Proċedura : 2012/2153(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0355/2012

Testi mressqa :

A7-0355/2012

Dibattiti :

PV 21/11/2012 - 15
CRE 21/11/2012 - 15

Votazzjonijiet :

PV 22/11/2012 - 13.14
CRE 22/11/2012 - 13.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0459

RAPPORT     
PDF 211kWORD 138k
24.10.2012
PE 492.945v01-00 A7-0355/2012

li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar in-negozjati għal ftehim imsaħħaħ ta' sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kazakistan

(2012/2153(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Liisa Jaakonsaari

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar in-negozjati għal ftehim imsaħħaħ ta' sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kazakistan

(2012/2153(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Kazakistan, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999(1),

–   wara li kkunsidra n-negozjati awtorizzati mill-Kunsill fl-24 ta' Mejju 2011 u li fetħu fi Brussell f'Ġunju 2011 dwar il-Ftehim imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kazakistan,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Kazakistan, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Marzu 2012(2) u dik tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-każ ta' Yevgeny Zhovtis(3) u dik tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-piena kapitali(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(5),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali: "L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali", adottata mill-Kunsill Ewropew fil-21-22 ta’ Ġunju 2007, u r-rapporti ta' progress tal-24 ta' Ġunju 2008 u t-28 ta' Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-UE dwar il-Kazakistan fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE tat-3 ta' Novembru u tat-22 ta' Diċembru 2011, u tad-19 ta' Jannar, is-26 ta' Jannar u d-9 ta' Frar 2012, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-UE Catherine Ashton tas-17 ta' Diċembru 2011 dwar dak li seħħ fid-distrett ta' Zhanaozen u tas-17 ta' Diċembru 2011 u tal-15 ta' Jannar 2012 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Kazakistan (magħmula fis-17 ta' Jannar 2012),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet parlamentari tal-15 ta' Jannar 2012, immexxija mill-OSKE/ODIHR,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Midja tal-25 ta' Jannar 2012 dwar is-sitwazzjoni tal-midja fil-Kazakistan,

–    wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 21 TUE, u l-proċedura għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali stipulata fl-Artikolu 218 TFUE,

–  wara li kkunsidra l-impenji meħuda mir-Rappreżentant Għoli fl-ittri tagħha tal-24 ta' Novembru 2011 u tal-11 ta' Mejju 2012 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-FSK bejn l-UE u t-Turkmenistan u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-paragrafu 23 tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2012 dwar id-19-il Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU(6),

–   wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku l-ġdid tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottat mill-ministri barranin tal-UE u l-konklużjonijiet adottati tul it-3179 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-25 ta' Ġunju 2012.

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni lill-Parlament Ewropew dwar il-Kazakistan f'isem ir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, imwassla mill-Ministru Daniż għall-Affarijiet Barranin, Villy Søvndal, fl-14 ta' Marzu 2012 (A 122/12),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 90(4) u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0355/2012),

A. billi l-UE u l-Kazakistan jaspiraw għal relazzjonijiet aktar profondi u usa' ma' xulxin; billi n-nies fl-UE u fil-Kazakistan għandhom jibbenefikaw b'mod reċiproku minn kooperazzjoni aktar mill-qrib; billi l-konklużjoni tan-negozjati tal-FSK il-ġdid, għandha tipprovdi qafas komprensiv għal kooperazzjoni msaħħa abbażi tad-drittijiet tal-bniedem u demokratiċi, kif ukoll opportunitajiet għall-iżvilupp soċjoekonomiku b'mod partikolariu għar-riformi politiċi u ekonomiċi meħtieġa; billi l-iżvilupp soċjali u dak ekonomiku huma interkonnessi mill-qrib;

B.  billi minkejja li s-sospensjoni tal-applikazzjoni ta' kull FSK intużat biss rarament u parzjalment mill-Kunsill, din tibqa' għażla vijabbli f'każ ta' ksur serju u dokumentat tad-drittijiet tal-bniedem;

C. billi l-Kazakistan qeda rwol pożittiv fl-Asja Ċentrali u ħadem biex jiżviluppa relazzjonijiet ta' ġirien tajba mal-pajjiżi li jinsabu mal-fruntiera tiegħu, ikompli l-kooperazzjoni reġjonali u jsolvi l-kwistjonijiet bilaterali kollha b'mod paċifiku;

D. billi l-Parlament Ewropew, sabiex ikun jista' jaqdi l-funzjoni tiegħu ta' skrutinju politiku, għandu bżonn li jkollu l-informazzjoni kollha biex isegwi mill-qrib l-iżviluppi fil-Kazakistan u l-implimentazzjoni tal-FSK, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tiegħu;

E.  billi l-Kazakistan ġie ammess fil-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa; billi waqt in-negozjati għal FSK imsaħħaħ nstab lingwaġġ komuni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

F.  billi l-Kazakistan kellu l-presidenza tal-OSKE fl-2010; billi l-impenji meħuda biex il-liġi dwar il-midja tinġieb f'konformità mal-istandards internazzjonali, biex jiġu liberalizzati r-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni għall-partiti politiċi sa tmiem l-2008, u biex jiġu inkorporati r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE, fil-leġiżlazzjoni dwar l-elezzjonijiet, għadhom ma twettqux;

G.  billi, minkejja l-ambizzjoni ddikjarata tal-gvern Kazaki li jsaħħaħ il-proċess demokratiku tal-Kazakistan u li jorganizza elezzjonijiet konformi mal-istandards internazzjonali, l-OSKE kkunsidrat l-elezzjonijiet ġenerali li nżammu fil-15 ta' Jannar 2012 bħala mhux kompletament konformi mal-istandards internazzjonali, b'kunsiderazzjoni tal-irregolaritajiet mifruxa fil-proċess ta' votazzjoni u l-falliment li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta' elezzjonijiet realment pluralistiċi;

H  billi wara l-avvenimenti traġiċi ta' Diċembru 2011 f'Zhanaozen, kien hemm partiti fl-oppożizzjoni, midja u trejdunjins indipendenti, attivisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem sfaw il-mira ta' repressjoni, inklużi detenzjonijiet mingħajr ksur bi provi tal-liġi li jistgħu jitqiesu motivati politikament;

I.   billi bħalissa għaddej dibattitu miftuħ u kostruttiv bejn il-MPE, ir-rappreżentanti uffiċjali tal-Kazakistan, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-NGOs dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku;

J.   billi dan l-aħħar l-awtoritajiet Kazaki għamlu sforzi importanti f'termini ta' kooperazzjoni mal-NGOs fil-Kazakistan tal-Punent biex itejbu s-sitwazzjoni tar-residenti fir-reġjun, u b'mod partikolari tal-ħaddiema fuq strajk;

K. billi 37 persuna tressqu l-qorti fuq akkużi ta' organizzazzjoni jew parteċipazzjoni ta' rvelli tal-massa, u 34 instabu ħatja u, minn dawn, 13 ser jgħaddu żmien il-ħabs, fosthom mexxejja u attivisti prominenti mill-istrajk tal-ħaddiema taż-żejt, inklużi Talgat Saktaganov, Roza Tuletaeva u Maksat Dosmagambetov; billi f'Lulju 2012, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, wara ż-żjara ta' jumejn li għamlet fil-Kazakistan, stiednet lill-awtoritajiet jawtorizzaw investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-avvenimenti ta' Zhanaozen infushom u dwar il-kawżi u l-konsegwenzi tagħhom;

L.  billi l-Missjoni ta' Monitoraġġ Internazzjonali tas-Solidarjetà Ċivika, fir-rapport preliminari tagħha, ikkonkludiet li l-proċessi ta' Zhanaozen ma jistgħux jitqiesu bħala konformi mal-istandards għal proċess ġust u l-investigazzjoni tal-avvenimenti ta' Diċembru 2011 la kienet kompluta u lanqas indipendenti; billi l-akkużati u xi xhieda sfaw vittmi ta' ksur serju ta' drittijiethom matul il-fażi ta' qabel il-proċess, inklużi l-allegat użu tat-tortura, iċ-ċaħda ta' aċċess għal avukat, intimidazzjoni u ħolqien ta' provi foloz; billi x-xhieda tal-akkużati waqt il-proċessi rigward trattament ħażin u tortura waqt id-detenzjoni qabel il-proċessi ma ġietx investigata bis-sħiħ, b'mod imparzjali u bir-reqqa, b'mod li jippermetti li l-awturi tar-reati jinżammu responsabbli;

M. billi Vladimir Kozlov, il-mexxej tal-partit tal-oppożizzjoni ALGA, instab ħati ta' "inċitament ta' diskordanza soċjali", "li sejjaħ għat-twaqqigħ bil-forza tal-ordni kostituzzjonali" u "li ħoloq u mexxa' grupp organizzat bil-għan li jwettqu reati kriminali", u li kien ikkundannat għal seba' snin u nofs ħabs; billi Akzhanat Aminov, ħaddiem taż-żejt minn Zhanaozen, u Serik Sapargali, attivist tas-soċjetà ċivili, ġew ikkundannati għal reati simili u ngħataw sentenzi sospiżi ta' ħames snin u erba' snin rispettivament;

N. billi fis-17 ta' Frar 2012, il-President tal-Kazakistan iffirma bosta liġijiet immirati lejn it-titjib tal-bażi ġuridika għar-relazzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-ħaddiema u d-djalogu soċjali u t-tisħiħ tal-indipendenza tal-ġudikatura; billi minkejja dawn l-isforzi d-dritt tal-individwi li jassoċjaw ruħhom, li jorganizzaw u li jirreġistraw trejdunjins indipendenti, id-dritt ta' negozjar kollettiv u d-dritt tal-istrajk għadhom mhumiex rispettati bis-sħiħ u ma teżisti l-ebda ġudikatura indipendenti; billi l-emendi għall-Kodiċi tax-Xogħol, b'mod partikolari l-Artikoli emendati 55, 74, 266, 287, 289, 303, u 305, jikkostitwixxu rigressjoni serja fil-qasam tar-relazzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-ħaddiema u d-djalogu soċjali u ksur tal-kundizzjonijiet meħtieġa tal-ILO u konvenzjonijiet internazzjonali oħra;

O. billi l-UE hija sieħba kummerċjali ewlenija għall-Kazakistan u l-akbar investitur fil-pajjiż; billi l-Kazakistan esprima x-xewqa tiegħu biċ-ċar li jersaq viċin l-istandards tal-UE u l-mudelli soċjali u ekonomiċi tagħha, u dan jimplika riforma konsistenti tal-Istat u l-amministrazzjoni pubblika Kazaki;

P.  billi l-Kazakistan għandu rwol importanti fl-iżgurar tal-istabbilizzazzjoni tar-reġjun u jista' jsir pont bejn l-UE u r-reġjun kollu tal-Asja Ċentrali;

Q. billi l-Kazakistan kiseb riżultati importanti fil-qasam tat-tnaqqis tal-faqar, is-saħħa pubblika u l-edukazzjoni;

R.  billi l-UE tiddependi b’mod qawwi fuq l-importazzjoni ta’ fosfat naturali estratt sabiex isostni l-agrikolatura u l-produzzjoni teknika tagħha; billi l-Kazakistan iforni bosta stati b'fosforu abjad u li l-Kummissjoni nediet proċedura antidumping f'Diċembru 2011 kontra l-importazzjoni ta' fosforu abjad mill-Kazakistan;

1.  Jilqa' r-rieda politika tal-Kazakistan u l-parteċipazzjoni prattika għat-tisħiħ aktar profond tas-sħubija mal-UE u l-ftuħ tan-negozjati għal ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u l-Kazakistan;

2.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li jmiss lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli/Viċi Pesidenti, u jitlobhom:

Dwar il-proċess tan-negozjati

(a) jiżguraw li l-FSK il-ġdid ikun qafas komprensiv għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet, bl-indirizzar tal-oqsma kollha ta' prijorità, inkluż: id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-demokratizzazzjoni; iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni; l-iżvilupp ekonomiku, il-kummerċ u l-investiment; l-enerġija u t-trasport; is-sostenibbiltà ambjentali u l-ilma; u l-ġlieda kontra theddidiet u sfidi komuni;

Id-djalogu u l-kooperazzjoni politika

(b) jiżguraw li l-impenn tal-UE ikun konformi mal-politiki l-oħrajn tal-Unjoni u li jkun applikat il-prinċipju ta' "aktar għal aktar" b'enfasi partikolari fuq l-appoġġ għal riformi politiċi, ġuridiċi, ekonomiċi u soċjali;

(c) jaħdmu mill-qrib mill-qrib mal-Kazakistan għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali u għat-titjib tar-relazzjonijiet ta' viċinat fir-reġjun tal-Asja Ċentrali, u jiżguraw li l-FSK jinkludi dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni reġjonali fi ħdan ir-reġjun tal-Asja Ċentrali, ukoll inkluż premezz tal-appoġġ għal miżuri ta' bini tal-fiduċja fejn xieraq, b'mod partikolari f'oqsma bħall-ġestjoni tal-ilma u tar-riżorsi, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-estremiżmu u kontra t-terroriżmu; jirrakkomanda li din il-kooperazzjoni għandha trawwem skambji ta' esperjenzi utaċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

(d) ifittxu l-appoġġ tal-Kazakistan bil-għan li jiżgura progress rapidu fil-ħolqien ta' Djalogu regolari ta' Sigurtà ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Asja Ċentrali b'format reġjonali, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u t-theddid komuni;

(e) jikkooperaw mal-Kazakistan, ma' stati oħrajn tal-Asja Ċentrali kif ukoll ma' atturi lokali, reġjonali u internazzjonali għall-promozzjoni tas-sigurtà u l-iżvilupp fl-Afganistan;

(f)  isaħħu l-azzjoni tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-istat tad-dritt, l-ambjent u l-ilma, inter alia permezz tal-istabbiliment ta' pjattaformi ta' appoġġ ġodda u ta' għajnuna mmirata, kif ukoll bl-inklużjoni tal-NGOs lokali u tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (CSOs) fid-djalogu tal-UE mal-gvern Kazaki f'dawk l-oqsma fejn dan hu xieraq u possibbli; jitlob, minkejja d-diffikultajiet attwali biex jiġu rreġistrati l-NGOs u s-CSOs, dan id-djalogu ma jkunx limitat għal dawk li diġà huma reġistrati uffiċjalment;

(g) jixprunaw lill-Kazakistan biex jaħdem flimkien mal-ġirien tiegħu sabiex isibu soluzzjoni komuni dwar l-istatut tal-Baħar Kaspju;

(h) jappoġġaw ir-riformi ta' politika u l-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali permezz ta' assistenza teknika mmirata (skambju ta' esperti);

Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali

(i)  jiżgura li l-FSK jinkorpora klawżoli u punti ta' riferiment relatati mal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li huma minquxa fil-Kostituzzjoni tal-Kazakistan, biex jinsilet kemm jista' jkun mill-istandards stipulati mill-Kunsill tal-Ewropa (il-Kummissjoni ta' Venezja), l-OSKE u NU li l-Kazakistan impenja ruħu għalihom;

(j)  iħeġġu lill-awtoritajiet Kazaki jagħmlu kull sforz biex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżhom;

(k) jenfasizzaw li l-progress fin-negozjati għall-FSK il-ġdid għandu jkun marbut mal-progress tar-riforma politika; iħeġġu lill-Kazakistan iżomm l-impenn mistqarr tiegħu favur riformi ulterjuri, sabiex tinbena soċjetà miftuħa u demokratika li tkun tinkludi oppożizzjoni u soċjetà ċivili indipendenti, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt; joffru assistenza xierqa min-naħa tal-UE favur l-implimentazzjoni tar-riformi;

(l)  jesprimu tħassib serju dwar id-detenzjonijiet mingħajr ksur ippruvat tad-dritt li jista' jitqies ta' motivazzjoni politika, li juru nuqqas ta' kunsiderazzjoni għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Marzu 2012 li titlob ir-rilaxx ta’ dawk kollha miżmuma l-ħabs abbażi ta' akkużi motivati politikament;

(m) jitlob lill-awtoritajiet Kazaki, f'dan ir-rigward, sabiex jinvestigaw minnufih u b'mod imparzjali, l-allegazzjonijiet ta' tortura u ta' trattament ħażin b'rabta mal-vjolenza f'Zhanaozen u biex min iwettaq dawn ir-reati jinżammu responsabbli, biex jirtiraw l-akkuża kriminali vaga ta' "inċitament ta' diskordanza soċjali", biex jeħilsu mid-detenzjoni qabel il-proċess lil dawk l-attivisti tal-oppożizzjoni li kienu miżmum abbażi ta' din l-akkuża, u biex jeżaminaw mill-ġdid il-leġislazzjoni dwar il-libertà ta' għaqda sabiex din tkun konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Kazakistan dwar il-libertà ta' għaqda;

(n) jesprimu tħassib serju dwar is-sentenzjar ta' Vladimir Kozlov, Akzhanat Aminov u Serik Sapargali, wara proċess b'bosta nuqqasijiet proċedurali, b'effett ta' limitazzjoni ulterjuri tal-libertà politika għall-oppożizzjoni fil-Kazakistan; jitolbu lill-awtoritajiet Kazaki biex jagħtu proċess ta' appell ġust u trasparenti lil Kozlov, Aminov u Sapargaly;

(o) jinsistu li l-Kazakistan ikompli jittrasponi il-Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu fil-leġiżlazzjoni u jkompli jimplimentah bis-sħiħ, billi jislet mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u bl-użu tal-assistenza teknika tal-UE skont l-inizjattiva dwar l-Istat tad-Dritt;

(p) jistiednu lill-Kazakistan, sabiex bħala membru tal-Kummissjoni ta' Venezja, juri l-impenn tiegħu għall-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa billi jikkoopera mal-Kummissjoni ta' Venezja rigward abbozzi ta' liġijiet speċifiċi u liġijiet adottati reċentement;

(q) jinsistu li l-awtoritajiet Kazaki jieħdu impenji vinkolanti sabiex jikkonformaw is-sistema ġuridika mal-istandards internazzjonali u jiżguraw li l-implimentazzjoni tiffaċilita tassew il-libertà tal-midja, il-libertà tal-espressjoni u assoċjazzjoni, il-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin u l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Kazakistan;

(r) jinsistu dwar aċċess imtejjeb għall-ġustizzja, dwar l-indipendenza ġudizzjarja u dwar ir-ritorn tal-kontroll u tal-ġestjoni tal-ħabsijiet lill-Ministeru tal-Ġustizzja;

(s) iħeġġu lill-Kazakistan jeħles mingħajr aktar dewmien il-priġunieri politiċi kkundannati abbażi ta' motivazzjonijiet politiċi u jtemm l-arresti u l-kundanni b'motivazzjoni politika mwettqa abbażi ta' akkużi kriminali vagi ta' "inċitament ta' diskordanza soċjali";

(t)  iħeġġu lill-awtoritajiet Kazaki biex jemendaw l-Artikolu 164 tal-Kodiċi Kriminali tal-Kazakistan dwar "inċitament ta' diskordanza soċjali", sabiex dan ikun konformi mal-Leġiżlazzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiiet tal-Bniedem;

(u) jinsistu li l-Kazakistan għandu jikkunsidra mill-ġdid l-emendi restrittivi għall-kodiċi amministrattiv u l-liġi reċenti tiegħu dwar ir-reliġjon u jtemm it-tfittxijiet għall-għarrieda, l-interrogatorji, it-theddid u l-multi arbitrarji fuq il-gruppi reliġjużi minoritarji;

(v) iniedu negozjati dwar l-iffaċilitar tal-viża bejn l-UE u l-Kazakistan, peress li din tipprovdi benefiċċji reali għall-iskambji ekonomiċi, kulturali u xjentifiċi, u għall-promozzjoni ulterjuri tal-kuntatti bejn il-persuni;

(w) jinsistu li l-Kazakistan jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU Kontra t-Tortura u mar-rakkomandazzjonijiet tal-2009 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura; jistiednu lill-Kazakistan jiżgura l-parteċipazzjoni ta' NGOs indipendenti fil-konsultazzjonijiet dwar ir-riformi li jmiss tal-Kodiċi Kriminali u tal-Kodiċi dwar il-Proċedura Kriminali;

(x) jistiednu lill-Kazakistan biex jiffirma u jirratifika l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

(y)  jinsistu dwar l-istabbiliment ta' pjattaformi indipendenti tas-soċjetà ċivili biex jikkontribwixxu għal skambji inklużivi f'numru ta' setturi, sabiex ikun żgurat li l-aspirazzjonijiet u vuċijiet tas-soċjetà ċivili jiġu mismugħa u jfittxu mezzi biex tingħata għajnuna finanzjarja għal dan il-għan;

(z ) jippromovu u jsaħħu d-djalogi annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem bil-għan li jinkiseb titjib reali, inter alia, billi jitfasslu punti ta' riferiment reali għall-kejl tal-progress, u jirraporta lura lill-PE;

(aa) jintensifikaw u jwessgħu l-ambitu tal-programmi ta' skambju fl-edukazzjoni u l-kultura; iħeġġu u jappoġġaw it-taħriġ legali tal-uffiċjali lokali u reġjonali u membri ta' entitajiet għall-infurzar tal-liġi, biex jintlaħqu l-istandards tal-UE; iħeġġu u jappoġġaw lill-Kazakistan biex jassumi rwol ta' tmexxija fit-tfassil ta' programm edukattiv speċjali, kemm akkademiku kif ukoll ta' taħriġ vokazzjonali, bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali;

Il-kooperazzjoni ekonomika

(ab) jenfasizzaw li l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-FSK il-ġdid ser ikollha impatt pożittiv fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ekonomika bejn il-kumpaniji tal-UE u dawk tal-Kazakistan, inklużi l-SMEs;

(ac) iħeġġu leġislazzjoni li tikkonforma mar-regoli tad-WTO, inkluż dwar ir-rekwiżiti rigward il-kontenut lokali skont il-Ftehim dwar Miżuri ta' Investiment Relatati mal-Kummerċ (TRIMs), li twitti t-triq għal riformi strutturali u l-ħolqien ta' ekonomija tas-suq li taħdem; u jipprovdu l-Kazakistann b'assistenza teknika kwalifikata sabiex iwittu t-triq għal riformi strutturali sussegwenti, kompetittività mkabbra u l-ħolqien ta' ekonomija tas-suq soċjali;

(ad) jitolbu għat-tneħħija tal-ostakli tariffarji u nontariffarji sabiex jiġi estiż il-kummerċ, b'mod partikolari l-kummerċ tas-servizzi u l-investimenti barranin; jappoġġaw l-ambizzjonijiet ta' armonizzazzjoni tal-istandards fil-kummerċ tal-oġġetti lil hinn mill-kundizzjonijiet stabbiliti mid-WTO, billi dan kieku jwassal ukoll għat-twessigħ tal-opportunitajiet kummerċjali;

(ae) jisħqu fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kazakistan fil-qasam tal-enerġija, b'mod partikolari f'termini ta' sforzi biex tiġi żviluppata rotta enerġetika trans-Kaspja; jiżguraw li l-UE tkompli tagħti attenzjoni lill-appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà enerġetika, l-iżvilupp ta' enerġija sostenibbli, u l-ġbid ta' investiment għal proġetti ta' interess komuni u reġjonali fil-qasam tal-enerġija;

(af) jiżguraw li l-parteċipazzjoni tal-Kazakistan fl-Unjoni Doganali mmexxija mir-Russja u fl-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika ma toħloqx ostakolu għall-kummerċ jew għall-kooperazzjoni ekonomika u finanzjarja mal-UE, jew biex jitwettqu l-obbligi tas-sħubija fid-WTO, u li ma tkunx ta' ostakolu għall-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Kazakistan; jinnota li tinħoloq kompetizzjoni jekk il-konklużjoni tal-ftehim imsaħħaħ ta' sħubija u ta' kooperazzjoni tittardja; ikunu lesti li jassistu l-isforzi tal-Kazakistan għall-promozzjoni ta' istituzzjonijiet ekonomiċi moderni, jekk jitwettqu dawn l-isforzi;

(ag) iħeġġu lill-gvern Kazaki juri tiġdid fl-impenn tiegħu għall-Inizjattiva ta' Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) billi jneħħi l-ostakli kollha legali jew regolatorji għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' din l-inizjattiva u billi jħalli lill-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili jieħdu sehem sħiħ fl-inizjattiva;

(ah) jinkludu kapitolu dwar il-konverġenza tal-istandards u s-sistemi regolatorji tal-Kazakistan ma' dawk tal-UE, b'mod partikolari fis-setturi u fl-oqsma ewlenin fejn il-kummerċ bejn l-UE u l-Kazakistan għandu potenzjal kbir;

(ai) jenfasizzaw li l-kwistjonijiet tal-ilma fir-reġjun għadhom wieħed mis-sorsi ewlenin ta' tensjoni u ta' kunflitt potenzjali u jisħqu fuq l-importanza ta' approċċ reġjonali għall-protezzjoni u l-ġestjoni xierqa ta' riżorsi kondiviżi tal-ilma; itennu, f'dan il-kuntest, l-importanza li l-pajjiżi tar-reġjun jiffirmaw u jirratifikaw mingħajr dewmien il-Konvenzjonijiet ta' Espoo u ta' Århus u li jrawmu l-parteċipazzjoni tal-atturi lokali fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

(aj) iżidu l-assistenza teknika tagħhom lill-Kazakistan fil-qasam tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma b'mod ġenerali fil-qafas tal-Inizjattiva tal-UE dwar l-Ilma għall-Asja Ċentrali bil-għan ukoll li jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi upstream u dawk downstream fir-reġjun u li jintlaħqu ftehimiet sostenibbli dwar il-qsim tal-ilma;

(ak) jappoġġaw u jgħinu lill-Kazakistan fl-isforzi tiegħu biex isalva l-Baħar Aral fil-qafas tal-programm ta' azzjoni tal-Fond Internazzjonali għas-salvataġġ tal-Baħar Aral;

(al) jgħinu lill-Kazakistan jadotta miżuri effikaċi ta' mitigazzjoni u programmi ta' tindif ta' skart radjuattiv u tniġġis radjuattiv fir-reġjun Semey/Semipalatinsk:

(am) jilqgħu b'sodisfazzjon l-azzjoni tal-Kazakistan għal dinja ħielsa minn armi nukleari u r-rwol ta' tmexxija tiegħu fil-proċess globali ta' diżarm nukleari u għal projbizzjoni komprensiva tat-testijiet nukleari;

(an) jiġbdu l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni kritika fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt (inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni), id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, speċjalment id-drittijiet tal-ħaddiema, li tagħti lok ukoll għal vantaġġi kompetittivi inġusti; jenfasizzaw, fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni, il-ħtieġa li fit-titolu dwar il-kummerċ tal-ftehim il-ġdid, jiddaħħal kapitolu li jorbot dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli;

(ao) jinsistu dwar l-introduzzjoni ta' reġim effikaċi għas-soluzzjoni tat-tilwim sabiex ikun żgurat li l-ftehim milħuq jiġi rispettat;

(ap) jenfasizzaw li kapitolu solidu dwar is-servizzi u l-istabbiliment u l-konverġenza tal-Kazakistan lejn l-istandards u s-sistemi regolatorji tal-UE (inklużi SPS, TBT u IPR) iwasslu għal żieda fil-flussi kummerċjali u fl-investimenti, li jiffavorixxu l-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-Kazakistan; jenfasizzaw l-importanza li jittejbu l-proċeduri ta' ħruġ ta' liċenzji fil-Kazakistan sabiex jiġu ffaċilitati s-servizzi u l-investiment;

(aq) iħeġġu l-isforzi tal-Kazakistan għat-tneħħija tal-ostakoli non-tariffarji, li sa issa ostakolaw l-iżvilupp tal-kummerċ u l-investiment fil-pajjiż;

(ar) jiffokaw l-għajnuna ekonomika u relatata mal-kummerċ għal Kazakistan fuq l-iżvilupp tal-SMEs u l-appoġġ ta' organizzazzjonijiet intermedjarji tan-negozju;

(as) jappellaw, fid-dawl tal-allegazzjonijiet reċenti ta' korruzzjoni kontra korporazzjonijiet bbażati fl-UE li joperaw ġewwa l-Kazakistan, għal dispożizzjonijiet aktar b'saħħithom u vinkolanti fir-rigward tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-esklużjoni ta' korporazzjonijiet bbażati fl-UE involuti fil-korruzzjoni minn kwalunkwe sejħa pubblika għal offerti tal-UE u tal-pajjiżi sħab;

(at) jiżguraw fin-negozjati, li l-użu ta' prattiki ta' dumping b'rabta mal-produzzjoni u l-esportazzjoni ta' fosforu jiġi eliminat b'mod kategoriku, billi l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping allegatament qed ikunu ta' ħsara għall-interessi tal-produtturi Ewropej, u l-estrazzjoni u r-riċiklaġġ tal-fosforu minn flussi sekondarji ta' fosforu huma xi ħaġa impossibbli;

(au) jiżguraw preżenza adegwata tal-ispeċjalisti ekonomiċi u kummerċjali fid-Delegazzjoni tal-UE ġewwa l-Kazakistan.

Dispożizzjonijiet oħrajn

(av) jikkonsultaw lill-PE rigward id-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni parlamentari; isaħħu r-rwol tal-Parlament, tal-Kumitati Parlamentari ta' Kooperazzjoni u tal-laqgħat interparlamentari bħala mezz ta' monitoraġġ tan-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija; iħeġġu l-ħidma tal-Parlament u jippromwovu djalogu u kooperazzjoni parlamentari bilaterali u multilaterali regolari;

(aw) Jinkludu, flimkien mal-awtoritajiet Kazaki, punti ta' riferiment ċari u skadenzi vinkolanti għall-implimentazzjoni tal-FSK il-ġdid u jipprovdi mekkaniżmi ta' monitoraġġ, inkluż permezz ta' rapporti regolari lill-PE, inkluż qabel il-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni;

(ax) jistabbilixxu mekkaniżmu ta' monitoraġġ komprensiv bejn il-Parlament u s-SEAE, wara li jiġi konkluż il-Ftehim, sabiex issir possibbli informazzjoni komprensiva u regolari dwar l-implimentazzjoni tal-FSK, u b'mod partikolari l-objettivi tagħha; dan il-mekkaniżmu għandu jkun fih l-elementi li ġejjin:

- għoti ta' informazzjoni lill-PE dwar l-objettivi segwiti bl-azzjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-UE u dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-Kazakistan;

- għoti lill-PE ta' informazzjoni li tagħmel parametri ta' referenza tar-riżultati tal-azzjonijiet meħuda mill-UE u mill-Kazakistan, li jenfasizzaw l-iżviluppi fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-pajjiż, b'mod partikolari billi:

*   jingħata aċċess, fil-qafas tal-proċeduri xierqa ta' kunfidenzjalità, għad-dokumenti interni rilevanti tas-SEAE;

*   jingħata status ta' osservatur lill-Parlament fil-laqgħat ta' informazzjoni qabel il-laqgħat tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u jingħata aċċess għad-dokumenti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

*   il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija ta' din l-informazzjoni u l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni;

(ay) iħeġġu lit-tim ta' negozjaturi tal-UE biex ikomplu bil-kooperazzjoni mill-qrib tagħhom mal-PE, billi jipprovdu informazzjoni kontinwa, bl-appoġġ ta' dokumentazzjoni, dwar il-progress tan-negozjati skont l-Artikolu 218(10) TFUE, li l-Parlament għandu jkun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura;

(az) jagħtu biżżejjed fondi tal-UE għal kooperazzjoni komprensiva u sostenibbli mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, inkluż għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-FSK il-ġdid mal-Kazakistan;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli / Viċi President u lill-gvern u l-parlament tar-Repubblika tal-Kazakistan.

(1)

             ĠU L 196, 28.7.1999, p. 1 ĠU L 248, 21.9.1999, p.35.

(2)

             Testi adottati, P7_TA(2012)0089.

(3)

             ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 30.

(4)

             ĠU C 371 E, 20.12.2011, p. 5.

(5)

             ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 49.

(6)

             Testi adottati, P7_TA(2012)0058.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali  (19.9.2012)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati għal ftehim imsaħħaħ ta' sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kazakistan

(2012/2153(INI))

Rapporteur: Bernd Lange

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jitlob lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' n-negozjati li għaddejjin għal Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) msaħħaħ u jitlob li dan l-aġġornament ikun ambizzjuż, dettaljat u ta' benefiċċju reċiproku; jenfasizza r-rwol strateġiku tal-Kazakstan fil-proċess tal-modernizzazzjoni tal-Asja Ċentrali, indirizzat lejn stabilità demokratika permezz ta' riformi politiċi, ekonomiċi u tal-midja soċjali; jirrikonoxxi li l-Kazakstan huwa sieħeb kummerċjali importanti tal-Unjoni Ewropea u jinsisti li dawn in-negozjati jistgħu jsaħħu r-rabtiet mal-Unjoni u jkabbru l-ekonomija tar-reġjun; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-progress fin-negozjati dwar FSK ġdid imsaħħaħ bejn l-UE u l-Kazakstan jiddependi fuq il-progress fir-riforma politika;

2.  Ifakkar u jinsisti fuq ir-rakkomandazzjoni tiegħu li, kull darba li jitwettaq ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem minn pajjiż sieħeb li miegħu jkun ġie konkluż ftehim internazzjonali, bħal ftehim ta’ sħubija u kooperazzjoni, l-UE tieħu passi iżjed kuraġġużi fit-twettiq tas-sanzjonijiet xierqa kif stipulat fil-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim, inkluż is-sospensjoni temporanja possibbli tal-ftehim;

3.  Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni kritika fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt (inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni), id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, speċjalment id-drittijiet tal-ħaddiema, li tagħti lok ukoll għal vantaġġi kompetittivi inġusti; jenfasizza, fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni, il-ħtieġa li fit-titolu dwar il-kummerċ tal-ftehim il-ġdid, jiddaħħal kapitolu li jorbot dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli;

4.  Jinsisti dwar l-introduzzjoni ta' reġim effikaċi għas-soluzzjoni tat-tilwim sabiex ikun żgurat li l-ftehim milħuq jiġi rispettat;

5.  Iħeġġeġ lill-Kazakstan jieħu l-passi meħtieġa biex jikkonkludi malajr in-negozjati dwar l-adeżjoni tiegħu mad-WTO, iġib il-leġiżlazzjoni tiegħu f’konformità mar-regoli tad-WTO, inklużi r-rekwiżiti fuq il-kontenut lokali skont il-Miżuri ta' Investiment Relatati mal-Kummerċ (TRIMs), u jwitti t-triq għal riformi strutturali u l-ħolqien ta’ ekonomija tas-suq li taħdem;

6.  Jistieden lill-Kazakistan jiżgura li l-Unjoni Doganali Russja-Kazakistan-Bjelorussja ma tikkostitwixxix ostakolu għall-kummerċ u għall-kooperazzjoni ekonomika u finanzjarja mal-UE jew sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn sħubija mad-WTO;

7.  Jenfasizza li kapitolu solidu dwar is-servizzi u l-istabbiliment u l-konverġenza tal-Kazakistan lejn l-istandards u s-sistemi regolatorji tal-UE (inklużi SPS, TBT u IPR) iwasslu għal żieda fil-flussi kummerċjali u fl-investimenti, li jiffavorixxu l-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-Kazakistan; jenfasizza l-importanza li jittejbu l-proċeduri ta' liċenzjar fil-Kazakistan sabiex jiġu ffaċilitati s-servizzi u l-investiment;

8.  Iħeġġeġ l-isforzi tal-Kazakistan għat-tneħħija tal-ostakoli mhux tariffarji, li sa issa ostakolaw l-iżvilupp tal-kummerċ u l-investiment fil-pajjiż;

9.  Jemmen li l-għajnuna ekonomika u relatata mal-kummerċ għal Kazakistan għandha tiffoka fuq l-iżvilupp tal-SMEs u l-appoġġ ta' organizzazzjonijiet intermedjarji tan-negozju;

10. Jappella, fid-dawl tal-allegazzjonijiet reċenti ta' korruzzjoni kontra korporazzjonijiet bbażati fl-UE li joperaw ġewwa l-Kazakistan, għal dispożizzjonijiet aktar b'saħħithom u vinkolanti fir-rigward tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-esklużjoni ta' korporazzjonijiet bbażati fl-UE involuti fil-korruzzjoni minn kwalunkwe sejħa pubblika għal offerti tal-UE u tal-pajjiżi sħab;

11. Jistieden lill-Kazakistan ma jirrestrinġix il-kummerċ u l-investiment fis-setturi tal-materja prima b'mod inġust u mhux ġustifikat; jistieden lill-Kazakistan, bl-għajnuna tal-Kummissjoni u s-SEAE, jikkonforma mal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI) għall-ilħuq ta' ġestjoni tar-riżorsi aktar sostenibbli bħala dimensjoni ewlenija sabiex ikun garantit l-aċċess kontinwu tal-industriji tal-UE għall-materja prima bi prezz ġust, inkluż l-istabbiliment ta' oqfsa ta' tassazzjoni regolatorji u trasparenti adegwati għall-industriji estrattivi; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw li s-self mill-aġenziji nazzjonali tal-kreditu għall-esportazzjoni u mill-BEI għall-proġetti tal-industrija tal-estrazzjoni ikun ivvalutat abbażi tal-impatt tiegħu fuq l-għanijiet tal-politika tal-UE, speċjalment id-drittijiet tal-bniedem, il-qerda tal-faqar, il-miri b'rabta mal-klima u l-koerenza mal-għanijiet ġenerali tal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp, qabel kwalunkwe deċiżjoni dwar self;

12. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE tiddependi ħafna fuq l-importazzjoni ta' ġebel fosfat naturali estratt sabiex issostni l-produzzjoni agrikola u teknika tagħha; jindika li l-Kazakistan iforni bosta stati b'fosforu abjad u li l-Kummissjoni nediet proċedura antidumping f'Diċembru 2011 kontra l-importazzjoni ta' fosforu abjad mill-Kazakistan; jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fin-negozjati, tiżgura li l-użu ta' prattiki ta' dumping b'rabta mal-produzzjoni u l-esportazzjoni ta' fosforu jiġi eliminat b'mod kategoriku, billi l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping allegatament qed ikunu ta' ħsara għall-interessi tal-produtturi Ewropej, u l-estrazzjoni u r-riċiklaġġ tal-fosforu minn flussi sekondarji ta' fosforu huma xi ħaġa impossibbli;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura preżenza adegwata tal-ispeċjalisti ekonomiċi u kummerċjali fid-Delegazzjoni tal-UE ġewwa l-Kazakistan.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.9.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Nora Berra, David Campbell Bannerman, María Auxiliadora Correa Zamora, Christofer Fjellner, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Henri Weber, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, George Sabin Cutaş, Syed Kamall, Marietje Schaake, Jarosław Leszek Wałęsa, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emilio Menéndez del Valle, Raimon Obiols


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.10.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Bastiaan Belder, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Mário David, Michael Gahler, Ana Gomes, Liisa Jaakonsaari, Ioannis Kasoulides, Nicole Kiil-Nielsen, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Wolfgang Kreissl-Dörfler, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Ryszard Antoni Legutko, Ulrike Lunacek, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Ria Oomen-Ruijten, Ioan Mircea Paşcu, Bernd Posselt, Libor Rouček, Nikolaos Salavrakos, Jacek Saryusz-Wolski, Werner Schulz, Adrian Severin, Laurence J.A.J. Stassen, Sir Graham Watson

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Jean-Jacob Bicep, Christian Ehler, Kinga Gál, Elisabeth Jeggle, Barbara Lochbihler, Hannes Swoboda, László Tőkés, Traian Ungureanu, Ivo Vajgl, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jolanta Emilia Hibner, Renate Sommer

Avviż legali - Politika tal-privatezza