RAPPORT dwar ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp

11.10.2012 - (2012/2063(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Birgit Schnieber-Jastram

Proċedura : 2012/2063(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0302/2012
Testi mressqa :
A7-0302/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp

(2012/2063(INI))

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 35 tad-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: Il-Kunsens Ewropew[1],

–       wara li kkunsidra Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 21(2) tiegħu, li jistabbilixxi l-prinċipji u l-objettivi tal-UE fir-relazzjonijiet internazzjonali, u l-Artikolu 208(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika tal-1992 u l-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (il-Ftehim ta’ Cotonou),

–       wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (SEC(2011)1627),

–       wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "L-UE sieħba globali għall-iżvilupp – Ngħaġġlu l-progress lejn il-Miri għall-Iżvilupp għall-Millennju" (SEC(2008)0434),

–       wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp, Programm ta’ Ħidma 2010-2013 (SEC(2010)0421),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu 'Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp – L-Istabbiliment ta’ qafas ta’ politika għall-approċċ uniku tal-Unjoni' (COM(2009)0458),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar il-Koerenza tal-Politiki tal-UE għall-Iżvilupp u l-kunċett ta' 'Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp u iktar'[2],

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, tal-14 ta' Mejju 2012 (dok. 9317/12),

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar, Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla, tal-14 ta' Mejju 2012 (dok. 9639/12),

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ tal-UE għall-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp fid-deċennju li jmiss, tas-16 ta' Marzu 2012 (dok. 7412/12),

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità, tat-3 ta' Mejju 2012 (dok. 9417/12),

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, tat-18 ta' Novembru 2009 (dok. 16079/09),

–       wara li kkunsidra r-Reviżjoni bejn il-Pari DAC-OECD tal-Unjoni Ewropea tal-2012,

–       wara li kkunsidra r-Rapport tal-2012 dwar ir-Responsabbiltà tal-UE rigward ir-rieżami tal-progress tal-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-Finanzjament għall-Iżvilupp tad-9 ta' Lulju 2012;

–       wara li kkunsidra l-Istudju tal-Fondazzjoni Evert Vermeer bit-titolu 'The EU Raw Materials Policy and Mining in Rwanda – Policy Coherence for Development in practice' ta' Frar 2012,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni A (2010) 21584 tat-28 ta' Settembru 2010 tal-21 sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Sajd u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0302/2012),

A.     billi l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi t-tnaqqis, u fuq medda twila ta' żmien, il-qerda tal-faqar, kif definit fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, bħala l-objettiv primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp u billi l-Unjoni għandha tqis l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki li timplimenta u li x'aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

B.     billi l-impenn tal-Unjoni Ewropea li tiżgura l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew fl-2005, ġie mtenni reċentement fil-konklużjonijiet tagħha dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

C.     billi hemm inkonsistenzi ċari fil-politiki tal-UE dwar il-kummerċ, l-agrikoltura, is-sajd, il-klima, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-migrazzjoni, il-finanzi, l-armi u l-materja prima li jaffettwaw l-għanijiet ta' żvilupp; billi l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar billi ssib sinerġiji fundamentali fost il-politiki tal-UE;

D.     billi l-qafas il-ġdid tal-politika għall-iżvilupp ippreżentat fl-Aġenda għall-Bidla għandu l-għan tal-koerenza tal-politiki mhux biss fl-Unjoni iżda anke fir-rigward tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha billi jħeġġeġ il-programmazzjoni konġunta u jenfasizza r-rwol tal-UE bħala koordinatriċi u entità li tlaqqa' n-nies u li tfassal il-politiki;

E.     billi qafas internazzjonali wara l-2015 għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandu l-potenzjal li jkollu rwol katalitiku fl-indirizzar ta' sfidi importanti dwar l-iżvilupp u sfidi globali oħrajn u jista' jgħin biex jiġu ssodisfati d-drittijiet u l-ħtiġijiet tal-individwi;

F.     billi, minkejja t-titjib, bħal fil-każ tal-UE, is-sussidji diretti jew indiretti għall-prodotti agrikoli għad għandhom effett negattiv fuq is-sigurtà tal-ikel u fuq l-iżvilupp ta' settur agrikolu vijabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

G.     billi l-UE impenjat ruħha li tilħaq il-mira tan-NU ta' 0.7% tal-introjtu nazzjonali gross (ING) fl-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) sal-2015;

H.     billi skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ta’ Novembru 2008, l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jagħtu prijorità lill-iżvilupp qabel kull għan ekonomiku jew politiku;

I.      billi għadd kbir ta’ studji wrew li hemm bejn USD 850 biljun u USD triljun kull sena ta’ flussi finanzjarji illegali li joħorġu minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, u dan jostakola serjament id-dħul fiskali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u konsegwentement il-kapaċità tagħhom ta' awtożvilupp;

J.      billi l-Aġenda għall-Bidla (COM(2011)637) fl-għan tagħha li żżid l-impatt tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE, ittenni li l-objettivi tal-iżvilupp, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u s-sigurtà huma interkonnessi;

K.     billi l-akkwist pubbliku jirrappreżenta 19 % tal-PDG dinji, jew kważi 40 darba l-ammont ipprovdut mill-UE u l-Istati Membri fl-ODA; billi għalhekk għandu potenzjal enormi li jkun għodda ta' implimentazzjoni ta' politiki sostenibbli tal-gvern kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi benefiċjarji tagħha tal-ODA;

L.     billi n-nutrizzjoni ħażina toqtol madwar 2.6 miljun tifel u tifla kull sena u, jekk tibqa' inkontrollata, kważi nofs biljun tifel u tifla se jkunu f'riskju ta' ħsara permanenti fil-15-il sena li ġejjin; billi madwar terz tat-tfal fid-dinja li għadhom ma laħqux l-età għall-iskola attwalment jiżnu inqas milli suppost (għall-età tagħhom) jew ma jiżviluppawx kif suppost (qosra wisq għall-età tagħhom); billi n-nutrizzjoni ħażina tiswa lill-pajjiżi bejn 2 - 4% tal-PDG tagħhom, u tiswa lil individwu madwar 11% tad-dħul kollu tul ħajtu filwaqt li, fl-istess ħin, jeżistu interventi ttestjati u kosteffikaċi fin-nutrizzjoni u jirrappreżentaw investiment għaqli;

M.    billi sal-2030, id-domanda għall-enerġija u l-ilma mistennija tiżdied b'40 % u b'50 % għall-ikel u billi ż-żieda fil-popolazzjoni, flimkien ma' klassi medja li qed tikber f'pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw, se jqiegħdu pressjoni enormi fuq ir-riżorsi naturali – speċjalment l-ilma, l-enerġija u l-art – u fuq l-ambjent;

N.     billi l-kunċetti tal-iżvilupp tal-bniedem u tas-sigurtà tal-bniedem jikkondividu erba' perspettivi fundamentali: dawn huma kkonċentrati fuq il-bniedem, multidimensjonali, għandhom perspettivi wiesgħin dwar is-sodisfazzjon tal-bniedem fuq perjodu twil u jindirizzaw il-faqar kroniku[3];

O.     billi d-dimensjoni esterna taż-żewġ fondi l-ġodda tad-DĠ Affarijiet Interni u l-komponent tal-Migrazzjoni u l-Asil tal-Programm Tematiku l-ġdid dwar il-Beni Pubbliċi u l-Isfidi Globali tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tkopri, kif antiċipat fil-prijoritajiet iddikjarati, oqsma tematiċi simili għalkemm minn perspettivi differenti;

P.     billi testijiet kliniċi li m'għadhomx aċċettati minn kumitati etiċi tal-Punent tal-Ewropa huma approvati minn kumitati etiċi lokali f'pajjiżi bħall-Indja, iċ-Ċina, l-Arġentina u r-Russja; billi, b'mod partikolari, il-prinċipji etiċi li huma ta' importanza fundamentali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif rifless fid-Dikjarazzjoni ta' Ħelsinki, huma injorati minn kumpaniji u awtoritajiet regolatorji[4];

Q.     billi l-kultura, fid-dimensjonijiet kollha tagħha, hija komponent fundamentali tal-iżvilupp sostenibbli għaliex, permezz tal-wirt tanġibbli u intanġibbli, l-industriji kreattivi u forom varji ta' espressjonijiet artistiċi, tikkontribwixxi b'mod qawwi għall-iżvilupp ekonomiku, l-istabbiltà soċjali u l-ħarsien ambjentali;

R      billi l-istudji juru li jekk in-nisa jingħataw edukazzjoni u jistgħu jaqilgħu u jamministraw paga, dan ikollu għadd ta' konsegwenzi tajbin: tnaqqis fil-mortalità tal-omm u tat-trabi, titjib fis-saħħa u n-nutrizzjoni tal-omm u tat-tfal, żieda fil-produttività agrikola, mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, tnaqqis fiż-żieda tal-popolazzjoni, espansjoni tal-ekonomiji u tkissir taċ-ċikli tal-faqar[5];

S.     billi t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) għandhom il-potenzjal biex jgħinu fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima mhux biss billi jnaqqsu s-sehem tagħhom stess ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra iżda anke billi jużawhom biex jitnaqqsu l-emissjonijiet f'setturi oħra u biex jindirizzaw it-tibdil sistemiku u l-effetti sekondarji, pereżempju bid-dematerjalizzazzjoni u l-forniment onlajn, is-sostituzzjoni tat-trasport u l-ivvjaġġar, l-applikazzjonijiet ta' monitoraġġ u ġestjoni, effiċjenza enerġetika akbar fil-produzzjoni u l-użu, u l-ġestjoni u r-riċiklaġġ tal-prodotti;

T.     billi l-Evalwazzjoni bejn il-Pari tal-Komunitajiet Ewropej tad-DAC tal-2007 nnutat li fehim tajjeb tal-adegwatezza tal-appoġġ baġitarju fil-kuntest lokali huwa importanti;

U.     billi l-edukazzjoni jista' jkollha rwol kruċjali mhux biss fis-sostenibbiltà ambjentali, is-saħħa u t-tkabbir ekonomiku u fl-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju inġenerali, iżda anke fit-tisħiħ tal-paċi; billi, forsi aktar minn kull settur ieħor, l-edukazzjoni tista' tipprovdi d-dividendi tal-paċi bikrija viżibbli ferm li fuqhom tista' tiddependi s-sopravivenza ta' ftehimiet ta' paċi jekk is-sistemi tal-edukazzjoni jkunu inklużivi u mfassla sabiex irawmu attitudnijiet li jwasslu għal fehim, tolleranza u rispett reċiproċi, biex b'hekk is-soċjetajiet isiru anqas suxxettibbli għal kunflitt vjolenti;

It-tħaddim tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp

1.      Jilqa' l-isforzi tal-UE lejn il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jenfasizza li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp mhijiex biss obbligu legali, iżda li t-tfassil ta' politiki responsabbli, trasparenti, ibbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u inklużivi jirrappreżenta opportunità għall-UE biex tistabbilixxi sħubiji ugwali u sostenibbli mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jmorru lil hinn mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza wkoll li politiki allinjati mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp jagħtu lill-gvernijiet u lis-soċjetajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw iċ-ċans u r-responsabbiltà li jiġġeneraw suċċessi waħedhom;

2.      Jemmen li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp trid tkun ibbażata fuq ir-rikonoxximent tad-dritt ta' pajjiż jew ta' reġjun li jiddefinixxi demokratikament il-politiki, il-prijoritajiet u l-istrateġiji tiegħu biex jipproteġi l-għajxien tal-popolazzjoni tiegħu b'konformità mal-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

3.      Jilqa' t-tmien oqsma ta' azzjoni għas-snin 2011-2014 magħżula mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal politika ġdida dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva; jissottolinja l-importanza ta’ obbligi vinkolanti ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva u li min iħaddem ikun imħeġġeġ japplika standards soċjali li jkunu aktar ambizzjużi mid-dispożizzjonijiet statutorji attwali, inkluża l-possibbiltà li tiġi żviluppata u tinkiseb denominazzjoni bħal pereżempju tikketta soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fil-monitoraġġ bir-reqqa tal-implimentazzjoni ta' dawn l-obbligi u li jkun żgurat li dawn ikunu infurzati bil-liġi, filwaqt li jinsisti li l-inizjattiva li ġejja dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva tirrifletti l-obbligi lejn il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u tkun pass 'il quddiem lejn standards vinkolanti tar-responsabbiltà soċjali korporattiva;

4.      Jenfasizza li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp mhijiex biss kwistjoni teknika, iżda hija primarjament responsabbiltà politika u li l-Parlament, bħala koleġiżlatur u istituzzjoni eletta b'mod demokratiku, għandu r-responsabbiltà ewlenija li jibdel l-impenji f'politiki konkreti;

5.      Jinsisti li l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, inkluża d-definizzjoni tiegħu tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, jibqa' l-qafas dottrinali għall-politika tal-UE dwar l-iżvilupp, u li kull tentattiv sabiex dan jiġi rivedut jew mibdul fil-kuntest tal-'Aġenda għall-Bidla' għandu jinvolvi lill-istituzzjonijiet li ppermettew il-ħolqien tiegħu;

6.      Ifakkar li kwalunkwe orjentazzjoni politika ġdida fil-kuntest tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) li toriġina mill-Aġenda għall-Bidla, trid tkun kompatibbli mal-ispirtu u l-ittra tal-Ftehim ta' Cotonou;

7.      Jenfasizza li t-trasparenza fl-oqsma kollha hija strumentali fil-kisba tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp billi mhux biss tista' tipprevjeni inkoerenza mhux intenzjonata iżda hija effikaċi wkoll f'każijiet ta' kunflitt ta' interess;

8.      Jitlob l-introduzzjoni ta' laqgħat annwali strutturati bejn rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u l-Parlament Ewropew biex tkun żgurata l-konsistenza fin-nefqa tal-għajnuna għall-iżvilupp;

9.      Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tat-tisħiħ tal-għarfien u l-kompetenzi fir-rigward tal-kwistjoni kumplessa tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura li jsiru dispożizzjonijiet sabiex uħud mill-programmi tad-DĠ għar-Riċerka jiffukaw fuq kwistjonijiet rilevanti għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jirrakkomanda wkoll l-elaborazzjoni u l-promozzjoni ta' strateġija dwar ir-riċerka għall-iżvilupp sabiex ikun hemm kollaborazzjoni mad-DĠ għar-Riċerka u ma' Direttorati Ġenerali oħra għar-riċerka, kif ukoll ma' korpi rilevanti oħra esterni għall-Kummissjoni, pereżempju l-OECD jew il-Bank Dinji;

10.    Jinsisti li l-mistoqsijiet rigward l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-politiki fi ħdan u barra l-UE speċifikati fil-Linji Gwida dwar il-Valutazzjonijiet tal-Impatt mill-2009 jingħataw tweġiba fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni kif ukoll fil-valutazzjonijiet tal-impatt li għandhom isiru mill-Parlament; jitlob ukoll lill-Kummissjoni ttemm il-valutazzjonijiet tal-impatt qabel il-proposta politika korrispondenti sabiex tiżgura li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati rilevanti oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess biex b'hekk jinħoloq ukoll valur miżjud f'termini ta' kapaċità;

11.    Jenfasizza l-fatt li l-Bord tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt tal-Kummissjoni u l-istituzzjoni simili li għandha titwaqqaf mill-Parlament jeħtieġu kompetenzi adegwati fil-politiki għall-iżvilupp sabiex iwettqu r-responsabbiltà tagħhom li jivverifikaw il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt f'termini tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

12.    Jissuġġerixxi li tiġi inkluża referenza għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fir-rieżamijiet u l-evalwazzjonijiet ex-post tal-politiki tal-UE, jekk ikun xieraq; huwa tal-fehma li kwalunkwe eżerċizzju ta' evalwazzjoni tal-programmi mwettaq skont il-FEŻ jew l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għandu jinkludi valutazzjoni tal-konsegwenzi tiegħu għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

13.    Jilqa' l-inklużjoni ta' impenji speċifiċi għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-programm ta' ħidma tal-Presidenza Daniża u jitlob lill-Presidenzi li jmiss isegwu dak l-eżempju;

14.    Jilqa' t-tielet rapport biennali tal-Kummissjoni dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp 2011, iżda jaqbel mal-Kunsill dwar il-ħtieġa li tiġi inkluża valutazzjoni indipendenti tal-progress, inklużi l-konsegwenzi u l-kostijiet kwalitattivi u kwantitattivi tal-inkoerenza tal-politiki f'rapporti futuri; jissuġġerixxi li r-rapporti futuri għandhom jinkludu wkoll deskrizzjoni komprensiva tar-riżultati marbuta mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tad-djalogi fil-livell nazzjonali, sabiex tinstema' l-vuċi taċ-ċittadini tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

15.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali tagħhom jippromwovu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp permezz ta' programm ta' ħidma speċifiku bi skadenzi vinkolanti, sabiex jittejjeb il-programm ta' ħidma Ewropew dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

16.    Jaqbel mal-Kummissjoni li fit-tħejjija tal-Programm ta' Ħidma tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp li jmiss, hemm il-ħtieġa ta' diskussjoni usa' mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri u mal-partijiet interessati rilevanti kollha, pereżempju l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jaqbel li anqas indikaturi, flimkien ma' monitoraġġ aktar preċiż u aħjar, jistgħu jwasslu għal qafas aktar operazzjonali u monitoraġġ aktar faċli;

17.    Jitlob lir-Rappreżentant Għoli u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jikkonfermaw ir-rwoli importanti tagħhom sabiex il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp ssir realtà;

18.    Jissuġġerixxi li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp issir prijorità ċara għas-SEAE u d-Delegazzjonijiet billi jissaħħaħ aktar id-djalogu politiku tal-UE mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-parlamenti lokali u partijiet interessati oħra, billi jintalbu jiġbru evidenza dwar nuqqas ta' konsistenza jew koerenza, billi jittejbu r-referenzi tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fid-dokumenti ta' programmazzjoni u jsiru operattivi, u billi jiġi żviluppat programm ta' taħriġ, flimkien mad-DĠ DEVCO, għall-persunal il-ġdid kollu tas-SEAE sabiex tkun żgurata l-abbiltà tagħhom li jifhmu u japplikaw il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jindika li d-Delegazzjonijiet u l-kwartieri ġenerali għandhom jiġu allokati riżorsi adegwati sabiex iwettqu dan il-kompitu;

19.    Jenfasizza li d-delegazzjonijiet tal-UE għandhom rwol ċentrali fit-tfassil u l-ġestjoni tal-appoġġ baġitarju, u li r-riżorsi tagħhom għandhom ikunu żgurati b'mod korrispondenti;

20.    Ifakkar fl-importanza fundamentali tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u fl-obbligu tal-Kummissjoni li tinforma regolarment lis-Segretarjat tal-Grupp AKP dwar proposti ppjanati li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-Istati AKP; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament meta jitwettqu tali proċeduri;

21.    Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tiżdied il-kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp billi jsiru aktar skambji magħhom dwar is-suġġett u billi takkumpanjahom fil-kisba ta' kapaċità analitika speċifika bħala kontribut għall-promozzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fl-UE; jipproponi li dawn l-iskambji bejn il-parlamenti nazzjonali, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandhom isiru fil-forma ta' laqgħat annwali strutturati li jinkludu objettivi ċari flimkien ma' attivitajiet ta' monitoraġġ tal-kompiti bl-għan li tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fl-UE;

22.    Iqis li l-akkwist pubbliku għandu jintuża b'mod effikaċi sabiex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-UE ta' żvilupp sostenibbli u li għalhekk, id-direttivi futuri dwar l-akkwist pubbliku għandhom jippermettu li l-kriterji tas-sostenibbiltà jiġu integrati fil-proċess tal-akkwist kollu;

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-ħames oqsma ta' attenzjoni

Il-kummerċ

23.    Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar "Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp: It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn'', timpenja ruħha li tappoġġa l-produtturi ż-żgħar u tippromwovi inizjattivi ta' kummerċ ġusti, organiċi u etiċi, iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' impenn sabiex jiġu integrati prinċipji għal kummerċ ġust fil-politiki tal-UE;

24.    Jiddeplora l-pubblikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ żewġ rapporti separati dwar il-kummerċ inġenerali u dwar il-kummerċ u l-iżvilupp, li mill-perspettiva tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, kienet kontroproduttiva;

25.    Jiddispjaċih li l-PDG per capita huwa l-kriterju ta' eliġibilità uniku għall-iskema GSP, billi dan jista' jmur kontra l-objettivi tal-iżvilupp tal-UE; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar "Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel"[6], li tagħmel referenza għall-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem;

26.    Ifakkar fl-inkonsistenzi li rriżultaw fil-kuntest tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ewropej, jiġifieri: (a) li xi pajjiżi qed jitħeġġu jiffirmaw ftehim qabel ma jiġu miftiehma reċiprokament it-termini eżatti, (b) li l-Kummissjoni tipproponi li tħassar 18-il pajjiż minn Anness I tar-Regolament għall-Aċċess għas-Suq, u (ċ) li l-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem mhumiex indirizzati biżżejjed waqt in-negozjati;

27.    Huwa tal-fehma li l-linji gwida tal-OECD għall-impriżi multinazzjonali għandhom isiru standards vinkolanti fit-trattati tal-UE dwar l-investiment għall-kummerċ u l-industrija, filwaqt li jkun żgurat li trattati dwar l-investiment ikunu jinkludu klawżoli dwar it-trasparenza u l-ġlieda kontra flussi ta' kapital illegali, flimkien ma' rappurtar sħiħ mill-kumpaniji dwar kwistjonijiet ambjentali u soċjali; jindika li l-ftehimiet dwar l-investiment għandhom itejbu d-drittijiet u l-obbligi tal-gvernijiet li jirregolaw l-attivitajiet ekonomiċi f'oqsma politiċi sensittivi bħall-ambjent u li jippromwovu ħidma deċenti fl-interess pubbliku ġenerali u, fuq perjodu twil, fl-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri;

Il-Politika Agrikola u tas-Sajd

28.    Jiddeplora l-fatt li s-sehem tal-Għajnuna għall-Kummerċ (AfT) tal-UE lil-LDCs naqas għal 16 % fl-2010 (EUR 1.7 biljun meta mqabbel ma' EUR 8.7 biljun lil dawk mhux LDCs), minn 22 % fl-2009[7]; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar is-sehem annwali u/jew pluriennali tal-fondi tal-FEŻ li jintnefqu bħala AfT;

29.    Jipproponi li l-Kummissjoni toħloq momentum ġdid għal akkwist pubbliku sostenibbli fil-livell internazzjonali u li l-qafas li jirriżulta tar-reviżjoni tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku għandu jagħti lill-awtoritajiet kontraenti l-ispazju politiku biex jagħmlu għażliet ta' akkwist infurmati favur l-iżvilupp;

30.    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b'mod attiv, fi ħdan id-WTO, is-suġġeriment ta' xi donaturi li jiċċekken l-ambitu tal-Inizjattiva Għajnuna għall-Kummerċ sabiex issir iktar monitorabbli, effiċjenti u ffukata fuq l-elementi ewlenin tar-rabta tal-kummerċ u l-iżvilupp biex b'hekk issir iktar effikaċi u jkun żgurat il-finanzjament tad-donaturi;

31.    Jiġbed l-attenzjoni lejn il-pubblikazzjoni ta' Strateġija riveduta tad-dritt ta' proprjetà intelletwali (IPR) fil-konfront ta' pajjiżi terzi li, mill-perspettiva tal-iżvilupp, għandhom jiżguraw aċċess adegwat għall-mediċini u jipprovdu inċentivi effikaċi għar-riċerka farmaċewtika billi jagħmlu użu mill-flessibilitajiet tal-Ftehim TRIPS f'każijiet xierqa, bħall-emerġenzi tas-saħħa, u billi jagħmlu l-Istrateġija kompatibbli mal-aġenda parallela għal "aċċess għall-mediċini għall-but ta' kulħadd"; jenfasizza wkoll li r-rabta mal-aġenda dwar is-sigurtà tal-ikel hija importanti ħafna f'dan il-kuntest, pereżempju biex ikun żgurat il-ħarsien tal-varjetajiet ta' pjanti u biex tiġi rikonoxxuta l-importanza ta' sistemi agrikoli diversi u sistemi tradizzjonali ta' provvista ta' żerriegħa;

32.    Jipproponi l-implimentazzjoni ta' regoli dwar il-kummerċ preferenzjali li jtejbu t-trasferimenti ta' teknoloġija agrikola ekoloġika fid-WTO u fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw;

33.    Jilqa' l-ħolqien ta' punt fokali fi ħdan it-tim tal-iżvilupp sostenibbli fid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ fl-2010 biex jikkoordina attivitajiet marbuta mal-kummerċ ġust, li huma eżempju importanti ta' kif il-politika kummerċjali u tal-iżvilupp tal-UE tista' ssir aktar koerenti u ta' appoġġ reċiproku;

34.    Jindika li l-kummerċ ġust bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinvolvi l-ħlas ta’ prezz ġust għar-riżorsi u l-prodotti agrikoli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jiġifieri, prezz li jirrifletti l-ispejjeż interni u esterni, filwaqt li jiġu garantiti l-istandards ewlenin tax-xogħol tal-ILO fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll l-istandards internazzjonali dwar il-ħarsien tal-ambjent;

35.    Itenni t-talba tiegħu biex tiġi indirizzata b'mod effikaċi l-problema tal-minerali li joħolqu kunflitti u ta' riżorsi oħra marbuta ma' kunflitti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li wasslu għall-mewt u l-ispustament ta' miljuni ta' nies;

36.    Jemmen li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jipproteġu l-ekonomija tagħhom u javvanzaw għal ftuħ selettiv tas-swieq, bħalma ġara fl-Ewropa;

37.    Jitlob lill-Kummissjoni tintegra aktar l-istandards ambjentali u tax-xogħol miftiehma internazzjonalment fi strumenti bħall-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles;

38.    Jilqa' l-fatt li r-rilevanza tal-biedja fuq skala żgħira għall-ġlieda kontra l-ġuħ hija rikonoxxuta mill-UE u li l-miżuri ta' adattament huma prijoritajiet fl-aġenda dwar is-sigurtà tal-ikel; jissottolinja l-fatt li l-appoġġ għall-bdiewa nisa b'azjendi żgħar huwa partikolarment rilevanti;

39.    Itenni li t-tħassib dwar l-iżvilupp għandu jkun imsejjes fuq il-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politika agrikola tal-UE u jitlob l-istabbiliment ta' miżuri ta' akkumpanjament simili għall-miżuri ta' akkumpanjament tal-protokoll dwar iz-zokkor (SPAM), jekk ikun meħtieġ;

40.    Itenni t-talba tiegħu għal valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet regolari u indipendenti tal-politiki agrikoli u kummerċjali tal-UE, b'attenzjoni speċjali għall-impatti fuq il-produtturi lokali u ta' azjendi żgħar u abbażi tal-evidenza mogħtija mill-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma sħab kummerċjali tal-UE;

41.    Iħeġġeġ lill-UE ssaħħaħ il-katini tal-provvista UE-AKP u tappoġġa t-tisħiħ tal-katini ta' provvista fi ħdan il-pajjiżi AKP infushom billi ż-żewġt iswieq żviluppaw f'dipendenza reċiproka; jissuġġerixxi t-trawwim tal-użu ta' strumenti moderni għall-ġestjoni tas-suq fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħal dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza, il-bini tal-kapaċità, ir-regolamenti tekniċi jew l-appoġġ fir-rigward tan-negozjar ta' kuntratti, pereżempju fil-kuntest tal-Istrateġija Konġunta UE-Afrika;

42.    Jipproponi li tiġi stabbilita sħubija ta' ġemellaġġ transnazzjonali bejn iż-żoni Natura 2000 u oqsma simili ta' ġestjoni agrikola u ekoloġika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-għan li: a) ikun hemm skambju ta' know-how dwar il-ġestjoni ta' tali żoni mill-awtoritajiet lokali, il-mexxejja lokali u l-komunitajiet tal-biedja lokali biex ikun żgurat li l-ġestjoni futura tkun sostenibbli, kemm ekoloġikament kif ukoll ekonomikament, u prattikabbli, b) tissaħħaħ il-kapaċità permezz tal-ġemellaġġ tal-vijabilità ekonomika tal-katini kummerċjali f'dawn iż-żoni biex jingħata kontribut lis-sigurtà sostenibbli tal-ikel f'dawn iż-żoni, u ċ) tiġi implimentata riċerka biex tgħin fil-ħarsien tad-diversità agrikola u l-bijodiversità biex tkun żgurata s-sopravivenza fit-tul ta' speċi u ħabitats prezzjużi u mhedda; jipproponi wkoll l-istabbiliment ta' ċentru ta' ġemellaġġ transnazzjonali għat-tagħlim u l-iżvilupp ta' know-how bejn żoni ta' Natura 2000 u żoni simili f'pajjiżi terzi;

43.    Jenfasizza li informazzjoni f'waqtha dwar tibdil fl-istandards applikati għall-prodotti agrikoli, jew l-applikazzjoni ta' standards ekwivalenti alternattivi għall-importazzjonijiet min-naħa tal-UE, huma essenzjali għall-isforzi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiġi ffaċilitat l-ippjanar fit-tul u tkun żgurata l-kompetittività abbażi tal-kwalità;

44.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ integrat għan-nutrizzjoni, tistabbilixxi fond fiduċjarju dedikat sabiex tiġi indirizzata l-problema tan-nutrizzjoni ħażina fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u timmobilizza r-riżorsi meħtieġa biex isiru l-interventi bażiċi li jistgħu jimpedixxu n-nutrizzjoni ħażina fil-maġġorparti tal-każijiet, speċjalment fil-perjodu kritiku ta' elf jum bejn il-konċepiment u l-età ta' sentejn, li jinkludu t-tħeġġiġ tal-aqwa prattiki ta' alimentazzjoni u kura bħat-treddigħ sabiex jiġi evitat l-ilma kkontaminat, l-introduzzjoni xierqa ta' ikel varjat għat-trabi, il-fortifikazzjoni tal-prodotti bażiċi u s-supplementi f'forma ta' vitamini; iqis li tali fond fiduċjarju jippermetti l-isfruttament u l-ġbir komuni ta' riżorsi li ġejjin mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, u possibbilment minn donaturi oħrajn, u jagħti viżibbiltà aħjar lill-azzjoni tal-UE fis-salvataġġ ta' ħajjet in-nies;

45.    Jiddeplora l-fatt li għall-intervent dirett għan-nutrizzjoni, attwalment huma allokati biss madwar EUR 418 miljun, jew madwar 3.4 % tal-baġit totali annwali tal-Kummissjoni ta' EUR 12-il biljun għall-għajnuna għall-iżvilupp; iqis li l-isforzi biex tiġi indirizzata n-nutrizzjoni ħażina jridu jkunu multidixxiplinari, jinvolvu partijiet interessati multipli u konformi mal-prijoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi milquta;

46.    Iqis li d-daqs tas-suq tal-UE għall-ħut u l-firxa ġeografika ta' attivitajiet minn bastimenti li jtajru bandiera tal-UE u l-bastimenti tal-UE nnifisha jimponu livell għoli ta' responsabbiltà fuq l-Unjoni sabiex tiżgura li dawn l-attivitajiet huma bbażati fuq l-istess standards ġewwa u barra l-ilmijiet tal-Unjoni, f'termini ta' sostenibilità ekoloġika u soċjali u trasparenza; jinnota li tali koerenza teħtieġ koordinament kemm fi ħdan il-Kummissjoni stess kif ukoll bejn il-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri individwali;

47.    Itenni li għat-titjib tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, in-negozjar ta' ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd iridu jkunu bbażati fuq il-prijoritajiet tal-pajjiż kontraenti għall-iżvilupp adatt tas-settur tas-sajd tiegħu; jenfasizza li l-pagamenti tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd għandhom ikunu kompatibbli mal-objettivi għall-iżvilupp u li l-impatti tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd għandhom ikunu immonitorjati mill-qrib mill-UE;

48.    Huwa tal-fehma li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandha tissaħħaħ billi: a) id-DĠ MARE u d-DĠ għall-Iżvilupp ikollhom responsabbiltà konġunta għall-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd, b) jiġu applikati l-prinċipji rilevanti msemmija fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO għas-Sajd Responsabbli, l-impenji tal-UE favur il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u l-Ftehim ta' Cotonou UE-AKP, ċ) jiġu inkorporati d-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-obbligi tar-responsabbiltà fil-ftehimiet kollha ta' sħubija dwar is-sajd, u d) ikun żġurat li l-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd huma konsistenti ma' jew jikkontribwixxu għall-objettivi rigward it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp tal-bniedem identifikati fid-Dokumenti ta' Strateġija Nazzjonali u Reġjonali tal-UE;

49.    Jenfasizza li kwalunkwe aċċess għar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta' pajjiżi terzi jrid jirrispetta mhux biss l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) rigward eċċess fl-istokkijiet iżda anke l-Artikoli 69 u 70 dwar id-drittijiet tal-Istati ġeografikament żvantaġġati u li ma jmissux mal-baħar fi ħdan ir-reġjun, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet nutrizzjonali u soċjoekonomiċi tal-popolazzjonijiet lokali;

50.    Jipproponi li, b'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-2006 dwar l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-Kummissjoni għandha tingħata mandat inekwivokabbli ta' negozjar għall-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd kollha għall-promozzjoni tal-ħarsien tal-baħar u s-sajd sostenibbli;

51.    Iqis li kull sistema ta' attribuzzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd lill-pajjiżi fi ħdan l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd trid tinkludi d-drittijiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiżviluppaw is-sajd tagħhom stess; jinsisti li l-UE għandha topponi l-introduzzjoni ta' skemi ta' Konċessjonijiet tas-Sajd Trasferibbli fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd billi dawn jipperikolaw l-għajxien u l-benessri tal-komunitajiet dipendenti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

52.    Isostni li l-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni għandha titwettaq fl-ambitu tal-obbligi miftiehma fin-NU u organizzazzjonijiet u entitajiet internazzjonali kompetenti oħra, u li l-kontribut tas-sajd għall-iżvilupp għandu jsir fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u għandu jikkontribwixxi għall-għan ewlieni tal-politika għall-iżvilupp tal-Unjoni, li hu t-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u finalment il-qerda għalkollox tiegħu;

53.    Jemmen li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp fil-qasam tas-sajd billi tappoġġa l-prinċipju ta' stokkijiet żejda ta’ ħut u regoli oħra stabbiliti fl-UNCLOS, kif ukoll l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-FAO għas-sajd responsabbli u l-Ftehim ta’ Konformità tal-FAO dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-livell globali;

54.    Jenfasizza li l-objettivi tal-politika tas-sajd iridu jiġu implimentati abbażi ta' trasparenza u koerenza ma’ objettivi oħra tal-Unjoni, u li l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp għandu jkun ippjanat, imkejjel, ivvalutat, u suġġett regolarment u sistematikament għal kontroll demokratiku;

55.    Jixtieq jagħmilha ċara li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni dwar is-sajd u l-aspetti relatati mas-sajd tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-ftehimiet kummerċjali tal-UE għandhom jikkontribwixxu biex is-sajd isir attività soċjalment, ekonomikament u ambjentalment sostenibbli għall-UE u s-sħab tagħha;

56.    Jiddispjaċih dwar il-fatt li parti sostanzjali tal-objettivi tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd għadhom ma ntlaħqux; jidispjaċih b'mod partikolari għar-riżultati insuffiċjenti miksuba fl-oqsma tal-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika u l-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tas-sajd (u industriji konnessi) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen li dawn l-aspetti jistgħu jittejbu permezz ta' politiki koerenti u governanza tal-attività internazzjonali tas-sajd;

57.    Jenfasizza li l-UE għandha tiżgura li r-riforma attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd tiġi integrata mal-impenji tal-UE lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tappoġġa l-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, kif ukoll id-dritt bażiku tal-bniedem għall-ikel kif rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

58.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-azzjoni esterna tagħha b'mod ġenerali, u l-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd b'mod partikolari, jippromwovu l-governanza tajba u t-trasparenza u joħolqu l-kundizzjonijiet biex pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw jibbażaw il-politiki tas-sajd tagħhom fuq l-istess linji gwida u standards ta' sostenibilità bħal dawk tal-Politika Komuni tas-Sajd, fosthom: l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ibbażati fuq rapporti xjentifiċi u studji tal-impatt u l-abbozzar ta' pjanijiet pluriennali li jippermettu sfruttament proporzjonat mar-rendiment massimu sostenibbli tal-istokkijiet; appoġġ speċjali għal attivitajiet fuq skala żgħira tas-sajd u tal-akkwakultura u għall-komunitajiet li jiddependu minnhom; il-promozzjoni ta' sajd selettiv u l-adattament tal-kapaċità tal-flotta għar-riżorsi u prattiki tas-sajd aktar responsabbli; it-tnaqqis gradwali u finalment, l-eliminazzjoni tar-rimi; sforzi għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat; titjib fil-kundizzjonijiet tas-sikurezza u tal-benesseri fuq ix-xogħol; protezzjoni tal-bijodiversità u l-ambjent u miżuri kontra t-tibdil fil-klima; il-kwalità tal-prodott u kummerċjalizzazzjoni aħjar; u l-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex tiżdied is-sostenibilità tal-attivitajiet fil-qasam tas-sajd, l-akkwakultura u attivitajiet assoċjati;

59.    Jenfasizza li l-ftehimiet u l-industriji li jiżviluppaw madwarhom qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ pajjiżi terzi u għall-abilità ġejjiena tagħhom li jisfruttaw ir-riżorsi tagħhom stess;

60.    Isostni bis-sħiħ li, fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi u fl-azzjonijiet tagħhom fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jridu jikkontribwixxu biex jibnu l-kapaċitajiet tas-soċjetajiet u tal-gvernijiet ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw li jfasslu, jimplimentaw u jimmonitorjaw politiki tas-sajd sostenibbli li jżidu s-sigurtà tal-ikel tagħhom u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tagħhom;

61.    Jirrakkomanda t-tiswir konġunt ta’ mudelli b’objettivi, azzjonijiet u indikaturi bl-għan li jiġi mmonitorjat l-użu tal-fondi b'mod aktar effikaċi fi spirtu ta' sħubija; jenfasizza li dan il-monitoraġġ għandu jinkludi l-adozzjoni ta' proċeduri korrettivi, li għandhom jiġu miftiehma mal-pajjiż terz, kull meta jiġi osservat li xi parti tkun iddevjat mill-objettivi;

62.    Jilqa' l-eżempju ta' trasparenza li l-UE stabbiliet f'kuntest dinji permezz tal-pubblikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa’ miftuħa billi tiżgura li l-evalwazzjonijiet ta' dawn il-ftehimiet ukoll ikunu disponibbli pubblikament, fir-rispett tal-prinċipji tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, sabiex il-parlamenti lokali, is-soċjetà ċivili u partijiet oħra kkonċernati jkunu jistgħu jikkontrollaw b'mod effettiv l-implimentazzjoni u l-impatt tal-ftehimiet;

63.    Jiġbed l-attenzjoni dwar kemm hu importanti li jkun hemm data xjentifika trasparenti u aġġornata dwar l-istokkijiet tal-ħut, dwar kull ftehim tas-sajd inklużi dawk tal-UE, u dwar l-isforz tas-sajd totali fl-ilmijiet ta' kull pajjiż; iqis li l-valutazzjoni xjentifika għandha tippreċedi l-iffirmar ta' ftehimiet, jew għall-inqas li l-ftehimiet għandhom jikkontribwixxu għall-eżami tad-data;

64.    Jiġbed l-attenzjoni għall-problema tas-sajd illegali, mhux irreġistrat u mhux iddikjarat (IUU); ifakkar li ħafna bastimenti ma jirrapurtawx kif suppost il-qbid tagħhom u ma jiġux spezzjonati, li d-data pprovduta mill-bastimenti ma tiġix verifikata u li l-ispeċi maqbuda ma jiġux identifikati b'mod ċar; iqis li l-UE tista' u għandha tikkontribwixxi iktar għas-sejba ta' soluzzjoni għal dawn il-problemi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fir-relazzjoni internazzjonali kollha tagħha, tappoġġa l-prinċipju tar-responsabilità tal-Istat tal-bandiera li huwa l-bażi tad-dritt internazzjonali u huwa fundamentali għal implimentazzjoni effiċjenti tar-regolament IUU;

65.    Jippromwovi rabta aħjar bejn il-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd u l-istrumenti eżistenti tal-politika għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-FEŻ, u mal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-swieq tal-UE f'pajjiżi li qed jiżviluppaw.

66.    Jenfasizza li l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sajd jistgħu igawdu minnha, b’mod dirett, il-150 miljun ruħ madwar id-dinja kollha li jiddependu fuq is-sajd u tas-sajd relatati mal-attivitajiet għall-għajxien tagħhom.

It-tibdil fil-klima u l-enerġija

67.    Itenni li jeħtieġ li jkun hemm aktar attenzjoni fuq il-massimizzazzjoni tas-sinerġiji bejn il-politiki tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u l-objettivi tal-iżvilupp tal-UE, speċjalment f’termini tal-għodod u l-istrumenti użati u l-iżvilupp kollaterali u/jew il-benefiċċji għall-adattament tat-tibdil fil-klima;

68.    Jenfasizza li investiment fl-edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli, inkluża l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, huwa qasam fejn l-għajnuna għall-iżvilupp tista’ tilħaq diversi objettivi f'daqqa, speċjalment meta n-nisa jkunu fil-mira;

69.    Jemmen li l-isfidi li jġib it-tibdil fil-klima jridu jiġu indirizzati permezz ta’ riformi strutturali u jappella għal valutazzjoni sistematika tar-riskju tat-tibdil fil-klima dwar l-aspetti kollha tal-ippjanar tal-politika u t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE inklużi l-kummerċ, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-provvista tal-ikel eċċ., u jitlob li r-riżultat ta’ din il-valutazzjoni jintuża biex jitfasslu dokumenti ta’ strateġija reġjonali u għall-pajjiż li jkunu ċari u koerenti, kif ukoll programmi u proġetti għall-iżvilupp;

70.    Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet speċjali tal-bdiewa agrikoli u tal-bhejjem b'azjendi żgħar li qed jaffaċċjaw il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima fi kwalunkwe politika u ftehim li jinkludu t-tnaqqis possibbli ta', jew limiti fl-aċċess għar-riżorsi għall-produzzjoni tal-ikel, bħall-art, l-ilma u l-mobbiltà, fost oħrajn;

71.    Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġbru data speċifika skont il-pajjiż u diżaggregata skont il-ġeneru fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta' politiki dwar it-tibdil fil-klima, programmi u proġetti, sabiex jiġu vvalutati u indirizzati b'mod effikaċi l-effetti differenti tat-tibdil fil-klima fuq kull ġeneru u biex tinħoloq gwida dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, li tiddefinixxi l-politiki li jistgħu jipproteġu lin-nisa u tagħtihom is-setgħa jaffaċċjaw l-effetti tat-tibdil fil-klima;

72.    Jilqa' l-proposti li saru fir-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2011/2012 dwar ġestjoni integrata u bbażata fuq l-ekosistemi tal-ilma, l-enerġija u l-art, billi dawk it-tliet riżorsi huma kruċjali għall-iżvilupp; jitlob lill-Kummissjoni ssegwi l-proposti li saru fir-rapport; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għall-eżistenza ta' lakuni sinifikanti fil-governanza globali u tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa ta' bidla lejn aktar sostenibbiltà fix-xejriet tal-konsum u l-produzzjoni fl-Unjoni stess;

73.    Jissuġġerixxi li l-UE għandha taħdem biex fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tippromwovi l-investiment, approċċi innovattivi u standards għoljin ta' prattika korporattiva fl-użu inklużiv u sostenibbli tal-ilma, l-enerġija u l-art; jissuġġerixxi wkoll li l-enfasi fuq l-enerġija u l-agrikoltura sostenibbli fl-Aġenda għall-Bidla għandha tiġi kkomplementata b'interventi fil-qasam tal-ilma;

74.    Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar is-sostenibilità soċjali tal-bijokarburanti sal-aħħar tal-2012 u tikkonsulta minn qabel mal-komunitajiet affettwati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi lokali; jindika li din hija opportunità biex tiġi proposta metodoloġija adegwata u jiġu koperti l-impatti sħaħ li l-miri Ewropej għall-bijokarburanti qed ikollhom fuq is-sigurtà tal-ikel, id-drittijiet tal-art u kwistjonijiet oħra relatati mal-iżvilupp; ifakkar li l-monitoraġġ u r-rapportar mill-Kummissjoni previsti fid-direttiva proposta jipprovdu opportunità, jekk ikun xieraq, biex jiġu proposti azzjonijiet korrettivi, abbażi tat-tagħlimiet misluta;

75.    Jissottolinja l-importanza li jkun iggarantit li l-bijoenerġija importata tiġi prodotta fuq il-bażi ta' ambjenti tax-xogħol u standards tal-impjieg aċċettabbli u b'rispett għall-komunitajiet lokali;

76.    Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ulterjuri ta' bijoenerġija tat-tieni u tat-tielet ġenerazzjoni mill-prodotti sekondarji, l-iskart u r-residwi tal-bijomassa;

77.    Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-mira ta' 10 % għall-bijokarburanti minn sorsi rinnovabbli sal-2020 stabbilita fid-Direttiva dwar l-Enerġiji Rinnovabbli, sakemm ma jiġux applikati kriterji stretti dwar is-sostenibbiltà;

78.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jallokaw sehem sinifikanti mid-dħul mill-irkantar mill-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (EU ETS) għal attivitajiet marbuta mat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-2013 'il quddiem;

79.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi metodoloġija adegwata u allinjata mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għall-kalkolu tal-effetti tat-tibdil fl-użu indirett tal-art, filwaqt li tfakkar lill-Kummissjoni li metodoloġija bħal din kienet mistennija sal-aħħar tal-2010;

Is-sigurtà

80.    Jenfasizza li r-rieżami tal-esportazzjonijiet tal-armi tal-UE mistenni fl-2012 għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni dettaljata sabiex ikun konformi mal-objettivi dwar l-iżvilupp; jindika li l-pubblikazzjoni tat-Tlettax-il Rapport Annwali tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet tat-teknoloġija u t-tagħmir militari qajjem mistoqsijiet dwar l-affidabilità u l-użu tad-data pprovduta;

81.    Jiġbed l-attenzjoni għall-wegħdiet tal-UE ta' demokrazija u drittijiet tal-bniedem u kundizzjonijiet bħal dawk minquxa fl-approċċ "iktar għal iktar" rigward il-politika tal-UE tal-viċinat qrib; jenfasizza li r-rilevanza tagħhom tista' tiġi żgurata biss meta ebda qasam politiku ieħor, u meta ebda interazzjoni ma' pajjiżi sħab, ma jmorru kontra inizjattivi meħuda biex jiġu msaħħa d-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà tal-bniedem u d-demokrazija fil-pajjiżi sħab;

82.    Ifakkar il-fatt li l-esportazzjonijiet tal-armi huma kwistjoni intergovernattiva u li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandha titqies f'dan il-kuntest; jikkonkludi li deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu approvati l-esportazzjonijiet ta' armi lil pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kriterju tal-"iżvilupp sostenibbli" i.e. kriterju Nru 8 tal-Kriterji Konsolidati Nazzjonali u tal-UE dwar il-Ħruġ ta' Liċenzji għall-Esportazzjoni ta' Armi, tista' tkun diffiċli billi kunsiderazzjonijet politiċi oħra jistgħu jieħdu prijorità fuq l-applikazzjoni tiegħu; jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu dikjarazzjoni sħiħa tal-metodoloġija użata fir-rigward ta' dan il-kriterju;

83.    Jirrikonoxxi l-interdipendenza tal-iżvilupp, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u s-sigurtà li kwalunkwe diskussjoni dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp trid tqis;

84.    Huwa tal-fehma li l-kunċetti tas-sigurtà u l-iżvilupp tal-bniedem għandhom jitqiesu bħala essenzjali fir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp billi jiffukaw fuq l-individwu;

85.    Jindika li l-koordinazzjoni fost l-attivitajiet għall-bini tal-paċi, l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp f'sitwazzjonijiet wara kunflitt għandhom jittejbu skont il-qafas strateġiku Kollegament tal-Għajnuna ta' Emerġenza, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD) sabiex ikun hemm konformità mal-prinċipji tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u s-sigurtà tal-bniedem, fejn din tal-aħħar sa issa għadha sottovalutata; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Kunsill stidinha tipprepara Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar sitwazzjonijiet ta' kunflitt u fraġilità fl-2009 u li l-UE approvat il-Patt Ġdid għal involviment fi stati dgħajfa li ġie adottat fil-forum ta' livell għoli ta' Busan dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna;

86.    Jenfasizza li billi l-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Esportazzjoni tal-Armi Konvenzjonali huwa l-kumitat ewlieni responsabbli mill-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi, huwa importanti li l-objettivi għall-iżvilupp jitqiesu f'dan il-forum; jistieden lill-Kunsill jagħmel il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi legalment vinkolanti;

Il-migrazzjoni

87.    Jenfasizza li l-'eżodu ta' mħuħ' jista' jikkawża problemi serji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fis-settur tas-saħħa; jirrikonoxxi l-fatt li l-'eżodu ta' mħuħ' li qed jaffettwa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa r-riżultat ta' kombinazzjoni ta' kawżi strutturali u fatturi 'push and pull'; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-effetti tas-sistema tal-Karta Blu dwar il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u tieħu azzjonijiet ta' korrezzjoni jekk neċessarju; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi l-applikazzjoni tal-"Kodiċi ta' Prattika tad-WHO" rigward ir-reklutaġġ internazzjonali ta' persunal tas-saħħa kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat;

88.    Jissottolinja li għandu jiġi ggarantit li s-sħubijiet għall-mobilità jkunu konsistenti mal-qafas legali tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali; jitlob lill-UE tevita l-kundizzjonalità fl-għajnuna għall-iżvilupp b'rabta mat-tnaqqis tal-migrazzoni, kemm fin-negozjati bilaterali kif ukoll f'dawk multilaterali mill-UE u l-Istati Membri tagħha;

89.    Jinsisti li l-qasam tad-dimensjoni esterna fil-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil ikun koerenti għalkollox mal-istrumenti tal-għajnuna esterna u l-objettivi tal-UE rigward l-iżvilupp; jipproponi li jiddaħħlu fis-seħħ salvagwardji biex l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jużaw dan il-qasam ta' finanzjament sempliċement biex iwaqqfu l-migrazzjoni minn pajjiżi li qed jiżviluppaw;

90.    Jappoġġa approċċ li jiffoka fuq il-migranti u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-poltika tal-UE dwar il-migrazzjoni bl-għan li l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab ikunu jistgħu jirrispettaw, iħarsu u jissodisfaw id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti kollha u li l-migranti jkunu jistgħu jitolbu li jitħarsu d-drittijiet tagħhom matul il-vjaġġ ta' migrazzjoni kollu; jenfasizza li approċi li jiffukaw fuq il-migranti u bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem jgħinu biex jiġu analizzati sew il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni sfurzata partikolarment il-kunflitti, it-tibdil fil-klima, il-qgħad u l-faqar kif ukoll biex ikun żgurat li l-UE toffri reazzjonijiet xierqa għal dawn, b'konformità mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

91.    Jindika li l-involviment ta' dijaspori jew dijaspori rimpatrijati bħala aġenti tal-iżvilupp huwa vantaġġjuż, u li dawn tal-aħħar huma partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja Ewropea;

92.    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu spjegati ulterjorment il-parametri tal-komplimentarjetà u li jiġi stabbilit djalogu istituzzjonali koerenti u integrat sabiex jiġu ppjanati u ġestiti fondi esterni u interni li jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni mill-perspettiva tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u tad-drittijiet tal-bniedem;

93.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tal-AKP biex, fir-reviżjoni li qed issir tal-Ftehim AKP-UE, jinkludu fl-Artikolu 13 il-prinċipji tal-migrazzjoni ċirkolari u l-faċilitazzjoni tagħha bil-ħruġ ta’ viżi ċirkolari; jenfasizza li l-Artikolu kkonċernat jenfasizza r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u t-trattament indaqs ta' ċittadini tal-pajjiżi AKP, iżda li l-ambitu ta' dawn il-prinċipji jinsab serjament ipperikolat minħabba l-ftehimiet bilaterali ta' riammissjoni konklużi mal-pajjiżi ta' tranżitu, li flimkien jammontaw għal esternalizzazzjoni mill-Ewropa tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, ftehimiet li ma jiggarantixxux li d-drittijiet tal-migranti jiġu rispettati u li jistgħu jwasslu għal "kaskata" ta' riammissjonijiet li jipperikolaw is-sigurtà u l-ħajja tagħhom;

94.    Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-kofinanzjament tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi bħala prinċipju li jimmotiva lill-benefiċjarji tal-għotjiet biex jimpenjaw ruħhom fir-rigward ta' obbligu aktar qawwi li jagħtu rendikont ta' għemilhom, li jikkontribwixxi għall-effikaċja tal-iżvilupp u jtejjeb il-koperazzjoni tal-partijiet interessati kollha kif rakkomandat mill-prinċipji ta' Istanbul[8];

Kwistjonijiet Oħra

95.    Jiġbed l-attenzjoni biex isir enfasi fuq il-qafas ġenerali tal-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u r-rwol katalitiku tiegħu għall-iżvilupp f'pajjiżi sħab fid-djalogi politiki kollha, irrispettivament mill-ħames kwistjonijiet ewlenin identifikati għal skopijiet ta' valutazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

96.    Jipproponi li l-kunċett ta' 'għajnuna għall-iżvilupp' jiġi komplementat bil-kunċett ta' 'effikaċja tal-iżvilupp' billi dan tal-aħħar huwa aktar xieraq biex ikejjel il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u aktar konvenjenti għall-approfondiment tad-djalogu mal-pajjiżi BRICS fil-qasam tal-politika għall-iżvilupp;

97.    Jiġbed l-attenzjoni għan-natura trasversali tal-programmi ta' governanza tajba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jinkoraġġixxi aktar sforzi f'dan ir-rigward min-naħa tal-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa ta' governanza globali aħjar fil-perjodu attwali ta' diversi kriżijiet peress li din għandha rwol strumentali sabiex jinkiseb żvilupp globali; jiddispjaċih li d-Dokument ta' Eżitu tal-Konferenza Rio+20 tan-NU ma fihx l-impenn favur il-ħarsien tar-riżorsi, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u s-sostenibbiltà ekonomika li talbet l-UE; iħeġġeġ, madankollu, lill-UE tibqa' involuta mill-qrib fid-definizzjoni tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDGs) u fit-twettiq tagħhom sal-2015;

98.    Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex tingħata deskrizzjoni komprensiva tal-kostijiet tal-politiki li mhumiex allinjati mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u tal-benefiċċji, jew sitwazzjonijiet ta' benefiċċu ċert maħluqa mill-politiki allinjati mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp li jistgħu jintużaw għal aktar sensibilizzazzjoni u taħriġ u bħala bażi għal diskussjoni maċ-ċittadini Ewropej u ma' partijiet interessati affettwati oħra sabiex jingħelbu l-kunċetti żbaljati li għadhom prevalenti fir-rigward tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; tali analiżi tkun partikolarment utli fl-oqsma tal-migrazzjoni, fejn l-UE għandha tenfasizza r-rabtiet bejn il-migrazzjoni u l-politiki tal-iżvilupp u tipprovdi informazzjoni kostanti liċ-ċittadini tagħha dwar il-benefiċċji ta' dawn ir-rabtiet, u tal-enerġija sostenibbli;

99.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jiżviluppaw strateġija Ewropea transsettorjali għal perjodu twil għall-edukazzjoni dwar l-iżvilupp, is-sensibilizzazzjoni u ċ-ċittadinanza globali attiva;

100.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw, jew isaħħu, l-istrateġiji nazzjonali għall-edukazzjoni dwar l-iżvilupp u l-programmi dwar l-edukazzjoni fl-iżvilupp sostenibbli, u biex jabħmlu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp parti mill-kurrikuli rispettivi tagħhom;

101.  Jirrimarka li l-inizjattiva attwali rigward id-Direttiva dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) tista' tagħti kontribut siewi biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni billi tinkludi limiti stretti tal-pożizzjoni, limitazzjoni stretta fuq l-eżenzjonijiet mill-MiFID), u billi ssaħħaħ is-setgħat għar-regolaturi biex jintervjenu fi prodotti jew f'attivitajiet speċifiċi;

102.  Itenni li fl-interess tat-trasparenza u r-responsabbiltà, is-SEAE u d-DEVCO għandhom jimmoniterjaw kif il-qsim tar-responsabbiltajiet miftiehem bejn il-Kummissjoni u s-SEAE jaħdem fil-prattika u jtejbuh b'modi li jevitaw it-trikkib u li jiżguraw is-sinerġiji;

103.  Jirreferi għall-fatt li s-SEAE ressaq il-kunċett tal-EU bħala attriċi ("EU actorness") sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-azzjonijiet tal-UE; huwa tal-fehma li dan jagħmel lill-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp saħansitra aktar importanti minħabba li kull impatt negattiv ikun assoċjat dejjem aktar mill-qrib mal-UE; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tiżgura li dan il-kunċett ma jmurx kontra objettivi oħra tal-politika tal-iżvilupp kif ifformulati mill-UE, speċjalment l-objettivi tas-sjieda u tal-ispazju politiku għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

104.  Jissuġġerixxi li, b'konformità mal-Ftehim ta' Cotonou u d-dokument ta' referenza dwar 'L-involviment ta' Atturi Mhux Statali f'Modalitajiet ta' Għajnuna Ġodda'[9], id-delegazzjonijiet tal-UE għandhom iwettqu mmappjar komprensiv tal-NGOs, is-CSOs u l-awtoritajiet lokali rilevanti għal xogħolhom fil-pajjiż rispettiv, speċjalment ta' organizzazzjonijiet ibbażati lokalment u fuq il-komunità;

105.  Itenni li l-ħolqien ta' Rapporteur Permanenti għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp mill-pajjiżi AKP fil-kuntest tal-Assemblea Parlamentari Konġunta jiffaċilita l-koordinazzjoni mar-Rapporteur Permanenti tal-PE dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u l-ħidma tiegħu u mad-dipartiment rilevanti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u jgħin biex jiġu eliminati l-ostakli għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw stess;

106.  Ifakkar li, fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Ġunju 2011 dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali, il-Kummissjoni kienet ipproponiet l-estensjoni tas-setgħat ta' skrutinju tal-FEŻ lill-Parlament; jiddispjaċih li din il-proposta ma tidhirx fil-proposta leġiżlattiva għall-11-il FEŻ;

107.  Jissottolinja li qafas internazzjonali wara l-2015 għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, sabiex jipprovdi approċċ aktar komprensiv għall-eliminazzjoni tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli, għandu jmur lil hinn minn interpretazzjoni tradizzjonali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, filwaqt li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tintuża bħala mekkaniżmu importanti u jiġu promossi l-approċċi bbażati fuq id-drittijiet; jirrimarka li tali qafas għandu jmur lil hinn mill-kunċett attwali tal-azzjoni u l-għajnuna pubblika u għandu jinvolvi lill-pajjiżi kollha (żviluppati, li qed jiżviluppaw, emerġenti) u lill-atturi kollha (donaturi tradizzjonali u ġodda, gvernijiet u awtoritajiet lokali ta' pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw, is-settur privat, l-NGOs, l-imsieħba soċjali, eċċ.) fi proċess koerenti u inklużiv;

108.  Jilqa’ l-fatt li l-klawżola soċjali fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) tapplika kemm ġewwa kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tal-UE;

109.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li dispożizzjonijiet soċjali mdaħħla fi ftehimiet tal-UE dwar il-kummerċ jiġu implimentati u mmonitorjati b’mod xieraq; jikkunsidra li hu neċessarju li jiġi żgurat li mekkaniżmi għar-reviżjoni u għall-infurzar ikunu disponibbli;

110.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-istandards soċjali u dwar l-objettivi ta’ impjieg sħiħ u produttiv, b'kunsiderazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u ż-żgħażagħ, xogħol diċenti, rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż għall-ħaddiema migranti, u ugwaljanza bejn il-ġeneri f’kull ftehim tal-UE dwar il-kummerċ;

111.  Jenfasizza l-ħtieġa li n-negozjar kollettiv jiġi appoġġat u mifrux bħala għodda li tnaqqas l-inugwaljanza fis-suq tax-xogħol, tiżgura xogħol u pagi diċenti, tipprevjeni d-dumping soċjali, ix-xogħol mhux iddikjarat u tiżgura kompetizzjoni ġusta;

112.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet tal-kuntratti ta' xogħlijiet, filwaqt li jenfasizza li x-xogħol imwettaq minn żgħażagħ u nisa m'għandux jirrappreżenta xi tip ta' sfruttament, sew jekk fil-forma ta' sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, skjavitù jew fil-forma ta' prattiki simili għall-iskjavitù;

113.  Jissottolinja l-importanza ta’ obbligi ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva u li min iħaddem ikun imħeġġeġ japplika standards soċjali li jkunu aktar ambizzjużi mid-dispożizzjonijiet statutorji attwali, inkluża l-possibbiltà li tiġi żviluppata u tinkiseb denominazzjoni bħal pereżempju tikketta soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni, u jiżguraw l-infurzar legali, ta’ dawn l-obbligi;

114.  Jenfasizza l-importanza tal-istabbiliment ta’ punti fokali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp anki f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex itejbu l-iskambji tal-informazzjoni, fost l-oħrajn dwar kwistjonijiet li huma lil hinn mill-kompetenzi tal-UE, bħall-użu soċjalment inklussiv ta’ kirjiet ta’ riżorsi jew tassazzjoni jew rimessi, u l-impatt tal-hekk imsejjaħ fuq il-pajjiżi ta' oriġini; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-politika soċjali fix-xogħol tal-EEAS; jemmen li huwa essenzjali wkoll għall-pajjiżi b'introjtu medju li jimpenjaw proporzjon li dejjem jiżdied tad-dħul tagħhom għal skopijiet soċjali, speċjalment billi jiżviluppaw sistemi ta' tassazzjoni u protezzjoni soċjali;

115.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni akbar lill-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni ta’ migranti, partikolarment nisa u tfal, f’pajjiżi li qegħdin jirċevuhom, u dwar il-portabilità tad-drittijiet soċjali;

116.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu sehem fi djalogu soċjali ma’ organizzazzjonijiet tax-xogħol u trejdjunjins li mhumiex tal-UE dwar l-implimentazzjoni ta' standards soċjali fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, u tiżgura assistenza teknika aktar adegwata għall-implimentazzjoni tal-politika soċjali u fiskali.

117.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li żżid l-appoġġ tagħha għal programmi marbuta mas-saħħa jew proġetti ta' kooperazzjoni mas-sħab minn pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba n-nattura trasversali tagħhom rigward l-objettivi tal-UE dwar l-iżvilupp;

118.  Jenfasizza li l-ippjanar għall-għoti ta' servizzi bażiċi bħall-ħtiġijiet ta' edukazzjoni primarja jeħtieġ li jiffoka ferm aktar fuq dawk il-karatteristiċi speċifiċi ta' gruppi partikolarment marġinalizzati li jagħmlu l-għoti ta' tali servizzi aktar diffiċli u li jillimitaw l-abilità tal-gruppi li jisfruttaw dak li huwa disponibbli;

119.  Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jinbidel il-kunċett umanitarju u li jiġi rikonoxxut ir-rwol vitali tal-edukazzjoni, speċjalment tal-edukazzjoni matul emerġenzi b'rabta ma' kunflitti u fil-perjodu wara l-kunflitti; jiddispjaċih li l-edukazzjoni għadha wieħed mill-oqsma l-aktar sottofinanzjati tal-għajnuna umanitarja;

120.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra n-natura trasversali tal-ICTs fil-politiki għall-iżvilupp, speċjalment l-influwenza pożittiva li jista' jkollhom fuq is-sistema tal-edukazzjoni, u jenfasizza li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, it-trasferiment tat-teknoloġija u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet lokali jeħtieġu attenzjoni partikolari f'dak il-kuntest;

121.  Jirrimarka li tranżazzjonijiet bankarji veri permezz tat-teknoloġija tal-mowbajl (m-banking) għandhom jingħarfu minn trasferimenti bażiċi ta' flus permezz ta' tali teknoloġija (m-payments), u jenfasizza li l-ħtieġa li jiġu rregolati t-tranżazzjonijiet internazzjonali ta' flus (pereżempju biex jiġu evitati l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu) trid tiġi rikonċiljata mal-ħtieġa li jiġi promoss aċċess għall-but ta' kulħadd għall-flus għall-fqar permezz tal-użu tal-mowbajls; jissuġġerixxi li l-ġbir ta' prattiki tajba eżistenti jkun mod utli ta' kondiviżjoni tal-għarfien u biex jiġu indirizzati dawk l-isfidi;

122.  Jiddispjaċih li l-arranġamenti ta' appoġġ baġitarju għadhom ikkaratterizzati minn nuqqas ta' sorveljanza parlamentari u taċ-ċittadini tal-ftehimiet, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom;

123.  Itenni li filwaqt li l-appoġġ baġitarju għandu jkun konformi mal-isforzi biex tiġi promossa l-governanza demokratika, jissaħħu r-riżorsi ekonomiċi proprji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, tiġi miġġielda l-korruzzjoni u tissaħħaħ r-responsabilizzazzjoni tal-infiq pubbliku, dan għandu jiffoka essenzjalment fuq it-tnaqqis tal-faqar;

124.  Itenni li l-isforzi tal-UE biex tiżgura aċċess għall-materja prima minn pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jridux jipperikolaw l-iżvilupp lokali u l-eliminazzjoni tal-faqar iżda minflok iridu jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex isarrfu l-ġid minerali tagħhom fi żvilupp reali; jenfasizza wkoll li l-UE għandha tappoġġa l-governanza tajba, il-proċessi li jwasslu għal valur miżjud u t-trasparenza finanzjarja tal-gvernijiet u l-impriżi kummerċjali sabiex is-setturi tal-estrazzjoni jkunu jistgħu jaġixxu ta' katalist għall-iżvilupp;

125.  Jenfasizza li t-trasparenza finanzjarja hija essenzjali għall-appoġġ tal-mobilizzazzjoni tad-dħul u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa; jinsisti li r-riforma attwali tad-Direttivi tal-UE dwar il-Kontabilità u t-Trasparenza għandha tinkludi rekwiżit biex il-kumpaniji elenkati u l-kumpaniji privati kbar tal-estrazzjoni u tal-injam jiżvelaw il-pagamenti li jagħmlu lill-gvernijiet fuq il-bażi ta' kull proġett individwali, b'limiti ta' rapportar li jirriflettu d-daqs tal-pagamenti mill-perspettiva tal-komunitajiet fqar;

126.  Huwa tal-fehma li filwaqt li hemm limitu għal kemm l-għajnuna mid-donaturi tista' tikseb f'termini tat-tisħiħ tar-responsabbiltà nazzjonali, xi forom ta' għajnuna jistgħu jagħmlu differenza, minn "li ma jagħmlux ħsara" għat-tisħiħ tas-sistemi nazzjonali eżistenti tar-responsabbiltà, pereżempju bl-involviment tas-CSOs u l-parlamenti lokali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kuntest ta' approċċi fis-settur kollu (SWAp);

127.  Jiddispjaċih li l-finanzjament u l-interventi globali fil-qasam tas-saħħa jiffavorixxu avvenimenti b'viżibbiltà kbira, bħat-tsunami fl-Asja, kif ukoll xi mard li jittieħed li huwa magħruf sew (bħall-HIV/AIDS), filwaqt li dan jaħbi l-fatt li l-mard li ma jittiħidx jirrappreżenta 63 % tal-imwiet kollha fid-dinja u t-tiġrib jirrappreżenta 17 % tal-piż globali tal-morbożità u li n-nisa u t-tfal imutu minħabba n-nuqqas li tingħata kura bażika waqt it-tqala, it-twelid u l-infanzja;

128.  Jenfasizza li hu , b'konformità mar-responsabbiltà tiegħu li jħares id-drittijiet tas-suġġetti tal-provi kliniċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jipproteġi s-saħħa taċ-ċittadini tal-UE, jista' juża d-dritt tiegħu li jibda investigazzjonijiet; jipproponi wkoll li l-azzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) dwar ċerti kwistjonijiet, pereżempju l-azzjoni tagħha biex tikkjarifika l-applikazzjoni prattika tal-istandards etiċi għall-provi kliniċi, jiġu moniterjati, biex ikun żgurat li l-EMA qed tieħu miżuri biex tarmonizza l-applikazzjoni tal-istandards etiċi mill-awtoritajiet responsabbli;

129.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-gruppi lokali tas-soċjetà ċivili, partikolarment il-gruppi tan-nisa u dawk li għandhom aġenda ffokata fuq il-kwistjonijiet tal-ġeneru, permezz ta' finanzjament aċċessibbli u permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rwol tagħhom bħala atturi ta' żvilupp effikaċi u gwardjani tal-paċi u l-governanza tajba, speċjalment f'sitwazzjonijiet fraġli u ta' kunflitt;

130.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa u jinkoraġġixxi l-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fi proġetti ffinanzjati mill-UE fil-livell tal-pajjiżi; jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-UE tieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex il-membri tal-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE jingħataw taħriġ xieraq u effikaċi rigward approċċ sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneri għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi;

131.  Jilqa’ l-ħidma attiva tal-Kummissjoni Ewropea, kemm fil-livell ta’ politika kif ukoll permezz tal-istrumenti ta' finanzjament u l-mekkaniżmi ta' appoġġ baġitarju differenti tagħha, bl-għan li ttejjeb l-impenji tagħha għat-trawwim tal-emanċipazzjoni tan-nisa, b’mod partikolari billi tfittex li tintegra l-prijoritajiet u l-bżonnijiet tan-nisa fil-politiki ewlenin kollha ta’ koerenza għall-iżvilupp;

132.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm data statistika affidabbli u li jiġu rreġistrati l-kawżi tal-imwiet marbuta mal-maternità skont il-kodifikazzjoni tal-Klassifikazzjoni Internazzjonai tal-Mard tal-WHO għall-Mortalità Materna, li tista’ tiggwida lill-pajjiżi u tgħinhom itejbu l-attribuzzjoni u l-istima tagħhom tal-kawżi tal-imwiet marbuta mal-maternità.

133.  Jafferma mill-ġdid id-dikjarazzjoni tiegħu A(2010)21584 tal-Assemblea Parlamentari AKP-UE;

134.  Jitlob li l-Koerenza tal-Politiki għall-iżvilupp tiffavorixxi approċċ parteċipattiv li jippromwovi l-għoti ta' setgħa u l-awtodeterminazzjoni tal-popolazzjonijiet lokali, prinċipalment tan-nisa;

135.  Jafferma mill-ġdid l-importanza li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tan-nisa, li m'għandhomx jitqiesu sempliċement bħala sezzjoni vulnerabbli tal-popolazzjoni, iżda wkoll bħala faċilitaturi attivi tal-politiki għall-iżvilupp; jinnota li, f’dan il-kuntest, in-nisa huma responsabbli għat-80 % tal-agrikoltura fl-Afrika, anke jekk huwa rari għalihom li jkollhom il-possibiltà li jkunu sidien tal-art li jikkultivaw; jitlob, għalhekk, li l-politiki agrikoli u tas-sajd mhux biss jiġu integrati fil-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp minħabba l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp, iżda li jiġu wkoll evalwati skont l-impatt divrenzjat tagħhom fuq in-nisa u l-irġiel rispettivament;

136.  Jenfasizza l-importanza li jitqiesu l-aktar gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, speċjalment in-nisa u l-bniet, u li dawn jingħataw attenzjoni speċjali biex tiġi evitata inugwaljanza dejjem tikber. jinnota li, kif uriet l-esperjenza, il-miżuri 'newtrali' jsaħħu s-sitwazzjonijiet ta’ poter miksub u li jenħtieġ li jitwettqu azzjonijiet pożittivi, maħsuba, sistematiċi favur it-titjib tas-sitwazzjoni tan-nisa, sabiex il-benefiċċji ta’ dawn l-azzjonijiet jibbenefikaw lil dawk l-aktar żvantaġġati;

137.  Jenfasizza li l-politika ta’ promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għandha tkun mhux biss is-suġġett ta’ intestatura baġitarja speċifika fil-qafas tal-politiki tal-iżvilupp, iżda għandha titqies ukoll bħala kwistjoni trasversali, peress li kull politika li għandha impatt fuq is-soċjetà taffettwa lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti, minħabba l-persistenza tar-rwoli tal-ġeneri fis-soċjetà u l-fatt li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp toffri mezzi prattiċi kif jiġi evitat li l-esternalitajiet negattivi ikollhom effett negattiv fuq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

138.  Jenfasizza l-bżonn li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tinkorpora approċċ globali li jmur lil hinn mil-livell tal-familja u dak mikrosoċjali u li jikkunsidra r-relazzjonijiet bejn il-ġeneri; hu tal-fehma ferma li dan huwa approċċ trasversali bejn is-sessi, meħtieġ fil-proġetti kollha tal-iżvilupp u l-analiżi kollha ta’ soċjetà; jinsisti li dan l-approċċ għandu japplika mhux biss għas-setturi kollha iżda wkoll fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u oħrajn kollha; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li approċċ bħal dan, li jqis sistematikament is-sitwazzjoni u r-rwol tan-nisa u r-relazzjonijiet bejn il-ġeneri f'soċjetà, hu aktar komprensiv, umanistiku u demokratiku minn approċċ li jiżola lin-nisa, partikolarment għax jagħmilha jevita l-marġinalizzazzjoni tan-nisa fi 'proġetti tan-nisa' jew proġetti li jżidu l-ammont ta’ xogħol tan-nisa jew ir-responsabbiltajiet tagħhom mingħajr ma jżidu s-setgħa jew il-kontroll tagħhom fuq il-ħlas dovut għall-proġetti;

139.  Jafferma li filwaqt li s-suċċess tal-politiki għall-iżvilupp u, konsegwentament, tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp ma jistax jitkejjel biss permezz tal-indikaturi wesgħin li diġà wrew il-limitazzjonijiet tagħhom, bħall-bidliet fil-PDG għal kull resident, indikaturi oħra, bħal dawk relatati mal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, għandhom ikunu jistgħu jipprovdu stampa aktar kompleta tal-effetti tal-politiki tal-iżvilupp in ġenerali; jinnota li d-data, maqsuma skont il-ġeneru, għandha għalhekk tinġabar fil-post sabiex jiġi evalwat u jitjieb l-impatt tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

140.  Jenfasizza r-rwol tan-nisa fit-tisħiħ ta' politiki għall-iżvilupp billi jipparteċipaw fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki bħal dawn, biex b'hekk ikun żgurat li, fin-negozjati politiċi u ekonomiċi, l-interessi tan-nisa jkunu meqjusa u jinħoloq ċirku virtwuż fejn in-nisa jagħtu spinta lill-politiki tal-politiki għall-iżvilupp li, b'riżultat ta' dan, jistabbilixxu l-istrutturi neċessarji li bihom in-nisa jkollhom aktar setgħa; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ lill-organizzazzjonijiet u l-gruppi tas-soċjetà ċivili li huma responsabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa;

141.  Jinnota li n-nisa għandhom rwol essenzali fl-iżvilupp, peress li, fir-rwol tagħhom bħala ommijiet u persuni responsabbli għall-kura tat-tfal u ta' membri tal-familja dipendenti oħra, huma jassumu r-responsabbiltà tal-benesseri ġenerali tal-familja; jinnota, bħala eżempju, li n-nisa għandhom rwol kruċjali fil-qasam tan-nutrizzjoni u tas-sikurezza tal-ikel, speċjalment fil-kuntest tal-biedja fuq skala żgħira;

142.  Jenfasizza li s-sitwazzjoni tan-nisa, f'ħafna każijiet, qed tiddeterjora aktar minn dik tal-irġiel, kemm f’termini relattivi kif ukoll f'termini assoluti; jinnota bi tħassib li kien hemm żieda fil-faqar f’dawn l-aħħar għoxrin sena, żieda li primarjament laqtet lin-nisa;

143.  Jenfasizza li, għalkemm l-importanza tar-rwol tan-nisa fil-politiki għall-iżvilupp u fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp huwa rikonoxxut sew, l-istatistiċi u l-informazzjoni kwantitattiva li huma relatati b'mod speċifiku għan-nisa għadhom inadegwati u mhux jirnexxielhom jilħqu l-objettiv li jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fl-oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni, il-prevenzjoni u l-issodisfar tal-bżonnijiet bażiċi; jenfasizza, għalhekk, li għandha tingħata attenzjoni lill-iżgurar li fl-objettivi, l-analizi, id-dokumenti u l-evalwazzjonijiet kollha tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, id-data kwantitattiva tiġi analizzata skont il-ġeneri u li indikaturi speċifiċi għall-ġeneri jkunu inklużi biex iqisu l-kundizzjonijiet attwali tal-ħajja tan-nisa;

144.  Jiddikjara li kull tifel u tifla, irrispettivament mill-ġeneru, għandhom id-dritt għall-ħajja, is-sopravvivenza u l-iżvilupp, u jafferma mill-ġdid li t-tfal bniet ukoll għandhom status indaqs skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE li jinsabu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jaħdmu mal-gvernijiet ta’ dawk il-pajjiżi biex ikun żgurat li t-tfal bniet igawdu mid-drittijiet tagħhom mingħajr diskriminazzjoni, inter alia billi tkun mitluba r-reġistrazzjoni immedjata tat-tfal kollha wara t-twelid, fejn il-bniet u s-subien jingħatalhom dritt indaqs għall-edukazzjoni u t-tagħlim tal-iskola, jiġu miġġielda l-isterjotipi u jitwaqqfu għalkollox il-prattiki bla etika u diskriminatorji tal-għażla tas-sess qabel it-twelid, l-abort tal-feti femminili, l-infantiċidju tal-bniet iż-żwieġ bikri furzat, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u b'mod speċjali l-prostituzzjoni tat-tfal u t-turiżmu sesswali; jafferma mill-ġdid ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2012 dwar l-iskandlu tal-abort sfurzat fiċ-Ċina (2012/2712 (RSP))[10];

145.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat ir-rispett għad-dritt tat-tfal bniet li jesprimu opinjoni u li jinstemgħu fi kwistjonijiet li jaffettwaw saħħithom u d-dinjità tagħhom bħala bnedmin, filwaqt li jenfasizza li l-ħarsien tal-aħjar interessi tat-tfal għandu jkun l-ewwel prijorità; jenfasizza l-bżonn tat-tfal kollha, u b’mod partikolari tat-tfal bniet, li jiġu mrobbija f’ambjent ta’ familja fil-paċi, dinjità, tolleranza, libertà, nondiskriminazzjoni, ugwaljanza bejn il-ġeneri u solidarjetà; jitlob implimentazzjoni stretta tad-Dikjarazzjoni ta’ Ġinevra tad-Drittijiet tat-Tfal u tad-Dikjarazzjoni ta’ Beijing dwar in-Nisa;

146.  Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ġenituri, tal-gwardjani legali jew ta’ individwi oħra li huma legalment responsabbli għat-tfal meta jittrattaw id-drittijiet tat-tfal fil-kuntest tal-għajnuna għall-iżvilupp; jitlob lill-istituzzjonijiet kompetenti jagħtu attenzjoni speċjali lir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, pereżempju permezz ta’ programmi li fihom miżuri konkreti mfassla speċifikament għall-ħtiġijiet nazzjonali, li jfittxu li jagħtu għajnuna massima u ottimali lill-ġenituri jew lill-gwardjani fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom bħala ġenituri sabiex jiġi evitat it-tkissir tal-familji, il-maltrattament tat-tfal jew it-tqegħid tagħhom f’idejn il-kura soċjali bħala riżultat ta’ faqar serju jew jiżguraw li miżura bħal din tiġi kkunsidrata biss bħala l-aħħar rimedju;

147.  Jiżgura li, fl-implimentazzjoni tal-klawsoli speċifiċi dwar il-projbizzjoni tal-isfurzar jew il-kostrinġiment fi kwistjonijiet ta’ saħħa sesswali u riproduttivà speċifiċi tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) tal-Kajr, fir-rigward tal-istrumenti internazzjonali legalment vinkolanti fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-acquis communautaire tal-UE u l-kompetenzi politiki tal-Unjoni f’din il-kwistjoni, l-għajnuna tal-Unjoni m’għandhiex tingħata lil ebda awtorità, organizzazzjoni jew programm li jippromwovi, jappoġġja jew jipparteċipa fil-ġestjoni ta’ kull azzjoni li tinvolvi tali abbużi tad-drittijiet tal-bniedem bħall-abort sfurzat, l-isterilizzazzjoni sfurzata tan-nisa u l-irġiel, l-iżvelar tas-sess tal-fetu li jirriżulta fl-għażla tas-sess qabel it-twelid jew f’infantiċidju, speċjalment fejn azzjonijiet bħal dawn jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom b'reazzjoni għall-pressjoni psikoloġika, soċjali, ekonomika jew legali. jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza esterna tal-Unjoni li tkopri dan il-programm;

148.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, speċjalment il-vjolenza sesswali, l-isfruttament u l-femminiċidju, huma mifruxa ħafna fid-dinja, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li d-difiża tad-drittijiet tan-nisa, inklużi d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, u l-ħarsien tar-rispett tad-dinjità umana tagħhom huma essenzjali biex tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, tkun ipprovduta protezzjoni u konsulenza xierqa lill-vittmi, kif ukoll biex tiżgura punizzjoni għat-trasgressuri; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-ġlieda kontra l-impunità għat-trasgressaturi ta' vjolenza bħal din waħda mill-prijoritajiet tal-politika tagħha tal-għajnuna għall-iżvilupp;

149.  Jirrimarka li ta’ spiss in-nisa huma diskriminati f’termini tar-rikonoxximent tal-ġlieda tagħhom għall-paċi, u li tbatija estrema hija kkaġunata fuq in-nisa f’pajjiżi li qegħdin fi gwerra;

isostni li azzjoni ta' dan it-tip, inkluż l-istupru ta’ bniet minn suldati, il-prostituzzjoni sfurzata t-tqala sfurzata tan-nisa, l-iskjavitù sesswali, l-istupru u l-fastidju sesswali, u l-ħtif konsenswali (permezz ta’ seduzzjoni), huma reati li m’għandhomx jiġu injorati;

isostni li l-UE għandha tittratta dawn bħala problemi fundamentali li għandhom jiġu kkunsidrati;

150.  Jirrimarka li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-edukazzjoni dwar iż-żewġ ġeneri kemm lill-bniet kif ukoll lis-subien, li għandha tinbeda mill-istadju bikri fl-iskola, sabiex l-attitudnijiet soċjali u l-isterjotipi fuq il-parità bejn l-irġiel u n-nisa jinbidlu gradwalment;

151.  Jiddikjara li l-miżuri ta' għajnuna għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew ta’ urġenza u dawk tal-pajjiżi jew sitwazzjonijiet fejn hemm nuqqas serju ta’ libertajiet fundamentali, fejn is-sigurtà tal-bniedem hija l-aktar f'riskju jew fejn l-organizzazzjonijiet u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem joperaw taħt l-aktar kondizzjonijiet diffiċli; għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjonijiet fejn in-nisa qed jiġu esposti għal vjolenza fiżika jew psikoloġika;

152.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-isferi ċivili, politiċi, soċjali, ekonomiċi u kulturali, kif ukoll fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

153.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ ir-rwol tan-nisa fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u fir-riforma demokratika, fl-appoġġ għall-prevenzjoni tal-kunflitti u fil-konsolidazzjoni tal-parteċipazzjoni u fir-rappreżentazzjoni politika;

154.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
  • [2]  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 47.
  • [3]  Sen, Amartya: ‘Why Human Security?’, Test ippreżentat fis-Simpożju Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Bniedem f'Tokjo fit28 ta' Lulju 2000.
  • [4]  ‘Clinical trials in developing countries: How to protect people against unethical practices?’, studju mħejji mid-Direttorat Ġenerali tal-Parlament Ewropew għall-Politiki Esterni tal-Unjoni.
  • [5]  Isobel Coleman: ‘The global glass ceiling: Why empowering women is good for business’, : Foreign Affairs, vol. 89, Mejju/Ġunju 2010, p 13-20; UNFPA: ‘State of World Population 2009, Facing a changing world: women, population and climate’.
  • [6]  P7_TA(2011)0264.
  • [7]  Il-Kummissjoni Ewropea, 'Ir-Rapport tal-2012 dwar ir-Responsabbiltà tal-UE rigward il-Finanzjament għall-Iżvilupp', tad-9 ta' Lulju 2012
  • [8]  Il-Prinċipji ta' Istanbul, kif miftiehma fl-Assemblea Globali tal-Forum Miftuħ f'Istanbul, Settembru 28-30, 2010
  • [9]  Tools and Method Series, Dokument ta' referenza nru 12: Engaging Non-State Actors in New Aid Modalities for Better Development Outcomes and Governance.
  • [10]  P7_TA(2012)0301.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (11.7.2012)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp
(2012/2063(INI))

Rapporteur: Emer Costello

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jitlob lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ l-fatt li l-klawżola soċjali fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) tapplika kemm ġewwa kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tal-UE;

2.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li dispożizzjonijiet soċjali mdaħħla fi ftehimiet tal-UE dwar il-kummerċ jiġu implimentati u mmonitorjati b’mod xieraq; jikkunsidra li hu neċessarju li jiġi żgurat li mekkaniżmi għar-reviżjoni u għall-infurzar ikunu disponibbli;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet vinkolanti dwar l-istandards soċjali u dwar l-objettivi ta’ impjieg sħiħ u produttiv, b'kunsiderazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u ż-żgħażagħ, xogħol diċenti, rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż għall-ħaddiema migranti, u ugwaljanza bejn is-sessi f’kull ftehim tal-UE dwar il-kummerċ;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li n-negozjar kollettiv jiġi appoġġat u mifrux bħala għodda li tnaqqas l-inugwaljanza fis-suq tax-xogħol, tiżgura xogħol u pagi diċenti, tipprevjeni d-dumping soċjali, ix-xogħol mhux iddikjarat u tiżgura kompetizzjoni ġusta;

5.  Jenfasizza n-neċessità li jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet tal-kuntratti ta' xogħlijiet, u x-xogħol imwettaq minn żgħażagħ u nisa m'għandux jirrappreżenta kwalunkwe tip ta' sfruttament inklużi l-isfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, skjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù;

6.  Jenfasizza l-importanza ta’ obbligi vinkolanti ta’ responsabilità soċjali tal-kumpaniji, u tal-inkoraġġiment tal-impjegaturi biex japplikaw standards soċjali li jkunu aktar ambizzjużi mid-dispożizzjonijiet statutorji attwali, inkluża l-possibilità li tiġi żviluppata u tinkiseb denominazzjoni bħal pereżempju tikketta soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni, u jiżguraw l-infurzar legali, ta’ dawn l-obbligi;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-istabbiliment ta’ punti fokali tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) anki f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex itejbu l-iskambji tal-informazzjoni, fost l-oħrajn dwar kwistjonijiet li huma lil hinn mill-kompetenzi tal-UE, bħall-użu soċjalment inklussiv ta’ kirjiet ta’ riżorsi jew tassazzjoni jew rimessi, u l-impatt tal-hekk imsejjaħ fuq il-pajjiżi ta' oriġini; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-politika soċjali fix-xogħol tal-EEAS; jemmen li huwa essenzjali wkoll għall-pajjiżi b'introjtu medju li jimpenjaw proporzjon li dejjem jiżdied tad-dħul tagħhom għal skopijiet soċjali, speċjalment billi jiżviluppaw sistemi ta' tassazzjoni u protezzjoni soċjali;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni akbar lill-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni ta’ migranti, partikolarment nisa u tfal, f’pajjiżi li qegħdin jirċevuhom, u dwar il-portabilità tad-drittijiet soċjali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu sehem fi djalogu soċjali ma’ organizzazzjonijiet tax-xogħol u trejdjunjins li mhumiex tal-UE dwar l-implimentazzjoni ta' standards soċjali fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, u tiżgura assistenza teknika aktar adegwata għall-implimentazzjoni tal-politika soċjali u fiskali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

10.7.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, David Casa, Ole Christensen, Minodora Cliveti, Emer Costello, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Ádám Kósa, Jean Lambert, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Elisabeth Schroedter, Nicole Sinclaire, Jutta Steinruck

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Svetoslav Hristov Malinov, Anthea McIntyre, Antigoni Papadopoulou, Evelyn Regner

OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd (6.9.2012)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp
(2012/2063(INI))

Rapporteur għal opinjoni: João Ferreira

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Isostni li l-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni għandha titwettaq fl-ambitu tal-obbligi miftiehma fin-NU u organizzazzjonijiet u entitajiet internazzjonali kompetenti oħra, u li l-kontribut tas-sajd għall-iżvilupp għandu jsir fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u għandu jikkontribwixxi għall-għan ewlieni tal-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni, li hu li l-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jonqos, u finalment jiġi eradikat;

2.  Jemmen li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp fil-qasam tas-sajd billi tappoġġa l-prinċipju ta' stokkijiet ta’ ħut extra u regoli oħra stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-FAO għas-sajd responsabbli kif ukoll il-Ftehim ta’ Konformità tal-FAO dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-livell globali;

3.  Jenfasizza li l-objettivi tal-politika tas-sajd għandhom jiġu implimentati fuq bażi ta' trasparenza u l-koerenza ma’ objettivi oħra tal-Unjoni, u li l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp għandu jkun ippjanat, imkejjel u evalwata, u suġġett regolarment u sistematikament għal skrutinju demokratiku;

4.  Jemmen li għandha tkun żgurata koerenza sħiħa, u għandhom jinħolqu sinerġiji, bejn it-tfassil, l-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp Komunitarja u l-proċeduri ekwivalenti għall-politiki settorjali, partikolarment dawk li għandhom l-akbar impatt fuq l-iżvilupp, bħall-politiki kummerċjali, agrikoli u tas-sajd, filwaqt li jitqies li l-akbar ammont ta’ tonn li jinqabad fid-dinja jinqabad fl-ibħra ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, li l-maġġoranza tal-qabdiet fl-ilmijiet tal-AKP isiru minn bastimenti barranin, u li s-sajd huwa s-sors tal-konsum ta’ aktar minn kwart tal-proteini tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

5.  Jixtieq jagħmilha ċara li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni dwar is-sajd u l-aspetti relatati mas-sajd tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-ftehimiet kummerċjali tal-UE għandhom jikkontribwixxu biex is-sajd issir attività soċjalment, ekonomikament u ambjentalment sostenibbli għall-UE u l-imsieħba tagħha;

6.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li proporzjon sostanzjali tal-għanijiet tal-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd ma ntlaħqux; jiddispjaċih b'mod partikolari dwar ir-riżultati fqar miksuba fl-oqsma tal-kooperazzjoni u appoġġ xjentifiċi u teknoloġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tas-sajd (u industriji relatati) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen li dawn l-aspetti jistgħu jittejbu permezz ta’ politiki koerenti u governanza tal-attività internazzjonali tas-sajd;

7.  Jenfasizza li l-UU għandha tiżgura li r-riforma attwali tal-Polika Komuni dwar is-Sajd tkun konformi mal-impenji tal-UE lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tappoġġa l-ilħuq tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, kif ukoll id-dritt bażiku tal-bniedem għall-ikel kif rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

8.  Jinnota li, b'mod ġenerali, il-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd bażikament servew biex jittrasferixxu l-fondi lil pajjiżi li qed jiżviluppaw bi skambju għall-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd tagħhom; iqis, għalhekk, li l-għajnuna għandha tkun iffukata fuq ir-riżultati aħħara, li jistgħu jitkejlu, u effiċjenti fl-iżvilupp tas-settur tas-sajd fil-pajjiżi terzi u divrenzjati minn ħlasijiet għal drittijiet ta' aċċess;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-azzjoni esterna tagħha b'mod ġenerali, u l-Ftehimiet ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd b'mod partikolari, jippromwovu l-governanza tajba u t-trasparenza u joħolqu l-kundizzjonijiet biex pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw jibbażaw il-politiki tas-sajd tagħhom fuq l-istess linji gwida u standards ta' sostenibilità bħal dawk tal-politika komuni tas-sajd, fosthom: l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ibbażati fuq rapporti xjentifiċi u studji tal-impatt u l-abbozzar ta' pjanijiet pluriennali li jippermettu sfruttament proporzjonat għar-rendiment massimu sostenibbli tal-istokkijiet; appoġġ speċjali għal attivitajiet fuq skala żgħira tas-sajd u tal-akkwakultura u għall-komunitajiet li jiddependu minnhom; il-promozzjoni ta' sajd selettiv u l-adattament tal-kapaċità tal-flotta għar-riżorsi u prattiki tas-sajd aktar responsabbli; it-tnaqqis gradwali u fl-aħħar mill-aħħar, l-eliminazzjoni, tal-iskartar; sforzi fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat; titjib tal-kundizzjonijiet tas-sikurezza u tal-benesseri fuq ix-xogħol; protezzjoni tal-bijodiversità u l-ambjent u miżuri kontra t-tibdil fil-klima; il-kwalità tal-prodott u kummerċjalizzazzjoni aqwa; u l-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex tiżdied is-sostenibbiltà tal-attivitajiet fil-qasam tas-sajd, l-akkwakultura u industriji relatati;

10. Jenfasizza li l-ftehimiet u l-industriji li jiżviluppaw madwarhom qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ pajjiżi terzi u għall-ħila ġejjiena tagħhom li jisfruttaw ir-riżorsi tagħhom stess;

11. Isostni bis-sħiħ li, fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u fl-azzjonijiet fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkontribwixxu biex jibnu l-kapaċitajiet tas-soċjetajiet u tal-gvernijiet ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw li jfasslu, jimplimentaw u jimmonitorjaw politiki tas-sajd sostenibbli li jżidu s-sigurtà tal-ikel tagħhom u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tagħhom;

12. Huwa favur it-tiswir ta’ mudelli b’objettivi, azzjonijiet u indikaturi bl-għan li jiġi ssorveljat l-użu tal-fondi b'mod aktar effettiv fi spirtu ta' sħubija; jenfasizza li dan il-monitoraġġ għandu jinkludi l-adozzjoni ta' proċeduri korrettivi, li għandhom jiġu miftiehma mal-pajjiż terz, kull meta jiġi osservat li xi parti tkun iddevjat mill-objettivi;

13. Jilqa' l-eżempju ta' trasparenza li l-UE stabbiliet fil-kuntest dinji permezz tal-pubblikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa’ miftuħa u tiżgura li l-valutazzjonijiet ta' dawn il-ftehimiet ukoll jiġu ppubblikati, fir-rispett tal-prinċipji tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, sabiex il-parlamenti lokali, is-soċjetà ċivili u partijiet oħra kkonċernati jkunu jistgħu jivvalutaw b'mod effettiv l-implimentazzjoni u l-impatt tal-ftehimiet;

14. Jiġbed l-attenzjoni dwar kemm hu importanti li jkun hemm data xjentifika trasparenti u aġġornata dwar l-istokkijiet tal-ħut, dwar kull ftehim tas-sajd inklużi dawk tal-UE, u dwar l-isforz tas-sajd totali fl-ilmijiet ta' kull pajjiż; iqis li l-valutazzjoni xjentifika għandha tippreċedi l-iffirmar ta' ftehimiet, jew għall-inqas li l-ftehimiet għandhom jikkontribwixxu għall-eżami tad-data;

15.  Jiġbed l-attenzjoni għall-problema tas-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat (IUU); ifakkar li bosta bastimenti ma jirraportawx il-qabdiet tagħhom kif xieraq u mhumiex spezzjonati, u li d-data fornuta mill-bastimenti ma tiġix verifikata, u li ma ssirx identifikazzjoni ċara tal-ispeċijiet maqbuda; iqis li l-UE tista' u għandha tikkontribwixxi iktar għas-sejba ta' soluzzjoni għal dawn il-problemi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fir-relazzjoni internazzjonali kollha tagħha, tappoġġa l-prinċipju tar-responsabilità tal-Istat tal-bandiera li huwa l-bażi tad-dritt internazzjonali u huwa fundamentali għal implimentazzjoni effiċjenti tar-regolament dwar is-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat;

16. Jippromwovi rabta aħjar bejn il-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd u l-istrumenti eżistenti tal-politika għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-FEŻ, u mal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-swieq tal-UE f'pajjiżi li qed jiżviluppaw.

17. Jenfasizza li l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sajd jistgħu igawdu minnha, b’mod dirett, il-150 miljun ruħ madwar id-dinja kollha li jiddependu fuq is-sajd u tas-sajd relatati mal-attivitajiet għall-għajxien tagħhom.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.9.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Kriton Arsenis, Alain Cadec, Chris Davies, João Ferreira, Carmen Fraga Estévez, Dolores García-Hierro Caraballo, Ian Hudghton, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Guido Milana, Maria do Céu Patrão Neves, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Struan Stevenson, Isabelle Thomas, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Besset, Julie Girling, Nikolaos Salavrakos, Antolín Sánchez Presedo

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (5.9.2012)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp
(2012/2063(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Andrea Češková

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jiddikjara li r-rati ta' mortalità fost l-ommijiet huma sproporzjonatament għolja fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinnota bi tħassib li n-nisa Afrikani għandhom il-probabilità li jmutu waqt il-ħlas 175 darba aktar min-nisa li jgħixu fir-reġjuni żviluppati tad-dinja[1]1; jenfasizza li kura ostetrika ta’ emerġenza li tkun aċċessibbli, għall-but ta’ kulħadd, adegwata u ta’ kwalità għolja hija vitali biex jitnaqqsu r-rati tal-imwiet fost l-ommijiet; jenfasizza li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġu għadd akbar ta’ professjonisti tal-kura tas-saħħa kkwalifikati biex jieħdu ħsieb in-nisa waqt il-ħlas; jenfasizza l-ħtieġa li n-nisa, u speċjalment it-tfajliet, jiġu mgħarrfa dwar id-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, is-servizzi tas-saħħa li jistgħu jutilizzaw l-użu ta’ metodi ta’ kontraċezzjoni, u r-riskju ta' HIV/AIDS;

2.  Jilqa’ l-ħidma attiva tal-Kummissjoni Ewropea, kemm fil-livell ta’ politika kif ukoll permezz tal-istrumenti ta' finanzjament u l-mekkaniżmi ta' appoġġ baġitarju differenti tagħha, bl-għan li ttejjeb l-impenji tagħha għat-trawwim tal-emanċipazzjoni tan-nisa, b’mod partikolari billi tfittex li tintegra l-prijoritajiet u l-bżonnijiet tan-nisa fil-politiki ewlenin kollha ta’ koerenza għall-iżvilupp;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm data statistika affidabbli u li jiġu rreġistrati l-kawżi tal-imwiet marbuta mal-maternità skont il-kodifikazzjoni tal-Mortalità Materna tal-ICD tal-WHO, li tista’ tiggwida lill-pajjiżi u tgħinhom itejbu l-attribuzzjoni u l-istima tagħhom tal-kawżi tal-imwiet marbuta mal-maternità.

4.  Jafferma mill-ġdid id-dikjarazzjoni tiegħu A(2010)21584 tal-Assemblea Parlamentari AKP-UE;

5.  Jinnota li l-bidla fil-klima taffettwa lin-nisa b’mod sproporzjonat, kemm fl-aspetti tas-saħħa, peress li aktar imutu nisa kaġun ta’ diżastri naturali, kif wkoll f'termini ta' pressjoni ekonomika, migratorja u soċjali, minħabba d-diskriminazzjoni u r-rwoli soċjali sessisti li għadhom jikkaratterizzaw lis-soċjetajiet tagħna; għalhekk, wieħed mill-kriterji ewlenin għas-suċċess tal-PCD (koerenza tal-politiki għall-iżvilupp) għandu jkun l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet trasversali tas-sessi, kemm biex ikun żgurat li l-ugwaljanza tas-sessi fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politiki varji ma tiġix injorata, kif ukoll biex ikun evitat li dawk il-politiki, b'mod ġenerali, ma jħallux effetti kontroproduttivi fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

6.  Jitlob li l-Koerenza tal-Politiki għall-iżvilupp tiffavorixxi approċċ parteċipattiv li jippromwovi l-għoti ta' setgħa u l-awtodeterminazzjoni tal-popolazzjonijiet lokali, prinċipalment tan-nisa;

7.  Jafferma mill-ġdid l-importanza li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tan-nisa, li m'għandhomx jitqiesu sempliċement bħala sezzjoni vulnerabbli tal-popolazzjoni, iżda wkoll bħala faċilitaturi attivi tal-politiki għall-iżvilupp; jinnota li, f’dan il-kuntest, in-nisa huma responsabbli għat-80% tal-agrikoltura fl-Afrika, anke jekk huwa rari għalihom li jkollhom il-possibiltà li jkunu sidien tal-art li jikkultivaw; għalhekk jitlob li l-politiki agrikoli u tas-sajd mhux biss jiġu integrati fil-PCD minħabba l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp, iżda li jiġu wkoll evalwati skont l-impatt divrenzjat tagħhom fuq in-nisa u l-irġiel rispettivament;

8.  Jenfasizza l-importanza li jkunu meqjusa l-aktar gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, speċjalment in-nisa u l-bniet, u li dawn jingħataw attenzjoni speċjali biex tiġi evitata kwalunkwe żieda fl-inugwaljanza; l-esperjenza wriet li l-miżuri “newtrali” jsaħħu l-istrutturi eżisenti ta’ poter u huwa essenzjali li tittieħed azzjoni pożittiva, infurmata u sistematika f'forma ta' miżuri li jtejbu s-sitwazzjoni tan-nisa, biex ikun żgurat li l-miżuri jibbenefikaw minnhom dawk l-aktar żvantaġġati;

9.  Jenfasizza li l-politika ta’ promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għandha tkun mhux biss is-suġġett ta’ intestatura baġitarja speċifika fil-qafas tal-politiki tal-iżvilupp, iżda għandha titqies ukoll bħala kwistjoni trasversali, peress li kull politika li għandha impatt fuq is-soċjetà taffettwa lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti, minħabba l-persistenza tar-rwoli tas-sessi fis-soċjetà u l-fatt li l-PCD toffri mezzi prattiċi kif jiġi evitat li l-esternalitajiet negattivi ikollhom effett negattiv fuq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

10. Jenfasizza l-importanza li n-nisa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jiġu inklużi sa mill-istadju ta' formulazzjoni tal-politiki għall-iżvilupp b'mod partikolari permezz ta’ taħriġ fil-kwistjoni tas-sessi fi ħdan is-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi terzi; jenfasizza li taħriġ bħal dan għandu jqanqal għarfien ġenerali dwar kwistjonijiet relatati mal-ġeneru u mal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, kif ukoll jipproponi approċċi prattiċi u speċifiċi skont il-pajjiż bl-għan li jinfluwenzaw ir-regoli tas-soċjetà li huma ta' ostaklu għall-ugwaljanza permezz tal-użu ta' mezzi varji għad-dispożizzjoni tal-UE, inkluż, b’mod partikolari, il-PCD;

11. Jenfasizza l-bżonn li l-PCD tinkorpora approċċ globali li jmur lil hinn mil-livell tal-familja u dak mikrosoċjali u li jikkunsidra r-relazzjonijiet bejn is-sessi; dan l-approċċ trasversali għall-ugwaljanza bejn is-sessi hemm bżonn li jkun inkorporat f'kull proġett għall-iżvilupp u f'kull analiżi ta’ soċjetà; l-approċċ għandu japplika mhux biss għas-setturi kollha iżda wkoll fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u oħrajn kollha; approċċ bħal dan, li jqis sistematikament is-sitwazzjoni u r-rwol tan-nisa u r-relazzjonijiet bejn is-sessi f'soċjetà, hu aktar komprensiv, umanistiku u demokratiku minn approċċ li jiżola lin-nisa; jevita l-marġinalizzazzjoni tan-nisa fi “proġetti tan-nisa” jew proġetti li jżidu l-ammont ta’ xogħol tan-nisa jew ir-responsabbiltajiet tagħhom mingħajr ma jżidu s-setgħa jew il-kontroll tagħhom fuq il-benefiċċji ġġenerati mill-proġetti msemmija;

12. Jafferma li filwaqt li s-suċċess tal-politiki għall-iżvilupp u, konsegwentament, tal-PCD ma jistax jitkejjel biss permezz tal-indikaturi wesgħin li diġà wrew il-limitazzjonijiet tagħhom, bħall-bidliet fil-PDG għal kull resident, indikaturi oħra, bħal dawk relatati mal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, għandhom ikunu jistgħu jipprovdu stampa aktar kompleta tal-effetti tal-politiki tal-iżvilupp in ġenerali; għaldaqstant għandha tinġabar fuq il-post data maqsuma skont is-sessi, sabiex l-impatt tal-PCD ikun evalwat u msaħħaħ;

13. Jenfasizza r-rwol tan-nisa fit-tisħiħ ta' politiki għall-iżvilupp billi jipparteċipaw fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki bħal dawn, biex b'hekk ikun żgurat li, fin-negozjati politiċi u ekonomiċi, l-interessi tan-nisa jkunu meqjusa u jinħoloq ċirku virtwuż fejn in-nisa jagħtu spinta lill-politiki tal-politiki għall-iżvilupp li, b'riżultat ta' dan, jistabbilixxu l-istrutturi neċessarji li bihom in-nisa jkollhom aktar setgħa; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ lill-organizzazzjonijiet u l-gruppi tas-soċjetà ċivili li huma responsabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa;

14. Jinnota li n-nisa għandhom rwol essenzali fl-iżvilupp, peress li, fir-rwol tagħhom bħala ommijiet u persuni responsabbli għall-kura tat-tfal u ta' membri tal-familja dipendenti oħra, huma jassumu r-responsabbiltà tal-benesseri ġenerali tal-familja; pereżempju, in-nisa għandhom rwol kruċjali fil-qasam tan-nutrizzjoni u tas-sikurezza tal-ikel, speċjalment fil-kuntest tal-biedja fuq skala żgħira;

15. Jenfasizza li s-sitwazzjoni tan-nisa, f'ħafna każijiet, qed tiddeterjora aktar minn dik tal-irġiel, kemm f’termini relattivi kif ukoll f'termini assoluti; kien hemm żieda fil-faqar tul dawn l-aħħar għoxrin sena bejn wieħed u ieħor, li laqat l-aktar lin-nisa;

16. Jenfasizza li, għalkemm l-importanza tar-rwol tan-nisa fil-politiki għall-iżvilupp u fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp huwa rikonoxxut sew, l-istatistiċi u l-informazzjoni kwantitattiva li huma relatati b'mod speċifiku għan-nisa għadhom inadegwati u mhux jirnexxielhom jilħqu l-objettiv li jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fl-oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni, il-prevenzjoni u l-issodisfar tal-bżonnijiet bażiċi; għandha tingħata attenzjoni biex ikun żgurat, għaldaqstant, li fl-għanijiet kollha tal-PCD, l-analizi, id-dokumenti u l-evalwazzjonijiet kwantitattivi kollha, id-data tiġi analizzata skont is-sess u li jkunu inklużi indikaturi speċifiċi għas-sessi, biex ikunu kkunsidrati l-kundizzjonijiet reali tal-ħajja tan-nisa;

17. Jiddikjara li kull tifel u tifla, irrispettivament mis-sess, għandhom id-dritt għall-ħajja, is-sopravvivenza u l-iżvilupp, u jafferma mill-ġdid li t-tfal bniet ukoll għandhom status indaqs skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC); jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE li jinsabu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jaħdmu mal-gvernijiet ta’ dawk il-pajjiżi biex ikun żgurat li t-tfal bniet igawdu mid-drittijiet tagħhom mingħajr diskriminazzjoni, inter alia billi tkun mitluba r-reġistrazzjoni immedjata tat-tfal kollha wara t-twelid, fejn il-bniet u s-subien jingħatalhom dritt indaqs għall-edukazzjoni u t-tagħlim tal-iskola, jiġu miġġielda l-isterjotipi u jitwaqqfu għalkollox il-prattiki bla etika u diskriminatorji tal-għażla tas-sess qabel it-twelid, l-abort tal-feti femminili, l-infantiċidju tal-bniet iż-żwieġ bikri furzat, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u b'mod speċjali l-prostituzzjoni tat-tfal u t-turiżmu sesswali; jafferma mill-ġdid ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2012 dwar l-iskandlu tal-abort sfurzat fiċ-Ċina (2012/2712 (RSP))[2];

18. Jenfasizza l-ħtieġa għar-rispett tad-dritt tat-tfal bniet li jesprimu opinjoni u li jinstemgħu fi kwistjonijiet li jaffettwaw saħħithom u d-dinjità tagħhom bħala bnedmin, filwaqt li jenfasizza li l-ħarsien tal-aħjar interessi tat-tfal għandu jkun l-ewwel prijorità; jenfasizza l-bżonn tat-tfal kollha, u b’mod partikolari tat-tfal bniet, li jiġu mrobbija f’ambjent ta’ familja fil-paċi, dinjità, tolleranza, libertà, nondiskriminazzjoni, ugwaljanza bejn is-sessi u solidarjetà; jitlob implimentazzjoni stretta tad-Dikjarazzjoni ta’ Ġinevra tad-Drittijiet tat-Tfal u tad-Dikjarazzjoni ta’ Beijing dwar in-Nisa;

19. Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ġenituri, tal-gwardjani legali jew ta’ individwi oħra li huma legalment responsabbli għat-tfal meta jittrattaw id-drittijiet tat-tfal fil-kuntest tal-għajnuna għall-iżvilupp; jitlob lill-istituzzjonijiet kompetenti jagħtu attenzjoni speċjali lir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, pereżempju permezz ta’ programmi li fihom miżuri konkreti mfassla speċifikament għall-ħtiġijiet nazzjonali, li jfittxu li jagħtu għajnuna massima u ottimali lill-ġenituri jew lill-gwardjani fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom bħala ġenituri sabiex jiġi evitat it-tkissir tal-familji, il-maltrattament tat-tfal jew it-tqegħid tagħhom f’idejn il-kura soċjali bħala riżultat ta’ faqar serju jew jiżguraw li miżura bħal din tiġi kkunsidrata biss bħala l-aħħar rimedju;

20. Jiżgura li, fl-implimentazzjoni tal-projbizzjoni tal-isfurzar jew il-kostrinġiment fi kwistjonijiet ta’ saħħa sesswali u riproduttivà speċifiċi tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) tal-Kajr, fir-rigward tal-istrumenti internazzjonali legalment vinkolanti fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-acquis communautaire tal-UE u l-kompetenzi politiki tal-Unjoni f’din il-kwistjoni, l-għajnuna tal-Unjoni m’għandhiex tingħata lil ebda awtorità, organizzazzjoni jew programm li jippromwovi, jappoġġa jew jipparteċipa fil-ġestjoni ta’ kull azzjoni li tinvolvi tali abbużi tad-drittijiet tal-bniedem bħall-abort sfurzat, l-isterilizzazzjoni sfurzata tan-nisa u l-irġiel, l-iżvelar tas-sess tal-fetu li jirriżulta fl-għażla tas-sess qabel it-twelid jew f’infantiċidju, speċjalment fejn azzjonijiet bħal dawn jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom b'reazzjoni għall-pressjoni psikoloġika, soċjali, ekonomika jew legali. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza esterna tal-Unjoni li tkopri dan il-programm;

21. Jesprimi tħassib kbir dwar il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru li hija mifruxa ħafna, speċjalment il-vjolenza sesswali, l-isfruttament u l-femminiċidju, fid-dinja u b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; id-difiża tad-drittijiet tan-nisa, inklużi d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, u l-ħarsien tar-rispett tad-dinjità umana tagħhom huma essenzjali biex tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, tkun ipprovduta protezzjoni u konsulenza xierqa lill-vittmi, kif ukoll biex tiżgura punizzjoni għat-trasgressuri; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-ġlieda kontra l-impunità għat-trasgressaturi ta' vjolenza bħal din waħda mill-prijoritajiet tal-politika tagħha tal-għajnuna għall-iżvilupp;

22. Jirrimarka li ta’ spiss in-nisa huma diskriminati f’termini tar-rikonoxximent tal-ġlieda tagħhom għall-paċi, u li tbatija estrema hija kkaġunata fuq in-nisa f’pajjiżi li qegħdin fi gwerra; isostni li azzjoni ta' dan it-tip, inkluż l-istupru ta’ bniet minn suldati, il-prostituzzjoni sfurzata t-tqala sfurzata tan-nisa, l-iskjavitù sesswali, l-istupru u l-fastidju sesswali, u l-ħtif konsenswali (permezz ta’ seduzzjoni), huma reati li m’għandhomx jiġu injorati; isostni li l-UE għandha tittratta dawn bħala problemi fundamentali li għandhom jiġu kkunsidrati;

23. Jirrimarka li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-edukazzjoni dwar iż-żewġ sessi kemm lill-bniet kif ukoll lis-subien, li għandha tinbeda mill-istadju bikri fl-iskola, sabiex l-attitudnijiet soċjali u l-isterjotipi fuq il-parità bejn l-irġiel u n-nisa jinbidlu gradwalment;

24. Jiddikjara li l-miżuri ta' għajnuna għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew ta’ urġenza u dawk tal-pajjiżi jew sitwazzjonijiet fejn hemm nuqqas serju ta’ libertajiet fundamentali, fejn is-sigurtà tal-bniedem hija l-aktar f'riskju, jew fejn l-organizzazzjonijiet u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem joperaw taħt l-aktar kondizzjonijiet diffiċli; għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjonijiet fejn in-nisa qed jiġu esposti għal vjolenza fiżika jew psikoloġika;

25. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isferi ċivili, politiċi, soċjali, ekonomiċi u kulturali, kif ukoll fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

26. Jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ ir-rwol tan-nisa fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u fir-riforma demokratika, fl-appoġġ għall-prevenzjoni tal-kunflitti u fil-konsolidazzjoni tal-parteċipazzjoni u fir-rappreżentazzjoni politika;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.9.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Edit Bauer, Andrea Češková, Marije Cornelissen, Edite Estrela, Zita Gurmai, Mikael Gustafsson, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Elisabeth Morin-Chartier, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Angelika Werthmann, Marina Yannakoudakis, Anna Záborská, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Mariya Gabriel, Gesine Meissner, Antigoni Papadopoulou

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.9.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Cashman, Véronique De Keyser, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Jean Roatta, Birgit Schnieber-Jastram, Alf Svensson, Keith Taylor, Eleni Theocharous, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl, Anna Záborská, Iva Zanicchi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Santiago Fisas Ayxela, Isabella Lövin

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

María Irigoyen Pérez, Helmut Scholz, Claudiu Ciprian Tănăsescu