels, András Gyürk, Fiona Hall, Edit Herczog, Kent Johansson, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Béla Kovács, Philippe Lamberts, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Michèle Rivasi, Paul Rübig, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ioan Enciu, Françoise Grossetête, Takis Hadjigeorgiou, Roger Helmer, Jolanta Emilia Hibner, Bernd Lange, Werner Langen, Zofija Mazej Kukovič, Silvia-Adriana Ţicău, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Anne E. Jensen, Nicole Kiil-Nielsen, Norica Nicolai