RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-preparazzjonjijiet perikolużi (riformulazzjoni)

3.12.2012 - (COM(2012)0008 – C7‑0021/2012 – 2012/0007(COD)) - ***I

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Eija-Riitta Korhola
(Tfassil mill-ġdid – Artikolu 87 tar-Regoli ta’ Proċedura)


Proċedura : 2012/0007(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0391/2012
Testi mressqa :
A7-0391/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-preparazzjonjijiet perikolużi (riformulazzjoni)

(COM(2012)0008 – C7‑0021/2012 – 2012/0007(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja - riformulazzzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-28 ta' Marzu 2012[1],

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali,

–   wara li kkunsidra l-ittra tad-9 ta' Novembru 2012 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali indirizzata lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 87 u 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0391/2012),

A. billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta għandha kodifikazzjoni ċara u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali;

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal direttiva

Artikolu 20 – paragrafu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 10(4), Artikolu 12(4) u Artikolu 19 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’ xahar fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 10(4), l-Artikolu 12(4) u l-Artikolu 19 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Ġustifikazzjoni

Skont il-fehim komuni dwar l-atti delegati bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, l-istituzzjonijiet "huma impenjati biex kemm jista’ jkun jirreferu għall-klawsoli standard fl-annessi". Il-klawsoli standard jipprevedu estensjoni b’xahrejn mhux xahar wieħed biss. Il-formula 2+2 kienet rebħa importanti għall-formula tal-Parlament biex ikun żgurat biżżejjed ħin fil-każ li jkun irid joġġezzjona. Iż-żewġ proposti COM l-oħrajn f’dan il-“pakkett” għandhom estensjoni ukoll b’xahrejn.

  • [1]  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 203.

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Preparazzjonjijiet Perikolużi (1999/45/KE) qed tiġi proposta sabiex jiġu kkodifikati l-atti emendatorji u allinjati d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti ddelegati u atti ta’ implimentazzjoni mat-Trattat ta’ Lisbona. Id-direttiva tirrappreżenta biċċa leġiżlazzjoni li sservi bħala pont biex tiġi żgurata l-kontinwità legali fi ħdan qafas settorjali legali, li attwalment għaddej minn riforma fundamentali minħabba l-adozzjoni tar-REACH (Regolament (KE) Nru 1907/2006).

Id-Direttiva dwar il-Preparazzjonijiet Perikolużi (DPD) tirregola l-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-preparazzjonjijiet, jiġifieri taħlitiet jew soluzzjonijiet komposti minn żewġ sustanzi jew aktar (l-elementi kimiċi u l-komposti tagħhom). Din se tibqa’ applikabbli sal-1 ta’ Ġunju 2015 fid-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament CLP (KE) Nru 1272/2008 bħala s-sistema l-ġdida tal-UE dwar il-klassifikazzjoni u t-tikkettar ta’ sustanzi u taħlitiet perikolużi, inkluża s-Sistema Globalment Armonizzata tan-NU, mill-20 ta’ Jannar 2009. Aktar 'il quddiem, it-taħlitiet diġà mqiegħda fis-suq jistgħu jibqgħu jiġu fornuti skont ir-regoli tad-DPD sal-1 ta’ Ġunju 2017. Fir-rigward tas-sustanzi, ir-regoli tas-CLP diġà ilhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2010. Għalhekk ir-riformulazzjoni tirreferi għal att li wasal biex jitneħħa gradwalment.

Il-bidliet li saru bir-riformulazzjoni tad-Direttiva 1999/45/KE huma kollha mmotivati bil-ħtieġa li tiġi aġġornata l-proposta skont it-Trattat ta' Lisbona sabiex id-dispożizzjonijiet antiki u skaduti jiġu sostitwiti b’oħrajn ġodda, (inkluż l-aġġornament tal-bażi legali, jiġifieri l-Artikolu 114 TFUE li jikkorrispondi għal dak li kien l-Artikolu 95 TKE) jew bl-adozzjoni tar-REACH u xi emendi oħrajn (introdotti minn dan tal-aħħar direttament jew permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni tiegħu) li jeħtieġu kodifikazzjoni tad-Direttiva 1999/45/KE sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u l-preċiżjoni tar-regoli applikabbli. Filwaqt li ma ġiet eżerċitata l-ebda għażla politika fi ħdan il-proposta mfassla mill-ġdid, il-bidliet sostantivi rriżultaw mil-liġi tat-trattat jew minn leġiżlazzjoni ġdida tal-UE li tikkonċerna l-istess tema.

L-adattamenti u l-modifiki l-aktar notevoli li rriżultaw f’din il-proposta mfassla mill-ġdid huma:

-    L-Artikoli 10(4) u 12(4) jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet preċedenti għall-proċedura regolatorja bi skrutinju parlamentari b’dispożizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati. Dan kien jeħtieġ modifiki fl-Artikolu 19 u dispożizzjonijiet ġodda tal-Artikoli 21-23, li jagħmlu possibbli l-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat delegati.

-    L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva oriġinali (dwar il-ġestjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali) kien fih referenza għall-Artikolu 19(4) tad-Direttiva 67/548/KE (id-Direttiva dwar Sustanzi Perikolużi) li tħassret bl-Artikolu 1(7) tad-Direttiva 2006/121/KE, filwaqt li l-leġiżlazzjoni settorjali ġiet adattata għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH). Dan irriżulta f’lakuna speċifika li tikkonċerna l-kundizzjonijiet għas-salvagwardja tal-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni teknika kritika li tgawdi mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Ir-riformulazzjoni għalqet din il-lakuna.

-    Fl-Artikolu 1 tal-verżjoni kkonsolidata kien hemm referenza għall-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/45/KE (Il-Folja ta’ Data dwar is-Sigurtà), li tħassret bl-Artikolu 140 tar-REACH minħabba li r-regolamentazzjoni ta’ dak is-suġġett ġiet inkluża f’dan l-att tal-aħħar fil-kapaċità tiegħu bħala l-att fundamentali għas-settur kollu tal-leġiżlazzjoni dwar il-kimiċi.

-    Fl-Artikolu 3(2) tal-verżjoni kkonsolidata hemm referenzi għall-Artikoli 7, 8 u 13 tad-Direttiva 67/548/KE, li tħassru kollha bl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2006/121/KE.

-    Fil-verżjoni kkonsolidata hemm ukoll bosta referenzi għall-Parti A tal-Anness V tad-Direttiva 67/548/KEE (Metodi ta’ Ttestjar); dawn ir-referenzi ġew sostitwiti bir-Regolament (KE) Nru 440/2008 (li jistabbilixxi metodi ta' ttestjar skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH)) li inkluda fih dan is-suġġett wara t-tħassir tal-Anness rispettiv fid-Direttiva 67/548/KEE.

Huwa fid-dawl tan-natura ta’ dawn l-adattamenti u l-modifiki li r-Rapporteur qed tipproponi li ma jkun hemm ebda emenda ulterjuri għall-proposta ta' riformulazzjoni għad-Direttiva 1999/45/KE dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-preparazzjonijiet perikolużi.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI

Ms Matthias GROOTE

President tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika

u s-Sikurezza tal-Ikel

ASP 12G201

Brussels

Suġġett:     Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-preparazzjonijiet perikolużi (riformulazzjoni)

                  (COM(2012)0008 – C7‑0021/2012 – 2012/0007(COD))

Għażiż President,

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li għandi l-unur nippresjedi, eżamina l-proposta msemmija hawn fuq, skont it-termini tal-Artikolu 87 dwar it-Tfassil mill-ġdid, kif iddaħħal fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament.

Il-Paragrafu 3 ta' dak l-Artikolu jgħid hekk:

"Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jqis li l-proposta ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali ħlief għal dawk il-bidliet identifikati bħala tali fil-proposta, huwa għandu jgħarraf lill-kumitat responsabbli b'dan.

F'dan il-każ, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 156 u 157, l-emendi għandhom ikunu ammissibbli mill-kumitat responsabbli mis-suġġett jekk jikkonċernaw dawk il-partijiet tal-proposta li jinkludu tibdiliet sostanzjali.

Madankollu, jekk f’konformità mal-punt 8 tal-Ftehim Interistituzzjonali l-kumitat responsabbli jkollu l-ħsieb ukoll li jippreżenta emendi għall-partijiet kodifikati tal-proposta, huwa għandu jinnotifika minnufih il-ħsieb tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u din tal-aħħar għandha tgħarraf lill-kumitat, qabel il-vot skont l-Artikolu 54, bil-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-emendi kif ukoll dwar jekk għandhiex il-ħsieb li tirtira l-proposta ta' tfassil mill-ġdid.”

B'segwitu għall-opinjoni tas-Servizz Legali, li r-rappreżentanti tiegħu pparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv li eżamina l-proposta għal riformulazzjoni, u b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur għal opinjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jikkunsidra li l-proposta msemmija ma tinkludi l-ebda tibdil sostantiv ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f'dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil fis-sostanza tagħhom.

Fir-rigward tal-allinjament tad-dispożizzjonijiet tal-komitoloġija mal-Artikoli 290-291 TFUE fi ħdan il-kuntest ta' proċedura għal riformulazzjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali madankollu enfasizza li l-leġiżlatur jeħtieġ jibqa' dejjem liberu li jagħmel id-determinazzjonijiet finali dwar id-delegazzjoni tas-setgħat leġiżlattivi u s-setgħat implimentattivi u qatt ma jkun limitat dwar kif il-kodifikazzjoni ta' testi eżistenti rigward dawn il-kwistjonijiet hija ppreżentata fil-proposta.

Biex nikkonkludi, wara diskussjoni fil-laqgħa tiegħu tas-6 ta' Novembru 2012, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bi 23 vot favur u ebda astensjoni[1], jirrakkomanda li l-Kumitat tiegħek, bħala l-kumitat responsabbli, jipproċedi biex jeżamina l-proposta msemmija hawn fuq skont l-Artikolu 87.

Dejjem tiegħek,

Klaus-Heiner LEHNE

Mehmuża: Opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv

  • [1]  Membri preżenti: Luigi Berlinguer, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvie Guillaume, Sajjad Karim, Eva Lichtenberger, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Jiří Maštálka, Alajos Mészáros, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, József Szájer, Rebecca Taylor, Alexandra Thein, Axel Voss, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Zbigniew Ziobro, Tadeusz Zwiefka.

ANNESS: OPINJONI TAL-GRUPP TA' ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

 

 

 

 

GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV

TAS-SERVIZZI LEGALI

Brussell, 8 ta' Ottubru 2012

OPINJONI

                     GĦALL-ATTENZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

                                                              TAL-KUNSILL

                                                              TAL-KUMMISSJONI

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-preparazzjonijiet perikolużi

COM(2012)8 tas-26.1.2012 – 2012/0007(COD)

Wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' riformulazzjoni tal-atti legali, u b'mod partikolari l-punt 9 tiegħu, il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv, magħmul mis-Servizzi Legali rispettivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, fil-15 ta' Marzu, fl-24 ta' Mejju u fil-5 ta' Lulju 2012 kellu laqgħat ddedikati, fost affarijiet oħra, għall-eżami tal-proposta msemmija hawn fuq, imressqa mill-Kummissjoni.

Waqt dawk il-laqgħat[1], b’riżultat tal-eżami tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirriformula d-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-31 ta' Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar tal-preparazzjonijiet perikolużi, il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv innota, bi qbil komuni, li fir-rigward tal-memorandum ta' spjegazzjoni li jakkumpanja l-proposta, sabiex ikun abbozzat f'konformità sħiħa mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti mill-Ftehim Interistituzzjonali, tali dokument kellu jiddikjara r-raġunijiet għal kull emenda sostantiva proposta, kif previst fil-punt 6(a)(ii) ta' dak il-ftehim, u kellu jispeċifika liema mid-dispożizzjonijiet tal-att ta' qabel jibqgħu mhux mibdula fil-proposta, kif previst fil-punt 6(a)(iii).

Fir-rigward tal-Artikoli 10(4), 12(4) u 19 tal-abbozz ta' att riformulat, ġie diskuss jekk dawn it-testi kellhomx jew le jkunu kompletament identifikati bit-tipa ta' kulur griż li ġeneralment tintuża sabiex jiġi mmarkat tibdil sostantiv. Min-naħa waħda, is-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni kkunsidraw li l-preżentazzjoni li ntużat biex jiġi identifikat it-tibdil ta' ċerti formulazzjonijiet li attwalment jinsabu fl-Artikoli 10, punt 3, 12(4) u 20 tad-Direttiva 1999/45/KE b'formulazzjonijiet ġodda, meħuda minn testi standard miftiehma bejn it-tliet istituzzjonijiet, tiddeskrivi biżżejjed l-emendi sostantivi proposti għal dawk id-dispożizzjonijiet eżistenti. Min-naħa l-oħra, is-Servizz Legali tal-Kunsill ikkunsidra li l-bidla fil-proċedura ma tistax tiġi separata mill-kwistjonijiet sostantivi li l-proċedura hija relatata magħhom u li t-testi sħaħ tal-Artikoli 10(4), 12(4) u 19, għaldaqstant kellhom jiġu identifikati permezz tal-użu tat-tipa ta' kulur griż. Madankollu, it-tliet servizzi legali kienu tal-istess fehma li l-abbozz ta' testi mressqa mill-Kummissjoni għall-Artikoli 10(4), 12(4) u 19 għandu jiftiehem li jfisser li l-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tipproponi biss li r-referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju li attwalment jinsabu fl-Artikoli 10, punt 3, 12(4) u 20 tad-Direttiva 1999/45/KE jinbidlu għal delegi tas-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tkun tista' tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE. F'dak ir-rigward, kienet ukoll il-fehma komuni tat-tliet servizzi legali li, bħala parti mill-eżerċizzju ta' riformulazzjoni, il-leġiżlatur seta' jistabbilixxi delega tas-setgħat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet imsemmija, jew li inkella jagħżel, fir-rigward ta' dispożizzjoni waħda jew aktar minnhom, li ma jiddelegax is-setgħat tiegħu lill-Kummissjoni (biex b'hekk jagħmel il-proċedura leġiżlattiva applikabbli għall-emendi msemmija) jew li jikkonferixxi setgħat ta' implimentazzjoni lil dik l-istituzzjoni jew lill-Kunsill skont l-Artikolu 291 TFUE u r-Regolament (UE) Nru 182/2011.

B'konsegwenza ta' dan, l-eżami tal-proposta ppermetta lill-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv jikkonkludi, mingħajr dissens, li l-proposta ma fiha l-ebda emenda sostantiva, għajr il-bidliet li ġew identifikati bħala tali fiha stess jew fl-opinjoni preżenti. Il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv ikkonkluda wkoll li, f'dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-att preċedenti flimkien ma' dawk l-emendi sostantivi, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-test eżistenti, mingħajr tibdil sostanzjali.

C. PENNERA                                  H. LEGAL                            L. ROMERO REQUENA

Ġurikonsult                                       Ġurikonsult                            Direttur Ġenerali

  • [1]  Il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-verżjoni bil-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża tal-proposta u ħadem fuq il-bażi tal-verżjoni Ingliża, li hi l-verżjoni bil-lingwa oriġinali tat-test li qed jiġi diskuss.

PROĊEDURA

Titolu

Il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar tal-preparazzjonjijiet perikolużi

Referenzi

COM(2012)0008 – C7-0021/2012 – 2012/0007(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

26.1.2012

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI

2.2.2012

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

2.2.2012

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Eija-Riitta Korhola

13.3.2012

 

 

 

Eżami fil-kumitat

10.7.2012

 

 

 

Data tal-adozzjoni

28.11.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Lajos Bokros, Nessa Childers, Chris Davies, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Elisabetta Gardini, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Jo Leinen, Corinne Lepage, Peter Liese, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Vladko Todorov Panayotov, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Richard Seeber, Salvatore Tatarella, Thomas Ulmer, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Cristian Silviu Buşoi, Nikos Chrysogelos, Christofer Fjellner, Vicky Ford, Julie Girling, Mairead McGuinness, James Nicholson, Alojz Peterle, Britta Reimers, Birgit Schnieber-Jastram, Bart Staes, Rebecca Taylor, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Andrea Zanoni

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ashley Fox, Emma McClarkin

Data tat-tressiq

3.12.2012