RAPPORT dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE

15.11.2012 - (2012/2094(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Relatur: Marietje Schaake

Proċedura : 2012/2094(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0374/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE

(2012/2094(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta’ Lulju 2012 intitolata ‘Il-promozzjoni, il-ħarsien u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem fl-Internet’, li tirrikonoxxi l-importanza tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-moviment liberu tal-informazzjoni online[1],

–   wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU, Frank La Rue, tas-16 ta' Mejju 2011 (A/HRC/17/27) u tal-10 ta' Awwissu 2011 (A/66/290), dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ opinjoni u espressjoni, li jenfasizzaw l-applikabilità ta’ normi u standards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jirrigwardaw id-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni fuq l-internet, meqjus bħala mezz ta’ komunikazzjoni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-28 ta’ Marzu 2008 (7/36) li tistabbilixxi l-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni,

–   wara li kkunsidra r-rapport tan-NU tas-16 ta’ Ġunju intitolat ‘Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: l-implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti ‘Protezzjoni, Rispett, Rimedju’ (li jirrifletti x-xogħol tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU John Ruggie),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill Governattiv tal-Unjoni Interparlamentari fid-19 ta’ Ottubru 2011[2],

–   wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottat mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012[3],

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 2012 intitolata ‘Il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni. Kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija’[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2012 intitolata ‘Suq uniku diġitali kompetittiv – il-Gvern elettroniku bħala xprun’[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2012 dwar l-aċċess tal-għomja għall-kotba u prodotti stampati oħra[8],

–   wara li kkunsidra l-Baġit Ġenerali tal-2012 tad-29 ta’ Frar 2012, partikolarment is-sejħa għall-ħolqien tal-‘Fond tal-Unjoni Ewropea għal-Libertà tal-Internet fid-Dinja’[9]

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tat-12 ta’ Diċembru 2011 mill-Kummissarju għall-Aġenda Diġitali dwar ‘l-Istrateġija ta’ Mingħajr Skonnettjar’;

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2011 intitolata ‘Id-Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE – Lejn Approċċ Aktar Effettiv’ (COM(2011)0886),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru2011 dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa[10],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 intitolata ‘Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva’ (COM(2011)0681),

–   wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-25 ta' Lulju 2011 dwar strateġija effikaċi dwar il-materja prima għall-Ewropa[11],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2011 dwar il-politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni[12],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2011 bit-titlu ‘Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni’ (COM(2011)0303),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE[13],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali[14],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 intitolata ‘Governanza tal-Internet: il-passi li jmiss'[15],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar l-Internet tal-Oġġetti[16],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2006 dwar il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fi ftehimiet tal-Unjoni Ewropea[17],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-każijiet urġenti ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, li jqajmu tħassib rigward il-libertajiet diġitali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1334/2000 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju[18],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) tal-Kunsill Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 tat-18 ta’ Jannar 2012 u li jintroduċi restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ICTs u għodod ta’ monitoraġġ[19],

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) tal-Kunsill Nru 264/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran u li jintroduċi restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ICTs u għodod ta’ monitoraġġ[20],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali rilevanti kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tas-17 ta’ April 2003 għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli[21],

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u n-negozjati li għaddejjin dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0374/2012),

A. billi l-iżviluppi teknoloġiċi jiffaċilitaw lill-individwi fid-dinja kollha l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) ġodda u l-konnessjoni mal-internet u b’hekk jippromwovu tibdiliet rivoluzzjonarji fis-soċjetajiet, il-funzjonament tad-demokrazija, il-governanza, l-ekonomija, in-negozju, il-midja, l-iżvilupp u l-kummerċ;

B.  billi l-internet hu faċilitatur ewlieni tal-aċċess għall-informazzjoni, il-libertà ta’ espressjoni, il-libertà tal-istampa, il-libertà ta’ għaqda u l-iżvilupp ekonomiku, soċjali, politiku u kulturali;

C.  billi hemm kunsens globali, rifless fid-dritt internazzjonali, li restrizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu previsti mil-liġi;

D. billi d-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu mħarsa u promossi mill-UE, kemm offline u wkoll online;

E.  billi l-inklużjoni, il-promozzjoni tal-ħiliet elettroniċi, u t-tnaqqis tad-distakki diġitali huma fatturi ewlenin li jrawmu l-potenzjal tal-internet u l-ICTs;

F.  billi l-ICTs, filwaqt li kienu strumenti prinċipali fl-organizzazzjoni tal-movimenti u dimostrazzjonijiet soċjali f’diversi pajjiżi b’kunsiderazzjoni speċjali għar-Rebbiegħa Għarbija, jintużaw ukoll bħala strumenti ta’ ripressjoni permezz taċ-ċensura (tal-massa), is-sorveljanza u l-monitoraġġ u t-traċċar tal-informazzjoni u l-individwi;

G. billi l-ICTS jistgħu wkoll ikollhom rwol bħala strument utli għall-organizzazzjonijiet terroristiċi sabiex jippreparaw u jwettqu attakki;

H. billi, fil-maġġorparti tal-każijiet, il-kuntest li fih jintużaw it-teknoloġiji jiddetermina l-impatt li jista’ jkollhom biex imexxu żviluppi pożittivi jew li jkollhom minflok impatt ta’ ripressjoni;

I.   billi dawn il-bidliet joħolqu kuntesti oħra li jeħtieġu applikazzjoni adattata tal-liġijiet fis-seħħ ibbażata fuq strateġija ta’ integrazzjoni tal-internet u l-ICTS fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE;

J.   billi l-internet iffjorixxa u żviluppa b’mod organiku bħala pjattaforma b’valur pubbliku kbir; billi, madankollu, l-użu ħażin tal-opportunitajiet u l-istrumenti l-ġodda disponibbli permezz tal-internet joħloq ukoll riskji u perikli ġodda;

K.  billi l-internet sar ukoll fattur fl-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali u dan jeħtieġ sorveljanza kontinwa, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur;

L.  billi ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal każijiet fejn l-Internet jintuża għal attivitajiet illegali, bħal inċitament għall-mibegħda, vjolenza u attitudnijiet razzisti, propaganda totalitarja u l-aċċess tat-tfal għall-pornografija jew l-isfruttament sesswali tagħhom;

M. billi n-natura globali u bla fruntieri tal-internet teħtieġ forom ġodda ta’ koperazzjoni internazzjonali u ta’ governanza ma’ diversi partijiet interessati;

N.  billi l-Artikolu 21(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara: "L-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha u bejn dawn u l-politika l-oħra tagħha. Il-Kunsill u l-Kummissjoni, assistiti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandhom jassiguraw dik il-koerenza u għandhom jikkooperaw għal dan il-għan”;

O. billi n-newtralità tan-net hija prinċipju essenzjali għal internet miftuħ, filwaqt li tiżgura l-kompetizzjoni u t-trasparenza;

P.  billi kemm is-sigurtà diġitali u wkoll il-libertà diġitali huma essenzjali u ma jistgħux jissostitwixxu lil xulxin;

Q. billi l-UE tmexxi biss billi tagħti eżempju dwar il-libertajiet diġitali meta dawn jiġu salvagwardjati fl-UE;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp

1.   Jirrikonoxxi li l-aċċess mhux iċċensurat għall-internet miftuħ, it-telefowns ċellulari u l-ICTs kellhom impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, filwaqt li eżerċitaw effett abilitanti, billi espandew l-ambitu tal-libertà tal-espressjoni, l-aċċess għal informazzjoni, id-dritt għall-privatezza u l-libertà ta’ għaqda madwar id-dinja;

2.   Jirrikonoxxi l-potenzjal abilitanti, ta’ ħolqien u ta’ katalizzatur vast tal-internet miftuħ u tal-ICTs għall-bini tal-komunità, is-soċjetà civili, l-iżvilupp ekonomiku, soċjali, xjentifiku, kulturali u politiku globali, filwaqt li dawn jikkontribwixxu għall-progress tal-umanità b’mod ġenerali; huwa konxju, madankollu, tar-riskji u l-perikli l-ġodda għad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw mill-użu ħażin tal-ICTs;

3.  Jirrikonoxxi li l-internet u l-midja soċjali jippermettu lill-gvernijiet biex jimpenjaw ruħhom f’diplomazija diretta u jiffaċilitaw l-kuntatt bejn in-nies fid-dinja kollha; Jenfasizza li d-dibattiti miftuħa dwar l-ideat jistgħu jgħinu jirrifjutaw l-estremiżmu u jtejbu l-involviment u l-ftehim interkulturali;

4.  Iqis li l-kultura tiffavorixxi l-aċċess u l-kuntatt meta r-relazzjonijiet politiċi huma bblokati jew diffiċli; jirrikonoxxi li l-libertà u l-kultura huma konnessi ħafna u li d-diplomazija kulturali diġitali hija ta’ interess strateġiku għall-UE;

5.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-libertà artistika, u l-libertà ta’ imitazzjoni u ta’ użu mill-ġdid, bħala elementi fundamentali għall-kreattività u l-libertà ta’ espressjoni u ideat; hu konxju l-preżenza sinifikanti tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet fl-ekosistema tad-drittijiet tal-awtur, speċjalment fl-oqsma tal-ġurnaliżmu, iċ-ċitazzjonijiet, is-satira, l-arkivji, il-libreriji u fl-iżgurar ta’ aċċess għal u tal-użu tal-wirt kulturali;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza b'mod xieraq il-fatt li hemm pajjiżi li qed japplikaw ir-ripressjoni u l-kontroll taċ-ċittadini, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-attivisti, filwaqt li n-negozji f'xi pajjiżi jinvolvu element teknoloġiku akbar f'termini tal-imblukkar tal-kontenut u l-monitoraġġ u l-identifikazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti, l-attivisti u d-dissidenti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni taġixxi kontra l-kriminalizzazzjoni tal-espressjoni leġittima online u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni restrittiva li tiġġustifika tali miżuri; jafferma mill-ġdid, għalhekk li tali prattiċi jmorru kontra l-kriterji ta’ Kopenħagen;

7.  Jenfasizza li r-rikonoxximent u l-implimetazzjoni tal-prinċipji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva mill-fornituri ta’ servizzi tal-internet, l-iżviluppaturi tas-softwer, il-produtturi ta’ ħardwer, is-servizzi/midja ta’ netwerks soċjali, eċċ huma neċessarji sabiex jiġu żgurati l-libertà tal-azzjoni u s-sikurezza tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-libertà ta’ espressjoni;

8.  Jenfasizza li l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertajiet diġitali għandhom jiġu integrati u rieżaminati kull sena biex jassiguraw responsabbiltà u kontinwità fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE, il-politiki u l-istrumenti ta’ finanzjament u għajnuna, taħt it-tmexxija tar-Rappreżentant Għoli u tas-SEAE; jitlob approċċ proattiv f’dan ir-rigward u azzjoni li tiżgura li jkun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni orizzontali bejn u fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-aġenziji rilevanti tal-UE;

9.  Jappoġġja r-rikonoxximent mill-Kummissjoni li l-aċċess sikur għall-internet hu parti mill-kriterji ta’ Kopenħagen u li l-limitazzjonijiet għal-libertà ta' espressjoni, inkluż fuq l-internet, għandhom ikunu ġġustifikati minn neċessità soċjali imperattiva u, b’mod partikolari, għandhom ikunu proporzonati mal-għan leġittimu previst;

10. Hu konxju tat-tħassib dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem online li jeżistu fil-pajjiżi kollha, filwaqt li jirrikonoxxi d-differenzi kritiċi li jaffettwaw il-kuntest li fih jintużaw l-ICTs bħal fil-każijiet tal-eżistenza tal-istat tad-dritt u d-dritt għal rimedju;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza bejn l-azzjonijiet esterni tal-UE u l-istrateġiji interni proprji tal-Kummissjoni meta tkun qed tiddefendi restrizzjonijiet strettament neċessarji u proporzjonati dwar id-drittijiet fundamentali, u fiż-żamma ta’ prinċipji bażiċi tad-dritt internazzjonali, bħal li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-liġi u ma għandhomx jiġu introdotti b’mod ad hoc mill-industrija;

12. Jinkoraġġixxi r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem biex isemmi l-libertajiet diġitali u ‘l-Istrateġija ta’ Mingħajr Skonnettjar’ fost il-prijoritajiet ewlenin tiegħu;

13. Jenfasizza li l-politiki effettivi tal-iżvilupp u tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE jirrikjedu l-integrazzjoni tal-ICTs u t-tnaqqis tad-distakk diġitali, billi jipprovdu infrastrutturi teknoloġiċi bażiċi u jiffaċilitaw l-aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni u jippromwovu l-litteriżmu diġitali madwar id-dinja;

14. Iqis li l-ICTs jiffaċilitaw it-trasparenza u l-governanza tajba, il-litteriżmu, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, il-monitoraġġ effettiv tal-elezzjonijiet u l-għajnuna f’każ ta’ diżastru, b’mod partikolari f’żoni rimoti jew f’soċjetaijiet li qed jiżviluppaw;

15. Jenfasizza li l-politiki fil-qasam tal-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem tal-UE għandhom jinkludu programm ta’ għajnuna li jippromwovi l-libertajiet diġitali , primarjament f’soċjetajiet f’pajjiż mhux demokratċi, kif ukoll f’pajjiżi li għaddejjin minn tranżizzjonijiet postkonflittwali jew politiċi; jemmen li l-esperti regolatorji tal-UE huma interlokuturi essenzjali għall-finijiet tat-taħriġ tal-kontrapartijiet u biex id-drittjiet u l-prinċipji bażiċi jiġu inklużi fir-regolamenti u fil-leġiżlazzjoni l-ġdida (tal-midja) f'pajjiżi terzi; jenfasizza li l-għajnuna fil-forma tal-bini ta’ infrastrutturi għall-ICTs tiġi suġġetta għall-implimentazzjoni u l-preservazzjoni ta’ aċċess miftuħ għall-internet u informazzjoni online; kif ukoll għal-libertà diġitali b’mod aktar ġenerali;

16. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu żviluppati ICTs f'żoni ta' kunflitt sabiex jiġu promossi attivitajiet relatati mal-konsolidazzjoni tal-paċi fil-livell tas-soċjetà ċivili bil-ħsieb li jiġu provduti komunikazzjonijiet sikuri bejn il-partijiet involuti fir-riżoluzzjoni paċifika ta' kunflittti, biex b’hekk jiġu ffaċċjati b’mod attiv l-ostakoli fiżiċi u r-riskji li jaffettwaw il-kuntatti bilaterali għall-persuni u l-organizzazzjonijiet f’dawn iż-żoni;

17. Jittama li l-użu xieraq tat-teknoloġiji ta’ kommunikazzjoni l-ġodda, u b’mod partikolari l-midja soċjali, se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-demokrazija diretta fost iċ-ċittadini tal-UE u tal-pajjiżi terzi billi jinħolqu pjattaformi soċjali għat-tfassil tal-leġiżlazzjoni;

18. Jenfasizza li l-ġbir u t-tixrid diġitali ta’ evidenza ta’ ksur tad-drittjiet tal-bniedem jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda globali kontra l-impunità; iqis li dan il-materjal għandu jkun ammissibbli skont il-liġi internazzjonali (kriminali) bħala prova fi proċedimenti ġudizzjarji;

19. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi assigurat li materjali tal-art rari użati fil-produzzjoni tal-ICTs jinkisbu f’kundizzjonijiet li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u ambjentali, u mhumiex suġġetti għall-prattiċi ta’ monopolju jew suġġetti għal limitazzjoni ta’ aċċess kummerċjali introdotti minħabba raġunijiet strettament politiċi; jemmen li approċċ multilaterali għall-iżgurar ta’ aċċess għal materjal tal-art rari f’kundizzjonijiet umanitarji jikkostitwixxi ħtieġa sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi;

Il-kummerċ

20. Jirrikonoxxi li l-internet sar parti mill-ispazju pubbliku fejn jinħolqu forom ġodda ta' kummerċ transkonfinali, flimkien ma' żvilupp tas-suq innovattiv, kif ukoll interazzjoni soċjali u kulturali; jemmen li l-libertajiet diġitali u l-kummerċ transkonfinali għandhom imorru id f’id biex joħolqu u jottimizzaw l-opportunitajiet ta' negozju għall-kumpaniji Ewropej fl-ekonomija diġitali globali;

21. Huwa konxju li hemm tħassib li kull ma jmur, ċertu nies qed jisimgħu t-terminu "drittijiet tal-awtur" (copyright) u jobogħdu dak li jirrappreżenta; jirrikonoxxi r-rwol importanti li kellha l-politika tal-kummerċ barrani fit-tiswir tal-mekkaniżmi tal-infurzar tad-drittijiet tal-awtur;

22. Jiddeplora l-fatt li teknoloġiji u servizzi magħmula fl-UE huma xi drabi użati f’pajjiżi terzi sabiex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem permezz taċ-ċensura tal-informazzjoni, il-monitoraġġ tal-massa, is-sorveljanza, il-monitoraġġ u l-lokalizzazzjoni taċ-ċittadini u l-attivitajiet tagħhom fin-networks tat-telefonija (mobbli) u fl-internet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-passi neċessarji kollha sabiex twaqqaf dan il-"kummerċ ta’ armi diġitali";

23. Jitlob li jkun hemm projbizzjoni ta' teknoloġiji u servizzi ta' repressjoni għal reġimi awtoritarji; jemmen li din it-tip ta' projbizzjoni għandha tistabbilixxi preċedent għall-miżuri restrittivi strutturali; iqis bħala prudenti, madankollu, li jkun speċifikat li dawn il-projbizzjonijiet għandhom jiġu deċiżi skont il-każ, b'kunsiderazzjoni ta' speċifikazzjonijiet fit-trattatament ta' żoni ta' kunflitt jew reġimi awtoritarji;

24. Jikkunsidra l-prodotti u s-servizzi teknoloġiċi tal-imblukkar immirat, is-sorveljanza, il-monitoraġġ u l-interċettazzjoni bħala beni ta' 'użu uniku', u għalhekk jitlob li tiġi stabbilita lista regolarment aġġornata ta’ pajjiżi li jiksru l-libertà tal-espressjoni fil-kuntest tad-drittijiet tal-bniedem u li l-esportazzjoni lejhom għal oġġetti ta’ ‘użu uniku’ għandha tiġi projbita;

25. Jenfasizza l-bżonn li s-sanzjonijiet tal-UE fuq it-teknoloġiji fil-livell tal-Unjoni għandhom ikunu implimetati u sorveljati sabiex jiġi assigurat li l-Istati Membri jikkonformaw magħhom bl-istess mod u jinżammu l-istess kundizzjonijiet;

26. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkun tista' tipprovdi lill-kumpaniji li jinsabu f’dubju dwar jekk għandhomx japplikaw għal liċenzja tal-esportazzjoni, b’ informazzjoni f’ħin reali dwar il-legalità jew l-effetti potenzjalment dannużi ta’ kuntratti kummerċjali; Dan għandu japplika ukoll għal kumpaniji mill-UE jew li huma bbażati fl-UE li jidħlu f’relazzjonijiet kuntrattwali ma’ gvernijiet ta’ pajjiżi terzi, kemm jekk biex jakkwistaw il-liċenzji ta’ operat jew biex jinnegozjaw il-klawżoli ta’ sospensjoni jew billi jaċċettaw l-involviment pubbliku fl-operazzjonijiet kummerċjali jew l-użu pubbliku tan-networks u s-servizzi tagħhom;

27. Jenfasizza l-importanza ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur fil-kuntest tal-ftehimiet internazzjonali li jikkonċernaw l-ICTs;

28. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta, matul is-sena 2013, l-aktar tard, proposti li jeżiġu aktar trasparenza u responsabilizzazzjoni mill-kumpaniji bbażati fl-UE, kif ukoll l-iżvelar tal-politiki ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jitjiebu l-monitoraġġ ta’ esportazzjonijiet ta’ ICTs, ta’ prodotti u servizzi intiżi għall-imblukkar ta’ websajts, is-sorveljanza tal-massa, it-traċċar u l-monitoraġġ ta’ individwi, l-inċertazzjoni ta' konversazzjonijiet privati (emails) u l-filtraġġ ta’ riżultati ta’ tfittix;

29. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti għal qafas legali tal-UE li jobbliga lill-kumpaniji li jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku fl-Istati Membri biex jagħmlu valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem fuq l-ICTs partikolari, ibda mill-fażi tar-R&Ż, u jiżguraw in-nuqqas ta’ kompliċità fil-ksur possibbli tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi;

30. Jemmen li l-kumpaniji għandhom jiddisinjaw u jimplimentaw prattiki kummerċjali maħsuba biex jimmonitorjaw l-impatt possibbli ta’ prodotti ġodda tal-ICT fuq id-drittijiet tal-bniedem, anke fil-fażi tar-riċerka u l-iżvilupp, u biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm kompliċità fi vjolazzjonijiet possibbli tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi. jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lin-negozji tal-UE b'firxa wiesgħa ta' tagħrif biex tiżgura l-bilanċ korrett bejn l-interessi tan-negozju u r-responsabilità soċjali korporattiva.

31. Jiddeplora, f’dan ir-rigward, l-involviment attiv tal-kumpaniji Ewropej u l-kumpaniji internazzjonali li joperaw fl-UE fil-pajjiżi li l-gvernijiet tagħhom iwettqu politiki ripressivi kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u d-dissidenti politiċi fir-rigward tad-drittijiet diġitali, l-aċċess tal-internet u l-ICTs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni teskludi lill-kumpaniji li qed jipparteċipaw f’tali attivitajiet mill-proċeduri għall-akkwist pubbliku u s-sejħiet għal offerti tal-UE;

32. Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi n-negozji tal-UE b’firxa wiesgħa ta’ informazzjoni u gwida, fuq il-bażi tal-‘Prinċipji ta’ Ruggie’ tan-NU, sabiex jassiguraw il-konformità kemm tal-interessi kummerċjali u tar-responsabilità korporattiva soċjali;

33. Jenfasizza l-ħtieġa li jikkunsidra l-effett tat-twaqqif ta' standards teknoloġiċi għall-ICT u prodotti u servizzi tat-telekom tal-UE, fejn tali prodotti u servizzi jiġu esportati għal pajjiżi terzi fejn kunċetti bħall-‘interċettazzjoni legali’ għandhom implikazzjonijiet differenti, pereżempju fejn l-istat tad-dritt ma jeżistix;

34. Jirrikonoxxi li l-internet sar spazju pubbliku kif ukoll suq fejn il-fluss ħieles ta’ informazzjoni u l-aċċess għall-ICTs huma indispensabbli għalih; huwa tal-fehma, għalhekk, li l-libertajiet diġitali u l-kummerċ ħieles għandhom jiġu promossi u protetti b’mod simultanju sabiex jiġi inkoraġġut u appoġġat l-iskambju ħieles ta’ ideat kif ukoll opportunitajiet kummerċjali akbar għaċ-ċittadini tal-UE f’ekonomija globali li qed issir dejjem aktar diġitali;

35. Jitlob għall-inklużjoni tal-klawsoli tal-kundizzjonalità fil-ftehimiet tal-kummerċ ħieles tal-UE, filwaqt li jiġu stipulati salvagwardji trasparenti li jippreżervaw l-aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-Internet u jiżguraw il-fluss liberu ta’ informazzjoni;

36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-mandati għal negozjati kummerċjali multilaterali u bilaterali, kif ukoll l-andament tan-negozjati nfushom, iwasslu b'mod effikaċi biex jintlaħqu objettivi importanti tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-promozzjoni tal-valuri demokratiċi tagħha u l-istat ta’ dritt, ir-realizzazzjoni ta' suq diġitali uniku ġenwin u r-rispett għall-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp;

37. Jistieden lill-UE tipprovdi appoġġ politiku lill-kumpaniji Ewropej li f’pajjiżi terzi qed jiġu mitluba jneħħu kontenut maħluq mill-utent jew jipprovdu tagħrif personali b’mod li jikser id-drittijiet fundamentali u jrażżen il-libertà li jsir negozju

38. Jistieden lill-UE tisfida u timminimizza l-impatt extraterritorjali tal-leġiżlazzjoni ta' pajjiż terz fuq iċ-ċittadini u n-negozji tal-UE online;

39. Jinnota li l-kummerċ elettroniku żviluppa barra l-oqfsa regolatorji tradizzjonali tal-kummerċ. jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni internazzjonali akbar fid-WTO u fil-WIPO biex jiġi mħares is-suq diġitali globali u jiġi żgurat l-iżvilupp tiegħu; jitlob li fid-WTO jsiru reviżjoni u aġġornament tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) li hemm fis-seħħ attwalment u li l-UE tesplora l-possibilitajiet ta’ Ftehim dwar Ekonomija Diġitali Internazzjonali (IDEA);

40. Jistieden lill-Kummissjoni ma tittrasferixxix l-infurzar u t-talbiet tad-drittijiet tal-awtur lill-operaturi ekonomiċi fil-ftehimiet kummerċjali futuri, kif ukoll tiżgura li l-azzjonijiet li jinterferixxu mal-liġi tal-libertà tal-internet ikunu jistgħu jitwettqu biss skont l-istat tad-dritt u b'awtorità ġudizzjarja;

41. Iqis li l-aċċess ristrett tan-negozji u tal-konsumaturi online tal-UE għas-swieq (diġitali) permezz ta’ ċensura tal-massa f’pajjiżi terzi jikkostitwixxi miżuri protezzjonisti u ostakli għall-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija biex tiġġieled il-miżuri meħuda minn pajjiżi terzi li jirrestrinġu l-aċċess għan-negozji tal-UE għas-swieq online tagħhom;

42. Jitlob lill-UE tistinka biex tassigura li r-regolazzjoni tal-internet u l-ICTs tinżamm f'livell ġustifikat u xieraq u sseħħ biss meta l-UE tqis li hija neċessarja;

43. Jitlob l-inklużjoni ta’ teknoloġiji ta’ ripressjoni mmirati fil-Ftehim Wassenaar;

44. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna jipprovdu appoġġ politiku lill-kumpaniji tal-UE li joperaw f'pajjiżi terzi fejn jiffaċċjaw talbiet biex ineħħu l-kontenut iġġenerat mill-utenti, irażżnu l-libertà tas-servizzi jew jipprovdu informazzjoni personali b'tali mod li jikser id-drittijiet fundamentali; jindika li l-impriżi diġitali ħafna drabi joperaw mingħajr fruntieri, u li l-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi terzi tista' taffettwa b'mod negattiv lill-utenti u l-konsumaturi Ewropej; għalhekk, jistieden ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-impatt ta' leġiżlazzjoni ta' pajjiż terz fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi li joperaw fl-UE jkun minimizzat;

45. Jinnota li involviment u regolamentazzjoni akbar mill-gvernijiet ixekklu n-natura miftuħa u mhux ristretta tal-internet, u b’hekk ikunu qed jillimitaw il-potenzjal li jkun hemm aktar kummerċ elettroniku u jirrestrinġu lin-negozji tal-UE li joperaw fl-ekonomija diġitali; jemmen li approċċ li jkun jinvolvi partijiet interessati multipli joffri l-aħjar approċċ biex jiġi żgurat bilanċ bejn l-interess pubbliku u dak privat fuq l-internet u s-suq globali; jitlob li jsir sforz internazzjonali biex tinbena l-infrastruttura meħtieġa biex tkun tista’ sseħħ l-espansjoni tal-ekonomija diġitali, inklużi reġimi regolatorji liberali, u jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżidu l-benefiċċji reċiproċi skont il-prinċipju tal-kummerċ għall-bidla;

46. Iqis li r-restrizzjoni tal-aċċess tan-negozji tal-UE għas-swieq diġitali u l-konsumaturi online permezz, fost affarijiet oħra, ta' ċensura statali tal-massa jew aċċess ristrett għas-suq għall-fornituri Ewropej tas-servizzi online f’pajjiżi terzi tikkostitwixxi ostakolu għall-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkludu mekkaniżmu ta’ salvagwardja fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-futur, u speċjalment dawk li jkun fihom dispożizzjonijiet li jaffettwaw is-servizzi online u l-komunitajiet ta' utenti online li jaqsmu l-informazzjoni, bil-għan li jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-ICT tal-UE ma jkunux meħtieġa minn partijiet terzi li jirrestrinġu l-aċċess għall-websajts, ineħħu kontenut maħluq mill-utent jew jipprovdu tagħrif personali b’modi li jikkontravjenu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jistieden barra minn hekk lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżviluppaw strateġija biex tisfida l-miżuri meħuda minn pajjiżi terzi li jirrestrinġu l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE għas-swieq online globali;

47. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta' qafas regolatorju ġdid dwar l-esportazzjonijiet ta' użu doppju, li jkun jindirizza l-esportazzjoni potenzjalment dannuża ta' prodotti u servizzi tal-ICT lejn pajjiżi terzi u li jkun jipprevedi rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ għall-Kummissjoni;

IL-governanza tal-Internet

48. Iqis li t-teħid ta’ deċiżjonijiet li jkun trasparenti u kollaborattiv huwa essenzjali biex jassigura r-rispett lejn in-natura miftuħa u parteċipatorja tal-internet; iqis li kwalunkwe dibattitu fuq ir-regolamenti li jikkonċernaw l-internet għandu jkun kemm jista’ jkun miftuħ u jinvolvi l-partijiet interessati kollha, speċjalment dawk interessati fil-protezzjoni tad-drittijiet fondamentali kif ukoll utenti ta' kuljum tal-internet; jemmen li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp tar-regoli bażiċi tal-libertà diġitali u n-normi ta’ mġiba fiċ-ċiberspazju, inkluż fil-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, filwaqt li tqis ukoll il-ġurisdizzjonijiet konflittwali;

49. Jinnota li fil-preżent, l-istruttura tal-internet hija relattivament nieqsa mir-regolamenti u li hi governata b’approċċ li jinkludi ħafna partijiet interessati; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tassigura li l-mudell b’ħafna partijiet interessati jkun inklussiv u li n-negozji żgħar, kif ukoll l-atturi tas-soċjetà ċivili u l-utenti ma jiġux maħkuma minn ftit negozji kbar u parteċipanti tal-gvern;

50. Iqis li l-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet u l-atturi privati fuq kwistjonijiet li jirrgwardaw l-ICT ma għandhiex tkun ibbażata fuq l-impożizzjoni ta’ obbligi diretti u indiretti fuq l-ISPs sabiex jiġu adottati liġijiet permezz tas-sorveljanza u r-regolamentazzjoni tal-internet.

51. Jenfasizza l-importanza ta’ strateġija ġenerali tal-UE għall-governanza tal-internet, kif ukoll għal kwestjonijiet relatati mar-regolamenti tat-telekomunikazzjonijiet, u fakkar li s-settur jitmexxa internazzjonalment permezz tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet, fejn l-Istati Membri tal-UE kollha jkollhom vot wieħed;

52. Huwa mħasseb dwar il-proposti tal-koalizzjonijiet tal-gvernijiet u tan-negozji li jippruvaw jintroduċu sorveljanza regolatorja u żieda fil-kontroll governattiv u privat fuq l-internet u fuq l-operazzjonijiet tat-telekom;

53. Jistieden lill-UE tindirizza u tirreżisti l-impatt extraterritorjali tal-liġijiet ta' pajjiżi terzi, speċifikament il-liġijiet dwar l-IPR tal-Istati Uniti, fuq iċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-impriżi tal-UE; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr l-Istrateġija tagħha għall-Cloud Computing madwar l-UE kif evidenzjat fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa;

54. Ifakkar li l-Internet, il-konnessjoni u l-ħżin tad-data u l-ICTs huma partijiet essenzjali mill-infrastruttura kritika tal-UE;

55. Jiddispjaċih għall-pressjoni fl-UE għal aktar setgħat sabiex jiġu bblukkati websajts, li għandha tkun miżura għal meta ma jkunx hemm għażla oħra possibbli;

56. Jappoġġa bis-sħiħ il-prinċipju tan-newtralità tan-net, jiġifieri li fornituri tas-servizzi tal-internet ma jimblukkawx, ma jiddiskriminawx kontra, ma jxekklux, jew ma jiddegradawx, anki permezz ta’ tariffi, l-abilità ta' kwalunkwe persuna li tuża servizz biex ikollha aċċess, tuża, tibgħat, tippowstja, tirċievi, jew toffri kwalunkwe kontenut, applikazzjoni, jew servizz tal-għażla tagħha irrispettivament mis-sors jew il-mira;

57. Iqis li hija meħtieġa aktar kooperazzjoni globali biex jiġu appoġġati u modernizzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-ġejjieni, peress li din hija vitali biex jiġu żgurati l-innovazzjoni, l-impjiegi u l-kummerċ dinji miftuħ;

58. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw il-politika tal-IPR sabiex dawk li jixtiequ jkomplu joħolqu l-kontenut tagħhom stess u jaqsmuh mal-oħrajn mingħajr l-akkwist ta' IPR jitħallew jagħmlu hekk;

59. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi qafas regolatorju ġdid għall-kummerċtranskonfinali online, valutazzjoni u reviżjoni tad-Direttiva 2001/29/KE dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex jiġu garantiti l-prevedibbiltà u l-flessibbiltà fl-ambitu tar-reġim tad-dritt tal-awtur tal-UE u reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRED), li jistgħu jibbilanċjaw il-ħtieġa għar-riforma dwar id-drittijiet tal-awtur u l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali online u li jiġi ppreservat l-internet miftuħ u li jista’ jservi bħala bażi għad-dispożizzjonijiet tal-IPR u l-impenji fl-FTAs tal-futur;

Strateġija tal-libertà diġitali

60. Jirrikonoxxi li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ukoll jiġu protetti online, u jemmen li l-ICTs għandhom jiġu integrati fil-programmi kollha tal-UE, b’mod partikolari fil-Politika Ewropea tal-Viċinat u fl-isħubijiet strateġiċi, biex imexxu dan l-isforz;

61. Jitlob li l-UE tirrikonoxxi l-libertajiet diġitali bħala drittijiet fundamentali u bħala prerekwiżiti indispenabbli għat-tgawdija tad-drittijiet universali tal-bniedem bħall-privatezza, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà ta’ għaqda u l-aċċess għall-informazzjoni u jiżguraw it-trasparenza u r-responsabilità fil-ħajja pubblika;

62. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jappoġġaw, jagħtu t-taħriġ u s-setgħa lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u l-ġurnalisti li jużaw l-ICTs fl-attivitajiet tagħhom u jassiguraw id-drittijiet fundamentali tal-privatezza, tal-libertà ta’ espressjoni, il-libertà ta’ għaqda u l-libertà tal-assoċjazzjoni online;

63. Jitlob lill-Istati Membri biex ma jużawx l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku bħala miżura ristrettiva sabiex jiġu limitati d-drittijiet fundamentali ta’ asssemblea u demostrazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jfakkar li tali eċċezzjoni għandha tkun immotivata u proporzjonata;

64. Jitlob appoġġ politiku u diplomatiku għal-libertajiet diġitali fil-pajjiżi reċipjenti tal-għajnuna tal-UE, minbarra l-programmi ta’ assistenza;

65. Iqis li r-restrizzjoni tal-libertajiet diġitali għandha titieħed kompetament inkunsiderazzjoni fir-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi, filwaqt li dawk li jirċievu l-assistenza u l-għajnuna mill-UE, ħlief dawk il-pajjiżi li jinsabu f'kunflitt qawwi li jbatu minn diżastri jew li jinsabu f'sitwazzjonijiet ta' post-kunflitt jew ta' post-diżastru, għandhom jiġu rikjesti jużaw l-ICTs sabiex iżidu t-trasparenza u r-responsabilità;

66. Iħeġġeġ lill-Kunsill u l-Kummissjoni jinkludu fin-negozjati tal-adeżjoni u n-negozjati ta’ ftehimiet qafas ma’ pajjiżi terzi, id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, in-negozjati dwar il-kummerċ u l-forom kollha ta’ kuntatt relatat mad-drittijiet tal-bniedem, il-klawsoli tal-kundizzjonalità li jistipulaw il-ħtieġa li jiġi garantit u rispettat l-aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-internet u l-libertajiet diġitali;

67. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill jippromwovu u jippreservaw standards għoljin ta’ libertà diġitali fl-UE, partikolarment billi jikkodifikaw il-prinċipju tan-newtralità tan-net permezz ta' regolamenti adegwati, sabiex isaħħu l-kredibilità tal-Unjoni rigward il-promozzjoni u d-difiża tal-libertajiet diġitali madwar id-dinja;

68. Iqis li l-ħolqien ta’ sinerġija tal-politiki tal-UE dwar il-kummerċ, is-sigurtà u l-politika barranija u l-allinjament tal-valuri u l-interessi tagħhom huma indispensabbli biex l-Unjoni tkabbar il-poter ekonomiku tagħha u taġixxi bħala attur globali fid-difiża tal-libertajiet diġitali;

69. Iqis li l-koordinazzjoni u l-inizjattivi diplomatiċi konġunti mal-pajjiżi tal-OECD l-oħra fl-iżvilupp u l-eżekuzzjoni ta’ strateġija ta’ libertà diġitali huma essenzjali għal azzjoni effiċjenti u rapida;

70. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw Starteġija ta’ Libertà Diġitali fil-politika barranija tal-UE kemm jista’ jkun malajr;

71. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni u lill-SEAE.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Libertà Diġitali fl-Azzjonijiet Esterni tal-UE

L-internet u t-teknoloġiji l-ġodda għandhom rwol esponenzjalment importanti fil-ħajja tal-Ewropej u taċ-ċittadini f’kull pajjiż. Fil-livell globali, it-teknoloġiji qed ibiddlu s-soċjetajiet, il-funzjonament tad-demokraziji, l-ekonomiji, in-negozji, il-midja tagħna, l-istrateġiji tal-iżvilupp, it-tħassib dwar is-sigurtà u d-difiża u l-kwestjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Dan qed iħarbat il-monopolji tal-informazzjoni u tas-setgħa li għal żmien twil ma ġewx ikkontestati.

Bosta Stati Membri tal-UE identifikaw l-aċċess għall-internet bħala dritt fundamentali, u l-Kummissjoni Ewropea taqbel li l-libertajiet diġitali huma parti mill-kriterji ta’ Kopenħagen. F’dinja li tinsab konnessa globalment, l-UE għandu jkollha strateġija li tirregola t-teknoloġiji l-ġodda fl-azzjonijiet esterni tagħha. F’diversi oqsma f’din id-dinja diġitali, huwa essenzjali li l-UE taġixxi bħala attur globali u żżid ir-rilevanza ekonomika u politika tagħha. Għalkemm ir-regolazzjoni żejda tista’ tkun aktar ta’ dannu milli ta’ ġid għall-potenzjal ta’ internet miftuħ, ir-regoli għandhom jiġu aġġornati f’ċerti oqsma biex jaqblu mal-impatt revoluzzjonarju tal-iżviluppi teknoloġiċi u biex ikun hemm kontroll demokratiku adegwat.

Din id-dikjarazzjoni spjegatorja tappoġġa l-abbozz tal-ewwel Strateġija ta’ Libertà Diġitali tal-UE fl-Azzjonijiet Esterni tagħha. Id-dokument ta’ diskussjoni ġie kondiviż bejn il-Membri tal-Parlament Ewropew u tqiegħed online biex jistieden diversi partijiet interessati jipprovdu input permezz ta’ għajnuna minn sorsi varji (crowd-sourcing). L-input provdut minn diversi persuni, l-NGOs, il-gvernijiet u n-negozji għen biex jinħoloq l-ewwel abbozz b’mod li jkun aktar komprensiv. Ir-Rapporteur tinsab grata lejn min qatta’ ħin u enerġija fuq kull waħda minn dawn il-kontributi.

Is-Sigurtà u l-Ħelsien

It-teknoloġiji l-ġodda jisfidaw il-mod li bih il-gvernijiet iwettqu x-xogħlijiet prinċipali tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, id-difiża u s-sigurtà huma f’idejn il-gvern; madankollu, dawn qed jiddependu dejjem aktar fuq l-atturi privati. Dan jirrikjedi forom ġodda ta’ koperazzjoni u l-qsim tar-responsabilitajiet. Minħabba l-importanza tal-iżvilupp dettaljat tad-dettalji tas-sigurtà ċibernetika u diġitali, l-abbozz tar-rapport tar-Rapporteur Kelam fil-Kumitat SEDE jiffoka fuq is-sigurtà. Dan ir-rapport jissuġġerixxi strateġija li tirregola d-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp, it-tkabbir, il-governanza tal-internet, il-kummerċ, il-kultura u l-isforzi diplomatiċi tal-UE.

Il-libertà u s-sigurtà għandhom bżonn xulxin u ma jistgħux jissostitwixxu lil xulxin. Il-Parlament Ewropew għandu jiżgura li ma jkunx hemm logħba strettament kompetittiva bejn it-tnejn, speċjalment rigward il-kwestjonijiet diġitali u ċibernetiċi. Minħabba l-politika komuni tas-sigurtà u d-difiża tal-UE, kif ukoll l-interessi ekonomiċi tagħha, għandna mmexxu globalment billi niżguraw is-sigurtà u l-libertà diġitali.

Drittijiet tal-Bniedem

Jekk nagħtu ħarsa ħafifa lejn xi avvenimenti fid-dinja, nistgħu naraw li l-ġlieda għad-drittijiet tal-bniedem qed issir online. Il-ħabsijiet jinsabu dejjem aktar popolati b’dissidenti kkonfrontati mill-komunikazzjonijiet tagħhom stess fl-internet u mobbli, li jiġu kompromessi mill-awtoritajiet. L-Iran qed ikompli jibni ħajt elettroniku, li eventwalment se jaqta’ lill-Iranjani mill-World Wide Web permezz tal-ħolqien ta’ ‘Halal internet’. Iċ-Ċina, bl-istess mod, qed taqta’ liċ-ċittadini mill-internet miftuħ permezz ta’ firewall elettroniku kbir. Iċ-ċensura tal-massa tikser id-drittijiet taċ-ċittadini u tillimita l-opportunitajiet tan-negozju. Qed jitħejjew pjanijiet biex il-blogging anonimu fiċ-Ċina jsir illegali. Il-gvern passat ta’ Ben Ali fit-Tuneżija u r-reġim ta’ Al Assad fis-Sirja huma magħrufa tajjeb għall-użu soffistikat tagħhom tat-teknoloġiji kontra ċ-ċittadini. L-Armata Elettronika Sirjana qed tkun suġġetta għal sanzjonijiet ad hoc tal-UE.

Ġeneralment, il-ġlieda għall-kontroll u l-poter minn reġimi awtoritarji qed tinvolvi komponent dejjem akbar tal-ICT. Il-promozzjoni u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem tfisser li n-nies ikunu jistgħu jevitaw iċ-ċensura tal-massa jew jevitaw l-attakki ċibernetiċi mill-gvernijiet tagħhom stess. Filwaqt li jħarrġu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u d-dissidenti għandhom itejbu s-sikurezza online tagħhom u joħolqu sett ġdid ta’ sensitivitajiet u dipendenza potenzjalment perikoluża fuq l-eżattezza u l-kwalità tal-gwida. Din ir-responsabilità m’għandhiex tkun sottovalutata u għandha tiġi riflessa fil-modi u fil-mezzi li nużaw biex ngħinu lin-nies jassiguraw il-libertà u s-sigurtà tagħhom online. Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ħaqqhom l-appoġġ tal-UE u f’kull każ, m’għandhomx jiġu attakkati bi strumenti u teknoloġiji li ġew żviluppati u esportati mill-UE.

Il-kummerċ u l-esportazzjonijiet

Minbarra r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet ad hoc u s-sanzjonijiet fuq il-kummerċ dwar strumenti intrusivi ta’ monitoraġġ, il-ħajja reali li tinsab f’konnessjoni diġitali u globali titlob li jkun hemm sensibilizzazzjoni u responsabilità f’boardrooms korporattivi Ewropej. Din teħtieġ ukoll restrizzjonijiet komprensivi u permanenti fuq l-esportazzjoni biex tillimita l-potenzjal dannuż ta’ sistemi ta’ teknoloġija sofistikati u b’mira speċifika. It-teknoloġiji, l-istrumenti jew is-servizzi li huma mfassla apposta għal ksur immirat tad-drittijiet tal-bniedem b’mod assolut m’għandhomx jiġu permessi fis-swieq Ewropej. Dawn is-sistemi għandhom jiġu kategorizzati bħala teknoloġiji b’użu uniku u l-impatt tagħhom huwa l-istess bħal dak ta’ strumenti pprojbiti li jintużaw għat-tortura jew (partijiet ta’) armi tal-qerda tal-massa.

Filwaqt li l-projbizzjonijiet riċenti fuq l-esportazzjoni tal-UE ta’ ċerti elementi tat-teknoloġiji lejn is-Sirja u l-Iran huma pass inizjali importanti, huma qed jiriskjaw li jsiru realtà li tinsab biss fuq il-karti, filwaqt li qed jheddu l-kredibilità u s-sikurezza taċ-ċittadini li jaħsbu li jistgħu joqogħdu fuq l-isforzi u l-wegħdiet tal-UE. Minflok ma tħalli l-infurzar f’idejn l-Istati Membri differenti, il-Kummissjoni Ewropea għandu jkollha s-setgħat u l-istrumenti biex tissorvelja l-implimentazzjoni xierqa ta’ dawn ir-restrizzjonijiet. It-trasparenza u r-responsabilità huma meħtieġa f’dan il-qasam, b’mod simili li jixbah lil dak tal-verifika tal-kwalità tal-ikel u tal-mediċina jew ta’ armi konvenzjonali. Dan jirrikjedi politiki ġodda bħal rekwiżiti għal żvelar mhux finanzjarju u standards aġġornati ta’ rappurtar.

Addizzjonalment, il-Kummissjoni Ewropea għandha tgħin lill-kumpaniji li jinsabu f’dubju dwar jekk għandhomx japplikaw għal liċenzja tal-esportazzjoni, billi tipprovdilhom informazzjoni f’ħin reali dwar il-legalità jew l-effetti potenzjalment dannużi tal-kummerċ. L-istess japplika għal kumpaniji (bbażati) fl-UE li jidħlu f’relazzjonijiet kontraenti ma’ gvernijiet ta’ pajjiżi terzi biex jakkwistaw il-liċenzji tat-tħaddim, jinnegozjaw il-klawżoli ta’ sospensjoni jew billi jaċċettaw l-involviment pubbliku fl-operazzjonijiet kummerċjali jew l-użu pubbliku tan-networks u s-servizzi tagħhom. Dan jista’ jisforza lil dawn in-negozji jsiru kompliċi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Għalhekk, l-UE għandha tagħmel il-konklużjoni ta’ ftehimiet ġodda ta’ kummerċ ħieles dipendenti fuq l-ippreservar tal-internet miftuħ, jew tipprovdi appoġġ politiku (pubbliku) ad hoc f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

Il-kambjament fil-bilanċ tas-setgħat globali u l-emerġenza ta’ ekonomija globali jfisser sfidi għall-valuri tal-UE billi n-negozji li joperaw barra mill-pajjiż qed isiru iktar spissi u jeħtieġu sforzi konġunti mal-leġiżlaturi Ewropej u l-atturi tas-soċjetà ċivili.

Żvilupp

L-UE għandha tagħmel il-politiki għall-iżvilupp tagħha aktar effiċjenti u effikaċi billi tinvolvi l-ICTs. L-UE tista’ tgħin biex tnaqqas id-distakk diġitali; billi tibni u tistalla infrastrutturi bażiċi tal-ICT u billi tipprovdi aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni. L-UE tista’ tiffaċilita l-edukazzjoni (online) f’żoni rimoti billi tiżviluppa u tipprovdi “tablets” li ma jiswewx ħafna flus u b’konnessjoni mingħajr fili, li tippermetti l-ġenituri jħallu t-tfal jattendu l-iskola. Għandhom jitwaqqfu telefown ta’ emerġenza u konnessjonijiet tal-internet ad hoc fl-ewwel sigħat kritiċi wara diżastri naturali jew waqt kriżi umanitarja. L-ICTs huma wkoll essenzjali għall-monitoraġġ effettiv tal-elezzjoni (miċ-ċittadini).

Il-programmi għall-iżvilupp għandhom, għalhekk, jinkludu l-protezzjoni tal-libertajiet diġitali b’mod strutturali, partikolarment billi jispiraw dawn l-ideat minn kmieni fit-tranżizzjonijiet postkonflittwali jew politiċi. Ir-regolaturi tal-UE jew l-esperti regolatorji għandhom jinvolvu ruħhom mal-kontrapartijiet tagħhom. L-integrazzjoni tal-prinċipji tad-drittijiet bażiċi fil-leġiżlazzjoni ġdida (tal-midja) hija salvagwardja essenzjali u għandha tipprevjeni li tiġi inkluża dispożizzjoni fil-liġijiet, bħal dik li tagħmel il-kriptaġġ illegali, kif qed isir fil-preżent fl-Eġittu. Dawn il-liġijiet jista’ jkollhom effetti mhux intenzjonati fuq id-drittijiet tal-bniedem li l-gvernijiet ġodda jew eletti (għall-ewwel darba) mhumiex neċessarjament konxji dwarhom.

L-internet u partikolarment il-midja soċjali jiffaċilitaw ukoll lill-gvernijiet biex jimpenjaw ruħhom f’diplomazija diretta u jippermettu aktar kuntatt bejn in-nies fid-dinja kollha. Id-dibattiti miftuħa dwar l-ideat jistgħu jirrifjutaw l-estremiżmu u jtejbu l-involviment u l-ftehim interkulturali. Il-Parlament Ewropew għandu jimpenja ruħu biex jinkludi t-teknoloġiji l-ġodda fil-ħidma tad-delegazzjonijiet tiegħu ma’ Parlamenti oħra madwar id-dinja, u se jissorvelja l-progress magħmul u l-miżuri konkreti meħuda biex titfassal strateġija tal-UE dwar il-libertà diġitali fir-relazzjonijiet esterni tagħha. Il-valutazzjoni proposta fir-rapporti annwali għandha tiżgura r-responsabilità u l-kontinwità.

Il-kredibilità

L-UE ma tistax tippromwovi u tipproteġi l-libertajiet diġitali fid-dinja b’mod kredibbli jekk dawn ma jiġux salvagwardjati f’darha stess. Għalkemm ir-restrizzjonijiet għal-libertà online huma kultant formalment legali, hemm ukoll l-impatt ġenerali fuq il-kredibilità tagħna u l-fehim morali tad-dinja. B’mod aktar urġenti, l-istess strumenti u teknoloġiji li jistgħu jużaw il-gvernijiet u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tagħna biex jinterċettaw (legalment) it-traffiku mobbli jew tal-internet, jista’ jkollhom impatt fundamentalment differenti fuq iċ-ċittadini fis-soċjetajiet fejn l-istat tad-dritt huwa nieqes jew fejn ma teżisti l-ebda diviżjoni tas-setgħat.

Fil-preżent, il-Kummissjoni Ewropea qed tiżviluppa sett ta’ linji gwida għad-drittijiet tal-bniedem (u wkoll responsabilità soċjali korporattiva aktar wiesa’) għas-settur tal-ICT, fuq il-bażi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (il-prinċipji ta’ Ruggie). Filwaqt li dawn il-linji gwida mhux se jorbtu l-kumpaniji Ewropej legalment, huma jistgħu ikunu qafas utli għal kumpaniji ICT biex jintegraw it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem u jwettqu l-valutazzjonijiet tal-impatt, anki fil-fażi tar-R&Ż jew waqt l-applikazzjoni għal privattivi. Dawn il-linji gwida jistgħu jikkontribwixu għal kundizzjonijiet indaqs fis-suq intern tal-UE.

IL-governanza tal-Internet

L-internet qed jitmexxa b’ approċċ li jinkludi ħafna partijiet interessati (l-hekk maħruf “multistakeholder approach”), li oriġinarjament ġie żviluppat f’network ta’ atturi pubbliċi u privati. Dan l-approċċ assigura l-ftuħ tal-internet, li huwa katalizzatur għal diversi benefiċċji soċjetali. Il-mudell li jinkludi ħafna partijiet interessati (“multi-stakeholder”) jista’ jiffunzjona b’mod xieraq meta jkun inklussiv sabiex in-negozji żgħar, l-utenti u l-konsumaturi jkunu jistgħu jipparteċipaw.

Fil-preżent, hemm żewġ affarijiet li qed jheddu s-sistema ta’ governanza. Il-pajjiżi żviluppati qed jabbozzaw leġiżlazzjoni fil-magħluq, filwaqt li hemm ftit wisq partijiet korporattivi interessati li huma involuti fil-proċedimenti. Sadanittant, l-impatt tal-liġijiet proposti jaffettwa l-infrastruttura tal-internet innifisha. Il-maġġorparti tan-nies mhumiex konxji tal-fatt li l-koalizzjonijiet tal-ekonomiji emerġenti qed jgħaqqdu l-forzi tagħhom biex jintroduċu qafas regolatorju globali għall-internet, inkluż li jżidu l-kontroll tal-istat u jistabbilixxu korp regolatorju tan-NU. Bdiet era ġdida ta’ politika tal-internet globali.

Filwaqt li l-UE huwa s-suq l-aktar sinifikanti tad-dinja, diversi kumpaniji tal-internet huma bbażati fl-Istati Uniti, li jobbliga ċ-ċittadini Ewropej jaċċettaw il-kundizzjonijiet tal-utenti tal-Istati Uniti. Peress li bosta servizzi online huma bbażati fl-Istati Uniti, l-utenti tal-internet fid-dinja kollha spiss jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti meta jużaw dawn is-servizzi. Dan l-impatt extraterritorjali tal-liġijiet tal-Istati Uniti m’għandux jillimita l-abilità tal-UE li tiddefendi d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini. Il-leġiżlaturi jridu jifhmu li f’dinja konnessa globalment, il-parametri dinjija tal-leġiżlazzjoni qed jinbidlu l-ħin kollu u l-kunċetti tradizzjonali tal-ġurisdizzjonijiet spiss ma jaqblux mal-emisfera diġitali globali tagħna. Dan, madankollu, ma jipprekludix il-possibilità ta’ mekkaniżmi effiċjenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim jew tal-indirizzar ta’ ġurisdizzjoni kunflittwali.

Strateġija tal-Libertà Diġitali

Il-libertajiet diġitali tagħna huma drittijiet essenzjali u huma indispensabbli għad-drittijiet tal-bniedem tradizzjonali bħal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta’ għaqda, u wkoll biex jassiguraw it-trasparenza u r-responsabilità fil-ħajja pubblika. Aħna lkoll naraw l-impatt tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jista’ jiġi dokumentat u maqsum ma’ ħaddieħor bl-għajnuna tat-telefowns ċellulari. L-UE għandha tieħu rwol ta’ tmexxija fil-promozzjoni u l-protezzjoni globali tal-libertajiet diġitali. Minbarra li hi l-akbar blokka kummerċjali tad-dinja, l-UE hija wkoll komunità ta’ valuri u dan għandu wkoll ikun il-qofol tal-azzjonijiet esterni kollha tagħna.

Huwa biss permezz tas-sinerġizzazzjoni tal-politiki tal-kummerċ, tas-sigurtà u barranin tagħna u billi nallinjaw il-valuri u l-interessi tagħna li l-UE tkun tista’ tkabbar is-setgħa tagħha u taġixxi bħala attur globali. Peress li t-teknoloġija qed tiżviluppa b’mod daqshekk rapidu, jeħtieġ li titjieb il-kollaborazzjoni bejn il-politikanti, in-negozji u s-soċjetà ċivili. Dan il-bilanċ kontinwu jista’ jaqdi bl-aħjar mod sabiex ikun hemm internet globali miftuħ, għall-benefiċċju ta’ kulħadd.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (19.9.2012)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE
(2012/2094(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Amelia Andersdotter

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi li l-internet sar parti mill-ispazju pubbliku fejn jinkisbu forom ġodda ta' kummerċ transkonfinali u żvilupp tas-suq innovattiv, kif ukoll interazzjoni soċjali u kulturali; jemmen li l-libertajiet diġitali u l-kummerċ transkonfinali għandhom imorru id f’id biex joħolqu u jottimizzaw l-opportunitajiet ta' negozju għall-kumpaniji Ewropej fl-ekonomija diġitali globali;

2.  Iqis ċerti teknoloġiji ġodda bħala aġenti tat-tibdil u li jistgħu potenzjalment ikunu ta’ benefiċċju għal-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-opportunitajiet ta' negozju; jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-internet u l-libertajiet diġitali fin-negozjati kummerċjali futuri bħala aġenti tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-ftehimiet tal-kummerċ ħieles, iqisu l-possibilità li jimplimentaw salvagwardji oġġettivi u trasparenti maħsuba biex jippreservaw aċċess mhux ristrett għall-internet miftuħ u jiżguraw iċ-ċirkolazzjoni libera tal-informazzjoni u s-servizzi relatati skont il-leġiżlazzjoni eżistenti; jitlob barra minn hekk, li jkun hemm stateġija biex tippromwovi soluzzjonijiet ta' softwer u ħardwer indipendenti għall-promozzjoni ta' parteċipazzjoni demokratika attiva fis-soċjetà min-naħa taċ-ċittadini, partikolarment l-utenti tal-internet li jieħdu sehem fil-kummerċ online;

3.  Huwa konxju dwar it-tħassib li kull ma jmur, ċertu nies qed jisimgħu t-terminu drittijiet tal-awtur u jobogħdu dak li jirrappreżenta; jirrikonoxxi r-rwol importanti li kellha l-politika tal-kummerċ barrani fit-tiswir tal-mekkaniżmi tal-infurzar tad-drittijiet tal-awtur;

4.  Jirrikonoxxi li l-protezzjoni xierqa tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali (IPR) hija għodda għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) u l-midja, u għall-innovazzjoni teknika; jifhem li l-Istrateġija dwar il-Libertà Diġitali u l-Politika Kummerċjali Komuni jistgħu jintużaw bħala għodda biex jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi tal-proprjetà intelletwali huma definiti b'mod ċar u protetti bl-aħjar mod possibbli; jiddispjaċih bit-telf li ġarrbu l-intraprendituri u ċ-ċittadini Ewropej minħabba l-fatt li dawn l-objettivi ma ntlaħqux;

5.  Iqis li hija meħtieġa aktar kooperazzjoni globali biex jiġu appoġġati u modernizzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-ġejjieni, peress li din hija vitali biex jiġu żgurati l-innovazzjoni, l-impjiegi u l-kummerċ dinji miftuħ;

6.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw il-politika tal-IPR sabiex dawk li jixtiequ joħolqu l-kontenut tagħhom stess u jaqsmuh mal-oħrajn mingħajr l-akkwist ta' IPR, ikomplu jippermettulhom jagħmlu hekk;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex finalment tressaq proposta għal direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur fid-dominju diġitali li tkun imfassla skont il-ħtiġijiet preżenti, ħalli jkunu jistgħu jintlaħqu ftehimiet mas-sħab tagħna fil-kummerċ fuq il-bażi ta’ liġi Ewropea moderna;

8.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna jipprovdu appoġġ politiku lill-kumpaniji Ewropej li joperaw f'pajjiżi terzi fejn jiffaċċjaw talbiet biex ineħħu l-kontenut iġġenerat mill-utenti, irażżnu l-libertà tas-servizzi jew jipprovdu informazzjoni personali b'tali mod li jikser id-drittijiet fundamentali; jindika li l-impriżi diġitali ħafna drabi joperaw mingħajr fruntieri, u li l-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi terzi tista' taffettwa b'mod negattiv lill-utenti u l-konsumaturi Ewropej; għalhekk, jistieden ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-impatt ta' leġiżlazzjoni ta' pajjiż terz fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi li joperaw fl-UE jkun minimizzat;

9.  Jinnota li l-kummerċ elettroniku żviluppa barra l-oqfsa regolatorji tradizzjonali u standard tal-kummerċ; jisħaq fuq kemm hu importanti li jkun hemm kooperazzjoni internazzjonali akbar fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali (WIPO) biex jitħares is-suq diġitali globali u jiġi żgurat l-iżvilupp tiegħu. jitlob li fid-WTO jsiru reviżjoni u aġġornament tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) li hemm fis-seħħ attwalment u li l-UE tesplora l-possibilitajiet ta’ Ftehim dwar Ekonomija Diġitali Internazzjonali (FEDI);

10. Jinnota li involviment u regolamentazzjoni akbar mill-gvernijiet ixekklu n-natura miftuħa u mhux ristretta tal-internet, u b’hekk ikunu qed jillimitaw il-potenzjal li jkun hemm aktar kummerċ elettroniku u jirrestrinġu lin-negozji tal-UE li joperaw fl-ekonomija diġitali; jemmen li approċċ li jkun jinvolvi partijiet interessati multipli joffri l-aħjar approċċ biex jiġi żgurat bilanċ bejn l-interess pubbliku u dak privat fuq l-internet u s-suq globali; jitlob li jsir sforz internazzjonali biex tinbena l-infrastruttura meħtieġa biex tkun tista’ sseħħ l-espansjoni tal-ekonomija diġitali, inklużi reġimi regolatorji liberali, u jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżidu l-benefiċċji reċiproċi skont il-prinċipju tal-kummerċ għall-bidla;

11. Iqis li r-restrizzjoni tal-aċċess tan-negozji tal-UE għas-swieq diġitali u l-konsumaturi online permezz, fost affarijiet oħra, ta' ċensura statali tal-massa jew aċċess ristrett għas-suq għall-fornituri Ewropej tas-servizzi online f’pajjiżi terzi tikkostitwixxi ostakolu għall-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkludu mekkaniżmu ta’ salvagwardja fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-futur, u speċjalment dawk li jkun fihom dispożizzjonijiet li jaffettwaw is-servizzi online u l-komunitajiet ta' utenti online li jaqsmu l-informazzjoni, bil-għan li jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-ICT tal-UE ma jkunux meħtieġa minn partijiet terzi li jirrestrinġu l-aċċess għall-websajts, ineħħu kontenut maħluq mill-utent jew jipprovdu tagħrif personali b’modi li jikkontravjenu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jistieden barra minn hekk lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżviluppaw strateġija biex tisfida l-miżuri meħuda minn pajjiżi terzi li jirrestrinġu l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE għas-swieq online globali;

12. Jenfasizza l-bżonn ta' kontrolli aktar stretti tal-katina tal-forniment u tal-iskemi ta’ responsabilità korporattivi u mekkaniżmi ta’ trasparenza fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti (minn oġġetti u tagħmir bażiċi għal apparat mobbli) u servizzi, li jistgħu jintużaw biex irażżnu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà diġitali; iqis l-imblukkar u l-interċettazzjoni ta’ prodotti u servizzi teknoloġiċi bħala oġġetti ta' 'użu uniku' li l-esportazzjoni tagħhom għandha tkun soġġetta għal approvazzjoni ex-ante; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta' qafas regolatorju ġdid dwar l-esportazzjonijiet ta' użu doppju, li jkun jindirizza l-esportazzjoni potenzjalment dannuża ta' prodotti u servizzi tal-ICT lejn pajjiżi terzi u li jkun jipprevedi rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ għall-Kummissjoni;

13. Jemmen li l-kumpaniji għandhom jiddisinjaw u jimplimentaw prattiki ta’ negozji maħsuba biex jimmonitorjaw l-impatt possibbli ta’ prodotti ġodda tal-ICT fuq id-drittijiet tal-bniedem, anke fil-fażi tar-riċerka u l-iżvilupp, u biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm kompliċità fi vjolazzjonijiet possibbli tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi terzi. jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lin-negozji tal-UE b'firxa wiesgħa ta' tagħrif biex tiżgura l-bilanċ korrett bejn l-interessi tan-negozju u r-responsabilità soċjali korporattiva.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.9.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Nora Berra, David Campbell Bannerman, María Auxiliadora Correa Zamora, Christofer Fjellner, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Henri Weber, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Amelia Andersdotter, George Sabin Cutaş, Syed Kamall, Marietje Schaake, Jarosław Leszek Wałęsa, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emilio Menéndez del Valle, Raimon Obiols

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.11.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

57

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pino Arlacchi, Franziska Katharina Brantner, Frieda Brepoels, Elmar Brok, Tarja Cronberg, Mário David, Marietta Giannakou, Ana Gomes, Takis Hadjigeorgiou, Anna Ibrisagic, Liisa Jaakonsaari, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Eduard Kukan, Vytautas Landsbergis, Ryszard Antoni Legutko, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Mario Mauro, Francisco José Millán Mon, Alexander Mirsky, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Justas Vincas Paleckis, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Hans-Gert Pöttering, Cristian Dan Preda, Fiorello Provera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Marek Siwiec, Laurence J.A.J. Stassen, Charles Tannock, Inese Vaidere, Geoffrey Van Orden, Boris Zala, Karim Zéribi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Marije Cornelissen, Véronique De Keyser, Metin Kazak, Norbert Neuser, Marietje Schaake, Alf Svensson, László Tőkés, Ivo Vajgl, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Leonidas Donskis, Jolanta Emilia Hibner, Karin Kadenbach, Rui Tavares, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Peter Šťastný