RAPPORT dwar aspetti rigward l-iżvilupp tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq ir-riżorsi ġenetiċi: l-impatt fuq it-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

14.12.2012 - (2012/2135(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Catherine Grèze

Proċedura : 2012/2135(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0423/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar aspetti rigward l-iżvilupp tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq ir-riżorsi ġenetiċi: l-impatt fuq it-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

(2012/2135(INI))

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1992 dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD),

- wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Nagoya tal-2010 tas-CBD dwar Aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu tal-Benefiċċji li jirriżultaw mill-Użu tagħhom,

- wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali tal-2011 dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u Agrikoltura,

- wara li kkunsidra t-Trattat ta' Kooperazzjoni dwar il-Privattivi tal-2002,

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni adottata mill-Assemblea Ġenerali fit-13 ta' Settembru 2007,

- wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO tal-1989 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali (Nru 169),

- wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti, kif riveduta f'Ġinevra fid-19 ta' Marzu 1991,

- wara li kkunsidra l-Ftehim tad-WTO tal-1995 dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ,

- wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali tal-2002 dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u Agrikoltura (ITPGR) u l-qafas tad-WHO tal-2011 rigward il-vajrus tal-influwenza,

- wara li kkunsidra d-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi[1],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar l-objettivi strateġiċi tal-UE għall-għaxar Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), li se ssir f'Nagoya (il-Ġappun) mit-18 sad-29 ta' Ottubru 2010[2],

- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu 'L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020' (COM(2011)0244),

- wara li kkunsidra l-attivitajiet u r-rapporti tal-Kumitat Intergovernattiv WIPO dwar il-Proprjetà Intellettwali u r-Riżorsi Ġenetiċi, l-Għarfien Tradizzjonali u l-Folklor,

- wara li kkunsidra r-Rapport tal-Laqgħa tal-Grupp ta' Esperti Tekniċi u Legali dwar Għarfien Tradizzjonali Marbut ma' Riżorsi Ġenetiċi fil-Kuntest tas-Sistema Internazzjonali dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji (UNEP/CBD/WG-ABS/8/2, 2009),

- wara li kkunsidra l-istudju mitlub mill-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament intitolat 'Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fuq riżorsi ġenetiċi u l-ġlieda kontra l-faqar', (2011),

- wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ramsar tal-1971 dwar l-Artijiet Mistagħdra,

- wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES),

- wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0423/2012),

A. billi 70 % tal-foqra tad-dinja jgħixu f'żoni rurali u urbani u jiddependu direttament fuq il-bijodiversità għall-għajxien u l-benessri tagħhom;

B.  billi l-għanijiet ewlenin tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) huma li jrawmu l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità u li jiġu indirizzati l-ostakoli li jimpedixxu l-użu tagħha;

C. billi fornituri tar-riżorsi ġenetiċi u l-persuni li jkollhom għarfien tradizzjonali relatat ta' spiss jappartjenu lil pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom bijodiversità kbira;

D. billi l-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess nazzjonali u l-qsim tal-benefiċċji (ABS), adottata bħala parti mill-proċess tas-CBD, ħarġet bħala tweġiba għall-prattiki tal-bijoprospettar u l-bijopiraterija;

E.  billi definizzjoni komuni tal-bijopiraterija hija l-prattika industrijali tal-privatizzazzjoni u tal-privattivi fuq il-bażi tal-għarfien tradizzjonali jew ir-riżorsi ġenetiċi ta' popli indiġeni, mingħajr awtorizzazzjoni jew l-għoti ta' kumpens lill-pajjiżi minn fejn ikunu ġejjin;

F.  billi s-CBD u l-Protokoll ta' Nagoya tagħha jeħtieġu li l-bijoprospetturi jiksbu "kunsens infurmat minn qabel" (PIC) minn u jilħqu "pattijiet li fuqhom ikun hemm qbil reċiproku" (MAT) ma' pajjiżi tal-oriġini jew komunitajiet lokali u indiġeni b'rabta mal-għarfien tradizzjonali assoċjat mal-riżorsi ġenetiċi, u li jaqsmu l-benefiċċji mill-bijoprospettar ma' pajjiżi u komunitajiet tal-oriġini;

G. billi l-iskema ABS li qed tevolvi fl-ambitu tas-CDB topera b'mod kumplimentari mal-WTO u mal-Aspetti Kummerċjali tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (WTO-TRIPS),  l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), l-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti (UPOV), u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO);

H. billi l-governanza tal-ABS hija riflessa wkoll f'għadd ta' strumenti tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966;

I.   billi l-Artikolu 27(3)(b) tal-ftehim TRIPS tad-WTO jagħti d-dritt lill-gvernijiet sabiex jeskludu mill-privattivabbiltà l-pjanti, l-annimali u l-proċessi 'essenzjalment' bijoloġiċi, filwaqt li l-mikrorganiżmi u l-proċessi mhux bijoloġiċi u mikrobijoloġiċi huma eliġibbli għall-privattivi;

J.   billi l-bijodiversità tipprovdi firxa kbira ta' servizzi tal-ekosistema, bħall-ilma lokali, il-provvista tal-ikel, il-materjali li jsostnu l-għajxien u r-regolamentazzjoni tal-ilma; u billi d-degrad ambjentali joħloq sfidi ġodda għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli ta' firxa wiesgħa ta' speċijiet u riżorsi ġenetiċi bħala bażi għas-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp agrikolu sostenibbli;

K. billi t-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-pjanti għall-Ikel u Agrikoltura (ITPGR), li kien ġie nnegozjat fi ħdan l-ambitu tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), jimmira lejn il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura u l-qsim ġust u ugwali tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tagħhom, f'armonija mas-CBD;

L.  billi l-membri tal-OECD jiddependu ħafna mir-riżorsi ġenetiċi li ġejjin minn barra speċjalment għall-għelejjel, b'hekk il-kooperazzjoni internazzjonali fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tkun essenzjali;

M. billi l-istimi jindikaw li tliet kwarti tal-popolazzjoni tad-dinja tiddependi minn mediċini tradizzjonali naturali u li madwar nofs id-drogi sintetiċi għandhom oriġini naturali;

N. billi diversi konvenzjonijiet u ftehimiet internazzjonali, inkluż il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), it-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-pjanti għall-Ikel u Agrikoltura (ITPGR), id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (DRIPS), il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli, jindirizzaw is-suġġett ta' għarfien tradizzjonali;

O. billi l-Artikolu 8(j) tas-CBD jimpenja lill-partijiet biex jirrispettaw, jippreservaw u jżommu l-għarfien tradizzjonali u li "jinkoraġġixxu l-qsim ġust tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu" ta' tali għarfien;

P.  billi d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2007 dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni tikkonferma d-dritt li jinżamm, jiġi kkontrollat, imħares u żviluppat l-għarfien tradizzjonali tagħhom;

Q. billi fl-2009, l-Assemblea Ġenerali tal-WIPO tat istruzzjonijiet lill-Kumitat Intergovernattiv tagħha (KIG) sabiex jiġi żviluppat strument internazzjonali għall-protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi, tal-għarfien tradizzjonali u tal-espressjonijiet kulturali tradizzjonali;

I.   Diversità ġenetika u MDGs

1.  Ifakkar ir-rabta diretta bejn il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-kisba tal-MDGs, b'mod partikolari MDG 1 li tiffoka fuq l-eradikazzjoni tal-faqar u l-ġuħ estrem; jenfasizza l-importanza ta' bijodiversità u ekosistemi b'saħħithom għall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd f'perspettiva ta' żvilupp sostenibbli;

2.  Jenfasizza li s-CBD hija tassew differenti minn trattati ambjentali internazzjonali oħra fis-sens li tagħti rwol espliċitu u prominenti lill-kwistjonijiet tal-ġustizzja u l-ekwità fil-konservazzjoni u l-użu tal-bijodiversità.

3.  Jenfasizza l-fatt li, għalkemm m'hemmx definizzjoni aċċettata b'mod ġenerali tat-terminu 'bijopiraterija', dan jista' jirreferi għall-misappropprjazzjoni u/jew l-ibbenefikar kummerċjali illeċitu mill-użu ta' għarfien tradizzjonali u ta' riżorsi ġenetiċi, u jenfasizza li għandu jsir aktar xogħol sabiex tiġi ċċarata u kkonsolidata t-terminoliġija ġuridika, b'mod partikolari bil-ħsieb ta' definizzjoni tat-terminu "bijopiraterija", abbażi ta' figuri awtorevoli;

4.  Jenfasizza l-isfidi li jirriżultaw mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (DPI) fuq ir-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw f'termini ta' aċċess għall-mediċina, il-produzzjoni ta' drogi ġenetiċi u l-aċċess tal-bdiewa għaż-żerriegħa; jenfasizza, kif mistħoqq, li l-politika kummerċjali tal-UE relatata mad-DPI trid tkun konsistenti mal-objettiv tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp kif imħaddan fit-Trattat tal-UE;

5.  Ifakkar li s-CBD u l-Protokoll ta' Nagoya jikkostitwixxu l-qafas prinċipali għall-governanza tal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji (ABS); jinnota li l-governanza relatata mad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, ir-riżorsi ġenetiċi u t-tnaqqis tal-faqar jikkonċernaw ukoll lid-WTO, il-FAO, id-WHO u d-WIPO, u b'hekk jinħolqu sfidi biex jiġi żgurat approċċ koerenti fl-appoġġ tagħhom għas-sistema tas-CBD; jinsisti li dawn l-istituzzjonijiet internazzjonali għandhom jappoġġaw u mhux imorru kontra r-reġim CDB;

6.  Itenni r-rispett tiegħu lejn ir-riżultati miksuba fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-popolazzjonijiet indiġeni għar-riżorsi ġenetiċi u ta' tip ieħor tagħhom u għall-għarfien tradizzjonali assoċjat, stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, fil-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO, fl-Artikolu 8(j) tas-CBD u fil-Protokoll ta' Nagoya. jesprimi it-tħassib tiegħu għall-erożjoni ġenetika li qed isseħħ bħala konsegwenza tal-predominanza kważi esklużiva, fuq is-suq, taż-żrieragħ tal-produzzjoni industrijali, jiġifieri ż-żrieragħ protetti minn drittijiet tal-proprjetà intellettwali, askapitu tal-varjetajiet tradizzjonali taż-żrieragħ;

Agrikoltura u saħħa

7.  Ifakkar fil-ħtieġa għal firxa wiesgħa ta' Riżorsi Ġenetiċi għall-Ikel u l-Agrikoltura (GRFA) biex tiġi żgurata provvista aħjar tas-servizz tal-ekosistema; jenfasizza li l-użu tal-GRFA huwa kruċjali għas-sigurtà alimentari, is-sostenibbiltà agrikola u ambjentali u biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

8.  Jenfasizza l-fatt li l-kisba tal-MDG 1 tiddependi fost l-oħrajn minn kif niġġestixxu l-ekosistemi agrikoli; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li filwaqt li t-tnaqqis tal-impatt negattiv li l-agrikoltura jista' jkollha fuq l-ambjent jirrikjedi firxa wiesgħa ta' diversità ġenetika tal-għelejjel biex ikun żgurat provvista aħjar tas-servizz tal-ekosistema, id-diversità tal-għelejjel tippermetti bdiewa speċifikament foqra u żgħar li jiddiversifikaw id-dieti u l-introjti tagħhom; jenfasizza b'mod ugwali li d-diversità ġenetika tal-għelejjel tikkonferixxi reżistenza fit-tibdil tal-klima;

9.  Ifakkar li l-varjetajiet selvaġġi ta' pjanti kkultivati li huma importanti għas-sigurtà alimentari tal-Istati Membri tal-UE jinstabu l-aktar f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lill-UE, fi ħdan il-kompetenza tal-Konvenzjoni tal-UPOV, tastjeni milli tappoġġa l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni li tista' toħloq ostakoli għad-dipendenza tal-bdiewa minn żerriegħa maħsuda, minħabba li din tikser id-dritt għall-ikel f'pajjiżi li qed jiżviluppaw.

10. Ifakkar li l-"eċċezzjoni tal-bdiewa", skont il-Konvenzjoni tal-UPOV, hija partikolarment importanti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw peress li tippermetti lill-bdiewa li jżommu żrieragħ minn varjetajiet ġodda u jerġgħu jiżirgħuhom għall-iskopijiet tal-ikel tas-soltu (u għalhekk tiżdied is-sikurezza tal-ikel); jiddispjaċih madankollu li, filwaqt li huwa fl-interess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jżommu u jestendu l-eżenzjonijiet mid-drittijiet ta' min ikabbar il-pjanti, id-drittijiet tal-bdiewa ddgħajfu f'riformi konsekuttivi tal-Konvenzjoni tal-UPOV;

11. Jinnota li l-FAO qed tieħu rwol minn ta' quddiem fl-iżvilupp ta' skemi speċjalizzati tal-ABS rilevanti għall-ikel u l-agrikoltura; jistieden lill-UE tappoġġa t-talbiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tiżgura appoġġ tal-baġit (BS) xieraq fi kwalunkwe mekkaniżmu/strument settorjali ġdid skont il-FAO, kif ukoll biex tiżgura konsistenza u titjib fis-sinerġija mas-CDB u l-Protokoll ta' Nagoya tagħha;

12. Ifakkar li r-riżorsi ġenetiċi, fost l-oħrajn fil-forma ta' mediċina tal-ħxejjex, jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għar-riċerka u l-iżvilupp farmaċewtiċi u l-aċċess għall-mediċina; itenni li d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ma għandhomx ifixklu l-aċċess għal mediċini bi prezzijiet aċċessibbli, speċjalment meta dawn id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jkunu jiddependu fuq riżorsi ġenetiċi li joriġinaw minn pajjiżi li qed jiżviluppaw;

13. Jistieden lill-UE tastjeni milli tisforza pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod speċjali LDCs, permezz ta' ftehimiet bilaterali biex jaċċettaw standards ta' proprjetà intellettwali estensivi rigward, pereżempju żrieragħ u mediċini, bi qbil mal-Politika tal-UE għall-Koerenza u l-Iżvilupp (PCD);

14. Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-bijopiraterija tinvolvi li l-implimentazzzjoni u l-aġġornament tal-arranġamenti eżistenti għall-aċċess multilaterali u l-qsim tal-benefiċċji fl-oqsma tal-agrikoltura u s-saħħa, bħat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-pjanti għall-Ikel u Agrikoltura (ITPGR), pereżempju billi jiġu kkunsidrati modi ġodda biex jiżdiedu r-riżorsi għall-Fond għall-Qsim tal-Benefiċċji, jew il-Laqgħa Intergovernattiva tal-WHO dwar it-Tħejjija għall-Influwenza Pandemika;

15. Huwa tal-fehma li l-ftehimiet futuri bilaterali u multilaterali għall-armonizzazzjoni, u b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-ambitu tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-privattivi, se jeħtieġu skrutinju bir-reqqa minn perspettiva ta' żvilupp, bl-għan li tinkiseb ekwità globali għas-saħħa pubblika fl-ispirtu tal-implimentazzjoni tal-Paragrafu 6 tad-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehim TRIPS, billi jiġi salvagwardjat l-għarfien u, b'rabta mad-drittijiet ta' min irabbi l-pjanti, billi jiġi żgurat aċċess għaż-żerriegħa;

II. Drittijiet tal-komunitajiet indiġeni u lokali għall-għarfien tradizzjonali

16. Jinnota li l-għarfien tradizzjonali jindika l-għarfien li jkollhom komunitajiet speċifiċi indiġeni u lokali u li huwa maqsum fost ħafna segmenti tas-soċjetà ta' reġjun jew pajjiż partikolari; jirrimarka li l-għarfien tradizzjonali jinkludi "valuri intanġibbli" u li ż-żamma tal-patrimonju kulturali fil-fatt hija ta' importanza primarja fl-espressjonijiet kollha tiegħu, inklużi l-valuri soċjali, reliġjużi, kulturali u ta' pajsaġġ;

17. Jindika li tliet kwarti tal-popolazzjoni dinjija tiddependi minn mediċina tradizzjonali naturali derivata mill-pjanti; jemmen għalhekk li l-bijopiraterija tfisser li hemm każ qawwi għall-protezzjoni ta' għarfien tradizzjonali, b'mod partikolari meta tiġi assoċjata ma' riżorsi ġenetiċi ta' valur ekonomiku għall-industrija;

18. Jenfasizza l-periklu li l-għarfien tradizzjonali jiġi vvalutat mil-lat merkantili biss; jindika li qafas eżistenti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali ma jidħolx fi grupp eteroġenju bħal tal-persuni li jkunu jippossjedu għarfien tradizzjonali; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema internazzjonali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali sui generis li tippreserva d-diversità tal-interess ta' komunitajiet lokali u tirrifletti d-dritt konswetudinarju eċċ.;

19. Jinnota bi tħassib li d-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw id-detenturi tal-għarfien tradizzjonali jinkludu l-monitoraġġ u l-infurzar, jiġifieri jitgħallmu li seħħ xi ksur u jiksbu rimedji fil-ħin; jiddispjaċih f'dan il-kuntest li l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi mhu kopert mill-ebda miżura ta' monitoraġġ tal-Protokoll ta' Nagoya, peress li ma hemm l-ebda obbligu li tiġi żvelata l-informazzjoni tal-"punt ta' kontroll" dwar l-għarfien tradizzjonali użat, filwaqt li ċ-ċertifikat ta' konformità rikonoxxut internazzjonalment ma jkoprix l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi, u dan jillimita l-possibbiltajiet tat-traċċar tal-bijopiraterija b'rabta ma' dan l-għarfien tradizzjonali; huwa tal-fehma li l-UE għandha tagħti lill-għarfien tradizzjonali mill-inqas l-istess livell ta' protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi meta timplimenta l-Protokoll ta' Nagoya;

20. Jenfasizza li r-regolamenti mfassla għall-protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat tagħhom għandhom ikunu konformi mal-impenji internazzjonali dwar il-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-popli indiġeni kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-NU tal-2007 dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) u l-Konvenzjoni tal-ILO tal-1989 dwar Popli Indiġeni u Tribali (Nru 169);

21. Jirrikonoxxi r-rwol potenzjali tas-sistema tal-proprjetà intellettwali u tal-privattivi fil-promozzjoni tal-innovazzjoni, tat-trasferiment u tat-tixrid tat-teknoloġiji għall-vantaġġ reċiproku tal-partijiet interessati, tal-fornituri, tad-detenturi u tal-utenti tar-riżorsi ġenetiċi, tad-derivati tagħhom u tal-għarfien tradizzjonali assoċjat b'mod li jiffavorixxi l-benesseri soċjali u l-iżvilupp, filwaqt li jiġi enfasizzat il-bżonn ta' prevenzjoni tal-effetti negattivi tas-sistema tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u tal-privattivi fuq l-applikazzjoni min-naħa tal-popolazzjonijiet indiġeni u tal-komunitajiet lokali tal-għarfien tradizzjonali, tal-liġijiet, il-prassi u s-sistemi ta' għarfien tagħhom u fuq il-kapaċità tagħhom li jużaw, jiżviluppaw, joħolqu u jipproteġu l-għarfien tagħhom fil-qasam tar-riżorsi ġenetiċi; jindika li, f'ċerti ċirkostanzi, il-popolazzjonijiet indiġeni jew il-komunitajiet lokali jistgħu jqisu l-kuntratti bejn il-partijiet bħala soluzzjoni fattibbli għall-finijiet tal-kondiviżjoni tal-benefiċċji u tal-ħarsien tal-interessi tagħhom filwaqt li jitħares l-ambjent u tiġi evitata ħsara soċjali u ekonomika, eż. permezz ta' klawsoli ta' salvagwardja;

III. L-indirizzar tal-bijopiraterija – it-triq lejn il-progress

22. Jindika li l-bijopiraterija tista' tiġi attribwita għan-nuqqas ta' regolamenti nazzjonali u mekkaniżmi ta' infurzar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u n-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' konformità f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li jiżgura li r-riżorsi ġenetiċi ġew akkwistati skont il-PIC u l-MAT f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali ABS tal-pajjiżi fornituri; jilqa', f'dan il-kuntest, l-abbozz ta' regolament sottomess mill-Kummissjoni li l-għan tiegħu huwa li jkun implimentat il-Protokoll ta' Nagoya dwar Aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim tal-Benefiċċji; jinsisti b'mod ugwali fuq l-importanza li jkunu pprovduti mekkaniżmi ta' rikors effettivi f'każ ta' tilwim u aċċess għall-ġustizzja;

23. Ifakkar li implimentazzjoni effikaċi tal-Protokoll tiddependi minn azzjonijiet li jridu jittieħdu kemm f'pajjiżi żviluppati u kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw; jinnota li l-elaborazzjoni tal-leġiżlazzjoni ABS fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija kundizzjoni minn qabel għall-obbligu tal-pajjiżi utenti biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-PIC; jinnota madankollu li din it-talba toħloq sfida reali għalihom peress li teħtieġ bini tal-kapaċità ġuridika u istituzzjonali sostanzjali;

24. Jenfasizza li l-obbjettivi tas-CBD se jinkisbu biss jekk ikun hemm qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappellaw għal ratifika mgħaġġla tal-Protokoll ta' Nagoya sabiex tkun tista' tiġi miġġielda l-bijopiraterija u titjieb il-ġustizzja u l-ekwità fl-iskambju ta' riżorsi ġenetiċi; jenfasizza r-rwol tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE fl-għoti ta' għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-bini tal-kapaċità legali u istituzzjonali fuq kwistjonijiet tal-aċċess u l-qsim tal-benefiċċji; jemmen li għandu jingħata appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-bini ta' bażijiet tad-data tal-għarfien tradizzjonali u fil-fehim tas-sistemi ta' applikazzjoni tal-privattivi;

25. Itenni li, fuq l-isfond tar-riżoluzzjoni reċenti tiegħu dwar il-privattivi tal-proċessi bijoloġiċi essenzjali[3], il-protezzjoni eċċessivament wiesgħa bil-privattivi fil-qasam tat-trobbija tista' tostakola l-innovazzjoni u l-progress, għad-detriment tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju li jrabbu, billi tibblokka l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi;

Titjib tar-rekwiżiti tal-bażi tad-data u tal-iżvelar relatati mar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali

26. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-proposta magħmula minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għal regolament li jorbot li jkun jirrikjedi li l-applikanti għal privattivi biex (a)   jiżvelaw is-sors u l-oriġini tar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat (ATK) użati f'invenzjonijiet, (b) jipprovdu provi ta' PIC minn awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż fornitur u (c) jipprovdu provi ta' qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji, li għandu jiġi ċċertifikat f'ċertifikat internazzjonali tal-oriġini;

27. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' statistiki ċari dwar il-bijopiraterija u l-miżapproprjazzjoni, u jistieden li jkun hemm aktar riċerka mill-UE u l-iżvelar ta' informazzjoni f'dan il-qasam sabiex tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' data aħjar dwar in-numru u l-kontenut ta' kuntratti ABS; jikkunsidra li din tista' tiġi miġbura bit-twaqqif ta' sistema ta' notifika u bażi tad-data permezz taċ-Ċentru ta' Skambju ta' Tagħrif CBD;

28. Jemmen li strument li jorbot huwa l-iktar mod sikur kif il-miżuri relatati mal-bijodiversità fis-sistema tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali jiġu implimentati minn pajjiżi utenti; iħeġġeġ biex jittieħdu passi sabiex l-għoti ta' privattivi jkun dipendenti fuq konformità ma' rekwiżit obbligatorju li jiġi żvelat l-oriġini ta' kwalunkwe riżorsa ġenetika/għarfien tradizzjonali f'applikazzjonijiet għal privattivi; jenfasizza li dan l-iżvelar għandu jinkludi prova li r-riżorsa ġenetika/għarfien tradizzjonali inkwistjoni jkunu ġew akkwistati skont ir-regoli applikabbli (jiġifieri kunsens infurmat minn qabel u pattijiet li fuqhom ikun hemm qbil reċiproku);

29. Jenfasizza li strument internazzjonali li jinkludi rekwiżiti ta' żvelar u bażijiet tad-data għall-protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi mhux sostitut għall-aċċess effiakċi u l-mekkaniżmu tal-qsim tal-benefiċċji fil-livell nazzjonali;

30. Huwa tal-fehma li n-notifika diretta minn utenti tal-kumpaniji li jużaw riżorsi ġenetiċi jew għarfien tradizzjonali assoċjat, l-utilizzazzjoni ta' ċertifikati ta' konformità u l-istudju ta' għażliet ta' litigazzjoni fi ħdan u barra l-ġurisdizzjoni nazzjonali, jistgħu wkoll jikkontribwixxu wkoll b'mod effikaċi biex jitrażżnu l-każijiet potenzjali ta' bijopiraterija;

31. Iqis li sistema ċara u koerenti tad-drittijiet għall-proprjetà tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' għarfien u t-tixrid tiegħu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għall-benefiċċju tal-imprenditorija lokali, ir-riċerka, l-edukazzjoni u t-taffija tal-faqar;

Ħidma għal sistema ta' governanza globali koerenti

32. Jinsisti li l-ftehim TRIPS tad-WTO għandu jkun kompatibbli mas-CBD-il-Protokoll ta' Nagoya, u għalhekk iqis bħala kruċjali li jiġu stabbiliti rekwiżiti obbligatorji fuq l-iżvelar tal-oriġini ta' riżorsi ġenetiċi matul proċeduri ta' privattivi, u b'hekk ikun possibbli li jiġi kkontrollat jekk dawn kinux akkwistati legalment skont il-PIC u l-MAT;

33. Jenfasizza li dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu introdotti permezz ta' emenda tal-Ftehim WTO-TRIPS jew fl-ambitu tad-WIPO, fil-kuntest tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar it-twaqqif ta' strument(i) ġuridiku/ċi internazzjonali ġdid/ġodda għall-protezzjoni effikaċi ta' riżorsi ġenetiċi, għarfien tradizzjonali u espressjonijiet kulturali tradizzjonali; jitlob li l-UE b'mod partikolari biex tappoġġa, f'konformità mal-PCD, it-talba tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jkun emendat il-Ftehim WTO-TRIPS billi jiddaħħal Artikolu 29a (ġdid) dwar l-Iżvelar tal-Oriġini ta' Riżorsi Ġenetiċi u/jew ta' Għarfien Tradizzjonali Assoċjat skont il-Protokoll ta' Nagoya; jilqa', bħala l-ewwel pass, il-fatt li l-proposta tal-UE għal regolament dwar l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi u l-qsim tal-benefiċċji tipprevedi rekwiżit obbligatorju ta' żvelar tal-oriġini ta' kwalunkwe riżorsa ġenetika u ta' għarfien tradizzjonali assoċjat;

34. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lin-negozjaturi tagħha fi ħdan il-KIG tad-WIPO u fir-rieżami tat-TRIPS biex jikkunsidraw bħala l-punt ta' tluq tagħhom il-Protokoll ta' Nagoya u biex, waqt in-negozjati, jikkonċentraw fuq l-armonizzazzjoni tal-qafas ġuridiku tas-CBD[4] u l-Protokoll ta' Nagoya tagħha, u d-WIPO, it-TRIPS, l-ITPGRFA[5] u l-Konvenzjoni UPOV[6], kif ukoll il-UNCLOS[7] fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marittimi; jinnota li l-Ftehim TRIPS jeskludi b'mod tranżitorju lill-pajjiżi l-anqas żviluppati[8]; jisħaq fuq il-fatt li dan l-approċċ irid jiġi ppreservat fir-rigward ta' kwalunkwe reviżjoni li tista' tirriżulta mill-proċess tas-CBD-Nagoya;

35. Jilqa' pożittivament l-inizjattivi biex tingħata għażla alternattiva lill-korpi strettament kummerċjali, pereżempju l-Faċilità Dinjija għall-Informazzjoni dwar il-Bijodiversità (GBIF) li tippromwovi l-aċċess liberu u miftuħ għad-data dwar il-bijodiversità permezz tal-kooperazzjoni globali bejn id-diversi gvernijiet, organizzazzjonijiet u partijiet interessati internazzjonali oħra;

36. Jinnota l-ħidma tal-Kumitat Intergovernattiv dwar il-Proprjetà Intellettwali u r-Riżorsi Ġenetiċi tal-WIPO (Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali), u jħeġġeġ it-teħid ta' miżuri simili u l-użu ta' definizzjonijiet konsistenti fil-livell tal-UE;

37. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 213, 30.7.1998, p. 13.
  • [2]  ĠU C 371E, 20.12.2011, p. 14.
  • [3]  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2012 fuq il-privattivi ta' proċessi bijoloġiċi essenzjali, P7_TA(2012)0202.
  • [4]  Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.
  • [5]  Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura.
  • [6]  Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti.
  • [7]  Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar.
  • [8]  Artikolu 66(1), TRIPS; Deċiżjoni tal-Kunsill għall-Ftehim TRIPS tad-29 ta' Novembru 2005.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Il-protezzjoni u l-preservazzjoni tad-diversità ġenetika huma komponent ewlieni tal-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju. Ir-riżorsi ġenetiċi huma partikolarment essenzjali għas-sostenibbiltà agrikola u s-sigurtà alimentari. Barra minn hekk, id-diversità ġenetika hija waħda mill-aktar komponenti importanti għas-sopravivenza tal-ispeċijiet u r-reżiljenza tal-ekosistema. Għalhekk, it-telf fid-diversità ġenetika li jseħħ bħala parti mill-proċess tal-erożjoni tal-bijodiversità jirrappreżenta sfida ewlenija għall-umanità .

Minkejja l-importanza vitali tagħha għas-sopravivenza tal-bniedem, id-diversità ġenetika qed tintilef b'rata li qed tiżdied b'mod allarmanti. Din l-erożjoni tad-diversità toħloq sfidi ġodda kemm għal dawk li għandhom riżorsi ġenetiċi kif ukoll għall-utenti tagħhom, fejn dawk imsemmija l-ewwel ikunu ħafna drabi pajjiżi li qed jiżviluppaw rikki fil-bijodiversità, u dawk tal-aħħar normalment ikunu pajjiżi żviluppati.

F'dan il-kuntest, il-bijopiraterija irriżultat bħala kwistjoni ta' tħassib prinċipali għal pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għalkemm ma hemm l-ebda definizzjoni ġenerali tat-terminu 'bijopiraterija', normalment dan jirreferi għal sitwazzjoni li fiha r-riżorsi bijoloġiċi jittieħdu minn komunitajiet lokali jew popli indiġeni u jingħataw privattivi filwaqt illi l-qligħ li jirriżulta minnhom ma jkunx ta' benefiċċju għall-komunitajiet li minnhom ikunu oriġinaw ir-riżorsi, li jkunu żvelaw il-proprjetajiet tagħhom u għamlu użu minnhom.

Jekk ma jkunux jeżistu statistiki ċari dwar il-bijopiraterija u l-miżapproprjazzjoni, xi eżempji matul dawn l-aħħar 20 sena, inklużi l-fula 'Enola' safra, hoodia, rooibos, neem, eċċ., jitfgħu dawl ġdid fuq l-isfida li trid tiġi indirizzata fir-rigward tal-użu illegali ta' riżorsi ġenetiċi u għarfien tradizzjonali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għaldaqstant, il-ġlieda kontra l-bijopiraterija tirrappreżenta sfida prinċipali li trid tiġi indirizzata mill-UE, minħabba li dawn il-prattiki jmorru kontra l-impenji tal-UE għall-qerda tal-faqar, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-prinċipju tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp kif imħaddna fl-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona.

In-nuqqas ta' bilanċ bejn fornituri u utenti ta' riżorsi ġenetiċi wasslet ukoll il-kwistjoni tal-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim tal-benefiċċji tagħhom fuq livell internazzjonali. F'dan il-kuntest, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (1992) għandha rwol uniku. Filwaqt illi hija waħda mill-aktar trattati importanti li jirregolaw il-konservazzjoni u l-użu tal-bijodiversità fil-livell internazzjonali, hija differenti minn trattati ambjentali internazzjonali oħra b'mod notevoli. Il-kwistjonijiet ta' ġustizzja u ekwità għandhom rwol espliċitu u prominenti.

B'mod partikolari, wieħed mir-rekwiżiti ewlenin tal-qasam tal-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji (ABS) stabbilit mis-CBD u l-Protokoll ta' Nagoya, huwa li l-benefiċċji għandhom jingħataw bi skambju għal aċċess għal riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali, u li l-PIC għandu jinkiseb qabel l-aċċess. Barra minn hekk, pattijiet li fuqhom ikun hemm qbil reċiproku (MAT) għall-qsim tal-benefiċċji għandhom jiġu nnegozjati wkoll.

Fid-dawl ta' dan, ir-rapporteur tiegħek jippromwovi r-ratifika mgħaġġla tal-Protokoll ta' Nagoya bħala strument importanti fil-ġlieda kontra l-bijopiraterija u sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-ġustizzja u l-ekwità fl-iskambju tar-riżorsi ġenetiċi. Dan madankollu jinvolvi, li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi żviluppati jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jagħmlu lill-Protokoll effettiv. Filwaqt li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw ma rnexxilhomx jew ma setgħux idaħħlu fis-seħħ qafas ġuridiku adegwat dwar l-ABS, pajjiżi żviluppati naqqsu milli jipprovdu għal mekkaniżmi ta' konformità effikaċi li jiżguraw li BS ġust u ekwitabbli jkun jista' jiġi infurzat fejn atturi privati, taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, jużaw riżorsi ġenetiċi minn pajjiżi rikki fil-bijodiversità.

Fil-qosor, il-Protokoll jirrikjedi l-istabbiliment jew aktar elaborazzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-ABS domestika u dettaljata f'pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala prekondizzjoni għall-obbligu ta' pajjiżi utenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-PIC. Minħabba n-nuqqas attwali tal-leġiżlazzjoni tal-ABS f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, din it-talba toħloq sfida reali u tirrikjedi t-tisħiħ sostanzjali tal-kapaċitajiet ġuridiċi u istituzzjonali. Bl-istess mod, l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE għandha tintuża bħala strument sabiex pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu provduti b'assistenza għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ġuridiċi u istituzzjonali fuq kwistjoni relatata mal-ABS. Fir-rigward tal-konformità, l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jistabbilixxu miżuri effikaċi li jiżguraw li r-riżorsi ġenetiċi jkunu nkisbu skont il-PIC u l-MAT f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-ABS tal-pajjiżi fornituri. L-għoti ta' rikors fil-każ ta' tilwim u l-aċċess għall-ġustizzja, se jirrikjedi wkoll l-adattamenti ta' sistemi ġuridiċi nazzjonali fl-UE.

Madankollu, sabiex il-bijopiraterija tiġi miġġielda b'mod effikaċi, huwa importanti li jiġu indirizzati l-isfidi li ġejjin:

1) Agrikoltura u saħħa

L-użu ta' firxa wiesgħa ta' Riżorsi Ġenetiċi għall-Ikel u l-Agrikoltura (CGRFA) huwa kruċjali għas-sostenibbiltà tas-sigurtà alimentari, agrikola u ambjentali u sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.

Sa issa, il-maġġoranza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw jirrikonoxxu d-drittijiet ta' bdiewa żgħar li jfaddlu u jiskambjaw iż-żerriegħa. F'dan il-kuntest, ir-rapporteur tiegħek huwa b'mod partikolari mħasseb dwar l-impatt tal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1991 għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti (UPOV) dwar is-sigurtà alimentari f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, minħabba li tillimita drastikament il-possibbiltà li stati jiddikjaraw eċċezzjonijiet mid-drittijiet ta' min ikabbar il-pjanti favur id-dritt tal-bdiewa li jerġgħu jużaw u jiskambjaw żerriegħa maħsuda.

Ir-rapporteur tiegħek iqis li huwa essenzjali li jiġi ssalvagwardjat id-dritt tal-bdiewa li jiddependu fuq żerriegħa maħsuda bħala aspett importanti tad-'dritt għall-ikel'.

Barra minn hekk, riżorsi ġenetiċi minn pajjiżi rikki fil-bijodiversità jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għar-riċerka u l-iżvilupp farmaċewtiċi. Sfortunatament, ġie ppruvat li d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (DPI) joħolqu sfida sinifikanti għall-aċċess għall-mediċina f'pajjiżi foqra. Għalhekk, id-DPI ma għandhomx ifixklu l-aċċess għal mediċini affordabbli għall-popolazzjonijiet tagħhom, speċjalment jekk dawn id-DPI ikunu jiddependu fuq riżorsi ġenetiċi li joriġinaw minn pajjiżi li qed jiżviluppaw. Bl-istess mod, huwa kruċjali wkoll li jiġi żgurat BS xieraq mill-użu u l-kummerċjalizzazzjoni farmaċewtika/mediċinali tar-riżorsi ġenetiċi li jkunu jinsabu fit-territorji tagħhom.

2) Drittijiet ta' komunitajiet indiġeni u lokali u l-għarfien tradizzjonali

Li l-persuni li għandhom l-għarfien tradizzjonali jkunu jistgħu jżommu, jikkontrollaw u jipproteġu dan l-għarfien, mhuwiex importanti biss għas-sopravivenza ekonomika u kulturali tagħhom, iżda għaż-żamma tal-bijodiversità li tkun ta' benefiċċju għad-dinja kollha.

F'kuntest fejn l-għarfien tradizzjonali jipprovdi qligħ sostanzjali għall-industriji, inklużi l-dawk tal-farmaċewtika, il-kosmetiċi, u l-agrikoltura, il-protezzjoni ta' għarfien tradizzjonali ta' komunitajiet indiġeni u lokali tirrappreżenta sfida importanti fil-ġlieda kontra l-bijopiraterija relatata ma' attivitajiet ta' bijoprospettar.

Għalkemm il-protezzjoni tal-għarfien tradizzjonali ġiet indirizzata b'mod wiesgħa permezz ta' tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-drittjiet indiġeni u l-preservazzjoni tal-bijodiversità, ir-rapporteur tiegħek jemmen li ċertu titjib fil-livell istituzzjonali internazzjonali huwa meħtieġ sabiex tiġi evitata l-bijopiraterija konnessa mal-użu illegali tal-għarfien tradizzjonali. Fil-fatt, anke jekk l-għanijiet tal-preservazzjoni u tad-drittijiet tal-bniedem huma mħaddna f'numru ta' strumenti internazzjonali ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem, dawn, fil-biċċa l-kbira tagħhom, mhumiex obbligatorji, u fil-prattika huma nieqsa mill-mekkaniżmu tal-infurzar ta' ftehimiet internazzjonali dwar il-proprjetà intellettwali, jiġifieri l-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS).

B'mod aktar speċifiku, jekk matul dawn l-aħħar snin, id-dritt ta' Komunitajiet Indiġeni u Lokali (ILCs) ġew rikonoxxuti b'mod progressiv fil-livell internazzjonali, għad fadal ħafna xi jsir sabiex jiġu infurzati b'mod effettiv. L-unika konvenzjoni internazzjonali li torbot ġuridikament relatata ma' drittijiet indiġeni hija l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 169 tal-1989 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali. Għalkemm id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2007 dwar id-Drittijiet ta' Popli Indiġeni (UNDRIP) għandha l-mertu li tindirizza drittijiet indiġendi b'mod komprensiv u tenfasizza l-importanza fondamentali tad-dritt ta' popli indiġeni għall-awtodeterminazzjoni, hija strument li ma jorbotx. Madakollu, bħala trattat internazzjonali li jorbot, il-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità tinkludi, fl-Artikolu 8(j) tagħha, obbligu sabiex l-istati jipproteġu l-għarfien tradizzjnali miżmum mill-ILCs. Barra minn hekk, regoli li jirregolaw l-għardien tradizzjonali ġew żviluppati aktar fil-Protokoll ta' Nagoya tal-2010 għas-CBD.

F'dan ir-rigward, il-Protokoll jistabbilixxi/jikkonferma mill-ġdid ir-rekwiżiti simili fir-rigward tal-PIC minn Komunitajiet Lokali Indiġeni (ILCs) u l-istabbiliment ta' MAT jiżgura BS ġust, inklużi miżuri sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità u l-possibbiltà ta' rikors u aċċess għall-ġustizzja. Madankollu, ir-rekwiżiti relatati mal-għarfien tradizzjonali jiġu formulati f'lingwaġġ inqas vinkolanti minn dawk marbuta ma' riżorsi ġenetiċi. B'mod partikolari, l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi mhuwiex kopert mill-miżuri ta' monitoraġġ tal-Protokoll: ma hemm l-ebda obbligu li tiġi żvelata l-informazzjoni tal-'punt ta' kontroll' dwar l-għarfien tradizzjonali użat u ċ-ċertifikat ta' konformità rikonoxxut internazzjonalment ma jkoprix l-għarfien tradizzjonali assoċjat mar-riżorsi ġenetiċi, li jillimita l-possibbiltajiet tat-traċċar tal-bijopiraterija relatat ma' dan l-għarfien tradizzjonali.

Fid-dawl ta' dawn id-diversi nuqqasijiet, ir-rapporteur tiegħek iqis li huwa essenzjali li l-għarfien tradizzjonali jingħata l-istess livell ta' protezzjoni bħar-riżorsi ġenetiċi u li tiġi definita sistema internazzjonali tal-DPI sui generis ġuridikament vinkolanti li tkun tirrifletti fost affarijiet oħra d-diversità tal-interessi ta' komunitajiet lokali kif ukoll id-dritt konswetudinarju. Bl-istess mod, jirrikjedi adattament mill-ftehim TRIPS tad-WTO u s-sistema tad-WIPO sabiex ikun kompatibbli mas-CBD u r-rekwiżiti tal-Protokoll ta' Nagoya.

3) Ħidma għal sistema ta' governanza globali koerenti

Is-CBD u l-Protokoll ta' Nagoya jikkostitwixxu l-forum internazzjonali ewlieni għad-diskussjonijiet dwar il-governanza tal-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji (ABS) mir-riżorsi ġenetiċi. Madankollu, il-fatt li l-kwistjoni tal-governanza relatata mal-DPIs, ir-riżorsi ġenetiċi u t-tnaqqis fil-faqar, tikkonċerna wkoll istituzzjonijiet internazzjonali varji, bħad-WTO, l-FAO, id-WHO u d-WIPO, iqajjem sfidi f'termini tal-iżgurar tal-koerenza u 'appoġġ reċiproku' bejniethom.

F'dan il-kuntest, ir-relazzjoni bejn il-Ftehim TRIPS tad-WTO u s-CBS fir-rigward tal-ABS hija ostakolu. Abbażi tal-objettiv tagħha orjentat lejn l-iżvilupp sostenibbli, is-CBD tipprevedi qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji bejn fornituri u utenti tar-riżorsi ġenetiċi. B'kuntrast, il-ftehim TRIPS tad-WTO jimmira sabiex isaħħaħ l-DPIs, inkluż fir-rigward tal-bijoteknoloġija. Għalhekk, iż-żewġ trattati jagħtu sinjali li jikkontradixxu fil-livell tal-implimentazzjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għas-CBD, il-Ftehim TRIPS tad-WTO jiġi appoġġjat mill-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO. B'mod aktar ġenerali, ladarba s-CBD u l-Protokoll ta' Nagoya huma ħafna aktar dgħajfa mill-ftehim TRIPS tad-WTO jew l-istandards TRIPS Plus, għad hemm sensazzjoni ta' żbilanċ fir-rigward tal-infurzar u l-effettività ta' sanzjonijiet.

Skont il-prinċipju ta' Koerenza Politika għall-Iżvilupp, ir-rapporteur tiegħek jinsisti li l-istituzzjonijiet internazzjonali jappoġġjaw u mhux imorru kontra s-sistema tas-CBD – il-Protokoll ta' Nagoya. F'dan ir-rigward, wieħed irid iqis li pajjiżi li qed jiżviluppaw (fornituri) ipproponew b'mod konsistenti li regolament vinkolanti jirrikjedi li applikanti għal privattivi jiżvelaw is-sors u l-oriġini tar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien traduzzjonali użati fl-invenzjoni, jagħtu provi ta' kunsens infurmat minn qabel minn awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż fornitur u jipprovdu provi ta' qsim ta' benefiċċji ġust u ekwitabbli li jrid jiġi ċċertifikat f'ċertifikat internazzjonali tal-oriġini. Aċċettazzjoni ta' dawn it-talbiet fi ħdan il-kuntest tas-CBD se tibqa' tirrikjedi adattament tal-ftehim TRIPS tad-WTO.

Mill-2008, fil-prinċipju l-UE aċċettat l-introduzzjoni ta' rekwiżit tal-iżvelar tal-orġini fil-ftehim TRIPS tad-WTO bi skambju għal protezzjoni mtejba tal-'indikazzjonijiet ġeografiċi'. Wara l-Protokoll ta' Nagoya, diversi pajjiżi li qed jiżviluppaw u pajjiżi b'ekonomiji emerġenti ssottomettew proposta sabiex jiġi emendat il-Ftehim TRIPS tad-WTO billi jiddaħħal Artikolu 29a ġdid dwar l-Iżvelar tal-Oriġini ta' Riżorsi Ġenetiċi u/jew Għarfien Tradizzjonali Assoċjat skont il-Protokoll ta' Nagoya.

Ir-rapporteur tiegħek huwa tal-opinjoni li hija meħtieġa l-introduzzjoni ta' rekwiżit obbligatorju tal-iżvelar fil-kuntest tal-ftehim TRIPS tad-WTO. B'mod parallel, jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali għall-espansjoni ta' ftehimiet bilaterali ta' kummerċ li jistgħu jipperikolaw aktar l-interessi ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, permezz tal-mogħdija tal-hekk imsejħa standards 'TRIPS plus' għad-DPIs. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-UE tibqa' lura milli ġġiegħel lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment il-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), sabiex jaċċettaw permezz ta' ftehimiet bilaterali, standards tal-IP profondi fir-rigward taż-żerriegħa/l-agrikoltura u s-saħħa/il-mediċini.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (27.11.2012)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar aspetti tal-iżvilupp ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq riżorsi ġenetiċi: l-impatt fuq it-tnaqqis tal-faqar f'pajjiżi li qed jiżviluppaw
(2012/2135(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Helmut Scholz

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis il-kondiviżjoni ġusta u ekwa tal-benefiċċji li ġejjin mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi bħala objettiv fundamentali; jenfasizza l-bżonn li lill-fornituri tar-riżorsi, lill-inventuri u lill-investituri jingħataw trasparenza u ċertezza tad-dritt; iqis fundamentali li naslu għal kunsens bejn l-istituzzjonijiet internazzjonali li jirregolaw il-kummerċ u l-kwistjonijiet relatati miegħu dwar il-sinifikat fid-dritt tat-terminu "bijopiraterija"; jiddeplora kemm qed jiżvolġu bil-mod il-proċedimenti fin-negozjati li għaddejjin attwalment fil-KIG tal-WIPO[1] u l-proċess ta' rieżami tal-Ftehim TRIPS[2] fir-rigward tal-Artikolu 27.3(b);

2.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jirratifikaw il-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi u l-Kondiviżjoni Ġusta u Ekwa tal-Benefiċċji li jirriżultaw mill-Użu tagħhom, mehmuż mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; ifaħħar lill-Kummissjoni talli ppreżentat abbozz ta' regolament għall-implimentazzjoni tal-Protokoll ta' Nagoya; jistieden lill-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lin-negozjaturi tagħha fi ħdan il-KIG tad-WIPO u fir-rieżami tat-TRIPS biex jikkunsidraw bħala l-punt ta' tluq tagħhom il-Protokoll ta' Nagoya u biex, waqt in-negozjati, jikkonċentraw fuq l-armonizzazzjoni tal-qafas ġuridiku tas-CBD[3] u l-Protokoll ta' Nagoya tagħha, u d-WIPO, it-TRIPS, l-ITPGRFA[4] u l-Konvenzjoni UPOV[5], kif ukoll il-UNCLOS[6] fir-rigward tar-riżorsi ġenetiċi marittimi; jinnota li l-Ftehim TRIPS jeskludi b'mod tranżitorju lill-pajjiżi l-anqas żviluppati[7]; jisħaq fuq il-fatt li dan l-approċċ irid jiġi ppreservat fir-rigward ta' kwalunkwe reviżjoni li tista' tirriżulta mill-proċess tas-CBD-Nagoya;

3.  Jaqbel mal-pożizzjoni tal-partijiet interessati dwar il-fatt li sistema kummerċjali internazzjonali bbażata fuq ir-regoli teħtieġ il-prevenzjoni tal-ħruġ illegali ta' privattivi, li, min-naħa tagħha, teħtieġ l-adozzjoni ta' regoli dwar id-divulgazzjoni tas-sors u tal-oriġini tar-riżorsi ġenetiċi matul il-proċeduri biex tinkiseb privattiva; jinsisti fuq il-fatt li l-Ftehim TRIPS tad-WTO għandu jkun kumpatibbli mal-Protokoll ta' Nagoya mehmuż tas-CBD;

4.  Jilqa' pożittivament l-inizjattivi biex tingħata għażla alternattiva lill-korpi strettament kummerċjali, pereżempju l-Faċilità Dinjija għall-Informazzjoni dwar il-Bijodiversità (GBIF) li tippromwovi l-aċċess liberu u miftuħ għad-data dwar il-bijodiversità permezz tal-kooperazzjoni globali bejn id-diversi gvernijiet, organizzazzjonijiet u partijiet interessati internazzjonali oħra;

5.  Jirrikonoxxi r-rwol potenzjali tas-sistema tal-proprjetà intellettwali u tal-privattivi fil-promozzjoni tal-innovazzjoni, tat-trasferiment u tat-tixrid tat-teknoloġiji għall-vantaġġ reċiproku tal-partijiet interessati, tal-fornituri, tad-detenturi u tal-utenti tar-riżorsi ġenetiċi, tad-derivati tagħhom u tal-għarfien tradizzjonali assoċjat b'mod li jiffavorixxi l-benesseri soċjali u l-iżvilupp, filwaqt li jiġi enfasizzat il-bżonn ta' prevenzjoni tal-effetti negattivi tas-sistema tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u tal-privattivi fuq l-applikazzjoni min-naħa tal-popolazzjonijiet indiġeni u tal-komunitajiet lokali tal-għarfien tradizzjonali, tal-liġijiet, il-prassi u s-sistemi ta' għarfien tagħhom u fuq il-kapaċità tagħhom li jużaw, jiżviluppaw, joħolqu u jipproteġu l-għarfien tagħhom fil-qasam tar-riżorsi ġenetiċi; Itenni li, fid-dawl tar-riżoluzzjoni reċenti tiegħu fuq il-privattivi ta' proċessi bijoloġiċi essenzjali[8], speċjalment fil-qasam tat-tgħammir, protezzjoni eċċessivament wiesgħa tal-privattivi tista' tfixkel l-innovazzjoni u l-progress u ssir ta' detriment għal min ikabbar il-pjanti jew irabbi l-annimali fuq skala żgħira jew medja billi tibblokka l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi tal-annimali u l-pjanti; jindika li, f'ċerti ċirkostanzi, il-popolazzjonijiet indiġeni jew il-komunitajiet lokali jistgħu jqisu l-kuntratti bejn il-partijiet bħala soluzzjoni fattibbli għall-finijiet tal-kondiviżjoni tal-benefiċċji u tal-ħarsien tal-interessi tagħhom filwaqt li jitħares l-ambjent u tiġi evitata ħsara soċjali u ekonomika, eż. permezz ta' klawsoli ta' salvagwardja;

6.  Itenni r-rispett tiegħu lejn ir-riżultati miksuba fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-popolazzjonijiet indiġeni għar-riżorsi ġenetiċi u ta' tip ieħor tagħhom u għall-għarfien tradizzjonali assoċjat, stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, fil-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO, fl-Artikolu 8j tas-CBD u fil-Protokoll ta' Nagoya. jesprimi it-tħassib tiegħu għall-erożjoni ġenetika li qed isseħħ bħala konsegwenza tal-predominanza kważi esklużiva, fuq is-suq, taż-żrieragħ tal-produzzjoni industrijali, jiġifieri ż-żrieragħ protetti minn drittijiet tal-proprjetà intellettwali, askapitu tal-varjetajiet tradizzjonali taż-żrieragħ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.11.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

13

0

12

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Christofer Fjellner, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Gianluca Susta, Henri Weber, Jan Zahradil

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Mário David, Elisabeth Köstinger, Marietje Schaake, Inese Vaidere

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabelle Durant, Francisco José Millán Mon, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ivo Strejček, Renate Weber

  • [1]  Kumitat Intergovernattiv dwar il-Proprjetà Intellettwali u r-Riżorsi Ġenetiċi, l-Għarfien Tradizzjonali u l-Folklor tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali.
  • [2]  Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali marbutin mal-kummerċ.
  • [3]  Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.
  • [4]  Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura.
  • [5]  Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti.
  • [6]  Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar.
  • [7]  Art. 66.1, TRIPS; Deċiżjoni tal-Kunsill għall-Ftehim TRIPS tad-29 ta' Novembru 2005.
  • [8]  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2012 fuq il-privattivi ta' proċessi bijoloġiċi essenzjali, P7_TA(2012)0202.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (6.11.2012)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar aspetti rigward l-iżvilupp tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fuq ir-riżorsi ġenetiċi: l-impatt fuq it-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
(2012/2135(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Françoise Castex

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Ir-rapport tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp għandu l-għan li jqis l-effetti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fuq ir-riżorsi ġenetiċi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u s-sikurezza globali tal-ikel, l-ewwel u qabel kollox billi jibbaża ruħu fuq il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS) u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Protokoll ta' Nagoya tagħha dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u t-Tqassim Ġust u Ekwitabbli tal-Benefiċċji dovuti għall-Użu tagħhom. Il-kwistjoni ewlenija mqajma f'dan ir-rigward tikkonċerna r-rispett tal-"bijopiraterija", li tista' tirreferi kemm għall-estrazzjoni mhux awtorizzata ta' riżorsi ġenetiċi, bħal pjanti bi proprjetajiet mediċi, jew il-ħolqien ta' privattivi għal invenzjonijiet mhux ġenwini bbażati fuq dawn ir-riżorsi jew għarfien tradizzjonali minn popli indiġeni mingħajr kumpens.

Ir-rapporteur tilqa' riflessjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, fl-interess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan li jittaffa l-faqar, iżda tenfasizza li l-implimentazzjoni prattika ta' kwalunkwe sett ta' regoli biex tiġi evitata l-bijopiraterija tinvolvi problemi ta' natura legali li mhux faċli tinstab soluzzjoni għalihom mingħajr ma ssir riflessjoni dwar il-qafas legali attwali kif imsemmi hawn fuq u l-implimentazzjoni korretta tiegħu.

It-temrinoloġija legali fil-qasam tad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali dwar ir-riżorsi ġenetiċi għandha tiġi ċċarata u kkonsolidata, u l-ewwel u qabel kollox it-terminu "bijopiraterija". Kwalunkwe definizzjoni ta' dan it-terminu għandu jkollha bażi soda, li teħtieġ tiftix u riċerka estensivi. Il-komunità internazzjonali għandha tiddefinixxi wkoll is-sistemi sui generis fis-seħħ fil-livell internazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti f'dawk il-każijiet fejn il-protezzjoni bil-privattivi mhijiex applikabbli.

Huwa wkoll essenzjali li jiġu salvagwardjati l-interessi ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju li jrabbu l-annimali, billi titqies il-protezzjoni eċċessivament wiesgħa bil-privattivi fil-qasam tat-trobbija tal-annimali, li tista' tostakola l-innovazzjoni u l-progress u ssir detrimentali għal min irabbi billi tibblokka l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi tal-annimali u l-pjanti.

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li sistema ċara u koerenti tad-drittijiet għall-proprjetà tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' għarfien u t-tixrid tiegħu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għall-benefiċċju tal-intraprenditorija lokali, ir-riċerka, l-edukazzjoni u t-taffija tal-faqar;

2.  Jenfasizza li għandu jsir iktar xogħol biex tiġi ċċarata u kkonsolidata t-terminoloġija legali fil-qasam tad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali dwar ir-riżorsi ġenetiċi, b'mod partikolari sabiex jiġi definit it-terminu "bijopiraterija", abbażi ta' figuri awtorevoli;

3.  Huwa tal-fehma li l-ftehimiet futuri bilaterali u multilaterali għall-armonizzazzjoni, u b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-ambitu tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-privattivi, se jeħtieġu skrutinju bir-reqqa minn perspettiva ta' żvilupp, bl-għan li tinkiseb ekwità globali għas-saħħa pubblika fl-ispirtu tal-implimentazzjoni tal-Paragrafu 6 tad-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehim TRIPS, billi jiġi salvagwardjat l-għarfien u, b'rabta mad-drittijiet ta' min irabbi l-pjanti, billi jiġi żgurat aċċess għaż-żerriegħa;

4.  Jinnota l-ħidma tal-Kumitat Intergovernattiv dwar il-Proprjetà Intellettwali u r-Riżorsi Ġenetiċi tal-WIPO (Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali), u jħeġġeġ it-teħid ta' miżuri simili u l-użu ta' definizzjonijiet konsistenti fil-livell tal-UE;

5.  Itenni li, fuq l-isfond tar-riżoluzzjoni reċenti tiegħu dwar il-privattivi tal-proċessi bijoloġiċi essenzjali[1], il-protezzjoni eċċessivament wiesgħa bil-privattivi fil-qasam tat-trobbija tista' tostakola l-innovazzjoni u l-progress, għad-detriment tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju li jrabbu, billi tibblokka l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi;

6.  Jitlob li l-komunità internazzjonali tqis il-fatt li l-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti tipprovdi sistemi sui generis, li jinsabu diġà fis-seħħ, għall-protezzjoni tal-varjetà tal-pjanti f'dawk il-każijiet fejn il-protezzjoni bil-privattivi mhijiex applikabbli; jirrakkomanda li jsir ħsieb dwar rekwiżiti ewlenin għal mudelli effettivi sui generis;

7.  Huwa tal-fehma li għarfien lokali ta' metodi indiġeni tal-isfruttament tal-ilma għandhom jiġu riċerkati xjentifikament u mxerrda liberament, filwaqt li teknoloġiji koperti minn privattivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jiffaċilitaw l-innovazzjoni fl-aċċess għall-ilma u l-kanali tad-dranaġġ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.11.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Jiří Maštálka, Alajos Mészáros, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Rebecca Taylor, Alexandra Thein, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Zbigniew Ziobro, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Eva Lichtenberger, Angelika Niebler, József Szájer, Axel Voss

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sylvie Guillaume

  • [1]  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2012 dwar Privattivi għal proċessi bijoloġiċi essenzjali, P7_TA(2012)0202.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.12.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Keith Taylor, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl, Daniël van der Stoep, Anna Záborská, Iva Zanicchi

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Cristian Dan Preda

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Helmut Scholz