RAPPORT dwar l-Isfida Mikrobika – Theddid li qed jiżdied mir-Reżistenza Antimikrobika

15.11.2012 - (2012/2041(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Anna Rosbach

Proċedura : 2012/2041(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0373/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Isfida Mikrobika – Theddid li qed jiżdied mir-Reżistenza Antimikrobika

(2012/2041(INI))

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2012 dwar “L-impatt tar-reżistenza antimikrobika fis-settur tas-saħħa umana u fis-settur veterinarju - perspettiva ta' ‘Saħħa Waħda’”,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2011 dwar Pjan ta' Azzjoni kontra t-theddid li qed jiżdied ta' Reżistenza Antimikrobika (COM(2011)0748),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar Inizjattiva għall-Ipprogrammar Konġunt tar-riċerka "L-Isfida Mikrobika – Theddida għas-Saħħa tal-Bniedem li qed Titfaċċa" (C(2011)7660),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar it-theddida għas-saħħa pubblika tar-reżistenza antimikrobika[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi[2],

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tat-18 ta' Novembru 2009 tal-persunal tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-reżistenza antimikrobika (SANCO/6876/2009r6),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Tekniku Konġunt taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) ta' Settembru 2009 dwar "L-isfida batterika: wasal iż-żmien li nirreaġixxu – Appell biex jitqarreb id-distakk eżistenti bejn il-preżenza fl-UE ta' batterji reżistenti għal ħafna mediċini u l-iżvilupp ta' aġenti antibatteriċi ġodda"[3],

–   wara li kkunsidra t-tieni rapport konġunt tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar ir-reżistenza antimikrobika f’batterji zoonotiċi b'effett fuq il-bniedem, l-annimali u l-ikel[4],

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill 2876 tal-10 ta’ Ġunju 2008 dwar ir-Reżistenza Antimikrobika,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill 2980 tal-1 ta’ Diċembru 2009 dwar inċentivi innovattivi għal antibijotiċi effettivi,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta' infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa[5],

–   wara li kkunsidra t-tielet reviżjoni tal-lista tal-WHO ta’ antimikrobiċi ta’ importanza kritika għall-mediċina umana (ir-Rapport tat-tielet laqgħa tal-Grupp Konsultattiv tal-WHO dwar is-Sorveljanza Integrata tar-Reżistenza Antimikrobika, 14-17 ta’ Ġunju 2011, Oslo, in-Norveġja), u l-Lista tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) ta’ Aġenti Antimikrobiċi ta’ Importanza Veterinarja (Mejju 2007) u l-bidliet sussegwenti f’din il-lista,

–   wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill tad-9 ta’ April 2010 dwar il-bażi tar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2002/777/KE) dwar l-użu prudenti ta’ aġenti antimikrobiċi fil-mediċina umana[6], u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tas-servizzi tal-Kummissjoni li jakkumpanja dak ir-rapport[7],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali li jipprojbixxi l-użu tal-antibijotiċi bħala aġenti li jgħinu fit-tkabbir[8],

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2001 dwar l-użu prudenti tal-aġenti antimikrobiċi fil-mediċina umana[9] (2002/77/KE), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-proposta għal dik ir-rakkomandazzjoni (COM(2001)0333,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2001 dwar Strateġija Komunitarja kontra r-reżistenza antimikrobika (COM(2001)0333),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006-2010[10],

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet għal kollaborazzjoni ġejjiena bejn l-Istati Uniti u l-UE tat-Taskforce Transatlantika dwar ir-Reżistenza Antimikrobika (TATFAR)[11],

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida CODEX Alimentarius għall-Analiżi tar-Riskju ta’ Reżistenza Antimikrobika Trażmessa permezz tal-Ikel[12],

   wara li kkunsidra l-Kodiċi tal-prattika CODEX biex titnaqqas u tiġi kkontrollata r-reżistenza antimikrobika (CAC/RCP 61-2005),

–   wara li kkunsidra l-azzjoni ta’ tħejjija “Ir-reżistenza antimikrobika (AMR): Riċerka dwar il-kawżi ta’ użu antibijotiku għoli u mhux xieraq” approvata mill-Parlament Ewropew fl-ambitu tal-Baġit tal-UE għas-sena finanzjarja 2012, li timmira li tistudja l-kwistjoni tal-użu u l-bejgħ mhux xieraq ta’ aġenti antimikrobiċi, b’riċetta tat-tabib jew mingħajrha, tul il-katina kollha – mit-tabib u l-ispiżjar sal-pazjent, f’termini tal-imġiba tal-atturi kollha involuti,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7–0373/2012),

A. billi l-iżvilupp ta’ reżistenza għall-mediċini hi konsegwenza naturali u inevitabbli tat-trattament antimikrobiku; billi dan il-proċess jista’ jiġi aċċellerat permezz ta’ użu inordinat u indiskriminatorju fil-mediċina umana u veterinarja, li, flimkien mal-insuffiċjenza tal-iġjene u tal-kontroll tal-infezzjonijiet, tista’ tipperikola l-użu effettiv tal-għadd diġà limitat ta’ antimikrobiċi eżistenti;

B.  billi għal ċerti batterji, il-perċentwal ta’ reżistenza għall-antibijotiċi hu ta’ 25 % jew aktar f’diversi Stati Membri;

C. billi ħafna mill-problema tar-reżistenza antimikrobika toriġina mill-użu ħażin tal-antibijotiċi, b’mod partikolari l-użu eċċessiv;

D.  billi ħafna Stati Membri m’għandhomx qafas legali u regolatorju solidu biex jawtorizzaw u jappoġġjaw l-użu razzjonali tal-mediċini;

E.  billi fl-UE, l-Islanda u n-Norveġja biss, il-batterji reżistenti għall-antimikrobiċi jikkawżaw madwar 400 000 infezzjoni u 25 000 mewt fis-sena, filwaqt li l-ispejjeż addizzjonali għall-kura tas-saħħa u telf ta’ produttività jilħqu EUR 1.5 biljun;

F.  billi ż-żieda fl-AMR hi kwistjoni kumplessa ta’ natura transkonfinali li tinvolvi diversi fatturi interkonnessi; billi huma meħtieġa diversi miżuri ta’ intervent f’livelli varji li jirrikjedu kollaborazzjoni soda bejn il-pajjiżi u s-setturi;

G. billi jeżisti distakk dejjem jikber bejn l-AMR, li qed tiżdied, u l-iżvilupp ta’ antimikrobiċi ġodda; billi sa mis-snin sebgħin ġew żviluppati biss tliet antibijotiċi ġodda amministrati sistemikament għall-batterji Gram-pożittivi[13] reżistenti għal diversi mediċini; billi żewġ terzi tal-imwiet relatati mar-reżistenza antimikrobika fl-Unjoni huma dovut għal batterji Gram-negattivi, filwaqt li mhux ippjanat li aġenti ġodda jidħlu fis-suq fil-ġejjieni qarib;

H. billi minħabba li ma ġewx żviluppati mediċini antibatteriċi ġodda, importanti ħafna li l-użu effettiv tal-antimikrobiċi eżistenti jinżamm għall-itwal perjodu possibbli permezz tal-użu prudenti, miżuri ta’ prevenzjoni kontra t-tixrid tal-infezzjoni, tilqim, trattamenti alternattivi u dożaġġ antimikrobiku kontrollat;

I.   billi l-unika tilqima kontra t-tuberkulożi (TB) disponibbli attwalment (BCG) ġiet żviluppata aktar minn 90 sena ilu, u billi din ma toffrix protezzjoni kontra l-aktar forma komuni tat-TB – it-TB pulmonari;

J.   billi t-trattament tat-tuberkulożi jiddependi fuq antibijotiċi żviluppati għexieren ta’ snin ilu, li ħafna minnhom għandhom effetti sekondarji tossiċi serji;

K. billi l-AMR tolqot il-bnedmin u l-bhejjem u għandha implikazzjonijiet perikolużi għas-saħħa tal-bniedem u tal-bhejjem; billi hemm rabta bejn l-użu tal-antimikrobiċi għall-annimali u ż-żieda ta’ reżistenza fl-umani li teħtieġ riċerka ulterjuri kif ukoll approċċ tal-politika koordinat u multisettorjali għall-AMR, ibbażat fuq il-prinċipju ‘saħħa waħda’, immirat kemm għall-prattikanti kif ukoll għall-utenti f’kull settur;

L.  billi għad hemm nuqqas ta’ data dettaljata biżżejjed u kumparabbli fil-livell Ewropew għal skopijiet ta’ monitoraġġ u analiżi komprensivi f’diversi pajjiżi dwar ir-rabta bejn l-użu tal-antimikrobiċi u r-reżistenza għalihom;

M. billi, minkejja l-objettiv primarju tal-bdiewa li jżommu l-bhejjem tagħhom b’saħħithom u produttivi permezz ta’ prattiki agrikoli tajba (iġjene, għalf xieraq, trobbija kif suppost u ġestjoni tajba tal-bhejjem), l-annimali xorta waħda jistgħu jimirdu, u għaldaqstant għandhom ikunu disponibbli terapiji u mediċini veterinarji adegwati għat-trattament ta’ dan il-mard;

N. billi s'issa ma ġiet adottata l-ebda definizzjoni standard ta' ‘trattament preventiv’ u l-interpretazzjonijiet differenti tat-terminu qed iwasslu għal nuqqas ta' qbil kostanti;

O. billi hemm ħtieġa ta’ edukazzjoni u ta’ qawmien ta’ kuxjenza fost dawk involuti fl-użu tal-antimikrobiċi, inklużi dawk li jfasslu l-politika, il-professjonisti tas-saħħa u l-pubbliku ġenerali, sabiex isiru l-bidliet neċessarji fl-imġiba ta’ min jippreskrivi l-mediċini, ta’ min ibigħhom/jagħtihom, u taċ-ċittadini;

P.  billi l-antibijotiċi xorta għadhom disponibbli mingħajr riċetta f’ċerti Stati Membri, u billi din il-prattika taggrava l-problema tar-reżistenza antimikrobika;

Q. billi nuqqas ta' konformità mar-regoli bażiċi tal-iġjene għall-ambjenti umani bħad-djar, u mhux biss fl-isptarijiet, tikkawża tixrid ulterjuri ta’ patoġeni antimikrobiċi;

R.  billi d-dijanjostika għandha rwol vitali fil-ġlieda kontra l-AMR billi tinkoraġġixxi approċċi aktar immirati għat-trattament;

1.  Iqis li filwaqt li kważi kull Stat Membru żviluppa strateġiji nazzjonali fir-rigward tal-AMR skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-użu prudenti tal-aġenti antimikrobiċi fil-mediċina umana, il-progress fl-ilħuq tal-objettivi ffissati s’issa mexa b’pass bil-mod u inkonsistenti; jitlob li jkun hemm impenn governattiv għal implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha fil-livell nazzjonali;

2.  Jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni strateġiku fuq ħames snin tal-Kummissjoni għall-indirizzar tal-AMR, iżda jesprimi t-tħassib li ħafna mill-punti ta’ azzjoni jtennu miżuri preskritti aktar minn għaxar snin qabel fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2001 dwar l-użu prudenti tal-aġenti antimikrobiċi fil-mediċina umana[14];

3.  Jinnota li, għalkemm il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni jmur fid-direzzjoni t-tajba, mhuwiex estiż biżżejjed biex jikkontrolla t-theddida globali li qed tiżdied mir-reżistenza antimikrobika; jikkunsidra li l-miżuri rrakkomandati fil-Pjan ta’ Azzjoni jeħtieġ li jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli; jappella, għalhekk, lill-Kummissjoni biex twettaq pjan direzzjonali integrat li jispjega r-reazzjonijiet ta’ politika rilevanti inkluża azzjoni leġiżlattiva possibbli;

4.  Jenfasizza li l-Pjan ta’ Azzjoni għandu jkopri lill-bhejjem kollha fl-istrateġija tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, inklużi, pereżempju, l-annimali tal-kumpanija u l-annimali użati għall-isport, u għandu jenfasizza l-konnessjoni loġika bejn is-saħħa tal-bhejjem u l-użu tal-antimikrobiċi, kif ukoll ir-rabta li hemm bejn is-saħħa tal-bhejjem u s-saħħa tal-bnedmin;

Użu prudenti tal-antimikrobiċi fil-mediċini umani u veterinarji

5.  Jenfasizza li l-objettiv ewlieni ta’ kwalunkwe strateġija fir-rigward tal-AMR hu li tinżamm l-effiċjenza tal-antimikrobiċi eżistenti billi dawn jintużaw b’mod responsabbli fil-livell terapewtiku korrett u jintużaw biss meta jkun neċessarju u li jiġu preskritti għal żmien speċifiku u fid-doża xierqa, u li jitnaqqas l-użu tal-antimikrobiċi b’mod ġenerali u b’mod speċjali tal-Antimikrobiċi Kritikament Importanti (Critically-Important Antimicrobials (CIAs)[15] fil-mediċina umana u veterinarja, filwaqt li b’hekk titqies ukoll il-lista tal-OIE; jenfasizza l-ħtieġa assoluta għal approċċ olistiku attiv, ibbażat fuq il-perspettiva ta’ ‘Saħħa Waħda’ biex ikun hemm koordinazzjoni aħjar u aktar effiċjenti bejn is-settur tas-saħħa umana u s-settur veterinarju; jitlob għal titjib fis-sorveljanza tal-użu tal-antimikrobiċi fit-trabi u t-tfal żgħar, kif ukoll fit-trattament kliniku, fejn jeħtieġ li jiġi kkontrollat u mkejjel l-użu tal-antimikrobiċi;

6.  Jindika li l-użu ta' antimikrobiċi f'livelli subterapewtiċi huwa pprojbit fl-UE;

7.  Jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi kkontrollat l-użu tal-antimikrobiċi fil-mediċina umana u veterinarja; ma jaqbel xejn mal-użu profilattiku regolari tal-antimikrobiċi fit-trobbija tal-bhejjem; japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2012 li jistiednu lill-Istati Membri jillimitaw l-użu profilattiku tal-antimikrobiċi għal każijiet bi ħtiġijiet kliniċi definiti u biex il-preskrizzjoni u l-użu tal-antimikrobiċi għat-trattament tal-merħliet tal-bhejjem jillimitawhom għal każijiet fejn veterinarju jkun ivvaluta li hemm ġustifikazzjoni klinika – u fejn ikun il-każ, epidemjoloġika – ċara biex jiġu trattati l-bhejjem kollha; jenfasizza li s-settur tat-trobbija tal-bhejjem u tal-akkwakultura għandhom jiffokaw fuq il-prevenzjoni tal-mard permezz tal-prattiki talba tal-iġjene, l-akkomodazzjoni u t-trobbija, kif ukoll miżuri ta’ bijosigurtà stretti, aktar milli fuq l-użu profilattiku tal-antimikrobiċi; jemmen li l-kontrolli fuq l-importazzjonijiet tal-ikel minn Stati mhux Membri tal-UE għandhom jittejbu, b’mod partikolari fid-dawl tar-riskju li tali importazzjonijiet ikollhom traċċi irregolari ta’ antimikrobiċi;

8.  Jindika li l-AMR fl-annimali tvarja skont l-ispeċi u skont il-forom differenti ta' trobbija tal-bhejjem;

9.  Jistieden lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tagħti attenzjoni partikolari lill-monitoraġġ u l-analiżi tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-AMR fil-bhejjem fl-UE;

10. Jitlob li jsir użu prudenti u responsabbli tal-antimikrobiċi fl-annimali, u li jingħata aktar tagħrif lill-veterinarji u lill-bdiewa biex jgħinhom inaqqsu kemm jista’ jkun l-iżvilupp tal-AMR; jitlob li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-iżvilupp tal-AMR, bħal linji gwida dwar l-użu prudenti tal-antimikrobiċi;

11. Jistieden lill-Istati Membri jużaw sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni biex jiġi żgurat li x-xejriet tal-użu f’diversi azjendi agrikoli individwali jkunu xierqa u b’hekk jiżguraw użu responsabbli u minimu;

12. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rieżaminati d-dispożizzjonijiet relatati ma’ miżuri relatati mal-benessri tal-annimali tal-farms biex titjieb is-saħħa tal-bhejjem, bl-għan li jitnaqqas l-użu ta’ farmaċewtiċi veterinarji; jistieden lill-Kummissjoni terġa’ tevalwa d-dispożizzjonijiet attwali dwar id-densità massima ta’ bhejjem fit-trobbija, għax id-daqsijiet tal-merħliet illum il-ġurnata sikwit jippreżentaw ostakoli għat-trattament ta’ annimal wieħed jew gruppi ta' annimali iżgħar, u jipprovdu inċentivi għall-użu profilattiku tal-antimikrobiċi; jemmen li l-iffukar fuq razez ta’ bhejjem reżistenti għall-mard jista’ jkun siewi biex jiġi żgurat li jkunu meħtieġa inqas farmaċewtiċi veterinarji fit-trobbija, iżda jqis li dan m’għandux jissostitwixxi l-ġestjoni soda tal-farms u tat-trobbija tal-bhejjem;

13. Jaqbel mal-Kummissjoni li jeħtieġ li jiġi msaħħaħ il-qafas regolatorju għall-mediċini veterinarji u l-għalf medikat, u jitlob li tinżamm konsistenza fit-tfassil u ż-żamma tar-regoli tal-UE;

14. Jitlob li jiġu introdotti approċċi affidabbli għat-trobbija tal-bhejjem biex ikun hemm tnaqqis sinifikanti fl-AMR; jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-trobbija tal-bhejjem żgħar, peress li dawn ta’ spiss ikunu ġejjin minn farms differenti li jrabbu l-bhejjem u għalhekk huma esposti għal riskji ta’ infezzjoni meta jiġu f’kuntatt ma’ xulxin;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tħejji proposta leġiżlattiva għas-settur veterinarju biex jiġi limitat l-użu tas-CIAs tat-tielet u tar-raba’ ġenerazzjoni għall-bnedmin; jenfasizza li kwalunkwe proposta ta’ dan it-tip trid tkun imsejsa fuq linji gwida Ewropej ibbażati fuq l-evidenza dwar l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fil-mediċina veterinarja;

16. Iqis li r-reviżjoni pendenti tad-Direttiva 2001/82/KE toffri opportunità importanti biex jittieħdu miżuri effettivi biex l-AMR tonqos permezz tat-tisħiħ tad-dispożizzjoijiet għall-mediċini veterinarji, bħal:

– limitazzjoni tad-dritt li jippreskrivu l-antimikrobiċi għal veterinarji professjonalment kwalifikati biss;

– separazzjoni tad-dritt tal-kitba tar-riċetti mid-dritt tal-bejgħ tal-antimikrobiċi, li b’hekk jeradikaw l-inċentivi ekonomiċi tal-preskrizzjoni;

17. Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar l-AMR b’inizjattivi konkreti għall-implimentazzjoni tat-12-il azzjoni u tippubblika r-rapport ta’ progress tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-AMR sa tmiem l-2013, filwaqt li jenfasizza li r-rapport għandu jinkludi ħarsa ġenerali tat-tnaqqis fl-użu ta’ antimikrobiċi veterinarji milħuq f’kull Stat Membru;

18. Jenfasizza li hemm differenzi sostanzjali fost l-Istati Membri fil-mod kif jintużaw u jitqassmu l-antibijotiċi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni Ewropea relevanti dwar l-antimikrobiċi, b’mod speċjali rigward l-użu tal-antibijotiċi b’riċetta biss fis-settur tas-saħħa umana u veterinarja, u l-projbizzjoni tal-antimikrobiċi bħala promoturi tat-tkabbir fl-għalf tal-annimali;

19. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-kundizzjoni għall-preskrizzjoni u l-bejgħ ta’ antimikrobiċi sabiex jiġi żgurat jekk il-prattiki fil-kura tas-saħħa umana u tal-bhejjem jistgħux iwasslu għal preskrizzjoni żejda, użu żejjed jew użu ħażin ta’ antimikrobiċi;

20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu sforzi biex jiġi żgurat li kull sptar jimpjega epidemjologu tal-isptar;

21. Jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-użu tan-nanofidda fi prodotti tal-konsumaturi peress li dan jista’ jżid ir-reżistenza tal-mikroorganiżmi għall-fidda, inklużi n-nanofidda u l-komposti bbażati fuq il-fidda, li mbagħad tista’ tillimita s-siwi tan-nanofidda fit-tagħmir mediku u f'applikazzjonijiet mediċi oħrajn;

22. Jenfasizza li biex ikun possibbli li jitnaqqas l-użu tal-antimikrobiċi jeħtieġ li titjieb l-eżattezza tad-dijanjożijiet u għaldaqstant, irid jiżdied l-użu tad-dijanjostika;

23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu sforzi, miżmuma fuq bażi ta’ rutina, għal studji dwar każijiet fl-isptar u r-rwol possibbli tat-tixrid ta’ kloni reżistenti għall-mediċini f’dawn is-sitwazzjonijiet;

Prevenzjoni

24. Bil-għan li jiġu limitati l-użu mhux xieraq u l-aċċess mhux ikkontrollat għal aġenti antimikrobiċi, inkluż permezz ta’ bejgħ illegali bl-internet, jilqa’ l-inizjattiva tal-Istati Membri ta’ rieżami tal-istatus legali ta' kull antimikrobiku orali, li jinġibed man-nifs jew parenterali (inklużi l-mediċini kontra l-malarja, il-mediċini antivirali u l-mediċini kontra l-fungi) li għadhom disponibbli għall-pazjenti mingħajr il-ħtieġa ta’ riċetta; jenfasizza li l-antimikrobiċi m’għandhomx ikunu disponibbli liberament mingħajr riċetta tat-tabib għax dan jinkoraġġixxi l-awtotrattament, li sikwit ikun ibbażat fuq suppożizzjonijiet ineżatti; jistieden lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza kontra l-bejgħ illegali u mingħajr riċetta tat-tabib tal-antimikrobiċi fis-settur tas-saħħa umana u f'dak veterinarju;

25. Jinnota r-rwol importanti tat-tilqim fil-limitazzjoni tal-iżvilupp tal-AMR billi jnaqqas l-ammonti ta' aġenti antimikrobiċi meħtieġa biex jiġu trattati l-infezzjonijiet fil-bnedmin u fl-annimali, iżda jemmen li, fir-rigward tas-settur veterinarju, dan m’għandux jissostitwixxi ġestjoni soda tal-farms u tat-trobbija tal-bhejjem; jistieden lill-Kummissjoni tistudja x’miżuri preventivi ulterjuri jistgħu jittieħdu biex jonqos it-tixrid tal-infezzjonijiet u l-mard fit-trobbija tal-bhejjem;

26. Jipproponi li jittieħdu miżuri għall-promozzjoni ta’ sistemi sostenibbli tat-trobbija tal-bhejjem, imsejsa fuq prattiki tal-ġestjoni tajba li jimmassimizzaw l-użu effikaċi tar-riżorsi u jnaqqsu d-dipendenza tal-bdiewa fuq inputs bi spejjeż kbar li ma jkunux sostenibbli u li joħolqu riskju kbir għall-ambjent u s-saħħa pubblika;

27. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b’kooperazzjoni mal-Aġenziji kompetenti tal-UE, iħejju u jippromwovu linji gwida dwar l-użu prudenti bl-għan li jitnaqqas l-esponiment mhux essenzjali u mhux xieraq għall-antimikrobiċi bħala parti minn approċċ olistiku għall-mediċina umana u veterinarja, it-trobbija tal-bhejjem, l-agrikultura, l-akkwakultura u l-ortikultura;

28. Jistieden lill-Kummissjoni biex fir-reviżjoni li jmiss tal-leġiżlazzjoni Ewropea tal-farmaċewtika veterinarja, tikklassifika l-prodotti ta’ għalf medikat bħala "prodotti farmaċewtiċi" u mhux bħala "għalf", sabiex ikun żgurat li fil-futur, il-qasam sensittiv tal-għalf medikat jiġi monitorjat fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni farmaċewtika u li jsiru l-ispezzjonijiet uffiċjali kif jixraq, filwaqt li jkun żgurat li l-għalf medikat jagħmel parti mill-kategorija ‘bir-riċetta biss’;

29. Jenfasizza li l-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjoni huma pedament vitali fil-ġlieda kontra l-AMR; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-kontroll tal-infezzjonijiet, jgħollu u jippromwovu standadrd ta’ iġjene tajba – b’mod speċjali l-iġjene tal-idejn, speċjalment f’ambjenti sensittivi, bħall-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa – sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-infezzjonijiet u tonqos il-ħtieġa għall-antibijotiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-iskambju tal-aqwa prattiki dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (HAIs) u jwessgħu r-riċerka dwar l-epidemjoloġija tal-HAIs minħabba l-MRSA, Clostridium difficile u organiżmi oħra reżistenti għal diversi mediċini li qed jitfaċċaw;

L-iżvilupp ta’ antimikrobiċi ġodda jew trattament alternattiv

30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu sforzi għall-iżvilupp ta’ mudelli tan-negozji abbażi ta’ sħubijiet pubbliċi-privati (PPP) ġodda u innovattivi li jisseparaw l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ antibijotiċi ġodda u għodda djanjostika mit-tranżazzjonijiet tal-bejgħ, biex jippromwovu aċċess akbar u bi prezz li jintlaħaq aktar għall-antimikrobiċi, u jillimitaw l-użu mhux meħtieġ tagħhom;

31. Jitlob li ssir aktar riċerka u riċerka kkoordinata aħjar dwar antimikrobiċi ġodda, dwar alternattivi (tilqim, bijosigurtà, tnissil u trobbija għar-reżistenza) u dwar strateġiji bbażati fuq l-evidenza biex jiġi evitat u kkontrollat il-mard li jittieħed fl-annimali;

32. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp sabiex jipprovdu għodod ġodda għall-ġlieda kontra t-tuberkulożi u t-tuberkulożi reżistenti għall-mediċini;

33. Jistieden lill-Kummissjoni tinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp immirati lejn alternattivi għall-użu tal-antimikrobiċi fil-produzzjoni tal-bhejjem u tappoġġja l-innovazzjoni fil-prattiki agrikoli, f’konformità mal-għanijiet tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikola futura;

34. Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed ikun restrittiv fl-użu ta’ CIAs u ta’ aġenti u teknoloġiji antimikrobiċi żviluppati riċentement għall-użu fil-mediċina umana u veterinarja; jisħaq fuq l-importanza li l-użu ta’ CIAs ikun iffokat kif jixraq fuq każijiet speċifiċi;

35. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw approċċi regolatorji ġodda, inklużi drittijiet tal-proprjetà intellettwali trasferibbli u estensjonijiet tat-tul ta’ żmien tal-brevetti, bl-għan li jitħeġġeġ l-investiment tas-settur privat fl-iżvilupp tal-antimikrobiċi;

36. Jinnota l-importanza ta’ aċċess għal għodod dijanjostiċi rapidi, affidabbli u li ma jiswewx ħafna fl-iżvilupp ta’ strateġiji ġodda tat-trattament;

37. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistudjaw approċċi regolatorji ġodda orjentati lejn is-sussidjar ta’ riċerka għall-iżvilupp ta’ antimikrobiċi ġodda li jista’ jkollha riżultat ta’ benefiċċju fiskali kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat;

38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-inċentivi għall-kooperazzjoni tas-settur pubbliku u privat biex jissaħħu mill-ġdid ir-riċerka u l-iżvilupp tal-antimikrobiċi; jemmen li l-qsim tal-għarfien u l-ġbir tar-riżorsi permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati innovattivi se jkun kruċjali biex tiġi żgurata l-effikaċja u d-disponibbiltà klinika ta’ antimikrobiċi eżistenti;

39. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, bħala parti mill-Istrateġija UE 2020, il-bdiewa fl-Istati Membri kollha tal-UE jista’ jkollhom aċċess għal għodod intelliġenti, effettivi u alternattivi biex ifejqu l-annimali tagħhom, inkluż għal użi minuri u speċijiet minuri (minor uses and minor species - MUMS), li bħalissa jiffaċċjaw nuqqas sostanzjali ta’ mediċini veterinarji;

40. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-iżvilupp u d-disponibbiltà ta’ aktar għodod fil-farms infushom għal dijanjożi bikrija u rapida u għall-kontroll tal-mard, kif ukoll għal sistema ta’ dijanjożi wiesgħa u effettiva fil-livell tal-Istati Membri li tista’ tiżgura l-kisba f’waqtha tar-riżultati f’każ ta’ eżamijiet batterjoloġiċi;

Monitoraġġ u rapportar

41. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jfittxu aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni għal sejbien, twissija u proċeduri b’rispons bikrija u kkoordinati fir-rigward ta’ batterji patoġeniċi reżistenti għall-antimikrobiċi fil-bnedmin, fl-annimali, fil-ħut u fil-prodotti tal-ikel biex ikunu monitorjati kontinwament il-livell u l-iżvilupp ta’ AMR; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu bażijiet tad-data konformi ma’ kriterji uniformi li fihom in-negozjanti, il-veterinarji u l-bdiewa jntalbu jiddokumentaw l-għoti u l-użu tal-antibijotiċi;

42. Jenfasizza li għad hawn nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli dwar l-użu tal-antimikrobiċi f’xi Stati Membri; jenfasizza li hu importanti li jkun stabbilit netwerk Ewropew effettiv ta’ sistemi ta’ sorveljanza nazzjonali fis-setturi tas-saħħa umana u veterinarja, ibbażat fuq standards uniformi għall-Istati Membri kollha, biex tinġabar data ta’ referenza ċara, kumparabbli, trasparenti u f’waqtha dwar l-użu ta’ mediċini antimikrobiċi; jemmen li dan in-netwerk għandu jkun ibbażat fuq in-netwerks ta’ monitoraġġ eżistenti operati mill-EFSA, in-Netwerk Ewropew ta’ Sorveljanza tal-Konsum tal-Antimikrobiċi (ESAC-Net) tal-ECDC, in-Netwerk Ewropew ta' Sorveljanza tar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (EARS-Net) tal-ECDC, in-Netwerk tal-Mard Trażmess mill-Ikel u mill-Ilma (FWD-Net) tal-ECDC, u s-Sorveljanza Ewropea tal-Konsum tal-Antimikrobiċi għal Użu Veterinarju (ESVAC) tal-EMA;

43. Hu tal-opinjoni li d-data miġbura dwar l-użu tal-antibijotiċi għandha tkun aċċessibbli biss għall-esperti, l-awtoritajiet u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ikkonċernati;

44. Ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa li jkollna stampa sħiħa ta’ meta, fejn, kif u fuq liema annimali jintużaw l-antimikrobiċi; jemmen li l-Kummissjoni għandha tiġbor, tanalizza u tqiegħed din id-data għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Kummissjoni bla ebda dewmien, u li d-data miġbura għandha tiġi armonizzata u tkun tista’ titqabbel sabiex tiġi faċilitata analiżi xierqa u azzjoni effikaċi, koordinata u speċifika għall-ispeċi, imfassla skont id-diversi tipi ta’ trobbija tal-bhejjem, sabiex tiġi miġġielda l-AMR fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri;

45. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi spjegazzjoni ġenerali tat-tnaqqis fl-użu tal-aġenti antimikrobiċi veterinarji li jinkiseb minn kull Stat Membru fir-rapport ta’ progress tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni dwar l-AMR;

46. Jistieden lill-Kummissjoni tobbliga lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-użu tal-antibijotiċi fit-trobbija tal-bhejjem b’mod iktar effiċjenti u integrat, permezz tal-użu ta’ bażijiet tad-data; jindika li r-reġistrazzjoni tal-użu tal-antibijotiċi fl-azjendi agrikoli hija obbligatorja;

47. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw monitoraġġ u kontroll separati għar-reżistenza fost l-annimali tat-trobbija, l-annimali domestiċi, l-annimali tat-tiġrija, eċċ, u li jagħmlu dan mingħajr ma jikkawżaw piżijiet finanzjarji jew amministrattivi addizzjonali għar-raħħala, dawk li jrabbu l-bhejjem jew għall-veterinarji;

48. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu kollaborazzjoni intersettorjali aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet u s-setturi rilevanti, sabiex jinkoraġġixxu approċċ aktar integrat għas-saħħa veterinarja u umana, u sabiex jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali kontra l-AMR;

49. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati s-sistemi sostenibbli ta’ produzzjoni tal-ikel li għall-kuntrarju tal-‘biedja industrijalizzata’, huma potenzjalment inqas esposti għall-AMR;

50. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-kejl u r-rappurtar futur dwar l-użu ta’ antimikrobiċi fis-settur uman u f'dak veterinarju jiżdiedu u juru mhux biss l-ammont totali ta’ antimikrobiċi użati iżda wkoll it-tipi ta’ antimikrobiċi, it-tul taż-żmien tat-trattamenti, eċċ.;

Komunikazzjoni, edukazzjoni u taħriġ

51. Jinnota li l-inkoraġġiment ta’ użu xieraq tal-antimikrobiċi jiddependi fuq bidla fl-attitudni u fil-prattika u fl-edukazzjoni fost il-pazjenti, il-bdiewa, l-ispiżjara, it-tobba, il-veterinarji u prattikanti oħra fl-oqsma tal-mediċina umana u veterinarja; iqis li għandhom jittieħdu miżuri edukattivi u ta’ taħriġ aktar effettivi u kontinwi, kif ukoll informazzjoni komprensiva fl-iskejjel, li b’mod ġenerali għandhom jibdew minn età żgħira, fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-konsegwenzi tal-konsum ħażin tal-antimikrobiċi;

52. Jinnota li waħda mir-raġunijiet l-aktar komuni għall-użu ta’ antibijotiċi hi bħala trattament kontra l-irjiħat komuni, u li jkun ta’ benefiċċju kbir jekk il-pubbliku jkun magħmul konxju mill-fatt li l-irjiħat komuni huma infezzjoni virali filwaqt li l-antibijotiċi joffru protezzjoni biss fil-każ ta’ infezzjonijiet batteriċi;

53. Jilqa’ l-Jum Ewropew ta’ Kuxjenza dwar l-Antibijotiċi, imfakkar kull sena fit-18 ta’ Novembru, li ġie stabbilit biex jippromwovi l-użu responsabbli tal-antimikrobiċi; jemmen, madankollu, li l-viżibilità u l-potenzjal ta’ din il-ġurnata jistgħu jkunu massimizzat aktar effettivament permezz ta’ appoġġ politiku msaħħaħ fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew, approċċ usa’ li jkopri l-annimali wkoll, u kampanji koordinati, innovattivi u b’impatt qawwi msejsa fuq l-esperjenza miksuba minn inizjattivi Ewropej u internazzjonali ta’ suċċess; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni tul is-sena kollha dwar id-dożaġġi korretti ta’ antibijotiċi preskritti;

54. Jistieden lill-Kummissjoni – b’għarfien tal-fatt li l-qsim tal-informazzjoni fost iċ-ċittadini, u mhux biss fost il-professjonisti tas-saħħa u veterinarji, hu kruċjali għal aktar kuxjenza u għaldaqstant aktar prevenzjoni – tiġbor lista tal-aħjar prattika fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' kampanji ta' komunikazzjoni u korsijiet ta' taħriġ professjonali effettivi bl-għan li titqajjem kuxjenza dwar l-AMR, bħall-ħidma tal-inizjattiva EPRUMA li tinvolvi ħafna partijiet konċernati, bil-għan li tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni effettiva ta’ kampanji ta’ qawmien ta’ kuxjenza ta' dan it-tip;

55. Huwa tal-fehma li jridu jiġu żviluppati kampanji informattivi biex iżidu l-kuxjenza tal-perikli u tat-tixrid mhux intenzjonat ta’ patoġeni antimikrobiċi fl-isptarijiet u fid-dar, u kuxjenza dwar il-mezzi ta’ prevenzjoni;

56. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina, fl-istudju dwar it-titjib tal-fuljett fil-kaxxa u tal-kaxxa bil-fatti dwar mediċina, l-idea li tipprovdi l-pazjenti b’informazzjoni mtejba dwar l-antibijotiku konċernat, pereżempju billi tiżgura li jkun fih twissija bħal: "Jekk jogħġbok ħu din il-mediċina antibijotika biss jekk tiġi preskritta minn tabib għalik, u ħudha kif preskritt. L-użu ħażin tal-antibijotiċi jista’ joħloq reżistenza li tagħmel ħsara lilek u lil ħaddieħor.";

Kooperazzjoni internazzjonali

57. Jenfasizza li ż-żieda fl-ivvjaġġar internazzjonali, u b’mod aktar sinifikanti, il-kummerċ dinji tal-ikel u tal-għalf, jista’ jżid il-firxa transkonfinali tal-AMR; jemmen li azzjoni internazzjonali magħquda u f'waqtha li tevita d-duplikazzjoni u tibni l-massa kritika hi l-unika triq għall-ġejjieni biex tonqos kemm jista’ jkun it-theddida globali għas-saħħa pubblika li toħloq l-AMR;

58. Jirrikonoxxi l-importanza ta’ inizjattivi adottati internazzjonalment mill-WHO, l-OIE, il-FAO u organizzazzjonijiet dinjija oħra relevanti; jisħaq, madankollu, fuq l-importanza li d-dinja kollha taderixxi mal-istandards u l-linji gwida adottati internazzjonalment; jistieden lill-Kummissjoni, biex fl-evalwazzjoni tagħha tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni attwali dwar l-AMR, tirrapporta dwar il-progress tal-Istati Membri fir-rigward tal-impenji internazzjonali ewlenin rigward l-AMR;

59. Jilqa’ t-twaqqif tat-Taskforce Transatlantika dwar ir-Reżistenza Antimikrobika (TATFAR) u s-sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet, adottati f’Settembru 2011, għal kooperazzjoni ġejjiena bejn l-UE u l-Istati Uniti; jenfasizza, b’mod partikolari, l-importanza ta’ azzjonijiet speċifiċi għal:

· ġbir ta’ data kumparabbli u għall-kondiviżjoni tad-data għall-antimikrobiċi umani u veterinarji;

· l-iżvilupp ta’ pjanijiet komuni msejsa fuq l-aqwa prattika għall-ġestjoni ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa;

· kooperazzjoni mtejba bejn l-FDA tal-Istati Uniti u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini dwar approċċi komuni għall-faċilitazzjoni tal-iżvilupp u r-regolamentazzjoni ta’ mediċini antibatteriċi, speċifikament fir-rigward tal-istadju tat-testijiet kliniċi;

60. Jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-ħidma tat-TATFAR u tippromwovi impenji multilaterali u bilaterali simili għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-AMR ma’ msieħba globali oħra;

61. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu u jippromwovu inizjattivi globali tal-ġestjoni tar-riskju, bħal-lista tas-CIAs għall-mediċina umana tal-WHO u l-Lista ta’ Antimikrobiċi ta’ Importanza Veterinarja tal-OIE;

62. Jappoġġja approċċ internazzjonali għall-kontroll ta’ antimikrobiċi foloz b’mod konformi mal-linji gwida tal-WHO;

o

o       o

63. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Sa minn meta ġiet skoperta l-peniċillina, fis-snin tletin, l-antimikrobiċi rrevoluzzjonaw il-prattika medika u veterinarja, u wasslu għal tnaqqis sinifikanti fir-rata ta’ mortalità minħabba firxa wiesgħa ta’ infezzjonijiet serji u sikwit fatali filwaqt li wittew it-triq għall-użu mifrux ta’ operazzjonijiet invażivi innovattivi. Il-progress mediku straordinarju tal-era tal-antibijotiċi, madankollu, jinsab mhedded minħabba ż-żieda fir-reżistenza antimikrobika (AMR).

L-AMR hi l-ħila ta’ organiżmu mikrobiku li jiffjorixxi u jissopravvivi fil-preżenza ta’ antimikrobiku f’doża li normalment tkun suffiċjenti biex tirristrinġi jew toqtol mikroorganiżmi tal-istess speċi. B’riżultat ta’ dan, l-organiżmi mikrobiċi jistgħu jiżviluppaw reżistenza qawwija għal ċerti aġenti antimikrobiċi li normalment huma sensittivi għalihom[1].

Wara tmenin sena ta' użu mifrux, l-evoluzzjoni u l-adattament ta' mikrobi li jikkawżaw il-mard wasslu biex diversi antimikrobiċi tilfu l-effikaċja tagħhom. Din il-kriżi naxxenti hi l-konsegwenza ta’ żewġ kwistjonijiet fundamentali u relatati: l-użu mhux xieraq tal-antimikrobiċi fil-mediċina umana u veterinarja, u distakk ta' 40 sena fl-innovazzjoni fl-iżvilupp ta’ antimikrobiċi ġodda minħabba l-benefiċċji żgħar meta mqabbla mal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp.

Il-kwistjoni tal-AMR kibret aktar minħabba li tfaċċat reżistenza għal ħafna mediċini f’xi organiżmi batteriċi, li tista’ taħdem kontra l-effikaċja ta’ sensiela ta’ antimikrobiċi mhux relatati u tipperikola l-għażliet ta' trattament għall-bnedmin u għall-annimali, ittawwal il-proċess tal-irkupru, jew twassal biex it-trattament ma jirnexxix.

Filwaqt li ħafna jafu kemm hu diffiċli li jiġi trattat il-batterju tal-MRSA (Methicillin-resistant Staphylococcus aureus), li sikwit jinfirex minn pazjenti li jmorru minn sptar għal ieħor, il-lista ta’ infezzjonijiet reżistenti għal diversi mediċini hi twila u tinkludi, fost l-oħrajn, l-infezzjonijiet urinarji, il-pulmonite u t-tuberkulożi. Skont il-WHO, madwar id-dinja jeżistu mill-inqas 440 000 każ individwali ta’ tuberkulożi reżistenti għal diversi mediċini, u dan ifisser aktar minn 150 000 mewt kull sena[2].

Sintendi, is-sistemi tal-kura tas-saħħa Ewropej diġà qed jonfqu spejjeż ogħla minħabba infezzjonijiet reżistenti għall-antimikrobiċi. L-ispejjeż tal-mediċini meħtieġa għat-trattament ta’ dawn il-każijiet huma kbar, filwaqt li l-pjanijiet tat-trattament tagħhom huma itwal u aktar kumplessi. Skont il-WHO u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), fl-2007 l-infezzjonijiet reżistenti għall-mediċini rriżultaw f’aktar minn 2.5 miljun jum l-isptar fl-UE, in-Norveġja u l-Islanda[3], u 25 000 mewt addizzjonali fl-istess reġjun[4]. Mingħajr sforzi flimkien għall-indirizzar tal-problema li qed tikber ta’ reżistenza għall-antimikrobiċi, dawn il-figuri huma mistennija jiżdiedu b’mod sinifikanti fis-snin li ġejjin.

Barra minn hekk, il-prattiki mediċi moderni qed jaċċelleraw l-emerġenza ta’ organiżmi reżistenti għall-mediċini, minħabba l-użu mhux xieraq tal-antimikrobiċi; dan jinkludi dożi eċċessivi u irresponsabbli, teħid ta’ antibijotiċi ta’ kwalità ħażina, u n-nuqqas li jittieħed iċ-ċiklu kollu tat-trattament kif preskritt minn tabib kwalifikat. Dan il-konsum ħali ta’ aġenti antimikrobiċi jingħaqad mar-rabta bejn l-użu tagħhom fit-trobbija tal-annimali u t-tixrid tar-reżistenza fost il-bnedmin.

Il-batterji kollha għandhom flessibilità innata li tippermettilhom jevolvu ġeni li jagħmluhom reżistenti għal kwalunkwe antimikrobiku, u permezz tal-eredikazzjoni ta’ batterji suxxettibli, l-antimikrobiċi jipprovdi pressjonijiet selettivi li jiffavorixxu ż-żieda eċċessiva ta’ batterji li għandhom il-ġene ta' reżistenza. L-użu prolongat ta’ aġenti antimikrobiċi għaldaqstant iservi biex iħeġġeġ it-tixrid ġenerali ta’ razez reżistenti.

Il-problema hi akbar minħabba tnaqqis notevoli fl-iżvilupp ta’ antimikrobiċi ġodda. Filwaqt li l-lista ta’ mikrobi reżistenti għall-mediċini qed tiżdied, qed jiġu żviluppati relattivament ftit (u fil-każ ta’ xi organiżmi reżistenti għal ħafna mediċini, xejn) antimikrobiċi ġodda. Għaldaqstant, il-mewġa ta’ infezzjonijiet li jsiru dejjem aktar diffiċli biex tittrattahom aktarx li se tkompli tikber sakemm ma jitteħdux miżuri ta’ prevenzjoni u kontroll koordinati kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi.

L-implikazzjonijiet huma allarmanti ħafna; it-tendenza hi li antimikrobiċi li jiswew għexieren ta’ miljuni ta’ ewro f’riċerka u żvilupp, u li jieħdu kważi għaxar snin biex jaslu fis-suq, ikollhom perjodu ta’ effikaċja dejjem iqsar. Waqt li r-reżistenza tinfirex, it-tul tal-ħajja ta’ antimikrobiku jonqos, u minħabba li l-għadd ta’ antimikrobiċi ġodda li jsiru disponibbli huwa iċken, id-distakk bejn l-infezzjoni u l-kontroll qed ikompli jikber. Skont il-WHO, l-AMR toħloq theddida ta’ ritorn għall-‘era ta’ qabel l-antibijotiċi’.[5].

Il-fatt li l-mard infettiv ma jirrispettax fruntieri jagħmel iż-żieda fil-mikrobi reżistenti għall-mard problema dinjija, u din trid tiġi trattata hekk. Jibqa’ kruċjali, madankollu, li l-UE tieħu azzjoni miftiehma biex tindirizza din il-kwistjoni. Tul dawn l-aħħar għaxar snin, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u r-riżoluzzjonijiet tal-PE talbu ripetutament li jkun hemm użu prudenti tal-antimikrobiċi eżistenti, u li jkunu promossi inizjattivi bl-għan li jiġu żviluppati antimikrobiċi ġodda. Fil-fehma tar-Rapporteur, jeħtieġ tittieħed azzjoni, finalment u b’urġenza, fuq dawn il-konklużjonijiet u riżoluzzjonijiet, kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-UE kollha kemm hi.

Importanti li jiġi enfasizzat li l-AMR ma tistax tiġi riżolta permezz ta’ soluzzjoni waħda u sempliċi. Fil-fatt jinħtieġ approċċ b’diversi aspetti:

Użu prudenti tal-antimikrobiċi fil-mediċini umani u veterinarji

L-ewwel u qabel kollox, importanti li jkun żgurat l-użu prudenti tal-antimikrobiċi. Dan jinkludi użu bir-riċetta tat-tabib biss, filwaqt li jiġi evitat użu mhux neċessarju, bħal fil-każ tat-trattament ta’ infezzjonijiet virali umani komuni; fis-settur veterinarju, jeħtieġ li japplika l-istess użu prudenti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni strateġiċi kumpatibbli biex jippromwovu l-użu prudenti.

Prevenzjoni

Huwa essenzjali li jittieħdu miżuri aħjar għall-prevenzjoni kemm tal-emerġenza kif ukoll tat-tixrid tar-reżistenza għall-mediċini. Dan jinkludi titjib tal-monitoraġġ u tar-rappurtar ta’ organiżmi reżistenti għall-mediċini, kif ukoll miżuri ta’ kontroll tal-infezzjonijiet aktar effettivi, fosthom l-użu tat-tilqim.

L-iżvilupp ta’ antimikrobiċi ġodda jew trattament alternattiv

Filwaqt li jeħtieġ jiġi limitat l-itfaċċar ta’ batterji reżistenti għall-mediċini, jeħtieġ li jkun promoss ukoll l-iżvilupp ta’ aġenti antimikrobiċi ġodda. Dan jista’ jsir, pereżempju, permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati; madankollu, importanti wkoll li neżaminaw approċċi regolatorji ġodda li jistgħu jistimulaw ir-riċerka fl-industrija u l-iżvilupp ta' antimikrobiċi ġodda filwaqt li fl-istess ħin tkun żgurata s-sikurezza tal-pazjenti.

Monitoraġġ u rapportar

Azzjoni effettiva teħtieġ data preċiża u f’waqtha mingħand l-Istati Membri kollha. Għaldaqstant importanti li jkun hemm sorveljanza madwar l-Ewropa kollha, fis-settur tas-saħħa umana kif ukoll f'dak veterinarju. Problema waħda li tirrikjedi attenzjoni partikolari hi l-ħtieġa ta’ data ta’ referenza ċara, kumparabbli, trasparenti u f’waqtha dwar l-użu ta’ mediċini antimikrobiċi fl-Istati Membri kollha.

Komunikazzjoni, edukazzjoni u taħriġ

Jeħtieġ li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki, flimkien ma’ komunikazzjoni, edukazzjoni u taħriġ aħjar fost il-prattikanti fis-setturi tas-saħħa veterinarja u dik umana biex tiġi miġġielda ż-żieda fir-reżistenza għall-antimikrobiċi. Barra minn hekk, huwa essenzjali li titjieb il-komunikazzjoni ta' informazzjoni lill-pubbliku dwar din il-kwistjoni sabiex ikun żgurat użu prudenti mill-pazjenti.

Kooperazzjoni internazzjonali

Minħabba li t-tixrid tal-infezzjonijiet ma jirrikonoxxix il-fruntieri, huwa imperattiv li l-kwistjoni tiġi trattata fil-livell internazzjonali. Ix-xogħol imwettaq mit-TATFAR jippreżenta mudell eċċellenti għall-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-AMR, u għandhom jiġu mħeġġa impenji oħra simili multilaterali u bilaterali.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (15.10.2012)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar l-Isfida Mikrobika - Theddid li qed jiżdied mir-Reżistenza Antimikrobika
(2012/2041(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Martin Häusling

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li, għalkemm il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni jmur fid-direzzjoni t-tajba, mhuwiex estiż biżżejjed biex jikkontrolla t-theddid globali li qed jiżdied mir-reżistenza antimikrobika; jikkunsidra li l-miżuri rrakkomandati fil-pjan ta’ azzjoni jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli; jappella, għalhekk, lill-Kummissjoni biex twettaq pjan direzzjonali integrat li jispjega r-reazzjonijiet ta’ politika rilevanti inkluża azzjoni leġiżlattiva possibbli.

2.  Jenfasizza li l-pjan ta’ azzjoni għandu jkopri lill-annimali kollha fl-istrateġija tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, inklużi, pereżempju, l-annimali ta’ kumpanija u l-annimali użati għall-isport, u għandu jenfasizza l-konnessjoni loġika bejn is-saħħa tal-annimali u l-użu tal-antimikrobiċi, kif ukoll ir-rabta li hemm bejn is-saħħa tal-annimali u s-saħħa tal-bnedmin;

3.  Jaqbel li jeħtieġ li jkun hemm approċċ olistiku, fuq il-bażi ta’ użu prudenti u responsabbli tal-antimikrobiċi, u dwar it-titjib kontinwu fil-bijosigurtà u fis-sistemi tat-trobbija tal-bhejjem li jippromwovu saħħa tajba tal-annimali, jippermettu lill-annimali jesprimu imġiba speċifika għall-ispeċi, inaqqsu l-inċidenza tal-mard u jillimitaw it-trażmissjoni tal-mard, filwaqt li b’hekk inaqqsu l-ħtieġa li jiġu preskritti antimikrobiċi;

4.  Jitlob l-introduzzjoni ta’ approċċi affidabbli li joħolqu tnaqqis sinifikattiv fir-reżistenza fit-trobbija tal-annimali; jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-trobbija tal-annimali żgħar, peress li dawn ta’ spiss ikunu ġejjin minn diversi persuni li jrabbu l-bhejjem u għalhekk huma esposti għar-riskju ta’ infezzjoni meta jiġu f’kuntatt;

5.  Jitlob li ssir aktar riċerka u riċerka kkoordinata aħjar dwar antimikrobiċi ġodda, dwar alternattivi (tilqim, bijosigurtà, tnissil u trobbija għar-reżistenza) u dwar strateġiji bbażati fuq l-evidenza biex jiġi evitat u kkontrollat il-mard li jittieħed fl-annimali;

6.  Jissuġġerixxi li jiġu promossi r-riċerka, l-innovazzjoni, komunikazzjoni mtejba, edukazzjoni u taħriġ professjonali fir-rigward tal-użu tal-antimikrobiċi;

7.  Jipproponi l-promozzjoni ta’ sistemi sostenibbli tal-bhejjem msejsa fuq prattiki ta’ ġestjoni tajba li jimmassimizzaw l-użu effikaċi tar-riżorsi u jnaqqsu d-dipendenza min-naħa tal-bdiewa fuq inputs li joħolqu riskju għoli għall-ambjent u s-saħħa pubblika li jqumu ħafna flus u li mhumiex sostenibbli;

8.  Jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-fatt li jeħtieġ li l-qafas regolatorju għall-mediċini veterinarji u l-għalf medikat ikun imsaħħaħ, u jitlob li jkun hemm konsistenza fir-regoli tal-UE u fl-infurzar tagħhom;

9.  Jindika li l-użu ta' antimikrobiċi f'livelli subterapewtiċi huwa pprojbit fl-UE;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni, adottata fl-2006, dwar l-użu tal-antimikrobiċi li qed jintużaw bħala promoturi tat-tkabbir fl-Istati Membri;

11. Hu tal-opinjoni li l-għan ewlieni tal-bdiewa għandu jkun li jimplimentaw metodi ta’ trobbija xierqa sabiex l-ifrat tagħhom jibqgħu b’saħħithom u produttivi, u biex jiġi salvagwardjat il-benessri tagħhom; jenfasizza, madankollu, li l-użu xieraq tal-antimikrobiċi fit-trobbija tal-annimali huwa meħtieġ biex jiġi żgurat il-benessri tal-annimali;

12. Jindika li r-reżistenza antimikrobika fl-annimali tvarja bejn speċijiet u bejn forom differenti ta' trobbija tal-annimali;

13. Jenfasizza li l-għan aħħari hu li l-aġenti antimikrobiċi jibqgħu jinżammu bħala għodda effettiva biex jiġi miġġieled il-mard, kemm fl-annimali kif ukoll fil-bnedmin, filwaqt li l-aġenti antimikrobiċi jintużaw biss meta verament ikun meħtieġ; jipproponi, għalhekk, li l-użu tal-antimikrobiċi għall-bhejjem, li huma klassifikati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħala importanti b’mod kritiku għat-trattament tal-bniedem, jiġi limitat u jitneħħa gradwalment;

14. Jinnota l-importanza tal-vaċċini għal-limitazzjoni tal-mard u għat-tnaqqis tal-użu antimikrobiku fil-kuntest tal-prattiki ta’ trobbija tajba; jemmen li l-vaċċini m’għandhomx jissostitwixxu trobbija tajba tal-annimali jew miżuri adegwati tal-bijosigurtà, u li l-kirurgi veterinajrji għandhom jużaw l-antibijotiċi biss meta jkun hemm raġuni tajba għal dan;

15. Jistieden lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tagħti attenzjoni partikolari lill-monitoraġġ u l-analiżi tas-sitwazzjoni rigward ir-reżistenza antimikrobika fil-bhejjem madwar l-UE.

16. Jitlob li jsir użu prudenti u responsabbli tal-antimikrobiċi fl-annimali u li jingħata aktar tagħrif lill-veterinarji u lill-bdiewa biex jgħinhom inaqqsu kemm jista’ jkun l-iżvilupp tar-reżistenza antimikrobika (RAM); jitlob li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki, li jistgħu iservu bħala għodod importanti biex jiġi miġġieled l-iżvilupp tar-RAM, bħall-aċċettazzjoni ta’ linji gwida dwar l-użu prudenti tal-antimikrobiċi;

17. Jitlob li jkun hemm sforzi kontinwi biex jiġi żgurat li l-aġenti mikrobiċi jintużaw biss kemm fil-mediċini tal-bniedem kif ukoll dawk veterinarji fejn dan l-użu jiġi ġustifikat;

18. Jenfasizza li m’hemmx informazzjoni affidabbli dwar l-użu tal-antimikrobiċi f’xi Stati Membri, u li jeħtieġ li jkun hemm data trasparenti, koerenti u konsistenti;

19. Jistieden lill-Istati Membri jużaw sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni biex jiġi żgurat li x-xejriet tal-użu f’diversi azjendi agrikoli individwali jkunu xierqa u b’hekk jiżguraw użu responsabbli u minimu;

20. Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi, huwa enfasizza l-ħtieġa li wieħed jibni stampa sħiħa ta’ meta, fejn, kif u fuq liema annimali jintużaw l-antimikrobiċi, u jemmen li tali data għandha tiġi miġbura, analizzata u titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Kummissjoni bla dewmien, u li d-data miġbura għandha tiġi armonizzata u tkun tista’ titqabbel sabiex tiġi faċilitata analiżi xierqa u azzjoni effikaċi, koordinata u speċifika għall-ispeċi li tkun imfassla skont id-diversi tipi ta’ trobbija tal-annimali, sabiex tiġi miġġielda r-reżistenza antimikrobika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak tal-Istati Membri.

21. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi spjegazzjoni ġenerali tat-tnaqqis fl-użu tal-aġenti antimikrobiċi veterinarji li jinkiseb minn kull Stat Membru fir-rapport ta’ progress tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tar-reżistenza antimikrobika;

22. Jistieden lill-Kummissjoni tobbliga lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-użu tal-antibijotiċi fit-trobbija tal-annimali b’mod iktar effikaċi u integrat permezz tal-użu ta’ bażijiet ta’ data; jindika li r-reġistrazzjoni tal-użu tal-antibijotiċi fl-azjendi agrikoli hija obbligatorja;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex tiżgura sistema dijanjostika wiesgħa u effikaċi fil-livell tal-Istati Membri u b’hekk tiżgura l-wasla fil-ħin ta’ riżultati meta jitwettqu eżamijiet batterjoloġiċi;

24. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw monitoraġġ u kontroll separati għar-reżistenza fost bhejjem, annimali domestiċi, bhejjem tat-tiġrija, eċċ, u li jagħmlu dan mingħajr ma jikkawżaw piżijiet finanzjarji jew amministrattivi addizzjonali għall-bdiewa, dawk li jrabbu l-bhejjem jew għall-veterinarji;

25. Hu tal-opinjoni li d-data miġbura dwar l-użu tal-antibijotiċi għandha tkun aċċessibbli biss għall-esperti, l-awtoritajiet u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ikkonċernati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

11.10.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Eric Andrieu, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Vasilica Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Robert Dušek, Mariya Gabriel, Iratxe García Pérez, Julie Girling, Béla Glattfelder, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Agnès Le Brun, George Lyon, Gabriel Mato Adrover, Mairead McGuinness, James Nicholson, Rareş-Lucian Niculescu, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Alfreds Rubiks, Czesław Adam Siekierski, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Alyn Smith, Janusz Wojciechowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Alejandro Cercas, Ismail Ertug, Petri Sarvamaa

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.11.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

62

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sergio Berlato, Lajos Bokros, Nessa Childers, Yves Cochet, Tadeusz Cymański, Chris Davies, Anne Delvaux, Edite Estrela, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Holger Krahmer, Jo Leinen, Peter Liese, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Kārlis Šadurskis, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Bogusław Sonik, Salvatore Tatarella, Thomas Ulmer, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Frieda Brepoels, Nikos Chrysogelos, Christofer Fjellner, Julie Girling, Jutta Haug, Riikka Manner, Britta Reimers, Alda Sousa, Marita Ulvskog, Kathleen Van Brempt, Andrea Zanoni