Proċedura : 2012/2043(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0216/2012

Testi mressqa :

A7-0216/2012

Dibattiti :

PV 02/07/2012 - 23
CRE 02/07/2012 - 23

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2012 - 7.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0290

RAPPORT     
PDF 256kWORD 236k
27.6.2012
PE 480.644v02-00 A7-0216/2012

dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015

(2012/2043(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Marit Paulsen

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015

(2012/2043(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Jannar 2012 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012 – 2015 (COM(2012)0006),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 7 u 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2006 dwar Pjan ta' Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali 2006-2010(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar Strateġija ġdida għas-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007 – 2013)(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006 – 2010(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-agrikoltura tal-UE u l-kummerċ internazzjonali(6),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tiegħuNru 0049/2011 tal-15 ta' Marzu 2012 dwar l-istabbiliment ta' limitu massimu ta' 8 sigħat ta' vvjaġġar għall-bhejjem li jiġu ttrasportati fl-Unjoni Ewropea biex jittieħdu għall-qatla(7);

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tiegħu Nru 0026/2011 tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-ġestjoni tal-popolazzjoni tal-klieb fl-Unjoni Ewropea(8),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Agrikoltura u s-Sajd tad-29 ta' Novembru 2010 dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2011 dwar pjan ta' azzjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta' reżistenza antimikrobika (COM(2011)0748),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2011 dwar l-impatt tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport (COM(2011)0700),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tat-2 ta' Diċembru 2010 dwar il-benessri tal-annimali waqt it-trasport(9),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-EFSA tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar Gwida fuq Valutazzjoni tar-Riskju għall-Benessri tal-Annimali(10),

–   wara li kkunsidra d-definizzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) tal-benessri tal-annimali(11),

–   wara li kkunsidra t-tnax-il Prinċipju u kriterju addizzjonali ta' Benessri tajba tal-Annimali żviluppati mill-Proġett għall-Kwalità tal-Benessri(12),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 78/923/KEE tad-19 ta' Ġunju 1978 li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-annimali miżmuma għal għanijiet tal-biedja(13),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali Domestiċi(14),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 882/2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-benesseri tal-annimali(15),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE tad-29 ta' Marzu 1999 dwar iż-żamma ta' annimali selvaġġi fiż-żuwijiet(16),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/63/UE tat-22 ta' Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi(17),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-politiki tal-UE u dwar l-Analiżi tal-2009 tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli (COM(2009)0400),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar għażliet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali u l-istabbiliment ta' Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali (COM(2009)058),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0216/2012),

A. billi livell għoli tal-benessri tal-annimali, li huwa parti minn żvilupp sostenibbli, huwa importanti biex jipproteġi s-saħħa tal-annimali, u biex jassigura l-produttività, għalkemm dan ifisser spejjeż addizzjonali operattivi li mhumiex imqassma proporzjonalment tul il-katina alimentari;

B.  billi d-deterjorazzjoni fl-istat tal-iġjene ta’ annimali selvaġġi li l-popolazzjoni tagħhom qed tiżdied fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, tista' tirriżulta fi trażmissjoni akbar ta’ mard jittieħed għall-annimali domestiċi u, fl-istess ħin, tipperikola s-saħħa pubblika;

C. billi r-regoli tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali, minħabba l-kumplessità u l-interpretazzjonijiet differenti tagħhom, joħolqu inċertezza ġuridika u jistgħu jqiegħdu lill-produtturi f’ċerti Stati Membru fi żvantaġġ kompetittiv serju; billi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, in-nuqqas ta’ konformità, l-istandards mhux armonizzati u n-nuqqas ta’ avvenimenti importanti ġuridikament ifixklu l-kompetizzjoni u jirriżultaw f’kundizzjonijiet mhux indaqs;

D. billi r-regoli nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali m’għandhomx imorru kontra l-prinċipji tas-suq uniku tal-UE;

E.  billi l-approċċ għall-benessri tal-annimali għandu jkun ibbażat fuq evidenza xjentifika soda u l-aħjar għarfien xjentifiku, filwaqt li tibqa' titqies il-ħtieġa ta' semplifikazzjoni, kosteffiċjenza, applikabilità tal-istandards u koerneza, b'mod partikolari, mal-politika dwar l-ambjent u s-saħħa pubblika;

F.  billi l-konsumaturi moderni jistennew, b’mod raġonevoli, li l-bhejjem tal-farms ikunu intitolati għall-istess bżonnijiet li huma intitolati għalihom il-bnedmin: ikel tajjeb, kundizzjonijiet ta’ għajxien tajbin u kura medika adegwata;

G. billi standards tas-saħħa tal-annimali huma ta’ importanza ewlenija għall-ġestjoni tal-bhejjem fl-Ewropa, li għandha impatt dejjem akbar fuq il-livell ta’ kompetittività tal-impriżi agrikoli;

1.  Jilqa’ l-Istrateġija wiesgħa għall-Benessri tal-Annimali għall-UE fl-2012 – 2015;

2.  Ifakkar li l-Artikolu 13 tat-Trattat huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u, għalhekk, huwa importanti daqs id-dispożizzjonijiet għall-ambjent jew il-protezzjoni tal-konsumatur, u jieħu preċedenza legali fuq il-politiki kollha tas-suq intern;

3.  Jenfasizza li l-benessri tal-annimali hija kwistjoni kumplessa u multidimensjonali li għandha impatt fuq politiki internazzjonali u domestiċi, u għandha dimensjonijiet etiċi, xjentifiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi importanti;

4.  Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-kwistjoni tal-konformità mal-liġi dwar il-benessri tal-annimali bħala kwistjoni ta’ prijorità;

5.  Jilqa' l-fatt li l-karta tal-istrateġija tiddeskrivi politika li permezz tagħha l-libertà tal-għażla tal-konsumatur timmobilizza s-swieq tal-użu għall-prodotti tajbin għall-benessri tal-annimali u tisfrutta l-qawwiet tas-suq komuni għall-benessri tal-annimali tal-farms;

6.  Jikkundanna l-fatt li xi azzjonijiet mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-2006 – 2010 ma setgħux jiġu mitmuma u jistieden lill-Kummissjoni tadatta d-dati tal-miri tal-azzjonijiet il-ġodda ma’ skadenzi ġuridiċi;

7.  Jikkundanna l-fatt li l-Istrateġija ma ngħatatx l-appoġġ finanzjarju li l-Parlament kien talab għalih fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ dan l-appoġġ billi tipprijoritizza mill-ġdid, u billi tassigura integrazzjoni aħjar u aktar koerenti tal-benessri tal-annimali f’oqsma oħra tal-politika tal-UE, bħall-politika tal-konsumatur, il-programmi ta’ riċerka, u l-PAK, kif ikun xieraq;

8.  Jilqa’ l-proposti għal riforma tal-Kummissjoni u l-impenn tagħha favur il-benessri tal-annimali; jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ b’saħħtu lill-bdiewa li jirrispettaw l-istandards u l-prattiki tajba fit-trobbija tal-annimali u li jinvestu f’faċilitajiet tal-biedja aħjar; jenfasizza l-importanza ta’ finanzjament adegwat għall-PAK tal-ġejjieni, għaliex huwa meħtieġ baġit li jkun kompatibbli mal-livell tal-ambizzjonijiet tagħna;

9.  Jenfasizza li l-bdiewa fil-ġurnata tal-lum jiffaċċjaw diversi sfidi, bħat-tibdil fil-klima, u jridu jissodisfaw diversi rekwiżiti, li waħda biss minnhom hija l-benessri tajba tal-annimali; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza xierqa tal-politika skont l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE);

10. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aktar effettiv mill-opportunitajiet għall-għajnuna offruta mill-fondi għall-iżvilupp rurali tal-UE, u mis-Seba’ Programm ta’ Qafas (2007-2013) tad-DĠ Riċerka, sabiex jippromwovu r-riċerka applikata u jinvestu f’soluzzjonijiet għal benessri tal-annimali innovattivi u moderni; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iżidu l-investimenti fir-riċerka dwar u fl-iżvilupp ta’ tekniki u teknoloġiji ġodda għall-benessri tal-annimali;

11. Jiddispjaċih li l-Istrateġija ma tagħmilx użu mill-opportunitajiet offruti mill-politiki tal-Produzzjoni u l-Konsum Sostenibbli, tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku u tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva sabiex tippromwovi livelli għoljin ta' standards tal-benessri tal-annimali;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun aktar ambizzjuża fir-rigward tal-inklużjoni u l-prijoritizzazzjoni tar-reċiproċità tal-istandards tal-benessri tal-annimali, bħala element mhux kummerċjali fil-politika tal-kummerċ tagħha u meta tinnegozja ftehimiet multilaterali u bilaterali ta’ kummerċ internazzjonali, u tippromwovi l-benessri tal-annimali f’pajjiżi terzi billi teżiġi standards ta’ benessri ekwivalenti għall-annimali u l-prodotti importati flimkien ma' kontrolli stretti;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u tirrapporta dwar l-istandards tal-benessri tal-annimali li japplikaw f’pajjiżi terzi qabel ma tibda n-negozjati dwar il-ftehimiet ta’ kummerċ; jitlob lill-Kummissjoni twettaq ukoll dan l-eżerċizzju mingħajr dewmien fil-pajjiżi fejn in-negozjati kummerċjali diġà jinsabu għaddejjin;

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex mil-lum 'il quddiem toqgħod lura milli tippreżenta ftehimiet ta' kummerċ ħieles lill-Parlament Ewropew li ma jiżgurawx li l-istess regolamenti dwar il-benessri tal-annimali japplikaw għal prodotti importati bħalma japplikaw għall-prodotti Ewropej;

15. Jilqa’ wkoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li teżamina kif il-benessri tal-annimali jista’ jiġi integrat aħjar fil-qafas tal-politika Ewropea tal-viċinat;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tinsisti li l-WTO tinkorpora rapidament kwistjonijiet mhux kummerċjali fl-Istrateġija għall-Kummerċ Dinji, sabiex jiġi evitat li l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE – li jeħtieġ li jikkonformaw mal-aktar standards stretti fid-dinja tal-benessri tal-annimali – u pajjiżi terzi tkun inġusta;

17. Iqis li għandu jkun obbligatorju li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar jekk prodott impurtat, jew prodott li jkun fih prodott impurtat, ikunx magħmul minn annimali li kienu miżmuma f’kundizzjonijiet differenti minn dawk meħtieġa mir-regolamenti Ewopej għall-benessri tal-annimali;

18. Jiddispjaċih li l-Istrateġija tonqos milli turi l-importanza tas-saħħa tal-annimali għall-benessri tal-annimali u r-rabta bejn is-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika; jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika l-prinċipju ta’ ‘Saħħa Waħda’ għal din l-Istrateġija u tiżgura l-koordinazzjoni effiċjenti mal-Istrateġija għas-Saħħa tal-Annimali, peress li t-trobbija tajba tal-annimali, fost fatturi oħra, tgħin fil-prevenzjoni tal-firxa tal-mard u r-reżistenza antimikrobika;

19. Ifakkar li l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi, enfasizza l-ħtieġa li jkollna stampa sħiħa ta’ meta, fejn, kif, u fuq liema annimali fil-fatt jintużaw illum l-antimikrobiċi, u jemmen li din id-dejta għandha tinġabar, tiġi analizzata u ssir pubblika mill-Kummissjoni mingħajr dewmien;

20. Josserva li fl-UE, it-tilqim ta’ emerġenza, u xi kultant it-tilqim ta’ prevenzjoni, huwa permess, imma li r-regolamenti għadhom ixekklu l-bejgħ internazzjonali ta’ prodotti minn annimali vaċċinati; josserva li dawn il-limitazzjonijiet ma jikkunsidrawx b’mod adegwat l-avvanzi li qed isiru fit-teknoloġija tat-tilqim u d-dijanjostika; jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tħassar, fejn hu possibbli, miżuri li li jillimitaw il-kummerċ li jirrestrinġu mingħajr ħtieġa l-użu ta’ tilqim;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni xierqa lir-riskji għas-saħħa li jippreżentaw l-annimali selvaġġi; jikkunsidra li għadd sinifikanti ta’ mard infettiv emerġenti huwa żoonotiku (trażmissibbli bejn l-annimali selvaġġi, domestiċi u l-bnedmin), u jirrikonoxxi li l-kummerċ fl-annimali selvaġġi, kif ukoll it-tibdil fl-użu u t-tħaddim tal-art, jistgħu jwasslu għal interfaċċji ġodda jew immodifikati bejn il-bnedmin, l-annimali domestiċi u selvaġġi li jistgħu jaġevolaw it-trażmissjoni tal-mard; jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza bejn il-politiki għas-saħħa tal-annimali, il-benessri tal-annimali u l-kummerċ;

22. Jistieden lill-Kummissjoni biex, sal-2015, tħejji rapport dwar l-istat tal-iġjene tal-annimali selvaġġi u r-riskju tal-kontaminazzjoni għall-annimali domestiċi u għall-bnedmin;

23. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb attivament u kontinwament ir-regolamenti dwar il-benessri tal-annimali fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom(18) (kif emendat);

24. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-popolazzjoni tal-klieb u l-qtates fl-UE hi stmata li tilħaq madwar mitt miljun annimal, u li ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali domestiċi;

25. Jitlob li jsir rapport dwar annimali li jiġġerrew barra li jirrakkomanda soluzzjonijiet konkreti, etiċi u sostenibbli għall-Istati Membri u li jinkludi l-valutazzjoni ta’ sistema koordinata għar-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni elettronika ta’ annimali domestiċi, biex tkun miżjuda mal-lista ta’ azzjonijiet;

26. Jenfasizza li l-identifikazzjoni obbligatorja tal-klieb u l-qtates, meta kkombinata ma’ sistema effettiva u affidabbi ta' reġistrazzjoni, tiżgura t-traċċabbiltà u hija kruċjali għall-ġestjoni b’suċċess tas-saħħa u l-benessri tal-annimali, filwaqt illi tgħin biex tiġi promossa s-sjieda responsabbli u tiġi ppreservata s-saħħa pubblika;

27. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali Domestiċi, u biex jittrasponu d-dispożizzjonijiet tagħha f’sistemi legali nazzjonali;

28. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw strateġiji komprensivi ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni tal-klieb li jinkludu miżuri bħal liġijiet dwar il-kontroll tal-klieb u kontra l-moħqrija, appoġġ għal proċeduri veterinarji – li jinkludu tilqim għal kontra l-marda tar-rabja u sterilizzazzjoni – meħtieġa biex jiġi kkontrollat l-għadd ta' klieb mhux mixtieqa, u l-promozzjoni tas-sjieda responsabbli ta' annimal domestiku, kif mitlub mid-Dikjarazzjoni bil-Miktub Nru 0026/2011 adottata mill-Parlament Ewropew;

29. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-istudju tagħha għall-2014 dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates involuti f’għanijiet kummerċjali, biex tirrakkomanda soluzzjonijiet konkreti biex jiġi evitat li l-klieb u l-qtates jitrabbew u jiġu nnegozjati b’mod li aktarx joħloq problemi ta’ benessri;

Infurzar l-ewwel

30. Jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li fil-ġurnata tal-lum għad hemm nuqqasijiet fir-rigward tal-konformità mar-regoli għall-benessri tal-annimali, minkejja l-progress imwettaq f’diversi oqsma; ifakkar lill-Kummissjoni li filwaqt li l-leġiżlazzjoni attwali dwar il-benessri tal-annimali hija diġà, fil-biċċa l-kbira, suffiċjenti, ma ġietx applikata kemm mixtieq fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali tiġi applikata fl-Istati Membri kollha;

31. Jiddispjaċih li seba’ snin wara l-implimentazzjoni sħiħa tagħha, id-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE(19) dwar iż-żamma ta’ annimali selvaġġi fiż-żuwijiet, għadha ma ġietx implimentata bis-sħiħ fl-Istati Membri kollha; itenni li l-kundizzjonijiet biex, u l-benessri ta', l-annimali miżmuma fiż-żuwijiet ġew stabbiliti speċifikament f’din id-Direttiva u għandhom jiġu infurzati;

32. Jilqa’ l-“Kodiċi ta’ Prattika Preferuta għaż-Żuwijiet” tal-Kummissjoni, u jitlob li l-Kummissjoni tinkludi f'dan il-Kodiċi gwida dwar l-aħjar prattika għaż-żamma xierqa tal-annimali ta’ speċi selvaġġi fil-magħluq;

33. Jikkunsidra li qasam wieħed fejn jinħtieġ infurzar aħjar huwa l-qasam tat-trasport tal-annimali li, għalkemm jirrappreżenta biss parti limitata ħafna mill-ħajja ta' annimal, jeħtieġ li jiġi mtejjeb fid-dawl tad-dejta xjentifika miġbura mill-EFSA kif mitlub mir-Regolament (KE) Nru 1/2005(20);

34. Jenfasizza li l-korp sħiħ ta' leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-benessri tal-annimali għandu jiġi implimentat bis-sħiħ u għandu jkun hemm konformità sħiħa miegħu fl-Istati Membri kollha tal-UE; madankollu, iqis li n-nonkonformità m'għandhiex ixxekkel leġiżlazzjoni ġdida f'oqsma li fihom jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni tiġi aġġornata fid-dawl ta' żviluppi xjentifiċi ġodda jew f'każijiet fejn ikun hemm lakuni;

35. Ifakkar li hemm żbilanċi fil-katina alimentari li jqiegħdu lill-produttur primarju fi żvantaġġ, u li din is-sitwazzjoni tillimita l-iskop għal investimenti fil-qasam tal-benessri tal-annimali fil-livell tal-farms;

36. Jenfasizza l-ispejjeż li jġarrbu l-produtturi, u l-potenzjal ta’ telf ta’ kompetittività, b’riżultat tal-adozzjoni tal-istandards il-ġodda u li jinbidlu dwar il-benessri tal-annimali; jinnota li spiss ikun il-każ li dawn l-ispejjeż ma jiġux riflessi fil-prezz li jirċievu l-bdiewa;

37. Jilqa’ l-proposta biex il-konsumatur jiġi infurmat aħjar dwar il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għall-protezzjoni tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi aktar lill-bdiewa fil-proġetti u l-kampanji ta' riċerka; jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi jsiru aktar konxji dwar l-ispejjeż addizzjonali marbuta ma' benessri aħjar tal-annimali, u biex iqassmu dawn l-ispejjeż b’mod bilanċjat tul il-katina alimentari;

38. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fejn ikun hemm evidenza xjentifika ċara li turi problemi marbuta mal-benessri tal-annimali u t-trasport tal-annimali, li tadatta jew tintroduċi strumenti ta’ politika ġodda biex dawn il-problemi jissolvew, filwaqt li ddaħħal mod aħjar ta' distribuzzjoni tal-ispejjeż tal-benessri tal-annimali tul il-katina alimentari; iqis li dawn l-istrumenti jistgħu jinkludu leġiżlazzjoni speċifika għall-ispeċi, indikaturi tal-benessri tal-annimali bbażati fuq ir-riżultati kif ukoll kriterji marbuta ma’ sistema ta’ valutazzjoni tar-riskju kif applikata fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel;

39. Jenfasizza l-ħtieġa tal-implimentazzjoni, fi sħubija mal-partijiet interessati kollha, ta’ ‘avvenimenti importanti ġuridikament’ iġġustifikati kif xieraq waqt il-perjodu tranżitorju fil-leġiżlazzjoni futura tal-benessri tal-annimali;

40. Jitlob li tinħoloq sistema ġdida ta’ intervent komprensiv bikri sabiex tiġi żgurata l-konformità; jenfasizza li l-Istati Membri li jkunu qed jitħabtu biex iżommu mal-iskadenza għandhom jiġu identifikati kmieni permezz ta’ proċedura ġdida li titlob kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni; jipproponi li jiġu stabbiliti forums dwar l-aħjar prattika biex il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar l-aħjar mod biex dawn l-iskadenzi jinżammu, li l-Istati Membri jfasslu pjan ta' implimentazzjoni li jinkorpora l-avvenimenti importanti u l-miri li jwasslu sal-iskadenza fi stadji, u li jinbeda studju biex jiġu identifikati l-possibilitajiet li bihom l-awtoritajiet Ewropej jistgħu jgħinu biex tkun żgurata konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali;

41. Jenfasizza li l-Kummissjoni, u b’mod partikulari l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju, għandhom jingħataw aktar riżorsi, skont ir-rakkomandazzjonijiet baġitarji u s-setgħat tal-UE, biex jikkontrollaw b’mod adegwat l-ispezzjonijiet tal-benessri tal-annimali mwettqa mill-Istati Membri, li parti minnhom għandhom ikunu kontrolli mhux imħabbra, u biex jindirizzaw ksur; jistieden lill-Istati Membri jassiguraw li jkun hemm numru suffiċjenti ta’ spetturi tal-benessri tal-annimali li jkunu mħarrġa b’mod adegwat, b’miżuri ta’ prestazzjoni armonizzati fis-seħħ sabiex jiġu żgurati kontrolli konsistenti fl-Istati Membri kollha, u jikkunsidraw li jagħtu aktar responsabbiltà u setgħa lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi;

42. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jiżguraw li ksur tar-regoli tal-UE dwar il-benessri tal-annimali jiġi ppenalizzat b’mod effikaċi u proporzjonat, u li kull sanzjoni jkollha magħha biżżejjed informazzjoni u gwida mill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll miżuri korrettivi xierqa;

43. Ifakkar fl-oppożizzjoni tal-Parlament Ewropew għall-użu ta’ assistenti tal-ispezzjoni kkuntrattati b’mod privat (PIAs) fil-biċċeriji fis-settur tal-laħam aħmar; jikkunsidra li l-ispezzjoni tal-iġjene f’dan is-settur għandha titwettaq minn spetturi tal-laħam indipendenti;

44. Jinnota l-iskadenza finali ta’ Marzu 2013, li warajha l-bejgħ ta’ kożmetiċi ġodda li jkunu ġew ittestjati fuq l-annimali ma jkunx permess; jappoġġja din l-iskadenza u jistieden lill-Kummissjoni biex ma testendihiex;

45. Ifakkar fl-obbligu tal-Kummissjoni li, meta jkun hemm raġuni dovuta għal tħassib, tagħmel kontrolli tal-ispezzjonijiet nazzjonali sabiex tivverifika l-konformità mad-Direttiva 2010/63/UE dwar l-ittestjar fuq l-annimali(21);

46. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tinkoraġġixxi r-riċerka dwar metodi tal-ittestjar li jirrikjedu anqas annimali għat-testijiet u biex tippromwovi l-applikazzjoni ta' tali metodi fejn dan ikun possibbli; f’dak il-kuntest, jitlob lill-Kummissjoni tagħraf u tuża t-test ‘estiż’ skont ir-REACH;

47. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Programm ta’ Riċerka Orizzont 2020 jipprevedi opportunitajiet adegwati għar-riċerka fl-oqsma tal-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-kummerċ tal-annimali selvaġġi, l-iżvilupp u l-validazzjoni ta’ alternattivi li ma jinvolvux annimali u l-impatt ta’ teknoloġiji emerġenti;

48. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-benessri tal-annimali bħala objettiv tas-seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali li se jiġi implimentat fil-futur, filwaqt li tiżgura, b'mod partikolari, l-inklużjoni ta’ strateġiji u azzjonijiet bl-għan tat-tnaqqis tal-użu tal-annimali fir-riċerka;

49. Jiġbed l-attenzjoni lejn it-tħassib fost iċ-ċittadini Ewropej, li qed jesprimuh permezz tal-petizzjonijiet tagħhom lill-Parlament, dwar l-abbuż fl-UE relatat mad-derogi dwar it-tbiċċir tal-annimali mingħajr anestesija; huwa mħasseb li d-deroga attwali favur qtil ta’ annimali mingħajr ma’ jiġu mraqqda, hija abbużata b’mod konsiderevoli f’xi Stati Membri, għad-detriment tal-benessri tal-annimali, tal-bdiewa u tal-konsumaturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħaġġel il-valutazzjoni tagħha dwar it-tikkettar tal-laħam minn annimali maqtula mingħajr ma’ jiġu mraqqda u tippreżenta r-rapport tagħha qabel l-2013, wara l-impenn tagħha li twettaq din il-valutazzjoni fl-2011; jenfasizza li l-kwistjoni tal-konsumaturi li ma jkunux infurmati dwar jekk il-laħam li qed jixtru huwiex ġej mill-qtil ta’ annimali mingħajr ma’ jiġu mraqqda hija kwistjoni ta’ interess pubbliku kbir għal raġunijiet kemm ta’ trasparenza kif ukoll ta’ tbatija fuq l-annimali; jenfasizza, madanakollu, li t-tikkettar mhuwiex alternattiva għall-infurzar korrett minħabba li dan iservi biss ta’ gwida għall-konsumaturi jekk l-informazzjoni mogħtija tkunx verifikata u korretta;

50. Jenfasizza l-bżonn li jiġu stabbiliti miżuri protettivi effettivi għal annimali għat-tbiċċir li jiġu esportati lejn pajjiżi terzi mill-UE;

51. Jikkunsidra li linji gwida prattikabbli u armonizzati għandhom jakkumpanjaw l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni li tkopri, pereżempju, kwistjonijiet bħall-kundizzjoni għat-trasport u l-provvista tal-ilma qabel u matul it-trasport, fil-waqfiet tal-mistrieħ u fid-destinazzjoni;

52. Jinnota li xi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta' spiss jiġu ġustifikati permezz ta' rekwiżiti legali, li fil-prattika ma jkunux possibbli;

53. Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej iressqu petizzjonijiet quddiem il-Parlament b’mod regolari rigward in-nuqqas tal-Istati Membri li jinfurzaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-benessri tal-annimali(22);

54. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fid-doveri tagħhom hekk kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 882/2004, biex jagħtu informazzjoni komparabbli dwar il-benessri tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet effettivi f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;

55. Jistieden lill-bejjiegħa bl-imnut Ewropej ewlenin kollha jimpenjaw ruħhom, permezz tal-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni pubblika konġunta, li jbigħu biss il-prodotti li jissodisfaw jew imorru lil hinn mill-istandards stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali;

Komunikazzjoni u edukazzjoni

56. Jenfasizza l-importanza li l-informazzjoni u l-edukazzjoni jkunu adattati u disponibbli fil-livell reġjonali u lokali, pereżempju permezz ta’ workshops reġjonali u l-użu ta’ teknoloġija moderna, u li informazzjoni dwar leġiżlazzjoni ġdida u progressi xjentifiċi jaslu għand il-persuni li jaħdmu mal-annimali; ifakkar fir-rwol li jista’ jitwettaq minn netwerk koordinat tal-UE ta’ ċentri għall-benessri tal-annimali f’dan ir-rigward;

57. Iqis li n-netwerk Ewropew ta’ ċentri ta’ referenza għandu jipprovdi appoġġ rilevanti, ta’ kwalità għolja, professjonali u konsistenti lill-Istati Membri u lil partijiet oħra interessati rigward l-aqwa prattiki għall-benessri tal-annimali;

58. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-linji gwida eżistenti dwar il-benessri tal-annimali u inizjattivi volontarji oħra billi tiżviluppa portal fuq l-internet li minnu dawn id-dokumenti, wara li jkunu ġew ivvalidati, ikunu jistgħu jinġabru u jinxterdu;

59. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mid-dispożizzjonijiet għat-trasferiment tal-informazzjoni transkonfinali dwar il-benessri tal-annimali, is-sistemi ta’ trobbija u l-kontroll ta’ mard, fil-kuntest ta’ programmi ffinanzjati tal-UE għall-iżvilupp rurali u reġjonali;

60. Jikkunsidra li r-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali għandhom isiru obbligatorji fil-programmi tal-iżvilupp rurali tal-ġejjieni; jemmen, barra minn hekk, li l-valur miżjud Ewropew ta’ benessri għoli tal-annimali għandu jiġi rifless fir-rati ta’ kofinanzjament;

61. Ifakkar lill-Kummissjoni li hemm rabta bejn il-benessri tal-annimali u l-benessri tal-produtturi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestu fi progetti għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ metodi għall-promozzjoni tal-benessri fost produtturi, biex jiżviluppaw servizzi ta’ kopertura alternattivi u biex itejbu l-kura tas-saħħa għal produtturi;

Liġi qafas

62. Jilqa’ l-inklużjoni ta’ Liġi Qafas Ewropea għall-Benessri tal-Annimali fl-Istrateġija, hekk kif propost mill-Parlament, u jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti tagħha flimkien mar-reviżjoni tad-Direttiva  8/58/KE prevista għall-2013; jemmen li Liġi Qafas bħal din għandha tkun miktuba b’mod ċar, għandha titħejja wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, għandha tiffoka kemm fuq l-inputs kif ukoll fuq l-eżiti u għandha twassal għal benessri aħjar tal-annimali;

63. Jirrimarka li Liġi Qafas bħal din għandha tkun għodda għas-simplifikazzjoni u l-integrazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-benessri tal-annimali; jinnota li l-għan ewlieni tal-Liġi Qafas għandu jkun li jinkisbu livelli aħjar u aktar stretti ta' konformità mal-liġi eżistenti dwar il-benessri tal-annimali;

64. Ifakkar li l-produtturi huma saturati bl-obbligi amministrattivi u li, fi tfittxija permanenti għas-semplifikazzjoni amministrattiva, din il-leġiżlazzjoni qafas Ewropea m'għandhiex tkompli żżid dan il-piż;

65. Ifakkar li l-Parlament jikkunsidra li Liġi Qafas bħal din għandha tkun ibbażata fuq xjenza validata u esperjenza ppruvata u li tkopri l-annimali kollha miżmuma u dawk abbandunati, inklużi annimali li jiġġerrew barra ta’ speċi domestikati; ifakkar li għall-ispeċi tal-annimali mrobbija għall-produzzjoni tal-ikel, il-Parlament talab li l-proġett Kwalità tal-Benessri tal-Annimali jkompli jiġi żviluppat fir-rigward tas-semplifikazzjoni u tal-applikazzjoni prattika tiegħu;

66. Jemmen li Liġi Qafas, relatata mill-qrib mad-definizzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-OIE, għandha ssaħħaħ l-kompetittività tas-sidien tal-annimali u tal-produtturi tal-bhejjem tal-UE fis-suq internazzjonali, waqt li tgħin ukoll biex tassigura kompetizzjoni ġusta fis-suq intern;

67. Iqis li l-Liġi Qafas Ewropea dwar il-Benessri tal-Annimali għandha tistabbilixxi livell ta’ bażi komuni għall-benessri tal-annimali madwar l-Unjoni Ewropea bħala kundizzjoni essenzjali għal kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-suq intern, kemm għal prodotti domestiċi u kemm għal dawk impurtati minn pajjiżi terzi; iqis, madankollu, li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom ikunu jistgħu jippermettu lill-produtturi individwali jew lil gruppi ta’ produtturi li jwaqqfu sistemi volontarji b’effetti aktar profondi, filwaqt li jevitaw it-tgħawwiġ ta’ kompetizzjoni u filwaqt li jipproteġu l-kompetitività tal-UE fi swieq internazzjonali;

68. Ifakkar li l-Parlament jikkunsidra li Liġi Qafas bħal dan m’għandhiex twaqqaf produtturi milli jintroduċu sistemi volontarji li jmorru lil hinn mir-regoli tal-UE, u jemmen li dawk is-sistemi għandhom ikunu wkoll ibbażati fuq ix-xjenza u jistgħu jiġu promossi b’tikketti ċċertifikati u koerenti; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-Komunikazzjoni tagħha COM(2009)584 billi tipproduċi studju, akkumpanjat jekk xieraq bi proposti leġiżlattivi, dwar skemi tat-tikkettar fl-UE kollha għal prodotti tal-laħam u tal-ħalib, bl-għan li tinforma lill-konsumaturi dwar il-metodi tal-biedja użati, u l-impatt tagħhom fuq il-benessri tal-annimali, sabiex jinkiseb l-effett massimu u trasparenza u komunikazzjoni konsistenti għall-konsumaturi;

69. Jikkunsidra li l-Liġi Qafas Ewropea dwar il-Benessri tal-Annimali għandha tinkludi:

a)  definizzjoni u għarfien komuni bbażati fuq l-OIE dwar il-benessri tal-annimali, u għanijiet ġenerali bbażati fuq ix-xjenza;

b)  il-prinċipju tad-dover ta’ kura li torbot lis-sidien u lil dawk kollha li jaħdmu mal-annimali, billi l-annimali li jiġġerrew barra għandhom qabel kollox ikunu r-responsabilità tas-sid u fl-aħħar nett tal-awtoritajiet tal-Istati Membri minħabba riskji relatati mas-saħħa u s-sikurezza pubblika;

c)  għodda u linji gwida li jżidu s-sensibilizzazzjoni għall-persunal mill-awtoritajiet pubbliċi, dwar kif jidentifikaw kwistjonijiet dwar il-benessri tal-annimali waqt il-qadi ta’ dmirijiethom;

d)  rekwiżit, meta jkun meħtieġ, biex tiġi żgurata l-kompetenza – filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-ħiliet u l-għarfien diġà miksuba permezz tal-esperjenza prattika jew it-taħriġ – ta' kull persuna li taħdem ma’ annimali fil-qadi tad-dmirijiet professjonali tagħha, flimkien ma' rekwiżiti ta’ taħriġ adegwat għal responsabilitajiet speċifiċi rigward il-benessri tal-annimali;

e)  obbligu għall-Istati Membri biex jissottomettu rapport kull sentejn lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, inkluż pjan direzzjonali għas-sentejn ta’ wara, u l-obbligu tal-Kummissjoni li tippubblika, mingħajr dewmien, dawn ir-rapporti flimkien ma’ sommarju eżekuttiv;

f)   azzjonijiet effettivi u fil-ħin kontra dawk l-Istati Membri li ma jissottomettux rapporti jew ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom li jimplimentaw kontrolli u spezzjonijiet;

g)  il-ħolqien ta’ Netwerk Ewropew koordinat għall-Benessri tal-Annimali li, abbażi tal-esperjenzi tal-Proġett Pilota X/2012, jappoġġja kampanji ta’ informazzjoni u edukazzjoni, jevalwa r-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali abbażi tal-għarfien xjentifiku l-aktar riċenti evalwat bejn il-pari, u jikkoordina sistema tal-UE għall-ittestjar minn qabel ta’ teknoloġiji ġodda b'konformità ma' programmi eżistenti promossi mill-Kummissjoni u l-aġenziji u l-kumitati tagħha;

h)  struttura għal leġiżlazzjoni settorjali bbażata fuq ix-xjenza u miżuri mhux leġiżlattivi;

i)   klawżola ta’ rieżami li tippermetti li l-liġi qafas tiġi adattata b’mod regolari għal żviluppi xjentifiċi ġodda filwaqt li titħares il-ħtieġa għal ċertezza legali u filwaqt li jitqies it-tul tal-ħajja ekonomiku tal-investimenti li saru;

70. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 308E, 16.12.2006, p. 170-178.

(2)

ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 89-98.

(3)

ĠU C 212E, 6.5.2009, p. 326-346.

(4)

ĠU C 81E, 15.3.2011, p. 25-32.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2011)0238.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2011)0083.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2012)0096.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2011)0444.

(9)

EFSA Journal 2011; 9(1)1966.

(10)

EFSA Journal 2012;10(1):2513.

(11)

OIE Terrestrial Animal Health Code, Artikolu 7.1.1. (2011). http://www.oie.int/index.php?id=169&L=0&htmfile=chapitre_1.7.1.htm.

(12)

www.welfarequality.net/everyone/43395/7/0/22.

(13)

ĠU L 323, 17.11.1978, p. 12-13.

(14)

ETS 125 – Protezzjoni tal-annimali domestiċi, 13.XI.1987.

(15)

ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1-141.

(16)

ĠU L 94, 9.4.1999, p. 24-26.

(17)

ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33-79.

(18)

ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1-69.

(19)

ĠU L 94, 9.4.1999, p. 24-26.

(20)

ĠU L 3, 5.1.2006, p. 1-44.

(21)

ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33-79.

(22)

ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1-141.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-Benessri tal-Annimali llum

Il-Komunikazzjoni mill-Kunsill COM(2012)0006 dwar l-Istrateġija għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 hija ferm milqugħa, b’mod partikolari għax fiha ħafna aspetti mir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta’ Mejju 2010. Il-Komunikazzjoni tista’ tiġi meqjusa bħala opportunità, li twassal – jekk tintuża sew – għal livell ċar u ekwivalenti tal-benessri tal-annimali fi ħdan l-UE.

Livell għoli tal-benessri tal-annimali huwa parti minn żvilupp sostenibbli u huwa importanti biex jipproteġi s-saħħa tal-annimali, is-saħħa pubblika u l-produttività u l-kompetittività tas-settur tal-bhejjem fl-Ewropa. Madanakollu, ir-regoli kumplessi Ewropej u dawk nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali, flimkien ma’ nuqqas ta’ informazzjoni dwar dawn ir-regoli, joħolqu inċertezza legali waqt li n-nuqqas ta’ konformità u n-nuqqas ta’ ‘avvenimenti importanti legali’ jfixklu l-kompetizzjoni. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ approċċ ġdid għall-benessri tal-annimali, approċċ li għandu jkun ibbażat fuq ix-xjenza u l-esperjenza ppruvata li nkisbet tul l-aħħar snin, u fejn il-leġiżlazzjoni hija faċli biex tinftiehem u faċli biex tiġi kkontrollata.

Regoli kumplessi u diverġenti dwar il-benessri tal-annimali

Għalkemm għad m’hemmx leġiżlazzjoni fuq aspetti speċifiċi tal-benessri tal-annimali bħal dik li tikkonċerna l-annimali domestiċi u l-baqar, attwalment m’hemmx nuqqas ġenerali ta’ leġiżlazzjoni relatata mal-benessri tal-annimali. Barra minn hekk, fil-ġurnata tal-lum qed jintużaw ammont kbir u diverġenti ta’ obbligi ġuridiċi nazzjonali. M’hemmx definizzjonijiet konġunti u s-settijiet kumplessi ta’ regoli u obbligi jimpedixxu l-għarfien ta’ trobbija tajba tal-annimali jew prattika għall-individwu li jaħdem mal-annimali jew għal sid l-annimali. Riżultat ta’ dan, il-kundizzjonijiet tal-benessri tal-annimali, fl-UE llum, ivarjaw konsiderevolment bejn il-pajjiż u bejn speċijiet ta’ annimali.

Nuqqas ta’ konformità u nfurzar

Barra minn hekk, għad hemm nuqqas kbir ta’ ottemperanza f’partijiet mil-leġiżlazzjoni tal-benessri tal-annimali, minkejja l-progress li twettaq f’ċerti oqsma. Is-sett attwali ta’ regoli li għandhom perjodi twal ta' tranżizzjoni u implimentazzjoni mingħajr ebda ‘avveniment importanti ġuridikament’ irriżultaw f’nuqqas ta’ ottemperanza, pereżempju, mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE dwar il-protezzjoni tat-tiġieġ tal-bajd. Issa hemm ukoll riskju serju li sitwazzjoni simili sseħħ fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE dwar il-protezzjoni tal-majjal u tad-Direttiva 76/768/KEE (‘id-Direttiva tal-Kożmetiċi’). Eżempju ieħor fejn il-benessri tal-annimali mhux jiġi protett huwa l-abbuż tad-deroga stabbilita għall-qtil ta’ annimali mingħajr ma jitraqqdu għal skopijiet reliġjużi jew ritwali, li qed jikkawża tbatija mingħajr bżonn fuq l-annimali u li qed iqarraq bil-konsumatur.

Huwa evidenti li s-setgħa u r-riżorsi tal-Kummissjoni ma kinux biżżejjed biex jassiguraw infurzar tajjeb tar-regoli. Madanakollu, wieħed kien jistenna ottemperanza anki mill-Kummissjoni nnifisha. Xi azzjonijiet mill-Pjan ta’ Azzjoni għal 2006-2010, bħalma huma ż-żewġ rapporti dwar il-majjal, ma ġewx imwettqa. Barra minn hekk, l-iskeda għall-azzjonijiet l-ġodda għandhom jiġu aġġustati skont id-dati ta’ skadenza li huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni eżistenti(1).

L-Istrateġija l-Ġdida

Kamp ta’ applikazzjoni

L-approċċ vast meħud mill-Kummissjoni kien ferm apprezzat. B’approċċ vast hemm lok għal titjib fir-rigward tal-benessri tal-annimali domestiċi pereżempju, anki jekk ma rridux ninsew li fl-Ewropa, madwar 95% tal-annimali domestikati kollha huma mmaniġġjati mill-bdiewa – flimkien mat-trasportaturi, spetturi, veterinarji, eċċ.

Huwa ta’ dispjaċir madanakollu, li l-Kummissjoni naqqset li turi r-rabta bejn il-benessri tal-annimali u s-saħħa pubblika L-approċċ 'Saħħa Waħda' għandu japplika wkoll għal din l-Istrateġija, ladarba t-trobbija tajba tal-annimali kollha – inklużi annimali domestiċi – hija għodda biex tonqos il-firxa ta’ mard u r-reżistenza antimikrobika.

Koerenza tal-politiki u koordinazzjoni tal-finanzi

Difett ieħor tal-Istrateġija l-ġdida huwa n-nuqqas ta’ baġit proprju għall-azzjonijiet imniżżla. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010, il-Parlament talab b’mod espliċitu li l-Istrateġija l-ġdida tingħata l-appoġġ finanzjarju meħtieġ. Għaldaqstant huwa ta’ importanza kbira li l-Kummissjoni, permezz ta’ koerenza tal-politiki, tagħmel kull sforz biex iżżid il-mezzi disponibbli għall-benessri tal-annimali fl-Ewropa.

Pereżempju, il-benessri tal-annimali għandu jingħata aktar attenzjoni fil-Politika tal-Konsumatur tal-UE, fil-Qafas ta’ Programmi għar-riċerka, u fil-PAK, fejn hu rilevanti (mingħajr dubju, qatt ma jkun rilevanti li l-PAK tħallas għall-qtates u klieb f’zoni urbani). L-investimenti fil-benessri tal-annimali jqumu l-flus, u għalhekk huwa importanti ħafna li jkun assigurat li l-bini, it-teknoloġija u oġġetti oħra, huma adattati u jservu għal ħafna snin. Għad hemm żbilanċi fil-katina alimentari li jpoġġu l-produttur primarju fi żvantaġġ, u dawk l-iżbilanċi jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni għall-investimenti tal-benessri tal-annimali fil-livell ta’ rziezet. Dan għandu jiġi kkunsidrat fl-Istrateġija l-ġdida.

Forsi ta’ min isemmi wkoll li l-koerenza tal-politiki ġejja minn Artikolu 7 tat-Trattat, u mhix kwestjoni ta’ għażla politika. Billi l-Artikolu 13 tat-Trattat jobbliga “l-UE u l-Istati Membri biex jagħtu konsiderazzjoni sħiħa għall-benessri tal-annimali, huwa obbligatorju li jiġu kkunisdrati attivitajiet f’oqsma oħra tal-politika li jistgħu jippromwovu l-benessri tal-annimali u jipprevienu kull impatt negattiv ta’ politiki oħra fuq l-annimali”.

F’dan ir-rigward, huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni tkompli tassigura li kwestjonijiet marbutin mal-benessri tal-annimali jingħataw prijorità fil-Politika tal-Kummerċ tagħha u fi ftehimiet bilaterali u tal-kummerċ internazzjonali, u li jkun promoss il-benessri tal-annimali f’pajjiżi terzi billi tkun inkluża l-ekwivalenza ma’ standards tal-UE bħala rekwiżit għall-prodotti importati.

Il-benessri tal-annimali fil-futur

Xjenza

Fil-qasam tal-benessri tal-annimali kien hemm żieda fir-riċerka li saret tul dan l-aħħar għaxar snin, kemm fl-UE kif ukoll f’postijiet oħra, bħalma hu l-Proġett tal-Kwalità tal-Benessri. Dan l-għarfien xjentifiku li dejjem qed jikber huwa l-bażi l-aktar loġiku għall-Istrateġija u leġiżlazzjoni tal-Benessri tal-Annimali. Huwa importanti li dan l-għarfien jintuża fl-aspetti kollha marbuta mal-prattika tal-annimali mill-iżvilupp ta' teknoloġija ġdida u l-kostruzzjoni ta' bini għall-annimali permezz tal-ittestjar minn qabel, għall-monitoraġġ u kontroll sħiħ tal-benessri tal-annimali fl-Unjoni.

Infurzar

Kif imsemmi qabel, il-problema l-aktar importanti għall-benessri tal-annimali fl-Ewropa llum hija n-nuqqas ta’ ottemperanza mal-leġiżlazzjoni u l-infurzar tagħha. Leġiżlazzjoni futura għandu jkollha ‘ġrajjiet importanti ġuridikament’ waqt perjodi tranżitorji, sabiex tagħti lill-Kummissjoni bl-opportunità li tivvaluta l-progress li sar bl-implimentazzjoni u biex tieħu azzjoni proattiva fejn ikun hemm bżonn. Mhux biżżejjed li jkun hemm stennija għal xi ksur biex imbagħad il-kwestjoni tiġi indirizzata fil-Qorti tal-UE.

Barra minn hekk, l-annimali tagħna għandhom bżonn xi forma ta' 'FBI' li tikkontrolla kif l-Istati Membri qed jeżegwixxu l-ispezzjonijiet tagħhom stess. Għalhekk l-FVO għandu jingħata aktar riżorsi sabiex jikkontrolla b’mod adegwat l-ispezzjonijiet tal-benessri tal-annimali mwettqa mill-Istati Membri u biex tinvestiga u tippenalizza n-nuqqas ta’ ottemperanza. Madankollu, ir-responsabilità prinċipali għall-infurzar korrett taqa’ fuq l-Istati Membri, li jridu jaċċertaw li għandhom numru suffiċjenti ta’ spetturi tal-benessri tal-annimali u li dawn huma mħarrġa b’mod adegwat.

Għodda oħra importanti hija t-trasparenza. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri diġà għandhom dover, hekk kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru. 882/2004, li jagħtu informazzjoni komparabbli dwar il-benessri tal-annimali fl-UE u biex jagħmlu din l-informazzjoni pubblika. Ir-Regolament jistipula b’mod ċar li l-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet ta’ kontroll multiannwali u li jissottomettu rapporti lill-Kummissjoni fuq bażi annwali. Jidher li ma sarx użu sħiħ ta’ dan ir-Regolament, u l-Kummissjoni għandha tikkunsidra modi kif tieħu azzjoni effettiva kontra n-nuqqas ta’ ottemperanza, bħal sistema ta' 'naming-and-shaming’.

Komunikazzjoni

Element essenzjali biex jitwaqqaf standard uniformi tal-benessri tal-annimali mal-UE hija l-għoti ta' taħriġ, informazzjoni u linji gwida eżatti, konkreti u li jistgħu jinftiehmu sew u li jaslu għand il-persuni li jaħdmu mal-annimali kuljum. Din l-informazzjoni għandu jkollha kemm il-leġiżlazzjoni u x-xjenza li hija bbażata fuqha.

Biex jiġi assigurat li din l-informazzjoni qed tinftiehem, u biex jiġi assigurat l-aċċess għall-persuni li jaħdmu mal-annimali kuljum, għandha tiġi adottata u tkun disponibbli fuq il-livell reġjonali u lokali. Netwerk koordinat tal-Ewropa magħmul minn ċentri tal-benessri tal-annimali jista' jkollu rwol importanti f'dan ir-rigward.

Qafas ta’ Liġi Ewropea għall-Benessri tal-Annimali

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni inkludiet l-idea tal-Parlament dwar Qafas ta’ Liġi Ewropea għall-Benessri tal-Annimali. Il-kunċetti bażiċi ta’ din il-Liġi huma ċ-ċarezza, is-semplifikazzjoni u l-applikabilità prattika, fuq bażi xjentifika.

Liġi bħal din iżżid il-kompetittività, kemm fuq is-suq intern kif ukoll fil-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, u żżid il-kwalità tal-prodotti tal-annimali. B’livell ta’ benessri tal-annimali fl-Ewropa li huwa komuni u implimentat sew, jista’ jkun aktar faċli għall-UE biex titlob li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi jilħqu l-istandards ekwivalenti.

Reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE hija ppjanata għal 2013, u din hija opportunità perfetta biex din id-Direttiva tkun imwessgħa, iċċarata u msaħħa billi tiġi mibdula f’Qafas ta’ Liġi. Hekk kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet fil-Komunikazzjoni tagħha, huwa importanti li l-attenzjoni tiffoka fuq miżuri bbażati fuq riżultati. Dan l-approċċ huwa ferm apprezzat, iżda huwa importanti li wieħed jinnota li indikaturi bħal dawn għandhom jintużaw biex jikkumplimentaw, mhux jissostitwixxu, id-dispożizzjonijiet dwar l-inputs tal-benessri bħala l-kwalità tal-inputs. Inputs, bħal ma huma sistema tad-djar u spazju minimu suffiċjenti, ma jistgħux jiġu injorati minħabba li jekk dawn ma jkunux ta’ kwalità tajba ma jkunux jistgħu jintlaħqu l-miri ta’ benessri tajjeb.

Qafas ta’ Liġi joħloq kundizzjonijiet ekwivalenti bis-saħħa ta’ definizzjoni u għarfien komuni tal-benessri tal-annimali. Simili għall-ħolqien tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (Regolament (KE) Nru. 178/2002), hija għandha tagħti bażi komuni. Madanakollu, m’għandhiex twaqqaf il-produtturi milli jintroduċu sistemi volontarji li jmorru lil hinn mir-regoli tal-UE, sakemm dawk is-sistemi wkoll huma bbażati fuq ix-xjenza.

Huwa raġonevoli li l-qafas tal-liġi jibda bid-definizzjoni globali tal-benessri tal-annimali, hekk kif deskritt mill-OIE. Minbarra l-objettivi ġenerali bbażati fuq ix-xjenza, għandu jkollu l-prinċipju tad-dover tal-kura. Huwa essenzjali li kull annimal inkluż fil-Qafas tal-Liġi jkollu persuna naturali jew ġuridika responsabbli għalih f’kull pass tal-katina. Fir-rigward ta’ annimali abbandunati, inklużi annimali ta’ speċi domestikati li jiġġerrew barra, huma għandhom ikunu r-responsabilità tal-awtoritajiet tal-Istati Membri minħabba li dawn l-annimali huma ta’ riskju mil-lenti tas-saħħa pubblika (eż rabja).

Għandu jkun hemm rekwiżit ta’ kompetenza għal kull persuna li taħdem mal-annimali waqt il-qadi tad-doveri professjonali tagħha, flimkien ma’ taħriġ adegwat fejn hu meħtieġ Tip ta’ ċertifikat jew provi oħra ta’ kompetenza għandhom jkunu mitluba mingħand in-nies, bħalma huma bdiewa u trasportaturi tal-annimali, li – mingħajr esperjenza relevanti – jixtiequ jiftħu negozju. Barra minn hekk, għandhom ikunu stabbiliti sistema ta’ permessi ta’ ttestjar minn qabel għall-kostruzzjoni jew rikostruzzjoni ta’ postijiet tal-annimali.

Simili għal dak li hu mitlub fir-Regolament tal-Kontroll ((KE) Nru. 882/2004) għandu jkun hemm obbligu fuq l-Istati Membri li jissottomettu rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea għall-benessri tal-annimali, li tkun tinkludi pjan direzzjonali għas-sena li jkun imiss. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, toħroġ dawn ir-rapporti għall-pubbliku flimkien ma’ rapport li jiġbor fil-qosor l-informazzjoni sottomessa mill-Istati Membri

L-ottemperanza hija prinċipalment ir-responsabilità tal-Istati Membri, li għandhom jistabbilixxu sanzjonijiet li huma kemm ta' deterrent kif ukoll ta' effiċjenza. Madanakollu, il-Qafas ta’ Liġi għandu jħaddan fih l-għodda għall-Kummissjoni biex jittieħdu azzjonijiet effettivi kontra l-Istati Membri li ma jissottomettux ir-rapporti tagħhom jew li jinjoraw l-obbligi tagħhom.

Il-Qafas ta’ Liġi għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta’ Netwerk Ewropew koordinat għall-Benessri tal-Annimali. In-netwerk m’għandux jissostitwixxi jew jidduplika x-xogħol diġà mwettaq mill-Kummissjoni u l-aġenziji tagħha, bħalma hi l-EFSA Pjuttost, skont l-esperjenzi tal-Proġett Pilota fl-2012, għandu jagħti l-appoġġ permezz ta' informazzjoni u edukazzjoni, jivvaluta l-ħtiġiet tal-benessri tal-annimali skont l-għarfien xjentifiku l-aktar riċenti, kif ukoll jikkordina sistema tal-UE għall-ittestjar minn qabel ta’ teknoloġija ġdida.

Il-Qafas ta’ Liġi għandu jkun segwit minn leġiżlazzjoni speċifika jew vertikali tal-kategorija, biex jimtela l-vojt fejn it-tali leġiżlazzjoni hija nieqsa, bħalma huwa fil-każ ta' baqar, annimali domestiċi, eċċ. Din il-leġiżlazzjoni għandha tkun ukoll ibbażata fuq ix-xjenza, u faċli biex tinterpretaha u tapplikaha fil-prattika.

Importanti wkoll li l-Qafas tal-Liġi jkun rivedut regolarment u adattat għal xjenza ġdida rilevanti, waqt li jassigura li ċ-ċertezza ġuridika tkun mħarsa, kollha taħt l-objettiv prinċipali li jimmodifika, jissemplifika u jiċċara l-ħtiġiet tal-benessri tal-annimali fl-Ewropa.

(1)

Pereżempju, id-Direttiva 2007/43/KE dwar flieles imrobbija għall-produzzjoni tal-laħam tistabbilixxi t-30 ta’ Ġunju 2012 bħala data ta’ skadenza għal rapport dwar il-benessri tal-flieles, inkluż l-iżvilupp tal-indikaturi tal-benessri – mhux l-2015 hekk kif propost fl-Istrateġija.

‘Il-benessri tal-annimali tfisser kif annimal qiegħed jadatta għall-kundizzjonijiet li jgħix fihom. Annimal huwa fi stat tajjeb ta’ benessri jekk, (hekk kif indikat minn evidenza xjentifika), huwa b’saħħtu, komdu, mitmugħ tajjeb, protett, kapaċi jesprimi imġiba innata, u jekk mhux qed isofri minn xi stat ikrah bħalma huma uġigħ, biża’ u dwejjaq. Benessri tajjeb tal-annimali jirrikjedi prevenzjoni ta’ mard u trattament veterinarju, kenn adattat, ġestjoni, nutrizzjoni, immaniġġjar uman u qtil b’mod uman. Benessri tal-annimali jirreferi għall-istat tal-annimal; it-trattament li annimal jirċievi huwa kopert minn termini oħra bħalma huma l-kura tal-annimali, it-trobbija tal-annimali, u t-trattament b’mod uman.’


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (5.6.2012)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015

(2012/2043(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Kartika Tamara Liotard

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-Artikolu 13 tat-Trattat huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u għalhekk huwa importanti daqs l-ambjent jew il-protezzjoni tal-konsumatur u legalment fundamentali għall-politiki kollha tas-suq intern; jenfasizza li, konsegwentement, l-istrateġija tal-UE dwar il-benessri tal-annimali għandha tinkludi inizjattivi, azzjonijiet u strumenti biex jiżguraw li l-benessri tal-annimali kollha jiġu inklużi fl-oqsma kollha ta’ politika;

2.  Jilqa’ l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali bejn l-2012 u l-2015, iżda jinnota b'dispjaċir li f'din l-istrateġija l-importanza tal-annimali b'saħħithom għas-saħħa pubblika kif promoss mill-kunċett "Animals + Humans = One Health" u r-rabta bejn is-saħħa u l-benessri tal-annimali ma jidhrux;

3.  Jiddispjaċih ħafna li l-Kummissjoni ma ħarġitx bi proposti leġiżlattivi ġodda li jtejbu l-benessri tal-annimali fl-UE bħala parti mill-Istrateġija; jirrikonoxxi li t-titjib tal-infurzar huwa element ewlieni għat-titjib tal-benessri tal-annimali fl-UE iżda jinsisti li għandha tiġi ppreżentata leġiżlazzjoni ġdida sabiex jiġu mtejba l-istandards attwali tal-benessri tal-annimali.

4.  Jenfasizza li t-titjib tal-benessri tal-annimali għandu x’jaqsam mas-sikurezza tal-ikel u jirriżulta f’benefiċċji ekonomiċi għall-katina alimentari;

5.  Jilqa’ l-inklużjoni ta’ Liġi Qafas Ewropea dwar il-Benessri tal-Annimali fl-Istrateġija sakemm permezz ta’ tali Liġi Qafas regolamenti nazzjonali eżistenti ma jkunux jistgħu jiġu mdgħajfa u jsir eżami bir-reqqa tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; itenni li tali Liġi Qafas għandha tkun ibbażata fuq xjenza approvata u aġġornata, u għandha tkopri l-annimali kollha, kemm dawk domestiċi u dawk li jiġru fit-toroq, kif ukoll annimali selvaġġi li jinżammu f’ġonna żooloġiċi u f’akkwarji, u speċi aljeni invażivi; barra minn hekk jirrikonoxxi wkoll il-bżonn għall-pubbliku ġenerali li jkun infurmat b’mod aktar effettiv dwar il-benessri tal-annimali;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi mtejjeb il-benessri tal-annimali permezz taż-żamma u l-iżvilupp ta’ politiki u standards legali fil-qasam tat-trobbija tal-bhejjem, it-trasport tal-annimali ħajjin (imsejjaħ ukoll l-esportazzjoni tal-annimali ħajjin) il-protezzjoni tal-annimali selvaġġi, u annimali użati fir-riċerka u l-ittestjar;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fejn ikun hemm evidenza xjentifika ċara li turi problemi marbuta mal-benessri tal-annimali u t-trasport tal-annimali, li tadatta jew tintroduċi strumenti ta’ politika ġodda, bħal leġiżlazzjoni speċifika għall-ispeċi u indikaturi tal-benessri tal-annimali bbażati fuq ir-riżultati u kriterji marbuta ma’ sistema ta’ valutazzjoni tar-riskju kif applikati fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel, biex dawn il-problemi jissolvew, filwaqt li jinkludu tqassim aħjar tal-ispejjeż tal-benessri tal-annimali matul il-katina alimentari, b’mod partikolari l-każijiet tat-trasport tal-baqar tal-ħalib, tal-bhejjem imrobbija għaċ-ċanga, tal-fniek, tal-ħut tat-trobbija u tal-annimali ħajjin; jieħu nota li f’dan ir-rigward għandu jsir użu mill-opinjoni xjentifika tal-EFSA;

8.  Jiddispjaċih li l-istrateġija ma tippromwovix livelli għolja ta’ standards tal-benessri tal-annimali permezz tal-użu tal-opportunitajiet fil-politiki tal-Produzzjoni u l-Konsum Sostenibbli, tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku u tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva;

9.  Jenfasizza li l-lista ta’ azzjonijiet inkluża fl-Istateġija għandha tinkludi:

–   rieżami tar-Regolament 1/2005, li jinkludi proposta biex tillimita l-perjodu ta’ trasport tal-annimali tat-trobbija għal 8 sigħat, kif mitlub, inter alia, mid-Dikjarazzjoni bil-Miktub 40/2011 adottata fil-15 ta’ Marzu 2011 u minn aktar min 1 100 000 firmatarju tal-petizzjoni tat-‘8 sigħat’, kif ukoll azzjoni ġenwina lejn is-semplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet statutorji applikabbli u t-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi, li jwassal għal flessibilità akbar għall-operaturi ekonomiċi;

–   proposta leġiżlattiva li tintroduċi projbizzjoni fuq il-klonazzjoni u fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-kloni u mill-wild tagħhom;

–   proposta leġiżlattiva li tintroduċi projbizzjoni fuq il-modifkazzjoni ġenetika tal-annimali u fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti minn annimali ġenetikament modifikati u mill-wild tagħhom;

–   proposti leġiżlattivi li jistabbilixxu standards minimi għall-protezzjoni kemm tal-baqar u tal-fniek;

–   l-intorduzzjoni ta’ regoli li jinformaw lill-konsumaturi, permezz ta’ tabelli, dwar il-metodi ta’ qtil tal-annimali;

–   l-introduzzjoni ta’ linji gwidi jew regoli ta’ implimentazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tal-qatla;

–    implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Ewropea dwar alternattivi għall-kastrazzjoni kirurġika tal-ħnieżer;

10. Iqis li l-Liġi Qafas Ewropea dwar il-Benessri tal-Annimali għandha tindirizza l-kwistjoni tal-annimali li jiġru fit-toroq, li hija partikolarment serja fl-Istati Membri tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-UE, billi timplimenta miżuri effettivi ta’ sterilizzazzjoni; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali Domestiċi;

11. Iqis li l-Liġi Qafas Ewropea dwar il-Benessri tal-Annimali għandha tinkludi miżuri mmirati biex isolvu l-problema li tikkonċerna l-pussess ta’ għasafar selvaġġi mill-qbid jew mit-trobbija li huma użati f’xi Stati Membri bħala lixka ħajja fil-kaċċa għall-għasafar migratorji, f’kondizzjonijiet mhux kompatibbli man-natura tagħhom;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta strateġija li tkopri l-UE kollha għall-iżvilupp u l-użu ta' metodi ta’ ttestjar alternattivi mhux fuq l-annimali kemm jista’ jkun malajr, fil-kuntest tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u fil-kuntest ta' teknoloġiji ġodda, bħan-nanoteknoloġija u l-klonazzjoni, iżda mhux biss; ifakkar, madankollu, li s-sigurtà tal-konsumatur għandha tibqa’ prijorità; jappoġġja l-iskadenza finali ta’ Marzu 2013 li timpedixxi l-bejgħ ta’ kożmetiċi ġodda ttestjati fuq l-annimali u jistieden lill-Kummissjoni biex ma testendihiex jew ma tagħti l-ebda eżenzjoni;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja b’mod attiv funzjonijiet rilevanti ta’ twaqqif ta’ strateġiji u riċerka tal-Laboratorju ta’ Referenza tal-UE (iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka) biex tidentifika oqsma ta’ prijorità għas-sostituzzjoni ta’ tekniki ta’ riċerka fuq l-annimali, inkluż permezz tal-identifikazzjoni tat-tossiċità tal-bniedem u perkorsi tal-mard, u l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ mard rilevanti għall-bniedem in vitro u komputazzjonali;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Programm ta’ Riċerka Orizzont 2020 ikun jipprevedi opportunitajiet adegwati għar-riċerka fl-oqsma tal-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-kummerċ tal-annimali selvaġġi, l-iżvilupp u l-validazzjoni ta’ alternattivi li ma jinvolvux annimali u l-impatt ta’ teknoloġiji emerġenti bħan-nanoteknoloġija u l-klonazzjoni, iżda mhux limitati għal dawn;

15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq eżami dettaljat tal-impatt fuq is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ta’ metodi preżenti li mhumiex sostenibbli ta’ produzzjoni marbuta mal-bhejjem, u tiżgura li s-sinerġiji ppjanati mal-PAK inklużi fl-Istrateġija jirriżultaw f’appoġġ akbar għal sistemi ta’ produzzjoni sostenibbli b’benessri tal-annimal aħjar, u b’hekk jgħinu wkoll biex jiġi evitat it-tixrid tal-mard u r-reżistenza kontra l-mikrobi; jirrakkomanda li tintuża l-esperjenza prattika – din għandha tinkludi rapport li jevalwa kemm isir użu profilattiku u mhux terapewtiku ta’ rutina tal- antibijotiċi fl-agrikoltura, kif ukoll tas-sistemi eżistenti ta’ monitoraġġ u rappurtar dwar din il-kwistjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE;

16. Iħeġġeġ lill-Kunsill jiggarantixxi titjib sostanzjali tal-benessri tal-annimali permezz ta’ żvilupp rurali, partikolarment billi jipprovdi finanzjament adegwat għall-ħlas tal-benessri tal-annimali u jiżgura li l-programmi kollha tal-iżvilupp rurali għall-perjodu 2014-2020 ikunu jinkludu l-miżura tal-benessri tal-annimali.

17. Jenfasizza l-ħtieġa li l-PAK wara l-2013 tappoġġja lill-bdiewa li japplikaw standards ogħla tal-benessri tal-annimali lil hinn mill-kundizzjonalità, u li tadatta miżuri speċifiċi sabiex l-agrikoltura tal-UE timxi mill-produzzjoni tal-bhejjem industrijali għal metodi aktar sostenibbli, ekoloġiċi u umani ta’ trobbija tal-bhejjem;

18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-kundizzjonalità bħala għodda biex itejbu l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benesseri tal-annimali; jemmen, f’dan ir-rigward, li l-istandards kollha tal-UE dwar il-protezzjoni tal-annimali li jinżammu għal skopijiet ta’ trobbija għandhom jiġu inklużi fil-kundizzjonalità u li l-penali għandhom ikunu għoljin biżżejjed biex ikunu dissważivi.

19. Jenfasizza r-relazzjoni ċara bejn is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni tal-ambjent u jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra l-benessri tal-annimali bħala mira tas-seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali li se jiġi implimentat fil-futur, biex jiġu żgurati, b'mod partikolari, l-inklużjoni ta’ strateġiji u azzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tal-użu tal-annimali fir-riċerka, il-protezzjoni tal-annimali selvaġġi, il-protezzjoni u t-titjib b’mod effettiv tal-bijodiversità u l-promozzjoni tat-trobbija sostenibbli tal-bhejjem;

20. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jedukaw il-partijiet interessati fir-rekwiżiti għaż-żamma ta’ speċi ta’ annimali selvaġġi maqbuda, jiżguraw użu effettiv ta' programm ta’ arrikkiment speċifiku għall-ispeċi li jipprovdi stimolu mentali u fiżiku xieraq, sabiex jittejjeb il-benessri tal-annimali selvaġġi li bħalissa jinsabu maqbuda; jitlob għal implimentazzjoni urġenti u sħiħa tad-Direttiva dwar iż-żamma ta’ annimali selvaġġi fiż-żu u li l-veterinarji taż-żu jiġu mħarrġa u kkwalifikati kif xieraq;

21. Jappoġġja l-prinċipju ta’ tikkettar tal-prodotti tal-ikel li jikkonformaw ma’ standards tal-benessri tal-annimal li huma aktar stretti minn dawk rekwiżiti mil-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq ir-rapport tagħha COM (2009)584 billi toħroġ bi proposti leġiżlattivi dwar skemi ta’ tikkettar fl-UE għal prodotti tal-laħam u tal-ħalib kif ukoll bajd fi prodotti proċessati, biex tinforma lill-konsumaturi dwar il-metodi ta’ trobbija użati u l-impatt tagħhom fuq il-benessri tal-annimali, sabiex tinkiseb il-komunikazzjoni massima effettiva u konsistenti mal-konsumaturi;

22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi l-ittikkettar għal-laħam minn annimali li jinqatlu mingħajr ma jiġu storduti qabel;

23. Jitlob lill-Kummissjoni tniedi kampanja wiesa’ ta’ informazzjoni indirizzata lill-konsumatur dwar leġiżlazzjoni Ewropea fejn jidħol il-benessri tal-annimali filwaqt li jiġu kkomunikati kwalunkwe bidliet meħtieġa mill-produtturi Ewropej hekk kif iseħħu, sabiex jifhmu ż-żidiet fil-prezzijiet, l-isforzi tagħhom isiru iktar viżibbli u jitjieb il-valur miżjud tal-prodotti tagħhom.

24. Ifakkar ir-rwol li jista’ jkollu netwerk koordinat ta’ ċentri ta’ benessri tal-annimali tal-UE fl-għoti ta’ appoġġ sinifikanti, ta’ kwalità għolja, professjonali u konsistenti lill-Istati Membri u lil partijiet interessati oħra rigward l-aħjar prattika fil-benessri tal-annimali.

25. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-kwistjoni tal-konformità mal-liġi dwar il-benessri tal-annimali bħala kwistjoni ta’ prijorità; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinkludi, fi kwalunkwe proposta leġiżlattiva f’dan il-qasam, obbligu fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni, u jipprovdu għal sistemi ta’ identifikazzjoni bikrija tal-Istati Membri li qed jitħabtu biex jilħqu d-dati tal-iskadenza bil-possibbiltà ta’ intervent f’każ li ma jintlaħqux il-miri;

26. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti l-ogħla prijorità lill-benessri tal-annimali fil-kuntest tan-negozjati fid-WTO (l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ) u l-ftehimiet bilaterali.

27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex fin-negozjati tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali ma’ pajjiżi terzi teħtieġ konformità mar-regolamenti Ewropej dwar il-benessri tal-annimali fl-esportazzjoni kemm tal-bhejjem kif ukoll tal-prodotti tal-laħam fis-suq tal-Komunità.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

30.5.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

16

11

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sergio Berlato, Lajos Bokros, Milan Cabrnoch, Martin Callanan, Chris Davies, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Matthias Groote, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Holger Krahmer, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Kartika Tamara Liotard, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Andres Perello Rodriguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Kārlis Šadurskis, Carl Schlyter, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Salvatore Tatarella, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Gaston Franco, James Nicholson, Justas Vincas Paleckis, Vittorio Prodi, Britta Reimers, Michèle Rivasi, Alda Sousa, Bart Staes, Marita Ulvskog, Andrea Zanoni


OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (10.5.2012)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015

(2012/2043(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Victor Boştinaru

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilmenta dwar il-fatt li, għalkemm l-aġenda għall-benessri tal-annimali tmexxiet ’l quddiem permezz ta’ partijiet ta’ leġiżlazzjoni speċifiċi, għad hemm wisq oqsma fejn ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni speċifika tal-UE;

2.  Jenfasizza li l-benessri tal-annimali hija kwistjoni kumplessa u multidimensjonali b’impatt fuq politiki internazzjonali u domestiċi, u b’dimensjonijiet etiċi, xjentifiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi importanti;

3.  Jiġbed l-attenzjoni lejn in-numru dejjem ikbar ta’ petizzjonijiet minn ċittadini Ewropej mill-Istati Membri kollha li qed jitolbu għal regolamenti mmirati u dettaljati dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali, speċjalment fil-parks tal-annimali, fil-ġonna u fiż-żoo, biex jiġu msaħħa sabiex jimtlew id-diversi lakuni eżistenti;

4.  Jilqa’ l-objettiv tal-Kummissjoni li tqis il-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta’ qafas leġiżlattiv simplifikat tal-UE li jinkludi prinċipji dwar il-benessri tal-annimali għall-annimali kollha li jinżammu fil-kuntest ta’ attività ekonomika inklużi, fejn xieraq, l-annimali domestiċi; madankollu, huwa tal-fehma li l-ewwel pass għandu jkun l-infurzar tal-konformità mar-regolamenti eżistenti dwar il-benessri tal-annimali u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati “avvenimenti importanti ġuridikament ” matul il-perjodu tranżitorju fil-leġiżlazzjoni futura dwar il-benessri tal-annimali.

5.  Jinnota li, fil-petizzjonijiet tagħhom, xi ċittadini Ewropej ipprotestaw kontra l-ġlied tal-barrin u kontra spettakli oħra li jikkawżaw bla bżonn stress jew korrimenti lill-annimali u/jew li jwasslu għall-qtil ta’ annimali;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-popolazzjoni tal-klieb u l-qtates fl-UE hi stmata li tilħaq madwar mitt miljun annimal, u li ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali domestiċi; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2010 dwar il-Benessri tal-Klieb u l-Qtates, biex tippromwovi l-benessri tal-annimali domestiċi billi tiżgura li jkun hemm standards minimi għat-trattament u l-protezzjoni tagħhom, kif ukoll sistema obbligatorja ta’ reġistrazzjoni u mikroċippjar;

7.  Jenfasizza li l-identifikazzjoni obbligatorja ta’ annimali ta’ kumpanija, flimkien biss ma’ sistema effettiva u affidabbi ta' reġistrazzjoni, twassal għal traċċabbiltà u hija kruċjali għall-ġestjoni b’suċċess tas-saħħa u l-benessri tal-annimali, filwaqt illi tgħin biex tiġi promossa s-sjieda responsabbli u tiġi ppreservata s-saħħa pubblika;

8.  Jikkunsidra li l-Qafas tal-Liġi Ewropea dwar il-Benessri tal-Annimali għandu jinkludi miżuri biex tiġi solvuta l-problema tal-annimali mingħajr sid li jgħixu barra, li hi partikolarment serja fl-Istati Membri tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-UE, u jitlob biex jiġi pprovdut finanzjament mill-UE għall-implimentazzjoni ta’ miżuri effettivi għall-isterilizzazzjoni u l-kastrazzjoni; jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali Domestiċi u biex jittrasponu d-dispożizzjonijiet tagħha f’sistemi legali nazzjonali;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw strateġiji komprensivi ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni tal-klieb li jinkludu miżuri bħal liġijiet dwar il-kontroll tal-klieb u kontra l-moħqrija, appoġġ għal proċeduri veterinarji li jinkludu tilqim għal kontra l-marda tar-rabja u sterilizzazzjoni meħtieġa biex jiġi kkontrollat l-għadd ta' klieb mhux mixtieqa, u l-promozzjoni tas-sjieda responsabbli ta' annimal domestiku, kif mitlub mid-Dikjarazzjoni Miktuba 0026/2011 adottata mill-Parlament Ewropew;

10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni d-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE dwar iż-żamma ta’ annimali selvaġġi fiż-żoo;

11. Jenfasizza l-bżonn li jiġu stabbiliti miżuri protettivi effettivi għal annimali għat-tbiċċir li jiġu esportati lejn pajjiżi terzi mill-UE;

12. Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw implimentazzjoni aktar effettiva tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati;

13. Jiġbed l-attenzjoni lejn it-tħassib fost iċ-ċittadini Ewropej, li qed jesprimuh permezz tal-petizzjonijiet tagħhom lill-Parlament, dwar l-abbuż fl-UE relatat mad-derogi dwar it-tbiċċir tal-annimali mingħajr anestesija; jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw infurzar aktar effettiv tal-leġiżlazzjoni u jippermettu t-tbiċċir tal-annimali mingħajr ma dawn jiġu storduti qabel, għal raġunijiet reliġjużi u raġonevoli biss u skont derogi stretti;

14. Jitlob għal informazzjoni aħjar għall-konsumatur rigward il-metodi ta’ produzzjoni ta’ prodotti jew ta’ prodotti sekondarji li joriġinaw mill-annimali, u dwar l-impatt tagħhom fuq il-benessri tal-annimali permezz ta’ tikkettar u fuljetti li jakkumpanjaw il-prodott li jkunu trasparenti u xierqa u l-inklużjoni obbligatorja ta’ informazzjoni dwar il-pajjiżi tal-oriġini tal-annimali u l-identifikazzjoni ta’ prodotti;

15. Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej iressqu petizzjonijiet quddiem il-Parlament b’mod regolari rigward in-nuqqas tal-Istati Membri li jinfurzaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni biex tintervjeni b’mod effettiv fejn jiġi identifikat nuqqas ta’ konformità

16. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi l-benessri tal-annimali fi ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ u f’forums ta’ kooperazzjoni u jħeġġeġ li kull dispożizzjoni ta’ dan it-tip għandha tkun torbot taħt il-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni tat-tilwim tal-Ftehimiet dwar il-Kummerċ Ħieles; jilqa’ wkoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li teżamina kif il-benessri tal-annimali jista’ jiġi integrat aħjar fil-qafas tal-politika Ewropea tal-viċinat;

17. Jitlob li jkun hemm obbligu biex, safejn possibbli u kemm ikun possibbli xjentifikament, jintużaw metodi alternattivi li ma jinvolvux l-annimali sabiex l-esperimenti li jinvolvu tbatija severa u fit-tul għall-annimali jitnaqqsu kemm jista’ jkun kif irregolati mid-Direttiva 2010/63 dwar l-Ittestjar fuq l-Annimali (2010/63);

18. Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid id-dmirijiet fir-rigward tal-koordinazzjoni u l-promozzjoni tal-iżvilupp u l-użu ta’ alternattivi għal proċessi fuq l-annimali fl-oqsma tar-riċerka bażika u applikata u l-ittestjar regolatorju, kif deskritt fl-Anness VII tad-Direttiva 2010/63, billi jiġi appoġġjat b’mod attiv l-istabbiliment ta’ strateġiji rilevanti u l-funzjonijiet ta’ riċerka tal-Laboratorju ta’ Referenza tal-UE (Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka) biex jiġu identifikati oqsma ta’ prijorità għas-sostituzzjoni tat-tekniki għar-riċerka dwar l-annimali;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

8.5.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Băsescu, Heinz K. Becker, Victor Boştinaru, Simon Busuttil, Ágnes Hankiss, Iliana Malinova Iotova, Carlos José Iturgaiz Angulo, Peter Jahr, Erminia Mazzoni, Judith A. Merkies, Ana Miranda, Nikolaos Salavrakos

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Caspary, Kinga Göncz, Cristian Dan Preda, Keith Taylor

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Krzysztof Lisek


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.6.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Liam Aylward, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Hynek Fajmon, Iratxe García Pérez, Julie Girling, Béla Glattfelder, Sergio Gutiérrez Prieto, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Elisabeth Köstinger, George Lyon, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, Mariya Nedelcheva, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Alyn Smith, Janusz Wojciechowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Salvatore Caronna, María Auxiliadora Correa Zamora, Spyros Danellis, Jill Evans, Sylvie Goulard, Christa Klaß, Giovanni La Via, Anthea McIntyre, Petri Sarvamaa, Milan Zver

Avviż legali - Politika tal-privatezza