RAPPORT dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta' mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT

24.1.2013 - (COM(2012)0428 – C7‑0260/2012 – 2012/0205(CNS)) - *

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: David Casa


Proċedura : 2012/0205(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0014/2013
Testi mressqa :
A7-0014/2013
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta' mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT

(COM(2012)0428 – C7‑0260/2012 – 2012/0205(CNS))

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2012)0428),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C7-0260/2012),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0014/2013),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal direttiva

Premessa -1 (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1) Il-ġlieda msaħħa kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa hija importanti ħafna biex jerġgħu jiġu stabbiliti u jinżammu l-istabilità u s-saħħa tal-finanzi pubbliċi madwar l-Unjoni.

Emenda  2

Proposta għal direttiva

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) Il-frodi tat-taxxa fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) twassal għal telf baġitarju konsiderevoli u tolqot il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u għaldaqstant taffettwa l-operat tas-suq intern. Dan l-aħħar, speċjalment permezz tal-użu ta' mezzi elettroniċi li jiffaċilitaw kummerċ illeġittimu rapidu fuq skala kbira, żviluppaw forom speċifiċi ta' frodi tat-taxxa massivi u li jseħħu għall-għarrieda.

(1) Il-frodi tat-taxxa fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tirriżulta f'telf konsiderevoli għall-finanzi pubbliċi u tolqot b'mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u għaldaqstant taffettwa l-operat ġust u effiċjenti tas-suq intern. Telf bħal dan għandu jiġi limitat, speċjalment matul żminijiet ta' awsterità fiskali. Dan l-aħħar żviluppaw forom speċifiċi ta’ frodi tat-taxxa massivi u li jseħħu għall-għarrieda, speċjalment permezz tal-użu ta’ mezzi elettroniċi li jiffaċilitaw kummerċ illeġittimu rapidu fuq skala kbira u li ta’ spiss jestendi lil hinn mill-fruntieri ta' Stat Membru partikolari.

Emenda  3

Proposta għal direttiva

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, tippermetti lill-Istati Membri li japplikaw għal deroga minn dik id-Direttiva sabiex jipprevjenu ċerti forom ta' evażjoni jew ta' evitar tat-taxxa. L-awtorizzazzjoni ta' tali deroga tirrikjedi proposta min-naħa tal-Kummissjoni u l-adozzjoni tagħha mill-Kunsill. Esperjenza reċenti wriet li l-proċess għall-għoti ta' derogi mhux dejjem ikun flessibbli biżżejjed biex jiżgura reazzjoni xierqa u f'waqtha għal talbiet li jagħmlu l-Istati Membri.

(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, tippermetti lill-Istati Membri li japplikaw għal deroga minn dik id-Direttiva sabiex jipprevjenu ċerti forom ta' evażjoni jew ta' evitar tat-taxxa. L-awtorizzazzjoni ta' tali deroga tirrikjedi proposta min-naħa tal-Kummissjoni u l-adozzjoni tagħha mill-Kunsill. Esperjenza reċenti wriet li l-proċess għall-għoti ta’ derogi mhux dejjem ikun rapidu jew flessibbli biżżejjed biex jiżgura reazzjoni xierqa u f’waqtha għal talbiet li jagħmlu l-Istati Membri.

Emenda  4

Proposta għal direttiva

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) In-nomina tar-riċevitur bħala persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT (reverse charge) hija miżura effettiva biex jitwaqqfu mal-ewwel l-aktar tipi ta' evażjoni tat-taxxa magħrufa f'ċerti setturi. Madankollu, billi hemm mnejn li s-sitwazzjoni tevolvi maż-żmien, jista' jkun neċessarju wkoll li jiġi permess li jittieħdu miżuri oħrajn. Għal din ir-raġuni, il-Kunsill għandu, fejn xieraq u fuq talba tal-Kummissjoni, jqis kwalunkwe miżura oħra bħala li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida. It-tip ta' miżuri li jistgħu jiġu awtorizzati għandhom jiġu stabbiliti bil-għan li jiġi mminimizzat l-ammont ta' żmien meħtieġ għall-awtorizzazzjoni tad-derogi mill-Kummissjoni.

(7) In-nomina tar-riċevitur bħala persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT ("mekkaniżmu tar-reverse charge") hija miżura effettiva biex jitwaqqfu mill-ewwel l-aktar tipi ta' evażjoni tat-taxxa magħrufa f'ċerti setturi ("frodi karużell"). Madankollu, billi hemm dgħufijiet eżistenti fis-sistema tal-VAT u skont kif is-sitwazzjoni tista' tevolvi maż-żmien, jista’ jkun neċessarju wkoll li jiġi permess li jittieħdu miżuri oħrajn. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tipproponi kwalunkwe miżura oħra bħala li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida. Dik il-miżura għandha tiġi approvata b'mod unanimu mill-Kunsill wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew. It-tip ta’ miżuri li jistgħu jiġu awtorizzati għandhom jiġu stabbiliti b’mod sħiħ u trasparenti bil-għan li jiġi mminimizzat l-ammont ta' żmien meħtieġ għall-awtorizzazzjoni tad-derogi mill-Kummissjoni.

Emenda  5

Proposta għal direttiva

Premessa 9a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9a) Sabiex ittejjeb u tiżviluppa l-mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida fuq bażi kontinwa, il-Kummissjoni għandha tirraporta b’mod regolari lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tiegħu, waqt li teżamina, fost l-oħrajn, miżuri oħra li għandhom jiżdiedu mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu u modi ġodda biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qafas ġenerali tal-mekkaniżmu.

Emenda  6

Proposta għal direttiva

Premessa 9b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9b) Sabiex il-mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida jopera b’mod sodisfaċenti, il-Kummissjoni għandha dejjem tkun kapaċi taġixxi malajr u b’mod preċiż fuq dawn il-kwistjonijiet. Ir-riżorsi umani u r-riżorsi l-oħra tal-mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida għandhom għalhekk ikunu adegwati, u proċedura interna aċċellerata tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tiġi stabbilita u miżmuma.

Emenda  7

Proposta għal direttiva

Premessa 9c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9c) Peress li l-applikazzjoni ta’ miżura speċjali fi Stat Membru wieħed jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq is-sistemi tal-VAT tal-Istati Membri l-oħra, il-Kummissjoni għandha, sabiex iżomm it-trasparenza, tinforma lill-Istati Membri kollha dwar it-talbiet kollha li qed isiru u dwar id-deċiżjonijiet kollha li qed jittieħdu fir-rigward ta’ dawk it-talbiet.

Emenda  8

Proposta għal direttiva

Premessa 9d (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9d) Fil-ħidma tagħha dwar it-titjib u l-irfinar tal-mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta b’mod estensiv l-impriżi fis-setturi suxxettibbli għall-frodi u partijiet interessati rilevanti oħra.

Emenda  9

Proposta għal direttiva

Premessa 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10) Billi l-objettiv tal-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri li jiġu indirizzati fenomeni ta' frodi massivi u li jseħħu għall-għarrieda fil-qasam tal-VAT li ħafna drabi jkollhom dimensjoni internazzjonali, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li huma mhumiex f'pożizzjoni biex jiġġieldu individwalment kontra ċ-ċirkwiti tal-frodi relatati ma' forom ġodda ta' kummerċ li jinvolvu diversi pajjiżi fl-istess waqt, u għaldaqstant jista' jintlaħaq fil-livell tal-Unjoni li tiżgura rispons aktar mgħaġġel u b'konsegwenza ta' dan, rispons iktar xieraq u effettiv għal dawn il-fenomeni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, hekk kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(10) Billi l-objettiv tal-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri li jiġu indirizzati fenomeni ta’ frodi massivi u li jseħħu għall-għarrieda fil-qasam tal-VAT li ħafna drabi jkollhom dimensjoni internazzjonali, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li huma mhumiex f’pożizzjoni biex jiġġieldu individwalment kontra ċ-ċirkwiti tal-frodi relatati ma’ forom ġodda ta’ kummerċ li jinvolvu diversi pajjiżi fl-istess waqt, u għaldaqstant jista’ jintlaħaq fil-livell tal-Unjoni li tiżgura rispons aktar mgħaġġel u b’konsegwenza ta’ dan, rispons iktar xieraq u effettiv għal dawn il-fenomeni, l-Unjoni għandha tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, hekk kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

Emenda  10

Proposta għal direttiva

Artikolu 1

Direttiva 2006/112/KE

Taqsima 1a – Artikolu 395a – paragrafu 1 – punt a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) in-nomina tar-riċevitur bħala persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT fuq fornituri speċifiċi ta' prodotti u servizzi b'deroga mill-Artikolu 193, wara li ssir it-talba msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għal tali miżura;

(a) in-nomina tar-riċevitur bħala persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT fuq fornituri speċifiċi ta' prodotti u servizzi b'deroga mill-Artikolu 193 ("mekkaniżmu tar-reverse charge"), wara li ssir it-talba msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għal tali miżura;

Emenda  11

Proposta għal direttiva

Artikolu 1

Direttiva 2006/112/KE

Taqsima 1a – Artikolu 395a – paragrafu 1 – punt b

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) kwalunkwe miżura oħra stabbilita mill-Kunsill li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni.

(b) kwalunkwe miżura oħra proposta mill-Kummissjoni, u approvata b'mod unanimu mill-Kunsill wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Emenda  12

Proposta għal direttiva

Artikolu 1

Direttiva 2006/112/KE

Taqsima 1a – Artikolu 395a – paragrafu 1 – subparagrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Għall-finijiet tal-punt (a), il-miżura speċjali tkun soġġetta għal miżuri xierqa ta' kontroll mill-Istati Membri, fir-rigward ta' persuni taxxabbli li jipprovdu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun tapplika dik il-miżura.

Għall-finijiet tal-punti (a) u (b), kwalunkwe miżura speċjali użata għandha tkun soġġetta għal miżuri xierqa ta’ kontroll mill-Istati Membri, fir-rigward ta’ persuni taxxabbli li jipprovdu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun tapplika dik il-miżura.

Ġustifikazzjoni

Jeħtieġ li t-test leġiżlattiv ikun miftuħ għal miżuri speċjali oħra li jiżdiedu mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu.

Emenda  13

Proposta għal direttiva

Artikolu 1 – paragrafu 1 (ġdid)

2006/112/KE

Taqsima 1a – Artikolu 395a – paragrafu 1 – subparagrafu 4a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Il-proċedura stabbilita f’dan il-paragrafu għandha titlesta fi żmien tliet xhur.

Emenda  14

Proposta għal direttiva

Artikolu 1

Direttiva 2006/112/KE

Taqsima 1a – Artikolu 395a – paragrafu 2 – subparagrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Stat Membru li jkun jixtieq jintroduċi miżura kif previst fil-paragrafu 1, għandu jibgħat l-applikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni. L-Istat Membru jipprovdilha l-informazzjoni li tindika s-settur ikkonċernat, it-tip u l-fatturi tal-frodi, in-natura massiva tiegħu u l-fatt li jkun seħħ għall-għarrieda u l-konsegwenzi tiegħu f'dak li jirrigwarda t-telf finanzjarju konsiderevoli u rrimedjabbli. Jekk il-Kummisjoni tqis li m'għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa, hi tikkuntattja lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien xahar minn meta tirċievi l-applikazzjoni u tispeċifika x'informazzjoni addizzjonali jkollha bżonn.

2. Stat Membru li jkun jixtieq jintroduċi miżura kif previst fil-paragrafu 1, għandu jibgħat l-applikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni. L-Istat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, il-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri l-informazzjoni li tindika s-settur ikkonċernat, it-tip u l-fatturi tal-frodi, in-natura massiva tiegħu u l-fatt li jkun seħħ għall-għarrieda u l-konsegwenzi tiegħu f’dak li jirrigwarda t-telf finanzjarju konsiderevoli u rrimedjabbli. Jekk il-Kummisjoni tqis li m’għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa, hi tikkuntattja lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċievi l-applikazzjoni u tispeċifika x’informazzjoni addizzjonali jkollha bżonn. Il-Kummissjoni għandha wkoll tikkonsulta lis-settur kummerċjali rilevanti, fejn xieraq u meta jkun possibbli.

Emenda  15

Proposta għal direttiva

Artikolu 1

Direttiva 2006/112/KE

Taqsima 1a – Artikolu 395a – paragrafu 2 – subparagrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Ladarba l-Kummisjoni jkollha l-informazzjoni kollha li hi tqis bħala meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba, fi żmien xahar, hija tawtorizza l-miżura speċjali jew, f'każ li l-Kummissjoni toġġezzjona għall-miżura mitluba, tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar dan.

Ladarba l-Kummisjoni jkollha l-informazzjoni kollha li hi tqis bħala meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba għandha:

 

(a) tinnotifika l-Istat Membru li qed jagħmel it-talba kif xieraq,

 

(b) tittrasmetti t-talba, fil-lingwa oriġinali tagħha, lill-Istati Membri l-oħra,

 

(c) fi żmien xahar, hija tawtorizza l-miżura speċjali jew, jekk il-Kummissjoni toġġezzjona għall-miżura mitluba, tinforma, u tipprovdi ġustifikazzjoni dettaljata lill-Istat Membru kkonċernat, lill-Istati Membri l-oħra, lill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew, u lill-Qorti tal-Awdituri.

Ġustifikazzjoni

Trasparenza msaħħa matul din il-proċedura tagħmilha aktar faċli għall-Istati Membri biex jiksbu stampa sħiħa tax-xejriet ta’ frodi, biex jikkoordinaw bejn il-fruntieri u biex jieħdu deċiżjonijiet preċiżi u fil-pront fl-SCAC.

Emenda  16

Proposta għal direttiva

Artikolu 1

Direttiva 2006/112/KE

Taqsima 1a – Artikolu 395c (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 395c

 

Kull tliet snin, u għall-ewwel darba sal-1 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida stabbilit taħt din it-Taqsima. Ir-rapport għandu jeżamina, fost l-oħrajn, miżuri speċjali oħra li għandhom jiżdiedu mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu u modi ġodda biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qafas ġenerali tal-mekkaniżmu.

Emenda  17

Proposta għal direttiva

Artikolu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 1a

 

Sal-1 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar kif il-proċedura ta’ deroga regolari stabbilita fl-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE tista’ ssir aktar rapida. L-għan tar-rapport għandu jkun li jidentifika bidliet fl-istrutturi u r-rutini eżistenti li jiżguraw li l-Kummissjoni dejjem tlesti l-proċedura fi żmien ħames xhur minn meta tirċievi l-applikazzjoni minn Stat Membru. Ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi, jekk ikun xieraq.

Ġustifikazzjoni

L-esperjenza s’issa hija li l-Kummissjoni taħdem spiss pjuttost bil-mod meta tgħaddi mill-proċedura ta’ deroga regolari. Jidher li hemm fejn isir xi titjib hawnhekk. Minbarra l-introduzzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida, għandu jsir sforz biex din il-proċedura regolari ssir aktar effiċjenti.

Emenda  18

Proposta għal direttiva

Artikolu 2 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Emenda  19

Proposta għal direttiva

Artikolu 3 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tiġi kkodifikata mad-Direttiva li temenda fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tagħha.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-proposta tal-Kummissjoni

Fil-31 ta' Lulju 2012, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida (MRR), li jippermetti lill-Istati Membri jirreaġixxu aktar malajr u b'mod aktar effiċjenti għall-frodi tal-VAT. Permezz tal-MRR, Stat Membru li qed jiffaċċja każ serju ta' frodi tal-VAT massiva u li tkun seħħet għal għarrieda jkun jista' jimplimenta ċerti miżuri ta' emerġenza, li bħalissa mhumiex permessi skont il-leġiżlazzjoni tal-VAT. F'dan il-kuntest, il-proposta tipprevedi li l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw, fi żmien xahar, "mekkaniżmu tar-reverse charge" fejn ir-riċevitur ikun il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT u mhux il-fornitur tal-oġġetti jew servizzi. Dan itejjeb b'mod sinifikanti l-possibilitajiet tagħhom li jindirizzaw b'mod effikaċi skemi ta' frodi kumplessi, bħal pereżempju l-frodi karużell, u li jnaqqsu telf finanzjarju li jaf ikun irreparabbli. Sabiex jiġu indirizzati forom ġodda possibbli ta' frodi fil-futur, huwa wkoll previst li miżuri oħra kontra l-frodi jistgħu jkunu awtorizzati u stabbiliti taħt l-MRR.

Il-frodi tal-VAT jiswew lill-UE u lill-baġits nazzjonali diversi biljuni ta' euro kull sena. F'ċerti każijiet serji jintilfu somom kbar fi żmien qasir ħafna minħabba l-ħeffa li jevolvu biha l-iskemi ta' frodi llum il-ġurnata. Pereżempju, bejn Ġunju 2008 u Diċembru 2009, huwa stmat li ntilfu EUR 5 biljun minħabba frodi tal-VAT fil-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Bħalissa, jekk Stat Membru jixtieq jieħu azzjoni kontra l-frodi tal-VAT permezz ta' miżuri mhux previsti fil-leġiżlazzjoni tal-VAT tal-UE, dan għandu jitlob b'mod formali għal deroga biex ikun jista' jagħmel dan. Imbagħad, il-Kummissjoni tfassal proposta għal dan l-iskop u tibgħatha lill-Kunsill għal adozzjoni unanima qabel ma jiġu implimentati l-miżuri. Dan il-proċess jista' jieħu l-ħin u jkun ineffiċjenti, kif ukoll idewwem lill-Istat Membru kkonċernat milli jieħu l-azzjoni neċessarja biex iwaqqaf il-frodi.

Permezz tal-Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida, l-Istati Membri mhux se jkollhom għalfejn jistennew li dan il-proċess formali jitlesta qabel ma japplikaw miżuri speċifiċi kontra l-frodi. Minflok, proċedura aktar rapida tagħtihom deroga temporanja fi żmien xahar. Id-deroga tkun valida sa sena. Dan jippermetti lill-Istat Membru kkonċernat biex jibda jieħu azzjoni kontra l-frodi kważi mill-ewwel, filwaqt li miżuri aktar permanenti jkunu qed jiġu stabbiliti (u jekk neċessarju waqt li tkun qed tiġi mnedija l-proċedura ta' deroga standard).

Il-Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida kien previst fl-Istrateġija tal-VAT ġdida, kif ukoll fil-Komunikazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, bħala mezz ta' tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa fl-UE u tas-salvagwardja tad-dħul pubbliku.

Il-pożizzjoni tar-Rapporteur

Ir-rapporteur jilqa' ħafna din il-proposta bħala approċċ prammatiku u utli biex jindirizza l-frodi tal-VAT, b'mod partikolari l-frodi karużell, fi żminijiet ta' limiti baġitarji u awsterità fiskali.

Il-proposta tipprovdi valur miżjud Ewropew reali, u twieġeb għat-talbiet fir-rapport preċedenti tar-rapporteur rigward il-"Green Paper dwar il-Futur tal-VAT", kif ukoll għat-talbiet preċedenti tal-Parlament Ewropew biex jiżdiedu l-isforzi għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa.

Huwa ddikjarat li l-frodi tal-VAT jiswa lill-UE u lill-baġits nazzjonali diversi biljuni ta' euro kull sena. Il-frodi tal-VAT huwa ta' dannu wkoll għal negożji leġittimi u konformi Fl-2005/06 l-frodi Karużell (Missing Trader Carousel fraud) waħedha ammontat għal bejn wieħed u ieħor EUR 14.8 biljun fl-UE kollha.

Il-proposta tal-Kummissjoni tippermetti verament li l-Istati Membri jirreaġixxu b’aktar "ħeffa u effiċjenza" għall-frodi tal-VAT. Madankollu, ir-rapporteur għandu xi osservazzjonijiet x’jagħmel:

1. Qabel ma jiġu implimentati miżuri kontra l-frodi, jeħtieġ li jkun hemm perjodu qasir ta' konsultazzjoni biex jiġi żgurat li l-miżura proposta hija effikaċi u tindirizza b'mod preċiż il-VAT li jinsab f'riskju.

2. Għandu jkun rikonoxxut li storikament miżuri kontra l-frodi tipikament poġġew piż ta' konformità akbar fuq in-negozji li jridu jikkonformaw mal-liġi tal-VAT, filwaqt li l-frodisti mmirati jew se jinjoraw il-miżura, jew inkella jgħaddu għal attività qarrieqa oħra. Jeħtieġ li l-aġenziji tat-taxxa jirrikonoxxuh dan il-fatt u ma jużawx kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida bħala mezz biex jattakkaw lin-negozji li qed jippruvaw jikkonformaw ma' din il-liġi. Kull mekkaniżmu ta' reazzjoni rapida jeħtieġ li jkun applikabbli biss f'ċirkustanzi ta' frodi serji.

3. Il-Proposta għandha tkun akkumpanjata bi strateġija fit-tul li tindirizza l-frodi, u dan jirrikjedi aktar bidliet strutturali lis-sistemi tal-VAT. Il-kumplessità tal-leġiżlazzjoni tal-VAT fl-UE kollha ħolqot opportunitajiet għal frodisti. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni esposta fil-White Paper tagħha dwar il-Futur tal-VAT, għandha tindirizza kif il-kumplessità attwali tas-sistema tal-VAT tiffavorixxi l-frodi.

4. Il-mekkaniżmu tar-reverse charge domestiku huwa miżura effikaċi kontra l-frodi, madankollu qabel ma jiġi introdott fi kwalunkwe Stat Membru, għandhom jitqiesu t-talbiet ta' pproċessar li dan il-mekkaniżmu jimponi fuq il-kontribwenti konformi. L-ispejjeż tal-IT addizzjonali li jista' jkollu jħallas negozju meta jrid jieħu deċiżjoni kull darba li jbigħ ċertu tip ta' prodott fir-rigward ta' jekk għandux japplika jew le r-reverse charge joħolqu spiża addizzjonali sinifikanti. Sakemm ikun possibbli, kwalunkwe MRR kontra l-frodi jeħtieġ li jiġi introdott mingħajr ma jżid il-piż ta' konformità fuq il-kontribwenti.

PROĊEDURA

Titolu

Emenda tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT

Referenzi

COM(2012)0428 – C7-0260/2012 – 2012/0205(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

5.9.2012

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

11.9.2012

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

CONT

11.9.2012

JURI

11.9.2012

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

CONT

7.11.2012

JURI

18.9.2012

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

David Casa

11.9.2012

 

 

 

Eżami fil-kumitat

28.11.2012

22.1.2013

 

 

Data tal-adozzjoni

22.1.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Burkhard Balz, Elena Băsescu, Udo Bullmann, Nikolaos Chountis, George Sabin Cutaş, Leonardo Domenici, Derk Jan Eppink, Diogo Feio, Markus Ferber, Elisa Ferreira, Ildikó Gáll-Pelcz, Jean-Paul Gauzès, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Liem Hoang Ngoc, Gunnar Hökmark, Syed Kamall, Othmar Karas, Wolf Klinz, Philippe Lamberts, Werner Langen, Hans-Peter Martin, Arlene McCarthy, Sławomir Nitras, Ivari Padar, Anni Podimata, Antolín Sánchez Presedo, Peter Simon, Peter Skinner, Theodor Dumitru Stolojan, Marianne Thyssen, Ramon Tremosa i Balcells, Corien Wortmann-Kool

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philippe De Backer, Robert Goebbels, Thomas Mann, Marisa Matias, Mario Mauro, Nils Torvalds, Emilie Turunen

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Dominique Riquet

Data tat-tressiq

24.1.2013