Proċedura : 2012/2004(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0305/2012

Testi mressqa :

A7-0305/2012

Dibattiti :

PV 19/11/2012 - 26
CRE 19/11/2012 - 26

Votazzjonijiet :

PV 20/11/2012 - 6.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0429

RAPPORT     
PDF 220kWORD 195k
4.10.2012
PE 489.349v01-00 A7-0305/2012

dwar l-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni

(2012/2004(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Relatur: Heinz K. Becker

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni

(2012/2004(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-18 ta’ April 2012 ‘Lejn irkupru li jwassal għal ħolqien abbundanti ta’ impjiegi’ (COM(2011)0173),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tas-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni ‘Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni’, INT/606 tat-22 ta’ Frar 2012,

–   wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Frar 2012 għal regolament tal-Kunsill dwar l-istatut għal fondazzjoni Ewropea (COM(2012)0035),

–   wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 għal direttiva dwar l-akkwist pubbliku (COM(2011)0896),

–   wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2011 għal regolament dwar Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej (COM(2011)0862),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 ‘Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni’ (COM(2011)0682),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (COM(2011)0681),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 jisimha ‘L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja. Naħdmu flimkien għal tkabbir ġdid’ (COM(2011)0206),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 ‘Lejn Att dwar is-Suq Uniku – Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna’ (COM(2010)0608),

–   wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2010 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni (COM(2011)0609),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 ‘Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010) 2020),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 għal regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (COM(2011)607),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar 'Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali' (COM(2010)0758),

–   wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u n-Netwerk Ewropew ta’ Żoni ta’ Riċerka tal-EMES tal-2008 intitolat "Intrapriża Soċjali:

Mudell ġdid għat-tnaqqis fil-faqar u l-ġenerazzjoni tal-impjiegi"(1)

–   wara li kkunsidra l-opinjoni Esploratorja tal-KESE tas-26 ta’ Ottubru 2011 dwar “L-intraprenditorija soċjali u l-intrapriża soċjali” IN/589,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali(2),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni bil-miktub tal-Parlament Ewropew Nru P7_DCL(2010)0084 adottata fl-10 ta’ Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Frar 2012 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati(3)

–   wara li kkunsidra r-Regola 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

     wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0305/2012),

A. billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, li jimpjegaw mill-inqas 11-il miljun ruħ fl-UE u li jammontaw għal 6% tal-ħaddiema kollha jew 10% tal-intrapriżi kollha Ewropej, jiġifieri, 2 miljun intrapriża, tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-mudell soċjali Ewropew u lis-strateġija Ewropa 2020.

B.  billi l-iżviluppi storiċi differenti wasslu għal oqfsa legali għal kull tip ta’ intrapriża, inklużi intrapriżi tan-negozji soċjali u tal-ekonomija soċjali, biex juru differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri;

C. billi ħafna tipi ta' intrapriżi fl-ekonomija soċjali mhumiex rikonoxxuti minn qafas legali fil-livell Ewropew u huma rikonoxxuti biss fil-livell nazzjonali f'xi Stati Membri;

D. billi l-effetti tal-kriżi attwali soċjali, ekonomiku u finanzjarju, kif ukoll il-bidliet demografiċi, b'mod partikolari t-tixjiħ tal-popolazzjoni, jisfidaw is-sistemi tal-benessri soċjali, inklużi skemi tal-assigurazzjoni soċjali statutorji u volontarji, u għalhekk sistemi innovattivi għall-assistenza soċjali għandhom jiġu promossi sabiex tiġi żgurata sigurtà soċjali adegwata u diċenti;

E.  billi l-Att dwar is-Suq Uniku u l-istrateġija Ewropa 2020 – li t-tnejn li huma għandhom l-għan li jistabbilixxu tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u b'hekk iżidu l-kwantità u l-kwalità tal-impjiegi, u jkomplu bil-ġlieda kontra l-faqar – huma marbutin sew flimkien, u billi l-intrapriżi soċjali jistgħu jikkontribwixxi b'mod sinifikanti permezz tal-potenzjal ta' innovazzjoni tagħhom u r-rispons releventi tagħhom għall-bżonnijiet soċjali;

F.  billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-atturi tal-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku u innovazzjoni soċjali, li għandhom il-potenzjal li joħolqu impjiegi sostenibbli, u li jħeġġu l-inklużjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol;

G. billi l-proposti tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew u l-Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali (PSCI) għandhom jintlaqgħu tajjeb;

H. billi intrapriżi soċjali jistgħu jgħinu biex jitwasslu s-servizzi soċjali li huma komponenti ewlenin ta' stat soċjali u b'hekk jikkontribwixxu għall-kisba ta' objettivi kondiviżi tal-Unjoni Ewropea;

I.   billi ħafna intrapriżi soċjali jaffrontaw diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament sabiex jespandu l-attivitajiet tagħhom, u għalhekk għandhom bżonn sostenn speċifiku u adattat għalihom, bħal servizzi bankarji soċjali, strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju, fondi jew krediti (mikro) filantropiċi, speċjalment fil-każ ta' intrapriżi mikro u SMEs; billi, f'dan ir-rigward, il-Fondi Strutturali u l-programmi tal-UE għandhom rwol sinifikanti fil-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament għall-intrapriżi soċjali, ukoll għal dawk b'investiment ta' intensità għolja;

J.   Billi ħafna intrapriżi soċjali jippromwovu riforma tal-politika billi jippromwovu governanza tajba, b'mod partikolari billi jinvolvu l-ħaddiema, il-klijenti u l-partijiet interessati, u jsostnu tagħlim reċiproku u l-innovazzjoni soċjali, u b'hekk jagħtu rispons għad-domanda li dejjem qed tikber taċ-ċittadini għal imġiba korporattiva etika, soċjali u favur l-ambjent;

K. billi n-negozji soċjali, min-natura u l-modus operandi tagħhom, jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' soċjetà aktar koeżiva, demokratika u attiva, u ta' spiss joffru – u għandhom joffru – kundizzjonijiet favorevoli tax-xogħol kif ukoll paga ugwali għal impjieg ugwali, u jsostnu opportunitajiet indaqs għall-irġiel u nisa, biex permezz tagħhom tista' ssir rikonċilazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata;

L.  billi l-proposta tal-Kummissjoni li żżid kategorija ġdida ta’ persuni żvantaġġjati għal kuntratti riservati ġiet notata;

Introduzzjoni

1.  Jilqa’ l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ‘Inizjattiva għan-Negozju Soċjali’ u ‘Lejn irkupru li jwassal għal ħolqien abbundanti ta’ impjiegi’, b’rakkomandazzjonijiet lill-gvernijiet nazzjonali biex itejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas għall-intrapriżi soċjali li jista' jwassal għal opportunitajiet u impjiegi ġodda, inter alia fil-qasam li qed jikber malajr tas-saħħa u tal-kura soċjali (l-hekk imsejjaħ settur abjad) u fis-settur ambjentali (l-hekk imsejjaħ settur aħdar), li joffru opportunitajiet ġodda lill-ekonomija soċjali u lil dik aktar wiesgħa;

2.  Jiddikjara li l-ekonomija soċjali hija parti mill-ekonomija tas-suq eko-soċjali kif ukoll tas-suq uniku Ewropew, u jenfasizza r-reżistenza għolja tagħha għall-kriżijiet u l-mudelli kummerċjali solidi tagħha. jenfasizza li l-intrapriżi soċjali ta' spiss ifittxu li jissodisfaw ħtiġijiet soċjali u umani li ma jiġux sodisfatti - jew jekk jiġu jkun biss b'mod inadegwat - minn operaturi kummerċjali jew mill-istat; jenfasizza li huwa aktar probabbli li l-impjiegi fl-ekonomija soċjali jinżammu fl-livell lokali;

3.  Jiddikkjara li intrapriża soċjali tfisser impriża, irrispettivament mill-forma legali tagħha, li:

a)  tkun kisbet impatti soċjali pożittivi li jistgħu jitkejlu bħala objettiv primarju skont l-artikoli ta’ assoċjazzjoni u l-istatuti tagħha jew kwalunkwe dokument statutorju ieħor li jistabilixxi n-negozju; fejn l-impriża:

–   ▌tipprovdi servizzi jew oġġetti lil persuni vulnerabbli, emarġinati, żvantaġġjati jew esklużi;

–   tipprovi oġġetti jew servizzi permezz ta' metodu ta' produzzjoni, li jinkorpora l-objettiv soċjali tagħha;

b)  tuża l-profitti tagħha biex l-ewwel u qabel kollox tilħaq l-objettivi primarji tagħha minflok ma tqassamhom, u jkollha stabbiliti proċeduri u regoli predefiniti għal kwalunkwe ċirkostanza li fiha l-profitti jitqassmu lill-partijiet interessati jew lis-sidien, li jiżguraw li kwalunkwe tali tqassim tal-profitti ma jdgħajjifx l-objettivi primarji tagħha; kif ukoll

c)  tkun immaniġjata b’mod responsabbli u trasparenti, b’mod partikolari billi tinvolvi lill-ħaddiema, il-klijenti u l-partijiet interessati affettwati mill-attivitajiet ta’ negozju tagħha.

Azzjonijiet rakkomandati għal tipi varji ta’ intrapriżi

4.  Jenfasizza li l-attivitajiet imwettqa minn voluntiera f'diversi setturi tal-ekonomija soċjali – inklużi ż-żgħażagħ li qed jibdew il-karrieri tagħhom kollhom entużjażmu u b'ħiliet ġodda, u l-anzjani, li għandhom esperjenza vasta u ħiliet żviluppati sew – jagħtu kontribut importanti lit-tkabbir ekonomiku, lis-solidarjetà u lill-koeżjoni soċjali, u jagħtu skop tal-ħajja lil bosta persuni; jitlob għal rikonoxximent u sostenn finanzjarju u strutturali adegwat, fl-livell lokali, nazzjonali u Ewropew;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-intrapriżi soċjali ma jkunux żvantaġġati minħabba tipi oħra ta' intrapriżi li joqgħodu jagħżlu oqsma ta' qligħ lukrattiv fl-ekonomija soċjali; jinnota li dawn l-oqsma huma l-aktar urbani, fejn oħrajn inqas profitabbli, l-aktar dawk rurali jew periferali fejn il-loġistika tirriżulta fi spejjeż akbar jispiċċaw b'anqas servizzi u b'servizzi ta' kwalità aktar baxxa; jenfasizza li l-utenti għandu jkollhom il-libertà tal-għażla fost għadd ta' fornituri;

6.  Jenfasizza l-importanza ta' strateġija u ta' miżuri li jippromwovu l-intraprenditorija soċjali u l-intrapriżi soċjali innovattivi, speċjalment fir-rigward taż-żgħażagħ u l-persuni żvantaġġati, sabiex jiġi żgurat aċċess aħjar u aktar faċli għall-intraprendituri – kemm nisa u rġiel – għal programmi u finanzjament tal-UE tal-Istati Membri; jitlob għal sostenn adegwat biex jitkompla l-programm Erasmus Għal Imprendituri Żgħażagħ biex tittejjeb l-attrazzjoni u l-viżibilità tiegħu anke fl-ekonomija soċjali; ifakkar, madanakollu, li l-impjieg indipendenti għandu jiġi akkumpanjat bid-dispożizzjoni għal gwida suffiċjenti;

7.  Jinnota d-diversità fi ħdan l-ekonomija soċjali; jenfasizza li l-iżvilupp ta' kwalunkwe qafas legali ġdid fl-livell tal-UE għandu jkun fakultattiv għall-intrapriżi u ppreċedut minn valutazzjoni tal-impatt li tqis l-eżistenza ta' diversi mudelli tan-negozju soċjali fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li kwalunkwe miżura li tittieħed għandha tati prova ta' valur miżjud fl-UE kollha;

8.  Jappoġġja l-inizjattivi fuq livell Ewropew biex jitkabbar u jissaħħaħ is-settur ta’ assoċjazzjoni diġà avvanzat f’diversi Stati Membri; jitlob għal statut Ewropew għal assoċjazzjonijiet li jikkomplementaw l-istatuti legali eżistenti fil-livell tal-Istati Membri;

9.  Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għas-simplifikazzjoni tar-regolament dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea;

10. Jilqa' l-istudju tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetajiet mutwi fl-Ewropa b'involviment mill-qrib tas-settur; jisħaq li s-soċjetajiet mutwi għandhom, permezz ta’ statut Ewropew, ikunu rikonoxxuti bħala attur distint u importanti fi ħdan l-ekonomija u s-soċjetà Ewropea; jenfasizza l-benefiċċji ta 'statut Ewropew biex jiffaċilita attività transkonfinali tas-soċjetajiet mutwi; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għad ma introduċewx statut nazzjonali għall mutwalitajiet biex jagħmlu dan;

11. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar l-Istatura għal statut Ewropew tal-fondazzjonijiet(4);

12. Ifakkar li fil-COM (2004) 0018, il-Kummissjoni impenjat ruħha għal 12-il azzjoni konkreta biex issostni l-iżvilupp tal-kooperattivi, u jiddeplora l-fatt li s'issa ftit li xejn sar progress. jistieden lill-Kummissjoni tipproponi b'ambizzjoni - b'konformità mal-inizjattiva 2004 - aktar miżuri biex itejbu l-kundizzjonijiet operattivi għall-kooperattivi, il-mutwalitajiet, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet, u b'hekk tappoġġja l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali inġenerali;

13. Jilqa’ l-adozzjoni tal-pakkett rivedut ta’ regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat rigward is-servizzi soċjali u lokali filwaqt illi jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tkompli tiċċara dawn ir-regoli sabiex tiffaċilita l-fehim u l-applikazzjoni tagħhom minn awtoritajiet lokali u reġjonali b'mod partikolari fir-rigward ta' intrapriżi soċjali;

Intrapriżi li jwettqu l-għanijiet soċjali jew li jkollhom impatt soċjali

14. Jinnota li intrapriżi soċjali huma fornituri importanti tas-Servizzi Soċjali ta’ Interess Ġenerali (SSGI); jenfasizza li ħafna drabi tali intrapriżi jitnisslu jew huma marbuta mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet volontarji u/jew assoċjazzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jipprovdu servizzi orjentati lejn il-persuna u jkunu ddisinjati sabiex jagħtu rispons għall-ħtiġijiet vitali tal-bniedem, b’mod partikolari l-ħtiġijiet ta' utenti li jinsabu f’pożizzjoni vulnerabbli; ħafna drabi l-intrapriżi soċjali jsibu ruħhom bejn is-setturi tradizzjonali privati u pubbliċi li jwasslu servizzi pubbliċi, jiġifieri fil-qafas tal-akkwist pubbliku;

15. Iqis li l-kunċett tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) għandu jkun ikkunsidrat b’mod distint minn dak tan-negozju soċjali, minkejja li xi negozji kummerċjali b’attivitajiet CSR sinifikanti jista’ jkollhom interazzjoni qawwija man-negozju soċjali;

Perspettivi finanzjarji – it-titjib tal-ambjent legali u fiskali

16. Jemmen li l-programm pSCI għall 2014-2020, bil-mikrofinanzjament u l-assi ta' intraprenditorija soċjali tiegħu, jikkontribwixxi għall-isforz biex jiġi garantit aċċess aħjar għall-mikrokrediti għal mikrointrapriżi fl-ekonomija soċjali waqt li titqies id-diversità tal-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-intrapriżi soċjali;

17. Jemmen li strumenti finanzjarji differenti – bħall-Fondi Ewropej għall-Intraprenditorija Soċjali, il-Fondi Ewropej għal Kapital ta' Riskju u l-Fondi Angels Ewropej (EAF) - huma meħtieġa biex jitjieb l-aċċess għas-swieq finanzjarji għall-intrapriżi soċjali;

18. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati intrapriżi soċjali permezz ta' mezzi finanzjarji suffiċjenti fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE, u jindika l-fondi relevanti skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (bħall-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Agrikolu Fond għall-Iżvilupp Rurali, il-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni, il-Programm għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, kif ukoll Orizzont 2020); jitlob b'mod espliċitu l-appoġġ għal intrapriżi soċjali innovattivi, b'mod partikolari dawk li jippromwovu l-impjiegi ta' kwalità, jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u li jinvestu fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja;

19. Jenfasizza li l-aċċess għall-finanzjament tal-UE għandu jiġi ssimplifikat filwaqt li jkun hemm lok għal flessibbiltà adegwata fil-livell tal-Istati Membri, u li l-opportunitajiet ta' finanzjament għandhom jkunu disponibbli u reklamati b'mod ċar u, barra minn hekk, li r-rekwiżiti organizzattivi, amministrattivi u ta' kontabbiltà għandhom jiġu ssimplifikati;

20. Jirrimarka li l-introduzzjoni ta’ forom ġodda ta’ appoġġ finanzjarju se jkunu preċeduti minn analiżi tal-istrumenti attwali sabiex tiġi vverifikata l-effiċjenza tagħhom u għalhekk iqis li huwa meħtieġ li jiġu akkwistati l-għodod li jkejlu u jqabblu r-ritorn soċjali tal-investiment bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp ta' suq tal-investiment aktar trasparenti;

21. Jikkunsidra li hu neċessarju li jinħolqu kundizzjonijiet li taħthom l-intrapriżi soċjali jkunu jistgħu jiksbu l-indipendenza finanzjarja u jinvolvu ruħhom fl-attività tan-negozju kummerċjali;

22. Jemmen li l-proċessi ta’ ġestjoni responsabbli, bl-appoġġ ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament suġġetti għal sorveljanza u trasparenza xierqa, huma neċessarji sabiex l-attenzjoni tibqa’ fuq l-intraprenditorija soċjali u n-negozji soċjali;

Miżuri, appoġġ u promozzjoni

23. Jitlob li jsir studju komparattiv, mibdi mill-Kummissjoni u mwettaq b'kooperazzjoni ma' intrapriżi soċjali, dwar id-diversi oqfsa nazzjonali u reġjonali legali madwar l-UE, u dwar il-kundizzjonijiet operattivi u l-karatteristiċi għall-intrapriżi soċjali, inkluż id-daqs tagħhom u n-numru u l-qasam tal-attivitajiet tagħhom, kif ukoll dwar iċ-ċertifikazzjoni nazzjonali u s-sistemi ta' tikettar;

24. Jenfasizza li hemm differenza kbira fost l-intrapriżi soċjali f’termini ta’ forma, daqs, attività tan-negozju, ekonomija u kooperazzjoni; jinnota li jeżistu intrapriżi soċjali li huma fuq quddiem fl-iżvilupp tal-kampijiet tagħhom u li għandhom kapaċità adegwata għall-iżvilupp proprju, iżda li jeżistu wkoll intrapriżi fil-bżonn ta’ għarfien meta jiġu biex jistabbilixxu, jiżviluppaw u jimmaniġjaw l-intrapriża tagħhom;

25. Iqis li biex tiżdied il-kompetittività tal-intrapriżi soċjali f’livell Ewropew għandha tiġi nkuraġġita l-kostruzzjoni ta' punti ta' innovazzjoni soċjali, li jkollhom valur miżjud li jmur lil hinn minn sempliċement valur lokali; jikkunsidra, madanakollu, li intrapriżi soċjali, jekk jingħataw inċentivi adegwati, jistgħu jkunu importanti għall-impjieg ta' ħaddiema kwalifikati ta’ età ta’ aktar minn 50 sena li jkunu ħarġu mis-suq tax-xogħol;

26. Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex titwaqqaf pjattaforma online multilingwi, aċċessiibli u li tista' tintuża faċilment għall-intrapriżi soċjali li għandha, fost oħrajn, tippermetti l-iskambju mudelli li taw prova tal-prestazzjoni tagħhom, trawwem l-iżvilupp tas-sħab, tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-aċċess għall-finanzjament u dwar l-opportunitajiet ta' taħriġ, u li għandha sservi bħala netwerk għall-kooperazzjoni transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni lin-negozju soċjali taħt il-Metodu Miftuħ ta' Kooperazzjoni;

27. Jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jitwaqqaf grupp ta’ esperti dwar in-negozju soċjali (GECES) sabiex jiġi osservat u evalwat il-progress tal-miżuri kkunsidrati fil-Komunikazzjoni tagħha COM(2011)0682;

28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw il-fattibbiltà u x-xewqa li tiġi żviluppata ‘tikketta soċjali ewropea’ li għandha tingħata lill-intrapriżi soċjali, biex jiġi żgurat aċċess aħjar għall-akkwist pubbliku u dak soċjalment innovattiv mingħajr ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni; jissuġġerixxi li l-intrapriżi li jġorru din it-tikketta għandhom jiġu mmonitorjati regolarment fir-rigward tal-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet stipulati fit-tikketta;

29. Jitlob għal regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku li japplikaw il-prinċipju ta' "l-aktar offerta vantaġġjuża ekonomikament (MEAT)" minflok il-prinċipju ta' "l-ispiża l-aktar baxxa" meta jkunu qegħdin jinġarġu kuntratti għall-fornitura ta' servizzi;

30. Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-fehim ta 'intrapriżi soċjali u l-ekonomija soċjali, u l-għarfien dwarhom, u biex ttejjeb il-viżibbiltà tat-tnejn, billi ssostni r-riċerka akkademika, inter alia fil-kuntest tat-tmien Programm ta' Qafas 8 (Orizzont), u biex tniedi rapport regolari dwar l-attività fir-rigward tal-intrapriżi soċjali u l-prestazzjonijiet soċjali tagħhom; jitlob lill-Istati Membri jsegwu fuq is-sejħa tal-Kummissjoni għal proposti biex jkun hemm statistika affidabbli dwar l-intrapriżi soċjali, żviluppata mill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika;

31. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw l-intrapriżi soċjali fl-impjieg u fil-pjanijiet ta' azzjoni għall-inklużjoni soċjali, u jappoġġa t-twaqqif ta' ''Premju Ewropew għall-Intraprenditorija Soċjali" biex jiġu rikonoxxuti l-effetti soċjali tagħha;

32. Jinnota li l-intrapriżi soċjali jeħtieġu livell massimu ta' appoġġ u aċċettazzjoni permezz ta' tqajjim tal-kuxjenza, mhux tal-inqas billi ssir enfasi fuq il-benefiċċji lil hinn minn dawk ta' natura purament ekonomika, u jitlob għal kampanja ta' informazzjoni wiesgħa, sostenuta mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mis-sħab soċjali, li għandha tiġi mnedija permezz tal-introduzzjoni ta' websajt aċċessibbli u multilingwali li jipprovdi informazzjoni fil-pront u faċli dwar il-prodotti u s-servizzi soċjali għaċ-ċittadini;

33. Jistieden lill-Istati Membri iqisu l-benefiċċji marbuta mal-inklużjoni ta' prinċipji ta' negozju soċjali/intraprenditorija soċjali u responsabbiltà soċjali fil-kontenut ta' programmi tal-iskejjel, l-universitajiet u ta' istituzzjonijiet edukattivi oħra, u ta' programmi ta' tagħlim tul il-ħajja, sabiex jgħinu fl-iżvilupp soċjali u l-kompetenzi ċivili u jappoġġjaw l-impjieg fi ħdan intrapriżi soċjali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-edukazzjoni konvenzjonali u bbażata fuq l-internet ta' intraprendituri soċjali u jippromwovu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-intrapriżi soċjali, l-intrapriżi kummerċjali u d-dinja akkademika sabiex titqajjem il-kuxjenza, u fehim aħjar, tal-intrapriżi soċjali, kif ukoll tal-ġlieda kontra sterjotipi li jistgħu jeżistu;

34. Jemmen li l-introduzzjoni ta’ qafas Ewropew komuni dwar il-pubblikazzjoni tad-dejta se jiżgura informazzjoni aktar ċara u effettiva tal-investiment fl-intrapriżi soċjali;

35. Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li teduka u tikkunsidra l-użu possibbli ta' privattivi reqdin mill-intrapriżi soċjali biex tiffaċilita l-iżvilupp soċjali tagħhom, u jittama li jkun hemm miżuri konkreti fil-futur qarib.

36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jissottometti din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

http://www.emes.net/fileadmin/emes/PDF_files/News/2008/11.08_EMES_UNDP_publication.pdf.

(2)

ĠU C 76E, 25.3.2010, p.16.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2012)0071.

(4)

COM(2012)0035 finali.


NOTA SPJEGATTIVA

Fil-bidu tas-sottotitlu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar ‘Inizjattiva għall-Intraprenditorija Soċjali’ għandha ssir referenza speċifika, li dan jiddeskrivi l-għanijiet kumplessi tal-UE b’mod kompatt u sodisfaċenti:

Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni soċjali.

L-għan imsemmi hawn jinkludi kemm ir-rikonoxximent tal-istrutturi eżistenti, kif ukoll l-aċċess ta’ forom ġodda u innovattivi fl-ekonomija soċjali - dawn it-tnejn huma meħtieġa għall-futur, jekk inpoġġu l-isfidi tal-qasam soċjali fil-kuntest tal-istrateġija Ewropa 20202 u jekk irridu li jitwettqu b’suċċess il-kompiti primarji tagħhom. Dawn li ġejjin huma żewġ pedamenti tal-kunċett Ewropew:

A.  qegħin bla dubju ta' xejn inħabbtu wiċċna ma' ħtieġa li dejjem qed tiżdied għal servizzi soċjali, per eżempju fis-setturi tas-saħħa u l-infermerija — minħabba mhux tal-anqas il-bidliet demografiċi li qegħdin jitqajmu bħala konsegwenza ta' soċjetà li kull ma tmur dejjem qed tixjieħ.

B.   L-Ewropa tistinka għat-tkabbir ekonomiku biex tiżdied il-kompetittività globali bil-potenzjal ta’ impjiegi ġodda - skont it-tbassir miftiehem, dawn jaqgħu ħafna fl-‘ekonomija ekoloġika u tas-saħħa’.

Il-konklużjonijiet minn dan kollu juru l-korrettezza tal-aġenda politika mmexxija mill-Unjoni Ewropea: Mir-riżoluzzjoni dwar l-ekonomija soċjali fl-2009 dwar il-Fondi ta’ Investiment Soċjali tal-2012 sal-Inizjattiva għanll-Intraprenditorija Soċjali.

Għall-kuntrarju ta’ ħafna setturi oħra tal-ekonomija, l-Intraprenditorija Soċjali teħtieġ strumenti finanzjarji addizzjonali. Hawn, il-miżuri xierqa għandhom isegwu malajr kemm jista’ jkun l-inizjattivi tal-Kummissjoni fuq livell nazzjonali u reġjonali.

Sabiex ikun possibbli l-iżvilupp mgħaġġel tal-Intraprenditorija Soċjali, flimkien mal-promozzjoni immirata tal-persuni u l-organizzazzjonijiet impenjati fih, dan ir-rapport tal-Parlament Ewropew għalhekk, għandu l-għan li jiġu stabbiliti b'mod preċiż u ċar u fl-istess ħin b’mod miftuħ l-opportunitajiet tal-kundizzjonijiet bażiċi għall-fażi li jmiss tal-ekonomija soċjali Ewropea skont sinjali ġodda.

Barra minn hekk, ir-rapport jindika li din il-fażi ta’ quddiemna għandha tkun akkumpanjata b’kapaċità innovattiva kbira u għalhekk ukoll b’esperimenti, li s-suċċessi jew il-fallimenti tagħhom jiġu evalwati f’perjodu ta’ żmien previst mill-istituzzjonijet tal-UE flimkien mal-Istati Membri. Minn dan għandhom joħorġu l-konklużjonijiet speċifiċi għall-passi u l-miżuri xierqa ta’ ottimizzazzjoni, li mbagħad bihom jista’ jkompli b’mod effiċjenti l-iżvilupp fit-tul tal-Intraprenditorija Soċjali.

Sommarju: Il-kundizzjonijiet irregolati u l-firxa ta’ azzjonijiet għandhom fl-istess waqt jinkludu l-qasam tad-diversità u l-pluraliżmu, fejn diġà jeżisti jew inħoloq, u fejn s’issa kien nieqes.

Bażi utli għal dan tista’ tkun il-miżuri ewlenin proposti mill-Kummissjoni, pereżempju kartografija tal-Intraprenditorija Soċjali fl-Ewropa, il-ħolqien ta’ bażi tad-dejta għaċ-ċertifikazzjoni jew pjattaformi ta’ informazzjoni xierqa għat-tagħlim reċiproku. Bl-istess mod, għandu jiġi iktar promoss il-ħolqien ta’ tip ta’ tikketta ta’ kwalità għall-Intraprenditorija Soċjali għal iktar żvilupp.

Żewġ aspetti huma ħafna drabi kkunsidrati kontra xulxin:

1.   Għad-definizzjoni tal-Intraprenditorija Soċjali u l-identità tagħha, huma assoċjati kunċetti bħall-interess pubbliku komuni, l-użu soċjali, l-impatt soċjali u ambjentali, u fatturi bħar-ripatrijazzjoni tal-qligħ imsaħħa jew mudelli ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll il-prinċipji tal-ftuħ u t-trasparenza.

2.   Il-bażi tal-iżvilupp prospettiv immirat tal-Intraprenditorija Soċjali hija l-konvinzjoni ġeneralment aċċettata li n-negozji soċjali huma parti integrali tal-ekonomija tas-suq ekosoċjali fis-suq intern Ewropew; barra minn hekk, l-Intraprenditorija Soċjali teħtieġ kompetizzjoni rregolata, li twassal għal titjib konsistenti fil-kwalità u sforzi għall-effiċjenza.

Dan ir-rapport madankollu, għandu l-għan oppost li dawn iż-żewġ aspetti jagħtu kontribut flimkien u lil xulxin fl-iżvilupp pożittiv tal-Intraprenditorija Soċjali.

Il-kwotazzjoni minn slowgan ta’ organizzazzjoni karitattiva fl-Awstrija (organizzazzjoni għall-għajnuna) tiġbor fil-qosor il-ftehim komuni:

           ‘Min jeħtieġ l-għajnuna, jistħoqqlu servizz ta’ kwalità.’

‘Kompetizzjoni rregolata’: karatteristiku speċifiku tas-servizzi soċjali huwa l-fatt li ħafna drabi dawn huma offruti bi prezzijiet aktar affordabbli f’żoni urbani milli f’żoni rurali (minħbba raġunijet ta': densità loġistika, distanzi tal-ivvjaġġar, eċċ.). Naturalment, hawn ma tista’ ssir ebda kompetizzjoni mingħajr regoli, sabiex wieħed orjentat lejn il-qligħ jiffoka fuq żoni individwali u jbiddel oħrajn fid-direzzjoni ta’ ‘servizzi fqar għall-persuni fqar’.

Għall-fażi li jmiss tal-iżvilupp japplika wkoll il-fatt, li għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-Settur Bankarju Soċjali, kif dan pereżempju b’mod mill-iktar effiċjenti fl-Awstrija (pereżempju l-banek ta’ tfaddil ‘Zweite Sparkasse’), diġà jgħin lil ħafna persuni li jinsabu fi stat soċjali batut.

Anke l-Mudelli Soċjali tal-Franchising, fil-futur jixirqilhom trattament fil-fond rigward l-importanza possibbli tagħhom tal-imprenditur soċjali ta’ dan it-tip.

Mela ejjew naħdmu biex l-Intraprenditorija Soċjali tiżviluppa sew. B’hekk:

Il-futur jibda issa!


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (19.6.2012)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar l-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni

(2012/2004(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar aċċess akbar għall-finanzjament għall-intrapriżi soċjali billi tistabbilixxi qafas regolatorju li jintroduċi strumenti tal-investiment fil-livell tal-UE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni prattika malajr kemm jista' jkun minħabba l-potenzjal innovattiv fil-biċċa l-kbira tiegħu mhux esplorat ta' dawn l-intrapriżi soċjali; jirrimarka li l-introduzzjoni ta’ forom ġodda ta’ appoġġ finanzjarju se jkunu preċeduti minn analiżi tal-istrumenti attwali sabiex tiġi vverifikata l-effiċjenza tagħhom u għalhekk iqis li huwa meħtieġ li jiġu akkwistati l-għodod li jkejlu u jqabblu r-ritorn soċjali tal-investiment bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp ta' suq tal-investiment aktar trasparenti; jemmen bis-sħiħ li strumenti finanzjarji differenti - bħall-fondi soċjali Ewropej għall-intraprenditorija jew fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju, il-ħruġ ta' bonds ta' solidarjetà, u inizjattivi ta' Business Angels - huma meħtieġa u għandhom ikunu inkoraġġiti u promossi;

2.  Jenfasizza li hemm differenza kbira fost l-intrapriżi soċjali f’termini ta’ forma, daqs, attività tan-negozju, ekonomija u kooperazzjoni; hemm intrapriżi soċjali li huma leaders fl-iżvilupp fil-kampijiet tagħhom u li għandhom kapaċità adegwata għall-iżvilupp tagħhom stess, iżda hemm ukoll dawk fil-bżonn ta’ għarfien meta jiġu biex jistabbilixxu, jiżviluppaw u jimmaniġjaw l-intrapriżi tagħhom;

3.  Iqis li d-definizzjoni ta' intrapriża soċjali fil-Komunikazzjoni dwar l-inizjattiva tan-negozju soċjali hi pass pożittiv lejn ir-rikonoxximent tan-natura speċifika ta' din it-tip ta' organizzazzjoni; jitlob biex din id-deskrizzjoni tintuża fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE; jinsisti dwar il-ħtieġa li din id-deskrizzjoni tintuża fl-abbozz ta' regolament dwar il-finanzjament Ewropew għall-Inizjattiva dwar in-Negozju Soċjali; jinsisti, barra minn hekk, li t-tliet dimensjonijiet ewlenin li jiddistingwu l-intrapriżi soċjali - fosthom objettiv/għan soċjali, attività intraprenditorjali u governanza li tiffavorixxi l-parteċipazzjoni - jiġu meqjusa;

4.  Jenfasizza li l-kunċett ta’ “intrapriża soċjali” hu assoċjat b’mod ċar ma’ governanza ta’ intrapriża demokratika li tiggarantixxi bis-sħiħ id-demokrazija ekonomika, il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u t-trasparenza u l-iskambju tal-ġestjoni tal-intrapriża bi qbil mal-prinċipji tal-Unjoni Ewropea, tal-OKŻE u tan-Nazzjonijiet Uniti; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra dawn l-aspetti fl-analiżi u fl-identifikazzjoni tal-prattiki tajba u tal-mudelli li jistgħu jiġu riprodotti u fl-elaborazzjoni tad-databases pubbliċi tat-tikketti u ċertifikazzjonijiet applikabbli għall-intrapriżi soċjali fl-Ewropa, biex ittejjeb il-viżibilità u tiffaċilita l-komparabilità tagħhom u meta tressaq proposti għal titjib fil-kuntest ġuridiku;

5.  Jikkunsidra li hu neċessarju li jinħolqu kundizzjonijiet li taħthom l-intrapriżi soċjali jkunu jistgħu jiksbu l-indipendenza finanzjarja u jinvolvu ruħhom fl-attività tan-negozju kummerċjali; jinnota li, f'ħafna Stati Membri, il-mekkaniżmi finanzjarji u t-tnaqqis tal-kuntratti jġiegħlu lill-intrapriżi soċjali biex jiffokaw fuq il-kisba ta’ għotjiet u fondi minn istituzzjonijiet governattivi, aktar milli jżidu fuq il-kwalità tas-servizzi jew il-prodotti tagħhom biex tagħti spinta lill-kompetittività tagħhom; jenfasizza l-bżonn li jitwessa’ l-aċċess għad-dejn u l-istrumenti azzjonarji fl-istadju relevanti tal-iżvilupp tal-intrapriża, filwaqt li jitqies il-mod speċifiku kif joperaw l-intrapriżi soċjali;

6.  Jikkunsidra li biex tiżdied il-kompetittività tal-intrapriżi soċjali f’livell Ewropew għandha tiġi nkuraġġita l-kostruzzjoni ta' punti ta' innovazzjoni soċjali, li jkollhom valur miżjud li jmur lil hinn minn sempliċement valur lokali; jikkunsidra wkoll li l-intrapriżi soċjali, jekk jingħataw inċentivi adegwati, jistgħu jkunu importanti biex jiġu impjegati ħaddiema kwalifikati ta’ età ta’ aktar minn 50 sena li jkunu ħarġu mis-suq tax-xogħol;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi neċessarji sabiex jagħtu opportunitajiet indaqs lill-intrapriżi soċjali meta dawn jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku;

8.  Jilqa’ l-azzjoni tal-Kummissjoni li tissimplifika l-prinċipji tal-kontabilità għall-SMEs, li ser jgħinu biex it-tfaddil ikun aktar effettiv;

9.  Jemmen li l-introduzzjoni ta’ qafas Ewropew komuni dwar il-pubblikazzjoni tad-dejta se jiżgura informazzjoni aktar ċara u effettiva tal-investiment fl-intrapriżi soċjali;

10. Jemmen li l-problemi fundamentali fis-suq tal-intrapriżi soċjali huma, fuq naħa waħda, in-nuqqas ta’ għarfien xieraq u, fuq in-naħa l-oħra, l-għoti ta' attenzjoni insuffiċjenti għall-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi soċjali, u li għalhekk huwa importanti mhux biss li jinqasam l-għarfien fuq livell internazzjonali, fejn xieraq, kif ukoll fi Stati Membri individwali, iżda wkoll li jiġi żgurat li l-pariri, it-taħriġ - inkluż taħriġ inizjali u kontinwu - u l-informazzjoni jkunu disponibbli f'dan il-kuntest; jemmen li bl-appoġġ u l-promozzjoni tal-intrapriżi soċjali nistgħu nisfruttaw il-potenzjal ta’ tkabbir tagħhom kif ukoll il-kapaċità tagħhom biex jinħoloq valur soċjali;

11. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ vokazzjonali, inkluż dawk ibbażati fuq l-użu ta’ komunikazzjonijiet u teknoloġija tal-informatika, li huma ddedikati għall-kummerċ u jipprovdu servizzi soċjali u/jew oġġetti u servizzi għal persuni vulnerabbli;

12. Jenfasizza li hu essenzjali li jinħoloq aktar għarfien dwar l-intrapriżi soċjali, speċjalment dawk li qed joperaw fl-ekonomija soċjali, permezz ta' kampanji ta' informazzjoni xierqa; jemmen ukoll li dan l-objettiv jitlob viżibilità akbar dwar il-vantaġġi u l-għanijiet tal-intraprenditorija soċjali bit-tfassil ta' valutazzjonijiet u indikaturi li mhumiex dawk ta' natura purament ekonomika; jinnota li f'ħafna każijiet l-operazzjonijiet ta’ intrapriżi soċjali u l-aktar dawk tal-ekonomija soċjali huma mfixkla minn problemi ta’ għarfien jew mill-isterjotipi li jeżistu madwar dawn l-intrapriżi; jinnota, għalhekk, li fil-fehma tal-Kummissjoni, il-prijorità ewlenija hija li jitwessa’ l-għarfien fl-awtoritajiet pubbliċi u l-aktar fil-komunitajiet lokali għaliex l-użu ta' potenzjal lokali jista' jgħin biex jinvolvi l-komunitajiet lokali u fl-istess ħin tiżdied l-attrazzjoni tal-intrapriżi soċjali li jaħdmu fir-reġjuni kkonċernati;

13. Jenfasizza l-opportunità provduta mill-Komunikazzjoni biex tiġi megħjuna l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi soċjali fis-suq tal-akkwisti pubbliċi; isejjaħ, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tistipula miżuri li jinkoraġixxu l-użu tal-klawżoli soċjali jew tal-akkwisti li huma riżervati għall-intrapriżi li jħaddmu persuni żvantaġġati;

14. Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li teduka u tikkunsidra l-użu possibbli ta' privattivi reqdin mill-intrapriżi soċjali biex tiffaċilita l-iżvilupp soċjali tagħhom, u jittama li jkun hemm miżuri konkreti fil-futur qarib.

15. Jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-passi neċessarji biex tiżgura li l-istandards imwaqqfa mill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej isiru aktar aċċessibbli għall-intrapriżi soċjali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.6.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, Josefa Andrés Barea, Zigmantas Balčytis, Ivo Belet, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Jürgen Creutzmann, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Vicky Ford, Gaston Franco, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Kent Johansson, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Philippe Lamberts, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Teresa Riera Madurell, Michèle Rivasi, Paul Rübig, Salvador Sedó i Alabart, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Patrizia Toia, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Niki Tzavela, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio Cancian, António Fernando Correia de Campos, Ioan Enciu, Roger Helmer, Jolanta Emilia Hibner, Ivailo Kalfin, Seán Kelly, Werner Langen, Mario Pirillo, Peter Skinner, Lambert van Nistelrooij

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jorgo Chatzimarkakis


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (28.6.2012)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar l-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni

(2012/2004(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Małgorzata Handzlik

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi li n-negozji soċjali għandhom il-potenzjal li jkunu muturi importanti tal-innovazzjoni u, fihom infushom, jipprovdu rispons għall-problemi soċjali u ekonomiċi attwali u jikkontibwixxu b’mod sinifikanti għall-kooperazzjoni transkonfinali, filwaqt li b’hekk jappoġġaw it-tkabbir fis-settur; jinkoraġġixxi, għalhekk, l-iżvilupp ta’ qafas regolatorju razzjonalizzat u ta’ appoġġ li jippromwovi d-diversità strutturali tan-negozji soċjali, iwieġeb għan-natura speċifika tal-attivitajiet tagħhom u jipprovdi appoġġ finanzjarju aktar adatt għall-intraprenditorija soċjali u n-negozji soċjali, partikolarment l-SMEs, filwaqt li b’hekk jippromwovi t-tkabbir u s-sostenibbiltà tagħhom;

2.  Jemmen li l-proċessi ta’ ġestjoni responsabbli, bl-appoġġ ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament suġġetti għal sorveljanza u trasparenza xierqa, huma neċessarji sabiex l-attenzjoni tibqa’ fuq l-intraprenditorija soċjali u n-negozji soċjali;

3.  Jenfasizza li r-rikonoxximent tal-intrapriżi soċjali fil-livell Ewropew m’għandux ikun limitat biex jinkludi l-għanijiet soċjali f’ċerti intrapriżi kummerċjali imma għandu jikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi li jappartjenu għal kull kategorija ta’ intrapriża soċjali, partikolarment dawk tal-ekonomija soċjali u solidali; biex dan isir jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu adottati u applikati l-istrumenti ta’ finanzjament li jippermettu lil dawn l-intrapriżi li jwettqu l-attivitajiet tagħhom skont l-għanijiet finali u l-objettivi tagħhom u jippromwovu s-solidarjetà bejniethom;   jenfasizza wkoll li għarfien aħjar tan-negozji soċjali u valutazzjoni kwalitattiva, fi stadji differenti u indipendenti tal-attivitajiet tagħhom għandhom itejbu l-kontribut tagħhom li jagħtu lis-soċjetà kollha, u biex ikun rikonoxxut li l-koeżjoni soċjali hija sors ta' ġid ekonomiku u soċjali u mhux biss spiża;

4.  Jilqa’ l-proposta dwar il-mikrokrediti għall-appoġġ tal-SMEs;

5.  Jenfasizza l-importanza tal-kontribut tan-negozji soċjali, fis-setturi kollha, biex isaħħu l-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni u biex jifhmu u jilħqu il-ħtiġijiet tal-konsumaturi b’mod ġenerali u ta’ konsumaturi vulnerabbli b’mod partikolari; jenfasizza li n-negozji soċjali, filwaqt li primarjament għandhom l-għan li jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali jew tal-politika pubblika, jippruvaw jilħqu t-talba dejjem tikber taċ-ċittadini għal imġiba etika li tirrispetta aktar lill-bniedem, l-ambjent, l-istandards soċjali u s-soċjalità.

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri biex iżżid il-kuxjenza u l-fiduċja tal-pubbliku ġenerali fin-negozji soċjali u biex tinkoraġġixxih jappoġġa b’mod attiv dan it-tip ta’ negozji;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu, jistimulaw u jiżviluppaw l-entitajiet tal-ekonomija soċjali permezz tal-eliminazzjoni tal-ostakli li jfixklu l-ħolqien u l-iżvilupp tan-negozji soċjali, filwaqt li jippromwovu t-taħriġ u r-rijabilitazzjoni vokazzjonali fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali u jżidu l-għajnuna għall-imprendituri tan-negozji soċjali

8.  Jisħaq li n-negozji soċjali, bin-natura tal-attivitajiet u t-termini ta’ funzjonament tagħhom jgħinu biex tinbena soċjetà aktar koeżiva, demokratika u ‘attiva’, li jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi u għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklussiv, speċjalment billi jippromwovu s-solidarjetà u s-sostenibbiltà, il-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni, l-impjiegi stabbli u ta’ kwalità tajba, l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja personali, tal-familja u tax-xogħol;

9.  Jikkunsidra li responsabilità soċjali korporattiva u ‘intrapriża soċjali’ huma aspetti kumplementari tal-istess politika u għandhom għalhekk jiġu żviluppati b’mod koordinat; mingħajr ma jiġu duplikati l-isforzi magħmula mill-Istati Membri;

10. Huwa tal-fehma li r-riforma tar-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE tipprovdi opportunità tajba biex jitjieb ir-rispett għall-istandards soċjali u tiżdied il-parteċipazzjoni tan-negozji soċjali f’kuntratti pubbliċi u l-aċċess tagħhom għal kuntratti pubbliċi; jilqa’ r-reġim speċjali għas-servizzi soċjali inkluż fil-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku, u jenfasizza l-importanza ta’ dan l-istrument għall-awtoritajiet kuntrattwali lokali għall-provvista ta’ servizzi ta’ kwalità li jippromwovu l-koeżjoni soċjali;

11. Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni żżid il-kategorija l-ġdida ta’ persuni żvantaġġjati mal-kuntratti riservati; jenfasizza l-potenzjal tad-dispożizzjoni l-ġdida dwar il-kuntratti riservati għall-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u territorjali filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tal-għoti kompetittiv tal-kuntratti;

12. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa sabiex tiżviluppa strateġija fit-tul biex tissalvagwardja l-għanijiet soċjali u ambjentali u biex ittejjeb il-parteċipazzjoni ta’ negozji soċjali fl-akkwist pubbliku, mingħajr ma xxekkel l-għoti kompetittiv ta’ kuntratti u mingħajr ma toħloq inċentivi biex jiġu evitati r-regoli; jitlob lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakli li jfixklu l-ħolqien u l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali, b’attenzjoni speċjali għall-implimentazzjoni ta’ proċeduri amministrattivi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.6.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Sergio Gaetano Cofferati, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Cornelis de Jong, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Malcolm Harbour, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Sirpa Pietikäinen, Robert Rochefort, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Mario Borghezio, Simon Busuttil, Pier Antonio Panzeri, Laurence J.A.J. Stassen, Marc Tarabella, Kyriacos Triantaphyllides, Anja Weisgerber, Kerstin Westphal


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.9.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Marije Cornelissen, Emer Costello, Andrea Cozzolino, Frédéric Daerden, Sari Essayah, Thomas Händel, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Danuta Jazłowiecka, Ádám Kósa, Jean Lambert, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Nicole Sinclaire, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Kozłowski, Svetoslav Hristov Malinov, Antigoni Papadopoulou, Birgit Sippel, Csaba Sógor

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Cornelia Ernst

Avviż legali - Politika tal-privatezza