RAPPORT dwar l-impatti ambjentali tal-attivitajiet ta' estrazzjoni ta' gass tax-shale u żejt tax-shale

25.9.2012 - (2011/2308(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Bogusław Sonik


Proċedura : 2011/2308(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0283/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-impatti ambjentali tal-attivitajiet ta' estrazzjoni ta' gass tax-shale u żejt tax-shale

(2011/2308(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta' awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta' idrokarburi[1],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/91/KEE tat-3 ta' Novembru 1992 li tikkonċerna l-ħtiġiet minimi għat-titjib tal-ħarsien tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji tal-estrazzjoni tal-minerali permezz tat-tħaffir[2],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġjar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni (Direttiva dwar l-iskart mill-Industriji tal-Estrazzjoni) u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE[3],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi[4],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent[5],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (id-Direttiva dwar il-Ħabitats)[6],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis)[7],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, jew ELD)[8],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (Direttiva Qafas dwar l-Ilma)[9],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb);

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament (Direttiva dwar l-Ilma ta' Taħt l-Art)[10],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (kif emendata)[11] u d-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020[12],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (Regolament REACH)[13],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-ippakkjar tas-sustanzi u t-taħlitiet (li jallinja l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE mas-Sistema Globalment Armonizzata tan-Nazzjonijiet Uniti (GHS))[14],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali (Direttiva dwar il-Prodotti Bijoċidali)[15],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta' perikoli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikolużi (Direttiva Seveso II)[16],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar l-isfida tas-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass fil-baħar[17],

–   wara li kkunsidra r-rapport dwar gass mhux konvenzjonali fl-Ewropa tat-8 ta' Novembru 2011 ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija tal-Kummissjoni[18],

–   wara li kkunsidra n-nota ta' trażmissjoni tas-26 ta' Jannar 2012 mid-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni lill-Membri tal-Parlament Ewropew dwar il-qafas legali tal-UE dwar l-ambjent għall-proġetti tal-gass tax-shale,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu 'Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050' (COM(2011)0885),

–   wara li kkunsidra l-Petizzjonijiet 886/2011 (dwar ir-riskji marbuta mal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass tax-shale fil-Bulgarija) u 1378/2011 (dwar l-estrazzjoni tal-gass tax-shale fil-Polonja),

–   wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat f'Ġunju 2011 mid-Dipartiment Tematiku A għall-Politiki Ekonomiċi u Xjentifiċi tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Interna tal-Parlament Ewropew dwar l-impatti tal-estrazzjoni tal-gass tax-shale u ż-żejt tax-shale fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 11, 191, 192, 193 u 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0283/2012),

A. billi avvanzi teknoloġiċi reċenti diġà qanqlu estrazzjoni mgħaġġla fuq skala kummerċjali ta' fjuwils fossili mhux konvenzjonali (unconventional fossil fuels – UFFs) f'ċerti partijiet tad-dinja; billi fl-UE għad m'hemm l-ebda sfruttament fuq skala kummerċjali u l-potenzjal tar-riżervi u l-impatti possibbli fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem għad iridu jkomplu jiġu eżaminati;

B.  billi l-iżvilupp tal-gass tax-shale ma jonqosx milli jqajjem kontroversja fl-UE u fid-dinja kollha u għaldaqstant jeħtieġ eżami dettaljat tal-impatti kollha (fuq l-ambjent, is-saħħa pubblika u t-tibdil fil-klima) qabel tiġi żviluppata aktar din it-teknoloġija;

C. billi l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 identifika li l-gass tax-shale u sorsi mhux konvenzjonali oħra saru sorsi ġodda potenzjali importanti ta' provvista ġewwa jew madwar l-Ewropa; billi s-sostituzzjoni tal-faħam u ż-żejt bil-gass fuq perjodu qasir jew medju taf twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra skont iċ-ċiklu ta' ħajja tagħhom;

D. billi l-gass jista' jintuża biex iservi l-ġenerazzjoni ta' kurrent bażi kif ukoll jipprovdi riżerva ta' enerġija affidabbli għal sorsi ta' enerġija varjabbli, bħalma huma r-riħ u x-xemx, u din l-affidabilità tnaqqas l-isfidi tekniċi fir-rigward tal-bilanċ tas-sistema tal-provvista tal-gass; billi l-gass huwa wkoll fjuwil effiċjenti għat-tisħin/tkessiħ u għal bosta użi industrijali oħrajn li jsaħħu l-kompetittività tal-UE;

E.  billi ż-żewġ tekniki ewlenin użati biex jinħareġ il-potenzjal tal-gass tax-shale u tal-metan estratt mis-sodda tal-faħam bħala UFFs, it-tħaffir orizzontali u t-tkissir idrawliku (fracking), ilhom jintużaw flimkien għal deċennju wieħed biss, u m'għandhomx jiġu mfixkla ma' tekniki tal-istimulazzjoni tal-bjar użati għall-estrazzjoni tal-fjuwils fossili konvenzjonali minħabba l-kombinazzjoni ta' dawn iż-żewġ tekniki u l-iskala ta' intervent involuta;

F.  billi l-UE hija impenjata favur mira legalment vinkolanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u biex jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli; billi kull deċiżjoni dwar l-isfruttament tal-UFFs għandha titqies fil-kuntest tal-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet;

G. billi s'issa għad m'hawn l-ebda direttiva (qafas) tal-UE li tirregola l-attivitajiet tal-industrija tal-minjieri;

H. billi m'hemmx data biżżejjed dwar is-sustanzi kimiċi tat-tkissir u r-riskji ambjentali u sanitarji assoċjati mat-tkissir idrawliku; billi għadha għaddejja analiżi importanti u hemm ħtieġa dejjem tikber għal riċerka kontinwa u ulterjuri; billi l-eżistenza u t-trasparenza tad-data, l-ikkampjunar u t-testijiet huma tal-ogħla importanza għar-riċerka ta' kwalità għolja b'appoġġ għal regolamentazzjoni xierqa li se tipproteġi s-saħħa pubblika u l-ambjent;

I.   billi kwalunkwe tip ta' estrazzjoni ta' fjuwils fossili u minerali jinvolvi riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent; billi huwa essenzjali li prinċipju ta' prekawzjoni u dak ta' "min iniġġes iħallas" ikunu applikati għal kull deċiżjoni futura dwar l-iżvilupp ta' riżorsi ta' fjuwils fossili fl-Ewropa, filwaqt li jitqiesu l-impatti potenzjali mill-istadji kollha tal-proċess ta' esplorazzjoni u sfruttament;

J.   billi Stati Membri tal-UE bħal Franza u l-Bulgarija diġà imponew moratorju fuq l-estrazzjoni tal-gass tax-shale minħabba tħassib dwar l-ambjent u s-saħħa pubblika;

K  billi l-proġetti għall-isfruttament tal-gass tax-shale ġeneralment mhumiex soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt ambjentali minkejja r-riskji ambjentali ta' tali proġetti;

L.  billi l-UE għandha r-rwol li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fil-politiki u l-attivitajiet kollha tagħha;

M. billi ħafna gvernijiet fl-Ewropa, bħal Franza, il-Bulgarija, Nordrhein-Westfalen fil-Ġermanja, Fribourg u Vaud fl-Isvizzera, kif ukoll għadd ta' stati Amerikani (North Carolina, New York, New Jersey, Vermont u aktar minn 100 gvern lokali) u pajjiżi oħra madwar id-dinja (l-Afrika t'Isfel, il-Québec fil-Kanada, New South Wales fl-Awstralja) bħalissa għandhom fis-seħħ projbizzjoni jew moratorju fuq l-użu tat-tkissir idrawliku għall-estrazzjoni ta' żejt u gass mix-shale jew minn formazzjonijiet oħra ta' ġebel 'kumpatt';

N. billi għadd ta' Stati Membri, bħar-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u l-Ġermanja, bħalissa qed jikkunsidraw moratorju fuq l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni ta' żejt u gass mix-shale jew minn formazzjonijiet oħra ta' ġebel 'kumpatt';

O. billi d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali ma tobbligax lill-operaturi jagħmlu assigurazzjoni adegwata meta wieħed iqis l-ispejjeż għoljin assoċjati mal-aċċidenti fl-industriji tal-estrazzjoni;

Qafas ġenerali – regolamentazzjoni, implimentazzjoni, monitoraġġ u kooperazzjoni

1.  Jifhem li esplorazzjoni u estrazzjoni ta' gass tax-shale jirreferu għal kull esplorazzjoni u estrazzjoni tal-idrokarburi b'mod mhux konvenzjonali bl-użu ta' metodi ta' tħaffir orizzontali u ta' tkissir idrawliku ta' volum għoli utilizzati fl-industriji tal-fjuwils fossili fid-dinja kollha;

2   Jenfasizza li, minkejja l-prerogattiva esklużiva tal-Istati Membri biex jisfruttaw ir-riżorsi tal-enerġija tagħhom, kwalunkwe żvilupp tal-UFFs għandu jiżgura kundizzjonijiet ġusti u ekwi fl-Unjoni kollha, b'konformità sħiħa mal-liġijiet rilevanti tal-UE dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tal-ambjent;

3.  Iqis li hemm bżonn analiżi dettaljata tal-qafas regolatorju speċifiku tal-UE dwar l-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-UFFs; jilqa' b'sodisfazzjon, għal dan il-għan, il-konklużjoni imminenti ta' għadd ta' studji tal-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni tar-riskji, il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra li jsiru matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-fjuwils, is-sustanzi kimiċi, l-ilma, l-użu tal-art u l-effetti tal-gass tax-shale fuq is-swieq tal-enerġija tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu prudenti qabel ma jkomplu għaddejjin bil-UFFs sakemm ma tintemm l-analiżi regolatorja li għaddejja bħalissa u jħeġġiġhom jimplimentaw ir-regolamenti kollha eżistenti b'mod effikaċi bħala mod kruċjali kif jitnaqqsu r-riskji involuti fl-operazzjonijiet kollha ta' estrazzjoni tal-gass;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, wara li ttemm l-istudji tagħha, twettaq valutazzjoni dettaljata abbażi tal-qafas regolatorju Ewropew għall-protezzjoni tas-saħħa u l-ambjent u biex, mill-aktar fis possibbli u f'konformità mal-prinċipji tat-Trattati, tipproponi miżuri xierqa, inklużi miżuri leġiżlattivi, jekk ikun meħtieġ;

5.  Jenfasizza li l-estrazzjoni tal-UFFs, bħall-estrazzjoni tal-fjuwils fossili konvenzjonali, għandha r-riskji tagħha; jemmen li dawn ir-riskji għandhom jiġu limitati permezz ta' miżuri preventivi, inklużi ppjanar xieraq, ittestjar, użu ta' teknoloġiji ġodda u tal-aqwa teknoloġiji disonibbli, l-aqwa prattiki industrijali u ġbir kontinwu ta' data, monitoraġġ u rappurtar imwettaq fi ħdan qafas regolatorju robust; iqis li huwa essenzjali li, qabel ma jinbdew l-operazzjonijiet ta' UFFs, jintalab il-kejl tal-livelli bażiċi ta' metan u sustanzi kimiċi preżenti b'mod naturali fl-ilma ta' taħt l-art fl-akwiferi u l-livelli attwali tal-kwalità tal-arja f'siti potenzjali ta' tħaffir; iqis, barra minn hekk, li l-parteċipazzjoni regolari tal-Manifatturi ta' Tagħmir Oriġinali (Original Equipment Manufacturers – OEM) jew manifatturi ta' tagħmir ekwivalenti tista' tiżgura li t-tagħmir kritiku fil-qasam tal-ambjent u tas-sigurtà jibqa' jaħdem b'mod effikaċi u jissodisfa l-istandards dwar is-sigurtà;

6.  Jinnota l-valutazzjoni preliminarja tal-Kummissjoni fir-rigward tal-qafas legali tal-UE dwar l-ambjent applikabbli għat-tkissir idrawliku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża s-setgħat tagħha fir-rigward ta' traspożizzjoni u applikazzjoni xierqa tal-liġijiet ambjentali ewlenin tal-UE fl-Istati Membri kollha, u toħroġ mingħajr dewmien linji gwida dwar l-istabbiliment ta' data bażika dwar il-monitoraġġ tal-ilma li hija meħtieġa għall-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass tax-shale, kif ukoll kriterji li għandhom jintużaw għall-valutazzjoni tal-impatti tat-tkissir idrawliku fuq ir-riżervi tal-ilma ta' taħt l-art f'formazzjonijiet ġeoloġiċi differenti, inklużi t-tnixxijiet potenzjali u l-impatti kumulattivi;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi qafas għall-ġestjoni tar-riskju fl-UE kollha għall-esplorazzjoni jew l-estrazzjoni tal-fjuwils fossili mhux konvenzjonali, sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet armonizzati għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent ikunu japplikaw fl-Istati Membri kollha;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji kompetenti, tintroduċi monitoraġġ kontinwu tal-iżviluppi f'dan il-qasam u tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tikkomplementa u testendi l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-ambjent;

9.  Jinnota li l-metan huwa gass b'effett ta' serra qawwi, li l-emissjonijiet tiegħu jridu jkunu kompletament koperti jew mid-Direttiva 2003/87 (ETS) jew mid-Deċiżjoni 406/2009 (id-'Deċiżjoni dwar il-qsim tal-isforz');

10. Jenfasizza li l-effikaċja tar-regolazzjoni tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-UFFs – f'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE – wara kollox tiddependi mir-rieda u mir-riżorsi tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jiżguraw biżżejjed kapaċitajiet umani u tekniċi għall-monitoraġġ, l-ispezzjoni u l-infurzar ta' attivitajiet permessi, inkluż taħriġ xieraq għall-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

11. Jinnota l-importanza tax-xogħol magħmul minn istituzzjonijiet rinomati, b'mod partikolari l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), biex jippreparaw linji gwida dwar l-aħjar prattika fir-rigward tar-regolamenti dwar il-gass mhux konvenzjonali u t-tkissir idrawliku;

12. Jappella għall-iżvilupp ta' Referenza Ewropea għall-Aħjar Tekniki Disponibbli (BREF) għall-fracking abbażi ta' prattika robusta fil-qasam tal-inġinerija xjentifika;

13. Jistieden lil dawk l-awtoritajiet nazzjonali li awtorizzaw l-esplorazzjoni tal-UFFs biex jirrevedu r-regolamenti eżistenti tal-istat dwar il-kostruzzjoni ta' bjar għall-fjuwils fossili konvenzjonali u biex jaġġornaw dawk id-dispożizzjonijiet li jkopru l-ispeċifiċitajiet tal-estrazzjoni tal-UFFs;

14. Jirrikonoxxi li l-industrija hija primarjament responsabbli għall-prevenzjoni u għar-reazzjoni b'effikaċja għall-aċċidenti; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-inklużjoni tal-operazzjonijiet relatati mat-tkissir idrawliku fl-Anness III għad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali u jistieden lill-awtoritajiet rilevanti jirrikjedu biżżejjed garanziji finanzjarji mill-operaturi għar-reponsabbiltà ambjentali u ċivili li jkopru kwalunkwe aċċident jew impatt negattiv aċċidentali kkawżat mill-attivitajiet tagħhom stess jew minn attivitajiet li jkunu ġew esternalizzati lil partijiet terzi; iqis li f'każ ta' tniġġis tal-ambjent għandu jiġi applikat il-prinċipju ta' 'min iniġġes iħallas'; jilqa' b'sodisfazzjon il-progress miksub mill-industrija fl-istabbiliment ta' standards għoljin fil-qasam tal-ambjent u s-sigurtà; jisħaq fuq l-importanza ta' monitoraġġ tal-konformità tal-industrija permezz ta' spezzjonijiet regolari magħmula minn speċjalisti mħarrġa u indipendenti;

15. Jistieden lill-kumpaniji tal-enerġija attivi fil-qasam tal-estrazzjoni tal-UFFs biex jinvestu fir-riċerka bil-għan li titjieb il-prestazzjoni ambjentali tat-teknoloġiji tal-UFFs; iħeġġeġ lill-impriżi u lill-istituzzjonijiet akkademiċi bbażati fl-UE biex jiżviluppaw programmi kooperattivi ta' R&Ż rilevanti li jwasslu għal fehim akbar dwar is-sigurtà u r-riskji f'operazzjonijiet ta' esplorazzjoni u produzzjoni tal-UFFs (E&P);

16. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, espress fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050, biex jagħmlu pressjoni għal implimentazzjoni aktar mgħaġġla tal-ftehim tal-G-20 dwar it-tneħħija ta' sussidji għal fjuwils fossili; iqis li l-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' sorsi ta' fjuwils fossili, inklużi sorsi mhux konvenzjonali, m'għandhomx ikunu ssussidjati minn fondi pubbliċi;

17. Iqis li l-ftehimiet reċiproċi dwar in-nuqqas ta' żvelar rigward ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, li ntużaw bejn sidien tal-art fil-viċinanza tal-bjar tal-gass tax-shale u operaturi tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti, mhumiex konformi mal-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Aarhus, id-Direttiva dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni (2003/04/KE) u d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali;

Aspetti ambjentali tat-tkissir idrawliku

18. Jagħraf li l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass tax-shale jistgħu possibbilment jirriżultaw f' interazzjonijiet kumplessi u mifruxa mal-ambjent tal-madwar, partikolarment minħabba l-metodu tat-tkissir idrawliku użat, il-kompożizzjoni tal-likwidu tat-tkissir, il-fond u l-kostruzzjoni tal-bjar u l-erja tal-art tal-wiċċ li tiġi affettwata;

19. Jagħraf li t-tipi ta' ġebel li jinstabu f'kull reġjun individwali jiddeterminaw it-tfassil u l-metodu tal-attivitajiet ta' estrazzjoni; jappella għal analiżi bażika obbligatorja tal-ilma ta' taħt l-art u analiżi ġeoloġika tal-ġeoloġija fonda u baxxa ta' shale play prospettiva qabel l-awtorizzazzjoni, inklużi rapporti dwar kwalunkwe attività ta' tħaffir fil-passat jew fil-preżent fir-reġjun;

20. Jenfasizza l-ħtieġa ta' studji xjentifiċi dwar l-impatt fuq perjodu twil li t-tniġġis tal-arja u l-kontaminazzjoni tal-ilma b'relazzjoni mal-fracking jista' jkollu fuq is-saħħa tal-bniedem;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-liġijiet dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tat-tħaffir fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; jenfasizza, fl-istess ħin, li kull valutazzjoni tal-impatt għandha titwettaq bħala proċess miftuħ u trasparenti;

22. Ifakkar li n-"Nota ta' Gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 85/337/KEE għal proġetti relatati mal-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' idrokarbur mhux konvenzjonali" (Ref. Ares (2011)1339393), maħruġa mill-Kummissjoni, DĠ Ambjent, fit-12 ta' Diċembru 2011, tikkonferma li l-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, kif emendata u kif ikkodifikata bid-Direttiva 2011/92/UE, dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (magħrufa bħala l-Istima tal-Impatt Ambjentali jew id-Direttiva EIA) tkopri l-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' idrokarburi mhux konvenzjonali; ifakkar, barra minn hekk, li kwalunkwe metodu ta' tkissir idrawliku użat huwa parti mill-attivitajiet ġenerali konvenzjonali u mhux konvenzjonali tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-idrokarburi, li huma koperti mil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE msemmija hawn fuq u mid-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta' awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta' idrokarburi;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali jkopru b'mod adegwat l-speċifiċitajiet tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass tax-shale, taż-żejt tax-shale u tal-metan estratt mis-sodda tal-faħam; jinsisti li valutazzjoni minn qabel tal-impatt ambjentali tinkludi l-impatti taċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja fir-rigward tal-kwalità tal-arja, il-kwalità tal-ħamrija, il-kwalità tal-ilma, l-istabbiltà ġeoloġika, l-użu tal-art u t-tniġġis mill-istorbju;

24. Jappella għall-inklużjoni ta' proġetti li jinvolvu t-tkissir idrawliku fl-Anness I għad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali;

25. Jinnota li hemm riskju ta' theżżiż sismiku kif muri mill-esplorazzjoni tal-gass tax-shale fil-Majjistral tal-Ingilterra; jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ikkummissjonat mill-Gvern tar-Renju Unit li l-operaturi jkunu meħtieġa jissodisfaw ċerti standards sismiċi u mikrosismiċi;

26. Ifakkar li s-sostenibbiltà tal-gass tax-shale għadha mhijiex pruvata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw bir-reqqa l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra matul il-proċess kollu tal-estrazzjoni u l-produzzjoni sabiex jagħtu prova tal-integrità ambjentali tiegħu;

27. Iqis li huwa xieraq, fil-kuntest tar-responsabbiltà, li jiġi previst it-treġġigħ lura tal-piż tal-provi għall-operaturi tal-gass tax-shale, fejn, minħabba n-natura tad-disturb u l-effetti negattivi tiegħu, kawżi oħra possibbli u kwalunkwe ċirkostanza oħra, il-bilanċ tal-probabbiltà jindika li l-operazzjonijiet tal-gass tax-shale kienu l-kawża tal-ħsara ambjentali;

28. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex il-fluwidi tat-tkissir idrawliku jiġu inklużi b'mod espliċitu bħala 'skart perikoluż' fl-Anness III għad-Direttiva dwar l-Iskart Ewropew (2008/98/KE);

29. Jirrikonoxxi l-volumi relativvament għoljin tal-ilma involuti fit-tkissir idrawliku meta wieħed iqis li l-ilma huwa riżorsa partikolarment sensittiva fl-UE; jisħaq fuq il-bżonn ta' pjanijiet ta' provvista tal-ilma bbażati fuq l-idroloġija lokali li jikkunsidraw ir-riżorsi lokali tal-ilma, il-bżonnijiet ta' utenti lokali oħra tal-ilma u l-kapaċitajiet għat-trattament tad-drenaġġ;

30. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istandards ambjentali Ewropej rilevanti, b'mod partikolari fir-rigward tal-ilma li jintuża għat-tkissir idrawliku, jiġu rispettati bis-sħiħ u li l-każijiet ta' ksur ta' dawn l-istandards jiġu ssanzjonati b'mod xieraq;

31. Ifakkar li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma titlob lill-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-deterjorament tal-istatus tal-mases kollha tal-ilma ta' taħt l-art, inkluż minn sorsi lokalizzati bħall-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-idrokarburi;

32. Jistieden lill-industrija, f'kollaborazzjoni trasparenti mal-korpi regolatorji nazzjonali, mal-gruppi ambjentali u mal-komunitajiet lokali, biex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-istatus tal-mases rilevanti tal-ilma ta' taħt l-art jiġi mħares milli jiddeterjora, u b'hekk jinżamm l-istat tajjeb tal-ilma ta' taħt l-art hekk kif definit fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Ilma ta' taħt l-Art;

33. Jirrikonoxxi li t-tkissir idrawliku jseħħ f'fond li hu ferm taħt l-akwiferi tal-ilma ta' taħt l-art; jemmen, għalhekk, li billi l-operazzjonijiet ta' tħaffir jinvolvu sorsi tal-ilma tajjeb għax-xorb, il-punt ta' tħassib ewlieni rigward il-kontaminazzjoni tal-ilma ta' taħt l-art ħafna drabi huwa l-integrità tal-bjar f'termini tal-kwalità tal-kisi u l-issimentar tagħhom kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jirreżistu għall-pressjoni għolja tal-likwidu injettat u theżżiż tal-art ħafif;

34. Jappella għal projbizzjoni globali fuq it-tkissir idrawliku f'ċerti żoni sensittivi u li jinsabu f'periklu partikolari, bħal pereżempju f'żoni ta' protezzjoni tal-ilma tajjeb għax-xorb u taħthom, kif ukoll fiż-żoni tal-minjieri tal-faħam;

35. Jenfasizza li prevenzjoni effikaċi teħtieġ monitoraġġ konsistenti ta' konformità stretta mal-ogħla standards u prattiki stabbiliti fil-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-ħofor għall-estrazzjoni (well-bore); iqis li rapporti dwar it-tlestija tal-bjar għandhom jitressqu lill-awtoritajiet kompetenti; jenfasizza li kemm l-industrija kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw, fil-fażijiet kollha, kontroll tal-kwalità regolari għall-integrità tal-kisi u l-issimentar kif ukoll il-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art b’kooperazzjoni mill-qrib mal-fornituri tal-ilma tajjeb għax-xorb; jinnota li dan jirrikjedi riżorsi umani u kompetenza teknika sinifikanti fil-livelli kollha;

36. Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida, mingħajr dewmien, dwar l-istabbiliment kemm tad-data bażika dwar il-monitoraġġ tal-ilma, li hija meħtieġa għal valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass tax-shale, u kemm tal-kriterji li għandhom jintużaw għall-valutazzjoni tal-impatti tat-tkissir idrawliku fuq il-ħażniet tal-ilma ta' taħt l-art f'formazzjonijiet ġeoloġiċi differenti, inklużi t-tnixxijiet potenzjali u l-impatti kumulattivi;

37. Jirrakkomanda li jitħejjew pjanijiet ta' reazzjoni f'emerġenza standardizzati flimkien mal-operaturi, ir-regolaturi u s-servizzi ta' emerġenza u li jitwaqqfu gruppi ta' reazzjoni f'emerġenza speċjalizzati;

38. Jemmen li r-riċiklaġġ tal-ilma b'ċirkuwitu magħluq fuq il-post, bl-użu ta' tankijiet tal-azzar għall-ħażna, joffri l-aktar mod ekoloġiku li bih ikun trattat il-fluss tal-ilma li jerġa' jitla' fil-wiċċ (flow-back water) billi jiġu mminimizzati l-volumi tal-ilma, il-potenzjal ta' tixrid ta' ilma fis-superfiċje u spejjeż/traffiku/ħsarat fit-toroq relatati mat-tasport tat-trattament tal-ilma; jemmen li dan it-tip ta' riċiklaġġ għandu jiġi applikat bl-aktar mod estensiv possibbli; jiċħad l-injezzjoni ta' flussi ta' drenaġġ li jerġa' jitla' fil-wiċċ (flow-back waste waters) f'formazzjonijiet ġeoloġiċi f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

39. Jitlob implimentazzjoni stretta tal-istandards eżistenti dwar it-trattament tad-drenaġġ u pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-ilma obbligatorji mill-operaturi, b'kooperazzjoni mal-kumpaniji tal-ilma tajjeb għax-xorb u mal-awtoritajiet kompetenti; jenfasizza, madanakollu, li l-impjanti tat-trattament eżistenti mhumiex mgħammra biżżejjed biex jittrattaw id-drenaġġ li jkun ġej mit-tkissir idrawliku u jistgħu jkunu qegħdin jitfgħu materjal li jniġġes fi xmajjar u nixxigħat; jikkunsidra, għal dan il-għan, li għandha titwettaq valutazzjoni sħiħa tal-impjanti kollha rilevanti għat-trattament tal-ilma fl-Istati Membri kkonċernati mill-awtoritajiet kompetenti;

40. Jenfasizza li għandha tinżamm distanza minima ta' sigurtà bejn il-pjattaformi tat-tħaffir u l-bjar tal-ilma;

41. Jemmen li ħafna mill-kontroversji attwali dwar il-UFFs huma parzjalment riżultat ta' ċaħda inizjali mill-industrija li tiżvela l-kontenut kimiku tal-fluwidi tat-tkissir idrawliku; isostni li tinħtieġ trasparenza sħiħa, b'obbligu mandatarju għall-operaturi kollha li jiżvelaw kompletament il-kompożizzjoni u l-konċentrazzjoni tal-fluwidi tat-tkissir idrawliku u li jikkonformaw għalkollox mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fil-qafas tar-Regolament REACH;

42. Iqis li l-ftehimiet reċiproċi dwar in-nuqqas ta' żvelar rigward ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem u dik tal-annimali, bħal dawk li diġà huma fis-seħħ bejn sidien tal-art fil-viċinanza tal-bjar tal-gass tax-shale u operaturi tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti, mhumiex konformi mal-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni ta' Aarhus, id-Direttiva dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni (2003/04/KE) u d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali;

43. Jinnota li ħafna ħofor għall-estrazzjoni orizzontali minn pjattaforma waħda tat-tħaffir jimminimizzaw id-disturbi relatati mal-użu tal-art u mal-pajsaġġi;

44. Jinnota li l-volumi tal-produzzjoni tal-bjar tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti huma karatterizzati minn tnaqqis qawwi wara l-ewwel sentejn, tnaqqis li jwassal għal intensità qawwija fit-tħaffir kontinwu għal bjar ġodda; jinnota li t-tankijiet tal-ħażna, l-istazzjonijiet tal-kompressuri u l-infrastruttura tal-pajpijiet jkomplu jżidu mal-impatt fuq l-użu tal-art tal-attivitajiet marbutin mal-gass tax-shale;

45. Jistieden lil dawk l-Istati Membri li jiddeċiedu li jiżviluppaw riżervi tal-gass tax-shale jew ta' fjuwikls oħra fossili mhux konvenzjonali biex jibagħtu pjanijiet nazzjonali lill-Kummissjoni bl-ispjegazzjoni ta' kif l-isfruttament ta' dawn ir-riżervi huwa kompatibbli mal-miri nazzjonali tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont id-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforzi tal-UE;

46. Jirrikonoxxi li t-titjib teknoloġiku kostanti fit-tkissir idrawliku u fit-tħaffir orizzontali jippermetti li jiġu żviluppati depożiti kbar ta' UFFs b'mod sigur u li jiġu limitati l-effetti ambjentali potenzjali; jinkoraġġixxi lill-industrija biex tkompli l-isforzi għall-avvanz tat-teknoloġija u għall-użu tal-aħjar soluzzjonijiet teknoloġiċi fl-iżvilupp tar-riżorsi tal-UFFs;

47. Jappella għal stħarriġ ġeoloġiku nazzjonali kompetenti biex jitwettaq monitoraġġ sismiku bażi f'żoni sismiċi vulnerabbli fejn jingħataw permessi għall-estrazzjoni tal-gass tax-shale sabiex tiġi stabbilita s-sismiċità tal-isfond li tippermetti valutazzjoni dwar il-possibbiltà u l-impatt potenzjali ta' kwalunkwe terremot ikkawżat;

48. Jinnota li kwalunkwe paragun favorevoli tal-bilanċ taċ-ċiklu tal-ħajja tal-gassijiet b'effett ta' serra fir-rigward tal-gass tax-shale meta mqabbel mal-faħam jiddependi minn suppożizzjoni atmosferika ta’ tul ta’ ħajja bejn sena u mitt sena; jikkunsidra li l-ħtieġa li l-emissjonijiet globali jilħqu l-quċċata sal-2020 tiġġustifika eżami fuq perjodu iqsar, pereżempju 20 sena, bħala perjodu aktar xieraq; jappella għal aktar riċerka xjentifika dwar l-emissjonijiet tal-metan li jaħarbu biex titjieb ir-responsabbiltà għal dawn l-emissjonijiet skont l-inventarji annwali u l-miri tal-Istati Membri skont id-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz;

49. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi li jagħmlu l-użu ta’ apparat li jaħraq il-gass (completion combustion device), jiġifieri 'sistemi li jnaqqsu l-ħruġ ta’ metan', obbligatorju għall-bjar kollha tal-gass tax-shale fl-UE, biex tillimita l-ivvampjar ta’ gassijiet għall-każijiet fejn jeżisti tħassib dwar sikurezza u biex tipprojbixxi kompletament il-ventilazzjoni tal-bjar kollha tal-gass tax-shale, fi sforz biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan li joħroġ waqt il-proċess tat-tħaffir u ta’ komposti organiċi volatili marbuta mal-gass tas-shale;

Parteċipazzjoni pubblika u kundizzjonijiet lokali

50. Jirrikonoxxi li l-attivitajiet ta' tħaffir jistgħu jħażżnu l-kundizzjonijiet tal-għajxien; jappella, għaldaqstant, sabiex din il-kwistjoni tiġi kkunsidrata fil-waqt tal-awtorizzazzjoni meħtieġa għall-esplorazzjoni u l-isfruttar tar-riżorsi tal-idrokarburi u sabiex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, b'mod partikolari mill-industrija permezz tal-implimentazzjoni tal-aħjar tekniki disponibbli, u mill-awtoritajiet pubbliċi permezz tal-applikazzjoni ta' regolamenti stretti, sabiex jiġu mminimizzati l-konsegwenzi negattivi ta' tali attivitajiet;

51. Jistieden lill-industrija tikkomunika mal-komunitajiet lokali u tiddiskuti soluzzjonijiet komuni sabiex jiġi mminimizzat l-impatt tal-iżviluppi tal-gass tax-shale fuq it-traffiku, il-kwalità tat-toroq u l-istorbju fil-postijiet fejn ikunu qed jitwettqu l-attivitajiet tal-iżvilupp;

52. Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet lokali jkunu mgħarrfa u involuti bis-sħiħ, b'mod partikolari waqt li jkunu qed jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-permessi tal-esplorazzjoni u tal-isfruttament; jitlob, b'mod partikolari, li jingħata aċċess sħiħ għall-valutazzjonijiet tal-impatt dwar l-ambjent, is-saħħa tar-residenti u l-ekonomija lokali;

53. Jemmen li l-parteċipazzjoni pubblika għandha tkun żgurata permezz ta' informazzjoni pubblika adegwata u permezz ta' konsultazzjoni pubblika qabel kull stadju tal-isfruttament u tal-esplorazzjoni; jappella għal aktar trasparenza fir-rigward tal-impatti, tas-sustanzi kimiċi u tat-teknoloġiji użati, kif ukoll għal aktar trasparenza tal-ispezzjonijiet u tal-miżuri ta’ kontroll kollha sabiex ikunu żgurati l-fehim u l-fiduċja tal-pubbliku ġenerali fir-regolamentazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet;

54. Jirrikonoxxi li sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha relatati mal-UFFs jeħtieġ skambju ferm aħjar ta' informazzjoni fost l-industrija, ir-regolaturi u l-pubbliku;

55. Jilqa', f'dan ir-rigward, l-approprjazzjoni tal-baġit tal-UE tal-2012 għal tali djalogu pubbliku u jinkoraġġixxi l-Istati Membri jagħmlu użu minn dan il-finanzjament sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini li jgħixu f'żoni potenzjali ta' żvilupp tal-UFFs ikunu infurmati aħjar u jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod effikaċi fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-istrutturi governattivi lokali u nazzjonali tagħhom;

Aspetti internazzjonali

56. Iqis li l-użu tal-gass tax-shale u ta' fjuwils fossili oħra għandu jkun konsistenti mal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li jappella għal "stabilizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera f'livell li jipprevjeni interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema tal-klima" u jenfasizza li l-lock-in sostanzjali għall-infrastrutturi tal-fjuwils fossili bħall-gass tax-shale jista' jimpedixxi li dan l-għan internazzjonali jintlaħaq;

57. Iqis li żieda fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni għall-gass tax-shale madwar id-dinja twassal għal żieda konsiderevoli fl-emissjonijiet li jaħarbu tal-metan u li l-potenzjal ta' effett serra (GWP) globali tal-gass tax-shale ma ġiex evalwat; jenfasizza, għalhekk, li l-isfruttament ta' riżorsi taż-żejt u gass mhux konvenzjonali jistgħu jfixklu l-kisba tal-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju tan-NU (MDG) 7 – dwar l-iżgurar tas-sostenibbiltà ambjentali – u jdgħajjef l-impenji internazzjonali li ttieħdu l-aħħar fir-rigward tat-tibdil fil-klima kif minquxa fil-Ftehim ta' Kopenhagen; jinnota li t-tibdil fil-klima diġà jolqot l-aktar lill-pajjiżi l-foqra; jenfasizza, barra minn hekk, li apparti l-effetti diretti fuq is-saħħa u l-ambjent, l-impatt tal-estrazzjoni mhux konvenzjonali tal-gass jew taż-żejt fuq l-għajxien tan-nies huma ta' theddida partikolari, b'mod partikolari f'pajjiżi Afrikani fejn il-komunitajiet lokali jiddependu l-iżjed mir-riżorsi naturali għall-agrikoltura u s-sajd;

58. Jinsisti li għandhom jinsiltu tagħlimiet mill-Istati Uniti rigward l-isfruttament tal-gass tax-shale; jinnota, bi tħassib partikolari, li l-estrazzjoni tal-gass tax-shale teħtieġ volumi kbar ħafna ta' ilma, u li dan jista' jagħmilha diffiċli li jinkisbu l-miri tal-MDG 7 dwar l-aċċess għal ilma nadif u s-sigurtà tal-ikel, speċjalment fil-pajjiżi l-foqra li diġà qegħdin jiffaċċjaw skarsezza enormi ta' ilma;

59. Jenfasizza li l-akkwiżizzjonijiet tal-art għat-tħaffir għaż-żejt u għall-gass huma xpruni ewlenin għall-ħtif tal-art f'pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp u dan jista' jkun ta' theddida sinifikanti għall-komunitajiet indiġeni, bdiewa u nies foqra madwar id-dinja, f'termini ta' aċċess għall-ilma, ħamrija fertili u ikel; jinnota li, wara l-falliment tas-swieq finanzjarji fl-2008, kien hemm żieda mgħaġġla fl-investimenti globali fl-industriji tal-estrazzjoni min-naħa tal-hedge funds u l-fondi tal-pensjonijiet, li wasslet biex tħeġġet aktar estrazzjoni; jenfasizza, għalhekk, li l-entitajiet ekonomiċi Ewropej kollha għandhom dejjem jaġixxu b'mod trasparenti u b'konsultazzjoni mill-qrib mal-korpi governattivi u l-komunitajiet lokali xierqa kollha rigward kwistjonijiet ta' kiri u/jew ta' akkwiżizzjoni tal-art;

60. Jinnota li minħabba li mhuwiex ċar jekk il-qafas regolatorju attwali tal-leġiżlazzjoni tal-UE jipprovdix jew le garanzija adegwata kontra r-riskji għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-gass tax-shale, il-Kummissjoni qiegħda twettaq sensiela ta' studji li huma mistennija aktar tard din is-sena; iqis li l-kumpaniji Ewropej f'pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp iridu jqisu għalkollox it-tagħlimiet mislutin minn dawn l-istudji dwar l-isfruttament tal-gass tax-shale u r-rakkomandazzjonijiet relatati magħha; jinsab imħasseb dwar l-effetti tal-attivitajiet tal-kumpaniji taż-żejt fuq l-ambjent, is-saħħa u l-iżvilupp, partikolarment fl-Afrika sub-Saħarjana, meta wieħed iqis il-kapaċità limitata f'ċerti pajjiżi ta' din iż-żona biex jiġu implimentati u infurzati l-liġijiet ambjentali u tal-protezzjoni tas-saħħa; jiddikjara wkoll li l-kumpaniji Ewropej għandhom jużaw standards ta' industrija responsabbli kull fejn joperaw;

61. Huwa mħasseb dwar l-investiment potenzjali minn kumpaniji Ewropej f'riżorsi taż-żejt jew tal-gass mhux konvenzjonali fil-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp;

62. Jenfasizza li l-obbligu tal-UE li tiżgura l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, minqux fl-Artikolu 208 tat-TFUE, għandu jiġi rrispettat; huwa tal-fehma li, meta tospita kumpaniji li jinvestu f'attivitajiet ta' estrazzjoni, l-UE għandha tinfluwenza l-imġiba tagħhom biex tħeġġeġ prattiki aktar sostenibbli, jiġifieri billi ssaħħaħ l-istandards u r-regolamenti tal-governanza korporattiva li japplikaw għall-banek u l-fondi li jiffinanzjawhom, inkluż billi jiġu infurzati l-Prinċipji tal-Ekwatur, il-prinċipji tal-investiment responsabbli u r-regoli tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja;

63. Ifakkar li minbarra r-regolamenti fil-pajjiżi fejn joperaw, il-kumpaniji internazzjonali taż-żejt huma soġġetti wkoll għall-ġurisdizzjonijiet tal-qrati fil-pajjiżi fejn ikunu elenkati fil-Borża; iqis li r-regolamenti tal-pajjiż li fih ikun qed isir it-tħaffir għandhom jipprovdu mezz effikaċi għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem f'sitwazzjonijiet fejn jeżistu nuqqasijiet fl-obbligu ta' responsabbiltà, skont il-mudell tal-Atti tal-Istati Uniti dwar Klejms li jirrigwardaw Imġiba Ħażina ta' Persuni jew Entitajiet Barranin;

64. Jinnota li jeżistu ħafna strumenti li jistgħu jindirizzaw l-impatt soċjali u ambjentali negattiv tal-attivitajiet tal-industriji estrattivi, bħall-Inizjattiva ta' Rappurtaġġ globali, il-Patt Globali tan-NU u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali; jindika, madanakollu, li l-linji gwida volontarji mhumiex biżżejjed biex itaffu l-impatt negattiv tal-estrazzjoni;

65. Jinnota li d-Direttivi tal-UE dwar il-Kontabilità u t-Trasparenza bħalissa qegħdin jiġu riveduti u dan jikkostitwixxi opportunità biex jiġu evitati l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni mill-industriji tal-estrazzjoni;

66. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika għażliet ġodda għat-tisħiħ tal-istandards dwar ir-responsabbiltajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet soċjali u ambjentali u mezzi possibbli ta' implimentazzjoni;

67. Jinsab imħasseb minħabba li ċerti kumpaniji taż-żejt u tal-gass mhux konvenzjonali joperaw bi standards ta' sigurtà differenti madwar id-dinja; jistieden lill-Istati Membri jirrikjedu li l-kumpaniji li jkollhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-UE japplikaw standards tal-UE fl-operazzjonijiet kollha tagħhom madwar id-dinja;

68. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Għat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija billi jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b'teknoloġiji eżistenti, il-gass se jkun kruċjali sa mill-anqas l-2030 jew l-2035. Il-gass tax-shale u sorsi oħra ta' gass mhux konvenzjonali saru sorsi ġodda importanti potenzjali ta' provvista ġewwa jew madwar l-Ewropa. Dan ġie rrekordjat fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 tal-Kummissjoni (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, COM(2011)0885).

F’dak id-dokument, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li meta l-produzzjoni ta’ gass konvenzjonali tibda tonqos, l-Ewropa se jkollha tiddependi minn importazzjoni ta' gass sinifikanti flimkien mal-gass naturali domestiku u l-gass tax-shale indiġenu potenzjali, u li flimkien mal-integrazzjoni tas-suq intern il-gass tax-shale domestiku se jnaqqas it-tħassib dwar id-dipendenza tal-UE mill-importazzjoni.

Fis-snin riċenti, l-estrazzjoni ta' idrokarburi 'mhux konvenzjonali', b'mod partikolari l-gass tax-shale iżda anke ż-żejt tax-shale, wasslet għal tibdil bla preċedent u radikali fis-swieq globali tal-enerġija. B'mod partikolari, il-gass tax-shale għola minn 1.4 % tas-suq tal-gass tal-Istati Uniti fl-2000 għal madwar 17 % fl-2011. Il-prezzijiet globali tal-gass u x-xejriet kummerċjali qegħdin jinbidlu, b'konsegwenzi evidenti għall-UE.

Ir-'rivoluzzjoni tal-gass tax-shale' qiegħda tinfirex madwar id-dinja b'pass relattivament mgħaġġel. Skont xi stimi, ir-riservi totali tal-gass tax-shale fl-UE jaqbżu s-56 elf biljun metru kubu (BMK) li minnhom madwar 14-il elf BMK jistgħu teknikament jinġabru lura. Dan jista' jitqabbel mar-riservi konvenzjonali tan-Norveġja ta' 2 215 BMK u produzzjoni annwali ta' madwar 104 BMK, u l-konsum annwali tal-UE ta' gass konvenzjonali indiġenu u importat ta' madwar 522 BMK.

Filwaqt li għadu kmieni wisq biex nikkonkludu jekk volumi sinifikanti jistgħux jiġu estratti ekonomikament fl-UE jew le, numru ta' Stati Membri taw permessi għall-esplorazzjoni tal-gass tax-shale u qegħdin jippreparaw għall-estrazzjonijiet jekk is-sejbiet jippermettu.

Flimkien ma' tħaffir vertikali konvenzjonali u metodi ta' esplorazzjoni moderni permezz tal-kompjuter, żewġ teknoloġiji avvanzati huma kruċjali għall-produzzjoni sostenibbli tal-gass tax-shale u ż-żejt tax-shale: it-tħaffir orizzontali u t-tkissir idrawliku. It-tħaffir orizzontali huwa t-tħaffir ta' bjar vertikali sa profondità normalment akbar minn żewġ kilometri, b'estensjonijiet orizzontali li jsegwu matul il-formazzjonijiet ġeoloġiċi sa tliet kilometri jew aktar.

It-tkissir idrawliku huwa teknoloġija antika u ttestjata ħafna użata f'aktar minn 1.2 miljun bir mill-1947 'l hawn, prinċipalment fil-Kanada u l-Istati Uniti u għal 30 sena fl-Ewropa (dan l-aħħar fil-Ġermanja, l-Isvezja, il-Polonja, Spanja, id-Danimarka u r-Renju Unit), huwa użat fl-estrazzjoni tal-idrokarbur konvenzjonali fl-UE, u huwa użat jew huwa ppjanat li jkun użat fuq skala wiesgħa f'għadd ta' pajjiżi madwar id-dinja inklużi l-Arġentina, iċ-Ċina, l-Ukraina u l-Indja.

Minbarra dan l-isfond, huwa importanti li jkun hemm monitoraġġ tas-sistemi u prattiki regolatorji madwar id-dinja, u li jkun rikonoxxut u indirizzat it-tħassib dwar l-effetti ambjentali tal-estrazzjoni tal-gass tax-shale u ż-żejt tax-shale. Dawn jiffokaw fuq il-konsum potenzjali ta' volumi kbar ta' ilma, it-tniġġis kimiku potenzjali ta' mases ta' ilma taħt l-art b'mod speċjali tal-ilma tajjeb għax-xorb, fuq it-trattament tad-drenaġġ u r-riskju għall-ilmijiet tas-superfiċje, fuq il-ħażna tal-iskart li jirriżulta mit-tħaffir, fuq impatti speċifiċi għall-post, fuq effetti sismiċi, u l-implikazzjonijiet possibbli għal emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra (GHG).

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-ebda sors uffiċjali jew rinomat ieħor ma wera kwalunkwe konnessjoni sistematika bejn l-estrazzjoni tal-gass tax-shale u ż-żejt tax-shale u s-saħħa tal-bniedem jew l-annimali. L-ebda sors uffiċjali jew rinomat ieħor fid-dinja ma wera xi każijiet fejn it-tkissir idrawliku wassal għal kontaminazzjoni tal-ilma tax-xorb.

Madanakollu, għandu jkun enfasizzat li l-ebda attività tal-bniedem ma tista' tkun kompletament mingħajr riskju. L-għan tar-regolament għandu jkun li jimminimizza l-impatt ambjentali u jilħaq bilanċ raġonevoli fid-dawl tax-xjenza, id-data statistika u kunsiderazzjoni sħiħa tar-riskji u l-gwadanji (li tinkludi wkoll l-alternattivi). Sfortunatament, id-diskors pubbliku kien jinkludi soppressjoni volontarja ta' xi data u ħafna estrapolazzjoni minn inċidenti ipotetiċi jew individwali għat-totalità tal-estrazzjoni tal-gass tax-shale u ż-żejt tax-shale.

Għalhekk, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jibqgħu jistudjaw l-effetti ambjentali potenzjali iżda fuq bażi xjentifika u statistika, li jkopru l-Istati Membri u sorsi affidabbli madwar id-dinja. Għandhom jevitaw li jserrħu fuq akkademiċi li huma orjentati ideoloġikament.

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom irawmu trasparenza massima u l-provvista ta' informazzjoni lill-pubbliku bbażata kemm fuq xjenza u statistika ppruvata u kemm fuq valutazzjoni tar-riskji u l-gwadanji bbażata fuq kuntest u paragun.

Regolamentazzjoni, implimentazzjoni, monitoraġġ u kooperazzjoni

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fl-Artikolu 194(2) tiegħu, jiddikjara b'mod ċar li l-Istati Membri għandhom drittijiet sovrani fir-rigward tal-għażla tat-taħlita enerġetika, u l-ħruġ ta' liċenzji u approvazzjonijiet oħra għall-esplorazzjoni u l-isfruttar tar-riżorsi tal-idrokarbur huma prerogattiva tal-Istat Membru.

Fl-UE l-estrazzjoni tal-gass tax-shale u ż-żejt tax-shale hija rregolata mill-istess prinċipji li japplikaw għal tipi oħra ta' estrazzjoni bħal dik tal-faħam, tal-gass u ż-żejt konvenzjonali, tal-ilma u l-enerġija ġeotermali, u għal attivitajiet ta' taħt l-art bħall-injezzjoni tas-CO2 għall-irkuprar tal-gass u ż-żejt, il-ħażna tar-riserva tal-gass u ż-żejt u l-ħażna tas-CO2 għal skopijiet ta' ġbir u ħżin tal-karbonju (CCS).

Il-Kummissjoni tikkunsidra li proġetti tal-idrokarbur mhux konvenzjonali li jinvolvu l-użu kkombinat ta' proċessi teknoloġiċi avvanzati bħal tħaffir orizzontali u tkissir idrawliku huma koperti minn leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE mill-ippjanar sat-tmiem, b'36 strument applikabbli u tmien Direttivi involuti primarjament. Il-Kummissjoni kkonfermat li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u dik nazzjonali tirregola b'mod sodisfaċenti l-aspetti kollha tal-estrazzjoni tal-gass tax-shale u ż-żejt tax-shale.

Skont id-Direttiva VIA (Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent) applikabbli u d-Direttiva dwar l-Iskart mill-Industriji tal-Estrazzjoni, l-opinjoni pubblika għandha d-dritt tkun ikkonsultata. Ladarba tibda l-estrazzjoni, l-istrumenti tal-UE rilevanti jeħtieġu evalwazzjonijiet uffiċjali u, jekk meħtieġa, reviżjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom obbligi ta' monitoraġġ, u jekk ma jkunx hemm qbil, l-estrazzjoni tista' tkun ipprojbita.

Huwa rikonoxxut li l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-Istati Membri wara kollox tiddependi mill-effiċjenza tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; għalhekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb isaħħu r-riżorsi regolatorji, ta' monitoraġġ u ta' infurzar tagħhom fid-dawl ta' prospetti għall-estrazzjoni tal-gass tax-shale u żejt tax-shale.

Kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida tal-UE se tiddestabilizza n-netwerk tal-UE adegwat u s-sistemi nazzjonali attwali, u tressaqhom 'il bogħod mill-approċċ ta' argument ta' sigurtà eżistenti u żżid ir-riskju kemm ta' lakuni kif ukoll ta' duplikazzjonijiet fir-regolamenti. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jagħmlu monitoraġġ tal-bidliet fit-teknoloġija madwar id-dinja bl-għan li jivvalutaw l-adegwatezza u l-effikaċja f'kull ħin tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-prattika regolatorja.

L-informazzjoni diġà hija kondiviża fi ħdan l-UE u globalment mill-Kummissjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u minn gruppi industrijali. Sforzi akbar biex ikunu mifruxa l-aqwa prattiki u l-esperjenza regolatorja, inkluż monitoraġġ statistiku tal-użu u l-impatt ta' teknoloġiji li qegħdin jevolvu, jistgħu jwasslu għal benefiċċji reċiproki sinifikanti.

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jagħtu kas b'mod partikolari tal-esperjenza, li tkopri ħafna deċennji, ta' regolaturi eżemplari tal-Amerka ta' Fuq bħall-British Columbia Oil and Gas Commission u l-Energy Resources Conservation Board of Alberta. Inizjattivi bħal dik tal-Canadian Association of Petroleum Producers li tiddefinixxi l-aqwa prattiki għat-tkissir idrawliku, u tal-Aġenzija Internazzjonli tal-Enerġija li tiddefinixxi l-aqwa prattika fil-gass tax-shale u ż-żejt tax-shale, għandhom jintlaqgħu.

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiġbru u jaqsmu r-rappurtar tal-inċidenti, b'attenzjoni xierqa għal affarijiet kummerċjalment sensittivi, biex b'hekk jinsiltu lezzjonijiet malajr u jinġibdu konklużjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-effikaċja tad-diversi flussi ta' informazzjoni eżistenti bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b'attenzjoni għall-piżijiet amministrattivi mistennija.

Aspetti ambjentali tat-tkissir idrawliku

Riżorsi tal-Ilma

L-ilma huwa l-komponent ewlieni tal-likwidu tat-tkissir idrawliku, u l-estrazzjoni u l-konsum ta' ammonti kbar ta' riżorsi tal-ilma jistgħu jaffettwaw lokalment l-istatus ekoloġiku u kwantitattiv tas-sorsi tal-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta' taħt l-art, u dak it-tnaqqis fil-kwantità u l-fluss tal-ilma jista' jaffettwa l-kwalità tal-ilma u l-ekosistemi assoċjati.

Il-gass tax-shale huwa fost l-aqwa sorsi ta' enerġija li huma effiċjenti fl-użu tal-ilma. Għall-kuntrarju ta' xi impressjonijiet imxandra, il-volumi ta' ilma meħtieġa għall-estrazzjoni huma żgħar meta mqabbla ma' ħtiġiet oħra. Stimi awtoritattivi tal-ilma meħtieġ fir-Renju Unit sabiex jiġu prodotti 9 BMK ta' gass tax-shale fis-sena (madwar 10 % tal-konsum ta' gass annwali fir-Renju Unit bħalissa) huma 1.25-1.65 miljun m3, dan huwa 0.14-0.18 % tal-estrazzjoni annwali attwali għall-industrija (905 miljun m3, jekk neskludu l-ġenerazzjoni tal-elettriku).

Madanakollu, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jagħmlu monitoraġġ tal-użu potenzjali tar-riżorsi tal-ilma għall-estrazzjoni fl-ekonomiji nazzjonali rispettivi tagħhom, fil-kuntest ta' użi oħra u użi alternattivi. Il-produtturi għandhom ukoll inaqqsu l-użu tal-ilma fit-tkissir idrawliku, biex ikomplu t-tiftixa għal soluzzjonijiet li jevitaw l-użu tal-ilma ħelu, u biex jimmassimizzaw l-użu mill-ġdid. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikomplu jagħtu kas tal-prattika regolatorja għall-effetti fuq id-disponibbiltà u l-kwalità tar-riżorsi tal-ilma.

Sustanzi perikolużi possibbli

Hemm il-ħtieġa li jiġi indirizzat xi tħassib fl-UE dwar tnixxijiet potenzjali ta' idrokarburi, fluwidi tat-tkissir idrawliku u sustanzi oħra fl-akwiferi u fl-atmosfera.

It-tkissir idrawliku jsir f'fond ta' madwar żewġ kilometri, u t-tlugħ tal-idrokarburi u tal-fluwidi tat-tkissir minn livelli bħal dawn huwa prattikament impossibbli. Għal darba oħra, l-ebda sors uffiċjali jew rinomat ieħor ma wera l-ebda każ fejn it-tkissir idrawliku wassal għal kontaminazzjoni tal-ilma tajjeb għax-xorb.

Is-sustanzi kimiċi li huma madwar 0.5 % tal-fluwidi tat-tkissir idrawliku li qegħdin jintużaw attwalment huma magħmula minn addittivi li jinstabu fid-djar, u hemm tendenza fost il-produtturi individwali u l-gruppi industrijali li volontarjament jagħtu, u li l-awtoritajiet jitolbu, l-informazzjoni sħiħa tal-kompożizzjoni tal-fluwidi tat-tkissir. L-operaturi qegħdin jadottaw l-eliminazzjoni ta' kwalunkwe addittiv potenzjalment perikoluż.

Madanakollu, l-immaniġġjar effettiv tal-ilma u r-rimi finali huwa bla dubju ta' min jikkritikah, b'mod speċjali l-ilma li jerġa' jitla' fil-wiċċ li jista' jkun fih konċentrazzjoni għolja ta' melħ. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jagħmlu monitoraġġ bir-reqqa tal-applikazzjoni tal-prattiki regolatorji dwar il-kisi u l-issimentar tal-bjar.

Il-Kummissjoni għandha tipproponi l-aqwa prattiki, u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jitolbu, l-eliminazzjoni ta' komponenti potenzjalment perikolużi u informazzjoni sħiħa, permezz ta' mezzi elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, tal-kompożizzjonijiet tal-fluwidi tat-tkissir u l-volumi użati.

Parteċipazzjoni pubblika u kundizzjonijiet lokali

L-estrazzjoni tista' tagħti bidu għal varjetà ta' impatti tul iż-żmien, bħall-effetti kkawżati fil-fażijiet bikrin mill-użu ta' magni li jaħdmu bid-diżil jew bil-gass naturali għat-tagħmir tat-tħaffir u għall-pompi, u fl-estrazzjoni bil-pompi u l-kompressuri. Pereżempju, pjattaforma bi tmint ibjar jista' jkollha bżonn madwar 4-6 elef vjaġġ ta' trakk matul madwar sitt xhur qabel ma tibda l-estrazzjoni. Kumpless tal-bejgħ b'ħafna ħwienet tipiku jiġġenera 15-25 elf vjeġġ ta' trakk fis-sena b'mod indefinit. Bħal f'effetti ambjentali oħra, il-kuntest u l-paraguni għandhom dejjem jiġu kkunsidrati.

Id-disturbi jitnaqqsu ħafna ladarba tibda l-estrazzjoni, peress li t-tagħmir tas-superfiċje ta' bir produttiv li jkopri ftit metri kwadri u l-produzzjoni huma silenzjużi. F'kuntrast ma' ħafna proċessi ta' estrazzjoni u proċessi industrijali oħra, il-bjar tal-gass tax-shale u żejt tax-shale li ma jibqgħux jintużaw normalment ma jħallu l-ebda traċċa fuq il-pajsaġġ tas-superfiċje. Disturbi potenzjali bħal dawn għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-attivitajiet regolatorji tagħhom u b'mod speċifiku fl-applikazzjoni tad-Direttiva EIA.

Il-parteċipazzjoni pubblika għandha tkun fornuta minn kampanji ta' informazzjoni qabel l-esplorazzjoni u minn konsultazzjoni pubblika fl-istadji bikrin qabel l-isfruttament. Jeħtieġ li jkun hemm promozzjoni u edukazzjoni pubblika akbar fl-attivitajiet tal-fjuwils fossili mhux konvenzjonali sabiex dan jippermetti għarfien, aċċettazzjoni u fiduċja mill-pubbliku fir-rigward ta' dawn l-attivitajiet. Huwa importanti li jkun enfasizzat li l-estrazzjoni tal-UFFs tista' tkun ukoll opportunità tajba sabiex tissaħħaħ l-ekonomija u sabiex jiżdiedu l-impjiegi u l-iżvilupp f'ċerti reġjuni tal-UE.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (19.6.2012)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar l-impatti ambjentali tal-attivitajiet ta' estrazzjoni tal-gass tax-shale u ż-żejt tax-shale
(2011/2308(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Catherine Grèze

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li studji numerużi, u esperjenza mill-Istati Uniti, turi li hemm riskji serji għall-ambjent u għas-saħħa assoċjati mal-estrazzjoni tal-gass tax-shale; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-BEI sabiex ma jagħtux fondi jew b'xi mod ieħor jappoġġjaw l-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tal-gass tax-shale u ż-żejt f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, minħabba fl-inkwiet serju dwar is-sostenibbiltà;

2.  Jenfasizza li t-tħaffir għall-gass tax-shale mhux konvenzjonali jista' joħloq riskji serji fir-rigward tat-tniġġis tal-ilma kkawżat mill-użu ta' sustanzi kimiċi perikolużi fil-proċess tal-fratturazzjoni; jinsab imħasseb ukoll dwar l-ammonti kbar ta' ilma użati għall-fratturazzjoni ta' fluwidu u, fost affarijiet oħra, l-emissjonijiet potenzjalment għolja ta' metan;

3.  Iqis li l-użu tal-gass tax-shale u ta' karburanti fossili oħra għandu jkun konsistenti mal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li jitlob għal “stabilizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera f'livell li jipprevjeni interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema tal-klima” u jenfasizza li l-lock-in sostanzjali għall-infrastrutturi tal-karburanti fossili bħall-gass tax-shale jista' jimpedixxi li dan l-għan internazzjonali jintlaħaq;

4.  Iqis li żieda fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni għall-gass tax-shale madwar id-dinja twassal għal żieda konsiderevoli fl-emissjonijiet li jaħarbu tal-metan u li l-potenzjal ta' effett serra (GWP) globali tal-gass tax-shale ma ġiex evalwat; jenfasizza għalhekk li l-esplojtazzjoni ta' riżorsi taż-żejt u gass mhux konvenzjonali jistgħu jfixklu l-kisba tal-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju tan-NU (MDG) 7 – dwar is-sostenibilità ambjentali – u jdgħajjef l-impenji internazzjonali li ttieħdu l-aħħar fir-rigward tat-tibdil fil-klima li ġew minquxa fil-Ftehim ta' Kopenhagen; jinnota li t-tibdil fil-klima diġà jaffettwa l-aktar lill-pajjiżi l-foqra; barra dan, jenfasizza li minbarra l-effetti diretti fuq is-saħħa u l-ambjent, l-impatti tal-estrazzjoni mhux konvenzjonali tal-gass jew taż-żejt fuq l-għajxien tan-nies huma ta' theddida partikolari, b'mod partikolari f'pajjiżi Afrikani fejn il-komunitajiet lokali jiddependu l-iżjed fuq ir-riżorsi naturali għall-agrikoltura u s-sajd;

5.  Jinsisti li għandhom jittieħdu tagħlimiet mill-Istati Uniti rigward l-esplojtazzjoni tal-gass tax-shale; b'mod partikolari jinnota bi tħassib li l-estrazzjoni tal-gass tax-shale teħtieġ volumi kbar ħafna ta' ilma, li tista' tagħmilha diffiċli li jinkisbu l-miri tal-MDG 7 dwar l-aċċess għal ilma nadif u s-sigurtà tal-ikel, speċjalment fil-pajjiżi l-foqra li diġà qegħdin jiffaċċjaw nuqqas enormi ta' ilma;

6.  Jissottolinja li l-akkwiżizzjonijiet tal-art għat-tħaffir għaż-żejt u għall-gass huma fatturi ewlenin fit-teħid tal-art f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, u huma ta' theddida sinifikanti għall-komunitajiet indiġeni, bdiewa u nies foqra madwar id-dinja, f'termini ta' aċċess għall-ilma, ħamrija fertili u ikel; jinnota li, wara l-waqgħa fis-swieq finanzjarji li seħħet fl-2008, kien hemm żieda mgħaġġla fl-investimenti globali fl-industriji tal-estrazzjoni min-naħa tal-hedge funds u l-fondi tal-pensjonijiet, li wasslet biex tħeġġet aktar estrazzjoni; għalhekk jenfasizza li l-entitajiet ekonomiċi Ewropej kollha għandhom dejjem jaġixxu b'konsultazzjoni mill-qrib u b'mod trasparenti mal-korpi governattivi u l-komunitajiet lokali xierqa kollha rigward kwistjonijiet ta' kiri u/jew ta' akkwiżizzjoni tal-art;

7.  Jisħaq li l-fratturazzjoni idrawlika teħtieġ ammont enormi ta' ilma, u jinsab imħasseb li f'żoni li jsofru min-nixfa, il-komunitajiet u l-bdiewa lokali jistgħu jsofru minn nuqqas ta' ilma jekk il-ħtiġijiet tagħhom ma jingħatawx prijorità;

8.  Jinnota li minħabba li mhuwiex ċar jekk il-qafas regolatorju preżenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE jipprovdix jew le garanzija adegwata kontra r-riskji għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-gass tax-shale, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda twettaq serje ta' studji li huma mistennija li jitlestew aktar tard din is-sena; iqis li l-kumpaniji Ewropej f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw iridu jqisu għal kollox it-tagħlimiet li jittieħdu minn dawn l-istudji dwar l-esplojtazzjoni tal-gass tax-shale u r-rakkomandazzjonijiet relatati magħha; jinsab imħasseb dwar l-effetti tal-attivitajiet tal-kumpaniji taż-żejt fuq l-ambjent, is-saħħa u l-iżvilupp, partikolarment fl-Afrika Subsaħarjana, meta titqies il-kapaċità limitata f'ċerti pajjiżi hemmhekk biex jiġu implimentati u infurzati l-liġijiet ambjentali u tal-protezzjoni tas-saħħa; jiddikjara wkoll li l-kumpaniji Ewropej għandhom jużaw standards ta' industrija responsabbli kull fejn joperaw;

9.  Huwa mħasseb dwar l-investiment potenzjali minn kumpaniji Ewropej f'riżorsi taż-żejt jew tal-gass mhux konvenzjonali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

10. Jenfasizza li l-obbligu tal-UE li tiżgura l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, minqux fl-Artikolu 208 tat-TFUE, għandu jiġi rrispettat; huwa tal-opinjoni li, meta tospita kumpaniji li jinvestu f'attivitajiet ta' estrazzjoni, l-UE għandha tinfluwenza l-imġiba tagħhom biex tħeġġeġ prattiki aktar sostenibbli, jiġifieri, billi ssaħħaħ l-istandards u r-regolamenti tat-tmexxija tal-kumpaniji li japplikaw għall-banek u l-fondi li jiffinanzjawhom, inkluż billi jiġu infurzati l-Prinċipji tal-Ekwatur, il-prinċipji tal-investiment responsabbli u r-regoli tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja;

11. Ifakkar li minbarra r-regolamenti fil-pajjiżi fejn joperaw, il-kumpaniji internazzjonali taż-żejt huma soġġetti wkoll għall-ġurisdizzjonijiet tal-qrati fil-pajjiżi fejn ikunu elenkati fil-Borża; iqis li r-regolamenti tal-pajjiż li fih ikun qed isir it-tħaffir għandhom jipprovdu mezz effettiv għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem f'sitwazzjonijiet fejn jeżistu nuqqasijiet fl-obbligu ta' responsabbiltà, skont il-mudell tal-Atti tal-Istati Uniti dwar Klejms li jirrigwardaw Imġieba Ħażina ta' Persuni jew Entitajiet Barranin;

12. Jinnota li jeżistu ħafna strumenti li jistgħu jindirizzaw l-impatt soċjali u ambjentali negattiv tal-attivitajiet tal-industriji estrattivi, bħall-Inizjattiva ta' Rappurtaġġ globali, il-UN Global Compact u l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali; jindika, madanakollu, li l-linji ta' gwida volontarji m'humiex biżżejjed biex itaffu l-impatt negattiv tal-estrazzjoni;

13. Jinnota li d-Direttivi tal-UE dwar il-Kontabilità u t-Trasparenza bħalissa qegħdin jiġu riveduti u dan jikkostitwixxi opportunità biex jiġu evitati l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni minn industriji tal-estrazzjoni;

14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika għażliet ġodda għat-tisħiħ tal-istandards dwar ir-responsabbiltajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali fir-rigward tad-drittijiet soċjali u ambjentali u mezzi possibbli tal-implimentazzjoni;

15. Huwa mħasseb li ċerti kumpaniji taż-żejt u l-gass mhux konvenzjonali joperaw bi standards ta' sikurezza differenti madwar id-dinja; jitlob li l-Istati Membri jeħtieġu li l-kumpaniji li jkollhom il-kwartieri ġenerali fl-UE japplikaw standards tal-UE fl-operazzjonijiet kollha tagħhom madwar id-dinja;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.6.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

1

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Véronique De Keyser, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Filip Kaczmarek, Michał Tomasz Kamiński, Gay Mitchell, Jean Roatta, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Keith Taylor, Eleni Theocharous, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Iva Zanicchi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Gesine Meissner, Csaba Őry, Judith Sargentini, Patrizia Toia

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ioan Enciu, Gabriele Zimmer

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (21.6.2012)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza fl-Ikel

dwar l-impatti ambjentali tal-attivitajiet ta' estrazzjoni tal-gass tax-shale u ż-żejt tax-shale
(2011/2308(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Eva Lichtenberger

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jifhem li esplorazzjoni u estrazzjoni ta' gass tax-shale jirreferu għal kull esplorazzjoni u estrazzjoni tal-idrokarbonju b'mod mhux konvenzjonali bl-użu ta' metodi ta' tħaffir orizzontali u ta' frazzjonament idrawliku ta' volum għoli utilizzati fl-industriji tal-fjuwils fossili fid-dinja kollha;

2.  Jagħraf li l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass tax-shale jistgħu possibilment jirriżultaw f' interazzjonijiet kumplessi u mifruxa mal-ambjent tal-madwar, partikolarment minħabba l-metodu tal-frazzjonament idrawliku użat, il-kompożizzjoni tal-likwidu tal-frazzjonament, il-fond u l-kostruzzjoni tal-bjar u l-erja tal-art tal-wiċċ li tiġi affettwata;

3.  Jinnota li l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass tax-shale huma koperti b'għadd ta' biċċiet ta' leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, inklużi d-Direttiva dwar l-Istima tal-Effetti ta' ċerti proġetti pubblici u privati fuq l-ambjent (85/337/KEE), id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (2004/35/KE), id-Direttiva dwar l-Immaniġġjar ta' Skart mill-Industriji ta' Estrazzjoni (2006/21/KE), id-Direttiva Seveso II (96/82/KE), id-Direttiva dwar il-Konservazzjoni tal-Habitats Naturali (92/43/KEE), ir-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH – 1907/2006), id-Direttiva dwar it-Tqegħid fis-Suq ta' Prodotti Bijoċidali (98/8/KE) u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE);

4.  Ifakkar fid-dritt li għandu kull wieħed mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 194 TFUE, li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn sorsi ta' enerġija differenti u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, kemm-il darba l-acquis communautaire, speċjalment fil-qasam tal-leġiżlazzjoni ambjentali, jiġi rrispettat għalkollox;

5.  Ifakkar li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tirrikjedi li l-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex iħarsu l-istatus tal-kotra kollha tal-ilmijiet ta' taħt l-art milli jiddeterjora, inkluż minn għejun li jkunu ġejjin minn punt speċifiku bħalma huma l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-idrokarbonju;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel rieżami komprensiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti u, jekk meħtieġ, tressaq proposti biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Istima tal-Effetti ta' ċerti proġetti privati u pubbliċi fuq l-ambjent ikopru b'mod adegwat l-ispeċifiċitajiet tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass tax-shale, sabiex jinkludu l-frazzjonament idrawliku fl-Anness III tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, biex jirrikjedu sigurtà finanzjarja jew assigurazzjoni adegwati biex ikopru danni ambjentali, u sabiex l-estrazzjoni tal-gass tax-shale tiġi inkluża taħt id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (2010/75/UE) u tiġi soġġetta għar-rekwiżiti dwar l-Aħjar Tekniki Disponibbli, b'żieda mar-rekwiżiti għat-trattament tal-ilma tad-drenaġġ taħt id-Direttiva dwar l-Immaniġġjar ta' Skart mill-Industriji ta' Estrazzjoni;

7.  Ifakkar li n-“Nota ta' Gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 85/337/KEE għal proġetti relatati mal-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' idrokarbur mhux konvenzjonali” (Ref. Ares (2011)1339393), maħruġa mill-Kummissjoni, DĠ Ambjent, fit-12 ta' Diċembru 2011, tikkonferma li l-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, kif emendata u kif ġiet ikkodifikata bid-Direttiva 2011/92/UE, dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (magħrufa bħala l-Istima tal-Impatt Ambjentali jew id-Direttiva EIA) tkopri b'mod suffiċjenti l-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' idrokarburi mhux konvenzjonali; Ifakkar, barra minn hekk, li kwalunkwe metodu ta' frazzjonament idrawliku użat huwa parti mill-attivitajiet ġenerali konvenzjonali u mhux konvenzjonali tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-idrokarbur, li huma koperti milleġiżlazzjoni ambjentali tal-UE imsemmija hawn fuq (ara 3) u mid-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta' awtorizzazzjonijiet għall-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta' idrokarburi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida, mingħajr dewmien, dwar l-istabbiliment kemm tad-dejta għall-monitoraġġ tal-linja ta' bażi tal-ilma, liema dejta hija meħtieġa għal valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-gass tax-shale, u kemm tal-kriterji li għandhom jintużaw għall-valutazzjoni tal-impatti tal-frazzjonament idrawliku fuq il-ħażniet tal-ilma ta' taħt l-art f'formazzjonijiet ġeoloġiċi differenti, inklużi l-possibilità li jkun hemm tnixxijiet u l-impatti kumulattivi;

9.  Jistieden lill-industrija, f'kollaborazzjoni trasparenti mal-korpi regolatorji nazzjonali, il-gruppi ambjentali u l-komunitajiet, biex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex l-istatus tal-kotra relevanti tal-ilmijiet ta' taħt l-art jiġi mħares milli jiddeterjora, u b'hekk jinżamm l-istat tajjeb tal-ilma ta' taħt l-art hekk kif definit fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Ilma ta' taħt l-Art;

10. Jikkunsidra li ftehimiet reċiproċi biex ma jsirx żvelar rigward id-dannu għas-saħħa tal-ambjent, tal-bnedmin u tal-annimali, bħalma huma dawk li diġà huma fis-seħħ bejn is-sidien tal-art fil-viċinanzi ta' bjar tal-gass tax-shale u l-operaturi tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti, ma jkunux konformi mal-obbligi tal-UE u tal-Istati Membri taħt il-konvenzjoni ta' Aarhus, id-Direttiva dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni (2003/04/KE) u d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.6.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Rebecca Taylor, Alexandra Thein, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Piotr Borys, Cristian Silviu Buşoi, Eva Lichtenberger, Dagmar Roth-Behrendt, Axel Voss

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Patrice Tirolien

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.9.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

63

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sergio Berlato, Lajos Bokros, Milan Cabrnoch, Martin Callanan, Nessa Childers, Tadeusz Cymański, Esther de Lange, Bas Eickhout, Edite Estrela, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Nick Griffin, Matthias Groote, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Holger Krahmer, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Kārlis Šadurskis, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Salvatore Tatarella, Thomas Ulmer, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Nikos Chrysogelos, Vittorio Prodi, Michèle Rivasi, Marita Ulvskog, Kathleen Van Brempt, Andrea Zanoni

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrzej Grzyb, Lena Kolarska-Bobińska, Jacek Włosowicz, Inês Cristina Zuber