RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa fir-rigward taż-żamma ta' impenji dwar il-kummerċ fis-servizzi inklużi fil-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni attwali bejn l-UE u r-Russja
1.6.2012 - (16815/2011 – C7‑0522/2011 – 2011/0328(NLE)) - ***
il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Gianluca Susta
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa fir-rigward taż-żamma ta' impenji dwar il-kummerċ fis-servizzi inklużi fil-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni attwali bejn l-UE u r-Russja
(16815/2011 – C7‑0522/2011 – 2011/0328(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (16815/2011),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa fir-rigward taż-żamma ta' impenji dwar il-kummerċ fis-servizzi inklużi fil-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni attwali bejn l-UE u r-Russja (16816/2011)
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 91, 100(2), 207(4), l-ewwel subparagrafu, u 218(6), it-tieni subparagrafu, punt(a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7‑0522/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81 u l-Artikolu 90(7) tar-Regolament tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0176/2012),
1. Japprova l-konklużjoni tal-Ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa.
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI
Il-qafas ġenerali l-impenji tar-Russja fil-GATS fil-kuntest tal-aċċess tagħha fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)
Il-ftehim UE/Russja dwar iż-żamma tal-impenji fil-qasam tal-iskambji tas-servizzi li jinsabu fil-ftehim ta' kooperazzjoni u ta' sħubija UE/Russja għandu jittieħed fil-kuntest tal-qafas legali l-ġdid wara s-sħubija reċenti tar-Russja fid-WTO.
Billi saret membru tad-WTO, ir-Russja se ssir pajjiż relattivament miftuħ għas-servizzi barranin, filwaqt li s-suq tas-servizzi beda jiżviluppa realment fir-Russja matul is-snin 90, wara għadd ta' riformi ekonomiċi, ta' privatizzazzjoni u ta' liberalizzazzjoni tal-ekonomija nazzjonali.
Għoxrin sena wara, ir-Russja żammet restrizzjonijiet ferm kbar għall-importazzjoni u t-twaqqif ta' servizzi barranin fit-territorju tagħha. Iżda l-kalendarji ta' liberalizzazzjoni tal-kummerċ tas-servizzi inklużi fil-pakkett multilaterali ta' sħubija tar-Russja fid-WTO[1] lill-fornuituri barranin tas-servizzi se jagħtuhom opportunitajiet ferm ikbar ta' aċċess għas-suq. Ir-Russja aċċettat li tnaqqas l-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment kif ukoll li tagħti trattament iktar favorevoli minn qabel lill-fornituri barranin fi 11-il settur (li jirrirappreżentaw 118-il sottosettur), inklużi s-servizzi professjonali, informatiċi, tal-bini, is-servizzi postali, it-telekomunikazzjonijiet, il-midja, it-trasport, id-distribuzzjoni, is-servizzi tat-turiżmu u tal-ivvjaġġar u s-servizzi finanzjarji (assigurazzjoni, banek, swieq finanzjarji).
Dawn l-impenji huma l-iktar sinifikanti fil-modi 1 (forniment transkonfinali) u 2 (konsum barra l-pajjiż). Huma ristretti fil-mod 3 (stabbiliment ta' attivitajiet kummerċjali ta' intrapriżi barranin fir-Russja) u fil-mod 4 (preżenza ta' persuni fiżiċi fir-Russja) li naturalment huma l-iktar sensittivi għall-pajjiż li jrid iressaq listi ta' impenji u ta' eżenzjonijiet lid-WTO. Uffiċjalment, f’bosta attivitajiet tas-servizzi, ir-Russja ħadet ukoll l-impenn li tnaqqas ir-restrizzjonijiet fir-rigward tal-aċċess għas-suq u li ttemm kważi kompletament kull trattament nazzjonali ta' diskriminazzjoni lejn l-operaturi barranin.
· Fost l-iktar impenji notevoli hemm il-konċessjonijiet fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, permezz, minn banda, l-eliminazzjoni progressiva tul 4 snin tal-limitu attwali (49%) għall-parteċipazzjonijiet tal-atturi barranin fil-kapital tal-gruppi tat-telekomunikazzjonijiet, u mill-banda l-oħra permezz tad-deċiżjoni li jiġu applikati t-termini tal-Ftehim dwar it-telekomunikazzjonijiet bażiċi (ir-raba’ protokoll addizzjonali tal-GATS). Ir-Russja se jkollha żżomm regolamentazzjoni trasparenti u mhux diskriminatorja ta' dan is-settur, partikolarment għall-għoti ta' liċenzji u ta' frekwenzi, filwaqt li l-prattiki attwali kienu pjuttost mhux trasparenti u kien hemm nuqqas ta' kompetizzjoni. Madankollu, huwa ta’ dispjaċir li l-forniment ta' servizz ta' telekomunikazzjoni bis-satellita minn barra l-pajjiż (mod 1) għadu ferm ristrett, uffiċjalment għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali.
· Fis-settur finanzjarju, il-preżenza kummerċjali tal-assiguraturi barranin fis-suq Russu sa tkun awtorizzata, taħt ċerti kundizzjonijiet restrittivi, disa' snin wara s-sħubija. Il-banek barranin se jkollhom id-dritt li jistabbilixxu fergħat u mhux se jkun hemm limiti fuq it-teħid ta' kapital tal-barranin fil-banek individwali fir-Russja, iżda l-parteċipazzjoni tal-barranin fis-sistema bankarja Russa in ġenerali se tibqa' limitata għal 50% (minbarra l-kapitali barranin investiti f'banek mal-privatizzazzjoni tagħhom). Madankollu, wieħed għandu jara li jkun hemm kompetizzjoni tajba bejn l-operaturi fejn l-Istat Russu jżomm f'ismu, jew f'isem il-Bank of Russia, bosta parteċipazzjonijiet fil-banek kummerċjali, inkluża l-parti maġġoritarja (58%) fil-bank li bħalissa jinsab fil-pożizzjoni dominanti fis-suq Russu u li jibbenefika minn garanziji illimitati għad-depożiti tiegħu min-naħa tal-Istat.
· Fil-qasam tat-turiżmu, l-operaturi barranin (aġenziji tal-ivvjaġġar u tour operators) jista' jkollhom biss 49% tal-kapital tal-intrapriżi, sakemm jintemm dan il-limitu wara 7 snin. Iżda l-barranin li għandhom il-lukandi u r-ristoranti se jkunu jistgħu jistabbilixxu ruħhom fir-Russja bl-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini, mingħajr diskriminazzjoni.
· Is-servizzi tat-trasport, partikolarment marittimu, bit-triq u bix-xmajjar, huma ferm miftuħa għall-barranin, inkluż it-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri; Fil-qasam tax-xmajjar, li jibbenefika bħalissa minn skema pjuttost libera, l-impenji Russi ma evolwewx b'mod partikolari. Madankollu, ma jidhirx li s-sħubija ppermettiet progress kbir għall-kumpaniji tas-settur tal-ajru.
· Fir-rigward tas-servizzi tad-distribuzzjoni, ir-Russja se tawtorizza lill-intrapriżi totalment barranin li joperaw fis-setturi tal-bejgħ bl-ingrossa, bl-imnut u l-franchises sa mis-sħubija fid-WTO. L-uniċi limiti sostanzjali jikkonċernaw id-distribuzzjoni ta' prodotti farmaċewtiċi, il-prodotti mediċi u l-bejgħ bl-ingrossa tal-prodotti alkoliċi.
· Fil-qasam tal-moviment tal-persuni, se jiġu ffaċilitati t-trasferimenti tal-persunal fi ħdan il-gruppi kif ukoll il-kuntatti professjonali permezz ta' żjajjar tan-negozju bil-ħsieb ta' stabbiliment fir-Russja.
· Fis-servizzi informatiċi, bħall-kostruzzjoni, ir-Russja tieħu l-impenn li tagħti aċċess sħiħ lis-suq tal-ipproċessar nazzjonali fil-modi kollha ta' provvista. .
Ir-rapporteur jenfasizza l-ambitu tal-impenji tagħha u l-benefiċċji potenzjali għall-Unjoni Ewropea. Bħalissa, il-kummerċ tas-servizzi jirrappreżenta madwar 20% tal-esportazzjonijiet Ewropej lejn ir-Russja (EUR 22.6 biljun fl-2010). Dawn l-impenji tar-Russja mhux biss se joħolqu opportunitajiet ta' negozju addizzjonali għall-intrapriżi Ewropej, iżda se jtejbu s-sitwazzjoni għall-esportaturi u l-investituri Ewropej li bħalissa jaħdmu mar-Russja, inkluż f'termini ta' nondiskriminazzjoni u ta' kummerċ ħieles. Żieda fil-kompetizzjoni għandha wkoll iġġib magħha żieda fl-offerta ta' servizzi u fil-kwalità fir-Russja f'bosta attivitajiet, li jista' jiffaċilita n-negozju tat-totalità tal-intrapriżi Ewropej stabbiliti fir-Russja. Wieħed għandu jinnota pereżempju li r-Russja tinsab fi-183 post fil-kategorija "aċċess għall-elettriku" tal-klassifikazzjoni “Doing Business 2012” tal-Bank Dinji.
Madankollu r-rapporteur jinnota li l-implimentazzjoni mill-gvern Russu ta' bosta aspetti ta' dawn il-konċessjonijiet, partikolarment b'rabta mal-istabbiliment ta' operaturi barranin (mod 3), se teħtieġ aġġustamenti kbar fid-dritt Russu, fuq kollox fil-livell tad-dritt kummerċjali u tal-kompetizzjoni u r-regolamenti u dikrieti tad-dwana.
Barra minn hekk, dan it-tibdil fit-testi ġuridiċi li jirrigwardaw jew jaffettwaw il-kummerċ tas-servizzi bl-ebda mod mhu se jkollu effett jekk ma jiġix appoġġat bl-istat tad-dritt li jiggarantixxi l-indipendenza u l-integrità tal-amministrazzjonijiet inkarigati mill-eżekuzzjoni ta' dawn il-liġijiet u regolamenti, inklużi l-awtoritajiet kompetenti għar-regolamentazzjoni settorjali (partikolarment ir-regoli u l-proċeduri ta' għoti tal-liċenzji), u l-qrati inkarigati mis-soluzzjoni tal-kunflitti.
Jaqbel għalhekk li l-Unjoni Ewropea tissorvelja b'mod adegwat jekk il-ftuħ tas-suq tas-servizzi Russu jsegwix l-impenji multilaterali tal-gvern Russu, kemm fid-dritt kif ukoll fir-realtà. Min-naħa Russa, din se jkollha tieħu r-responsabbiltà quddiem sħabha tad-WTO għall-progress li jsir f'din l-implimentazzjoni, filwaqt li tqis l-elementi ta' tħassib espressi mill-membri tal-organizzazzjoni u riflessi fir-rapport tal-grupp ta' ħidma tas-sħubija tal-Federazzjoni Russa.
Pożizzjoni tar-rapporteur fir-rigward tal-ftehim bilaterali ta' żamma tal-impenji fis-servizzi
Dawn l-impenji tar-Russja li tilliberalizza l-iskema kummerċjali tagħha f'bosta setturi tas-servizzi jmorru lil hinn mill-iskema li jibbenefikaw minnha l-intrapriżi Ewropej, abbażi tal-ftehim ta' sħubija u ta' kooperazzjoni ffirmat fl-1994 u li daħal fis-seħħ fl-1997. Huwa biss f'żewġ setturi ta' servizzi (il-kummerċ marittimu u l-moviment temporanju tal-impjegati għal skopijiet professjonali), ir-Russja, mis-sħubija uffiċjali fid-WTO, se jkollha impenji iktar qawwija fil-qafas tal-ftehim UE-Russja tal-1994 milli fil-qafas multilaterali tal-GATS.
Sabiex l-Unjoni Ewropea tkompli tibbenefika minn skema iktar favorevoli mill-iskema multilaterali, iż-żewġ partijiet ikkonkludew ftehim. Dan jipprevedi li r-Russja se tkompli tirċievi, fuq bażi ta' talba għal eżenzjoni mill-klawsola tal-iktar nazzjon favoreġġat fl-impenji meħuda fil-GATS, benefiċċji ikbar f'dawk iż-żewġ setturi esklussivament għall-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim bilaterali jiddefinixxi l-impenji preferenzjali esklużivi li minnhom tibbenefika l-UE. Dan il-ftehim ma jitlobx li l-UE tintrabat b'xi impenji ġodda.
Ir-rapporteur jirrikonoxxi l-effett pożittiv globali tas-sħubija tar-Russja fid-WTO (sħubija li kienet is-suġġett ta' deċiżjoni favorevoli min-naħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea[2]), organizzazzjoni li tappoġġa s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq regoli komuni, u jaċċetta l-bżonn li l-UE tikkonkludi ftehim bilaterali mar-Russja sabiex tikseb konċessjonijiet addizzjonali meta mqabbel mal-iskema multilaterali u tippreserva b'hekk il-livell attwali tal-impenji tal-parti tar-Russja ir-rigward tal-aċċess għas-swieq għall-fornituri Ewropej fiż-żewġ setturi ta' servizz imsemmija.
Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-partijiet kummerċjali tal-"Ftehim il-Ġdid" bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja li qed jiġi nnegozjat sabiex jissostitwixxi l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni tal-1994, jaqbel li jiġu aġġornati t-termini tal-impenji bilaterali l-qodma li ilhom li ġew stabbiliti kważi 20 sena, partikolarment biex jinkisbu impenji addizzjonali mill-parti Russa fil-modi 3 u 4 taħt il-kapitolu "Kummerċ tas-servizzi u drittijiet ta' stabbiliment". Dan il-kapitolu għandu wkoll jseddaq aktar fis-sod id-drittijiet tal-fornituri Ewropej ta' servizzi meta dawn jistabbilixxu ruħhom fit-territorju Russu.
Ir-rapporteur għalhekk jappoġġa dan il-ftehim u jirrakkomanda li l-Parlament japprovah.
- [1] Rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar is-Sħubija tal-Federazzjoni Russa għall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WT/ACC/RUS/70, WT/MIN(11)/2) u l-Addendum tiegħu Parti II - Lista ta' impenji speċifiċi fir-rigward tas-servizzi - Lista ta' eżenzjonijiet mill-obbligi stipuiti fl-Artikolu II (NPF) (WT/ACC/RUS/70/Add.1; WT/MIN(11)/2/Add.1) tas-17 ta' Novembru 2011.
- [2] Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2011 tistabbilixxi l-pożizzjoni li se tieħu l-Unjoni Ewropea fl-istanzi relevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar is-sħubija tal-Federazzjoni Russa fid-WTO (2012/17/UE).
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
30.5.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Franziska Keller, Vital Moreira, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Paweł Zalewski |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Silvana Koch-Mehrin, Elisabeth Köstinger, Emma McClarkin, Miloslav Ransdorf, Tokia Saïfi, Jarosław Leszek Wałęsa, Pablo Zalba Bidegain |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Zuzana Roithová |
||||