RAPPORT dwar l-abbozz ta' direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar ċerti arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stat Membru li ma twieldux fih.
24.10.2012 - (13634/2012 – C7‑0293/2012 – 2006/0277(CNS)) - *
Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Relatur: Carlo Casini
(Konsultazzjoni mill-ġdid – Artikolu 59(3) tar-Regoli ta' Proċedura)
(Proċedura semplifikata – Artikolu 46(1) tar-Regoli ta' Proċedura)
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar ċerti arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stat Membru li ma twieldux fih.
(13634/2012 – C7‑0293/2012 – 2006/0277(CNS))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali - konsultazzjoni mill-ġdid)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (13634/2012),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2006)0791),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2007[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 22(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7–0293/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 u l-Artikoli 59(3) u 46(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7–0352/2012),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jagħti lill-President tiegħu istruzzjonijiet biex jibgħat il-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali.
- [1] ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 193.
NOTA SPJEGATTIVA
1. Fit-12 ta' Settembru 2012 il-Kunsill adotta test li għandu l-għan li jadotta bħala d-Direttiva li temenda d-Direttiva 93/109/KE dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini. Hu ddeċieda fl-istess ħin li jikkonsulta mill-ġdid lill-Parlament (l-Artikolu 59(3) tar-Regoli ta' Proċedura).
2. Il-bażi ġuridika għal din il-leġiżlazzjoni hija l-Artikolu 22(2) tat-TFUE li jipprevedi liġi speċjali tal-Kunsill, deċiża b'unanimità wara konsultazzjoni mal-Parlament. Il-Parlament ivvota dwar l-opinjoni leġiżlattiva tiegħu dwar il-kwistjoni fis-26 ta' Settembru 2007 (ir-Rapport Duff) (P6-TA(2007)0410).
3. L-intenzjoni oriġinali tal-Parlament kienet li tinfetaħ it-triq għall-kandidati biex joħorġu għal iktar minn kostitwenza waħda fl-istess elezzjoni. Din il-liċenzja hija permessa bl-Att tal-1976 dwar l-Elezzjonijiet Diretti imma fil-prattika mhix regolata fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE (jew f'ħafna liġijiet nazzjonali).
4. Madankollu, in-nuqqas ta' qbil fil-Kunsill dwar din il-kwistjoni, u dwar ir-regolamentazzjoni tad-dritt tal-vot fl-Istati tar-residenza, ikkawża l-fatt li ma ttieħdet ebda azzjoni fil-ħin għall-elezzjonijiet tal-2009. Issa l-Kunsill waqqa' l-kwistjoni iktar delikata tad-drittijiet tal-votanti u qed jikkonċentra biss fuq it-taffija ta' ftit mill-piż li ngħataw l-awtoritajiet nazzjonali fil-verifika ta' jekk xi ħadd tħalliex jipparteċipa jew le bħala kandidat fl-Istat tiegħu stess. Filwaqt li l-abbozz il-ġdid ma jilħaqx il-miri iktar ambizzjużi tal-Parlament, dan jagħmel xi titjib modest għas-sitwazzjoni kurrenti f'termini tal-konvenzjenza amministrattivi għall-kandidat prospettiv u għall-Istati kkonċernati. Jidher ukoll li se jintlaħaq qbil fil-Kunsill u, jekk jintlaħaq qbil dwar dan fil-Parlament fil-forma ta' opinjoni pożittiva, dan jista' jsir operattiv fil-ħin għall-elezzjonijiet tal-2014.
5. Il-Kummissjoni Ewropea taqbel mal-pożizzjoni l-ġdida tal-Kunsill u hija lesta li timplimenta l-proċeduri riveduti. Qed jiddaħħlu tabelli ta' korrelazzjoni.
6. Ir-reviżjonijiet prinċipali għall-abbozzi preċedenti huma kif ġej:
(a) Id-Direttiva m'għadhiex tkopri d-drittijiet kemm għall-votazzjoni kif ukoll biex wieħed joħroġ bħala kandidat imma dan tal-aħħar biss. Ma jistax jintlaħaq kunsens fil-Kunsill dwar ir-riforma tal-mekkaniżmu biex tiġi evitata l-votazzjoni doppja.
(b) L-Artikolu 6(1) rivedut jissostitwixxi l-kliem fl-ewwel frażi "permezz ta' deċiżjoni tal-liġi kriminali jew ċivili individwali, kienu mċaħħda..." bil-kliem "li, b'deċiżjoni ġudizzjarja individwali...". L-intenzjoni hija li jiġu koperti deċiżjonijiet minn korpi ġudizzjarji oħra bħall-qrati amministrattivi. Il-Kunsill ikompli: "... jew b'deċiżjoni amministrattiva, sakemm din tal-aħħar tista' tiġi soġġetta għal rimedji ġudizzjarji...". Dan jaħseb għall-bżonn tal-Istati tal-UE meta deċiżjoni amministrattivi tkun biżżejjed biex iċ-ċittadini jiċċaħħdu mid-dritt għall-votazzjoni jew għall-kandidatura, imma mhux mingħajr rikors għal proċedura ġudizzjarja.
(c) Il-Kunsill jimmodifika l-proposta tal-Kummissjoni li temenda l-Artikolu 6(2) bl-istess mod bħall-Artikolu 6(1).
(d) Il-Kunsill iżid mal-Artikolu 6(3) l-ġdid, kif propost mill-Kummissjoni, frażi maħsuba biex tiżgura li tingħata l-informazzjoni rilevanti mill-Istat ta' oriġini fi żmien ħamest ijiem ta' ħidma. B'mod sinifikanti, iżżid: "Jekk l-informazzjoni ma tkunx riċevuta mill-Istat Membru ta' residenza, il-kandidat għandu xorta jiġi ammess." Dan ifisser li kandidat jista' joħroġ fi kwalunkwe każ, u jekk jiġi elett u jekk wara jinstab li hu żbaljat, jittieħdu miżuri biex dan jiġi evitat milli jieħu s-siġġu tiegħu.
(e) Artikolu 6(4) ġdid jispjega l-"passi xierqa" li se jittieħdu f'dawn iċ-ċirkostanzi.
(f) Artikolu 6(5) ġdid jagħżel punti ta' kuntatt biex wieħed jirċievi u jibgħat l-informazzjoni.
(g) L-Artikolu 10 kif modifikat mill-Kunsill iżid mal-proposta tal-Kummissjoni r-rekwiżit li l-kandidati jindikaw fl-applikazzjoni tagħhom l-aħħar indirizz tagħhom fl-Istat ta' oriġini.
7. Bħala konklużjoni, il-Parlament issa għandu jieħu nota tal-abbozz tal-Kunsill biex iħaffef ir-rekwiżiti għaċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat tal-UE li mhumiex ċittadini tiegħu biex dawn joħorġu bħala kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-Parlament ifakkar, madankollu, fix-xewqa tiegħu li jiftaħ it-triq għall-kandidati biex joħorġu f'iktar minn kostitwenza waħda fl-istess elezzjoni tal-Parlament Ewropew irrispettivament mill-kwalifiki ta' residenza kif ukoll li titjieb ir-regolamentazzjoni ta' dritt ġenerali għall-votazzjoni fl-Istati ta' residenza. Se tkun l-intenzjoni tagħna fil-Konvenzjoni li jmiss li fil-leġiżlazzjoni sekondarja nistabbilixxu dak li tirrikjedi l-leġiżlazzjoni primarja: jiġifieri, li tkun permessa l-kandidatura doppja (meta l-Istati Membri involuti jippermettu dan); li l-kontrolli jiħallew f'idejn l-Istat tar-residenza; u li l-Istat tar-residenza jitħalla ma jirrikonoxxix l-iskwalifiki mill-Istat ta' oriġini.
8. Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali ddeċieda li juża l-proċedura simplifikata biex joħroġ opinjoni pożittiva ta' malajr dwar l-abbozz tal-Kunsill mingħajr emenda bit-tama li r-riformi modesti imma sensittivi jiġu implimentati fil-ħin għall-elezzjonijiet tal-2014.
PROĊEDURA
Titolu |
Emenda għal Direttiva 93/109/KE: id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta' l-UE residenti fi Stat Membru li ma twieldux fih |
||||
Referenzi |
13634/2012 – C7-0293/2012 – COM(2006)0791 – C6-0066/2007 – 2006/0277(CNS) |
||||
Data meta ġie kkonsultat il-PE |
14.2.2007 |
|
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
AFCO 22.10.2012 |
|
|
|
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
JURI 22.10.2012 |
LIBE 22.10.2012 |
|
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
JURI 23.10.2012 |
LIBE 5.11.2012 |
|
|
|
Rapporteur Data tal-ħatra |
Carlo Casini 9.10.2012 |
|
|
|
|
Rapporteur(s) preċedenti |
Andrew Nicholas Duff |
|
|
|
|
Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni |
9.10.2012 |
||||
Eżami fil-kumitat |
9.10.2012 |
|
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
9.10.2012 |
|
|
|
|
Data tat-tressiq |
24.10.2012 |
||||