Proċedura : 2012/2138(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0357/2012

Testi mressqa :

A7-0357/2012

Dibattiti :

PV 21/11/2012 - 13
CRE 21/11/2012 - 13

Votazzjonijiet :

PV 22/11/2012 - 13.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0455

RAPPORT     
PDF 226kWORD 199k
31.10.2012
PE 494.671v02-00 A7-0357/2012

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni)

(12562/2011 – C7‑0000/2012 – 2012/2138(INI))

Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Arnaud Danjean

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni)

(12562/2011 – C7‑0000/2012 – 2012/2138(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u, partikolarment, il-parti tiegħu marbuta mal-politika Ewropea ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) (12562/2011 – C7‑0000/2012),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) lill-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2012 dwar il-PSDK,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2012 dwar il-PSDK,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar il-PSDK,

–   wara li kkunsidra l-inizjattiva dwar il-kapaċitajiet militari mnedija waqt il-laqgħa informali tal-ministri tad-difiża tal-UE li saret f'Ghent f'Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 24 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–   wara li kkunsidra l-paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba(1),

–   wara li kkunsidra t-Titolu V tat-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà bit-titolu 'Ewropa Sigura f'Dinja Aħjar', adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003, u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha bit-titolu 'Nipprovdu s-Sigurtà f'Dinja li qed Tinbidel', adottat mill-Kunsill Ewropew fil-11 u t-12 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2010 dwar il-kooperazzjoni ċivili‑militari u l-iżvilupp ta' kapaċitajiet ċivili‑militari(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar l-iżvilupp tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur tad-difiża tal-Istati Membri tal-UE(5),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Mali,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 119(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0357/2012),

A. billi t-tibdil importanti li għaddej bħalissa fil-kuntest ġeostrateġiku li fih tinsab il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-PSDK, partikolarment minħabba t-taqlib fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq (rivoluzzjonijiet, kunflitti u/jew tibdil ta' reġim fil-Libja, fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fis-Sirja), l-emerġenza ta' atturi ġodda b'ambizzjonijiet reġjonali jew globali fix-xena internazzjonali, kif ukoll tar-riorjentament tal-prijoritajiet tal-politika ta' difiża tal-Istati Uniti tal-Amerika lejn iż-żona tal-Asja-Paċifiku;

B.  billi, fl-istess ħin, it-theddid u l-isfidi għas-sigurtà dinjija qegħdin jiżdiedu, minħabba l-inċertezzi marbuta mal-atteġġjament tal-atturi statali u mhux statali (bħall-organizzazzjonijiet terroristiċi) impenjati fi programmi li jħeġġu b'mod perikoluż il-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva (inklużi l-armi nukleari), l-evoluzzjoni ta' kriżijiet lokali fil-viċinat tal-UE, b'konsegwenzi reġjonali kbar (bħall-kunflitt attwali Sirjan), ir-riskji marbuta mal-proċessi ta' tranżizzjoni fil-pajjiżi Għarab u d-dimensjoni ta' sigurtà tagħhom (pereżempju fil-Libja u fil-peniżola tas-Sinaj), l-evoluzzjoni taż-żona Pakistan-Afganistan fid-dawl tal-prospettiva tal-irtirar tal-forzi militari tan-NATO kif ukoll iż-żieda tat-theddid terroristiku fl-Afrika, partikolarment fis-Saħel, fil-Qarn tal-Afrika u fin-Niġerja;

C. billi t-tibdil fil-klima huwa rikonoxxut ġeneralment bħala mutur essenzjali u aspett ta' multiplikazzjoni tat-theddid għas-sigurtà globali, il-paċi u l-istabilità;

D. billi l-Unjoni Ewropea trid twieġeb għal dan it-theddid u dawn l-isfidi billi titkellem b'vuċi waħda, b'hekk tiggarantixxi l-koerenza, taġixxi fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri u tisfrutta l-mezzi u l-istrumenti kollha disponibbli biex tiżgura l-paċi u s-sigurtà għaċ-ċittadini tagħha;

E.  billi l-PSDK, li tagħmel parti mill-PESK, li l-għanijiet tagħha huma definiti fl-Artikolu 21 tat-TUE, tikkonferixxi lill-Unjoni kapaċità operattiva li tissejjes fuq mezzi ċivili u militari,

F.  billi li l-PSDK għandha bżonn tikkonsolida l-kontribut tagħha għall-paċi u għall-istabilità fid-dinja permezz tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet tagħha, li jidħlu fil-qafas tal-approċċ globali li l-UE fil-konfront ta' pajjiż jew ta' reġjun, anki permezz tal-kooperazzjoni multilaterali fi ħdan u flimkien mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, partikolarment in-Nazzjonijiet Uniti, u reġjonali, fir-rispett tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

G. billi d-diżarm u n-nonproliferazzjoni huma partijiet integranti tal-PSDK, li jridu jkunu enfasizzati fl-ambitu tad-djalogu politiku tal-UE mal-pajjiżi terzi, u jikkostitwixxu obbligu għall-UE skont il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali; billi tali impenn huwa perfettament kompatibbli mal-għan tal-PSDK ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet ċivili u militari;

H. billi jfakkar li t-Trattat ta' Lisbona introduċa innovazzjonijiet importanti li wasslu għal tisħiħ tal-PSDK iżda billi dawn għadhom ma ntużawx bis-sħiħ;

I.   billi jfakkar li, mill-2003, l-UE nediet 19‑il missjoni ċivili u 7 operazzjonijiet militari fil-qafas tal-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża u sussegwentement tal-PSDK, u li bħalissa għaddjjin 11‑il missjoni ċivili u 3 operazzjonijiet militari,

QAFAS STRATEĠIKU GĦALL-PSDK

Qafas strateġiku ġdid

1.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea hija adatta biex tkun attur politiku globali fix-xena internazzjonali, bl-iskop li tippromwovi l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, tħares l-interessi tagħha fid-dinja u tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha; iqis li l-UE trid tkun kapaċi tassumi r-responsabilitajiet tagħha quddiem it-theddid, il-kriżijiet u l-kunflitti internazzjonali, partikolarment fil-viċinat tagħha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn li l-UE tkun koerenti fil-politiki tagħha u aktar veloċi u effiċjenti meta tassumi r-responsabilitajiet imsemmija hawn fuq;

2.  Jenfasizza, f'dawn ir-rigward, fuq il-bżonn li l-Unjoni tafferma l-awtonomija strateġika tagħha permezz ta' politika estera, ta' sigurtà u ta' difiża b'saħħitha u effikaċi, li tippermettilha, jekk ikun meħtieġ, taġixxi waħedha; jisħaq fuq il-fatt li din l-awtonomija strateġika tibqa' illużorja mingħajr kapaċitajiet ċivili u militari kredibbli; ifakkar li din l-awtonomija strateġika qiegħda tinbena fir-rispett dovut tal-alleanzi eżistenti, partikolarment fir-rigward tan-NATO, u żżomm rabta transatlantika qawwija, kif enfasizzat fl-Artikolu 42 tat-TUE, u fir-rirspett dovut u bit-tisħiħ tal-multilateraliżmu effettiv, bħala prinċipju gwida għall-intervent tal-UE fil-ġestjoni ta' kriżijiet internazzjonali;

3.  Jinsab imħasseb bil-prospettiva tad-deklin strateġiku li jhedded l-UE, mhux biss permezz tat-tendenza li jiċkienu l-baġits tad-difiża minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u Ewropea, iżda wkoll minħabba l-marġinalizzazzjoni relattiva u progressiva tal-istrumenti u tal-kapaċitajiet tagħha ta' ġestjoni tal-kriżijiet, speċjalment dawk militari; josserva wkoll l-impatt negattiv tan-nuqqas ta' impenn min-naħa tal-Istati Membri f'dan ir-rigward;

4.  Iqis li l-Unjoni għandha rwol importanti x'tiżvolġi bħala fornitur tas-sigurtà għall-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħha; jinsab konvint li l-Unjoni għandu jkollha l-ambizzjoni li ssaħħaħ is-sigurtà tagħha u dik tal-viċinat tagħha bil-għan li ma tiddelegahiex lil ħaddieħor; jinsisti li l-UE trid tkun kapaċi tikkontribwixxi b'mod sinifikanti lill-operazzjoni taż-żamma tal-paċi fid-dinja kollha;

5.  Jikkonstata li l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, imfassla fl-2003 u riveduta fl-2008, minkejja l-validità, sal-lum, tal-analiżijiet u tal-affermazzjonijiet tagħha, qiegħda tibda tiġi megħluba minn avvenimenti u ma għadhiex biżżejjed biex nifhmu d-dinja tal-lum;

6.  Jistieden għalhekk, għal darb'oħra, lill-Kunsill Ewropew jikkummissjona lill-VP/RGħ White Paper dwar is-sigurtà u d-difiża tal-UE, li tiddefinixxi l-interessi strateġiċi tal-UE f'kuntest tal-evoluzzjoni tat-theddid, fid-dawl tal-kapaċitajiet ta' sigurtà tal-Istati Membri, tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-UE li jaġixxu b'mod effikaċi fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża, u tas-sħubijiet tal-UE, partikolarment mal-ġirien tagħha u man-NATO, u li tqis l-evoluzzjoni tat-theddid u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet mal-alleati tagħna u ma' sħabna, iżda wkoll mal-pajjiżi emerġenti;

7.  Jisħaq fuq l-importanza ta' dan il-qafas strateġiku, li se jmexxi l-azzjoni esterna tal-UE u jifformula prijoritajiet ċari għall-politika ta' sigurtà tagħha;

8.  Josserva li l-White Paper għandha tkun ibbażata kemm fuq il-kunċetti introdotti mill-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà fl-2003 u fl-2008 kif ukoll fuq kunċetti ta' sigurtà ġodda li nibtu f'dawn l-aħħar snin, bħar-"responsabilità ta' protezzjoni", is-sigurtà umana u l-multilateraliżmu effikaċi;

9.  Jisħaq fuq l-importanza li ssir, fl-ambitu tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u f'kooperazzjoni man-NATO, reviżjoni teknika tad-dgħufijiet u tal-punti ta' saħħa militari tal-Istati Membri tal-UE; jemmen li l-White Paper se tifforma l-bażi tal-approċċ strateġiku futur tal-UE u tagħti gwida dwar l-ippjanar strateġiku f'terminu medju u twil tal-kapaċitajiet ċivili u militari li għandhom jiġu żviluppati u miksuba fil-qafas tal-PSDK;

10. Jilqa' favorevolment il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2012 dwar il-PSDK u t-tħabbira ta' Kunsill Ewropew dwar kwistjonijiet ta' difiża li se jsir matul l-2013; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-President tal-Kunsill Ewropew jinvolvu lill-Parlament fit-tħejjija tal-laqgħa tal-Kunsill;

11. Jilqa' pożittivament ir-rapport tal-VP/RGħ dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet fundamentali tal-PESK, li parti minnha hija ddedikata għall-kwistjonijiet tas-sigurtà u tad-difiża; jinsisti madankollu fuq il-bżonn li jogħla l-livell ta' ambizzjoni għall-iżvilupp tal-PSDK; jistieden lill-Istati Membri, bis-sostenn tal-VP/RGħ, jisfruttaw il-potenzjal sħiħ ta' dan l-istrument ­– maħluq mit-Trattat ta' Lisbona – f'kuntest fejn bosta kriżijiet għadhom jippersistu, anki mal-fruntieri tal-Ewropa, u fejn l-impenn Amerikan ridefinit huwa dejjem aktar evidenti;

12. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva ta' Weimar, li magħha ngħaqdu Spanja u l-Italja, biex terġa' titnieda l-aġenda tal-PSDK, flimkien mal-ispinta li tat fit-tliet oqsma fundamentali: l-istituzzjonijiet, l-operazzjonijiet u l-kapaċitajiet; jappella għaż-żamma tal-impenn meħud minn dawn il-pajjiżi biex ikomplu jkollhom viżjoni ambizzjuża tal-PSDK u jqis l-azzjonijiet tagħhom bħala mudell li l-Istati Membri l-oħra għandhom jingħaqdu miegħu u jsegwuh;

Il-PSDK fil-qalba tal-approċċ globali

13. Jilqa' pożittivament il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2012 dwar il-PSDK u t-tħabbira ta' preżentazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ ta' komunikazzjoni konġunta dwar l-approċċ globali; ifakkar kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-VP/RGħ jinvolvu lill-Parlament f'dan l-isforz;

14. Jissottolinja li s-saħħa tal-UE meta mqabbla ma' organizzazzjonijiet oħrajn tikkonsisti fil-potenzjal uniku tagħha li timmobilizza firxa sħiħa ta' strumenti politiċi, ekonomiċi, ta' żvilupp u umanitarji b'appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili u militari tagħha ta' ġestjoni tal-kriżijiet taħt kappa ta' awtorità politika unika – il-VP/RGħ– u li dan l-approċċ globali jagħtiha ċerta flessibilità kif ukoll effikaċja unika u apprezzata;

15. Iqis, madankollu, li l-implimentazzjoni ta' approċċ globali trid tiggarantixxi li l-Unjoni tirrispondi għar-riskji speċifiċi b'mezzi ċivili u/jew militari adegwati; jinsisti li l-approċċ globali għandu jissejjes fuq il-PSDK daqs kemm jissejjes fuq strumenti oħrajn ta' azzjoni esterna;

16. Jenfasizza li l-PSDK, permezz tal-operazzjonijiet tagħha, tikkostitwixxi l-istrument prinċipali tal-UE ta' ġestjoni tal-kriżijiet, billi tikkonferixxi l-kredibilità u l-viżibilità politika lill-azzjonijiet tal-Unjoni u fl-istess ħin tippermetti kontroll politiku;

L-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona

17. Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona introduċa innovazzjonijiet importanti għal dak li għandu x'jaqsam mal-PSDK, li tagħhom qegħdin nistennew l-implimentazzjoni; iqis bħala deplorevoli, f'dan ir-rigward, l-indifferenza tal-VP/RGħ fil-konfront tar-riżoluzzjonijiet parlamentari preċedenti li fihom intalab progress aktar attiv u koerenti fl-implimentazzjoni tal-istrumenti l-ġodda introdotti fl-ambitu tat-Trattat ta' Lisbona:

· il-Kunsill jista' jafda missjoni lil grupp ta' Stati, bil-għan li jippreserva l-valuri tal-Unjoni u jservi l-interessi tagħhom;

· kooperazzjoni strutturata permanenti tista' tkun stabbilita bejn l-Istati Membri li jissodisfaw kriterji ogħla ta' kapaċitajiet militari u li assumew impenji aktar vinkolanti fil-qasam fid-dawl tal-missjonijiet l-aktar impenjattivi;

· klawsola ta' difiża reċiproka kif ukoll klawsola ta' solidarjetà ddaħħlu bis-saħħa tat-Trattat;

· lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża ġiet fdata kompiti importanti f'termini ta' żvilupp tal-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri, fosthom it-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża, id-definizzjoni ta' politika Ewropea tal-kapaċitajiet u tal-armamenti u l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni strutturata permanenti;

· għandu jinħoloq fond ta' tnedija għall-attivitajiet preparatorji tal-missjonijiet li ma jitħallsux mill-baġit tal-Unjoni;

18. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ tagħti l-impulsi neċessarji għall-iżvilupp tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona sabiex l-UE tkun tista' tibbenefika minn firxa sħiħa ta' possibilitajiet ta' azzjoni fix-xena internazzjonali fil-qafas tal-approċċ globali tagħha, permezz tas-"soft power" tagħha jew permezz ta' azzjonijiet aktar robusti, jekk ikun meħtieġ, u dejjem skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

19. Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu b'mod attiv mal-VP/RGħ u mal-Kunsill biex jadottaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-PSDK bħala parti mill-istrateġiji ta' difiża nazzjonali tagħhom;

20. Jilqa' favorevolment l-estensjoni tal-missjonijiet li jistgħu jitmexxew fil-qafas tal-PSDK meta mqabbla mal-missjonijiet antiki msejħa "ta' Petersberg", kif speċifikat fl-Artikolu 43 tat-TUE; josserva iżda li din l-ambizzjoni mhijiex riflessa fid-deċiżjonijiet meħuda mill-ħolqien tas-SEAE;

L-OPERAZZJONIJIET ĊIVILI U MILITARI

21. Jenfasizza li sal-lum il-PSDK kkontribwiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet, għaż-żamma tal-paċi u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali; jinsisti li l-PSDK issa teħtieġ tkun kapaċi tintervjeni f'kull tip ta' kriżi, inkluż fil-kuntest ta' kunklitti ta' intensità għolja fil-viċinat tagħha stess, u b'livell ta' ambizzjoni biżżejjed biex tħalli impatt reali fil-post;

22. Josserva li bħalissa għaddejjin 14-il operazzjoni, li minnhom 11 huma ċivili u 3 militari; jilqa' pożittivament it-tnedija ta' tliet operazzjonijiet ċivili ġodda matul is-sajf 2012 fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP Nestor), fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) u fis-Sudan t'Isfel (EUAVSEC South Sudan) u l-ippjanar ta' missjoni ċivili ta' appoġġ lill-kontroll tal-fruntieri fil-Libja; iqis li dawn il-missjonijiet jirrappreżentaw l-ewwel sinjal ta' dinamiżmu ġdid tal-aġenda tal-PSDK; jissottolinja l-importanza tat-titjib tal-qafas tat-tagħlim ta' lezzjonijiet mill-missjonijiet u mill-operazzjonijiet;

23. Iqis bħala deplorevoli, madankollu, li l-UE ma tisfruttax bis-sħiħ l-istrumenti militari tal-PSDK, minkejja li bosta kriżijiet setgħu jiġġustifikaw intervent tal-PSDK, inklużi dawk fil-Libja u fil-Mali; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi kkunsidrata l-assistenza fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà għall-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija, speċjalment dawk fl-Afrika ta' Fuq u fir-reġjun tas-Saħel; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, l-approfondiment tal-ippjanar matul operazzjonijiet militari possibbli u, fl-istess ħin, jappella għar-rivalutazzjoni tal-missjonijiet li għaddejjin;

24. Jistieden ukoll lill-Istati Membri jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom b'azzjonijiet u jużaw il-mezzi, il-protokolli u l-ftehimiet eżistenti bil-għan li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-PSDK l-kapaċitajiet tagħhom, pereżempju taħt forma ta' gruppi tattiċi jew gruppi operattivi komuni;

Balkani tal-Punent

25. Ifakkar u jilqa' pożittivament l-importanza politika, strateġika u simbolika tal-impenn tal-UE fil-Balkani tal-Punent, li kkontribwixxa għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun; jindika, madankollu, li dan ir-reġjun ikompli jħabbat wiċċu ma' numru ta' sfidi li jirrappreżentaw prova ta' kredibilità għall-Unjoni; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jerġgħu jivvalutaw il-kontribut tal-UE fil-qasam tas-sigurtà fl-Balkani tal-Punent, b'attenzjoni partikolari fuq it-tisħiħ tal-Istat tad-dritt, il-protezzjoni tal-komunitajiet minoritarji u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

26. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultati miksuba mill-ewwel missjoni ċivili EUPM fil-Bosnja‑Ħerzegovina, li ntemmet fit-30 ta' Ġunju 2012 u li ppermettiet, flimkien mal-operazzjoni EUFOR Althea, li jingħata kontribut lid-djalogu bejn l-entitajiet kostituttivi tal-pajjiż, u għall-konsolidament tal-Istat tad-dritt;

27. Jikkonstata li l-operazzjoni EUFOR Althea fil-Bosnja‑Ħerzegovina, imnedija fl-2004, tnaqqsilha kostantement il-persunal; isostni, għaldaqstant, l-għeluq ta' tali missjoni u huwa favur tip ġdid ta' assistenza tal-UE fil-qasam tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u tat-taħriġ tal-forzi armati tal-Bosnja-Ħerzegovina;

28. Isostni r-rwol li żvolġiet il-missjoni EULEX Kosovo, li topera f'ambjent politiku diffiċli u jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tal-mandat tagħha għal sentejn oħra, sal-14 ta' Ġunju 2014;

29. Jenfasizza r-rwol pożittiv tagħha biex jgħin lill-Kosovo jiġġieled il-kriminalità organizzata fil-livelli kollha u jibni Stat tad-dritt u jistabbilixxi apparat ġudizzjarju, tal-pulizija u doganali ħieles minn kull indħil politiku u konformi mal-prattiki tajba rikonoxxuti fuq livelli internazzjonali kif ukoll mal-prattiki tajba Ewropej; jinnota r-rikonfigurazzjoni u t-tnaqqis fid-daqs tal-missjoni, u jqishom bħala sinjal ċar tal-progress li sar sa issa;

30. Jirrikonoxxi, madankollu, li għad iridu jsiru sforzi kbar biex l-EULEX ittemm totalment il-missjonijiet tagħha li ġew assenjati lilha u tgawdi mill-fiduċja totali tal-popolazzjoni tal-Kosovo, partikolarment tal-komunità Serba; jistieden lill-missjoni ssaħħaħ l-attivitajiet tagħha fit-Tramuntana tal-Kosovo u timpenja ruħha b'aktar reqqa fl-investigazzjoni u fl-azzjoni ġudizzjarja tal-każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli;

31. Jistieden lit-Task Force Investigattiva Speċjali tal-missjoni EULEX tkompli tinvestiga bl-akbar attenzjoni u rigorożità l-kwistjonijiet imqajma mir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-veradiċità tal-akkużi ta' traffikar tal-organi; jistieden lill-missjoni EULEX timplimenta, bis-sostenn totali tal-Istati kontributuri, programm ta' protezzjoni tax-xhieda – inkluż, pereżempju, il-miżuri ta' trasferiment tax-xhieda – biex il-proċedimenti ġudizzjarji rigorużi jkunu jistgħu jaċċertaw il-fatti;

32. Josserva li l-preżenza tal-KFOR għadha indispensabbli biex tiżgura s-sigurtà lill-Kosovo, u li r-rabta bejn il-missjoni militari tan-NATO u l-missjoni ċivili tal-UE tkompli tqanqal bosta mistoqsijiet rigward l-effikaċja u l-persistenza tagħha; jistieden għaldaqstant lill-VP/RGħ tirrapporta regolarment dwar il-progress tal-missjoni EULEX, li l-estensjoni tal-mandat tagħha sal-14 ta' Ġunju 2014 ġiet milqugħa pożittivament, kif ukoll ir-riżultati miksuba u r-relazzjonijiet mal-apparat militari tan-NATO;

Qarn tal-Afrika

33. Jilqa' favorevolment l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika, li timplimenta l-approċċ globali biex tiġġieled il-piraterija u l-kawżi tagħha, u r-rwol ta' gwida tal-Unjoni fir-rigward ta' kwisjonijiet ta' sigurtà f'dan ir-reġjun, li jsaħħaħ il-viżibilità u l-kredibilità tal-UE fil-ġestjoni tal-kriżijiet; jilqa' favorevolment l-attivazzjoni taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea f'Mejju 2012 biex jappoġġa l-missjonijiet PSDK fil-Qarn tal-Afrika;

34. Josserva li bħalissa tlieta huma l-operazzjonijiet (EUNAVFOR Atalanta, EUTM Somalia u EUCAP Nestor) skjerati għall-ġid tar-reġjun u jisħaq fuq il-bżonn li jitkompla l-koordinament tal-impenn Ewropew mal-isforzi min-naħa tal-komunità internazzjonali, u speċjalment tal-Unjoni Afrikana (UA), b'mod li jiġu stabbiliti l-funzjonament u n-natura demokratika tal-Istat fis-Somalja; iqis li Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE jaf jaġevola koordinament akbar fil-qafas tal-istrateġija għall-Qarn tal-Afrika.

35. Jirrakkomanda, fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-Somalja fil-qagħda politika u tas-sigurtà, li l-Istati Membri u l-VP/RGħ, f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet leġittimi tas-Somalja, l-UA, l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) u l-Istati Uniti, jistudjaw il-possibilità li jitnieda proċess ta' riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS).

36. Jilqa' b'sodisfazzjon it-tnedija tal-missjoni EUCAP Nestor u jħeġġeġ lit-Tanzanija taċċetta tali missjoni, li timmira għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet marittimi ta' Ġibuti, tal-Kenja u tas-Seychelles u s-sostenn għall-Istat tad-dritt fis-Somalja (għall-ewwel fil-Puntland u fis-Somaliland) permezz tal-iżvilupp ta' forza tal-pulizija tal-kosta responsabbli u ta' apparat ġudizzjarju li juri rispett sħiħ għall-Istat tad-dritt, għat-trasparenza u għad-drittijiet tal-bniedem;

37. Jitlob li l-missjoni EUCAP Nestor tkun ikkoordinata ma' inizjattivi oħra marbuta mas-sigurtà marittima, bħal MARSIC u MASE, iffinanzjati rispettivament mill-Istrument għall-Istabbiltà u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp; jirrakkomanda l-estensjoni tal-missjoni EUCAP Nestor għal pajjiżi oħrajn malli l-kundizzjonijiet ikunu ġew sodisfatti;

38. Ta ġieħ lill-kontribut fundamentali tal-operazzjoni EUNAVFOR Atalanta fil-ġlieda kontra l-piraterija fil-golf ta' Aden u fl-Oċean Indjan oċċidentali u l-kontribut umanitarju tiegħu u għas-sigurtà marittima, billi jiskorta bastimenti tal-Programm Dinji tal-Ikel, kif ukoll vapuri vulnerabbli oħrajn, u japprova l-proroga tal-mandat tagħha sa Diċembru 2014; japprova wkoll l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-missjoni għaż-żona tal-kosta kif ukoll għall-ilmijiet territorjali u għall-ilmijiet interni tas-Somalja; jistieden lill-Istati Membri jfornu mezzi adegwati, navali kif ukoll tal-ajru, għal din l-operazzjoni u jinkoraġġixxi lill-bastimenti kummerċjali jkomplu japplikaw il-prattiki tajba ta' navigazzjoni biex inaqqsu r-riskji ta' attakk; jifraħ bil-kontribut tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-operazzjoni Atalanta f'forma ta' skwadra ta' protezzjoni abbord intiża li tiżgura s-sigurtà tal-konvojs umanitarji u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri l-oħra jfornu dan it-tip ta' kontribut;

39. Jafferma li l-piraterija hija ekwiparabbli mal-kriminalità organizzata u li huwa importanti, għall-finijiet tal-libertà tal-kummerċ u tal-protezzjoni ta' rotta marittima essenzjali, li jiġi ostakolat l-interessi ekonomiċi tagħha u li jiġu indirizzati l-kawżi primarji tal-piraterija permezz ta' impenn fit-tul li jrawwem governanza tajba u opportunitajiet ta' awtosostenn, leġittimi u ekonomiċi għall-popolazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw il-provvedimenti kollha meħtieġa biex jiggarantixxu t-traċċabilità tal-flussi finanzjarji ġġenerati minn din l-attività u jaġevolaw l-iskambju ta' informazzjoni bejn EUNAVFOR Atalanta u Europol;

40. Jenfasizza r-rwol pożittiv li tiżvolġi l-missjoni EUTM Somalia, f'kooperazzjoni stretta mal-Uganda, l-UA u l-Istati Uniti, biex jitħarrġu aktar minn 3 000 rekluta Somalu – li minnhom madwar 2 500 diġà reġgħu ġew integrati fil-forzi tas-sigurtà Somali – billi trawwem ukoll l-Istat tad-dritt; iqis b'hekk li l-missjoni kkontribwiet notevolment għat-titjib tas-sitwazzjoni f'Mogadixu, u fil-viċinanzi tagħha, billi saħħet il-forzi tas-sigurtà Somali u tal-AMISOM; iħeġġeġ biex l-isforzi tal-missjoni jkunu kkonċentrati fuq l-istabbiliment ta' strutturi ta' kmand u ta' kontroll responsabbli u trasparenti, u fuq qafas finanzjarju li jforni l-ħlas regolari tas-salarji, kif ukoll fuq it-tnaqqis sal-minimu tan-numru tad-diżerzjonijiet min-naħa tas-suldati mħarrġa;

41. Japprova l-estensjoni tal-mandat tal-missjoni EUTM Somalia sa Diċembru 2012, kif ukoll l-enfasi mogħtija lill-kapaċitajiet ta' kmand u ta' kontroll, lill-kapaċitajiet speċjalizzati u lill-kapaċitajiet ta' awtoformazzjoni tal-forzi tas-sigurtà nazzjonali Somali, fid-dawl tat-trasferiment tal-kompetenzi tat-taħriġ lill-atturi lokali; josserva li l-Unjoni Ewropea se jkollha tkompli l-attivitajiet ta' taħriġ tagħha lil hinn mill-2012 u, f'din il-prospettiva, jistieden lis-SEAE jistudja l-possibilità, ladarba s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja tippermettih, li jittrasferixxi dan it-taħriġ kollu, jew parti minnu, f'dawk l-inħawi tas-Somalja li jinsabu taħt il-kontroll tal-awtoritajiet bil-għan li titjieb is-sitwazzjoni tas-sigurtà; jirrakkomanda li l-missjoni EUTM Somalia tista' tkun involuta aktar mill-qrib fil-proċess ta' reklutaġġ u tar-reintegrazzjoni tal-persunal li jibbenefika minn dan it-taħriġ militari.

42. Jenfasizza li l-mudell tal-operazzjoni EUTM li, quddiem investiment finanzjarju, materjali u uman relattivament żgħir, joffri lill-UE rwol reġjonali ewlieni fl-Afrika tal-Lvant, li jista' jkun replikat f'żoni oħrajn, partikolarment fis-Saħel;

Saħel

43. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għall-iżvilupp ta' żona ta' instabilità fis-Saħel, ikkaratterizzata mill-interkonnessjoni ta' attivitajiet kriminali, partikolarment it-traffikar tad-drogi, armi u persuni, u operazzjonijiet armati ta' gruppi terroristiċi radikali li jikkompromettu l-integrità territorjali tal-Istati tar-reġjun u li l-attività tagħhom taf tissarraf fil-ħolqien stabbli ta' żona b'assenza tad-dritt f'parti tat-territorju tal-Mali u fit-tifrix tagħha mal-pajjiżi ġirien, sitwazzjoni li żżid it-theddida fil-konfront taċ-ċittadini u tal-interessi Ewropej tal-post, li diġà huma vittmi ta' qtil u ħtif. jenfasizza għalhekk il-ħtieġa ta' sostenn għal gvern stabbli fil-Mali bil-għan li tiġi evitata prevenzjoni tad-diżintegrazzjoni tal-pajjiż u l-konsegwenza mifruxa li din jista' jkollha f'termini tal-proliferazzjoni tal-kriminalità u tal-kunflitti;

44. Jenfasizza t-theddida għas-sigurtà li biha din is-sitwazzjoni qiegħda tgħattan l-assjem tat-territorju Ewropew; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jimplimentaw malajr u integralment l-istrateġija tal-UE għas-Saħel adottata f'Marzu 2011 u jużaw l-isforzi adegwati f'livell ta' sigurtà, jekk ikun il-każ billi jirrikorru għal missjonijiet tal-PSDK, biex jgħinu lill-Istati tar-reġjun isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transkonfinali u l-gruppi terroristiċi;

45. Jilqa' pożittivament it-tnedija tal-missjoni EUCAP Sahel Niger iddestinata eżattament biex tgħin lin-Niġer jegħleb dawn l-isfidi għas-sigurtà; josserva li din il-missjoni tidħol bis-sħiħ fil-qafas tal-istrateġija globali għas-Saħel, iżda jiddeplora preċiżament il-fatt li din tirrigwarda biss pajjiż wieħed filwaqt li Stati oħrajn tar-reġjun, aktar speċifikament il-Mali, għandhom bżonnijiet urġenti u importanti biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom u jirreaġixxu għat-theddid għall-integrità territorjali tagħhom;

46. Jilqa' favorevolment il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Mali, li fih il-Kunsill talab li x-xogħlijiet ta' ppjanar ta' missjoni militari possibbli fil-qafas tal-PSDK jitkomplew b'urġenza, billi partikolarment jitfassal kunċett ta' ġestjoni tal-kriżi relatat mar-riorganizzazzjoni u mat-taħriġ tal-forzi ta' difiża tal-Mali;

47. Jappella għat-tkomplija tal-ippjanar ta' operazzjoni intiża li ssostni, b'rabta mal-ECOWAS, ir-ristrutturar tal-forzi armati tal-Mali bil-għan li titjieb l-effikaċja tal-forzi tas-sigurtà tal-Mali u li dan il-pajjiż jitħalla jerġa' jieħu l-kontroll tat-territorju tiegħu;

Libja

48. Jilqa' favorevolment l-attivitajiet preċedenti ta' għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, bħala sostenn tal-organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, fil-Libja u fil-pajjiżi ġirien; iqis, madankollu, li l-kriżi Libjana setgħet tikkostitwixxi, għall-UE, l-okkażjoni biex turi l-kapaċità tagħha li taġixxi b'mod aktar komplut, anki militarment jekk ikun il-każ, fir-rispett sħiħ tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, quddiem kriżi ewlenija li kienet qed isseħħ fil-viċinat immedjat tagħha u li laqtet direttament l-istabilità tal-kuntest Ewropew; jiddeplora l-fatt li l-assenza ta' rieda politika komuni fost l-Istati Membri u r-retiċenzi ideoloġiċi biex l-Unjoni tħaddem il-kapaċitajiet tagħha żammew l-Unjoni fi rwol sekondarju; jieħu nota tar-retiċenzi ta' xi Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex jawtorizzaw lill-UE tvara l-operazzjoni militari umanitarja tagħha fil-Libja;

49. Jistieden lill-VP/RGħ tislet it-tagħlim kollu mill-kriżi Libjana kemm għall-proċess ta' teħid ta' deċiżjoni fi ħdan l-UE kif ukoll għall-intervent militari tan-NATO, f'termini ta' kapaċitajiet iżda wkoll, u speċjalment, ta' koerenza u ta' solidarjetà politiċi bejn l-Istati Membri u anki għar-relazzjoni bejn l-UE u l-PSDK tagħha minn naħa u n-NATO mill-oħra;

50. Iqis li l-UE għandha rwol importanti x'tiżvolġi fil-proċess ta' tranżizzjoni istituzzjonali fil-Libja, partikolarment fl-oqsma tad-demobilizzazzjoni u tal-integrazzjoni tal-membri tal-brigati rivoluzzjonarji, fir-riorganizzazzjoni tal-forzi armati u fl-assistenza għall-kontroll tal-fruntieri terrestri u marittimi; jiddeplora l-fatt li l-kontribut tal-UE fis-settur tas-sigurtà qiegħed idum biex jikkonkretizza ruħu u li d-diffikultajiet tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni ta' dan il-kontribut iħallu t-triq miftuħa għal inizjattivi bilaterali b'viżibilità u b'koerenza dubjużi; huwa favorevoli għall-aċċelerazzjoni tax-xogħlijiet intiżi li jippjanaw missjoni ċivili ta' appoġġ lill-kontroll tal-fruntieri;

Sudan t'Isfel

51. Jieħu nota tat-tnedija tal-missjoni EUAVSEC South Sudan iddestinata li ssaħħaħ is-sigurtà tal-ajruport ta' Ġuba; jistaqsi però dwar il-motivazzjoni għar-rikors għal missjoni tal-PSDK biex tiżgura t-tqegħid fis-sigurtà ta' tali ajruport, billi missjoni bħal din setgħet twettqet mill-Kummissjoni permezz tal-Istrument għall-Istabbiltà tagħha;

Repubblika Demokratika tal-Kongo

52. Jisħaq fuq l-importanza tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo għall-paċi u l-istabilità fl-Afrika u jappoġġa l-azzjoni tal-missjoni MONUSCO għall-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili fil-Lvant tal-pajjiż;

53. Jilqa' favorevolment l-isforzi tal-UE fil-qafas taż-żewġ missjonijiet tagħha EUSEC RD Congo u EUPOL RD Congo għall-konsolidament tal-Istat tad-dritt f'dan il-pajjiż; josserva, iżda, li ż-żewġ missjonijiet huma żgħar wisq meta mqabbla mal-kobor tal-kompiti rispettivi tagħhom u li tinħtieġ kollaborazzjoni attiva min-naħa tal-awtoritajiet Kongoliżi biex jinkisbu riżultati tanġibbli;

Afganistan

54. Jilqa' pożittivament il-missjoni EUPOL Afghanistan, li l-għan tagħha huwa li jistabbilixxi pulizija ċivili u sistema ġudizzjarja li tħalli lill-Afgani jieħdu r-responsabilità primarja tal-kompiti tagħhom fi prospettiva ta' rikostruzzjonijiet tal-Istat Afgan; jenfasizza li din il-missjoni, li trid tibqa' fil-post sal-31 ta' Mejju 2013 u tista' tittawwal sal-31 ta' Diċembru 2014, tagħmel parti mill-isforzi kumplessivi tal-komunità internazzjonali biex tippermetti lill-Afgani jiddeċiedu li jieħdu rajhom f'idejhom, ladarba jirtiraw it-truppi tan-NATO fl-2014; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jagħmlu riflessjoni approfondita u kondiviża mal-Parlament Ewropew dwar l-evoluzzjoni tal-apparat komprensiv tal-Unjoni u l-missjoni EUPOL, aktar speċifikament, fil-kuntest ta' wara l-2014 fl-Afganistan;

Territorji Palestinjani

55. Iqis suċċess l-missjoni ta' taħriġ tal-pulizija ċivili Palestinjana EUPOL COPPS, li l-għan tagħha huwa li tgħin lill-Awtorità Palestinjana ssaħħaħ l-istituzzjonijiet ta' Stat tal-Palestina futur fl-oqsma l-eżekuzzjoni tal-liġi u tal-ġustizzja kriminali taħt tmexxija Palestinjana u skont l-aħjar istandards internazzjonali; josserva li din il-missjoni tidħol fil-qafas tal-isforzi tal-Unjoni Ewropea favur il-ħolqien ta' Stat Palestinjan li jgħix fil-paċi maġenb l-Iżrael;

56. Jiddeplora l-fatt li l-missjoni EUBAM Rafah ssospendiet l-operazzjonijiet tagħha mindu Hamas ħa l-kontroll tal-istrixxa ta' Gaża, flimkien mat-tnaqqis tal-persunal u jissottolinja li l-permanenza tagħha fir-reġjun turi r-rieda tal-Unjoni Ewropea li tagħti l-kontribut tagħha għal kull azzjoni li tkun tippermetti l-aġevolazzjoni tad-djalogu bejn l-Iżrealjani u l-Palestinjani; jiddeplora l-fatt li l-Gvern Iżraeljan ma awtorizzax lill-kap tal-missjoni EUPOL COPPS jassumi fl-istess ħin ir-rwol ta' kap tal-missjoni ta' EUBAM Rafah u li l-kwartieri ġenerali ta' din il-missjoni jinsabu f'Tel Aviv minflok f'Ġerusalemm tal-Lvant;

Ġeorġja

57. Jissottolinja r-rwol pożittiv li tiżvolġi l-missjoni ta' osservazzjoni EUMM Georgia, partikolarment fis-sostenn tad-djalogu u tal-istabbiliment mill-ġdid ta' miżuri ta' fiduċja bejn il-partijiet, iżda jiddeplora l-fatt li din il-missjoni għadha mhijiex awtorizzata li tmur fit-territorji okkupati tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar, li fihom ir-Russja ġiet rikonoxxuta bħala forza ta' okkupazzjoni mill-Parlament Ewropew, min-NATO, mill-Kunsill tal-Ewropa u minn ċerti Stati Membri;

Iraq

58. Josserva li l-missjoni EUJUST LEX-Iraq, li l-mandat tagħha ġie pprorogat sal-31 ta' Diċembru 2013, kienet l-ewwel missjoni integrata "Stat tad-dritt" tal-UE bil-għan li tagħti kontribut għall-ħolqien ta' sistema tal-ġustizzja kriminali professjonali fl-Iraq ibbażata fuq l-Istat tad-dritt; jikkonstata madankollu li l-Iraq għadu 'l bogħod milli jkun stabilizzat, kif juru l-attentati regolari li tagħhom il-pajjiż huwa vittma, sitwazzjoni aggravata minn kuntest reġjonali mill-iktar inċerti;

Ritorn ta' esperjenza

59. Josserva l-importanza tar-ritorn ta' esperjenza tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet immexxija fl-ambitu tal-PSDK u jilqa' pożittivament ix-xogħol kompjut f'dan is-sens mid-Direttorat għall-Maniġġar ta' Kriżijiet u l-Ippjanar tas-SEAE u mill-Istat Maġġur tal-UE (EUMS); jistieden lill-VP/RGħ tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar ir-riżultati ta' din il-ħidma;

60. Iqis li hija partikolarment rilevanti l-esperjenza tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili, qasam li fih l-UE wettqet ħidma estensiva u li pproduċiet riżultati importanti fih; jemmen li dan il-valur miżjud tal-operazzjonijiet ċivili tal-UE għandu jiġi kkunsidrat fil-koordinament tal-isforzi ma' sħabna u mal-alleati tagħna fil-ġestjoni tal-kriżi internazzjonali.

IL-KAPAĊITAJIET U L-ISTRUTTURI TA' TMEXXIJA TAL-OPERAZZJONIJIET

61. Jikkonstata li l-operazzjonijiet militari tal-UE għadhom ta' spiss ibatu minn problemi ta' ġenerazzjoni ta' forzi u li l-kredibilità tal-PSDK hija f'riskju fl-assenza ta' kapaċitajiet kredibbli; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jibqgħu mobilizzati biex ifornu persunal u tagħmir ta' kwalità;

62. Josserva li l-istrutturi ta' ġestjoni tal-kriżijiet fi ħdan is-SEAE għadhom b'persunal nieqes, kemm mil-lat ċivili kif ukoll militari, u dan jagħmel ħsara lill-kapaċità tagħhom ta' reazzjoni u jikkontribwixxi għal ċerta marġinalizzazzjoni tal-PSDK; jappella lill-VP/RGħ tirmedja mill-aktar fis possibbli s-sitwazzjoni; jinsisti fuq ir-rabta diretta li trid teżisti bejn il-VP/RGħ u l-istrutturi ta' ġestjoni ta' kriżi tal-PSDK;

Persunal u kapaċitajiet ċivili

63. Jenfasizza d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri biex ifornu l-persunal adegwat, anki f'numru suffiċjenti, għall-missjonijiet ċivili mmexxija fl-ambitu tal-PSDK; jistieden lill-Kummissjoni u s-SEAE jistudjaw il-possibilitajiet li jagħtu assistenza lill-Istati Membri rigward iż-żieda fin-numru tal-pulizija, tal-imħallfin u tal-persunal speċjalizzat ħafna fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika biex jiġu skjerati mal-missjonijiet ċivili tal-PSDK;

64. Jieħu nota tal-estensjoni tal-Objettiv Primarju ċivili 2010 lil hinn minn din id-data u jifraħ bl-adozzjoni ta' programm ta' żvilupp tal-kapaċitajiet ċivili pluriennali; jistieden lill-Istati Membri, u b'mod aktar partikolari lill-ministeri kkonċernati, jimmobilizzaw ruħhom għall-implimentazzjoni tiegħu;

65. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żviluppati ­– b'mod kumplementari għal dawk il-kapaċitajiet imsemmija fil-kuntest tal-Objettiv Primarju ċivili li jirreferu għall-pulizija, l-imħallfin, il-persunal speċjalizzat ħafna fil-qasam tal-amministrazzjoni – linji gwida u kapaċitajiet ta' medjazzjoni aktar effikaċi sabiex jipprevedu riżorsi adegwati għall-medjazzjoni f'waqtha u b'mod ikkoordinat;

66. Josserva bi tħasseb li f'ċerti Stati Membri l-identifikazzjoni, il-koordinament u l-iskjerament ta' persunal ċivili fil-missjonijiet tal-PSDK għadhom isofru mill-użu ta' prattiki u kriterji nazzjonali diverġenti; jappella għal aktar koordinament fost l-Istati Membri u għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

67. Jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, bl-indifferenza fil-konfront tar-riżoluzzjonijiet parlamentari preċedenti tal-VP/RGħ u tal-Istati Membri li fihom intalbet id-disponibilità ta' persunal ċivili suffiċjenti u kompetenti u kapaċitajiet sostanzjali; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-kapaċitajiet ċivili tal-PSDK u jqis li dawn għad għandhom ir-rilevanza tagħhom, jiġifieri:

· jiġbdu persunal ikkwalifikat u mħarreġ f'numru suffiċjenti;

· jiżviluppaw strumenti adegwati biex jiffaċilitaw il-bidu tal-missjonijiet, partikolarment verżjoni finalizzata ta' "Goalkeeper"; miżuri preparatorji aktar flessibbli; mekkaniżmi aħjar biex jiġu mgħammra l-missjonijiet ċivili (inkluż l-istabbiliment ta' soluzzjoni bi mħażen permanenti);

· it-tkomplija tal-implimentazzjoni ta' attivitajiet preparatorji għall-missjonijiet ċivili, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

· it-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-impatt u l-implimentazzjoni tat-tagħlimiet miksuba;

· it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali;

Persunal u kapaċitajiet militari

68. Josserva li l-UE bħalissa qiegħda tħabbat wiċċha ma' restrizzjonijiet finanzjarji sinifikanti u li l-Istati Membri tal-UE, minħabba raġunijiet kemm finanzjarji, baġitarji kif ukoll politiċi marbuta jew le mal-kriżi li qiegħda tolqot iż-żona euro, qegħdin f'fażi ta' tnaqqis jew, l-aktar l-aktar, ta' żamma, tal-livell tal-baġits ta' difiża tagħhom; jenfasizza l-effetti negattivi potenzjali ta' dawn il-miżuri fuq il-kapaċitajiet militari tagħhom u, għalhekk, fuq il-kapaċità tal-UE li tassumi b'mod effikaċi r-responsabilitajiet tagħha fl-oqsma taż-żamma tal-paċi, tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali;

69. Josserva żieda fil-kapaċitajiet militari u fl-armi fil-kontinent Asjatiku u speċjalment fiċ-Ċina. jitlob li jiġi approfondit id-djalogu mar-reġjun, b'enfasi fuq il-kwistjonijiet tas-sigurtà u tad-difiża.

70. Jisħaq fuq il-fatt, partikolarment, li l-multiplikazzjoni tal-operazzjonijiet esterni ta' dawn l-aħħar snin, kemm jekk hu fl-Irak, fl-Afganistan u jew fl-Afrika, inkluż fil-Libja, irrappreżentat u għadha tirrappreżenta piż finanzjarju mdaqqas għal dawk l-Istati li pparteċipaw jew li għadhom jipparteċipaw f'dawn l-operazzjonijiet; josserva li dawn l-ispejjeż għandhom impatt dirett fuq l-attrizzjoni u l-kedd bl-użu prematur tat-tagħmir, iżda wkoll fuq ir-rieda tal-Istati li jimpenjaw ruħhom f'operazzjonijiet tal-PSDK fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji u tal-kapaċitajiet;

71. Jissottolinja li l-baġits Ewropej ta' difiża tal-Istati Membri kollha flimkien, f'valuri assoluti, huma paragunabbli sew mal-ispejjeż tal-potenzi emerġenti prinċipali u li l-problema hija għaldaqstant aktar politika milli baġitarja, mid-definizzjoni ta' bażi industrijali u teknoloġika Ewropea sal-akkomunament ta' ċerti kapaċitajiet operattivi; josserva li l-konsorzji, l-inizjattivi konġunti u l-proġetti ta' fużjoni bejn impriżi Ewropej jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' industrija Ewropea tad-difiża.

72. Josserva li l-azzjoni militari fil-Libja, mibdija minn Franza u mir-Renju Unit bl-appoġġ tal-Istati Uniti u sussegwentement meħuda min-NATO, enfasizzat il-kapaċità ta' ċerti Stati Ewropej li jimpenjaw ruħhom f'kunflitti ta' intensità għolja, iżda wkoll id-diffikultajiet tagħhom biex imexxu azzjonijiet ta' dan it-tip fit-tul, partikolarment minħabba n-nuqqas ta' kapaċitajiet fundamentali bħar-riforniment ta' karburant fl-ajru, il-ġbir ta' tagħrif jew l-munizzjon bi gwida ta' preċiżjoni;

73. ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur tad-difiża fl-Istati Membri tal-UE u jenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet li fiha huma rilevanti għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri fi spirtu ta' kondiviżjoni u ta' akkomunament;

74. Jilqa' favorevolment il-ftehimiet bilaterali bħat-trattat Franko-Brittaniku dwar il-kooperazzjoni militari u jistieden lill-Istati Membri l-oħra jikkunsidraw tali ftehimiet bilaterali jew multilaterali dwar il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni militari bħala strument importanti għall-iffrankar tal-ispejjeż kapaċi jevita d-duplikazzjoni u jikkostitwixxi proċess ta' żvilupp ta' bażi għall-PSDK u l-futur tal-integrazzjoni tal-UE fil-qasam tas-sigurtà;

75. Jifraħ bl-ewwel passi 'l quddiem tal-inizjattiva ta' "akkomunament u kondiviżjoni" ("pooling and sharing") tal-Unjoni Ewropea u jagħti ġieħ lill-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (AED) li ppermettiet li jiġu identifikati 11‑il qasam ta' azzjoni prijoritarju; jissottolinja b'mod partikolari l-progress li sar f'4 oqsma: riforniment ta' karburant fl-ajru, sorveljanza marittima, sostenn mediku u taħriġ; jitlob madankollu li din l-inizjattiva tingħata qafas strateġiku;

76. Jiddeplora l-fatt, madankollu, li l-inizjattiva ta' akkomunament u kondiviżjoni għadha ma mliet l-ebda waħda mil-lakuni identifikati fl-Objettiv Primarju tal-2010; jieħu nota tar-retiċenza tal-Istati Membri biex jerfgħu l-piż li jkunu nazzjon gwida għal wieħed mit-300 proġett issuġġerit ta' akkomunament u kondiviżjoni ppreżentati mill-Istat Maġġur tal-UE f'April 2011;

77. Jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tal-Kunsill Ewropew dwar id-difiża tas-sena d-dieħla, jagħmlu bilanċ tal-kapaċitajiet eżistenti fi ħdan l-UE u jagħmlu l-inizjattiva, fl-aħħar mill-aħħar, sostenibbli sabiex jibdew proċess ta' ppjanar tad-difiża f'livell Ewropew;

78. Jilqa' pożittivament il-proprosta tal-AED intiża li tiżviluppa kodiċi tal-kondotta volontarju dwar l-akkomunament u l-kondiviżjoni bil-għan li tiġi aġevolata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fis-setturi tal-akkwiżizzjoni, l-użu u l-ġestjoni kondiviża tal-kapaċitajiet militari;

79. Isostni partikolarment il-proġett dwar ir-riforniment ta' karburant fl-ajru li jinkludi wkoll kapitolu "akkwiżizzjoni"; jesprimi, iżda, diżappunt f'dan ir-rigward, dwar ir-riżultat limitat mistenni tal-isforz, inkwantu se jġedded biss il-kapaċitajiet eżistenti minflok ma joħloq oħrajn ġodda; jinsisti biex l-Istati Membri jippreservaw in-natura Ewropea ta' din l-inizjattiva u jqis li l-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Armamenti (OCCAR) tkun adatta biex tamministra l-kapitolu "akkwiżizzjoni";

80. Jilqa' pożittivament il-ftehim iffirmat fis-27 ta' Lulju 2012 bejn l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-OCCAR li se jippermetti lir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ aġenziji jiġu istituzzjonalizzati, tiġi stabbilita kooperazzjoni aktar integrata dwar il-programmi ta' żvilupp ta' kapaċitajiet militari u tiġi skambjata informazzjoni kklassifikata;

81. Ifakkar li bil-gwerra fil-Libja deher aħjar ukoll in-nuqqas ta' vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (drones) ta' rikonjizzjoni fil-forzi armati Ewropej u jikkonstata li, fl-Ewropa, għalissa jeżistu żewġ proġetti konkorrenti ta' vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ MALE (Medium Altitude Long Endurance); josserva wkoll li l-kooperazzjoni bejn Franza u r-Renju Unit fil-qasam tal-vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ ta' kumbattiment tista' tislet benefiċċju jekk ma tkunx esklużiva u tinfetaħ għal sħab Ewropej oħrajn;

82. Jikkunsidra li l-ħolqien tal-Kmand Ewropew tat-Trasport bl-Ajru (EATC) huwa eżempju konkret u li rnexxa ta' "akkomunament u kondiviżjoni" u jenfasizza li l-ħolqien ta' flotta ta' A400M fi ħdan din l-istruttura jista' jsaħħaħ notevolment il-kapaċitajiet ta' projezzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; jinkoraġġixxi lill-Istati parteċipanti kollha jikkontribwixxu l-mezzi kollha tat-trasport disponibbli għall-EATC; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri mhux parteċipanti jieħdu sehem fl-EATC;

83. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-AED jirriflettu dwar l-introduzzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' projezzjoni tal-UE speċjalment fi prospettiva doppja: sħubija pubblika-privata fil-qasam tat-trasport bl-ajru, mibnija fuq flotta żgħira ta' A400M, tkun tista' ġġorr kemm l-għajnuna umanitarja f'każ ta' katastrofijiet kif ukoll it-tagħmir u l-persunal f'każ ta' missjonijiet u operazzjonijiet li jsiru fl-ambitu tal-PSDK;

84. Jinsisti biex it-tisħiħ tal-kapaċitajiet Ewropej jissarraf ukoll f'konsolidament tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea; ifakkar f'dan ir-rigward l-importanza ta' preferenza Ewropea u r-rilevanza ta' att Ewropew għax-xiri;

85. Josserva li l-kriżi finanzjarja u baġitarja li għaddejjin minnha l-UE u l-Istati Membri tagħha se twassal għal telf ta' kompetenzi tekniċi jekk ma jkun varat l-ebda programm ewlieni f'livell Ewropew fuq bażi bilaterali jew multilaterali u din tista' tirriżulta wkoll fl-għajbien tan-nisġa industrijali ferm speċjalizzata; jiġbed l-attenzjoni wkoll fuq l-impriżi medji tad-difiża Ewropej, li ntlaqtu wkoll mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, kapaċi jiġġeneraw attivitajiet ekonomiċi u responsabbli mill-ħolqien ta' impjiegi f'ċerti Stati Membri;

86. Jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni dwar Orizzont 2020 għar-riċerka ċivili‑militari futura finanzjata mill-UE u l-akkwist bħala sostenn għall-missjonijiet tal-PSDK; Jikkonstata b'inkwiet it-tnaqqis ta' approprjazzjonijiet iddestinati għar-riċerka u għat-teknoloġija, li jolqot fit-tul il-kapaċità tal-Ewropej li jżommu strument ta' difiża kredibbli bbażat fuq firxa sħiħa ta' armamenti u tagħmir militari; ifakkar lill-Istati Membri fl-impenn tagħhom li jżidu l-allokazzjoni għar-riċerka u t-teknoloġija relatati mad-difiża sa almenu 2 % tal-baġit tad-difiża u jfakkar li l-investimenti fir-riċerka u t-teknoloġija tad-difiża kisbu riżultati importanti b'applikazzjonijiet ċivili;

87. Jilqa' favorevolment l-inizjattivi u l-proġetti reċenti relatati maċ-ċiberdifiża; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom aktar mill-qrib mal-AED fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom taċ-ċiberdifiża, partikolarment ta' natura ċibernetika, speċjalment minħabba l-bini tal-fiduċja u l-akkomunament u l-kondiviżjoni; jilqa' favorevolment il-fatt li ċ-ċiberdifiża se tkun waħda mill-prijoritajiet tal-AED fl-ambitu tar-riċerka u t-teknoloġija fis-settur tad-difiża;

88. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-AED biex tippreserva bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB) kif ukoll l-inizjattiva Barnier/Tajani biex tinħoloq task force fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea responsabbli biex tippreserva u tiżviluppa dan l-istrument strateġiku bil-funzjoni li jiggarantixxi l-awtonomija tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fil-qasam tad-difiża; jitlob lill-Kummissjoni jżomm lill-Parlament informat bil-ħidma kontinwa tat-task force u jistidinha tinvolvi lill-Parlament fil-ġejjieni;

89. Jiltob lill-Istati Membri japplikaw totalment id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-qasam tad-difiża (2009/81/KE(6)) b'tali mod biex jiżguraw interoperabilità aħjar tat-tagħmir u jiġġieldu kontra l-frammentazzjoni tas-suq li, spiss ħafna, huwa ta' vantaġġ għall-pajjiżi terzi;

90. Jilqa' pożittivament il-komunikazzjoni dwar il-politika industrijali mill-Kummissjoni, tal-10 ta' Ottubru 2012, bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar B'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku", li tirrikonoxxi li s-settur tad-difiża għadu jsofri minn dimensjoni nazzjonali qawwija u tħabbar l-iżvilupp ta' strateġija komprensiva għas-sostenn tal-kompetittività tal-industrija tad-difiża;

91. Ifakkar fir-rilevanza tal-pjan ta' żvilupp tal-kapaċitajiet żviluppat mill-AED; jistieden lill-Istati Membri jintegrawh aħjar fl-ippjanar nazzjonali tagħhom u jkunu aktar disposti jipparteċipaw fi proġetti tal-AED;

92. Iqis li l-Kunsill u l-Istati Membri għandhom isostnu aktar il-kapaċitajiet tal-Unjoni li jistgħu jippermettu li jsir iffrankar bis-saħħa ta' akkomunament, partikolarment l-AED, iċ-Ċentru Satellitari tal-UE u l-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża;

93. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri jagħtu lill-AED baġit u persunal adegwati bil-għan li din tkun kapaċi taqdi dmirijietha li jkunulha fdati mit-Trattat ta' Lisbona; jenfasizza li dan l-aspett irid jittieħed f'kunsiderazzjoni fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;

Politika spazjali b'appoġġ għall-PSDK

94. Jissottolinja l-bżonn, għall-finijiet tal-awtonomija tad-deċiżjonijiet u operattiva tal-UE, li jkunu disponibbli mezzi satellitari adegwati fl-oqsma tat-teħid ta' immaġnijiet spazjali, tal-ġbir tat-tagħrif, tal-komunikazzjonijiet u tas-sorveljanza tal-ispazju; iqis li dawn l-oqsma jistgħu jkunu suġġetti għal aktar kondiviżjoni u akkomunament meta mqabbla mal-ftehimiet eżistenti fuq livell bilaterali jew flimkien maċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea f'dak li għandu x'jaqsam mal-programmi Helios, Cosmo‑SkyMed u SAR-Lupe; jawspika li l-programm MUSIS, li se jieħu post il-ġenerazzjoni attwali ta' satelliti ta' osservazzjoni, isir eżempju ta' kooperazzjoni kemm bejn pajjiżi Ewropej kif ukoll mas-SEAE u l-korpi politiċi‑militari tal-Unjoni;

95. jistieden, f'din il-prospettiva, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistudjaw il-possibilità ta' parteċipazzjoni finanzjarja tal-UE fil-programmi satellitari futuri tat-teħid ta' immaġnijiet spazjali b'mod li jippermetti lill-korpi politiċi‑militari tal-Unjoni u lis-SEAE jistazzjonaw is-satelliti u biex ikollhom, fuq talba tagħhom u skont l-esiġenzi tagħhom, l-immaġnijiet satellitari tar-reġjuni fi kriżi jew ta' dawk li fihom hemm skjerata missjoni tal-PSDK;

96. Ifakkar fil-bżonn ta' finanzjament tal-Unjoni tal-proġett GMES li jrid isir, bħall-programm GALILEO, infrastruttura kritika tal-UE;

Tisħiħ tal-kapaċità ta' reazzjoni rapida

97. Josserva li, minkejja r-rettifiki li saru lill-mekkaniżmu ATHENA, ir-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament u d-duttrina ta' ingaġġ tal-gruppi tattiċi tal-Unjoni Ewropea, kif mitlub pereżempju. fl-ittra ta' Weimar, l-ebda wieħed sal-lum ma ntuża filwaqt li dawn jistgħu jikkostitwixxu forza tal-ewwel intervent, fl-istennija ta' forzi oħrajn aktar adatti għal impenn fit-tul;

98. iqis li din is-sitwazzjoni tippreġudika l-kredibilità tal-istrument tal-gruppi tattiċi u tal-PSDK b'mod ġenerali, filwaqt li setgħu ntużaw fl-imgħoddi; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jibqgħu mobilizzati u jonoraw l-impenji tagħhom favur dan l-istrument, filwaqt li jżommu f'moħħhom li, minħabba l-investimenti finanzjarji u fir-riżorsi umani tal-gruppi tattiċi, saru issa responsabbli min-nuqqas ta' użu fil-konfront ta' diversi opportunitajiet;

99. Itenni li l-mekkaniżmu ATHENA għandu jiġi aġġustat ulterjorment biex iżid il-proporzjon ta' kostijiet komuni u b'hekk jiżgura qsim aktar ġust tal-piżijiet fl-operazzjonijiet militari u mingħajr ma jiskoraġġixxi lill-Istati Membri jassumu rwol ta' tmexxija fil-missjonijiet tal-PSDK;

100.     Isostni l-proċess ta' reviżjoni tal-proċeduri ta' ġestjoni ta' kriżi li għandu jitlesta qabel tmiem is-sena u għandu jiffaċilita l-iskjerament aktar rapidu ta' operazzjonijiet tal-PSDK ċivili u militari; iqis li l-proċeduri ta' ġestjoni ta' kriżijiet iridu jibqgħu għall-operazzjonijiet tal-PSDK u ma jinkludux strumenti oħrajn bir-riskju li jtaqqlu l-proċeduri; isostni wkoll ir-reviżjoni tal-proċeduri ta' finanzjament bil-għan li jkun hemm aktar flessibilità u rapidità fil-mobilizzazzjoni tal-fondi;

Strutturi u ppjanar

101.     Iqis li l-assenjazzjoni tar-rwol ta' koordinament tal-missjoni fil-Qarn tal-Afrika liċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet jikkostitwixxi l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta' kapaċità Ewropea għall-ippjanar u t-tmexxija tal-operazzjonijiet b'persunal u mezzi ta' komunikazzjoni u ta' kontroll suffiċjenti; jiddeplora l-fatt, madankollu, li ċ-Ċentru la huwa permanenti u lanqas mhu l-punt ċentrali għall-ippjanar u t-tmexxija ta' missjonijiet ċivili u ta' operazzjonijiet militari;

102.     Itenni t-talba tiegħu għall-ħolqien ta' Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni (OHQ) tal-UE għall-ippjanar operattiv u t-tmexxija tal-missjonijiet ċivili u tal-operazzjonijiet militari fi ħdan is-SEAE, jekk neċessarju permezz ta' kooperazzjoni strutturata permanenti;

103.     Josserva r-rieda espressa mill-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Diċembru 2011, li jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta' ppjanar strateġiku minn qabel; isostni l-estensjoni tas-setgħat tal-EUMS f'dan is-sens; iqis li ċ-Ċentru tal-operazzjonijiet jista' wkoll jappoġġa lill-EUMS f'dan il-kompitu;

104.     Josserva b'interess il-qsim taċ-Ċentru ta' Sitwazzjonijiet f'żewġ entitajiet, is-"Situation Room" (sala ta' sitwazzjoni) min-naħa u ċ-Ċentru ta' Intelligence ("Intelligence Centre" jew INTCEN) mill-oħra, u jilqa' favorevolment il-fatt li dan tal-aħħar huwa ddestinat li jikber jekk l-Istati Membri juru r-rieda li jiżviluppaw il-PESK u l-PSDK;

105.     Isostni l-ħolqien ta' postijiet ta' esperti tas-sigurtà temporanji jew permanenti fi ħdan l-aktar delegazzjonijiet sinifikanti tal-UE għall-PSDK bil-għan li jieħdu ħsieb aħjar il-kwistjonijiet tas-sigurtà; jitlob li jiġi kkunsidrat ir-rwol potenzjali ta' tali postijiet fil-prevenzjoni ta' sigurtà u ta' twissija bikrija.

SĦUBIJIET

Unjoni Ewropea/NATO

106. Jikkonstata li l-UE u n-NATO, magħqudin fi sħubija strateġika mtennija waqt is-samit ta' Chicago, huma impenjati f'bosta xenarji komuni bħall-Kosovo, l-Afganistan u l-ġlieda kontra l-piraterija fil-Golf ta' Aden u fl-Oċean Indjan; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza ta' kooperazzjoni tajba bejn l-UE u n-NATO;

107.     Iqis li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ċivili u militari tal-UE se jġib vantaġġi wkoll għan-NATO u jgħin biex jinħolqu sinerġiji bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;

108.     Jenfasizza li l-istall marbut mat-tilwima bejn it-Turkija u Ċipru ma jimpedixxix liż-żewġ organizzazzjonijiet milli jmexxu, skont modi xierqa, djalogu politiku, jaħdmu flimkien bis-saħħa tal-kuntatti bejn il-membri tal-persunal rispettivi tagħhom u jikkoordinaw bejniethom; jappella madankollu għal soluzzjoni għal din it-tilwima biex titjieb il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet;

109.     Jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tal-kapaċitajiet militari, partikolarment biex tiġi evitata kull duplikazzjoni bejn l-inizjattiva ta' akkomunament u kondiviżjoni tal-kapaċitajiet tal-UE u l-iSmart Defense tan-NATO;

110.     Jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni prattika fil-qasam taċ-ċibersigurtà u taċ-ċiberdifiża, abbażi ta' kumplementarjetà eżistenti fl-iżvilupp tal-kapaċità ta' difiża u jenfasizza l-bżonn ta' koordinament aktar mill-qrib, speċjalment dwar l-ippjanar, it-teknoloġija, it-taħriġ u t-tagħmir f'dan ir-rigward;

111.     Jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar l-iżvilupp ta' strutturi ta' ġestjoni tal-kriżijiet ċivili fi ħdan in-NATO, b'hekk ikkonstata d-duplikazzjoni inutli ta' kapaċitajiet diġà preżenti u żviluppati sewwa fi ħdan l-UE;

Unjoni Ewropea/Unjoni Afrikana

112.     Jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-UA biex tinżamm il-paċi u l-istabilità fil-kontinent Afrikan; josserva li l-UE tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta' arkitettura ta' paċi u sigurtà Afrikana u, għal dan il-għan, isostni l-isforzi ta' paċi tal-UA u tal-organizzazzjonijiet reġjonali Afrikani bħall-ECOWAS intiżi biex jikkumbattu l-instabilità, l-insigurtà u t-theddida terroristika, mill-Qarn tal-Afrika sas-Saħel;

113.     Ifakkar li l-UE għadha l-ewwel kontributur għall-baġit tal-AMISOM u jenfasizza l-bżonn ta' viżjoni strateġika għall-ġejjieni ta' din l-operazzjoni;

Unjoni Ewropea/Nazzjonijiet Uniti

114.     Jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni tajba li nħolqot bejn is-SEAE u d-dipartiment tal-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti; josserva li l-UE, bil-gruppi tattiċi tagħha, tista' tforni forza tal-ewwel intervent għall-operazzjonijiet urġenti taż-żamma tal-paċi, sal-mument meta tiġi sostitwita minn forza tan-Nazzjonijiet Uniti;

Unjoni Ewropea/OSKE

115.     Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-OSKE fir-reġjuni ta' interess komuni u fuq kwistjonijiet, bħall-prevenzjoni tal-kunflitti, il-ġestjoni tal-kriżijiet, ir-riabilitazzjoni wara l-kunflitti, kif ukoll il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-Istat tad-dritt; jesprimi sodisfazzjon għall-datt li twessa' u ġie approfondit il-kamp ta' applikazzjoni matul dawn l-aħħar snin, iżda jitlob koordinament aktar u sinerġija mill-qrib biex jiġu ttrattati l-kriżijiet u l-kunflitti, biex b'hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġu żviluppati approċċi ekonomikament vantaġġużi;

Unjoni Ewropea/pajjiżi terzi

116.     Jissottolinja r-rilevanza kontinwa ta' rabta transatlantika b'saħħitha u jifraħ bil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet, fosthom EUTM Somalia, EUNAVFOR Atalanta, EULEX Kosovo u EUPOL Afghanistan;

117.     Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehimiet qafas iffirmati sal-lum mill-UE ma' madwar 12‑il pajjiż terz bil-għan li titħalla l-parteċipazzjoni tagħhom fl-operazzjonijiet ċivili u militari mmexxija fl-ambitu tal-PSDK;

______________________

118.     Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Presidenti fil-kariga tal-OSKE kif ukoll lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE.

(1)

ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)

ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 63.

(3)

ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 7.

(4)

Testi adottati, P7-TA(2011)0228.

(5)

Testi adottati, P7-TA(2011)0574.

(6)

ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.


OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (abbażi

tar-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni)

(12562/2011 – C7-0000/2012 – 2012/2138(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Arnaud Danjean

Opinjoni tal-Minoranza mressqa mill-Onor. Sabine Lösing u Willy Meyer f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ir-rapport isostni militarizzazzjoni ulterjuri tal-UE, jitlob l-awtonomija militari permezz ta' żieda fl-investimenti fl-armamenti, id-difiża u s-settur militari minkejja l-kriżi finanzjarja u ekonomika, jitlob operazzjonijiet militari (ta' taħriġ), jippreżenta lill-UE bħala alleanza militari u jawspika l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO.

Aħna kontra r-rapport peress li:

- ma joffrix soluzzjonijiet ċivili u paċifiċi tal-kunflitti, minflok jikkonċentra fuq id-difiża, l-intervent u l-militarizzazzjoni tal-UE, jagħmel enfasi, f'dan ir-rigward, fuq kooperazzjoni strutturata permanenti obbligatorja, isostni l-interventi bi prokura;

- jiddeċiedi li jagħżel l-interventi militari, jitlob aktar u iżjed azzjoni militari, jinsisti fuq missjonijiet solidi tal-PSDK, huwa favur Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni tal-UE;

- iħeġġeġ l-użu tal-għajnuna għall-iżvilupp (fond FEŻ) għall-finanzjament tal-operazzjonijiet ta' sigurtà;

- isostni u jħeġġeġ aktar kooperazzjoni ċivili-militari u huwa favur is-subordinazzjoni tal-oqsma politiċi għall-PSDK;

- iġiegħel dak li jkun jemmen li t-tnaqqis fil-fondi għad-difiża jista' jissarraf f'nuqqas ta' kredibilità;

- irawwem il-Kumpless Militari Industrijali (MIC);

- isostni l-mekkaniżmu ATHENA u jagħmel pressjoni fuqu u fuq l-użu ta' gruppi tattiċi;

Nitolbu:

- diżarm radikali, anki nukleari, fl-Unjoni Ewropea u f'livell dinji;

- li l-għajnuna għall-iżvilupp ma tintużax għal skopijiet militari;

- li l-attivitajiet kollha jkunu konformi strettament mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u mad-dritt internazzjonali;

- approċċi rigorożament ċivili u paċifiċi rigorużi għas-soluzzjoni tal-kunflitti min-naħa tal-UE, kif ukoll is-separazzjoni tal-azzjonijiet ċivili u militari;

separazzjoni ċara bejn l-UE u n-NATO;


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

25.10.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

7

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Elmar Brok, Jerzy Buzek, Tarja Cronberg, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Ryszard Antoni Legutko, Krzysztof Lisek, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Mario Mauro, Alexander Mirsky, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Raimon Obiols, Justas Vincas Paleckis, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Fiorello Provera, Libor Rouček, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Werner Schulz, Laurence J.A.J. Stassen, Charles Tannock, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Kristian Vigenin, Sir Graham Watson, Boris Zala, Karim Zéribi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Charalampos Angourakis, Jean-Jacob Bicep, Véronique De Keyser, Andrew Duff, Diogo Feio, Hélène Flautre, Antonio López-Istúriz White, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Luis Yáñez-Barnuevo García

Avviż legali - Politika tal-privatezza