RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd. Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd.

12.10.2012 - (COM(2012)0277 – C7‑0137/2012 – 2012/0143(COD)) - ***I

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Ian Hudghton


Proċedura : 2012/0143(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0314/2012
Testi mressqa :
A7-0314/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd

(COM(2012)0277 – C7‑0137/2012 – 2012/0143(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0277),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0137/2012),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta’ Settembru 2012[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A7‑0000/2012),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

  • [1]               Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-proposta tal-Kummissjoni qed tfittex li testendi l-limitu taż-żmien tar-reġim ta' aċċess attwali ta' 12-il sena. Fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni PKS eżistenti, l-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 jistabbilixxi deroga mill-prinċipju ta' aċċess ugwali fi ħdan 12-il mil nawtiku ta' kull Stat Membru. Id-deroga hija fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2003 sal-31 ta' Diċembru 2012. Il-proposta attwali tfittex li testendi dan il-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2014.

Kuntest

Derogi mir-regola ta' aċċess ugwali fi ħdan l-ibħriet kostali ilhom stabbiliti għal aktar minn 40 sena. Deroga ġiet implimentata l-ewwel fir-Regolament (KEE) Nru 2141/70 li jistipula politika strutturali komuni għall-industrija tas-sajd, u dispożizzjoni saret ukoll fl-Att ta' Adeżjoni tad-Denimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit.

Iż-żona attwali ta' 12-il mil ġiet stabbilita fl-ewwel Regolament PSK fl-1983. L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 170/83 jistabbilixxi li ż-żona se tiġi stabbilita mill-1 ta' Jannar 1983 sal-31 ta' Diċembru 1992; dispożizzjonijiet ekwivalenti daħlu fis-seħħ fir-riformi sussegwenti PSK (ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002).

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament attwali huma l-uniċi partijiet tal-leġiżlazzjoni li għandhom limitu ta' żmien marbut magħhom. Il-Kummissjoni pproponiet li ġġedded id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku propost. Madanakollu, minħabba l-probabbiltà għolja li l-PKS riformata mhijiex se tkun stabbilita qabel tmiem din is-sena, il-Kummissjoni kellha tressaq 'il quddiem il-proposta attwali biex tiżgura li r-reġim eżistenti ma jiskadix.

Iż-żoni ta' 12-il mil - suċċess rari tal-PKS

Li l-PKS kienet, b'mod ġenerali, falliment matul dawn l-aħħar 30 sena, huwa fatt universalment rikonoxxut. Il-kumment tal-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha dwar ir-riforma tal-PKS (COM(2009)163) li "l-PKS attwali ma ħadmitx tajjeb" huwa x'aktarx sottovalutazzjoni u l-proċess ta' riforma li għaddej sar minħabba neċessità.

B'kuntrast għal dan hemm rikonoxximent ġenerali li l-ġestjoni tas-sajd fi ħdan iż-żoni ta' 12-il mil kienet suċċess. Il-Green Paper pereżempju ddikjarat li r-reġim tal-kosta "ġeneralment ħadem tajjeb u jista' wkoll jiġi intensifikat", filwaqt li r-Rapport dwar l-Obbligi ta' Rappurtar skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (COM (2011)418) stqarr li "r-reġim huwa stabbli ħafna, u r-regoli komplew joperaw b'mod sodisfaċenti ".

Dan is-suċċess forsi juri li l-Istati Membri huma kapaċi u fil-fatt jamministraw is-sajd b'ċertu suċċess. Filwaqt li l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd lil hinn mill-limiti ta' 12-il mil kienet ikkaratterizzata minn kontroll ċentralizzat ħafna u ineffettiv min-naħa ta' Brussell, il-ġestjoni fi ħdan iż-żoni kostali minn Stati Membri individwali kienet stabbli u ta' suċċess.

Hekk kif id-dibattitu dwar ir-riforma tal-PKS aktar wiesgħa jkompli għaddej, waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li għandha tiġi deċiża hija dwar x'livell ta' deċentralizzazzjoni u reġjonalizzazzjoni għandu jiddaħħal u x'se tkun n-natura tagħhom. L-effettività ġenerali ta' kontroll tal-Istat Membru fi ħdan iż-żoni ta' 12-il mil turi b'mod ċar li l-ġestjoni xierqa għaċ-ċirkostanzi lokali hija dik l-aktar effettiva. Is-suċċess tal-kontroll mill-Istati Membri jirrappreżenta kuntrast qawwi meta mqabbel mal-falliment tal-kontroll ċentralizzat f'idejn l-UE - u joffri gwida utli fir-rigward tad-direzzjoni li r-riforma tal-PKS għandha tieħu.

Żona estiża - fiż-żmien u fid-distanza

Kif intqal hawn fuq, il-Green Paper tirrikonoxxi li reġim kostali "jista' saħansitra jiġi intensifikat". Barra minn hekk, ir-Rapport dwar l-Obbligi ta' Rappurtar jinnota li Stat Membru ssuġġerixxa li ż-żoni għandhom jiġu estiżi sa 20 mil nawtiku.

Ir-Rapporteur jiffavorixxi bil-qawwi suġġerimenti li ż-żoni kostali għandhom jiġu estiżi u fil-passat kien appoġġja emendi għal dan il-għan. Wieħed jittama li l-PKS riformata, b'mod ġenerali, iġġib magħha reġim deċentralizzat ħafna u tippermetti lill-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet ta' ġestjoni fil-pront filwaqt li jikkooperaw fuq bażi reġjonali. Madankollu, minkejja l-għamla finali tal-PKS riformata, iż-żoni ta' 12-il mil kienu ineffettivi b'mod ċar - u hemm argument qawwi favur l-estensjoni tad-distanza tagħhom.

Ir-Rapporteur jiddubita wkoll kemm hi għaqlija l-proposta tal-Kummissjoni fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-PKS il-ġdid propost biex ir-reġim attwali jiġi estiż għal għaxar snin biss. Filwaqt li l-PKS ma għandhiex għalfejn tiġi riformata kompletament kull 10 snin, huwa ċert li f'dan is-sens ħareġ mudell ċar. Wieħed jittama li l-proċess ta' riforma li għaddej se jirriżulta f'PKS li se taħdem b'mod effettiv u li ma għandhiex bżonn riforma maġġuri għal dawn l-għaxar snin li ġejjin. Madankollu, anke jekk ir-riforma attwali ma tkunx ta' suċċess, is-suġġeriment li minn hawn u għaxar snin oħra għandu jsir rieżami maġġuri u għandhom isiru xi aġġustamenti, ma jmurx kontra kull loġika.

Peress li dan huwa xenarju probabbli u minħabba l-fatt li d-dibattitu ta' riforma li għaddej bħalissa juri li l-proċeduri leġiżlattivi mhux dejjem ikunu konklużi fi ħdan skedi ta' żmien fissi, jidher riskjuż iżżejjed li ż-żona ta' 12-il mil tingħata limitu ta' 10 snin. L-unika raġuni għalfejn ir-rapport preżenti kien meħtieġ hija minħabba li l-Artikolu 17(2) huwa l-unika parti tal-PKS li hija limitata biż-żmien. Jidher raġonevoli li għandha tiġi ppromulgata dispożizzjoni ġdida dwar iż-żoni kostali bi skadenza li taqbeż il-perjodu ta' riforma normali ta' għaxar snin - u r-Rapporteur jappoġġja l-estensjoni tar-reġim indefinittivament.

Urġenza

Minkejja l-appoġġ tar-Rapporteur għal estensjoni taż-żoni ta' 12-il mil kemm fiż-żmien kif ukoll fid-distanza, huwa jaċċetta li dan id-dibattitu għandu jseħħ fi ħdan dibattitu aktar wiesa' dwar ir-riforma tal-PKS. Iż-żoni attwali ta' 12-il mil jaħdmu tajjeb - iżda se jiskadu fil-31 ta' Diċembru ta' din is-sena jekk il-proposta attwali ma tkunx stabbilita. Iż-żoni joffru livell ta' protezzjoni għal komunitajiet kostali vulnerabbli - u dawn il-komunitajiet tas-sajd mhux se jifhmuha jekk il-protezzjoni kellha titneħħa minħabba staġnar interistituzzjonali.

Għalhekk, ir-Rapporteur jipproponi li tiġi aċċettata l-proposta attwali għal estensjoni tar-reġim b'sentejn - iżda se jkompli jargumenta bil-qawwi għal kontroll nazzjonali akbar tas-sajd kostali fi ħdan il-pakkett ta' riforma tal-PKS aktar wiesgħa.

PROĊEDURA

Titolu

Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd

Referenzi

COM(2012)0277 – C7-0137/2012 – 2012/0143(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

7.6.2012

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

PECH

14.6.2012

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI

14.6.2012

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

ENVI

21.6.2012

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Ian Hudghton

31.5.2012

 

 

 

Eżami fil-kumitat

21.6.2012

6.9.2012

 

 

Data tal-adozzjoni

9.10.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Kriton Arsenis, Alain Cadec, Chris Davies, João Ferreira, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Dolores García-Hierro Caraballo, Marek Józef Gróbarczyk, Ian Hudghton, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Guido Milana, Crescenzio Rivellini, Ulrike Rodust, Raül Romeva i Rueda, Struan Stevenson, Isabelle Thomas, Nils Torvalds, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Diane Dodds, Rareş-Lucian Niculescu, Jens Nilsson

Data tat-tressiq

12.10.2012