RAKKOMANDAZZJONI dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji
4.12.2012 - (COM(2012)0631 – C7‑0396/2012 – 2012/0298(NLE)) - ***
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Anni Podimata
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji
(COM(2012)0631 – C7‑0396/2012 – 2012/0298(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (COM(2012)0631),
– wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 329(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0396/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 74g u l-Artikolu 81(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0396/2012),
A. billi fit-28 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE[1],
B. billi dik il-proposta kienet ibbażata fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirrikjedi li jiġi kkonsultat il-Parlament u votazzjoni unanima fil-Kunsill,
C. billi fil-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2012 dwar dik il-proposta, il-Parlament, filwaqt li jaġixxi bi qbil mal-proċedura ta' konsultazzjoni, approva l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata,
D. billi malajr sar ċar li xi Stati Membri kellhom problemi speċifiċi li kienu jagħmluhielhom impossibbli li jaċċettaw id-direttiva proposta;
E. billi diversi Stati Membri wrew li kienu lesti jikkunsidraw il-possibilità li jistabbilixxu sistema komuni ta' TFF fi ħdan il-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa,
F. billi iktar minn disa' Stat Membru wrew l-intenzjoni tagħhom li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-ħolqien ta' sistema komuni ta' TTF billi ressqu talba lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 329(1) tat-TFUE, billi l-Kummissjoni sussegwentement ippreżentat proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa,
G. billi l-Parlament ivverifika l-osservanza tal-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Trattat UE),
H. billi l-Parlament, fil-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2012, iddikjara li l-TTF verament se tikseb l-objettivi tagħha jekk tiddaħħal fil-livell globali, u ssottolinja l-importanza tal-Unjoni biex tmexxi l-isforzi sabiex jintlaħaq ftehim dwar it-TTF fil-livell globali permezz tal-istabiliment ta' eżempju għall-introduzzjoni tat-TTF; billi l-kooperazzjoni mtejba x'aktarx ukoll li tagħti eżempju għall-introduzzjoni tat-TTF fil-livell globali,
I. billi l-Parlament, fil-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2012, iddikjara li l-mudell għat-TTF propost mill-Kummissjoni se jkun bażi xierqa għall-implimentazzjoni fi ħdan grupp ta' Stati Membri jekk dawk jagħżlu li jimxu b'pass iktar imgħaġġel permezz tal-kooperazzjoni mtejba,
J. billi l-Kummissjoni għandha tikkumplimenta l-valutazzjoni inizjali tal-impatt dwar l-introduzzjoni tat-TTF billi teżamina iktar l-impatt tat-TTF taħt il-kooperazzjoni mtejba fis-suq intern b'mod ġenerali, inklużi l-effetti għall-parteċipazzjoni u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni tal-Istati Membri, u għandha tqis ir-riżultati tal-eżami meta tabbozza l-abbozz revedut ta' proposta tagħha,
K. billi, skont l-Artikolu 20 tat-Trattat UE, minimu ta' disa' Stati Membri jistgħu jistabbilixxu l-kooperazzjoni mtejba bejniethom fi ħdan il-qafas tal-kompetenzi mhux esklużivi tal-Unjoni, filwaqt li jużaw l-istituzzjonijiet tagħhom u jeżerċitaw dawk il-kompetenzi billi japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattati b'mod iktar konsistenti legalment,
L. billi tali kooperazzjoni mtejba fir-rigward tat-TTF tista' tiqeis bħala li qed iżżid l-objettivi tal-Unjoni, tipproteġi l-interessi tagħha u ssaħħaħ il-proċess ta' integrazzjoni tagħha fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 20 tat-Trattat UE,
M. billi r-rekwiżiti tal-Artikoli 326 sa 334 TFUE wkoll huma ssodisfati,
N. billi l-kooperazzjoni msaħħa se tirrispetta d-drittijiet, il-kompetenzi u l-obbligi tal-Istati Membri mhux parteċipanti, sakemm il-possibilità li tinħoloq TTF armonizzata fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti ma taffettwa la l-abilità tal-Istati Membri mhux parteċipanti li jżommu jew idaħħlu tassazzjoni simili fil-livell nazzjonali, u lanqas il-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta' tali taxxi fit-territorji tagħhom,
O. billi l-Artikolu 328(1) tat-TFUE jipprevedi li l-kooperazzjoni msaħħa għandha tkun miftuħa f’kull mument għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jipparteċipaw; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa għandhom jippromwovu u jħeġġu, mill-bidu nett u fuq bażi kontinwa, il-parteċipazzjoni tal-ogħla numru ta’ Stati Membri possibbli,
P. billi l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, għandha tiġi osservata,
Q. billi l-approvazzjoni tal-Parlament fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni tikkonċerna l-kooperazzjoni mtejba u ma tiġġudikax minn qabel liema Stati Membri se jipparteċipaw,
R. billi l-Artikolu 333(2) tat-TFUE jippermetti lil dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni mtejba li jadottaw deċiżjoni li tistipula li se jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, iktar milli l-proċedura leġiżlattiva speċjali prevista fl-Artikolu 113 tat-TFUE, skont liema l-Parlmament sempliċiment jiġi kkonsultat,
S. billi l-Kummissjoni għandha timmoniterja mill-qrib l-implimentazzjoni tat-TTF fir-rigward tal-Artikoli 326 u 327 tat-TFUE u għandha tirrapporta b'mod regolari lura lill-Parlament u lill-Kunsill,
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill, bla preġudizzju għal liema Stati Membri jipparteċipaw;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jadotta deċiżjoni b'konformità mal-Artikolu 333(3) tat-TFUE, li tistipula li, fir-rigward tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-kooperazzjoni mtejba fil-qasam tat-TTF skont l-Artikolu 113 tat-TFUE, se jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE tat- 12 ta’ Frar 2008 dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 46, 21.2.2008, p. 11).
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
29.11.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
32 6 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Burkhard Balz, Jean-Paul Besset, Sharon Bowles, Udo Bullmann, Leonardo Domenici, Diogo Feio, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Jürgen Klute, Philippe Lamberts, Werner Langen, Arlene McCarthy, Ivari Padar, Alfredo Pallone, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Sampo Terho, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool, Pablo Zalba Bidegain |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, Lajos Bokros, Vicky Ford, Ashley Fox, Roberto Gualtieri, Sophia in ‘t Veld, Mojca Kleva Kekuš, Thomas Mann, Gianni Pittella, Nils Torvalds, Emilie Turunen |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jan Kozłowski, Edvard Kožušník |
||||