RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima
27.11.2012 - (10090/2/2012 – C7‑0329/2012 – 2010/0303(COD)) - ***II
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Knut Fleckenstein
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima
(10090/2/2012 – C7‑0329/2012 – 2010/0303(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10090/2/2012 – C7-0329/2012),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta’ Frar 2011[1],
– wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[2] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2010)0611),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 72 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0387/2012),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jinnota li l-att huwa adottat skont il-pożizzjoni tal-Kunsill;
3. Jagħti lill-President tiegħu struzzjonijiet biex jiffirma l-att mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti lis-Segretarju Ġenerali tiegħu struzzjonijiet biex jiffirma l-att, ladarba jkun ġie vverifikat li l-proċeduri kollha jkunu tlestew b'mod debitu, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, biex jirranġaw għall-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti lill-President tiegħu struzzjonijiet biex jibgħat il-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) twaqqfet bħala reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat meta għereq it-tanker taż-żejt "Erika". Bdiet topera f'Marzu 2003. Din hi r-raba’ modifika għar-Regolament ta’ twaqqif.
L-Aġenzija tgħin biex tiżgura s-sikurezza u s-sigurtà marittima u tipprevjeni t-tniġġis fil-baħar mill-bastimenti, inkluż permezz tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-liġi rilevanti tal-UE. Ħafna minn din il-ħidma tinvolvi konsulenza lill-Kummissjoni u/jew lill-Istati Membri. Ġeneralment hu rikonoxxut li hi organizzazzjoni effikaċi, immexxija sew li toffri ffrankar sinifikati għall-Istati Membri peress li topera fil-livell Ewropew, bl-ekonomiji ta' skala li dan il-fatt jiġġenera.
Kompiti addizzjonali għall-EMSA
Ir-Regolament tal-EMSA rivedut se jżid is-setgħat tal-Aġenzija biex tipprevjeni u tindirizza d-diżastri ambjentali bħat-tixrid taż-żejt. B’mod partikolari, se tuża s-sistema ta’ informazzjoni CleanSeaNet biex timmonitorja l-impatt tat-tniġġis miż-żejt minn installazzjonijiet lil hinn mix-xtut. Se taħdem ukoll biex ittejjeb il-koordinazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex issaħħaħ il-prevenzjoni, tkattar l-aqwa prattiki u tħaffef ir-reazzjoni għal kwalunkwe diżastru.
Fuq talba tal-Parlament, l-Aġenzija se tikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra l-piraterija marittima. L-Aġenzija għandha strumenti u data, inkluż minn sorsi satellitari, li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri fl-ambitu tal-monitoraġġ tal-attivitajiet tat-tbaħħir illegali. Bħalissa, skambji ta' informazzjoni mal-Operazzjoni Atlanta tal-Forza Navali tal-UE biex bastimenti li jtajru bandiera Ewropea jiġu protetti kontra l-piraterija meta jkunu qed ibaħħru miż-żona 'l barra mill-Qarn tal-Afrika huma partikolarment importanti.
Il-Parlament żgura wkoll li l-EMSA se jkollha rwol iktar b’saħħtu fit-tijib tat-taħriġ għall-baħħara. It-titjib tal-attraenza tax-xogħlijiet marittimi għaċ-ċittadini tal-UE ilu objettiv għal żmien twil. Ir-Regolament rivedut jippermetti lill-Aġenzija tiffaċilita skambji tal-aqwa prattiki fit-taħriġ u l-edukazzjoni marittima sabiex tiġi ssodisfata d-domanda attwali u futura għall-baħħara bi kwalifiki għoljin fi ħdan l-Unjoni.
Prijorità oħra tal-Parlament li ilha preżenti hija l-promozzjoni tal-ispazju marittimu Ewropew mingħajr ostakoli. Attwalment, il-merkanzija tista' tiġi ttrasportata bit-triq minn naħa għal oħra fl-Unjoni mingħajr kontrolli sistematiċi fil-fruntieri. B’kuntrast għal dan, it-trasport bil-baħar hu meqjus bħala vjaġġ internazzjonali u b’hekk hu soġġett għal kontrolli f’kull port. Il-permess biex il-merkanzija u l-passiġġieri jitħallew jiġu ttrasportati bil-baħar bejn l-Istati Membri mingħajr iktar formalitajiet milli jekk jivvjaġġaw bit-triq iwassal għal tħarbit tal-kompetizzjoni favur il-metodi inqas favur l-ambjent.
Ir-Regolament rivedut jistieden lill-Aġenzija tagħmel użu sħiħ mill-programmi tan-navigazzjoni bis-satellita Ewropea (EGNOS u Galileo) u tal-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (“GMES”) biex jiġi implimentat l-ispazju marittimu mingħajr ostakoli. Se jikkontribwixxi għall-inizjattiva marittima elettronika bil-ħsieb li jitnaqqsu l-formalitajiet ta’ rappurtar li jħabbtu wiċċhom magħhom il-bastimenti kummerċjali meta jidħlu jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri.
Itejjeb ukoll l-kapaċità tal-EMSA biex taħdem mal-pajjiżi ġirien. Hu mixtieq ħafna li l-EMSA tingħata aktar ambitu biex tassisti lill-pajjiżi ġirien inaqqsu r-riskji tat-tniġġis u jirreaġixxu għat-tniġġis. Ftit hemm dubju li, kieku kellu jkun hemm inċident ta' tniġġis fin-Nofsinhar tal-Mediterran, ftit miż-żejt jispiċċa fl-ilmijiet Ewropej. F'dan il-każ, hu ċar li aħjar wieħed jipprevjeni milli jikkura. L-aġġustament tar-Regolament biex isir espliċitu li l-EMSA tista' tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fil-korpi reġjonali għar-reazzjoni għat-tniġġis marittimu (eż. l-Konvenzjonijiet ta' Ħelsinki u ta' Barċellona) joffri benefiċċji fir-rigward taċ-ċertezza ġuridika u t-trasparenza.
L-EMSA tingħata wkoll il-possibbiltà li tikkontribwixxi għal għadd ta’ objettivi ta’ politika importanti oħrajn inklużi kwistjonijiet ambjentali bħall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra mill-bastimenti u l-istatus ambjentali tal-ilmijiet marittimi, il-monitoraġġ ta’ organizzazzjoni rikonoxxuti li jwettqu kompiti ta’ ċertifikazzjoni kif ukoll kompiti marbuta mat-trasport bl-ilmijiet interni. Dawn tal-aħħar jinkludu l-ispezzjoni ta’ soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni għal bastimenti li joperaw fl-ilmijiet interni u l-esplorazzjoni tal-possibbiltà ta’ rabta interna bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-ilimijiet marittimi u dawk interni.
F’dawn l-attivitajiet, l-EMSA mhux se ssostitwixxi jew tirdoppja x-xogħol tal-Istati Membri. Minflok, se żżid il-valur billi tiżgura koordinazzjoni u skambju tal-aqwa prattika.
Governanza
Fir-rigward tal-governanza tal-EMSA, it-test rivedut jipprovdi għal ippjanar multiannwali dwar l-istrateġija tal-aġenzija u l-politika tal-persunal, u għal evalwazzjoni esterna indipendenti tal-inqas darba kull ħames snin. Barra minn hekk, biex tiġi ċċarata l-proċedura għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, il-Parlament irnexxielu jikkonvinċi lill-Kunsill biex jinkludi l-għan ta’ rappreżentanza bbilanċjata ta’ rġiel u nisa fil-bord amministrattiv tal-EMSA.
Bażi għal Iktar Tkabbir tar-Rwol tal-EMSA fil-Ġejjieni
B’mod partikolari, fid-dawl tal-klima ekonomika attwali, in-negozjaturi tal-Parlament kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-Kunsill biex jestendi r-responsabbiltajiet tal-EMSA b’modi li jkunu jeħtieġu riżorsi addizzjonali. Bħala riżultat ta’ dan, f’xi oqsma, ir-reviżjoni attwali tar-Regolament jistabbilixxi l-bażi għal titjib futur tar-rwol tal-EMSA soġġetti għal iktar deċizjonijiet politiċi.
B’mod partikolari, isemmi r-rwol possibbli tal-Aġenzija fil-prevenzjoni tat-tniġġis mill-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass lil hinn mix-xtut ladarba jiġu approvati r-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-pjattaforma tas-sikurezza lil hinn mix-xtut. F’termini tal-kost-effettività, jidher b’mod ċar li hu iktar favorevoli li l-EMSA tingħata s-setgħat relatati mal-kompiti ta’ prevenzjoni u spezzjoni milli tiġi stabbilita aġenzija ġdida. Din hija waħda mill-kwistjonijiet li l-Kummissjoni se tindirizza fir-rapport ta’ progress tagħha dwar il-każ għall-modifika tal-għanijiet u l-kompiti tal-Aġenzija.
Il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tipprepara studju tal-fattibbiltà, bl-evalwazzjoni tal-ambitu għat-titjib tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tad-diversi funzjonijiet tal-gwardja kostali kif ukoll l-iżvilupp attwali tal-Ambjent ta’ Kondiviżjoni ta’ Informazzjoni Komuni. Il-Parlament ilu jagħmel pressjoni għal studju bħal dan għal għadd ta’ snin, inkluż permezz tad-Direttiva (KE) 2005/35 dwar it-tniġġis ikkawżat mill-vapuri.
Implikazzjonijiet Baġitarji
Hu ċar li jekk ix-xogħol isir darba minll-EMSA minflok li jsir f'kull amministrazzjoni nazzjonali, l-ispiża għall-Ewropej li jħallsu t-taxxa titnaqqas u jinħoloq valur miżjud Ewropew reali. Dan diġà ntwera mis-sistemi ta' sorveljanza marittima tal-EMSA. Hu probabbli li l-użu ta' dawn is-sistemi għall-forniment ta' informazzjoni ta' valur għall-oqsma politiċi oħrajn ikun aktar kost-effikaċi mill-ħolqien ta' sistemi indipendenti.
Hemm bżonn li l-kompiti addizzjonali għall-EMSA jiġu riflessi b'mod realistiku fil-baġit u l-persunal tagħha. Inkella jkun hemm theddida għall-funzjoni fundamentali tagħha li tippromwovi s-sikurezza marittima. Madankollu dan hu kompitu għall-proċedura baġitarja annwali iktar minn dan l-att leġiżlattiv.
PROĊEDURA
Titolu |
Emenda tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzij[a] Marittima Ewropea tas-Sigurtà [Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima] |
||||
Referenzi |
10090/2/2012 – C7-0329/2012 – 2010/0303(COD) |
||||
Data tal-1 qari tal-PE - Numru P |
15.12.2011 T7-0581/2011 |
||||
Proposta tal-Kummissjoni |
COM(2010)0611 - C7-0343/2010 |
||||
Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari |
25.10.2012 |
||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
TRAN 25.10.2012 |
|
|
|
|
Rapporteur(s) Data tal-ħatra |
Knut Fleckenstein 7.12.2010 |
|
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
6.11.2012 |
|
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
27.11.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 2 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Magdi Cristiano Allam, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Erik Bánki, Izaskun Bilbao Barandica, Philip Bradbourn, Antonio Cancian, Michael Cramer, Joseph Cuschieri, Philippe De Backer, Luis de Grandes Pascual, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Dieter-Lebrecht Koch, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried, Bogusław Liberadzki, Gesine Meissner, Hubert Pirker, Olga Sehnalová, Brian Simpson, Keith Taylor, Giommaria Uggias, Peter van Dalen, Artur Zasada, Roberts Zīle |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Phil Bennion, Spyros Danellis, Markus Ferber, Dominique Riquet, Alfreds Rubiks, Sabine Wils |
||||
Data tat-tressiq |
28.11.2012 |
||||