RAKKOMANDAZZJONI dwar il-proposta tal-Kunsill Ewropew biex ma jlaqqax Konvenzjoni għaż-żieda ta' Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Ċeka mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
24.9.2012 - (00091/2011 – C7‑0386/2011 – 2011/0818(NLE)) - ***
Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Andrew Duff
ABBOZZ TA' DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta tal-Kunsill Ewropew biex ma jlaqqax Konvenzjoni għaż-żieda ta' Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Ċeka mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
(00091/2011 – C7‑0386/2011 – 2011/0818(NLE))
(Kunsens)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-ittra mill-Gvern Ċek lill-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2011 dwar l-abbozz ta' protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta") għar-Repubblika Ċeka,
– wara li kkunsidra l-ittra mill-President tal-Kunsill Ewropew lill-President tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2011, li tikkonċerna abbozz ta' protokoll dwar l-applikazzjoni tal-Karta għar-Repubblika Ċeka,
– wara li kkunsidra t-talba għal kunsens li ma titlaqqax Konvenzjoni, ippreżentata mill-Kunsill Ewropew bi qbil mal-Artikolu 48(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (C7‑0386/2011),
– wara li kkunsidra Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l Karta,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tad-29 u t-30 ta' Ottubru 2009 tal-kapijiet tal-istati jew tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 74a u 81(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0282/2012),
Billi:
A. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea tfasslet minn Konvenzjoni li saret mis-17 ta' Diċembru 1999 sat-2 ta' Ottubru 2000, li laqqgħet flimkien rappreżentanti tal-Parlament, tal-Istati Membri, tal-parlamenti nazzjonali u tal-Kummissjoni; il-Karta kienet ipproklamata fis-7 ta' Diċembru 2000 u t-test tagħha kien addottat fi Strasburgu fit-12 ta' Diċembru 2007;
B. It-tieni Konvenzjoni saret mit-22 ta' Frar 2002 sat-18 ta' Lulju 2003 biex tabbozza t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li l-parti l-kbira tas-sustanza tiegħu ġiet inkorporata fit-Trattat ta’ Lisbona li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009;
C. Dawn iż-żewġ Konvenzjonijiet tlaqqgħu biex jittrattaw suġġetti ewlenin marbuta mal-ordni kostituzzjonali tal-Unjoni, inkluża l-adozzjoni ta' test vinkolanti li jistipula d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Unjoni;
D. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, mhuwiex neċessarju li tissejjaħ Konvenzjoni sabiex teżamina l-proposta li l-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit jiġi estiż għar-Repubblika Ċeka, billi l-effett ta' dik il-proposta, jekk hemm, ikun limitat;
1. Japprova l-proposta tal-Kunsill Ewropew li ma titlaqqax Konvenzjoni.
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
17.9.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 1 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrew Henry William Brons, Carlo Casini, Andrew Duff, Roberto Gualtieri, Enrique Guerrero Salom, Zita Gurmai, Gerald Häfner, Daniel Hannan, Stanimir Ilchev, Constance Le Grip, Paulo Rangel, Algirdas Saudargas, József Szájer, Søren Bo Søndergaard, Rafał Trzaskowski, Manfred Weber, Luis Yáñez-Barnuevo García |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Zuzana Brzobohatá, Andrea Češková, Luis de Grandes Pascual, Isabelle Durant, Marietta Giannakou, Anneli Jäätteenmäki, György Schöpflin |
||||