ABBOZZ TA’ RAPPORT dwar l-aspetti kummerċjali tas-Sħubija tal-Lvant
5.6.2012 - (2011/2306(INI))
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Miloslav Ransdorf
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-aspetti kummerċjali tas-Sħubija tal-Lvant
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina, l-UE u l-Moldova, l-UE u l-Ġeorġja, l-UE u l-Armenja u bejn l-UE u l-Azerbajġan, li se jinkludu elementi ta’ kummerċ sostanzjali,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Jannar 2007 li adotta d-direttivi ta’ negozjar għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina li jinkludi Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2010 li adotta l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Armenja u bejn l-UE u l-Ġeorġja, li kull wieħed minnhom jinkludi Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Ġunju 2009 li adotta d-direttivi ta’ negozjar għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova u wara li kkunsidra d-direttivi ta’ negozjar iddettaljati addizzjonali dwar iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, adottati mill-Kunsill fl-20 ta’ Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2010 li adotta d-direttivi ta’ negozjar għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni konkluż mill-Komunità Ewropea ma’ dik li dak iż-żmien kienet l-Unjoni Sovjetika fl-1989 u sussegwentement approvat mill-Bjelorussja,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-25 ta’ Mejju 2011 dwar Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni (COM(2011)0303),
– wara li kkunsidra l-iżvilupp tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) mill-2004 ’il quddiem, u b’mod partikolari r-rapporti ta’ progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha
–– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għan-negozjar ta’ Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-Moldova, il-Ġeorġja, l-Armenja u l-Azerbajġan,
– wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta’ Azzjoni adottati b’mod konġunt mal-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorġja u l-Moldova u wara li kkunsidra l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni mal-Ukraina,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga tas-7 ta’ Mejju 2009 u tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f’Varsavja tad-29 u t-30 ta’ Settembru 2011,
– wara li kkunsidra l-ħolqien tal-Assemblea Parlamentari EURONEST mill-Att Kostitwenti tiegħu tat-3 ta’ Mejju 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0183/2012),
A. billi l-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni inklużi ż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (ŻKĦAK) huma għan u ambizzjoni ta’ prijorità tal-Politika Ewropea tal-Viċinat rieżaminata rigward is-Sħab tal-Lvant;
B. Billi erbgħa mis-sitt pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant huma diġà membri tad-WTO, bil-gvernijiet tal-Azerbajġan u tal-Bjelorussja li għandhom biss status ta’ osservatur;
C. billi, wara l-movimenti rivoluzzjonarji li seħħew fl-2011 fil-viċinanzi tan-Nofsinhar tal-UE, li issa huma magħrufa bħala r-Rebbiegħa Għarbija, l-interess tal-UE ġie ffukat fuq il-ġirien tan-Nofsinhar; billi l-pajjiżi li jappartienu lis-Sħubija tal-Lvant u r-relazzjonijiet kummerċjali li l-UE għandha magħhom jixirqilhom l-attenzjoni tal-UE;
D. billi l-preżenza ekonomika taċ-Ċina fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant qed tkompli tikber;
E. billi n-negozjati taż-ŻKĦAK mal-Ukraina ġew kompluti f’Ottubru 2011; billi ż-ŻKĦAK se tidħol fis-seħħ biss wara l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina, li bħalissa hu imblukkat minħabba li l-UE mhix kuntenta bl-iżviluppi politiċi interni fl-Ukraina u bil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tagħha;
F. billi n-negozjati taż-ŻKĦAK mal-Ġeorġja u mal-Moldova ġew approvati mill-Kunsill f’Diċembru 2011 u l-ewwel rawnds ta’ negozjati għandhom isiru fir-Rebbiegħa tal-2012;
G. billi fl-2011 l-Armenja għamlet progress sinifikanti lejn is-sodisfar tar-rakkomandazzjonijiet ewlenin, u n-negozjati taż-ŻKĦAK bejn l-UE u l-Armenja ġew varati fi Frar 2012 u bdew fis-6 ta’ Marzu, 2012;
H. billi l-proċess tal-adeżjoni tal-Azerbajġan fid-WTO ilu għaddej mill-1997 iżda l-progress f’dan ir-rigward kien limitat, sitwazzjoni li hi waħda mill-ostakoli ewlenin għall-varar ta’ negozjati taż-ŻKĦAK mal-UE;
I. billi l-Bjelorussja s’issa pparteċipat biss b’mod limitat fil-pjattaformi differenti tas-Sħubija tal-Lvant; billi din is-sitwazzjoni tipperikola is-sodisfar tal-għan aħħari tas-Sħubija tal-Lvant, li hu d-demokrazija msaħħa, il-progress, l-istabilità u l-prosperità fil-viċinanzi tal-Lvant tal-UE; jinnota d-dinamika ekonomika tal-ispazju ekonomiku ġdid li jikkonsisti fir-Russja, il-Kazakstan u l-Bjelorussja u jinkoraġġixxi lill-membri tiegħu jwettqu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom f’konformità ma' regoli kummerċjali li huma aċċettati internazzjonalment, jiġifieri dawk li joriġinaw mid-WTO;
J. billi s-Sħab tal-Lvant tal-UE kollha, li huma l-istati li kienu jiffurmaw l-Unjoni Sovjetika, għandhom l-istess sfond storiku u istituzzjonali u ffaċċjaw sfidi simili fit-transizzjoni politika u ekonomika tagħhom matul dawn l-aħħar għoxrin sena;
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. Jenfasizza li l-prospett li jinħolqu ŻKĦAK mal-UE huwa waħda mill-inċentivi ewlenin għall-pajjiżi sħab biex isegwu l-isforzi ta’ riforma tagħhom; iqis il-ħolqien taż-ŻKĦAK bħala waħda mill-għodod l-aktar ambizzjużi tal-politika kummerċjali bilaterali tal-UE biex jinkiseb ambjent ekonomiku stabbli, trasparenti u prevedibbli li jkun jirrispetta d-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, li tkun tipprovdi mhux biss għal integrazzjoni ekonomika akbar permezz tat-tneħħija gradwali tal-ostakoli għall-kummerċ imma wkoll għall-konverġenza regolatorja f‘oqsma li għandhom impatt fuq il-kummerċ tal-beni u s-servizzi, b’mod partikolari billi jiġi msaħħaħ il-ħarsien tal-investiment, jiġu ssemplifikati l-proċeduri doganali u tal-fruntieri, jitnaqqsu l-ostakoli tekniċi u ostakoli mhux tariffarji oħra għall-kummerċ, jiġu msaħħa r-regoli sanitarji u fitosanitarji, jittejjeb il-benesseri tal-annimali, jissaħħu l-oqfsa ġuridiċi għall-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku u jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli. hu tal-fehma li l-konklużjoni taż-ŻKĦAK hi fundamentali fil-ġlieda kontra tendenzi lejn protezzjoniżmu fuq livell globali;
2. Jagħraf li ż-ŻKĦAK jipprovdu lill-UE strument kummerċjali vitali għall-bini ta’ relazzjonijiet ekonomiċi fit-tul ma’ pajjiżi terzi; jirrikonoxxi l-impatt taż-ŻKĦAK fuq il-funzjonament sħiħ tal-pajjiżi sħab kummerċjali tal-UE li jmur bil-wisq lil hinn minn kwestjonijiet purament kummerċjali, li jinfluwenza wkoll l-istat tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u standards komuni oħra;
3. Jenfasizza li l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet biex tiġi vvalutata l-preparatezza tas-sħab potenzjali tal-UE biex jidħlu f'negozjati kummerċjali għandu jkun ħieles minn preġudizzji politiċi u għandu, fil-biċċa l-kbira, jiddependi fuq il-kapaċità reali li għandu s-sieħeb kummerċjali biex jimplimenta b’mod effikaċi l-kundizzjonijiet taż-ŻKĦAK;
4. Jirrikonoxxi l-fatt li ż-ŻKĦAK jistgħu jkunu komponent ewlieni ta’ ftehim politiku usa’ (Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni); jenfasizza, madankollu, li fil-każijiet fejn mhuwiex possibbli jew rakkomandabbli li jiġi konkluż Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (FA) ma' pajjiż terz partikolari, ftehim ta’ kummerċ adegwat (jiġifieri fis-sura ta’ ŻKĦAK) għandu jiġi kkunsidrat, sabiex jiġu segwiti f’mod effiċjenti l-għanijiet ekonomiċi u kummerċjali tal-UE;
5. Jenfasizza l-importanza tal-Programm Komprensiv ta’ Bini ta’ Istituzzjonijiet, l-istrument ta’ Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (TAIEX) u programmi ta’ ġemellaġġi sabiex is-Sħab tal-Lvant jiġu mgħejjuna jissodisfaw ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin kif ukoll sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom ta’ implementazzjoni;
6. Jagħraf il-fatt li integrazzjoni kummerċjali akbar, bit-tibdiliet profondi fl-istrutturi ekonomiċi li teħtieġ, titlob sforzi sinifikanti kemm fuq perjodu qasir u kemm fit-tul mis-Sħab tagħna tal-Lvant, jinsab konvint madankollu, li fil-ġejjieni 'l bogħod, il-benefiċċji ta' tali integrazzjoni se jikkumpensaw għal dawk l-isforzi; jenfasizza li l-appoġġ u l-involviment tas-soċjetà ċivili lokali u tal-NGOs internazzjonali fil-promozzjoni tal-benefiċċji fuq perijodu twil hu essenzjali għas-suċċess tal-proċessi ta’ riforma tagħhom;
7. Jinsab favur it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u s-Sħab tal-Lvant tagħha f’għadd ta’ setturi, b’mod partikolari l-industrija, l-SMEs, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-ICT u t-turiżmu;
8. Jikkunsidra li d-divrenzjar akkumpanjat minn applikazzjoni tal-prinċipju ‘aktar għal aktar’ kif iddeskrivit fil-qosor fil-Komunikazzjoni Konġunta imsemmi hawn fuq dwar ‘Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni’ huwa pass fid-direzzjoni t-tajba fir-relazzjonijiet ta’ kummerċ mas-Sħab tal-Lvant, u jirrikonoxxi l-isforzi ta’ dawk li jagħmlu l-aktar progress filwaqt li jinċentiva oħrajn biex jagħmlu aktar sforzi; jikkunsidra li l-kummerċ għandu jkun faċilitatur tal-bidla u jenfasizza l-importanza tal-klawżoli tal-kondizjonalità u l-infurzar sussegwenti tagħhom;
9. Jinsab konvint li l-integrazzjoni ekonomika tas-Sħab tal-Lvant mal-UE ma tistax titwettaq b’mod effiċjenti mingħajr riformi politiċi u soċjali, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-integrazzjoni ekonomika fost is-Sħab tal-Lvant infushom; jenfasizza li l-integrazzjoni ekonomika fost dawn il-pajjiżi għandha tkun miftuħa, ħalli tikkapitalizza mill-benefiċċji tagħha; jiddispjaċih f’dan ir-rigward li l-konflitti reġjonali ffriżati kien ilhom ħafna snin jagħmlu ħsara lill-effikaċja u lill-iżvilupp tal-kummerċ transkonfinali u għadhom jikkawżaw telfiet ekonomiċi enormi lil xi wħud mis-Sħab tal-Lvant u jwasslu għall-iżolament ekonomiku tagħhom;
10. Jikkunsidra li hu importanti li l-UE toffri lis-sħab kollha taż-ŻKĦAK il-flessibbiltajiet li huma intitolati għalihom taħt ir-regoli tad-WTO;
11. Jenfasizza l-importanza tal-prevenzjoni tal-kunflitti permezz ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti, b’mod partikolari, flessibbiltajiet li jippromwovu l-iżvilupp ta’ industriji li għadhom jibdew fil-pajjiżi sħab taż-ŻKĦAK;
13. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020 li jipproponi żjieda ta’ 40% fil-finanzjament għall-Politika Ewropea tal-Viċinat; jenfasizza l-fehma tiegħu li s-Sħab tal-Lvant ma jistgħux iġorru waħedhom il-piż tal-ispejjeż tal-approssimazzjoni ġuridika u r-riformi istituzzjonali u strutturali neċessarji, u li l-appoġġ finanzjarju tal-UE, li għandu jikkumplementa l-isforzi ta’ riforma tagħhom stess, hu wkoll strumentali għas-suċċess; jistieden f’dan ir-rigward lill-Kunsill isostni l-finanzjament propost mill-Kummissjoni;
14. Jenfasizza r-rwol tal-parlamenti nazzjonali tas-Sħab tal-Lvant tal-UE fl-approssimazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-kummerċ mal-acquis tal-UE, li hu prerekwiżit għall-konklużjoni u l-implimentazzjoni xierqa taż-ŻKĦAK futuri; jistieden f'dan ir-rigward lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex jipprovdulhom assistenza teknika akbar u jistieden speċjalment lill-Istati l-Membri tal-UE l-ġodda jikkondividu magħhom il-kompetenza esperta u l-aħjar prattiki li kisbu fil-proċess tagħhom stess tal-allinjament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-acquis communautaire relatat mal-kummerċ;
15. Jilqa’ l-adeżjoni tal-Ukraina u l-Moldova mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, minħabba r-rwol potenzjalment vitali tiegħu f’dawk li huma l-iżgurar tal-ilħuq tal-objettivi tal-UE fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija u l-kontribut għas-sigurtà għal dawk il-pajjiżi;
16. Jilqa’ l-isforzi kollha li jsiru għat-tisħiħ tas-Sħubija tal-Lvant, speċjalment l-inizjattivi ewlenin tal-Kummissjoni dwar l-SMEs, inkluża l-faċilità għall-SMEs tas-Sħubija tal-Lvant, u dwar is-swieq tal-enerġija reġjonali u l-effiċjenza enerġetika;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa aktar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Baħar l-Iswed, minħabba li din tirrappreżenta komponent importanti tal-istrateġija tal-enerġija esterna tal-UE, minħabba r-rwol ġeostrateġiku tagħha, li joffri potenzjal sinifikanti għas-sigurtà enerġetika u għad-diversifikazzjoni tal-provvista;
18. Jagħraf l-importanza tal-Assemblea Parlamentari (AP) tal-EURONEST, partikolarment il-Kumitat tagħha għall-Integrazzjoni Ekonomika, l-Approssimazzjoni Ġuridika u l-Konverġenza mal-Politiki tal-UE kif u l-Kumitat tagħha għas-Sigurtà tal-Enerġija, fid-diskussjonijiet dwar kwestjonijiet ta’ kummerċ bejn il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamentari nazzjonali tas-Sħab tal-Lvant tal-UE; jesprimi t-tama tiegħu li l-kundizzjonijiet biex il-membri tal-Parlament tal-Bjelorussja jissieħbu fl-AP tal-EURONEST jiġu ssodisfati fil-futur prevedibbli;
19. Jenfasizza li ż-ŻKĦAK mhix assistenza mogħtija lis-Sħab tal-Lvant, iżda hi ftehim ta’ kummerċ li jġib vantaġġi u obbligi reċiproki għaż-żewġ partijiet; jiddispjaċih li l-analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) għadha ma telaborax kif l-iżvilupp ta’ politika tal-kummerċ bħal din jista’ jippreżenta spinta għall-interessi ekonomiċi tal-UE billi jġib benefiċċji sostanzjali lill-konsumaturi, lill-kumpaniji u lill-ħaddiema tal-UE; jenfasizza li ż-ŻKĦAK ma jkunux iġibu biss benefiċċji ekonomiċi għas-Sħab tal-Lvant iżda jistgħu wkoll jaċċeleraw ir-riformi, il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp istituzzjonali;
20. Jieħu nota li fit-18 ta’ Ottubru 2011 inħolqot żona ta’ kummerċ ħieles fost il-maġġoranza tal-membri tal-Komunità ta’ Stati Indipendenti, li tinkludi s-Sħab tal-Lvant tal-UE bl-eċċezzjoni tal-Ġeorġja u, għalissa, tal-Azerbajġan; jemmen li l-konklużjoni ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles ma’ pajjiżi oħra ma għandhiex tagħmel ħsara liż-ŻKĦAK li l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jikkonkludu mal-UE, jenfasizza f’dan ir-rigward li hu importanti għall-UE li tipprovdi lis-Sħab tal-Lvant alternattiva attraenti u vijabbli;
21. Jinsisti li l-istrateġija tal-UE lejn ir-Russja għandha tqis kif dovut l-influwenza Russa fuq is-Sħab tal-Lvant; jinnota li r-Russja kkonkludiet unjoni doganali mal-Kazakistan u ma’ wieħed mis-Sħab tal-Lvant, il-Bjelorussja; jiddispjaċih li r-Russja setgħet dgħajfet in-negozjati tal-kummerċ bejn l-UE u għadd ta’ Sħab tal-Lvant, b’mod partikolari l-Ukraina, billi offritilhom rotta alternattiva, ibbażata fuq soluzzjonijiet fuq perjodu qasir, bħalma huma prezzijiet tal-gass aktar baxxi; iqis li maż-żmien dawn l-alternattivi se jkunu kontroproduttivi għas-Sħab tal-Lvant;
22. Jinsisti li s-suċċess taż-ŻKĦAK se jiddependi fil-parti kbira mill-bini tal-istituzzjonijiet u mill-implimentazzjoni xierqa tal-impenji, li jistgħu jiġu żgurati biss f’ambjent ta’ negozju miftuħ, trasparenti u ħieles mill-korruzzjoni, li huwa prerekwiżit għall-implimentazzjoni b’suċċess taż-ŻKĦAK.
23. Jinnota li l-prosperità u l-istabbiltà fil-viċinanzi tal-Lvant tal-UE huma fl-aqwa interess tal-UE u barra minn hekk li relazzjonijiet stabbli u prevedibbli bejn l-UE u s-Sħab tal-Lvant tagħha mingħajr dubju se jżidu l-volumi tal-kummerċ fiż-żewġ direzzjonijiet;
24. Jinnota fl-istess ħin li l-UE hija s-sieħba esportatriċi ewlenija tal-maġġoranza tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;
25. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li, minkejja li għamlu progress suffiċjenti fis-sodisfar tar-rakkomandazzjonijiet ewlenin, bħala kundizzjonijiet li jippermettu l-varar tan-negozjati taż-ŻKĦAK, il-Ġeorġja u l-Moldova xorta waħda għandhom bżonn jiżguraw li l-impenn tagħhom lejn il-proċess tar-riforma hu ta’ natura li tieħu fit-tul u li jinvolvu ruħhom fi proċess ta’ riforma b’saħħtu matul in-negozjati kollha; jenfasizza li ż-żewġ pajjiżi xorta waħda għandhom bżonn jagħmlu progress sinifikanti fir-riforma regolatorja li tikkonċerna b’mod partikolari l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-liġi tal-kompetizzjoni;
26. Jesprimi tħassib dwar il-kapaċità istituzzjonali tas-Sħab tal-Lvant ikkonċernati fir-rigward tal-implimentazzjoni attwali ta’ ŻKĦAK; jenfasizza li l-konklużjoni ta’ ŻKĦAK fiha nnifisha ma tiggarantixxix suċċess sakemm ma tkunx implimentata b’mod effikaċi u akkumpanjata minn miżuri effettivi dwar il-kompetizzjoni u kontra l-korruzzjoni;
27. Jinnota li l-istandards tax-xogħol li huma approvati internazzjonalment għandhom jiġu osservati meta jkunu qed jiġu konklużi ż-ŻKĦAK; jinnota li l-osservanza tad-drittijiet fundamentali tax-xogħol approvati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol hija element ewlieni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;
28. Jitlob li jkun hemm approċċ ambizzjuż lejn l-integrazzjoni tal-ekonomiji tal-UE u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant permezz taż-ŻKĦAK billi jiġu inklużjoni aspetti oħra relatati mal-kummerċ ħieles u ġust; jirrakkomanda li ż-ŻKĦAK kollha jinkludu kapitolu vinkolanti dwar l-iżvilupp sostenibbli, b’dispożizzjonijiet dwar il-ħarsien ambjentali u d-drittijiet tax-xogħol internazzjonali;
L-Armenja
29. Jifraħ lill-Gvern tal-Armenja talli żied l-isforzi tiegħu biex iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin fl-2011, li wasslu għall-varar tan-negozjati taż-ŻKĦAK fi Frar tal-2012;
30. Jilqa’ l-varar tan-negozjati taż-ŻKĦAK bejn l-Armenja u l-UE li sar fi Frar tal-2012 u l-bidu tagħhom fis-6 ta’ Marzu 2012; jinkoraġġixxi lill-Armenja tuża l-potenzjal taż-ŻKĦAK biex tagħti spinta lill-ekonomija tagħha, lill-opportunitajiet tal-esportazzjoni u lill-aċċess għas-suq tal-UE, biex tħaffef ir-riformi neċessarji u tgħolli b’mod ġenerali l-istandards tal-Armenja għal livell Ewropew; jenfasizza li integrazzjoni ekonomika aktar mill-qrib mal-UE trid tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istabbiltà politika u s-sigurtà fir-reġjun; jittama li n-negozjati taż-ŻKĦAK bejn l-UE u l-Armenja jiġu konklużi malajr;
31. Jilqa’ l-varar tan-negozjati taż-ŻKĦAK, li se jipprovdu opportunitajiet biex jissaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ naħat; iqis li huwa neċessarju li jiġu sostnuti r-riformi biex jinħoloq ambjent ekonomiku stabbli u trasparenti li se jattira investimenti barranin, jagħti spinta lit-tkabbir u joħloq l-impjiegi;
32. Jemmen li l-konklużjoni ta’ ŻKĦAK se tistimula l-ekonomija tal-Armenja billi, fost affarijiet oħra, tagħti spinta lill-kompetizzjoni;
33. Jiddispjaċih li l-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh għadu jidwi fil-fruntieri magħluqa tal-Armenja mal-Azerbajġan u t-Turkija, u qiegħed iżomm lill-pajjiż ekonomikament iżolat minħabba fin-nuqqas ta’ rotot ta’ aċċess; jenfasizza li l-ftuħ tal-fruntieri hu, inter alia, kundizzjoni importanti sabiex jiġi attirat l-investiment barrani;
34. Jinsab imħasseb dwar l-indikazzjonijiet tal-konnessjonijiet mil-qrib li għaddejjin bħalissa bejn ċrieki politiċi u tan-negozju u l-impedimenti sinifikanti għan-negozji, inklużi s-sistema tat-taxxa li mhix trasparenti u l-protezzjoni dgħajfa li tingħata lill-investiment; jagħraf il-ħtieġa li jkun hemm qafas istituzzjonali b’saħħtu għall-politika tal-akkwist pubbliku u tal-kompetizzjoni bil-għan li jinkludu mekkaniżmu effettiv ta’ infurzar;
35. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Armenja li tingħaqad mill-ġdid mal-Ftehimiet Plurilaterali tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku f’Diċembru 2011; jinsab konvint li dan il-pass huwa ta’ ġid għall-immaġni tal-Armenja bħala sieħba affidabbli fil-kummerċ;
36. Jenfasizza li ż-ŻKĦAK għandha tinkludi impenn qawwi min-naħa tal-Armenja li tirriforma r-regolamenti tagħha fid-direzzjoni tal-istandards tal-UE, akkumpanjati minn miżuri effikaċi kontra l-korruzzjoni;
37. Jirrakkomanda wkoll li ż-ŻKĦAK jmissha tinkludi miżuri mmirati biex isaħħu l-implimentazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni, ħalli b’hekk investituri u l-kumpaniji barranin ikunu kapaċi jipparteċipaw, b’mod partikolari, fl-industriji tal-kostruzzjoni u tal-enerġija tal-Armenja;
38. Iħeġġeġ lill-Armenja taċċelera l-proċess ta’ konformità mal-miżuri sanitarji u fitosanitarji tal-UE, ħaġa li tkun tippermetti diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-Armenja sabiex jinkludu wkoll prodotti agrikoli;
39. Jemmen li d-tidgħif tad-dipendenza tal-Armenja mill-appoġġ kummerċjali Russu u mill-gvern tar-Russja bħala riżultat tal-fatt li l-Armenja tiftaħ il-fruntieri tagħha u ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali jippromwovi t-tkabbir ekonomiku tagħha; jemmen li l-konklużjoni ta’ ŻKĦAK mal-UE jkun partikolarment ta’ benefiċċju f’dan ir-rigward;
L-Ażerbajġan
40. Jirrikonoxxi l-isforzi u l-kisbiet tal-Azerbajġan lejn l-approssimazzjoni mal-acquis tal-UE; jilqa’ f’dan ir-rigward l-adozzjoni riċenti tal-Kodiċi tad-Dwana u l-Kodiċi tal-Kostruzzjoni l-ġodda;
41. Jenfasizza li l-adeżjoni tal-Azerbajġan fid-WTO hi l-prerekwiżit ewlieni għall-ftuħ tan-negozjati taż-ŻKĦAK u b’hekk ir-relazzjonijiet tal-kummerċ bejn l-UE-Azerbajġan jinġiebu għal livell ogħla; jinnota li l-istruttura tal-ekonomija tal-Azerbajġan ma tagħtix lill-gvern tagħha motivazzjoni qawwija biex ifittex sħubija fid-WTO u ŻKĦAK mal-UE; jenfasizza madankollu li l-benefiċċji ta’ ŻKĦAK mhumiex purament ekonomiċi iżda li tista’ wkoll tiżviluppa l-ekonomija lokali lil hinn mid-dipendenza żejda tagħha mill-esportazzjonijiet tal-enerġija; iħeġġeġ għalhekk lill-Gvern tal-Azerbajġan iżid l-isforzi tiegħu għal sħubija fid-WTO; f’dan ir-rigward jistieden lill-UE tipprovdi lill-Azerbajġan l-għajnuna meħtieġa;
42. Ifaħħar it-tkabbir ekonomiku notevoli esperjenzat mill-Azerbajġan fis-snin imgħoddija; jirrimarka, madankollu, li s-settur taż-żejt jipprovdi 50% tal-PDG tal-Azerbajġan, 95% tal-esportazzjonijiet tagħha u 60% tad-dħul tal-baġit tagħha, u dan jagħmel l-ekonomija tal-Azerbajġan waħda vulnerabbli għall-volatilità tal-prezzijiet taż-żejt u għall-bidliet kollha fid-domanda globali; jistieden f’dan ir-rigward lill-Gvern tal-Azerbajġan jikkunsidra li jadotta miżuri effettivi u konsistenti sabiex jiddiversifika l-ekonomija tal-pajjiż;
43. Ifakkar li l-Azerbajġan għandu potenzjal li jiżviluppa produzzjoni agrikola kompetittiva, u jirrakkomanda li l-Gvern tal-Azerbajġan iqis dan il-qasam bħala pass potenzjalment importanti lejn id-diversifikazzjoni tal-ekonomija tiegħu u tal-esportazzjonijiet tiegħu lejn l-UE, suġġett għall-konformità mar-rekwiżiti sanitarji u fitosanitarji tal-UE, u lejn pajjiżi oħra;
44. Jistieden lill-Gvern tal-Azerbajġan jinvolvi ruħu b’mod ġenwin fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-inugwaljanzi soċjali li jistgħu jwasslu għal ferment soċjali, itejjeb l-aċċess tan-negozji għall-finanzjament, u b’hekk jagħmel l-ekonomija tal-pajjiż aktar kompetittiva u attraenti għall-investiment barrani;
45. Jappoġġja bil-qawwa li l-komponent tal-kummerċ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur bejn l-UE u l-Azerbajġan għal ŻKĦAK jiġi mtejjeb għal livell aqwa ladarba jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha;
Il-Bjelorussja
46. Jiddispjaċih li l-Bjelorussja, minkejja l-potenzjal inkontestabbli tagħha, qed titbiegħed dejjem iżjed mill-UE f’dawk li huma l-istandards politiċi u ekonomiċi ġenerali tagħha, kif ukoll fir-rigward tal-mudell ekonomiku tagħha;
47. Jenfasizza l-importanza tal-pożizzjoni strateġika tal-Bjelorussja bħala pajjiż ta’ passaġġ għall-enerġija, partikolarment il-provvisti tal-gass naturali għall-UE; jistieden lill-Bjelorussja, għalhekk, tirratifika minnufih u timplimenta kif dovut il-Karta tal-Enerġija;
48. Ifakkar li l-UE hija t-tieni l-akbar sieħba tal-kummerċ tal-Bjelorussja wara r-Russja;
49. Jenfasizza l-bżonn ta’ aktar għajnuna mill-UE sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tal-istrutturi amministrattivi, b’mod partikolari l-ħtieġa li tiġi miġġielda l-korruzzjoni;
50. Jiġbed l-attenzjoni lejn id-diffikultajiet fl-ivvalutar tas-sitwazzjoni ekonomika reali fil-Bjelorussja, minħabba fl-istatistiċi uffiċjali li, skont osservaturi indipendenti, jaħbu r-realtà li fiha allegatament 20% tal-Bjelorussi jgħixu taħt il-linja tal-faqar;
51. Jinnota li 80% tal-kumpaniji huma pubbliċi u l-iżvilupp tas-settur privat hu mxekkel minn miżuri diskriminatorji u arbitrarji, bidliet li jsiru fil-leġiżlazzjoni u taxxi iebsa, sitwazzjoni li ġġiegħel lis-settur privat jopera parzjalment fl-ekonomija li mhix uffiċċjali;
52. Ifakkar li, minħabba fil-klima politika u ekonomika negattiva fil-Bjelorussja, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji ffriżaw il-krediti tagħhom lill-Bjelorussja fl-1996 u l-UE għamlet l-istess fl-1997; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan kollu iddisswada u jkompli jiddisswadi lill-investituri barranin, fejn l-investiment barrani dirett issa jammonta biss għal 1% tal-PDG tal-pajjiż;
53. Jemmen li l-UE jmissha tgħin biex tissaħħaħ is-soċjetà ċivili tal-Bjelorussja billi torjenta mill-ġdid il-fondi tal-UE f’din id-direzzjoni;
54. Jinsab konvint li hemm bżonn li jitwettqu riformi istituzzjonali u strutturali profondi sabiex tibda tinbena ekonomija tas-suq li tiffunzjona, tkun trasparenti u miftuħa;
55. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-adeżjoni tal-pajjiż mad-WTO hi kundizzjoni biex jinbdew negozjati dwar kwalunkwe tip ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-UE; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Bjelorussja timpenja ruħha b’mod ġenwin fil-proċess ta’ adeżjoni fid-WTO; jirrimarka li l-Bjelorussja, peress li hija membru tal-Unjoni Doganali mar-Russja u l-Kazakstan, tista’ tieħu mill-esperjenza tar-Russja fir-rigward tal-proċess ta’ adeżjoni mad-WTO;
56. Jinsab konvint li l-UE jmissha tagħmel kull sforz biex iddaħħal lill-Bjelorussja fi djalogu politiku u ekonomiku reali u tipprovdi inċentivi għar-riformi li huma indispensabbli u ta’ importanza estrema għaċ-ċittadini tal-Bjelorussi; jinnota, f’dan ir-rigward, il-miżuri ekonomiċi restrittivi b’miri speċifiċi li qed tieħu l-UE bħalissa kontra l-Bjelorussja; hu tal-fehma li l-UE jmissha tkompli għaddejja bil-miżuri restrittivi individwali tagħha b’miri speċifiċi filwaqt li tkompli tappoġġja lis-soċjetà ċivili u lill-intraprendituri bil-għan mhux biss li ttejjeb il-kundizzjonijiet ekonomiċi imma wkoll li ssaħħaħ l-istat tad-dritt, it-trasparenza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
Il-Ġeorġja
57. Jirrimarka li, skont l-evalwazzjoni tal-Bank Dinji, il-Ġeorġja hi waħda mill-ekonomiji tad-dinja li l-aktar li qegħdin jirriformaw ruħhom malajr u li skont il-Bank Dinji tinsab ikklassifikata fis-16 l-aħjar post fid-dinja biex isir negozju fih;
58. Jirrikonoxxi x-xogħol ta’ rikostruzzjoni tal-Ġeorġja wara l-gwerra tal-2008 u l-ftuħ tagħha ta’ swieq ġodda;
59. Jirrikonoxxi l-fatt li l-Gvern tal-Ġeorġja qiegħed jipprova jtejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, madankollu jirrimarka li l-Ġeorġja xorta għad għandha l-ogħla prevalenza allegata ta’ softwer akkwistat bil-piraterija minn kwalunkwe pajjiż ieħor; jistieden f’dan ir-rigward lill-Gvern tal-Ġeorġja jiżviluppa liġijiet għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b’kunsiderazzjoni, madankollu, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-proporzjonalità;
60. Iqis li l-Ġeorgja uriet tkabbir ekonomiku u rati ta’ investiment notevoli u jenfasizza li ż-ŻKĦAK tkun fattur addizzjonali biex jiġi appoġġjat it-tkabbir fuq bażi wiesgħa u biex jiġu attirati l-investimenti barranin;
61. Jinkoraġġixxi lill-Ġeorġja biex tipperfezzjona l-leġiżlazzjoni tagħha, ittejjeb l-effiċjenza tal-istituzzjonijiet tagħha u tiżgura standards għolja ta’ kontroll tal-kwalità għall-prodotti tagħha sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea;
62. Jilqa’ s-sistema tal-akkwist il-ġdida tal-Ġeorġja, li tippermetti irkanti elettroniċi għal kull tip ta’ kuntratti, irrispettivament mid-daqs jew in-natura tagħhom; jirrimarka li l-Ġeorġja jmissha wkoll isservi ta’ eżempju għall-Istati Membri tal-UE f’dan il-qasam;
63. Jistieden lill-Ġeorġja tassigura li, wara l-konklużjoni tan-negozjati taż-ŻKĦAK, huma biss il-prodotti li joriġinaw mir-reġjuni li jirrikonoxxu formalment l-adeżjoni tagħhom mal-istat tal-Ġeorġja li jkunu eliġibbli għall-preferenzi kummerċjali;
Il-Moldova
64. Jirrikonoxxi b’sodisfazzjon il-fatt li l-Moldova, minkejja l-fraġilità tal-ekonomija tagħha, f’dawn l-aħħar snin għaddiet minn proċess ta’ riforma notevoli u tejbet bil-kbir il-prestazzjoni ekonomika tagħha; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza vitali tal-assistenza finanzjarja pprovduta mill-Fond Monetarju Internazzjonali u l-assistenza makrofinanzjarja pprovduta mill-UE;
65. Huwa tal-opinjoni li ż-ŻKĦAK futuri jmisshom japplikaw għat-territorju kollu tal-Moldova li jirrikonoxxi formalment l-adeżjoni tiegħu mal-istat tal-Moldova;
66. Jinnota li, għalissa, il-parti l-kbira tal-esportazzjonijiet tal-Moldova joriġinaw mill-agrikoltura u għalhekk jiffaċċjaw kompetizzjoni ħarxa u rekwiżiti stretti fis-suq tal-UE; hu tal-fehma li ŻKĦAK għandha tgħin fid-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-Moldova u tagħmel lill-pajjiż aktar kompetittiv u tkun tippermetti lill-Moldova tattira investimenti barranin sabiex ittemm id-dipendenza tagħha mir-rimessi ta’ flus u tagħmel it-tranżizzjoni għal ekonomija tas-suq kompetittiva fl-esportazzjonijiet;
67. Jenfasizza kemm hu importanti li l-Moldova tkompli tiġi allinjata mal-UE fl-infrastruttura u fis-sistemi tagħha għar-regolamentazzjoni teknika, l-istandardizzazzjoni, il-valutazzjni tal-konformità, l-ittestjar, is-sorveljanza tas-suq u l-metroloġija;
68. Jirrimarka li għad hemm bżonn li jsir progress konsiderevoli fil-qasam tas-servizzi u l-protezzjoni tal-investiment;
69. Jistieden lill-awtoritajiet tal-UE jinvolvu ruħhom aktar fis-sejbien ta’ soluzzjoni paċifika għall-problemi tar-reintegrazzjoni territorjali tal-Moldova;
L-Ukraina
70. Jilqa’ l-konklużjoni taż-ŻKĦAK bejn l-UE u l-Ukraina, bħala l-ewwel ftehim ta’ kummerċ ħieles li qatt sar bejn l-UE u Sieħba tal-Lvant; jikkunsidra li dan il-ftehim li kiseb riżultati ġodda u l-esperjenza miksuba matul in-negozjar tiegħu għandhom mingħajr dubju jservu ta’ eżempju utli f’negozjati ta’ ŻKĦAK futuri;
71. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Ukraina hi l-akbar Sieħba tal-Lvant tal-UE u li ż-ŻKĦAK tiftaħ suq ġdid ta’ 46 miljun konsumatur għall-UE; jikkunsidra li għall-UE l-akbar benefiċċji mill-implimentazzjoni taż-ŻKĦAK se jiġu minn reġim ta’ kummerċ u investiment aktar stabbli u prevedibbli fl-Ukraina;
72. Jilqa’ l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Ukraina biex jiffukaw fuq li jegħilbu l-inugwaljanzi soċjali u ġeografiċi, b’mod partikolari bejn il-belt kapitali u r-reġjuni;
73. Jiddispjaċih minħabba d-dewmien fl-iffirmar tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li huwa l-kundizzjoni għad-dħul fis-seħħ taż-ŻKĦAK; jesprimi t-tama li l-ostakoli għall-iffirmar ma jdumux ma jiġu megħluba;
74. Jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni eskludiet il-possibilità tal-applikazzjoni proviżorja taż-ŻKĦAK qabel il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-approvazzjoni tiegħu mill-Parlament Ewropew; jirrimarka li l-applikazzjoni kemm tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u kemm taż-ŻKĦAK se ġġib magħha riformi strutturali u politiċi u għalhekk jixtieq li t-tnejn li huma jiġu implimentati malajr.
75. Jirrikonoxxi l-fatt li, fir-rigward tal-integrazzjoni fi strutturi Ewropej, l-Ukraina għamlet ċertu progress u bdiet ukoll tadatta s-sistema legali tagħha għall-istandards tal-UE u għal standards internazzjonali u li għamlet ukoll progress kbir fl-adozzjoni tal-istandards u n-normi tal-OECD; jinnota madankollu li l-klima tan-negozju fl-Ukraina għadha kklassifikata bħala l-152 waħda mid-Doing Business tal-Bank Dinji, flimkien mal-fatt li l-problemi tal-kummerċ transkonfinali qed imorru għall-agħar.
76. Jenfasizza li implimentazzjoni taż-ŻKĦAK b’suċċess se tiddependi ħafna mir-rieda politika u mill-kapaċità amministrattiva li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet kollha tagħha b’mod li jkun f’waqtu u eżatt; jikkunsidra li din hija sfida serja għall-Ukraina, li għandha rekord imħallat f’dik li hi r-riforma tal-ekonomija u l-istat tagħha u li għadha tissielet biex tissodisfa l-impenji kollha tagħha skont il-proċess ta’ adeżjoni fid-WTO, kif ukoll impenji fir-rigward tal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali;
77. Itenni li r-riformi ekonomiċi, politiċi u istituzzjonali fundamentali, inkluża parteċipazzjoni wiesgħa u permanenti tal-organizzazzjonijiet u n-netwerks tas-soċjetà ċivili, iridu jiġu aċċelerati u mmexxija b’mod aktar komprensiv u konsistenti, sabiex jiġu assigurati implimentazzjoni xierqa taż-ŻKĦAK u l-kisbiet li ġejjin minnha; jitlob, b’mod partikolari, għal kontinwazzjoni tar-riformi ekonomiċi fl-oqsma tas-setturi tal-agrikoltura, tal-enerġija u tat-trasport;
78. Jinsab imħasseb dwar l-indikazzjonijiet negattivi rigward il-klima tan-negozju u l-investiment tal-Ukraina li tirriżulta minn diversi defiċjenzi istituzzjonali u sistemiċi bħalma huma l-ostakoli għad-dħul fis-suq, il-permessi amministrattivi, l-għadd eċċessiv ta’ spezzjonijiet amministrattivi, sistemi tat-taxxa u tad-dwana li mhumiex trasparenti u amministrazzjoni ta’ kwalità baxxa, is-sistema ġuridika instabbli u mhix trasparenti u l-funzjonament batut tagħha, l-amministrazzjoni pubblika u l-ġudikatura dgħajfa u korrotti, l-infurzar dgħajjef ta’ kuntratti u l-protezzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet ta’ proprjetà, in-nuqqas ta’ żvilupp u l-monopolizzazzjoni tal-infrastruttura; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ukraina jaċċelera l-proċess ta’ riforma sabiex jelimina l-ostakoli ta’ hawn fuq li qed ixekklu n-negozju u l-kummerċ ħielsa u ġusti;
79. Jistieden lill-Gvern tal-Ukraina jindirizza l-preokkupazzjonijiet tas-settur tan-negozju b’mod aktar effikaċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-kreditu u l-art, l-ipoteka, il-krediti preferenzjali għall-iżvilupp ta' intrapriżi agrikoli żgħar; sistema tal-ġbir tat-taxxi li tkun aktar semplifikata u aktar trasparenti, ir-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-esportaturi, l-ikklerjar tad-dwana u proċeduri ta' approvazzjoni għall-importazzjonijiet, il-promozzjoni tas-settur tal-SMEs, it-titjib tal-infurzar tal-liġi fil-qasam tal-protezzjoni tal-beni materjali u tal-propjetà intellettwali; peress li dawk il-fatturi kollha għandhom impatt immedjat u dirett fuq il-kwantità u l-kwalità tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-UE u l-influss ta’ investiment dirett barrani tagħha fl-Ukraina;
80. Jistieden lill-Ukraina tadatta l-leġislazzjoni interna tagħha sabiex tiffaċilita l-passaġġ ħieles u mhux interrott tal-gass lejn l-Istati Membri tal-UE; jinnota li dan il-proċess imissu jinkludi ristrutturar tas-settur tal-gass u l-istabbiliment ta’ regolamentazzjoni ġusta tal-infrastruttura tal-enerġija bil-ħsieb li l-fornituri barranin, il-klijenti barranin u d-domanda lokali għall-enerġija jitqiegħdu fuq l-istess livell ta’ kundizzjonijiet; jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina fis-settur enerġetiku, li s-settur enerġetiku tal-Ukraina jiġi integrat fl-isfera enerġetika Ewropea u li jingħata bidu għal proġetti konġunti ta’ modernizzazzjoni u żvilupp fl-isfera tal-infrastruttura tal-enerġija; jistieden lill-gvern jimplimenta t-tielet pakkett tal-enerġija;
81. Jesprimi t-tama tiegħu li l-Ukraina se ssib rieda politika u kuraġġ biżżejjed biex toħloq kundizzjonijiet politiċi u regolatorji għall-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha taż-ŻKĦAK, ħaġa li tkun ta’ benefiċċju kbir għall-popolazzjoni tagħha;
82. Jistieden lill-awtoritajiet tal-UE jagħtu aktar appoġġ għat-titjib tal-prestazzjoni tal-istrutturi amministrattivi tal-Ukraina u għall-promozzjoni tal-istandards tal-UE fil-qasam tal-governanza;
*
* *
83. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jqisu kif dovut il-kunsiderazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet t'hawn fuq fin-negozjar u l-implimentazzjoni tal-partijiet tal-kummerċ tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina kif ukoll fl-iżviluppar tar-relazzjonijiet ta’ kummerċ tal-UE mal-Bjelorussja;
84. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b’mod regolari u komplet lill-Parlament Ewropew dwar il-progress tan-negozjati u, wara d-dħul tagħha fis-seħħ, dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ kull ŻKĦAK;
85. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-SEAE u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi li jappartienu lis-Sħubija tal-Lvant.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
30.5.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 3 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Franziska Keller, Vital Moreira, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Paweł Zalewski |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Silvana Koch-Mehrin, Elisabeth Köstinger, Emma McClarkin, Miloslav Ransdorf, Tokia Saïfi, Jarosław Leszek Wałęsa, Pablo Zalba Bidegain |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Zuzana Roithová |
||||