RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tagħmir u s-sistemi ta' protezzjoni maħsuba għall-użu f'atmosferi potenzjalment esplużivi (tfassil mill-ġdid)

25.7.2012 - (COM(2011)0772 – C7‑0426/2011 – 2011/0356(COD)) - ***I

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Zuzana Roithová
(Tfassil mill-ġdid – Artikolu 87 tar-Regoli ta’ Proċedura)


Proċedura : 2011/0356(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0255/2012

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tagħmir u s-sistemi ta' protezzjoni maħsuba għall-użu f'atmosferi potenzjalment esplużivi (tfassil mill-ġdid)

(COM(2011)0772 – C7‑0426/2011 – 2011/0356(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – tfassil mill-ġdid)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0772),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0426/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-28 ta' Marzu 2012[1],

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali[2],

–   wara li kkunsidra l-ittra tas-27 ta' Marzu 2012 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali indirizzata lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur b'konformità mal-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 87 u 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7‑0225/2012),

A. billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali;

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal direttiva

Premessa 16a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(16a) L-obbligi kollha imposti fuq l-operaturi ekonomiċi b'din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll fil-każ tal-bejgħ mill-bogħod.

Emenda  2

Proposta għal direttiva

Premessa 20a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(20a) Meta l-ħruġ ta' dikjarazzjoni unika ta' konformità tal-UE jista' jikkawża problemi speċifiċi minħabba l-kumplessità jew l-ambitu ta' dik id-dikjarazzjoni unika tal-UE, għandu jkun possibbli li dik id-dikjarazzjoni unika tal-UE tinbidel b'dikjarazzjonijiet individwali ta' konformità tal-UE li jkunu rilevanti għall-prodott partikolari.

Emenda  3

Proposta għal direttiva

Premessa 37

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(37) Hemm bżonn li jkunu pprovduti arranġamenti tranżitorji li jippermettu d-disponibilità fis-suq u t-tqegħid fis-servizz tal-prodotti li kienu diġà tqegħdu fis-suq skont id-Direttiva 94/9/KE.

(37) Hemm bżonn li jkunu pprovduti arranġamenti tranżitorji li jippermettu lill-operaturi ekonomiċi perjodu ta' żmien raġonevoli biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq u jqiegħdu fis-servizz prodotti li kienu diġà tqiegħdu fis-suq skont id-Direttiva 94/9/KE. L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu jbigħu stokkijiet ta' tagħmir u sistemi ta' protezzjoni maħsuba biex jintużaw f'atmosferi potenzjalment esplużivi li diġà jinsabu fil-katina tad-distribuzzjoni fid-data tal-applikazzjoni ta' miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

Emenda  4

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 17

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(17) “speċifikazzjoni teknika” tfisser dokument li jistipula r-rekwiżiti tekniċi li jridu jiġu sodisfatti minn prodott, proċess jew servizzi;

(17) “speċifikazzjoni teknika” tfisser dokument li jistipula r-rekwiżiti tekniċi li jridu jiġu ssodisfati minn prodott jew proċess;

Emenda  5

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – punt 18

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(18) "standard armonizzat" tfisser standard armonizzat kif definit fl-Artikolu 2(1)c tar-Regolament (UE) Nru [../..] [dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea];

(18) "standard armonizzat" tfisser standard kif definit fl-Artikolu 2(1)c tar-Regolament (UE) Nru [../..] [dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea];

Emenda  6

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 21

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(21) “valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri jekk ir-rekwiżiti ta’ saħħa u sikurezza essenzjali relatati ma’ prodott, proċess, servizz ġewx sodisfatti;

(21) “valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri jekk ir-rekwiżiti ta’ saħħa u sikurezza essenzjali relatati ma’ prodott, proċess jew sistema ġewx issodisfati;

Emenda  7

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri approprjati kollha xierqa sabiex jisguraw li il-prodotti jkunu disponibbli fis-suq u fis-servizz biss jekk, meta installati kif imiss u mantenuti u użati skont l-għan maħsub tagħhom, ikunu konformi ma’ din id-Direttiva.

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri approprjati kollha sabiex jiżguraw li l-prodotti jkunu disponibbli fis-suq u fis-servizz biss jekk, meta installati kif imiss u mantenuti u użati skont l-għan maħsub tagħhom jew għal għan li jista' jiġi previst b'mod raġonevoli, ikunu konformi ma’ din id-Direttiva.

Emenda  8

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 – paragrafu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

6. Il-manifatturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom u l-indirizz fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati fuq il-prodott jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-ippakkjar tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott. L-indirizz għandu jindika punt uniku fejn jista' jiġi kkuntattjat il-manifattur.

6. Il-manifatturi għandhom jindikaw, fuq il-prodott, isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom, u l-indirizz postali jew, jekk ikun disponibbli, l-indirizz tal-websajt fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati jew, jekk dan ma jkunx raġonevolment possibbli, dawk id-dettalji jiġu pprovduti fuq l-ippakkjar jew f'dokument li jakkumpanja l-prodott. L-indirizz għandu jindika punt uniku fejn jista' jiġi kkuntattjat il-manifattur. Id-dettalji tal-kuntatt għandhom ikunu f'lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq.

Emenda  9

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 – paragrafu 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

7. Il-manifatturi għandhom jassiguraw li l-prodott ikun akkumpanjat minn struzzjonijiet u informazzjoni ta' sikurezza provduti b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment mill-utenti finali oħra, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru konċernat.

7. Il-manifatturi għandhom jassiguraw li l-prodott ikun akkumpanjat minn struzzjonijiet u informazzjoni ta' sikurezza provduti b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment mill-utenti finali, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru konċernat. Tali struzzjonijiet u informazzjoni ta' sikurezza kif ukoll kull tip ta' tikkettar għandhom ikunu ċari, b'mod li jistgħu jinftiehmu u intelliġibbli.

Emenda  10

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 2 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Qabel ma jqiegħdu prodott fis-suq, l-importaturi għandhom jassiguraw li tkun saret il-proċedura meħtieġa ta' valutazzjoni ta' konformità mill-manifattur. Dawn għandhom jiżguraw li l-manifattur ikun fassal id-dokumentazzjoni teknika, li l-prodott jkollu l-marka CE u tal-marka speċifika tal-protezzjoni tal-esplużjoni u jkun akkumpanjat mid-dokumenti meħtieġa, u li l-manifattur ikun issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(5) u (6).

2. Qabel ma jqiegħdu prodott fis-suq jew idaħħluh fis-servizz, l-importaturi għandhom jassiguraw li tkun saret il-proċedura meħtieġa ta' valutazzjoni ta' konformità mill-manifattur. Dawn għandhom jiżguraw li l-manifattur ikun fassal id-dokumentazzjoni teknika, li l-prodott jkollu l-marka CE u l-marka speċifika tal-protezzjoni tal-esplużjoni u jkun akkumpanjat mid-dokumenti meħtieġa, u li l-manifattur ikun issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(5) u (6).

Emenda  11

Proposta għal direttiva

Artikolu 8 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. L-importaturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom u l-indirizz fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati fuq il-prodott jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-ippakkjar tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott.

3. L-importaturi għandhom jindikaw, fuq il-prodott, isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom, u l-indirizz postali jew, jekk ikun disponibbli, l-indirizz tal-websajt fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati jew, jekk dan ma jkunx raġonevolment possibbli, fuq l-ippakkjar jew f'dokument li jakkumpanja l-prodott. Id-dettalji tal-kuntatt għandhom ikunu f'lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq.

 

Emenda  12

Proposta għal direttiva

Artikolu 9 – paragrafu 5a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

5a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti li tqiegħdu fis-suq legalment qabel [id-data stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(1)] jistgħu jsiru disponibbli fis-suq mid-distributuri mingħajr rekwiżiti oħra.

Emenda  13

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – paragrafu 1 – parti introduttorja

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-operaturi ekonomiċi għandhom, jekk mitluba, jgħarrfu għal ta’ mill-inqas 10 snin wara t-tqegħid tal-prodott fis-suq, lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar dan li ġej:

L-operaturi ekonomiċi għandhom, jekk mitluba, jispeċifikaw għal ta’ mill-inqas 10 snin wara t-tqegħid tal-prodott fis-suq, lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dan li ġej:

Emenda  14

Proposta għal direttiva

Artikolu 11 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu kapaċi jippreżentaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għal perjodu ta' 10 snin wara li jkunu ġew fornuti bil-prodott u għal perjodu ta' 10 snin wara li jkunu fornew il-prodott.

L-operaturi ekonomiċi għandhom jippreżentaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għal perjodu ta' 10 snin wara li jkunu ġew fornuti bil-prodott u għal perjodu ta' 10 snin wara li jkunu fornew il-prodott. L-operaturi ekonomiċi m'għandhomx jinħtieġu jaġġornaw dik l-informazzjoni wara li l-forniment ikun iffinalizzat.

Emenda  15

Proposta għal direttiva

Artikolu 11a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 11a

 

Obbligi tal-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-prodotti disponibbli

 

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-prodotti disponibbli jiġu applikati skont l-Artikolu 41.

Emenda  16

Proposta għal direttiva

Artikolu 13 – paragrafu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

6. Id-dokumenti u l-korrispondenzi li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri msemmija fil-paragrafi minn 1 sa 4 għandhom jitfasslu f’lingwa li faċilment tinftiehem mill-utenti finali, kif determinat mill-Istat Membru konċernat.

6. Id-dokumenti u l-korrispondenzi li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri msemmija fil-paragrafi minn 1 sa 5 għandhom jitfasslu f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri li fihom jiġu applikati dawn il-proċeduri jew f’lingwa aċċettata mill-korp notifikat.

Emenda  17

Proposta għal direttiva

Artikolu 14 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura tal-mudell stabbilit fl-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, għandha jkun fiha l-elementi speċifikati fil-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità rilevanti stabbiliti fl-Annessi minn III sa IX ta’ din id-Direttiva u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Għandha wkoll tiġi tradotta fil-lingwa jew il-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fis-suq fejn il-prodott jiġi magħmul disponibbli.

2. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura tal-mudell stabbilit fl-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, għandu jkun fiha l-elementi speċifikati fil-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità rilevanti stabbiliti fl-Annessi minn III sa IX ta’ din id-Direttiva u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Fuq talba tal-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq, l-operatur ekonomiku għandu jipprovdi kopja tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, u għandu jiżgura li tiġi tradotta fil-lingwa jew il-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn il-prodott jitqiegħed għad-dispożizzjoni jew isir disponibbli.

Emenda  18

Proposta għal direttiva

Artikolu 14 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Meta jagħmel id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, il-manifattur għandu jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott.

4. Meta jagħmel id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, il-manifattur għandu jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti stipulati f'din id-Direttiva.

Emenda  19

Proposta għal direttiva

Artikolu 16 – paragrafu 2 – parti introduttorja

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Il-marka CE għandha titwaħħal qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq. Dan għandha tkun akkumpanjata minn marka speċifika tal-protezzjoni tal-isplużjoni , segwita mis-simbolu tal-grupp u l-kategorija tat-tagħmir, kif stabbilit fl-Anness II, il-punt 1.0.5.

2. Il-marka CE għandha titwaħħal qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq. Din għandha tkun segwita min-numru ta' identifikazzjoni tal-korp notifikat u minn marki oħra kif stabbilit fil-punt 1.0.5 tal-Anness II, inkluża l-marka speċifika tal-protezzjoni tal-isplużjoni.

Emenda  20

Proposta għal direttiva

Artikolu 16 – paragrafu 3 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-marka CE u l-marka speċifika u s-simbolu msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu segwiti bin-numru ta' identifikazzjoni tal-korp notifikat, fejn dak il-korp ikun involut fil-fażi ta' kontroll tal-produzzjoni.

imħassar

Emenda  21

Proposta għal direttiva

Artikolu 16 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Il-marka CE, il-marka speċifika u s-simbolu msemmija fil-paragrafu 2 u, fejn jgħodd, in-numru ta' identifikazzjoni msemmi fil-paragrafu 3, jista' jkun hemm pittogramma jew kull marka oħra li tindika riskju jew użu speċjali.

4. Il-marka CE, in-numru ta' identifikazzjoni, fejn applikabbli, il-marka speċifika u s-simbolu msemmija fil-paragrafu 2, jistgħu jkunu segwiti minn pittogramma jew kull marka oħra li tindika riskju jew użu speċjali.

Emenda  22

Proposta għal direttiva

Artikolu 18 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Stati Membri għandhom jaħtru awtorità ta' notifika li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u tesegwixxi l-proċeduri meħtieġa għall-evalwazzjoni u n-notifika ta' korpi tal-evalwazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta' korpi notifikati, inklużi l-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23.

1. Stati Membri għandhom jaħtru awtorità ta' notifika unika li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u tesegwixxi l-proċeduri meħtieġa għall-evalwazzjoni u n-notifika ta' korpi tal-evalwazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta' korpi notifikati, inklużi l-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23.

Emenda  23

Proposta għal direttiva

Artikolu 25 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Meta notifika ma tkunx ibbażata fuq ċertifikat ta' akkreditazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 24, l-awtorità ta' notifika għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'evidenza dokumentata li tafferma l-kompetenza tal-korp ta' valutazzjoni tal-konformità kif ukoll l-arranġamenti li saru biex ikun żgurat li dak il-korp ikun monitorjat b'mod regolari u jkompli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 21.

4. Meta notifika ma tkunx ibbażata fuq ċertifikat ta' akkreditazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 24(2), l-awtorità ta' notifika għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'evidenza dokumentata li tafferma l-kompetenza tal-korp ta' valutazzjoni tal-konformità kif ukoll l-arranġamenti li saru biex ikun żgurat li dak il-korp ikun monitorjat b'mod regolari u jkompli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 21.

Emenda  24

Proposta għal direttiva

Artikolu 34 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

L-Istati Membri għandhom, fuq bażi annwali, jagħtu lill-Kummissjoni d-dettalji tal-attivitajiet tal-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq tagħhom u ta' kwalunkwe pjan għas-sorveljanza tas-suq jew ta' żieda fis-sorveljanza tas-suq, inklużi l-allokazzjoni ta' aktar riżorsi, iż-żieda fl-effiċjenza u l-bini tal-kapaċità meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

Emenda  25

Proposta għal direttiva

Artikolu 34 – paragrafu 1b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

L-Istati Membri għandhom jipprovdu finanzjament xieraq lill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq tagħhom sabiex jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom ikunu koerenti u effettivi fl-Unjoni kollha.

Emenda  26

Proposta għal direttiva

Artikolu 35 – paragrafu 1 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru jkunu ħadu azzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew jekk dawn għandhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li prodott jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza ta’ persuni jew għal aspetti oħra ta’ protezzjoni ta’ interess pubbliku koperti b'din id-Direttiva, dawn għandhom iwettqu valutazzjoni relatata mal-prodott ikkonċernat li jkopri r-rekwiżiti kollha stabbiliti f'din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

1. Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru jkunu ħadu azzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew jekk dawn għandhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li prodott jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza ta’ persuni jew għal aspetti oħra ta’ protezzjoni ta’ interess pubbliku koperti b'din id-Direttiva, dawn għandhom iwettqu valutazzjoni relatata mal-prodott ikkonċernat li jkopri r-rekwiżiti rilevanti kollha stabbiliti f'din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

Emenda  27

Proposta għal direttiva

Artikolu 35 – paragrafu 4 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Fejn l-operatur ekonomiku rilevanti ma jiħux azzjoni korrettiva xierqa fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri provviżorji xierqa kollha biex jipprojbixxu jew jillimitaw li l-prodott isir disponibbli fis-suq nazzjonali tagħhom jew biex il-prodott jiġi irtirat minn dak is-suq jew biex dan jittieħed lura.

Ma taffettwax il-verżjoni Maltija.

Emenda  28

Proposta għal direttiva

Artikolu 35 – paragrafu 5 – punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) in-nuqqas tal-prodott li jissodisfa r-rekwiżiti relatati mas-saħħa jew is-sikurezza ta' persuni jew ma' aspetti oħra ta' protezzjoni ta’ interess pubbliku stabbiliti f'din id-Direttiva;

(a) in-nuqqas tal-prodott li jissodisfa r-rekwiżiti relatati mas-saħħa jew is-sikurezza ta' persuni jew ma' aspetti oħra ta' protezzjoni ta’ interess pubbliku stabbiliti f'din id-Direttiva; jew

Emenda  29

Proposta għal direttiva

Artikolu 35 – paragrafu 5 – punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) nuqqasijiet fl-istandards armonizzati li l-Anness II jirreferi għalihom għaliex jikkonferixxu preżunzjoni tal-konformità.

(b) nuqqasijiet fl-istandards armonizzati li l-Artikolu 12 jirreferi għalihom għaliex jikkonferixxu preżunzjoni tal-konformità.

Emenda  30

Proposta għal direttiva

Artikolu 35 – paragrafu 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

7. Fejn, fi żmien xahrejn minn meta tasal l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, ma tkun saret ebda oġġezzjoni minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni rigward miżura provviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies li tkun ġustifikata.

7. Fejn, fi żmien tliet xhur minn meta tasal l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, ma tkun saret ebda oġġezzjoni minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni rigward miżura provviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies li tkun ġustifikata.

Emenda  31

Proposta għal direttiva

Artikolu 35 – paragrafu 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri restrittivi adegwati fir-rigward tal-prodott ikkonċernat mingħajr dewmien.

8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri restrittivi adegwati fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, bħall-irtirar tal-prodott mis-suq tagħhom, mingħajr dewmien.

Emenda  32

Proposta għal direttiva

Artikolu 39 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu infurzati.

L-Istati Membri għandhom jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tas-sistema li tirregola l-marka CE u għandhom jieħdu azzjoni xierqa f’każ ta’ użu mhux korrett tal-marka. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur mill-operaturi ekonomiċi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu infurzati. Tali regoli jistgħu jinkludu sanzjonijiet penali għal ksur serju.

Emenda  33

Proposta għal direttiva

Artikolu 39 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi.

Il-penali msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom ikunu effettivi, proporzjonati għal kemm ikun serju r-reat, u disswasivi.

Emenda  34

Proposta għal direttiva

Artikolu 39 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu b'dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa [id-data speċifikata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(1)] u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu b'dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa [id-data speċifikata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(1)] u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed dawk id-dispożizzjonijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku billi tippubblikahom fl-internet.

Emenda  35

Proposta għal direttiva

Artikolu 41 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed dawk it-testi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku billi tippubblikahom fl-internet.

Emenda  36

Proposta għal direttiva

Anness III – punt 3 – paragrafu 1 – inċiż 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

– l-evidenza ta’ appoġġ tal-adattezza tas-soluzzjoni tad-disinn tekniku. Din l-evidenza ta’ appoġġ għandha ssemmi kwalunkwe dokumenti li jkunu ntużaw, b’mod partikolari fejn l-istandards armonizzati u/jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti ma jkunux ġew applikati kompletament. L-evidenza ta’ sostenn għandha tinkludi, fejn ikun hemm bżonn, ir-riżultati tat-testijiet imwettqa mil-laboratorju xieraq tal-manifattur, jew minn laboratorju tal-ittestjar ieħor f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

imħassar

Emenda  37

Proposta għal direttiva

Anness VI – punt 3 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Għal kull prodott individwali manifatturat, il-manifattur jew persuna f’ismu għandu jagħmel test wieħed jew iktar fuq aspett speċifiku wieħed jew iktar tal-prodott, sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti korrispondenti ta’ din id-Direttiva. It-testijiet għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà tal-korp notifikat, magħżul mill-manifattur.

Għal kull prodott individwali manifatturat, il-manifattur jew persuna f’ismu għandu jagħmel test wieħed jew iktar fuq aspett speċifiku wieħed jew iktar tal-prodott, sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti korrispondenti ta’ din id-Direttiva. It-testijiet għandhom jitwettqu minn korp akkreditat intern jew taħt ir-responsabbiltà tal-korp notifikat, magħżul mill-manifattur.

  • [1]  Għadha ma ġietx ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali.
  • [2]  ĠU C 77 28.3.2002, p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

Dan ir-rapport jemenda l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tfassal mill-ġdid id-Direttiva 94/9/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tagħmir u s-sistemi ta' protezzjoni maħsuba għall-użu f'atmosferi potenzjalment esplużivi. Gie ppreżentat f'Novembru 2011 fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (QLĠ) adottat fl-2008 bħala "l-pakkett dwar il-prodotti" li jkopri l-istrumenti komplementari, id-Deċiżjoni 768/2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KE u r-Regolament 765/2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93. Il-proposta attwali hija parti minn pakkett, li jallinja disa' direttvi dwar il-prodotti mal-QLĠ.

Id-Direttiva 94/9/KE eżistenti dwar it-tagħmir u s-sistemi ta' protezzjoni maħsuba għall-użu f'atmosferi potenzjalment esplużivi tistabbilixxi rekwiżiti essenzjali u tagħżel il-proċeduri xierqa ta' valutazzjoni tal-konformità li l-manifatturi jridu japplikaw sabiex juru li l-prodotti tagħhom jikkonformaw ma' dawn ir-rekwiżiti essenzjali, qabel ma jitqiegħdu fis-suq tal-UE.

Il-QLĠ ġie adottat bħala rimedju għan-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni eżistenti ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni sabiex jiġi kkompletat is-Suq Uniku, b'kompetizzjoni ġusta u bi prodotti sikuri. Implimentazzjoni u infurzar inkonsistenti fl-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni, flimkien ma' regolamentazzjoni kumplessa, għamluha dejjem aktar diffiċli kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet biex jinterpretaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni korrettament, u dan iwassal għal kundizzjonijiet inugwali tas-suq kif ukoll biex jitqiegħdu prodotti mhux sikuri fis-suq. "Il-pakkett dwar il-prodotti" jagħti l-qafas ġenerali biex tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti, sabiex issir aktar uniformi u komprensibbli kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-QLĠ mhumiex direttament applikabbli. Sabiex jiġi żgurat li s-setturi ekonomiċi kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, jibbenefikaw mit-titjib tal-QLĠ, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-QLĠ jiġu integrati fil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-prodotti.

Wara l-adozzjoni tal-qafas legali fil-QLĠ fl-2008, il-Kummissjoni bdiet proċess ta' evalwazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni armonizzata Ewropea dwar il-prodotti sabiex tidentifika l-istrumenti li għandhom jiġu riveduti sabiex jiġi implimentat il-QLĠ.

Hawnhekk ġew identifikati għadd ta' direttivi li se jeħtieġu reviżjoni fit-tliet snin jew il-ħames snin li jmiss minħabba klawżoli ta' reviżjoni jew għal raġunijiet speċifiċi għas-settur (il-ħtieġa ta' kjarifika tal-ambitu, il-ħtieġa ta' aġġornament tar-rekwiżiti tas-sikurezza, eċċ.). Il-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti dwar il-prodotti se jkollha tiġi riveduta għal dawn ir-raġunijiet u tkun ittrattata individwalment skont il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni.

Id-disa' proposti fil-pakkett ippreżentat f'Novembru 2011, inkluża d-Direttiva 94/9/KEE, mhumiex parti mill-grupp ta' direttivi dwar il-prodotti msemmi hawn fuq, iżda ġew identifikati bħala adatti għal allinjament mal-QLĠ minħabba l-istruttura komuni tagħhom. Is-setturi koperti bid-direttivi kollha huma setturi industrijali importanti ħafna li huma soġġetti għal kompetizzjoni internazzjonali b'saħħitha, u skont il-valutazzjonijiet, dawk l-industriji se jibbenefikaw mis-simplifikazzjoni u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet indaqs għall-kumpaniji Ewropej li huma fil-mira tal-QLĠ.

Il-bidliet li saru fid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jikkonċernaw: id-definizzjonijiet, l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi, is-suppożizzjoni ta' konformità pprovduta permezz tal-istandards armonizzati, id-dikjarazzjoni ta' konformità, il-marka CE, il-proċedura tal-klawżola ta' salvagwardja u l-proċeduri ta' valutazzjoni ta' konformità. L-għan tal-proposta huwa limitat għal sempliċi allinjament mad-dispożizzjonijiet orizzontali fid-Deċiżjoni 768/2008/KE u mat-terminoloġija l-ġdida fit-Trattat ta' Lisbona, inklużi r-regoli l-ġodda dwar il-komitoloġija.

Proċedura

L-allinjament tad-Deċiżjoni tal-QLĠ jirrikjedi għadd ta' emendi sostantivi għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. It-teknika ta' tfassil mill-ġdid intgħażlet b'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2011.

Skont l-Artikolu 87 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali eżamina l-proposta, abbażi tar-rapporti mill-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv (servizzi legali tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni), u qies li ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali ħlief dawk identifikati bħala tali fil-proposta jew dawk identifikati mill-GĦK.

Pożizzjoni tar-Rapporteur

Ir-Rapporteur tqis dan l-allinjament ta' disa' direttivi dwar il-prodotti mal-QLĠ bħala pass importanti lejn l-ikkompletar tas-suq uniku tal-UE.

Il-QLĠ jintroduċi ambjent regolatorju simplifikat għall-prodotti u jippermetti implimentazzjoni aktar konsistenti tan-normi tekniċi, u dan jgħin biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku, billi jiżgura t-trattament ugwali tal-prodotti mhux konformi u tal-operaturi ekonomiċi, kif ukoll valutazzjoni ugwali tal-korpi nnotifikati fis-suq kollu tal-UE.

Fil-fehma tar-Rapporteur, allinjament tad-disa' direttivi dwar il-prodotti mal-QLĠ iżid il-fiduċja kemm tal-produtturi kif ukoll tal-konsumaturi, billi jikkjarifika l-obbligi għall-operaturi ekonomiċi u jagħti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri għodda aktar effikaċi biex iwettqu kontrolli ta' sorveljanza tas-suq, u dan kollu jwassal għal tnaqqis tal-prodotti mhux konformi u mhux sikuri fis-suq.

Il-proposti tal-Kummissjoni fil-pakkett ta' allinjament huma bbażati fuq konsultazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati, inklużi diversi mijiet ta' SMEs u l-esperjenzi tagħhom bil-pakkett dwar il-prodotti, fatt li huwa apprezzat ħafna mir-Rapporteur.

Ir-Rapporteur tappoġġa l-intenzjoni ġenerali tal-Kummissjoni ta' allinjament sempliċi tad-disa' direttivi dwar il-prodotti mal-miżuri orizzontali fid-Deċiżjoni 768/2008, iżda madankollu tissuġġerixxi xi bidliet fid-Direttiva 94/9/KE dwar it-tagħmir u s-sistemi ta' protezzjoni maħsuba għall-użu f'atmosferi potenzjalment esplużivi għal kjarifika u aġġustamenti settorjali addizzjonali bl-objettivi li ġejjin:

1. L-Allinjament Addizzjonali tad-Direttiva mal-QLĠ u l-Iżgurar taċ-Ċertezza Legali

Ir-Rapporteur tqis li huwa importanti li jsiru għadd ta' bidliet fid-Direttiva proposta sabiex jinkiseb livell ogħla ta' konsistenza mat-termini użati fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE u sabiex jitneħħew l-inkonsistenzi possibbli fit-test li jistgħu joħolqu l-inċertezza legali.

Huwa importanti wkoll li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni legali għall-prodotti li tqiegħdu fis-suq legalment b'konformità mad-Direttiva attwali qabel ma tibda tapplika d-Direttiva l-ġdida, iżda li għadhom disponibbli. In-natura mhux retroattiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tiġi enfasizzata u għandu jiġi ċċarat li dawn il-prodotti xorta jistgħu jitqiegħdu fis-suq wara d-data ta' applikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida.

Barra minn hekk, ir-Rapporteur tqis li l-Kummissjoni għandu jkollha l-obbligu li tippubblika fl-internet id-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-Direttiva trasposta u s-sanzjonijiet rilevanti (il-prinċipju tat-trasparenza).

2. It-Tisħiħ tal-Ħarsien tal-Konsumatur

Il-QLĠ jikkontribwixxi biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur fis-suq uniku. Għalhekk, għadd ta' emendi huma marbuta wkoll mal-objettiv tar-Rapporteur li jittieħed il-benefiċċju sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-QLĠ marbuta mal-ħarsien tal-konsumatur. F'dak ir-rigward, xi emendi jippermettu lid-Direttiva l-ġdida tkopri ambitu usa' ta' sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza, meta anke l-użu previst b'mod raġonevoli għandu jitqies matul il-fażi ta' diżinn tal-prodott (ara l-Artikolu 16 tar-Regolament 765/2008 dwar ir-rekwiżiti ġenerali). Il-ħarsien tal-konsumatur jissaħħaħ ukoll billi jiġi ppreċiżat li l-istruzzjonijiet, l-informazzjoni dwar is-sikurezza u t-tikketti għandhom ikunu affidabbli, jistgħu jiftiehmu u trasparenti.

3. It-Tnaqqis tal-Burokrazija

Il-QLĠ għandu jikkontribwixxi biex jitjieb il-moviment liberu tal-merkanzija fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, burokrazija li tfixkel tipprevjeni il-fluss liberu tal-merkanzija. Għalhekk, ir-Rapportuer skrutinizzat id-Direttiva proposta sabiex tnaqqas il-burokrazija kull meta possibbli. Għaldaqstant, ir-rapport jipproponi l-modernizzazzjoni tal-proċeduri attwali billi jiġi permess li d-DtK tal-UE tingħata mhux biss f'forma stampata, iżda anke permezz ta' mezzi elettroniċi, u jipproponi wkoll li titnaqqas il-burokrazija għall-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' operaturi ekonomiċi.

Kif intqal qabel, ir-Rapporteur tappoġġa s-simplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-proċedura prevista fil-QLĠ, iżda fl-istess ħin trid tissottolinja li tista' tkun meħtieġa l-flessibbiltà fir-rigward ta' xi obbligi maħluqa mill-qafas il-ġdid. Pereżempju, qed jiġi propost li tiġi miżjuda eċċezzjoni għar-regola dwar "DtK unika" għal każijiet li fihom l-għoti ta' dokument wieħed joħloq problemi speċifiċi minħabba l-kobor jew il-kumplessità tiegħu. F'dan il-każ, għandu jkun possibbli li d-DtK kollha jingħataw separatament.

Hija permessa aktar flessibbiltà fir-rigward tad-DtK unika tal-UE, li bħar-regola mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni hija supplementata b'eċċezzjoni għall-każijiet li joħolqu problemi speċifiċi minħabba l-kumplessità jew il-kobor tagħhom.

4. L-Iżgurar ta' Sorveljanza tas-Suq Aħjar għall-Prodotti tagħna

Anke jekk ir-Rapporteur hija konxja mir-Regolament il-ġdid dwar is-sorveljanza tas-suq imħejji mis-servizzi tal-Kummissjoni, l-aħħar sett ta' bidliet qed jiffoka fuq l-iżgurar ta' livell ogħla ta' sorveljanza tas-suq tal-prodotti. Għal dan il-għan, ir-Rapporteur tipproponi li tiżdied is-sorveljanza tas-suq fil-bejgħ mill-bogħod billi jiġi żgurat li r-rekwiżiti rilevanti kollha dwar l-informazzjoni jintwerew ukoll fil-kummerċ elettroniku, li jiġi stabbilit rekwiżit biex l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni kull sena lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom ta' sorveljanza tas-suq, u li l-Istati Membri jiġu mistiedna jipprovdu l-finanzjament xieraq lill-awtoritajiet tagħhom ta' sorvlejanza tas-suq. Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur enfasizzat il-ħtieġa li l-Istati Membri jieħdu azzjonijiet xierqa kontra l-użu ħażin tal-marka CE.

Ir-Rapporteur iddaħħal ukoll bidliet settorjali f'dan it-test. Sabiex jiġi ċċarat id-dritt tal-manifatturi li jużaw korpi akkreditati interni ta' valutazzjoni tal-konformità skont il-moduli A1, A2, C1 u C2, li ddaħħlu bid-Deċiżjoni 768/2008/KE u li minn dak iż-żmien kienu l-prassi għall-manifatturi ta' strumenti tal-kejl, dan issa ġie inkluż b'mod espliċitu fit-test tal-Anness II, parti 2 u parti 5.

Ir-Rapporteur tappoġġa n-nuqqas ta' rekwiżit għall-ittestjar tal-kampjuni fid-Direttiva, li joriġina mill-GPSD u li ddaħħal f'direttivi marbuta mal-prodotti għall-konsumaturi. Id-Direttiva tkopri prodotti professjonali mhux maħsuba għall-utenti. Barra minn hekk, rekwiżit ta' ttestjar tal-kampjuni hawnhekk ikun f'kunflitt mal-ftehimiet kuntrattwali privati bejn il-manifattur u l-klijenti professjonali tiegħu.

Ir-Rapporteur tal-fehma wkoll li r-rekwiżiti tal-lingwa għall-valutazzjonijiet tal-konformità għandhom ikunu adattati għal min jikkonċernaw. Jekk ikunu jikkonċernaw biss lill-korpi notifikati kif inhu l-każ f'din id-Direttiva, m'hemmx bżonn li r-rekwiżiti jinbidlu minn kif inhuma, jiġifieri waħda mil-lingwi uffiċjali fl-Istati Membri li fih dawk il-proċeduri qed jiġu applikati, jew lingwa aċċettata mill-korp notifikat.

Emendi oħra jidhru editorjali, iżda xorta waħda jistgħu jwasslu għal kostijiet sinifikanti għall-kumpaniji li jkollhom jaġġornaw il-proċeduri tagħhom ta' mmarkar u ta' valutazzjoni tal-konformità, mingħajr l-ebda valur miżjud ċar. Pereżempju fid-Direttiva ATEX, l-ordni tal-marka CE u ta' marki oħra nbidel mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni, u r-Rapporteur qed tissuġġerixxi li l-ordni terġa' tinbidel għal li kienet.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI

Ref.: D(2012)22809

Is-Sur Malcolm Harbour,

President tal-Kumitat għas-Suq Intern

u l-Ħarsien tal-Konsumatur

ASP 13E130

Brussell

Suġġett:     Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tagħmir u s-sistemi ta' protezzjoni maħsuba għall-użu f'atmosferi potenzjalment esplużivi (tfassil mill-ġdid)

                  (COM(2011)0772 – C7‑0426/2011 – 2011/0356(COD))

Sur President,

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li għandi l-unur nippresjedi, eżamina l-proposta msemmija hawn fuq, skont it-termini tal-Artikolu 87 dwar it-Tfassil mill-Ġdid, kif iddaħħal fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

Il-Paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu jgħid hekk:

"Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jqis li l-proposta ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali ħlief għal dawk il-bidliet identifikati bħala tali fil-proposta, huwa għandu jgħarraf lill-kumitat responsabbli b'dan.

F'dan il-każ, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 156 u 157, l-emendi għandhom ikunu ammissibbli mill-kumitat responsabbli jekk jikkonċernaw dawk il-partijiet tal-proposta li jinkludu tibdiliet sostanzjali.

Madankollu, jekk, f’konformità mal-punt 8 tal-Ftehim Interistituzzjonali, il-kumitat responsabbli jkollu l-ħsieb ukoll li jippreżenta emendi għall-partijiet ikkodifikati tal-proposta, huwa għandu jinnotifika minnufih il-ħsieb tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u din tal-aħħar għandha tgħarraf lill-kumitat, qabel il-vot skont l-Artikolu 54, bil-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-emendi kif ukoll dwar jekk għandhiex il-ħsieb li tirtira l-proposta ta' tfassil mill-ġdid."

B'segwitu għall-opinjoni tas-Servizz Legali, li r-rappreżentanti tiegħu pparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv li eżamina l-proposta għal tfassil mill-ġdid, u b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur għal opinjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jikkunsidra li l-proposta msemmija ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali ħlief dawk identifikati bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil fis-sostanza tagħhom.

Fl-aħħar nett, wara diskussjoni fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta' April 2012, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bi 23 vot favur u ebda astensjoni[1], jirrakkomanda li l-Kumitat tiegħek, bħala l-kumitat responsabbli, jipproċedi biex jeżamina l-proposta msemmija hawn fuq bi qbil mal-Artikolu 87.

Dejjem tiegħek,

Klaus-Heiner LEHNE

Mehmuż: L-Opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv.

  • [1]  Raffaele Baldassarre, Sebastian Valentin Bodu, Piotr Borys, Françoise Castex, Sergio Gaetano Cofferati, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Vytautas Landsbergis, Eva Lichtenberger, Jiří Maštálka, Antonio López-Istúriz White, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Rebecca Taylor, Alexandra Thein, Axel Voss, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

ANNESS: OPINJONI TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

 

 

 

 

GRUPP TA' ĦIDMA KONSULTATTIV

TAS-SERVIZZI LEGALI

Brussell, 27 ta' Marzu 2012

OPINJONI

GĦALL-ATTENZJONI      TAL-PARLAMENT EWROPEW

                                                                 TAL-KUNSILL

                                                                 TAL-KUMMISSJONI

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tagħmir u s-sistemi ta' protezzjoni maħsuba għall-użu f'atmosferi potenzjalment esplużivi (tfassil mill-ġdid)

COM(2011)0772 tal-21.11.2011 – 2011/0356(COD)

Wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika tat-tfassil mill-ġdid tal-atti legali, u b'mod partikulari il-punt 9 tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv, magħmul mis-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, fl-1 ta’ Marzu 2012 kellu laqgħa ddedikata, fost affarijiet oħra, għall-eżami tal-proposta msemmija hawn fuq, imressqa mill-Kummissjoni.

Waqt din il-laqgħa[1], eżami tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tfassal mill-ġdid id-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Marzu 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it-tagħmir u s-sistemi ta' protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi li wassal biex il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv jistabbilixxi, bi ftehim reċiproku, dan li ġej.

1) Fir-rigward tan-nota spjegattiva, bil-għan li l-abbozzar isir f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti relevanti stabbiliti mill-Ftehim Interistituzzjonali, dan id-dokument kellu jispeċifika liema dispożizzjonijiet tal-att preċedenti ma jinbidlux fil-proposta, kif previst fil-punt 6(a)(iii) ta’ dak il-ftehim.

2) Fit-test imfassal mill-ġdid il-partijiet li ġejjin kellhom jiġu identifikati billi tintuża tipa ta’ kulur griż li ġeneralment tintuża sabiex jiġu mmarkati bidliet sostanzjali:

- fl-Artikolu 13(6), proposta għall-bidla tal-kliem "f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri li fihom jiġu applikati dawn il-proċeduri jew f'lingwa aċċettata mill-korp notifikat" bil-kliem "f’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali, kif determinat mill-Istat Membru konċernat".

- fl-Artikolu 41(1), l-ewwel subparagrafu, il-kliem "Artikolu 2(2) u minn (10) sa (26), l-Artikolu 3, l-Artikoli minn 5 sa 40 u l-Annessi minn III sa IX", kif ukoll it-test kollu kemm hu tas-sentenza finali li għandha taqra kif ġej: "Għandhom jikkomunikaw  lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva";

- fl-Artikolu 41(1), it-tieni subparagrafu, il-kliem "minn [jum wara d-data msemmija fl-ewwel subparagrafu]";

- fil-punt 1.0.6(b) tal-Anness II, proposta għall-bidla tal-kliem "f'waħda mil-lingwi tal-Komunità" bil-kliem "f’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali, kif determinat mill-Istat Membru kkonċernat".

Dan l-eżami tal-proposta b'hekk wassal biex il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv jikkonkludi, bi qbil komuni, li l-proposta ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali, ħlief dawk identifikati bħala tali fiha jew f'din l-opinjoni. Il-Grupp ta' Ħidma nnota wkoll li, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma’ dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti, mingħajr tibdil sustanzjali.

C. PENNERA                       H. LEGAL                            L. ROMERO REQUENA

Ġurikonsult                            Ġurikonsult                            Direttur Ġenerali

  • [1]  Il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv kellu l-verżjonijiet bl-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż tal-proposta u ħadem fuq il-bażi tal-verżjoni Ingliża, il-verżjoni oriġinali tat-test eżaminat.

PROĊEDURA

Titolu

L-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tagħmir u s-sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi (tfassil mill-ġdid)

Referenzi

COM(2011)0772 – C7-0426/2011 – 2011/0356(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

21.11.2011

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

IMCO

30.11.2011

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE

30.11.2011

JURI

30.11.2011

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

ITRE

19.12.2011

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Zuzana Roithová

29.11.2011

 

 

 

Eżami fil-kumitat

9.1.2012

28.2.2012

31.5.2012

10.7.2012

Data tal-adozzjoni

10.7.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adam Bielan, Sergio Gaetano Cofferati, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Cornelis de Jong, Christian Engström, Vicente Miguel Garcés Ramón, Louis Grech, Philippe Juvin, Edvard Kožušník, Toine Manders, Sirpa Pietikäinen, Phil Prendergast, Mitro Repo, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Bernadette Vergnaud

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Ildikó Gáll-Pelcz, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Konstantinos Poupakis, Marek Siwiec, Marc Tarabella

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ismail Ertug

Data tat-tressiq

25.7.2012