RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra

11.12.2012 - (10209/2012 – C7‑0189/2012 – 2010/0310(NLE)) - ***

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Mario Mauro

Proċedura : 2010/0310(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0411/2012
Testi mressqa :
A7-0411/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra

(10209/2012 – C7‑0189/2012 – 2010/0310(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (10209/2012),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra (05784/2011),

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 79(3), 91, 100, 192(1), 194, 207 u 209 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0189/2012),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0411/2012),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Iraq.

NOTA SPJEGATTIVA

Fit-23 ta’ Marzu 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni mal-Iraq. Fis-seba’ ċiklu ta’ negozjati UE-Iraq, iż-żewġ partijiet ftehmu li jkabbru l-istatus tal-abbozz ta' ftehim fi "Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni" permezz tal-ħolqien ta' Kunsill ta' Kooperazzjoni li jiltaqa' regolarment fil-livell ministerjali. Dan il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq jirrappreżenta l-ewwel relazzjoni kuntrattwali li qatt kien hemm bejn l-UE u l-Iraq. Konkluż għal perjodu ta’ 10 snin (li jiġġedded), l-għan tiegħu huwa li jibni bażi solida għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Iraq u l-UE.

Il-ftehim ikopri tliet aspetti. L-ewwel wieħed huwa politiku u jinvolvi l-introduzzjoni ta' djalogu annwali fil-livell ministerjali u dak tal-uffiċjali għolja dwar il-paċi, il-politika barranija u ta' sigurtà, id-djalogu nazzjonali u r-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija, l-istat ta' dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-istabbiltà u l-integrazzjoni reġjonali. F’dan il-Ftehim huma inklużi klawżoli dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu f'armi żgħar u ħfief. Speċifikatament fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, il-ftehim fih, u dan huwa importanti, klawżola speċifika rigward il-kooperazzjoni dwar l-adeżjoni tal-Iraq għall-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u klawżola dwar il-kooperazzjoni fil-promozzjoni u l-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq, bil-kundizzjoni importanti li n-nuqqas mill-Iraq li jipproteġi, isaħħaħ u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem jaffettwa b'mod negattiv il-programmi ta' kooperazzjoni u żvilupp ekonomiku. Dan l-approċċ huwa ċertament ta' min jifraħ bih, għalkemm kundizzjonalità aktar stretta kienet tagħmel aktar enfasi fuq l-importanza ta' progress sostanzjali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa rakkomandat li d-diskussjonijiet bilaterali mal-awtoritajiet Iraqqini jenfasizzaw l-importanza partikolari li l-UE tagħti lir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali individwali, inklużi dawk tal-minoranzi reliġjużi u etniċi u l-partijiet vulnerabbli tas-soċjetà Iraqqina, bħal ma huma n-nisa, ir-rifuġjati u l-persuni spustati. L-UE għandha tappoġġa lill-Iraq kemm jista' jkun fl-adeżjoni tiegħu mal-QKI.

Fir-rigward tal-kummerċ u l-investimenti, il-ftehim mhux preferenzjali jintegra r-regoli bażiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), għalkemm l-Iraq għadu mhuwiex membru tad-WTO. Fih jinsabu xi elementi preferenzjali sostanzjali dwar, b'mod partikolari, l-akkwisti pubbliċi, is-servizzi u l-investimenti.

Fl-aħħar, l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tal-UE ipprogrammati fil-qasam tal-iżvilupp soċjali u uman tal-UE għandhom l-għan li jiġġieldu kontra l-faqar u jirreaġixxu għall-bżonnijiet ewlenin fil-qasam tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi, li l-gvern Iraqqin għaraf bħala prijoritajiet. Madankollu se jkun neċessarju li jiġi kkontrollat li dawn l-attivitajiet isiru fil-qafas tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u tal-istituzzjonijiet filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tal-inklużjoni, tat-trasparenza u tal-governanza tajba.

Dan il-ftehim bejn l-UE u l-Iraq huwa storiku. Qed isir fi żmien deċiżiv biex jakkumpanja, għas-snin li ġejjin, it-tranżizzjoni demokratika tal-Iraq hekk kif jilqa' l-isfidi tar-rikostruzzjoni u tal-iżvilupp, ir-restawr tas-sovranità tiegħu u n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tiegħu mal-komunità internazzjonali. L-UE għandha tkun involuta b'mod sħiħ mal-poplu Iraqqin u mal-awtoritajiet tiegħu, li se jaffaċċjaw ħafna sfidi, bit-tħassib ewlieni jkun is-sigurtà u l-istabilità tal-pajjiż. Il-forzi tas-sigurtà Iraqqini qed jitjiebu fil-kompetenza meta jkunu fil-post, imma qed ibatu minn nuqqas ta’ koeżjoni interna, ta’ qafas legali u ta’ skrutinju demokratiku. Barra minn hekk, għalkemm kien hemm tnaqqis li jista' jiġi osservat fil-vjolenza, din għadha theddida. Għad hemm riskju li wieħed jitlef il-kontroll tas-sitwazzjoni jew li jkun hemm ritorn għal gwerra ċivili, fejn il-minoranzi reliġjużi – b'mod partikolari l-minoranza nisranija – jaffaċċjaw l-akbar theddida. Għalhekk ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali għandha tibqa’ l-prijorità tar-responsabbli politiċi Iraqqini imma wkoll dik tal-komunità internazzjonali. Għandu jingħata appoġġ sħiħ lill-konsolidazzjoni ta’ governanza politika u istituzzjonali inklużiva fil-qafas ta’ Stat demokratiku, federali u pluralist ibbażat fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta' dritt. Fl-aħħarnett, is-snin li ġejjin se jkunu wkoll ikkaratterizzati mill-isfida tal-iżvilupp ta' wieħed mill-ifqar pajjiżi tad-dinja, minkejja r-riżorsi kbar taż-żejt li għandu, fejn il-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni m’għandhiex aċċess għall-bżonnijiet bażiċi (ilma tajjeb għax-xorb, elettriku, infrastrutturi sanitarji, eċċ.). Iraq demokratiku, stabbli u pluralista, impenjat fl-iżvilupp soċjoekonomiku taċ-ċittadini tiegħu u b'istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom, se jkollu rwol ewlieni fl-istabilità ta’ reġjun kruċjali għas-sigurtà internazzjonali. Dan jeħtieġ viżjoni strateġika fit-tul li tiggwida l-politika tal-Unjoni dwar l-Iraq għas-snin li ġejjin. Essenzjali għall-istabilità tal-Iraq se jkun mhux biss appoġġ b'saħħtu għal istituzzjonijiet għalkollox demokratiċi u pluralisti, iżda assistenza teknika biex jintlaħqu s-sostenibilità u l-effiċjenza tal-ekonomija Iraqqina b'implimentazzjoni sħiħa u xierqa tad-dritt kuntrattwali internazzjonali, proċeduri effikaċi tal-akkwisti pubbliċi, amministrazzjoni li tiffunzjona sew u qafas effikaċi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dan jiġġenera proċess ta' aċċess għall-ekonomija u indipendenza ekonomika għal partijiet dejjem akbar tas-soċjetà Iraqqina. L-enfasi fuq id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn ir-reliġjonijiet ukoll se tkun essenzjali għall-futur tal-Iraq.

Filwaqt li l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni huwa xhieda tad-determinazzjoni tal-UE biex ikollha rwol importanti fit-tranżizzjoni tal-Iraq, l-impenji tal-Unjoni jridu jiġu riflessi fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi umani u finanzjarji li jkunu tal-livell tal-ambizzjonijiet politiċi u r-riskji strateġiċi involuti.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (7.11.2012)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra
(10209/2012 - C7-0189/2012 - 2010/0310(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Maria Badia i Cutchet

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-mandat oriġinali tal-Kunsill fl-2006 awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja "Ftehim ta’ Kummerċ u Koperazzjoni mal-Iraq". Fl-2009, f'Bagdad, kemm l-Iraq, kif ukoll l-UE, qablu li jsaħħu l-istatus tal-abbozz ta' Ftehim, billi jbiddlu t-titolu tal-Ftehim għal "Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni". Madankollu, il-ftehim il-ġdid jinkludi biċċa sew ta' kontenut relatat mal-Kummerċ fih, b'Kapitolu sħiħ iddedikat għal "Il-Kummerċ u l-Investiment".

Ir-Rapporteur tilqa' dan il-ftehim, peress li hu l-ewwel relazzjoni kuntrattwali li qatt kien hemm bejn l-UE u l-Iraq u jmur fid-direzzjoni t-tajba. Il-ftehim kummerċjali mhux preferenzjali inkluż fil-FSK jinkorpora regoli bażiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), allavolja l-Iraq għadu mhux membru tad-WTO. Jinkludi wkoll mekkaniżmu effiċjenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, fejn jispikkaw deċiżjonijiet vinkolanti tal-bord u proċeduri ta' konformità.

Hu fl-interess kemm tal-Iraqin, kif ukoll tal-Ewropej, li jaraw Iraq stabbli u demokratiku. F'dan ir-rigward, ir-Rapporteur temmen li l-faċilitazzjoni tal-kummerċ hi mod tajjeb biex jiżdiedu l-istabilità u l-prosperità f'pajjiż li għandu bżonn urġenti tat-tnejn li huma. Għal din ir-raġuni, ir-Rapporteur qiegħda tipproponi li l-Parlament Ewropew jagħti l-kunsens tiegħu għall-ftehim. Madankollu, ir-Rapporteur tixtieq ukoll tenfasizza li, fl-opinjoni tagħha, dan hu l-ewwel pass, u li l-Iraq għandu bżonn ta' għajnuna teknika u loġistika sabiex ikun jista' jisfrutta bl-aħjar mod possibbli l-ftehim, b'mod partikulari l-parti li tirrigwarda l-kummerċ. Għaldaqstant, ir-Rapporteur tittama li l-Kummissjoni Ewropea se tipprovdi wkoll lil sħabna bl-għodda u l-kompetenzi meħtieġa biex jisfruttaw il-benefiċċji tal-ftehim u anke biex jissodisfaw in-naħa tagħhom tal-ftehim.

*******

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.11.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Maria Badia i Cutchet, Marielle de Sarnez, Yannick Jadot, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Paul Murphy, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Henri Weber, Jan Zahradil

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Catherine Bearder, George Sabin Cutaş, Béla Glattfelder, Syed Kamall, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edite Estrela, Jean-Paul Gauzès, Oldřich Vlasák

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.12.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sir Robert Atkins, Frieda Brepoels, Arnaud Danjean, Marietta Giannakou, Andrzej Grzyb, Anna Ibrisagic, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Nicole Kiil-Nielsen, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Eduard Kukan, Alexander Graf Lambsdorff, Krzysztof Lisek, Mario Mauro, Francisco José Millán Mon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols, Ria Oomen-Ruijten, Pier Antonio Panzeri, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Werner Schulz, Laurence J.A.J. Stassen, Charles Tannock, Sir Graham Watson

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Marije Cornelissen, Elisabeth Jeggle, Agnès Le Brun, Carmen Romero López, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Ivo Vajgl, Luis Yáñez-Barnuevo García, Paweł Zalewski, Janusz Władysław Zemke

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Danuta Jazłowiecka, Giovanni La Via