RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju
5.6.2012 - (COM(2011)0860 – C7‑0490/2011 – 2011/0417(COD)) - ***I
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Philippe Lamberts
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju
(COM(2011)0860 – C7‑0490/2011 – 2011/0417(COD))
Proċedura leġiżlattiva ordinarja l-ewwel qari
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2011)0860),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0490/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew tas-26 ta' April 2012[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0193/2012),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW[2]*
għall-proposta tal-Kummissjoni
---------------------------------------------------------
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[3],
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) Il-kapital ta’ riskju jipprovdi finanzjament lill-impriżi li ġeneralment huma żgħar ħafna, fl-istadji inizjali tal-eżistenza korporattiva tagħhom u li juru potenzjal qawwi għal tkabbir u espansjoni. Għalkemm il-fondi ta' kapital ta' riskju spiss jinvestu f'impriżi ġodda, hemm każijiet fejn huwa opportun li jsiru investimenti trasformattivi fl-impriżi li jkunu ilhom li twaqqfu iktar minn ħames snin. Barra minn hekk, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju jipprovdu ▌l-impriżi b’kompetenzi u għarfien prezzjużi, kuntatti tan-negozju, l-ekwità tad-ditti u pariri strateġiċi. Meta jipprovdu finanzjament u pariri lil dawn l-impriżi, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju jistimulaw it-tkabbir ekonomiku, jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi u l-mobilizzazzjoni tal-kapital, jinkoraġġixxu l-istabbiliment u l-espansjoni ta’ impriżi innovattivi, iżidu l-investiment tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp u jkattru l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-kompetittività bi qbil mal-objettivi tal-Istrateġija UE 2020 u fil-kuntest tal-isfidi fuq medda twila ta' żmien tal-Istati Membri, bħal dawk identifikati fir-rapport Global Trends 2030(Tendenzi Globali 2030) tas-Sistema ta' Analiżi tal-Istrateġija u l-Politika Ewropea. Biex jiżdied l-investiment fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SME), l-investimenti magħmula skont dan ir-Regolament għandhom ikunu integrati fl-investimenti li jsiru mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020. Il-Kummissjoni għandha tipproponi strateġija integrata dwar l-istrumenti finanzjarji għall-SMEs u tevalwa l-impatt tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II)[5], id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-aċċess għall-attività tal-entitajiet ta' kreditu u l-eżerċizzju tiegħu[6] u d-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital għall-kumpaniji tal-investiment u għall-entitajiet ta' kreditu[7], dwar id-disponibilità tal-kapital ta' riskju.
(2) Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni ta’ regoli rigward l-użu tad-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju", b’mod partikolari l-kompożizzjoni tal-portafoll tal-fondi li joperaw taħt din id-denominazzjoni, il-miri tal-investiment eliġibbli tagħhom, l-istrumenti ta’ investiment li jistgħu jutilizzaw u l-kategoriji tal-investituri li huma eliġibbli li jinvestu f’fondi bħal dawn b’regoli uniformi fl-Unjoni. Fl-assenza ta’ qafas komuni bħal dan, hemm ir-riskju li l-Istati Membri jwettqu miżuri diverġenti fil-livell nazzjonali li jkollhom impatt negattiv b’mod dirett fuq, u l-ħolqien ta’ ostakli għal, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, minħabba li l-fondi ta’ kapital ta’ riskju li jixtiequ joperaw fl-Unjoni jkunu suġġetti għal regoli differenti fi Stati Membri differenti. Barra minn hekk, rekwiżiti tal-kwalità diverġenti dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, il-miri tal-investiment u l-investituri eliġibbli jistgħu jwasslu għal livelli differenti ta’ protezzjoni tal-investitur u konfużjoni ġenerali rigward il-proposta tal-investiment assoċjata mal-"Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju". Barra minn hekk, l-investituri għandhom ikunu jistgħu jqabblu l-proposti tal-investiment ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju differenti. Huwa meħtieġ li jitneħħew ostakli sinifikanti għal żieda fil-fondi transkonfinali mill-fondi ta’ kapital ta’ riskju u li jkunu evitati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn dawn il-fondi, u li kwalunkwe ostakli potenzjali oħra għall-kummerċ u distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni ma jitħallewx jitnisslu fil-ġejjieni. Konsegwentement, il-bażi legali xierqa hija l-Artikolu 114 tat-TFUE, kif interpretat skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
(3) Huwa meħtieġ li jkun adottat Regolament li jistabbilixxi regoli uniformi applikabbli għall-Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju u jimponi obbligi korrispondenti fuq il-maniġers tagħhom fl-Istati Membri kollha li jixtiequ jżidu l-kapital fl-Unjoni permezz tad-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju". Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiżguraw il-fiduċja tal-investituri li jixtiequ jinvestu f’fondi ta’ kapital ta’ riskju.
(3a) Il-proċess ta' ħolqien ta' fond ta' kapital ta' riskju għandu jkun mgħaġġel kemm jista' jkun sabiex inaqqas l-ispejjeż ta' twaqqif ta' fondi ġodda fis-suq.
(4) Id-definizzjoni tar-rekwiżiti tal-kwalità għall-użu tad-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" f’forma ta’ Regolament għandha tiżgura li dawk ir-rekwiżiti jkunu applikabbli b’mod dirett għall-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jżidu l-fondi permezz ta’ din id-denominazzjoni. Dan għandu jiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-użu ta’ din id-denominazzjoni billi jkunu evitati rekwiżiti nazzjonali diverġenti bħala riżultat tat-traspożizzjoni ta’ Direttiva. Dan ir-Regolament għandu jwassal biex il-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv li jużaw din id-denominazzjoni jkollhom isegwu l-istess regoli fl-Unjoni kollha, u dan għandu jkabbar il-fiduċja tal-investituri li jixtiequ jinvestu fil-fondi ta’ kapital ta’ riskju. Ir-Regolament għandu jnaqqas ukoll il-kumplessità regolatorja u l-ispiża tal-konformità tal-maniġers ma’ regoli nazzjonali ta’ spiss diverġenti li jirregolaw il-fondi ta’ kapital ta’ riskju, speċjalment għal dawk il-maniġers li jixtiequ jżidu l-kapital fuq bażi transkonfinali. Regolament għandu jikkontribwixxi wkoll għall-eliminazzjoni ta’ distorsjonijiet kompetittivi. Il-Kummissjoni għandha tressaq, sa tmiem l-2012, rapport dwar l-ostakoli fiskali li jiffaċċjaw fondi ta' kapital ta' riskju fid-diversi Stati Membri u għandha tkompli taħdem lejn kundizzjonijiet fiskali ekwi.
(5) Sabiex tkun iċċarata r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u r-regoli dwar l-impriżi ta’ investiment kollettiv u l-maniġers tagħhom, huwa meħtieġ li jkun stabbilit li dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv, apparti l-UCITS skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), li huma stabbiliti fl-Unjoni u huma rreġistrati mal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom skont id-Direttiva 2011/61/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010. Barra minn hekk, dan għandu japplika biss għall-maniġers li jiġġestixxu portafolli ta’ fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju li minnhom l-assi totali amministrati tagħhom ma jaqbżux il-limitu ta’ EUR 500 miljun. Maniġers ta' impriżi ta' kapital ta' riskju li huma reġistrati skont dan ir-Regolament u li l-assi totali tagħhom sussegwentement jaqbżu l-EUR 500 miljun, u li għalhekk isiru soġġetti għal awtorizzazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tagħhom bi qbil mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/61/UE, għandhom ikunu jistgħu jkomplu jużaw il-kliem "Fond Ewropew ta' Kapital ta' Riskju" u joperaw skont dan ir-Regolament b'rabta mal-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni ta' fondi ta' kapital ta' riskju li jikkwalifikaw, sakemm dawn ikomplu jikkonformaw ma' dan ir-Regolament f'kull waqt fir-rigward tal-fondi ta' kapital ta' riskju li jikkwalifikaw.
(6) Meta l-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv ma jkunux jixtiequ jużaw id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju", dan ir-Regolament m’għandux japplika. F’dawn il-każijiet, għandhom ikomplu japplikaw ir-regoli nazzjonali u r-regoli ġenerali tal-Unjoni eżistenti.
(6a) Filwaqt li l-fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju jista' jkollhom rwol importanti fit-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, u għalkemm hemm salvagwardji inklużi biex jiġi żgurat li l-fondi jintużaw b'mod xieraq, hemm ir-riskju li l-fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju jintużaw għal skopijiet mhux ippjanati. L-awtoritajiet superviżorji għandhom joqogħdu attenti f'dan ir-rigward u għandu jsir rieżami biex jiġi żgurat li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' dan it-tip.
(7) Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli uniformi dwar in-natura tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, notevolment dwar l-impriżi tal-portafoll li fihom il-fondi li jikkwalifikaw tal-kapital ta’ riskju għandhom ikunu permessi jinvestu kif ukoll l-istrumenti tal-investiment li għandhom jintużaw. Dan huwa meħtieġ sabiex tkun tista’ tinġibed linja ta’ demarkazzjoni ċara bejn il-fondi li jikkwalifikaw tal-kapital ta’ riskju u fondi ta’ investiment alternattivi oħra li jadottaw strateġiji ta’ investiment oħra anqas speċjalizzati, pereżempju l-ekwità privata jew investimenti fi proprjetà immobbli.
(8) F’konformità mal-għan li jkunu llimitati b’mod preċiż l-impriżi ta’ investiment kollettiv li se jkunu koperti minn dan ir-Regolament u sabiex ikun żgurat li jkunu ffokati fuq il-provvediment ta’ kapital lill-impriżi żgħar fl-istadji inizjali tal-eżistenza korporattiva tagħhom, id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" għandha tkun limitata ▌għal dawk il-fondi li fuq medja jinvestu fis-sentejn wara l-ewwel investiment bi qbil ma' dan ir-Regolament mill-inqas 55% u wara mill-inqas 70 fil-mija tal-kapital impenjat mitlub f'impriżi bħal dawn, wara tnaqqis tal-ispejjeż kollha relevanti, parteċipazzjonijiet fuq medda ta' żmien fil-qosor fi flus jew f'ekwivalenti ta' flus. Tariffi, imposti u spejjeż li huma direttament jew indirettament imħallsa minn investituri u li jiġu maqbula bejn il-maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju li jikkwalifika u l-investituri għandhom jitqiesu bħala tariffi rilevanti.
(8a) Il-maniġers ta' fond ta' kapital ta' riskju li jikkwalifika għandhom ikunu kapaċi jattiraw impenji ta' kapital addizzjonali matul il-perjodu ta' dak il-fond.
(8b) Strumenti ta' kważi ekwità jinkludu tip ta' strument ta' finanzjament, fejn il-qligħ fuq l-istrument huwa konness mal-qligħ jew mat-telf tal-impriżi tal-portafoll li jikkwalifika, u fejn il-ħlas lura tal-istrument f'każ ta' falliment ma jkunx assigurat bis-sħiħ. Dawn l-istrumenti jinkludu varjetà ta' strumenti ta' finanzjament bħas-self subordinat, parteċipazzjonijiet passivi, self parteċipanti, drittijiet parteċipanti bi qligħ, bonds konvertibbli u bonds b'warrants.
(9) Sabiex tkun stabbilita salvagwardja essenzjali li tiddifferenzja l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju skont dan ir-Regolament mill-kategorija aktar wiesgħa ta’ fondi ta’ investiment alternattivi li jikkummerċjalizzaw f’titoli maħruġa fi swieq sekondarji, huwa neċessarju li l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju jkunu limitati li jagħmlu biss investimenti fi strumenti maħruġa b’mod dirett.
(10) Sabiex il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju jkollhom ċertu grad ta’ flessibilità fl-investiment u l-ġestjoni tal-likwidità tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju tagħhom, għandha tkun permessa l-kummerċjalizzazzjoni sekondarja, bħal f'ishma jew parteċipazzjonijiet f'impriżi b'portafoll li ma jikkwalifikax, sa limitu massimu li ma jaqbiżx, fuq medja, fl-ewwel sentejn wara l-ewwel investiment skont dan ir-Regolament, il-45% u wara it-30 fil-mija tal-kapital impenjat tal-fond, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż kollha. Parteċipazzjoni (holding) fuq medda ta’ żmien fil-qosor fi flus jew l-ekwivalenti ta’ flus m’għandhomx jitqiesu fil-kalkolu ta’ dan il-limitu.
(11) Sabiex ikun żgurat li d-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" tkun affidabbli u faċilment rikonoxxuta mill-investituri fl-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi li huma biss il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li jikkonformaw mal-kriterji ta’ kwalità uniformi kif stabbiliti f’dan ir-Regolament li għandhom ikunu eliġibbli biex jużaw id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" meta jikkummerċjalizzaw il-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju fl-Unjoni.
(12) Sabiex ikun żgurat li fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju jkollhom profil distint u identifikabbli li huwa adattat għall-finijiet tagħhom, għandu jkun hemm regoli uniformi dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll u dwar it-tekniki tal-investiment li huma permessi għal fondi li jikkwalifikaw bħal dawn, inkluż self.
(13) Sabiex ikun żgurat li l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju ma jikkontribwixxux għall-iżvilupp ta’ riskji sistemiċi, u ▌li, fl-attivitajiet tal-investiment tagħhom, fondi bħal dawn jikkonċentraw fuq l-appoġġ għal kumpaniji li jikkwalifikaw tal-portafoll, ▌għandu jkun permess biss sal-punt tal-kapital impenjat mhux mitlub. Madankollu, sabiex il-fond ikun permess ikopri l-ħtiġijiet ta’ likwidità straordinarji li jistgħu jfeġġu bejn is-sejħa ta’ kapital kommess mill-investituri u l-wasla attwali tal-kapital fil-kontijiet tiegħu, għandu jkun permess is-self fuq medda ta’ żmien fil-qosor .
(14) Sabiex ikun żgurat li l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju huma kkummerċjalizzati lil investituri li għandhom it-tagħrif, l-esperjenza u l-kapaċità li jimmaniġġjaw ir-riskji li dawn il-fondi jkollhom, u sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investituri fil-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, iridu jkunu stabbiliti ċerti salvagwardji. Għaldaqstant, il-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju għandhom b’mod ġenerali jkunu kkummerċjalizzati biss lil investituri li huma klijenti professjonali jew li jistgħu jkunu ttrattati bħala klijenti professjonali skont id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE. Din il-kategorija tinkludi l-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li huma stess jinvestu f’fondi ta’ kapital ta’ riskju. Madankollu, sabiex ikun hemm bażi tal-investituri wiesgħa biżżejjed għall-investiment fil-fondi ta’ kapital ta’ riskju huwa mixtieq ukoll li ċerti investituri oħra jkollhom aċċess għall-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, inklużi l-individwi ta’ valur għoli. Għal dawk l-investituri l-oħra, madankollu, għandhom ikunu stabbiliti salvagwardji speċifiċi sabiex ikun żgurat li l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju huma kkummerċjalizzati biss lil dawk l-investituri li għandhom il-profil adattat biex jagħmlu tali investimenti. Dawn is-salvagwardji jeskludu l-kummerċjalizzazzjoni permezz ta’ pjanijiet ta’ tfaddil perjodiku. Barra minn hekk, investimenti li jsiru minn diriġenti eżekuttivi, diretturi jew impjegati ta' maniġer ta' fondi ta' kapital ta' riskju għandhom ikunu possibbli meta dawn jinvestu fil-fond li jikkwalifika ta' kapital ta' riskju li huma jmexxu.
(15) Sabiex ikun żgurat li d-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" tintuża biss minn maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju, li jissodisfaw il-kriterji tal-kwalità uniformi fir-rigward tal-imġiba tagħhom fis-suq, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli dwar it-twettiq tan-negozju u r-relazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju mal-investituri tiegħu. Għall-istess raġuni, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi fir-rigward tal-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess minn maniġers bħal dawn. Dawn ir-regoli għandhom ukoll jirrikjedu li l-maniġer ikollu l-arranġamenti organizzattivi u amministrattivi meħtieġa fis-seħħ biex ikun żgurat li jista’ jimmaniġġja kif jixraq il-kunflitti ta’ interess.
(16) Sabiex tkun żgurata l-integrità tad-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" dan ir-Regolament għandu jinkludi ukoll kriterji ta’ kwalità fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi rekwiżiti uniformi u proporzjonati għall-ħtieġa li jinżammu riżorsi tekniċi u umani adegwati kif ukoll fondi proprji suffiċjenti għall-ġestjoni kif jixraq tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju.
(17) Għall-fini tal-protezzjoni tal-investitur huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-assi tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju jiġu evalwati kif jixraq. Għaldaqstant, id-dokumenti statutorji tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju għandu jkun fihom regoli dwar il-valutazzjoni tal-assi. Dan għandu jiżgura l-integrità u t-trasparenza tal-valutazzjoni.
(18) Sabiex ikun żgurat li l-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li jużaw id-denominazzjoni "Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju" jagħtu rendikont suffiċjenti tal-attivitajiet tagħhom, għandhom ikunu stabbiliti regoli uniformi rigward ir-rapporti annwali.
(19) Sabiex tkun żgurata l-integrità tad-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" f’għajnejn l-investituri, huwa meħtieġ li din tintuża biss minn maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li huma trasparenti b’mod sħiħ fir-rigward tal-politika tal-investiment tagħhom u l-miri tal-investiment tagħhom. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli uniformi dwar ir-rekwiżiti tal-iżvelar li għandu jagħmel maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju fir-rigward tal-investituri tiegħu. B’mod partikolari, għandu jkun hemm obbligi ta’ żvelar prekuntrattwali relatati mal-istrateġija tal-investiment u l-objettivi tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, l-istrumenti tal-investiment li jintużaw, l-informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-imposti assoċjati, u l-profil tar-riskji u l-benefiċċji tal-investiment propost minn fond li jikkwalifika. Bil-għan li jinkiseb grad għoli ta’ trasparenza, rekwiżiti ta’ żvelar bħal dawn għandhom jinkludu wkoll l-informazzjoni dwar kif hija kkalkulata r-remunerazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju.
(20) Sabiex tkun żgurata superviżjoni effettiva tar-rekwiżiti uniformi li fih dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tissorvelja l-konformità tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju mar-rekwiżiti uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, il-maniġer tal-kapital li jikkwalifika tar-riskju li jixtieq jikkummerċjalizza l-fondi li jikkwalifikaw tiegħu taħt id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu dwar din l-intenzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra lill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jekk tkun ġiet ipprovduta l-informazzjoni kollha meħtieġa u jekk hemm fis-seħħ arranġamenti xierqa għal konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Din ir-reġistrazzjoni għandha tkun valida fl-Unjoni kollha.
(21) Sabiex tkun żgurata superviżjoni effettiva tal-konformità mal-kriterji uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jinkludi regoli dwar iċ-ċirkustanzi fejn ikun meħtieġ li l-informazzjoni pprovduta lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ domiċilju tiġi aġġornata.
(22) Biex ikun hemm superviżjoni effettiva tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi wkoll proċess għan-notifiki transkonfinali bejn l-awtoritajiet kompetenti superviżorji, li jiskatta mar-reġistrazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju fl-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu.
(23) Sabiex jinżammu kundizzjonijiet trasparenti għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju fl-Unjoni, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8] għandha tkun fdata biż-żamma ta’ bażi ta' dejta ċentrali li telenka l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju kollha li huma rreġistrati skont dan ir-Regolament.
(24) Sabiex tkun żgurata s-superviżjoni effettiva tal-kriterji uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jinkludi lista tas-setgħat superviżorji li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom.
(25) Sabiex ikun żgurat infurzar kif jixraq, dan ir-Regolament għandu jinkludi sanzjonijiet għall-ksur ta' dispożizzjonijiet ewlenin ta’ dan ir-Regolament, li huma r-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, dwar is-salvagwardji relatati mal-identità tal-investituri eliġibbli, u dwar l-użu tad-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" biss minn maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju rreġistrati. Għandu jkun stabbilit li l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ewlenin iwassal għal projbizzjoni tal-użu tad-denominazzjoni u t-tneħħija tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju mir-reġistru.
(26) L-informazzjoni superviżorja għandha tkun skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri ta’ domiċilju u ospitanti u l-AETS.
(27) Kooperazzjoni regolatorja effettiva fost l-entitajiet inkarigati bis-sorveljanza tal-konformità mal-kriterji uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament tirrikjedi li għandu jkun applikat livell għoli ta’ segretezza professjonali lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha u l-AETS.
(28) L-istandards tekniċi fis-servizzi finanzjarji għandhom jiżguraw armonizzazzjoni konsistenti u livell għoli ta’ sorveljanza fl-Unjoni kollha. Bħala korp b’kompetenza speċjalizzata ħafna, ikun effiċjenti u xieraq li l-AETS tkun fdata bl-elaborazzjoni ta’ abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni meta dawn ma jinvolvux għażliet politiċi, biex ikun sottomess lill-Kummissjoni.
(29) Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE. L-AETS għandha tkun fdata bl-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-format ▌tan-notifika msemmija f'dan ir-Regolament.
(30) Sabiex ikunu speċifikati r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, is-setgħa li jkunu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni ▌tat-tipi ta’ kunflitt ta’ interess li jeħtieġ li jkunu evitati mill-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-passi li jridu jittieħdu f’dak ir-rigward. Hija ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u adattata tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
▌
(32) ħandha titwettaq analiżi ta’ dan ir-Regolament fl-istess waqt jew immedjatament wara r-rieżami tad-Direttiva 2011/61/UE sabiex jitqies l-iżvilupp tas-suq tal-kapital ta’ riskju. Fuq il-bażi tal-analiżi, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn bidliet leġiżlattivi.
(32a) Jeħtieġ jiġi żgurat li l-Kummissjoni tipproċedi b'valutazzjoni regolari tal-effikaċja tal-iskemi pubbliċi li jiġu użati fl-Unjoni biex jappoġġaw is-suq ta' kapital ta' riskju.
(32b) Sabiex jiġi żgurat li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jirregolaw l-appoġġ tal-Istati Membri għal fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju effettivament jinkoraġġixxu l-innovazzjoni filwaqt li jissalvagwardjaw il-kompetizzjoni ġusta, hi ferm importanti l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza u l-Kummissarju għall-Kompetizzjoni.
(32c) Jeħtieġ li l-investimenti ta' kapital ta' riskju f'teknoloġiji ħodor jiġu rikonoxxuti bħala mutur ewlieni fit-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni, meta wieħed iqis l-objettiv li l-Unjoni tieħu rwol minn ta' quddiem fix-xena globali fl-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tippreżenta, sa tmiem l-2012, rapport li jidentifika mezzi legali xierqa bil-għan li tipprovdi inċentivi regolatorji li jattiraw il-kapital ta' riskju għal teknoloġiji ħodor.
(33) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż id-dritt għar-rispett lejn il-ħajja privata u tal-familja (Artikolu 7) u l-libertà tat-twettiq ta’ negozju (Artikolu 16).
(34) Id-Direttiva 95/46 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[9] tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi indipendenti maħtura mill-Istati Membri. Ir-Regolament (UE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu[i] fir-rigward tal-ipproċessar ta' data [dejta] personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data [dejta] [10], jirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq mill-AETS fi ħdan il-qafas ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta .
(35) Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-istat lill-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju.
(36) Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, fosthom biex jiżgura li rekwiżiti uniformi japplikaw għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, u jipprovdi għal sistema ta’ reġistrazzjoni sempliċi għall-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju, b’hekk iqis b’mod sħiħ il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn is-sigurtà u l-affidabbiltà assoċjati mal-użu tad-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" u l-operat effiċjenti tas-suq tal-kapital ta’ riskju kif ukoll l-ispiża għall-partijiet interessati differenti tiegħu ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, tista' tintlaħaq aħjar fuq livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ▌ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-objettivi.
(36a) Bħala żieda ma' dan ir-regolament, il-programmi ta' qafas tal-Kummissjoni bħala appoġġ għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività tas-SME jgħinu biex jitwaqqaf ambjent Ewropew favorevoli għall-kapital ta' riskju. Dawn jinkludu miżuri biex tiġi stimolata l-provvista tal-kapital ta' riskju, partikolarment dik transkonfinali. Huma bbażati fuq netwerk ta' investituri Ewropew fil-kapital ta' riskju bħall-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ekwità Privata u l-Kapital tar-Riskju, in-Netwerk Ewropew tal-Investituri fil-Kapital tar-Riskju u l-Klabb Internazzjonali tal-Kapital tar-Riskju.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għal dawk il-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jixtiequ jużaw id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" u l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-impriżi ta’ investiment kollettiv taħt din id-denominazzjoni fl-Unjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għal-funzjonament effiċjenti tas-suq intern. Dan jistabbilixxi regoli uniformi għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju lill-investituri eliġibbli fl-Unjoni, għall-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, għall-istrumenti tal-investiment eliġibbli u t-tekniki li jridu jintużaw mill-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju kif ukoll għall-organizzazzjoni, l-imġiba u t-trasparenza tal-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li jikkummerċjalizzaw il-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju fl-Unjoni.
Il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Kummissjoni, bħala l-partijiet interessati prinċipali tal-FEI, għandhom jiżguraw li, meta l-FEI jinvesti f'fondi ta' kapital ta' riskju, jagħti l-prijorità lill-investimenti fil-fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju.
Artikolu 2
1. Dan ir-Regolament japplika għall-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv kif iddefiniti fil-punt (b) tal-Artikolu 3 li huma stabbiliti fl-Unjoni u huma suġġetti għal reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom skont il-punt (a) tal-Artikolu 3 (3) tad-Direttiva 2011/61/UE jew awtorizzati bi qbil ma' dik id-Direttiva, sakemm dawk il-maniġers jiġġestixxu portafolli ta’ fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, li l-assi totali ġestiti b’kollox inizjalment ma jaqbżux il-limitu ta’ EUR 500 miljun jew, fl-Istati Membri fejn l-euro mhijiex il-munita uffiċjali, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
1a. Maniġers ta' impriżi ta' kapital ta' riskju li huma reġistrati skont dan ir-Regolament bi qbil mal-Artikolu 13 tiegħu, u li l-assi totali tagħhom jaqbżu l-valur ta' EUR 500 miljun wara dik ir-reġistrazzjoni, u li għalhekk isiru soġġetti għal awtorizzazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tagħhom bi qbil mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/61/UE, jistgħu jkomplu jużaw il-kliem "Fond Ewropew ta' Kapital ta' Riskju" u joperaw skont il-kundizzjonijiet ta' dan ir-Regolament b'rabta mal-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni ta' fondi ta' kapital ta' riskju li jikkwalifikaw, sakemm dawn ikomplu jikkonformaw ma' dan ir-Regolament f'kull waqt fir-rigward tal-fondi ta' kapital ta' riskju li jikkwalifikaw.
1b. Impriżi Ewropej ta' kapital ta' riskju li huma reġistrati bi qbil ma' dan ir-Regolament jistgħu wkoll jiiġġestixxu UCITS bil-kundizzjoni li jiksbu awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2009/65/KE u jekk ikunu maniġers esterni.
2. Biex jikkalkulaw il-limitu msemmi fil-paragrafu 1 il-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv li jiġġestixxu fondi li mhumiex fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju mhux se jkollhom ħtieġa li jiġbru flimkien l-assi ġestiti f’dawk il-fondi l-oħra.
▌
Artikolu 3
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) 'fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju' tfisser impriża tal-investiment kollettiv li l-kapital impenjat tagħha ma jistax jinfeda qabel il-likwidazzjoni tal-fond u li tinvesti medja, fis-sentejn wara l-ewwel investiment bi qbil ma' dan ir-Regolament, ta' mill-inqas 55% u mill-inqas 70 fil-mija tal-kapital kommess mitlub f’assi li huma investimenti li jikkwalifikaw, wara tnaqqis tal-ispejjeż relevanti kollha, f'parteċipazzjoni fuq medda ta' żmien fil-qosor fi flus jew l-ekwivalenti ta' flus, minn hawn 'il quddiem
(aa) tariffi, imposti u spejjeż li huma direttament jew indirettament imħallsa minn investituri u li jiġu maqbula bejn il-maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju li jikkwalifika u l-investituri għandhom jitqiesu bħala 'tariffi rilevanti'.
(b) 'impriża ta’ investiment kollettiv' tfisser impriża li żżid il-kapital minn għadd ta’ investituri bil-għan li tinvestieh skont politika tal-investiment iddefinita għall-benefiċċju ta’ dawk l-investituri u li ma tirrikjedix l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE;
(c) ‘investimenti li jikkwalifikaw tfisser kwalunkwe wieħed mill-istrumenti li ġejjin:
(i) strumenti ta’ ekwità jew kważi ekwità li huma
- maħruġa minn impriża li tikkwalifika fil-portafoll u akkwistata direttament mill-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju mill-impriża li tikkwalifika fil-portafoll, jew
- maħruġa minn impriża li tikkwalifika fil-portafoll fi skambju għal titolu ta’ ekwità maħruġ mill-impriża li tikkwalifika fil-portafoll, jew
- maħruġa minn impriża li tagħha l-impriża li tikkwalifika fil-portafoll hija sussidjarja b’sehem azzjonarju maġġoritarju u li hija akkwistata mill-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju fi skambju għal strument ta’ ekwità maħruġ mill-impriża li jikkwalifika fil-portafoll;
(ii) ishma tal-impriża ta' portafoll li jikkwalifika miksuba minn partijiet interessati eżistenti ta' dik l-impriża;
(iii) unitajiet jew ishma ta' fond wieħed jew aktar li jikkwalifikaw ta' kapital ta' riskju.
(d) 'impriża li tikkwalifika fil-portafoll' tfisser impriża li:
(i) meta jsir investiment mill-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju,
- mhijiex elenkata f’suq irregolat kif iddefinit fil-punt (14) tal-Artikolu 4 (1) tad-Direttiva 2004/39/KE;
- li timpjega inqas minn 250 persuna; kif ukoll
- li jew għandha dħul annwali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun, jew għandha total fil-karta tal-bilanċ annwali li ma jaqbiżx EUR 43 miljun,
(ii) li hija nnifisha mhijiex impriża ta’ investiment kollettiv;
(iii) minbarra fornituri ta' teknoloġija finanzjarja, mhijiex fornitur ta' servizz finanzjarju;
(iv) mhijiex imwaqqfa f'pajjiż terz li jippromovi lilu nnifsu bħala ċentru finanzjarju offshore jew li fih m'hemmx taxxi jew taxxi nominali, nuqqas ta' skambju effettiv ta' informazzjoni ma' awtoritajiet tat-taxxa barranin, nuqqas ta' trasparenza fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, ġudizzjarji jew amministrattivi, jew l-ebda rekwiżit għal preżenza sostantiva lokali;
(e) 'ekwità' tfisser interess azzjonarju f’impriża, irrappreżentat mill-ishma jew forma oħra ta’ parteċipazzjoni fil-kapital tal-impriża li tikkwalifika fil-portafoll, maħruġa lill-investituri;
(f) 'kważi ekwità' tfisser kwalunkwe tip ta' strument ta' finanzjament li jkun taħlita ta' ekwità u dejn jew li jkollu element ta' dejn u li l-qligħ tiegħu huwa l-aktar ibbażat fuq il-qligħ jew it-telf tal-impriża li tikkwalifika fil-portafoll u li huwa skopert fil-każ ta’ falliment;
(g) 'kummerċjalizzazzjoni' tfisser l-offerta jew l-allokazzjoni diretta jew indiretta fuq inizjattiva tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jew f’isem il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju ta’ unitajiet jew ishma ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju li jiġġestixxi lil jew mal-investituri ddomiċiljati jew b’uffiċċju rreġistrat fl-Unjoni;
(h) 'kapital impenjat' tfisser kwalunkwe impenn li minħabba fih persuna tkun obbligata takkwista interess fil-fond ta’ kapital ta’ riskju jew tagħmel kontribuzzjonijiet kapitali lill-fond ta’ kapital ta’ riskju;
(i)
‘maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju’ tfisser persuna ġuridika li n-negozju regolari tagħha jiġġestixxi mill-inqas fond wieħed li jikkwalifika ta’ kapital ta’ riskju;
(j) 'l-Istat Membru ta’ domiċilju ' tfisser Stat Membru fejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju huwa stabbilit jew għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu;
(k) 'Stat Membru ospitanti tfisser:
(i) Stat Membru, li ma jkunx l-Istat Membru ta’ domiċilju, li fih maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jiġġestixxi l-fondi ta' kapital ta’ riskju; jew
(ii) Stat Membru, li ma jkunx l-Istat Membru ta’ domiċilju, fejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jikkumerċjalizza unitajiet jew ishma tal-fond ta' kapital ta’ riskju;
(l) 'awtorità kompetenti' tfisser l-awtorità nazzjonali li jaħtar l-Istat Membru ta’ domiċilju, bil-liġi jew b’regolament, biex twettaq ir-reġistrazzjoni tal-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv kif imsemmija fil-paragrafu (1) tal-Artikolu 2
(la) 'fornitur ta' servizzi finanzjarji' tfisser waħda minn dan li ġej:
(a) li ġej, jekk stabbilita fl-Unjoni jew f'pajjiż terz:
(i) istituzzjoni ta' kreditu fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/48/KE;
(ii) ditta tal-investiment fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE;
(iii) impriża tal-assigurazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/138/KE;
(iv) kumpanija b'parteċipazzjoni finanzjarja fit-tifsira tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/48/KE;
(v) kumpanija b’attivitajiet imħallta fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/48/KE;
(b) entità li twettaq attività waħda jew aktar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE jew fl-Anness I tad-Direttiva 2006/48/KE;
(c) entità li taġixxi bħala intermedjarju għat-tqassim tal-prodotti ta' entitajiet imsemmija fil-punti (a) u (b).
Fir-rigward tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, fond ta' kapital ta' riskju li jikkwalifika m'għandux ikun imwaqqaf f'pajjiż terz li jippromovi lilu nnifsu bħala ċentru finanzjarju offshore jew li fih m'hemmx taxxi jew taxxi nominali, nuqqas ta' skambju effettiv ta' informazzjoni ma' awtoritajiet tat-taxxa barranin, nuqqas ta' trasparenza fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, ġudizzjarji jew amministrattivi, jew l-ebda rekwiżit għal preżenza sostantiva lokali.
Fir-rigward tal-punt (i) tal-ewwel subparagrafu, fejn il-forma legali tal-fond ta' kapital ta' riskju tippermetti ġestjoni interna u fejn il-korp ta' tmexxija tal-fond jagħżel li ma jaħtarx maniġer estern, il-fond ta' kapital ta' riskju nnifsu għandu jkun awtorizzat bħala maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju.
KAPITOLU IIKUNDIZZJONIJIET GĦALL-UŻU TAD-DENOMINAZZJONI "FOND EWROPEW TA' KAPITAL TA’ RISKJU"
Artikolu 4
Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-Kapitolu għandhom ikunu intitolati li jużaw id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju fl-Unjoni.
Artikolu 5
1. Il-maniġer tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju għandu jiżgura li, meta jakkwista l-assi, għajr l-investimenti li jikkwalifikaw, fuq medja, mhux aktar minn:
(a) 45% fis-sentejn wara l-ewwel investiment skont dan ir-Regolament; kif ukoll
(b) 30 fil-mija minn hawn 'il quddiem.
tal-kapital impenjat mitlub, wara tnaqqis tal-ispejjeż kollha tal-kontribuzzjonijiet, jintużaw għall-akkwist ta' assi, għajr l-investimenti li jikkwalifikaw; parteċipazzjoni fuq medda ta’ żmien fil-qosor fi flus jew l-ekwivalenti ta’ flus m’għandhomx jitqiesu biex jiġi kkalkulat dan il-limitu.
2. Il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jista' biss jissellef, joħroġ obbligi ta’ dejn, jipprovdi garanziji, fil-livell tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju, sakemm dan is-self, obbligi ta' dejn jew garanziji jkunu koperti minn impenji mhux mitluba u b'hekk ma jżidux l-iskopertura tal-fond lil hinn mill-impenji tiegħu.
▌
Artikolu 6
1. Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju għandhom jikkummerċjalizzaw l-unitajiet u l-ishma tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju esklużivament lil investituri li jitqiesu li huma klijenti professjonali skont it-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE jew jistgħu, meta jintalab hekk, ikunu ttrattati bħala klijenti professjonali skont it-Taqsima II tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE, jew lil investituri oħra meta:
(a) dawk l-investituri l-oħra jimpenjaw li jinvestu minimu ta’ EUR 50 000;
(aa) dawk l-investituri l-oħra jridu jippreżentaw lill-maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju evalwazzjoni magħmula minn istituzzjoni tal-kreditu, professjonista ieħor tas-settur finanzjarju soġġett għad-Direttiva 2004/39/KE, jew minn kumpanija tal-maniġment skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/65/KE fejn jiċċertifikaw l-għarfien espert tagħhom, l-esperjenza u l-għarfien tagħhom fil-valutazzjoni adegwata ta' investiment fil-kapital ta' riskju.
▌
1a. Il-paragrafu 1 ma japplikax għal investimenti li jsiru minn diriġenti eżekuttivi, diretturi jew impjegati ta' maniġers ta' fondi ta' kapital ta' riskju meta dawn jinvestu f'fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta' riskju li huma jmexxu.
Artikolu 7
Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju għandhom, fir-rigward tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju li huma jiġġestixxu:
(a) jaġixxu b’ħila, reqqa u kawtela xierqa fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom;
(b) japplikaw politiki u proċeduri xierqa biex ikunu evitati abbużi li raġonevolment jistgħu jkunu mistennija jaffettwaw l-interessi tal-investituri u l-impriżi li jikkwalifikaw fil-portafoll;
(c) iwettqu l-attivitajiet tan-negozju tagħhom b’mod li jippromwovu l-aħjar interessi tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju li huma jiġġestixxu, l-investituri f’dawk il-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju li huma jiġġestixxu u l-integrità tas-suq; jittrattaw lill-investituri b'mod ekwu;
(d) japplikaw kawtela dovuta fl-għażla u l-monitoraġġ kontinwu tal-investimenti fl-impriżi li jikkwalifikaw fil-portafoll;
(e) ikollhom għarfien u fehim xierqa rigward l-impriżi li jikkwalifikaw fil-portafoll li fih jinvestu.
Artikolu 8
1. Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju għandhom jidentifikaw u jevitaw il-kunflitti ta’ interess u, meta dawn ma jistgħux ikunu evitati, jiġġestixxu u jimmonitorjaw u, skont il-paragrafu 4, jiżvelaw, dawk il-kunflitti ta’ interess sabiex ma jitħallewx jaffettwaw ħażin l-interessi tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju u l-investituri tagħhom u biex jiżguraw li l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju li huma jiġġestixxu jiġu ttrattati b’mod ġust;
2. Il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju għandu jidentifika b’mod partikolari dawk il-kunflitti ta’ interess li jistgħu jitnisslu bejn:
(a) il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju, dawk il-persuni li effettivament iwettqu n-negozju tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju, l-impjegati jew kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament jikkontrollaw jew huma kkontrollati mill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju, u l-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju ġestit mill-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju jew l-investituri f’dawk il-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju;
(b) il-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju jew l-investituri f’dak il-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju, u fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju ieħor ġestit mill-istess maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jew l-investituri f’dak il-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju l-ieħor.
3. Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju għandhom iżommu u joperaw arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effettivi sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.
4. Għandhom jiġu żvelati kunflitti ta’ interess kif imsemmi fil-paragrafu 1, meta l-arranġamenti organizzattivi magħmula mill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju biex jidentifika, jevita, jiġġestixxi u jimmonitorja l-kunflitti ta’ interess ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw, b’fiduċja raġonevoli, li riskji ta’ ħsara għall-interessi tal-investituri se jkunu evitati. Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju għandhom jiżvelaw b’mod ċar in-natura jew is-sorsi tal-kunflitti ta’ interess lill-investituri qabel iwettqu n-negozju f’isimhom.
5. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadotta atti ddelegati skont il-miżuri tal-Artikolu 23 u tispeċifika:
(c) it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess kif imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;
(d) il-passi li l-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju mistennija jwettqu, f’termini tal-istrutturi u l-proċeduri organizzattivi u amministrattivi sabiex jidentifikaw, jevitaw, jiġġestixxu, jimmonitorjaw u jiżvelaw il-kunflitti ta’ interess.
Artikolu 9
Fi kwalunkwe ħin, il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju għandu jkollhom biżżejjed fondi tagħhom stess u jużaw riżorsi umani u tekniċi adegwati u adattati kif ikun meħtieġ għall-ġestjoni xierqa tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju.
L-awtorità kompetenti għandha tissorvelja l-konformità mar-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu.
Artikolu 10
Ir-regoli għall-valutazzjoni tal-assi għandhom ikunu stabbiliti fid-dokumenti statutorji tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju.
Artikolu 10a
1. Għal kull fond ta' kapital ta' riskju li jimmaniġġja, il-maniġer għandu jiżgura li jinħatar depożitarju wieħed u uniku f'konformità ma' dan l-Artikolu.
2. Id-depożitarju għandu jkun istituzzjoni li tkun suġġetta għal regolamentazzjoni prudenzjali u għal superviżjoni kontinwa. Din għandha taqa' fil-kategoriji ta' istituzzjoni determinata mill-Istati Membri li tkun eliġibbli bħala depożitarju skont l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2009/65/KE.
3. Id-depożitarju għandu jkun responsabbli għall-verifika tas-sjieda u għaż-żamma ta' rekord tal-assi tal-fondi Ewropej li jikkwalifikaw ta' kapital ta' riskju.
4. Id-depożitarju għandu jkun responsabbli quddiem il-fond ta' kapital ta' riskju u l-investituri tiegħu għal kwalunkwe telf li jsir minħabba negliġenza jew falliment intenzjonali.
Artikolu 11
1. Il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju għandu jagħmel rapport annwali disponibbli għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għal kull fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju li jkun ġestit mhux aktar tard minn 6 xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja. Ir-rapport għandu jiddeskrivi l-kompożizzjoni tal-portafoll tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju u l-attivitajiet tas-sena li tkun għaddiet. Dan irid jinkludi l-kontijiet finanzjarji awditjati għall-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju. Dan għandu jikkonferma li l-flus u l-assi jkunu miżmuma f'isem il-fond u li l-maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju jkun stabbilixxa u żamm rekords u kontrolli adegwati fir-rigward tal-użu ta' kwalunkwe mandat jew kontroll fuq il-flus u l-assi tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta' riskju u tal-investituri tiegħu. Dan għandu jsir skont l-istandards tar-rappurtar eżistenti u t-termini miftehma bejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju u l-investituri. Il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju għandu jipprovdi r-rapport lill-investituri meta dan jintalab. Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-investituri jistgħu jiftiehmu bejniethom dwar żvelar addizzjonali.2. Meta l-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jkun meħtieġ jippubblika rapport finanzjarju annwali skont id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat [11] fir-rigward tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tkun ipprovduta jew separatament jew bħala parti addizzjonali tar-rapport finanzjarju annwali.
Artikolu 12
1. Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju għandhom jinfurmaw lill-investituri tagħhom, b'mod ċar u li jinftiehem, dwar l-elementi li ġejjin qabel id-deċiżjoni tal-investiment tagħhom:
(a) l-identità tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju u kwalunkwe fornituri ta’ servizzi oħra kuntrattati mill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju fir-rigward tal-ġestjoni tagħhom tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, u deskrizzjoni tad-dmirijiet tagħhom;
(b) deskrizzjoni tal-istrateġija u l-objettivi tal-investiment tal-fond li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, inkluża deskrizzjoni tat-tipi tal-impriżi li jikkwalifikaw fil-portafoll u investimenti li ma jikkwalifikawx li l-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju jista' jagħmel, it-tekniki li jista’ juża, u kwalunkwe restrizzjoni tal-investiment applikabbli;
(c) deskrizzjoni tal-profil tar-riskju tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju u kwalunkwe riskji assoċjati mal-assi li fihom jista’ jinvesti l-fond jew it-tekniki tal-investiment li jistgħu jkunu użati;
(d) deskrizzjoni tal-proċedura tal-valutazzjoni tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju u l-metodoloġija tal-ipprezzar għall-valutazzjoni tal-assi, inklużi l-metodi użati għall-valutazzjoni tal-impriżi li jikkwalifikaw fil-portafoll;
(e) deskrizzjoni ta’ kif hija kkalkulata r-remunerazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kif ukoll żvelar tal-profitti tal-fond ta' kapital ta' riskju;
(f) deskrizzjoni tat-tariffi, l-imposti u l-ispejjeż kollha u l-ammonti massimi tagħhom li jġarrbu direttament jew indirettament l-investituri;
(g) meta tkun disponibbli, il-prestazzjoni storika tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju;
(h) deskrizzjoni tal-proċeduri li bihom il-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju jista’ jibdel l-istrateġija tal-investiment jew il-politika tal-investiment tiegħu, jew it-tnejn.
Il-punt (b) japplika mutatis mutandis għal fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta' riskju li jinvestu f'fondi oħra li jikkwalifikaw ta' kapital ta' riskju.
2. Meta l-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju jkun meħtieġ jippubblika prospett skont id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ [12] jew skont il-liġi nazzjonali fir-rigward tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tingħata jew separatament jew bħala parti mill-prospett.
KAPITOLU III
SUPERVIŻJONI, KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA
Artikolu 13
1. Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li għandhom l-intenzjoni li jużaw id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju tagħhom għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom rigward din l-intenzjoni u għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:
(a) l-identità tal-persuni li effettivament iwettqu n-negozju tal-ġestjoni tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju;
(b) l-identità tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju li l-unitajiet jew l-ishma tagħhom se jkunu kkummerċjalizzati u l-istrateġiji tal-investiment tagħhom;
(c) l-informazzjoni dwar l-arranġamenti magħmula għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II;
(d) lista tal-Istati Membri fejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza kull fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju.
2. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tirreġistra l-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju biss jekk tkun sodisfatta li
(a) l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 1 tkun kompluta u
(b) l-arranġamenti nnotifikati skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 jkunu adattati sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II.
3. Ir-reġistrazzjoni għandha tkun valida għat-territorju kollu tal-Unjoni u għandha tippermetti lill-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li jikkummerċjalizzaw il-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju skont id-denominazzjoni "Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju" fl-Unjoni kollha.
Artikolu 14
Il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju meta l-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jkollu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza:
(a) fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju ġdid;
(b) fond li jikkwalifika eżistenti ta' kapital ta’ riskju fi Stat Membru mhux imsemmi fil-lista msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 13(1).
Artikolu 15
1. Immedjatament wara r-reġistrazzjoni ta’ maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tinnotifika l-fatt li l-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju huwa rreġistrat lill-Istati Membri indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 13(1) u lill-AETS.
2. L-Istati Membri ospitanti indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 13(1) m’għandhomx jimponu, fuq il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju rreġistrat skont l-Artikolu 13, xi rekwiżiti jew proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju tiegħu, u lanqas m’għandhom jirrikjedu xi approvazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni qabel isseħħ.
3. Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina l-format tan-notifika.
4. L-AETS għandha tissottometti dan l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [daħħal id-data].
5. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 16
L-AETS għandha żżomm aġġornata database ċentrali, aċċessibbli b’mod pubbliku fuq l-internet, li telenka l-fondi Ewropej kollha ta' kapital ta' riskju u l-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kollja rreġistrat fl-Unjoni kif ukoll il-pajjiżi li fihom joperaw, skont dan ir-Regolament.
Artikolu 17
1. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tissorvelja l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.
1a. Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha raġunijiet ċari u li jistgħu jiġu ppruvati biex temmen li maniġer ta' impriża ta' kapital ta' riskju jkun kiser dan ir-Regolament fi ħdan it-territorju tagħha, din għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju. L-Istat Membru ta' domiċilju għandu jieħu l-miżuri adegwati.
1b. Jekk il-maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju ma jikkonformax ma' dan ir-Regolament, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, jew jekk l-awtorità tal-Istat Membru ta' domiċilju jonqos milli jieħu azzjoni fi żmien raġonevoli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tipproteġi lill-investituri, wara li tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju.
1c. F'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-adegwatezza tal-EuVECA għall-investituri fis-suq ospitanti, waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, jew it-tnejn li huma, tista' tirreferi l-każ lill-AETS skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 18
L-awtoritajiet kompetenti, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għandu jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. B’mod partikolari huma għandhom ikollhom is-setgħa li:
(a) jitolbu l-aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma, u li jirċievu jew jieħdu kopja tiegħu;
(b) jirrikjedu lill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju li jipprovdi l-informazzjoni mingħajr dewmien;
(c) jirrikjedu informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna relatata mal-attivitajiet tal-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju jew il-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju;
(d) iwettqu spezzjonijiet fuq il-post b'avviż minn qabel jew mingħajru;
(e) joħorġu ordni sabiex jiżguraw li l-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u ma jkomplix jikser dan ir-Regolament.
Artikolu 19
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom iwettqu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li huma jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi.
2. Sa [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni u l-AETS. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u l-AETS mingħajr dewmien rigward kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.
Artikolu 20
1. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha twettaq il-miżuri xierqa msemmija fil-paragrafu 2 meta maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju:
(a) jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti li japplikaw għall-kompożizzjoni tal-portafoll bi ksur tal-Artikolu 5;
(b) jonqos milli jikkummerċjalizza l-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju lil investituri eliġibbli bi ksur tal-Artikolu 6;
(c) jonqos milli jirreġistra mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 13.
2. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha twettaq il-miżuri li ġejjin, kif jixraq:
(a) tipprojbixxi l-użu tad-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju wieħed jew aktar tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju;
(b) tneħħi lill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju mir-reġistru.
3. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 13(1) dwar it-tneħħija tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju mir-reġistru msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
4. Id-dritt li jkun ikkummerċjalizzat fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju wieħed jew aktar skont id-denominazzjoni "Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju" fl-Unjoni jiskadi b’effett immedjat mid-data tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti msemmija fil-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 2.
Artikolu 21
1. L-awtoritajiet kompetenti ▌għandhom jikkooperaw mal-AETS għall-finijiet ▌ta' dan ir-Regolament bi qbil mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien, jipprovdu lill-AETS bl-informazzjoni neċessarja kollha biex tkun tista' twettaq dmirijietha b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. B'mod partikolari, l-AETS u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex jidentifikaw u jirrimedjaw għal kull ksur ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 22
1. Il-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti jew l-AETS, kif ukoll l-awdituri u l-esperti li jingħataw struzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, huma marbutin bl-obbligu ta’ segretezza professjonali. L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li dawn il-persuni jirċievu matul it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom m’għandha tkun żvelata lil xi persuna jew awtorità, ħlief f’forma sommarja jew aggregata b’tali mod li l-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju ma jkunux jistgħu jiġu identifikati individwalment, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi kriminali u l-proċeduri skont dan ir-Regolament.
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-AETS m’għandhomx jinżammu milli jiskambjaw l-informazzjoni skont dan ir-Regolament jew liġijiet oħra tal-Unjoni applikabbli għall-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju.
3. Meta l-awtoritajiet kompetenti u l-AETS jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont il-paragrafu 2, huma jistgħu jużawha biss fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom jew għall-finijiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI
Artikolu 23
1. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fil-paragrafu ▌5 tal-Artikolu 8 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba’ snin mid-data ...[13]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delegazzjoni tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ erba’ snin. Id-delegazzjoni tas-setgħa għandha tkun estiża taċitament għal perjodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3. Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fil-paragrafu ▌5 tal-Artikolu 8 tista’ tkun irrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delegazzjoni tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att iddelegat diġà fis-seħħ.
4. Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att iddelegat adottat skont ▌il-paragrafu 5 tal-Artikolu 8 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ikunu t-tnejn għarrfu lill-Kummissjoni li huma mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 23a
Sa...*[14], l-AETS għandha tivvaluta l-ħtiġijiet ta' persunal u riżorsi li jirriżultaw mill-mument meta tassumi s-setgħat u d-dmirijiet tagħha b'konformità ma' dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Artikolu 24
1. Sat-22 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament. Ir-reviżjoni għandha tinkludi stħarriġ ġenerali tal-funzjonament tar-regoli f’dan ir-Regolament u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom, inklużi:
(a) il-punt sa fejn id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" intużat mill-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju fi Stati Membri differenti, kemm fuq bażi nazzjonali kemm fuq bażi transkonfinali;
(b) l-ambitu ta’ dan ir-Regolament, inkluża l-possibilità li l-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju tiġi estiża għall-investituri bl-imnut;
(ba) l-adegwatezza tar-rekwiżiti tal-informazzjoni skont l-Artikolu 12, b'mod partikolari fejn dawn huma suffiċjenti biex jippermettu li l-investituri jieħdu deċizjoni infurmata dwar investiment;
(bb) l-effikaċja, il-proporzjonalità u l-applikazzjoni tal-penali provduti mill-Istati Membri bi qbil ma' dan ir-Regolament;
(bc) id-distribuzzjoni ġeografika u settorjali tal-investimenti mwettqa mill-fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju;
(bd) l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq is-suq ta' kapital ta' riskju, u fuq il-kontribut tat-tmexxija ndustrijali tal-Unjoni u għall-isfidi tas-soċjetajiet stabbiliti fl-Anness I, Parti II u III rispettivament tar-Regolament (UE) Nru .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' ... li jistabbilixxu l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020 - (2014-2020).
Ir-rieżami għandu jinkludi wkoll stħarriġ dwar l-impatt negattiv jew pożittiv possibbli ta' regolamenti finanzjarji Ewropej oħra u ta' strumenti finanzjarji Ewropej għall-SMEs fuq il-funzjonament tar-regoli f'dan ir-Regolament.
2. Wara r-rieżami msemmi fil-paragrafu 1 u wara konsultazzjoni mal-AETS, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat, jekk dan ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva.
Artikolu 25
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mit-22 ta’ Lulju 2013, ħlief għall-paragrafu ▌5 tal-Artikolu 8, li għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
- [1] Għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali.
- [2] * L-emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
- [3] ĠU C …p…
- [4] ĠU C, , p. .
- [5] ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.
- [6] ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.
- [7] ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.
- [8] ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.
- [9] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
- [10] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.
- [11] ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.
- [12] ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.
- [13] ĠU: jekk jogħġok daħħal id-data: tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
- [14] ĠU: jekk jogħġok daħħal id-data: 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (27.4.2012)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju
(COM(2011)0860 – C7‑0490/2011 – 2011/0417(COD))
Rapporteur għal opinjoni: Dimitar Stoyanov
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Il-proposta għal regolament tistabbilixxi qafas legali li permezz tiegħu tipi differenti ta' fondi ta' investiment jistgħu jingħataw l-istatus ta' 'Fond Ewropew ta' Kapital ta' Riskju' u passaport ta' kapital ta' riskju. L-għan hu li jinħoloq settur għall-investiment Ewropew ta' kapital ta' riskju għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).
Il-proposta għal regolament tistabblixxi l-kriterji, f'termini ta' assi ċessjonabbli, li fond irid jissodisfa sabiex jingħata l-istatus u l-passaport imsemmija. Tistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati mill-maniġers tal-fond ta' kapital ta' riskju u r-restrizzjonijiet fuq l-investimenti li jista' jkun hemm meta jintużaw l-assi tal-fond.
Ta' min jinnota li diġà jeżistu żewġ direttivi relatati ma' fondi ta' investiment: id-Direttiva 2011/61/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dawn fihom ir-regoli li jirregolaw il-fondi ta' investiment u l-immaniġjar tagħhom kif ukoll ir-regoli applikabbli għal investituri f'dawk il-fondi. Din l-opinjoni għandha l-għan li tiżgura li l-proposta għal regolament tkun konsistenti ma’ dawk l-atti leġiżlattivi eżistenti.
EMENDI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora l-emendi li ġejjin fir-rapport tiegħu:
Emenda 1 Proposta għal regolament Premessa 1 | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
(1) Il-kapital ta’ riskju jipprovdi finanzjament lill-impriżi li ġeneralment huma żgħar ħafna, fl-istadji inizjali tal-eżistenza korporattiva tagħhom u li juru potenzjal qawwi għal tkabbir u espansjoni. Barra minn hekk, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju jipprovdu lil dawn l-impriżi b’kompetenzi u għarfien prezzjużi, kuntatti tan-negozju, l-ekwità tad-ditti u pariri strateġiċi. Meta jipprovdu finanzjament u pariri lil dawn l-impriżi, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju jistimulaw it-tkabbir ekonomiku, jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi, jagħtu spinta lill-impriżi innovattivi, iżidu l-investiment tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp u jkattru l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-kompetittività fl-Unjoni. |
(1) Il-kapital ta’ riskju jipprovdi finanzjament lill-impriżi li ġeneralment huma żgħar ħafna, fl-istadji inizjali tal-eżistenza korporattiva tagħhom u li juru potenzjal qawwi għal tkabbir u espansjoni. Barra minn hekk, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju jipprovdu lil dawn l-impriżi b’kompetenzi u għarfien prezzjużi, kuntatti tan-negozju, l-ekwità tad-ditti u pariri strateġiċi. Meta jipprovdu finanzjament u pariri lil dawn l-impriżi, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju jistimulaw it-tkabbir ekonomiku, jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi u l-mobilizzazzjoni tal-kapitali, jinkoraġġixxu l-istabbiliment u l-espansjoni ta’ impriżi innovattivi, iżidu l-investiment tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp u jkattru l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-kompetittività fl-Unjoni. |
Emenda 2 Proposta għal regolament Artikolu 3 - punt a | |
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda |
(a) 'fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju' tfisser impriża tal-investiment kollettiv li tinvesti mill-inqas 70 fil-mija tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital kommess mhux mitlub tagħha f’assi li huma investimenti li jikkwalifikaw; |
(a) 'fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju' tfisser impriża tal-investiment kollettiv li tinvesti mill-inqas 70 fil-mija tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital kommess mhux mitlub tagħha f’assi li huma investimenti li jikkwalifikaw, irrispettivament minn jekk l-impriża tal-investiment kollettiv tkunx ta' tip miftuħ jew magħluq; |
Ġustifikazzjoni | |
Tiċċara t-test sabiex tagħlaq lakuna legali li tista' twassal biex ikun hemm interpretazzjoni suġġettiva. |
PROĊEDURA
Titolu |
Fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju |
||||
Referenzi |
COM(2011)0860 – C7-0490/2011 – 2011/0417(COD) |
||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
ECON 17.1.2012 |
|
|
|
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
JURI 17.1.2012 |
|
|
|
|
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Dimitar Stoyanov 25.1.2012 |
|
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
26.3.2012 |
|
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
26.4.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
22 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Raffaele Baldassarre, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Antonio López-Istúriz White, Jiří Maštálka, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Rebecca Taylor, Alexandra Thein, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Piotr Borys, Sergio Gaetano Cofferati, Vytautas Landsbergis, Eva Lichtenberger, Axel Voss |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Karin Kadenbach |
||||
PROĊEDURA
Titolu |
Fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju |
||||
Referenzi |
COM(2011)0860 – C7-0490/2011 – 2011/0417(COD) |
||||
Date submitted to Parliament |
7.12.2011 |
|
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
ECON 17.1.2012 |
|
|
|
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
ITRE 17.1.2012 |
IMCO 17.1.2012 |
JURI 17.1.2012 |
|
|
Opinjonijiet mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
ITRE 24.1.2012 |
IMCO 29.2.2012 |
|
|
|
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Philippe Lamberts 25.10.2011 |
|
|
|
|
Diskuss fil-Kumitat |
20.3.2012 |
26.4.2012 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
31.5.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 3 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Burkhard Balz, Elena Băsescu, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Elisa Ferreira, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Othmar Karas, Wolf Klinz, Jürgen Klute, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Philippe Lamberts, Werner Langen, Astrid Lulling, Arlene McCarthy, Ivari Padar, Alfredo Pallone, Olle Schmidt, Edward Scicluna, Peter Simon, Ivo Strejček, Kay Swinburne, Sampo Terho, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Pablo Zalba Bidegain |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sophie Auconie, Thijs Berman, Philippe De Backer, Vicky Ford, Danuta Maria Hübner, Olle Ludvigsson, Mario Mauro |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Margrete Auken |
||||
Data tat-tressiq |
6.6.2012 |
||||