RAPPORT dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd – Komunikazzjoni Ġenerali

    23.7.2012 - (2011/2290(INI))

    Kumitat għas-Sajd
    Rapporteur: Nikolaos Salavrakos


    Proċedura : 2011/2290(INI)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A7-0253/2012

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd – Komunikazzjoni Ġenerali

    (2011/2290(INI))

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra l-Ftehim tal-1995 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokk ta’ Ħut li hu Komuni f’Aktar minn Żona Waħda u Stokk ta’ Ħut li hu Migratorju Ħafna (“Il-Ftehim ta’ New York” tal-4 ta’ Awwissu 1995),

    –   wara li kkunsidra l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO għas-Sajd Responsabbli, adottata fil-31 ta’ Ottubru 1995,

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2002 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-Politika Komuni tas-Sajd[1],

    –   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni li saret fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar mis-26 ta’ Awwissu sal-4 ta’ Settembru 2002 f’Johannesburg,

    –   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd[2],

    –   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “It-twettiq tas-sostenibilità tas-sajd fl-UE permezz tar-rendiment massimu sostenibbli” (COM(2006)0360) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar it-twettiq tas-sostenibilità tas-sajd fl-UE abbażi tal-ogħla rendiment sostenibbli[3],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2007 dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq fis-settur tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura[4],

    –   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta' ħut fis-sajd Ewropew” (COM(2007)0136) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-31 ta’ Jannar 2008 dwar politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta’ ħut fis-sajd Ewropew[5],

    –   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 12/2011 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat "Il-miżuri tal-UE kkontribwixxew għall-adattament tal-kapaċità tal-flotot tas-sajd għal opportunitajiet ta' sajd disponibbli?",

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)[6],

    –   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-PKS fl-implimentazzjoni tal-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tal-ibħra (COM(2008)0187) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta’ Jannar 2009 dwar il-PKS u l-approċċ tal-ekosistema għat-treġija tas-sajd[7],

    –   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Settembru 2008 intitolata 'Strateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima: Qafas koerenti ta' Żona Ewropea ta' Riċerka b'appoġġ ta' użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra' (COM(2008)0534) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Frar 2009 dwar ir-riċerka applikata li jkollha x’taqsam mal-politika komuni tas-sajd[8],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009 dwar 'Il-Governanza fil-PKS: il-Parlament Ewropew, il-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali u atturi oħra'[9],

    –   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar ir-rwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona[10],

    –   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu, "Il-bini ta' futur sostenibbli għall-akkwakultura - Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea" (COM(2009)0162),

    –   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-22 ta’ April 2009 dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2009)0163),

    –   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Frar 2010 dwar il-Green Paper dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd[11],

    –   wara li kkunsidra l-objettiv Nru 6 ta’ Aichi tal-Protokoll ta’ Nagoya, ippubblikat wara s-Samit ta’ Nagoya dwar il-Bijodiversità, li sar bejn it-18 u d-29 ta’ Ottubru 2010,

    –   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2011għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2011)0425) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-proposta (SEC(2011)0891),

    –   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu, “Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd” (COM(2011)0417),

    –   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (COM(2011)0804),

    –   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (COM(2011)0416),

    –   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2011)0424),

    –   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Obbligi tar-Rappurtar skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (COM(2011)0418),

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2012 dwar il-kontribut tal-politika komuni tas-sajd għall-produzzjoni ta’ beni pubbliċi[12],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar il-kriżi fis-settur Ewropew tas-sajd minħabba ż-żieda fil-prezz taż-żejt[13],

    –   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata ‘Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp kif ukoll tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0253/2012),

    A. billi din hija l-ewwel darba fl-istorja tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) li l-Parlament qed jaġixxi bħala koleġiżlatur fit-twaqqif ta’ PKS riformata;

    B.  billi l-industrija tas-sajd hija ta’ importanza strateġika f’termini tal-provvista pubblika tal-ħut u l-bilanċ tal-ikel f’diversi Stati Membri u fl-Unjoni Ewropea stess, u billi din tikkontribwixxi b’mod konsiderevoli għall-benessri soċjoekonomiku fil-komunitajiet kostali, l-iżvilupp lokali, l-impjiegi, il-preservazzjoni u l-ħolqien tal-attivitajiet ekonomiċi upstream u downstream u l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali lokali;

    C. billi, minkejja ċerta progress li sar wara r-reviżjoni fl-2002, il-komunikazzjoni attwali tfakkar li l-PKS preċedenti naqset milli tilħaq uħud mill-objettivi ewlenin: sar sajd żejjed f’ħafna stokkijiet; is-sitwazzjoni ekonomika ta’ partijiet mill-flotta tal-UE hija fraġli minkejja s-sussidji; l-impjiegi fis-settur tas-sajd qed jintilfu u m'għadhomx attraenti, speċjalment għaż-żgħażagħ li jibdew jaħdmu f'dan is-settur, u s-sitwazzjoni ta’ ħafna komunitajiet kostali li jiddependu fuq is-sajd u l-akkwakultura hija prekarja;

    D. billi l-PKS preċedenti kellha madanakollu xi impatti pożittivi għaliex ippermettiet l-irkupru ta’ xi stokkijiet u l-ħolqien tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs);

    E.  billi huwa essenzjali li l-politika komuni tas-sajd (PKS) issegwi approċċ għas-settur tas-sajd li jqis il-livelli bijoloġiċi, ekoloġiċi, u d-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali (it-tliet pilastri tar-riforma PKS) sabiex dejjem ikun hemm kompromess bejn l-istat ta’ riżorsi eżistenti fid-diversi żoni marittimi u l-protezzjoni tan-nisġa soċjoekonomika tal-komunitajiet kostali li jiddependu fuq sajd qrib il-kosta biex jiggarantixxu l-impjiegi u l-prosperità;

    F.  billi l-Unjoni Ewropea tirrappreżenta madwar 4.6 % tas-sajd globali u l-produzzjoni tal-akkwakultura, li jagħmilha r-raba’ l-akbar produttur fid-dinja; billi, madankollu, l-UE timporta iktar minn 60 % tal-ħut li tikkonsma;

    G. billi, minkejja n-nuqqas rikonoxxut ta' dejta xjentifika, il-Kummissjoni tikkalkula li 75 % tal-istokkijiet tal-ħut tal-UE huma sfruttati żżejjed, li aktar minn 60% tal-istokkijiet fl-ilmijiet Ewropej huma mistada lil hinn mir-rendiment massimu sostenibbli (MSY), u li l-UE qed titlef madwar EUR 1.8 biljun fis-sena fi dħul potenzjali minħabba l-falliment tagħha li tamministra s-sajd b’mod sostenibbli;

    H. billi minkejja li ċerti industriji tas-sajd tal-UE huma akkreditati bħala sostenibbli li juri li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet governattivi, l-industrija tas-sajd u partijiet interessati oħra tista’ tikseb riżultati sodisfaċenti;

    I.   billi, skont il-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill qabżu r-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi b’medja ta’ 47 % mill-2003, u attwalment 63 % tal-istokkijiet stmati fl-Atlantiku huma mistada żżejjed, bħalma huma 82 % ta’ dawk fil-Mediterran u 4 minn 6 ta’ dawk fil-Baltiku;

    J.   billi, għalkemm l-industrija tas-sajd tal-UE tilfet 30 % tal-impjiegi tagħha bejn l-2002 u l-2007 minħabba l-istat ħażin tal-istokkijiet tal-ħut, l-inżul fil-prezzijiet ikkawżat minn importazzjonijiet irħas, u l-avvanzi teknoloġiċi, is-settur tas-sajd (inkluż l-akkwakultura) xorta hu stmat li ġġenera EUR 34.2 biljun fi qligħ annwali f'dak il-perjodu, u joħloq aktar minn 350 000 impjieg kemm upstream kif ukoll downstream fis-setturi tas-sajd, tal-ipproċessar tal-ħut u tat-tqegħid fis-suq, b’mod partikolari fiż-żoni kostali, ir-reġjuni mbiegħda u l-gżejjer, fejn qed jipproduċi 'prodotti għall-pubbliku' li għadhom mhux qed jiġu kkunsidrati; billi, minkejja t-telf tal-impjiegi, il-kapaċità tal-flotta tas-sajd żdiedet sew minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi;

    K. billi d-dejta disponibbli dwar il-kapaċità tal-flotta tas-sajd Ewropea mhix affidabbli minħabba li ma ġewx ikkunsidrati l-iżviluppi teknoloġiċi u l-Istati Membri qed jonqsu milli jirrappurtaw dejta preċiża dwar il-kapaċitajiet tal-flotta;

    L.  billi d-dħul u l-pagi tan-nies li jaħdmu fl-industrija tas-sajd mhumiex siguri minħabba l-mod li bih jiġi kkumerċjalizzat is-sajd, il-mod li bih jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-ewwel bejgħ u l-karatteristiċi irregolari tas-sajd, li jfisser li hemm bżonn li jinżamm finanzjament pubbliku nazzjonali u tal-UE xieraq għal dan is-settur;

    M. billi l-flotot artiġjanali u dawk fuq skala żgħira, fuq naħa, inkluż dawk involuti f'sajd għall-molluski u attivitajiet oħra tradizzjonali u estensivi tal-akwakultura, u flotot ta' skala ikbar ta' natura industrijali, fuq l-oħra għandhom karatteristiċi differenti ferm, kif fil-fatt għandhom flotot f'partijiet differenti tal-UE irrispettivament mid-daqs tal-bastiment; billi, għaldaqstant strumenti u problemi ta’ ġestjoni xierqa ma jistgħux jiġu inkorporati f’mudell uniformi, u għalhekk flotot differenti għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti;

    N. billi r-riforma tal-PKS għandha tiżgura s-sopravivenza u l-prosperità futura tal-flotot tas-sajd artiġjanali u fuq skala żgħira kif ukoll dawk taż-żoni kostali, inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda, li jiddependu ferm fuq is-sajd u li jistgħu jeħtieġu appoġġ soċjoekonomiku tranżitorju skont il-PKS il-ġdida, mingħajr ma jżidu l-kapaċità totali tal-flotta;

    O. billi huwa meħtieġ li r-rappreżentanti tas-setturi tal-flotot industrijali u ta’ skala żgħira u tal-akkwakultura jkunu involuti fid-definizzjoni u l-iżvilupp tal-PKS il-ġdida;

    P.  billi n-nisa għandhom rwol fundamentali fis-settur tal-ipproċessar u l-akkwakultura, fl-eżerċizzju tal-kompiti anċillari ta’ ġestjoni u dawk amministrattivi, kif ukoll fil-ġbir tal-molluski; billi dawn huma wkoll, għalkemm fuq skala iżgħar, attivi fis-settur tal-qbid; billi, madankollu, il-kontribut importanti tagħhom ħafna drabi ma jiġix rikonoxxut u ppremjat kif xieraq;

    Q. billi t-Trattat ta' Lisbona jitlob li niżguraw koerenza fil-politiki tal-Unjoni, inkluż fir-riforma tal-PKS;

    R.  billi l-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura għandhom rwol sinifikanti fid-dieta tal-bniedem, kemm fl-Ewropa u madwar id-dinja, bħala sors ta’ ikel bnin b’ħafna proteini;

    S.  billi jeħtieġ li t-tfal tal-iskola jiġu mgħallma minn età żgħira dwar il-varjetà wiesgħa ta’ speċijiet ta’ ħut disponibbli u dwar l-istaġuni ta’ dawn l-ispeċijiet;

    T.  billi jeħtieġ li l-konsumaturi jiġu infurmati b’mod kontinwu bil-varjetà wiesgħa ta’ speċijiet disponibbli, sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq ċerti stokkijiet;

    U. billi l-PKS għandha tkun responsabbli għall-finanzjament tal-ispejjeż tagħha, b'mod partikolari d-deċiżjonijiet u l-miżuri adottati skont il-parametri tagħha;

    GĦANIJIET TAR-RIFORMA

    I − Is-sostenibbiltà ambjentali

    Miżuri għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar

    1.  Iqis li l-objettiv ewlieni ta’ kwalunkwe politika tas-sajd huwa li jiżgura l-provvista tal-ħut lill-pubbliku u l-iżvilupp tal-komunitajiet kostali, il-promozzjoni tal-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-professjonisti tas-sajd, f'qafas li jiggarantixxi s-sostenibbiltà u l-konservazzjoni tajba tar-riżorsi;

    2.  Iqis li l-politika komuni tas-sajd (is-settur tal-sajd estrattiv u l-akkwakultura) teħtieġ riforma profonda u ambizzjuża jekk l-UE trid tiżgura s-sostenibbiltà fuq perjodu twil, li huwa prerekwiżit sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika u soċjali tas-settur tas-sajd tal-UE; isostni li l-politika riformata għandha tiġi koordinata iktar mill-qrib ma’ politiki Ewropej oħra bħall-politika ta’ koeżjoni, il-politika dwar l-ambjent, il-politika agrikola u l-politika esterna, u li l-ftehimiet internazzjonali fil-ġejjieni dwar is-sajd sostenibbli għandhom ikunu konsistenti magħha; ifakkar f'dan ir-rigward, f'l-importanza ta’ strumenti bħall-politika marittima integrata jew l-approċċ makro-reġjonali li jistgħu joffru livell ta’ integrazzjoni iktar mill-qrib;

    3.  Jenfasizza li kwalunkwe politika tas-sajd għandha tqis varjetà ta’ dimensjonijiet ­ soċjali, ambjentali u ekonomiċi ­ li jirrikjedu approċċ integrat u bbilanċjat li jkun inkompatibbli ma’ viżjoni li toħloq ġerarkija bbażata fuq definizzjonijiet ta’ prijoritajiet a priori;

    4.  Jenfasizza li s-settur tas-sajd estrattiv u tal-akwakultura tal-UE, jekk ġestit sew fuq il-bażi ta' sostenibbiltà globali, jista' jagħti kontribut akbar għall-ħtiġijiet tas-soċjetà Ewropea f'termini ta' sigurtà u kwalità tal-ikel, impjiegi, ħarsien ambjentali u ż-żamma ta' sajd dinamiku u varjat kif ukoll tal-komunitajiet kostali;

    5.  Jirrikonoxxi li s-sajd, għal diversi ġenerazzjonijiet, ipprovda impjiegi għal komunitajiet numerużi, ħafna drabi ekonomikament fraġli, madwar il-kosta Ewropea; iqis li dawn il-komunitajiet kollha, irrispettivament mid-daqs, għandhom jiġu mħarsa taħt il-politika tas-sajd Ewropea u li għandha tinżamm il-konnessjoni storika bejn il-komunitajiet u l-ilmijiet li fihom storikament stadu;

    6.  Jemmen li, bl-applikazzjoni tal-kunċett tal-kundizzjonalità, għandhom jiġu offruti inċentivi lil dawk li jistadu, jew jiġbru l-molluski, li jużaw tagħmir tas-sajd u metodi ambjentalment sostenibbli, b'impatt baxx u selettiv, sabiex jiżguraw l-użu mifrux ta' dawn it-tipi ta' prattiki tas-sajd u l-iżvilupp sostenibbli tal-komunitajiet kostali; iqis li l-industrija tas-sajd għandu jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' metodi tas-sajd sostenibbli, u li l-inċentivi kollha għandhom ikunu offruti f'livell li jkun qrib tal-partijiet interessati u b'kooperazzjoni mas-sajjieda u ma' partijiet interessati oħra; jinnota li dan jinkludi l-għoti ta’ appoġġ għal ekotikketta volontarja tal-UE, li tista’ tiġi ddelegata lil korpi ta' ċertifikazzjoni eżistenti, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda u l-produtturi kemm barra minn kif ukoll ġewwa l-UE

    7.  Jinsab konvint li r-riforma tal-PKS għandha tistabbilixxi l-istrumenti adattati u effettivi biex issostni l-ġestjoni tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistemi; jemmen, għalhekk, li l-pjanijiet ta’ ġestjoni multiannwali għandhom iqisu dan l-approċċ ekosistemiku; huwa tal-opinjoni li hemm bżonn li tintemm din is-sitwazzjoni ta’ impass istituzzjonali fir-rigward ta’ dawn il-pjanijiet ta’ ġestjoni multiannwali u li għandha tiġi applikata l-proċedura leġiżlattiva ordinarja; iqis, barra minn hekk, li s-setgħat mikroġestjonali għandhom jgħaddu għand l-Istati Membri li jikkooperaw fuq bażi reġjonali;

    8.  Itenni li l-iżvilupp kollu fiż-żoni marittimi u kostali għandu jikkonforma mal-leġiżlazzjoni ambjentali bħad-direttiva Qafas dwar Strateġija Marittima u d-direttivi dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità, għaliex stat ambjentali tajjeb għandu jkun prerekwiżit għall-attivitajiet kollha fir-reġjuni marittimi u kostali;

    9.  Jenfasizza li l-PKS għandha tapplika l-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd u tiżgura li l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jreġġa' lura u jżomm popolazzjonijiet tal-istokkijiet kollha ta' speċijiet mistada f'livelli 'l fuq minn dawk li jistgħu jagħtu rendiment massimu sostenibbli (MSY); jenfasizza li skeda ċara, inkluż skadenza finali, għandha tkun stabbiliti fir-regolament bażiku; jenfasizza li l-provvista ta' riżorsi ekonomiċi xierqa għall-implimentazzjoni tal-PKS hi meħtieġa biex gradwalment tnaqqas is-sajd eċċessiv fejn dan ikun ippruvat u tintlaħaq konservazzjoni sostenibbli tal-istokk, li tkun teħtieġ dejta xjentifika affidabbli;

    10. Jemmen li għandu jiġi implimentat immedjatament l-objettiv tal-Ogħla Rendiment Sostenibbli fuq il-bażi tal-mortalità tas-sajd (FMSY), peress li dan jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tal-istokkijiet fid-direzzjoni t-tajba; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw dan l-objettiv b’mod operazzjonali, fuq il-bażi ta’ dejta xjentifika soda u b’kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi;

    11. Jenfasizza, madankollu, id-diffikultajiet involuti fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-MSY, b’mod partikolari fil-każ ta’ sajd imħallat jew fejn id-dejta xjentifika dwar l-istokkijiet tal-ħut ma tkunx disponibbli jew ma tkunx affidabbli; jitlob, għalhekk, għall-ammonti xierqa allokati għar-riċerka xjentifika u l-ġbir tad-dejta bl-għan li tkun implimentata politika tas-sajd sostenibbli;

    12. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi għat-twaqqif ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni fit-tul (LTMPs) għall-industriji tas-sajd kollha tal-UE ibbażati fuq approċċ ekosistemiku, b’għanijiet definiti b’mod ċar u fejn ir-regoli għall-kontroll tal-ġbir ikollhom rwol kruċjali f’kull pjan, u li fuq il-bażi tagħhom jiġu stabbiliti regoli għad-determinazzjoni tal-isforz annwali tal-industrija tas-sajd b’kunsiderazzjoni tad-differenza bejn id-daqs attwali tal-istokk u l-istruttura tal-industrija tas-sajd u l-għan tal-istokk fil-mira; iħeġġeġ lill-Kunsill, f’dan ir-rigward, sabiex isegwi l-objettivi tal-LTMPs mingħajr eċċezzjoni;

    13. Jenfasizza l-konnessjoni diretta bejn il-ħut mormi, il-qbid inċidentali mhux mixtieq u s-sajd żejjed, u jifhem il-motivazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-ħtieġa li tiġi żviluppata politika effiċjenti tal-abolizzjoni tar-rimi fuq livell tal-UE fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (CFCA) għandu jkollha setgħat akbar sabiex tiżgura sistema ġusta ta’ regoli u sanzjonijiet bi qbil mal-prinċipju tat-trattament indaqs;

    14. Jipproponi għalhekk li issir obbligatorja id-dokumentazzjoni komprensiva tal-kwantitajiet ta’ speċijiet li jinqabdu 'il fuq minn ċerta volum u li ma jitniżżlux l-art u dan sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tar-riċerka xjentifika u jkun jista’ jsir żvilupp ta’ tagħmir selettiv għall-bastimenti b'għarfien sħiħ tal-fatti;

    15. Jemmen li l-eliminazzjoni gradwali tar-rimi għandha tkun ibbażata fuq is-sajd u tiddependi fuq il-karatteristiċi u r-realtajiet tal-modalitajiet differenti tas-sajd, filwaqt li jiġi kkunsidrat li dan hu eħfef li jintlaħaq fuq sajd għal speċi waħda u li sajd imħallat jirrapreżenta diversi sfidi għal li jeħtieġ jiġu megħluba; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tas-sajjieda għandhom jingħataw kunsiderazzjoni u jkunu involuti b'mod attiv; jenfasizza li l-eliminazzjoni tar-rimi għandu jkun akkumpanjat minn miżuri tekniċi li jnaqqsu jew jeliminaw qbid inċidentali u minn inċentivi li jinkoraġġixxu prattiki ta' sajd selettiv; jemmen li għandha tingħata prijorità biex ikunu evitati qabdiet mhux mixtieqa qabel kollox, aktar milli kif dawn jiġu ġestiti; jinsab imħasseb, f'dan ir-rigward, dwar l-emerġenza ta' suq tar-rimi parallel li joħloq periklu għall-ekosistema u s-settur tas-sajd Ewropew; jenfasizza li għandhom ikunu provduti salvagwardji xierqa; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-partijiet interessati ikunu involuti u li jsir ippjanar bir-reqqa tal-obbligu tal-ħatt fuq l-art u tat-trattament li jsir wara, sabiex ma jkunx hemm bidla minn ħut mhux mixtieq fil-baħar għal ħut mhux mixtieq fuq l-art;

    16. Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied ir-riċerka xjentifika u jkunu allokati fondi għaliha, flimkien mal-iżvilupp ta' tekniki u ta' tagħmir tas-sajd li jevitataw qabdiet mhux mixtieqa; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri suffiċjenti u xierqa u li tipprovdi lill-Istati Membri b'appoġġ finanzjarju għal dan il-għan; jenfasizza, għal dan il-għan, l-importanza li tiġi indirizzata l-ġestjoni ta’ sajd imħallat; jinnota li t-teknoloġija eżistenti għat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tar-rimi mhix daqstant effettiva għat-tipi kollha tas-sajd; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex tippromwovi sħubijiet bejn ix-xjentisti u s-sajjieda, tqis l-opinjonijiet tagħhom fit-tfassil tal-politiki tagħha, u tassisti lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ tekniki ġodda tas-sajd;

    17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex immedjatament iwettqu 'proġetti pilota' bl-għan li jtejbu s-selettività tat-tagħmir;

    18. Jinnota d-diffikultà fl-applikazzjoni ta’ miżura għall-eliminazzjoni tar-rimi fil-każ ta’ sajd imħallat, inkluż, iżda mhux limitat, għall-Mediterran, minħabba l-eżistenza ta’ prattiki tas-sajd speċifiċi u kundizzjonijiet klimatiċi u ġeoloġiċi speċifiċi; jemmen li teħtieġ konsultazzjoni ulterjuri biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet marbuta mat-twaqqif tal-infrastruttura meħtieġa għall-ġbir u l-ipproċessar tal-qbid inċidentali kif propost mill-Kummissjoni; jitlob għal aktar miżuri li jnaqqsu l-qbid taż-żgħar u jiskoraġġixxu l-kummerċjalizzazzjoni taż-żgħar;

    19. Jenfasizza l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, li f'termini ekonomiċi, soċjali u demografiċi huma ferm dipendenti fuq is-sajd (l-aktar fuq skala żgħira), u li huma mdawwra b'baħar fond; jemmen li jeħtieġ ikun ristrett l-aċċess għaż-żoni marittimi bijoġeografikament sensittivi tagħhom għal flotot lokali li jużaw tagħmir tas-sajd li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent;

    20. Jesprimi d-dubji tiegħu dwar il-proposti relatati mal-kummerċjalizzazzjoni tal-qbid inċidentali, u jenfasizza li, fil-każ li jiġu implimentati, għandhom jiġu pprovduti salvagwardji adegwati li jevitaw il-ħolqien ta’ suq parallel li paradossalment jista’ jinkoraġġixxi lis-sajjieda biex ikabbru l-qabdiet tagħhom;

    21. Jemmen li l-projbizzjoni tar-rimi għandha tkun introdotta gradwalment għal kull tip ta’ sajd, sabiex ikun aktar faċli li s-settur jadatta; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom ikunu involuti b’mod attiv fl-implimentazzjoni gradwali ta’ din il-projbizzjoni;

    22. Jitlob lill-Kummissjoni biex tassisti lill-Istati Membri jikkumpensaw għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi diversi tal-adozzjoni tal-projbizzjoni tar-rimi;

    23. Jenfasizza li l-introduzzjoni ta’ miżuri li gradwalment jeliminaw ir-rimi teħtieġ riforma radikali tas-sistema ta’ kontroll u infurzar; jitlob lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri f’dan ir-rigward, sabiex tiżgura li l-infurzar japplika fl-Istati kollha b’mod uniformi; jemmen li CFCA għandha tkun sostnuta kif xieraq, b'setgħat u risorsi suffiċjenti biex twettaq id-dmirijiet tagħha u b'hekk tassisti lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tas-sistemi tagħhom ta' regoli u sanzjonijiet;

    24. Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga t-tnaqqis tal-istokkijiet tal-ħut minn predaturi naturali bħalma huma l-bumerini, il-foki u l-marguni u fl-istess ħin biex b'kooperazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati tiżviluppa u ddaħħal fis-seħħ pjanijiet ta’ ġestjoni għar-regolazzjoni ta’ dawn il-popolazzjonijiet.

    25. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timplimenta programmi li jeduka lit-tfal tal-iskola u l-konsumaturi bl-istess mod dwar il-varjetà ta’ speċijiet disponibbli u dwar l-importanza li jiġi kkunsmat ħut li jiġi prodott b’mod sostenibbli;

    26. Ifakkar fl-obbligu, li hemm fit-Trattat ta’ Lisbona, li tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki tal-Unjoni, anki fir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd.

    Monitoraġġ u ġbir ta’ dejta ta’ kwalità

    27. Jemmen li l-affidabbiltà u d-disponibbiltà tad-dejta xjentifika u l-valutazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku dwar l-istokkijiet differenti, fil-baċini differenti tal-baħar, u l-ekosistemi rispettivi tagħhom kif ukoll it-titjib u l-istandardizzazzjoni tal-mudelli applikati, għandhom ikunu fost l-akbar prijoritajiet tar-riforma; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ dejta xjentifika affidabbli u disponibbli meħtieġa għal parir xjentifiku sod;

    28. Jenfasizza li r-riċerka xjentifika dwar is-sajd hija għodda essenzjali għat-treġija tas-sajd li hija indispensabbli kemm biex jiġu identifikati l-fatturi li jinfluwenzaw l-iżvilupp tar-riżorsi tas-sajd, billi ssir evalwazzjoni kwantittativa u billi jiġu żviluppati mudelli li bihom ikun jista' jitbassar l-iżvilupp tagħhom, kif wkoll biex jittejbu t-tagħmir tas-sajd, il-bastimenti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-sikurezza għas-sajjieda, flimkien mal-għerf u l-esperjenza tagħhom;

    29. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti, armonizzati fuq livell tal-UE, dwar ġbir effettiv tad-dejta ta' kwalità għax-xjentisti; iħeġġiġha, fl-istess ħin, biex tistabbilixxi qafas għat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ dejta u biex toħroġ b’mudelli xjentifiċi li fuqhom tkun tista’ tibbaża ġestjoni tas-sajd ta’ ħafna speċi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti s-sajjieda, kif ukoll il-partijiet interessati kollha, flimkien max-xjentisti sabiex dawn jikkontribwixxu għall-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni u l-iżvilupp attiv ta’ sħubiji ta’ riċerka;

    30. Jinnota li r-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta' dejta xjentifika bażika dwar il-maġġoranza tal-istokk huma rrapurtar b'mod inadegwat mill-Istati Membri, in-nuqqas ta' fondi adegwati, u riżorsi umani u tekniċi limitati fl-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni sabiex, f'dan ir-rigward, tistabbilixxi sistema fejn l-Istati Membri li ma jissodisfawx l-obbligi tal-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta tagħhom jiġu sanzjonati; jemmen li l-FEMS il-ġdid għandu jipprovdi lill-Istati Membri b'għajnuna teknika u finanzjarja, jekk meħtieġ , għall-ġbir u l-analiżi ta' dejta affidabbli, u li għandhom ikunu allokati riżorsi finanzjari adegwati għar-riċerka xjentifika relevanti fl-Istati Membri;

    31. Jinnota li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-finanzjament tal-akkwist, l-ipproċessar u d-disponibbiltà tad-dejta xjentifika, li jiffavorixxu ġestjoni bbażata fuq l-għarfien, preżentement ma teċċedix il-50 %; jitlob, għaldaqstant, għal sforz akbar mill-Unjoni f’dan il-qasam billi tiżdied ir-rata ta’ konfinanzjament massima permissibbli tal-anqas għal 75 %;

    32. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi definizzjoni ta’ kapaċità żejda fil-livell tal-UE li takkomoda d-definizzjonijiet reġjonali, u li tikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi lokali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi mill-ġdid il-kapaċità tas-sajd b’tali mod li kemm il-kapaċità tas-sajd tal-bastiment kif ukoll l-isforz tas-sajd attwali tiegħu jittieħdu bħala bażi; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jkun definit is-sajd fuq skala żgħira sabiex dan ikun separat mis-sajd industrijali;

    II − Sostenibbiltà soċjoekonomika

    33. Iqis li r-riżorsi marittimi ħajjin huma ġid pubbliku komuni li ma jistax jiġi privatizzat; jirrifjuta l-ħolqien ta’ drittijiet ta’ proprjetà privata li jagħtu aċċess għall-isfruttament ta’ dan il-ġid pubbliku;

    34. Jinnota li l-proposta li hemm fir-regolament bażiku li tintroduċi 'konċessjoni tas-sajd trasferibbli' (TFCs), bħala l-mezz uniku li jsolvi l-problema ta' kapaċità żejda, tista' tiġġenera prattiki antikompetittivi, spekulattivi u ta' konċentrazzjoni, u jemmen għalhekk li din għandha tkun fuq bażi volontarja fin-natura u suġġett għad-deċiżjoni tal-Istati Membri, kif attwalment hu l-każ; jirrimarka li l-esperjenza diretta ta' xi Stati Membri li diġà introduċew sistemi TFC mingħajr restrizzjonijiet u salvagwardji effettiviti turi korrelazzjoni diretta bejn l-introduzzjoni tagħhom u żieda fil-konċentrazzjoni tad-drittijiet tas-sajd f'idejn ftit kummerċjanti, u sussegwentement żieda fil-prezzijiet tal-prodotti tas-sajd; jinnota li, għalkemm f'xi pajjiżi l-implimentazzjoni ta' din is-sistema kienet segwita minn tnaqqis fil-kapaċità tal-flotta, dan sar l-aktar għad-detriment ta' sajd kostali fuq skala żgħira u artiġjanali, li huma l-aktar setturi ta' flotot ambjentalment distruttivi, imma din hi l-aktar parti tal-industrija li ekonomikament qiegħda fil-periklu u dik li tipprovdi l-akbar numru ta' impjiegi u attività ekonomika fir-reġjuni kostali; ifakkar ukoll li tnaqqis fil-kapaċità tas-sajd ma jfissirx neċessarjament tnaqqis fl-attività tas-sajd, iżda biss il-konċentrazzjoni tal-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd minn operaturi li huma iżjed kompetittivi ekonomikament; jenfasizza li, jekk l-iskemi TFC ikunu introdotti, ikunu meħtieġa salvagwardji adegwati sabiex jipproteġu sajd fuq skala żgħira u kostali;

    35. Jemmen li għandu jingħata aċċess prijoritarju għal żoni tas-sajd lil dawk li jistadu b’mod soċjali u ambjentalment responsabbli; jirrimarka li tnaqqis fil-kapaċità ta' xi tipi ta' sajd jista' jintlaħaq mingħajr l-użu ta' TFCs; jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri l-aktar xierqa għaċ-ċirkustanzi tagħhom sabiex inaqqsu l-kapaċità fejn meħtieġ;

    36. Iqis li l-vijabbiltà ekonomika tas-settur tas-sajd hija affetwata, fost fatturi oħrajn, mill-volatilità fil-prezzijiet taż-żejt; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri adatti li jtejbu l-effiċjenza tal-fjuwils fis-settur tas-sajd u l-akwakultura mingħajr ma jżidu l-kapaċità tas-sajd, biex ittaffu s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli li jinsabu fiha s-sajjieda u dawk li jrabbu l-ħut Ewropej u biex tipproponi, f'dan ir-rigward, pjan ta' azzjoni għar-reġjuni kostali u l-gżejjer, b'mod partikolari r-reġjuni l-aktar imbiegħda;

    37. Ifakkar li l-oċeani tad-dinja, permezz tas-sajd, mhux biss jipprovdu nutrizzjoni, sigurtà tal-ikel u għajxien għal 500 miljun persuna madwar id-dinja u li tal-anqas 50 % tal-proteini mill-annimali għal 400 miljun persuna fl-ifqar pajjiżi, iżda huma wkoll ta’ importanza kruċjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, huma l-akbar bjar tal-karbonju fit-tul, jipprovdu t-trasport, u jospitaw il-ħabitats ta’ madwar 90% tal-ħajja fid-dinja;

    38. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa għal monitoraġġ u ċertifikazzjoni stretti ta’ prodotti tas-sajd li jidħlu fis-suq tal-Unjoni, inklużi importazzjonijiet, li jiġi żgurat li dawn joriġinaw minn sajd sostenibbli u li, fil-każ ta’ prodotti importati, dawn jilħqu l-istess rekwiżiti li għandhom jikkonformaw magħhom il-produtturi tal-Unjoni − pereżempju, fir-rigward tat-tikkettar, it-traċċabbiltà, ir-regolamenti fitosanitarji u d-daqsijiet minimi;

    Futur għall-impjiegi fl-industrija tas-sajd u l-akkwakultura

    39. Jemmen bis-sħiħ li l-PKS riformata m’għandhiex titneħħa mill-kuntest soċjoekonomiku u ambjentali li tinsab fih; iqis li s-sajd u s-setturi estensivi tal-akkwakultura għandhom jitqiesu bħala sorsi importanti diretti u indiretti għall-ħolqien tal-impjiegi li jagħtu vitalità lir-reġjuni marittimi tagħna u huma l-qafas tal-ekonomija ta' dawn ir-reġjuni, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għas-sigurtà alimentari fl-UE; jemmen, għal dan il-għan,li l-PKS għandha tikkontribwixxi biex jitjieb l-istandard tal-għajxien tal-komunitajiet li jiddependu mis-sajd, billi tipprovdi kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għas-sajjieda, b’mod partikolari permezz tal-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà u tar-regoli stabbiliti mill-ftehimiet kollettivi tax-xogħol;

    40. Jinsab imħasseb li aktar minn 30 % tal-impjiegi ntilfu fis-settur tal-qbid f’dawn l-aħħar għaxar snin; iqis li t-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut, in-nuqqas ta’ salarju minimu ggarantit, il-valur baxx tal-ewwel bejgħ, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli huma ostakli għat-tiġdid meħtieġ tar-riżorsi umani fis-settur;

    41. Jinnota b’sodisfazzjon li ċerti studji juru li jistgħu jinkisbu benefiċċji soċjali u ekonomiċi konsiderevoli jekk l-istokkijiet tal-ħut jitħallew jiżdiedu sakemm jilħqu livelli ’l fuq minn dawk li kapaċi jipproduċu MSY, inkluż iżjed impjiegi u qligħ;

    42. Iqis li s-settur tas-sajd jista' jibqa' sostenibbli jekk jinstab bilanċ bejn l-aspetti soċjoekonomiċi u dawk ambjentali, u jekk ikun hemm ħaddiema mħarrġa u b'ħiliet adegwati; jemmen li sabiex jinkiseb dan, jeħtieġ li l-karrieri fis-sajd isiru attraenti u l-istandards tal-kwalifiki u t-taħriġ jissodisfaw il-ħtiġijiet internazzjonali u Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi taħriġ xieraq u skemi edukattivi obbligatorji fl-aħjar prattika u l-bijoloġija marittima f’oqsma differenti tas-settur, peress li dan jista' jattira liż-żgħażagħ u jgħin biex jinħoloq sajd kompetittiv u sostenibbli u settur tal-akkwakultura sostenibbli; jemmen li għandu għandhom ikunu disponibbli pakketti tal-bidu li jiggarantixxu ġenerazzjoni ġdida ta’ sajjieda fis-settur tas-sajd fuq skala żgħira;

    43. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal “Inizjattiva tat-‘Tkabbir Blu’ fuq it-tkabbir sostenibbli mill-oċeani, l-ibħra u l-kosti”; iqis li mobbiltà professjonali akbar fis-settur tas-sajd, id-diversifikazzjoni tal-impjiegi u l-identifikazzjoni ta’ għodod li jagħmluha possibbli li l-ħiliet, il-kwalifiki u l-programmi ta’ edukazzjoni jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-settur huma importanti għat-tkabbir tal-industriji marittimi, tas-sajd u l-akkwakultura;

    44. Iqis li r-rwol tan-nisa fis-settur tas-sajd għandu jingħata rikonoxximent legali u soċjali u kumpens ikbar; jinsisti li n-nisa fis-settur tas-sajd f’kull rispett għandu jkollhom l-istess drittijiet bħall-irġiel, pereżempju f’dak li jirrigwarda s-sħubija u l-eliġibbiltà fil-korpi governattivi tal-organizzazzjonijiet tas-sajd; iqis li l-konjuġi u l-imsieħba tul il-ħajja tas-sajjieda li jappoġġjaw l-impriża tal-familja għandhom de facto jingħataw status legali u benefiċċji soċjali ekwivalenti għal dawk tal-persuni bi status ta’ ħaddiema awtonomi, kif ipprovdut fid-Direttiva 2010/41/UE; iqis, barra minn hekk, li l-fondi tal-FES u tal-FEMS futur għandhom ikunu disponibbli għal taħriġ speċifikament maħsub għan-nisa li jaħdmu fis-settur tas-sajd;

    45. Jibża' li r-riforma tal-PKS tista, fin-nuqqas ta' miżuri adatti li jakkunpanjawha, twassal għal telfien ta' impjiegi fuq perjodu qasir, speċjalment fis-setturi tal-qbid u tal-ippakkjar fuq l-art, b'hekk jikkompromettu b'mod permanenti t-tkabbir fraġli tal-komunitajiet kostali u l-gżejjer, partikolarment fir-reġjuni l-aktar imbiegħda; jisħaq, f’dan ir-rigward, li hemm bżonn ta’ miżuri soċjoekonomiċi ta’ akkumpanjament, inklużi kooperazzjoni professjonali u pjan għall-impjiegi, sabiex jittaffew l-effetti temporanji tar-Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY) u sabiex jagħmlu s-settur aktar attraenti għaż-żgħażagħ u jipprovdu inċentivi għad-dħul fis-settur; jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora u tippromwovi l-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment sabiex issaħħaħ l-investiment fis-settur;

    46. Iqis li huwa meħtieġ li jiġi promoss l-iżvilupp tal-innovazzjonijiet u l-attivitajiet relatati mas-sajd, li jistgħu jpattu għat-telf ta’ impjiegi li jirriżultaw minn bidliet li jridu jsiru minħabba r-riforma tal-PKS; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa programmi speċifiċi ddedikati għall-iżvilupp tat-turiżmu tas-sajd u oqsma oħrajn ta’ żvilupp ekonomiku marbuta mal-baħar u mal-attività tas-sajd;

    III − Reġjonalizzazzjoni

    47. Huwa tal-istess opinjoni espressa fil-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa ta’ adattament u miżuri speċifiċi, ibbażati fuq realtajiet differenti tal-industrija tas-sajd u tal-akwakultura Ewropea, u speċjalment fil-każ taż-żoni kostali u r-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni. jappoġġja l-idea li r-reġjonalizzazzjoni tiġi stabbilita bħala wieħed mill-istrumenti prinċipali ta’ din il-forma ta' governanza ġdida, sabiex ikun hemm rispons adegwat għall-ħtiġijiet ta’ kull baċin tal-baħar u tiġi inċentivata l-aderenza mar-regoli adottati fuq livell Ewropew.

    48. Jemmen li r-riforma għandha tkun opportunità sabiex isiru passi sinifikanti lejn forma ġdida ta' kooperazzjoni bejn il-komunità xjentifika, l-industrija u l-imsieħba soċjali, sabiex jiġi implimentat il-proċess ta’ reġjonalizzazzjoni;

    49. Jenfasizza l-importanza tas-settur tas-sajd fis-sitwazzjoni soċjoekonomika, tax-xogħol u l-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fir-reġjuni l-aktar imbiegħda (ORs), żoni li huma karatterizzati minn ekonomiji b’restrizzjonijiet strutturali permanenti u ftit opportunitajiet għal diversifikazzjoni ekonomika;

    50. Jemmen li, safejn jikkonċerna r-reġjonalizzazzjoni, iridu jiġu stabbiliti regoli ċari u sempliċi fil-livell xieraq, biex b'hekk tiżdied il-konformità; jemmen bis-sħiħ ukoll li r-RACs, b'rappreżentazzjoni usa' u b'aktar responsabilitajiet, għandhom jinkoraġġixxu aktar id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati u jikkontribwixxu b'mod attiv għat-twaqqif ta' pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali; ifakkar ir-rwol tal-koleġiżlaturi fl-adozzjoni ta’ dawn il-pjanijiet;

    51. Jemmen, b'mod aktar ġenerali, li r-rwol tal-RACs għandu jiġi msaħħaħ f’termini ta’ rappreżentanza u setgħa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex tippreżenta proposta ġdida mmirata lejn it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, tas-sajd artiġjanali u dak fuq skala żgħira, biex tiġi assigurata reġjonalizzazzjoni ġenwina fil-PKS; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni biex twaqqaf Kunsill Konsultattiv tal-Baħar l-Iswed; jenfasizza wkoll li l-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) mhijiex qafas adegwat għall-ġestjoni tal-Baħar l-Iswed, u għaldaqstant hemm bżonn ta’ Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO) ġdida; jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika d-djalogu mal-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed, b’mod partikolari fir-rigward tal-isfruttament u l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut; jitlob għall-ħolqien ta' Kunsill Konsultattiv għar-Reġjuni l-Aktar Imbiegħda; jemmen li, fuq il-gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-prinċipji tar-reġjonalizzazzjoni u s-sussidjarjetà, għandu jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta’ Kunsill Konsultattiv Reġjonali għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, li jqis in-natura sensittiva tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom; jenfasizza li l-RACs għandhom jagħtu parir lill-Parlament u l-Kunsill fl-adozzjoni tal-pjanijiet multiannwali, u jinvolvu lix-xjentisti fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom;

    52. Jemmen li r-reġjonalizzazzjoni tal-PKS għandha tirrifletti l-iskala ġeografika tas-sajd li jkun qed jiġi ġestit, b’għanijiet u prinċipji adottati mill-koleġiżlaturi tal-UE u fejn id-dettalji tal-miżuri ta’ ġestjoni jiġu deċiżi f’livell reġjonali u kemm jista’ jkun possibbli lokalment, li jfisser li għal ċerti industriji tas-sajd dan isir f’ħafna Stati Membri waqt li għal oħrajn jista’ jsir f’parti ta’ Stat Membru wieħed; jirrikonoxxi li jista’ jkun meħtieġ li jinħolqu strutturi ġodda sabiex sistema bħal din tkun tista’ tiffunzjona;

    53. Jemmen li hu importanti li jingħata valur akbar lil uħud mis-setturi tas-sajd Ewropew, pereżempju sajd kostali fuq skala żgħira, li f'xi żoni ġeografiċi, bħall-Baħar Mediterran, jgħin biex jikber il-ġid u jiżdiedu l-impjiegi;

    54. Jinsab konvint ukoll li hija meħtieġa viżjoni iżjed olistika u integrata tal-ambjent marittimu, u li l-ippjanar tal-ispazju marittimu fuq livell lokali u reġjonali, li jinvolvi l-partijiet interessati kollha, huwa għodda meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ approċċ ġenwin ekosistemiku għall-ġestjoni;

    55. Jinnota li l-ippjanar effettiv fuq livell reġjonali jew lokali jiffaċilita użu l-iżjed xieraq tar-riżorsi marittimi, b’kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet lokali, l-eżiġenzi tas-suq, l-użu ta’ kompetizzjoni, il-ħtieġa għal żoni protetti, id-deżinjazzjoni ta’ żoni speċifiċi fejn jitħalla jintuża biss ċertu tagħmir tas-sajd tal-aħjar prattika, eċċ;

    56. Jenfasizza li riforma ambizzjuża u reali tal-PKS tista’ tiġi ffaċilitata jekk ikunu disponibbli mezzi finanzjarji suffiċjenti għall-għaxar snin li ġejjin, sabiex jiġu appoġġjati l-miżuri ta’ riforma kollha u jiġu indirizzati l-problemi soċjoekonomiċi u ambjentali li jistgħu jinqalgħu; jirrifjuta kwalunkwe sejħa mill-Istati Membri biex ifittxu jnaqqsu l-livell ta' fondi tal-UE allokati lis-sajd u l-akwakultura;

    57. Jenfasizza, b’mod partikolari, l-importanza tas-sinerġiji bejn il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) għall-ippjanar fiż-żoni kostali; jemmen li l-istrateġiji makroreġjonali, il-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropej u tal-baċin tal-baħarhuma strumenti importanti għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji integrati għall-iżvilupp tat-territorji kostali tal-UE;

    58. Jenfasizza l-ħtieġa għall-FES futur li joffri għotjiet għat-tiġdid u l-modernizzazzjoni ta’ flotot tas-sajd abbażi ta’ sikurezza, protezzjoni ambjentali u ekonomija tal-karburanti;

    59. Jenfasizza li għandhom jiġu allokati fondi ġodda għal politiki, objettivi jew prijoritajiet ġodda b’impatt fuq l-ambjent marittimu; jirrifjuta li l-finanzjament ta’ dawn il-prijoritajiet, l-objettivi jew politiki ġodda (bħall-Politika Marittima Integrata) isir għad-detriment tal-fondi meħtieġa għall-politika tas-sajd;

    60. Ifakkar fl-obbligu mniżżel fl-Artikolu 208 TFUE fejn l-UE trid tikkunsidra l-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki li hi timplimenta u li jistgħu jaffettwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluża l-PKS;

    61. Jenfasizza li prodotti importati tas-sajd u l-akkwakultura għandhom ikunu soġġetti għall-istess standards ambjentali, sanitarji u soċjali bħall-produzzjoni domestika Ewropea, inkluża t-traċċabbiltà sħiħa “mill-baħar sal-mejda”, u huwa tal-fehma li pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw se jkollhom bżonn ta’ għajnuna finanzjarja u teknika sabiex jilħqu l-istess standards, u biex jiġġieldu b’mod effikaċi kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat;

    62. Jenfasizza li kwalunkwe aċċess għar-riżorsi tas-sajd fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jeħtieġ jirrispetta mhux biss l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) rigward eċċess fl-istokkijiet tal-ħut, iżda wkoll l-Artikoli 69 u 70 dwar id-drittijiet tal-pajjiżi fir-reġjun li jkunu mdawrin bl-art u ġeografikament żvantaġġati, speċjalment fir-rigward tal-ħtiġijiet nutrizzjonali u soċjoekonomiċi tal-popolazzjonijiet lokali;

    63. Itenni l-kundizzjoni bażika tal-eċċess, kif stabilita f’UNCLOS, fl-aċċess għall-istokkijiet tal-ħut fl-ibħra ta’ pajjiżi terzi; jenfasizza l-importanza li l-eċċess jiġi stabbilit b’mod xieraq u xjentifiku; jenfasizza li l-PKS jeħtiġilha tipprovdi għal trasparenza u skambju tal-informazzjoni kollha rilevanti bejn il-pajjiżi tal-UE u l-pajjiżi sħab terzi dwar l-isforz totali tas-sajd għall-istokkijiet ikkonċernati minn vapuri nazzjonali, u, fejn rilevanti, barranin.

    64. Itenni li l-futur tal-PKS jeħtieġlu jkun iggwidat minn prinċipji ta’ governanza tajba, li jinkludu t-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni, skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u l-valutazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Sostenibbli (SFAs);

    65. Jenfasizza li l-UE għandha tippromwovi l-ġestjoni tar-riżorsi sostenibbli f’pajjiżi terzi u għalhekk jistieden lill-UE tintensifika l-azzjonijiet biex tiġġieled kontra attivitajiet tas-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat; jenfasizza li ftehimiet tas-sajd sostenibbli għandhom ikunu ffukati aktar fuq riċerka xjentifika u ġbir ta’ dejta, monitoraġġ, kontroll u sorveljanza; għal dan il-għan, l-UE għandha tidderieġi lejn il-pajjiżi terzi sħab appoġġ adegwat ta’ natura finanzjarja, teknika u ta’ riżorsi umani;

    66. Itenni li l-PKS għandha tkun koerenti mal-politiki tal-iżvilupp u tal-ambjent, inkluż il-ħarsien ta’ ekosistemi marittimi; jitlob, għalhekk, li tittieħed azzjoni li ttejjeb u twessa’ l-għarfien xjentifiku, kif ukoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali biex tiġi żgurata prestazzjoni mtejba;

    67. Itenni li ċ-ċittadini kollha tal-UE, irrispettivament minn fejn joperaw, jeħtiġilhom josservaw ir-regoli u r-regolamenti tal-PKS, inklużi r-regolamenti ambjentali u soċjali tagħha;

    68. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (22.5.2012)

    għall-Kumitat għas-Sajd

    dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd – Komunikazzjoni Ġenerali
    (2011/2290(INI))

    Rapporteur għal opinjoni: Isabella Lövin

    SUĠĠERIMENTI

    Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

    1.  Ifakkar li reviżjoni fil-fond tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) tal-UE hija meħtieġa, minħabba li ma rnexxilhiex tilħaq l-għanijiet tagħha għalkollox, internament u esternament, matul is-snin li ilha topera;

    2.  Ifakkar l-obbligu fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jistipula li l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluża, b’mod partikolari, il-Politika Komuni tas-Sajd;

    3.  Jenfasizza li s-sajd sostenibbli u ż-żamma ta’ stokkijiet fil-livelli li jistgħu jipproduċu Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY) ikunu ta' vantaġġ ambjentali, soċjali u ekonomiku kbir, għax l-ambjent ma jiġix degradat, il-komunitajiet tas-sajd ikollhom futur sigur, u s-settur tas-sajd iħalli l-qligħ mingħajr il-ħtieġa ta’ appoġġ pubbliku; Isostni li l-applikazzjoni tal-approċċ ekosistemiku u prekawzjonarju u l-aqwa data xjentifika fit-tfassil tal-pjanijiet multiannwali għall-ġestjoni tas-sajd, kif ukoll l-iżgurar li l-PKS tikkontribwixxi sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb fl-ambjent marittimu sal-2020, bi qbil mad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima, huma essenzjali biex niżguraw is-sostenibilità ambjentali, ekonomika u soċjali fit-tul tas-settur tas-sajd Ewropew u biex nilħqu l-objettivi tal-istrateġija UE 2020;

    4.  Ifakkar li l-oċeani tad-dinja, permezz tas-sajd, mhux biss jipprovdu nutrizzjoni, sigurtà tal-ikel u għajxien għal 500 miljun persuna madwar id-dinja u li tal-anqas 50% tal-proteini mill-annimali għal 400 miljun persuna fl-ifqar pajjiżi, iżda huma wkoll ta’ importanza kruċjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, huma l-akbar bjar tal-karbonju fit-tul, jipprovdu t-trasport, u jospitaw il-ħabitats ta’ madwar 90% tal-ħajja fid-dinja;

    5.  Huwa mħasseb dwar id-dipendenza qawwija tas-swieq tal-UE fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, peress li 60% tal-prodotti kollha tas-sajd użati fl-UE huma, fi grad sinifikanti, importati mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li l-aħjar għażla biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet hija li l-istokkijiet tal-ħut jitħallew jirkupraw u jinżammu f’livell ogħla minn dak li kapaċi jipproduċi MSY;

    6.  Jenfasizza li prodotti importati tas-sajd u l-akkwakultura għandhom ikunu soġġetti għall-istess standards ambjentali, sanitarji u soċjali bħall-produzzjoni domestika Ewropea, inkluża t-traċċabbiltà sħiħa “mill-baħar sal-mejda”, u huwa tal-fehma li pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw se jkollhom bżonn ta’ għajnuna finanzjarja u teknika sabiex jilħqu l-istess standards, iżda wkoll biex jiġġieldu b’mod effikaċi kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat;

    7.  Jopponi l-adozzjoni ta’ skemi ta’ Konċessjonijiet tas-Sajd Trasferibbli (TFCs), speċjalment f’RFMOs u fl-ilmijiet internazzjonali, meta jillimitaw il-possibilitajiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw f’termini tal-iżvilupp tas-setturi tas-sajd tagħhom;

    8.  Jopponi l-privatizzazzjoni tar-riżorsi tal-baħar; jikkunsidra li l-proposta għal ħolqien ta' suq ta' trasferiment tad-drittijiet tas-sajd bejn l-impriżi privati mhijiex aċċettabbli;

    9.  Jenfasizza li kwalunkwe aċċess għar-riżorsi tas-sajd fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jeħtieġlu jirrispetta mhux biss l-Artikolu 62 tal-UNCLOS rigward eċċess fl-istokkijiwt tal-ħut, iżda wkoll l-Artikoli 69 u 70 dwa id-drittijiet tal-pajjiżi fir-reġjun li jkunu mdawrin bl-art u ġeografikament żvantaġġati, speċjalment fir-rigward tal-ħtiġijiet nutrizzjonali u soċjoekonomiċi tal-popolazzjonijiet lokali;

    10. Itenni l-kundizzjoni bażika tal-eċċess fl-UNCLOS fl-aċċess għall-istokkijiet tal-ħut fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi; jenfasizza l-importanza li l-eċċess jiġi stabbilit b’mod xieraq u xjentifiku; jenfasizza li l-PKS jeħtiġilha tipprovdi għal trasparenza u skambju tal-informazzjoni kollha rilevanti bejn il-pajjiżi tal-UE u l-pajjiżi terzi sħab dwar l-isforz totali tas-sajd għall-istokkijiet ikkonċernati minn bastimenti nazzjonali, u, fejn rilevanti, barranin.

    11. Itenni li l-futur tal-PKS jeħtieġlu jkun iggwidat minn prinċipji ta’ governanza tajba, li jinkludu, fost l-oħrajn, it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, inkluż għall-valutazzjonijiet tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Sostenibbli (SFAs);

    12. Jenfasizza li l-UE għandha tippromwovi l-ġestjoni tar-riżorsi sostenibbli f’pajjiżi terzi u għalhekk jistieden lill-UE tintensifika l-azzjonijiet biex tiġġieled kontra attivitajiet tas-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat; jisħaq li Ftehimiet tas-Sajd Sostenibbli għandhom ikunu ffukati aktar fuq riċerka xjentifika u ġbir ta’ data, monitoraġġ, kontroll u sorveljanza; għal dan il-għan, l-UE għandha tidderieġi lejn il-pajjiżi sħab appoġġ adegwat ta’ natura finanzjarja, teknika u ta’ riżorsi umani;

    13. Itenni li l-PKS għandha tkun koerenti mal-politiki tal-iżvilupp u tal-ambjent, inkluż il-ħarsien ta’ ekosistemi marittimi; jitlob, għalhekk, li tittieħed azzjoni biex ittejjeb u twessa’ l-għarfien xjentifiku, kif ukoll li l-kooperazzjoni internazzjonali tissaħħaħ biex tiżgura prestazzjoni mtejba;

    14. Itenni li ċ-ċittadini kollha tal-UE, irrispettivament minn fejn joperaw, jeħtiġilhom josservaw ir-regoli u r-regolamenti tal-PKS, inklużi r-regolamenti ambjentali u soċjali tagħha.

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    14.5.2012

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    19

    0

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Ricardo Cortés Lastra, Véronique De Keyser, Nirj Deva, Catherine Grèze, Eva Joly, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Maurice Ponga, Michèle Striffler, Alf Svensson, Eleni Theocharous, Ivo Vajgl

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Kriton Arsenis, Emer Costello, Enrique Guerrero Salom, Krzysztof Lisek, Isabella Lövin

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Ioan Enciu

    OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (7.5.2012)

    għall-Kumitat għas-Sajd

    dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd – Komunikazzjoni Ġenerali
    (2011/2290(INI))

    Rapporteur: Nuno Teixeira

    SUĠĠERIMENTI

    Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

    1.  Jemmen li l-Politika Komuni tas-Sajd irriformata, li, filwaqt illi tieħu approċċ imparzjali mmirat lejn it-tisħiħ reċiproku, għandha tiffoka fuq il-pilastri ambjentali, soċjali, ekonomiċi u kulturali tas-sajd, minħabba l-ħtieġa li jittieħdu miżuri preventivi rigward il-ħarsien ambjentali sabiex tinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv mitlub mill-Ewropa 2020; isostni li l-politika rriformata għandha tiġi koordinata iktar mill-qrib ma’ politiki Ewropej oħra bħall-politika ta’ koeżjoni, il-politika dwar l-ambjent, il-politika agrikola u l-politika esterna, u li l-ftehimiet internazzjonali fil-ġejjieni dwar is-sajd sostenibbli għandhom ikunu konsistenti magħha; ifakkar dwar dan, l-importanza ta’ strumenti bħall-politika marittima integrata jew l-approċċ makro-reġjonali li jista’ joffri livell ta’ integrazzjoni iktar mill-qrib;

    2.  Jenfasizza li din ir-riforma għandha potenzjal sinifikanti għall-bini ta’ sajd sostenibbli permezz tal-preservazzjoni tal-ekosistemi, il-provvista tal-prodotti tas-sajd b’saħħithom u ta’ kwalità, l-appoġġ tal-prosperità tar-reġjuni kostali, l-industriji tal-produzzjoni u tal-ipproċessar li jrendu u l-impjiegi aktar attraenti u aktar sikuri;

    3.  Jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti fin-negozjati tal-ftehimiet tas-sajd mal-pajjiżi terzi;

    4.  Jissuġġerixxi li jiġi implimentat il-prinċipju tal-ġestjoni tas-sajd skont ir-reġjuni bijoġeografiċi marittimi differenti, skont il-karatteristiċi tagħhom, billi jiġi applikat approċċ ekosistematiku, peress li dan hu fundamentali biex ikun garantit is-sajd ikun sostenibbli, skont ir-riżorsi disponibbli f’qafas ta’ opportunitajiet indaqs;

    5.  Ifakkar li skont il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-prinċipji ta’ reġjonalizzazzjoni u ta’ sussidjarjetà, u billi jitqiesu minħabba d-differenzi li jeżistu f’kull reġjun bijoġeografiku marittimu, jeħtieġ jinħoloq kunsill reġjonali ta’ konsulenti għar-reġjuni l-aktar imbiegħda;

    6.  Jindika l-importanza ta’ ppjanar effiċjenti ta’ spazju marittimu għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fil-kuntest tas-sjieda fuq spazju tal-ambjent marittimu u kostali ta’ setturi oħra, bħal impjanti għall-ħolqien tal-elettriku mir-riħ, il-protezzjoni tal-bijodiversità, l-akkwakultura, il-portijiet, it-trasport marittimu, it-turiżmu, id-difiża u l-industrija tal-estrazzjoni;

    7.  Jenfasizza li deċentralizzazzjoni sinifikanti hija bbażata fuq pjanijiet ta’ ġestjoni fit-tul, li għandha l-potenzjal li tadatta għall-ispeċifiċitajiet reġjonali bil-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati rilevanti kollha fil-koġestjoni lokali u reġjonali, filwaqt li tirrispetta li l-objettivi ġenerali għall-ġestjoni tas-sajd fis-CFP jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

    8.  Jitlob għal reġjonalizzazzjoni akbar fil-ġestjoni tas-sajd, filwaqt li jkun hemm konsiderazzjoni għall-prinċipju tas-sussidjarjetà; jisħaq ukoll li hemm il-bżonn li jinkoraġġixxu iktar djalogu fost id-diversi entitajiet involuti fis-settur, kemm ’il fuq kif ukoll ’l isfel, partikolarment fir-rigward tar-responsabbiltà tal-kooperazzjoni fid-diversi reġjuni, inkluż fil-livell internazzjonali, billi jipprovdu inċentivi u appoġġ sabiex jiġu stabbiliti raggruppamenti internazzjonali; jemmen li l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs) iridu jieħdu aktar responsabbiltà fl-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd; jissuġġerixxi li dawn il-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali għandhom jiġu kkonsultati b'mod obbligatorju minn qabel mill-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd u tal-pjanijiet ta’ ġestjoni;

    9.  Jinnota r-reġjuni l-iktar imbiegħda, li huma suġġetti għal sensiela sħiħa ta’ limitazzjonijiet strutturali kompletament rikonoxxuti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li jeżerċitaw influwenza permanenti fuq dawn ir-reġjuni Ewropej, u li għalhekk dawn għandhom ikunu jistgħu jafdaw fuq miżuri adattati għall-appoġġ bijoloġiku, ekonomiku u soċjali sostenibbli li jimminimizzaw l-iżvantaġġi tagħhom fir-rigward tat-territorji li jinsabu fil-kontinent Ewropew, li jirriżultaw l-aktar mill-ispejjeż addizzjonali marbutin man-nefqa fil-prodotti tas-sajd, u b’mod partikolari mit-trasport tal-prodotti lejn il-kontinent Ewropew;

    10. Jemmen li l-ġestjoni tas-sajd għandha tkun ibbażata fuq rakkomandazzjonijiet xjentifiċi u rakkomandazzjonijiet mingħand esperti, permezz tal-użu ta’ sħubiji bejn il-qasam tar-riċerka u l-partijiet interessati bħas-settur tas-sajd, u jitlob għal programmi reġjonali msaħħa għall-ġbir tad-data u programmi nazzjonali għar-riċerka li jipprovdu għall-koordinazjoni reġjonali fost l-Istati Membri; jemmen li l-Istati Membri għandu jiġu mħeġġa jappoġġaw il-proġetti ta’ riċerka li jistgħu jiffaċilitaw ir-realizzazzjoni ta’ programmi reġjonali jew nazzjonali bħal dawn, u li r—reġjuni għandhom ikunu involuti iktar mill-qrib fl-implimentazzjoni ta’ ftehimiet tas-sajd ma’ pajjiżi terzi favur l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi;

    11. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir tqarrib progressiv mal-prinċipju tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) bħala prinċipju tal-ġestjoni tas-sajd, sostnut minn valutazzjonijiet xjentifiċi ta’ kwalità u kontrolli li jilleġittimizzaw l-għażliet ta’ ġestjoni adattati; jagħraf li ż-żamma tal-iskop ta’ aġġustament tal-isforz tas-sajd għas-sitwazzjoni tar-riżorsi, għall-organizzazzjoni mill-ġdid tas-settur u s-sostenibbiltà tiegħu hija importanti biex jinkiseb l-MSY; dan jimplika l-ħtieġa għal politika ta’ appoġġ strutturali kontinwat għas-settur tas-sajd;

    12. Itenni li l-iżvilupp kollu fiż-żoni marittimi u kostali għandu jirrispetta l-leġiżlazzjoni ambjentali bħad-direttiva ta’ qafas dwar strateġija marittima u d-direttivi tal-protezzjoni tal-bijodiversità, bħala status ambjentali sod għandu jkun prerekwiżit għall-attivitajiet kollha fir-reġjuni marittimi u kostali;

    13. Jindika l-importanza tal-multifunzjonalità tas-sajd għal reġjuni kostali; jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri speċifiċi għal ċerti reġjuni, bħall-gżejjer u r-reġjuni l-iktar imbiegħda; jenfasizza l-importanza tal-adattament tal-miżuri restrittivi skont l-istat tal-istokkijiet tal-ħut, tal-appoġġ tas-sajd sostenibbli bħall-flotot tas-sajd fuq skala żgħira fejn l-istokkijiet mhumiex mhedda, u tal-promozzjoni tal-akkwakultura estensiva u sostenibbli, fid-dawl tal-appoġġ li dan jinvolvi għall-SMEs fis-settur, fost fatturi oħra; jipproponi miżuri ta’ ristrutturar tas-suq tax-xogħol, miżuri ta’ appoġġ għat-taħriġ professjonali, it-taħriġ mill-ġdid, u d-diversifikazzjoni, l-aċċess taż-żgħażagħ għal xogħlijiet marbuta mas-sajd, it-tiġdid u l-modernizzazzjoni tal-bastimenti tas-sajd, u inċentivi għal organizzazzjonijiet tal-produtturi u dawk interprofessjonali;

    14. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li xi territorji Ewropej ma jaqsmux bejniethom il-baċir tal-baħar tal-kontinent Ewropew; jemmen, għalhekk, li r-reġjuni l-iktar imbiegħda għandhom jingħaqdu flimkien u jiġu rappreżentati f’kumitat konsultattiv maħluq speċifikament għal dan il-għan, u li jeħtieġ li l-miżuri restrittivi skont il-politika tas-sajd komuni jiġu adattati għall-istat attwali tal-istokkijiet tal-ħut f’dawk ir-reġjuni; jinsisti fuq il-fatt li sabiex dan ikun possibbli, l-FEMS (Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd) irid ikun jista’ jiffinanzja l-programmi ta’ ġbir ta’ data dwar l-istatus tal-istokkijiet; jemmen li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom ikunu involuti fin-negozjati ta’ ftehimiet ta’ sajd sostenibbli ma’ pajjiżi terzi;

    15. Isostni, għalhekk, dwar il-ħtieġa li jinżamm strument ta’ għajnuna finanzjarja għas-settur, li jħares il-prinċipju ta’ żieda fil-livell tal-għajnuna għall-azzjonijiet kofinanzjati fir-reġjuni l-iktar imbiegħda, li għandu jikkontribwixxi għall-ħarsien ta’ mezzi speċifiċi ta’ kumpens għal spejjeż indiretti tal-attività u għall-iżvilupp ta’ prodotti tas-sajd, minħabba l-limitazzjonijiet strutturali li jaffetwaw is-settur tas-sajd fir-reġjuni l-iktar imbiegħda;

    16. Hu mħasseb dwar il-proposta tal-Kummissjoni sabiex iddaħħal konċessjonijiet tas-sajd li jistgħu jiġu trasferiti minħabba li din l-iskema tista’ twassal għal konċentrazzjoni tad-drittijiet tas-sajd f’idejn għadd żgħir ta’ operaturi u b’hekk iwassal għat-tneħħija ta’ bosta intrapriżi żgħar tas-sajd;

    17. Jenfasizza li s-sistema ta’ kwoti trasferibbli tista’ tirriżulta f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza f’ċerti reġjuni, billi jingħataw aktar drittijiet lil dawk li għandhom aktar riżorsi; iqis li hu importanti li ma jiddgħajjifx is-sajd tar-reġjuni sensittivi u s-sajd fuq skala żgħira, għaliex dan jipperikola s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u bijoloġika ta’ dawn iż-żoni kostali, b’mod partikolari fir-reġjuni fejn l-attività tas-sajd hija kbira u li jiddependu ħafna fuq dan is-settur;

    18. Itenni l-ħtieġa li, f’ċerti reġjuni, ikomplu jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u tas-sigurtà permezz tat-titjib, ir-renovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-flotta tas-sajd, li kollha huma aspetti indispensabbli biex jiġbdu liż-żgħażagħ lejn din l-attività;

    19. Jenfasizza l-importanza tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd għall-implimentazzjoni tal-politika rriformata u għall-iżvilupp territorjali bbilanċjat u inklussiv taż-żoni tas-sajd u jenfasizza li l-finanzjament tiegħu għandu jkun jikkorrispondi mal-istrateġija Ewropa 2020 u l-qafas strateġiku komuni, waqt li jikkunsidra l-objettivi territorjali speċifiċi;

    20. Jenfasizza, b’mod partikolari, l-importanza tas-sinerġiji bejn il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) għall-ippjanar fiż-żoni kostali; iqis li l-istrateġiji makroreġjonali, il-programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropej u tal- baċir tal-baħar huma strumenti importanti għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji integrati għall-iżvilupp tat-territorji kostali tal-UE;

    21. Jenfasizza li s-sostenibbiltà u l-vijabbiltà tas-settur jikkostitwixxi l-element ewlieni ta’ din ir-riforma, li hi marbuta mal-għanijiet tal-Ewropa 2020; jemmen li użu iktar effiċjenti ta’ riżorsi hu kruċjali sabiex ikunu żgurati t-tkabbir u l-impjiegi fl-UE, biex b’hekk is-settur tas-sajd ikollu l-għajnuna jsir robust u sostenibbli, titnaqqas insikurezza tal-ikel, u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja għal din il-ġenerazzjoni u għal dawk il jmiss;

    22. Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi aġġustata s-sistema attwali tal-aċċess għall-ibħra, b’attenzjoni partikolari għar-reġjuni fil-baċiri marittimi li fihom ftit riżorsi tas-sajd, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tagħhom u jsir kontribut għall-istabbiltà soċjali u ekonomika tal-komunitajiet tas-sajd li mhumiex kapaċi joperaw barra miż-żona ekonomika esklussiva tagħhom;

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    26.4.2012

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    35

    0

    1

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, John Bufton, Alain Cadec, Nikos Chrysogelos, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Vladimír Maňka, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Ewald Stadler, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Jens Geier, Maurice Ponga, Elisabeth Schroedter, Patrice Tirolien, Giommaria Uggias

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Julie Girling

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    11.7.2012

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    21

    2

    2

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Antonello Antinoro, Kriton Arsenis, Alain Cadec, Chris Davies, João Ferreira, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Dolores García-Hierro Caraballo, Marek Józef Gróbarczyk, Ian Hudghton, Iliana Malinova Iotova, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Guido Milana, Maria do Céu Patrão Neves, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Raül Romeva i Rueda, Struan Stevenson, Isabelle Thomas, Nils Torvalds, Jarosław Leszek Wałęsa

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Jean-Paul Besset, Izaskun Bilbao Barandica, Diane Dodds, Barbara Matera, Nikolaos Salavrakos, Antolín Sánchez Presedo