RAPPORT dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE

6.12.2012 - (2012/2116(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Kartika Tamara Liotard

Proċedura : 2012/2116(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0401/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE

(2012/2116(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2000 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing[1], tal-10 ta' Marzu 2005 dwar is-segwitu għar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa – Pjattaforma ta' Azzjoni (Bejġing+10)[2] u tal-25 ta' Frar 2010 dwar is-segwitu għall-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing (Bejġing +15)[3],

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa tal-1979(CEDAW),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jenfasizza valuri komuni għall-Istati Membri bħall-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jsemmi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/54/KE tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)[4], u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol[5],

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 1998 li jistabbilixxu li l-evalwazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing se tinkludi indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi u parametri referenzjarji,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni komuni mill-ministri tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi magħmula fl-4 ta' Frar 2005 fil-kuntest tar-reviżjoni wara 10 snin tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing, li fiha, fost l-oħrajn, kien konfermat mill-ġdid l-appoġġ qawwi u l-impenn sħiħ tagħhom għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 u t-3 ta' Ġunju 2005 li fihom l-Istati Membri u l-Kummissjoni ġew mistiedna biex isaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u biex joħolqu qafas għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing, sabiex jinħoloq monitoraġġ aktar konsistenti u sistematiku tal-progress,

–   wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011[6],

–   wara li kkunsidra l-'Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel: 2010–2015' tal-Kummissjoni, ippreżentata fil-21 ta' Settembru 2010, u d-dokument ta' ħidma tal-persunal ta' akkumpanjament dwar l-azzjonijiet li jimplimentaw l-istrateġija (COM(2010)0491, SEC(2010)1080),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Settembru 2008 dwar l-effett tal-kummerċjalizzazzjoni u tar-riklamar fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel[7],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea[8],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0401/2012),

A. billi l-Artikolu 8 tat-TFUE jistipula li fl-attivitajiet kollha tagħha l-Unjoni għandu jkollha l-għan li telimina l-inugwaljanzi, u tippromwovi l-ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa;

B.  billi, minkejja xi progress li sar f'ħafna Stati Membri, ħafna nisa għadhom iġorru sehem sproporzjonat tal-piż fir-rigward tat-trobbija tat-tfal u l-kura ta' persuni dipendenti; billi l-persistenza ta' stereotipi toħloq ostakolu għall-kondiviżjoni tar-responsabilitajiet tal-familja u dawk domestiċi bejn in-nisa u l-irġiel u xxekkel it-twettiq tal-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol;

C. billi l-istereotipi għadhom jeżistu fil-livelli kollha tas-soċjetà u fil-gruppi kollha tal-età, u jaffettwaw kif aħna nipperċepixxu lil xulxin b'suppożizzjonijiet issimplifikati żżejjed fuq il-bażi tan-normi, il-prattiki u t-twemmin iffurmati mis-soċjetà li spiss huma bbażati u mrawma fuq il-kultura u r-reliġjon, u li jipperpetwaw ir-relazzjonijiet sottostanti tal-poter;

D. billi l-forom kollha diretti u indiretti tad-diskriminazzjoni bejn is-sessi għandhom jiġu eliminati sabiex jiggarantixxu lin-nisa d-dritt għal trattament indaqs u bidla fil-perċezzjoni kulturali li n-nisa huma f'diversi modi passivi jew ħlejqiet inqas mill-irġiel;

E.  billi r-rwoli tradizzjonali u l-istereotipi tas-sessi għad għandhom influwenza qawwija fuq il-kondiviżjoni tar-rwoli bejn in-nisa u l-irġiel fid-dar, fil-post tax-xogħol u fis-soċjetà ġenerali, filwaqt li n-nisa huma rrappreżentati bħala l-persuni responsabbli għad-dar u t-tfal filwaqt li l-irġiel huma rrappreżentati bħala l-persuni li jiksbu l-flus u li jipproteġu; billi l-istereotipi tas-sessi għandhom tendenza li jipperpetraw l-istatus quo ta' ostakoli li ntirtu għall-ksib ta' ugwaljanza bejn is-sessi u jillimitaw il-firxa ta' għażliet għan-nisa rigward l-impjiegi u l-iżvilupp personali tagħhom, b'tali mod li jtellfuhom milli jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom bħala individwi u atturi ekonomiċi, u għalhekk jikkostitwixxu ostakoli qawwija għall-kisba ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

F.  billi r-rwoli tas-sessi jiġu ffurmati u imposti permezz ta' varjetà ta' influwenzi soċjali, notevolment il-midja u l-edukazzjoni, u jiġu ffurmati matul il-fażijiet tas-soċjalizzazzjoni tat-tfulija u l-adolexxenza, u għalhekk jinfluwenzaw lill-persuni matul ħajjithom kollha;

G. billi n-nisa f'żoni rurali jsofru minn diskriminazzjoni u stereotipi tas-sessi saħansitra ikbar min-nisa fiż-żoni urbani u r-rata ta' impjieg tan-nisa fiż-żoni rurali hija ħafna iktar baxxa minn dik tan-nisa fil-bliet;

H. billi ta' spiss l-istereotipi tas-sessi jiġu kkombinati ma' stereotipi oħra, bħal stereotipi li jiddiskriminaw fuq il-bażi tal-età, l-istatus tal-migrazzjoni, l-orjentament sesswali, id-diżabilità, eċċ., u għalhekk jaffettwaw ħafna iktar lin-nisa li jaqgħu taħt bosta minn dawn il-kategoriji;

I.   billi l-vjolenza fuq in-nisa hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem li taffettwa lis-saffi soċjali, kulturali u ekonomiċi kollha;

Midja u kultura

J.   billi d-diskriminazzjoni bejn is-sessi fil-midja, il-komunikazzjoni u r-reklamar għadha frekwenti u tiffaċilita r-riproduzzjoni tal-istereotipi tas-sessi, speċjalment billi tagħti stampa tan-nisa bħala oġġetti sesswali sabiex jiġi promoss il-bejgħ; billi, pereżempju, fir-reklamar 27 % mill-impjegati jew il-professjonisti murija huma nisa, filwaqt li 60 % ta' dawk li jidhru jagħmlu x-xogħol tad-dar jew jieħdu ħsieb it-tfal huma nisa; billi r-reklamar u l-midja jistgħu wkoll jaġixxu, madankollu, bħala katalist qawwi fil-ġlieda kontra l-istereotipi u l-preġudizzji bbażati fuq is-sessi;

K. billi l-industrija tal-alkoħol, bl-investimenti vasti tagħha fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha, tikkontribbwixxi għall-perpetwazzjoni tal-istereotipi tas-sessi u s-sesswalizzazzjoni tal-bniet u n-nisa;

L.  billi t-tfal jiġu kkonfrontati bl-istereotipi tas-sessi minn età żgħira ħafna permezz tal-mudelli rwol promossi mis-serji u l-programmi televiżivi, id-diskussjonijiet, il-logħob, il-logħob elettroniku, il-materjal tal-istudju u l-programmi edukattivi, l-attitudnijiet fl-iskejjel, il-familja u s-soċjetà, li jinfluwenzaw il-perċezzjoni tagħhom ta' kif għandhom iġibu ruħhom in-nisa u l-irġiel u li jkollhom effetti fuq il-bqija ta' ħajjithom u fuq l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-futur;

M. billi l-mod kif il-bniet huma mpinġija fl-ispazju pubbliku jnaqqas l-istima tas-soċjetà fir-rigward tagħhom, jippromwovi l-vjolenza fuq il-bniet; billi, filwaqt li l-midja jista' jkollha rwol edukattiv pożittiv, l-istereotipi dwar il-bniet huma mifruxa b'mod wiesa' fil-midja u ta' spiss għandhom it-tendenza li jsaħħu l-attitudnijiet u l-imġiba tradizzjonali, inkluż fir-reklamar u fil-programmi tat-tfal;

N. billi fil-programmi televiżivi, il-logħob tal-kompjuter u l-filmati mużikali hemm tendenza dejjem aktar evidenti, parzjalment għal skopijiet kummerċjali, li jiġu preżentati nisa b'ilbies provokattiv, f'pożi sesswali, u b'hekk dawn jikkontribwixxu aktar għall-istereotipi tas-sessi; billi l-lirika ta' kanzunetti għaż-żgħażagħ tinkludi kontenut sesswali, li ta' spiss tippromwovi l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet;

O. billi t-tfajliet u l-ġuvintur huma l-aktar milquta mill-istatus kulturali l-ġdid tal-pornografija; billi 'l-integrazzjoni tal-pornografija', jiġifieri l-proċess kulturali attwali li fih il-pornografija qed tinfiltra fil-ħajja ta' kuljum tagħna bħala element kulturali dejjem aktar aċċettat universalment, ta' spiss idealizzata, timmanifesta ruħha partikolarment b'mod ċar fost il-kultura taż-żgħażagħ: mit-televiżjoni u r-rivisti tal-istil tal-ħajja għaż-żgħażagħ għall-filmati tal-mużika u r-riklami mmirati lejn iż-żgħażagħ;

Edukazzjoni u taħriġ

P.  billi l-istereotipi sessisti jitwasslu kemm mill-għalliema (volontarjament jew le) kif ukoll mill-materjal edukattiv ta' appoġġ li jingħataw l-għalliema;

Q. billi l-aċċess għall-edukazzjoni formali primarja, sekondarja u terzjarja u l-kontenut tal-kurrikulu kif mgħallem lill-bniet u lis-subien huwa fattur prinċipali li jinfluwenza d-differenzi bejn is-sessi u, b'mod korrispondenti, fuq l-għażliet u l-aċċess għad-drittijiet; billi, filwaqt li l-aċċess għall-edukazzjoni kemm għall-bniet kif ukoll għas-subien b'mod ġenerali jista' jidher inqas problematiku fl-UE milli f'partijiet oħra tad-dinja, madankollu għandu jiġu osservat li l-bniet u s-subien mhumiex ugwali fl-aċċess u l-użu komplet tas-sistemi u l-opportunitajiet edukattivi; billi, b'mod partikolari, l-aċċess għall-bniet minn gruppi fil-minoranza, bħal bniet mill-komunità tar-Roma, bniet migranti, dawk li jfittxu l-ażil, ir-refuġjati u bniet b'diżabilità għadu problematiku ħafna f'xi pajjiżi;

R.  billi l-idea ta' ugwaljanza tista' tingħata fit-tfal minn età bikrija u trobbija fejn l-ugwaljanza hija rikonoxxuta tista' tgħallimhom jiġġieldu kontra l-istereotipi bejn is-sessi;

S.  billi l-istereotipi li għadhom jeżistu fir-rigward tal-għażliet edukattivi u professjonali disponibbli għan-nisa jgħinu biex jipperpetwaw l-inugwaljanzi; billi l-edukazzjoni u t-taħriġ għadhom jittrażmettu stereotipi tas-sessi, minħabba li ta' spiss in-nisa u l-irġiel isegwu mogħdijiet tradizzjonali tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u dan għandu riperkussjonijiet serji fuq is-suq tax-xogħol, billi jillimita d-diversifikazzjoni u spiss ipoġġu lin-nisa f'okkupazzjonijiet li huma ta' inqas valur u rimunerazzjoni;

T.  billi fil-proċess edukattiv, is-subien u l-bniet għadhom mhux imħeġġa biex juru interess ugwali fis-suġġetti kollha, partikolarment fir-rigward tas-suġġetti xjentifiċi u tekniċi;

U. billi, għalkemm bosta pajjiżi Ewropej jinkludu d-dimensjoni tas-sessi fl-orjentazzjoni professjonali tagħhom, din normalment tkun indirizzata lejn il-bniet biex tħeġġiġhom jagħżlu karrieri fit-teknoloġija u x-xjenza, u ma teżisti ebda inizjattivi biex tħeġġeġ lis-subien jagħżlu karrieri fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa jew l-umanitajiet;

Suq tax-xogħol

V. billi l-impatt tal-istereotipi tas-sessi fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ għandu implikazzjonijiet qawwija fis-suq tax-xogħol fejn in-nisa għadhom jiffaċċjaw segregazzjoni kemm orizzontali kif ukoll vertikali, u billi dan jikkontribwixxi għall-fatt li ċerti setturi għadhom jitqiesu bħala 'maskili' (b'iktar minn 85 % rġiel) u l-livelli tal-pagi tagħhom konsegwentement ikunu ogħla minn dawk tas-setturi meqjusa 'femminili' (b'ikar minn 70 % nisa); billi, barra minn hekk, ġeneralment ikun hemm iktar nisa impjegati f'impjiegi bi status soċjoekonomiku iktar baxx u dan ukoll jippreġudika l-kunfidenza tagħhom u l-fiduċja fihom innifishom;

W. billi l-istereotipi tas-sessi fis-suq tax-xogħol għadhom jillimitaw l-aċċess tan-nisa għal ċerti setturi, bħall-inġinerija, it-tifi tan-nar, il-manifattura, il-bini, is-sengħa ta' mastrudaxxa, il-mekkanika, is-settur tekniku u dak xjentifiku u t-teknoloġiji l-ġodda, imma jillimitaw ukoll l-aċċess tal-irġiel għas-setturi tal-kura tat-tfal (ix-xogħol ta' qabla, infirmiera tat-tfal, eċċ.);

X. billi għarfien aqwa tal-impjiegi li jeżistu fis-suq tax-xogħol jiffavorixxi aċċess aqwa għat-taħriġ professjonali kollu;

Y. billi l-ħolqien ta' stereotipi fuq il-bażi tas-sessi huwa kontroproduttiv u fis-suq tax-xogħol jikkontribwixxi għal diviżjonijiet bejn is-sessi fil-professjonijiet, u b'hekk iwessa' d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa;

Z.  billi fl-2010 n-nisa kienu għadhom jaqilgħu medja ta' madwar 16 % inqas mill-irġiel għall-istess impjiegi fl-UE u d-differenza fil-pagi tvarja fi ħdan l-Istati Membri u f'xi wħud minnhom taqbeż il-medja ta' 22 % fl-2011; billi, għalkemm hemm ħafna raġunijiet kumplessi għal din id-differenza fil-pagi, din spiss tkun ir-riżultat tal-istereotipi tas-sessi u fuq il-perċezzjoni li n-nisa jitqiesu biss f'termini tad-distribuzzjoni tradizzjonali tar-rwoli;

AA.     billi, b'referenza għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, in-nisa huma b'mod ġenerali rappreżentati b'mod sproporzjonat fl-'impjiegi flessibbli' u dawk part-time, ħaġa li tissuġġerixxi li t-twemmin tradizzjonali li n-nisa għandhom iġorru r-responsabbiltà ewlenija għall-kura tal-familja għadu jippersisti sal-lum, twassalhom biex jieħdu impjiegi part-time b'ħinijiet flessibbli jew fuq bażi għat-terminu qasir ta' żmien u tillimita l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol u li jiġu promossi;

AB.     billi l-waqfien tal-karriera tan-nisa, minħabba l-liv tal-maternità jew tal-ġenituri, iwessa' id-differenza fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa;

Teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi

AC.     billi l-istudju tal-Kummissjoni tal-2011 juri li fl-2012, fl-Unjoni Ewropea, in-nisa kienu jirrappreżentaw 14 % tal-membri tal-bord tal-ikbar kumpaniji kkwotati, ħaġa li tissuġġerixxi l-eżistenza ta' l-hekk imsejjaħ 'saqaf tal-ħġieġ' li jagħmilha diffiċli għan-nisa li jkollhom impjiegi superjuri ta' ġestjoni u opportunitajiet indaqs għall-promozzjoni;

AD.     billi, minkejja li kien hemm xi titjib fil-ftit snin li għaddew, in-nisa għadhom sottorappreżentati fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE; billi r-rappreżentanza tan-nisa fil-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali żdiedet minn 21 % fl-2004 għal 23 % fl-2009, filwaqt li r-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Ewropew żdiedet minn 30 % fl-2004 għal 35 % fl-2009;

AE.     billi l-istereotipi tas-sessi u s-sessiżmu għadhom prevalenti fil-korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet kemm politiċi kif ukoll ekonomiċi, b'okkażjonijiet regolari ta' rimarki sessisti u fastidju, inklużi xi forom ta' fastidju sesswali u vjolenza fuq in-nisa;

AF.     billi l-istereotipi tas-sessi jridu jiġu eliminati, speċjalment fil-livell tal-kumpaniji, fejn il-parti l-kbira tal-pożizzjonijiet ta' tmexxija huma f'idejn l-irġiel, għaliex dawn jikkontribwixxu sabiex jillimitaw l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ nisa u jwasslu biex in-nisa jitħajru inqas li japplikaw għall-ogħla pożizzjonijiet ta' ġestjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet finanzjarji, ekonomiċi u politiċi, kemm fl-isfera pubblika kif ukoll f'dik privata;

Azzjoni tal-UE

1.  Jinnota li hemm nuqqas serju ta' progress biex jiġu onorati l-impenji li saru kemm mill-UE kif ukoll mid-diversi gvernijiet bħala parti mill-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing u jenfasizza l-ħtieġa għal indikaturi ġodda fil-qasam tal-istereotipi tas-sessi u għal rapporti analitiċi fil-livell tal-UE, u jistieden lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jindirizza din il-kwistjoni;

2.  Jinnota li, minkejja l-impenn tal-UE għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, għad hemm nuqqas fil-leġiżlazzjoni li tipprovdi għan-nondiskriminazzjoni kontra n-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma tas-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni u l-midja, l-impjiegi u l-pagi; jenfasizza l-ħtieġa li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti f'dawn l-oqsma titjieb u li tiddaħħal leġiżlazzjoni ġdida; jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha tal-politika, peress li din twassal għall-potenzjal tat-tkabbir tal-forza tax-xogħol Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu effiċjenti mill-fondi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għal strateġiji fit-tul li jgħinu biex dawk is-setturi tas-suq tax-xogħol li fihom in-nisa huma sottorappreżentati minħabba l-istereotipi tas-sessi jsiru aktar familjari u attraenti għalihom; iqis li dik l-istrateġija għandha tinkludi azzjoni pożittiva, it-tagħlim tul il-ħajja u l-inkoraġġiment lit-tfajliet biex jidħu f'oqsma ta' studju li mhumiex meqjusa tradizzjonalment 'femminili', bħat-teknoloġija tal-informazzjoni jew il-mekkanika, u biex jappoġġjaw miżuri ta' konċiljazzjoni bejn id-dinja tax-xogħol u l-familja għan-nisa u l-irġiel;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jeliminaw l-istereotipi u jippromwovu l-aċċess għal kulħadd għat-tagħlim u għall-impjieg mingħajr xkiel minħabba stereotipi;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw b'mod sostanzjali u sostenibbli l-programm DAPHNE attwali u l-programm Drittijiet u Ċittadinanza li se jibda, bħala mod kif tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa, kif ukoll l-istereotipi tas-sessi;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji li jindirizzaw il-kawżi profondi tad-diskriminazzjoni u l-vjolenza fuq in-nisa, li huma minquxa fl-istereotipi u l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel, billi jibdew bit-tkissir tal-istereotipi tas-sessi;

7.  Jistieden lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-ħtieġa urġenti li titqies l-introduzzjoni ta' qafas regolatorju li jipprojbixxi l-mod kif il-bniet u n-nisa jintwerew bħala oġġetti sesswali mill-industrija tal-alkoħol;

Midja u kultura

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-inklużjoni tal-istereotipi tas-sessi fir-reklamar matul il-programmi tat-televiżjoni tat-tfal, kif ukoll f'dawn il-programmi stess, hija problema partikolari, għaliex għandha impatt potenzjali fuq is-soċjalizzazzjoni tas-sessi u, sussegwentement, l-opinjoni tat-tfal dwarhom infushom, dwar il-membri tal-familja tagħhom u d-dinja ta' barra; jenfasizza l-importanza li jitnaqqas l-esponiment tat-tfal għall-istereotipi tas-sessi, possibilment billi tiġi provduta edukazzjoni kritika dwar il-midja fl-iskejjel;

9.  Jenfasizza l-importanza li jiddaħħlu wkoll is-subien matul il-proċess tal-integrazzjoni tas-sessi u għaldaqstant iħeġġeġ it-tagħlim ta' eżerċizzji mfassla speċifikament sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tagħhom fir-rigward tal-istereotipi;

10. Jisħaq fuq il-fatt li r-reklamar spiss jagħtu messaġġi diskriminatorji u/jew nieqsa mid-dinjità bbażati fuq il-forom kollha ta' stereotipi tas-sessi, ħaġa li xxekkel l-istrateġiji għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-soċjetà ċivili u lill-korpi tal-awtoregolamentazzjoni tar-reklamar jikkooperaw mill-qrib biex jissieltu kontra tali prattiki, b'mod speċjali billi jużaw għodod effettivi li jiggarantixxu r-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem u dak li hu xieraq min-naħa tal-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar;

11. Jinnota li r-reklamar jista' jkun għodda effettiva fit-tnissil tad-dubju u fil-ġlieda kontra l-istereotipi, kif ukoll bħala għodda kontra r-razziżmu, is-sessiżmu u d-diskriminazzjoni, ħaġa tant essenzjali fis-soċjetajiet multikulturali tal-lum il-ġurnata; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-professjonisti tar-reklamar isaħħu l-attivitajiet ta' taħriġ u ta' edukazzjoni bħala mod biex jintgħelbu l-istereotipi, tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi, speċjalment minn età żgħira; iħeġġeġ lill-Istati Membri, b'mod partikolari, idaħħlu u jiżviluppaw kooperazzjoni mill-qrib mal-iskejjel eżistenti tal-kummerċjalizzazzjoni, il-komunikazzjoni u r-reklamar, ħalli jgħinuhom jipprovdu taħriġ tajjeb għall-forza tax-xogħol futura tas-settur;

12. Jenfasizza l-ħtieġa li jsiru korsijiet speċjali dwar l-istereotipi tas-sessi fil-midja għall-kumitati nazzjonali dwar l-istandards tar-reklamar u għall-korpi awtoregolatorji u regolatorji sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-influwenza negattiva li għandhom ix-xbihat ta' diskriminazzjoni tas-sessi fit-televiżjoni, fl-internet u fil-kampanji ta' kummerċjalizzazzjoni u reklamar;

13. Jistieden lill-UE tiżviluppa kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar it-tolleranza żero fl-UE kollha għal insulti sessisti jew ix-xbihat degradanti tan-nisa u l-bniet fil-midja;

14. Jenfasizza li politika ta' eliminazzjoni tal-istereotipi fil-midja tista' sseħħ biss permezz ta' azzjoni fil-qasam diġitali; iqis li dan jeħtieġ li jinbdew inizjattivi koordinati fil-livell tal-UE bil-ħsieb li tiġi żviluppata kultura ġenwina ta' ugwaljanza fl-internet; jistieden lill-Kummissjoni tħejji, bi sħubija mal-partijiet kkonċernati, karta li l-operaturi kollha tal-Internet ikunu mistiedna li jaderixxu magħha;

15. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jmexxu taħriġ u azzjonijiet ta' taħriġ dwar is-sensibilizzazzjoni ma' professjonisti tal-midja dwar l-effetti dannużi tal-istereotipi tas-sessi u l-prattiki tajba f'dan il-qasam;

16. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tar-rappreżentanza tax-xbieha femminili b'tali mod li tirrispetta d-dinjità tan-nisa, u tal-ġlieda persistenti kontra l-istereotipi tas-sessi, b'mod partikolari l-prevalenza ta' xbihat degradanti, filwaqt li tkun rispettata bis-sħiħ il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa;

17. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu azzjoni konkreta dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Settembru 1997 dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fir-reklamar, li titlob il-projbizzjoni tal-forom kollha tal-pornografija fil-midja u tar-reklamar tat-turiżmu tas-sess[9];

18. Jistieden lill-UE twettaq riċerka dwar ir-rabtiet bejn il-pornografija tat-tfal u l-pornografija tal-adulti u l-impatti fuq il-bniet, in-nisa, is-subien u l-irġiel, kif ukoll ir-relazzjoni bejn il-pornografija u l-vjolenza sesswali;

19. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu korpi regolatorji indipendenti bil-għan li jikkontrollaw il-midja u l-industrija tar-reklamar u mandat biex dawn jimponu sanzjonijiet effettivi fuq kumpaniji u individwi li jippromwovu s-sesswalizzazzjoni tal-bniet;

20. Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra s-sesswalizzazzjoni tal-bniet mhux biss billi tiġbor id-data meħtieġa, tippromwovi l-prattiki tajba u torganizza kampanji ta' informazzjoni, iżda wkoll billi tipprovdi appoġġ finanzjarju għal azzjonijiet meħuda fl-Istati Membri, b'mod partikolari fil-ġlieda tal-organizzazzjonijiet tan-nisa kontra s-sesswalizzazzjoni u l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet;

21. Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri ta' azzjoni pożittiva biex jiġi żgurat li aktar nisa jkollhom aċċess għal pożizzjonijiet ta' ġestjoni fil-midja, inklużi pożizzjonijiet ta' ġestjoni superjuri;

22. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu riċerka u jiġbru data komparabbli rigward in-nisa u l-midja, inkluż dwar ix-xbieha tan-nisa minn gruppi speċifiċi, bħan-nisa b'diżabilità jew nisa li jagħmlu parti minn minoranzi etniċi;

Edukazzjoni u taħriġ

23. Jenfasizza l-ħtieġa ta' korsijiet speċjali ta' gwida għall-karrieri fl-iskejjel primarji u sekondarji u fl-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, sabiex iż-żgħażagħ jiġu infurmati dwar il-konsegwenzi negattivi tal-istereotipi tas-sessi u jiġu mħeġġa jistudjaw u jagħżlu karrieri li fil-passat kienu meqjusa bħala tipikament 'maskili' jew 'femminili'; jitlob li jingħata appoġġ għal kwalunkwe azzjoni mmirata biex tnaqqas il-prevalenza tal-istereotipi tas-sessi fost it-tfal iż-żgħar;

24. Jinsisti fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel minn età żgħira sabiex jiġu miġġielda b'mod effettiv l-istereotipi, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza bbażati fuq is-sessi, inkluż permezz tat-tagħlim fl-iskejjel dwar id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

25. Jenfasizza l-ħtieġa ta' programmi/kurrikuli edukattivi li jiffokaw fuq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, ir-rispett ta' ħaddieħor, ir-rispett fost iż-żgħażagħ, sesswalità rispettuża u r-rifjut tal-forom kollha ta' vjolenza, kif ukoll l-importanza tat-taħriġ tal-għalliema f'dan is-suġġett;

26. Jenfasizza l-ħtieġa ta' proċess tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-iskejjel u għalhekk iħeġġeġ lill-iskejjel biex ifasslu u jimplimentaw eżerċizzji tat-taħriġ dwar is-sensibilizzazzjoni u eżerċizzji prattiċi mfassla sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kurrikulu akkademiku;

27. Jenfasizza l-ħtieġa li jitħejjew u jiddaħħlu korsijiet ta' taħriġ għall-għalliema, is-superviżuri, id-diretturi u l-persuni l-oħra kollha involuti fl-edukazzjoni tat-tfal sabiex dawn ikollhom l-istrumenti pedagoġiċi kollha meħtieġa sabiex jiġġieldu l-istereotipi tas-sessi u jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

28. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li, għalkemm il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE għandhom politiki ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni ogħla, kważi l-politiki u l-proġetti kollha jiffokaw fuq it-tfajliet; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jħejju strateġiji u inizjattivi nazzjonali ġenerali kontra l-istereotipi tas-sessi fl-edukazzjoni ogħla u li jimmiraw lejn il-ġuvintur;

29. Jitlob preparazzjoni xierqa min-naħa tal-għalliema u min iħarreġ, kemm fl-edukazzjoni formali kif ukoll f'dik informali, permezz ta' taħriġ essenzjali fil-qasam tal-ugwaljanza tas-sessi bejn in-nisa/il-bniet u l-irġiel/is-subien u l-iskoperta ta' tipi varji ta' abbuż marbut magħha u vjolenza sesswali u r-reazzjoni għalihom;

30. Jenfasizza li jeħtieġ li jiġu żviluppati politiki li jenfasizzaw it-tfarrik tal-istereotipi tas-sessi minn età żgħira ħafna u taħriġ dwar is-sensibilizzazzjoni għall-għalliema u l-istudenti, u li jinkoraġġixxu u jsostnu d-diversifikazzjoni fil-karrieri kemm għat-tfajliet, kif ukoll għall-ġuvintur;

31. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsegwu politiki attivi biex jiġi żgurat li l-bniet minn gruppi ta' minoranzi u l-bniet minn komunitajiet migranti jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u s-sistemi edukattivi;

32. Jistieden lill-Istati Membri jevalwaw is-sillabu u l-kontenut tal-kotba tal-iskola, fid-dawl ta' riforma li twassal għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet dwar is-sessi bħala parti mill-materjal edukattiv kollu bħala tema trasversali, kemm f'termini tal-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi, kif ukoll f'termini ta' viżibilità akbar għall-kontribuzzjoni u r-rwol tan-nisa fl-istorja, fil-letteratura, fl-arti, eċċ., inkluż fil-livelli l-aktar bikrija tal-iskola;

33. Jistieden lill-UE tippromwovi dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, pereżempju billi tiżgura l-kondiviżjoni ta' prattiki tajba dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala għodda edukattiva u billi tiżviluppa u tiġbor statistiki sensittivi għas-sessi dwar l-aspetti kollha tal-edukazzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE;

34. Jistieden lill-UE tinkludi indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmi tal-evalwazzjoni kollha li jimmiraw lejn l-evalwazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni fl-iskejjel Ewropej;

Suq tax-xogħol

35. Jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib li qed jikber dwar l-influwenza negattiva tal-istereotipi tas-sessi fuq id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa ta' 16.4 % u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu dan it-tħassib meta jiżviluppaw politiki ġodda;

36. Jenfasizza li d-data disponibbli tindika li l-kwalifiki u l-esperjenza miksuba min-nisa huma mħallsa inqas minn dawk miksuba mill-irġiel, parzjalment minħabba li l-impjieg tan-nisa tradizzjonalment kien meqjus bħala kumplimentari għad-dħul tal-familja, fatt li kkontribwixxa b'mod sinifikanti sabiex jinħolqu u jinżammu d-differenzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa;

37. Jenfasizza l-ħtieġa għal attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni sabiex min iħaddem u l-impjegati jiġu infurmati dwar ir-rabta bejn l-istereotipi tas-sessi u d-differenza bejn il-pagi u l-karrieri tal-irġiel u n-nisa, il-partijiet interessati l-oħra fis-soċjetà jiġu infurmati dwar il-fatt li l-istereotipi tas-sessi jnaqqsu l-opportunitajiet tan-nisa kemm fis-suq tax-xogħol kif ukoll fil-ħajjiet privati tagħhom, titħeġġeġ it-trasparenza fil-kumpaniji u l-aġenziji pubbliċi u privati, u tiġi garantita paga indaqs għal xogħol ugwali u xogħol ta' valur indaqs;

38. Jistieden lill-Istati Membri jirrevedu l-istrutturi tal-pagi fil-professjonijiet u fix-xogħlijiet iddominati min-nisa bħala mod biex jiġu eliminati l-istereotipi tas-sessi li huma ankrati fil-problema tad-differenzi fil-pagi; jistieden lill-Istati Membri, lil min iħaddem u lill-movimenti sindikalisti biex jabbozzaw u jimplimentaw għodod utli u operattivi evalwazzjoni tax-xogħol biex jiddeterminaw xogħol ta' valur ugwali u b'hekk tiġi żgurata paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;

39. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu politiki li jżidu l-ammont ta' faċilitajiet għall-kura tat-tfal li ma jqumux ħafna flus u ta' kwalità għolja disponibbli għall-ġenituri li jaħdmu fl-Ewropa kollha, u jgħinu fil-ħolqien ta' strutturi li jippermettu l-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik professjonali tal-ġenituri li jaħdmu f'kumpaniji, speċjalment permezz tal-appoġġ tal-ħolqien u l-kontinwazzjoni ta' servizzi tal-kura tat-tfal offruti mill-kumpaniji; iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu wkoll il-provvista ta' faċilitajiet ta' kura għal kategoriji oħra ta' persuni dipendenti (anzjani, persuni b'diżabilità, persuni fil-bżonn), u għaldaqstant jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fix-xogħol, billi jirrikonċiljaw ix-xogħol u l-ħajja tal-familja;

40. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu opportunitajiet ta' xogħol flessibbli, u forom xierqa ta' liv parentali kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa;

41. Jenfasizza l-fatt li l-istereotipi tas-sessi għandhom tendenza ta' awtorealizzazzjoni u li, jekk in-nisa qatt ma jingħataw l-opportunità sabiex juri l-kapaċitajiet tagħhom, dawn qatt mhuma se jaslu biex jeqirdu l-barrieri li jxekklu l-avvanz tagħhom; iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-impjieg part-time mhux volontarju billi jagħmlu l-kundizzjonijiet ta' dan l-impjieg anqas favorevoli, pereżempju billi jirrikjedu li min iħaddem ikollu jiġġustifika r-raġunijiet tiegħu għar-reklutaġġ part-time;

42. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-kwoti tas-sessi fl-impjiegi li huma tradizzjonalment meqjusa 'maskili' jew 'femminili', għaliex l-istereotipi jirriżultaw ukoll mill-iskarsezza ta' nisa jew irġiel f'ċertu pożizzjonijiet; jinnota li l-preżenza ta' iżjed nisa f'impjiegi li huma tradizzjonalment 'maskili' u bil-kontra għandha għalhekk iddgħajjef il-prevalenza ta' dawn l-istereotipi u li forza tax-xogħol ibbilanċjata se twassal għal produttività mtejba; jitlob ukoll li jingħata appoġġ għal inizjattivi u kampanji li jkissru l-istereotipi dwar l-effettività baxxa ta' impjegati nisa u n-nuqqas ta' ħiliet maniġerjali tagħhom; jitlob, għalhekk, sabiex in-nisa jkunu appoġġjati fl-iżvilupp tal-karriera u fl-isforzi tagħhom biex jilħqu karigi maniġerjali;

43. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-intraprenditorja tan-nisa u l-skemi ta' impjieg indipendenti billi jipprovdu taħriġ, finanzjament u appoġġ xierqa;

44. Ifakkar lill-Kummissjoni li n-nisa anzjani huma partikolarment milquta mid-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa li taffettwa wkoll il-pensjonijiet, u b'hekk jiżdied ir-riskju ta' faqar estrem u persistenti meta n-nisa jaslu fl-età tal-irtirar;

45. Jinnota li l-probabilità li n-nisa anzjani jispiċċaw fil-faqar meta jilħqu l-età tal-irtirar se tiżdied b'riżultat tar-regoli tal-pensjoni l-ġodda tal-UE; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li ma jiġi appoġġjata ebda emenda fil-White Paper li żżid id-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa;

46. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-fastidju sesswali fuq ix-xogħol u tipproduċi rapport dwar in-nuqqasijiet u l-isfidi, sabiex issaħħaħ il-leġiżlazzjoni u l-miżuri tal-Istati Membri;

Teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi

47. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rappreżentanza tan-nisa fil-gvernijiet nazzjonali kienet ta' 23 % fl-2009 u jappoġġja l-introduzzjoni ta' kwoti vinkolanti sabiex jiżdied l-għadd ta' nisa fil-gvernijiet u fil-parlamenti nazzjonali u fil-livell reġjonali u dak muniċipali, kif ukoll fl-istituzzjonijiet tal-UE; iħeġġeġ l-introduzzjoni tal-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' inċentivi, li jinkoraġġixxu lin-nisa jkunu aktar attivi politikament u joħorġu għall-elezzjoni għall-gvern lokali jew nazzjonali;

48. Ifakkar li l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, segwiti mill-ħatra tal-Kummissjoni li jmiss u n-nomini għall-"ogħla impjiegi" tal-UE, huma opportunità biex isir pass 'il quddiem lejn id-demokrazija tal-ugwaljanza fil-livell tal-UE u biex l-UE tkun mudell f'dan il-qasam;

49. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-ugwaljanza billi jipproponu mara u raġel bħala kandidati għall-kariga ta' Kummissarju Ewropew; jitlob lill-President tal-Kummissjoni nominat biex jimmira lejn l-ugwaljanza meta jifforma l-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni attwali tappoġġja pubblikament din il-proċedura;

50. Ifakkar li fl-2010, in-numru ta' nisa li kienu membri fil-kunsilli ta' ġestjoni fl-Ewropa kien biss ta' 12 %; jappoġġja x-xewqa tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kwoti vinkolanti għal nisa f'pożizzjonijiet ta' responsabilità fl-ikbar kumpaniji elenkati;

51. Jenfasizza l-ħtieġa li tali kwoti jkunu vinkolanti peress li dan hu l-uniku mod biex tkun garantita l-effikaċja tagħhom; jipproponi li jiġi stabbilit "fond għall-ugwaljanza" li l-flus li jinġabru mis-sanzjonijiet li jirriżultaw jitħallsu biex jintużaw għal miżuri li jippromwovu u jipproteġu n-nisa;

Azzjonijiet oħra

52. Jistieden lill-Istati Membri jevalwaw mill-ġdid l-approċċ tagħhom għall-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol u għall-mekkaniżmi li jippermettu lill-ħaddiema li jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, peress li l-istereotipi jistgħu jżidu s-segregazzjoni okkupazzjonali u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

53. Jistieden lill-Istati Membri biex il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa jagħmluha prijorità fil-politika kriminali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw, għal dan il-għan, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u s-servizzi tal-pulizija nazzjonali tagħhom, u l-iskambju ta' prattika tajba;

54. Jenfasizza l-ħtieġa tal-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni miftiehma, li tinkludi kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni lill-pubbliku, dwar il-vjolenza fuq il-bażi tas-sessi, kif ukoll strateġiji mmirati biex ibiddlu l-istereotipi soċjali tan-nisa permezz tal-edukazzjoni u l-midja, u tippromwovi l-iskambju ta' prattiki tajba; itenni l-ħtieġa li wieħed jaħdem kemm mal-vittmi kif ukoll mal-aggressuri, bil-ħsieb li dawn tal-aħħar jiġu sensibilizzati u jingħata kontribut għall-bidla tal-istereotipi u t-twemmin determinat mis-soċjetà, li jgħin biex jiġu pperpetwati l-kundizzjonijiet li jiġġeneraw dan it-tip ta' vjolenza u l-aċċettazzjoni tagħha;

55. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, anke permezz ta' kampanji ta' informazzjoni li jenfasizzaw ir-rwol u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, l-ekonomika, is-soċjetà, l-isport, is-saħħa, l-arti, ix-xjenza u fil-livelli l-oħra kollha tas-soċjetà;

56. Iqis li huma meħtieġa miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE sabiex jingħelbu l-istereotipi u jiġu eliminati d-differenzi bejn il-pagi, tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-setturi dominati mill-irġiel u jiżdied ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-prestazzjoni ekonomika tan-nisa fil-post tax-xogħol, sabiex tingħeleb l-esklużjoni orizzontali u vertikali u jiżdied l-għadd ta' nisa fil-korpi ta' teħid ta' deċiżjoni fl-isfera politika u intraprenditorjali;

57. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni politika deċiżiva biex jiġġieldu kontra l-istereotipi tas-sessi u jinkoraġġixxu lill-irġiel jikkondividu b'mod ugwali man-nisa r-responsabbiltajiet tad-dar u tal-kura tat-tfal, b'mod partikolari permezz ta' inċentivi biex l-irġiel jieħdu liv parentali u tal-paternità, u b'hekk jissaħħu drittijiethom bħala missirijiet, jiġu żgurati grad ogħla ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u kondiviżjoni aktar xieraq tar-responsabbiltajiet familjari u tax-xogħol tad-dar, u jitjiebu l-opportunitajiet biex in-nisa jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol; jistieden ukoll lill-Istati Membri jikkonvinċu lil min iħaddem jadotta miżuri li jiffavorixxu l-familji;

58. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri jinkoraġġixxu iżjed riċerka dwar l-istereotipi tas-sessi u jiġbru iżjed data statistika dwar l-istereotipi tas-sessi billi jiżviluppaw indikaturi xierqa għall-istereotipi tas-sessi;

59. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija stabbilita fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

60. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-potenzjal tax-xogħol tal-irġiel u tan-nisa f'diversi professjonijiet, bil-għan li jiġi żgurat li r-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol jintlaħqu u li ż-żewġ sessi jgawdu minn opportunitajiet indaqs;

61. Jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled kontra l-forom kollha ta' vjolenza, diskriminazzjoni u stereotipar kontra n-nisa biex dawn ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem kollha tagħhom;

62. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jonoraw l-impenji li saru fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

63. Iħeġġeġ lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u lill-istituti nazzjonali differenti għall-ugwaljanza bejn is-sessi jippromwovu iżjed riċerka dwar il-kawżi oriġinali tal-istereotipi tas-sessi u l-impatt tal-istereotipi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, u jenfasizza l- importanza tal-iskambju ta' ideat ġodda u tar-riċerka dwar l-aħjar prattiki bil-ħsieb li jiġu eliminati l-istereotipi tas-sessi fl-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet tal-UE;

64. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tat-3 ta' Settembru 2008 dwar kif il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar jaffettwaw l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u jistieden lill-Kummissjoni timplimenta r-rakkomandazzjonijiet imressqa f'dik ir-riżoluzzjoni;

65. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni, edukazzjoni u taħriġ biex jiġġieldu kontra n-normi kulturali diskriminatorji u jittrattaw l-istereotipi sessisti prevalenti u l-istigmatizzazzjoni soċjali, li jilleġittimizzaw u jipperpetwaw il-vjolenza fuq in-nisa, u biex jiżguraw li ma jkun hemm ebda ġustifikazzjoni għall-vjolenza fuq bażi ta' drawwiet, tradizzjonijiet jew kunsiderazzjonijiet reliġjużi;

66. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu l-kondiviżjoni ta' mudelli tajbin, jiffaċilitaw it-tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri u jistabbilixxu opportunitajiet ta' finanzjament għal kampanji fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex jiġu elimitati l-istereotipi tas-sessi;

67. Jistieden lill-UE tnaqqas id-distakk eżistenti fl-ambitu bejn il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar id-diskriminazzjoni razzjali u dik fuq il-bażi tas-sessi u tipproponi leġiżlazzjoni ġdida sabiex tiżgura l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-edukazzjoni u l-midja;

68. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw salvagwardji (fil-forma ta' ombudspersons jew awtoritajiet li jissorveljaw il-midja li jinkorporaw esperti tal-ugwaljanza bejn is-sessi) biex jiżguraw li l-kodiċijiet industrijali ta' kondotta jinkludi perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi u qed jiġu osservati, u li l-pubbliku jkun jista' jressaq l-ilmenti jekk ikun meħtieġ;

69. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 59, 23.2.2001, p.258.
  • [2]  ĠU C 320E, 15.12.2005, p. 247.
  • [3]  ĠU C 348E, 21.12.2010, p. 11.
  • [4]  ĠU L 204, 26.7.2006, p.23.
  • [5]  ĠU L 269, 5.10.2002, p. 15.
  • [6]  Anness mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-7 ta' Marzu 2011.
  • [7]  ĠU C 295E, 4.12.2009, p. 43.
  • [8]  Test adottat, P7_TA(2012)0069.
  • [9]  ĠU C304, 6.10.1997, p. 60

NOTA SPJEGATTIVA

Fil-15 ta' Settembru 1995, ir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa saret f'Bejġing, u matulha ġiet adottata d-Dikjarazzjoni ta' Bejġing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni. Il-Konferenza kienet immirata li 'tneħħi l-ostakoli kollha għall-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-isferi kollha tal-ħajja pubblika u privata permezz ta' sehem sħiħ u ugwali fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u politiċi.' Bħala dokument bażiku għall-ħidma kollha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell internazzjonali, ġie nnutat li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija dritt tal-bniedem u prerekwiżit għall-ugwaljanza, l-iżvilupp u l-paċi. L-Unjoni Ewropea kull sena tirrevedi l-progress li jkun sar sabiex jinkisbu l-miri li ġew stabbiliti fl-1995.

Il-Pjattaforma ta' Azzjoni tistabbilixxi l-aġenda għal dawn it-tnax-il qasam li ġejjin: il-faqar, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa, il-vjolenza, il-kunflitt armat, l-ekonomija, il-poter u t-teħid tad-deċiżjonijiet, il-mekkaniżmi istituzzjonali, id-drittijiet tal-bniedem, il-midja, l-ambjent, u l-bniet. Sabiex titnaqqas il-problema, dan ir-rapport jiffoka fuq il-kawżi tal-istereotipi tas-sessi fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-midja, ir-reklamar, is-suq tax-xogħol u t-teħid tad-deċiżjonijiet.

Mill-1995, il-Parlament Ewropew adotta tliet riżoluzzjonijiet dwar id-drittijiet tan-nisa bħala segwitu tal-Konferenza. Fl-2000 adotta r-riżoluzzjoni dwar is-segwitu tal-pjattaforma ta' azzjoni ta' Peking[1], fl-2005 adotta r-riżoluzzjoni dwar Bejġing+10[2], u fl-2010 adotta r-riżoluzzjoni dwar Beijing+15[3]. Barra minn hekk, fit-3 ta' Settembru 2008 l-Kummissjoni adottat riżoluzzjoni dwar kif il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar jaffettwaw l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel[4].

Barra minn hekk, m'għandux jintesa li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija dritt fundamentali tal-bniedem. Skont l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 'fl-azzjonijiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa'.

Madankollu, iktar minn 15-il sena wara l-Konferenza, l-istereotipi tas-sessi u l-inugwaljanza bejn is-sessi għadhom sal-lum problemi komuni fl-Unjoni Ewropea. Is-suppożizzjonijiet stereotipiċi dwar in-nisa fis-suq tax-xogħol qed iwasslu għal segregazzjoni okkupazzjonali u għal differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa ta' 16.4 % fl-2010 turi s-serjetà ta' din il-problema. Barra minn hekk, in-nisa spiss huma sottorappreżentati jew inviżibbli fil-midja, jew rappreżentati fil-midja fi rwoli li huma tradizzjonalment meqjusa 'femminili', u dan iħeġġeġ iżjed diskriminazzjoni bejn is-sessi f'oqsma differenti tas-soċjetà u fil-gruppi kollha tal-età.

Il-prevalenza tal-istereotipi negattivi tas-sessi bbażati fuq it-twemmin u l-attitudnijiet soċjali taffettwa lin-nisa u tirrestrinġi l-opportunitajiet u l-għażliet tagħhom fl-isfera soċjali, ekonomika u politika. Sabiex tiġi ttrattata l-problema tan-nuqqas ta' nisa fil-livelli għolja tat-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi, il-persistenza tal-istereotipi tas-sessi fil-livelli kollha tas-soċjetà jeħtieġ li tiġi indirizzata.

L-għan ta' dan ir-rapport huwa għalhekk li jnaqqas il-prevalenza tal-istereotipi negattivi tas-sessi fl-UE li tirrestrinġi l-opportunitajiet u l-possibbiltajiet għall-irġiel, imma anke iżjed għan-nisa. Jeħtieġ li jkollna politiki ġodda tal-UE u leġiżlazzjoni li jindirizzaw l-istereotipi tas-sessi fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-midja u r-reklamar, is-suq tax-xogħol u t-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi.

Sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi u politiċi, jeħtieġ li jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet li ġejjin:

· L-istereotipi tas-sessi fl-iskejjel primarji u sekondarji jinfluwenzaw il-perċezzjoni tat-tfal iż-żgħar u taż-żgħażagħ ta' kif għandha tkun l-imġiba tal-irġiel u n-nisa. Il-programmi edukattivi speċjali u l-materjal tal-istudju għandhom għalhekk jiġu introdotti b'mod li l-irġiel u n-nisa ma jintużawx iktar f'eżempji fir-'rwoli tradizzjonali' tagħhom, bir-raġel bħala dak li jaqla' l-ħobża ta' kuljum għall-familja u l-mara bħala dik li tieħu ħsieb it-tfal;

· B'referenza għall-midja u r-reklamar, għandu jiġi nnutat ukoll li qed jiżdiedu ż-żgħażagħ u t-tfal li minn età żgħira ħafna jitħallew mingħajr superviżjoni jaraw it-televiżjoni. L-istereotipi negattivi tas-sessi jistgħu għalhekk ikollhom influwenza sinifikanti fuq il-kunfidenza tat-tfajliet żgħażagħ u l-istima tagħhom infushom, b'mod partikolari tal-adoloxxenti, u dan jirriżulta f'restrizzjoni għall-aspirazzjonijiet, l-għażliet u l-possibbiltajiet tagħhom għall-possibbiltajiet futuri ta' karriera. Minħabba l-influwenza sinifikanti tal-midja fuq il-perċezzjoni tan-nies dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, jeħtieġ li jsiru korsijiet speċjali ta' orjentazzjoni sabiex jiżdied l-għarfien fil-Kumitati dwar l-Istandards tar-Reklamar u fil-korpi awtoregolatorji dwar l-influwenzi negattivi tad-diskriminazzjoni bejn is-sessi u l-istereotipi fil-midja;

· Ir-rappreżentanza sproporzjonata tan-nisa fl-impjiegi part-time u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa juru biċ-ċar li l-istereotipi tas-sessi jirriżultaw f'diskriminazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol. Il-kampanji li jżidu l-għarfien huma għalhekk meħtieġa sabiex jinfurmaw lil min iħaddem, lill-impjegati u lill-partijiet interessati dwar ir-rabta bejn l-istereotipi tas-sessi u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u r-rabta bejn l-impjiegi part-time u r-riskju ta' inqas fondi għall-pensjoni meta n-nies jilħqu l-età tal-pensjoni mal-irtirar;

· Bl-istess mod, hemm rabta qawwija bejn l-istereotipi tas-sessi u s-sottorappreżentanza tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi, kemm fl-isfera pubblika kif ukoll dik privata, inkluż fil-parlamenti u l-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet tal-UE. Dan mhux biss jindika s-'saqaf tal-ħġieġ' li jħabbtu wiċċhom miegħu n-nisa, imma wkoll il-fatt li l-istereotipi jillimitaw l-aspirazzjonijiet tal-karriera tan-nisa.

Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa ta' 16.4 % mhux biss hija ta' żvantaġġ għan-nisa fis-suq tax-xogħol, imma għandha wkoll effett negattiv serju fuq id-drittijiet tagħhom għall-pensjoni. Kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel huma esposti għall-istereotipi tas-sessi tul ħajjithom kollha; mill-istennija tal-imġiba tas-subien u l-bniet fl-iskejjel primarji u sekondarji, għall-istennijiet speċifiċi iktar tard fil-ħajja b'referenza għall-għażliet tal-karriera, għar-rappreżentanza tagħhom fis-suq tax-xogħol. Ir-rappreżentanza żejda tan-nisa fl-impjiegi flessibbli u part-time tissuġġerixxi li l-idea tradizzjonali li r-responsabbiltà tal-kura tat-tfal hija tal-omm għadha sal-lum fis-seħħ, u din tillimita l-possibbiltajiet tagħha fis-suq tax-xogħol. Bil-pjani l-ġodda tal-UE sabiex jitħaffu l-proċeduri u r-restrizzjonijiet rigward it-tkeċċija u t-terminazzjoni tal-kuntratti tal-impjiegi, in-nisa issa se jkunu biss iżjed żvantaġġati u soġġetti għal iżjed prekarjetà.

Barra minn dan, l-influwenzi negattivi tal-istereotipi jilħqu l-quċċata meta n-nisa jilħqu l-età tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom. Il-prekarjetà kkawżata minn sigħat ta' xogħol flessibbli flimkien mad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jżidu l-possibbiltà li n-nisa jispiċċaw f'faqar persistenti u estrem meta jilħqu l-età tal-pensjoni tal-irtirar. L-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa b'riżultat tal-istereotipi tas-sessi hija għalhekk kumulattiva; iżjed ma n-nisa jkunu esposti għall-istereotipi, iktar huma l-possibbiltajiet tagħhom li jispiċċaw fil-faqar aktar tard. Dan l-effett jiżdied bil-pjani l-ġodda tal-UE biex tiffranka l-pensjonijiet tal-istat u tintroduċi iżjed regoli dwar il-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru. Iċ-ċaqliq tal-attenzjoni minn fuq il-pensjonijiet tal-istat għall-pensjonijiet tat-tieni pilastru billi ma tinbidilx il-pensjoni tal-istat imma jiżdiedu l-pensjonijiet tal-pilastru privat mhux biss għandu jżid ir-riskju tan-nisa li jispiċċaw fil-faqar, imma jwassal ukoll għal differenza ikbar fl-introjtu bejn l-irġiel u n-nisa anzjani.

  • [1]  ĠU C 59, 23.2.2001, p. 258.
  • [2]  ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 247.
  • [3]  ĠU C 348 E, 21.12.2010, p. 11.
  • [4]  ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 43.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.11.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Emine Bozkurt, Marije Cornelissen, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Sophia in 't Veld, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Krisztina Morvai, Norica Nicolai, Siiri Oviir, Joanna Senyszyn, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Marc Tarabella, Britta Thomsen, Anna Záborská, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Minodora Cliveti, Silvia Costa, Mariya Gabriel, Kartika Tamara Liotard