RAPPORT li fih ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-ftehim ġdid UE-Russja

18.10.2012 - (2011/2050(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Hannes Swoboda


Proċedura : 2011/2050(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0338/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li fiha r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-ftehim ġdid UE-Russja

(2011/2050(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–     wara li kkunsidra l-Ftehim ta' sħubija u koperazzjoni li jistabbilixxi ftehim ta' sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa waħda, u l-Federazzjoni Russa min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 1997,

–     wara li kkunsidra n-negozjati li bdew fl-2008 dwar ftehim ġdid UE-Russja, kif ukoll is-'Sħubija għall-Modernizzazzjoni' li bdiet fl-2010,

–     wara li kkunsidra l-objettiv kondiviż mill-UE u r-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fil-31 ta' Mejju 2003 wara l-11-il Samit bejn l-UE u r-Russja f'San Pietruburgu, dwar il-ħolqien ta' spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta’ riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali ('l-erba' spazji komuni'),

     wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–     wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

–     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fis-sura ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-introduzzjoni jew iż-żieda mill-Federazzjoni Russa ta' dazji tal-esportazzjoni fuq il-materja prima[1],

–     wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–     wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0338/2012),

A.   billi l-politika barranija u ta' sigurtà komuni tal-UE li qed tevolvi għandha, bi qbil mal-prinċipju ta' kundizzjonalità, tinkludi r-Russja bħala sieħeb strateġiku sakemm il-valuri fundamentali li fuqhom hi bbażata l-Unjoni, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali, ikunu kondiviżi u kkonfermati; billi r-Russja, bħala pajjiż, għandha l-għeruq kulturali tagħha fl-Ewropa u hi attur globali u reġjonali importanti, bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-G8, tal-G20, tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, u għalhekk marbuta li tissodisfa l-obbligi tagħha bħala membru ta' dawn l-organizzazzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tar-rapport ta' monitoraġġ ta' Ottubru 2012 tal-Kunsill tal-Ewropa;

B.   billi r-Russja, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għandha responsabbiltà konġunta mal-membri l-oħra biex tinżamm l-istabbiltà globali; billi ħafna sfidi fil-livell internazzjonali jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta’ approċċ koordinat li jinkludi lir-Russja;

C.   billi l-interdipendenza ekonomika tal-UE u r-Russja qed tikber b’mod kostanti, u billi kooperazzjoni msaħħa u relazzjonijiet ta' ġirien tajba bejn l-UE u r-Russja għandhom jitqiesu bħala ta' importanza kbira għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità taż-żewġ partijiet;

D.   billi r-Russja taħt il-presidenza ta’ Vladimir Putin qed turi biss interess selettiv fl-iżvilupp ta’ politiki komuni u m’għandha l-ebda intenzjoni reali li tiżviluppa sħubija strateġika estensiva u ġenwina għall-implimentazzjoni tal-liġi internazzjonali u l-prevenzjoni tal-kunflitt;

E.   billi l-UE u r-Russja għaddew minn bidliet politiċi, istituzzjonali, soċjali u ekonomiċi kbar sa mill-1994, meta kien iffirmat il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (PCA) attwali;

F.   billi l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO fit-22 ta’ Awwissu 2012 huwa pass ewlieni li jista’ jgħin biex titħaffef il-modernizzazzjoni tal-ekonomija Russa u fl-istess ħin isservi ta’ inċentiv tajjeb għar-Russja biex tissodisfa r-regoli u l-istandards tal-kummerċ internazzjonali li impenjat ruħha li tirrispetta;

G.   billi dawn il-bidliet, flimkien mal-isfidi u l-opportunitajiet ġodda li għandha r-relazzjoni UE -Russja, iridu jkunu indirizzati fuq livell bilaterali u multilaterali; billi, minkejja n-nuqqas attwali ta’ entużjażmu min-naħa tar-Russja, Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġdid ambizzjuż u komprensiv li jkopri l-aktar oqsma importanti ta' kooperazzjoni u msejjes fuq valuri komuni ta’ demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, jista' jipprovdi l-bażi għal sħubija strateġika ġenwina; billi, b'mod partikolari, għandha tkun enfasizzata l-ħtieġa biex tinbena sħubija ġenwina bejn is-soċjetajiet tal-UE u tar-Russja;

H.   billi l-UE tkompli tkun impenjata biex tapprofondixxi u tiżviluppa aktar ir-relazzjoni tagħha mar-Russja u l-prinċipji stabbiliti fis-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, ibbażati fuq interessi komuni u fuq impenn favur il-valuri universali u l-prinċipji demokratiċi, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

I.    billi l-kundanna ta' sentejn ħabs tal-membri tal-grupp punk Pussy Riot għal manifestazzjoni ta' protesta kontra l-President Vladimir Putin fil-Katedral Ortodoss ta' Moska hija sproporzjonata u tqajjem tħassib serju dwar il-mod kif is-sistema ġudizzjarja Russa tittratta liċ-ċittadini u taġixxi b'mod li tintimida lis-soċjetà ċivili Russa;

J.    billi fil-kuntest tan-negozjati kontinwi l-istatus quo tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja jeħtieġ ikun evalwat b’mod adegwat, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet bilaterali eżistenti bejn ir-Russja u l-Istati Membri tal-UE;

K.   billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja għadhom ibatu minħabba l-falliment tar-Russja li tħaddan bis-sħiħ il-valuri demokratiċi u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt;

L.   billi l-intimidazzjoni, il-fastidju u l-arresti li għaddejjin tar-rappreżentanti tal-forzi tal-oppożizzjoni u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-adozzjoni reċenti ta’ liġijiet dwar il-finanzjament tal-NGOs u dwar id-dritt tal-assemblea, il-liġi dwar il-malafama u l-liġi li timponi restrizzjonijiet fuq l-internet kif ukoll il-pressjoni li dejjem qed tiżdied fuq il-midja ħielsa u indipendenti u fuq il-minoranzi ta’ orjentazzjoni sesswali u ta' twemmin reliġjuż jirriżultaw f’aktar degradazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi fir-Russja;

M.  billi l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni attwali jeħtieġ ikun validu u effettiv sakemm dak ġdid jiġi konkluż u jidħol fis-seħħ;

N.   billi fl-14 ta’ Ottubru 2012 ser jinżammu fir-Russja l-elezzjonijiet lokali u reġjonali, li fihom, għall-ewwel darba wara diversi snin, għandhom jipparteċipaw partiti tal-oppożizzjoni indipendenti; billi, wara l-protesti ta' Diċembru 2011, dawn l-elezzjonijiet se jinkludu wkoll elezzjonijiet diretti tal-gvernaturi;

O.   billi l-liġijiet ġodda jew emendati msemmija hawn fuq ġew adottati mid-Duma tal-Istat, li l-elezzjonijiet għalihom la kienu liberi u lanqas ġusti, kemm skont il-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE u kemm skont il-konklużjonijiet tal-PE;

P.   billi ċerta proċeduri maħsuba biex jaffettwaw l-oppożizzjoni, bħal dawk biex iċaħħdu lil Gennady Gudkov, membru preċedenti tad-Duma mill-partit tal-oppożizzjoni Just Russia, mill-mandat parlamentari tiegħu, jistgħu jiġu interpretati bħala każijiet ta' applikazzjoni selettiva tal-ġustizzja u interferenza fl-attività politika leġittima;

1.    Jindirizza, fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar il-ftehim il-ġdid, ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna:

Dwar il-proċess tan-negozjati

(a)  jiżguraw li l-ftehim il-ġdid jipprovdi qafas komprensiv, progressiv u legalment vinkolanti għal żvilupp akbar fir-relazzjonijiet mar-Russja fis-snin li ġejjin, filwaqt li jqisu l-ħtieġa ta' sforzi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-oqsma kollha li fihom l-interessi tal-UE u r-Russja aktarx li jaqblu, filwaqt li jiġu promossi interessi u valuri Ewropej f'oqsma fejn l-interessi ma jaqblux, kif ukoll il-ħtieġa ta' appoġġ għad-demokratizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż; jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jiżguraw li n-negozjati mar-Russja jkomplu b'pass tajjeb, filwaqt li jesprimu tħassib eżistenti fl-UE dwar in-nuqqas ta’ progress fin-negozjati attwali li ma wasslux f'dan l-istadju għar-riżultati mixtieqa; ifakkru li s-sħubija strateġika tista’ teżisti biss jekk iż-żewġ naħat jaqblu li jsegwu prinċipji demokratiċi universali; jenfasizzaw li r-relazzjoni UE-Russja għandha tiġi rregolata b'mod reċiproku;

(b)  jaħdmu b'mod attiv fuq il-konklużjoni tan-negozjati għal ftehim li jkun ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat u konformi mal-kooperazzjoni li dejjem qed tiżdied u li qed issir aktar profonda; jiżguraw li n-negozjati jiġġeneraw fiduċja reċiproka u huma ffukati fuq riżultati tanġibbli u sustanza politika;

(c)  ifittxu kunsens fost l-Istati Membri tal-UE dwar l-objettivi u dwar il-proċess tan-negozjati ta' ftehim ġdid mar-Russja sabiex l-UE titkellem b’vuċi waħda b’saħħitha; jenfasizzaw l-importanza li l-Unjoni tinnegozja bħala korp wieħed u jissuġġerixxu li l-interessi tal-Istati Membri fir-rigward tar-Russja u viċeversa jiġu promossi u protetti aħjar fil-livell tal-Unjoni;

(d)  jagħtu attenzjoni mill-qrib dwar ir-rekwiżiti li l-UE beħsiebha tistabbilixxi fir-rigward tar-rispett tal-prinċipji demokratiċi, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, u jqisu dan ir-rispett bħala prerekwiżit assolut għall-iffirmar ta' Ftehim UE-Russja;

(e)  jenfasizzaw li l-Ftehim il-ġdid ikun il-pass 'il quddiem loġiku u meħtieġ għar-relazzjonijiet UE-Russja, bi qbil mal-PCA attwali u wara l-adeżjoni tar-Russja fid-WTO;

(f)   itennu, b'dan il-ħsieb, li l-UE għandha tinnegozja dan il-ftehim esklussivament mar-Russja u mhux mal-Unjoni Doganali li magħha tagħmel parti r-Russja;

(g)  itennu li l-modernizzazzjoni ekonomika u politika tar-Russja hi ta' interess komuni għaż-żewġ naħat u li l-UE tixtieq tħaffef dan il-proċess mibdi permezz tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni; jenfasizzaw li l-politiki tar-Russja għal modernizzazzjoni ma jistgħux ikunu limitati għall-qasam ekonomiku u għandhom ikunu akkumpanjati minn riforma politika kompluta, bl-enfasi ewlenija fuq il-garanzija tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

(h)  jieħdu pożizzjoni attiva fil-koordinazzjoni ta’ sħubijiet ta’ modernizzazzjoni bilaterali differenti tal-Istati Membri tal-UE mal-Federazzjoni Russa, b'hekk tiġi żgurata politika koerenti u aktar effiċjenti tal-UE;

Id-djalogu u l-kooperazzjoni politika

(i)   jissorveljaw b’attenzjoni l-evoluzzjoni interna fir-Russja, jaħdmu flimkien mal-protagonisti politiċi ewlenin, jappoġġjaw il-bini tal-istituzzjonijiet fir-Russja u l-prinċipji tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; jappoġġjaw b’mod attiv, b'dan il-mod, l-inizjattivi soċjali kollha li jfittxu li jibnu soċjetà ċivili bbażata fuq il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari dwar l-użu tal-internet għal dak il-għan;

(j)   jenfasizzaw kemm hu importanti li r-Russja tiżgura l-funzjonament ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti u imparzjali u li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

(k)  jistiednu lir-Russja tirrispetta l-obbligu tagħha li tiggarantixxi elezzjonijiet ħielsa u ġusti, sabiex tiġi żgurata l-leġittimità tas-sistema politika;

(l)   jenfasizzaw l-importanza ta' konformità sħiħa tar-Russja mal-obbligi legali internazzjonali tagħha u mal-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem imniżżla fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li r-Russja hi firmatarja tagħhom it-tnejn; ifakkru li l-pluraliżmu politiku, il-libertà tal-midja, l-istat tad-dritt, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, il-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea, anke fuq l-internet u trejdjunjins effettivi u indipendenti, u n-nondiskriminazzjoni huma prekundizzjonijiet meħtieġa biex ir-Russja tkompli tiżviluppa u timmodernizza kif ukoll biex tagħmel il-kooperazzjoni strateġika bejn l-UE u r-Russja sostenibbli;

(m) jenfasizzaw li, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, hemm bżonn li r-Russja terfa’ b’mod serju r-responsabilità tagħha għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali;

(n)  jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-klima li qed tmur għall-agħar fir-rigward tal-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fir-Russja b’mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni reċenti ta’ sensiela ta’ liġijiet dwar id-dimostrazzjonijiet, l-NGOs, il-malafama u r-regolazzjoni legali tal-internet li fihom dispożizzjonijiet ambigwi u jistgħu jwasslu għal infurzar arbitrarju; ifakkru lill-awtoritajiet Russi li soċjetà moderna u prospera teħtieġ li tirrikonoxxi u tipproteġi d-drittijiet individwali u kollettivi taċ-ċittadini kollha tagħha; iħeġġeu, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Russi biex jaħdmu fi żmien xieraq sabiex il-liġijiet imsemmija hawn fuq ikunu konformi mal-istandards internazzjonali, u sabiex jindirizzaw il-kwistjoni tal-andament tan-negozjati;

(o)  jinsistu dwar it-tisħiħ tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem UE-Russja, sabiex dan isir għodda effettiva u orjentata fuq ir-riżultati biex jitħarsu aktar id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja; jistiednu, b'mod partikolari, lill-awtoritajiet Russi biex ma jkomplux jagħmlu restrizzjonijiet inutli fuq id-dritt ta' assemblea paċifika, jiżguraw ħarsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iwaqqfu l-impunità għal abbużi li seħħew u għal qtil ta' attivisti, joħolqu klima li fiha jistgħu jiffunzjonaw is-soċjetà ċivili u l-NGOs mingħajr restrizzjonijiet inutli, biża' ta' fastidju jew intimidazzjoni, u jiżguraw konformità sħiħa mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jinkoraġġixxu liż-żewġ partijiet jiżguraw trasparenza akbar u ftuħ fil-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem UE-Russja, inter alia permezz tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti mill-ministeri kollha relevanti Russi fil-laqgħat ta' tħejjija mal-NGOs Russi u internazzjonali u fil-laqgħat ta' konsultazzjoni;

(p)  isostnu mill-ġdid b’fermezza li tentattivi ripetuti biex jitrażżnu d-drittijiet tal-bniedem, l-aktar il-libertà tal-espressjoni u l-assemblea, inkluż fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tas-sessi fil-livelli reġjonali u federali jmorru kontra l-impenji tar-Russja skont il-kostituzzjoni tagħha, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

(q)  jenfasizzaw li l-awtoritajiet Russi għandhom itemmu l-impunità fil-pajjiż, kif ukoll il-persekuzzjonijiet, l-arresti u d-detenzjonijiet politikament motivati,u jenfasizza l-bżonn li jitwaqqaf l-użu ta’ miżuri ripressivi kontra l-oppożizzjoni politika; jiżguraw li jinxteħet dawl sħiħ fuq il-ħafna ksur tad-drittijiet tal-bniedem li saru, inkluż il-priġunerija ta’ Mikhail Khodorkovsky u l-imwiet ta’ Sergei Magnitsky, Alexander Litvinenko u Anna Politkovskaya, Natalya Estemirova u oħrajn, li għad iridu jiġu investigati b'mod imparzjali u indipendenti;

(r)   jistiednu lir-Russja biex ma tużax il-kunċett ta' 'valuri tradizzjonali' biex tilleġitimizza d-diskriminazzjoni kontra gruppi ta' minoritajiet, twaqqaf id-dissidenti, jew tikser id-drittijiet tal-bniedem tal-poplu;

(s)   jinkorporaw klawsoli u kriterji ta' referenza fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ġdid u komprensiv dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif imniżżla fil-Kostituzzjoni tar-Russja u jutilizza bl-aħjar mod possibbli l-oqsfa tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE li r-Russja impenjat ruħha li tirrispetta b’mekkaniżmu ċar ta’ sospensjoni f’każ ta’ ksur serju jew nuqqas ta’ konformità;

(t)   jenfasizzaw li s-soċjetà Russa b'mod ġenerali, kif ukoll is-sħubija strateġika bejn l-UE u r-Russja jistgħu jiġu stimulati u jibbenefikaw minn sistema politika li tiżgura kundizzjonijiet ugwali għall-partiti politiċi kollha u joffru kompetizzjoni reali u alternattivi politiċi effettivi; jistiednu, f’dan ir-rigward, lir-Russja biex tindirizza b’mod konkret ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar l-aħħar elezzjonijiet imressqa mill-OSKE;

(u)  jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar l-azzjonijiet biex tinqered il-korruzzjoni endemika li ddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Istat u tippreġudika l-isforzi ta' modernizzazzjoni; jinkludu wkoll it-termini speċifiċi għall-kooperazzjoni bejn ir-Russja u l-UE biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni transkonfinali;

(v)  jippromovu sħubija strateġika bejn l-UE u r-Russja fl-indirizzar ta' sfidi globali, bħan-nonproliferazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti ġodda jew li ilhom jeżistu fuq il-bażi tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-liġi nazzjonali applikabbli, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, id-dimensjoni tal-Artiku, it-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-objettivi komuni ta' dik is-sħubija; jinsistu biex ir-Russja b’effett immedjat twaqqaf il-proliferazzjoni lejn il-pajjiżi li huma taħt embargo tal-armi mill-UE, l-OSKE u n-NU;

(w) jikkooperaw mar-Russja biex terfa' r-responsabilità li ssaħħaħ l-istabbiltà, il-kooperazzjoni politika u l-iżvilupp ekonomiku fil-viċinat komuni, u jisħqu fuq id-dritt sovran ta’ kull pajjiż li jagħżel l-orjentament tal-politika barranija u l-arranġamenti tas-sigurtà tiegħu;

(x)  jistiednu lill-awtoritajiet Russi biex itemmu l-klima mifruxa ta’ impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas tal-istat tad-dritt fil-Kawkasu tat-Tramuntana;

(y)  iħeġġġu lir-Russja biex tiffaċilita b’mod attiv ir-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti ffriżati u jsaħħu l-kooperazzjoni UE-Russja sabiex tinstab soluzzjoni għall-konflitti fit-tul fil-Moldava u l-Kawkasu tan-Nofsinhar, fuq il-bażi tal-liġi internazzjonali u tal-prinċipji tar-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitt; jintensifikaw it-taħdidiet mar-Russja biex jiġi żgurat it-twettiq bla kundizzjoni tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tal-2008; jistiednu lir-Russja biex tirtira r-rikonoxximent tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar; u jippermettu l-aċċess sħiħ u liberu tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-UE f’dawn it-territorji tal-Ġeorġja;

(z)   ikomplu bl-isforzi eżistenti bl-għan li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa ta' miżuri komuni li jwasslu biex titneħħa l-viża għal vjaġġar fuq perjodu qasir, bl-għan li titneħħa b'mod gradwali s-sistema tal-viża bejn il-pajjiżi ta' Schengen u r-Russja; jimxu kemm hu possibbli lejn faċilitazzjoni tal-viża għal akkademiċi, studenti, riċerkaturi, ġurnalisti, negozjanti u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, kif ukoll għall-għanijiet ta’ skambji taż-żgħażagħ; jarmonizzaw l-applikazzjoni tal-kodiċi tal-viża mill-Istati Membri, għall-inqas fuq livell minimu fir-rigward tar-rekwiżiti;

(aa) jenfasizzaw il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni xjentifika, kulturali u edukattiva, it-trawwim ta’ kuntatti minn poplu għal poplu u l-għarfien aħjar bejn is-soċjetajiet tal-UE u r-Russja;

Il-kooperazzjoni ekonomika

(ab) jikkunsidraw sew il-kooperazzjoni ekonomika li qed tikber bejn l-UE u r-Russja, bħala swieq reċiproċi ta' importazzjoni u fornituri ta' prodotti, servizzi u enerġija;

(ac) jimmonitorjaw mill-qrib u jevalwaw, jistimulaw u jappoġġjaw il-konformità tar-Russja mar-regoli tad-WTO u r-rieda tagħha li tuża s-sħubija tad-WTO bħala mutur għal riforma strutturali; jinkoraġġixxu, eventwalment, l-applikazzjoni tar-Russja għas-sħubija fl-OECD;

(ad) jenfasizzaw li l-konformità sħiħa tar-Russja mar-regoli tad-WTO hi prekundizzjoni meħtieġa, u standard minimu, għal ftehim mal-UE; f’dan ir-rigward, ostakoli eżistenti għal prodotti Russi importati u għas-servizzi għandhom jiġu riveduti mill-ġdid għall-konformità tagħhom mar-regoli tad-WTO u jekk ikun xieraq jitneħħew dawk l-ostakoli;

(ae) jinsistu dwar ftehim bilaterali bejn l-UE u r-Russja, filwaqt li jagħmluha ċara li l-possibilità ta' ftehim bejn l-UE u l-Unjoni Doganali mmexxija mir-Russja tista' tiġi prevista biss, fuq terminu twil ta' żmien u ladarba l-ftehim bilaterali jidħol fis-seħħ;

(af) jinkoraġġixxu l-kontropartijiet Russi biex juru rieda politika ċara ħalli jintlaħaq ftehim dwar dispożizzjonijiet legalment vinkolanti fir-rigward ta' 'kummerċ u investiment' li jridu jkunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet diġà inklużi fil-PCA u li għandhom ikunu konformi mal-adeżjoni fid-WTO; ifakkru li l-objettiv tal-UE f'dan il-qasam hu li jitjieb u jistabbilizza ruħu l-ambjent tan-negozju, għaliex dan hu ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat u jkompli jippromovi l-objettivi stabbiliti mis-Sħubija għall-Modernizzazzjoni mnedija fl-2010;

(ag) jindirizzaw il-problema li għad hemm tal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti ffalsifikati fir-Russja;

(ah) jinkoraġġixxu lir-Russja tkompli bir-ristrutturar tal-ekonomija tagħha u taċċellera l-evoluzzjoni tagħha minn mudell iffukat fuq l-enerġija lejn mudell immexxi mill-industrija u s-servizzi bbażat fuq l-użu effiċjenti ta’ riżorsi u l-użu ta’ enerġiji rinnovabbli; jenfasizzaw li l-prezzijiet taż-żejt huma volatili u li l-prezzijiet attwalment għolja m'għandhomx iservu ta' skuża biex tiġi posposta l-modernizzazzjoni meħtieġa tal-ekonomija;

(ai)  jenfasizzaw l-importanza li tinħoloq politika barranija Ewropea komuni dwar l-enerġija bil-għan li tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija permezz tal-bidu ta’ kooperazzjoni trilaterali bejn l-UE, ir-Russja u l-pajjiżi ta’ tranżitu;

(aj) iqisu l-fatt li għad hemm il-ħtieġa ta' sforzi konsiderevoli ta' investiment għal infrastrutturi li għadhom ta' żmien is-Sovjetiċi u li huma ta' importanza kruċjali kemm għall-ekonomija tar-Russja u kif ukoll għall-investimenti tal-UE;

(ak) jiggarantixxu l-inklużjoni ta' kapitlu sostanzjali u legalment vinkolanti dwar l-enerġija sabiex jiżgura provvista ta' enerġija affidabbli u kosteffikaċi għall-UE; jiżguraw li din is-sħubija tal-enerġija hi bbażata fuq il-prinċipji tat-trasparenza, tal-kompetizzjoni ġusta, tal-esklużjoni ta’ mġiba monopolistika, tar-reċiproċità u tan-nondiskriminazzjoni; jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet mhux solvuti relatati mal-provvista tal-enerġija għall-Istati Membri tal-UE; jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta dwar l-Enerġija jiġu inklużi bħala parti integrali mill-ftehim il-ġdid;

(al)  jiżguraw l-inklużjoni ta’ kapitolu legalment vinkolanti dwar l-introduzzjoni jew iż-żieda ta’ dazji fuq l-esportazzjoni ta’ materja prima;

(am) jissorveljaw u jinsistu dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-ogħla standards internazzjonali tas-sikurezza tal-impjanti nukleari fir-Russja, kemm dawk operattivi kif ukoll dawk fil-proċess ta’ kostruzzjoni, fuq il-premessa li jintużaw l-istrumenti u t-trattati kollha disponibbli; iħeġġu lir-Russja, f’dan ir-rigward, sabiex b’mod immedjat tirratifika u tikkonforma mal-Konvenzjoni tal-NU/KEE ((Espoo) dwar valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali f’kuntest transkonfinali;

(an) jistiednu lir-Russja tagħlaq ir-reatturi nukleari kollha bħal dawk ta’ Chernobyl u tal-bidu nett, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ dawk li jinsabu fil-qrib tal-fruntieri tal-UE u jesprimu tħassib serju dwar il-proġetti ta’ impjanti tal-enerġija nukleari f’Kaliningrad Oblast u Sosnovyi Bor;

(ao) isaħħu aktar il-kooperazzjoni reċiproka fl-oqsma tar-riċerka, l-edukazzjoni, il-kultura u x-xjenza; irawwmu għarfien komuni dwar l-istorja tas-seklu għoxrin;

(ap) jesprimu tħassib serju dwar it-tħaffir kummerċjali fl-Artiku u t-tniġġis mifrux madwar is-siti tat-tħaffir fir-Russja kollha;

(aq) jikkonsultaw lill-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet rigward il-kooperazzjoni parlamentari;

(ar) jinkludu punti ta’ riferiment ċari għall-implimentazzjoni tal-ftehim il-ġdid u jagħmel dispożizzjoni għal mekkaniżmi ta' monitoraġġ, inklużi rapporti regolari lill-Parlament Ewropew;

(as) jinkoraġġixxu lit-tim tan-negozjati tal-UE jkompli l-kooperazzjoni tajba mal-PE, filwaqt li jipprovdu informazzjoni kontinwa, sostnuta bid-dokumentazzjoni, dwar il-progress tan-negozjati, skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li jiddikjara li l-Parlament għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura;

2.    Jibqgħu viġilanti dwar ir-rekwiżiti li l-UE beħsiebha tistabbilixxi fir-rigward tar-rispett tal-prinċipji demokratiċi, u jqisu dan ir-rispett bħala prerekwiżit assolut għall-iffirmar ta’ Ftehim UE-Russja;

3.    Jagħtu istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa u lid-Duma tal-Istat Russu.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali  (27.6.2011)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar ir-Rakkomandazzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-ftehim ġdid UE-Russja
(2011/2050(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Inese Vaidere

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-UE u r-Russja huma sieħba fil-kummerċ interdipendenti, speċjalment fir-rigward tal-materja prima u sorsi vitali ta' enerġija; iqis li r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħhom għandhom potenzjal qawwi u li l-kooperazzjoni ekonomika u l-integrazzjoni tas-suq ikbar jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-istabilità tar-reġjun, waqt li jrawmu l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien ambjentali;

2.  Jenfasizza l-influwenza ta’ tensjonijiet li għandhom l-għeruq tagħhom f' esperjenzi storiċi fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u r-Russja, u jipproponi t-twaqqif ta' grupp ta’ diskussjoni permanenti dwar l-istorja sabiex jiġu indirizzati biżgħat u preġudizzji eżistenti u biex jiġu analizzati l-fehmiet differenti tal-passat;

3.  Jenfasizza r-rwol speċjali u l-importanza li l-Istati Membri tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant tal-UE jista’ jkollhom fit-titjib tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u r-Russja, meta wieħed iqis il-vantaġġ li għandhom f'termini ta' għarfien espert biex jegħlbu ostakli lingwistiċi u kulturali bejn is-sħab;

4.  Jilqa’ l-iffirmar mill-UE u r-Russja ta’ Memorandum ta’ Ftehim dwar is-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet bilaterali dwar l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO; jemmen li l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO hija vitali għall-kooperazzjoni ekonomika UE-Russja u għan-negozjati dwar Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles possibbli fuq perjodu ta’ żmien twil; jistenna li, fil-qafas tan-negozjati multilaterali, tista' tinstab ma ddumx soluzzjoni sodisfaċenti għal kwistjonijiet li għad iridu jiġu solvuti, inklużi r-regoli ġodda Russi dwar l-investiment fis-settur tal-karozzi;

5.  Iqis il-konformità sħiħa tar-Russja mar-regoli tad-WTO bħala prekundizzjoni neċessarja u standard minimu għal ftehim dwar il-kummerċ ħieles bejn l-UE u r-Russja;

6.  Konxju tal-interess tar-Russja fis-sħubija mad-WTO, jistieden lill-Gvern Russu jelimina dazji temporanji fuq l-importazzjoni peress li dawn huma kontra regolamenti tad-WTO;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Għaqda Doganali bejn ir-Russja, il-Kazakistan u l-Bjelorussja se timponi dazji addizzjonali, u b'hekk tmur iktar kontra r-regolamenti tad-WTO u ddgħajjef ir-rieda attwali tal-Gvern Russu fir-rigward ta’ sħubija fid-WTO;

8.  Iħeġġeġ lir-Russja biex ma tagħmel pressjoni fuq l-ebda pajjiż ieħor biex jingħaqad mal-Unjoni Doganali;

9.  Jinnota li r-Russja tista’ ssir sieħba relevanti ħafna għall-interessi kummerċjali tal-Unjoni Ewropea mhux biss f’dimensjoni bilaterali iżda wkoll f’dimensjoni multilaterali permezz tal-importanza tagħha fil-proċess ta’ kooperazzjoni BRIC(SA);

10. Jittama li l-Kummissjoni se tinnegozja ftehim ġdid komprensiv u ambizzjuż, ibbażat fuq l-erba’ spazji komuni u b’indikazzjonijiet ċari dwar kwistjonijiet regolatorji u leġiżlattivi u strumenti ta’ infurzar; jistieden lir-Russja tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha tkun kompatibbli mal-liġi tal-UE, inkluża l-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-ikel; jenfasizza l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija u s-sors ta' 75% tal-IBD fir-Russja u għalhekk jenfasizza li ftehim li jorbot legalment dwar il-kummerċ u l-investiment, li għandu jkun iffirmat meta r-Russja timpenja ruħha li tirrispetta r-regoli internazzjonali tal-kummerċ bl-adeżjoni mad-WTO, u li jqiegħed il-pedament għal reġim ta’ soluzzjoni tat-tilwim u jtejjeb it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni fil-klima tal-investiment fir-Russja, huwa essenzjali;

11. Huwa konvint li l-iżvilupp tar-Russja u s-suċċess ekonomiku tas-soċjetà tagħha se jkollhom impatt fuq is-sigurtà u l-iżvilupp ekonomiku tal-Unjoni Ewropea u li konsegwentement livell kwalitativament ġdid ta’ sħubija ekonomika u kummerċjali għandu jiġi żviluppat, inklużi sforzi konġunti biex jiġu indirizzati sfidi komuni mit-tibdil tal-klima sa żvilupp soċjali, finanzjarju u ekonomiku stabbli u sostenibbli;

12. Huwa mħasseb ħafna dwar il-problema li għad hemm tal-produzzjoni u l-bejgħ ta' prodotti foloz fir-Russja; jinsisti li jrid isir titjib fil-leġiżlazzjoni u l-infurzar tal-liġi fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali, sabiex tiżdied il-kompetittività u l-klima tkun iktar attraenti għall-investiment;

13. Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinkludi kapitolu komprensiv dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ kull forma ta’ proprjetà intellettwali, inklużi trasferimenti ta’ teknoloġija, fil-ftehim il-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja t-trasferiment tat-teknoloġija għolja u l-għarfien ta' kif isiru l-affarijiet tal-UE sabiex tiġi evitata l-piraterija, il-produzzjoni ta’ merkanzija falza u l-kompetizzjoni inġusta; huwa tal-fehma li l-Gvern Russu għandu jikkunsidra r-ratifikazzjoni tal-Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni (ACTA), mossa li tista' tikkontribwixxi sostanzjalment għall-ġlieda internazzjonali kkoordinata kontra l-faslifikazzjoni u l-piraterija;

14. Jitlob li l-ftehim jinkludi kapitolu sostanzjali li jorbot legalment dwar l-enerġija, li fuq il-bażi ta' regoli ċari u trasparenza msaħħa jista' jiżgura provvista ta' enerġija affidabbli u kosteffikaċi għall-UE billi jiżgura li r-Russja tkun qed tapplika strutturi tal-ipprezzar tal-enerġija ġusti bbażati fuq trattament indaqs għall-pajjiżi kollha tal-UE; jemmen li, sabiex terġa' tintrebaħ il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fis-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-UE u r-Russja għandhom jistabbilixxu sħubija tal-enerġija li fiha jiddominaw il-prinċipji tat-trasparenza, il-kompetizzjoni ġusta, ir-reċiproċità u n-nondiskriminazzjoni;

15. Huwa konvint li prekundizzjoni għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet kummerċjali stabbli u li jkunu qed jirnexxu mar-Russja tinvolvi l-indirizzar tal-kwistjonijiet mhux solvuti rigward il-provvista tal-enerġija lill-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u l-Istati Baltiċi;

16. Jilqa' s-Sħubija għall-Modernizzazzjoni bħala inizjattiva konkreta, stimulata mill-proġetti għall-ħidma flimkien mar-Russja; jinkoraġġixxi lin-naħa Russa timplimenta riformi tant meħtieġa u tneħħi l-ostakoli għal ftehim ta’ benefiċċju reċiproku billi ttejjeb l-ambjent lokali għan-negozju u l-investiment, b'mod partikolari għall-SMEs, billi tirriforma s-settur tal-enerġija, tnaqqas l-influwenza tal-awtoritajiet tal-Istat fuq l-attivitajiet tas-settur privat, tiġġieled kontra l-korruzzjoni, tneħħi l-protezzjoniżmu, inklużi żidiet unilaterali fit-tariffi, tipproteġi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali, u ssaħħaħ l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

17. Jenfasizza li r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn l-UE u r-Russja għandhom imorru lil hinn mill-attivitajiet ta’ numru limitat ta’ korporazzjonijiet maġġuri u għandhom jiġu estiżi bil-għan li jiġu involuti ammonti kbar ta’ impriżi ta’ daqs żgħir u medju u segmenti ħafna ikbar tas-soċjetà; jinnota li l-istatistika dwar il-faqar fir-Russja turi inċidenza drammatikament għolja u li l-eliminazzjoni ta’ din il-problema hija fundamentali għall-istabilità u għandha tkun interess ċentrali tal-Unjoni Ewropa;

18. Jemmen li l-UE għandha tiżgura li r-rispett għad-drittijiet fundamentali ma għandux jibqa’ lura fil-konfront ta’ aspetti kummerċjali u ekonomiċi fin-negozjati tal-ftehim il-ġdid mar-Russja;

19. Iħeġġeġ lir-Russja tingħaqad mal-UE sabiex tindirizza l-effetti tat-tibdil fil-klima;

20. Jistieden lill-gvern Russu jneħħi ostakoli għall-kummerċ miftuħ u ġust u għall-aċċess għas-swieq, kif identifikati fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment 2011, u b'mod partikolari biex itemm iż-żidiet unilaterali temporanji fit-tariffi li r-Russja promulgat b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika u li għamlu ħsara kbira lill-esportaturi tal-UE;

21. Jilqa' d-dikjarazzjoni mill-Gvern Russu li se jneħħi l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' ħaxix frisk mill-Unjoni Ewropea u jistiednu sabiex ineħħiha mingħajr dewmien; iħeġġu biex jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea fuq il-finalizzazzjoni fiż-żmien xieraq tad-dettalji tal-iskema ta' ċertifikazzjoni għall-esportazzjoni tal-ħxejjex mill-UE lejn ir-Russja u viċeversa;

22. Jistieden lill-Kummissjoni biex fin-negozjati tagħha mar-Russja tiġbdilha l-attenzjoni għall-ħtieġa li tirriforma l-proċeduri doganali ingumbranti u għalja tagħha kemm jista' jkun malajr, sabiex jittejjeb l-aċċess għas-suq b'mod partikolari għall-impriżi żgħar u medji;

23. Iqis it-titjib fir-regolamenti tal-viża bejn l-UE u r-Russja bħala importanti ħafna għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet kummerċjali fuq bażi wiesgħa; jirrikonoxxi l-approċċ ta’ pjan direzzjonali li l-UE qed issegwi fir-rigward tal-pajjiżi Balkani tal-Punent bħala eżempju pożittiv għal mod kif xi darba jinkiseb reġim mingħajr viża mar-Russja.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.6.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Kader Arif, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle De Sarnez, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Emilio Menéndez del Valle, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Pablo Zalba Bidegain, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Catherine Bearder, George Sabin Cutaş, Syed Kamall, Maria Eleni Koppa, Elisabeth Köstinger, Jörg Leichtfried, Jarosław Leszek Wałęsa

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.10.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pino Arlacchi, Bastiaan Belder, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Mário David, Michael Gahler, Ana Gomes, Liisa Jaakonsaari, Ioannis Kasoulides, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Ryszard Antoni Legutko, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Ria Oomen-Ruijten, Ioan Mircea Paşcu, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Libor Rouček, Nikolaos Salavrakos, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Adrian Severin, Laurence J.A.J. Stassen, Charles Tannock, Sir Graham Watson

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Jean-Jacob Bicep, Christian Ehler, Kinga Gál, Elisabeth Jeggle, Barbara Lochbihler, Carmen Romero López, Hannes Swoboda, László Tőkés, Traian Ungureanu, Ivo Vajgl, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jolanta Emilia Hibner, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Petru Constantin Luhan, Eva Ortiz Vilella, Renate Sommer, Jutta Steinruck