RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Martin Ehrenhauser
16.10.2012 - (2012/2152(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Bernhard Rapkay
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Martin Ehrenhauser
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Martin Ehrenhauser, imressqa fil-21 ta' Marzu 2012 mill-Uffiċċju tal-Avukat Pubbliku ta' Vjenna b'rabta ma' proċediment ta' investigazzjoni, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-2 ta' Lulju 2012,
– wara li sema' lil Martin Ehrenhauser skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 57 tal-Bundesverfassungsgesetz (il-Liġi Kostituzzjonali Federali) tal-Awstrija,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, l-10 ta' Lulju 1986, il-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, id-19 ta' Marzu 2010 u s-6 ta' Settembru 2011[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7‑0000/2012),
A. billi l-Uffiċċju tal-Avukat Pubbliku ta' Vjenna talab it-tneħħija tal-immunità ta' Martin Ehrenhauser, Membru tal-Parlament Ewropew, sabiex l-awtoritajiet tal-Awstrija jkunu jistgħu jwettqu l-investigazzjonijiet neċessarji u jieħdu azzjoni legali kontra Martin Ehrenhauser;
B. billi t-tneħħija tal-immunità ta' Martin Ehrenhauser tikkonċerna reati allegati relatati mal-aċċess illegali għal sistema tal-kompjuter skont l-Artikolu 118a tal-Kodiċi Kriminali (Strafgesetzbuch, StGB) tal-Awstrija, ksur tas-segretezza tat-telekomunikazzjoni skont l-Artikolu 110 StGB, data interċettata b'mod illegali skont l-Artikolu 119a StGB, użu mhux awtorizzat ta' rrekordjar jew ta' tagħmir ta' rrekordjar skont l-Artikolu 120(2) StGB, u ksur tal-Artikolu 51 tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-2000;
C. billi skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew fit-territorju tal-istat tagħhom igawdu minn immunitajiet mogħtija lil deputati tal-parlament tagħhom;
D. billi, skont l-Artikolu 57(2) tal-Liġi Kostituzzjonali Federali tal-Awstrija, il-membri tan-Nationalrat jistgħu jiġu arrestati biss għal raġunijiet ta' reat kriminali bil-kunsens tan-Nationalrat , ħlief meta jinqabdu fil-fatt tat-twettiq ta' reat, u t-tfittxija fid-djar tal-membri tan-Nationalrat, bl-istess mod, tirrikjedi l-kunsens tan-Nationalrat; billi, ulterjorment għall-Artikolu 57(3) tal-Liġi Kostituzzjonali Federali tal-Awstrija, ma tista' tittieħed ebda azzjoni uffiċjali kontra membru tan-Nationalrat minħabba reat punibbli mingħajr il-kunsens tan-Nationalrat sakemm dak ir-reat ma jkunx evidentement mhux konness mal-attività politika tal-membru kkonċernat u, taħt din id-dispożizzjoni, l-awtorità kkonċernata għandha titlob deċiżjoni min-Nationalrat dwar jekk teżistix tali rabta, meta dan ikun mitlub mill-membru kkonċernat jew minn terz tal-membri tal-kumitat permanenti rilevanti;
E. billi l-immunità ta' Martin Ehrenhauser trid titneħħa jekk għandhom jipproċedu l-investigazzjonijiet kontrih;
F. billi meta Martin Ehrenhauser instema' mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew hu ddikjara li jemmen li l-immunità tiegħu għandha titneħħa;
G. billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeterminat li "minkejja li l-privileġġi u l-immunitajiet ingħataw esklużivament fl-interess tal-Komunità, xorta jibqa’ l-fatt li ngħataw espressament lill-uffiċjali u aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Komunità kif ukoll lill-Membri tal-Parlament" u "l-Protokoll joħloq dritt suġġettiv għall-persuni previsti"[2];
H. billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 57 tal-Bundesverfassungsgesetz (Liġi Kostituzzjonali Federali) ma jeskludux it-tneħħija tal-immunità ta' Martin Ehrenhauser;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Martin Ehrenhauser;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Awstrija u lil Martin Ehrenhauser.
- [1] Il-Kawża 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] ECR 195, il-Kawża 149/85 Wybot v Faure u oħrajn [1986] ECR 2391, il-Kawża T-345/05 Mote v Il-Parlament [2008] ECR II-2849, il-Kawżi Konġunti C-200/07 u C-201/07 Marra v De Gregorio u Clemente [2008] ECR I-7929, il-Kawża T-42/06 Gollnisch v Il-Parlament [2010] ECR II-01135 u l-Kawża C-163/10 Patriciello (għadha mhix ippubblikata f’Il-Ġabra ta' Ġurisprudenza).
- [2] Il-Kawża T-345/05, Mote/Il-Parlament, [2008] ECR II-2849, para. 28.
NOTA SPJEGATTIVA
1. Sfond
Waqt is-seduta tat-2 ta' Lulju 2012, il-President ħabbar, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li rċieva ittra tal-21 ta' Marzu 2012 mill-Uffiċċju tal-Avukat Pubbliku ta' Vjenna bit-talba li titneħħa l-immunità parlamentari ta' Martin Ehrenhauser fil-kuntest tal-proċedimenti li qed jitwettqu mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Awstrija.
Il-President irrefera t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura. Martin Ehrenhauser instema' mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali fis-17 ta' Settembru 2012 f'konformità mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura.
L-isfond tat-talba għat-tneħħija tal-immunità huwa kif ġej:
L-Uffiċċju tal-Avukat Pubbliku ta' Vjenna biħsiebu jwettaq investigazzjoni preliminari kontra Martin Ehrenhauser, Membru tal-Parlament Ewropew. Martin Ehrenhauser qed jiġi suspettat li daħal illegalment f’sistema tal-kompjuter skont l-Artikolu 118a tal-Kodiċi Kriminali tal-Awtrija, kiser tas-segretezza tat-telekomunikazzjoni skont l-Artikolu 110 tal-Kodiċi Kriminali, interċetta data b'mod illegali skont l-Artikolu 119a tal-Kodiċi Kriminali, għamel użu mhux awtorizzat ta' rrekordjar jew ta' tagħmir ta' rrekordjar skont l-Artikolu 120(2) tal-Kodiċi Kriminali u kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-2000.
Fl-ittra tiegħu tal-21 ta' Marzu 2012, l-Uffiċċju tal-Avukat Pubbliku ta' Vjenna ddikjara li, fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni minn Membru ieħor tal-Parlament Ewropew, Hans-Peter Martin, hemm suspett li, bejn l-aħħar parti tas-sajf tal-2010 u April 2011, Martin Ehrenhauser daħal illegalment fis-sistema tal-posta elettronika privata ta' Hans-Peter Martin u fetaħ, ikkojpa u stampa data ta' natura privata u professjonali li tappartjeni lilu, b'mod partikolari ittri elettroniċi u fajls mehmuża magħhom. Hans-Peter Martin kien bagħat ukoll lill-Uffiċċju tal-Avukat Pubbliku ta' Vjenna ġabra ta' dokumenti bħala appoġġ għal din il-pretensjoni ta' aċċess illegali. Fuq din il-bażi, l-Uffiċċju tal-Avukat Pubbliku ta' Vjenna jqis li jeżisti suspett raġonevoli kontra Martin Ehrenhauser.
Barra minn hekk, qed jiġi suspettat ukoll li Martin Ehrenhauser irrekordja dikjarazzjoni privata minn persuna oħra disponibbli, mingħajr il-kunsens tal-kelliem, għal persuna terza li ma kenitx intiża għaliha, billi bagħat rekording ta' konverżazzjoni bejn diversi persuni, inkluż Hans-Peter Martin, lil wieħed mill-parteċipanti, li mbagħad issottometta estratt minn dak ir-rekording lill-Uffiċċju tal-Avukat Pubbliku ta' Vjenna.
2. Regoli u proċeduri fir-rigward tal-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew
L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 tat-Trattat UE dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jgħid kif ġej (ara l-partijiet sottolinjati):
Artikolu 8
"Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Artikolu 9
Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:
(a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;
(b) fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.
L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.
L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu."
Il-proċedura fil-Parlament Ewropew hija bbażata fuq l-Artikoli 6 u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu. Id-dispożizzjonijiet rilevanti jgħidu kif ġej (ara l-partijiet sottolinjati):
"Artikolu 6: Tneħħija tal-immunità
(1) Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.
(2) Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru sabiex titneħħa l-immunità ta' xi Membru għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli. [...]
Artikolu 7: Proċeduri dwar l-immunità
(1) Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skont l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.
(2) Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.
(3) Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn membru ieħor. [...]
7. Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ. [...]"
Peress li l-Artikolu 9(a) jiddisponi li l-Membri jgawdu mill-immunitajiet mogħtija lid-deputati tal-parlament fit-territorju tal-istat tagħhom stess, għandha ssir referenza għall-Artikolu 57 tal-Bundesverfassungsgesetz tal-Awstrija, li jgħid kif ġej (ara l-partijiet sottolinjati):
Artikolu 57
(1) Il-Membri tan-Nationalrat ma jistgħu qatt jitqiesu responsabbli minħabba voti mitfugħha fl-eżerċitar tad-dmirijiethom u jistgħu jitqiesu responabbli min-Nationalrat biss fil-każ ta' stqarrijiet orali jew bil-miktub matul il-funzjoni tagħhom.
(2) Il-membri tan-Nationalrat jistgħu jiġu arrestati biss bil-kunsens tan-Nationalrat għal raġuni ta' reat kriminali – barra fil-każ ta' qbid fil-fatt tat-twettiq ta' reat. Bl-istess mod, it-tfittixijiet domestiċi fid-djar tal-membri tan-Nationalrat jirrikjedu l-kunsens tan-Nationalrat.
(3) Apparti dan, tista' tittieħed azzjoni legali kontra l-membri tan-Nationalrat mingħajr il-kunsens tan-Nationalrat minħabba reat kriminali fil-każ biss li dan ma jkollu ebda rabta evidenti mal-attività politika tal-membru kkonċernat. L-awtorità kkonċernata, madankollu, għandha titlob deċiżjoni min-Nationalrat dwar l-eżistenza ta' tali rabta jekk il-membru kkonċernat jew terz tal-membri li jagħmlu parti mill-Kumitat Permanenti responsabbli għal dawn il-kwistjonijiet jitolbu dan. Fil-każ ta' tali talba, kull att ta' proċediment legali għandu jieqaf jew jiġi sospiż immedjatament.
(4) Il-kunsens tan-Nationalrat f'dawn il-każijiet kollha jitqies bħala li ngħata, jekk in-Nationalrat ma jkunx ħa deċiżjoni fi żmien tmien ġimgħat dwar talba rilevanti mill-awtorità kompetenti responsabbli għall-istabbiliment ta' azzjoni legali; fid-dawl tal-adozzjoni fil-ħin ta' riżoluzzjoni tan-Nationalrat, il-President għandu jpoġġi tali talba għall-votazzjoni mhux aktar tard minn jum qabel id-data ta' skadenza. F'din l-iskadenza ma jitqiesx iż-żmien meta n-Nationalrat ma jkollux seduti.
(5) Fil-każ ta' qbid fil-fatt tat-twettiq ta' reat l-awtorità għandha tinforma immedjatament lill-President tan-Nationalrat dwar l-arrest li jkun sar. Jekk in-Nationalrat jew, meta dan ma jkollux seduti, il-Kumitat Permanenti responsabbli għal dawn il-kwistjonijiet jitolbu dan, l-arrest għandu jiġi sospiż jew il-proċediment legali kollu kemm hu għandu jitwaqqa'.
(6) L-immunità tal-membri tispiċċa dakinhar li jitlaqqa’ n-Nationalrat l-ġdid elett, u fil-każ ta' organi tan-Nationalrat li l-mandat tagħhom jestendi lil hinn minn din id-data, mat-terminazzjoni ta' dan il-mandat.
(7) Il-liġi federali dwar ir-Regoli ta' Proċedura tan-Nationalrat tistipola d-dispożizzjonijiet dettaljati.
3. Ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni proposta
L-attivitajiet allegati li minħabba fihom l-Uffiċċju tal-Avukat Pubbliku ta' Vjenna biħsiebu jwettaq investigazzjoni kontra Martin Ehrenhauser huma evidentement mhux opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa mill-Membru fil-qadi ta' dmirijietu fit-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. Fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Protokoll u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli ta' Proċeudra tal-Parlament Ewropew u l-Kostituzzjoni tal-Awstrija, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali kkonkluda li m'hemm ebda raġuni biex ma titneħħiex l-immunità ta' Martin Ehrenhauser.
4. Konklużjoni
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet t'hawn fuq, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jipproponi, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li titneħħa l-immunità ta' Martin Ehrenhauser.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
10.10.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
22 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Rebecca Taylor, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Piotr Borys, Luis de Grandes Pascual, Eva Lichtenberger |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sophia in ‘t Veld |
||||