RAPPORT dwar id-donazzjoni volontarja u b'xejn ta' tessuti u ċelluli
29.6.2012 - (2011/2193(INI))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Marina Yannakoudakis
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar id-donazzjoni volontarja u b'xejn ta' tessuti u ċelluli
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 184 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 1 dwar id-dinjità tal-bniedem u l-Artikolu 3 dwar id-dritt għall-integrità tal-persuna, li jirreferi għall-“projbizzjoni li l-ġisem tal-bniedem u l-partijiet tiegħu, bħala tali, jintużaw bħala mezz ta' gwadann finanzjarju”,
– wara li kkunsidra t-Tieni Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-Donazzjoni Volontarja u Bla Ħlas ta’ Tessuti u Ċelluli (COM(2011)0352),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/53/UE tas-7 ta’ Lulju 2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istandards tal-kwalità u s-sikurezza ta' organi umani maħsuba għal trapjanti[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: "Pjan ta' Azzjoni dwar id-Donazzjoni tal-Organi u t-Trapjanti (2009-2015): Kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-Istati Membri[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1394/2007[3] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar prodotti mediċinali ta’ terapija avvanzata u li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE u r-Regolament (KE) Nru 726/2004,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-iffissar ta’ standards ta’ kwalità u sikurezza għad-donazzjoni, ksib, ittestjar, proċessar, priservazzjoni, ħażna u tqassim ta’ tessuti u ta’ ċelloli tal-bniedem[4],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/17/KE tat-8 ta’ Frar 2006[5] li timplimenta d-Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ċerti rekwiżiti tekniċi għad-donazzjoni, għall-ksib u għall-ittestjar tat-tessuti u taċ-ċelluli umani,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar it-Trapjant ta' Ċelluli, Tessuti u Organi Umani,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina u l-Protokoll Addizzjonali tagħha dwar it-Trapjant ta' Organi u Tessuti ta' Oriġini Umana,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Oviedo dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina, u l-protokoll addizzjonali tiegħu dwar it-trapjanti ta’ organi u ta’ tessuti ta’ oriġini umana,
– wara li kkunsidra d-data Ewropea dwar l-attivitajiet ta’ donazzjoni u ta’ trapjant ta’ Tessuti u ta’ Ċelluli Emopojetiċi u Riproduttivi tar-Rapport tal-2010 tar-Reġistru Ewropew għall-Organi, it-Tessuti u ċ-Ċelluli,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2005 dwar il-kummerċ ta’ ċelluli tal-bajd uman[6],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0223/2012),
A. billi t-tessuti u ċ-ċelluli mogħtija, bħalma huma l-ġilda, l-għadam, l-għeruq, il-kornej u ċ-ċelluli staminali emopojetiċi, qed ikunu użati aktar fit-terapiji mediċi u bħala materjal inizjali għall-prodotti mediċinali tat-terapija avvanzata (ATMP); billi d-Direttiva 2004/23/KE tistipula li l-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżguraw donazzjonijiet volontarji u b’xejn u għandhom iftittxu wkoll li jiżguraw li x-xiri ta’ tessuti u ċelluli jsir fuq il-bażi li ma jwassalx għal profitt; billi dan huwa obbligu legali ċar, u jekk Stat Membru ma jikkonformax mal-prinċipju, jistgħu jinfetħu proċedimenti ta’ ksur;
B. billi skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2004/23/KE, l-Istati Membri għandhom iressqu rapporti lill-Kummissjoni kull tliet snin dwar il-prattika tad-donazzjoni volontarja u mingħajr ħlas;
C. billi 27 mid-29 pajjiż li rrappurtaw għandhom xi forma ta' dispożizzjonijiet li jirregolaw il-prinċipju tad-donazzjoni volontarja u mingħajr ħlas ta' tessuti u ċelluli (jorbtu jew ma jorbtux);
D. billi 13-il pajjiż għandhom prinċipji ta’ gwida dwar il-possibilità li jingħataw forom ta’ kumpens jew inċentivi lid-donaturi ta' tessuti u ċelluli;
E. billi 19-il pajjiż irrappurtaw li jipprovdu xi forma ta’ kumpens jew inċentivi għad-donaturi ħajjin ta’ tessuti u ċelluli (esklużi ċ-ċelluli riproduttivi);
F. billi 14-il pajjiż jagħtu xi forma ta' kumpens jew inċentivi għad-donazzjoni taċ-ċelluli riproduttivi;
G. billi erba’ pajjiżi jipprovdu forom ta’ kumpens jew inċentivi lill-qraba tad-donaturi mejta;
H. billi s-sensibilizzazzjoni mmirata tal-pubbliku u t-tixrid ta’ informazzjoni medika ċara, vera, b’bażi xjentifika u konvinċenti fil-livell nazzjonali u Ewropew, partikolarment fost iċ-ċirku immedjat tal-pazjent, għandhom rwol importanti ferm sabiex tkun appoġġjata l-opinjoni pubblika u jiżdiedu r-rati ta' donazzjoni tat-tessuti u ċ-ċelluli;
I. billi r-reklamar tal-ħtieġa jew id-disponibilità ta’ tessuti u ċelluli tal-bniedem bil-għan li jiġi offrut jew biex isir gwadann finanzjarju jew vantaġġ komparabbli, għandu jkun projbit;
J. billi, waqt li 11-il pajjiż uffiċjalment għandhom politiki stabbiliti li jaħdmu għall-promozzjoni tal-awtosuffiċjenza tat-tessuti u ċ-ċelluli, 17-il pajjiż ieħor għandhom ftehimiet bilaterali mmirati lejn l-istess objettiv ta’ provvista fuq livell nazzjonali ta’ tessuti u ċelluli tal-bniedem;
K. billi huwa wkoll tal-akbar importanza etika li tiġi żgurata, sa fejn huwa possibbli, provvista adegwata ta’ tessuti u ċelluli meħtieġa għal raġunijiet mediċi; billi dik il-provvista għandha tiġi amministrata fl-interess taċ-ċittadini u għalhekk għandha tiġi sorveljata minn korpi pubbliċi;
L. billi l-maġġoranza tal-pajjiżi li rrappurtaw għandhom kolletturi/fornituri pubbliċi ta’ tessuti u ċelluli jew sistema doppja ta’ kolletturi/fornituri privati u pubbliċi;
M. billi l-ksib ta’ tessuti u ċelluli tal-bniedem għandu jsir minn persuni li jkunu lestew b’suċċess programm ta’ taħriġ speċifikat minn grupp kliniku li jispeċjalizza fit-tessuti u ċ-ċelluli li jkollhom jinkisbu jew impjant tat-tessuti awtorizzat għall-ksib;
N. billi t-tneħħija ta’ tessuti u ta’ ċelluli għall-benefiċċju tar-riċeventi tista’ ssir biss taħt żewġ kundizzjonijiet: għandha ssir għal finijiet mediċi jew xjentifiċi u terapewtiċi u l-elementi kollha meħuda għandhom ikunu parti minn donazzjoni li ssir bħala att ta’ ġenerożità;
O. billi t-tneħħija ta’ tessuti u ċelluli għandu jiġi kkontrollat mill-prinċipji li ġejjin: l-anonimità (ħlief fil-każ ta’ teħid ta’ tessuti u ċelluli għal qraba ta’ persuna ħajja), ikun mingħajr ħlas, l-għoti ta’ kunsens, u l-obbligu li t-trapjanti jitqassmu b’mod ugwali fost il-pazjenti, u s-salvagwardja tas-saħħa tad-donaturi u r-riċeventi;
P. billi t-tneħħija tat-tessuti u taċ-ċelluli jista' jitwettaq biss jekk id-donatur ikun ta l-kunsens liberu u infurmat tiegħu minn qabel u bil-miktub; billi dan il-kunsens jista’ jiġi rtirat f’kull ħin, mingħajr ebda rekwiżit partikolari dwar il-format;
Q. billi l-użu ta’ tessuti u ċelluli biex ikunu applikati għall-ġisem tal-bniedem iġorr riskju ta’ trażmissjoni ta’ patoloġiji għar-riċeventi; billi dak ir-riskju jista’ jitnaqqas b'aktar attenzjoni fl-għażla, evalwazzjoni tad-donaturi potenzjali qabel it-teħid, li tkun ibbażata fuq analiżi tar-riskji u l-benefiċċji, bl-ittestjar u l-monitoraġġ ta’ kull donazzjoni u bl-applikazzjoni ta’ proċeduri għall-ksib ta’ tessuti u ċelluli skont ir-regoli u l-proċessi stabbiliti u aġġornati skont l-aħjar parir xjentifiku disponibbli;
R. billi d-donazzjoni ta’ xi tessuti jew ċelluli toħloq riskju serju għad-donatur; u billi dan ir-riskju huwa partikolarment għoli fir-rigward ta’ donazzjoni ta’ ċelluli tal-bajd minħabba t-trattament tal-ormoni li huwa meħtieġ bi tħejjija għad-donazzjoni;
S. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li hija l-prinċipju ewlieni għall-Unjoni Ewropea u li bdiet torbot legalment wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, tipprojbixxi li l-ġisem tal-bniedem u l-partijiet tiegħu, bħala tali, jintużaw bħala mezz ta' gwadann finanzjarju;
T. billi jkun mixtieq li l-Istati Membri kollha jkollhom regoli vinkolanti biex jinfurzaw dak il-prinċipju etiku, inkluż permezz tal-liġijiet kriminali;
U. billi, madankollu, jibqa' dubji rigward il-kompatibbiltà ta' ċerti tipi ta' kumpens ipprovduti b'konnessjoni mad-donazzjonijiet, ma’ dan il-prinċipju etiku, b'mod partikolari meta tali kumpens jiġi pprovdut lill-familjari tad-donaturi mejta;
V. billi d-donazzjoni bla ħlas mhijiex biss prinċipju etiku iżda wkoll neċessarju biex jipproteġi s-saħħa tad-donatur u tar-riċevent, minħabba li l-involviment ta’ ammonti kbar ta’ flus fil-proċess tad-donazzjoni jista’ jistimula lid-donatur biex jieħu r-riskji u jista’ jxekkel l-iżvelar tar-riskji fl-istorja medika tiegħu/tagħha;
W. billi hemm ħafna evidenza li turi li t-trapjant alloġeniku tad-demm tal-kurdun diġà huwa ta’ suċċess għal ħafna pazjenti, u billi hemm ukoll rapporti kredibbli li f’xi każijiet it-trattament awtologu b'dawn it-tipi ta’ ċelluli jista’ jkun ta’ suċċess;
X. billi rapporti minn sorsi serji tal-midja jissuġġerixxu li fil-qasam tat-tessuti u taċ-ċelluli l-prinċipju tad-donazzjoni bla ħlas qed jinkiser ripetutament;
Y. billi l-kapaċità għar-rintraċċar ta’ ċelluli u tessuti mid-donatur għar-riċevent u viċe versa u segwitu fit-tul ta’ donaturi ħajjin u ta’ riċeventi taċ-ċelluli u tat-tessuti huma elementi ċentrali għall-ġestjoni tas-sikurezza u tal-kwalità;
1. Jilqa’ l-preżentazzjoni tat-Tieni Rapport dwar id-Donazzjoni Volontarja u Bla Ħlas ta’ Tessuti u Ċelluli, li juri li qed isir ħafna fl-Istati Membri biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ donazzjoni bla ħlas, iżda juri wkoll li għad fadal ħafna xi jsir;
2. Jinnota bi tħassib li nofs l-Istati Membri jiddikjaraw li regolarment qed iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas ta’ tessuti u ċelluli tal-bniedem, b’mod partikolari tan-nerv li jgħaddi mis-sinsla, tal-gameti u ta’ tessuti bħall-kornea u l-ġilda, u li jeħtieġ għalhekk li ssir reviżjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni fis-seħħ li qed juru li mhumiex biżżejjed sabiex jiffaċċjaw l-isfida tal-awtosuffiċjenza fi ħdan l-Unjoni Ewropea;
In-nonremunerazzjoni, il-kunsens u s-salvagwardja tas-saħħa
3. Jenfasizza li d-donazzjoni għandha tkun volontarja, mingħajr ħlas u anonima (ħlief fil-każ ta’ teħid minn persuna li tkun għadha ħajja għal qarib tagħha), irregolata minn regoli ġuridiċi u etiċi li jirrispettaw l-integrità tal-persuna;
4. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jadottaw miżuri li jipproteġu d-donaturi ħajjin u jiggarantixxu li d-donazzjoni tkun waħda anonima (ħlief fil-każ ta’ teħid minn persuna għadha ħajja għal qarib tagħha), volontarja, b’kunsens liberu, infurmat u mingħajr ħlas;
5. Jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja b’attenzjoni l-iżviluppi fl-Istati Membri, teżamina b’attenzjoni kull rapport mis-soċjetà ċivili jew mill-midja dwar ksur tal-prinċipju ta’ donazzjoni mingħajr ħlas, u tieħu azzjoni xierqa, inkluż jekk meħieġ, l-użu ta’ proċedimenti ta’ ksur;
6. Jemmen li huwa vitali li l-Istati Membri kollha jiddefinixxu b’mod ċar il-kundizzjonijiet li taħthom ikun jista’ jingħata kumpens ġust u proporzjonali, waqt li jikkunsidraw li l-kumpens huwa limitat b'mod strett għal kundizzjonijiet li jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż mġarrba fid-donazzjoni ta' tessuti u ċelluli, bħall-ispejjeż ta’ vjaġġar, it-telf ta’ dħul jew spejjeż mediċi, marbuta ma’ proċedura medika jew effetti negattivi possibbli, b’hekk jiġi projbit kwalunkwe inċentiv finanzjarju u jiġu evitati żvantaġġi għal donaturi potenzjali; kumpens bħal dan għandu jkun trasparenti u awditjat b’mod regolari;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar prattiki u kriterji nazzjonali attwali għall-kumpens ta’ donaturi ħajjin, b’mod speċjali fir-rigward ta’ donazzjoni ta’ ċelluli tal-bajd;
8. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li kwalunkwe kumpens ipprovdut lid-donaturi jkun kompatibbli mal-prinċipji etiċi; jagħti l-parir li għandha tingħata attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni meta l-kumpens ma jingħatax lid-donatur, iżda jingħata lill-familja tad-donatur wara l-mewt;
9. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-donaturi ħajjin jintgħażlu abbażi ta’ evalwazzjoni tas-saħħa u l-istorja medika tagħhom, inkluża, jekk jitqies li dan ikun meħtieġ, evalwazzjoni psikoloġika bbażata fuq analiżi dwar ir-riskju u l-benefiċċji, minn professjonisti kkwalifikati u mħarrġa;
10. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ teħid ta’ tessuti u ta’ ċelluli għall-persuni taħt l-età u għall-adulti li jkunu taħt kura ta’ tutur;
Anonimità, traċċabilità, trasparenza u informazzjoni
11. Jisħaq li l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ sikurezza huma essenzjali għall-ilħuq ta’ livell għoli ta’ appoġġ pubbliku għad-donazzjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħdmu ħalli joħolqu sistema ta’ donazzjonijiet trasparenti li tkun sigura għad-donaturi u r-riċeventi;
12. Jistieden lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu regoli li jiżguraw it-traċċabilità ta’ tessuti u ċelluli ta’ oriġini umana mid-donatur għall-pazjent u viċe versa, kif ukoll sistema li tirregola l-importazzjonijiet ta’ tessuti u ċelluli tal-bniedem minn pajjiżi terzi, biex tiżgura li jiġu applikati standards ekwivalenti ta’ kwalità u sikurezza;
13. Jistieden lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni tagħhom mal-pubbliku favur id-donazzjoni ta’ tessuti u ta’ ċelluli u biex jiżguraw il-provvediment ta’ informazzjoni medika ċara, vera, b’bażi xjentifika u konvinċenti u data li tippermetti lill-pubbliku sabiex jagħmel għażliet infurmati; jenfasizza li d-donaturi għandhom ikunu infurmati bis-sħiħ dwar il-proċeduri użati f’dan il-proċess u l-konsegwenzi morali, psikoloġiċi, mediċi u soċjali tagħhom;
14. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni koordinata sabiex ikun evitat l-iżvilupp ta’ suq iswed tal-gameti fuq l-Internet, peress li dan is-suq jissogra li jipperikola kemm il-kwalità kif ukoll is-sikurezza tat-tessuti u ċ-ċelluli u jqajjem problemi ġuridiċi, etiċi u ta’ saħħa pubblika;
L-iskambju tal-aħjar prattika u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali
15. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jintensifikaw l-iskambji tal-aħjar prattiki, speċjalment rigward il-provvista ta’ tessuti u ċelluli, il-preservazzjoni tal-kwalità tat-tessuti u taċ-ċelluli waqt it-trasport tagħhom, is-sensibilizzazzjoni għad-donazzjoni u t-taħriġ tal-persunal tas-saħħa;
16. Jistenna li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu banek pubbliċi tat-tessuti u taċ-ċelluli;
17. Jitlob għal standards u rekwiżiti Ewropej għal banek tat-tessuti u taċ-ċelluli;
18. Iqis li, sabiex jiġi segwit il-prinċipju imperattiv etiku li tiġi żgurata provvista adegwata, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iqisu l-possibbiltà tat-twaqqif ta’ bażi tad-data fl-Ewropa kollha ta’ donaturi u riċeventi potenzjali sabiex il-provvista tiġi amministrata fl-interess ġenerali u, meta jkun possibbli, jiġi evitat in-nuqqas tal-provvista;
19. Iqis li r-rwol tal-ftehimiet bilaterali huwa estremament importanti għall-appoġġ tal-pajjiżi li jkollhom skarsezza ta’ tessuti u ċelluli jew li ma jkollhom l-ebda donaturi domestiċi li jaqblu u sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar it-tessuti u ċ-ċelluli timxi iżjed liberament bejn l-Istati;
20. Fil-kuntest Ewropew, ifaħħar b’mod partikolari r-rwol f’dan il-qasam ta’ Eurocet, li żvolġa rwol kruċjali bħala l-bażi ta’ data ċentrali Ewropea għall-ġbir tad-data dwar id-donazzjoni ta’ tessuti u ċelluli u l-attivitajiet ta’ trapjant; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex isaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom mal-Eurocet ħalli jilħqu ftehim dwar iżjed standards komuni fid-donazzjoni ta’ ċelluli u tessuti u b’hekk il-professjonisti tal-qasam tal-kura tas-saħħa jkunu jistgħu jtejbu t-tlaqqigħ tat-tessuti u ċ-ċelluli offruti liċ-ċittadini Ewropej;
21. Jistieden lill-Istati Membri biex jesploraw l-opportunitajiet kollha possibbli għal kooperazzjoni internazzjonali usa’ f’dan il-qasam, b’mod partikolari rigward l-użu potenzjali taċ-ċelluli staminali emopojetiċi;
Demm tal-kurdun u ċelluli staminali
22. Jirrikonoxxi l-avvanzi xjentifiċi sinifikanti magħmula fil-qasam tad-demm tal-kurdun, li jikkostitwixxi alternattiva terapewtika promettenti ħafna fit-trattament għal ħafna mard, inkluż il-mard tat-tfal;
23. Jieħu nota li attwalment, il-provi kliniċi li jużaw iċ-ċelluli staminali tad-demm tal-kurdun umbilikali għat-trattament marbut ma’ mard mhux ematoloġiku qed iseħħu l-aktar barra l-UE; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jistabbilixxu qafas regolatorju li jista' jistimula disponibilità akbar ta’ ċelluli staminali tad-demm tal-kurdun umbilikali;
24. Jiddispjaċih li attwalment, iċ-ċelluli staminali mid-demm tal-kurdun umbilikali huma maħżuna biss sa 1% min-numru totali ta’ twelid fl-Unjoni Ewropea; jenfasizza, konsegwentement, l-importanza li l-ommijiet jqiegħdu d-demm tal-kurdun u t-tessuti mat-twelid ġewwa banek, li jaderixxu ma’ standards etiċi u operazzjonali komuni, sabiex jgħinu fit-trattament tal-mard u biex issir iżjed riċerka fil-qasam; jenfasizza, barra minn hekk, li t-traċċabilità għandha tkun waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-awtorizzazzjoni ta’ dawn il-banek fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew; jenfasizza li l-proċess ta’ allokazzjoni permezz ta’ banek bħal dawn għandu jkun proċess ġust, ekwu, mhux diskriminatorju u trasparenti;
25. Jieħu nota li l-banek pubbliċi taċ-ċelluli għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tad-data sabiex ir-rekwiżit tat-traċċabilità jiġi rikonċiljat mal-bżonn li jkunu protetti d-drittijiet tad-donatur, bħalma huma l-kunfidenzjalità u l-privatezza medika;
26. Hu tal-fehma li donazzjonijiet ta’ demm tal-kurdun umbilikali alloġeniku mhux familjari —kemm jekk il-bank ikun pubbliku kif ukoll jekk privat — għandhom ikunu żviluppati aktar, b’mod li l-unitajiet maħżuna ta’ demm tal-kurdun umbilikali jkunu rreġistrati fil-bażi ta’ data tal-Bank Dinji tad-Donaturi tal-Mudullun (BDMW) u li jkunu għad-dispożizzjoni ta’ kwalunkwe pazjent li huwa kompatibbli u li għandu bżonnhom;
27. Ifakkar li din id-donazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kunsens mill-omm li jkun liberu, infurmat u nnotifikat bil-miktub, u li dan il-kunsens jista’ jiġi rtirat mingħajr formalitajiet f’kull mument qabel id-donazzjoni;
28. Jistieden lill-Istati Membri jqajmu għarfien dwar il-banek pubbliċi tad-demm tal-kurdun permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni li jistgħu jseħħu, pereżempju, matul klassijiet ta' qabel it-tqala, u jipproponi dan f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
29. Iqis li l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu infurmati dwar l-għażliet eżistenti marbuta mad-donazzjoni tad-demm tal-kurdun mat-twelid pereżempju: il-ħażna pubblika jew privata, id-donazzjoni għal skopijiet awtologi u eterologi jew għar-riċerka; iqis li informazzjoni komprensiva, oġġettiva u akkurata għandha tkun ipprovduta dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ banek tad-demm tal-kurdun;
30. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu fl-istess ħin il-protezzjoni tad-dritt tal-ġenituri għal kunsens infurmat u għal libertà tal-għażla fir-rigward ta’ prattiki ta’ preservazzjoni taċ-ċelluli staminali tad-demm tal-kurdun;
31. Jipproponi li l-Istati Membri jikkunsidraw l-adozzjoni u l-infurzar ta’ standards operazzjonali u etiċi għall-banek tad-demm tal-kurdun pubbliċi u privati li jħarsu l-prinċipju tan-nonkummerċjalizzazzjoni tal-ġisem tal-bniedem u l-partijiet tiegħu, pereżempju, u li jiżguraw it-traċċabilità;
32. Jistenna li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu tal-anqas bank pubbliku taċ-ċelluli staminali wieħed;
33. Jitlob li l-opinjoni maħruġa fl-2004 mill-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda dwar "Aspetti Etiċi relatati mal-Banek tad-Demm tal-Kurdun Umbilikali" (l-Opinjoni Nru 19) tiġi aġġornata fid-dawl tal-iżviluppi fil-preservazzjoni taċ-ċelluli staminali tad-demm tal-kurdun u l-provi kliniċi kontinwi dwar l-użu taċ-ċelluli staminali tad-demm tal-kurdun umbilikali;
34. Jistieden l-Istati Membri sabiex jipprovdu netwerk territorjali tal-kliniki tal-maternità awtorizzati sabiex iwettqu dan it-teħid bil-għan li tiġi ggarantita l-provvista tad-demm tal-kurdun fiż-żoni kollha tal-popolazzjoni;
35. Jitlob li l-banek kollha li jirrispettaw l-istandards operazzjonali tal-UE għall-ġabra u l-ħażna tad-demm tal-kurdun jiġu kkonsultati mill-awtoritajiet nazzjonali meta jkunu qed jiġu definiti u implimentati strateġiji ta’ kampanji nazzjonali ta’ informazzjoni maħsuba għall-ġenituri;
36. Jitlob għal standards u rekwiżiti Ewropej għal banek privati taċ-ċelluli staminali;
37. Jinnota li mudelli u opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni bejn setturi pubbliċi u privati diġà jeżistu f’xi Stati Membri, u jinkoraġġixxi l-banek pubbliċi u privati tad-demm tal-kurdun sabiex jikkollaboraw iżjed mill-qrib ħalli jżidu l-disponibbiltà u l-iskambju tal-kampjuni nazzjonali, Ewropej u internazzjonali tad-demm tal-kurdun u t-tessuti; jistieden lill-Istati Membri jirregolaw kif xieraq il-banek pubbliċi u privati sabiex tkun garantita t-trasparenza u s-sikurezza totali tad-demm tal-kurdun, b’enfasi fuq il-bżonn li l-banek jiżguraw prattiki ta’ xogħol miftuħa u soda fit-tqassim tal-informazzjoni tagħhom, sabiex ikun ipprovdut benefiċċju massimu għall-pazjent;
38. Jenfasizza l-iżvilupp ta’ proċeduri li mhumiex intrużivi ta’ tkabbir taċ-ċelluli staminali bl-użu tal-ġbir periferali taċ-ċelluli staminali tad-demm (PBSC);
39. Hu tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw iżidu l-għadd ta’ donaturi tal-mudullun u taċ-ċelluli staminali ta’ demm periferali, filwaqt li jtejbu r-reġistri tad-donaturi tal-mudullun sabiex, b’kollaborazzjoni mar-reġistri nazzjonali ta’ pajjiżi oħra u permezz tal-BMDW kwalunkwe pazjent li jkun fi bżonn ta’ trapjant ta’ ċelluli staminali jkollu l-aħjar probabilità li jsib donatur kompatibbli;
40. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw programmi li jħeġġu lill-minoranzi etniċi biex jagħtu tessuti u ċelluli lill-banek pubbliċi sabiex jiġu indirizzati l-iskarsezzi ta’ donaturi li jaqblu f'dan il-grupp;
41. Jenfasizza li hija l-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jippermettux, jipprojbixxux jew jirregolawx ir-riċerka biċ-ċelluli staminali embrijoniċi tal-bniedem u l-fertilizzazzjoni in vitro iżda l-Istat Membru kkonċernat f’dan ir-rigward għandu jirrispetta r-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2004/23/KE, inklużi dawk dwar il-kwalità u s-sikurezza u dawk marbuta mal-prinċipju ta’ donazzjoni mhux imħallsa; jieħu nota li l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza limitata f’dan il-qasam u, meta tapplika din il-kompetenza, trid tirrispetta l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-prinċipji applikati fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
42. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, kemm jista’ jkun malajr, reviżjoni tad-Direttiva 2004/23/KE, sabiex issir konformi mal-prinċipji li jirregolaw id-donazzjoni tal-organi stabbiliti fid-Direttiva 2010/45/UE, u sabiex jiġu kkunsidrati s-sitwazzjoni legali ġdida wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, l-iżviluppi xjentifiċi, l-esperjenza prattika ta’ dawk involuti fis-settur u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-rapport;
43. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1394/2007 sabiex tinkludi dispożizzjoni li tiggarantixxi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ donazzjoni mingħajr ħlas simili għal dik imsemmija fid-Direttiva 2010/45/UE u biex tikkunsidra l-problemi li tfaċċaw fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regolament, b’mod speċjali għall-SMEs;
44. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni u Ambitu
Dan ir-rapport isaħħaħ l-opinjoni li d-donazzjonijiet għandhom ikunu volontarji u jitwettqu fuq bażi ta' nuqqas ta' qligħ f'ambjent trasparenti. Huwa jittratta b’mod esklużiv it-tessuti u ċ-ċelluli li jaqgħu f’waħda minn tliet kategoriji, jiġifieri, it-tessuti multipli, iċ-ċelluli riproduttivi u ċ-ċelluli mhux riproduttivi. Bl-eċċezzjoni tat-tessuti tal-ġilda, il-vini u l-membrana amnijotika, id-donazzjoni, normalment, tiġi minn donatur mejjet.
Billi l-kura tas-saħħa fil-parti l-kbira hija l-kompetenza ta’ Stat Membru, ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti huma mmirati sabiex jikkumplimentaw il-prattiki eżistenti fl-Istati Membri dwar oqsma bħad-donazzjoni transkonfinali. Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-kwistjonijiet bħar-riċerka dwar iċ-ċelluli staminali embrijoniċi, il-fertilizzazzjoni in vitro u l-ikklonar bl-użu ta’ ċelluli staminali għal finijiet investigattivi jaqgħu lil hinn mill-ambitu ta’ dan ir-rapport, u l-aħjar jiġu deċiżi fuq livell ta’ Stat Membru.
Kumpens u Altruwiżmu
Ir-Rapporteur hija tal-fehma li l-altruwiżmu huwa vitali fid-donazzjoni tat-tessuti u ċ-ċelluli. Il-kumpens għal donazzjoni għandu jiġi ġestit u deskritt fil-qosor b’attenzjoni mill-Istati Membri u għandu jiġi limitat sabiex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż magħmula fid-donazzjoni, bħall-ispejjeż ta’ safar, it-telf ta’ dħul u l-ispejjeż mediċi. Madankollu, ir-rispons regolatorju dwar din il-kwistjoni kien varju u xi pajjiżi joffru kumpens monetarju ulterjuri għad-donazzjoni ta' gameti. Ir-Rapporteur tirrifjuta dan l-approċċ u tippreferi tenfasizza l-‘benefiċċji in natura’ mhux finanzjarji, bħall-programm attwali fir-Renju Unit li jħeġġeġ il-kondiviżjoni tal-bajd sabiex jgħin fiż-żieda tan-numru ta’ gameti mogħtija, u li jipprovdi kumpens iżjed etiku ħalli jirrifletti l-iskumdità u l-inkonvenjenza tad-donazzjoni.
Ir-Rapporteur hija mħassba wkoll minħabba l-problemi ġuridiċi u etiċi mqajma mill-eżistenza ta’ bosta websajts li jippermettu li persuni jbigħu jew jixtru ċelluli tal-gameti onlajn. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni għar-regolazzjoni ta’ dan il-qasam sabiex tiġi evitata l-possibilità li jitfaċċa suq iswed onlajn.
Kooperazzjoni u Traċċabilità Internazzjonali
Ir-rapport tal-Kummissjoni jenfasizza li hemm skarsezzi ta’ mudullun u ċelluli tal-isperma f’ċerti Stati Membri u li ħafna pajjiżi qed isibuha diffiċli sabiex isibu tlaqqigħ xieraq ta' tessuti u ċelluli għal dawk li jagħmlu parti minn minoranzi etniċi. L-għan ta' dan ir-rapport huwa li tiżdied il-provvista tat-tessuti u ċ-ċelluli billi tiġi skambjata l-aqwa prattika rigward l-operazzjonijiet komuni, l-istandards etiċi u s-sensibilizzazzjoni dwar id-donazzjonijiet. B’mod partikolari, ir-Rapporteur qiegħda titlob li jkun hemm iżjed kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri fil-proġett eżistenti tal-Eurocet. Qed jiġu inklużi wkoll referenzi għal ftehimiet internazzjonali għat-titjib tal-provvisti ta’ tessuti u ċelluli waqt li jiġi ggarantit li l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza jiġu osservati, li għandu jkun ta’ vantaġġ għall-partijiet interessati involuti kollha. Sabiex tiġi megħjuna l-kooperazzjoni transkonfinali effettiva f’dan il-qasam, għandhom isiru verifiki sostanzjali sabiex jiġu żgurati t-traċċabilità u t-trasparenza massimi fis-sistema tad-donazzjonijiet.
Demm tal-Kurdun u Ċelluli Staminali
Ir-Rapporteur tixtieq tiġbed attenzjoni speċjali għad-donazzjoni tad-demm tal-kurdun li minnu jinkisbu ċ-ċelluli staminali billi hemm evidenza, li kulma tmur qed tiżdied, li dawn iċ-ċelluli jistgħu jintużaw fit-trattament tal-mard, inkluż il-mard tat-tfal. Sabiex ikun hemm l-iprem potenzjal tad-demm tal-kurdun, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżviluppaw kampanji ta’ sensibilizzazzjoni li jkunu mmirati prinċipalment lejn l-ommijiet li qed jistennew tarbija. L-istandards komuni għandhom jiġu infurzati u pprattikati wkoll fil-banek nazzjonali kif ukoll privati, li għandhom jaħdmu flimkien sabiex tiżdied id-disponibilità tal-kampjuni nazzjonali tad-demm tal-kurdun.
Ir-Rapporteur tenfasizza l-benfiċċji li jiġu esplorati metodi differenti użati għall-ksib ta’ ċelluli staminali bħall-ġbir periferiku taċ-ċelluli staminali tad-demm (PSBC), li hija proċedura mhux intrużiva. Il-Fiduċjarja Anthony Nolan, organizzazzjoni tar-Renju Unit li tagħmel karità fil-qasam tal-kanċer tad-demm, tiġbor ċelluli staminali tad-demm minn donaturi sabiex tgħin dawk li jeħtieġu trapjant taċ-ċelluli staminali sabiex isalvaw ħajjithom u tipprovdi medja ta’ żewġ trapjanti kuljum li juri l-valur miżjud ta' din it-teknoloġija medika. Minbarra dan, ir-Rapporteur temmen bis-sħiħ li d-deċiżjoni reċenti tal-Istati Uniti li tippermetti l-bejgħ ta’ ċelluli staminali miksuba permezz ta’ aferesi għandha titqies b’kawtela u tafferma mill-ġdid li d-donazzjoni għandha ssir fuq bażi volontarja u mingħajr ħlas.
Kummenti ta' konklużjoni
Dan ir-rapport janalizza t-tendenzi attwali tal-UE fil-qasam tad-donazzjoni volontarja u mingħajr ħlas ta’ tessuti u ċelluli u jagħmel rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-persuni madwar l-Ewropa sabiex jiżdied il-fluss tad-donazzjonijiet bejn l-Istati Membri. Qed tinġibed attenzjoni partikolari lejn iż-żieda tar-riżervi taċ-ċelluli staminali u d-demm tal-kurdun fl-Istati Membri u dwar l-użu tat-terapiji biċ-ċelluli staminali għat-trattament b’suċċess tal-mard. Ir-Rapporteur tilqa’ l-kollaborazzjoni tal-kollegi tagħha fit-tfassil ta’ dan ir-rapport.
OPINJONI TAL-MINORANZA
imressqa skont l-Artikolu 52(3) tar-Regoli ta' Proċedura
Opinjoni tal-minoranza ALDE
Frédérique Ries, Chris Davies, Holger Krahmer, Rebecca Taylor
Inqisu li r-rispett totali tal-prinċipji inaljenabbli ta' donazzjoni volontarja u bla ħlas ma għandux jipperikola l-isforzi biex tiġi indirizzata l-isfida tal-awtosuffiċjenza fl-Unjoni Ewropea. Ninnutaw bi tħassib li nofs l-Istati Membri regolarment qed iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas ta’ tessuti u ċelluli tal-bniedem, b’mod partikolari tan-nerv li jgħaddi mis-sinsla, tal-gameti u ta’ tessuti bħall-kornea u l-ġilda.
Waqt li nirrikonoxxu l-isforzi tar-Rapporteur li tikseb bilanċ raġjonveoli, inqisu li l-vot tal-lum jibgħat il-messaġġ il-ħażin lix-xjentisti u l-pazjenti.
Id-dispożizzjonijiet adottati llum jinkludu restrizzjonijiet fir-rigward tad-donazzjoni tal-gemeti u regoli aktar stretti għal banek privati tad-demm tal-kurdun milli għall-dawk pubbliċi...li kollha se jfixklu aktar l-aċċess għat-tessuti u ċ-ċelluli.
Huwa kruċjali, jekk ma rridux nipperikolaw il-kwalità u s-sikurezza tat-tessuti u ċ-ċelluli, li niżguraw rimborż ġust lid-donaturi u li jiġu mħeġġa donazzjonijiet bl-użu ta’ mudelli żviluppati mis-setturi pubbliċi u privati.
Il-ġlieda tagħna għal approċċ liberu, umanista u tolleranti għar-riċerka medika fl-UE tfisser li ma nistgħux naċċettaw il-filosofija konservattiva li ispirat din ir-Riżoluzzjoni, partikolarment għaliex tissogra tabbanduna lil ħafna pazjenti fi żmien meta l-għadd ta' persuni bi bżonn ta' trattament qiegħed jikber.
oPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI (26.4.2012)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar id-donazzjoni volontarja u b'xejn ta' tessuti u ċelluli
(2011/2193(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Jiří Maštálka
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni tiegħu għal riżoluzzjoni:
A. billi l-Istati Membri fil-biċċa l-kbira implimentaw il-prinċipju etiku stabbilit fid-Direttiva 2004/23/KE fejn donazzjonijiet ta’ tessuti u ċelluli għandhom ikunu bla ħlas u volontarji;
B. billi l-Artikolu 3(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jinkludi projbizzjoni li l-ġisem uman u l-partijiet tiegħu jintużaw bħala tali sors ta’ gwadan finanzjarju;
C. billi jkun mixtieq li l-Istati Membri kollha jkollhom regoli vinkolanti biex jinfurzaw dak il-prinċipju etiku, inkluż permezz tal-liġijiet kriminali;
D. billi, madankollu, jibqa' dubji rigward il-kompatibbiltà ta' ċerti tipi ta' kumpens ipprovduti b'konnessjoni mad-donazzjonijiet, ma’ dan il-prinċipju etiku, b'mod partikolari meta tali kumpens jiġi pprovdut lill-familjari tad-donaturi mejta;
E. billi huwa wkoll tal-akbar importanza etika li tiġi żgurata, sa fejn huwa possibbli, provvista adegwata ta’ tessuti u ċelluli meħtieġa għal raġunijiet mediċi; billi dik il-provvista għandha tiġi amministrata fl-interess taċ-ċittadini u għalhekk għandha tiġi sorveljata minn korpi pubbliċi;
F. billi d-donazzjonijiet volontarji u b’xejn ta’ tessuti u ċelluli jikkontribwixxu għal standards għoljin ta’ sikurezza ta’ tessuti u ċelluli u għaldaqstant għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;
G. billi d-dibattitu dwar il-kunsens preżunt għal donazzjonijiet postmortem għandu jitkompla;
1. Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu regoli vinkolati, meta jkunu għadhom m'għamlux hekk, biex jinfurzaw il-prinċipju etiku li d-donazzjonijiet ta’ tessuti u ċelluli għandhom ikunu bla ħlas u volontarji;
2. Jenfasizza li kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ta’ tessuti u ċelluli umani tmur kontra l-prinċipji ta’ ekwità u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u xxekkel l-etika tad-donazzjoni altruistika;
3. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li kwalunkwe kumpens ipprovdut lid-donaturi jkun kompatibbli mal-prinċipji etiċi; jagħti l-parir li għandha tingħata attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni meta l-kumpens ma jingħatax lid-donatur, iżda jingħata lill-familja tad-donatur wara l-mewt;
4. Iqis li, sabiex jiġi segwit il-prinċipju imperattiv etiku li tiġi żgurata provvista adegwata, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iqisu l-possibiltà tat-twaqqif ta’ bażi tad-data fl-Ewropa kollha ta’ donaturi u riċevituri potenzjali sabiex il-provvista tiġi amministrata fl-interess ġenerali u, meta jkun possibbli, jiġi evitat in-nuqqas tal-provvista;
5. Iqis li tali bażi tad-data jista’ b’mod utli jkun fiha wkoll dettalji dwar il-kunsens jew le ta’ donatur potenzjali għal donazzjonijiet ta’ organi fil-każ ta’ mewt, li tkun tinkludi r-rieda tiegħu jew tagħha li ssir donazzjoni ta’ organi barra mit-territorju tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom, billi l-bażijiet tad-data tad-donaturi bħalissa qed jiġu organizzati fil-livell nazzjonali, ħaġa li tfisser li ħafna drabi ma tkunx disponibbli informazzjoni rigward iċ-ċittadini li jkunu ċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor;
6. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex isegwu l-għażla li jestendu l-prinċipju li d-donaturi potenzjali mejta jkunu preżunti li jagħtu kunsens għad-donazzjoni sakemm ma jkunux iddikkjaraw xorta oħra matul ħajjithom; jistieden, madanakollu, lill-Istati Membri biex, irrispettivament mis-sistemi nazzjonali tagħhom, jippromwovu b’mod attiv il-kunċett tad-dikjarazzjoni tal-kunsens, minħabba li dikjarazzjoni bħal din hija prova ċerta tad-deċiżjoni tad-donatur potenzjali;
7. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu s-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini Ewropej dwar id-donazzjoni volontarja u b'xejn ta' tessuti u ċelluli biex jindirizzaw b’mod aktar effettiv id-diskrepanza bejn id-domanda u l-provvista;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
26.4.2012 |
|
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
24 0 0 |
|||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Raffaele Baldassarre, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Antonio López-Istúriz White, Jiří Maštálka, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Rebecca Taylor, Alexandra Thein, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka |
||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Piotr Borys, Sergio Gaetano Cofferati, Vytautas Landsbergis, Eva Lichtenberger, Axel Voss |
||||
|
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Karin Kadenbach |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
|
Data tal-adozzjoni |
20.6.2012 |
|
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
54 4 2 |
|||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Elena Oana Antonescu, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sergio Berlato, Lajos Bokros, Martin Callanan, Nessa Childers, Tadeusz Cymański, Esther de Lange, Edite Estrela, Jill Evans, Elisabetta Gardini, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Holger Krahmer, Kartika Tamara Liotard, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Andres Perello Rodriguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Carl Schlyter, Richard Seeber, Bogusław Sonik, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Salvatore Tatarella, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis |
||||
|
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Margrete Auken, Erik Bánki, Cristian Silviu Buşoi, Nikos Chrysogelos, Minodora Cliveti, Gaston Franco, James Nicholson, Vittorio Prodi, Michèle Rivasi, Birgit Schnieber-Jastram, Rebecca Taylor, Marita Ulvskog, Kathleen Van Brempt, Anna Záborská, Andrea Zanoni |
||||
|
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Véronique Mathieu |
||||