RAPPORT dwar il-Patt dwar l-Investiment Soċjali - bħala reazzjoni għall-kriżi
25.7.2012 - (2012/2003(INI))
Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Danuta Jazłowiecka
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-Patt dwar l-Investiment Soċjali - bħala reazzjoni għall-kriżi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 5, 6, 9, 147, 149, 151 u 153 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2010 bit-titolu "Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi" (COM(2010)0682) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2011 dwarha[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2011 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012" (AGS) (COM(2011)0815), l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mehmuż miegħu u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2012 dwar aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012[2],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi" (COM(2012)173),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 bit-titolu "Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol" (COM(2008)0639), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009[3] dwarha,
– wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Eurostat ta' Jannar 2012 u l-Istqarrija għall-Istampa tal-Eurostat tat-8 ta' Frar 2012[4],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali" (COM(2010)0758), l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar din[5] u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwarha[6],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010)[7],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 bit-titolu "Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21" (COM(2008)0412) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwarha[8],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Sostenibbiltà fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra" (COM(2009)0545) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwarha[9],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "Impetu ġdid għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali biex tiġi appoġġjata l-istrateġija Ewropa 2020", (COM(2010)0296) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwarha[10],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020[11];
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar l-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola[12],
– wara li kkunsidra l-Communiqué ta' Bruges dwar Kooperazzjoni Ewropea msaħħa fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali għall-perjodu 2011-2020, li ġiet adottata fis-7 ta' Diċembru 2010[13],
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Progress Lejn l-Objettivi Komuni Ewropej għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ" (SEC(2011)0526),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta' min jitħarreġ, tal-internship u tal-apprendistat[14],
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni (COM(2011)0609),
– wara li kkunsidra l-ġabra ta' ħames Regolamenti u Direttiva waħda dwar il-governanza ekonomika tal-UE li ġie adottat reċentement[15],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ" (COM(2011)933),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-29 ta' Ġunju 2011 dwar l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 (COM(2011)0398),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0263/2012),
A. billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali se jkollha effetti fit-tul mhux biss fuq it-tkabbir ekonomiku iżda wkoll fuq ir-rati tal-impjieg, il-livell ta' faqar u esklużjoni soċjali, it-tfaddil pubbliku u l-kwantità u l-kwalità tal-investimenti soċjali fl-Ewropa;
B. billi f'dawn l-aħħar snin is-settur pubbliku daħal għal dejn kbir u, biex jevita dejn eċċessiv, il-parti l-kbira tar-risposti reċenti għall-kriżi kienet ibbażata sostanzjalment fuq objettivi fit-terminu qasir immirati biex jerġgħu jagħtu stabbilità lill-finanzi pubbliċi, sforzi neċessarji għad-difiża tal-ekonomija tagħna, u billi tali miżuri ta' awsterità u ta' konsolidament tal-baġit għandhom jingħaqqdu ma' strateġija komprensiva u ambizzjuża ta' investimenti għat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi, il-koeżjoni soċjali u l-kompetittività kif ukoll mal-governanza soċjali li tista' tforni mekkaniżmu b'saħħtu ta' sorveljanza u monitoraġġ fuq l-objettivi ta' tkabbir u soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020;
C. billi l-Istrateġija ta' Lisbona u l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi ma solvewx il-kwistjoni u li s-suċċess tal-istrateġia Ewropa 2020 huwa inċert u jeħtieġ impenn ħafna aktar qawwi min-naħa tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet Ewropej, fil-forma ta' miżuri favur it-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività;
D. billi l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ippubblikat dan l-aħħar u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi wrew li, billi l-konsolidament fiskali għadu ma għamilx biżżejjed progress u billi għadu jitqies prijorità, l-objettivi soċjali, tal-impjiegi u fil-qasam tal-edukazzjoni ta' Ewropa 2020 ma ġewx ittrattati biżżejjed mill-maġġoranza tal-Istati Membri;
E. billi r-rata tal-qgħad telgħet minn 7.1 % fl-2008 sa 10 % f'Jannar 2012 fl-UE 27, b'disparitajiet reġjonali ċari, li laqtu partikolarment iż-żgħażagħ, il-ħaddiema bi ftit kwalifiki u l-persuni qiegħda fit-tul u billi dan, flimkien mat-tixjiħ tal-popolazzjoni, jiddetermina riskju gravi ta' telf ta' kapital uman fit-tul u jaf jiġġenera riperkussjonijiet irreversibbli fuq is-suq tax-xogħol, partikolarment fuq il-ħolqien ta' impjiegi, it-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali;
F. billi 80 miljun Ewropew huma attwalment f'riskju ta' faqar u li r-rata ta' tfal u adulti li jgħixu f'familji mingħajr xogħol telgħet kważi għal 10 % fl-2012; billi dan, flimkien mal-faqar fost it-tfal, in-numru dejjem ikbar ta' ħaddiema foqra u l-livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ se jwassal għal riskju u wirt ta' faqar u esklużjoni soċjali saħanistra ikbar fil-ġejjieni;
G. billi r-rata ta' faqar tal-persuni bejn 16 u 24 sena fl-2011 fl-Ewropa kien, f'medja, 21.6 % u ż-żgħażagħ għandhom l-ogħla probabilità li jokkupaw postijiet prekarji, għal perjodu definit jew part-time kif ukoll huma aktar esposti għall-qgħad; billi l-impjiegi prekarji żdiedu b'rata mgħaġġla matul dawn l-aħħar snin u f'ċerti pajjiżi l-qgħad sploda;
H. billi, parzjalment minħabba n-nuqqas ta' investimenti, ir-riżultati tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tal-Unjoni Ewropea għadhom inadegwati għall-eżiġenzi tas-suq tax-xogħol u ma jaqblux mal-intensità dejjem ogħla ta' speċjalizzazzjoni meħtieġa għall-impjiegi disponibbli u għal-livell ta' kompetenzi neċessarji għas-setturi futuri b'potenzjal kbir ta' impjiegi;
I. billi l-pressjoni fuq l-iskemi tas-sigurtà soċjali żdiedet minħabba l-inkrementi fl-infiq, it-tnaqqis tad-dħul u l-impuls biex l-ispejjeż jonqsu; billi t-tkabbir ekonomiku dgħajjef, il-persistenza ta' rati għoljin ta' qgħad fit-tul, in-numru li dejjem qed jikber ta' ħaddiema foqra, il-livell ta' xogħol mhux iddikjarat u ż-żieda tal-qgħad fost iż-żgħażagħ aktarx se jikkontribwixxu biex tkompli taggrava din it-tendenza;
J. billi l-investimenti soċjali mmirati sew huma importanti biex jiggarantixxu mill-ġdid livell ta' impjieg fil-futur kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, jistabbilizzaw l-ekonomija, itejbu l-kompetenzi u l-għarfien tal-forza tax-xogħol u jżidu l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea;
K. billi l-SMEs għandhom potenzjal notevoli li joħolqu l-impjiegi u jiżvolġu rwol kruċjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli ġdida;
Approċċ imġedded għall-investimenti soċjali fl-Ewropa
1. Ifakkar li l-investimenti soċjali, li l-approprjazzjonijiet u l-finanzjamenti tagħhom jiġġeneraw ritorn soċjali kif ukoll ekonomiku, jimmiraw li jittrattaw ir-riskji soċjali emerġenti u l-bżonnijiet mhux sodisfatti u jikkonċentraw ruħhom fuq il-politiki pubbliċi u l-istrateġiji ta' investiment fil-kapital uman li jippreparaw l-individwi, il-familji u s-soċjetajiet biex jadattaw ruħhom għat-trasformazzjonijiet varji, jiġġestixxu t-tranżizzjoni tagħhom lejn swieq tax-xogħol li qed jinbidlu u jaffrontaw sfidi ġodda, fejn se jkunu meħtieġa pereżempju kompetenzi ġodda għas-setturi futuri b'potenzjal kbir ta' impjiegi;
2. Josserva li s-servizzi kollha ta' assistenza soċjali u tas-saħħa, is-servizzi tal-edukazzjoni u s-servizzi offruti f'tali setturi, fost l-oħrajn, minn operaturi privati jistgħu jitqiesu bħala investimenti soċjali, u jfakkar li abbażi ta' ftehimiet dawn is-servizzi jidħlu fost il-kompetenzi nazzjonali;
3. Jenfasizza li waħda mill-karatteristiċi l-aktar importanti tal-investimenti soċjali hija l-kapaċità tagħhom li jirrikonċiljaw objettivi soċjali u ekonomiċi u li, b'konsegwenza, ma għandhomx ikunu ttrattati biss bħala spejjeż iżda prinċipalment, jekk ir-riżorsi jintużaw korrettament, bħala investimenti li jipproduċu ritorn konkret fil-futur;
4. Josserva għalhekk li investimenti soċjali mmirati għandhom jikkostitwixxu parti importanti mill-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tal-UE u tal-Istati Membri, u tar-risposta tagħhom għall-kriżi, sabiex ikun possibbli jinkisbu l-objettivi tal-impjiegi, soċjali u tal-edukazzjoni stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020;
5 Iqis li l-aġevolazzjoni tal-imprenditorja soċjali u l-attenzjoni fuqha kif ukoll l-aċċess għall-mikrofinanza għall-kategoriji vulnerabbli u għall-persuni li għadhom estremament 'il bogħod mis-suq tax-xogħol huma elementi essenzjali fil-kuntest tal-investimenti soċjali, billi jippermettu l-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli ġodda, li spiss iġiegħlu tibdil fiċ-ċiklu ekonomiku;
6. Josserva li l-kriżi timponi l-modernizzazzjoni tal-mudell soċjali Ewropew, kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-politiki soċjali nazzjonali u tranżizzjoni minn stat soċjali, li jirreaġixxi prinċipalment għall-ħsarat ikkawżati mill-fallimenti tas-suq, għal "stat soċjali 'attivanti'", li jinvesti fil-persuni u jagħti strumenti u inċentivi intiżi li joħolqu impjiegi u tkabbir sostenibbli u jipprevjenu t-tfixkil soċjali; jikkonstata li l-kriżi kompliet issaħħaħ il-bżonn ta' investiment fl-imprenditorija soċjali;
Stat soċjali attivanti
7. Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżommu f'ekwilibriju l-azzjoni intiża li tittratta l-isfidi immedjati prodotti mill-kriżi u dik f'terminu medju u twil, kif ukoll jagħtu prijorità speċjali lill-attivitajiet immirati biex:
a) jgħinu lin-nies qiegħda jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol, bil-ħolqien ta' ambjent innovattiv u dinamiku kif ukoll billi jiġu offruti soluzzjonijiet personalizzati u t-taħriġ meħtieġ; jgħinu lin-nies li se jidħlu fis-suq tax-xogħol biex isibu impjieg u jinħolqu l-kundizzjonijiet preliminari għal tranżizzjoni bla intoppi mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħajja tax-xogħol;
b) jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u jippermettu d-dħul permanenti taż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol, inkluż iż-żgħażagħ li la għandhom impjieg u lanqas ingħataw edukazzjoni jew taħriġ professjonali;
c) jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku bil-għan li jinħolqu impjiegi ta' kwalità u sostenibbli kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, speċjalment min-naħa tal-SMEs; itejbu l-produttività u d-distribuzzjoni tax-xogħol;
d) itejbu s-sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol u jnaqqsu l-kawża ta' esklużjoni mid-dinja tax-xogħol, bħall-korrimenti, il-bullying fil-post tax-xogħol u kundizzjoni ta' xogħol skarsi oħrajn;
e) jinvestu fl-edukazzjoni u fit-taħriġ tul il-ħajja, għall-faxex kollha tal-età, b'enfasi partikolari l-aktar fuq l-edukazzjoni tat-tfal f'età bikrija u l-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja, il-kooperazzjoni bejn is-setturi professjonali u l-iskejjel, il-korsijiet ta' taħriġ fil-postijiet tax-xogħol u korsijiet speċifiċi għas-setturi b'nuqqas ta' ħaddiema kif ukoll l-edukazzjoni vokazzjonali;
f) jinvestu fl-innovazzjoni b'sostenn għar-realizzazzjoni ta' prodotti u servizzi innovattivi relatati l-aktar mat-tibdil fil-klima, l-effiċjenza enerġetika, is-saħħa u t-tixjiħ demografiku;
g) jeliminaw il-kawżi tas-segregazzjoni tal-ġeneru fis-suq tax-xogħol;
h) itejbu l-bilanċ bejn il-flessibilità u s-sigurtà tal-kuntratti ta' impjieg biex jippromwovu l-impjiegi u jgħinu r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja familjari u dik professjonali;
i) jadattaw is-sistemi tal-pensjonijiet għat-tibdil tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u demografiċi, jintroduċu r-riformi neċessarji billi jqisu l-affidabilità u s-sostenibilità tagħhom u jnaqqsu l-livell ta' dipendenza ekonomika, billi joħolqu kundizzjonijiet għal attività itwal fuq bażi volontarja, bħal pereżempju saħħa u sikurezza aħjar fil-post tax-xogħol, diversi inċentivi u mudelli flessibbli kif ukoll iż-żieda tal-impjiegi fil-faxex kollha tal-età;
j) jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni medika u soċjali u għalhekk, jenfasizzaw b'mod partikolari azzjoni preventiva u proattiva;
8. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu azzjonijiet biex: jiġġeneraw tkabbir u politiki favorevoli għall-ħolqien ta' impjiegi (pereżempju permezz tas-sostenn lill-SMEs u politiki tal-impjiegi kif ukoll skemi ta' assistenza soċjali aktar effikaċi, immirati aħjar u attivanti; jintroduċu sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja u taħriġ speċifiku marbuta ma' setturi b'nuqqas ta' ħaddiema u mal-eżiġenzi tas-swieq tax-xogħol reġjonali u lokali u t-taħriġ mill-ġdid biex tiġi sostnuta l-kapaċità għall-impjieg tal-persuni qiegħda fit-tul u promossi r-rikwalifikazzjoni tul il-ħajja, l-edukazzjoni vokazzjonali, it-taħriġ fil-post tax-xogħol u apprendistati bi ħlas, b'enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ qiegħda u l-ħaddiema bi ftit kwalifiki; jimmiraw li jippermettu lill-ħaddiema full-time jgħixu minn xogħolhom;
9. Jinsisti fuq il-bżonn li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jitqiegħed fil-qalba tal-istrateġija ta' investiment soċjali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu u jipproponu strateġiji ambizzjużi intiżi li jevitaw it-telf ta' ġenerazzjoni u jtejbu l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol billi:
a) jiġu żviluppati sħubijiet bejn l-iskejjel, iċ-ċentri ta' taħriġ u l-impriżi lokali u reġjonali,
b) jitħejjew programmi ta' taħriġ u apprendistati ta' kwalità għolja, skemi vokazzjonali f'kooperazzjoni mal-impriżi kif ukoll sponsorizzazzjoni minn impjegati aktar anzjani biex jiġu reklutati u mħarrġa ż-żgħażagħ fl-impriża;
c) jiġu promossi l-ispirtu imprenditorjali u garanzija Ewropea għaż-żgħażagħ u min iħaddem jiġi inċentivat jimpjega l-gradwati;
d) tiġi garantita tranżizzjoni aħjar mill-edukazzjoni għax-xogħol u tiġi promossa l-mobilità Ewropea u reġjonali;
10. Jisħaq fuq il-kwistjoni tar-responsabilità personali, fid-dawl tal-fatt li l-individwi jeħtieġu wkoll jaħsbu dwar x'jistgħu jagħmlu biex ikunu fost ir-rebbieħa fit-"tellieqa għat-talenti";
11. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex itejbu s-sistemi edukattivi fil-livelli kollha billi: jagħmlu enfasi qawwija fuq l-istrateġija tal-iżvilupp fit-tfal f'età bikrija; joħolqu klima skolastika inklużiva; jipprevjenu t-tluq kmieni mill-iskola; itejbu l-edukazzjoni sekondarja u jintroduċu gwida u konsulenza, billi joffru liż-żgħażagħ kundizzjonijiet aħjar biex jaċċedu b'suċċess għall-edukazzjoni terzjarja jew direttament għas-suq tax-xogħol; jiżviluppaw strumenti mmirati sabiex jantiċipaw aħjar il-bżonnijiet ta' ħiliet futuri u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi, impriżi u servizzi għall-impjiegi; itejbu r-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali kif ukoll jiżviluppaw Oqfsa ta' Kwalifiki Nazzjonali;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu ekwilibriju korrett bejn is-sigurtà u l-flessibilità fis-suq tax-xogħol bis-saħħa, pereżempju, tal-implimentazzjoni komprensiva tal-prinċipji tal-flessigurtà, u tiġi eliminata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, permezz kemm ta' kopertura adegwata ta' protezzjoni soċjali għall-persuni f'perjodi ta' tranżizzjoni jew b'kuntratti ta' xogħol temporanji jew part-time, kif ukoll l-aċċess għat-taħriġ, u għall-possibilitajiet ta' evoluzzjoni tal-karriera u ta' xogħol full-time; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu f'servizzi – bħall-indukrar tat-tfal, postijiet fl-skola għall-ġurnata kollha u l-faċilitajiet ta' assistenza għall-anzjani ekonomikament aċċessibbli, full-time u ta' kwalità għolja – li jgħinu fil-promozzjoni tal-parità tal-ġeneru, fit-trawwim ta' ekwilibriju aħjar bejn ix-xogħol u l-familja u fil-ħolqien ta' qafas li jippermetti d-dħul u d-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol;
13. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan jintroduċu r-riformi neċessarji biex is-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom isiru sostenibbli, siguri u inklużivi kif ukoll inaqqsu l-livell ta' dipendenza ekonomika biex tinżamm forza tax-xogħol biżżejjed kbira u biex tali riformi jingħaqqdu mat-titjib kostanti tal-kundizzjonijiet ta' xogħol u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' taħriġ tul il-ħajja li jippermettu karrieri professjonali aktar tajbin għas-saħħa u aktar fit-tul;
Governanza aħjar permezz tal-Patt dwar l-Investiment Soċjali
14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu sforzi akbar biex jinkludu l-investimenti soċjali fost l-objettivi baġitarji fuq perjodu ta' żmien medju u twil, kif ukoll fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tagħhom; jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw aħjar l-implimentazzjoni u l-ksib tal-objettivi tal-impjiegi u soċjali tal-strateġija Ewropa 2020;
15. Josserva li, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-objettivi tal-impjiegi u soċjali, is-sistema ta' sorveljanza makroekonomika u baġitarja fl-UE, żviluppata reċentament, trid tkun akkumpanjata b'monitoraġġ imtejjeb tal-politiki tal-impjiegi u soċjali; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tikkunsidra l-żvilupp ta' tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi tal-investimenti soċjali komuni, bil-għan li jiġi monitorjat il-progress li għamlu l-Istati Membri u fuq livell tal-Unjoni f'dan ir-rigward, u tippromwovi r-responsabilità soċjali tal-kumpanniji, partikolarment tal-SMEs, permezz tal-ħolqien ta' marka soċjali Ewropea;
16. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-iffirmar tal-"Patt dwar l-Investiment Soċjali", li jistabbilixxi l-objettivi ta' investiment u joħloq mekkaniżmu ta' kontroll imsaħħaħ biex itejjeb l-isforzi intiżi biex jinkisbu l-objettivi tal-impjiegi, soċjali u tal-edukazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020; dan il-"Patt dwar l-Investiment Soċjali", bħal pereżempju l-"Patt Euro Plus", jista' jinkludi lista ta' interventi speċifiċi fil-forma ta' investimenti soċjali li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri f'perjodu ta' żmien speċifiku sabiex jinkisbu l-objettivi tal-impjiegi, soċjali u tal-edukazzjoni, konformement mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma; dan għandu jkun suġġett għal qafas ta' monitoraġġ perjodiku bi rwol importanti għall-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew u bl-involviment tal-formazzjonijiet kollha rilevanti tal-Kunsill;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri possibbli kollha biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jiffirmaw il-"Patt dwar l-Investiment Soċjali" u biex tagħtihom assistenza għal dan il-għan, u tintroduċi l-valutazzjoni ta' objettivi tal-impjiegi, soċjali u tal-edukazzjoni fis-Semestru Ewropew 2013;
18. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020 ikun fih riżorsi baġitarji adegwati biex jagħtu stimolu u sostenn lill-investimenti soċjali fl-Ewropa u li l-finanzjamenti disponibbli jkunu jistgħu jintużaw b'mod razzjonali u effiċjenti, u li l-Fondi Strutturali, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew, ikunu ta' sostenn għall-investimenti soċjali, billi jiġi garantit li l-prijoritajiet tagħhom jirriflettu l-bżonnijet speċifiċi tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, meta tqis li dan hu xieraq, tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri sorsi possibbli oħra ta' finanzjament ddestinati għall-investimenti soċjali;
19. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2011)0466.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2012)0047.
- [3] ĠU C 212E, 5.8.2010, p. 23.
- [4] Stqarrija għall-Istampa tal-Eurostat 21/2012, p. 1.
- [5] ĠU C 238, 25.8.2011, p. 130.
- [6] Testi adottati, P7_TA(2011)0495.
- [7] ĠU L 298, 7.11.2008, p. 20.
- [8] Testi adottati, P6_TA(2009)0370.
- [9] Testi adottati, P7_TA(2010)0190.
- [10] Testi adottati, P7_TA(2011)0263.
- [11] Testi adottati, P7_TA(2011)0453.
- [12] Testi adottati, P7_TA(2011)0531.
- [13] IP/10/1673.
- [14] Testi adottati, P7_TA(2010)0262.
- [15] ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali bla dubju ta' xejn se jkollha effetti fit-tul u intensi mhux biss fl-ekonomija Ewropea iżda wkoll fuq ir-rata tal-impjieg, it-tfaddil pubbliku u l-investimenti soċjali fl-Ewropa. Il-maġġoranza tar-reazzjonijiet reċenti u attwali għall-kriżi huma bbażati fuq miri fuq perjodu ta' żmien qasir indirizzati prinċipalment biex tinkiseb lura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, li hija kruċjali għall-ekonomija tal-UE. F'dan il-kuntest, madankollu m'għandniex nittraskuraw l-effetti negattivi li dawn il-miżuri ta' awsterità jista' jkollhom fuq l-impjiegi u l-kompetittività fl-Ewropa u nwettquhom b'miżuri favorevoli għat-tkabbir u l-impjiegi bħal investimenti soċjali b'mira tajba.
Sfidi li jirriżultaw mill-futur
B'konsegwenza tal-kriżi ekonomika u soċjali, ir-rata tal-qgħad f'Jannar 2012 kienet iżjed minn 10 % fl-UE 27. Barra minn hekk, l-Ewropa qed tikkonfronta problemi tassew serji bil-qgħad fost iż-żgħażagħ, li flimkien ma' tranżizzjoni dejjem iżjed diffiċli mill-iskola għax-xogħol joħolqu riskji ta' distakk mis-suq tax-xogħol u ta' telf tal-kapital uman fuq perjodu ta' żmien itwal. Kwistjoni importanti oħra hija s-sitwazzjoni ta' ħaddiema bi ftit kompetenzi professjonali li jikkonfrontaw domanda tax-xogħol li dejjem qed tonqos minħabba l-bidla settorjali lejn attivitajiet ta' teknoloġija ogħla u b'għarfien intensiv kif ukoll numru li dejjem qed jiżdied ta' nies li jgħixu fil-faqar u li jinsabu f'riskju ta' esklużjoni soċjali.
Is-sitwazzjoni diffiċli fis-suq tax-xogħol qed issir agħar ukoll minħabba l-problemi li qed jikkonfrontaw sistemi edukattivi kif ukoll it-tixjiħ tal-popolazzjoni. Minn naħa waħda, ir-riżultati baxxi fl-edukazzjoni fl-Unjoni Ewropea għadhom mhumiex xierqa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet fis-suq tax-xogħol u ma jilħqux l-intensità tal-ħiliet li dejjem qed tiżdied tal-impjiegi disponibbli. Għandu jiġi osservat bi tħassib li fl-2010, 14.1 % taż-żgħażagħ fl-etajiet ta' bejn it-18 u l-24 sena ġew deskritti bħala persuni li telqu mill-iskola kmieni u iżjed minn 20 % tat-tfal kollha ma laħqux l-istandards bażiċi ta' litteriżmu u ħiliet fin-numri. Min-naħa l-oħra, minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni, in-numru ta' nies li daħlu fis-suq tax-xogħol qed jonqos u l-età tal-popolazzjoni li taħdem se tibda tonqos mill-2012 li twassal għal sitwazzjoni fl-2060 fejn ikun hemm biss żewġ ċittadini li jaħdmu għal kull persuna li jkollha età ta' 65 sena jew iżjed. Dawn it-tendenzi demografiċi se jkollhom riperkussjonijiet serji fuq is-suq tax-xogħol, il-potenzjal ta' tkabbir ekonomiku u t-tfaddil pubbliku.
Barra minn hekk, bħala konsegwenza tal-kriżi, il-pressjoni fuq l-iskemi ta' għajnuna soċjali żdiedet f'ħafna pajjiżi u d-dħul għal skemi ta' pensjoni, benefiċċji tal-impjieg jew sistemi tal-kura tas-saħħa naqsu konsiderevolment. Rati għolja ta' qgħad fuq perjodu ta' żmien twil aktarx li se jkomplu jaggravaw din it-tendenza.
Sfortunatament il-maġġoranza tar-reazzjonijiet reċenti għall-kriżi jidhru li m'għandhomx dimensjoni ta' politika soċjali u tal-impjieg. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ippubblikat reċentement kif ukoll ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi wrew li, minħabba l-fatt li l-konsolidament fiskali għadha trid tiġi kkunsidrata bħala prijorità, il-miri soċjali, ta' impjieg u tal-edukazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 ma ġewx indirizzati biżżejjed mill-Istati Membri kollha.
L-importanza ta' investimenti soċjali
Sabiex jerġa' jkun hemm tkabbir sostenibbli fl-Ewropa, huwa essenzjali li l-isfidi msemmija jiġu indirizzati b'investimenti soċjali mmmirati tajjeb, li għandhom l-għan li jippreparaw l-individwi, il-familji u s-soċjetajiet biex jadottaw kundizzjonijiet ekonomiċi u domandi fis-suq tax-xogħol. Filwaqt li jiżguraw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, l-Istati Membri għandhom jiffukaw ugwalment fuq l-għajnuna lill-persuni qiegħda, speċjalment dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil, sabiex dawn jirritornaw lura għax-xogħol; joħolqu impjiegi sostenibbli u ta' kwalità, li jtejbu l-produttività kif ukoll id-distribuzzjoni tax-xogħol, jinvestu fl-edukazzjoni u t-taħriġ, it-titjib tar-riżultati edukattivi u t-tqabbil aħjar tal-ħiliet tal-gradwati u l-ħaddiema mad-domandi fis-suq tax-xogħol; itejbu l-bilanċ bejn il-flessibilità u s-sigurtà u jgħinu fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja fil-familja u l-ħajja professjonali, jirriformaw sistemi ta' pensjonijiet u joħolqu kundizzjonijiet għal ħidma itwal; jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Billi jkopru firxa wiesgħa ta' politiki, l-investimenti soċjali huma importanti biex jerġgħu jiżguraw livell ta' impjieg xieraq fil-futur u jtejbu l-kompetittività tal-Ewropa. Peress li għandhom l-għan li jirrikonċiljaw l-għanijiet soċjali u ekonomiċi, għandhom jiġu trattati mill-gvernijiet mhux biss bħala nefqa iżda bħala investimenti li jrendu redditu reali fil-futur. Barra minn hekk, jidher li l-kriżi tirrikjedi li l-Istati Membri jikkunsidraw mill-ġdid il-politiki soċjali tagħhom u jagħmlu t-tranżizzjoni minn 'stat soċjali attiv' għal 'stat soċjali attivanti', li jinvesti fin-nies u jagħti l-istrumenti u l-inċentivi liċ-ċittadini iżjed milli jirreaġixxi biss għad-danni li jirriżultaw ikkawżati minn falliment fis-suq. Fid-dawl ta' dan t'hawn fuq, għandna niżguraw li l-investimenti soċjali jkunu jiffurmaw parti importanti tal-politiki ekonomiċi u tal-impjieg Ewropej u tar-reazzjonijiet tal-UE għall-kriżi.
Dimensjoni tal-UE u governanza aħjar
Jidher li hemm ħtieġa immedjata għall-ħolqien ta' approċċ tal-UE kkoordinat lejn l-investimenti soċjali. L-ewwel tentattiv għall-ħolqien ta' reazzjoni koordinata tal-UE lejn l-impjieg u l-politiki soċjali fl-Ewropea, l-Istrateġija ta' Lisbona flimkien mal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi naqas milli jagħti r-riżultati mistennija minħabba governanza dgħajfa u sfortunatament, minn dak li nistgħu nosservaw, is-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa inċert u jirrikjedi aktar impenn mill-Istati Membri. Huwa minħabba din ir-raġuni li r-Rapporteur jemmen li l-governanza ekonomika żviluppata reċentement u s-sorveljanza makroekonomika għandhom jiġu supplimentati permezz tal-monitoraġġ ta' politiki dwar l-impjieg u dawk soċjali. F'dan il-kuntest, ir-Rapporteur jistieden lill-Istati Membri biex jiffirmaw 'Patt dwar l-Investiment Soċjali' li permezz tiegħu jistgħu joħolqu governanza aħjar u mekkaniżmu ta' kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-miri tal-impjieg, soċjali u tal-edukazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tiżviluppa tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi tal-investiment soċjali komuni sabiex timmonitorja l-progress fil-pajjiżi tal-UE. Strateġija tal-investiment soċjali reali tirrikjedi finanzjament xieraq, u għaldaqstant ir-Rapporteur jitlob lill-Kunsill biex jiżgura li l-Qafas Finanzjarju Multiannwali li attwalment qed jiġi diskuss ikun jinkludi riżorsi baġitarji xierqa meħtieġa għal investimenti soċjali fl-Ewropa kif ukoll biex l-fondi strutturali, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew, ikunu jappoġġaw l-investimenti soċjali.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
10.7.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
35 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, David Casa, Ole Christensen, Minodora Cliveti, Emer Costello, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Ádám Kósa, Jean Lambert, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Elisabeth Schroedter, Nicole Sinclaire, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Georges Bach, Kinga Göncz, Svetoslav Hristov Malinov, Anthea McIntyre, Antigoni Papadopoulou, Evelyn Regner |
||||