RAPPORT dwar l-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali

28.9.2012 - (2012/2042(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Paul Rübig
Rapporteur għall-opinjoni (*): Iuliu Winkler, Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura


Proċedura : 2012/2042(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0293/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali

(2012/2042(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar, adottata mill-Kunsill Ewropew waqt il-laqgħa f’Feira tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2000,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)[1],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2011 bit-titolu ‘Industrial Policy: Reinforcing competitiveness’ (COM(2011)0642),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2011 bit-titolu ‘Negozju Żgħir, Dinja Kbira - sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali’ (COM(2011)0702),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2011 bit-titolu ‘L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs - L-adattament tar-Regolamentazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet tal-mikrointrapriżi’ (COM(2011)0803),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta’ Frar 2011 bit-titolu ‘Reviżjoni tal-‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa’ (COM(2011)0078),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 bit-titolu ‘L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - Flimkien għal tkabbir ġdid’(COM(2011)0206),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu 'EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tat-30 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (2014-2020) (COM(2011)0834),

–   wara li kkunsidra ‘Ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2011’ tal-Kummissjoni (COM(2011)0642),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2011 dwar aspetti prattiċi rigward ir-reviżjoni tal-istrumenti tal-UE biex jappoġġjaw lill-SMEs fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar Politika Industrijali għall-Era Globalizzata[3],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar ir-Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0293/2012),

A.  billi l-mikroentitajiet u l-SMEs, matul perjodu ta’ kriżi ekonomika, ibatu biex jiksbu aċċess għall-finanzjament, b’mod partikolari l-krediti żgħar, biex jappoġġjaw l-iżvilupp tagħhom;

B.   billi 25% tal-SMEs tal-UE kienu attivi internazzjonalment fi ħdan is-suq uniku iżda 13% biss kienu attivi internazzjonalment barra mill-UE; billi 24% biss ta’ ditti mikro jesportaw oġġetti jew servizzi meta mqabbla ma’ 38% ta’ ditti żgħar u 53% ta’ ditti ta’ daqs medju;

C.  billi kważi terz mill-piż amministrattiv li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-UE joħroġ minn implimentazzjoni nazzjonali ineffiċjenti, li jfisser li jista’ jiġi ffrankat sa EUR 40 biljun li kieku l-Istati Membri jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod iktar effiċjenti[5];

D.  billi aktar minn 96 % tal-SMEs fl-Unjoni Ewropea għandhom inqas minn 50 impjegat u inqas minn EUR 10 miljun f’fatturat annwali; billi l-kapaċità tagħhom li jesportaw il-merkanzija u s-servizzi barra mill-fruntieri nazzjonali tagħhom hija limitata, prinċipalment minħabba l-ispejjeż fissi għoljin marbuta mal-kummerċ internazzjonali;

E.   billi 85 % tal-impjiegi ġodda kollha fl-UE bejn l-2002 u l-2010 nħolqu mill-SMEs, b’mod partikolari minn ditti ġodda; billi 32.5 miljun persuna fl-UE huma impjegati għal rashom;

F.   billi l-industrija għandha rwol ewlieni fl-ekonomija Ewropea u l-industrija tiġġenera 25 % tal-impjiegi diretti fis-settur privat tal-UE u hija responsabbli għal 80 % tar-R&Ż privat;

G.  billi l-ħolqien tal-impjiegi f’industriji ekoloġiċi kien pożittiv matul ir-reċessjoni meta mqabbel ma’ ħafna setturi oħra u huwa previst li jibqa’ sod fis-snin li ġejjin;[6]

H.  billi l-Internet u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) jiffaċilitaw l-opportunitajiet tal-SMEs biex ibiegħu servizzi madwar id-dinja u għandhom rwol vitali f’li jagħmlu lill-SMEs kontributuri aktar qawwija għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

I.    billi l-Kummissjoni stmat li l-politiki li jippromwovu tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika bħall-politiki tal-effiċjenza tar-riżorsi, l-effiċjenza enerġetika, u t-tibdil fil-klima jistgħu jiġġeneraw aktar minn 9 miljun impjieg sal-2020, b’mod partikolari fis-settur tal-SMEs;

1. ‘Negozju żgħir - dinja kbira’

1.  Jinnota l-isfidi strutturali u regolatorji komuni ffaċċjati mill-SMEs, bħal aċċess għal riżorsi għall-finanzi, tal-kapital uman u organizzattivi; f’dan ir-rigward jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tippromwovi u tappoġġja l-attivitajiet ekonomiċi tal-SMEs fis-suq uniku u fi swieq ta’ pajjiżi terzi; jinnota, b’mod ġenerali, l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs għandha titqies bħala proċess; jinnota li sabiex jirnexxu fl-espansjoni tan-negozju tagħhom barra mill-UE, l-SMEs jeħtieġu servizzi ta’ pariri primarjament fil-livell lokali tagħhom u mhux biss fi swieq terzi; jenfasizza li din in-neċessità trid tiġi riflessa fil-politiki ta’ appoġġ tal-UE;

2.  Jinnota l-fatt li l-SMEs huma estremament varji; jenfasizza, għalhekk, li waqt it-tfassil ta’ politiki ġodda għall-SMEs, il-Kummissjoni għandha tqis l-isfidi differenti ffaċċjati minn kumpaniji skont id-daqs u s-settur tagħhom;

3.  Ifakkar li, aktar milli n-negozji ta’ daqs ikbar, l-SMEs jibbenefikaw mill-internazzjonalizzazzjoni billi jiġu esposti għall-aħjar prattiki, ikollhom assorbiment aħjar ta’ produzzjoni żejda, ikollhom provvista mtejba ta’ prodotti permezz ta’ importazzjonijiet u għaldaqstant kompetittività aħjar, tant li l-SMEs li jesportaw konsistentement imorru aħjar minn negozji li ma jesportawx u jwasslu għal vantaġġi akbar f'termini ta’ benessri, kemm għall-ekonomija inġenerali kif ukoll għall-konsumaturi;

4.  Jiċħad il-konvinzjoni li l-protezzjoni tal-SMEs fl-UE minn kompetizzjoni internazzjonali tista’ tgħinhom jikbru u jmorru aħjar fil-livell internazzjonali; jemmen minflok li l-UE għandha tappoġġja aġenda pożittiva li tibbenefika lill-SMEs tagħha fin-negozjati internazzjonali sabiex jitnaqqsu l-ostakoli fuq bażi reċiproka fl-interessi tal-SMEs fid-dinja;

5.  Iqis li l-protezzjoni effettiva tal-SMEs minn prattiki kummerċjali inġusti ta' stati sħab tal-UE hija importanti daqskemm huwa importanti li l-SMEs jiġu megħjuna jinternazzjonalizzaw; jikkunsidra l-internazzjonalizzazzjoni u l-protezzjoni bħala ż-żewġ uċuħ tal-istess munita fil-proċess ta’ globalizzazzjoni;

6.  Jenfasizza li l-Komunikazzjoni missha rrikonoxxiet id-differenzi bejn is-setturi, peress li l-internazzjonalizzazzjoni għall-SMEs li joffru servizz hija fundamentalment differenti mill-internazzjonalizzazzjoni għall-SMEs li jimmanifatturaw; jinnota li ħafna SMEs tas-servizzi, li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-SMEs, spiss m’għandhomx bżonn jilħqu daqs kritiku biex jibdew jesportaw, u jibbenefikaw fuq kollox minn regolamenti aktar miftuħa u aċċess għall-ICTs fil-pajjiżi destinatarji, billi l-SMEs industrijali jibbenefikaw aktar minn kundizzjonijiet imtejba fil-loġistika tat-trasport u mill-iffaċilitar tan-negozju;

7.  Jinnota li ħafna mill-politiki pubbliċi li jagħtu appoġġ lill-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs fl-UE huma ffokati fuq il-manifattura u għaldaqstant jirrakkomanda li jerġgħu jiġu aġġustati biex jikkunsidraw il-ħtiġijiet differenti tal-SMEs tas-servizzi; jirrakkomanda, b’mod partikolari, id-definizzjoni mill-ġdid tal-ħtiġijiet ta’ daqs minimu għal programmi li jappoġġjaw in-negozju tal-SME, li ġeneralment kienu bbażati fuq il-mudell tal-esportazzjoni tal-SMEs tal-industrija, li fih l-intrapriża tista' tespandi internazzjonalment wara li tilħaq daqs kritiku;

8.  Hu tal-fehma li, għalkemm il-Komunikazzjoni tipprova tindirizza d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs sabiex jidentifikaw opportunitajiet ta' negozju barra mill-pajjiż, hija ma tenfasizzax biżżejjed li l-għoti ta' gwida, suġġerimenti u inċentivi lill-SMEs sabiex jinternazzjonalizzaw hija triq xierqa tal-azzjoni pubblika; jemmen li l-UE, għal darb'oħra flimkien mal-Istati Membri, għandha tappoġġja u tippromwovi inċentivi biex tiżviluppa l-SMEs f'setturi strateġiċi b'manjiera proattiva billi żżid il-valur lill-inizjattivi diġà eżistenti, speċjalment meta hemm ikkonċernati attivitajiet ta' manifattura b'valur miżjud għoli u teknoloġikament avvanzati li joffru vantaġġ kompetittiv fuq l-ekonomiji emerġenti; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li jiġu identifikati swieq speċjalizzati promettenti, ħtieġa li diġà bdiet tiġi integrata f’dokumenti oħrajn tal-politika tal-UE bħar-rapport tal-grupp ta’ livell għoli dwar Teknoloġiji Ewlenija ta’ Appoġġ;

Informazzjoni għal SMEs

9.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi, malajr kemm jista' jkun, il-portal multilingwi onlajn previst fil-Komunikazzjoni li għandu jkun lest u jopera b’mod sħiħ/kompletament sa mhux aktar tard minn tmiem l-2013; jemmen, filwaqt li jirrikonoxxi l-varjetà kbira ta' SMEs u l-mistoqsijiet tagħhom, li l-portal ma għandux jiddupplika l-portals eżistenti iżda minflok irid joħloq interkonnessjoni bejniethom, għandu jkun aċċessibbli u jintuża faċilment u la għandu jiddupplika portals eżistenti u lanqas ma għandu jikkawża spejjeż ta’ tiftix addizzjonali għall-SMEs; jenfasizza li l-portal aktarx se jkabbar in-numru tal-SMEs tal-UE li għandhom parteċipazzjoni internazzjonali;

10. Jitlob appoġġ miżjud u aktar effiċjenti għall-SMEs fl-aċċess għas-suq uniku u għas-swieq ta’ pajjiżi terzi fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet ta' promozzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni, tal-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, tal-parteċipazzjoni f’sejħiet għal offerti pubbliċi, tal-ICT, tal-istandardizzazzjoni u ta’ kwistjonijiet regolatorji; jemmen li n-Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi (EEN) huwa strument effettiv sabiex jinkisbu dawn l-objettivi; jaqbel mal-idea li, abbażi ta’ evalwazzjoni bir-reqqa, għandu jiddaħħal fis-seħħ mudell ġdid ta’ governanza għall-EEN bl-għan li tiżdied l-effikaċja, jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u ta' ġestjoni u jiġi pprovdut appoġġ imfassal apposta; jemmen li dan l-appoġġ għandu jassisti lill-intrapriżi biex jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa u jiddeffinixxu strateġija għall-espansjoni fis-swieq barranin, u għandu jippromwovi l-kooperazzjoni bejn in-negozji billi jitħeġġeġ it-tqabbil tal-provvista u d-domanda;

11. Huwa konvint li l-EEN se jimmassimizza biss il-valur tiegħu għall-SMEs fl-UE jekk il-funzjonament u l-governanza tal-organizzazzjonijiet kostitwenti tiegħu jissaħħu u jinħoloq għarfien tas-servizzi ta’ appoġġ tiegħu;

12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw netwerk uniku ta' helpdesks għall-esportazzjonijiet fil-livell lokali u reġjonali, li jitmexxew f'kooperazzjoni mal-intrapriżi, mal-kmamar tal-kummerċ, universitajiet u partijiet interessati oħrajn, sabiex l-SMEs ikun jista' jkollhom persuna ta' kuntatt waħda li tkun faċilment identifikabbli u jirċievu, fil-lingwa tagħhom u għall-użu immedjat, parir personalizzat u analiżijiet ekonomiċi tas-swieq barranin, informazzjoni dwar għajnuna, opportunitajiet ta' esportazzjoni, ostakoli eżistenti għall-kummerċ (kemm tariffarji kif ukoll mhux tariffarji), protezzjoni tal-investiment u dispożizzjonijiet fis-seħħ għas-soluzzjoni tat-tilwimiet, formalitajiet amministrattivi u kompetituri fis-swieq terzi; jemmen li dawn il-helpdesks għandhom jikkontribwixxu għall-iskambju tal-aħjar prattiki, skont il-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar;

13. Jirrakkomanda li tingħata aktar informazzjoni lill-intrapriżi żgħar u mikro, li huma l-grupp tal-SMEs li hu l-anqas attiv internazzjonalment u l-anqas konxju mill-potenzjal tiegħu għall-esportazzjoni u mill-benefiċċji li jista' jgawdi mill-internazzjonalizzazzjoni;

Immappjar tas-servizzi ta’ appoġġ

14. Jaqbel mal-idea li programmi ta’ appoġġ iffinanzjati minn riżorsi pubbliċi għandhom jitwasslu fl-iktar forma kosteffikaċi possibbli, speċjalment f’mument meta l-ekonomija tal-UE għadha qed tirkupra mill-agħar kriżi f’għexieren ta’ snin; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-kwalità tal-programmi għandha tal-inqas tibqa' fl-istess livell;

15. Jappoġġja l-proposta li numru kbir ta’ skemi ta’ appoġġ lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej għandhom jgħaddu minn "eżerċizzju ta’ mmappjar"; jemmen li dan l-eżerċizzju għandu jinkludi inizjattivi mis-settur privat u lokali biex jgħinu l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, b'mod partikolari inizjattivi li jiffaċilitaw l-aċċess għal self għal intrapriżi mikro, kif ukoll valutazzjoni tal-effikaċja tal-iskemi ta' appoġġ eżistenti tal-UE; jemmen li l-immappjar għandu jitwettaq f’intervalli regolari u jservi bħala bażi għal sistema ta’ punt ta’ riferiment u ta’ tabella ta’ valutazzjoni; jemmen li l-eżerċizzju inizjali tal-immappjar għandu jservi bħala bażi għal valutazzjoni tal-effettività ta’ skemi eżistenti ta’ appoġġ tal-UE; jinnota li kwalunkwe eżerċizzju tal-immappjar jista' ma jinkludiex l-inizjattivi kollha, b'mod partikolari jekk ikunu żgħar jew informali u jekk in-nefqa u/jew prattikabilità ta' dan ma tkunx vijabbli;

16. Jistenna l-ewwel proposti speċifiċi sal-aħħar tal-2012 sabiex jiġu organizzati u kkoordinati l-iskemi eżistenti ta’ appoġġ tal-UE sabiex isiru iktar effettivi u jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-SMEs tal-UE; jemmen li l-azzjoni tal-UE għandha tevita kwalunkwe dupplikazzjoni jew żvilupp ta’ strutturi paralleli u turi valur miżjud Ewropew ċar; jemmen li l-istrutturi ta’ appoġġ nazzjonali eżistenti għandhom jiġu rrispettati b’osservanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jemmen li s-servizzjar ta’ SMEs uniċi tal-UE għandu jiġi ffukat fuq l-organizzazzjoni identifikata bħala l-aktar waħda qrib il-ħtiġijiet individwali tan-negozju tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tinforma regolarment lill-kumitati responsabbli tal-Parlament Ewropew dwar il-progress ta’ dan l-eżerċizzju kontinwu;

17. Jinnota li attività ġdida bħal din tal-UE għandu jkollha valur miżjud ippruvat fuq l-istrumenti eżistenti; jemmen li tali valur miżjud jista’ jinsab fejn ikun hemm falliment tas-suq ġeografiku jew sostantiv (‘blank spots’) jew fejn rappreżentanza tal-interessi tal-politika kummerċjali tal-UE jew sforzi biex tinġabar informazzjoni għal bażi ta’ data għall-aċċess tas-suq, jeħtieġ li jissaħħu;

18. Jenfasizza l-ħtieġa li l-SMEs isiru sidien konġunti fir-reviżjoni tal-qafas ta’ appoġġ eżistenti; jistieden lill-SMEs, flimkien mal-EEN u l-organizzazzjonijiet tan-negozju tal-UE, ikunu involuti mill-qrib fl-implimentazzjoni ta' din ir-reviżjoni;

19. Jinsisti li l-għodod attwalment disponibbli għall-kumpaniji kollha tal-UE meta jesportaw, bħall-Bażi ta' Dejta għall-Aċċess fis-Suq u l-Helpdesk għall-Esportazzjoni, għandhom ikunu adattati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-SMEs; japprezza l-ftuħ ta' helpdesk iddedikat għall-SMEs għal kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' strumenti għad-difiża tal-kummerċ (il-helpdesk TDI tal-SMEs); jirrakkomanda li jkun hemm koordinazzjoni akbar bejn id-diversi strutturi ta’ appoġġ tal-SMEs Ewropej fil-pajjiżi terzi;

20. Iqis li s-soluzzjonijiet prattiċi u kosteffettivi li jgħinu lill-SMEs jegħlbu n-nuqqas ta' kapital imħaddem, speċjalment il-kapital biex isir l-investiment inizjali meħtieġ u sabiex tibda tiġi ffinanzjata l-esportazzjoni, għandhom ikunu mfassla u implimentati permezz tal-politika kummerċjali komuni tal-UE jew strument ieħor xieraq tal-UE, jekk abbażi tal-immappjar jirriżulta li dan huwa meħtieġ u fattibbli;

21. Jemmen li filwaqt li jsir użu effettiv tal-istrutturi nazzjonali eżistenti, l-inizjattivi tal-UE huma meħtieġa fis-swieq terzi fejn jintwera li jkun hemm valur miżjud; jinkoraġixxi l-kooperazzjoni fost l-esperti kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi t-Tims għall-Aċċess tas-Suq tal-UE; jemmen li SMEs minn uħud mill-Istati Membri iżgħar u aktar ġodda qegħdin fi żvantaġġ minħabba li dawn jistgħu ikunu neqsin minn rappreżentanza diplomatika, minn sħab ta' esperjenza jew mit-tnejn f'ċerti swieq terzi; jenfasizza, madankollu, li l-inizjattivi tal-UE m'għandhomx jinterferixxu fil-kompetizzjoni bejn kumpaniji individwali minn Stati Membri differenti fi swieq terzi;

22. Jenfasizza li l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs hija proċess u sabiex ikollha suċċess, l-SMEs diġà jeħtieġu servizzi ta’ appoġġ fil-livell lokali u mhux biss fi swieq terzi; jirrikonoxxi li fi swieq terzi, sforzi komuni tal-UE dwar lobbying, il-politika kummerċjali u l-aċċess għas-suq, kif ukoll programmi kumplimentari biex jindirizzaw in-nuqqasijiet fis-suq, jistgħu jżidu valur sostanzjali f’dan il-proċess;

23. Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex tevita dupplikazzjoni, toħloq strutturi ġodda biss wara li tkun għamlet rieżami tal-fondi, inventarju tas-servizzi konsultattivi disponibbli fl-Istati Membri u analiżi xierqa tal-effikaċja tagħhom, kif ukoll kwalunkwe ħtieġa ppruvata għall-ħolqien ta’ strutturi ġodda;

Il-Promozzjoni ta’ raggruppamenti u netwerks tal-UE

23. Jappoġġja s-suġġeriment tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn assoċjazzjonijiet tal-kumpaniji differenti, il-kmamar tal-kummerċ u atturi oħrajn attivi fis-suq uniku u f'pajjiżi terzi sabiex ikunu ffaċilitati s-sħubijiet kummerċjali u jiġu promossi r-raggruppamenti u l-aċċess għas-swieq ġodda, filwaqt li jitħeġġeġ il-proċess ta' internazzjonalizzazzjoni mil-livell ta' negozji individwali għal dak tan-netwerks jew ta' katini ta’ sistemi f’postijiet differenti, biex jiġu promossi proġetti ta’ internazzjonalizzazzjoni aktar kumplessi u li jservu aktar u li jkunu jinvolvu numru ta’ intrapriżi u organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet pubbliċi ta’ appoġġ oħra;

24. Jenfasizza l-importanza tat-territorju li fih l-impriżi żgħar u medji joperaw u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw b’mod kontinwu mal-awtoritajiet lokali biex isaħħu n-netwerking;

25. Iqis li għandhom jinħolqu proġetti konġunti jew ftehimiet oħra ta’ assoċjazzjoni bejn jew mal-SMEs bħala strateġija biex jidħlu fi swieq ġodda, jiżviluppaw proġetti ta’ investiment dirett fis-suq uniku u f'pajjiżi terzi u jieħdu sehem fis-sejħiet għal offerti; jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza riżorsi sabiex tippromwovi din il-kooperazzjoni transnazzjonali;

26. Jinnota li r-raggruppamenti u n-netwerks jistgħu, ħafna drabi, jinħolqu kemm b’mod virtwali kif ukoll fiżikament; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-istrumenti u r-riżorsi meħtieġa sabiex jiffaċilitaw ir-raggruppamenti u n-netwerks virtwali;

27. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw b’mod attiv ir-rwol tal-Kummissjoni fl-għoti ta’ spinta lill-aċċess tal-SMEs għal swieq ta’ pajjiżi terzi f’forums u konferenzi internazzjonali;

Passi futuri

29. Jirrakomanda li l-Kummissjoni tqis id-dimensjonijiet kollha relatati mal-internazzjonalizzazzjoni, jiġifieri l-esportazzjoni u l-importazzjoni inklużi diversi forom ta’ sħubijiet u kooperazzjoni ekonomika; jinnota li m’hemmx enfasi suffiċjenti fuq din it-tieni dimensjoni fil-Komunikazzjoni;

30. Jitlob integrazzjoni akbar tal-politiki komunitarji b’appoġġ għall-SMEs b’referenza partikolari għall-innovazzjoni, it-tkabbir, l-internazzjonalizzazzjoni, il-produttività, it-trażżin tal-ispejjeż u t-tnaqqis tal-burokrazjija, il-kwalità tal-kapital uman u r-responsabilità soċjali;

31. Jilqa' l-programm il-ġdid għall-kompetittività tal-SMEs (COSME); jinnota l-azzjonijiet ta' suċċess tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP); jemmen li dawn l-azzjonijiet – bħall-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti għat-Tnaqqis tal-Piż Amministrattiv u n-Netwerk Ewropew għall-Impriżi ‑ għandhom jitkomplew u jiġu estiżi aktar taħt il-programm il-ġdid; jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u jissaħħaħ ir-rwol li jista' jwettaq is-settur privat; jitlob is-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tad-diversi strumenti Komunitarji ddedikati għall-aċċess għal kreditu, garanziji jew ta’ kapital ta’ riskju, b’mod partikolari għal SMEs bi pjanijiet ta’ internazzjonalizzazzjoni; jitlob rieżami tal-ispejjeż u d-disponibilità ta' servizzi bankarji bażiċi għall-SMEs involuti fil-kummerċ transkonfinali – speċjalment munita differenti – inkluż barra mill-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jesploraw il-possibilità li jużaw partijiet mid-dħul fiskali korporattiv nazzjonali tagħhom biex jiffaċilitaw l-aċċess għal garanziji ta' self għall-SMEs; jenfasizza li l-istrumenti kollha, b’mod partikolari l-istrumenti li mhumiex finanzjarji, għandhom jiġu adottati abbażi ta’ evalwazzjoni kritika tas-CIP u b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet tal-SMEs;

32. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi allokat baġit suffiċjenti għall-COSME fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF), filwaqt illi jikkunsidra b’mod partikolari n-nuqqasijiet sinifikanti fis-suq fir-rigward tal-finanzjament tal-SMEs u l-ħtieġa li jiżdied l-appoġġ tal-UE għal trasferimenti tan-negozju; jemmen f’dan ir-rigward li d-delineazzjoni bejn il-COSME u l-Orizzont 2020, f’termini ta’ attivitajiet u baġit, jixirqilha aktar konsiderazzjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-orjentazzjoni għall-SMEs;

33. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw id-disponibilità ta' faċilitajiet suffiċjenti ta' garanzija għat-trasport ikunu disponibbli għall-SMEs;

34. Jinnota l-importanza ta’ intraprendituri tas-sengħa u mħarrġa fl-iffaċċjar tal-isfidi tal-kummerċ internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-programm ‘Erasmus għal Intraprendituri żgħażagħ’ u biex tesplora l-possibbiltà ta’ ‘Erasmus Mundus għal Intraprendituri’ biex l-intraprendituri b’talent ikollhom l-opportunità li jiksbu l-esperjenza, u jistabbilixxu netwerk ma’ ċentri ta’ eċċellenza barra mill-UE, anke permezz ta’ taħriġ kulturali għoli ta’ impriża li tippermetti li jkun hemm viżjoni intraprenditorjali fuq livell internazzjonali biex jakkwistaw l-istrumenti meħtieġa u fundamentali biex jikkompetu f’suq globali. jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw, fil-programm “Erasmus għal kulħadd”, lill-intraprendituri żgħażagħ u l-politiki industrijali permezz ta' politiki tal-UE relatati mal-programm;

35. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-istandardizzazzjoni Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa ta’ sistema iktar koerenti ta’ standards internazzjonali sabiex tiġi permessa l-interoperabbiltà u jitnaqqsu l-ostakoli għall-SMEs li jieħdu direzzjoni internazzjonali;

36. Jappoġġja sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni li tinkludi lill-SMEs b’mod aktar sistematiku fil-proċessi tat-tfassil tad-deċiżjonijiet, filwaqt illi tirrispetta l-prinċipju ppruvat ta’ delega nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex l-istandards żviluppati mill-korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni jkunu aktar aċċessibbli, u bi prezz orħos għall-SMEs, sabiex titħalla l-interoperabilità u jitnaqqsu ftit mill-ostakoli ffaċċjati mill-SMEs li jieħdu direzzjoni internazzjonali; jenfasizza li l-adattament ta’ politika ta’ standardizzazzjoni tal-ICT tal-UE għall-iżviluppi tas-suq u tal-politika huwa strument ewlieni għall-involviment tal-SMEs fin-negozju elettroniku, fil-kummerċ elettroniku, fit-trasport elettroniku tal-merkanzija u fis-sistemi intelliġenti tat-trasport (ITS), eċċ.;

37. Jenfasizza li sistema ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (IPR) u tad-dritt tal-awtur sempliċi u effiċjenti hija kruċjali għall-promozzjoni tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs; jikkunsidra li l-SMEs jeħtieġu protezzjoni effettiva tal-IPR biex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda bħala l-bażi għall-attivitajiet internazzjonali tagħhom;

38. Jenfasizza n-nuqqas ta' riżorsi għad-dispożizzjoni tal-SMEs sabiex jiġġieldu l-ksur tal-IPR li jikkonċernahom fis-swieq terzi; jappella biex jittieħdu inizjattivi konkreti min-naħa tal-UE biex tittejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-SMEs f’dawn il-pajjiżi terzi, kif inkiseb bil-helpdesk tal-IPR tal-SMEs fiċ-Ċina; josserva li dan il-mudell ta' helpdesk bħalissa qed jiġi estiż, f'inizjattiva pilota, għal xi pajjiżi tal-ASEAN u tal-Amerika t'Isfel; jenfasizza l-ħtieġa li titwettaq evalwazzjoni xierqa tal-helpdesks eżistenti, bil-ħsieb li l-funzjonament tal-mudell jiġi ottimizzat qabel ma dan jiġi estiż aktar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, ladarba jittieħdu l-lezzjonijiet minn din l-evalwazzjoni, tadotta helpdesks simili fis-swieq prijoritarji fejn l-IPR hija kwistjoni importanti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni doganali fl-UE u mal-pajjiżi terzi, dwar is-sekwestru ta' prodotti ffalsifikati, u jissemplifikaw il-proċeduri doganali;

39. Jinnota l-importanza tal-ħolqien ta' qafas regolatorju simplifikat u trasparenti tal-UE għall-akkwist pubbliku, sabiex l-SMEs jiksbu aċċess aħjar għal kuntratti pubbliċi, kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi, inkluż permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "darba biss" u l-użu tas-sistemi ta' trażmissjoni elettronika, kif ukoll bl-applikazzjoni tal-"Kodiċi Ewropew tal-Aħjar Prattiki għall-Iffaċilitar tal-Aċċess mill-SMEs għall-Kuntratti tal-Akkwist Pubbliku"; iqis li l-akkwist pubbliku huwa strument effettiv ta’ politika pubblika bħala appoġġ għall-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni teknika tal-SMEs nazzjonali u li jipprovdi għat-tkabbir tagħhom sad-daqs meħtieġ biex jibdew il-proċess ta’ internazzjonalizzazzjoni; jitlob għal definizzjoni aħjar tal-offerti kif ukoll għall ftuħ tas-servizzi għall-offerti pubbliċi;

40. Jistenna li l-Kummissjoni tieħu inizjattiva biex tiżgura li l-SMEs tal-UE jgawdu minn aċċess għall-akkwist pubbliku fis-swieq terzi fuq livell ekwu ma' kumpaniji oħrajn; jittama li l-proposta għal regolament ippubblikata riċentement dwar is-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE se trawwem reċiproċità fil-ftuħ, li tkun ta' benefiċċju għall-SMEs tal-UE; jitlob sabiex l-UE tiżviluppa politika industrijali komuni u ambizzjuża bbażata fuq il-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, li tkun tibbenefika minn finanzjamenti innovattivi bħal bonds tal-proġetti, u tkun tappoġġja l-iżvilupp tal-SMEs, b’mod partikolari permezz tal-aċċess għall-akkwist pubbliku, sabiex iżommu l-kompetittività tagħhom vis-à-vis atturi ewlenin ġodda fil-qasam tal-industrija u tar-riċerka; jistieden lill-UE tivvalorizza l-produzzjoni Ewropea billi tipprovdi informazzjoni ta’ kwalità aħjar lill-konsumaturi, speċjalment permezz tal-adozzjoni tar-Regolament tal-“Immarkar tal-Oriġini” dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti impurtati fl-UE;

41. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jiffinalizzaw, malajr kemm jista' jkun, u sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2012, ftehim dwar is-sistema komuni tal-privattivi, minħabba li huwa vitali li l-UE toffri lin-negozji aċċess faċli u affordabbli għall-protezzjoni tal-privattivi fis-suq uniku, simili għal dak tal-kompetituri tagħhom fl-Istati Uniti, fiċ-Ċina u fil-Ġappun;

42. Jirrakkomanda li ċ-Ċentri eżistenti tal-UE għall-SMEs għandhom jiżdiedu biss jekk jitqiesu l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-effettività taċ-Ċentri eżistenti u l-prinċipji ġenerali ta' gwida; jinnota li dawn iċ-Ċentri jiffunzjonaw aħjar jekk ikunu kkombinati ma' helpdesks konġunti maħsuba għall-ħtiġijiet tal-SMEs tal-UE u bħala one-stop-shops b'punti ta' kuntatt uniċi għalihom fil-pajjiżi terzi; iqis li l-inizjattivi tal-UE għandhom ikunu ffukati fuq oqsma fejn l-SMEs jistgħu fil-fatt joperaw;

43. Jitlob definizzjoni aktar ċara ta’ swieq ta’ prijorità għall-SMEs fuq il-bażi tal-aġenda għan-negozjati tal-kummerċ fl-UE; ifakkar li s-swieq ta’ prijorità għandhom bla dubju ta’ xejn jinkludu swieq b’rata għolja ta’ tkabbir, bħall-BRICs iżda jikkunsidra wkoll il-perċezzjoni tal-SMEs dwar opportunitajiet għall-internazzjonalizzazzjoni fil-pajjiżi żviluppati u fir-reġjuni ġirien; għaldaqstant jara t-tkabbir ta’ swieq ospitanti u l-vojt fl-istrutturi ta’ appoġġ eżistenti bħala l-kriterji ewlenin biex titfassal il-lista ta' swieq ta’ prijorità; jirrakkomanda li għadd ta' pajjiżi ġirien tal-UE, speċjalment dawk fil-Balkani tal-Punent u fl-inħawi tal-Mediterran jew dawk li għandhom fruntieri mal-UE, għandhom jiżdiedu mal-lista, peress li l-biċċa l-kbira tal-SMEs għall-ewwel jesportaw lil sħab kummerċjali fil-pajjiżi ġirien, u billi l-kummerċ tal-UE ma' dawk il-pajjiżi għandu rwol kbir fit-tkabbir u l-istabilità ta' dawn il-pajjiżi;

44. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ħtiġijiet u l-interessi speċifiċi tal-SMEs ikunu riflessi fin-negozjati tal-kummerċ kollha; josserva li din għandha timplika l-identifikazzjoni tal-oqsma ta’ negozjati fejn il-problemi jaffettwaw aktar SMEs milli kategoriji oħra ta’ negozji u li jingħataw attenzjoni fil-proċess ta’ negozjati ta’ ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi; jappoġġja riforma tal-qafas multilaterali għall-involviment tal-SMEs fid-WTO u għall-iżgurar ta’ sistema ta' arbitraġġ u soluzzjoni tat-tilwim b'mod aktar mgħaġġel għall-SMEs;

45. Jenfasizza li l-investiment barra l-pajjiż huwa l-iżjed forma impenjattiva ta’ internazzjonalizzazzjoni għall-SMEs; jirrakkomanda li, meta fil-futur l-UE tiġi biex tinnegozja trattati ta’ investiment bilaterali, għandha titqiesil-ħtieġa tal-SMEs għal sikurezza akbar fl-investimenti diretti barranin tagħhom;

46. Iqis li aċċess tal-SMEs li jkun aħjar, aktar rapidu u jiswa' anqas, għall-proċeduri tal-antidumping, bħala fundamentali biex jitħarsu minn prattiki kummerċjali inġusti min-naħa ta' sħab kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni tqis kif xieraq dan it-tħassib meta tkun qed tirriforma t-TDIs tal-UE;

47. Japprezza l-inizjattivi biex jitrawmu l-kuntatti bejn in-negozji previsti fil-ftehimiet bilaterali ta' kummerċ ħieles; ifakkar li l-isfidi tas-sejbien u l-kuntatt ta’ klijenti potenzjali barra l-pajjiż, u tal-istabbiliment ta’ katini ta' provvista affidabbli, huma ta' problema kbira għall-SMEs li jixtiequ jidħlu fis-swieq tal-esportazzjoni u b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u l-intrapriżi mikro jserrħu fuq intermedjarji biex ibiegħu l-prodotti barra l-pajjiż.

2. Il-piżijiet amministrattivi

Approċċ regolatorju

48. Jilqa’ l-kisba tal-mira tal-2012 dwar l-imminimizzar ta’ piżijiet amministrattivi iżda jemmen li hemm ħafna aktar x’jista’ jinkiseb; iħeġġeġ il-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni fis-seħħ u toħroġ b'mira ta' tnaqqis ġdida u ambizzjuża skont l-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" u l-prinċipju "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir"; iqis li din il-mira l-ġdida għandha tkun mira netta, li tikkunsidra l-leġiżlazzjoni l-ġdida adottata wara li tkun stabbilita l-mira; jirrakkomanda li l-mira l-ġdida għandha tkun tista' titkejjel u verifikabbli, u għandha tikseb titjib kwalitattiv, pereżempju billi tnaqqas l-ammont ta’ dokumentazzjoni meħtieġa mill-SMEs u sabiex tiżgura li l-SMEs ma jiġux iffaċċjati b’dati ta’ skadenza mhux realistiċi għat-tressieq tad-dokumentazzjoni; jemmen li l-Grupp ta' Livell Għoli ta' Partijiet Interessati Indipendenti għandu jkollu rwol ewlieni u kontinwu fis-superviżjoni tal-progress dwar din it-tip ta' mira ta' tnaqqis.

49. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw ftehimiet li jippermettu li l-SMEs joperaw fl-Ewropa kollha u jikkumerċjalizzaw l-ideat tagħhom billi jagħtuhom aċċess aħjar għas-swieq u jnaqqsu l-burokrazija;

50. Jenfasizza d-diżappunt tiegħu dwar l-applikazzjoni fqira u inkonsistenti tat-test tal-SME mill-Kummissjoni; jinsisti li t-test tal-SME għandu jiġi kkaratterizzat b’mod sistematiku bħala kapitolu fiss tal-valutazzjoni tal-impatt; jitlob lill-Kummissjoni tiċċara għaliex ma twettaq l-ebda test tal-SME kif suppost għall-pakkett tal-protezzjoni tad-data u sabiex tieħu azzjoni mgħaġġla u konkreta biex dan in-nuqqas jiġi rettifikat;

51. Jappoġġja bis-sħiħ l-attenzjoni fuq il-mikrointrapriżi f’test tal-SMEs imsaħħaħ, u jinnota li l-kunċett tal-esklużjoni tal-intrapriżi mikro b'kontumaċja minn kull leġiżlazzjoni proposta; jemmen, madankollu, li eżenzjoni tista' tiġi applikata biss, meta l-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi mikro ma jistgħux jiġu indirizzati b’soluzzjonijiet adattati u reġimi eħfef, kif muri bit-test tal-SME; jinsisti, għaldaqstant, dwar il-istabbiliment ta' mikrodimensjoni bħala parti inerenti tat-test tal-SME sabiex l-opzjonijiet kollha disponibbli jiġu vvalutati b’mod sistematiku; ifakkar li kwalunkwe eżenzjoni jew soluzzjoni adattata ma għandhiex ixxekkel ir-rekwiżiti fundamentali tal-UE għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, id-drittijiet fundamentali tal-UE għall-ħaddiema jew il-prinċipji fundamentali tal-leġiżlazzjoni ambjentali; jenfasizza li meta l-intrapriżi mikro jiġu inklużi bis-sħiħ fl-ambitu ta' dispożizzjoni, ir-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom għandu għalhekk jintwera biċ-ċar fir-riżultati tat-test tal-SME;

52. Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza tat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-liġi nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni iktar armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni sabiex jitnaqqas l-ambitu għall-gold-plating u għal użu iktar sistematiku tat-test tal-SME; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta sa liema punt l-applikazzjoni tal-"lista’ ta’ kontroll għall-implimentazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni tal-UE"[7] tista’ tiġi introdotta bħala rekwiżit għall-Istati Membri għall-benefiċċju tas-suq uniku;

53. Iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali japplikaw approċċ ta’ ‘kkonforma jew spjega’ simili għad-dispożizzjonijiet ta’ governanza korporattiva; jenfasizza li, skont dan l-approċċ, il-gvernijiet se jkunu meħtieġa li jiġġustifikaw kif mistħoqq l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet addizzjonali għal dawk meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE;

54. Jiddispjaċih li ftit Stat Membri biss japplikaw b’mod sistematiku test tal-SME fil-proċess tat-tfassil tad-deċiżjonijiet nazzjonali tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tissottometti, u lill-Kunsill biex jappoġġja, proposta għal rekwiżiti minimi għall-implimentazzjoni ta’ testijiet tal-SME fil-livell nazzjonali, abbażi tat-test tal-SME applikat mill-Kummissjoni kif ukoll abbażi tal-aħjar prattiki nazzjonali;

55. Jitlob "verifika tas-saħħa" tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE sabiex jitwarrbu l-inkonsistenzi u r-regoli li skadew jew li mhumiex effettivi;

56. Jitlob, fil-kuntest ta' verifiki tas-saħħa, l-identifikazzjoni ta' żoni karatterizzati minn piżijiet eċċessivi, inkonsistenzi jew leġiżlazzjoni ineffettiva li għandhom impatt negattiv fuq l-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-ilħuq tal-objettivi tas-saħħa, is-sikurezza u l-ugwaljanza kif ukoll tad-dispożizzjonijiet soċjali;

57. Jappoġġja b’mod qawwi l-idea ta’ "wieħed ġewwa, wieħed barra" bħala prinċipju gwida għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suq uniku, sabiex jiġi żgurat li ma tkun tista’ tiddaħħal l-ebda leġiżlazzjoni ġdida li timponi spejjeż fuq SMEs mingħajr l-identifikazzjoni tar-regolamenti eżistenti fi ħdan qasam imsemmi u ta’ valur ekwivalenti li jista’ jitneħħa;

58. Jitlob it-tisħiħ tar-rwol tan-netwerk tal-SME Envoy minħabba li jagħti valur miżjud reali lill-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, u bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew, mill-formulazzjoni tal-politika sal-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-amministrazzjoni nazzjonali jiżguraw li Envoys tal-SME jkunu jistgħu jaġixxu b’mod indipendenti u jsegwu approċċ trasversali biex jiżguraw li l-interessi tal-SMEs fl-oqsma kollha tat-tfassil tal-liġi u l-politika jkunu qed jiġu kkunsidrati; jinsisti li l-Envoys tal-SME jiġu involuti b’mod qawwi fil-proċeduri tat-test tal-SME; barra minn hekk, iħeġġeġ it-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma attivi biex jġibu flimkien l-SMEs tal-UE, u jitlob li jitqiesu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi amministrattivi u leġiżlattivi;

59. Jenfasizza l-importanza ta' diskussjonijiet mas-sħab soċjali matul l-ippjanar ta' miżuri nazzjonali mmirati biex isaħħu u jippromwovu l-intraprenditorija żgħira u medja;

Id-definizzjoni tal-SME

60. Jinnota l-evalwazzjoni attwali tad-definizzjoni tal-SME, li diġà tkopri iktar minn 99% tan-negozji kollha tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-impatt ta': a) iż-żieda tal-flessibbiltà u t-tnaqqis tad-diżinċentivi għat-tkabbir (eż. billi l-perjodi tat-tranżizzjoni jiġu estiżi sa 3 snin), b) l-adattament tal-fatturat u limiti massimi tal-karta tal-bilanċ għal żviluppi ekonomiċi, u c) il-konsiderazzjoni iktar differenzjata ta’ kull waħda mis-sottokategoriji;

61. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex flimkien mal-attivitajiet ta’ esportazzjoni jew importazzjoni, joħolqu reġim tal-Visa għalihom stess fil-qafas tal-Ftehim ta’ Schengen;

Miżuri oħrajn

62. Jenfasizza li s-suq uniku huwa fattur ewlieni fil-ħolqien tal-aħjar ambjent possibbli għall-SMEs; jiddeplora li għadu mhuwiex realtà f’ħafna żoni, b’mod partikolari d-dimensjoni diġitali tiegħu; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex jiġi implimentat is-suq uniku diġitali sal-2015, biex l-Istati Membri jiġu sfurzati jimplimentaw leġiżlazzjoni eżistenti u biex jagħmlu proposti ġodda fejn għadha ma teżistix il-leġiżlazzjoni tas-suq intern, b'mod partikolari bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż u l-burokrazija sabiex isir negozju;

63. Jitlob lill-Kummissjoni taċċellera l-links broadband ta’ veloċità għolja fir-reġjuni tal-UE sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni massima tal-SMEs f’suq intern li qed jiġi diġitalizzat;

64. Jirrikonoxxi li l-cloud computing jista’ jagħti spinta sinifikanti lill-effiċjenza u lill-produttività tal-SMEs; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas għall-Ewropa kollha rigward il-cloud computing li jkun miftuħ għal clouds globali oħra;

65. Jiddispjaċih li l-UE qiegħda lura meta mqabbla ma’ atturi globali oħra bħall-Ġappun u l-Korea t’Isfel, bi 2 % biss tal-konnessjonijiet tal-Internet li qed joperaw bil-fiber; għalhekk jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jaċċelleraw il-firxa u l-adozzjoni tal-broadband b’veloċità għolja ħafna;

66. Jirrikonoxxi li l-kummerċ elettroniku huwa strument ewlieni għal SMEs li jridu jidħlu fi swieq ġodda u jespandu l-bażi ta’ klijenti tagħhom; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kummerċ elettroniku transkonfinali pereżempju billi toħloq sistema ta’ ħlas onlajn affidabbli, sigur u effiċjenti;

67. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-UE tipprovdi lill-SMEs u lill-intraprendituri bil-fiduċja u l-mezzi biex iwettqu kummerċ onlajn sabiex jiżdied il-kummerċ transkonfinali; għalhekk jitlob li jiġu ssimplifikati s-sistemi tal-liċenzji u li jinħoloq qafas effiċjenti għad-dritt tal-awtur;

68. Jitlob lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-moviment liberu tas-servizzi billi testendi u timplimenta bis-sħiħ id-Direttiva dwar is-Servizzi sabiex tagħti possibbiltà reali lill-SMEs u lill-intraprendituri biex jiżviluppaw u jbiegħu servizzi u prodotti lil 500 miljun konsumatur tal-UE;

69. Jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw il-benefiċċji offruti mill-amministrazzjoni elettronika u biex jiġu introdotti soluzzjonijiet ta' governanza elettronika;

70. Jinkoraġġixxi lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tan-negozju u partijiet interessati oħra, biex jistabbilixxi premju annwali fi ħdan il-Kulleġġ tal-Kummissarji biex jiġi onorat il-Membru u/jew l-Istat Membru fil-qafas tas-Semestru Ewropew, li applika l-prinċipju ‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ bl-iktar mod effettiv u li jirnexxi;

71. Jitlob is-semplifikazzjoni tal-istrumenti tal-UE għall-SMEs u sabiex dawn isiru aktar aċċessibbli; jinnota li ħafna drabi, il-programmi tal-UE jistgħu jkunu burokratiċi wisq biex jiġu sfruttati mill-SMEs;

72. Jenfasizza li huwa meħtieġ li jiġu implimentati u applikati miżuri estensivi ta' simplifikazzjoni, inklużi metodi ta' rimborż simplifikati, sabiex l-SMEs jingħataw għajnuna biex jieħdu sehem fi programmi ffinanzjati mill-UE;

3. Ir-rinfurzar tal-kompetittività industrijali u tal-SMEs

73. Jilqa' l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titlu ‘Industrial policy: Reinforcing competitiveness’ (COM(2011)0642), kif ukoll id-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar ‘il-protezzjoni tal-kompettitività’ (SEC(2012)91;

74. Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni bdiet timplimenta l-prova ta’ kompetittività u evalwazzjoni ex-post ta’ leġiżlazzjoni; jinsisti li l-Kummissjoni tapplika dan il-kunċett b’mod konsistenti u bir-reqqa, anke fil-każijiet fejn il-bidliet fid-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea jkollhom impatt fuq il-kompetittività industrijali (pereżempju bl-emendi tar-regoli dwar il-bejgħ bl-irkant fl-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet); jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta b’mod regolari dwar il-progress li jinkiseb f’dan il-qasam;

75. Jemmen li għandhom jiġu organizzati kampanji ta’ promozzjoni reġjonali bl-għan li titħeġġeġ l-intraprenditorija, bil-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet lokali tal-intraprendituri, fejn jiġu ppreżentati l-prattiki tajba fil-qasam u jiġu organizzati diskussjonijiet madwar il-mejda ma' persuni intraprenditorjali li kisbu suċċess, sabiex issir magħrufa l-kultura intraprenditorjali fir-reġjun;

76. Jenfasizza li l-kummerċ ħieles u l-aċċess għas-swieq globali huma katalisti importanti għall-impjiegi u t-tkabbir, u huma fattur deċiżiv li jippermetti li l-SMEs tal-UE jsiru mexxejja fis-swieq dinjija; għalhekk jenfasizza l-importanza tal-progress fin-negozjati dwar il-kummerċ li jkomplu jnaqqsu l-ostakoli regolatorji għall-kummerċ, li jaffettwaw lill-SMEs b’mod sproporzjonat.

77. Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet l-importanza tas-settur tal-manifattura għal tkabbir u impjieg sostenibbli fl-UE fid-diversi strateġiji u komunikazzjonijiet tagħha; itenni l-ħtieġa ta’ politika industrijali integrata abbażi tal-prinċipji tal-ekonomija tas-suq soċjali u l-appoġġ tat-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u reżiljenti;

78. Jindika l-importanza li jiġi mħeġġeġ fil-livell lokali u reġjonali l-involviment tal-SMEs fil-pjanijiet tal-effiċjenza tal-enerġija u ambjentali minħabba li l-applikazzjonijiet f’dawn is-setturi se jżidu l-opportunitajiet tan-negozju b’mod sinifikanti;

79. Jirrikonoxxi li jekk l-Istati Membri għandhom jiksbu l-miri ta' Ewropa innovattiva, intelliġenti u inklussiva msemmija fl-istrateġija UE 2020, hemm bżonn li jittieħed kont, u jiġi ffaċilitat il-ħolqien, ta' SMEs u intrapriżi mikro, peress li dawn għandhom potenzjal kbir biex joħolqu l-impjiegi, b'mod partikolari impjiegi għaż-żgħażagħ, u b'hekk biex inaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jinnota li, li tkun impjegat indipendenti u twaqqaf negozji mikro tista' tkun għażla flessibbli, partikolarment għan-nisa;

80. Jirrikonoxxi li l-SMEs għandhom rwol importanti biex jilħqu l-istabbiltà, il-koeżjoni u l-integrazzjoni soċjali, partikolarment f'żoni li jaffrontaw impatti negattivi fl-iżvilupp demografiku tagħhom; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-SMEs biex joħolqu klima tax-xogħol li tħeġġeġ lill-ħaddiema jkunu konformi mal-istandards tad-drittijiet tax-xogħol, u l-ħarsien tal-ħaddiema u tas-saħħa, biex b’hekk jikkontribwixxu wkoll għall-ġlieda kontra l-faqar u għall-prosperità soċjali;

81. Jenfasizza li aċċess aktar faċli għall-mikrokreditu permezz tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament, u l-iżvilupp ulterjuri ta' dan l-istrument fil-kuntest tal-Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali għall-perjodu 2014-20 u l-futur tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), għandhom jitħeġġu, sabiex b'mod partikolari, il-fundaturi tal-intrapriżi mikro minn sezzjonijiet soċjalment żvantaġġati tal-popolazzjoni jistgħu jiksbu aċċess għal strumenti finanzjarji xierqa; f' dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tinkludi referenzi speċjali għall-kooperattivi fl-istrumenti finanzjarji amministrati mill-Fond Ewropew tal-Investiment;

82. Jinnota li fejn jidħlu servizzi transkonfinali, il-one-stop shop jista' wkoll, flimkien mas-sħab soċjali, jipprovdi informazzjoni komprensiva dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-pajjiż ta' destinazzjoni li fih ikunu se jiġu fornuti s-servizzi;

83. Iqis li l-intraprenditorija u l-kondizzjonijiet qafas adegwati għall-kompetittività u t-tkabbir tal-SMEs, inkluż permezz ta' investimenti fl-infrastruttura bħall-infrastruttura ekoloġika, jistgħu jiffaċilitaw bil-kbir il-ħruġ mill-kriżi ekonomika; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi indirizzat il-potenzjal intraprenditorjali fejn il-livell tal-bidu tat-tħaddim ta’ SME jkun inqas mill-medja fis-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà kif ukoll fejn hi meħtieġa intraprenditorija fi gruppi speċifiċi fil-mira, b’mod partikolari żgħażagħ u nisa;

84. Jemmen li kwalunkwe reviżjoni tar-regolament dwar is-swieq finanzjarji għandha tippermetti li l-SMEs iżidu dejjem aktar il-finanzjament permezz ta’ swieq kapitali, sabiex ikunu inqas dipendenti fuq self mill-banek;

85. Jemmen, li fir-riforma kontinwa tal-fondi strutturali, l-SMEs għandhom jiitqiesu b'mod serju, fejn xieraq u fejn dan jikkontribbwixxi għal kondizzjonijiet ta’ qafas reġjonali għat-tkabbir u sabiex jinħolqu sinerġiji ma’ programmi u inizjattivi oħra tal-UE; jemmen li jeħtieġ li titnaqqas il-burokrazija, pereżempju billi jiġu aċċettati standards ta’ verifika u ta’ rappurtar proporzjonati u billi jiġu introdotti regoli komuni għall-fondi u l-programmi kollha fir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju;

86. Jitlob lill-Istati Membri jittrasponu kemm jista’ jkun malajr id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard fil-liġi nazzjonali, sabiex tingħata likwidità addizzjonali lill-SMEs fil-kriżi ekonomika attwali;

87. Jitlob strumenti tal-UE aktar effettivi, sempliċi u koordinati aħjar iddedikati għall-aċċess għal kreditu jew kapital ta’ riskju b’mod partikolari għal SMEs li għandhom pjanijiet ta’ internazzjonalizzazzjoni;

88. Jitlob salvagwardji effiċjenti għall-portafolli tal-SMEs, fid-dawl ta’ rekwiżiti kapitali miżjuda għal banek, bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ Basel III u l-proċess ta’ diżingranaġġ li qed jiġi implimentat bħalissa minn għadd ta’ banek, filwaqt illi jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji.

89. Jenfasizza li l-attività tal-SMEs tal-UE mhijiex qed tissostitwixxi iżda qed tikkomplimenta l-azzjonijiet tar-reġjuni u tal-Istati Membri, u għaldaqstant, biex din tissaħħaħ, abbażi tal-prinċpju ta’ "iktar għal iktar u inqas għal inqas", l-Istati Membri li jagħtu iktar appoġġ lill-SMEs għandhom jirċievu iktar appoġġ mill-UE; għalhekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw programmi ambizzjużi bbażati fuq inċentivi sabiex ikompli jiġi promoss l-intraprenditorjat; jitlob li dawn il-programmi jinkludu miżuri li jtejbu l-aċċess għall-finanzi u s-swieq, jiġu ffaċilitati r-rekwiżiti amministrattivi u tiġi inkluża aħjar edukazzjoni intraprenditorjali fil-kurrikuli tal-iskejjel fil-livelli kollha; iqis li dawn il-miżuri għandhom jappoġġjaw l-inizjattivi tas-settur privat li jippermettu li jitnaqqas iż-żmien meħtieġ għall-kisba ta’ finanzjamenti żgħar, bħal sħubiji bejn il-banek u l-professjonisti tal-kontabilità; jissuġġerixxi li jiġu organizzati kompetizzjonijiet ġenerali bbażati fuq il-prattika u fil-livell reġjonali għall-istudenti sabiex jiġu vvalutati l-għarfien lessikali tagħhom u l-intraprenditorija tagħhom;

90. Jappoġġja l-inizjattivi tas-settur privat imfassla bl-għan li jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, bħal sħubijiet bejn il-banek u l-professjonisti tal-kontabilità li għandhom il-mira li ż-żmien meħtieġ għall-kisba ta’ finanzjament żgħir (ta' anqas minn EUR 25,000) jitnaqqas għal 15-il ġurnata, jemmen li dawn is-sħubijiet huma effikaċi għall-intrapriżi mikro, minħabba li, minn naħa, il-professjonisti tal-kontabilità iħejju u jittrażmettu onlajn id-dokumenti finanzjarji kollha meħtieġa għall-bankiera u jagħtu assigurazzjoni moderata fir-rigward tal-previżjonijiet provduti mill-intrapriżi mikro, u t-tieni, il-banek ipoġġu onlajn mistoqsijiet standard dwar il-finanzjament u jagħtu raġuni għar-rifjut li jingħata għat-talbiet ta' finanzjament;

91. Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga inizjattivi ġodda għall-ġbir ta’ fondi għal intraprendituri u n-negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu, bħall-crowd funding, biex tevalwa kif dawn jistgħu jibbenefikaw lill-SMEs u jekk għandhomx jiġu promossi; barra minn hekk jinnota l-bżonn li jiġi evalwat jekk hemmx bżonn ta' qafas leġiżlattiv għal dawn il-prattiki fl-UE;

92. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu, fil-qafas finanzjarju pluriannwali li jmiss, aċċess aktar faċli għall-SMEs għall-finanzjamenti Ewropej, li għandu jsaħħaħ l-aċċess tagħhom għas-suq intern;

93. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffaċilitaw l-opportunitajiet ta’ investiment għall-ftuħ ta’ negozji innovattivi bit-tneħħija tal-ostakoli li jimpedixxu l-emerġenza ta’ suq tal-kapital ta’ riskju mifrux mal-UE;

94. Jindika li huwa meħtieġ li jiġu identifikati u jitneħħew l-ostakli li jxekklu t-tkabbir tal-intrapriżi mikro milli jsiru SMEs, u l-SMEs biex ikomplu jikbru aktar;

95. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-għarfien tal-SME u l-lakuni fil-ħiliet fir-rigward ta’ teknoloġiji, prattiki u mudelli ta’ negozju ekoloġiċi; jinnota li tenħtieġ azzjoni sabiex jiġu identifikati ħtiġijiet ta’ ħiliet u sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fis-suq tax-xogħol permezz tal-edukazzjoni u permezz ta’ strateġiji ta’ taħriġ professjonali u l-iżvilupp ta’ programmi għall-iżvilupp ta’ taħriġ u ta’ ħiliet immirati lejn l-SMEs;

96. Jemmen li l-COSME futura, l-Orizzont 2020 kif ukoll Programmi ta’ Fondi Strutturali tal-ġejjieni taħt l-MFF li jmiss għandhom jallokaw ammonti suffiċjenti sabiex jappoġġjaw l-isforzi tal-SMEs biex iwettqu innovazzjoni u jiġġeneraw l-impjiegi b’mod li huwa effiċjenti u sostenibbli fil-kuntest tal-użu tar-riżorsi;

97. Jitlob li l-istrumenti finanzjarji ġodda żviluppati fil-programmi ta’ appoġġ tal-SMEs, bħall-COSME, jikkunsidraw mhux biss il-pożizzjoni finanzjarja tal-SMEs, iżda anke l-hekk imsejħa “valuri intanġibbli”, b’tali mod li l-aċċess għall-kreditu jipprevedi forom ta’ rikonoxximent tal-kapital intellettwali tal-SMEs;  Jitlob li jiġi allokat baġit ambizzjuż lill-istrument tal-SME stabbilit bħala parti minn Orizzont 2020, li se jipprovdi appoġġ immirat lil SMEs innovattivi u li għandhom potenzjal għoli ta’ tkabbir; jemmen li l-istrument għandu jitwassal permezz ta’ struttura ddedikata mfassla skont il-ħtiġijiet tal-SMEs;

99. Jenfasizza li l-potenzjal tal-istrumenti tal-inġinerija finanzjarja għandu jkompli jkun żviluppat aktar biex jippermetti l-iżvilupp ta’ proġetti strateġiċi kwalitattivi u l-parteċipazzjoni ta’ atturi privati − speċjalment SMEs − u ta’ kapital privat fi proġetti Ewropej; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas attwali fl-użu tal-istrumenti tal-inġinerija finanzjarja minħabba l-kumplessità eċċessiva tagħhom iwassal sabiex id-dibattitu dwar il-governanza tagħhom isir urġenti ħafna;

100.  Jenfasizza li l-Fondi Strutturali − permezz tal-Istrumenti Finanzjarji − għandhom ikomplu jipprovdu finanzjament lill-SMEs permezz ta’ ekwità, garanziji u self sussudjat, u jenfasizza li proċeduri amministrattivi kumplessi, speċjalment fuq livell nazzjonali, għandhom ikunu simplifikati, u għandhom ikunu evitati differenzi sinifikanti fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet minn awtoritajiet amministrattivi u korpi intermedji, rispettivament;

101.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi pjan direzzjonali dwar tassazzjoni kompetittiva tal-SME, li jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jadattaw l-iskemi ta’ tassazzjoni tagħhom bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi mhux tax-xogħol għal kumpaniji żgħar u dawn il-kumpaniji jkunu jistgħu jżommu proporzjon ikbar tal-qligħ tagħhom għal investiment mill-ġdid fil-kumpanija; jissuġġerixxi li l-pjan direzzjonali jiġi bbażat fuq l-aħjar prattiċi u jinkludi proġetti pilota;

102.  Jitlob li jsiru iżjed sforzi fl-implimentazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku sabiex jiġu faċilitati l-attivitajiet transkonfinali tal-SMEs; jitlob li tiġi stabbilita vetrina unika (one-stop-shop) għall-VAT sabiex ikun possibbli għall-intraprendituri li jissodisfaw ir-responsabilitajiet tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini tan-negozju;

103.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu kundizzjonijiet ugwali għall-forom kollha tal-finanzi; jinnota li jenħtieġu miżuri urġenti sabiex in-negozji ma jkunux daqshekk dipendenti fuq id-dejn; jappoġġja t-twaqqif tan-newtralità tat-taxxa bejn l-ekwità u d-dejn;

104.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-kontinwità tal-SMEs, permezz ta’ ambjent regolatorju li jiffaċilita t-trasferimenti tan-negozju; jirrakkomanda li jitneħħew ostakoli fiskali (it-taxxa fuq il-wirt, it-taxxa fuq id-donazzjonijiet, eċċ...) li jistgħu jqiegħdu l-kontinwità ta’ negozji tal-familja f’periklu;

105.  Jenfasizza l-ħtieġa għal taxxi fuq ix-xogħol u l-investimenti aktar baxxi;

106.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri konkreti biex jippromwovu l-intraprenditorjat soċjali fl-Ewropa, b’mod partikolar permezz tat-titjib fl-aċċess għall-finanzi pubbliċi u privati, it-tnaqqis tad-diskriminazzjoni fil-pagi bejn is-sessi, il-promozzjoni ta' miżuri li jibbilanċjaw il-ħajja tax-xogħol u tal-familja u t-titjib fil-mobilità u r-rikonoxximent ta’ ħaddiema tas-sengħa u billi tittejjeb il-kwalità u d-disponibbiltà tal-pariri dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) għall-SMEs; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri speċifiċi biex jippromwovu l-intraprenditorjat soċjali fl-Ewropa, b’mod partikolari permezz tat-titjib fl-aċċess għall-finanzi pubbliċi u privati u t-titjib fil-mobilità u r-rikonoxximent ta’ ħaddiema u apprendisti tas-sengħa; madankollu, jinnota li dan m’għandux iwassal għal kategorizzazzjoni tal-intraprendituri f’intraprendituri "tajbin" u "ħżiena";

107.  Jenfasizza l-importanza ta’ funzjonament tajjeb fil-provvista ta’ materja prima, għall-intrapriżi ta' daqs medju fis-settur industrijali ukoll; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri konkreti għas-sigurtà sostenibbli tal-provvista ta’ materja prima u ż-żieda fl-effiċjenza tal-materja prima, partikolarment billi jiġi ggarantit aċċess liberu u ġust għall-materja prima kkumerċjalizzata internazzjonalment, kif ukoll iż-żieda fl-effiċjenza tal-materja prima u r-riċiklaġġ effikaċi tar-riżorsi b’kunsiderazzjoni għar-relazzjoni bejn l-ispiża u l-benefiċċju;

108.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew sabiex jippreserva l-baġit tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, peress li l-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni huma fost l-istrumenti l-iktar effettivi tal-UE għall-ħolqien tat-tkabbir u tal-impjiegi, biex tiżdied il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u jingħata appoġġ lill-SMEs;

109.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-kompetittività tat-tipi differenti ta’ SMEs u jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari tagħhom permezz ta’ miżuri speċifiċi adattati għalihom; jenfasizza l-kontribuzzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni għall-iżvilupp u t-titjib fit-trasport, l-enerġija, l-infrastruttura ambjentali u tal-broadband u għalhekk għall-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-kummerċ li jinkoraġġixxi l-investimenti u jsaħħaħ il-kompetittività; jenfasizza l-ħtieġa tal-promozzjoni tal-intraprenditorija u ż-żieda fl-appoġġ mogħti lill-SMEs, filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tagħhom fit-tisħiħ tal-kompetittività ekonomika;

110.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-koordinament aħjar u sinerġija bejn politiki differenti Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali u strumenti li jindirizzaw direttament lill-SMEs; jindika li l-inizjattivi eżistenti u l-istrumenti finanzjarji għas-sostenn tal-SMEs għandhom ikunu indirizzati b'mod iktar koerenti, u għandhom jikkomplementaw lil xulxin; jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas il-frammentazzjoni, u jissaħħu u jiġu promossi skemi ta’ appoġġ finanzjarju għall-SMEs, sabiex ikun żgurat ġbir flimkien u koordinazzjoni ta’ riżorsi akbar f'livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza li l-kompetittività tista' wkoll tiżdied jekk l-investimenti u l-għajnuna għall-SMEs ikunu adattati għad-diversità reġjonali;

111.  Huwa tal-fehma li l-objettiv ta' finanzjament tal-SMEs permezz tal-FEŻR hu li jagħti spinta lill-kompetittività fir-reġjuni kollha tal-Unjoni sabiex jintlaħaq żvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali f’konformità mal-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni;

112.  Jenfasizza li l-Fondi Strutturali, u partikolarment il-FEŻR, huma strument importanti li jappoġġa SMEs innovattivi billi jsaħħaħ il-kompetittività tagħhom u speċjalment l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom, u jenfasizza li l-eliġibbiltà għal dan l-appoġġ għandha, għalhekk, tiġi interpretata bl-aktar mod wiesa' possibbli; jistieden lir-reġjuni jagħmlu użu mill-opportunitajiet li r-regolamenti qed joffrulhom bħala appoġġ għall-programmi operattivi tagħhom;

113.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-inċentivi finanzjarji jkunu applikati biex jistimulaw il-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-SMEs;

114.  Jinnota li l-programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea jappoġġjaw in-networking, l-attivitajiet ta’ skambju ta’ għarfien u ta’ know-how bejn l-organizzazzjonijiet f’reġjuni differenti Ewropej u jistgħu jkunu strument utli għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ;

115.  Iqis li l-Fondi Strutturali, u partikolarment l-FSE, għandhom rwol importanti għall-akkwist tal-għarfien u tal-ħiliet, in-networking u l-iskambju ta’ prattiki tajba; jemmen li l-investimenti fil-kapital uman u l-proġetti ta’ kooperazzjoni jagħtu kontribut qawwi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs Ewropej;

116.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1] 1 ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.
  • [2]  Testi adottati, P7_ TA-PROV(2011)0057.
  • [3]  Testi adottati, P7_ TA-PROV(2011)0093.
  • [4]  Testi adottati, P7_ TA-PROV(2011)0235.
  • [5]  ‘L-Ewropa baqgħalha x’taqdef’ - Rapport dwar l-aħjar prattika fl-Istati Membri biex il-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi implimentata bil-mod l-inqas ta’ xkiel; mill-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi, 15 ta’ Novembru 2011
  • [6]  1 Il-Eurostat jikkalkula li n-numri totali ta’ persuni impjegati kibru minn 2.4 miljun fl-2000 u 3.0 miljun fl-2008 u huwa previst li jilħqu 3.4 miljun fl-2012 - (April 2012)
  • [7]  Kif issuġġerit mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Piż Amministrattiv

NOTA SPJEGATTIVA

INTRODUZZJONI

Fl-UE hemm madwar 23 miljun Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs) li jirrappreżentaw 99% tan-negozji.

B’kollox, l-SMEs jimpjegaw madwar 75 miljun persuna (70% tan-numru totali ta’ impjiegi fl-UE). Barra minn hekk, bejn l-2002 u l-2010 85% tal-impjiegi ġodda li nħolqu fl-UE ġew mill-SMEs. Din id-dejta turi l-impatt li l-SMEs għandhom fuq l-ekonomija tal-UE, u tenfasizza l-importanza li dawk li jfasslu l-politika jfittxu opportunitajiet biex jesplojtaw id-dinamiżmu fi ħdan is-settur għall-benefiċċju iktar wiesa’ tas-soċjetà tal-UE. Jekk l-UE tirnexxi fit-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs, u fl-istess ħin, tadotta miżuri li jkunu jistgħu jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi li l-SMEs jiltaqgħu magħhom biss, se jiġi żviluppat il-potenzjal tal-intraprendituri Ewropej u l-ekonomija tal-UE tmur lura għat-tkabbir.

L-Industrija għandha rwol ewlieni għall-ekonomija Ewropea. L-industrija tal-manifattura tiġġenera 25% tal-impjiegi fis-settur privat tal-Unjoni Ewropea u tammonta għal 80% tar-riċerka u l-iżvilupp privati.

Ir- Rapporteur jara d-dokumenti tal-Kummissjoni li fuqhom huwa bbażat dan ir-rapport, jiġifieri r-Rapport dwar l-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs u ż-żewġ Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, waħda dwar l-internazzjonaliżmu tal-SMEs u l-oħra dwar il-kompetittività Ewropea[1], bħala pass pożittiv u koerenti lejn l-irkupru mill-kriżi ekonomika tal-2008. L-INI se jinqasam fi tliet partijiet, kull waħda tirreferi għal waħda mill-proposti speċifiċi tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq.

IR-RINFURZAR TAL-KOMPETITTIVITÀ INDUSTRIJALI U TAL-SMEs

Il-fatt li, jekk l-UE trid tirkupra mill-kriżi, għandha ttejjeb il-kompetittività tad-ditti tal-UE tad-daqsijiet kollha huwa maqsum fil-parti l-kbira tiegħu bejn l-atturi kollha. Għal dan huwa meħtieġ ambjent li jiffavorixxi ideat ġodda u impriżi ġodda. Dan it-tip ta’ ambjent favorevoli għan-negozju mhuwiex żviluppat sew fl-Ewropa anke minħabba li politiki industrijali fl-Istati Membri jvarjaw b’mod sinifikanti minn wieħed għall-ieħor. Madankollu, ir-realtà hija li sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u tingħata spinta lill-ekonomija, kif mitlub mill-istrateġija Ewropa 2020, politiki industrijali koerenti u koordinati mill-Istati Membri kif ukoll bidliet strutturali profondi tas-sistema industrijali tal-UE huma essenzjali u meħtieġa.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ‘Industrial policy: reinforcing competitiveness’, li hija inizjattiva annwali ġdida li tħares b’mod speċifiku lejn il-kompetittività tal-Istati Membri u toħroġ b’xi ideat fuq x’jista’ jsir fil-livell tal-UE, timmira lejn l-identifikazzjoni taż-żoni meħtieġa biex isir progress sinifikanti lejn l-għanijiet Ewropa 2020. Dawn iż-żoni qed jiġu identifikati bħala: (1) tibdil strutturali fl-ekonomija; (2) il-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-industriji; (3) sostenibbiltà u effiċjenza tar-riżorsi; (4) ambjent ta’ intrapriża; (5) is-suq uniku; u (6) impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Ir-Rapporteur jilqa’ din il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni u jirrikonoxxi li l-importanza ċentrali tal-industrija tal-manifattura għal tkabbir u impjieg sostenibbli fl-Unjoni Ewropea hija rikonoxxuta, bħal fl-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll fil-komunikazzjoni dwar politika integrata tal-Industrija Ewropea. Ir-Rapporteur għandu l-istess approċċ ġenerali tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, iżda kien jippreferi li l-kunċett tal-prova tal-kompetittività kif ukoll l-evalwazzjoni ex-post tal-leġiżlazzjoni li taffettwa l-industrija kienu jiġu elaborati aħjar fid-dokument tal-Kummissjoni.

Fl-opinjoni tar-Rapporteur, l-UE għandha tinvesti fi programmi li l-għan tagħhom għandu jkun li jindirizzaw il-potenzjal intraprenditorjali ta’ ċittadini Ewropej bħala alternattiva reali għall-impjieg, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, in-nisa u l-migranti. Huwa biss permezz tat-tkabbir tal-kultura intraprenditorjali fl-UE, u l-attrazzjoni ta’ iktar persuni lejn id-dinja intraprenditorjali permezz ta’ programmi ad hoc, inċentivi, bħal skemi ta’ tassazzjoni favorevoli għall-SMEs u benefiċċji fiskali li l-persuni jistgħu jiġu megħjuna biex jegħlbu l-biża ta’ falliment u jagħmlu kuraġġ biex jibdew in-negozju tagħhom jew jespanduh. Il-konsegwenza naturali se tkun il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, iktar innovazzjoni, u tkabbir ekonomiku ogħla tal-intrapriżi kollha, sewwa jekk industrija, servizzi jew orjentati soċjalment. Dan hu dak li għandha bżonn l-Ewropa.

NEGOZJU ŻGĦIR - DINJA KBIRA

25% biss tal-SMEs tal-UE fl-Unjoni Ewropea kienu attivi internazzjonalment fi ħdan is-suq uniku filwaqt li 13% biss kienu attivi internazzjonalment barra mill-UE. Peress li l-UE teħtieġ li ssib sorsi ġodda ta’ tkabbir sabiex tipprovdi impjieg u benessri għaċ-ċittadini tal-UE għandha tinkoraġġixxi lill-SMEs biex jieħdu direzzjoni internazzjonali. L-opportunità għat-tkabbir tan-negozju fil-futur barra mill-UE u speċjalment fil-pajjiżi emerġenti l-ġodda hija għolja, għalkemm, minħabba fin-numru kbir ta’ ditti żgħar li huma marbuta man-negozju lokali, il-potenzjal mhux sodisfatt fi ħdan is-settur tal-SMEs tal-Ewropa li jieħdu direzzjoni internazzjonali m’għandux jiġi esaġerat.

Fost ir-raġunijiet għaliex ħafna SMEs ma jeħdux l-opportunità li jespandu lil hinn mill-ostakoli tal-UE, hemm l-ammont kbir ta’ ostakoli li jiltaqgħu magħhom l-SMEs meta jippruvaw jidħlu fis-suq globali. Regoli doganali kumplessi, regolamenti u standards tekniċi mhux ċari, nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni tas-suq, id-diffikultà fil-lokazzjoni ta’ klijienti possibbli u li jinstabu msieħba adattati huma biss xi eżempji ta’ dawn l-ostakoli.

Il-promozzjoni u l-appoġġ għall-attivitajiet ekonomiċi tal-SMEs barra mill-UE għalhekk huma parti importanti mill-istrateġija ġenerali tal-UE għall-kompetittività, kif deskritta fil-qosor fil-Komunikazzjoni ewlenija tal-Ewropa 2020 dwar Politika Industrijali Integrata, l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa rivedut. L-għan tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni huwa li tistabbilixxi strateġija ġdida li se tgħin biex jinħolqu l-kundizzjonijiet biex l-SMEs isiru involuti b’mod ugwali fi swieq barra mill-UE.

Ir-Rapporteur jaqbel mal-istruttura tal-istrateġija stabbilita fil-proposta tal-Kummissjoni u l-maġġoranza tal-azzjonijiet previsti fil-Komunikazzjoni, iżda huwa konvint li sabiex tkun iktar effettiva, il-Kummissjoni għandha tindirizza ż-żewġ dimensjonijiet ta’ internazzjonalizzazzjoni, jiġifieri l-esportazzjoni u l-importazzjoni, filwaqt li din it-tieni dimensjoni mhijiex ssottolinjata biżżejjed fid-dokument tal-Kummissjoni.

B’mod partikolari, ir-Rapporteur huwa favur it-tkabbir tal-ambitu u l-użu tan-Netwerk Ewropea għall-Intrapriżi (EEN) u t-tnedija tal-portal multilingwi onlajn li għandu jipprovdi informazzjoni speċifika dwar swieq ta’ prijorità flimkien ma’ dettalji tad-diversi servizzi ta’ appoġġ disponibbli. It-tħassib ewlieni tiegħu, madankollu, huwa li jaċċerta ruħu li l-istrumenti disponibbli fil-livell tal-UE u dak nazzjonali jiġu kkordinati u li ma jkun hemm l-ebda dupplikazzjoni. F’dan il-mument partikolari, fil-fatt, huwa importanti li jiġi razzjonalizzat l-infiq ta’ riżorsi pubbliċi.

F’dan il-kuntest, jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jsir ‘eżerċiżżju ta’ mmappjar’ tan-numru kbir ta’ skemi ta’ appoġġ lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej. Fl-istess ħin, ir-Rapporteur jemmen li l-eżerċizzju se jkun effettiv biss jekk jivvaluta l-effikaċja tal-iskemi eżistenti ta’ appoġġ u mhux biss janalizza liema huma dawn l-iskemi.

Informazzjoni lill-SMEs u s-sinerġiji bejn l-SMEs huma żewġ elementi importanti tal-istrateġija li għandhom jibqgħu jiġu żviluppati jekk l-UE tixtieq verament tagħti spinta lill-preżenza ta’ SMEs Ewropej fis-suq globali. Għal din ir-raġuni, jappoġġja l-idea li jiġu rinfurzati l-forom ta’ kooperazzjoni u ta’ sħubiji eżistenti u jinħolqu oħrajn ġodda bejn l-SMEs u msieħba oħrajn.

Ir-Rapporteur jixtieq li l-Kummissjoni tkompli u ssaħħaħ programmi bħal ‘Erasmus għal Intraprendituri Żgħażagħ’ u li tistudja l-possibbiltà li jinħoloq programm ġdid li jagħti l-possibbiltà lill-intraprendituri b’talent biex jiksbu l-esperjenza f’ċentri ta’ eċċellenzi barra mill-UE.

PIŻIJIET AMMINISTRATTIVI

Fl-2007 il-Kummissjoni wettqet azzjoni importanti ta’ simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE immirata lejn it-tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi ta’ negozji b’25% sal-2012. Dan l-eżerċizzju kellu suċċess kbir minħabba li t-tnaqqis attwali tal-piżijiet immirati kien ugwali għal 33%, ħafna iktar mill-objettiv ta’ 25%.

Fl-2011, wara proposta mill-President Barroso, milqugħa mill-Kunsill tal-Ewropa f’Ġunju 2011, il-Kummissjoni bdiet skrining ġdid tal- acquis leġiżlattiv tal-UE biex jiġi implimentat il-prinċipju ‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ u biex jiġu identifikati iktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-piż possibbli għall-SMEs, b’mod partikolari mikrointrapriżi. F’dan il-kuntest, ir-Rapporteur iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħroġ b’mira tat-tnaqqis ġdida u ambizzjuża.

Ir-Rapporteur jenfasizza l-importanza tal-prinċipju ‘aħseb l-ewwel fiż-żgħir’ u l-ħtieġa li jiġu stipulati azzjonijiet konkreti biex jiġu mminimizzati l-piżijiet regolatorji fuq l-SMEs, b’mod partikolari għal mikrointrapriżi. Fir-rigward ta’ din l-aħħar kategorija ta’ intrapriżi, jissuġġerixxi li tinħoloq dimensjoni speċjali għalihom bħala parti inerenti tat-test tal-SMEs. L-approċċ ta’ eżenzjoni ġenerali b’kontumaċja ma jitqiesx bħala xieraq. B’mod aktar ġenerali, ir-Rapporteur jemmen li r-riżultati tal-evalwazzjoni attwali tad-definizzjoni tal-SME m’għandhomx iwasslu għal tibdil kbir fid-definizzjoni (b’mod partikolari mhux f’dak li jikkonċerna l-limitu tal-impjieg). Kull modifika tista’ twassal għaż-żieda fil-flessibbiltà u l-mitigazzjoni ta’ diżinċentivi għat-tkabbir. Barra minn hekk, it-test tal-SMEs, li fih innifsu jirrappreżenta idea ġdida, fir-realtà mhuwiex effettiv peress li ma jiġix applikat b’mod konsistenti mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ftit Stati Membri biss integrawh fil-proċess nazzjonali tat-tfassil tad-deċiżjonijiet tagħhom. Għal din ir-raġuni, ir-Rapporteur jemmen li għandhom jiġu introdotti rekwiżiti minimi għall-applikazzjoni sistematika ta’ testijiet tal-SME fil-livell nazzjonali.

KONKLUŻJONI

It-tliet dokumenti tal-Kummissjoni jirrappreżentaw pass importanti lejn politika Ewropea tal-SME iktar koerenti u koordinata. Fil-fatt, huma jindirizzaw problemi differenti li jimpedixxu lill-SMEs milli jużaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħti kontribuzzjonijiet (inputs) lill-Istati Membri u għandu jkollha r-rwol ta’ ‘koordinatur Ewropew’. Ir-Rapporteur huwa konvint li d-direzzjoni magħżula għall-passi fil-futur mill-Kummissjoni hija t-tajba, iżda jittama li l-implimentazzjoni tal-istrateġiji l-ġodda ssir malajr kemm jista’ jkun. L-irkupru tal-ekonomija Ewropea, fil-fatt, huwa bil-mod wisq u l-SMEs jeħtieġu li l-UE taġixxi b’mod iktar mgħaġġel.

  • [1]  Komunikazzjoni dwar ‘Industrial policy: Reinforcing competitiveness’
    Komunikazzjoni dwar ‘Negozju Żgħir, Dinja Kbira - sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali’
    Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew ‘L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs. L-adattament tar-Regolamentazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet tal-mikrointrapriżi’

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (21.6.2012)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet tan-negozju
2012/2042(INI)

Rapporteur għal opinjoni (*): Iuliu Winkler

(*) Proċedura ma’ kumitati assoċjati – Regola 50 tar-Regoli ta’ Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li 13% tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) biss fl-UE huma involuti f’kummerċ u investiment ma’ pajjiżi mhux fl-UE; jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni, kif hi ppreżentata fil-Komunikazzjoni ‘Negozju Żgħir, Dinja Kbira’, biex tippromwovi l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs skont l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (2008);

2.  Jenfasizza li l-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs) Ewropej jinsabu partikolarment affetwati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija;

3.  Ifakkar li, aktar milli n-negozji l-kbar, l-SMEs jibbenefikaw mill-internazzjonalizzazzjoni billi jiġu esposti għall-aħjar prattiki, ikollhom assorbiment aħjar ta’ produzzjoni żejda, ikollhom provvista mtejba ta’ prodotti permezz ta’ importazzjonijiet u għaldaqstant kompetittività aħjar, tant li l-SMEs li jesportaw konsistentement imorru aħjar minn negozji li ma jesportawx u jwasslu għal vantaġġi akbar f'termini ta’ benessri, kemm għall-ekonomija inġenerali kif ukoll għall-konsumaturi;

4.  Jiċħad il-konvinzjoni li l-protezzjoni tal-SMEs fl-UE minn kompetizzjoni internazzjonali tista’ tgħinhom jikbru u jmorru aħjar fil-livell internazzjonali; jemmen minflok li l-UE għandha tappoġġja aġenda pożittiva li tibbenefika l-SMEs tagħha fin-negozjati internazzjonali sabiex jitnaqqsu l-ostakoli fuq bażi reċiproka fl-interessi tal-SMEs fid-dinja;

5.  Iqis li l-protezzjoni effettiva tal-SMEs minn prattiki kummerċjali inġusti ta' stati sħab tal-UE hija importanti daqskemm huwa importanti li l-SMEs jiġu megħjuna jinternazzjonalizzaw; jikkunsidra l-internazzjonalizzazzjoni u l-protezzjoni bħala ż-żewġ uċuħ tal-istess munita fil-proċess ta’ globalizzazzjoni;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-SMEs isiru sidien konġunti fir-reviżjoni tal-qafas ta’ appoġġ eżistenti; jistieden lill-SMEs, flimkien man-Netwerk Ewropa għall-Intrapriża u l-organizzazzjonijiet tan-negozju Ewropej, ikunu involuti mill-qrib fl-implimentazzjoni ta' din ir-reviżjoni;

7.  Jilqa’ l-elenkar propost għall-istrutturi u l-programmi tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jipprovdu servizzi li jappoġġjaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs; jesprimi t-tama tiegħu li din l-inizjattiva tant mistennija tkun segwita minn azzjonijiet sabiex jiġi żgurat li jkun hemm approċċ armonizzat li jkun konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà, effettività u effiċjenza sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni aktar razzjonali tax-xogħol bejn l-atturi pubbliċi u jiġi evitat il-ħolqien ta’ aktar burokrazija żejda; jinsisti li kull inizjattiva tal-UE trid turi li tipprovdi valur miżjud ċar;

8.  Jappella biex l-appoġġ lill-SMEs ikun imfassal apposta biex iwieġeb għad-domanda u l-ħtiġijiet partikulari ta' kull kumpanija, peress li l-SMEs għandom varjetà wiesgħa ta' profili u ħtiġijiet ta' negozju li jirriflettu d-daqs rispettiv tagħhom, is-setturi industrijali, l-oqsma ta' attività u l-inħawi ġeografiċi; jipproponi, għaldaqstant, li jitwaqqaf netwerk li jgħaqqad lill-SMEs u l-intrapriżi kbar Ewropej sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għarfien espert u mill-kapaċità ta’ esportazzjoni u ta’ innovazzjoni ta' dawn il-kumpaniji;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa, waqt il-proċess ta' mmappjar, sa liema punt ġew effettivament implimentati r-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar dwar is-simplifikazzjoni amministrattiva; jistieden lill-Kummissjoni, sussegwentement, tressaq proposta li tiffissa impenji vinkolanti għall-Istati Membri sabiex jissimplifikaw il-proċeduri nazzjonali kollha u sabiex ineħħu kull forma ta' burokrazija li tikkonċerna politiki li jappoġġjaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs; jitlob lill-Kummissjoni tħares aħjar lil dawn tal-aħħar kontra prattiki ta' kompetizzjoni inġusti fis-swieq terzi u sabiex jagħmlu dan f'kooperazzjoni mill-qrib ma' assoċjazzjonijiet Ewropej tan-negozji żgħar, mal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija u ma' partijiet interessati rilevanti oħrajn; jagħraf li din il-proposta għandha ssir fir-rispett sħiħ tal-kompetenzi tal-Istati Membri, partikolarment fil-qasam tal-miżuri ta' appoġġ individwali lill-kumpaniji;

10. Jemmen li portal tal-informazzjoni onlajn akbar, u għarfien aħjar dwar l-iskemi ta' appoġġ iżidu sostanzjalment in-numru ta' SMEs fl-UE li jinvolvu ruħhom internazzjonalment speċjalment jekk dawn ikunu jinkludu strateġija li timmira dawk l-SMEs li għadhom ma rrikonoxxewx il-potenzjal li għandhom biex jagħmlu dan;

11. Iqis li, għalkemm il-Kummissjoni tipprova tindirizza d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs sabiex jidentifikaw opportunitajiet ta' negozju barra mill-pajjiż, hija ma tenfasizzax biżżejjed li l-għoti ta' gwida, suġġerimenti u inċentivi lill-SMEs sabiex jinternazzjonalizzaw huwa triq xierqa tal-azzjoni pubblika; jemmen li l-UE, għal darb'oħra flimkien mal-Istati Membri, għandha tappoġġja u tippromwovi inċentivi biex tiżviluppa l-SMEs f'setturi strateġiċi b'manjiera proattiva billi jżid il-valur lill-inizjattivi diġà eżistenti, speċjalment meta hemm ikkonċernati attivitajiet ta' manifattura b'valur miżjud għoli u teknoloġikament avvanzati li joffru vantaġġ kompetittiv fuq l-ekonomiji emerġenti; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li jiġu identifikati swieq speċjalizzati promettenti, ħtieġa li diġà bdiet tiġi integrata f’dokumenti oħrajn tal-politika tal-UE bħar-rapport tal-grupp ta’ livell għoli dwar Teknoloġiji Ewlenija ta’ Appoġġ;

12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw netwerk uniku ta' helpdesks għall-esportazzjonijiet fil-livell lokali u reġjonali, li jitmexxew f'kooperazzjoni mal-intrapriżi, mal-kmamar tal-kummerċ, universitajiet u partijiet interessati oħrajn, sabiex l-SMEs ikun jista' jkollhom persuna ta' kuntatt waħda li tkun faċilment identifikabbli u jirċievu, fil-lingwa tagħhom u għall-użu immedjat, parir personalizzat u analiżijiet ekonomiċi tas-swieq barranin, informazzjoni dwar għajnuna, opportunitajiet ta' esportazzjoni, ostakoli eżistenti għall-kummerċ (kemm tariffarji kif ukoll mhux tariffarji), protezzjoni tal-investiment u dispożizzjonijiet fis-seħħ għas-soluzzjoni tat-tilwimiet, formalitajiet amministrattivi u kompetituri fis-swieq terzi; jemmen li dawn il-helpdesks għandhom jikkontribwixxu għall-iskambju tal-aħjar prattiki, skont il-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar;

13. Jirrakkomanda li tingħata aktar informazzjoni lill-intrapriżi żgħar u mikro, li huma l-grupp tal-SMEs li hu l-anqas attiv internazzjonalment u l-anqas konxju mill-potenzjal tiegħu għall-esportazzjoni u mill-benefiċċji li jista' jgawdi mill-internazzjonalizzazzjoni;

14. Jenfasizza li l-Komunikazzjoni missha rrikonoxxiet id-differenzi bejn is-setturi peress li l-internazzjonalizzazzjoni għall-SMEs li joffru servizz hija fundamentalment differenti mill-internazzjonalizzazzjoni għall-SMEs li jimmanifatturaw; jinnota li ħafna SMEs tas-servizzi, li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-SMEs, spiss m’għandhomx bżonn jilħqu daqs kritiku biex jibdew jesportaw u jibbenefikaw fuq kollox minn regolamenti aktar miftuħa u aċċess għall-ICTs fil-pajjiżi destinatarji, waqt li l-SMEs industrijali jibbenefikaw aktar minn kundizzjonijiet mtejba fil-loġistika tat-trasport u mill-iffaċilitar tan-negozju;

15. Jinnota li ħafna mill-politiki pubbliċi li jagħtu appoġġ lill-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs fl-UE huma ffokati fuq il-manifattura u għaldaqstant jirrakkomanda li jerġgħu jiġu aġġustati biex jikkunsidraw il-ħtiġijiet differenti tal-SMEs tas-servizzi; jirrakkomanda, b’mod partikolari, id-definizzjoni mill-ġdid tal-ħtiġijiet ta’ daqs minimu għal programmi li jappoġġjaw in-negozju tal-SME, li ġeneralment kienu bbażati fuq il-mudell tal-esportazzjoni tal-SMEs tal-industrija, li fih l-intrapriża tista' tespandi internazzjonalment wara li tilħaq daqs kritiku;

16. Jinsisti li l-għodod attwalment disponibbli għall-kumpaniji kollha tal-UE meta jesportaw, bħall-Bażi ta' Dejta għall-Aċċess fis-Suq u l-Helpdesk għall-Esportazzjoni, għandhom ikunu adattati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-SMEs; japprezza l-ftuħ ta' helpdesk iddedikat għall-SMEs għal kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' strumenti għad-difiża tal-kummerċ (il-helpdesk TDI tal-SMEs); jirrakkomanda li jkun hemm koordinazzjoni akbar bejn id-diversi strutturi ta’ appoġġ tal-SMEs Ewropej fil-pajjiżi terzi;

17. Iqis li s-soluzzjonijiet prattiċi u kosteffettivi li jgħinu lill-SMEs jegħlbu n-nuqqas ta' kapital imħaddem, speċjalment il-kapital biex isir l-investiment inizjali meħtieġ u sabiex tibda tiġi ffinanzjata l-esportazzjoni, għandhom ikunu mfassla u implimentati permezz tal-politika kummerċjali komuni tal-UE jew strument ieħor xieraq tal-UE, jekk l-immappjar jirriżulta li huwa meħtieġ u fattibbli;

18. Jemmen li filwaqt li jsir użu effettiv tal-istrutturi nazzjonali eżistenti, l-inizjattivi tal-UE huma meħtieġa fis-swieq terzi fejn jiġi muri li jkun hemm valur miżjud; jinkoraġixxi l-kooperazzjoni fost l-esperti kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi t-Tims għall-Aċċess tas-Suq tal-UE; jemmen li l-SMEs minn uħud mill-Istati Membri iżgħar u aktar ġodda qegħdin fi żvantaġġ minħabba li dawn jistgħu ikunu neqsin jew minn rappreżentazzjoni diplomatika, minn imsieħba ta' esperjenza jew mit-tnejn f'ċerti swieq terzi; jenfasizza, madankollu, li l-inizjattivi tal-UE m'għandhomx jinterferixxu fil-kompetizzjoni bejn kumpaniji individwali minn Stati Membri differenti fi swieq terzi;

19. Jenfasizza li l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs hija proċess u sabiex ikollhom suċċess, l-SMEs diġà jeħtieġu servizzi ta’ appoġġ fil-livell lokali u mhux biss fi swieq terzi; jirrikonoxxi li fi swieq terzi, sforzi komuni tal-UE dwar lobbying, il-politika kummerċjali u l-aċċess għas-suq, kif ukoll programmi kumplimentari biex jindirizzaw in-nuqqasijiet fis-suq, jistgħu jżidu valur sostanzjali f’dan il-proċess;

20. Jirrakkomanda li ċ-Ċentri eżistenti tal-UE għall-SMEs għandhom jiżdiedu biss jekk jitqiesu l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-effettività taċ-Ċentri eżistenti u l-prinċipli ġenerali ta' gwida; jinnota li dawn iċ-Ċentri jiffunzjonaw aħjar jekk ikunu kkombinati ma' helpdesks konġunti maħsuba għall-ħtiġijiet tal-SMEs tal-UE u bħala one-stop-shops b'punti ta' kuntatt uniċi għalihom fil-pajjiżi terzi; iqis li l-inizjattivi tal-UE għandhom ikunu ffukati fuq oqsma fejn l-SMEs jistgħu fil-fatt joperaw;

21. Jappella għal definizzjoni aktar ċara ta’ swieq ta’ prijorità għall-SMEs fuq il-bażi tal-aġenda għan-negozjati tal-kummerċ fl-UE; ifakkar li s-swieq ta’ prijorità għandhom bla dubju ta’ xejn jinkludu swieq b’rata għolja ta’ tkabbir bħall-BRICs iżda jikkunsidraw ukoll il-perċezzjoni tal-SMEs dwar opportunitajiet għall-internazzjonalizzazzjoni fil-pajjiżi żviluppati u fir-reġjuni ġirien; għaldaqstant jara t-tkabbir ta’ swieq ospitanti u l-vojt fl-istrutturi ta’ appoġġ eżistenti bħala l-kriterji ewlenin biex titfassal il-lista ta' swieq ta’ prijorità; jirrakkomanda li għadd ta' pajjiżi ġirien tal-UE, speċjalment dawk fil-Balkani tal-Punent u fl-inħawi tal-Mediterran jew dawk li għandhom fruntieri mal-UE, għandhom jiżdiedu mal-lista, peress li l-biċċa l-kbira tal-SMEs għall-ewwel jesportaw lil sħab kummerċjali fil-pajjiżi ġirien, u billi l-kummerċ tal-UE ma' dawk il-pajjiżi għandu rwol kbir fit-tkabbir u l-istabilità ta' dawn il-pajjiżi;

22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tassigura li l-ħtiġijiet u l-interessi speċifiċi tal-SMEs ikunu riflessi fin-negozjati tal-kummerċ kollha; josserva li din għandha timplika li jkunu identifikati l-oqsma ta’ negozjati fejn il-problemi jaffettwaw aktar SMEs milli kategoriji oħra ta’ negozji, u li tingħata attenzjoni għalihom fil-proċess ta’ negozjati ta’ ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi; jappoġġja riforma tal-qafas multilaterali għall-involviment tal-SMEs fid-WTO u għall-assigurazzjoni ta’ sistema ta' arbitraġġ u soluzzjoni tat-tilwim b'mod aktar mgħaġġel għall-SMEs;

23. Jenfasizza li l-investiment barra l-pajjiż huwa l-iżjed forma impenjattiva ta’ internazzjonalizzazzjoni għall-SMEs; jirrakkomanda li, meta fil-futur l-UE tiġi biex tinnegozja trattati ta’ investiment bilaterali, il-ħtieġa tal-SMEs għal sikurezza akbar fl-investimenti diretti barranin tagħhom għandha titqies;

24. Iqis li aċċess tal-SMEs li jkun aħjar, aktar rapidu u li jiswa' anqas, għall-proċeduri antidumping, bħala fundamentali biex huma jitħarsu minn prattiki kummerċjali inġusti ta' sħab kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni tqis kif xieraq dan it-tħassib meta tkun qed tirriforma l-Istrumenti għad-Difiża tan-Negozju tal-UE;

25. Jenfasizza n-nuqqas ta' riżorsi għad-dispożizzjoni tal-SMEs sabiex jiġġieldu l-ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (IPR) li jikkonċernahom fis-swieq terzi; jappella biex jittieħdu inizjattivi konkreti min-naħa tal-UE biex tittejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-SMEs f’dawn il-pajjiżi terzi, kif inkiseb bil-helpdesk tal-IPR tal-SMEs fiċ-Ċina; josserva li dan il-mudell ta' helpdesk bħalissa qed jiġi estiż, f'inizjattiva pilota, għal xi pajjiżi tal-ASEAN u tal-Amerika t'Isfel; jenfasizza l-ħtieġa li titwettaq evalwazzjoni xierqa tal-helpdesks eżistenti, bil-ħsieb li l-funzjonament tal-mudell jiġi ottimizzat qabel ma dan jiġi estiż aktar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, ladarba jittieħdu l-lezzjonijiet minn din l-evalwazzjoni, tadotta helpdesks simili fis-swieq prijoritarji fejn l-IPR huma kwistjoni importanti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni doganali fl-UE u mal-pajjiżi terzi, dwar is-sekwestru ta' prodotti ffalsifikati, u jissemplifikaw il-proċeduri doganali;

26. Jistenna li l-Kummissjoni tieħu inizjattiva biex tiżgura li l-SMEs tal-UE igawdu minn aċċess għall-akkwist pubbliku fis-swieq terzi fuq livell ekwu ma' kumpaniji oħrajn; jittama li l-proposta għal regolament ippubblikata riċentement dwar is-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE trawwem reċiproċità fil-ftuħ li jkun ta' benefiċċju għall-SMEs tal-UE; jitlob sabiex l-UE tiżviluppa politika industrijali konġunta u ambizzjuża bbażata fuq l-istimolu għar-riċerka u l-innovazzjoni, li tkun tibbenefika minn finanzjamenti innovattivi bħal bonds tal-proġetti (‘project bonds’) u tkun tappoġġja l-iżvilupp tal-SMEs, b’mod partikolari l-aċċess għas-swieq pubbliċi, sabiex tibqa’ kompettitiva fost atturi ġodda maġġuri tal-industrija u tar-riċerka; jistieden lill-UE tivalorizza l-produzzjoni Ewropea billi tipprovdi informazzjoni ta’ kwalità aħjar lill-konsumaturi, speċjalment permezz tal-adozzjoni tar-Regolament tal-“Immarkar tal-Oriġini” dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti impurtati fl-UE; 27. Iqis li l-akkwist pubbliku huwa strument effettiv ta’ politika pubblika, speċjalment fil-livelli subnazzjonali, li jappoġġja l-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni teknika tal-SMEs u li jipprovdi għat-tkabbir tagħhom sad-daqs meħtieġ biex jibdew il-proċess ta’ internazzjonalizzazzjoni; 28. Ifakkar li l-kooperazzjoni internazzjonali dwar regolamenti u standards hija ta’ benefiċċju kbir għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs billi titneħħa parti mill-ispejjeż ta’ qabel li dawn l-intrapriżi jridu jħallsu sabiex ibiegħu prodotti jew servizzi fi swieq terzi;

29. Japprezza l-inizjattivi biex jitrawmu l-kuntatti bejn in-negozji previsti fil-ftehimiet bilaterali ta' kummerċ ħieles; ifakkar li l-isfidi tas-sejbien u l-kuntatt ta’ klijenti potenzjali barra l-pajjiż, u tal-istabbiliment ta’ katini ta' provvista affidabbli, huma ta' problema kbira għall-SMEs li jixtiequ jidħlu fis-swieq tal-esportazzjoni u b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u l-intrapriżi mikro jserrħu fuq intermedjarji biex ibiegħu l-prodotti barra l-pajjiż.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.6.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, John Attard-Montalto, Maria Badia i Cutchet, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Marielle de Sarnez, Harlem Désir, Yannick Jadot, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Gianluca Susta, Iuliu Winkler, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, George Sabin Cutaş, Syed Kamall, Maria Eleni Koppa, Elisabeth Köstinger, Marietje Schaake, Konrad Szymański, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Philip Claeys, Marielle Gallo

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (22.6.2012)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-Impriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali
(2012/2042(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Filiz Hakaeva Hyusmenova

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titlu ‘Industrial policy: Reinforcing competitiveness’ (Il-politika industrijali: it-tisħiħ tal-kompetittività) (COM(2011)0642), kif ukoll id-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar ‘il-protezzjoni tal-kompettitività’;

2.  Jirrimarka li l-Impriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs) għandhom rwol kruċjali x’jaqdu bl-iskop li jintlaħqu l-għanijiet tal-UE 2020 billi jsaħħu t-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali u territorjali; jenfasizza li l-kriżi ekonomika u fiskali kellha impatt drammatiku fuq il-pożizzjoni u l-perspettivi ta' ħafna SMEs, u għalhekk hemm ħtieġa urġenti biex jiġu ssimplifikati r-regoli fuq livell nazzjonali u Ewropew sabiex ikun hemm aċċess aħjar għall-iffinanzjar, partikolarment fil-każ tal-SMEs li għadhom kif bdew joperaw, jew li twaqqfu minn gruppi vulnerabbli bħaż-żgħażagħ jew nisa jew jimpjegaw dawn it-tipi ta' persuni; jinnota li l-politika ta' koeżjoni hi partikolarment utli biex taffronta b'mod effiċjenti kwistjonijiet fejn l-istati jeħtiġilhom jindirizzaw il-bidla teknoloġika sabiex isaħħu l-kompetittività;

3.  Jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li jagħti appoġġ għal tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli li tiddependi anqas mill-karbonju, bl-għan li dan isaħħaħ il-kompetittività fuq perjodu twil ta’ żmien; jenfasizza l-kontribut mogħti mill-politika ta’ koeżjoni f’dan il-qasam;

4.  Jappoġġja l-pjanijiet tal-Kummissjoni għall-iżvilupp tal-ekonomija soċjali, filwaqt li jqis ir-rwol sinifikanti li attwalment għandha fl-ekonomija tal-UE; ifakkar, f’dan ir-rigward, fil-kontribuzzjonijiet mogħtija mill-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali;

5.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew sabiex jippreserva l-baġit tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, peress li l-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni huma fost l-istrumenti l-iktar effettivi tal-UE għall-ħolqien tat-tkabbir u tal-impjiegi, biex tiżdied il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u jingħata appoġġ lill-SMEs;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-kompetittività tat-tipi differenti ta’ SMEs u jindirizzaw il-ħtiġijiet partikolari tagħhom permezz ta’ miżuri speċifiċi adattati għalihom; jenfasizza l-kontribuzzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni għall-iżvilupp u t-titjib fit-trasport, l-enerġija, l-infrastruttura ambjentali u tal-broadband u għalhekk għall-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-kummerċ li jinkoraġġixxi l-investimenti u jsaħħaħ il-kompetittività; jenfasizza l-ħtieġa tal-promozzjoni tal-intraprenditorija u ż-żieda fl-appoġġ mogħti lill-SMEs, filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tagħhom fit-tisħiħ tal-kompetittività ekonomika;

7.  Jemmen li l-kompetittività fuq perjodu twil ta' żmien tal-SMEs Ewropej teħtieġ approċċ abbażi ta’ ekonomija sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiżdied l-appoġġ għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni; jenfasizza r-rwol tal-Fondi Strutturali fl-appoġġ għall-innovazzjoni teknoloġika, organizzattiva u industrijali; jinnota l-komplimentarjetà meħtieġa bejn il-programm Orizzont 2020 u r-rwol tal-politika ta’ koeżjoni fir-rigward tal-promozzjoni tal-kompetittività tal-SMEs u l-kontribut tagħhom għall-objettiv tat-tkabbir intelliġenti;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-koordinament aħjar u sinerġija bejn politiki differenti Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali u strumenti li jindirizzaw direttament lill-SMEs; jindika li l-inizjattivi eżistenti u l-istrumenti finanzjarji għas-sostenn tal-SMEs għandhom ikunu indirizzati b'mod iktar koerenti, u għandhom jikkomplementaw lil xulxin; jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas il-frammentazzjoni, u jissaħħu u jiġu promossi skemi ta’ appoġġ finanzjarju għall-SMEs, sabiex ikun żgurat ġbir flimkien u koordinazzjoni ta’ riżorsi akbar f'livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza li l-kompetittività tista' wkoll tiżdied jekk l-investimenti u l-għajnuna għall-SMEs ikunu adattati għad-diversità reġjonali;

9.  Jitlob biex id-djalogu mal-Grupp tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Fond Ewropew għall-Investiment jissaħħaħ biex jesplora l-possibilità li jgħin biex itejjeb u jiffaċilita aċċess għall-finanzjament għall-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi appoġġ għall-ħolqien ta’ impriżi konġunti li jinvolvu SMEs minn reġjuni differenti tal-Istati Membri fil-programmi l-ġodda għall-kooperazzjoni territorjali;

10. Jenfasizza li l-potenzjal tal-istrumenti tal-inġinerija finanzjarja għandu jkompli jkun żviluppat aktar biex jippermetti l-iżvilupp ta’ proġetti strateġiċi kwalitattivi u l-parteċipazzjoni ta’ atturi privati − speċjalment SMEs − u ta’ kapital privat fi proġetti Ewropej; in-nuqqas attwali fl-użu tal-istrumenti tal-inġinerija finanzjarja minħabba l-kumplessità eċċessiva tagħhom iwassal sabiex id-dibattitu dwar il-governanza tagħhom isir urġenti ħafna;

11. Huwa tal-fehma li l-finanzjament tal-SMEs permezz tal-FEŻR għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività fir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea sabiex jintlaħaq żvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali f’konformità mal-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni;

12. Jitlob li l-ispeċifiċitajiet reġjonali jiġu kkunsidrati meta jitfasslu l-politiki, speċjalment għall-SMEs, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għar-reġjuni u t-territorji b'karatteristiċi territorjali ġeodemografiċi speċjali, bħal reġjuni l-aktar imbiegħda, gżejjer, reġjuni muntanjużi u b'popolazzjoni żgħira, kif ukoll reġjuni affettwati minn xi bidla strutturali unika u profonda fejn restrizzjonijiet ġeografiċi u strutturali, kif ukoll impatt qawwi tal-kriżi ekonomika, qed ifixxklu serjament il-kompetittività u l-isforzi biex jiġu promossi l-impjiegi; jenfasizza wkoll l-importanza, f’dawn ir-reġjuni, li jingħata appoġġ għal azzjonijiet konġunti li jitmexxew minn ċentri u impriżi ta’ taħriġ għall-iżvilupp tal-intraprenditorija;

13. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ mill-benefiċċji offruti mill-governanza elettronika, biex jintroduċu soluzzjonijiet elettroniċi ta' governanza u biex jaħdmu għall-ħolqien ta’ punti uniċi ta’ kuntatt għal informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ fondi għall-SMEs sabiex ikun aktar faċli biex dawn ikollhom aċċess għal dawn il-finanzi;

14. Jenfasizza li l-Fondi Strutturali − permezz tal-Istrumenti Finanzjarji − għandhom ikomplu jipprovdu finanzjament lill-SMEs permezz ta’ ekwità, garanziji u self sussudjat, u jenfasizza li proċeduri amministrattivi kumplessi, speċjalment fuq livell nazzjonali, għandhom ikunu simplifikati, u għandhom ikunu evitati differenzi sinifikanti fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet minn awtoritajiet amministrattivi u korpi intermedji, rispettivament;

15. Jenfasizza li l-Fondi Strutturali, u partikolarment il-FEŻR, huma strument importanti li jappoġġa SMEs innovattivi billi jsaħħaħ il-kompetittività tagħhom u speċjalment l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom, u jenfasizza li l-eliġibbiltà għal dan l-appoġġ għandha, għalhekk, tiġi interpretata bl-aktar mod wiesa' possibbli; jistieden lir-reġjuni jagħmlu użu mill-opportunitajiet li r-regolamenti qed joffrulhom bħala appoġġ għall-programmi operattivi tagħhom;

16. Jenfasizza l-ħtieġa li l-inċentivi finanzjarji jkunu applikati biex jistimulaw il-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-SMEs;

17. Jenfasizza li, f’termini ta’ għajnuna lill-SMEs, l-implimentazzjoni effikaċi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi ħafna fuq kif din tiġi maħsuba, u li għalhekk huwa kruċjali li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fi stadju bikri fit-tiswir u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

18. Jistieden lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, biex tiċċara l-iskemi ta’ għajnuna tal-istat, li qed jitwettqu bħala parti mill-programmi ta’ kooperazzjoni;

19. Jistieden lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex jimplimentaw, fejn xieraq, politiki dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt li jkejlu piżijiet amministrattivi, u testijiet tal-SMEs, kif ukoll biex tkun implimentata b'mod strett id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali, sabiex tiġi garantita l-effikaċja ġenerali tal-politiki u biex ikunu evitati impatti negattivi fuq SMEs; jenfasizza li għandu jkun hemm investimenti akbar fl-assistenza finanzjarja u t-taħriġ sabiex jinbnew il-kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali u t-tagħrif tagħhom dwar il-proċeduri eżistenti;

20. Jinnota li l-programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea jappoġġjaw in-networking, l-attivitajiet ta’ skambju ta’ għarfien u ta’ know-how bejn l-organizzazzjonijiet f’reġjuni differenti Ewropej u jistgħu jkunu strument utli għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ;

21. Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm lura milli temenda d-definizzjoni ta' SMEs, ħlief għal aġġustamenti li huma meħtieġa biex tiġi meqjusa l-inflazzjoni u fatturi ekonomiċi varjabbli oħra jew biex tintroduċi miżuri tranżizzjonali biex telimina ostakli potenzjali għat-tkabbir, sakemm dan it-tibdil ikun ta' benefiċċju għall-SMEs;

22. Iqis li l-Fondi Strutturali, u partikolarment l-FSE, għandhom rwol importanti għall-akkwist tal-għarfien u tal-ħiliet, in-networking u l-iskambju ta’ prattiki tajba; jemmen li l-investimenti fil-kapital uman u l-proġetti ta’ kooperazzjoni jagħtu kontribut qawwi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs Ewropej;

23. Jenfasizza l-importanza pruvata tal-għoti ta’ pariri lill-SMEs sabiex il-potenzjal u l-kapaċità tagħhom ta’ innovazzjoni jiġu sfruttati kif suppost, mhux l-anqas f’termini ta’ aċċess għas-swieq interni u ta’ pajjiżi terzi, u jappoġġja n-Network Ewropew għall-Intrapriżi (EEN);

24. Iqis, madankollu, li għandu jsir aktar sforz biex l-SMEs jiġu infurmati dwar l-eżistenza ta’ dan is-serivizz ta’ pariri;

25. Iqis li s-servizzi tan-Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi (EEN) għandhom jiffokaw fuq ir-rekwiżiti attwali tal-SMEs u jemmen, għalhekk, li l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs għandhom ikunu involuti aktar mill-qrib fil-ġestjoni tan-netwerk;

26. Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex tevita dupplikazzjoni, biex toħloq strutturi ġodda biss wara li tkun għamlet rieżami tal-fondi, inventarju tas-servizzi konsultattivi disponibbli fl-Istati Membri u analiżi xierqa tal-effikaċja tagħhom, kif ukoll kwalunkwe ħtieġa ppruvata għall-ħolqien ta’ strutturi ġodda;

27. Jinnota li attività ġdida bħal din tal-UE għandu jkollha valur miżjud ippruvat fuq l-istrumenti eżistenti; jemmen li tali valur miżjud jista’ jinsab fejn ikun hemm falliment tas-suq ġeografiku jew sostantiv (‘blank spots’) jew fejn rappreżentanza tal-interessi tal-politika kummerċjali tal-UE jew sforzi biex tinġabar informazzjoni għal bażi ta’ data għall-aċċess tas-suq, jeħtieġ li jkunu msaħħa;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.6.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Catherine Bearder, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, John Bufton, Alain Cadec, Salvatore Caronna, Nikos Chrysogelos, Ryszard Czarnecki, Francesco De Angelis, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Vladimír Maňka, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Markus Pieper, Monika Smolková, Ewald Stadler, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonello Antinoro, Cornelia Ernst, Pat the Cope Gallagher, Jens Geier, Lena Kolarska-Bobińska, James Nicholson, Ivari Padar, Vilja Savisaar-Toomast, Elisabeth Schroedter, Czesław Adam Siekierski, Patrice Tirolien

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (11.7.2012)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs): kompetittività u opportunitajiet għan-negozju
2012/2042(INI)

Rapporteur: Anthea McIntyre

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li l-SMEs huma ta' importanza kruċjali għall-ekonomija Ewropea bħala sors ta' impjieg u innovazzjoni; jirrimarka li 23 miljun SME jipprovdu madwar 90 miljun impjieg fis-settur privat tal-UE, bi 30% li jirriżulta mill-intrapriżi mikro, u li 85% tal-impjiegi kollha ġodda fl-UE bejn l-2002 u l-2012 inħolqu mill-SMEs, b'mod partikolari minn ditti ġodda[1]; huwa tal-fehma li l-SMEs għandhom potenzjal fil-promozzjoni u t-tixrid ta' sistema doppja ta' taħriġ vokazzjonali u skemi ta' apprendistat biex jgħinu liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol u b'hekk inaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

2.  Jirrikonoxxi li jekk l-Istati Membri għandhom jagħmlu tajjeb għall-miri ta' Ewropa innovattiva, intelliġenti u inklussiva fl-istrateġija UE 2020, hemm bżonn li jittieħed kont, u jiġi ffaċilitat il-ħolqien, ta' SMEs u intrapriżi mikro , peress li dawn għandhom potenzjal kbir biex joħolqu l-impjiegi, b'mod partikolari impjiegi għaż-żgħażagħ, u b'hekk biex inaqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jinnota li, li tkun impjegat indipendenti u t-twaqqif ta' negozji mikro tista' tkun għażla flessibbli, partikolarment għan-nisa;

3.  Jenfasizza li l-SMEs huma l-atturi ewlenin li jġibu flimkien l-objettivi ta' innovazzjoni u sostenibilità, iżda li jeħtieġu qafas regolatorju stabbli, fit-tul u ambizzjuż bħala prerekwiżit biex ikunu jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ta' impjieg offrut minn ekonomija sostenibbli; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefinixxu standards ambjentali u inċentivi finanazjarji fit-tul u, b'hekk, jistabbilixxu klima sikura għall-investiment;

4.  Jirrikonoxxi li l-SMEs għandhom rwol importanti biex jilħqu l-istabbiltà, il-koeżjoni u l-integrazzjoni soċjali, partikolarment f'żoni li jaffrontaw impatti negattivi fl-iżvilupp demografiku tagħhom; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-SMEs biex joħolqu klima tax-xogħol li tħeġġeġ lill-ħaddiema jkunu konformi mal-istandards tad-drittijiet tax-xogħol, il-ħarsien tal-ħaddiema u tas-saħħa, biex b’hekk ukoll jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-faqar u l-prosperità soċjali;

5.  Jenfasizza li, minkejja investimenti appoġġati mill-UE, għad hemm ostakoli serji għat-tniedija u l-iżvilupp tal-SMEs, bħall-aċċess ristrett għall-finanzi u s-self, nuqqas ta' trasparenza u ftuħ fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE f'xi Stati Membri , l-ispiża tal-finanzjament, ir-regolamenti ta' piż, aċċess ristrett għas swieq tal-esportazzjoni u l-kapaċità limitata biex jiġu żviluppati, il-perjodi għall-ħlas li fuq medja huma twal u n-nuqqas ta' ħiliet; jenfasizza li l-intraprendituri, speċjalment dawk nisa, ta' spiss ma jiġux offruti l-appoġġ li għandhom bżonn, u għalhekk jitlob lill-Istati Membri jadottaw politiki biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-kreditu għall-ħolqien u t-tkabbir tal-SMEs;

6.  Jenfasizza li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi ma għandux jirriżulta f'nuqqas ta' protezzjoni għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema; jirrikonoxxi madanakollu, li l-piżijiet amministrattivi u r-riskji finanzjarji jistgħu jirriżultaw fi stress u f’impatti oħra negattivi għas-saħħa tal-impjegati u s-sidien ta' SMEs u intrapriżi mikro; għalhekk, jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-miżuri kollha jkunu proporzjonali u ma joħolqux diżinċentivi għall-ħolqien u l-iżvilupp tal-SMEs u l-intrapriżi mikro;

7.  Jenfasizza l-importanza ta' diskussjonijiet mas-sħab soċjali matul l-ippjanar ta' miżuri nazzjonali immirati biex isaħħu u jippromwovu l-intraprenditorija żgħira u medja;

8.  Jilqa’ l-appoġġ għall-SMEs permezz ta’ inizjattivi bħall-PSCI, COSME u Orizzont 2020 li, fost benefiċċji oħra, se joħolqu opportunitajiet għall-impjegati fi ħdan is-settur tal-SMEs u tal-intrapriżi mikro biex jiżviluppaw il-ħiliet u l-bażi ta' għarfien tagħhom; jenfasizza li tali miżuri ma għandhomx joħolqu burokrazija addizzjonali, għandhom juru valur miżjud għall-UE u valur għall-flus, u għandhom jikkumplimentaw l-inizjattivi tal-Istati Membri;

9.  Jenfasizza li huwa meħtieġ li jiġu implimentati u applikati miżuri estensivi ta' simplifikazzjoni, inklużi metodi ta' rimborż simplifikati, sabiex l-SMEs jingħataw għajnuna biex jieħdu sehem fi programmi ffinanzjati mill-UE;

10. Jenfasizza li aċċess aktar faċli għall-mikrokreditu permezz tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament, u l-iżvilupp ulterjuri ta' dan l-istrument fil-kuntest tal-Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali għall-perjodu 2014-20 u l-futur tal-FSE, għandhom jitħeġġu, sabiex b'mod partikolari, il-fundaturi tal-intrapriżi mikro minn sezzjonijiet soċjalment żvantaġġati tal-popolazzjoni jistgħu jiksbu aċċess għal strumenti finanzjarji xierqa; f' dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tinkludi referenzi speċjali għall-kooperattivi fl-istrumenti finanzjarji amministrati mill-Fond Ewropew tal-Investiment;

11. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-SMEs sabiex jitħeġġeġ l-investiment fi proġetti innovattivi, fejn jinħoloq ambjent favorevoli għall-kooperazzjoni transkonfinali għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda sostenibbli; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-SMEs għandhom bżonn jadattaw b'mod kostanti għall-ħtiġijiet li dejjem qed jiżdiedu tas-suq intern, biex ikunu kompetittivi fix-xena internazzjonali u biex ikollhom aċċess iffaċilitat għal swieq ġodda, pajjiżi terzi, u l-akkwist pubbliku, partikolarment fil-pajjiżi emerġenti;

12. Jenfasizza l-prinċipju "L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir"; jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku fil-provvista ta' opportunitajiet għal SMEs biex ikollhom aċċessa għas-suq uniku u biex inaqqsu l-ispejjeż; jistieden lill-Kummissjoni tieħu wkoll passi biex tiżgura li ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ għall-SMEs jinkludi wkoll fil-ħidma tiegħu volontarju/mhux profitabbli;

13. Jinnota l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ispejjeż għall-SMEs f'kull mod possibbli, inkluż iż-żmien meħtieġ għall-proċeduri amministrattivi: permezz tal-iżviluppp ta' gvern elettroniku u one stop shops l-SMEs jistgħu jqattgħu anqas ħin fuq proċeduri amministrattivi u jiksbu opportunitajiet ġodda ta' negozju; jinnota li aċċess akbar għas-swieq tal-akkwist jista' jgħin lill-SMEs biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir, fejn jitħallew jiksbu l-miri tal-Ewropa 2020; jinnota li gvern elettroniku jista' jintuża biex jipprovdi aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi u r-reġimi tat-taxxa, kif ukoll informazzjoni dwar l-aċċess għal livelli differenti ta' finanzjament Ewropew, nazzjonali u reġjonali u skemi ta' appoġġ għal SMEs u intrapriżi mikro;

14. Jinnota li fejn jidħlu servizzi transkonfinali, il-one-stop shop jista' wkoll, flimkien mas-sħab soċjali, jipprovdi informazzjoni komprensiva dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-pajjiż ta' destinazzjoni li fih se jiġu fornuti s-servizzi;

15. Jinnota li n-nuqqas ta' infrastruttura xierqa fiż-żoni rurali, eż, l-aċċess għall-internet broadband, jippreżenta ostakolu serju għall-impjiegi u t-tkabbir, partikolarment għal SMEs, intrapriżi mikroi, għal dawk li jaħdmu għal rashom u "self-starters", tipi ta' impriżi li altrimenti jibbenifikaw minn postijiet 'il barra mill-ibliet u ż-żoni ta' kera għalja;

16. Jinnota li l-ispejjeż assoċjati mal-konformità jista' jkollhom effett sproporzjonat fuq l-SMEs, speċjalment fuq l-intrapriżi mikro, u li dawn l-ispejjeż jistgħu jippreżentaw ostakolu maġġuri għall-espansjoni ta' dawn in-negozji u l-kapaċità tagħhom li jimpjegaw il-persunal u jżommuhom impjegati magħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw dan meta jirrevedu r-reġimi tat-taxxa nazzjonali u tas-sigurtà soċjali tagħhom;

17. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu pprojbiti milli japplikaw standards ogħla fil-livell nazzjonali li jmorru lil hinn mill-istandards minimi miftiehma fi ħdan l-UE; jenfasizza li l-benefiċċji għall-ekonomija nazzjonali u l-ekonomija ġenerali għandhom jiġu peżati kontra l-ispejjeż involuti; jenfasizza b'mod partikolari li jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-ambjent ta' xogħol ta' kwalità għolja u l-impjiegi ta' kwalità għolja disponibbli fl-Ewropa għandhom tendenza jbaxxu l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa u jnaqqsu l-assenteiżmu kkaġunat minħabba korrimenti fuq il-post tax-xogħol, mard okkupazzjonali u invalidità, u li billi dawn iżidu l-produttività u t-tkabbir jistgħu wkoll ikollhom impatt fuq il-baġits nazzjonali u fuq is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali

18. Jitlob, fil-kuntest ta' verifiki tas-saħħa, għall-identifikazzjoni ta' żoni karatterizzati minn piżijiet eċċessivi, inkonsistenzi jew leġiżlazzjoni ineffettiva li għandhom impatt negattiv fuq l-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-ilħuq tal-objettivi tas-saħħa, is-sikurezza u l-ugwaljanza kif ukoll tad-dispożizzjonijiet soċjali

19. Jenfasizza li t-tnaqqis tal-piż amministrattiv ma għandux iwassal għal sitwazzjoni fejn l-istandards ILO u l-Aġenda tal-ILO dwar ix-Xogħol Deċenti ma jiġux implimentati kif sippost fl-SMEs u l-intrapriżi mikro;

20. Jinnota l-introduzzjoni ta' dimensjoni tal-intrapriżi mikro f'test tal-SMEs msaħħaħ (ara COM (2011) 0803) li permezz tiegħu l-possibilitajiet kollha disponibbli - bħall-esklużjoni mill-kamp ta' applikazzjoni ta' xi leġiżlazzjoni tal-UE ta' piż żejjed, dispożizzjonijiet individwali, perjodi ta' transizzjoni estiżi jew reġimi eħfef - huma sistematikament evalwati; jenfasizza li leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi u soċjali ġdida li tgħaddi mit-test imsaħħaħ tal-SMEs għandha tiġi applikata fl-anqas forma kkumplikata, li tiggarantixxi konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol filwaqt li l-piż amministrattiv jinżamm għall-minimu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-istandards stabbiliti minn tradizzjonijiet u drawwiet nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jqisu bir-reqqa l-objettiv maħsub ta' leġiżlazzjoni dwar l-impjieg, u l-impatt tal-introduzzjoni ta' rekwiżiti addizzjonali mhux espliċitament meħtieġa skont il-liġi tal-UE;

21. Jirrikonoxxi li l-internalizzazzjoni tal-SMEs tista' tikkontribwixxi għal aktar impjiegi fl-UE, u jenfasizza li l-internazzjonalizzazzjoni hija proċess u li, biex tkun ta' suċċess, jeħtieġ li l-SMEs ikollhom servizzi ta' appoġġ mhux biss fi swieq terzi, iżda wkoll fil-livell lokali; jirrimarka li l-ostakoli amministrattivi u burokratiċi għandhom ukoll jiġu evitati, u li l-inizjattivi kollha tal-UE għandhom ikunu konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u għandhom joffru benefiċċju addizzjonali ċar;

22. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom itejbu l-ambjent eżistenti għall-imprendituri ġodda, sabiex jintuża aħjar il-potenzjal għal impjiegi ġodda u sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ostakli amministrattivi għall-impriżi żgħar u medji meta jiġu impjegati ħaddiema minn Stati Membri oħra; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni minn punt ta’ kuntatt uniku, għall-imprendituri li jixtiequ jinvestu fi Stat Membru u joħolqu postijiet tax-xogħol fih, filwaqt li fl-istess ħin jżommu l-mudell soċjali Ewropew;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

10.7.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, David Casa, Ole Christensen, Minodora Cliveti, Marije Cornelissen, Emer Costello, Karima Delli, Sari Essayah, Marian Harkin, Roger Helmer, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Ádám Kósa, Jean Lambert, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Elisabeth Schroedter, Nicole Sinclaire, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Kinga Göncz, Svetoslav Hristov Malinov, Anthea McIntyre, Evelyn Regner

  • [1] 
    Il-Kummissjoni Ewropea (Intrapriża u Industrija): "Ir-rendiment u l-politika tal-kompetittività tal-Istati Membri: It-tisħiħ tal-kompetittività, edizzjoni 2011,
    (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea; "Il-Politika Industrijali: It-tisħiħ tal-Kompettività (COM(2011) 0642 finali), u
    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal: ""Ir-rendiment u l-politika tal-kompetittività tal-Istati Membri 2011" (SEC(2011) 1187)), sezzjoni 3.4.4: Sfidi li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs, p. 39.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.9.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

5

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Jean-Pierre Audy, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Jürgen Creutzmann, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Vicky Ford, Gaston Franco, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Béla Kovács, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Teresa Riera Madurell, Paul Rübig, Amalia Sartori, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Catherine Trautmann, Ioannis A. Tsoukalas, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

António Fernando Correia de Campos, Ioan Enciu, Satu Hassi, Roger Helmer, Jolanta Emilia Hibner, Ivailo Kalfin, Zofija Mazej Kukovič, Mario Pirillo, Vladimír Remek, Algirdas Saudargas, Hannu Takkula

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Morten Løkkegaard, Indrek Tarand