RAPPORT dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina
20.12.2012 - (2012/2137(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Bastiaan Belder
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-istabbiliment ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u ċ-Ċina f’Mejju 1975,
– wara li kkunsidra l-qafas legali prinċipali għar-relazzjonijiet maċ-Ċina, jiġifieri l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Ekonomika bejn il-KE u ċ-Ċina[1], iffirmat f'Mejju 1985, li jkopri r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali u l-programm ta' kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina,
– wara li kkunsidra n-negozjati dwar Ftehim ġdid ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li ilhom għaddejjin mill-2007,
– wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika UE-Ċina mnedija fl-2003,
– wara li kkunsidra d-djalogu politiku strutturat bejn l-UE u ċ-Ċina li ġie stabbilit b’mod formali fl-1994 u d-Djalogu Strateġiku ta’ Livell Għoli dwar kwistjonijiet strateġiċi u ta’ politika barranija li ġie stabbilit fl-2010,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2006 bit-titolu ‘UE-Ċina: Imsieħba iktar mill-qrib, tkabbir tar-responsabbiltajiet’ (COM(2006) 631),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ politika tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Sħubija li qed timmatura: interessi u sfidi komuni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina’ (COM(2003)0533), approvat mill-Kunsill Ewropew fit-13 ta’ Ottubru 2003,
– wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-Kunsill dwar il-Politika tal-Lvant tal-Asja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni bl-isem ‘Sħubija Strateġika UE-Ċina’ tal-11 u t-12 ta’ Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Strateġija tal-Kummissjoni għaċ-Ċina 2007-2013, il-Programm Indikattiv Pluriennali 2011-2013, u r-reviżjoni ta’ nofs it-term 2010 tad-Dokument ta’ Strateġija u r-reviżjoni tal-Programm Indikattiv Pluriennali 2011-2013,
– wara li kkunsidra l-ewwel dokument ta’ politika li qatt ħareġ miċ-Ċina dwar l-UE, maħruġ fit-13 ta’ Ottubru 2003,
– wara li kkunsidra d-djalogu UE-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem, imniedi fl-1995, u l-aħħar żewġ laqgħat tad-djalogu, it-30 laqgħa li saret f’Pekin fis-16 ta’ Ġunju 2011 u l-31 laqgħa li saret fi Brussell fid-29 ta’ Mejju 2012,
– wara li kkunsidra l-kważi 60 djalogu settorjali li għaddejjin bħalissa bejn iċ-Ċina u l-Unjoni dwar, fost l-oħrajn, l-ambjent, il-politika reġjonali, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, u s-soċjetà ċivili,
– wara li kkunsidra l-istabbiliment ta’ Djalogu ta’ Livell Għoli Bejn in-nies tal-UE u ċ-Ċina fi Frar 2012, li ser jakkomoda l-inizjattivi konġunti kollha ta’ bejn l-UE u ċ-Ċina f’dan il-qasam,
– wara li kkunsidra l-ftehim bejn il-KE u ċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika ffirmat f’Diċembru 1998, li daħal fis-seħħ fis-sena 2000[2] u ġġedded fl-2004 u fl-2009, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija ffirmat fl-20 ta’ Mejju 2009, u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-KE u ċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija tat-8 ta’ Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-ftehim maċ-Ċina dwar kooperazzjoni fil-programm tal-UE Galileo li jirrigwardja n-navigazzjoni bis-satellita, iffirmat fit-30 ta’ Ottubru 2003,
– wara li kkunsidra l-15-il Samit bejn l-UE u ċ-Ċina, li sar fi Brussell fl-20 ta’ Settembru 2012, u l-Komunikat tal-Istampa Konġunt maħruġ fi tmiemu,
– wara li kkunsidra s-Sħubija bejn l-UE u ċ-Ċina dwar it-Tibdil fil-Klima li sar qbil dwarha u d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar it-Tibdil fil-Klima maħruġa waqt it-Tmien Samit bejn l-UE u ċ-Ċina f’Settembru 2005,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u ċ-Ċina dwar is-Sigurtà tal-Enerġija li saret fi Brussell fit-3 ta’ Mejju 2012, u l-Ħames Laqgħa tad-Djalogu dwar l-Enerġija bejn il-KE u ċ-Ċina f’Novembru 2011,
– wara li kkunsidra d-diskussjonijiet bejn iċ-Ċina u l-UE madwar Mejda Tonda,
– wara li kkunsidra t-18-il Kungress Nazzjonali tal-Partit Komunista Ċiniż, li sar bejn it-8 u l-14 ta’ Novembru 2012, u l-bidliet fit-tmexxija tal-Kumitat Permanenti tal-Politburo kif ġie deċiż waqt il-Kungress,
– wara li kkunsidra l-aħħar Laqgħa Interparlamentari tiegħu maċ-Ċina, li saret fi Brussell fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012,
– wara li kkunsidra l-aħħar riżoluzzjonijiet tiegħu dwar iċ-Ċina, b’mod partikolari dawk tat-23 ta’ Mejju 2012 dwar l-UE u Ċina: kummerċ żbilanċjat?[3]’, tat-2 ta’ Frar 2012 dwar il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICs u setgħat emerġenti oħra: objettivi u strateġiji[4], u tat-12 ta’ Settembru 2012 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK)[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina[6] u tal-5 ta’ Frar 2009 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi maċ-Ċina[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-21 ta’ Jannar 2010 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b’mod partikolari l-każ ta’ Liu Xiaobo[8], tal-10 ta’ Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f’Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uighur, iċ-Ċina)[9], tas-7 ta’ April 2011 dwar il-każ ta’ Ai Weiwei[10], tal-5 ta’ Lulju 2012 dwar l-iskandlu tal-abort sfurzat fiċ-Ċina[11], tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: drittijiet tal-minoranzi u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt[12], tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[13],
– wara li kkunsidra l-embargo tal-armi tal-UE introdott wara l-inċidenti ta’ trażżin tal-protesti fi Tiananmen f’Ġunju 1989, kif appoġġjat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Frar 2006 dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni[14],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE, iċ-Ċina u t-Tajwan u dwar is-sigurtà fil-Lvant Imbiegħed[15],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tibet u s-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, u b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar it-Tibet: pjanijiet biex iċ-Ċiniż isir il-lingwa ewlenija tat-tagħlim[16], tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar it-Tibet, b’mod partikolari r-reliġjużi nisa u rġiel li jaħarqu lilhom infushom b’idejhom u tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar it-Tibet: is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem[17],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0434/2012),
A. billi s-sħubija strateġika UE-Ċina hija ta’ importanza kbira għar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, u billi din ir-relazzjoni hija kruċjali sabiex jinstabu tweġibiet għal tħassib globali, bħas-sigurtà globali u reġjonali, il-kriżi ekonomika, regolamentazzjoni finanzjarja u tas-suq globali, is-sigurtà fl-enerġija, l-armi ta’ qerda massiva u n-nonproliferazzjoni nukleari, it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ ekonomija tas-suq, il-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-piraterija, kif ukoll il-ħolqien ta’ qafas biex ikun indirizzat it-tħassib bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina;
B. billi sħubija strateġika teħtieġ impenn qawwi għal responsabbiltà reċiproka u livell tajjeb ta’ fiduċja, u għandha tkun ibbażata fuq valuri universali;
C. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina żviluppaw b’mod konsiderevoli mill-iffirmar tal-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fl-1985; billi l-Kummissjoni adottat l-istrateġija politika ewlenija tagħha dwar iċ-Ċina fl-2006 u billi, f’dan il-kuntest, din bdiet negozjati f’Jannar 2007 dwar ftehim globali ta’ sħubija u kooperazzjoni sabiex ikomplu jitjiebu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u ċ-Ċina, b’mod partikolari l-kummerċ u l-investiment;
D. billi ċ-Ċina għaddejja minn proċess ta’ tranżizzjoni soċjoekonomika minn mudell estensiv ibbażat fuq ekonomija kkontrollata mill-Istat għal mudell ibbażat iktar fuq libertajiet ekonomiċi, li, imbagħad, ippermetta lil parti kbira tal-popolazzjoni Ċiniża biex tgħolli l-istandard tal-ħajja tagħha;
E. billi, madankollu, ma sarx progress simili fil-qasam tal-libertajiet politiċi;
F. billi d-drittijiet tal-bniedem huma kumplementari, universali, inaljenabbli, indiviżibbli u interdipendenti; billi ċ-Ċina turi l-preokkupazzjoni tagħha dwar id-drittijiet soċjali u ekonomiċi tal-bniedem (pereżempju l-ikel, il-ħwejjeġ, l-iżvilupp ekonomiku), filwaqt li l-UE għandha approċċ usa’ għad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludi u jagħmel enfasi partikolari fuq id-drittijiet ċivili u politiċi (pereżempju l-libertà tal-kelma, tar-reliġjon u tal-assoċjazzjoni);
G. billi attivisti Ċiniżi tad-drittijiet ċivili rrappurtaw dwar il-privazzjoni tal-libertà tagħhom meta għebu taħt il-kontroll tal-pulizija għal bosta xhur, mingħajr ebda mandat ta’ arrest, akkuża, kuntatt mal-familji tagħhom jew għajnuna legali;
H. billi fl-2007, il-President Hu Jintao diġà ta istruzzjonijiet lill-ogħla livell tal-ġudikatura li l-imħallfin għandhom ikunu ggwidati minn tliet ‘supremaziji’ – il-partit, il-poplu u l-liġi, f’dan l-ordni – u billi l-Ministeru tal-Ġustizzja Ċiniż iddekreta f’Marzu 2012 li l-avukati kollha għandhom jieħdu ġurament ta’ lealtà lejn il-Partit Komunist Ċiniż (PKĊ) sabiex jiksbu jew iġeddu l-liċenzja tagħhom;
I. billi l-aħbar xokkanti ta’ nofs Ġunju 2012 dwar l-abort sfurzat mill-iktar krudili tat-tifla li kienet għadha fil-ġuf ta’ Feng Jianmei, li kellha seba’ xhur tqala, xprunat id-dibattitu dwar l-abolizzjoni tal-politika uffiċjali ta’ wild wieħed;
J. billi minkejja l-progress tal-Gvern Ċiniż fil-promozzjoni ta’ ċerti drittijiet ekonomiċi u soċjali, l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-libertà ta’ espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda, il-libertà tal-istampa u d-dritt għas-sħubija fi trejdjunjins qed jiġu repressi b’mod persistenti; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem qed ikomplu jirrappurtaw abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Ċiniżi, inkluż l-għoti ta’ sentenzi lil dissidenti ta’ profil għoli bħar-rebbieħ tal-Premju tal-Paċi Liu Xiaobo li jinsab fil-ħabs, restrizzjonijiet estiżi fuq il-libertà tal-midja u l-internet, sorveljanza stretta u fastidju lill-avukati, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u organizzazzjonijiet mhux governattivi, kontroll imwessa’ u oppressjoni fuq l-Uighurs, it-Tibetani u l-libertajiet tagħhom, numru dejjem jikber ta’ każijiet ta’ għajbien sfurzat u detenzjonijiet arbitrarji, inkluż f’faċilitajiet ta’ detenzjoni sigrieti u illegali magħrufa bħala "l-ħabsijiet is-suwed"; billi l-politiki repressivi kontra l-libertajiet fundamentali tat-Tibetani qanqlu numru inkwetanti ta’ persuni li jaħarqu lilhom infushom b’idejhom f’dawn l-aħħar snin;
K. billi ċ-Ċina hija Stat firmatarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u hija membru permanenti tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; billi dan l-istatus jinvolvi dmir speċjali għaċ-Ċina li tirrispetta l-obbligi legali internazzjonali tagħha skont l-ICCPR u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;
L. billi Hu Jia, rebbieħ tal-Premju Sakharov 2008, għadu taħt arrest domiċiljari taħt sorveljanza kbira u b’komunikazzjoni ristretta;
M. billi l-Istat Ċiniż jirrikonoxxi biss ħames reliġjonijiet, jiġifieri l-Buddiżmu, id-Daoiżmu, l-Iżlam u l-Kristjaneżmu (kemm il-Kattoliċiżmu kif ukoll il-Protestantiżmu); billi dawn ir-reliġjonijiet kollha għandhom korpi ta’ tmexxija ċentralizzati bi kwartieri ġenerali f’Pekin u l-membri tal-persunal tagħhom huma uffiċjali leali lejn il-PKĊ; billi l-PKĊ; jaħtar il-mexxejja reliġjużi ewlenin u pprojbixxa setet mhux approvati bħal Falun Gong sa mill-1999 bil-għan li tinqered din il-prattika; billi b’konsegwenza ta’ din il-projbizzjoni, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw miżuri koersivi ekstralegali, bħal arresti arbitrarji, xogħol sfurzat, u tortura fiżika, li xi drabi jirriżultaw f’mewt;
N. billi r-Reġjun Awtonomu tat-Tibet, żoni Tibetani awtonomi oħra u r-Reġjun Awtonomu tax-Xinjiang Uyghur saru territorji dejjem iktar importanti għall-kunsiderazzjonijiet strateġiċi, reġjonali, militari u ekonomiċi taċ-Ċina u għalhekk huma meqjusa bħala kwistjonijiet ewlenin għall-integrità territorjali mill-Gvern Ċiniż; billi mill-2009, 90 Tibetan ħarqu lilhom infushom b’idejhom fiż-żoni popolati mit-Tibetani tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ), inkluż fir-Reġjun Awtonomu tat-Tibet u ż-żoni awtonomi tat-Tibet fil-provinċji ta’ Gansu, Sichuan u Qinghai;
O. billi, għalkemm il-ftuħ tal-ekonomija Ċiniża wassal għal benefiċċji kbar bħal aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol u tnaqqis fil-qgħad rurali, mhux is-setturi kollha tal-popolazzjoni Ċiniża ibbenefikaw bl-istess mod mit-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina u qed joħorġu differenzi kbar bejn il-partijiet urbani u rurali tal-pajjiż;
P. billi l-inugwaljanzi bejn il-popolazzjonijiet urbani u rurali f’termini ta’ dħul u aċċess għall-impjieg, il-benesseri soċjali, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni jikkostitwixxu sfida sinifikanti għall-politika ta’ koeżjoni għaċ-Ċina;
Q. billi l-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija hija kwistjoni ta’ interess komuni; billi l-użu tal-internet infirex fiċ-Ċina, b’iktar minn 500 miljun utent li jiffurmaw korp onlajn ta’ opinjoni pubblika; billi, madankollu, l-ambjent tal-internet tal-pajjiż għadu restrittiv ħafna;
R. billi l-UE hija l-iżjed destinazzjoni turistika popolari fid-dinja, billi 100 miljun Ċiniż huma mistennija jivvjaġġaw madwar id-dinja minn issa sal-2020 u billi, għalhekk, jeħtieġ li jiġu appoġġjati l-inizjattivi biex jattiraw dawn il-flussi ġodda ta’ turisti;
S. billi ċ-Ċina hija l-akbar emittent tad-diossidu tal-karbonju fid-dinja u billi l-livelli tal-emissjonijiet għadhom jiżdiedu b’mod mgħaġġel; billi l-emissjonijiet ta’ CO2 per capita fiċ-Ċina laħqu 6,8 tunnellata fl-2010 u huma mistennija jaqbżu l-emissjonijiet per capita tal-Istati Uniti sal-2017;
T. billi ċ-Ċina żiedet l-isforzi tagħha fir-rigward ta’ sistemi bbażati fuq is-suq għan-negozjar ta’ emissjonijiet; billi ċ-Ċina qed twettaq seba’ proġetti pilota f’dan il-qasam bil-għan li tistabbilixxi skema nazzjonali għan-negozjar tal-emissjonijiet fl-2015;
U. billi s-seklu 21 qed jara r-ritorn taċ-Ċina fix-xena dinjija bħala potenza ekonomika u kummerċjali, minħabba s-saħħa ekonomika u l-bini militari opak tagħha li qed jikbru bil-ħeffa;
V. billi l-UE tappoġġja l-Politika tar-RPĊ favur Ċina Waħda fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn ir-RPĊ u t-Tajwan;
W. billi r-rwol pożittiv tar-RPĊ fix-Xlokk tal-Asja f’termini ta’ reġjonalizzazzjoni u dinamika ekonomiċi qiegħed jingħata dejjem inqas importanza minħabba tilwim territorjali fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina mal-Vjetnam, il-Malasja, l-Indoneżja, il-Brunej, il-Filippini u t-Tajwan, u fil-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina mal-Ġappun u t-Tajwan – dawn huma kollha żoni għonja fil-ħut, kif ukoll fir-riservi taż-żejt u l-gass; billi ċ-Ċina żżomm relazzjonijiet mill-qrib mal-Korea ta’ Fuq, li ekonomikament tiddependi ħafna miċ-Ċina, bi dħul ta’ flus u turisti Ċiniżi li huma vitali għas-sopravivenza tar-reġim ta’ Pyongyang fl-istat attwali tiegħu;
Y billi ċ-Ċina qed tikkoopera mar-Russja, ma’ erba’ pajjiżi tal-Asja Ċentrali (il-Kazakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan u l-Uzbekistan) u erba’ pajjiżi osservaturi (l-Indja, l-Iran, il-Mongolja u l-Pakistan) fl-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai (SCO); billi l-investimenti Ċiniżi fl-Asja Ċentrali se jiżdiedu minn USD 20 biljun għal USD 100 biljun dollaru fid-deċennju li jmiss, kif ġie mħabbar fil-Laqgħa Għolja tal-SCO f’Pekin, fis-6 ta’ Ġunju 2012;
Z. billi l-approfondiment tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn Pekin u Washington, flimkien ma’ rabtiet finanzjarji u ekonomiċi b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi, jikkostitwixxi waħda mir-rabtiet bilaterali dinjin l-iktar sinifikanti; billi l-Ewropa hija l-ewwel sieħeb kummerċjali taċ-Ċina;
Aa. billi mkien fid-dinja t-tkabbir enormi taċ-Ċina ma huwa iktar viżibbli milli fl-Afrika u fl-Amerika Latina; billi dan jidher b’mod partikolari fiż-żieda impressjonanti tal-volum tal-kummerċ reċiproku fl-Afrika, li żdied bi 80 % bejn l-2009 u l-2011 għal USD 166,3 biljun, skont iċ-ċifri ppubblikati mill-Ministeru tal-Kummerċ Ċiniż; billi l-investiment dirett barrani Ċiniż fl-Afrika żdied bi 58,9 % fl-2011 għal USD 1,7 biljun; billi l-interessi taċ-Ċina fl-Afrika huma evidenti permezz tal-proġetti ta’ żvilupp ewlenin bħall-proġetti ta’ ferroviji, ta’ toroq u ta’ assistenza soċjali;
Kooperazzjoni u Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina
1. Jappoġġja l-impenn pubbliku magħmul mill-UE u ċ-Ċina matul id-Djalogu Strateġiku ta’ Livell Għoli tagħhom tad-9 u l-10 ta’ Lulju 2012 f’Pekin li jagħtu eżempju tajjeb ta’ kooperazzjoni internazzjonali fis-seklu 21 permezz tas-Sħubija Strateġika tagħhom ibbażata fuq interessi komuni u fehim reċiproku; jappoġġja u jinkoraġġixxi l-kważi 60 djalogu settorjali bejn l-UE u ċ-Ċina bil-konvinzjoni li sħubija msaħħa u mill-iktar żviluppata tkun ta’ benefiċċju reċiproku kemm għall-UE kif ukoll għaċ-Ċina; jixtieq, madankollu, li jissaħħu dawn id-djalogi fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent, is-sigurtà, l-enerġija u, b’mod iktar partikolari, il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, fir-rigward tal-konsegwenzi tagħha fuq is-saħħa u s-sigurtà pubblika; jinkoraġġixxi l-isforzi biex b’mod attiv jiġu mfittxija sinerġiji bejn it-12-il Pjan ta’ Ħames Snin taċ-Ċina u l-Istrateġija Ewropa 2020 bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni pragmatika f’oqsma varji; jemmen, barra minn hekk, li l-kunċett ta’ sħubija strateġika għandu jiġi definit aħjar; iħeġġeġ sabiex it-tkabbir fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi maċ-Ċina jkun akkumpanjat minn progressi konsiderevoli fid-djalogu politiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.
2. Jistenna li l-Istati Membri jagħtu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u speċjalment lid-Delegazzjoni tagħha f’Pekin mandat ċar biex tissaħħaħ is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina billi jitkellmu b’vuċi waħda mal-gvern Ċiniż, u ma jimplimentawx inizjattivi ta’ politika barranija bilaterali li jistgħu jipperikolaw l-isforzi li qed isiru mis-SEAE; jitlob lill-UE biex timplimenta strateġija fit-tul fir-rigward taċ-Ċina, li tiżgura l-koordinament operattiv kemm bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha; jistenna mill-awtoritajiet Ċiniżi fil-livelli politiċi kollha li jsaħħu s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina permezz tal-applikazzjoni konsistenti u trasparenti tal-ftehimiet u r-regoli reċiproċi u internazzjonali;
3. Jilqa’ l-ftehim milħuq waqt il-15-il Samit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar fi Brussell fl-20 ta' Settembru 2012; iħeġġeġ l-operazzjonalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom ta’ malajr, li se jsaħħu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u ċ-Ċina;
4. Jilqa’ wkoll l-impenji li ttieħdu fil-15-il Samit bejn iċ-Ċina u l-UE, b’mod partikolari fir-rigward tan-negozjar ta’ ftehim dwar l-investiment u l-istabbiliment ta’ djalogu regolari dwar il-kwistjonijiet tad-difiża u s-sigurtà;
5. Iqis li r-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, kemm fil-livelli ekonomiċi u kummerċjali kif ukoll f’dawk kulturali u soċjali, jistgħu jkunu fatturi ewlenin għall-iżvilupp u t-titjib taż-żewġ soċjetajiet u għalhekk jara din il-kooperazzjoni bħala waħda vitali għall-interessi taż-żewġ naħat;
6. Jilqa’ t-tnedija tad-djalogu interpersonali ta’ livell għoli bejn l-UE u ċ-Ċina u s-suċċess tal-ewwel fażi tiegħu ; jesprimi sodisfazzjon bil-progress u l-kisbiet tas-Sena ta’ Djalogu Interkulturali bejn l-UE u ċ-Ċina u jieħu nota tal-ftehim li ntlaħaq fil-15-il Samit bejn l-UE u ċ-Ċina dwar sensiela ta’ azzjonijiet ta’ segwitu f’diversi oqsma relatati mal-edukazzjoni, il-kultura, il-multilingwiżmu u ż-żgħażagħ;
7. Jistieden lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-awtoritajiet Ċiniżi kompetenti biex, b’kooperazzjoni mal-Parlament, jiffaċilitaw il-flussi turistiċi miċ-Ċina lejn l-UE, billi jiġu armonizzati u aċċellerati l-proċeduri biex jinħarġu l-viżi għaċ-ċittadini Ċiniżi partikolarment fil-kuntest tat-turiżmu tan-negozju u tal-konferenzi;
8. Jilqa’ s-sejħa li saret miż-żewġ naħat fil-15-il Samit bejn l-UE u ċ-Ċina għat-tnedija ta’ djalogu komprensiv bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-mobbiltà u l-migrazzjoni fil-livell xieraq u l-impenn reċiproku tagħhom biex ikomplu jesploraw modi dwar kif jistgħu jiffaċilitaw l-iskambji għaċ-ċittadini Ċiniżi u tal-UE, inkluża l-eżenzjoni reċiproka tal-viża għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi;
9. Jenfasizza li ċ-Ċina mhix biss it-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja u l-akbar esportatur fl-ekonomija globali, iżda wkoll potenza politika dejjem iktar importanti;
Is-sitwazzjoni interna
10. Jenfasizza li ċ-Ċina, fl-aħħar deċennji, kisbet progress soċjali sinifikanti; jenfasizza li dan it-titjib fil-kwalità tal-ħajja għal pajjiż enormi fuq perjodu daqshekk qasir huwa uniku fl-istorja; jinnota li sa mill-1990 it-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina neħħa iktar minn nofs biljun ruħ mill-faqar;
11. Jieħu nota dwar it-12-il Pjan ta’ Ħames Snin (2011-2015), approvat mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu f’Marzu 2012, li hu mistenni jindirizza l-effetti sekondarji negattivi ta’ perjodu mingħajr preċedent ta’ tkabbir ekonomiku għoli sostnut, bħal theddid ambjentali serju, żbilanċi reġjonali, inugwaljanza li qed tikber fil-pagi u protesti kollettivi kontinwi dwar ilmenti ta’ natura soċjali, ekonomika u legali;
12. Jinnota l-importanza li jiġu identifikati raġunijiet komuni bejn l-Istrateġija Ewropa 2020 u t-12-il Pjan ta’ Ħames Snin taċ-Ċina;
13. Jilqa’ l-politika ekonomika ta’ suċċess taċ-Ċina, iżda jaqsam il-kritika ta’ akkademiċi u osservaturi Ċiniżi li ż-żamma ta’ din ix-xejra hija mhedda serjament minn skandli ta’ korruzzjoni, nuqqas ta’ trasparenza u ‘aristokrazija ħamra’ ta’ membri tal-familja qrib mexxejja tal-passat u tal-preżent tal-partit li jippossjedu kapital kbir minħabba l-konnessjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħhom, sitwazzjoni gravi li dan l-aħħar inkixfet mill-kwistjoni ta’ Bo Xilai;
14. Jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni rapida tal-appelli ripetuti għad-demokratizzazzjoni u r-riformi politiċi fi ħdan il-PKĊ mit-tmexxija l-ġdida tal-partit; jemmen li riformi politiċi effikaċi biss immirati lejn l-iffurmar ta’ istituzzjonijiet inklużivi, demokratiċi u responsabbli li jirriflettu d-diversità etnika, reliġjuża, politika u soċjali taċ-Ċina ser iwittu t-triq lejn l-iżvilupp ta’ tkabbir u stabbiltà sostenibbli u t-trażżin tas-semiindipendenza ta’ kapijiet b’saħħithom provinċjali, distrettwali u lokali tal-partit, li jagħmlu ħsara kbira lir-reputazzjoni tat-tmexxija nazzjonali taċ-Ċina kemm internament kif ukoll esternament bl-abbużi tagħhom tal-poter, b’referenza partikolari għall-każijiet għaljin ħafna u endemiċi ta’ korruzzjoni; iqis li dawn il-każijiet għandhom jiġu indirizzati permezz tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ responsabbiltà, kif ġie rikonoxxut mill-President Hu Jintao waqt it-18-il Kungress tal-PKĊ f’Novembru 2012;
15. Jaqbel u jappoġġa r-rifjut qawwi minn avukati Ċiniżi ta’ ġurament obbligatorju ta’ lealtà lejn il-PKĊ għar-raġuni li huwa attakk fuq is-sistema legali li b’mod sfaċċat ma jqisx l-istandards legali internazzjonali, għaliex avukat għandu jkun leali lejn il-kostituzzjoni u mhux lejn partit jew organizzazzjoni politika;
16. Jenfasizza li, għalkemm l-aborti sfurzati huma strettament illegali fiċ-Ċina, uffiċjali għall-ippjanar tal-familja jġiegħlu lin-nisa jwettqu prattiki inumani bħal aborti jew sterilizzazzjoni sfurzati b’mod ripetut; jikkundanna l-hekk imsejħa ‘taxxa ta’ manteniment soċjali’, li hija multa ta’ sikwit eżorbitanti li l-ġenituri jkollhom iħallsu f’każ li jkollhom iktar minn wild wieħed, bħal fil-każ tat-traġedja ta’ Feng Jianmei; jirrimarka li fl-2011 l-istatistika uffiċjali wriet li kien hemm 8 400 ilment minn vittmi dwar l-imġiba ħażina tal-awtoritajiet tal-ippjanar tal-familja; jappoġġja bis-sħiħ il-vuċijiet Ċiniżi li jappellaw għat-tmiem tal-politika ta’ wild wieħed, bil-ħafna lakuni tagħha, partikolarment fid-dawl tax-xejriet demografiċi fiċ-Ċina, filwaqt li jenfasizza l-konsegwenzi severi soċjali u psikoloġiċi negattivi tagħha bħal differenzi soċjali, sitwazzjoni ta’ ugwaljanza bejn is-sessi li sejra għall-agħar, sentiment negattiv mifrux dwar it-twelid ta’ tifla u l-iżbilanċ bejn trabi subien u bniet li għadu qed jikber u li qed joħloq "imperaturi żgħar", ifixkel l-istruttura tal-familja tradizzjonali u, barra minn hekk, inaqqas id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol; jistieden lit-tmexxija Ċiniża tikkunsidra bħala prijorità ewlenija t-tisjib ta’ soluzzjoni għal din il-problema;
17. Jikkunsidra b’mod serju l-protesti qawwija mill-ħaddiema tal-impjant Foxconn u jitlob li jiġu rispettati d-drittijet tal-ħaddiema; jappoġġja t-tfittxija ta’ paga u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti;
18. Jilqa' l-isforzi taċ-Ċina biex tistabbilixxi sistema nazzjonali għan-negozjar tal-emissjonijiet sal-2015, li tista’ fil-futur tiġi integrata ma’ sistemi oħra tan-negozjar tal-karbonju, b’mod partikolari mal-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet; jinnota, madankollu, li ċ-Ċina għad m'għandhiex ekonomija tas-suq matura li taħdem kompletament, li hija prerekwiżit ċar għal sistema ta’ negozjar tal-emissjonijiet li taħdem sew;
19. Iħeġġeġ lill-gvern Ċiniż iżid il-kejl tas-sustanzi li jniġġsu u l-emissjonijiet sabiex jegħleb in-nuqqas ta’ data affidabbli dwar l-emissjonijiet tal-karbonju, biex iwaqqaf infrastruttura legali aħjar u biex iżid il-bini tal-kapaċità fil-livell amministrattiv; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-ftehim ta’ finanzjament tal-20 ta' Settembru 2012 bejn l-UE u ċ-Ċina, li jippromwovi l-ambjent, tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fiċ-Ċina;
20. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kap Eżekuttiv ta’ Ħong Kong li ma jimponix l-implimentazzjoni ta’ kurrikulu ta’ ‘edukazzjoni nazzjonali’ kontroversjali wara li saru dimostrazzjonijiet tal-massa u oppożizzjoni mifruxa; jistieden lill-awtoritajiet ta’ Pekin biex jirrispettaw b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ ‘pajjiż wieħed - żewġ sistemi’ f’konformità mal-ftehim iffirmat qabel l-għoti ta’ dik li kienet il-kolonja Ingliża lir-RPĊ; jilqa’ l-parteċipazzjoni għolja fl-elezzjonijiet reċenti tal-Kunsill Leġiżlattiv u jistenna li, mill-iktar fis possibbli, jiġi introdott vot universali għall-elezzjoni tal-membri kollha ta’ din l-assemblea;
Drittijiet tal-bniedem u demokrazija
21. Jammira u jappoġġja l-kuraġġ u l-attiviżmu ta’ dawk iċ-ċittadini Ċiniżi li jaġixxu b’modi soċjalment responsabbli biex jippromwovu u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem li huma universalment rikonoxxuti, u biex jopponu u jikkoreġu perikli soċjali u/jew atti kriminali, bħall-korruzzjoni, l-abbuż mill-kariga, il-ħsara ambjentali, l-infezzjoni bl-AIDS, l-ivvelenar tal-ikel, il-frodi fil-kostruzzjoni relatata mal-iskejjel, u l-esproprjazzjoni illegali tal-art u l-proprjetà, li ta’ spiss jitwettqu mill-awtoritajiet tal-partiti lokali; jikkundanna l-każijiet kollha ta’ ritaljazzjoni uffiċjali kontra dawn iċ-ċittadini Ċiniżi; iħeġġeġ lit-tmexxija Ċiniża tinkoraġġixxi r-responsabbiltà ċivili f’termini ta’ ħarsien tad-drittijiet soċjali tal-bniedem u biex tirriabilita d-difensuri ta’ dawn id-drittijiet ippersegwitati u kkastigati b’mod uffiċjali; ifakkar lit-tmexxija Ċiniża biex tikkonforma strettament mal-liġi nazzjonali u internazzjonali dwar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem;
22. Jappoġġja b’mod qawwi l-kummenti kritiċi ta’ avukati u ġuristi Ċiniżi li d-detenzjoni umiljanti tal-persuni ssuspettati għal iktar minn 15-il ġurnata tmur kontra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li ċ-Ċina ffirmat f’Ottubru 1998; jesprimi t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta’ rieda tal-gvern Ciniż li jirratifika l-ICCPR, sitwazzjoni li għadha pendenti; jiddeplora l-fatt li skont il-Liġi l-ġdida dwar il-Proċeduri Kriminali tal-2013, il-pulizija u l-awtoritajiet tas-sigurtà tal-Istat jistgħu anki jżommu persuna ssuspettata f’detenzjoni għal iktar minn 14-il xahar mingħajr ebda assistenza minn avukat; jappoġġja bis-sħiħ il-kritika tal-ġuristi Ċiniżi li l-pulizija żżomm l-għażla mhux biss li żżomm il-persuni ssuspettati taħt arrest domiċiljari, iżda wkoll li żżommhom taħt ‘arrest f'post determinat’; jappoġġja l-inizjattivi kollha tal-ġuristi Ċiniżi bil-ħsieb ta’ riforma ġenwina tal-Liġi dwar il-Proċeduri Kriminali tar-RPĊ;
23. Jistieden liċ-Ċina tikkonforma ma’ standards soċjali minimi; jenfasizza l-importanza tal-konformità mar-regoli kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-implimentazzjoni rapida tagħhom, inkluż id-dritt li jitwaqqfu liberament unjonijiet sindikalisti indipendenti; jilqa’ l-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-kuntratt tax-xogħol u jitlob li l-qafas leġiżlattiv jiġi supplimentat bl-adozzjoni ta’ liġi dwar in-negozjar kollettiv; iħeġġeġ kemm lill-awtoritajiet Ċiniżi kif ukoll lill-investituri u lill-kumpaniji Ewropej li joperaw fiċ-Ċina biex jirrispettaw l-istandards internazzjonali tax-xogħol u biex jiggarantixxu paga u kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina; huwa tal-fehma li l-UE m’għandhiex tippermetti aċċess għas-suq ta’ prodotti li ġew prodotti permezz tat-tħaddim tat-tfal jew f’faċilitajiet li serjament jiksru l-istandards internazzjonali tax-xogħol u d-drittijiet tal-bniedem bħalma huma l-kampijiet tal-ħabs;
24. Huwa tal-fehma li l-iżbilanċi kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina jirriflettu l-mudelli soċjali, ekonomiċi u demokratiċi differenti tagħhom; huwa tal-fehma li l-livell limitat jew mhux eżistenti ta’ rispett għal ċerti drittijiet fiċ-Ċina huwa fattur li jikkontribwixxi; jisħaq dwar l-importanza li tkun iddeterminata strateġija għad-djalogu maċ-Ċina li jittratta l-ewwel nett il-kwistjoni tas-suq tax-xogħol;
25. Jibża’ li l-għadd ta’ priġunieri li qed jiġu eżegwiti taħt il-leġiżlazzjoni tal-piena tal-mewt taċ-Ċina, kif ukoll l-għaġla tal-proċessi tagħhom u l-eżekuzzjonijiet sussegwenti, imorru kontra l-ispirtu tad-dritt tal-bniedem għal proċess liberu u ġust, minħabba li l-għaġla implimentata mill-awtoritajiet Ċiniżi tfisser li proċessi inadegwati u żbalji oħra jistgħu jkunu qed jiġu injorati, fattur li jwassal għall-eżekuzzjoni ta’ nies innoċenti; iqis li l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fi ħdan sistema ġudizzjarja opaka, li hija nieqsa minn trasparenza sħiħa u fejn id-drittijiet tal-priġunier għadhom mhumiex żviluppati kompletament, hija żball gravi; jistieden lill-awtoritajit Ċiniżi jikkunsidraw mill-ġdid il-politika tagħhom dwar il-piena kapitali;
26. Jenfasizza li s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina tinkludi l-libertà tal-midja fuq bażi reċiproka, li timplika l-libertà tal-istampa għall-midja Ċiniża fl-Ewropa kif ukoll il-libertà tal-istampa għall-midja Ewropea fiċ-Ċina; jistenna li l-istituzzjonijiet Ewropej jappoġġjaw bil-qawwa dan il-prinċipju tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntatti tagħhom mas-sħab Ċiniżi rispettivi tagħhom;
27. Jikkundanna l-kontroll u ċ-ċensura tal-awtoritajiet Ċiniżi fuq l-internet; jinnota bi tħassib li l-Gvern Ċiniż qiegħed jissikka s-sorveljanza tiegħu tal-internet permezz ta’ liġi ġdida li tipprojbixxi t-tradiment min-nies permezz tal-kxif tas-sigrieti tal-Istat, il-ħsara lill-kburija nazzjonali, it-tqegħid fil-perikolu tal-unità etnika tal-pajjiż jew is-sejħiet għal ‘protesti illegali’ jew ‘laqgħat tal-massa’; jinnota, għalhekk, li m’hemmx iktar limitu għaċ-ċensura jew il-persekuzzjoni; huwa mħasseb bin-nuqqas ta’ salvagwardji provduti mil-liġi l-ġdida, li tagħti l-possibbiltà li tintuża b’mod abbużiv; jenfasizza li t-termini ‘protesti illegali’ u ‘laqgħat tal-massa’ għandhom jintużaw biss f’sitwazzjonijiet fejn teżisti liġi effettiva għal protesti paċifiċi u legali; jinkoraġġixxi lill-Gvern Ċiniż jippermetti l-espressjoni ta’ pluralità ta’ opinjonijiet fuq l-internet, fil-midja u, b’mod iktar ġenerali, fl-isfera pubblika; ifakkar li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni fuq l-internet ġie rikonoxxut dan l-aħħar mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
28. Jinsab imħasseb dwar id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ġodda dwar il-kontroll fuq l-internet li jillegalizzaw l-għeluq tal-blogs kif ukoll jistabbilixxu pieni severi għall-bloggers, il-ġurnalisti u l-avukati li jiddefenduhom;
29. Jenfasizza li f’pajjiż b’iktar minn 500 miljun utent tal-internet, il-libertajiet diġitali huma l-uniku mod għal ċiberspazju żviluppat u li jiffjorixxi; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex kemm jiżguraw kif ukoll jipproteġu l-isfera ċibernetika immensa li ġiet żviluppata f’pajjiżhom u biex jimmiraw l-isforzi tagħhom lejn it-titjib tagħha, u mhux lejn iċ-ċensura u l-kontroll tagħha;
30. Jinnota l-isforzi sinifikanti magħmula mill-Gvern Ċiniż biex jiżviluppa lit-Tibet u lil Xinjiang ekonomikament u l-impatt ta’ dawn l-isforzi fuq il-komunitajiet nomadi u fuq l-għajxien tradizzjonali; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jaġixxi b’mod politikament responsabbli billi jinvolvi b’mod siewi l-popli Tibetani u Uighur fi kwistjonijiet ta’ governanza, inklużi l-ġestjoni tar-riżorsi u prijoritajiet għall-iżvilupp ekonomiku, u jirrispetta iktar milli jdgħajjef l-elementi kulturali bħal-lingwa u r-reliġjon; bil-qawwa jafferma li l-Gvern Ċiniż mhux se jikseb stabbiltà dejjiema fit-Tibet jew Xinjiang jew korteżija fost il-popli Ċiniżi, Tibetani u tal-Uighur permezz ta’ assimilazzjoni bil-forza, qerda kulturali jew metodi repressivi tal-pulizija jew tas-sigurtà, iżda biss billi jindirizza b’mod serju l-ilmenti indiġeni kollha biex tinħoloq responsabbiltà kondiviża ġenwina għall-benesseri taż-żewġ provinċji; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż itemm il-projbizzjoni ta’ żjarat minn osservaturi indipendenti f’dawn ir-reġjuni;
31. Jenfasizza li, minkejja l-politika ħarxa ta’ repressjoni, fiċ-Ċina r-reliġjon qed tqum mill-ġdid kif jidher mill-ftuħ mill-ġdid jew ir-rikostruzzjoni ta’ bosta postijiet ta’ qima; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jneħħu politiki u prattiki li jnaqqsu kwalunkwe dritt fundamentali taċ-ċittadin għal-libertà tar-reliġjon u t-twemmin;
32. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jirrikonoxxu uffiċjalment il-knejjes Protestanti u l-knejjes Kattoliċi moħbija, kif ukoll dawk ta’ reliġjonijiet oħra, ; ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tirrikonoxxi l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin irrispettivament mill-istatus ta’ reġistrazzjoni, li jfisser li r-reġistrazzjoni m’għandhiex tkun prekundizzjoni mandatorja sabiex wieħed jipprattika r-reliġjon tiegħu; jikkundanna bil-qawwa kull tentattiv mill-awtoritajiet li jiċħdu lil dawn il-knejjes mhux reġistrati d-dritt fundamentali tagħhom tal-libertà tar-reliġjon, billi jimponu r-rekwiżit li joperaw taħt bordijiet tat-tmexxija kkontrollati mill-gvern, jikkonfiskawlhom il-proprjetà, u anki billi jipprattikaw id-detenzjoni u l-priġunerija bħala sforz biex isikktuhom, u b’hekk jinterferixxu fl-awtonomija reliġjuża tagħhom u jirrestrinġu serjament l-attività tagħhom;
33. Jaqbel mal-kritika tal-ġuristi Ċiniżi li n-nuqqasijiet fundamentali tal-kodiċi ġuridiku taċ-Ċina dwar ir-reliġjon qegħdin fil-kostituzzjoni, minħabba li l-prinċipju ta’ ‘libertà reliġjuża’ pprovdut fil-klawsoli 1 u 2 tal-Artikolu 36 huwa f’kunflitt mal-prinċipju ta’ ‘restrizzjonijiet fuq ir-reliġjon’ pprovdut fil-klawsoli 3 u 4, bl-ebda kjarifika dwar liema għandu jieħu preċedenza; jingħaqad mat-talba tal-ġuristi Ċiniżi sabiex tiġi stabbilita l-libertà reliġjuża bħala l-prinċipju ta’ preċedenza fil-kostituzzjoni;
34. Jirrikonoxxi l-isforzi magħmula fil-qasam tal-kontroll u l-attenzjoni fl-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fiċ-Ċina, iżda jibqa’ mħasseb dwar il-fatt li l-gvern Ċiniż għadu jsostni l-politika tiegħu li ma jirrilaxxax dettalji dwar l-għadd ta’ priġunieri eżegwiti kull sena, fejn iżomm l-informazzjoni dwar il-piena tal-mewt bħala sigriet statali; iħeġġeġ iktar lill-awtoritajiet Ċiniżi biex iwaqqfu l-użu politiċizzat tal-piena tal-mewt u biex jiżguraw salvagwardji proċedurali fis-sistema legali tal-pajjiż li jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ dawk ikkundannati għall-mewt, inkluż id-dritt għal proċess ġust f’konformità mal-istandards internazzjonali;
35. Jiddispjaċih dwar id-Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem minħabba n-nuqqas kontinwu ta’ progress sustanzjali u n-nuqqas ta’ riżultati konkreti u viżibbli; ifakkar li, waqt l-adozzjoni ta’ strateġija ġdida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE wiegħdu f'Ġunju 2012 li l-UE issa se ‘tqajjem kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bil-qawwi f’kull forma xierqa ta’ djalogu bilaterali, inkluż fl-ogħla livell’; jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem li nħatar reċentement, lis-SEAE, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jagħtu spinta ġdida lil dan il-proċess u biex dan id-djalogu jsir iktar effettiv u orjentat lejn ir-riżultati, inkluż permezz ta’ laqgħat preparatorji ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u NGOs internazzjonali u lokali fil-preżenza tal-awtoritajiet taż-żewġ naħat; huwa tal-fehma li djalogu bħal dan għandu jkun inkluż fil-kuntatti kollha ma’ uffiċjali mis-sħab strateġiċi bħaċ-Ċina; jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati bir-reqqa l-problemi kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiċ-Ċina u fl-UE; huwa tal-fehma li s-samits u taħdidiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina għandhom jinkludu sett ta’ kwistjonijiet trasparenti li għandhom jiġu diskussi u punti ta’ riferiment konkreti; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà Soċjali tal-UE, Catherine Ashton, biex tesprimi t-tħassib tagħha dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u biex tirreferi pubblikament għall-każijiet u kwistjonijiet konkreti diskussi mal-uffiċjali Ċiniżi fil-laqgħat kollha; jinkoraġġixxi lill-uffiċjali tal-Istati Membri jsegwu l-istess linji b’mod koerenti u koordinat; jistieden lill-kumpaniji tal-UE li joperaw fiċ-Ċina biex jikkonformaw mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jissorveljaw din il-konformità mill-qrib;
Relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u t-Tajwan
36. Itenni l-politika tal-UE favur Ċina waħda; jilqa’ l-kuntatti li qed jiżdiedu bejn ir-RPĊ u t-Tajwan; jenfasizza t-titjib fir-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan, minkejja li għadhom mhedda serjament mill-missili Ċiniżi mmirati lejn it-Tajwan u mill-iżolament internazzjonali tat-Tajwan min-naħa taċ-Ċina; jappoġġja l-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan f’organizzazzjonijiet internazzjonali, kif appoġġjat fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill 9486/09 tat-8 ta’ Mejju 2009;
37. Jinsab kuntent bl-interess kbir li miljuni ta’ ċittadini Ċiniżi wrew fl-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari fit-Tajwan fl-14 ta’ Jannar 2012, li setgħu jiġu segwiti f’ħin reali għall-ewwel darba fuq l-internet;
38. Jilqa’ r-rabtiet ekonomiċi sodi u prosperi bejn iċ-Ċina u t-Tajwan, kif ukoll il-ftuħ tat-Tajwan għat-turisti Ċiniżi u l-kooperazzjoni kulturali; iqis li l-internazzjonalizzazzjoni tal-kummerċ u l-investiment huma l-ikbar garanzija tal-istabbiltà tat-Tajwan; iħeġġeġ, għalhekk, lill-gvern tat-Tajwan jakkumpanja l-investiment tiegħu fir-RPĊ b’investimenti f’postijiet oħrajn;
Sitwazzjoni esterna
39. Iħeġġeġ lir-RPĊ tuża l-pożizzjoni globali tagħha b’mod iktar responsabbli, partikolarment fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) fejn għandha siġġu permanenti u dritt ta’ veto; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li ċ-Ċina tabbanduna l-pożizzjoni tal-veto tagħha għal kull riżoluzzjoni tal-KSNU li tippermetti intervent fis-Sirja biex titwaqqaf il-gwerra ċivili u li tħalli lill-poplu Sirjan jieħu f’idejh il-futur ta’ pajjiżu, bi proċess demokratiku u ħieles; jenfasizza li ċ-Ċina għandha taġixxi wkoll b’mod responsabbli li hu proporzjonat mal-kontribut globali tagħha, u biex fil-livell tal-G20 tindirizza l-kriżi finanzjarja dinjija, billi tallinja ruħha mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u billi tirrispetta l-konvenzjonijiet u trattati internazzjonali kollha li hi parti minnhom;
40. Iħeġġeġ lir-RPĊ biex mingħajr l-ebda ambigwità timpenja ruħha għar-rispett tal-Karta tan-NU u l-liġi internazzjonali fl-insegwiment tal-għanijiet tagħha barra mill-pajjiż;
41. Japprezza li ċ-Ċina hija l-akbar kontributur ta’ truppi għaż-żamma tal-paċi fost il-membri permanenti tal-KSNU, l-iktar permezz tal-forza navali li qed timmodernizza b’rata mgħaġġla; jilqa’, f’dan ir-rigward, iż-żieda fil-kooperazzjoni mal-UE fil-ġlieda kontra l-piraterija fil-Golf ta’ Aden; jistieden liċ-Ċina, bħala membru permanenti tal-KSNU, biex tikkoopera b’mod responsabbli mal-komunità internazzjonali dwar kwistjonijiet importanti ta’ tħassib marbuta mas-sigurtà globali, bħas-sitwazzjoni fis-Sirja u l-Iran;
42. Jirrikonoxxi r-responsabbiltà taċ-Ċina kemm fil-provvista ta’ sigurtà liċ-ċittadini tagħha kif ukoll għar-rwol tagħha bħala promotur ta’ paċi u tal-istabbiltà fid-dinja, u jilqa’ ż-żieda fil-parteċipazzjoni tagħha fin-NU; jitlob, madankollu, li ċ-Ċina turi iktar kooperazzjoni u trasparenza iktar mill-qrib mal-UE u n-NU dwar dawn il-kwistjonijiet, u li tevita l-iżolament fl-iżvilupp tal-politika barranija tagħha;
43. Jistieden liċ-Ċina tirrevedi l-politika tagħha ta’ ‘l-ebda interferenza fir-rigward tal-affarijiet interni tal-pajjiżi’ f’każijiet ta’ ksur serju tal-liġi umanitarja internazzjonali;
44. Jilqa’ d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina li beda f’Lulju 2012 dwar il-Politika tad-Difiża u tas-Sigurtà; jipproponi li dan id-djalogu jiġi estiż għar-reġjun kollu tal-Asja u tal-Paċifiku;
45. Jitlob liċ-Ċina tneħħi t-tħassib internazzjonali li qed jikber dwar il-baġit militari mhux trasparenti tagħha;
46. Jenfasizza l-importanza globali tal-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina, li minnu jgħaddi terz tal-kummerċ dinji; jinsab allarmat fir-rigward tat-tensjoni li qed tiżdied b’mod konsiderevoli u għalhekk jappella b’urġenza lill-partijiet involuti kollha biex jevitaw azzjonijiet militari u politiċi unilaterali, itaffu l-istqarrijiet u jsolvu t-tilwim territorjali tagħhom fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina permezz tal-arbitraġġ internazzjonali b’konformità mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, sabiex tkun żgurata stabbiltà reġjonali;
47. Jinsab inkwetat serjament dwar it-tensjonijiet li qed jiżdiedu b’mod konsiderevoli bejn iċ-Ċina u l-Ġappun; jappella b’mod qawwi liċ-Ċina u l-Ġappun biex jiġġieldu kontra l-perċezzjonijiet ta’ għedewwa reċiproċi li għandhom ta’ xulxin u jiddispjaċih li mhux qed jieħdu l-opportunità mill-erbgħin anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi tagħhom biex jagħmlu negozjati kostruttivi;
48. Jistieden, fid-dawl tal-interessi sinifikanti tal-Unjoni Ewropea fis-sigurtà u l-istabbiltà tal-Asja tal-Lvant, lill-partijiet kollha kkonċernati (iċ-Ċina, il-Ġappun u t-Tajwan) sabiex juru trażżin u sabiex jieħdu passi ħalli jikkalmaw is-sitwazzjoni dwar il-gżejjer soġġetti għal tilwim; iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati biex isolvu t-tilwim b’mod paċifiku fi spìrtu ta’ kooperazzjoni u f’konformità mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, u jaqblu dwar il-miżuri li jrażżnu s-sitwazzjoni f’każ ta’ inċidenti imprevisti;
49. Jinnota l-inizjattiva tat-Tajwan għal kunsens dwar kodiċi ta’ kondotta tal-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu li jippermetti lin-naħat kollha jikkooperaw fl-isfruttar konġunt tar-riżorsi naturali tar-reġjun, inkluża l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli;
50. Jinnota li r-rwol taċ-Ċina fil-kooperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet tal-Peniżola Koreana huwa vitali u jistieden lir-RPĊ biex b’mod iktar attiv tfittex kooperazzjoni msaħħa bejn il-parti ta’ fuq u l-parti ta’ isfel;
51. Jinnota u jiddispjaċih li s-sopravivenza tar-reġim dittatorjali u repressiv tal-Korea ta’ Fuq jiddependi essenzjalment miċ-Ċina; jilqa’ l-imġiba responsabbli taċ-Ċina permezz tal-votazzjoni tagħha favur il-kundanna qawwija tal-KSNU tal-15 ta' April 2012 għall-ingaġġar li ma rnexxiex ta’ rokit mill-Korea ta’ Fuq, li hija meqjusa b’mod ġenerali bħala tentattiv ta’ test ta’ missila ballistika; jistenna bil-ħerqa li ċ-Ċina tkompli tieħu r-responsabbiltà għall-istabbiltà fuq il-Peniżola Koreana, li jitkomplew mingħajr dewmien it-taħditiet bejn sitt partijiet dwar it-theddida nukleari tal-Korea ta’ Fuq, u, fuq kollox, titjib drastiku fil-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Korea ta’ Fuq miġjub permezz ta’ inċentivi Ċiniżi;
52. Jinnota r-rwol li qed jikber taċ-Ċina fir-reġjun Asjatiku Ċentrali, permezz ta’ proġetti kummerċjali, ekonomiċi u tal-enerġija; iqis li ċ-Ċina jista’ jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali u jitlob lir-RPĊ tippromwovi relazzjonijiet aħjar bejn l-Istati f’din iż-żona bħala pass kruċjali lejn kooperazzjoni reġjonali; jirrimarka li l-objettivi ewlenin taċ-Ċina fi ħdan l-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai huma li tinkiseb paċi u stabbiltà fl-Asja Ċentrali permezz ta’ ġlieda kollettiva kontra t-‘tliet elementi ta’ ħażen’: l-estremiżmu, is-separatiżmu u t-terroriżmu; jinnota l-interess strateġiku u ekonomiku kbir taċ-Ċina fir-reġjun permezz tal-isfruttament tar-riservi vasti ta’ żejt u ta’ gass u bil-konnessjoni tal-Asja Ċentrali mal-kosta taċ-Ċina permezz tal-ferroviji u l-awtostradi;
53. Jilqa' r-rabtiet li qed jiżviluppaw bejn iċ-Ċina u l-Afganistan, b’taħdidiet li għall-ewwel darba fl-istorja qed isiru fil-livell għoli tat-tmexxija; iqis li ċ-Ċina jista’ jkollha rwol kruċjali fl-istabbilizzazzjoni tal-Afganistan permezz ta’ approċċ ta’ potenzi bbażati fuq il-persważjoni u jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u ċ-Ċina dwar din il-kwistjoni;
54. Josserva li l-istrateġija Amerikana ġdida ta’ attenzjoni mġedda fuq l-Asja hija pperċepita bħala tentattiv mill-Istati Uniti biex trażżan il-qawmien ekonomiku u politiku rapidu taċ-Ċina; jinkoraġġixxi liċ-Ċina u lill-Istati Uniti jevitaw tensjonijiet u tellieqa tal-armamenti fil-Paċifiku; iħeġġeġ liċ-Ċina tiżgura l-libertà ta’ ċirkolazzjoni fl-ibħra;
55. Jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni serja ħafna lill-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-investiment dejjem jiżdied miċ-Ċina fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp;
56. Jinnota li l-preżenza Ċiniża dejjem akbar fl-Afrika kkontribwiet għall-iżvilupp ekonomiku, b’attenzjoni partikolari fuq proġetti ta’ infrastruttura; japprezza r-rikonoxximent mit-tmexxija Ċiniża tal-kritika serja kontra l-politika Afrikana żbilanċjata tagħha, iċċentrata fuq il-materja prima, waqt il-Forum ta’ Kooperazzjoni Ċiniża-Afrikana (FOCAC), li sar fl-20 ta’ Lulju 2012 f’Pekin, kif jidher mill-promozzjoni attwali miftuħa tagħha ta’ diversifikazzjoni tal-attivitajiet tagħha fil-kontinent Afrikan; jilqa’ l-impenn tal-mexxej tal-Istat u l-Partit Hu Jintao f’din il-laqgħa tal-FOCAC dwar il-kreditu rekord ta’ USD 20 biljun lill-pajjiżi Afrikani fit-tliet snin li ġejjin għall-iżvilupp tal-infrastruttura, l-agrikultura, il-manifattura u l-SMEs; jilqa’ l-appoġġ espress miċ-Ċina għall-Inizjattiva ta’ Trasparenza fl-Industriji Estrattivi (EITI) u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jsegwu t-tendenza globali lejn iktar trasparenza u jżidu l-impenji konkreti tagħhom f’dan il-qasam; jistieden lill-UE tibqa’ attenta dwar l-impatt politiku, ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-investimenti dejjem jikbru taċ-Ċina fl-Afrika;
57. Huwa mħasseb li l-preżenza Ċiniża li qed tiżdied fl-Afrika wasslet għal tensjonijiet soċjali serji, iżda jilqa’ l-fatt li kumpaniji Ċiniżi esprimew ir-rieda tagħhom li jagħmlu enfasi akbar fuq ir-responsabbiltà soċjali korporattiva fl-attivitajiet Afrikani tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex isejsu l-politiki tagħhom fl-Afrika fuq il-prinċipji u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà tal-bniedem;
58. Jinnota l-preżenza dejjem tikber taċ-Ċina fl-isfruttament tar-riżorsi naturali tal-Amerika Latina, fejn l-esportazzjoni ta’ riżorsi naturali lejn iċ-Ċina żdiedet b’iżjed minn 50 %;
59. Iħeġġeġ liċ-Ċina, l-ikbar emittent ta’ diossidu tal-karbonju fid-dinja, biex ittejjeb ir-rwol proattiv u kostruttiv tagħha għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni fi ħdan il-komunità globali sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; jilqa’ b’sodisfazzjon il-preżentazzjoni ta’ White Paper f’Novembru 2011 mill-awtoritajiet Ċiniżi dwar il-politiki u l-azzjoni adottati biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u jistenna l-implimentazzjoni rapida tagħhom;
60. Jinnota li l-kuntatti interpersonali jista' jkollhom rwol kruċjali lejn fehim reċiproku aħjar bejn iċ-Ċina u l-UE u bejn iċ-Ċina u xi wħud mis-sħab l-oħrajn tagħha bħall-Istati Uniti; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-programmi maħsuba biex jiffaċilitaw il-mobbiltà bejn iċ-Ċina u l-UE;
61. Iħeġġeġ liċ-Ċina tagħti prijorità assoluta lit-titjib tas-sigurtà legali għall-intrapriżi barranin abbażi tal-prinċipji tal-ugwaljanza, ir-reċiproċità u r-responsabbiltà soċjali korporattiva;
62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-EEAS, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi applikanti u dawk kandidati għas-sħubija, lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż, lill-Gvern Tajwaniż u lill-Yuan Leġiżlattiv Tajwaniż.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
10.12.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
|||||
+:
–:
0: |
42 1 4 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Pino Arlacchi, Sir Robert Atkins, Bastiaan Belder, Elmar Brok, Tarja Cronberg, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Richard Howitt, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Jelko Kacin, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Evgeni Kirilov, Maria Eleni Koppa, Andrey Kovatchev, Paweł Robert Kowal, Eduard Kukan, Ryszard Antoni Legutko, Krzysztof Lisek, Ulrike Lunacek, Mario Mauro, Jean-Luc Mélenchon, María Muñiz De Urquiza, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Norica Nicolai, Ria Oomen-Ruijten, Ioan Mircea Paşcu, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Nikolaos Salavrakos, György Schöpflin, Charles Tannock, Sir Graham Watson |
||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Laima Liucija Andrikienė, Reinhard Bütikofer, Anne Delvaux, Emilio Menéndez del Valle, Doris Pack, Jean Roatta, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Paweł Zalewski |
||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Philippe Boulland |
||
- [1] ĠU L 250, 19.9.1985, p. 2.
- [2] ĠU L 6, 11.1.2000, p. 40.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2012)0218.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2012)0017.
- [5] Testi adottati, P7_TA(2012)0334.
- [6] ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 219.
- [7] ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 132.
- [8] ĠU C 305 E, 11.11.2010, p. 9.
- [9] ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 185.
- [10] ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 137.
- [11] Testi adottati, P7_TA(2012)0301.
- [12] ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 80.
- [13] ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 81.
- [14] ĠU C 288 E, 2.11.2006, p. 59.
- [15] ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 471.
- [16] ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 118.
- [17] Testi adottati, P7_TA(2012)0257.