RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu tal-Groenlandja, min-naħa l-oħra

7.11.2012 - (11119/2012 – C7‑0299/2012 – 2012/0130(NLE)) - ***

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Ole Christensen

Proċedura : 2012/0130(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0358/2012
Testi mressqa :
A7-0358/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu tal-Groenlandja, min-naħa l-oħra

(11119/2012 – C7‑0299/2012 – 2012/0130(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (11119/2012),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern tal-Groenlandja (11116/2012),

–   wara li kkunsidra r-rikjesta għal kunsens imressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0299/2012),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp kif ukoll tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0358/2012),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq lill-Parlament il-konklużjonijiet tal-laqgħat u tal-proċeduri tal-Kumitat Konġunt kif jiddisponi l-Artikolu 10 tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd jitlob li rappreżentanti tal-Parlament, li jaġixxu bħala osservaturi, jingħataw l-opportunità li jattendu laqgħat u proċeduri tal-Kumitat Konġunt; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissottometti rieżami tal-implimentazzjoni tal-Ftehim lill-Parlament u lill-Kunsill fis-sena finali tal-applikazzjoni tal-Protokoll, qabel ma jinbdew in-negozjati dwar it-tiġdid tal-Ftehim;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Groenlandja.

NOTA SPJEGATTIVA

Ftehimiet ta' sħubija b'mod ġenerali

Il-konklużjoni ta' ftehimiet bilaterali tas-sajd ma' pajjiżi Terzi, imsejħin 'Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd' (FPA), hija l-element ewlieni tad-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd(PKS). Filwaqt li jaġixxu lil hinn mis-sempliċi xiri tad-drittijiet tas-sajd għal bastimenti tal-UE, dawn il-ftehimiet jimpenjaw il-partijiet kontraenti biex jippromwovu politiki tas-sajd responsabbli u sostenibbli, ibbażati fuq evalwazzjonijiet bir-reqqa tar-riżorsi disponibbli. Jiżguraw ukoll li l-opportunitajiet tas-sajd li għandhom jintużaw ġew sostnuti minn opinjonijiet xjentifiċi kredibbli u jeskludu kwalunkwe riskju ta' eżawriment ta' stokkijiet lokali jew ħsara għal komunitajiet tas-sajd lokali, li għall-kuntrarju, għandhom jibbenefikaw mill-programmi mmirati li joffru l-għajnuna ffinanzjati mill-kumpens finanzjarju tal-UE.

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament ingħatawlu aktar poteri fir-rigward tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd: skont l-Artikolu 218(6)(a) TFUE il-Parlament issa jrid jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni ta' kwalunkwe ftehim bħal dan.

Il-Groenlandja[1] u l-UE

Oriġinarjament, il-Groenlandja issieħbet mal-Komunitajiet Ewropej (KE) bħala parti mid-Danimarka fl-1973, iżda ħarġet mill-KE wara referendum fl-1985. Illum, il-Groenlandja hija waħda mill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (OCT) tal-Unjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 355(2) TFUE. Ir-relazzjoni tagħha mal-UE hija primarjament irregolata mill-Artikoli 198 sa 204 tat-TFEU, mill-Protokoll Nru. 34 dwar Arranġamenti Speċjali għall-Groenlandja (anness mat-TFEU) u mis-sħubija UE-Groenlandja, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/526/KE[2].

Sajd fil-Groenlandja

L-ekonomija tal-Groenlandja tiddependi ħafna mis-sajd u mill-esportazzjoni tal-prodotti tal-ħut lill-UE. Fl-2010, esportazzjonijiet lejn is-swieq tal-UE ammontaw għal EUR 331 miljun (92.7 % tat-total ta' esportazzjonijiet), filwaqt li l-importazzjonijiet mill-UE kienu kważi d-doppju (EUR 614 miljun). Mill-2007, inqabdu madwar 220 000 tunnellata ta' ħut fis-sena fl-ilmijiet tal-Groenlandja, li 65 % minnhom kienu gambli[3] Is-settur tas-sajd jiġġenera mas-6 500 impjieg (17 % tat-total tal-impjiegi), iżda 2 000 persuna biss ekwivalenti għal full-time huma impjegati direttament mas-settur tal-qbid tal-ħut, jiġifieri s-settur qed isofri rata ta' tnaqqis ta' 6 % minħabba profitti baxxi u irtirar[4].

Il-Groenlandja għandha Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) kbira ħafna ta' 2 184 254 km2 li taqa' taħt ir-responsabilità tal-ICES (il-Groenlandja tal-Lvant) u n-NAFO (il-Groenlandja tal-Punent). Iż-żewġ reġjuni huma artijiet rikki ħafna fir-riżorsi tas-sajd, anke minħabba l-melħ nutrittiv li jiġi mit-tidwib tal-borra u s-silġ li jwassal għat-tkabbir tal-plankton f'ammonti abbundanti, li min-naħa tiegħu joħoloq il-bażi tal-katina tal-ikel ta' aktar minn 200 speċi differenti ta' ħut, maskli u krostaċi.

Il-flotta tas-sajd tal-Groenlandja tinkludi madwar 750 bastiment[5], li ħafna minnhom huma żgħar. Barra minn hekk, bejn 1 000 u 2 000 dingi huwa użat għas-sajd u għall-kaċċa. Il-flotta industrijali tinkludi 47 bastiment li jopera fiż-ŻEE u fl-ilmijiet internazzjonali.

Il-maġġoranza tal-industrija tal-ipproċessar tal-ħut fil-Groenlandja hija ġestita minn żewġ kumpaniji, Royal Greenland A/S, li tappartjeni lill-Gvern tal-Groenlandja[6], u Polar Seafood A/S li għandha sidien privati, u t-tnejn li huma joperaw flotot industrijali tal-gambli.

Il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u l-Groenlandja

L-ewwel ftehim ta' sħubija dwar is-sajd mal-Groenlandja kien stabbilit wara l-irtirar tagħha mill-KE fl-1985, fuq il-bażi li l-Komunità setgħet iżżomm id-drittijiet tradizzjonali tas-sajd tagħha billi tħallas kumpens finanzjarju annwali għalihom. Il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u dak li kien il-Gvern Awtonomu tal-Groenlandja kien adottat fit-28 ta' Ġunju 2007[7] bil-Protokoll preżenti, li jistabilixxi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-opportunitajiet annwali tas-sajd sal-31 ta' Diċembru 2012.

Il-Protokoll preżenti ħaseb għal kontribuzzjoni finanzjarja annwali mill-UE ta' EUR 14.3 miljun, li minnhom 22.8 % (EUR 3.2 miljun) kienu allokati biex itejbu u jimplimentaw il-politiki settorjali ta' sajd. Minbarra din il-kontribuzzjoni annwali, total ta' EUR 9.24 miljun twarrbu bħala riserva finanzjarja għall-pagament ta' qbid addizzjonali ta' merluzz u capelin minn bastimenti tal-UE. Dan id-dħul ammonta bejn wieħed u ieħor għal 1.3 % tal-baġit annwali tal-gvern.

Evalwazzjoni tal-Protokoll attwali

L-evalwazzjoni ex-post tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd mal-Groenlandja, imwettqa f'isem il-Kummissjoni Ewropea fl-ewwel nofs tal-2011 u ppubblikata f'Settembru 2011[8], tipprovdi xi konklużjonijiet ewlenin dwar l-effettività tal-Protokoll kurrenti, minkejja li ma setgħetx tieħu in kunsiderazzjoni l-perjodu tal-aħħar 18-il xahar ta' validità tiegħu:

•   Il-qbid taħt il-Protokoll kurrenti ammonta għal 48 502 tunnellata fis-sena (16.472 tunnellata maqbuda minn bastimenti tal-UE u 32 030 tunnellata minn bastimenti ta' pajjiżi Terzi). Il-qbid annwali meħud minn bastimenti tal-UE fl-ilmijiet tal-Groenlandja huwa stmat li hu 0.3 % tat-total tal-qbid tal-UE.

•   Tul l-aħħar ħames snin, bastimenti tal-UE użaw medja ta' 63 % tal-kwota disponibbli tas-sajd: madanakollu, jekk jiġu inklużi l-kwoti trasferiti lejn pajjiżi Terzi oħra (in-Norveġja, l-Islanda, il-Gżejjer Faeroe) fi skambji bilaterali, it-total tal-użu ta' liċenzji tas-sajd mill-UE jammonta għal 90 % tal-kwota disponibbli.

•   F'disa' okkażjonijiet (għas-snin 2007-2011)il-Groenlandja ma kinitx kapaċi tipprovdi l-kwoti tal-ħut kollha, kif stabbilit fil-Protokoll, b'mod partikolari għall-capelin (għas-snin kollha), il-merluzz (2010, 2011) u l-ħalibatt tal-Groenlandja (2011), b'medja ta' defiċit annwali ta' 35 530 tunnellata (39 % tal-kwantità annwali). Il-mekkaniżmu ta' kumpens li jħalli lill-Groenlandja toffri opportunitajiet alternattivi ta' sajd ħadem tajjeb għal varjazzjonijiet żgħar fil-kwota disponibbli, iżda ma kienx kapaċi jlaħħaq mad-“debitu” għal kwantitajiet akbar ta' capelin. Mandanakollu, formola ta' kumpens sodisfaċenti ġiet miftehma bejn iż-żewġ partijiet.

•   Differenzi sinifikanti tfaċċaw fl-użu tal-kwoti, bl-ikbar domanda għall-gambli, għall-ħabilatt u għall-merluzz. Is-sistema ta' skambji ta' kwoti intrakomunitarji bejn l-Istati Membri intużat sew u għenet biex iżżomm il-livelli ta' utilizzazzjoni stabbli. Fl-ewwel sentejn, xi flotot mid-dehra lmentaw dwar il-fatt li l-kwoti ġew rilaxxati tard wisq fis-sena biex jippermettu pjanar effettiv, iżda evolviet sistema ta' swaps minn qabel. Il-qbid inċidentali ġew rapportati li kienu minimi.

•   Matul il-perjodu attwali, 37 bastiment li jtajru l-bandiera tal-UE,[9] ibbenefikaw mill-ftehim, bi kwoti allokati skont il-prinċipju ta' stabilità relattiva.

•   Id-dħul medju [10] li ġej mill-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd kien ta' EUR 45.6 miljun fis-sena, li 70 % minnu mar għal bastimenti tal-UE (EUR 31.9 miljun) u 30 % mar għal bastimenti ta' pajjiżi Terzi. L-Istati Membri li dehru li bbenefikaw l-aktar kienu l-Ġermanja (42 %), id-Danimarka (11 %), il-Polonja (7 %) u r-Renju Unit (4 %).

•   Il-benefiċċji tal-valur miżjud nett ġew stmati li huma EUR 20.3 miljun fis-sena, ħaġa li tissuġġerixxi proporzjon bejn il-kost u l-benefiċċju ta' 1.3 għall-UE (jiġifieri EUR 1.30 għal kull Euro investit). Dan kien ikkunsidrat bħala redditu pożittiv, konformi ma' ftehimiet “imħallta” oħra kbar.

•   Jekk wieħed jikkunsidra l-impjiegi, il-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd kienu responsabbli għal madwar 330 impjieg full-time tal-UE fuq il-baħar, li possibilment jissuġġerixxu total ta' 500 impjieg tal-UE li jiddependu direttament fuq opportunatijiet ta' sajd fil-Groenlandja.

•   B'mod globali, inkluż is-settur tal-appoġġ, il-kontribuzzjoni tal-UE ammontat għal 30 % tal-valur tal-valur tal-bejgħ tal-prodotti tas-sajd, jiġifieri EUR 286/tunnellata. L-ispejjeż totali ta' aċċess għar-riżorsa ġew kellhom proporzjon ta' 85:15 bejn l-UE u l-operaturi tal-flotot, kontribuzzjoni pubblika konformi ma' Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd imħalltin oħra.

•   Għal Groenlandja, il-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd iġġeneraw dħul minn riżorsi li inkella ma kinitx tkun tista' tisfruttata: medja ta' EUR 15.8 miljun fis-sena f'kontribuzzjonijiet finanzjari, li jinkludu EUR 1.9 miljuni f'tariffi ta' liċenzji. Madanakollu, dan ma kienx effettiv biex jipprovdi benefiċċji sinifikanti għall-ekonomija lokali bħal investimenti f'impriżi konġunti, żieda f'impjiegi abbord jew ammonti ogħla ta' żbarki.

•   Il-programm ta' appoġġ għas-settur, implimentat mill-Ministeru għas-Sajd, il-Kaċċa u l-Agrikoltura, li huwa konformi mal-Artikolu 4 tal-Protokoll, instab li kellu riżultati pożittivi fuq miżuri relatati mar-riċerka tas-sajd, taħriġ għall-istaff, u kontroll tas-sajd, biex b'hekk ikkontribwixxa għat-titjib tas-sostenibilità tas-settur tas-sajd tal-Groenlandja. Madanakollu, l-evalwazzjoni eks-post tafferma li sa issa naqas milli jakkwista aġġustamenti strutturali sostanzjali tas-sajd kostali, peress li l-appoġġ baġitarju jidher li kien użat għal investimenti, aktar milli għal infiq kurrenti (eżempju: xiri ta' bastiment għar-riċerka).

•   Xi tħassib kien espress rigward is-sostenibilità ta' tlieta mill-għaxar stokkijiet li jaqgħu taħt il-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd, b'xi evidenza li turi li l-merluzz, il-ħalibatt tal-Groenlandja (fil-Groenlandja tal-Lvant) u r-redfish (stokkijiet pelaġiċi fondi) kienu suġġetti għal livelli ta' sfruttar insostenibbli. Madanakollu, kwoti oħra (gambli fil-Groenlandja tal-Lvant, ħalibatt tal-Groenlandja fil-Groenlandja tal-Punent, capelin u snow crab) kienu kollha kkunsidrati soġġetti għal ġestjoni sostenibbli. Is-sajd kollu rrapporta rati baxxi ta' qbid inċidentali u ma kienx hemm impatti negattivi magħrufa fuq ekosistemi.

Il-Protokoll il-ġdid 2013-2015

Bis-saħħa tal-mandat tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2011[11] il-Kummissjoni Ewropea kellha tliet rawnds ta' negozjati[12] mal-Gvern tal-Groenlandja, inklużi rappreżentanti mill-Gvern tad-Danimarka, biex iġeddu l-Protokoll minħabba l-iskadenza tal-Protokoll preżenti fil-31 ta' Diċembru 2012. Wara dawn in-negozjati, ġie inizjalat Protokoll ġdid fit-3 ta’ Frar 2012, li jkopri perjodu ta’ tliet snin[13] li jibda mill-1 ta’ Jannar 2013.

Il-Protokoll il-ġdid jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE ta' EUR 17.85 miljun fis-sena, li tinkludi:

a)  ammont annwali għall-aċċess għaż-ŻEE tal-Groenlandja ta’ EUR 15.1 miljun.

Dan l-ammont għandu jinkludi riserva finanzjarja ta' EUR 1.5 miljun biex jikkumpensa għal kwantitajiet addizzjonali ta' speċi disponibbli mill-Groenlandja.

b)  ammont speċifiku ta’ EUR 2.74 miljun fis-sena bħala appoġġ u għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd tal-Groenlandja.

Taħt il-Protokoll il-ġdid, il-Kumitat Konġunt se jiddeċiedi dwar l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena sussegwenti, filwaqt li jitqiesu l-pariri xjentifiċi, l-approċċ prekawzjonarju, il-bżonnijiet tal-industrija tas-sajd u l-kwantitajiet minimi għall-manteniment tal-attivitajiet tas-sajd tal-Groenlandja. Kontribuzzjonijiet ta' sidien ta' bastimenti se jiġu definiti fi prezzijiet fissi għal kull stokk, u jieħdu post is-sistema tal-liċenzja preċedenti.

Jekk l-opportunitajiet ta' sajd ikunu inqas minn dawk murija fit-Tabella 1, il-Groenlandja hija mistennija tikkumpensa għad-defiċit. Kwalunkwe qbid inċidentali minn bastimenti tal-UE għandu jkun limitat għal 10 % tal-istokk immirat, minbarra l-Gamblu tat-Tramuntana (livelli tal-qbid inċidentali limitati għal 5 %).

Tabella 1: Livell ta' opportunitajiet ta' sajd fil-Protokoll preżenti u ġdid (t/fis-sena)

Komponenti tal-istokk

Protokoll attwali

Protokoll ġdid

 

2007

2008-2012

2013-2015

Merluzz (Subżona 1 tan-NAFO)

1000

3500

2200

Redfish pelaġiku (Subżoni XIV u V tal-ICES, Subżona 1F tan-NAFO)

10838

8000

3000

Redfish demersali (Subżoni XIV u V tal-ICES, Subżona 1F tan-NAFO)

 

 

2000

Ħalibatt tal-Groenlandja - (Subżona 1 tan-NAFO – Nofsinhar ta’ 68°Tramuntana)

2500

2500

2500

Ħalibatt tal-Groenlandja (Subżoni XIV u V tal-ICES)

7500

7500

4315

Gamblu tat-Tramuntana (Subżona 1 tan-NAFO)

4000

4000

3400

Ħalibatt tal-Groenlandja (Subżoni XIV u V tal-ICES )

7000

7000

7500

Ħalibatt tal-Atlantiku (Subżona 1 tan-NAFO)

200

200

200

Ħalibatt tal-Groenlandja (Subżoni XIV u V tal-ICES )

1200

1200

200

Snowcrab (Subżona 1 tan-NAFO)

500

500

250

Capelin (Subżoni XIV u V tal-ICES )

55000

55000

60000

Grenadieri spp (Subżoni XIV u V tal-ICES)

 

 

100

Grenadieri spp (Subżona 1 tan-NAFO)

 

 

100

Qbid inċidentali (Subżona 1 tan-NAFO)

2600

2300

 

It-tnaqqis tal-opportunitajiet tas-sajd għal xi speċi (bħall-ħalibatt f'subżoni  tal-ICES) kien konformi ma' pariri xjentifiċi li jikkonċernaw il-livelli ta' qbid MSY 2015.

Rigward klawżoli importanti oħra inklużi fil-Protokoll il-ġdid, iż-żewġ partijiet jaqblu li jippromwovu l-prinċipji ta' sajd responsabbli u li jiżguraw l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-ŻEE tal-Groenlandja.

Il-klawżoli standard dwar is-sospensjoni u r-rieżami, li potenzjalment jaffettwaw il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali, huma inklużi wkoll. B'mod aktar speċifiku, f'każ ta' nuqqas li jiġu implimentati kif jixraq il-programmi ta' appoġġ għall-politika settorjali tas-sajd previsti mill-Artikolu 2, paragrafu 2(b) u f'każ ta' kwalunkwe ksur konstatat ta' drittijiet tal-bniedem, kif stipulat mill-Artikolu 6tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea - fil-każ tal-Groenlandja dan huwa xenarju pjuttost improbabbli.

Konklużjonijiet

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, ir-rapporteur tagħkom jikkunsidra li l-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd preżenti mal-Groenlandja huwa koerenti mal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd u mal-prinċipju ta' sajd sostenibbli u li kien ta' benefiċċju reċiproku kbir għaż-żewġ partijiet. Huwa jikkunsidrah ukoll bħala pedament importanti għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Groenlandja u fil-kooperazzjoni Nordika fir-rigward tar-riżorsi tas-sajd u għalhekk jirrakkomanda li jiġi approvat.

Ir-rapporteur tagħkom jilqa' l-fatt li waqt il-proċess tan-negozjar tal-Protokoll, il-partijiet relevanti kienu mismugħa u l-pariri xjentifiċi ġew ikkunsidrati serjament u li l-Protokoll il-ġdid jinkludi simplifikazzjonijiet dwar numru ta' kwistjonijiet tekniċi.

Huwa konvint li l-effett pożittiv tal-miżuri ta' appoġġ settorjali għall-ekonomija lokali u l-komunitajiet kostali, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħolqien ta' impjiegi lokali, se jagħti prova mal-medda twila ta' żmien u għalhekk għandu jkun evalwat bir-reqqa mill-Kummissjoni meta jiskadi l-Protokoll il-ġdid. Il-Parlament għandu wkoll jingħata l-opportunità għal sorveljanza mill-qrib tul il-proċess tal-implimentazzjoni tal-programm ta' appoġġ settorjali multiannwali.

Għalhekk jittennew dawn it-talbiet lill-Kummissjoni:

•   Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament il-konklużjonijiet tal-laqgħat u l-proċedimenti tal-Kumitat Konġunt previsti fl-Artikolu 10 tal-Ftehim, kif ukoll il-programm settorjali multiannwali li jirreferi għalih l-Artikolu 3(2) tal-Protokoll u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet annwali;

•   Rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, li jaġixxu bħala osservaturi, għandhom jitħallew jattendu għal laqgħat u proċedimenti tal-Kumitat Konġunt;

•   Il-Kummissjoni għandha tissottometti rieżami tal-implimentazzjoni tal-Ftehim lill-Parlament u lill-Kunsill qabel ma l-Ftehim jerġa jiġi nnegozjat;

•   Il-Parlament u l-Kunsill għandhom jiġu ttratati b'mod ġust, kemm fir-rigward tad-dritt li jkunu infurmati immedjatament u b'mod sħiħ, kif ukoll b'konnessjoni mal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali tas-sajd u man-negozjar għar-revizjoni tagħhom.

Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li l-ħtieġa li l-Parlament ikun infurmat tirrifletti wkoll l-obbligu aktar ġenerali li jaqa' fuq l-Instituzzjonijiet sabiex jipprattikaw kooperazzjoni leali reċiproka skont l-Artikolu 13(2) tat-Trattat tal-UE.

  • [1]  Il-Greonlandja tkopri żona ta' 2 166 000 km2, li minnha 84% hija mgħottija bis-silġ, b'popolazzjoni ta' 56 700. Filwaqt li l-Greonlandja tagħmel parti integrali mir-Renju tad-Danimarka, tgawdi awtonomija wiesgħa f'bosta oqsma ewlenin ta' politika sa mill-1979 ("Att dwar l-Awtonomija"). Wara r-referendum tal-2009, din l-awtonomija kienet sussegwentement estiża u ġie introdott "Gven Awtonomu". Filwaqt li żammet funzjonijiet bħad-difiża u l-affarijiet monetarji, id-Danimarka tibqa' fost l-oħrajn responsabbli għall-ispezzjonijiet tas-sajd. Id-Dħul Nazzjonali Gross per capita tal-Groenlandja jammonta għal EUR 29 300 (2010), iżda peress li l-parti l-kbira tal-provvisti ta' kuljum iridu jiġu impurtati, għandha defiċit kummerċjali sinifikanti, kopert minn Għotja Ġenerali annwali mid-Danimarka.
  • [2]  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/526/KE tas-17 ta' Lulju 2006 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka, min-naħa l-oħra (ĠU L 208, 29.7.2006). Fit-13 ta' Ġunju 2012, ġiet iffirmata "Ittra ta' Intenzjoni" addizzjonali, li tistabbilixxi biex tesplora modi biex issaħħaħ id-djalogu tal-UE-Groenlandja dwar ir-riżorsi minerali.
  • [3]  L-attivitajiet prinċipali ta' sajd l-oħrajn huma l-ħalibatt tal-Groenlandja, il-merluzz, ir-redfish, l-isnow crab u l-capelin; il-gambli jammontaw għal 56 % tal-esportazzjoni tal-ħut, filwaqt li l-bqija hija magħmula minn ħalibatt, granċijiet u merluzz.
  • [4]  L-impjiegi tal-gvern, min-naħa l-oħra, huma responsabbli għal 44 % tal-impjiegi
  • [5]  Data tal-2007, ara l-istudju ex-post tal-Kummissjoni għall-2011, paġna ii
  • [6]  Wara telf operattiv sinifikanti fl-2009/10 u injezzjoni ta' kapital sussegwenti mill-Gvern, il-kumpanija mid-dehra rritornat għal sitwazzjoni ta' profitt fl-2010 u qiegħda tiġi kkunsidrata għall-privatizzazzjoni
  • [7]  Ir-Regolament (KE) Nru 753/2007
  • [8]  "Evalwazzjoni ex-post tal-Protokoll preżenti għall-Ftehim ta' Sħubija tas-Sajd bejn l-UE u l-Groenlandja, Rapport Finali" (Settembru 2011) minn Oceanic Développement & MegaPesca Lda.
    (ref.: FPA 35/GRL/11/NC) - snin koperti: 2007 sa 2010
  • [9]  Tlettax-il bastiment minn Spanja, sitta mill-Portugall, ħamsa mill-Ġermanja, erbgħa mir-Renju Unit, tlieta mil-Litwanja, tnejn mill-Polonja u l-Estonja, u wieħed mid-Danimarka
  • [10]  Data tad-dħul ibbażata fuq prezzijiet tal-ħut ippubblikati fl-Islanda
  • [11]  Adottat bħala punt "A" mit-3108 laqgħa tal-Kunsill (Agrikoltura u Sajd) fid-19/07/2011
  • [12]  Settembru 2011 (Ilullissat) Novembru 2011 (Brussell); 31/1 sa 2/2/2012 (Kopenħagen)
  • [13]  Il-perjodu iqsar ta' tliet snin (kif ikkumparat mas-sitt snin tal-Protokoll preżenti) ġie propost biex jippermetti l-Protokoll sussegwenti jiżgura koerenza sħiħa mal-PKS riformata u ma' kwalunkwe deċiżjonijiet li jaffettwaw it-Territorji extra-Ewropej jew kwalunkwe qafas ta' Politika futur tal-UE għall-Artiku..

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (10.10.2012)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu tal-Groenlandja, min-naħa l-oħra
(11119/2012 – C7-0299/2012– 2012/0130(NLE))

Relatur: Gesine Meissner

ĠUSTIFIKAZZJONI FIL-QOSOR

Il-Groenlandja hija waħda mis-26 Pajjiż u Territorju extra-Ewropej (PTEE) koperti mill-Parti IV tat-TFUE. Għandha popolazzjoni ta' madwar 57 000 ruħ, u d-Dħul Nazzjonali Gross tagħha kien EUR 29 286 r-ras fl-2006 iżda ma żdiedx f'termini reali fis-snin riċenti. Il-pajjiż iserraħ ħafna fuq l-għotja globali annwali ta' għajnuna provduta mid-Danimarka, li tammonta għal madwar 32% tal-PDG.

Is-settur tas-sajd domestiku jagħmel l-ikbar qliegħ sinifikanti fl-ekonomija li jammonta għal 13% tal-Valur Miżjud Gross dirett u 17% tal-impjiegi (inkluż l-ipproċessar u attivitajiet oħra relatati). Is-settur tas-sajd jammonta għal 88% tal-esportazzjonijiet tanġibbli, li kważi kollha huma lejn l-UE. Il-Groenlandja tgawdi aċċess sħiħ għas-suq tal-UE tal-prodotti tas-sajd bħala riżultat tal-istatus tagħha bħala PTEE.

L-UE għandha relazzjoni kumplessa u multidimensjonali mal-Groenlandja. Din hija regolata mill-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd (FPA) taħt il-Politika Komuni dwar is-Sajd (PKS), il-Ftehim ta' Sħubija bejn l-UE u l-Groenlandja 2007-2013 (li ta appoġġ finanzjarju sinifikanti lis-sistema edukazzjonali tal-Groenlandja), u d-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni Barranija, li stabbiliet termini tal-kummerċ bejn l-UE u l-PTEE. S'issa, kien hemm livell sostanzjali ta' koerenza bejn dawn il-politiki tal-UE. Madankollu, dawn il-politiki huma lkoll suġġetti għal reviżjoni sakemm isir it-tiġdid tagħhom fil-futur qarib, u se jkun hemm bżonn li jiġi żgurat li l-Protokoll il-ġdid taħt l-FPA tal-UE dwar il-Groenlandja jibqa' koerenti mal-approċċi l-ġodda.

L-FPA attwali bejn l-UE u l-Groenlandja japplika mill 1 ta' Jannar 2007 (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 753/2007). L-ewwel Protokoll daħal fis-seħħ fl-istess data għal perjodu ta' sitt snin (mill-1  ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2012). Il-protokoll jipprevedi opportunitajiet tas-sajd għall-merluzz, is-salmur, il-ħalibatt tal-Groenlandja, il-ħalibatt tal-Atlantika, il-gambli, il-kapelin u l-ġranċ tas-silġ.

Il-Protokoll attwali tal-FPA ser jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2012. Il-protokoll il-ġdid se jkopri perjodu ta' tliet snin li jibda minn meta tiġi adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll. Il-protokoll il-ġdid bażikament jikkonsisti f'kontinwazzjoni tat-termini preċedenti tal-protokoll, b'xi bidliet fl-opportunitajiet ta' sajd u biż-żieda ta' klawsola sospensiva f'każ li jinkisru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem jew il-prinċipji demokratiċi.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE prevista fil-Protokoll il-ġdid hija żvelata kif ġej:

(a) ammont annwali għall-aċċess għaż-Żona Ekonomika Esklussiva tal-Groenlandja (ŻEE) ta’ EUR 15 104 203.

(b) ammont speċifiku ta' EUR 2 743 041 fis-sena għall-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-politika settorali tas-sajd tal-Groenlandja bil-għan li jiżguraw sajd responsabbli kontinwat, li jkun amministrat fid-dawl tal-objettivi identifikati bi ftehim komuni fil-qafas tal-kumitat konġunt.

L-ammont għall-aċċess għaż-ŻEE tal-Groenlandja se jiżdied meta mqabbel mal-ammont previst fil-protokoll li jiskadi, allegatament minħabba l-prezzijiet miżjuda tas-suq għall-ispeċi koperti mill-ftehim. Madankollu, il-kontribuzzjoni lill-politika settorali tas-sajd tal-Groenlandja se tonqos b'16% f'termini nominali.

L-FPA kien, u jibqa', strument relevanti ħafna għaż-żewġ partijiet. Huwa kien effettiv fil-provvista tal-opportunitajiet ta' interess u tal-utilità tas-sajd għal-ċertu segmenti tal-flotta tas-sajd tal-UE. Madankollu, din l-effettività kultant kienet limitata min-nuqqas ta' disponibbiltà f'diversi okkażjonijiet ta' riżorsi suffiċjenti tas-sajd.

Skont il-valutazzjoni ex-post tal-protokoll li jiskadi, l-FPA wassal benefiċċji miżjuda ta' valur nett lill-UE bi proporzjon ta' spejjeż u benefiċċji ta' 1.3 (jiġifieri r-ritorn ta' EUR 1.30 għal kull EUR 1.00 investit). Huwa responsabbli għal madwar 330 impjieg full-time fuq il-baħar, li jissuġġerixxi li total ta' madwar 500 impjieg tal-UE huma dipendenti fuq is-sajd fil-Groenlandja taħt l-FPA.

Għall-Groenlandja, l-FPA kien miżura effettiva li tiġġenera d-dħul minn diversi riżorsi tas-sajd li mingħajru ma kienux kapaċi jisfruttaw. L-FPA iġġenera medja ta' EUR 15.8 miljun fis-sena f'kontribuzzjonijiet finanzjarji. Dan id-dħul ammonta għal 70% tad-dħul baġitarju iġġenerat mis-settur tas-sajd tal-Groenlandja u 1.3% tal-baġit tal-Istat fl-2010.

Skont il-valutazzjoni ex-post, madwar nofs il-kontribuzzjoni finanzjarja marbuta mal-FPA ġiet minfuqa fuq riċerka dwar is-sajd li ttejjeb is-sostenibbiltà tas-settur tas-sajd tal-Groenlandja. Madankollu, ma rnexxiex fir-rigward tal-aġġustament strutturali tas-sajd tal-kosta, u mhuwiex dejjem ċar li l-appoġġ baġitarju intuża għall-investiment, aktar milli fl-infiq attwali. Il-valutazzjoni ex-post issostni wkoll li l-FPA ma kienx effikaċi fit-twassil ta' xi benefiċċji addizzjonali sinifikanti għall-Groenlandja (bħal proġetti konġunti, impjieg fuq vapur jew ħatt l-art għall-ipproċessar).

Finalment, il-valutazzjoni ex-post turi tħassib dwar is-sostenibbiltà ta' tlieta mill-għaxar opportunitajiet tas-sajd speċifikati fil-Protokoll tal-FPA li se jiskadi.

Il-valutazzjoni ex-post tqis li b'mod ġenerali l-FPA huwa koerenti mal-iżvilupp tal-UE, il-kummerċ u l-politiki, li flimkien iwasslu firxa ta' benefiċċji lill-Gvern tal-Groenlandja. Hlief għan-nuqqas ta' sostenibbiltà ta' tliet stokkijiet prinċipali, huwa ġeneralment koerenti mas-PKS.

B'mod ġenerali, il-valutazzjoni ex-post tikkonkludi li l-FPA kien ta' benefiċċju reċiproku immens għall-partijiet, u għalhekk jirrakkomanda t-tiġdid tal-protokoll. Din hija wkoll il-fehma tar-rapporteur tiegħek, li għaldaqstant tirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-protokoll imġedded fl-interess taż-żewġ partijiet. It-tiġdid tal-protokoll għall-perjodu ta' tliet snin biss se jippermetti li tiġi sussegwentament aġġustata biex tiġi żgurata koerenza sħiħa ma' xi tiġdid tad-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni tal-PTEE u l-Ftehim ta’ Sħubija mal-Groenlandja, it-tnejn dovuti fl-2013. Din se tippermetti wkoll għal miżuri ġodda fi ħdan is-CFP riformata li tkun riflessa fid-disinn tal-FPA il-ġdid u l-Protokoll mal-Groenlandja.

******

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tqis debitament il-punti li ġejjin waqt l-implimentazzjoni tal-Ftehim:

(a)       prattiki sostenibbli tas-sajd għandhom jiġu promossi, b'mod partikolari għall-merluzz, il-ħalibatt tal-Groenlandja fil-Groenlandja tal-Lvant, u s-salmur;

(b)       rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim - u b'mod partikolari tal-programm settorjali multiannwali previst fl-Artikolu 3(2) tal-Protokoll - għandhom jitfasslu u jintbagħtu lill-Parlament u lill-Kunsill kif ukoll ikunu disponibbli għall-pubbliku, sabiex tiġi promossa t-trasparenza u jiġi żgurat li l-baġit għas-sostenn tal-politika settorjali tas-sajd qiegħed jintuża bl-iktar mod effettiv u jiżgura l-koerenza politika għall-iżvilupp;

(c)       għandhom jittieħdu passi prattiċi sabiex jiżdiedu l-għadd ta’ żjarat minn bastimenti tal-UE fil-portijiet tal-Groenlandja biex b'hekk jiżdiedu l-impjiegi lokali u l-opportunitajiet ta' negozju.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (7.9.2012)

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu tal-Groenlandja, min-naħa l-oħra
(COM(2012)0247 – C7- 0000/2012 – 2012/0130(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: François Alfonsi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

Abbażi tal-mandat rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni nnegozjat mal-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern tal-Groenlandja f’isem l-Unjoni Ewropea bil-għan li ġġedded il-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern tal-Groenlandja. Wara dawn in-negozjati, ġie inizjalat Protokoll ġdid fit-3 ta’ Frar 2012, li jkopri perjodu ta’ tliet snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2013.

Il-Protokoll il-ġdid huwa konformi mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Groenlandja u jiġi promoss qafas ta’ sħubija li fih ikunu jistgħu jiġu żviluppati politika sostenibbli tas-sajd u sfruttar responsabbli ta’ riżorsi tas-sajd fiż-ŻEE tal-Groenlandja fl-interess taż-żewġ Partijiet.

Iż-żewġ Partijiet qablu li jikkooperaw bil-ħsieb li tiġi implimentata politika settorjali tas-sajd tal-Groenlandja u għal dak il-għan għandhom ikomplu d-djalogu politiku dwar l-ipprogrammar rilevanti.

Il-Protokoll il-ġdid jipprovdi għal kontribuzzjoni finanzjarja totali ta’ EUR 17 847 244 fis-sena għall-perjodu kollu. Dan l-ammont jikkorrispondi għal: a) EUR 15 104 203 fis-sena għall-aċċess għaż-ŻEE tal-Groenlandja u b) EUR 2 743 041 fis-sena li jikkorrispondu għal pakkett addizzjonali mħallas mill-UE bħala appoġġ għall-politika tas-sajd tal-Groenlandja.

Skont l-Artikoli 43(2) u 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew jista' jagħti l-approvazzjoni tiegħu jew inkella jirrifjuta li jagħtiha.

Fir-rigward tal-kontenut, il-karatteristiċi tal-Ftehim huma dawn li ġejjin:

Tip ta’ nefqa

2013

2014

2015

EUR Total

Approprjazzjonijiet operattivi

17 847 244€

17 847 244€

17 847 244€

53 541 732€

Nefqa amministrattiva

 

 

80 000€

80 000€

Nefqa amministrattiva oħra u riżorsi umani

93 000€

93 000€

93 000€

279 000€

AMMONT TOTALI

17 940 000€

17 940 000€

18 020 000€

53 900 732€

******

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.9.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Richard Ashworth, Reimer Böge, Zuzana Brzobohatá, Jean-Luc Dehaene, Isabelle Durant, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Jens Geier, Lucas Hartong, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, George Lyon, Claudio Morganti, Jan Mulder, Juan Andrés Naranjo Escobar, Dominique Riquet, Derek Vaughan, Angelika Werthmann

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Maria Da Graça Carvalho, Edit Herczog, Peter Jahr, Jürgen Klute, Constanze Angela Krehl, Peter Šťastný, Georgios Stavrakakis

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT ()

Data tal-adozzjoni

6.11.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Antonello Antinoro, Alain Cadec, Carmen Fraga Estévez, Pat the Cope Gallagher, Dolores García-Hierro Caraballo, Marek Józef Gróbarczyk, Ian Hudghton, Werner Kuhn, Isabella Lövin, Gabriel Mato Adrover, Guido Milana, Maria do Céu Patrão Neves, Ulrike Rodust, Raül Romeva i Rueda, Struan Stevenson, Isabelle Thomas, Nils Torvalds, Jarosław Leszek Wałęsa

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Ole Christensen, Jens Nilsson