RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port

23.1.2013 - (COM(2012)0129 – C7‑0081/2012 – 2012/0062(COD)) - ***I

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Brian Simpson


Proċedura : 2012/0062(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0394/2012
Testi mressqa :
A7-0394/2012
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port

(COM(2012)0129 – C7‑0081/2012 – 2012/0062(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0129),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0081/2012),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2012[1],

–   wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7‑0394/2012),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal direttiva

Premessa 3a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a) L-applikazzjoni u/jew l-interpretazzjoni ta' din id-Direttiva taħt l-ebda ċirkustanza ma għandhom iwasslu għal tnaqqis fil-livell ta' protezzjoni tal-ħaddiema fil-qafas tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Ġustifikazzjoni

Filwaqt li standards minimi internazzjonali jkunu ħaġa tajba ferm, dawn m'għandhomx jintużaw biex idgħajfu l-livell ta' protezzjoni li jibbenefikaw minnu bħalissa l-baħħara Ewropej. Dan huwa partikolarment importanti meta wieħed iqis l-objettiv li aktar ċittadini Ewropej jitħeġġu jaqbdu karriera marittima.

Emenda  2

Proposta għal direttiva

Premessa 6a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a) Il-Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi dwar il-kontroll tal-bastimenti mill-Istat tal-port (l-MOU ta' Pariġi) għandu l-għan li jtejjeb is-sigurtà marittima bis-saħħa ta' kontroll ikkoordinat tal-bastimenti barranin li jidħlu fil-portijiet Ewropej, permezz ta' proċeduri aktar armonizzati għall-ispezzjonijiet ta' konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali fis-seħħ. Sabiex ikunu jistgħu jinsiltu benefiċċji mill-għarfien espert tal-MOU ta' Pariġi, għandha titħeġġeġ il-kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, speċjalment il-gwidi dwar l-użu għall-ispettur, żviluppati f'dan il-qafas rilevanti, li huwa magħmul minn 27 pajjiż, inklużi 22 Stat Membru tal-Unjoni u l-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol bħala osservaturi.

Emenda  3

Proposta għal direttiva

Premessa 6b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6b) Il-vapuri li jtajru l-bandiera ta' Stat li ma jkunx irratifika waħda jew aktar mill-konvenzjonijiet imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/16/KE għandom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet perjodiċi aktar frekwenti li jirriflettu r-riskju akbar li jippreżentaw.

Ġustifikazzjoni

Ir-ratifika ta' Konvenzjonijiet internazzjonali tipprovdi ċerta garanzija fir-rigward ta' standards tas-sikuezza tal-vapuri u l-protezzjoni soċjali u ambjentali. Għal din ir-raġuni, huwa xieraq għall-UE li tipprovdi mekkaniżmi li jkunu ta' inċentiv għar-ratifika sabiex telimina l-vapuri li jaqgħu taħt l-istandards u sabiex tinkoraġġixxi sitwazzjoni ta' kundizzjonijiet aktar indaqs għat-tbaħħir.

Emenda  4

Proposta għal direttiva

Premessa 8a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8a) L-ispezzjoni tal-kundizzjonijiet ta' għajxien u ta' xogħol tal-baħħara abbord u tal-kwalifiki professjonali tagħhom tirrikjedi żieda fin-numru ta' spetturi b'oqsma speċifiċi ta' kompetenzi. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi assigurat taħriġ xieraq għall-ispetturi sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kontrolli previsti fil-Konvenzjoni meta din tidħol fis-seħħ. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u l-Istati li ffirmaw l-MoU ta’ Pariġi għandhom jippromwovu l-kwistjoni ta’ taħriġ għall-ispetturi għall-iskopijiet tal-Konvenzjoni.

Emenda  5

Proposta għal direttiva

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9) Is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendi għall-Anness VI għad-Direttiva 2009/16/KE li fih lista ta' ‘Struzzjonijiet' adottati mill-MoU ta' Pariġi, bil-ħsieb li jinżammu l-proċeduri applikabbli u infurzabbli fit-territorju tal-Istati Membri, f'konformità ma' dawk miftiehma fuq livell internazzjonali. Il-possibbiltà għall-Kummissjoni li taġġorna malajr dawn il-proċeduri tikkontribwixxi għall-kisba ta' kundizzjonijiet ekwi globali għat-tbaħħir. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(9) Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' taġġorna malajr il-proċeduri rilevanti, u b’hekk tikkontribwixxi għall-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwi globali għat-tbaħħir, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendi għall-Anness VI għad-Direttiva 2009/16/KE li fih lista ta’ ‘Struzzjonijiet’ adottati mill-MoU ta’ Pariġi, bil-ħsieb li jinżammu l-proċeduri applikabbli u infurzabbli fit-territorju tal-Istati Membri, f’konformità ma’ dawk miftiehma fuq livell internazzjonali u li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Linji Gwida tal-ILO għall-uffiċjali tal-kontroll mill-Istat tal-port li jwettqu l-ispezzjonijiet taħt il-Konvenzjoni. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Emenda  6

Proposta għal direttiva

Premessa 9a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9a) Meta jiġu adottati atti delegati dwar kwistjonijiet relatati mal-Konvenzjoni, għandha tiġi vverifikata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.

Emenda  7

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 1 – punt aa (ġdid)

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 2 – punt 1 – sottopunt ia (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(aa) fil-punt 1 għandu jiżdied il-punt (i) li ġej:

 

'(ia) il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Kontroll u l-Ġestjoni tal-Ilma u s-Sedimenti li jservu ta’ Saborra fil-Bastimenti, (BWM 2004)';

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda hija maħsuba biex taġġorna l-lista ta' Konvenzjonijiet rilevanti għall-Kontroll mill-Istat tal-Port.

Emenda  8

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 1 – sottopunt ab (ġdid)

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 2 – punt 1 – sottopunt ib (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ab) fil-punt 1 għandu jiżdied il-punt (ib) li ġej:

 

'(ib) il-Konvenzjoni dwar il-Limitazzjoni tar-Responsabilità għal Pretensjonijiet Marittimi (LLMC 1976)’;

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda hija maħsuba biex taġġorna l-lista ta' Konvenzjonijiet rilevanti għall-Kontroll mill-Istat tal-Port.

Emenda  9

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 1 – sottopunt ac (ġdid)

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 2 – punt 1 – sottopunt ic (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ac) fil-punt 1 għandu jiżdied il-punt (ic) li ġej:

 

'(ic) il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kontroll ta’ Sistemi Anti-fouling ta’ Ħsara fuq Bastimenti (AFS 2001);'

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda hija maħsuba biex taġġorna l-lista ta' Konvenzjonijiet rilevanti għall-Kontroll mill-Istat tal-Port.

Emenda  10

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 1 – sottopunt b

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 2 – punt 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

jew il-verżjoni aġġornata tagħha'.

fil-verżjoni aġġornata tiegħu'.

Emenda  11

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 2

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 3 – paragrafu 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

5. L-applikazzjoni u/jew l-interpretazzjoni ta' din id-Direttiva taħt l-ebda ċirkustanza ma għandhom jikkostitwixxu raġuni sabiex jiġġustifikaw tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema taħt il-leġiżlazzjoni soċjali tal-Unjoni.

5. L-applikazzjoni u/jew l-interpretazzjoni ta’ din id-Direttiva taħt l-ebda ċirkustanza ma għandhom jikkostitwixxu raġuni sabiex jiġġustifikaw tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema taħt il-leġiżlazzjoni soċjali tal-Unjoni u lanqas ma għandhom ikunu meqjusa bħala fatturi li jaffettwaw kwalunkwe liġi, għotja, użanza jew ftehim li jiżgura kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-ħaddiema kkonċernati minn dawk previsti f'din id-Direttiva.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tirrifletti l-Artikolu 19 paragrafu 8 tal-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, li huwa msemmi fil-preambolu tal-Konvenzjoni u li jidher ukoll fil-premessa 13 tad-Direttiva 2009/13/KE.

Emenda  12

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 1a (ġdid)

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 13 – kliem introduttorju

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

4a. L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

 

(a) is-sentenza ta' introduzzjoni hija sostitwita b'dan li ġej:

 

'L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti li jkunu magħżula għal spezzjoni skont l-Artikolu 12 jkunu soġġetti għal spezzjoni inizjali jew spezzjoni aktar dettaljata, filwaqt li jiġu kkunsidrati b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet dwar l-ispezzjoni tal-bastimenti, żviluppati skont l-MoU ta’ Pariġi, kif ġej:'

 

(b) jiżdied il-punt (ca) li ġej:

 

'(ca) jivverifika li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tal-baħħara fuq il-bastimenti jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.'

 

(c) jiżdied il-paragrafu li ġej:

 

‘3a. Meta r-raġunijiet ċari, kif imsemmijin fil-paragrafu 3, ikunu jinkludu tal-anqas waħda minn dawk stabbiliti fil-punti 16, 17, 18 jew 18a tal-Parti A tal-Anness V, l-ispezzjoni aktar dettaljata għandha tinkludi l-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti relatati ma':

 

(a) l-età minima;

 

(b) iċ-ċertifikazzjoni medika;

 

(c) il-kwalifiki tal-baħħara;

 

(d) il-ftehimiet ta' impjieg tal-baħħara;

 

(e) l-użu ta' kwalunkwe servizz privat ta' reklutaġġ u kollokament liċenzjat, ċertifikat jew irregolat;

 

(f) is-sigħat ta' xogħol jew mistrieħ;

 

(g) il-livelli ta' ħaddiema għall-bastiment;

 

(h) l-akkomodazzjoni;

 

(i) il-faċilitajiet rikreattivi abbord;

 

(j) l-ikel u s-servizz tal-ikel u x-xorb;

 

(k) is-saħħa u s-sikurezza u l-prevenzjoni ta' inċident;

 

(l) il-kura medika abbord;

 

(m) il-proċeduri ta' lment abbord;

 

(n) il-ħlas ta' pagi.'

Ġustifikazzjoni

Il-Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi jiżviluppa rakkomandazzjonijiet maħsuba biex jistabbilixxu proċeduri armonizzati għall-kontroll ikkoordinat tal-bastimenti barranin li jidħlu f'portijiet Ewropej. L-MoU huwa sors ta' kompetenza li wieħed għandu japprofitta minnha, speċjalment billi jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-linji gwida dettaljati għall-ispetturi li jkunu qed iwettqu spezzjonijiet skont il-Konvenzjoni. L-emenda għall-paragrafu 1 tirrifletti r-Regolament  5.2.1, paragrafu 4, tal-Konvenzjoni filwaqt li l-paragrafu 3a jirrifletti l-Istandard A4.2.1, paragrafu 2, u l-Appendiċi A5-III.

Emenda  13

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 1a (ġdid)

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 15 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

5a. Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

 

‘1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispetturi tagħhom jikkunsidraw il-proċeduri u l-linji gwida stabbiliti fl-Anness VI u li jsegwu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet dwar l-ispezzjoni tal-bastimenti, żviluppati fil-qafas tal-MoU ta’ Pariġi.'

Ġustifikazzjoni

Il-Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi jiżviluppa rakkomandazzjonijiet maħsuba biex jiġu jistabbilixxu proċeduri armonizzati għall-kontroll ikkoordinat tal-bastimenti barranin li jidħlu f'portijiet Ewropej. L-MoU huwa sors ta' kompetenza li wieħed għandu japprofitta minnha, speċjalment billi jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-gwida dettaljata dwar l-użu tal-ispettur għall-verifika tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006.

Emenda  14

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 1a (ġdid)

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 17a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a) Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

'Artikolu 17a

 

Nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni

 

1. Meta jinstab li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien ma jkunux konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni , l-ispettur għandu minnufih jiġbed l-attenzjoni tal-kaptan tal-bastiment dwar dawn in-nuqqasijiet, bi skadenzi rikjesti għar-rettifika tagħhom.

 

Fil-każ li l-ispettur jikkunsidra tali nuqqasijiet bħala sinifikanti jew jekk dawn ikunu marbutin ma' xi lment possibbli taħt il-punt 18a tal-Parti A tal-Anness V, l-ispettur għandu wkoll jiġbed l-attenzjoni tal-organizzazzjonijiet rilevanti ta' baħħara u ta' sidien tal-bastimenti fl-Istat Membru li fih tkun saret l-ispezzjoni dwar dawn in-nuqqasijiet, u jista':

 

(a) jinnotifika lil rappreżentant tal-Istat tal-bandiera;

 

(b) jgħaddi l-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti tal-port ta' żjara li jmiss.

 

2. Fir-rigward tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-Konvenzjoni jew kwalunkwe konvenzjoni oħra tal-ILO, l-Istat Membru li fih tkun saret l-ispezzjoni għandu jkollu d-dritt jgħaddi kopja tar-rapport tal-ispettur, li għandha tkun akkumpanjata minn kwalunkwe tweġiba mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera li tasal qabel it-tmiem taż-żmien preskritt, lid-Direttur Ġenerali tal-ILO, bil-għan li tittieħed dik l-azzjoni li tkun meqjusa xierqa u espedjenti sabiex jiġi żgurat li jinżamm rekord ta' tali informazzjoni u li l-partijiet li jafu jkunu interessati jibbenefikaw minn proċeduri ta' rikors rilevanti tinġibdilhom l-attenzjoni dwarha.

Ġustifikazzjoni

Artikolu separat jagħmilha ċara li għandha tittieħed azzjoni kull meta jiġu identifikati każijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, irrispettivament minn jekk dawn il-każijiet joriġinawx minn ilment jew le.

Il-formulazzjoni ta' din l-emenda hija bbażata fuq l-Istandard A5.2.1, paragrafi 4 u 5, tal-Konvenzjoni.

Emenda  15

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 6b (ġdid)

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 18 – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6b) Fl-Artikolu 18, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

 

L-identità tal-persuna li tilmenta m'għandhiex tkun mikxufa lill-kaptan jew lil sid il-vapur tal-vapur ikkonċernat. L-ispettur għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jissalvagwarda l-kunfidenzjalità tal-ilmenti mressqa mill-baħħara, inkluż billi jiżgura l-kunfidenzjalità waqt kwalunkwe intervista magħmula lill-membri tal-ekwipaġġ.'

Ġustifikazzjoni

F'konformità mal-paragrafu 7 tal-Istandard A5.2.2 tal-Konvenzjoni, il-protezzjoni tal-baħħara għandha tmur lil hinn mis-sempliċi żamma tal-kunfidenzjalità fir-rigward tal-kaptan jew ta' sid il-bastiment.

Emenda  16

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 7

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 18a – titolu

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Ilmenti relatati mal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu

Proċeduri dwar l-ipproċessar tal-ilmenti relatati mal-Konvenzjoni

Ġustifikazzjoni

Għal skopijiet ta' ċarezza.

Emenda  17

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 7

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 18a – paragrafu -1 (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

-1. Ilment minn baħħar li jallega li sar ksur tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni (inklużi d-drittijiet tal-baħħara) jista' jiġi rrapportat lil spettur fil-port fejn ikun daħal il-bastiment tal-baħħar. F'tali każijiet, l-ispettur għandu jwettaq investigazzjoni inizjali.

Ġustifikazzjoni

Emenda bbażata fuq il-paragrafu 1 tal-Istandard A5.2.2 tal-Konvenzjoni.

Emenda  18

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 7

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 18a – paragrafu -1a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

-1a. Fejn xieraq, minħabba n-natura tal-ilment, l-investigazzjoni inizjali għandha tinkludi kunsiderazzjoni ta' jekk ġewx segwiti l-proċeduri dwar l-ilmenti abbord previsti fir-Regolament 5.1.5 tal-Konvenzjoni. L-ispettur jista' wkoll iwettaq spezzjoni aktar dettaljata f'konformità mal-Artikolu 13(3).

Ġustifikazzjoni

Emenda bbażata fuq il-paragrafu 2 tal-Istandard A5.2.2 tal-Konvenzjoni.

Emenda  19

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 7

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 18a – paragrafu 1b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

-1b. Fejn xieraq, l-ispettur għandu jfittex li jippromwovi riżoluzzjoni tal-ilment abbord il-bastiment.

Ġustifikazzjoni

Emenda bbażata fuq il-paragrafu 3 tal-Istandard A5.2.2 tal-Konvenzjoni.

Emenda  20

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 7

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 18 – paragrafu -1c (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

-1c. Fil-każ li l-investigazzjoni inizjali jew l-ispezzjoni aktar dettaljata tikxef nuqqas ta' konformità li jidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 19, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' dak l-Artikolu.

Ġustifikazzjoni

Emenda bbażata fuq il-paragrafu 4 tal-Istandard A5.2.2 tal-Konvenzjoni.

Emenda  21

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 7

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 1a – paragrafu 18

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Meta lment relatat ma' suġġetti koperti mill-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu ma jkunx ġie solvut abbord il-bastiment, l-uffiċjal ta' kontroll mill-Istat tal-port għandu jinnotifika minnufih lill-Istat tal-bandiera filwaqt li, fi żmien stipulat, ifittex parir jew pjan korrettiv ta' azzjoni. Rapport tal-ispezzjoni għandu jintbagħat b'mezz elettroniku lill-bażi tad-dejta ta' spezzjoni msemmija fl-Artikolu 24.

1. Meta l-paragrafu -1c ma japplikax u lment relatat ma’ suġġetti koperti mill-Konvenzjoni ma jkunx ġie solvut abbord il-bastiment, l-uffiċjal ta’ kontroll mill-Istat tal-port għandu jinnotifika minnufih lill-Istat tal-bandiera filwaqt li, fi żmien stipulat, ifittex parir jew pjan korrettiv ta’ azzjoni li għandu jitressaq mill-Istat tal-bandiera. Rapport tal-ispezzjoni għandu jintbagħat b'mezz elettroniku lill-bażi tad-dejta ta' spezzjoni msemmija fl-Artikolu 24.

Ġustifikazzjoni

Sabiex ikun hemm allinjament aktar mill-qrib mal-paragrafu 5 tal-Istandard A5.2.2 tal-Konvenzjoni.

Emenda  22

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 7

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 18a – paragrafu 2a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a. Meta lment ma jkunx ġie solvut wara l-azzjoni meħuda skont il-paragrafu 1, l-Istat tal-port għandu jibgħat kopja tar-rapport tal-ispettur lid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn kwalunkwe tweġiba mill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera li tasal qabel it-tmiem taż-żmien preskritt. L-organizzazzjonijiet adatti tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara fl-Istat tal-port għandhom jiġu informati bl-istess mod.

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tirrifletti l-Istandard 5.2.2 paragrafu 6 tal-Konvenzjoni.

Emenda  23

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 7

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 18a – paragrafu 2b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2b. L-istatistika u l-informazzjoni dwar l-ilmenti li jkunu diġà ġew solvuti għandhom jtitressqu regolarment mill-Istat tal-port quddiem id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

Ġustifikazzjoni

Sabiex jiġi żgurat li jinżamm rekord ta' tali informazzjoni u li l-partijiet li jafu jkunu interessati jibbenefikaw minn proċeduri ta' rikors rilevanti tinġibdilhom l-attenzjoni dwarha.

Emenda  24

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt -8 (ġdid)

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 19 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-8) Fl-Artikolu 19, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

 

1. L-awtorità kompetenti għandha tkun sodisfatta li kull nuqqas ikkonfermat jew mikxuf mill-ispezzjoni jew investigazzjoni msemmija ġie, jew sa jiġi, irrettifikat skont il-Konvenzjonijiet.'

Ġustifikazzjoni

Din l-emenda tirrifletti l-Istandard A5.2.2 tal-Konvenzjoni. Il-paragrafu 1 jirreferi għal "investigazzjoni inizjali" filwaqt li l-paragrafu 4 jirreferi għal "investigazzjoni" u "spezzjoni". Hemm bżonn li kemm l-investigazzjonijiet kif ukoll l-ispezzjonijiet jiġu rikonoxxuti fid-Direttiva.

Emenda  25

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 1a (ġdid)

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 19 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-8a) Fl-Artikolu 19, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

 

2. F’każ ta’ nuqqasijiet illi diġà huma perikolużi għas-sikurezza, is-saħħa, [...] l-ambjent jew is-sigurtà tal-baħħara jew meta jkun hemm każijiet fejn in-nuqqas ta' konformità jikkostitwixxi ksur serju jew ripetut tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni (inklużi d-drittijiet tal-baħħara), l-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port fejn qiegħed jiġi spezzjonat il-vapur għandha tiżgura li l-vapur miżmum jew li l-operazzjoni li matulha ġew irrappurtati n-nuqqasijiet twaqqfet. L-ordni ta’ detenzjoni jew twaqqif ta’ operazzjoni ma tiqafx sakemm jitneħħa l-perikolu jew sakemm din l-awtorità tista’ tistabbilixxi illi l-vapur jista’ jkun soġġett għal kondizzjonijiet meħtieġa, inkluża l-aċċettazzjoni ta' pjan ta' azzjoni maħsub biex jirrettifika tali nuqqasijiet ta' konformità li l-awtorità tkun sodisfatta li jiġi implimentat bla dewmien, jipproċedi lejn il-baħar jew titkompla l-operazzjoni mingħajr riskju għas-sikurezza u ssaħħa tal-passiġġieri jew l-ekwipaġġ, jew riskju lil vapuri oħra, jew mingħajr ma hemm theddida mhux raġjonevoli lill-ambjent tal-baħar.

Ġustifikazzjoni

Biex tiġi riflessa aktar mill-qrib l-ewwel parti tal-Istandard A5.2.1 paragrafu 6 tal-Konvenzjoni.

Emenda  26

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 1b (ġdid)

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 19 – paragrafu 3a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-8b) Fl-Artikolu 19, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

 

‘3a. Jekk il-bastiment ma jitħalliex ibaħħar, l-ispettur għandu jinnotifika minnufih lill-Istat tal-bandiera kif ikun meħtieġ u jistieden rappreżentant tal-Istat tal-bandiera biex, jekk ikun possibbli, ikun preżenti, filwaqt li jitlob lill-Istat tal-bandiera jwieġeb qabel it-tmiem ta' żmien preskritt.

Ġustifikazzjoni

Biex tiġi riflessa aktar mill-qrib it-tieni parti tal-Istandard A5.2.1 paragrafu 6 tal-Konvenzjoni.

Emenda  27

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 10

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 27 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-modalitajiet ta' pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu ta' hawn fuq, il-kriterji għall-aggregazzjoni tad-dejta rilevanti u l-frekwenza tal-aġġornamenti. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 31(2).

Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-modalitajiet ta' pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu ta' hawn fuq, il-kriterji għall-aggregazzjoni tad-dejta rilevanti u l-frekwenza tal-aġġornamenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu skont il-proċedura ta’ eżami, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Ġustifikazzjoni

Id-Direttiva attwali tirreferi għall-proċedura regolatorja ta' qabel. Jeħtieġ li fid-Direttiva kif emendata, tissemma' l-proċedura ta' eżami f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 dwar l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, li jipprovdi li l-proċeduri regolatorji isiru proċeduri ta' eżami.

Emenda  28

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 11

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 2b – paragrafu 30

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 30a għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indefinit mid-data ta' dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 30a għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissoni għandha tfassal rapport dwar id-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Kemm-il darba dak ir-rapport ikun tfassal, id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

Ġustifikazzjoni

Biex tiġi riflessa l-pożizzjoni abitwali tal-Parlament li d-delega m'għandhiex tkun għal perjodu indefinit u li l-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar kif użat is-setgħat tagħha qabel ma tiġi kkunsidrata estensjoni.

Emenda  29

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 12

Direttiva 2009/16/KE

Artikolu 31 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Vapuri (COSS – ‘Committee on Safe Seas and the Prevention of Pollution from Ships') stabbilit mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Ma taffettwax il-verżjoni Maltija.

Emenda  30

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 16

Direttiva 2009/16/KE

Anness V – Parti A – punt 18

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

18. Il-bastiment ikun biddel il-bandiera sabiex jevita milli jikkonforma mal-MLC.

18. Hemm raġunijiet validi biex wieħed jaħseb li l-bastiment ikun biddel il-bandiera sabiex jevita li jikkonforma mal-Konvenzjoni.

Ġustifikazzjoni

Sabiex ikun hemm allinjament mal-istandard A5.2.1 paragrafu 1(c) tal-Konvenzjoni.

Emenda  31

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 16

Direttiva 2009/16/KE

Anness V – Parti A – punt 18a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

18a. Ikun hemm ilment li jallega li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien fuq il-bastiment ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.

Ġustifikazzjoni

Sabiex ikun hemm allinjament mal-istandard A5.2.1 paragrafu 1(d) tal-Konvenzjoni.

Emenda  32

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – punt 17

Direttiva 2009/16/KE

Anness X – punt 3.10 – punt 9a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

9a. Il-ksur tad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali jew tad-drittijiet tal-baħħara fil-qasam tal-impjieg u fil-qasam soċjali skont l-Artikoli III u IV tal-MLC jikkonċerna:

 

(1) id-drittijiet fundamentali li ġejjin:

 

(a) il-libertà ta' assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt ta' negozjar kollettiv;

 

(b) it-tneħħija ta' kull forma ta' xogħol sfurzat jew bilfors;

 

(c) l-abolizzjoni effettiva tat-tħaddim tat-tfal;

 

(d) l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjiegi u dik professjonali;

 

(2) id-drittijiet fil-qasam tal-impjieg u fil-qasam soċjali, kif ġej:

 

(e) kull baħħar għandu d-dritt għal post tax-xogħol sikur u konformi mal-istandards ta' sigurtà;

 

(f) kull baħħar għandu d-dritt għal kundizzjonijiet ġusti ta' impjieg;

 

(g) kull baħħar għandu d-dritt għak kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti abbord il-bastiment;

 

(h) kull baħħar għandu d-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa, il-kura medika, miżuri ta' benesseri u forom oħra ta' protezzjoni soċjali.

Ġustifikazzjoni

Sabiex issir referenza għall-Artikoli III u IV tal-Konvenzjoni b'konformità mal-paragrafu 2 tal-Linja Gwida B5.2.1.

Emenda  33

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tinkiseb konformità mad-Direttiva sa mhux iktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif isiru referenzi bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tinkiseb konformità mad-Direttiva sa mhux iktar tard minn xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif isiru referenzi bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Ġustifikazzjoni

Ħafna Stati Membri tal-UE se jkunu rratifikaw il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu fost l-ewwel tletin firmatarju (jew ftit wara) u fi kwalunkwe każ se jkunu ilhom jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni għal bosta snin; għaldaqstant, se jkunu kapaċi jikkonformaw bis-sħiħ mad-Direttiva fid-data li fiha l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ. It-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tista' ssir fl-istess waqt, matul il-perjodu ta' 12-il xahar previst għad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni wara l-ewwel 30 firma. Dan l-approċċ ikun konsistenti mal-ispirtu ta' ftehim mas-sħab soċjali.

  • [1]  ĠU C, 299, 4.10.2012, p. 153.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu

Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (‘Maritime Labour Convention' – MLC) ġiet adottata mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (‘International Labour Organisation' – ILO) fit-23 ta' Frar 2006. Din tkopri r-rekwiżiti minimi għall-baħħara biex jaħdmu fuq bastiment (it-Titolu I tal-MLC), il-kundizzjonijiet tal-impjieg (it-Titolu II), l-akkomodazzjoni, il-faċilitajiet rikreattivi, l-ikel u s-servizz tal-ikel u x-xorb (it-Titolu III), il-protezzjoni tas-saħħa, il-kura medika, il-benesseri u l-protezzjoni tas-sigurtà soċjali (it-Titolu IV) u l-konformità u l-infurzar (it-Titolu V). Ser tissostitwixxi 37 konvenzjoni marittima eżistenti tal-ILO u r-rakkomandazzjonijiet relatati adottati sa mill-1920 u ser tirripreżenta l-ewwel kodiċi komprensiva dwar ix-xogħol marittimu għal aktar minn 1.2 miljun baħħar madwar id-dinja.

L-ILO rċeviet it-30 ratifika tal-MLC fl-20 ta' Awwissu 2012, u b'hekk din setgħet tidħol fis-seħħ sena wara. Disa' Stati Membri (il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, Spanja u l-Isvezja) kienu fost dawn l-ewwel 30 pajjiż li rratifikaw il-Konvenzjoni, bħalma kienu l-Kroazja, in-Norveġja u l-Isvizzera.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta' Frar 2009, li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (European Community Shipowners' Associations – ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (European Transport Workers' Federation – ETF), diġà allinjat il-leġiżlazzjoni Ewropea mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titoli I, II, III u IV tal-MLC. Madankollu, is-sħab soċjali Ewropej ma kellhomx is-setgħa li jinkludu d-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar inklużi fit-Titolu V tal-MLC f'dan il-Ftehim; għalhekk hemm bżonn il-proposta li qed tiġi diskussa hawnhekk. Din hija marbuta mill-qrib mal-Proposta dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-infurzar tad-Direttiva 2009/13/KE (COM(2012)134).

Valutazzjoni ġenerali

Il-Parlament ilu jappoġġa miżuri maħsuba biex jistabbilixxu standards minimi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord il-bastimenti. Meta wieħed iqis in-natura globali tal-industrija tat-tbaħħir, huwa xieraq li tali standards ikunu applikabbli għall-industrija kollha kemm hi. Il-miżuri maħsuba biex jiżguraw il-konformità, inklużi fit-Titolu V, għandhom rwol partikolarment importanti x'jaqdu biex jinkisbu dawn l-objettivi. Il-bastimenti substandard huma inaċċettabbli kemm mill-perspettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema kif ukoll għal raġunijiet ta' sigurtà u sikurezza tal-bastimenti u l-ħarsien tal-ambjent.

Is-sidien tal-bastimenti, il-kaptani u l-Istati tal-bandiera għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-bastimenti huma konformi mar-regoli rilevanti. Madankollu, mhux l-Istati tal-bandiera kollha jinfurzaw tali dispożizzjonijiet b'mod effikaċi. Peress li dawn ma jirnexxilhomx jonoraw l-impenji tagħhom, xi bastimenti jitħallew ibaħħru f'kundizzjonijiet mhux sikuri, u dan huwa theddida għall-ħajjiet umani kif ukoll għall-ambjent marittimu.

Għaldaqstant, huwa xieraq li l-UE tipprovdi mekkaniżmi sabiex ikun jista' jiġi vverifikat li l-istandards rilevanti jiġi applikati abbord il-bastimenti kollha li jidħlu fil-portijiet tal-UE, tkun xi tkun in-nazzjonalità tal-baħħara jew il-bandiera tal-bastiment. Dan iservi wkoll ta' mezz sabiex jiġi limitat id-dumping soċjali, li jdgħajjef il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jippenalizza lil dawk is-sidien ta' bastimenti li qed joffru kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti b'konformità mar-regoli tal-ILO.

Il-klawsola ta' "ebda trattament aktar favorevoli" tal-MLC hija partikolarment importanti f'dan il-kuntest. Skont din il-klawsola, il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat li ma jkunx irratifika l-Konvenzjoni m'għandhomx jirċievu trattament aktar favorevoli minn dawk il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat li jkun irratifikaha. Din il-klawsola se tagħti kontribut prezzjuż fl-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi fil-qasam tat-tbaħħir.

Fl-istess ħin, il-Parlament saħaq ukoll fuq l-importanza li tissaħħaħ l-attraenza tal-professjonijiet marittimi f'għajnejn iċ-ċittadini Ewropej, inkluż permezz ta' titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord il-bastimenti. Filwaqt li l-istandards minimi internazzjonali qed jintlaqgħu tajjeb ferm, għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat li ma jintużawx bħala skuża biex jitnaqqsu l-livelli eżistenti ta' protezzjoni fil-qafas tal-leġiżlazzjoni soċjali Ewropea.

Emendi proposti

Minbarra l-emendi maħsuba biex jagħmluha ċara li l-istandards minimi internazzjonali ma jagħtu l-ebda raġuni biex jiddgħajfu l-istandards Ewropej eżistenti meta dawn huma ta' livell ogħla, emendi proposti oħra għandhom l-għan li jallinjaw it-test tad-Direttiva dwar il-kontroll tal-Istat tal-port aktar mill-qrib ma' dak tal-MLC. Sensiela oħra ta' emendi tfittex li tiżgura li l-informazzjoni tintbagħat lill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol sabiex jiġi promoss it-tixrid tal-aħjar prattika. Hemm ukoll proposti oħra biex isaħħu l-klawsoli dwar il-kunfidenzjalità tal-ilmenti sabiex jitnaqqas ir-riskju li l-baħħara joqogħdu lura milli jressqu lmenti minħabba li jibżgħu li wara jkollhom ibatu konsegwenzi negattivi.

Meta wieħed iqis l-importanza li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun konformi mal-impenji esterni tal-Unjoni u li l-Istati Membri kellhom żmien mill-2006 'l hawn biex iħejju l-leġiżlazzjoni nazzjonali meħtieġa, jidher ukoll xieraq li l-perjodu ta' traspożizzjoni jitqassar sabiex l-Istati Membri jkunu konformi għalkollox meta l-MLC tidħol fis-seħħ.

Fl-aħħar nett, peress li d-Direttiva 2009/16/KE qed tiġi emendata għall-ewwel darba minn mindu t-Trattat ta' Lisbona daħal fis-seħħ, hemm bżonn ta' regoli ġodda dwar is-setgħat ta' delega u ta' implimentazzjoni. L-emenda proposta dwar dan il-punt tirrifletti l-pożizzjoni abitwali tal-Parlament li d-delega m'għandhiex tkun għal perjodu indefinit u li l-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar kif tkun użat is-setgħat tagħha qabel ma tiġi kkunsidrata estensjoni.

bżonn ta' aktar azzjoni

Filwaqt li r-ratifika bikrija tal-MLC u t-traspożizzjoni tad-Direttiva emendata huma importanti, mhuwiex biżżejjed li jinħoloq qafas leġiżlattiv adegwat. L-Istati Membri jridu wkoll jirreklutaw għadd adegwat ta' spetturi bil-ħiliet meħtieġa, inkluża l-kapaċità li jivvalutaw il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-baħħara abbord il-bastimenti. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandha rwol importanti x'taqdi fit-tħarriġ tal-ispetturi biex iwettqu l-funzjonijiet ta' kontroll tagħhom fil-qafas tal-MLC.

PROĊEDURA

Titolu

Il-kontroll mill-Istat tal-port

Referenzi

COM(2012)0129 – C7-0081/2012 – 2012/0062(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

23.3.2012

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

TRAN

29.3.2012

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

EMPL

29.3.2012

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

EMPL

20.4.2012

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Brian Simpson

23.4.2012

 

 

 

Eżami fil-kumitat

9.10.2012

26.11.2012

 

 

Data tal-adozzjoni

27.11.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdi Cristiano Allam, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Erik Bánki, Izaskun Bilbao Barandica, Philip Bradbourn, Antonio Cancian, Michael Cramer, Joseph Cuschieri, Philippe De Backer, Luis de Grandes Pascual, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried, Bogusław Liberadzki, Gesine Meissner, Hubert Pirker, Olga Sehnalová, Brian Simpson, Keith Taylor, Giommaria Uggias, Peter van Dalen, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Phil Bennion, Spyros Danellis, Markus Ferber, Dominique Riquet, Alfreds Rubiks, Sabine Wils

Data tat-tressiq

3.12.2012