RAKKOMANDAZZJONI dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

    19.12.2012 - (11699/2012 – C7‑0193/2012 – 2008/0251(NLE)) - *

    Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
    Rapporteur: Daniel Caspary

    Proċedura : 2008/0251(NLE)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A7-0431/2012
    Testi mressqa :
    A7-0431/2012
    Testi adottati :

    ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

    (11699/2012 – C7‑0193/2012 – 2008/0251(NLE))

    (Konsultazzjoni)

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (11699/2012),

    -    wara li kkunsidra l-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar minn naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra[1],

    –   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-Artikolu 209(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7‑0193/2012),

    –   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0431/2012),

    1.  Japprova l-konklużjoni tal-ftehim;

    2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Istati tal-Madagaskar, il-Mawrizju, is-Seychelles u ż-Żimbabwe.

    • [1]  ĠU L 111, 24.4.2012, p.3.

    NOTA SPJEGATTIVA

    Fl-2000 l-AKP u l-UE ftiehmu li jikkonkludu arranġamenti kummerċjali ġodda li huma kompatibbli mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) sabiex jieħdu post ir-reġim unilaterali tal-preferenzi kummerċjali mogħtija mill-UE għall-importazzjonijiet mill-AKP li kienu fis-seħħ f’dak iż-żmien.

    Taħt il-Ftehim Cotonou, l-integrazzjoni tal-Istati AKP fl-ekonomija dinjija, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli tagħhom u l-ħolqien ta’ swieq reġjonali aktar effiċjenti b’regoli prevedibbli u stabbli jikkostitwixxu s-sisien ta’ dan l-aproċċ. Dawn il-ftehimiet il-ġodda jkunu bbażati fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali u produttivi tal-AKP u jiġu appoġġati l-proċessi ta’ aġġustament neċessarji.

    In-negozjati tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) l-ġodda ngħataw bidu fl-2002 bil-għan li jiġu konklużi sal-31 ta’ Diċembru 2007, bl-għarfien li, fl-1 ta’ Jannar 2008, kienu se jintemmu s-sistema ta’ Cotonou ta' preferenzi kummerċjali u d-deroga tad-WTO li tkopri l-ftehimiet eżistenti ta' kummerċ bejn l-AKP u l-UE. Minn meta l-FSE adottaw l-objettiv tal-bini u t-tisħiħ tal-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali fl-AKP, in-negozjati saru f’livell reġjonali b’sitt gruppi reġjonali tal-FSE mwaqqfa b’mod awtonomu. F’Awwissu 2007, is-seba’ grupp ta’ negozjar ġie stabbilit mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant.

    Il-CARIFORUM kien s’issa l-uniku grupp reġjonali li ffirma FSE komprensiv.

    Matul l-2007, deher ċar li kien improbabbli li jiġu konklużi FSE komprensivi mar-reġjuni kollha u għalhekk għadd ta’ Ftehimiet Interim (FSEI) kienu konklużi sabiex jiġi minimizzat kwalunkwe tfixkil fil-kummerċ għas-sħab AKP li jista’ jirriżulta mill-iskadenza tas-sistema kummerċjali ta’ Cotonou filwaqt li jinżamm il-progress lejn FSE reġjonali komprensivi. Filwaqt li l-Ftehim Interim għadda mill-proċess ta' approvazzjoni nazzjonali, il-pajjiżi kisbu l-aċċess mingħajr dazji u kwoti għal kummerċ fi prodotti lejn l-UE permezz tar-Regolament dwar l-Aċċess għas-Suq (Regolament tal-Kunsill 1528/2007) mill-1 ta’ Jannar 2008.

    Sal-14 ta’ Mejju 2012, ġew applikati b’mod provviżorju l-FSE mal-pajjiżi tal-Karibew u l-FSE Interim mal-Papwa Ginea Ġdida. Fl-14 ta’ Mejju, dawn ġew segwiti mill-Madagaskar, il-Mawrizju, is-Seychelles u ż-Żimbabwe.

    Afrika tal-Lvant u t'Isfel (ESA)

    L-ESA jikkostitwixxi grupp FSE divers li jinkludi l-gżejjer tal-Oċean Indjan (il-Komoros, il-Madagaskar, il-Mawrizju u s-Seychelles), pajjiżi mill-Qarn tal-Afrika (id-Djibouti, l-Etjopja, l-Eritrea u s-Sudan), u ċerti pajjiżi tal-Afrika t’Isfel (il-Malawi, iż-Żambja u ż-Żimbabwe). Il-grupp ESA inizjali fil-bidu tal-proċess ta’ negozjar tal-FSE kien jinkludi wkoll l-Istati tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) tal-Burundi, il-Kenja, ir-Rwanda, it-Tanzanija u l-Uganda. Madankollu, fl-2007 huma kkonkludew FSE interim separat ibbażat fuq l-unjoni doganali tal-EAC, li dak iż-żmien kienet għada kemm ġiet stabbilita.

    Mill-grupp FSE tal-ESA tmienja mill-ħdax-il Stat huma pajjiżi l-inqas żviluppati. Fl-2010, l-importazzjonijiet tal-UE mill-grupp ESA kollu laħaq madwar €2.88 biljun, jew 0.2% tal-importazzjonijiet tal-UE kollha, inklużi prinċipalment it-tuna proċessata, il-kafe, iz-zokkor tal-kanna, it-tessuti, it-tabakk, il-fjuri maqtugħin u l-liegi tal-ħadid. L-importazzjonijiet mill-pajjiżi tal-ESA li taw bidu għall-FSE Interim irrappreżentaw madwar 70% tal-importazzjonijiet tal-UE mir-reġjun tal-ESA. L-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-ESA kienu jikkonsistu prinċipalment f’makkinarju, vetturi, prodotti farmaċewtiċi u kimiċi u laħqu madwar €3.99 biljun fl-istess sena. Għal dak li jirrigwarda l-kummerċ, hemm kompetizzjoni limitata bejn l-UE u pajjiżi tal-AKP.

    FSEI bejn l-UE u l-Grupp FSE tal-ESA

    Fl-aħħar tas-sena 2007, sitt Stati fir-reġjun ESA (il-Komoros, il-Madagaskar, il-Mawrizju, is-Seychelles, iż-Żambja u ż-Żimbabwe) ikkonkludew ftehim interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika mal-UE. Dan l-akkordju jikkostitwixxi l-ewwel pass lejn FSE sħiħ u jibqa’ miftuħ għal pajjiżi oħra li jixtiequ jaderixxu ruħhom fi stadju ulterjuri. L-FSE Interim ġie ffirmat minn erba’ pajjiżi (il-Madagaskar, il-Mawrizju, is-Seychelles u ż-Żimbabwe) f’Awwissu 2009 u huwa applikat b’mod provviżorju mill-14 ta’ Mejju 2012.

    L-Artikolu 62.5 tal-Ftehim Interim jistabbilixxi li dan il-Ftehim għandu jkun applikat provviżorjament għaxart ijiem mill-aħħar riċevuta tan-notifika ta’ applikazzjoni provviżorja mill-KE jew ta’ ratifikazzjoni jew applikazzjoni provviżorja mill-Istati Firmatarji kollha tal-ESA. L-applikazzjoni provviżorja tippermetti l-applikazzjoni tal-ftehim qabel ir-ratifika tal-partijiet involuti kollha. Fid-dawl tal-fatt li dan huwa ftehim imħallat li jinvolvi wkoll l-Istati tal-UE kollha, qed jiġi akkwistat ċertu żmien prezzjuż. Barra minn hekk, l-applikazzjoni provviżorja ma tippreġudikax il-kompetenzi tal-Parlament. Il-Parlament huwa wkoll informat kif xieraq u fi żmien utli dwar l-applikazzjoni provviżorja f’konformità tal-ftehimiet interistituzzjonali li ġew konklużi wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona. Dan il-ftehim kien diġà konkluż fl-2008, meta t-Trattat ta’ Lisbona ma kienx applikabbli.

    Kontenut tal-FSEI

    Il-FSEI jipprovdi aċċess mingħajr dazji u kwoti għas-suq tal-UE għall-esportazzjonijiet mill-Mawrizju, il-Madagaskar, is-Seychelles u ż-Żimbabwe. Dawn il-pajjiżi se jiftħu s-swieq tagħhom b’mod gradwali għall-esportazzjonijiet Ewropej matul perjodu ta’ 15-il sena, b’ċerti eċċezzjonijiet (massimu ta’ 20% ta’ importazzjonijiet mill-UE) għal ċerti prodotti li l-pajjiżi jqisu sensittivi. Dawn il-prodotti esklużi jvarjaw minn pajjiż għal pajjiż, iżda fil-biċċa l-kbira jinkludu prodotti agrikoli. Barra minn hekk, il-Ftehim jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-regoli ta’ oriġini, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, is-sajd, l-istrumenti ta’ difiza kummerċjali u r-riżoluzzjoni ta’ tilwim.

    Valutazzjoni

    Diġà fil-25 ta’ Marzu 2009, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar uq l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonmika Interim mal-ESA (P6_TA(2009)0180) fejn irrikonoxxa ”... l-benefiċċji li l-iffirmar tal-[FSEI] bejn l-Unjoni min-naħa waħda u l-pajjiżi relevanti min-naħa l-oħra kellu fuq l-esportaturi billi jinżamm l-istejtus quo għal esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea wara l-iskadenza tal-trattament preferenzjali ta' tariffi previst fil-Ftehim ta’ Kotonou fil-31 ta’ Diċembru 2007, u għalhekk il-preservazzjoni u l-espansjoni sostanzjali tal-opportunitajiet tal-esportazzjoni lejn l-UE għall-pajjiżi tal-ESA, kemm permezz ta’ regoli sħaħ tas-suq u kemm permezz ta' regoli ta' oriġini mtejba”. Ir-rapporteur jikkondividi din il-fehma u jipproponi lill-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu għal dan il-ftehim. Għandha tinġibed l-attenzjoni għal ċerti kwistjonijiet.

    Sħubija

    Dan il-ftehim isaħħaħ is-sħubija bejn il-pajjiżi sħab u l-UE. Huwa jistabbilixxi strutturi ġodda għal djalogu bejn il-partijiet (pereżempju l-Kumitat FSE), li jippermettu kooperazzjoni produttiva u diskussjonijiet effikaċi.

    Kundizzjonijiet awqa għall-kummerċ u l-investiment

    Ir-relazzjoni kummerċjali preċedenti tal-Unjoni mal-pajjiżi tal-AKP sal-31 ta’ Diċembru 2007 (relazzjoni li kienet tagħti lil dawn tal-aħħar aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE fuq bażi mhux reċiproka) ma kinitx tikkonforma mar-regoli tad-WTO, kienet unilaterali u temporanja. Il-FSEI min-naħa l-oħra jirrappreżenta relazzjoni kuntrattwali u fih impenn, ibbażat fuq it-trattat u kompatibbli tad-WTO, li jiġi garantit l-aċċess mingħajr dazji u kwoti għall-prodotti tal-ESA.

    Ir-rapporteur jilqa’ l-kontribut li din iċ-ċertezza legali akbar se tipprovdi għat-titjib tal-kundizzjonijiet għall-kummerċ u l-investiment fl-Istati tal-ESA involuti. Fl-14 ta’ Mejju, il-partijiet bdew jimplimentaw l-iskedi ta’ tariffi li għalihom jimpenjaw ruħhom fil-Ftehim Interim. Sfortunatament, tentattivi sabiex ikun hemm skeda ta’ tariffi komuni fost l-erba’ Stati tal-ESA involuti ma rnexxewx u għalhekk it-tariffi se jvarjaw skont il-pajjiż.

    L-applikazzjoni provviżorja tal-FSEI trendi l-inklużjoni tal-Anness 1 tar-Regolament tal-Kunsill 1528/2007 (ir-Regolament dwar l-Aċċess għas-Suq adottat mill-Kunsill fl-20 ta’ Diċembru 2007) permanenti għall-erba’ Stati tal-ESA involuti. Fin-nuqqas ta’ din l-applikazzjoni provviżorja, kważi l-ebda pajjiż ma kien jilħaq il-livelli tal-SPĠ ta’ aċċess preferenzjali wara d-dħul fis-seħħ tal-emendar tar-Regolament dwar l-Aċċess għas-Suq. Dan kien jippreġudika sew il-kompetittività tagħhom f’ċertu setturi fis-suq globali.

    Integrazzjoni reġjonali

    Il-FSEI jikkostitwixxi pass ulterjuri lejn il-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali. L-UE ma tistax tisforza l-integrazzjoni reġjonali u s’issa erba’ Stati biss mill-11-il Stat tal-ESA ddeċiedew li jaderixxu ruħhom. Madankollu, l-UE tikkontribwiixi għall-integrazzjoni reġjonali permezz ta’ miżuri bħall-esklużjoni tal-kummerċ tal-Istati AFP mill-klawsola dwar in-Nazzjon l-Aktar Favorit u billi tippermetti l-Istati tal-ESA jżommu l-preferenzi reġjonali.

    Regoli ta’ oriġini mtejba

    Fuq talba tal-pajjiżi tal-AKP, li ġeneralment jikkunsidraw ir-regoli dwar l-oriġini tal-Ftehim ta’ Cotonou wisq restrittivi, l-UE offriet lill-pajjiżi li jiffirmaw u japplikaw il-FSEI jew il-FSE li tissimplifika jew trendi aktar flessibbli r-Regoli ta’ Oriġini tal-FSE. Ir-Regoli ta’ Oriġini tal-FSE mhumiex kompletament ġodda, inkwantu jikkostitwixxu titjib tar-Regoli ta’ Oriġini ta’ Cotonou ("Cotonou+"). It-titjib prinċipali tal-FSE seħħ b’mod partikolari fl-oqsma tat-tessuti, l-agrikoltura u s-sajd.

    Salvagwardji u protezzjoni tal-industriji ġodda

    Il-Ftehim Interim jistabbilixxi protezzjoni suffiċjenti għall-industrija l-ġdida sabiex jippermetti li l-pajjiżi sħab jiżviluppaw b’mod armonjuż. It-tnaqqis fit-tariffi jipprevedi perjodu tranżitorju ta’ 15-il sena. Il-pajjiżi sħab jistgħu jeskludu massimu ta’ 20% minn din il-liberalizzazzjoni. Is-salvagwardji jistgħu jipproteġu minn żidiet f’daqqa ta’ importazzjonijiet. Il-konsultazzjonijiet huma parti mill-proċeduri għall-applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti ta’ difiża kummerċjali. Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp se tkun ukoll diretta lejn it-tħejjija ta’ impriżi għall-kompetizzjoni internazzjonali u se tgħin lill-esportaturi jirrispettaw l-istandards relatati mal-importazzjoni tal-UE.

    Kooperazzjoni għall-iżvilupp

    Ir-rapporteur jilqa’ l-fatt li taqsima importanti tal-FSEI orjentata lejn l-iżvilupp tirrigwarda l-assistenza, li l-pajjiżi sħab għandhom jibbenefikaw minnha sabiex jiksbu l-aġġustament strutturali tal-ekonomiji, id-diversifikazzjoni u ż-żieda tal-valur tagħhom.

    L-objettivi konkreti tal-assistenza għandhom ikunu definiti b’mod ċar. L-istrutturi tal-FSEI għandhom il-kompitu importanti li jfasslu lista koerenti ta’ prijoritajiet mill-Artikoli 36-54 tal-FSEI u l-matriċi tal-iżvilupp fl-Anness IV tal-FSEI.

    Il-pajjiżi sħab tal-ESA għandhom jikkontribwixxu għal din ir-riforma billi jirrevedu l-politiki kummerċjali u ekonomiċi tagħhom bil-għan li jkun hemm kundizzjonijiet awqa għall-kummerċ u l-investiment. Ir-rapporteur jilqa’ wkoll l-intenzjoni li jiġu mfittxija l-kooperazzjoni u s-sinerġija mal-Istati Membri u donaturi internazzjonali oħra.

    Klawsola ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni

    Ir-rapporteur jixtieq jenfasizza l-importanza tar-rabta tal-FSEI mal-Ftehim ta’ Cotonou fir-rigward tal-governanza t-tajba, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Din il-klawsola ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tista’ tintuża sabiex jittieħdu miżuri ħalli jiġu affrontati sitwazzjonijiet bħal dawk esperjenzati fiż-Żimbabwu u fil-Madagaskar fil-passat. Il-miżuri li ttieħdu fil-konfront taż-Żimbabwe fl-2002 ġew irrevokati f'nofs is-sena 2012 u issa baqa' biss ċerti miżuri mmirati kontra ċerti individwi u entitajiet u embargo fuq l-armi.

    L-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp lejn il-Madagaskar ġiet sospiża minn kważi d-donaturi kollha fl-2009 minħabba bidla fil-poter mhux kostituzzjonali. Hekk kif il-Madagaskar qed joħroġ b’mod gradwali minn tliet snin ta’ kunflitti politiċi, il-programmi ta’ għajnuna għall-iżvilupp Ewropej qed jerġgħu jibdew.

    Ir-rapporteur huwa tal-fehma li s-sitwazzjoni preżenti fiż-żewġ pajjiżi ma għandhiex tostakola l-kunsens għal dan il-ftehim kummerċjali. L-UE għandha ovvjament tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni fil-pajjiżi involuti kollha.

    Klawsola rendez-vous lejn FSE globali

    Il-FSEI fih klawsola rendez-vous li tipprovdi għal negozjati kontinwi dwar il-kummerċ fis-servizzi, l-investiment, l-agrikoltura, ir-regoli ta’ oriġini, dispożizzjonijiet sanitarji u fitosanitarji (SPS) u Ostakoli tekniċi għall-Kummerċ (TBT), il-faċilitazzjoni ta’ dwana u l-kummerċ u regoli relatati mal-kummerċ. Dawn il-kwistjonijiet qed jiġu attwalment diskussi fin-negozjati tal-FSE globali.

    L-aħħar negozjati lejn FSE globali seħħew f’Novembru 2011. L-applikazzjoni provviżorja tal-FSEI wasslet lill-pajjiżi sħab u lill-Kummissjoni Ewropea jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-ftehim.

    Ir-rapporteur jemmen li l-implimetazzjoni tajba se jkollha impatt fuq in-negozjati għal FSE globali u għalhekk jappoġġa t-tibdil attwali fl-iffokar. Ir-rapporteur jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi kapitoli dwar kwistjonijiet bħall-kummerċ fis-servizzi u l-investiment, peress li dawn se jkunu l-ixprun reali għal tkabbir sostenibbli u l-eliminazzjoni tal-faqar fil-pajjiżi sħab.

    Konklużjoni:

    Ir-rapporteur jikkonkludi li l-iffirmar tal-FSEI huwa pass meħtieġ sabiex ikun hemm tkabbir sostenibbli fir-reġjun, u jenfasizza l-importanza tan-negozjati kontinwi bil-għan li jintlaħaq ftehim globali li jħeġġeġ aktar kummerċ, investiment u integrazzjoni reġjonali fir-reġjun;

    OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (6.12.2012)

    għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

    dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati Afrikani tal-Lvant u tan-Nofsinhar, fuq naħa waħda u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra
    (11699/2012 – C7‑0193/2012 – 2008/0251(NLE))

    Relatur: Judith Sargentini

    ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

    Fis-7 ta’ Frar 2004, il-grupp oriġinal tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika (ESA) li nieda negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPA) mal-UE kien jinkludi 16-il pajjiż, inklużi l-gżejjer tal-Oċeanu Indjan (il-Komoros, il-Madagaskar, il-Mawrizju u s-Seychelles), pajjiżi mill-Qarn tal-Afrika (id-Djibouti, l-Etjopja, l-Eritrea u s-Sudan), il-membri tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) (il-Burundi, il-Kenja, ir-Rwanda, it-Tanzanija u l-Uganda) u xi pajjiżi tal-Afrika t’Isfel (il-Malawi, iż-Żambja u ż-Żimbabwe).

    Madankollu, lejn l-aħħar il-ftehimiet ġew konklużi minn sitta u finalment iffirmati minn erba’ pajjiżi biss (il-Madagaskar, il-Mawrizju, is-Seychelles u ż-Żimbabwe), li minnhom tnejn huma stati gżejjer żgħar u t-tnejn l-oħra pajjiżi taħt sanzjonijiet. Kieku l-iEPA s tmexxew b’aġenda ta’ żvilupp reali, aktar pajjiżi tal-ESA kienu jikkonkludu u jiffirmaw l-iEPAs.

    Waqt li t-test tal-iEPAs huwa l-istess għal dawn l-erba’ pajjiżi, il-proċess tal-eliminazzjoni tat-tariffi huwa differenti. Is-Seychelles u l-Mawrizju huma mistennija jilliberalizzaw iktar minn 95 % u ż-Żimbabwe 79.9  %. Il-Madagaskar mistenni jilliberalizza 37 % fl-ewwel parti, sal-1 ta’ Jannar 2013, li tirrappreżenta 42 % tat-telf tad-dħul fiskali. Madankollu, il-gvern tal-Madagaskar mhuwiex lest għal dan u diġà talab għal moratorium ta’ 5 snin qabel jimplimenta dan il-ftehim. Huwa dubjuż għalfejn il-Madagaskar, l-unika pajjiż l-anqas żviluppat (LDC) mill-erbgħa (u l-ewwel LDC li implimenta iEPA) għandu jiġi sfurzat jiffirma iEPA waqt li attwalment jibbenefika minn EBA [Kollox ħlief Armi], li hija aktar favorevoli.

    L-għadd kbir ta’ pajjiżi li ħarġu min-negozjati jindika n-nuqqas ta’ aġenda ta’ żvilupp fi ħdan l-iEPAs interim. Uħud mill-pajjiżi li ħarġu min-negozjati jemmnu li l-iEPAs iwassluhom lejn sitwazzjoni anqas favorevoli meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim ta’ Cotonou.

    Il-ftehimiet la fihom kapitolu dwar żvilupp sostenibbli u lanqas klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem, iktar importanti issa peress li sa dan l-aħħar żewġ firmatarji mill-erba’ pajjiżi tal-ESA kienu taħt sanzjonijiet u għadhom kemm bdew pjan tar-rotta biex itemmu l-kriżi (il-Madagaskar), jew waslu qrib sew li jitneħħewlhom is-sanzjoniiet, sakemm ir-riformi demokratiċi jkomplu jimxu 'l quddiem (iż-Żimbabwe).

    Ir-ratifika tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika Interim se jimmarġinalizzaw aktar l-integrazzjoni reġjonali, li hija aggravata minn differenzi fl-iskemi ta’ liberalizzazzjoni tariffarji kif ukoll mill-problemi marbuta mar-regoli tal-oriġini. Barra minn hekk, jidher li ma saru ebda tħejjijiet biex jiġi indirizzat it-telf tad-dħul fiskali. Il-ftehimiet mhux se jipprovdu trattament differenzjat bejn l-LDCs u dawk li mhumiex f'konformità mal-livell ta' żvilupp tagħhom. Huwa importanti li jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ sjieda u li dawn il-pajjiżi jitħallew jistabbilixxu livelli tariffarji f’konformità mal-aġenda ta’ żvilupp industrijali tagħhom.

    Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar l-impatt tal-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs)[1], espliċitament avżaw kontra r-riskju li tkun ipperikolata l-integrazzjoni reġjonali meta jiġu finalizzati EPAs ma’ pajjiżi individwali tal-AKP jew ma’ grupp ta’ pajjiżi fi ħdan reġjun wieħed, u talab lill-Kummissjoni tikkalibra mill-ġdid l-approċċ tagħha, b'kunsiderazzjoni għal dan ir-riskju u tiżgura li l-konklużjoni tal-EPAs ma tipperikolax l-integrazzjoni reġjonali.

    ******

    Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jipproponi li l-Parlament jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu.

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    6.12.2012

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    12

    10

    2

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Thijs Berman, Michael Cashman, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Bill Newton Dunn, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Patrice Tirolien, Ivo Vajgl, Daniël van der Stoep, Anna Záborská, Iva Zanicchi

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Enrique Guerrero Salom, Cristian Dan Preda, Judith Sargentini

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Helmut Scholz

    • [1]  P6_TA(2009)0051, ir-riżoluzzjoni tal-5 ta’ Frar 2009 dwar l-impatt tal-iżvilupp tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs) tal-Parlament Ewropew (EPAs) (2008/2170(INI)), ĠU C 67 E , 18.3.2010, p. 124.

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    18.12.2012

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    20

    5

    1

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    William (The Earl of) Dartmouth, Maria Badia i Cutchet, Nora Berra, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, George Sabin Cutaş, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Franziska Keller, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Henri Weber, Iuliu Winkler, Paweł Zalewski

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Salvatore Iacolino, Silvana Koch-Mehrin, Maria Eleni Koppa, Katarína Neveďalová, Marietje Schaake

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Norbert Neuser, Birgit Schnieber-Jastram