RAPPORT dwar l-istrateġija għar-reġjun tal-Atlantiku fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni

11.7.2012 - (2011/2310(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Alain Cadec

Proċedura : 2011/2310(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0222/2012
Testi mressqa :
A7-0222/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-istrateġija għar-reġjun tal-Atlantiku fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni

(2011/2310(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu 'Niżviluppaw Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku' (COM(2009)0782),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Ġunju 2010 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku,

–   wara li kkunsidra l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Baħar Baltiku u l-istrateġija għar-reġjun tad-Danubju,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Atlantiku[1],

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Niżviluppaw Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku" (ECO/306),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Niżviluppaw Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku",

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar l-Objettiv 3: l-aġenda futura tal-koperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali[2],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0222/2012),

A.  billi ż-żona Atlantika għandha għadd ta' karatteristiċi li jiddefinixxuha li jeħtieġu tweġibiet politiċi fuq skala Ewropea:

- hija żona marittima dinamika;

- hija żona b'ambjent marittimu fraġli;

- hija żona li tikkostitwixxi l-aċċess min-naħa tal-Punent tal-UE;

- hija żona periferika fi ħdan l-UE;

B.  billi l-kriżi Ewropea ggravat is-sitwazzjoni u l-parti l-kbira mit-territorju rilevanti tal-ispazju tal-Atlantiku raw il-livell ta' żvilupp tagħhom jitbaxxa;

C. billi ż-żona tal-Atlantiku hija magħmula minn ġabra ta' territorji relattivament eteroġenji, parti kbira minnhom għadhom ma laħqux il-livell medju ta' introjtu tal-UE, u għalhekk jibqgħu taħt l-objettiv ta' konverġenza għall-finijiet tal-politika ta' koeżjoni Ewropea;

D. billi l-istrateġija makroreġjonali hija essenzjali biex tingħata ħajja mill-ġdid liż-żona Atlantika billi jiġi offrut approċċ komuni, għall-iskopijiet li:

- jiġu indirizzati l-isfidi komuni u jiġu riżolti l-problemi li jaħabbtu magħhom il-pajjiżi u r-reġjuni tal-Atlantiku;

- jiġu promossi s-sinerġji fost l-istrumenti differenti u l-livelli differenti ta' azzjoni involuti fil-politiki ta' ppjanar territorjali;

- jiġu involuti l-partijiet interessati (is-settur privat, l-awtoritajiet pubbliċi reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki ta' ppjanar territorjali;

E.  billi l-istrateġija għandha tkopri r-reġjuni Atlantiċi kollha tal-UE, inklużi ż-żoni ta' mal-kosta tal-Kanal Ingliż u tal-Baħar Irlandiż, ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej, u għandha tikkunsidra l-interazzjonijiet bejn ir-reġjuni tal-Atlantiku u r-reġjuni tal-Baħar tat-Tramuntana;

F.  billi għandna niżguraw żvilupp sostenibbi f'termini ta' ambjent, soċjetà u ekonomija għat-territorji msemmija;

Politika ta' ppjanar territorja għall-Atlantiku

1.  Jixtieq li l-istrateġija tadotta approċċ usa' billi tistabbilixxi viżjoni strateġika miftiehma għall-iżvilupp futur taż-żona Atlantika, billi tinkorpora d-dimensjoni territorjali, tiżviluppa l-konnessjonijiet bejn l-art u l-baħar u tistabbilixxi qafas li jippermetti ġestjoni aħjar tal-politika tal-ippjanar marittimu u territorjali fir-reġjuni tal-Atlantiku;

2.  Jitlob li l-lezzjonijiet prezzjużi li tgħallimna mill-iżvilupp ta' strateġiji makroreġjonali u strateġiji oħra transnazzjonali eżistenti jiġu integrati bis-sħiħ fil-proċess tal-istrateġija tal-Atlantiku, partikolarment għal dak li jikkonċerna l-governanza, l-iżvilupp tal-politiki, il-komunikazzjoni u s-sjieda, il-objettivi u l-evalwazzjoni;

3.  Jemmen li l-politika ta' koeżjoni hija strument fundamentali biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-politika territorjali tal-UE u tingħata spinta biex jitħeġġeġ l-iżvilupp endoġeniku fir-reġjuni fi ħdan il-makroreġjun;

4.  Jappella biex l-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha tpoġġi enfasi qawwija fuq l-impjiegi, it-tkabbir u l-investimenti fir-reġjuni, kemm marittimi kif ukoll fiż-żoni interni;

5.  Jitlob il-ħolqien ta' struttura permanenti ta' ppjanar marittimu u territorjali tal-Atlantiku, magħmula mir-reġjuni u mill-Istati Membri kkonċernati u l-Kummissjoni, li l-iskopijiet tagħha jkunu li tikkoordina l-istrateġija stabbilita u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni skont loġika intersettorjali u transnazzjonali;

6.  Iqis li l-ġestjoni integrata tad-data dwar il-baħar u d-data marittima fil-livell tal-UE hija essenzjali biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet marittimi; jitlob lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-ġestjoni u l-aċċessibilità tad-data;

7.  Iqis li hemm bżonn ta' azzjoni qawwija sabiex jiġu mħarsa l-bilanċ ambjentali u l-bijodiversità u biex titnaqqas il-marka tal-karbonju fl-Atlantiku;

8.  Iqis li l-attivitajiet tas-sajd fil-baħar, partikolarment dak artiġjanali u mal-kosta, tal-akkwakultura jridu jiżvolġu rwol ċentrali fil-politiki għall-ġestjoni tat-territorji marittimi, billi jikkontribwixxu b'mod deċiżiv favur tkabbir ekonomiku vigoruż, il-ħolqien tal-ġid u ta' impjiegi; huwa tal-fehma li r-reġjonalizzazzjoni tal-politika komuni tas-sajd għandha tissarraf f'ġestjoni ekosistemika adattata għall-eżiġenzi tal-ispazju tal-Atlantiku, u jitlob f'dan is-sens lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Kumitati Konsultattivi Reġjonali (RACs) f'konsultazzjonijiet minn qabel fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd u l-pjanijiet ta' ġestjoni;

9.  Jitlob it-twaqqif ta' sħubiji lokali, reġjonali u transkonfinali bil-għan li jtejbu l-kapaċitajiet ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni tar-riskji fl-Atlantiku f'każijiet ta' xi inċidenti fuq il-baħar jew fuq l-art, ta' katastrofi naturali jew ta' attivitajiet kriminali (piraterija, traffikar, sajd illegali, eċċ.), kif ukoll għall-ħolqien ta' mekkaniżmi suffiċjenti u flessibbli ta' kumpens u indennizz għad-danni kkawżati; jitlob il-ħolqien ta' korp ta' gwardji tal-kosti Ewropej;

10. Jitlob it-titjib fis-sistemi eżistenti tal-monitoraġġ tal-bastimenti, l-applikazzjoni immedjata tal-kompetenzi msaħħin tal-EMSA u l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kondiviżjoni tad-data bejn l-awtoritajiet kompetenti, sabiex jippermettu l-identifikazzjoni u t-traċċar ta' bastimenti u jiġġieldu t-theddid bħall-kriminalità transkonfinali, il-kuntrabandu, is-sajd illegali u t-traffikar; jenfasizza l-importanza li jiġu promossi l-użu u l-implimentazzjoni tal-programmi Ewropej għan-navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo), sabiex jiġu koperti sistemi ta' appoġġ għat-tiftix u s-salvataġġ fl-Atlantiku; ifakkar fil-ħtieġa li jkun żgurat finanzjament kontinwu mill-Unjoni għall-programm ta' Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) li jikkontribwixxi b'mod partikolari għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji marittimi;

11. Iqis li d-dimensjoni territorjali tal-istrateġija hija essenzjali għall-iskopijiet li r-reġjuni tal-Atlantiku jsiru aktar aċċessibbli, u li għandha tikkonċentra fuq il-konnessjoni taż-żona Atlantika mal-kontinent Ewropew, l-interkonnessjoni tan-netwerks tat-trasport, tal-enerġija u tal-informazzjoni, l-iżvilupp taż-żoni rurali u urbani tat-territorju intern kif ukoll it-titjib tar-rabtiet bejn l-art u l-baħar, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi u insulari;

12. Huwa tal-opinjoni li l-awtostradi tal-baħar jippermettu l-aċċess għar-reġjuni tal-Atlantiku, it-tisħiħ fl-iskambji kummerċjali, li tingħata spinta l-attività ekonomika tal-portijiet, id-dinamizzazzjoni tat-turiżmu u t-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2; iqis li huwa importanti li, fl-azzjonijiet għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2, jitqies il-kummerċ marittimu fl-Atlantiku u l-partikolaritjiet tar-reġjuni ultraperiferiċi, fejn it-trasport marittimu tal-merkanzija u tal-persuni huwa essenzjali biex tiġi żgurata koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika; jitlob li dawn ikunu eliġibbli għal appoġġ tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

13. Iħeġġeġ, għall-finijiet tas-sostenibilità tal-awtostradi tal-baħar u f'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020, li jiġu stabbiliti rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar il-bastimenti, bil-għan li tiġi promossa l-inkorporazzjoni ta' sistemi ta' propulsjoni b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u l-użu ta' kriterji tal-kostruzzjoni eżiġenti f'termini ta' effiċjenza, kumdità, kapaċità, sikurezza, lokalizzazzjoni u telekomunikazzjonijiet; jenfasizza li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jikkonċentraw fuq iż-żieda fl-effiċjenza ta' dan il-mod ta' trasport, il-garanzija ta' preservazzjoni tal-ambjent u l-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tiegħu man-netwerks u l-modi ta' trasport l-oħrajn;

14. Iqis essenzjali li jkun hemm titjib fil-kollegamenti bejn ir-reġjuni tal-Atlantiku mal-bqija tal-Ewropa permezz tal-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport skont loġika multimodali;

15. Jenfasizza l-bżonn ta' koordinament u ta' kooperazzjoni transkonfinali effikaċi għall-bini u l-użu tal-infrastrutturi stradali u ferrovjarji, inklużi l-linji ferrovjarji b'veloċità għolja, l-ajruporti, il-portijiet marittimi, il-portijiet tan-navigazzjoni interna, it-terminals fiż-żoni interni u l-loġistika biex tiġi żviluppata sistema tat-trasport aktar sostenibbli u multimodali;

16. Jinsisti fuq l-importanza ekonomika u territorjali tal-portijiet u huwa tal-opinjoni li l-eżistenza ta' kollegamenti permezz tal-ferrovija u tax-xmajjar maż-żoni interni tagħhom hija kundizzjoni fundamentali tal-kompetittività tagħhom;

17. Jiddispjaċih mill-assenza ta' kuritur tat-trasport li jkopri l-ispazju kollu tal-Atlantiku fil-proposti tal-Kummissjoni marbuta man-netwerk ċentrali tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u jiddispjaċih li ftit huma l-portijiet fl-Atlantiku li ġew proposti f'dan in-netwerk ċentrali; iqis neċessarju li aktar portijiet tal-Atlantiku jiġu inklużi bħala hub u għandu l-intenzjoni li jagħmel proposti f'dan is-sens;

18. Ifakkar fil-benefiċċji li rriżultaw mill-ftuħ tal-Ajru Uniku Ewropew, għar-rinfurzar tal-koeżjoni territorjali permezz tal-multiplikazzjoni tal-iskambji bejn l-ajruporti reġjonali fl-Unjoni, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni taċċerta ruħha li l-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru jitlestew saż-żminijiet stabbiliti biex jintlaħaq dan l-għan;

Politika industrijali għall-Atlantiku

19. Jittama li l-istrateġija se ssostni l-kompetittività tas-setturi ekonomiċi dinamiċi fir-reġjuni Atlantiċi, permezz ta' politika industrijali xierqa; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-investiment tas-settur privat għandu jiġi sostnut mill-awtoritajiet pubbliċi fl-oqsma tar-riċerka u żvilupp, l-innovazzjoni, l-iżvilupp tar-raggruppamenti (clusters) u s-sostenn għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju;

20. Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni milquta mir-ristrutturar tal-impriżi u s-setturi tagħhom, kif ukoll l-għeluq jew ir-rilokalizzazzjoni tal-impriżi, bl-għan tal-promozzjoni tar-reindustrijalizzazzjoni tagħhom permezz tal-ġenerazzjoni ta' sinerġiji bejn l-attività fil-port, il-loġistika u l-iżvilupp ta' industriji anċillari b'valur miżjud akbar; jitlob ukoll li jinħoloq mekkaniżmu għall-iskambju ta' prattiki industrijali li għamlu suċċess fost ir-reġjuni tal-Ark Atlantiku;

21. Iqis li l-istrateġija għandha tinkoraġġixxi r-riċerka marina u marittima u tiffaċilita l-aċċess tal-impriżi għar-riżultati ta' tali riċerka sabiex ittejjeb l-għarfien xjentifiku fil-qasam tal-baħar, tinkoraġġixxi l-innovazzjoni tal-industriji marittimi u tippermetti sfruttament sostenibbli tar-riżorsi marini;

22. Huwa tal-fehma li l-istrateġija għandha tinkludi dimensjoni soċjali u ambizzjuża sabiex tiffavorixxi t-taħriġ u l-aċċess għaż-żgħażagħ għall-professjonijiet marittimi, permezz tal-konsolidament tal-istrutturi tal-impjieg attwalment marbuta mal-baħar u r-rwol tagħhom biex jippermettu lill-popolazzjoni tibqa' fiż-żoni mal-kosta, u anki biex jinħolqu speċjalizzazzjonijiet ġodda li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni tas-sajd u t-titjib tal-kwalità ta' ħajja f'dawn iż-żoni;

23. Jenfasizza li l-enerġiji marittimi rinnovabbli huma settur industrijali tal-ġejjieni li jista' jiġġieled it-tibdil fil-klima u d-dipendenza enerġetika tal-UE, jikseb sostenibbiltà enerġetika akbar fi ħdan ir-reġjuni Atlantiċi, u jilħaq l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020; josserva li ż-żona Atlantika hija partikolarment adatta għall-promozzjoni ta' tali enerġiji, u jqis li hemm bżonn ta' appoġġ pubbliku biex jakkumpanja l-investiment privat fit-teknoloġiji kkonċernati, speċjalment l-enerġija mir-riħ u l-enerġija magħmula mill-mewġ u mill-marea offshore;

24. Jenfasizza l-importanza strateġika tat-trasport marittimu tul il-kosta Atlantika u tal-kollegamenti bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u t-territorji kontinentali l-oħra; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri għas-semplifikazzjoni tal-burokrazija żejda fil-portijiet, mingħajr ma tintilef il-kapaċità ta' kontroll u ta' verifika tar-regolarità tal-operazzjonijiet u l-merkanzija;

25. Ifakkar fil-piż ekonomiku tal-industriji marittimi fir-reġjuni tal-Atlantiku, b'mod partikolari l-inġinerija navali, li għaddejja minn sitwazzjoni estremament diffiċli f'ċerti reġjuni tal-Atlantiku, u li għaliha l-Kummissjoni għandha tiffaċilita s-soluzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tniedi l-inizjattiva LeaderSHIP 2012 sabiex issaħħaħ il-kompettitività f'dan is-settur fil-kuntest tal-kompetizzjoni internazzjonali;

26. Jinsisti fuq l-importanza tal-attivitajiet marbuta mal-baħar u mas-sajd u l-akkwakultura fir-reġjuni tal-Atlantiku u huwa favur appoġġ pubbliku għat-tiġdid u l-modernizzazzjoni tal-bastimenti tas-sajd, kif ukoll differenzjazzjoni speċifika bejn il-karatteristiċi u l-potenzjal tas-sajd artiġjanali mal-kosta u s-sajd għall-frott tal-baħar;

27. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' forom sostenibbli ta' turiżmu f'livell soċjali, ekonomiku u ambjentali u jistgħu jikkostitwixxu għajn konsiderevoli ta' valur miżjud għar-reġjuni Atlantiċi filwaqt li jipproteġu l-ekosistemi u l-bijodiversità tagħhom; jissottolinja t-turiżmu nawtiku li għandu jwassal għal żvilupp tal-attivitajiet sportivi u biex jagħti spinta lit-turiżmu tal-kruċieri;

28. Jenfasizza l-ġid ta' qiegħ il-baħar fl-Oċean Atlantiku u jqis li l-istrateġija għandha tiffaċilita l-esplorazzjoni u l-isfruttament b'mod sostenibbli;

Pjan ta' azzjoni għall-2014-2020

29. Jitlob li l-istrateġija tippreżenta dimensjoni esterna bil-għan li tippermetti li ċerti objettivi jiġu avvanzati u li jiġu attirati l-investimenti internazzjonali, sabiex jiġu sfruttati l-possibilitajiet offruti, u jissuġġerixxi li l-promozzjoni taż-żona Atlantika bħala post ta' investiment, tat-turiżmu u fejn isir in-negozju tird tkun element fundamentali tal-Pjan ta' Azzjoni;

30. Jitlob lill-Kummissjoni toħloq il-makroreġjun Atlantiku u tipproponi pjan ta' azzjoni sabiex timplimenta l-istrateġija fil-perjodu  2014-2020;

31. Jappella għal approċċ ta' governanza f'diversi livelli għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni u r-rieżami tal-pjan ta' azzjoni, billi tiġi żgurata parteċipazzjoni mill-qrib tal-awtoritajiet pubbliċi reġjonali u lokali, tal-partijiet interessati tas-settur privat u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

32. Jenfasizza li l-pjan ta' azzjoni se juża l-finanzjamenti Ewropej eżistenti, mingħajr ma joħloq strumenti baġitarji ġodda;

33. Jipproponi li l-pjan ta' azzjoni jintrabat mal-politika reġjonali tal-UE, mal-politika marittima integrata tal-Unjoni, mal-politika ta' riċerka u innovazzjoni (Orizzont 2020) u mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; huwa tal-opinjoni li huwa fundamentali li jinħolqu sinerġiji ma' politiki Ewropej oħrajn fil-qasam tar-riċerka u tal-innovazzjoni, tat-trasport, tal-ambjent, tal-enerġija, tat-teknoloġija, tat-turiżmu, tas-sajd u tal-akkwakultura u tal-kooperazzjoni internazzjonali;

34. Jenfasizza l-potenzjal importanti li għandhom il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-bonds għall-finanzjament ta' proġetti ("project bonds") u s-sħubiji pubbliċi/privati għall-finanzjament tal-investimenti meħtieġa fl-ambitu tal-istrateġija;

35. Jinsisti sabiex l-istrateġija tal-Atlantiku futura trid tkun ibbażata fuq il-pilastri tematiċi tal-istrateġija Ewropa 2020, billi dan jippermetti li l-kontenut tematiku jiġi integrat iktar fil-fond fil-politiki settorjali; huwa tal-fehma, f'dan is-sens, li l-objettivi u l-konċentrazzjoni tematika proposti għall-ħames fondi inklużi fil-qafas strateġiku komuni għall-politika ta' koeżjoni Ewropea għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss għandhom isawru l-qafas tal-pjan ta' azzjoni; jinsisti fuq l-objettivi ta' "tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni", "it-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs", "l-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju" u "il-promozzjoni ta' trasport sostenibbli u u t-tneħħija ta' konġestjonijiet f'netwerks infrastrutturali kruċjali";

36. Jappella li l-kuntratti ta' sħubija u l-programmi operattivi jkunu orjentati b'mod vinkolanti lejn il-prijoritajiet korrispondenti tal-istrateġiji makroreġjonali li fihom jipparteċipaw, bil-għan li jiġi garantit li l-miżuri fl-ambitu tal-programmi operattivi u l-prijoritajiet tal-istrateġiji makroreġjonali jkunu allinjati mill-qrib, bil-konsegwenza li l-Fondi Strutturali jintużaw b'mod ferm aktar effiċjenti u jinħoloq valur miżjud f'livell reġjonali; jindika li dan l-orjentament vinkolanti jrid ikopri mhux biss il-programmi operattivi li jidħlu fl-ambitu tal-objettiv ta' kooperazzjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni (INTERREG), iżda wkoll il-programmi operattivi għal kull reġjun fiż-żona Atlantika;

37. Isostni r-rikonoxximent u l-inkorporazzjoni tal-istrateġiji, proġetti u esperjenzi preeżistenti ta' kooperazzjoni territorjali, li jistgħu joffru linji ta' azzjoni u prijoritajiet politiċi u operattivi lill-pjan ta' azzjoni; jappella biex jitqies kif xieraq il-pjan ta' azzjoni matul it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi futuri ta' kooperazzjoni territorjali kkonċernati mill-istrateġija; iqis, barra minn hekk, li l-aspett transkonfinali tal-objettiv ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea għandha tikkostitwixxi appoġġ tekniku fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni, partikolarment billi jiġu ffaċilitati l-iskambji ta' prattiki tajba u n-netwerking;

38. Iqis li l-programmi operattivi b'bosta reġjuni u fondi kif ukoll l-investimenti territorjali integrati (ITI) huma strumenti partikolarment rilevanti biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni;

39. Jipproponi li r-rapporti annwali ta' implimentazzjoni għall-programmi rilevanti għandhom jinkludu valutazzjoni dwar kif il-programmi qed jikkontribwixxu għall-objettivi tal-istrateġija tal-Atlantiku u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni;

40. Jissottolinja li l-potenzjal li fihom ir-reġjuni ultraperiferiċi f'dak li huwa laboratorju naturali għar-realizzazzjoni ta' attivitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli u l-ekonomija tal-baħar; jenfasizza l-importanza li għandu s-settur tat-turiżmu għal dawn ir-reġjuni u l-possibilitajiet li jeżistu biex jinħolqu pjattaformi loġistiċi li jiffaċilitaw it-trasport ta' merkanzija bejn l-Ewropa u l-ekonomiji mondjali l-oħra;

41. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jfittxu sinerġiji bejn il-politiki u l-prijoritajiet tagħhom tal-pjan ta' azzjoni;

42.  Ifakkar li l-parteċipazzjoni tal-fondi Ewropej suġġetti għal ġestjoni diretta jew kondiviża fl-istrateġija tipprevedi l-bżonn ta' definizzjoni ta' sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll adatta, u għalhekk jitlob il-ħolqien ta' pjattaforma ta' ġestjoni tal-pjan ta' azzjoni li toffri modulu ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni għall-benefiċjarji u tiffavorixxi l-koordinament bejn id-diversi awtoritajiet responsabbli mill-ġestjoni tal-fondi;

43. Jirrakkomanda li, fil-qafas tal-Istrateġija għall-Atlantiku, l-ewwel jintlaħaq qbil dwar viżjoni strateġika għaż-żona tal-Atlantiku, li sservi bħala referenza għall-pjan ta' azzjoni 2014-2020; jipproponi li dan il-pjan ta' azzjoni jimpenja ruħu li jirrealizza dan li ġej:

-    jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-miżuri essenzjali u jidentifika l-proġetti emblematiċi;

-     jiddefinixxi b'mod ċar ir-rwoli u l-kompetenzi tal-partijiet kollha involuti fil-politka u fl-implimentazzjoni;

-     jiddetermina l-objettivi fundamentali u serje ta' indikaturi sabiex titkejjel l-implimentazzjoni;

-     jintlaħaq qbil dwar proċedura ta' valutazzjoni u ta' eżami intermedju tar-riżultati; kif ukoll

-     jidentifika r-riżorsi neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni.

44. Ifakkar li għall-2012 u l-2013 ġie stabbilit forum tal-Atlantiku, fil-forma ta' azzjoni preparatorja proposta mill-Parlament, sabiex l-atturi kollha kkonċernati jiġu involuti fit-tfassil tal-pjan ta' azzjoni; jissottolinja li l-Parlament, bħala l-fattur li ħa l-inizjattiva għal dan il-forum, għandu r-rwol ta' mexxej;

45. Jipproponi li l-pjan ta' azzjoni jiġi adottat mill-Forum tal-Atlantiku, u jistieden lill-Presidenza Irlandiża li jmiss tagħti prijorità lill-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni min-naħa tal-Kunsill Ewropew matul il-mandat tagħha, billi tenfasizza l-implimentazzjoni, proċedura kredibbli ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni kontinwa u tipprevedi rieżami intermedju;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibilità li tistabbilixxi strateġiji makroreġjonali simili f'reġjuni oħra fejn dan iwassal għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u dejjiemi;

47. Jitlob lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Kuntest politiku

F'reazzjoni għat-talbiet politiċi tal-Kunsill u tal-Parlament favur strateġija għaż-żona tal-Oċean Atlantiku, fil-21 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni intitolata Niddefinixxu Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku.

Fl-2012 u l-2013, l-imsieħba pubbliċi u privati taż-żona tal-Oċean Atlantiku se jkunu involuti fit-tfassil ta' pjan ta' azzjoni li jipproponi azzjonijiet speċifiċi. L-Istrateġija mbagħad se tiġi mnedija fl-2014 u se tibbenefika minn finanzjamenti Ewropej, nazzjonali u reġjonali. L-għan ta' dan ir-rapport huwa dak li jitfasslu proposti konkreti li jiddefinixxu l-prijoritajiet politiċi tal-pjan ta' azzjoni.

Strateġija politika Ewropea meħtieġa għaż-żona tal-Oċean Atlantiku

Iż-żona tal-Oċean Atlantiku hija karatterizzata minn bosta karatteristiċi speċifiċi:

· Hija żona marittima dinamika minħabba l-enerġija marittima rinovabbli, it-trasport marittimu, l-industriji marittimi, it-turiżmu u s-sajd.

· Hija żona b'ambjent marittimu fraġli, u li għandu bżonn jiġi ppreservat.

· Hija żona li tagħti aċċess min-naħa tal-Punent tal-Unjoni u li b'hekk tokkupa pożizzjoni strateġika fl-Ewropa.

· Hija żona periferika fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u dan iqajjem il-kwistjoni tal-iżolament u l-kollegament tiegħu mal-bqija tal-Ewropa.

Dawn il-problemi jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u jeħtieġu reazzjonijiet politiċi fuq l-iskala li tkopri n-naħa tal-Oċean Atlantiku.

Ir-rapport jixtieq li l-Istrateġija għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku tieħu s-sura ta' strateġija makroreġjonali sabiex tiffavorixxi s-sinerġiji bejn id-diversi strumenti u d-diversi livelli ta' azzjoni involuti fil-politika ta' ppjanar territorjali. Il-loġika makroreġjonali se tippermetti wkoll l-inklużjoni tal-partijiet interessati fil-qasam (is-settur privat, l-awtoritajiet pubbliċi u lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Istrateġija.

Prijoritajiet tal-Istrateġija

Ir-rapport jitlob li l-Istrateġija tkun strutturata madwar żewġ temi:

· l-iżvilupp ta' żoni marittimi u territorjali u l-iżvilupp tal-interfaċċja bejn l-art u l-baħar

it-tisħiħ tan-nisġa ekonomika tar-reġjuni tal-Atlantiku permezz ta' politika industrijali adattata għall-karatteristiċi speċifiċi tagħhom.

Politika ta' ppjanar taż-Żona tal-Oċean Atlantiku

L-Istrateġija għandha tinkoraġġixxi użu sostenibbli taż-Żona tal-Atlantiku permezz ta' ġestjoni koordinata tal-attivitajiet umani kollha li għandhom impatt fuq l-ambjent marittimu. Hemm bżonn ta' azzjoni b'saħħitha sabiex jiġi ssalvagwardjat il-bilanċ ambjentali u l-bijodiversità u biex inaqqas il-marka tal-karbonju.

L-Istrateġija se jkollha wkoll ittejjeb il-kapaċitajiet ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni tar-riskji fl-Atlantiku, b'mod partikolari f'każijiet ta' inċidenti, ta' diżastri naturali u ta' attivitajiet kriminali. Dan għandu jsir permezz tat-titjib fil-koordinament tal-imsieħba fil-qasam tas-sigurtà u tas-sorveljanza marittima u ta' protezzjoni ċivili.

Dawn l-aspetti marittimi għandhom jiġu kkomplementati u msaħħa minn miżuri fil-qasam tal-koeżjoni territorjali. L-Istrateġija b'hekk se tikkontribwixxi għall-ftuħ taż-żoni tal-Oċean Atlantiku, għall-interkonnessjoni tan-netwerks tat-trasport, tal-enerġija u tal-informazzjoni, għall-iżvilupp taż-żoni rurali u urbani tat-territorju intern kif ukoll għall-intensifikazzjoni tal-konnessjonjiet bejn l-art u l-baħar. Ir-rapport jirrakkomanda b'mod partikolari l-iżvilupp ta' awtostradi tal-baħar u ta' infrastrutturi tat-trasport li jikkollegaw iż-żoni tal-Atlantiku mal-bqija tal-Ewropa.

Politika industrijali għall-Oċean Atlantiku

L-Istrateġija għandha tappoġġa l-kompetittività tas-setturi ekonomiċi dinamiċi fir-reġjuni tal-Atlantiku. L-investimenti fis-settur privat għalhekk se jiġu akkumpanjati mill-awtoritajiet pubbliċi fid-diversi livelli ta' deċiżjoni fl-oqsma tar-riċerka/l-iżvilupp, l-innovazzjoni, it-taħriġ professjonali, l-iżvilupp tal-klusters u l–investiment tal-SMEs.

Ir-rapport jidentifika l-oqsma prinċipali li jibnu l-istruttura ekomomika taż-żona tal-Atlantiku u li għandhom jitqiesu mill-Istrateġija:

· l-enerġija marittima rinnovabbli,

· it-trasport marittimu u s-servizzi portwarji

· l-industriji marittimi, b'mod partikolari l-industrija tal-bini tal-bastimenti

· is-sajd u l-akkwakultura

· it-turiżmu kostali u t-tbaħħir

L-implimentazzjoni tal-Istrateġija

L-Istrateġija se tindirizza r-reġjuni kollha Ewropej li jmissu mal-Oċean atlantiku, inklużi ż-żoni ta' mal-kosta tal-Kanal Ingliż u tal-Baħar Irlandiż, ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej; Se tiżviluppa wkoll azzjonijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali.

L-Istrateġija se tassoċja d-diversi msieħba kkonċernati, b'mod partikolari l-Istati Membri, l-awtoritajiet pubbliċi reġjonali u lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat. Hi se tiġi implimentata mill-2014 u se tkun ikkoordinata mal-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss fl-għamla ta' pjan ta' azzjoni.

Il-fondi strutturali u l-politika marittima integrata se jkunu l-pedament ta' dan il-pjan ta' azzjoni. Jeħtieġ ukoll li tiġu ffaċilitati s-sinerġiji mal-politiki l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea (ir-riċerka, l-enerġija, l-ambjent, is-sajd, il-kooperazzjoni internazzjonali) u mal-politiki tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali.

L-istrateġija għandha tipprova tuża aħjar il-finanzjamenti Ewropej eżistenti, mingħajr ma toħloq strumenti baġitarji ġodda. Dan isir billi l-politika eżistenti jiġu diretti b'mod aħjar, fis-setturi kollha, lejn temi marbuta mal-Oċean Atlantiku. B'hekk ir-rapport jitlob l-introduzzjoni, għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss tal-fondi strutturali, ta' allokazzjoni vinkolanti tal-programmi operazzjonali sabiex jikkonċentraw fuq il-prijoritajiet tal-istrateġiji makroreġjonali li jikkonċernawhom.

L-istruttura tal-pjan ta' azzjoni

Il-pjan ta' azzjoni tal-Istrateġija se jiġi elaborat fl-2012 fil-qafas tal-Forum dwar l-Atlantiku ffinanzjat minn azzjoni preparatorja tal-Parlament. Il-partijiet interessati kollha se jkunu involuti f'dawn ix-xogħlijiet. Il-Parlament, irrappreżentat mir-rapporteur tiegħu se jkollu rwol ewlieni.

Ir-rapporteur jipproponi li l-pjan ta' azzjoni jiġi organizzat skont l-istruttura li ġejja:

-I- L-għoti tal-aċċess lir-reġjuni Atlantiċi

· (a) L-iżvilupp tal-awtostradi tal-baħar u tat-trasport marittimu sostenibbli

· (b) Il-Kollegament taż-żona tal-Oċean Atlantiku mal-bqija tal-Ewropa

· (c) It-tisħiħ tar-rabta bejn il-baħar u l-art

-II- L-appoġġ tal-kompetittività tal-oqsma industrijali fiż-żona tal-Oċean Atlantiku

· (a) Is-sostenn tar-riċerka/l-iżvilupp u l-innovazzjoni marittima

· (b) L-appoġġ tal-investimenti mill-impriżi, speċjalment tal-SMEs

· (c) L-inkoraġġiment tat-taħriġ professjonali u l-aċċess għaż-żgħażagħ għal professjonijiet marittimi

· (d) Il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' raggruppamenti marittimi

· (e) Il-possibilità ta' użu sostenibbli tar-riżorsi naturali tal-ambjent marittimu

-III- Il-ħarsien tal-ambjent taż-żona tal-Atlantiku

· (a) Il-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar u tal-pajsaġġi

· (b) It-tnaqqis tal-marka tal-karbonju

· (c) It-titjib fl-għarfien xjentifiku tal-ambjent tal-baħar

-IV- Ir-reazzjoni għal theddidiet u għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza

· (a) Il-faċilitazzjoni tal-iskambji tal-informazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u tas-sorveljanza marittima u tal-osservazzjoni tal-ambjent marittimu

· (b) Il-koordinament tal-isforzi fil-qasam tal-protezzjoni ċivili

· (c) Il-ġlieda b'mod konġunt kontra l-kriminalità u l-attivitajiet illegali

Fil-kuntest tat-tfassil tal-pjan ta' azzjoni, ir-rapporteur iqis li l-azzjonijiet li ġejjin huma eżempji interessanti ta' prattika tajba li għandhom jiggwidaw ir-riflessjoni tal-imsieħba:

ISEM

QASAM

OBJETTIV

ATCLUSTERS

 

raggruppamenti industrijali

l-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni tar-raggruppamenti (clusters) industrijali fiż-żona tal-oċean Atlantiku sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tagħhom

SEAS-ERA

 

riċerka

il-koordinament ta' diversi programmi ta' riċerka tal-baħar fil-qafas taż-Żona Ewropea għar-Riċerka (twettiq ta' pjan ta' riċerka tal-baħar għal-baċir tal-Atlantiku)

KIMERAA

 

riżorsi tal-baħar

l-iżvilupp ta' niċeċ ta' eċċellenza fl-ekonomija marittima billi jinħolqu punti ta' kollegament bejn l-għarfien xjentifiku u l-imprizi fl-oqsma tar-riżorsi tal-baħar

MARINE KIC

 

riżorsi tal-baħar

l-introduzzjoni ta' pjattaforma ta' riċerka, ta' taħriġ u ta' innovazzjoni li tippermetti użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar

MARMED

riżorsi tal-baħar

il-valorizzazzjoni tar-riżorsi tal-baħar għal użu bijomediku, f'kollaborazzjoni mal-industrija

AUXNAVALIA

 

industrija tal-bini tal-bastimenti

it-titjib tal-kompetittività tal-industrija awżiljarja tas-settur tal-bini tal-bastimenti permezz tal-inkoraġġiment tat-trasferiment tat-teknoloġiji

PROPOSSE

 

transport marittimu

il-promozzjoni tat-trasport marittimu fuq distanza qasira bħala alternattiva għall-mezzi oħra ta' trasport tal-merkanzija

Waterborne Technology Platform

 

trasport marittimu

l-istimolu ta' djalogu permanenti fuq diversi livelli bejn is-settur privat u l-awtoritajiet pubbliċi sabiex tiġi ddefinita starteġija industrijali għat-trasport marittimu (fil-qasam tar-riċerka/l-iżvilupp, it-taħriġ, ir-rispett tar-regoli soċjali u ambjentali)

MAREN

 

enerġijia mill-baħar rinnovabbli

il-faċilitazzjoni tal-aċċess tal-industrija għar-riżultati ta' riċerka ta' kwalità fil-qasam tal-enerġija mill-baħar rinovabbli

ENERGYMARE

enerġija mill-baħar rinnovabbli

it-twaqqif ta' netwerk ta' kooperazzjoni transnazzjonali għall-promozzjoni u l-iżvilupp tal-enerġija mill-baħar rinovabbli, speċjalment permezz tal-ittestjar ta' prototipi sperimentali

ATLANTIC POWER

enerġija mill-baħar rinnovabbli

l-identifikazzjoni ta' niċeċ tas-suq ġodda u d-definizzjoni ta' pjanijiet ta' taħriġ adatti għall-bżonnijiet tas-settur tal-enerġija mill-baħar rinnovabbli

ARCOPOLPLUS

tniġġis tal-baħar

it-titjib tas-sigurtà marittima u l-kapaċità ta' tħejjija u ta' intervenzjoni tar-reġjuni tal-Oċean Atlantiku kontra t-tniġġiż tal-kosti minħabba l-idrokarburi u s-sustanzi tossiċi

ANCORIM

riskji kostali

it-twaqqif ta' netwerk ta' skambju tal-għarfien u ta' prattiki tajba sabiex jittejbu l-kapaċitajiet ta' ġestjoni tar-riskji marbuta mal-kosta (l-urbanizzazzjoni, l-erożjoni tal-kosta, tniġġis, eċċ.)

DURATINET

 

infrastrutturi tat-trasport

il-ħolqien ta' netwerk ta' eċċellenza sabiex jippromwovi s-sigurtà, is-sostenibbiltà u d-dewmien matul iż-żmien tal-infrastruttura ta' trasport fiż-żona tal-Oċean Atlantiku

BATTERIE

infrastrutturi tat-trasport

it-titjib tal-effikaċja tal-katini loġistiċi multimodali, speċjalment l-interkonnessjoni effikaċi bejn in-netwerks tat-trasport intermodali

START

 

trasport

il-faċilitazzjoni tal-vjaġġi bi trasport kollettiv fiż-żoni tal-Atlantiku permezz ta' intermodalità mtejba u informazzjoni iktar ċara mal-punti ta' aċċess tar-reġjun (ajruporti, portijiet, punti ta' skambju ferrovjarju)

 

CFA-EFFIPLAT

 

trasport ferrovjarju

il-ħolqien ta' netwerk transnazzjonali magħmul minn amministrazzjonijiet pubbliċi u operaturi ferrovjarji, loġistiċi u portwarji pubbliċi u privati involuti fit-titjib tat-trasport ferrovjarju u intermodali fil-kuritur Atlantiku tal-merkanzija

MARLEANET

 

taħriġ marittimu professjonali

it-twaqqif ta' netwerk ta' ċentri ta' taħriġ marittimi professjonali fiż-żona tal-oċean Atlantiku

PRESPO

 

sajd

il-promozzjoni tas-sajd artiġjanali sostenibbli li jikkontribwixxi għaż-żamma tal-impjiegi fis-settur tas-sajd u għad-dinamiżmu taż-żoni ta' mal-kosta

CLIMATLANTIC

marka tal-karbonju

l-iżvilupp ta' strateġiji ta' tnaqqis tal-marka tal-karbonju fuq livell lokali u reġjonali

NEA2

 

attivitajiet ta' tbaħħir

il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u kkoordinat tas-settur tat-tbaħħir fir-reġjuni tal-Atlantiku (attivitajiet, marini, industrija, kummerċ u servizzi) billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam ekonomiku, ambjentali u soċjali

OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (4.6.2012)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar l-Istrateġija għar-Reġjun tal-Atlantiku fil-qafas tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE
(2011/2310(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Silvia-Adriana Ţicău

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza l-importanza li r-reġjun tal-Atlantiku jiġi integrat aktar mill-qrib fin-netwerks tat-trasport trans-Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu, fil-kuntest tal-linji gwida futuri TEN-T u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-iżvilupp ta' sistema komprensiva tat-trasport multimodali fir-reġjun tal-Atlantiku, li tikkonċentra kemm fuq l-assi tat-Tramuntana-Nofsinhar kif ukoll fuq l-assi tal-Punent-Lvant, filwaqt li jittieħed kont ukoll tal-partikolaritajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi; jisħaq fuq il-bżonn li tingħata prijorità lill-modi tat-trasport sostenibbli bħall-ferrovija, l-ilmijiet navigabbli interni u l-awtostradi tal-baħar, bil-għan li titnaqqas il-konġestjoni tat-trasport bit-triq, li jiġu definiti b'mod preċiż iż-żoni loġistiċi u l-interskambji modali, u li ssir analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji għall-użu ta' kull tip ta' infrastruttura.

2.  Jenfasizza l-bżonn ta' koordinament u ta' kooperazzjoni transkonfinali effikaċi għall-bini u l-użu tal-infrastrutturi stradali u ferrovjarji, inklużi l-linji ferrovjarji b'veloċità għolja, l-ajruporti, il-portijiet marittimi, il-portijiet tan-navigazzjoni interna, it-terminals fiż-żoni interni u l-loġistika biex tiġi żviluppata sistema tat-trasport aktar sostenibbli u multimodali; ifakkar fl-importanza tat-trasport bl-ajru/marittimu u tal-infrastrutturi tal-ajruporti/portijiet periferiċi għall-koeżjoni soċjali u ekonomika tar-reġjuni ultraperiferiċi fir-reġjun tal-Atlantiku; jenfasizza l-bżonn li tiġi aġevolata l-mobilità bejn ir-reġjun tal-Atlantiku u l-kosti l-oħra, speċjalment il-Meditarran, bil-għan li jiġu żgurati kollegamenti ta' trasport effiċjenti;

3.  Jirrikonoxxi l-importanza li jiġu żviluppati l-portijiet Atlantiċi tal-UE, inklużi t-terminals taż-żejt u tal-gass u l-arranġamenti tat-trasport intermodali; jenfasizza li tali infrastruttura għandha tinbena b'konformità stretta mal-ogħla standards Ewropej u dawk internazzjonali għall-protezzjoni tar-reġjuni kostali, is-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem, u wara li jitwettqu l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali kollha rilevanti;

4.  Jemmen li għandha tingħata prijorità partikolari lill-koordinament u lill-kooperazzjoni bejn il-portijiet marittimi u lill-kollegament tagħhom mal-gżejjer u mar-reġjuni interni permezz tal-ilmijiet navigabbli interni u kollegamenti mtejba maż-żoni interni, sabiex jiġi żgurat li l-partijiet kollha tar-reġjun ikunu jistgħu jibbenefikaw mit-tkabbir tat-trasport marittimu; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza li jiġi adottat approċċ integrat fil-ġestjoni taż-żoni marittimi/kostali u interni, b'mod partikolari billi jitħeġġew il-proġetti li jippromwovu l-interfaċċja bejn l-art u l-baħar;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-volum, l-effiċjenza u l-kompetittività tat-trasport marittimu fuq distanza qasira fl-Oċean Atlantiku, bħala mezz innovattiv u ekokompatibbli li jtejjeb u jiddiversifika n-netwerks tat-trasport trans-Ewropej, jistimola l-attività tal-portijiet iż-żgħar u periferiċi, u jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-konġestjoni fit-toroq u tal-emissjonijiet; jenfasizza l-importanza li tingħata prijorità lill-iżvilupp tal-awtostradi tal-baħar fil-kuntest tal-linji gwida futuri tan-Netwerk tat-Trasport trans-Ewropew (TEN-T) u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; jistieden lill-Istati Atlantiċi u l-awtoritajiet tal-portijiet marittimi jikkonkludu l-memoranda ta' qbil bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp tal-awtostradi tal-baħar tul il-kosta tal-Atlantiku bl-inklużjoni tal-pajjiżi terzi;

6.  Iħeġġeġ, għall-finijiet tas-sostenibilità tal-awtostradi tal-baħar u f'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020, li jiġu stabbiliti rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar il-bastimenti, bil-għan li tiġi promossa l-inkorporazzjoni ta' sistemi ta' propulsjoni b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u l-użu ta' kriterji tal-kostruzzjoni eżiġenti f'termini ta' effiċjenza, kumdità, kapaċità, sikurezza, lokalizzazzjoni u telekomunikazzjonijiet; jenfasizza li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jikkonċentraw fuq iż-żieda fl-effiċjenza ta' dan il-mod ta' trasport, il-preservazzjoni tal-ambjent u l-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tiegħu man-netwerks u l-modi ta' trasport l-oħrajn;

7.  Jitlob għal titjib fis-sistemi eżistenti tal-monitoraġġ tal-bastimenti, l-applikazzjoni immedjata tal-kompetenzi msaħħin tal-EMSA u l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kondiviżjoni tad-data bejn l-awtoritajiet kompetenti, sabiex jippermettu l-identifikazzjoni u t-traċċar ta' bastimenti u jiġġieldu t-theddid bħall-kriminalità transkonfinali, il-kuntrabandu, is-sajd illegali u t-traffikar; jenfasizza l-importanza li jiġu promossi l-użu u l-implimentazzjoni tal-programmi Ewropej għan-navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo), sabiex jiġu koperti sistemi ta' appoġġ għat-tiftix u s-salvataġġ fl-Atlantiku; ifakkar fil-ħtieġa li jkun żgurat finanzjament kontinwu mill-Unjoni għall-programm ta' Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) li jikkontribwixxi b'mod partikolari għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji marittimi;

8.  Ifakkar fil-benefiċċji li rriżultaw mill-ftuħ tal-Ajru Uniku Ewropew, għar-rinfurzar tal-koeżjoni territorjali permezz tal-multiplikazzjoni tal-iskambji bejn l-ajruporti reġjonali fl-Unjoni, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni taċċerta ruħha li l-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru jitlestew saż-żminijiet stabbiliti biex jintlaħaq dan l-għan;

9.  Iqis li l-politika dwar l-infrastrutturi tal-ajruporti fl-ispazju Atlantiku għandha tieħu kont tal-partikolarità tal-ajruport ta' Ġibiltà mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet ġuridiċi rispettivi tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq fir-rigward tat-tilwima dwar is-sovranità fuq it-territorju li fih jinsab l-ajruport;

10. Jenfasizza l-bżonn ta' żvilupp sostenibbli tal-muturi ewlenin tat-tkabbir ekonomiku fir-reġjun tal-Atlantiku, partikolarment it-trasport marittimu, l-inġinerija navali, is-sajd u l-akkwakultura, it-turiżmu u l-enerġija mir-riħ, mill-mewġ u mill-marea offshore, kif ukoll il-bżonn ta' promozzjoni tar-riċerka dwar is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ta' diversifikazzjoni tas-sorsi enerġetiċi u tar-rotot ta' provvista enerġetika tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-Politika Marittima Integrata tal-UE biex is-setturi marittimi msemmijin hawn fuq ikomplu jiżviluppaw b'mod armonjuż u kkoordinat fir-reġjun tal-Atlantiku;

11. Jenfasizza l-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi, li jiffurmaw parti mid-dimensjoni globali tal-Istrateġija għall-Atlantiku, bħala laboratorji għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u ż-żoni kostali; jenfasizza li l-pożizzjoni ġeografika tagħhom toffri opportunità għall-esplorazzjoni u l-isperimentazzjoni fl-oqsma tal-enerġija tal-baħar, tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, tas-sigurtà tal-ikel, tal-protezzjoni tal-bijodiversità, tal-promozzjoni tal-akkwakultura u tal-esplorazzjoni ta' bijoteknoloġiji u minerali; jitlob, għaldaqstant, li r-reġjuni ultraperiferiċi, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tagħhom, jitqiesu fl-iżvilupp tat-trasport marittimu u bl-ajru;

12. Jenfasizza l-importanza ta' turiżmu sostenibbli, responsabbli u ta' kwalità għolja għar-riġenerazzjoni tar-reġjun tal-Atlantiku u l-ħolqien ta' impjiegi ta' valur għoli u disponibbli s-sena kollha; għaldaqstant, jenfasizza l-ħtieġa li tkun protetta u promossa l-attrattiva taż-żoni kostali, tal-pajsaġġi u tal-wirt kulturali tal-Atlantiku, u li jkunu żviluppati prodotti turistiċi alternattivi u tematiċi, bil-għan li jissaħħaħ il-profil tar-reġjun bħala destinazzjoni turistika u li tiġi żgurata ekonomija sostenibbli; jappella għal użu aħjar tal-programmi ta' appoġġ tal-UE favur it-turiżmu u għal azzjoni intiża li tissensibilizza dwar strumenti ta' finanzjament disponibbli;

13. Ifakkar li l-attrattiva, il-kompetittività u d-dinamiżmu taż-żoni kostali tal-Atlantiku jiddependu mit-tisħiħ tal-potenzjal turistiku tagħhom; jenfasizza għalhekk li huwa importanti li jittawwal l-istaġun turistiku u biex ikun hemm diversifikazzjoni tal-offerti u tad-destinatarji sabiex jiġu eliminati l-effetti tad-istaġonalità, jiġu promossi d-diversi punti ta' valur ta' dawn it-territorji billi jitħeġġeġ ukoll it-turiżmu nawtiku, tal-kruċieri, termali u kulturali, u biex jiġu promossi l-azzjonijiet li jiżguraw li l-attivitajiet fiż-żoni kostali u marittimi jintrabtu mal-offerta turistika fiż-żoni interni; jinsisti fuq il-ħtieġa li jittaffa l-impatt tal-attivitajiet u tal-infrastrutturi turistiċi fuq l-ambjent u biex tkun żgurata ġestjoni tat-territorju kostali u dak intern bil-għan li tkun iggarantita s-sostenibilità ta' dawn it-territorji, tal-fawna, tal-flora u tal-pajsaġġ tagħhom;

14. Jenfasizza l-importanza, fil-konsolidament tal-offerti turistiċi ta' kwalità, tal-inklużjoni tal-prodotti agroalimentari u tal-ipproċessar tal-ħut, b'mod speċjali dawk li ġejjin mill-agrikoltura u s-sajd artiġjanali; jawspika t-tisħiħ tal-katini tal-kummerċjalizzazzjoni qosra intiż li jżomm il-valur miżjud fiż-żona ta' oriġini;

15. Jinsisti fuq il-ħtieġa li tinkiseb lura l-attrattiva tal-professjonijiet marittimi u marbuta mas-setturi tas-sajd tradizzjonali, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar, sabiex iż-żgħażagħ jiġu offruti aktar opportunitajiet ta' xogħol u sabiex tinżamm il-kompetenzi marittimi fir-reġjun Atlantiku;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta Pjan ta' Azzjoni għall-Istrateġija għall-Atlantiku sal-aħħar tal-2013, li jinkorpora fih proġetti emblematiċi b'involviment wiesa' tal-partijiet interessati rilevanti kollha, tal-livelli istituzzjonali u amministrattivi, tal-operaturi ekonomiċi u soċjali u tal-imsieħba reġjonali u li juża l-istrumenti finanzjarji kollha disponibbli; jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli twettaq reviżjonijiet regolari dwar l-eżekuzzjoni tal-proġetti prijoritarji, u tipprovdi, flimkien mal-Istati Membri involuti, il-finanzjamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni aktar rapida tagħhom;

17. Jitlob lill-Kummissjoni biex fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha tinkludi l-objettiv li l-Oċean Atlantiku jsir reġjun mudell għat-trasport marittimu nadif u għas-sigurtà u s-sikurezza marittima; iqis li dawn l-objettivi huma kruċjali biex jinżamm u jissaħħaħ il-potenzjal tar-reġjun għat-turiżmu;

18. Ifakkar li l-Artikolu 349 TFUE jirrikonoxxi l-ħtieġa li jittieħed kont tal-pekuljaritajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, li jinsabu l-aktar fir-reġjun tal-Atlantiku u karatterizzati mill-insularità u mid-distanza tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni, biex fl-Istrateġija għall-Atlantiku tagħha għal dan ir-reġjun, tirrikonoxxi d-dipendenza kbira fuq it-trasport bl-ajru u bil-baħar għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tar-reġjuni ultraperiferiċi;

19. Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata d-dimensjoni esterna tal-istrateġija marittima għall-Atlantiku u l-internazzjonalizzazzjoni tiegħu, waqt li jittieħed vantaġġ mill-pożizzjoni strateġika ta-reġjuni ultraperiferiċi u titħeġġeġ, fejn ikun il-każ, il-parteċipazzjoni tal-imsieħba transatlantiċi tal-UE fil-Forum Atlantiku.  

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.5.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdi Cristiano Allam, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Antonio Cancian, Michael Cramer, Joseph Cuschieri, Philippe De Backer, Luis de Grandes Pascual, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Juozas Imbrasas, Dieter-Lebrecht Koch, Jaromír Kohlíček, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Eva Lichtenberger, Gesine Meissner, Mike Nattrass, Hubert Pirker, Dominique Riquet, Petri Sarvamaa, Debora Serracchiani, Laurence J.A.J. Stassen, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Cozzolino, Spyros Danellis, Sabine Wils, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Patrizia Toia

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.6.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Catherine Bearder, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, John Bufton, Alain Cadec, Salvatore Caronna, Nikos Chrysogelos, Ryszard Czarnecki, Francesco De Angelis, Rosa Estaràs Ferragut, Brice Hortefeux, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Vladimír Maňka, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Markus Pieper, Monika Smolková, Ewald Stadler, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonello Antinoro, Cornelia Ernst, Pat the Cope Gallagher, Jens Geier, Lena Kolarska-Bobińska, James Nicholson, Ivari Padar, Vilja Savisaar-Toomast, Elisabeth Schroedter, Czesław Adam Siekierski, Patrice Tirolien