RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunisll dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya - Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza

19.12.2012 - (13582/2012 – C7‑0323/2012 – 2012/0120(NLE)) - ***

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Matthias Groote

Proċedura : 2012/0120(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0429/2012
Testi mressqa :
A7-0429/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA’ RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunisll dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya - Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza

(13582/2012 – C7‑0323/2012 – 2012/0120(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (13582/2012),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza adottat fil-15 ta' Ottubru 2010 fis-sessjoni plenarja finali tal-ħames laqgħa tal-Partijiet għall-Konferenza li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet (COP/MOP 5) f'Nagoya u ffirmata mill-Unjoni fil-11 ta' Mejju 2011 (13583/2012),

–   wara li kkunsidra t-talba min-naħa tal-Kunsill għal approvazzjoni b'konformità mal-Artikolu 192 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0323/2012),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0429/2012),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

L-istorja wara l-proposta

Fid-29 ta’ Diċembru 1993, daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD). Skont l-Artikolu 19, paragrafu 3 tas-CBD, u wara diversi laqgħat tal-grupp ta' ħidma, il-Protokol ta' Kartaġena dwar il-Bijosikurezza għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika ġie adottat fid-29 ta' Jannar 2000 bħala ftehim supplimentari għas-CBD u daħal fis-seħħ fil-11 ta' Settembru 2003. Imsejjes fuq il-prinċipju prekawzjonarju, dan it-Trattat internazzjonali jipprovdi qafas għat-trasferiment, il-maniġġ u l-użu sikur ta' organiżmi ħajjin modifikati (LMOs) iġġenerati mill-bijoteknoloġija moderna li jista' jkollhom effetti ħżiena fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, jew inkella jkunu ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem.

L-Artikolu 27 tal-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza ta l-mandat lill-Partijiet sabiex, fl-ewwel laqgħa tal-Partijiet għall-Konferenza li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll (COP/MOP), jibdew proċess fir-rigward tal-elaborazzjoni ta’ regoli u proċeduri internazzjonli fil-qasam tar-responsabbiltà u r-rimedju għad-danni kkawżati mill-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi ħajjin modifikati. Fil-ħames laqgħa tal-Partijiet għall-Konferenza li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll (COP/MOP 5) f'Nagoya, il-Ġappun, l-UE appoġġjat unanimament il-kompromess finali li ntlaħaq dwar il-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju, wara li tqies li dan kien fil-limiti tal-pożizzjonijiet maqbula tal-UE u d-direttivi tan-negozjar indirizzati lill-Kummissjoni. Fil-15 ta’ Ottubru 2010, l-aħħar laqgħa plenarja tal-COP/MOP5 adottat b'suċċess il-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza.

Fl-20 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill laqa’ b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2011, il-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza ġie iffirmat mill-Unjoni fil-11 ta' Mejju 2011, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

Objettiv

Il-Protokoll ta' Karteġena dwar il-Bijosikurezza għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika hu trattat internazzjonali li jirregola l-movimenti minn pajjiż għall-ieħor ta' organiżmi ħajjin modifikati (LMOs) li jirriżultaw mill-bijoteknoloġija moderna. Il-Protokoll jistabbilixxi proċedura ta’ ftehim informat bil-quddiem (AIA) biex jiġi żgurat li l-pajjiżi jkollhom l-informazzjoni meħtieġa biex jagħmlu deċiżjonijiet informati qabel ma jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ organiżmi bħal dawn fit-territorju tagħhom. Il-Protokoll fih referenza għal approċċ prekawzjonarju u jafferma mill-ġdid il-lingwa tal-prekawzjoni fil-Prinċipju 15 tad-Dikjarazzjoni ta' Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp. Il-Protokoll jistabbilixxi wkoll Ċentru ta' Skambju għall-Bijosikurezza li jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni dwar organiżmi ħajjin modifikati u jassisti lill-pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-Protokoll.

Il-Prinċipju 13 tad-Dikjarazzjoni ta' Rio tal-1992 dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw liġi nazzjonali dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens kif ukoll jistidinhom biex jikkooperaw fl-iżvilupp ulterjuri ta' liġi internazzjonali dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens għal effetti negattivi ta' dannu ambjentali.

Ir-responsabbiltà u r-rimedju fil-kuntest tal-Protokol ta' Karteġena jirrigwarda l-kwistjoni dwar x'jista' jiġri jekk il-moviment transkonfinali tal-LMOs ikun ikkawża dannu. Il-Protokoll Supplimentari dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju, adottat fil-COP/MOP5 f' Nagoya fl-2010, jipprovdi għal regoli u proċeduri internazzjonali dwar ir-responsabbiltà u r-rimedju għal dannu lill-bijodiversità li tirriżulta minn LMOs.

Il-Protokoll Supplimentari jiffoka l-aktar fuq proċeduri u rekwiżiti amministrattivi fir-rigward ta' miżuri ta' rispons li jeħtieġ jittieħdu fil-każ ta' dannu minn LMOs li jaffettwa b'mod negattiv il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem.

Il-Partijiet għandhom obbligu, skont il-Protokoll Supplimentari, li jipprovdu, f'liġi domestika ġdida jew li diġà teżisti, għal regoli u proċeduri li jindirizzaw id-dannu. Jeħtieġ jipprovdu għal miżuri ta' rispons bl-għan li jevitaw jew inaqqsu d-dannu jew li jreġġgħu lura d-diversità bijoloġika. Il-Partijiet jeħtieġ jitolbu li l-operatur ikun f'kontroll dirett jew indirett tal-LMO ikkonċernat biex ikun jista' jieħu miżuri xierqa b'reazzjoni għad-dannu jew għal possibbiltà suffiċjenti ta' dannu; element ġdid partikolarment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Fl-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza huma koperti bil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-Bijosikurezza li bħala pedament ċentrali qed tħaddan il-prinċipju prekawzjonarju. Id-dispożizzjonijiet tar-responsabbiltà tal-Protokoll Supplimentari ta’ Nagoya-Kuala Lumpur huma koperti mid-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, li tistabbilixxi qafas ibbażat fuq il-prinċipju "li min iniġġes iħallas", u skont dan min iniġġes iħallas kull meta jfeġġu danni ambjentali.

Il-COP/MOP 5 iddeċidiet wkoll li jistgħu jittieħdu miżuri ta' kumpens addizzjonali u supplimentari f'każijiet meta l-ispejjeż tal-miżuri tar-rispons previsti fil-Protokoll Supplimentari ma jkunux koperti u li dawk il-miżuri jistgħu jinkludu arranġamenti li jridu jiġu indirizzati mill-COP-MOP. Barra minn hekk, il-COP-MOP ħeġġet lill-Partijiet jikkooperaw fl-iżvilupp u/jew it-tisħiħ tar-riżorsi umani u tal-kapaċitajiet istituzzjonali relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll Supplimentari u stiednet lill-Partijiet biex iqisu dan meta jifformulaw assistenza bilaterali, reġjonali u multilaterali għall-Partijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea

Skont l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika, kwalunkwe protokoll għal dik il-Konvenzjoni hu soġġett għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-integrazzjoni ekonomika. Skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika għandhom jiddikjaraw il-limitu tal-kompetenza tagħhom rigward il-materji rregolati mill-protokoll relevanti. Biex jitwettaq dan l-obbligu, il-Kummissjoni ppreparat Dikjarazzjoni annessa għal proposta.

F'din id-dikjarazzjoni, l-Unjoni Ewropea tiddikkjara li, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 191 tiegħu, hi kompetenti li tidħol fi ftehimiet internazzjonali, u li timplimenta l-obbligi li jirriżultaw minnhom.

L-Unjoni Ewropea tiddikjara ukoll li diġà adottat l-istrumenti legali vinkolanti fuq l-Istati Membri tagħha li jkopru l-kwistjonijiet kollha rregolati mill-Protokoll Supplimentari.

Il-konklużjonijiet tar-Rapporteur

Il-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju se jikkontribwixxi sew biex jintlaħqu l-objettivi tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u tal-Protokoll ta' Kartaġena dwar il-Bijosikurezza. Fuq l-istess linji tad-Direttiva Ewropea tal-2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali, dan il-Protokoll Supplimentari se jindirizza speċifikament ir-responsabbiltà u l-kumpens għad-danni lill-bijodiversità li jirriżultaw mill-LMOs.

Ir-Rapporteur japprova d-deċiżjoni tal-Kunsill, li tapprova l-Protokoll Supplimentari ta' Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju f'isem l-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta' dawk il-materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni.

Ir-Rapporteur jinsab sodisfatt li bosta Stati Membri ffirmaw il-Protokoll Supplimentari u jistidinhom biex jirratifikawh mill-aktar fis possibbli.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.12.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

58

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Milan Cabrnoch, Martin Callanan, Nessa Childers, Tadeusz Cymański, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Karl-Heinz Florenz, Gerben-Jan Gerbrandy, Matthias Groote, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Holger Krahmer, Jo Leinen, Peter Liese, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Pavel Poc, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Kārlis Šadurskis, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Salvatore Tatarella, Thomas Ulmer, Anja Weisgerber, Marina Yannakoudakis

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Jutta Haug, Jiří Maštálka, Judith A. Merkies, Miroslav Mikolášik, Giancarlo Scottà, Alda Sousa, Andrea Zanoni

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Emine Bozkurt, Reinhard Bütikofer, Jean Lambert, Csaba Sógor, Josef Weidenholzer