RAKKOMANDAZZJONI LILL-KUNSILL dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem

31.5.2012 - (2012/2088(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra


Proċedura : 2012/2088(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0174/2012

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL

dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem

(2012/2088(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 21, 31, 33 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwestjoni[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem[2],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2011 bl-isem “Id-Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE – Lejn Approċċ Aktar Effettiv (COM(2011)0886),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem "Il-kisba ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa – Pjan ta' azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma “(COM(2010)0171),

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dritt Umanitarju Internazzjonali[3],

–   wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar ir-responsabbiltà politika[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 97 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0174/2012),

A.  billi l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fl-azzjonijiet esterni kollha tagħha, filwaqt li jiggarantixxi koerenza u konsistenza f’dawn l-oqsma u bejn l-azzjoni esterna tagħha u l-politiki l-oħra tagħha;

B.  billi l-Artikolu 33 tat-TUE jipprovdi l-bażi legali għall-ħatra tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem, jiġifieri: “Il-Kunsill jista’, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jaħtar rappreżentant speċjali li jingħata mandat dwar kwestjonijiet partikolari ta’ politika. Ir-rappreżentant speċjali għandu jwettaq il-mandat tiegħu taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli”;

C. billi l-Parlament Ewropew ripetutament talab għall-ħatra ta’ Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwestjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2012 dwar ir-Rapport Annwali 2010 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwestjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

D. billi l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jsaħħaħ il-viżibbiltà u l-koerenza tal-Politika tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE bħala parti fundamentali mill-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) tagħha u jikkontribwixxi biex jgħolli l-profil dinji tal-UE rigward id-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

(a) filwaqt li l-ħatra tal-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istabbiliment tal-mandat tiegħu/tagħha hija formalment deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-UE, l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jaġixxi u jitkellem għan-nom tal-Unjoni, b’mod li jirrifletti r-responsabbiltà konġunta u indiviżibbli tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri kollha tal-UE li jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja; il-ħatra tal-ewwel RSUE tematiku li qatt kien hemm għandha ttejjeb il-viżibbiltà, l-effikaċja, il-koerenza u r-responsabbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; b’mod partikolari, il-Parlament Ewropew għandu jkollu r-rwol xieraq tiegħu fil-proċedura ta’ ħatra u s-superviżjoni tal-mandat matul it-terminu sħiħ tiegħu;

(b) għat-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-mandat tal-RSUE, għandu jsir skambju ta’ fehmiet/smigħ mal-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem nominat mir-Rappreżentant Għoli, fil-kumitat relevanti tal-Parlament Ewropew;

(c) l-implimentazzjoni tal-mandat u l-konsistenza tiegħu ma' kontribuzzjonijiet oħra mill-Unjoni f’dan il-qasam għandhom ikunu soġġetti għal rieżami regolari; l-RSUE għandu jagħti lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli, lill-Parlament u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress annwali u rapport komprensiv ta’ implimentazzjoni dwar il-mandat fi tmiemu;

(d) l-objettivi ta’ politika tal-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandhom jinkludu t-titjib tal-koerenza, l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jaħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM); l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jkun interlokutur ta’ livell għoli għall-kontrapartijiet tiegħu f’pajjiżi terzi u f’organizzazzjonijiet internazzjonali, u għandu wkoll ikun kapaċi jittratta man-NU (Assemblea Ġenearlai tan-NU, UNHRC, eċċ.) kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet reġjonali relevanti; l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jippresjedi d-djalogi ta’ livell għoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u jmexxi l-konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi dwar kwestjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

(e) sabiex jilħaq dawn l-objettivi, l-RSUE, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli, għandu jingħata mandat qawwi, indipendenti u flessibbli li ma jkunx definit b’responsabbiltajiet tematiċi dojoq u speċifiċi, iżda li lill-RSUE jħalluh jaġixxi bil-ħeffa u b'mod effikaċi; b’konformità mal-azzjonijiet u l-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni, l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jindirizza wkoll kwestjonijiet orizzontali differenti li jikkontribwixxu għal azzjoni aktar effikaċi u koerenti fil-politiki esterni tal-UE; l-ambitu tal-mandat tal-RSUE għandhu jkun għalkollox allinjat mal-prinċipji tal-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, kif ukoll mal-objettivi ta’ politika stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE, u għandu jkopri t-tisħiħ tad-demolrazija, l-istat tad-dritt u l-bini ta’ istituzzjonijiet, il-ġustizzja internazzjonali u d-dritt umanitarju internazzjonali; il-mandat għandu jinkludi, inter alia, l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-impunità, il-ġlieda kontra t-tortura, il-libertà tal-espressjoni (inkluż fuq l-internet), il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà ta’ assemblea, il-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin, drittijiet tal-minoranzi, il-protezzjoni tat-tfal, drttijiet tan-nisa, il-paċi u s-sigurtà, kwestjonijiet tal-ġeneru, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni f’kull sura tagħha, irrispettivament minn jekk tkunx ibbażata fuq id-diżabilità, fuq l-oriġini razzjali jew etnika, fuq il-ġeneru, fuq l-orjentazzjoni sesswali jew fuq l-identità tal-ġeneru;

(f)  il-mandat għandu jissejjes fuq il-prinċipji li jiggwidaw il-politika tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u, b’mod partikolari, fuq il-linji gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt (2008); it-tortura u trattament jew kastigi krudili, inumani jew degradanti oħrajn (2008); id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ pajjiżi terzi (2009); it-tfal u l-konflitti armati (2008); id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (2008); il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal (2008); il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom (2008); id-dritt umanitarju internazzjonali (2009), it-toolkit tal-LGBT (2010) kif ukoll ir-rapporti annwali tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja;

(g) l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jkollu l-kwalifiċi professjonali meħtieġa, esperjenza estensiva u storja ta’ riżultati tajbin fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll integrità personali u professjonali u reputazzjoni internazzjonali;

(h) l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jinħatar għal sentejn u nofs; sabiex jiġu żgurati l-kontinwità, il-koerenza u r-responsabbiltà demokratika, il-mandat għandu jkun jista’ jiġġedded u l-Parlament Ewropew għandu jiġi kkonsultat b’mod adegwat u f’waqtu matul il-proċess ta’ tiġdid;

(i)  l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jaħdem mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u mal-President tal-Parlament Ewropew sabiex jiżgura koerenza u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-politika fil-ħidma tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE; l-RSUE għandu jinteraġixxi mill-qrib mad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-SEAE u mad-Delegazzjonijiet multilaterali kollha tal-UE (New York, Ġinevra, Vjenna, Strasburgu), kif ukoll mad-delegazzjonijiet kollha tal-UE fid-dinja, biex jiffaċilita l-kuntatti dwar kwestjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem mas-servizzi kollha tal-UE, mad-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali; id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-SEAE għandhom jipprovdu s-servizzi meħtieġa kollha u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-mandat tal-RSUE;

(j)  filwaqt li jżomm konnessjonijiet mill-qrib mal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà tal-Kunsill, l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu regolarment jirraporta lill-kumitat relevanti tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja u s-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-mandat, inklużi r-riżultati tas-sessjonijiet tal-UNHRC u tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ pajjiżi terzi u l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji tal-Pajjiżi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

(k) l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li jimplimenta l-mandat tiegħu, għandu jikkoopera mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili lokali, reġjonali u nazzjonali, mal-NGOs, mal-esperti kif ukoll mal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali li jaġixxu fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

(l)  l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jingħata riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex jiggarantixxu l-ħidma effikaċi tar-Rappreżentant Speċjali u t-tim tiegħu; il-baġit tal-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jiġi rivedut annwalment;

(m) l-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jkun responsabbli għall-kostituzzjoni ta’ tim, b’tali mod li jkopri l-għarfien espert ta’ politika meħtieġ, bi qbil mal-mandat tiegħu u fl-interess ta’ dak il-mandat; fid-dawl tal-ambitu u tan-natura transettorjali tal-mandat, huwa importanti li għadd suffiċjenti ta’ persunal jiġi assenjat biex jaħdem taħt is-superviżjoni diretta tal-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem; it-tim jista’ jinkludi persunal issekondat minn Stati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod li jirrifletti wkoll il-ħtieġa li tkun żgurata l-koerenza u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fost l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri kollha tal-UE;

(n) referenza għal din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi inkluża fil-mandat tal-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem.

2.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u għal finijiet ta’ informazzjoni, lill-Kummissjoni.

  • [1]  Testi adottati, P7_ TA(2010)0489.
  • [2]  Testi adottati, P7_ TA(2012)0126.
  • [3]  http://www.eeas.europa.eu/human_rights/docs/guidelines_en.pdf
  • [4]  Testi adottati, P7_TA(2010)0280, Anness II.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.5.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pino Arlacchi, Bastiaan Belder, Franziska Katharina Brantner, Frieda Brepoels, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Richard Howitt, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Andrey Kovatchev, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Alexander Graf Lambsdorff, Vytautas Landsbergis, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Barry Madlener, Mario Mauro, Kyriakos Mavronikolas, Willy Meyer, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Fiorello Provera, Libor Rouček, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, György Schöpflin, Adrian Severin, Marek Siwiec, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Sir Graham Watson, Boris Zala

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Nikolaos Chountis, Diogo Feio, Elisabeth Jeggle, Barbara Lochbihler, Norbert Neuser, Jacek Protasiewicz, Marietje Schaake, Alf Svensson, Ivo Vajgl

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Leonidas Donskis