RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta' splużivi għall-użu ċivili (tfassil mill-ġdid)

29.11.2012 - (COM(2011)0771) – C7‑0423/2011 – 2011/0349(COD)) - ***I

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Zuzana Roithová
(Tfassil mill-ġdid – Artikolu 87 tar-Regoli ta' Proċedura)


Proċedura : 2011/0349(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0256/2012
Testi mressqa :
A7-0256/2012
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta' splużivi għall-użu ċivili (tfassil mill-ġdid)

(COM(2011)0771) – C7‑0423/2011 – 2011/0349(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – tfassil mill-ġdid)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0771),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0423/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-28 ta' Marzu 2012[1],

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali[2],

–   wara li kkunsidra l-ittra tas-27 ta' Marzu 2012 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 87 u 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0256/2012),

A. billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali;

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal direttiva

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Il-merkanzija piroteknika teħtieġ miżuri xierqa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi u s-sikurezza tal-pubbliku. L-oġġetti pirotekniċi huma koperti bid-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 dwar it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti pirotekniċi. Din id-Direttiva, għalhekk, ma għandhiex tapplika għall-oġġetti pirotekniċi.

(6) Il-merkanzija piroteknika teħtieġ miżuri xierqa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-utenti finali u s-sikurezza tal-pubbliku. L-oġġetti pirotekniċi huma koperti bid-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 dwar it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti pirotekniċi. Din id-Direttiva, għalhekk, ma għandhiex tapplika għall-oġġetti pirotekniċi.

Emenda  2

Proposta għal direttiva

Premessa 15a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(15a) L-obbligi kollha imposti fuq l-operaturi ekonomiċi b'din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll fil-każ ta' bejgħ minn distanza.

Emenda  3

Proposta għal direttiva

Premessa 19a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(19a) Meta l-ħruġ ta' dikjarazzjoni unika ta' konformità tal-UE jista' jikkawża problemi speċifiċi minħabba l-kumplessità jew l-ambitu ta' dik id-dikjarazzjoni unika tal-UE, għandu jkun possibbli li dik id-dikjarazzjoni unika tal-UE tinbidel b'dikjarazzjonijiet individwali ta' konformità tal-UE li jkunu rilevanti għall-isplużiv partikolari.

Emenda  4

Proposta għal direttiva

Premessa 43

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(43) Huwa neċessarju li jiġu previsti arranġamenti tranżitorji li jippermettu t-tqegħid fis-suq tal-isplużivi, li diġà tqiegħdu fis-suq skont id-Direttiva 93/15/KEE.

(43) Huwa neċessarju li jiġu previsti arranġamenti tranżitorji li jagħtu lill-operaturi ekonomiċi perjodu raġonevoli ta' żmien biex iqiegħdu fis-suq splużivi għal użu ċivili li diġà tqiegħdu fis-suq skont id-Direttiva 93/15/KEE. L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu jbigħu stokkijiet ta' splużivi għal użu ċivili li jkunu diġà fil-katina ta' distribuzzjoni fid-data ta' applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

Emenda  5

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – paragrafu 2 – punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) splużivi u  l-munizzjon, maħsuba għall-użu, skont il-liġi nazzjonali, mill-forzi armati jew mill-Pulizija;

(a) splużivi, inkluż il-munizzjon, maħsuba għall-użu, skont il-liġi nazzjonali, mill-forzi armati jew mill-Pulizija;

Emenda  6

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – paragrafu 2 – punt ba (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ba) munizzjon, ħlief kif previst fl-Artikoli 12, 13 u 14.

Emenda  7

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) "splużivi" tfisser il-materjali u l-merkanzija hekk meqjusa fir-rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-trasport ta' merkanzija perikoluża u li taqa' fil-Klassi 1 ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

(1) "splużivi" tfisser il-materjali u l-merkanzija meqjusa bħala splużivi fir-rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-trasport ta' merkanzija perikoluża u li jaqgħu fil-Klassi 1 ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet;

Ġustifikazzjoni

Xi wħud mill-prodotti splużivi, bħal fertilizzanti jew prodotti kimiċi użati fl-industrija, huma klassifikati fil-Klassi I min-Nazzjonijiet Uniti, iżda dawn mhumiex maħsuba sabiex jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Emenda  8

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – punt 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(1a) "munizzjon" tfisser projettili u karigi propulsivi, inkluż munizzjon inbjank, użat f’armi tan-nar li jistgħu jinġarru minn persuna, armi tan-nar oħrajn u artilleriji;

Emenda  9

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – punt 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) "Ir-rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti" tfisser  ir-rakkomandazzjonijiet stipulati mill-Kumitat ta' Esperti dwar it-Trasport ta' Merkanzija Perikoluża tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ippubblikati fin-Nazzjonijiet Uniti (Ktieb Oranġjo) u kif emendati sad-data li din id-Direttiva tiġi adottata;

imħassar

Emenda  10

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – punt 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) "operaturi ekonomiċi" tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur, id-distributur u kull persuna naturali jew legali li twettaq il-ħażna, l-użu, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew il-kummerċ tal-isplużivi;

(7) "operatur ekonomiku" tfisser manifattur, rappreżentant awtorizzat, importatur, distributur jew kull persuna fiżika jew ġuridika li twettaq il-ħażna, l-użu, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew il-kummerċ tal-isplużivi;

Emenda  11

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt 16

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(16) "standard armonizzat" tfisser standards armonizzat kif inhu definit fl-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru [../..] [ir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni];

(16) "standard armonizzat" tfisser standard kif inhu definit fl-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru [../..] [ir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni];

Emenda  12

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 – paragrafu 2 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Il-manifatturi għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness II u jwettqu l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 19 jew iqabbdu lil xi ħadd biex jagħmilha f'isimhom.

1. Il-manifatturi għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Anness II u jqabbdu lil xi ħadd biex iwettaq il-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 19.

Emenda  13

Proposta għal direttiva

Artikolu 6 – paragrafu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

6. Il-manifatturi għandhom jassiguraw li l-isplużivi jkunu akkumpanjati minn struzzjonijiet u informazzjoni ta' sikurezza provduti b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment mill-utenti finali, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru konċernat.

6. Il-manifatturi għandhom jassiguraw li l-isplużivi jkunu akkumpanjati minn struzzjonijiet u informazzjoni ta' sikurezza provduti b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment mill-utenti finali, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru konċernat. Tali struzzjonijiet u informazzjoni ta' sikurezza kif ukoll kull tip ta' tikkettar għandhom ikunu ċari, jistgħu jinftiehmu u intelliġibbli.

Emenda  14

Proposta għal direttiva

Artikolu 9 – paragrafu 5a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

5a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-isplużiv li tqiegħed fis-suq legalment qabel [id-data stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 50(1)] jista' jsir disponibbli fis-suq mid-distributuri mingħajr aktar rekwiżiti għall-prodott.

Emenda  15

Proposta għal direttiva

Artikolu 10a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 10a

 

Obbligi tal-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-prodotti fl-istokk

 

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-prodotti fl-istokk jiġu applikati skont l-Artikolu 49.

Emenda  16

Proposta għal direttiva

Artikolu 15 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-operaturi ekonomiċi  jkollhom sistema sabiex jagħtu kont tal-isplużivi b'dak il-mod li dawk li jkollhom xi splużivi jkunu jistgħu jiġu identifikati f'kull żmien.

L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-operaturi ekonomiċi jkollhom sistema sabiex jintraċċaw l-isplużivi b'tali mod li dawk li jkollhom xi splużivi jkunu jistgħu jiġu indikati f'kull żmien.

Emenda  17

Proposta għal direttiva

Artikolu 15 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Id-dokumenti msemmija fl-ewwel u t-tieni paragrafi għandhom jinżammu għall-anqas għal 10  snin wara t-tmiem tas-sena kalendarja li fiha twettqet it-transazzjoni rrekordjata, ukoll jekk l-operatur ekonomiku ma jkunx għadu jopera . Għandhom ikunu minnufih disponibbli għall-ispezzjoni fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti.

Id-dokumenti msemmija fl-ewwel u t-tieni paragrafi għandhom jinżammu għall-anqas għal 10  snin wara t-tmiem tas-sena kalendarja li fiha twettqet it-transazzjoni rrekordjata, ukoll jekk l-operatur ekonomiku ma jkunx għadu jopera . Għandhom ikunu minnufih disponibbli għall-ispezzjoni fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti. L-operaturi ekonomiċi m'għandhomx jinħtieġu jaġġornaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu wara li l-forniment ikun iffinalizzat.

Emenda  18

Proposta għal direttiva

Artikolu 20 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Id-dikjarazzjoni tal-UE ta' konformità għandu jkollha l-istruttura mudell stabbilita fl-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, għandha tinkludi l-elementi speċifikati fil-moduli rilevanti stabbiliti fl-Anness II ta' din id-Direttiva u għandha tinżamm aġġornata kontinwament. Għandha wkoll tiġi tradotta fil-lingwa jew lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn jitqiegħed fis-suq jew jiġi magħmul disponibbli l-isplużiv.

2. Id-dikjarazzjoni tal-UE ta' konformità għandu jkollha l-istruttura mudell stabbilita fl-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, għandha tinkludi l-elementi speċifikati fil-moduli rilevanti stabbiliti fl-Anness II ta' din id-Direttiva u għandha tinżamm aġġornata kontinwament. Fuq talba tal-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq, l-operatur ekonomiku għandu jipprovdi kopja tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE f'forma stampata jew b'mezz elettroniku, u għandu jiżgura li tiġi tradotta fil-lingwa jew lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn jitqiegħed fis-suq jew jiġi magħmul disponibbli l-isplużiv.

Emenda  19

Proposta għal direttiva

Artikolu 20 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Meta jagħmel id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, il-manifattur għandu jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tal-isplużiv.

4. Meta jagħmel id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, il-manifattur għandu jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tal-isplużiv mar-rekwiżiti stipulati f'din id-Direttiva.

Emenda  20

Proposta għal direttiva

Artikolu 24 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità notifikanti li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u twettaq il-proċeduri meħtieġa għall-valutazzjoni u n-notifika ta' korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta' korpi notifikati, inkluża l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29.

1. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità notifikanti unika li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u twettaq il-proċeduri meħtieġa għall-valutazzjoni u n-notifika ta' korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta' korpi notifikati, inkluża l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29.

Emenda  21

Proposta għal direttiva

Artikolu 40 – paragrafu 1 – subparagrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll il-miżuri kollha adegwati sabiex jiżguraw li l-isplużivi jitqiegħdu fis-suq biss jekk jinħażnu kif suppost u jintużaw għall-iskop maħsub tagħhom.

Ġustifikazzjoni

Dan l-allinjament mad-dispożizzjonijiet il-ġodda tad-direttiva dwar oġġetti pirotekniċi huwa aktar meħtieġ minħabba li l-prodotti koperti b’din id-Direttiva huma iktar perikolużi.

Emenda  22

Proposta għal direttiva

Artikolu 40 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

L-Istati Membri, fuq bażi annwali, għandhom jagħtu lill-Kummissjoni d-dettalji tal-attivitajiet tal-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq tagħhom u ta' kwalunkwe pjan għas-sorveljanza tas-suq jew ta' żieda fis-sorveljanza tas-suq, inklużi l-allokazzjoni ta' aktar riżorsi, iż-żieda fl-effiċjenza u l-bini tal-kapaċità meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

Emenda  23

Proposta għal direttiva

Artikolu 40 – paragrafu 1b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

L-Istati Membri għandhom jipprovdu finanzjament xieraq lill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq tagħhom sabiex jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom ikunu koerenti u effettivi fl-Unjoni kollha.

Emenda  24

Proposta għal direttiva

Artikolu 41 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru jkunu ħadu azzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, jew fejn ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li splużiv jippreżenta riskju għas-saħħa jew is-sikurezza tal-persuni jew għas-sigurtà pubblika, huma għandhom iwettqu valutazzjoni fir-rigward tal-isplużiv konċernat, li tkopri r-rekwiżiti kollha stipulati f’din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif xieraq mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

1. Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru jkunu ħadu azzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, jew fejn ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li splużiv jippreżenta riskju għas-saħħa jew is-sikurezza tal-persuni jew għas-sigurtà pubblika, huma għandhom iwettqu valutazzjoni fir-rigward tal-isplużiv konċernat, li tkopri r-rekwiżiti rilevanti kollha stipulati f’din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif xieraq mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

Emenda  25

Proposta għal direttiva

Artikolu 41 – paragrafu 6 – punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) in-nuqqas tal-prodott li jissodisfa r-rekwiżiti relatati mas-saħħa jew is-sikurezza ta' persuni jew ma' aspetti oħra ta' protezzjoni tal-interess pubbliku stabbiliti f'din id-Direttiva;

(a) in-nuqqas tal-prodott li jissodisfa r-rekwiżiti relatati mas-saħħa jew is-sikurezza ta' persuni jew ma' aspetti oħra ta' protezzjoni tal-interess pubbliku stabbiliti f'din id-Direttiva; jew

Emenda  26

Proposta għal direttiva

Artikolu 41 – paragrafu 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

9. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jittieħdu l-miżuri restrittivi adegwati fir-rigward tal-isplużiv konċernat mingħajr dewmien.

9. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jittieħdu l-miżuri restrittivi adegwati fir-rigward tal-prodott konċernat, bħall-irtirar tal-isplużiv mis-suq tagħhom, mingħajr dewmien.

Emenda  27

Proposta għal direttiva

Artikolu 42 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Fejn il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata u n-nuqqas ta' konformità tal-prodott ikun attribwit għal nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 18 ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta' (UE) Nru [../..] [ir-Regolament tal-Istandardizzazzjoni].

3. Fejn il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata u n-nuqqas ta' konformità tal-prodott ikun attribwit għal nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 41(6)(b) ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta' (UE) Nru [../..] [ir-Regolament tal-Istandardizzazzjoni].

Emenda  28

Proposta għal direttiva

Artikolu 48 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri għandhom jistipulaw pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont  din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li dawn jiġu infurzati. Il-penalitajiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi.

L-Istati Membri għandhom jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tas-sistema li tirregola l-markatura CE u għandhom jieħdu azzjoni xierqa f’każ ta’ użu mhux korrett tal-markatura. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur mill-operaturi ekonomiċi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li dawn jiġu infurzati. Tali regoli jistgħu jinkludu pieni kriminali għal ksur serju.

Emenda  29

Proposta għal direttiva

Artikolu 48 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Il-pieni msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom ikunu effettivi, proporzjonati għal kemm ikun serju r-reat, u dissważivi.

Emenda  30

Proposta għal direttiva

Artikolu 48 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu b'dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa [daħħal id-data speċifikata fl-Artikolu 50(1)] l-aktar tard u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu b'dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa [daħħal id-data speċifikata fl-Artikolu 50(1)] u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed dawk id-dispożizzjonijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku billi tippubblikahom fl-internet.

Emenda  31

Proposta għal direttiva

Artikolu 50 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed dawk it-testi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku billi tippubblikahom fl-internet.

Emenda  32

Proposta għal direttiva

Anness I – parti II – punt 1 – punt j

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(j) l-ikkargar korrett u l-iffunzjonar tal-isplużiv meta jintuża għall-iskop maħsub tiegħu;

(j) l-ikkargar korrett u l-iffunzjonar tal-isplużiv meta jintuża għall-iskop maħsub tiegħu jew għal skop li jista' jiġi previst b'mod raġonevoli;

Emenda  33

Proposta għal direttiva

Anness I – parti II – punt 3 – punt 3.4 – punt a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) dawn il-materjali ma għandhomx jiddetonaw meta użati għall-iskop maħsub tagħhom;

(a) dawn il-materjali ma għandhomx jiddetonaw meta użati għall-iskop maħsub tagħhom jew għal skop li jista' jiġi previst b'mod raġonevoli;

Emenda  34

Proposta għal direttiva

Anness II – punt 3 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Korp notifikat magħżul mill-manifattur, għandu jagħmel kontrolli tal-prodott, jew jara li dawn isiru f'intervalli mhux regolari li jkunu ddeterminati mill-korp, biex tiġi vverifikata l-kwalità tal-kontrolli interni tal-isplużiv, fejn jitqiesu, inter alia, il-kumplessità teknoloġika tal-isplużivi u l-kwantità tal-produzzjoni. Qabel ma l-prodotti jitqiegħdu fis-suq, għandu jiġi eżaminat kampjun adegwat tal-prodotti finali, meħud fil-post mill-korp notifikat, u għandhom isiru testijiet adegwati, kif ġie identifikat mill-partijiet rilevanti tal-istandards armonizzati u/jew speċifikazzjonijiet tekniċi, jew għandhom isiru testijiet ekwivalenti, biex tiġi kontrollata l-konformità tal-isplużiv mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip UE u mar-rekwiżiti rilevanti ta' din id-Direttiva. Fejn kampjun ma jikkonformax mal-livell ta' kwalità aċċettabbli, il-korp għandu jieħu miżuri adegwati.

Korp akkreditat intern jew korp notifikat magħżul mill-manifattur, għandu jagħmel kontrolli tal-prodott, jew jara li dawn isiru f'intervalli mhux regolari li jkunu ddeterminati mill-korp, biex tiġi vverifikata l-kwalità tal-kontrolli interni tal-isplużiv, fejn jitqiesu, inter alia, il-kumplessità teknoloġika tal-isplużivi u l-kwantità tal-produzzjoni. Qabel ma l-prodotti jitqiegħdu fis-suq, għandu jiġi eżaminat kampjun adegwat tal-prodotti finali, meħud fil-post mill-korp notifikat, u għandhom isiru testijiet adegwati, kif ġie identifikat mill-partijiet rilevanti tal-istandards armonizzati u/jew speċifikazzjonijiet tekniċi, jew għandhom isiru testijiet ekwivalenti, biex tiġi kontrollata l-konformità tal-isplużiv mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u mar-rekwiżiti rilevanti ta' din id-Direttiva. Fejn kampjun ma jikkonformax mal-livell ta' kwalità aċċettabbli, il-korp għandu jieħu miżuri adegwati.

  • [1]  Għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
  • [2]  ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.

NOTA SPJEGATTIVA

Kuntest

Dan ir-rapport jemenda l-proposta tal-Kummissjoni li tfassal mill-ġdid id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-dħul fis-suq u s-superviżjoni ta' splużivi għall-użu ċivili. Gie ppreżentat f'Novembru 2011 fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (QLĠ) adottat fl-2008 bħala "l-pakkett dwar il-prodotti" li jkopri l-istrumenti komplementari, id-Deċiżjoni 768/2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KE u r-Regolament 765/2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93. Il-proposta attwali hija parti minn pakkett, li jallinja disa' direttvi dwar il-prodotti mal-QLĠ.

Id-Direttiva eżistenti tal-Kunsill 93/15/KEE tistabbilixxi rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza li l-isplużivi għandhom ikunu konformi magħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-UE.

Il-QLĠ ġie adottat bħala rimedju għan-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni eżistenti ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni sabiex jiġi kkompletat is-Suq Uniku, b'kompetizzjoni ġusta u bi prodotti sikuri. Implimentazzjoni u infurzar inkonsistenti fl-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni, flimkien ma' regolamentazzjoni kumplessa, għamluha dejjem aktar diffiċli kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet biex jinterpretaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni korrettament, u dan iwassal għal kundizzjonijiet inugwali tas-suq kif ukoll biex jitqiegħdu prodotti mhux sikuri fis-suq. "Il-pakkett dwar il-prodotti" jagħti l-qafas ġenerali biex tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti, sabiex issir aktar uniformi u komprensibbli kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-QLĠ mhumiex direttament applikabbli. Sabiex jiġi żgurat li s-setturi ekonomiċi kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, jibbenefikaw mit-titjib tal-QLĠ, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-QLĠ jiġu integrati fil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-prodotti.

Wara l-adozzjoni tal-qafas legali fil-QLĠ fl-2008, il-Kummissjoni bdiet proċess ta' evalwazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni armonizzata Ewropea dwar il-prodotti sabiex tidentifika l-istrumenti li għandhom jiġu riveduti sabiex jiġi implimentat il-QLĠ.

F'dan il-proċess ta' evalwazzjoni, ġew identifikati għadd ta' direttivi li se jeħtieġu reviżjoni fit-tliet snin jew il-ħames snin li jmiss minħabba klawżoli ta' reviżjoni jew għal raġunijiet speċifiċi għas-settur (il-ħtieġa ta' kjarifika tal-ambitu, il-ħtieġa ta' aġġornament tar-rekwiżiti tas-sikurezza, eċċ.). Il-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti dwar il-prodotti se jkollha tiġi riveduta għal dawn ir-raġunijiet u tkun ittrattata individwalment skont il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni.

Id-disa' proposti fil-pakkett ippreżentat f'Novembru 2011, inkluża d-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE, mhumiex parti mill-grupp ta' direttivi dwar il-prodotti msemmi hawn fuq, iżda ġew identifikati bħala adatti għal allinjament mal-QLĠ minħabba l-istruttura komuni tagħhom. Is-setturi koperti bid-direttivi kollha huma setturi industrijali importanti ħafna li huma soġġetti għal kompetizzjoni internazzjonali b'saħħitha, u skont il-valutazzjonijiet, dawk l-industriji se jibbenefikaw mis-simplifikazzjoni u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet indaqs għall-kumpaniji Ewropej li huma fil-mira tal-QLĠ.

Il-bidliet li saru fid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jikkonċernaw: id-definizzjonijiet, l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi, is-suppożizzjoni ta' konformità pprovduta permezz tal-istandards armonizzati, id-dikjarazzjoni ta' konformità, il-marka CE, il-proċedura tal-klawżola ta' salvagwardja u l-proċeduri ta' valutazzjoni ta' konformità. L-għan tal-proposta kien limitat għal sempliċi allinjament mad-dispożizzjonijiet orizzontali fid-Deċiżjoni 768/2008/KE u mat-terminoloġija l-ġdida fit-Trattat ta' Lisbona, inklużi r-regoli l-ġodda dwar il-komitoloġija.

Proċedura

L-allinjament tad-Deċiżjoni tal-QLĠ jirrikjedi għadd ta' emendi sostantivi għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. It-teknika ta' tfassil mill-ġdid intgħażlet b'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2011.

Skont l-Artikolu 87 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali eżamina l-proposta, abbażi tar-rapporti mill-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv (servizzi legali tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni), u qies li ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali ħlief dawk identifikati bħala tali fil-proposta jew dawk identifikati mill-GĦK.

Il-Pożizzjoni tar-Rapporteur

Ir-Rapporteur tqis dan l-allinjament ta' disa' direttivi dwar il-prodotti mal-QLĠ bħala pass importanti lejn l-ikkompletar tas-suq uniku tal-UE.

Il-QLĠ jintroduċi ambjent regolatorju simplifikat għall-prodotti u jippermetti implimentazzjoni aktar konsistenti tan-normi tekniċi, u dan jgħin biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku, billi jiżgura t-trattament ugwali tal-prodotti mhux konformi u tal-operaturi ekonomiċi, kif ukoll valutazzjoni ugwali tal-korpi nnotifikati fis-suq kollu tal-UE.

Fil-fehma tar-Rapporteur, allinjament tad-disa' direttivi dwar il-prodotti mal-QLĠ iżid il-fiduċja kemm tal-produtturi kif ukoll tal-konsumaturi, billi jikkjarifika l-obbligi għall-operaturi ekonomiċi u jagħti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri għodda aktar effikaċi biex iwettqu kontrolli ta' sorveljanza tas-suq, u dan kollu jwassal għal tnaqqis tal-prodotti mhux konformi u mhux sikuri fis-suq.

Il-proposti tal-Kummissjoni fil-pakkett ta' allinjament huma bbażati fuq konsultazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati, inklużi diversi mijiet ta' SMEs u l-esperjenzi tagħhom bil-pakkett dwar il-prodotti, fatt li huwa apprezzat ħafna mir-Rapporteur.

Ir-Rapporteur tappoġġa l-intenzjoni ġenerali tal-Kummissjoni ta' allinjament sempliċi tad-disa' direttivi dwar il-prodotti mal-miżuri orizzontali fid-Deċiżjoni 768/2008, iżda madankollu tissuġġerixxi xi bidliet fid-Direttiva dwar l-isplużivi għall-użu ċivili għal kjarifika u aġġustamenti settorjali addizzjonali bl-objettivi li ġejjin:

1. L-Allinjament Addizzjonali tad-Direttiva mal-QLĠ u l-Iżgurar taċ-Ċertezza Legali

Ir-Rapporteur tqis li huwa importanti li jsiru għadd ta' bidliet fid-Direttiva proposta sabiex jinkiseb livell ogħla ta' konsistenza mat-termini użati fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE u sabiex jitneħħew l-inkonsistenzi possibbli fit-test li jistgħu joħolqu l-inċertezza legali.

Huwa importanti wkoll li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni legali għall-prodotti li tqiegħdu fis-suq legalment b'konformità mad-Direttiva attwali qabel ma tibda tapplika d-Direttiva l-ġdida, iżda li għadhom disponibbli. In-natura mhux retroattiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tiġi enfasizzata u għandu jiġi ċċarat li dawn il-prodotti xorta jistgħu jitqiegħdu fis-suq wara d-data ta' applikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida.

Barra minn hekk, ir-Rapporteur tqis li l-Kummissjoni għandu jkollha l-obbligu li tippubblika fl-internet id-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-Direttiva trasposta u s-sanzjonijiet rilevanti (il-prinċipju tat-trasparenza).

2. It-Tisħiħ tal-Ħarsien tal-Konsumatur

Il-QLĠ jikkontribwixxi biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur fis-suq uniku. Għalhekk, għadd ta' emendi huma marbuta wkoll mal-objettiv tar-Rapporteur li jittieħed il-benefiċċju sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-QLĠ marbuta mal-ħarsien tal-konsumatur. F'dak ir-rigward, xi emendi jippermettu lid-Direttiva l-ġdida tkopri ambitu usa' ta' sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-rekwiżiti essenzjali tas-sikurezza, meta anke l-użu previst b'mod raġonevoli għandu jitqies matul il-fażi ta' diżinn tal-prodott (ara l-Artikolu 16 tar-Regolament 765/2008 dwar ir-rekwiżiti ġenerali). Il-ħarsien tal-konsumatur jissaħħaħ ukoll billi jiġi ppreċiżat li l-istruzzjonijiet, l-informazzjoni dwar is-sikurezza u t-tikketti għandhom ikunu ċari, jistgħu jiftiehmu u intelliġibbli.

3. It-Tnaqqis tal-Burokrazija

Il-QLĠ għandu jikkontribwixxi biex jitjieb il-moviment liberu tal-merkanzija fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, burokrazija li tfixkel tipprevjeni il-fluss liberu tal-merkanzija. Għalhekk, ir-Rapportuer skrutinizzat id-Direttiva proposta sabiex tnaqqas il-burokrazija kull meta possibbli. Għaldaqstant, ir-rapport jipproponi l-modernizzazzjoni tal-proċeduri attwali billi jiġi permess li d-DtK tal-UE tingħata mhux biss f'forma stampata, iżda anke permezz ta' mezzi elettroniċi, u jipproponi wkoll li titnaqqas il-burokrazija għall-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' operaturi ekonomiċi preċedenti fil-katina tal-provvista.

Kif intqal qabel, ir-Rapporteur tappoġġa s-simplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-proċedura prevista fil-QLĠ, iżda fl-istess ħin trid tissottolinja li tista' tkun meħtieġa l-flessibbiltà fir-rigward ta' xi obbligi maħluqa mill-qafas il-ġdid. Pereżempju, qed jiġi propost li tiġi miżjuda eċċezzjoni għar-regola dwar "DtK unika" għal każijiet li fihom l-għoti ta' dokument wieħed joħloq problemi speċifiċi minħabba l-kobor jew il-kumplessità tiegħu. F'dan il-każ, għandu jkun possibbli li d-DtK kollha jingħataw separatament.

4. L-Iżgurar ta' Sorveljanza tas-Suq Aħjar għall-Prodotti tagħna

Anke jekk ir-Rapporteur hija konxja mir-Regolament il-ġdid dwar is-sorveljanza tas-suq imħejji mis-servizzi tal-Kummissjoni, l-aħħar sett ta' bidliet qed jiffoka fuq l-iżgurar ta' livell ogħla ta' sorveljanza tas-suq tal-prodotti. Għal dan il-għan, ir-Rapporteur tipproponi li tiżdied is-sorveljanza tas-suq fil-bejgħ mill-bogħod billi jiġi żgurat li r-rekwiżiti rilevanti kollha dwar l-informazzjoni jintwerew ukoll fil-kummerċ elettroniku, li jiġi stabbilit rekwiżit biex l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni kull sena lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom ta' sorveljanza tas-suq, u li l-Istati Membri jiġu mistiedna jipprovdu l-finanzjament xieraq lill-awtoritajiet tagħhom ta' sorvlejanza tas-suq. Fl-aħħar nett, ir-Rapporteur enfasizzat il-ħtieġa li l-Istati Membri jieħdu azzjonijiet xierqa kontra l-użu ħażin tal-markatura CE.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI

Ref.: D(2012)22893

Is-Sur Malcolm Harbour,

President tal-Kumitat għas-Suq Intern

u l-Ħarsien tal-Konsumatur

ASP 13E130

Brussell

Suġġett:    Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta' splużivi għall-użu ċivili (tfassil mill-ġdid)

                  (COM(2011)0771 – C7‑0423/2011 – 2011/0349(COD))

Għażiż President,

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li għandi l-unur nippresjedi, eżamina l-proposta msemmija hawn fuq, skont it-termini tal-Artikolu 87 dwar it-Tfassil mill-Ġdid, kif iddaħħal fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

Il-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu jgħid hekk:

"Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jqis li l-proposta ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali ħlief għal dawk il-bidliet identifikati bħala tali fil-proposta, huwa għandu jgħarraf lill-kumitat responsabbli b'dan.

F'dan il-każ, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 156 u 157, l-emendi għandhom ikunu ammissibbli mill-kumitat responsabbli mis-suġġett jekk jikkonċernaw dawk il-partijiet tal-proposta li jinkludu tibdiliet sostanzjali.

Madankollu, jekk f’konformità mal-punt 8 tal-Ftehima Interistituzzjonali l-kumitat responsabbli jkollu l-ħsieb ukoll li jippreżenta emendi għall-partijiet kodifikati tal-proposta, huwa għandu jinnotifika minnufih il-ħsieb tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u din tal-aħħar għandha tgħarraf lill-kumitat, qabel il-vot skont l-Artikolu 54, bil-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-emendi kif ukoll dwar jekk għandhiex il-ħsieb li tirtira l-proposta ta' tfassil mill-ġdid.”

B'segwitu għall-opinjoni tas-Servizz Legali, li r-rappreżentanti tiegħu pparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv li eżamina l-proposta għal tfassil mill-ġdid, u b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur għal opinjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jikkunsidra li l-proposta msemmija ma tinkludi l-ebda tibdil sostantiv ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u li, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali.

Biex nikkonkludi, wara diskussjoni fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta' April 2012, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bi 23 vot favur u ebda astensjoni[1], jirrakkomanda li l-Kumitat tiegħek, bħala l-kumitat responsabbli, jipproċedi biex jeżamina l-proposta msemmija hawn fuq skont l-Artikolu 87.

Dejjem tiegħek,

Klaus-Heiner LEHNE

Mehmuż: Opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv.

  • [1]  Raffaele Baldassarre, Sebastian Valentin Bodu, Piotr Borys, Françoise Castex, Sergio Gaetano Cofferati, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Vytautas Landsbergis, Eva Lichtenberger, Jiří Maštálka, Antonio López-Istúriz White, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Rebecca Taylor, Alexandra Thein, Axel Voss, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka.

ANNESS: OPINJONI TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

 

 

 

 

GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV

TAS-SERVIZZI LEGALI

 

Brussell, 27 ta' Marzu 2012

OPINJONI

GĦALL-ATTENZJONI       TAL-PARLAMENT EWROPEW

                                                       TAL-KUNSILL

                                                       TAL-KUMMISSJONI

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta' splużivi għall-użu ċivili

COM(2011)0771 final of 21.11.2011 - 2011/0349 (COD)

Wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali, u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv, magħmul mis-Servizzi Legali rispettivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, fit-23 ta’ Frar 2012 kellu laqgħa ddedikata, fost affarijiet oħra, għall-eżami tal-proposta msemmija hawn fuq, imressqa mill-Kummissjoni.

Waqt din il-laqgħa[1], b'riżultat tal-eżami tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tfassal mill-ġdid id-Direttiva 93/15/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mat-tqegħid fis-suq u s-superviżjoni tal-esplosivi għall-użu ċivili, il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv stabbilixxa, bi ftehim komuni, dan li ġej.

1) Fir-rigward tal-memorandum ta’ spjegazzjoni, bil-għan li l-abbozzar isir f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti relevanti stabbiliti mill-Ftehim Interistituzzjonali, dan id-dokument kellu jispeċifika liema dispożizzjonijiet tal-att preċedenti ma jinbidlux fil-proposta, kif previst fil-punt 6(a)(iii) ta’ dak il-ftehim.

2) Fit-test imfassal mill-ġdid, il-partijiet li ġejjin kellhom jiġu identifikati billi tintuża tipa ta’ kulur griż li ġeneralment tintuża sabiex jiġu mmarkati bidliet sostanzjali:

- fl-Artikolu 50(1), l-ewwel subparagrafu, il-kliem "mal-Artikoli 2(7), 2(9)-(24), 3-10, 14(1), 19(1)(a)(i), 20-26, 27(1)-(4), 27(6)-(7), 27(10)-(11), 28-44, 48, 49 u l-Anness II " kif ukoll it-test kollu tas-sentenza finali li jgħid hekk: "Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva";

- fl-Artikolu 50(1), it-tieni subparagrafu, il-kliem "[il-jum ta' wara d-data msemmija fl-ewwel subparagrafu]";

- fil-punt 3(c)(iv) tal-Modulu B tal-Anness II, iż-żieda proposta tal-kliem "u/jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħra rilevanti";

- fil-punti 4.2, 4.3 u 4.4 tal-Modulu B, fil-punt 3.3 tal-Modulu D, fil-punt 3.3 tal-Modulu E u fil-punt 4.1 tal-Modulu F tal-Anness II, iż-żieda proposta tal-kliem "u/jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi";

- fil-punt 1 tal-Modulu C2, fil-punt 1 tal-Modulu D, fil-punt 1 tal-Modulu E u fil-punt 1 tal-Modulu G tal-Anness II, iż-żieda proposta tal-kliem "fuq ir-responsabbiltà eklużiva tiegħu";

- fil-punt 2 tal-Modulu C2 u fil-punt 2 tal-Modulu F tal-Anness II, iż-żieda proposta tal-kliem "u l-monitoraġġ tiegħu";

- fil-punt 4.4 tal-Modulu D tal-Anness II, it-tħassir propost tal-kliem "jekk ikun neċessarju";

- fil-punt 2(c) tal-Modulu G tal-Anness II, it-tħassir propost tal-kliem "jew tas-sistema ta' protezzjoni".

Dan l-eżami tal-proposta b'hekk wassal biex il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv jikkonkludi, bi qbil komuni, li l-proposta ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dawk identifikati bħala tali f'din il-proposta jew f'din l-opinjoni. Il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv innota wkoll li, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti, mingħajr tibdil sustanzjali.

C. PENNERA                       H. LEGAL                            L. ROMERO REQUENA

Ġuriskonsult                          Ġuriskonsult                          Direttur Ġenerali

  • [1]  Il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv kellu l-verżjoni lingwistika Ingliża, Franċiża u Ġermaniża tal-proposta u ħadem fuq il-bażi tal-verżjoni Ingliża, il-verżjoni oriġinali tat-test eżaminat.

PROĊEDURA

Titolu

L-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta’ splużivi għall-użu ċivili (Tfassil mill-ġdid)

Referenzi

COM(2011)0771 – C7-0423/2011 – 2011/0349(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

21.11.2011

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

IMCO

30.11.2011

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE

30.11.2011

JURI

30.11.2011

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

ITRE

19.12.2011

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Zuzana Roithová

29.11.2011

 

 

 

Eżami fil-kumitat

9.1.2012

28.2.2012

31.5.2012

10.7.2012

Data tal-adozzjoni

10.7.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Adam Bielan, Sergio Gaetano Cofferati, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Cornelis de Jong, Christian Engström, Vicente Miguel Garcés Ramón, Louis Grech, Philippe Juvin, Edvard Kožušník, Toine Manders, Sirpa Pietikäinen, Phil Prendergast, Mitro ♦Repo, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Bernadette Vergnaud

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ildikó Gáll-Pelcz, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Konstantinos Poupakis, Marek Siwiec, Marc Tarabella

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ismail Ertug

Data tat-tressiq

29.11.2012