Proċedura : 2012/2035(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0235/2012

Testi mressqa :

A7-0235/2012

Dibattiti :

PV 10/09/2012 - 26
CRE 10/09/2012 - 26

Votazzjonijiet :

PV 11/09/2012 - 10.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0321

RAPPORT     
PDF 180kWORD 157k
16.7.2012
PE 487.914v02-00 A7-0235/2012

dwar ir-rwol tan-nisa fl-ekonomija ekoloġika

(2012/2035(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur għal opinjoni: Mikael Gustafsson

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rwol tan-nisa fl-ekonomija ekoloġika

(2012/2035(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ġunju 2011 intitolata ‘Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar’ (COM(2011)0363),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2011 intitolata ‘Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050’ (COM(2011)0112),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Frar 2011 intitolata ‘Rapport dwar il-progress għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2010’ (SEC(2010)0193),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 intitolata ‘Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015’ (COM(2010)0491),

–   wara li kkunsidra r-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa organizzata f’Beijing f’Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni adottati f’Beijing u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati mis-Sessjonijiet Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5, +10 u +15 dwar aktar azzjonijiet u inizjattivi għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Beijing u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing, adottati fid-9 ta’ Ġunju 2000, fil-11 ta’ Marzu 2005 u fit-2 ta’ Marzu 2010 rispettivament,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2012 intitolat ‘Rieżami tal-Implimentazzjoni fl-UE ta’ qasam K tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing: In-nisa u l-Ambjent, l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u t-Tibdil fil-Klima’,

–   wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni konġunta tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNEP), il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, il-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw Imdawrin bl-Art u l-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw (UN-OHRLLS) tar-rapport “Why a Green Economy matters for the Least Developed Countries” (Ir-raġunijiet għalfejn ekonomija ekoloġika hija importanti għall-pajjiżi l-anqas Żviluppati)(1), ippreparat għall-Konferenza LDC-IV f’Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-UNEP ta’ Settembru 2008 bl-isem “Green Jobs: Towards Decent Work in a Sustainable, Low-Carbon World” (Impjiegi Ekoloġiċi: Lejn Xogħol Diċenti f’Dinja Sostenibbli, b’Livell Baxx ta’ Karbonju)(2),

–   wara li kkunsidra r-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa tal-1 ta’ Novembru 2011 intitolat ‘The Centrality of Gender Equality and the Empowerment of Women for Sustainable Development’ (Iċ-ċentralità tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-Empowerment tan-Nisa għall-Iżvilupp Sostenibbli)(3), imħejji fl-istennija tad-dokument riżultanti tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) li ser issir fl-2012,

–   wara li kkunsidra s-Sommarju tad-Dikjarazzjoni dwar il-Pożizzjoni tal-Grupp Maġġuri tan-Nisa Rio+20 tal-1 ta’ Novembru 2011(4),

–   wara li kkunsidra d-dokument dwar il-pożizzjoni tal-Grupp Maġġuri tan-Nisa ta’ Marzu 2011 bi preparazzjoni għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli 2012 intitolat ‘A Gender Perspective on the ‘Green Economy’’ (Perspettiva tal-Ġeneru dwar ‘l-Ekonomija Ekoloġika’)(5),

–   wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tar-rapport uffiċjali tal-gvern (Stokkolma, l-Isvezja) tal-2005 bl-isem “Bilen, Biffen, Bostaden: Hållbara laster – smartare konsumtion”(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2012 dwar in-nisa u t-tibdil fil-klima(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2012 dwar in-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi – kwalità u ugwaljanza(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011(9),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Settembru 2011 dwar l-iżvilupp ta' pożizzjoni komuni tal-UE qabel il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20)(10),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida(11),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja(12),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0235/2012),

A. billi ekonomija ekoloġika tiddefinixxi ruħha bħala ekonomija sostenibbli, li tfisser sostenibilità soċjali u ekoloġika; billi s-sostenibilità soċjali tinvolvi ordni soċjali bbażat fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġustizzja soċjali, indipendentement mis-sess, l-oriġini etnika, il-kulur, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, diżabilità jew l-opinjoni politika;

B.  billi t-tibdil tal-klima u t-tnaqqis tal-bijodiversità qed jheddu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-benessri tan-nisa u tal-irġiel; billi l-konservazzjoni tal-ekosistema tagħna hija l-pedament ta’ ekonomija ekoloġika; billi l-ġenerazzjoni tal-lum ma tistax tafda r-responsabilità is-sejba ta’ soluzzjonijiet tal-problemi ambjentali attwali f'idejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin; billi s-sostenibbiltà ekoloġika tinvolvi l-użu, il-konservazzjoni u t-titjib tar-riżorsi tal-komunità sabiex il-proċessi ekoloġiċi li fuqhom tiddependi l-ħajja jiġu ppreservati u l-kwalità tal-ħajja totali, issa u fil-futur, tkun tista’ tiżdied;

C. billi minħabba r-rwoli relatati mal-ġeneri, in-nisa ma jaffettwawx l-ambjent bl-istess mod bħall-irġiel, u f’diversi pajjiżi, in-normi strutturali u d-diskriminazzjoni jillimitaw l-aċċess tan-nisa għar-riżorsi, u l-possibilitajiet tagħhom li jiġġestixxu l-kundizzjonijiet u li jadattaw;

D. billi l-politiki ambjentali għandhom impatt dirett fuq is-saħħa u l-istatus soċjoekonomiku tal-individwi, u billi l-inugwaljanza bejn il-ġeneri, flimkien ma’ nuqqas ta’ sensittività għall-istatus u l-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali differenti tan-nisa, jissarrfu f’tendenza li n-nisa jsofru b’mod sproporzjonat minħabba d-degradazzjoni ambjentali u l-politiki inadegwati f’dan il-qasam;

E.  billi f’ċerti Stati Membri, ir-rwol tal-mara fl-ekonomija ekoloġika għadu sottovalutat u mhux rikonoxxut, bir-riżultat li jinħolqu diversi tipi ta’ diskriminazzjoni f’termini ta’ benefiċċji mitlufa, bħal pereżempju l-ħarsien soċjali, l-assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa, pagi xierqa u drittijiet tal-pensjoni;

F.  billi l-aktar persuni foqra, li hu stmat li 70% minnhom huma nisa, ser jintlaqtu l-aktar mit-tibdil fil-klima u mill-qerda tal-ekosistema;

G. billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u sostenibbli hija essenzjali sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali, tissaħħaħ il-ġustizzja soċjali u tinħoloq soċjetà fejn in-nisa u l-irġiel għandhom l-istess drittijiet u opportunitajiet;

H. billi t-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ekoloġika sikwit toħloq sfidi partikolari fir-rigward tal-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tal-impjiegi ekoloġiċi, minħabba li n-nisa sikwit ma jkollhomx it-taħriġ tekniku meħtieġ biex iwettqu rwol speċjalisti fl-ekonomija ekoloġika;

I.   billi jidher ċar li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed waqt in-negozjati ambjentali, id-diskussjonijiet baġitarji u t-teħid ta' deċiżjonijiet relatati mal-kisba ta’ ekonomija ekoloġika;

J.   billi d-drawwiet tal-konsum u tal-istil tal-ħajja għandhom effett sinifikanti fuq l-ambjent u l-klima; billi d-drawwiet tal-konsum tal-pajjiżi sinjuri, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ikel u tat-trasport, mhumiex sostenibbli fit-tul, l-aktar jekk wieħed iqis li n-nisa u l-irġiel kollha tad-dinja għandhom id-dritt li jkollhom kwalità ta’ ħajja tajba b’livell adegwat ta’ benessri;

K. billi n-nisa u l-irġiel ġeneralment għandhom drawwiet ta’ konsum differenti; billi n-nisa jikkunsmaw anqas mill-irġiel, ikun xi jkun l-istat soċjoekonomiku tagħhom, imma apparti minn hekk in-nisa donnhom li għandhom aktar rieda li jieħdu azzjoni favur il-ħarsien tal-ambjent permezz tad-drawwiet tal-konsum, bħal pereżempju billi jieklu anqas laħam, isuqu anqas u jużaw l-enerġija b'mod aktar effiċjenti;

L.  billi n-nisa, minħabba l-istruttura attwali tal-poter skont il-ġeneru, m’għandhomx l-istess kontrol bħall-irġiel fuq is-sistema tat-trasport, u lanqas għandhom l-istess aċess għaliha; billi biex jitjiebu l-opportunitajiet tat-trasport tan-nisa jeħtieġ li jiġu introdotti mezzi aktar effiċjenti tat-trasport pubbliku, aktar rotot tal-mixi u tar-roti u distanzi iqsar għas-servizzi, u li jitjiebu l-għarfien u l-innovazzjoni fir-rigward ta’ mezzi ta’ trasport favorevoli għall-ambjent;

M. billi n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti ta’ perikli ambjentali u t-tibdil fil-klima minħabba li l-istatus soċjoekonomiku tagħhom huwa aktar baxx minn dak tal-irġiel, minħabba s-sehem tagħhom ta’ responsabbiltajiet domestiċi li tradizzjonalment hu sproporzjonatament kbir, u l-periklu li jkunu esposti għall-vjolenza f’sitwazzjonijiet ta’ konflitti maħluqa jew aggravati minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi naturali;

N. billi jeħtieġ li n-nisa jipparteċipaw bis-sħiħ fit-tfassil tal-politiki, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni ta’ ekonomija ekoloġika; billi l-parteċipazzjoni tan-nisa rriżultat f’titjib fir-rispons ta’ emerġenza, żieda fil-bijodiversità u fis-sikurezza tal-ikel, tnaqqis fid-deżertifikazzjoni u aktar ħarsien tal-foresti;

O. billi hemm nuqqas ta’ data komprensiva u komparabbli dwar l-impatt ta’ ekonomija ekoloġika fuq is-suq tax-xogħol;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jappoġġa l-bżonn li s-soċjetà tiġi orjentata lejn ekonomija ekoloġika, fejn il-ħtiġijiet ambjentali jimxu id f’id mas-sostenibilità soċjali, pereżempju t-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-ġustizzja soċjali;

2.  Jinnota li partijiet speċifiċi u importanti tal-ekonomija ekoloġika qed jaffettwaw l-ekosistema, il-konsum, l-ikel, it-tkabbir, it-trasport, l-enerġija u s-settur tal-benessri;

3.  Jiddispjaċih li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-istituzzjonijiet u lill-Kumitati tal-UE dwar ‘Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar’ ma tinkludix fiha perspettiva tal-ġeneri;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġbru l-informazzjoni mqassma skont l-età u skont il-ġeneru waqt l-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-istrateġiji, il-programmi u l-proġetti tal-baġits fl-oqsma tal-ambjent u tal-klima: jiddikjara li n-nuqqas ta’ statistika jnaqqas l-għażliet għall-implimentazzjoni ta’ miżuri adegwati għat-titjib fl-ugwaljanza;

5.  Jiddispjaċih li l-kwistjonijiet u l-perspettivi relatati mal-ġeneru mhumiex integrati sew fil-politiki u l-programmi għall-iżvilupp sostenibbli; ifakkar li n-nuqqas ta’ perspettivi relatati mal-ġeneru fil-politiki ambjentali jżid l-inugwaljanza tal-ġeneri, u jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi għall-integrazzjoni sistematika tal-ugwaljanza tal-ġeneru fil-livell internazzjonali, nazzjonali u reġjonali fil-politiki ambjentali;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal riċerka dwar il-ġeneri u l-ekonomija ekoloġika, kif ukoll il-kontribut tan-nisa għall-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet, servizzi u prodotti ekoloġiċi;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw u jippromwovu riċerka u studji speċifiċi dwar kif il-bidla għal ekonomija ekoloġika se taffettwa lin-nisa u l-irġiel f’diversi setturi, u dwar ir-rwol essenzjali tan-nisa fil-faċilitazzjoni tat-tranżizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw perspettiva tal-ġeneru fil-ħarsien ambjentali u fl-istudji ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali;

8.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti għal ftehim internazzjonali dwar definizzjoni komuni tal-ekonomija ekoloġika, ibbażata fuq il-pilastri tas-sostenibbiltà soċjali u ekoloġika; jenfasizza r-rwol sinifikanti tas-soċjetà ċivili, u b’mod speċjali tal-movimenti soċjali, l-organizzazzjonijiet ambjentali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, fid-definizzjoni tal-għanijiet u l-objettivi tal-ekonomija ekoloġika;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex b’mod sistematiku tinkludi perspettiva ta’ ugwaljanza tal-ġeneri fid-definizzjoni, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-politiki ambjentali fil-livelli kollha, inkluż l-iżvilupp lokali u reġjonali u l-attivitajiet tar-riċerka; jistieden lill-Kummissjoni tuża u tappoġġja l-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-kwistjonijiet tal-ġeneru bħala strument tal-governanza tajba;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala kwistjoni prinċipali fit-tfassil u n-negozjar ta’ regolamenti u programmi futuri għall-fondi strutturali tal-UE (il-FSE, il-FEŻR u l-PAK), speċjalment fil-qafas ta’ miżuri relatati mal-bidla lejn ekonomija ekoloġika;

11. Jinnota li l-enerġija rinnovabbli tista’ tiġi sfruttata f’żoni remoti u iżolati fejn m’hemmx elettriku, u li din tikkontribwixxi għall-produzzjoni ta’ enerġija li ma tniġġisx; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, lill-Istati Membri biex jiżviluppaw faċilitajiet biex jisfruttaw l-enerġija rinnovabbli u favorevoli għall-ambjent permezz tal-użu tal-FEŻR u tal-FSE; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, aktar innovazzjoni u aktar parteċipazzjoni tan-nisa u tal-irġiel fl-iżvilupp ta’ enerġija u arkitettura rinnovabbli u favorevoli għall-ambjent;

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-kampanji ta' informazzjoni tagħha, toħloq kuxjenza dwar l-importanza tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u dwar l-effetti pożittivi ta’ politiki ambjentali li jkunu sensittivi għal kwistjonijiet relatati mal-ġeneru;

Konsum sostenibbli

13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw l-ugwaljanza tal-ġeneri fl-oqsma kollha tal-politika ambjentali u fil-livelli kollha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi; jispjega li dawn il-miri għandhom jitwettqu f’konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili;

14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jibdew japplikaw indikatur ġdid tat-tkabbir soċjali u li jiffavorixxi l-klima, li jinkludi aspetti mhux ekonomiċi tal-benessri u jkun orjentat prinċipalment fuq kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp sostenibbli bħall-ugwaljanza tal-ġeneru, it-tnaqqis tal-faqar u t-tnaqqis fil-livell ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra;

15. Jinnota li l-ħidma biex jiġu sodisfati l-ħtiġijiet leġittimi taċ-ċittadini għall-akkomodazzjoni, l-ikel, il-provvisti, l-enerġija u l-impjiegi trid dejjem issir b’mod li l-ekosistemi jiġu preservati u li jillimita t-tibdil fil-klima, filwaqt li r-riżorsi tad-dinja jintużaw b'mod konsistenti mad-drittijiet tal-bniedem, li jwassal għal aktar ugwaljanza u allokazzjoni msejsa fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza ambjentali;

16. Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li t-tfal u t-tfal tat-tfal igawdu kundizzjonijiet tal-għajxien tajba u li l-iżvilupp ekonomiku jissodisfa l-ħtiġijiet attwali mingħajr ma jikkomprometti l-ġenerazzjonijiet ġejjiena;

17. Jenfasizza li l-PDG huwa biss kejl tal-produzzjoni u ma jkejjilx is-sostenibilità ambjentali, l-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-inklużjoni soċjali jew l-iżvilupp soċjali b’mod ġenerali; jitlob li jiġi żviluppati indikaturi ġodda li jkunu ċari u jistgħu jitkejlu li jikkunsidraw il-bidliet fil-klima, il-bijodiversità, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-ġustizzja soċjali;

18. Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki fiskali orjentati lejn ekonomija ekoloġika, parzjalment billi jiffissaw il-prezz tal-impatt ambjentali u parzjalment billi jinvestu fondi biex jitħeġġu l-innovazzjonijiet ekoloġiċi u s-sistemi infrastrutturali sostenibbli;

19. Jemmen li l-fondi pubbliċi tal-UE għandhom jintużaw ħafna aktar għal użi kollettivi sostenibbli;

20. Jitlob li jiġu imposti kundizzjonijiet biex is-sussidji tal-UE jkunu limitati għal attivitajiet ta' benefiċċju għall-ambjent u li jiffavorixxu s-sostenibilità soċjali;

Trasport sostenibbli

21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu sistema ta’ trasport sostenibbli li tqis bl-istess mod il-bżonnijiet tat-trasportazzjoni tan-nisa u tal-irġiel, u li fl-istess ħin ikollha impatt żgħir fuq l-ambjent;

22. Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka l-finanzjament għar-riċerka, li hi lieva vitali, fuq proġetti għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tat-trasport innovattivi u sostenibbli;

23. Jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu l-impatt ambjentali u tal-enerġija tas-settur tat-trasport u jtejbu l-ugwaljanza billi jaħdmu biex jiżdied l-aċċess għal sistemi tal-IT u l-ippjanar effiċjenti tat-traffiku;

24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu ġerarkija tat-trasport li tindika b’mod ċar il-metodi tat-trasport li għandhom jingħataw prijorità, biex jintlaħqu l-miri ġenerali fir-rigward tal-ambjent u taċ-ċirkulazzjoni tat-traffiku;

25. Jitlob li qabel ma titfassal kwalunkwe ġerarkija tat-trasport tinġabar data tal-istatistika li tkejjel l-impatt ambjentali tal-mezzi ta’ trasport pubbliċi u privati fil-firxa sħiħa ta’ kuntesti lokali differenti, u jistieden lill-amministrazzjoni pubblika konċernata tagħti l-eżempju f’din il-ħidma;

26. Jistieden lill-Istati Membri jintegraw l-impatt tal-użu tat-trasport mill-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-awditjar tal-kontijiet pubbliċi li jwettqu l-awtoritajiet tal-awditjar rispettivi;

27. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw ix-xogħol mid-dar permezz ta’ inċentivi soċjali u fiskali, u billi jingħata qafas ġuridiku li jipproteġi l-ħaddiema;

28. Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu t-trasport pubbliku lokali b’mod sinifikanti billi jżidu l-kwantità u l-kwalità tas-servizzi tat-trasport, itejbu s-sikurezza, il-kumdità u l-aċċessibilità fiżika tal-mezzi u tal-faċilitajiet tat-trasport, u billi jipprovdu sistemi ta’ trasport integrati u addizzjonali, anke lejn bliet żgħar u nħawi rurali, biex b’hekk tissaħħaħ il-ħila tan-nisa, ta’ ersuni b’diżabilità u tal-anzjani li jivvjaġġaw, biex b’hekk igawdu aktar inkużjoni soċjali u titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom;

29. Jisħaq li l-investiment f’sistemi tat-trasport sostenibbli jrid iqis il-fatt li l-viżjoni tan-nisa u tal-irġiel ta’ ‘spazji pubbliċi’ hi differenti, u hija msejsa fuq valutazzjoni tar-riskju differenti, u dan ifisser li ambjenti sikuri fis-sistema tat-trasport għandhom ikunu prijorità, kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;

Benessri u impjiegi ekoloġiċi

30. Jinnota li l-impjiegi ekoloġiċi f’setturi bħall-agrikoltura, l-enerġija, it-trasport, il-konsum, ir-riċerka, it-teknoloġija, it-teknoloġija tal-informatika, il-kostruzzjoni u l-iskart għandhom importanza tassew kbira f’ekonomija ekoloġika;

31. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-intraprenditorjat tan-nisa fl-ekonomija ekoloġika billi jiffaċiliataw l-aċċess tagħhom għaliha, billi jiddistribwixxu data, jagħmlu workshops ta' taħriġ, u billi joħolqu miżuri biex jgħinu lin-nisa jiksbu bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-intraprenditorjat tan-nisa fl-iżvilupp tal-ħarsien ambjentali u ta’ teknoloġiji favorevoli għall-ambjent, pereżempju f’setturi bħall-enerġija rinnovabbli, l-agrikultura u t-turiżmu, u fl-iżvilupp ta' innovazzjonijiet ekoloġiċi, b'mod speċjali fis-settur tas-servizzi; Jinnota li l-enerġija rinnovabbli tista’ toħloq opportunitajiet ġodda ta’ impjieg għall-imprendituri nisa f’oqsma fejn ir-rata ta’ qgħad fost in-nisa hi partikolarment għolja;

32. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li n-nisa jgawdu kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, ikollhom aċċess għal livell diċenti ta’ kura tas-saħħa, edukazzjoni u akkomodazzjoni, u li jipparteċipaw b’leħen sod fi djalogi soċjali biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn l-impjiegi ekoloġiċi ġodda;

33. Jinnota li ekonomija sostenibbli tfisser "ekoloġija għal kulħadd", u toħloq xogħol deċenti u komunitajiet sostenibbli u tippermetti distribuzzjoni aktar ġusta tal-ġid;

34. Jinnota li mhux biss l-impjiegi ekoloġiċi iżda x-xogħol kollu b’impatt ambjentali baxx hu importanti f'ekonomija ekoloġika; jinnota li filwaqt li dan it-tip ta' xogħol jista' jinstab fis-settur privat, jeżisti wkoll fis-settur tal-benessri, bħal pereżempju l-iskejjel u s-servizzi tal-kura;

35. Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-ugwaljanza fir-rappreżentanza tan-nisa f’korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi kif ukoll fil-korpi u l-istituzzjonijiet maħtura mill-gvernijiet li jittrattaw id-definizzjoni, l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politiki ambjentali, enerġetiċi u tal-impjiegi ekoloġiċi, sabiex tiġi inkluża l-perspettiva tal-ġeneri; jistieden lill-Istati Mei jaħtru aktar nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali u fil-bordijiet tal-kumpaniji fis-settur tal-impjiegi ekoloġiċi; jisħaq li jekk mhux possibbli li din il-mira tintlaħaq fuq bażi volontarja, għandhom jittieħdu inizjattivi mmirati, bħat-twaqqif ta’ kwoti jew metodi oħra, biex jissaħħu l-ugwaljanza u d-demokrazija;

36. Jindika li l-bidla lejn ekonomija ekoloġika, u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju se joħolqu domanda kbira ta’ ħaddiema tas-sengħa; jirreferi għall-fatt li l-ħaddiema nisa huma sottorappreżentati ħafna fis-settur tas-sorsi rinnovabbli u speċjalment fl-impjiegi xjentifikament u teknoloġikament intensivi; jisħaq, għaldaqstant, li huwa importanti ħafna li l-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni biex iħeġġu għadd akbar ta’ nisa jagħżlu korsijiet u karrieri f’oqsma bħall-inġinerija, ix-xjenzi naturali, l-IT u oqsma oħra ta’ teknoloġija avvanzata, għax dawn se jkunu l-fokus ta’ ħafna impjiegi ekoloġiċi fil-ġejjieni;

37. Jistieden lill-Istati Membri jużaw u jiżviluppaw metodi li jinkoraġġixxu lin-nisa jagħżlu studji u karrieri fis-setturi tal-ambjent, tat-trasport u tal-enerġija, filwaqt li jiġu miġġielda b’mod determinat l-istereotipi li jiffavorixxu karrieri fix-xjenzi naturali u applikati għall-irġiel;

38. Jinnota l-ħtieġa li jiġi appoġġat u mħeġġeġ l-aċċess tan-nisa għall-mikrokreditu għal negozji żgħar.

39. Jistieden lill-Istati Membri jużaw u jiżviluppaw metodi li jinkoraġġixxu lill-irġiel biex jagħżlu studji u karrieri b’impatt ambjentali baxx fis-settur tal-benessri;

40. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw korsijiet ta’ taħriġ, permezz ta’ Programmi tal-Unjoni Ewropea bħall-FEŻR u l-FSE, imfassla biex jiffaċilitaw l-aċċess ta-nnisa għal impjiegi ekoloġiċi ġodda, u teknoloġiji emerġenti b’impatt ambjentali baxx, fis-settur privat kif ukoll dak pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ħaddiema nisa jkunu inklużi aktar fi proġetti ta’ taħriġ u programmi dwar it-trasformazzjoni ekoloġika, jiġifieri fis-settur rinnovabbli u f’impjiegi intensivi mil-lat ta’ xjenza u teknoloġija, u li jiffokaw fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ għan-nisa biex dawn jiksbu l-kompetenzi u l-kwalifiki meħtieġa biex jikkompetu fuq bażi ugwali mal-irġiel għall-impjiegi u għall-iżvilupp individwali tal-karriera; jinnota li l-irġiel għandhom aċċess aktar faċli għal mezzi avvanzati tal-produzzjoni agrikola u għat-teknoloġiji intraprenditorjali meħtieġa biex jiksbu pożizzjonijiet ta’ livell għoli fl-ekonomija ekoloġika;

41. Jinnota li biex in-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-ekonomija ekoloġika bl-istess kundizzjonijiet bħall-irġiel, jinħtieġu aktar ċentri għall-kura tat-tfal u tal-anzjani, huwa indispensabbli li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel ikunu jistgħu jikkonċiljaw il-ħajja familjari u professjonali, filwaqt li jkunu żgurati d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa; jindika li l-politiki u r-regolamenti għandhom jistinkaw biex jipprovdu appoġġ għas-sigurtà soċjali, l-ippjanar tal-familja u l-kura tat-tfal, u huwa biss jekk dawn il-ħtiġijiet jiġu sodisfati li n-nisa jkunu jistgħu jużaw il-kompetenza tagħhom u jikkontribwixxu s-sehem ugwali tagħhom f’ekonomiji ekoloġiċi ta’ suċċess;

42. Jinnota li l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija beda jiġi meqjus bħala mezz ta’ stimolu tal-iżvilupp ekonomiku, b’mod partikoli fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u tal-Istrateġija UE 2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw sforzi favur l-ekoloġizzar tal-ekonomija billi jinkoraġġixxu investimenti u programmi li jippromwovu l-innovazzjonijiet ekoloġiċi u l-impjiegi ekoloġiċi u li huma mmirati lejn dawk li għandhom bżonnhom l-aktar; jinsisti li l-perspettiva tal-ġeneru hija kruċjali biex jiġi evitat li l-inugwaljanzi ikomplu jikbru;

43. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġbru u janalizzaw data maqsuma skont il-ġeneru dwar id-distribuzzjoni ta’ riżorsi finanzjarji f’korrelazzjoni ma’ setturi diviżi skont il-ġeneri u innovazzjonijiet ekoloġiċi, u biex jiżviluppaw sabiex ikejlu l-effetti disaggregati potenzjali ta’ ekonomija ekoloġika fuq il-koeżjoni territorjali u soċjali; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw direzzjoni strateġika u sensiela ta’ strumenti biex jirreaġixxu b’mod effettiv għal tibdiliet potenzjali fil-livell ta’ impjegar u fl-istruttura tas-suq tax-xogħol;

Politika sostenibbli fir-relazzjonijiet internazzjonali

44. Jistenna li t-tranżizzjoni lejn indikaturi ekonomiċi usa’ u aktar sostenibbli, anke fil-politika tal-iżvilupp, għandha tippermetti li jitpoġġa aktar enfasi fuq l-objettivi soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li politiku u regolamenti speċifiċi se jiżguraw id-drittijiet tan-nisa għall-proprjetà u għal kontrol fuq ir-riżorsi naturali; jisħaq li jeħtieġ ikun promoss l-aċċess tan-nisa għas-servizzi u għat-teknoloġiji ġodda meħtieġa għall-ġestjoni u għall-operat ta’ skemi tal-enerġija u tal-ilma, intrapriżi tan-negozju u l-produzzjoni agrikola; jisħaq li jeħtieġ li n-nisa jinvolvu rwieħhom aktar fin-negozji u fit-tmexxija organizzattiva;

45. Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi bis-sħiħ u tindirizza l-effetti multipli tad-degradazzjoni ambjentali fuq l-inugwaljanzi, b’mod partikolari bejn in-nisa u l-irġiel, u biex tiżgura l-promozzjoni tad-drittijiet indaqs tan-nisa fit-tfassil ta’ proposti tal-politika ġodda fil-qasam tat-tibdil fil-klima u tas-sostenibbiltà ambjentali;

46. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw indikaturi biex jivvalutaw l-impatt tal-prġetti u l-programmi skont il-ġeneru, u biex jiffaċilitaw perspettiva tal-ġeneru u tal-ugwaljanza fi strateġiji ambjentali għall-kisba ta’ ekonomija ekoloġika;

47. Jistieden lill-Kummissjoni tkun partikolarment konxja li l-aċċess għall-ilma nadif hu importanti ħafna għall-bniet u n-nisa f’ħafna partijiet tad-dinja, għax ir-responsabbilità tal-ġarr tal-ilma aktarx tkun tagħhom; jisħaq li huwa importanti wkoll li jitħares l-għarfien indiġenu tan-nisa tal-ekosistemi lokali;

48. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-fatt li f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, iċ-ċans li n-nisa jidħlu f’postijiet tax-xogħol fl-ekonomija ekoloġika għadu limitat ħafna minħabba kundizzjonament soċjali u sistemi patrijarkali, u li għalhekk in-nisa ma għandhomx aċċess għall-informazzjoni, għat-taħriġ u għat-teknoloġiji meħtieġa biex jidħlu f’dan is-settur;

49. Jistieden lill-Kummissjoni tkun partikolarment konxja li biljuni ta’ nies huma totalment dipendenti mill-bijomassa għall-enerġija, u li nisa u tfal isofru minn problemi tas-saħħa għax jiġbru, jipproċessaw u jużaw il-bijomassa; jenfasizza għaldaqstant li jinħtieġu investimenti f’sorsi tal-enerġija rinnovabbli u aktar effiċjenti;

50. Jitlob li jitwettaq analiżi tal-impatt profonda, mill-perspettiva tal-klima, ġeneru u sostenibilità, tal-eżitu tal-ftehimiet kummerċjali multilaterali u bilaterali nnegozjati bejn l-UE u pajjiżi terzi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tawtorizza appoġġ espliċitu għall-immaniġġjar tat-tibdil fil-klima bħala parti mill-għajnuna kollha għall-kummerċ u kwalunkwe għajnuna għall-iżvilupp oħra rilevanti;

51. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa programmi għat-trasferiment tat-teknoloġiji moderni u tal-ħiliet esperti biex tgħin lill-pajjiiżi u r-reġjuni li qed jiżviluppaw jadattaw għall-bidliet ambjentali;

52. Jenfasizza li l-inugwaljanzi tal-ġeneru fir-rigward tal-aċċess għar-riżorsi, bħal pereżempju mikroself, kreditu, informazzjoni u teknoloġija, għandhom jitqiesu meta jiġu definiti l-istrateġiji biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima;

53. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)

(2)

http://www.unep.org/labour_environment/features/greenjobs-report.asp.

(3)

http://www.unwomen.org/wp-content/uploads/2011/11/Rio+20-UN-Women-Contribution-to-the-Outcome-Document.pdf.

(4)

.

(5)

http://www.wecf.eu/download/2011/March/greeneconomyMARCH6docx.pdf.

(6)

http://www.regeringen.se/content/1/c6/04/59/80/4edc363a.pdf.

(7)

Testi adottati, P7_ TA(2012)0145.

(8)

Testi adottati, P7_ TA(2012)0070.

(9)

Testi adottati, P7_ TA(2012)0069.

(10)

Testi adottati, P7_ TA(2011)0430.

(11)

ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 6-18.

(12)

ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 79-86.


NOTA SPJEGATTIVA

Dan ir-rapport iqis li ekonomija ekoloġika tfisser ekonomija sostenibbli, u dan jinkludi ekonomija sostenibbli f'termini soċjali u ekoloġiċi. Ovvjament dan ifisser ukoll ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Ekonomija ekoloġika jew sostenibbli hi sistema li tippreżerva l-kapaċità produttiva tal-ekosistema (it-tolleranza tal-pjaneta) filwaqt li toħloq soċjetà fejn il-ħtiġijiet umani bażiċi jintlaqgħu kollha. L-iżvilupp ekonomiku f’ekonomija ekoloġika għaldaqstant iseħħ f’kuntest ta’ dak li tittollera n-natura, u tiżgura distribuzzjoni ġusta bejn il-persuni, bejn in-nisa u l-irġiel, u bejn ġenerazzjoni u oħra.

Ekonomija ekoloġika tfisser li l-ħtiġijiet tal-pjaneta u tal-bniedem jingħataw l-ewwel prijorità, u li l-għan hu li jinħolqu soċjetajiet sostenibbli li jkun effiċjenti f'termini ta' enerġija kif ukoll f'saħħithom, u li kull persuna, indipendentement mill-ġeneru, età, kulur, orjentazzjoni sesswali, diżabilità jew twemmin, tista’ tipparteċipa fiha.

L-iżbilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi huwa kbir. Żbilanċ abbażi tal-ġeneru jdgħajjef il-leġittimità tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi għax id-demokrazija hija msejsa fuq uffiċjali eletti li jirrappreżentaw profil tal-popolazzjoni. Il-parteċipazzjoni indaqs fil-politika u fl-ekonomija ekoloġika hija essenzjali biex l-interessi tan-nisa jitqiesu bl-istess mod li bih jitqiesu l-interessi tal-irġiel attwalment. Biex jiġi indirizzat dan l-iżbilanċ, il-pajjiżi għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa, inklużi kwoti, biex jinkiseb bilanċ tal-ġeneru fil-politiki u fl-ekonomija ekoloġika.

Konsum sostenibbli

Is-sistema ekonomika attwali ma tqisx il-fatt li r-riżorsi naturali huma limitati. It-tkabbir kontinwu jitqies li hu inevitabbli. Madankollu dan jista' eventwalment iwassal biex is-sistema tikkollassa, għax kull prodott jew servizz magħmul jew ikkunsmat jirrikjedi estrazzjoni ulterjuri ta' diversi riżorsi naturali (ilma, enerġija, metalli, eċċ). Il-produzzjoni u l-konsum joħolqu emissjonijiet u forom ta’ tniġġis li, xi darba jew oħra, ser jispiċċaw fl-ekosistema tagħna. Il-ħila tal-ekosistema li tirreżisti kontra l-emissjonijiet, li tiġġestixxi u li tadatta ruħha għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu mhix infinita. Jekk dan il-limitu assolut jinqabeż, servizzi importanti tal-ekosistemi jistgħu jieqfu jipproduċu s-servizzi li huma l-pedament tal-eżistenza u tal-benessri tagħna. Biex nevitaw li jiġri dan, jeħtieġ nibdlu s-sistema ekonomika f’waħda fejn il-pass tal-estrazzjoni tar-riżorsi naturali jagħti lok għall-irkupru u l-produzzjoni ġdida.

Madankollu, ekonomija ekoloġika teħtieġ ukoll ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi umani u sostenibilità soċjali. Dan jirrikjedi, pereżempju, bilanċ aħjar bejn il-persuni foqra u dawk sinjuri, bejn l-irġiel u n-nisa. Illum, l-impatt fuq ir-riżorsi tad-dinja – il-marka ekoloġika tagħna – hi akbar sew fil-pajjiżi sinjuri milli fil-pajjiżi fqar. Jekk kulħadd kellu jgħix bħaċ-ċittadini tal-Isveżja, ikollna bżonn 3 dinjiet biex jipprovdu r-riżorsi meħtieġa. Dan l-iżbilanċ mhux raġonevoli.

Din is-sistema ekonomika twassal għal diversi tipi ta’ kriżijiet: kriżijiet finanzjarji, kollass tal-ekosistema, tibdil fil-klima, eċċ. Dawn min-naħa tagħhom iwasslu għal deterjorament tas-sistema tas-sigurtà u l-benessri. Meta s-soċjetà tintlaqat mill-kriżijiet, sikwit titnaqqas l-għajnuna soċjali, u dan ifisser inqas edukazzjoni, inqas kura tas-saħħa u kura soċjali, inqas pensjonijiet u nuqqas ta’ djar. Il-persuni li jkunu l-aktar milquta minn dan l-ekonomizzar huma l-foqra, li m’għandhomx il-possibilità li jkopru t-tnaqqis fid-dħul, l-assigurazzjonijiet privati, eċċ. 70 % mill-1.3 biljun persuna li jgħixu b’anqas minn dollaru kuljum huma nisa. Għaldaqstant il-kriżijiet ikabbru l-inugwaljanzi soċjali.

Min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tal-pajjiżi foqra, flimkien ma’ tkabbir fil-konsum u ma' prosperità miżjuda, huwa importanti sabiex jittejjeb il-bilanċ bejn il-pajjiżi u l-popolazzjonjiet. Ma nistgħux nimmaġinaw li għandu jkun hemm limitu għall-iżvilupp tal-pajjiżi l-aktar foqra. Biex tkun sostenibbli, ekonomija ekoloġika għandha tikkunsidra serjament il-kwistjoni tad-distribuzzjoni tal-ġid madwar id-dinja.

B’kunsiderazzjoni għad-differenza bejn ir-rwoli, id-drawwiet tal-konsum tal-irġiel u tan-nisa huma differenti, u għaldaqstant l-impatt ambjentali tagħhom huwa differenti wkoll. Pereżempju, l-irġiel jikkunsmaw aktar laħam u jsuqu aktar. Id-differenza fl-imġiba tal-irġiel u n-nisa fil-kuntest tal-konsum hi parti mill-ħolqien u mit-tisħiħ tal-identità tal-ġeneru tagħna. Sikwit il-konsum jitqies li jfisser kuntentizza, suċċess u xewqa, u għaldaqstant jirrappreżenta premju għall-konsumatur. Id-drawwiet tal-konsum mhumiex razzjonali, lanqas xejn. Id-drawwiet aktarx ikunu bbażati fuq pjaċir jew xewqa li wieħed jikseb ċertu tip ta' identità, li ħafna drabi hija relatata mas-sesswalità u mal-attributi tal-ġeneru.

Il-prodotti tal-konsum maskili ħafna drabi jikkunsmaw l-enerġija u huma relatati mat-teknoloġija. Min-naħa l-oħra, ħafna drabi huwa l-ilbies li jidher fuq nett tal-lista tax-xiri tan-nisa. Min-naħa l-oħra, ċerti differenzi bejn is-sessi fil-qasam tal-konsum huma marbuta mad-differenza fid-dħul. Ġeneralment l-irġiel jaqilgħu aktar flus min-nisa b’tali mod li huma għandhom aktar possibilitajiet ta’ konsum. Bis-saħħa ta’ żieda fid-dħul u fil-ġid, l-individwi ħafna drabi jonfqu flushom fuq prodotti li jiffrankaw il-ħin, għax il-ħin ma jinbidilx. Dan sikwit ikollu impatt fuq l-ambjent. Fil-valutazzjoni tal-prijoritajiet differenti, għalhekk il-ħin jiġi mqabbel mal-ispejjeż, u hekk kif l-ispejjeż tal-impatt ekoloġiku ma jaffetwawx il-persuna, l-għażla tirriżulta ġeneralment f’żieda fl-impatt ekoloġiku.

Teżisti fehma li n-nisa huma aktar sensittivi u favorevoli għall-ambjent mill-irġiel. L-adozzjoni ta’ dan it-tip ta’ approċċ lejn il-kwistjoni tad-differenzi fil-konsum bejn is-sessi hi problematika għax tnaqqas il-possibilità li tinstab soluzzjoni.

Meta nitkellmu dwar l-ekonomija ekoloġika u sostenibbli, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hi parti integrali tad-definizzjoni. L-ugwaljanza hi parti mil-kunċett ta' sostenibilità soċjali. Żball inerenti tal-ekonomija ta’ llum hi li xi prodotti u servizzi m’għandhom l-ebda valur. Dan huma kompiti li sikwit jagħmluhom in-nisa. Dawn jistgħu jinkludu l-kura tat-tfal, it-tisjir, il-biedja u t-trobbija tal-bhejjem, il-ġarr tal-ilma eċċ. Għaldaqstant, dawn il-kompiti huma ‘inviżibbli’ fl-ekonomija. Madankollu, in-nisa jerġgħu jinvestu l-parti l-kbira minn dak li jaqilgħu minn dan ix-xogħol mhux imħallas fil-komunità lokali. Għalhekk in-nisa għandhom rwol importanti, u dan ir-rwol għandu jsir aktar viżibbli. Għaldaqstant hu meħtieġ l-ippjanar tal-familja, aktar faċilitajiet tal-kura tat-tfal u kondiviżjoni tat-trobbija tat-tfal biex in-nisa ikollhom aktar ħin biex jipparteċipaw fl-iżvilupp soċjali.

Attwalment ħafna nisa jinsabu maqbuda f’sistemi patrijarkali li fihom id-drittijiet tan-nisa huma inferjuri għal dawk tal-irġiel. Pereżempju, huma ma jistgħux ikunu sidien tal-art, jissellfu l-flus, ikollhom aċċess għar-riżorsi naturali, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa jew għal soluzzjonijiet teknoloġiċi varji. Din hija sistema li ma tippermettix lin-nisa li joħorġu minn din is-sitwazzjoni.

Trasport sostenibbli

Importanti li tinħoloq sistema tat-trasport sostenibbli li tqis bl-istess mod il-ħtiġijiet tat-trasportazzjoni tan-nisa kif ukoll tal-irġiel, u li fl-istess ħin ma jkollhiex daqstant impatt fuq l-ambjent. L-Istati Membri jridu jnaqqsu l-impatt ambjentali u enerġetiku tas-settur tat-trasport u jtejbu l-ugwaljanza billi jaħdmu biex jitjieb l-aċċess għal sistemi tal-IT u għal ippjanar effiċjenti mil-lat ta’ traffiku. Aċċess aħjar għall-IT jagħtina lok li nikkomunikaw mingħajr ma jkollna niċċaqilqu minn post għall-ieħor. L-ippjanar komunitarju jippermetti li s-soċjetà tagħmel l-insedjamenti aktar kompatti u tisfrutta soluzzjonijiet favorevoli għall-ambjent, u dan iwassal għal sistemi tat-trasport aktar effiċjenti u għal soċjetà effiċjenti mil-lat ta' enerġija. Jikber l-ammont ta’ nies li jkunu jistgħu jimxu minn post għal ieħor jew inkella jużaw ir-roti, u dan jiffavorixxi l-mezzi tat-trasport tan-nisa kif ukoll ta' dawk li għandhom dħul baxx.

Għal żmien twil, ħafna qablu fil-prinċipju li neħtieġu sistema tat-trasport aktar sostenibbli. Iżda fil-prattika, ma tantx sar tibdil. Għaldaqstant wasal iż-żmien li nintroduċu ġerarkija tat-trasport li tindika b’mod ċar liema mezzi tat-trasport għandhom jingħataw prijorità biex jinkisbu l-miri ġenerali ambjentali u tat-traffiku. Il-ġerarkija tat-trasport tassumi li meta n-nies ikollhom problema tat-trasport jew tal-komunikazzjoni xi jsolvu, l-azzjonijiet tagħhom isegwu din l-ordni stabbilita: 1) IT u broadband 2) Ippjanar effiċjenti mil-lat ta’ traffiku 3) Traffiku ta’ min jimxi jew qed isuq roti 4) Servizzi tat-trasport pubbliku bħall-karozzi tal-linja, trammijiet u servizzi ferrovjarji li jużaw karburanti rinnovabbli jew alternattivament vetturi tat-trasport pubbliku li jużaw karburanti fossili 5) Vjaġġar bil-baħar 6) Traffiku bit-toroq.

Waħda mill-miżuri prinċipali li għandhom jittieħdu bil-ħsieb li nimxu lejn ekonomija ekoloġika tikkonsisti fit-tisħiħ radikali tat-trasport komuni lokali u reġjonali, biex b’hekk tittejjeb il-ħajja ta’ kuljum tan-nisa u l-possibiltajiet tagħhom li jivvjaġġaw. Sistema msaħħa tat-trasport pubbliku tippermetti wkoll lill-irġiel jagħmlu aktar użu minn sistemi tat-trasport ekoloġikament sostenibbli, li hu żvilupp pożittiv minħabba li aktar u aktar irġiel qed ibiddlu l-imġiba u t-tradizzjoni li jużaw il-karozza daqs kemm jużawha llum. Dan ix-xogħol irid iqis il-fatt li l-viżjoni tan-nisa u tal-irġiel ta’ ‘spazji pubbliċi’ hi differenti u msejsa fuq valutazzjonijiet differenti tar-riskji. Għalhekk jaqbel li fis-sistema tat-trasport jitneħħew il-postijiet perikolużi, bħal mini u passaġġi mudlama, bil-għan li jiżdied is-sens ta’ sikurezza tan-nisa.

Il-benessri u l-impjiegi ekoloġiċi

Is-suq tax-xogħol bħalissa mhux l-istess għan-nisa u l-irġiel. Jeżisti riskju li –nnisa se jkunu sottorappreżentati f’impjiegi ekoloġiċi ġejjiena. Għaldaqstant jeħtieġ li n-nisa jkunu jistgħu jkollhom impjiegi ekoloġiċi fis-settur tat-trasport, kostruzzjoni, manifattura, eċċ. Importanti li fil-pajjiżi kollha, l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-impjiegi ekoloġiċi jenfasizzaw l-ugwaljanza tal-ġeneri.

Il-kunċett ta’ impjiegi ekoloġiċi jinkludi impjiegi amministrattivi u impjiegi kemm fis-settur privat kif ukoll pubbliku li huma ta’ benefiċċju għall-ambjent, jew li għandhom impatt ambjentali baxx. Dawn huma oqsma fejn attwalment in-nisa jiġu impjegati aktar mill-irġiel, u dan għandu jwassal għall-miżuri biex jiżdied il-proporzjon tal-irġiel f’dawn is-setturi. Dawn l-impjiegi jistgħu jinkludu impjiegi amministrattivi u governattivi iżda jistgħu jinkludu wkoll diversi impjiegi fl-iskejjel u f’servizzi tal-kura.

L-edukazzjoni dejjem kellha rwol importanti bħala pedament għall-iżvilupp tal-komunità. Għalhekk huwa importanti li l-edukazzjoni tiġi adatta għall-iżvilupp soċjali. Huwa importantissmu li nedukaw il-ġenerazzjonijiet attwali u ġejjiena dwar it-tifsira ta' soċjetà sostenibbli u dak li tinvolvi, biex immexxu 'l quddiem l-iżvilupp sostenibbli. F’dan ir-rigward nistgħu nsemmu l-għarfien, kif ukoll il-valuri bħad-demokrazija, l-ugwaljanza, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif ukoll ir-rispett tan-natura.

Politika sostenibbli fir-relazzjonijiet internazzjonali

Il-pajjiżi l-inqas żviluppati għandhom potenzjal kbir li jirnexxilhom jiżviluppaw, saħansitra li jkunu fuq quddiem lejn, ekonomija ekoloġika. Dan għaliex huma diġà għandhom ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, u stil ta’ ħajja li ma jaffettwax l-ambjent u lill-klima daqs kemm taffettwah id-dinja żviluppata. It-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika tirrikjedi riformi politiċi u strumenti tal-politika, mekkaniżmi ta’ finanzjament u regolamenti kummerċjali. Fortunatament, f’ħafna minn dawn il-pajjiżi qed jittieħdu deċiżjonijiet li importanti u korretti f’direzzjoni tajba lejn il-kisba tal-għan ta' ekonomija ekoloġika. Ħafna pajjiżi bi dħul baxx jew medju żviluppaw aktar u aktar sistemi tat-taxxi li jintaxxaw attivitajiet u prodotti perikolużi għall-ambjent. Sfortunatament, ħafna investiment barrani jsir f’attivitajiet li jipperikolu l-ambjent, bħall-estrazzjoni taż-żejt, tal-gass u tal-minerali, filwaqt li l-investiment fl-industriji tal-manifattura u fi proġetti infrastrutturali sostenibbli li huma importanti għall-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi huwa żgħir wisq. Pass importanti hu li d-direzzjoni tal-investiment titressaq lejn proġetti sostenibbli, jiġifieri konformi mal-orjentament lejn ekonomija ekoloġika. F’dan ir-rigward, il-politika tal-iżvilupp tal-UE għandha rwol importanti fit-tmexxija lejn objettivi soċjali u ambjentali.

Dan ix-xogħol ta’ adattament għandu jippermetti lil dawn il-pajjiżi biex ikollhom aċċess għall-ħtiġijiet teknoloġiċi li jirriżultaw minn tranżizzjoni lejn ekonomija li tikkonsma anqas diossidu tal-karbonju u li tirrispetta anqas l-ambjent. Dan jirrigwarda b’mod ewlieni t-teknoloġija li tiffaċilita x-xogħol fis-setturi tal-agrikultura u tal-forestrija, it-trobbija tal-bhejjem, il-provvista tal-enerġija, ir-rimi u t-trasport tal-iskart. Ħafna minn dawk l-oqsma huma ġestiti min-nisa. Il-faċilitazzjoni tax-xogħol f’dawn is-setturi jista’ jtejjeb il-qagħda tan-nisa billi tagħtihom lok għal ħin liberu li jista’ jintuża għall-parteċipazzjoni soċjali u għall-kura tal-benessri tagħhom stess.

Is-sisien tal-opportunitajiet tal-aċċess u l-iżvilupp tat-teknoloġija huma l-innovazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni. L-iżvilupp u l-assorbiment ta’ teknoloġija ekoloġika għall-użu fid-dar u finalment għall-esportazzjoni lejn id-dinja żviluppata, u l-adattament għaliha, jirrikjedu kooperazzjoni, kollaborazzjoni, riċerka u żvilupp internazzjonali. Importanti wkoll, f’dan ir-rigward, li jkun limitat it-tul ta’ żmien tal-brevetti u li jkun faċilitat użu aħjar tat-teknoloġiji u tal-innovazzjonijiet li huma disponibbli diġà.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

10.7.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Češková, Marije Cornelissen, Edite Estrela, Iratxe García Pérez, Zita Gurmai, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Silvana Koch-Mehrin, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Antonyia Parvanova, Raül Romeva i Rueda, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Marc Tarabella, Britta Thomsen, Angelika Werthmann, Marina Yannakoudakis, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Mariya Gabriel, Kent Johansson, Christa Klaß, Mojca Kleva, Kartika Tamara Liotard, Ana Miranda

Avviż legali - Politika tal-privatezza