RAPPORT li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-governanza tas-Suq Eniku

    28.1.2013 - (2012/2260(INI))

    Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
    Rapporteur: Andreas Schwab
    (Inizjattiva – Artikolu 42 tar-Regoli ta' Proċedura)


    Proċedura : 2012/2260(INL)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A7-0019/2013
    Testi mressqa :
    A7-0019/2013
    Testi adottati :

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-governanza tas-suq uniku(2012/2260(INI))

    Il-Parlament Ewropew,

    –    wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

    –    wara li kkunsidra l-Artikolu 26(3) tat-TFUE,

    –    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Gunju 2012 bit-titolu ‘Governanza Aqwa tas-Suq Uniku’ (COM(2012)0259),

    –    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 bit-titolu ‘Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013’ (COM(2012)0750) u r-Rapport tal-Kummissjoni bit-titolu ‘L-Istat ta' Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 – Kontribuzzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013’ (COM(2012)0752),

    –    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: ‘Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

    –    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 bit-titolu ‘Lejn Att dwar is-Suq Uniku għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna - 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin (COM(2010)0608),

    –    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 bit-titolu ‘L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - "Flimkien għal tkabbir ġdid"’ (COM(2011)0206),

    –    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2012 bit-titolu ‘Att dwar is-Suq Uniku II - Flimkien għal tkabbir ġdid’ (COM(2012)0573),

    –    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu ‘Dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi - Sħubija għal tkabbir ġdid fis-servizzi 2012-2015’ (COM(2012)0261),

    –    wara li kkunsidra r-rapport lill-President tal-Kummissjoni Ewropea minn Mario Monti tad-9 ta’ Mejju 2010 bit-titolu ‘Strateġija ġdida għas-Suq Uniku - Li Taqdi l-Ħtiġijiet tal-Ekonomija u tas-Soċjetà tal-Ewropa’,

    −    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Marzu 2011 bit-titolu ‘Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti’ (COM(2011)0144),

    –    wara li kkunsidra r-rapport tal-President tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu ‘Lejn unjoni ekonomika u monetarja ġenwina’, ir-rapport interim tat-12 ta’ Ottubru 2012 u r-rapport finali tal-5 ta' Diċembru 2012 dwaru,

    –    wara li kkunsidra t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 23 (Settembru 2011) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-22 Mejju 2012[1] dwarha,

    –    wara li kkunsidra t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 25 (Ottubru 2012),

    –    wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2012 bit-titolu ‘Nagħmlu Suċċess mis-Suq Uniku – Kontroll annwali fuq il-governanza 2011’ (SWD(2012)0025),

    –    wara li kkunsidra l-Konkluzjonijiet tal-Kunsill Kompetittività tat-30 u l-31 ta’ Mejju 2012 dwar is-Suq Uniku Digitali u l-Governanza tas-Suq Uniku,

    –    wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Kompetittività tal-10 u l-11 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Att dwar is-Suq Uniku,

    –    wara li kkunsidra l-Konkluzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Gunju 2012,

    –    wara li kkunsidra l-Konkluzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta’ Ottubru 2012,

    –    wara li kkunsidra l-kontribuzzjoni u l-konklużjonijiet tat-tmienja u erbgħin Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea (COSAC) mill-14sas-16 ta’ Ottubru 2012,

    –    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini[2],

    –    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar governanza u sħubija fis-suq uniku[3],

    –    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu ‘L-Att dwar is-Suq Uniku - Il-Passi li Jmiss għal Tkabbir’[4],

    –    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust[5],

    –    wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta’ Procedura tiegħu,

    –    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Harsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat ghall-Impjiegi u l-Affarijiet Socjali kif ukoll tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0019/2013),

    A. billi Suq Uniku effettiv u li jiffunzjona tajjeb, ibbażat fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel sabiex jagħti spinta lit-tkabbir u lill-kompetittività u biex jinħolqu l-impjiegi sabiex l-ekonomija tal-Ewropea terġa' tieħu r-ruħ; billi s-Suq Uniku għandu jaħdem għal dak l-objettiv billi jipprovdi rispons konkret għall-kriżi filwaqt li jiżgura s-sikurezza tal-konsumaturi u jħeġġeġ il-koeżjoni soċjali;

    B.  billi s-Suq Uniku għandu rwol indispensabbli fl-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv;

    C. billi, 20 sena wara l-ħolqien uffiċjali tiegħu, is-Suq Uniku għadu ma tlestiex għalkollox, prinċipalment minħabba li l-Istati Membri għadhom ma ttrasponewx jew għadhom ma implimentawx bis-sħiħ madwar 1500 direttiva u madwar 1000 regolament;

    D. billi hemm ħtieġa urġenti li tissaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku u li jittejbu t-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli li jirregolawh;

    E.  billi s-Suq Uniku għandu jitlesta bl-ikbar determinazzjoni u kemm jista' jkun malajr, filwaqt li jinżamm bilanċ meħtieg bejn id-dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali tiegħu;

    F.  billi s-Suq Uniku m’għandux jiġi maqtugħ minn politiki orizzontali oħra, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, id-drittijiet soċjali, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli;

    G. billi t-tlestija tas-Suq Uniku Ewropew tifforma l-bażi għat-tlestija tal-proċess ta’ integrazzjoni politika u ekonomika tal-Unjoni Ewropea u tipprovdi r-rabta meħtieġa bejn l-Istati Membri kollha, kemm dawk membri taż-żona tal-euro kif ukoll dawk li mhumiex;

    H. billi governanza tajba tas-Suq Uniku u aktar żvilupp tar-reġjuni jikkumplimentaw lil xulxin, jistgħu jtejbu b'mod sinifikanti l-prospetti għal tkabbir lokali u reġjonali u joħolqu b'mod konġunt Ewropa b'saħħitha li l-karatteristiċi tagħha jkunu l-koezjoni u l-kompetittività; billi, b’mod partikolari, il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea hija bbażata fuq kunċetti simili għas-Suq Uniku f'termini tal-promozzjoni ta' interazzjonijiet transkonfinali u benefiċċju reċiproku minn infrastrutturi, investimenti u swieq reġjonali u lokali; billi s-Suq Uniku jista' jissaħħaħ aktar billi jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-swieq, tiġi kkonsolidata l-kooperazzjoni territorjali transkonfinali u billi jiġu ffaċilitati l-attivitajiet u l-finanzjament tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qafas tal-ftehimiet territorjali;

    I.   billi, minkejja l-impenji politiċi li ngħataw fl-ogħla livell u l-isforzi li saru mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, id-defiċit medju tat-traspożizzjoni żdied minn 0,7 % fl-2009 għal 1,2 % fi Frar 2012 u, wara xi progress f'dawn l-aħħar xhur, issa laħaq 0,9 %; billi jeħtieġ li jsiru aktar sforzi peress li dak id-defiċit iwassal għal nuqqas ta' fiduċja fl-Unjoni inġenerali u fis-Suq Uniku b'mod partikolari;

    J.   billi s-Suq Uniku bħala s-sinsla tal-Unjoni, u l-funzjonament tajjeb tiegħu bħala l-bażi u l-qafas għal irkupru ekonomiku u soċjali fl-Ewropa, huma ta’ importanza kbira; billi f'dak il-kuntest ir-rispett għad-drittijiet soċjali, f'konformità mal-liġi nazzjonali u l-prassi li jirrispettaw il-liġi tal-Unjoni, huwa indispensabbli;

    K. billi, kif indikat fit-Tabelli ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur u l-eżami tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku għall-erba’ libertajiet, żieda fil-kompetizzjoni li tirriżulta mill-proċess ta’ integrazzjoni sservi ta’ inċentiv qawwi biex tiġi offruta varjetà aktar mifruxa ta’ prodotti irħas u ta’ kwalità aktar għolja għall-konsumaturi Ewropej;

    L.   billi l-kisbiet ekonomiċi potenzjali minn implimentazzjoni sħiħa u kif suppost tad-Direttiva 2006/123/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern[6] jammontaw għal potenzjal ta’ tkabbir ta’ bejn 0,8 % u 2,6 % tal-prodott domestiku gross (PDG), li jimmaterjalizza bejn ħames u għaxar snin wara l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva;

    M.  billi l-Kummissjoni tistma li l-Unjoni tista’ tikseb 4 % addizzjonali tal-PDG fuq l-għaxar snin li jmiss billi tistimula l-iżvilupp rapidu tas-Suq Uniku;

    N.  billi l-istrateġija tas-Suq Uniku għandha tiġi kkoordinata u bbażata fuq ftehim pragmatiku, komprensiv u mifrux appoġġjat mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej kollha; billi għadha tinħtieġ tmexxija b’saħħitha min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha u sjieda politika ċara min-naħa tal-Istati Membri sabiex jiġu implimentati u infurzati bis-sħiħ id-direttivi u r-regolamenti relatati mas-Suq Uniku, u biex tiżdied il-kredibbiltà tas-Suq Uniku u l-fiduċja fih;

    O.  billi l-President tal-Kunsill Ewropew enfasizza, fir-rapport tiegħu msemmi hawn fuq tas-26 ta’ Ġunju 2012, l-importanza ta’ kompatibilità sħiħa mas-Suq Uniku kif ukoll ta' ftuħ u trasparenza fil-proċess lejn unjoni ekonomika u monetarja aktar profonda; billi, fir-rapport finali tal-5 ta' Diċembru 2012, il-President tal-Kunsill Ewropew enfasizza aktar l-importanza, fuq perjodu qasir, li jitlesta s-Suq Uniku peress li jservi ta' strument b'saħħtu għall-promozzjoni tat-tkabbir;

    P.   billi azzjonijiet konkreti, kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-Unjoni, għadhom meħtieġa sabiex tiġi implimentata bis-sħiħ il-libertà tal-moviment ta' oġġetti, persuni, servizzi u kapital fl-Unjoni Ewropea; billi l-ftuħ ta' opportunitajiet ġodda tan-negozju għall-kumapniji, b'mod partikolari l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), anke permezz ta' applikazzjoni rigoruża tat-test tal-SMEs fi ħdan il-valutazzjonijiet tal-impatt kif imwettqa mill-Kummissjoni u l-Parlament, il-progress rapidu fir-rigward tal-aġenda ta' regolamentazzjoni intelliġenti u leġiżlazzjoni adattata apposta għal tipi differenti ta' kumpaniji, fejn xieraq, u mingħajr ma jiddgħajfu l-objettivi ġenerali bħas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, jista' jigħin ukoll biex l-ekonomiji tal-Ewropa jerġgħu jieħdu r-ruħ;

    Q.  billi, fil-kuntest tas-Suq Uniku, għandu jiġi rikonoxxut ir-rwol siewi ta' punti uniċi ta' servizz, fosthom dawk elettroniċi u fiżiċi, li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż ta' tranżazzjoni, itejbu l-effiċjenza, jiftħu s-suq, itejbu t-trasparenza u l-kompetizzjoni, u jwasslu għal inqas infiq pubbliku u għal aktar opportunitajiet biex in-negozji, inklużi SMEs u mikroimpriżi, ikollhom aċċess għas-swieq u jżommu u joħolqu impjiegi ġodda;

    Legiżlazzjoni aħjar

    R.   billi l-Kummissjoni għandha timmira għal koordinazzjoni u koerenza aktar orizzontali fit-tħejjija ta’ proposti legiżlattivi li huma relevanti għas-Suq Uniku; billi l-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjonijiet tal-impatt fil-fond, li jinkludu valutazzjonijiet tal-impatt fuq it-territorji, fejn tistabbilixxi argumenti konvinċenti għall-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku qabel ma tadotta proposti leġiżlattivi;

    S.   billi l-Kummissjoni għandha, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà u kull fejn ikun xieraq, u prinċipalment fejn ma jkun hemm l-ebda ħtieġa għal aktar diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tagħżel regolamenti aktar milli direttivi bħala l-istrument legali ppreferut għar-regolamentazzjoni tas-Suq Uniku;

    T.   billi l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jintroduċu ‘test tas-Suq Uniku’ fil-livell nazzjonali bil-għan li jiġi vvalutat jekk kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida adottata fil-livell nazzjonali jistax ikollha impatt negattiv fuq il-funzjonament effettiv tas-Suq Uniku; billi l-Kummissjoni għandha tqis il-vijabbiltà ta' sistema ta' notifika għal abbozzi ta' liġijiet nazzjonali li jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-funzjonament tas-Suq Uniku, biex b'hekk tissupplimenta l-proċedura stipulata fid-Direttiva 98/34/KE għall-ħolqien ta' strument orizzontali, biex tissaħħaħ in-natura preventiva tagħha meta l-Kummissjoni tressaq opinjoni dettaljata dwar abbozz ta' liġi biex tiżgura l-applikazzjoni tagħha sabiex tirrimedja l-applikazzjoni mhux sodisfaċenti ta' leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell lokali;

    U.  billi huwa essenzjali li kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri titwettaq b’mod effiċjenti, effikaċi u kosteffikaċi, kif inhu l-każ bis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI); billi l-IMI għandha tintuża dejjem, anki f’oqsma oħra, sabiex tissaħħaħ il-funzjonalità tagħha u titnaqqas il-burokrazija, biex tiżdied it-trasparenza u biex l-atturi kollha fis-Suq Uniku jkunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ mill-benefiċċji li tipprovdi;

    Traspozizzjoni, implimentazzjoni u applikazzjoni aħjar

    V.  billi kull Stat Membru għandu jittrasponi kull direttiva b'mod konsistenti u jadotta l-miżuri ta' traspożizzjoni kollha relatati ma' att sħiħ leġiżlattiv tal-Unjoni b'mod konġunt u f'daqqa, sabiex jiġi żgurat li t-traspożizzjoni nazzjonali ta' dak l-att tirrifletti l-kompromess li ntlaħaq fl-livell tal-Unjoni, peress li traspożizzjoni ħażina u tard tfixkel il-kompetizzjoni fis-Suq Uniku u tostakola liċ-ċittadini u lin-negozji milli jieħdu vantaġġ bis-sħiħ mis-Suq Uniku;

    W. billi jeħtieġ li tinkiseb aktar trasparenza fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-ligi tal-Unjoni fl-Istati Membri; billi tabelli ta’ korrelazzjoni se jservu ta' strument dejjem aktar utli f’Suq Uniku integrat sabiex tigi riflessa t-traspozizzjoni nazzjonali tar-regoli tal-Unjoni u billi l-Kummissjoni għandha għalhekk titlob dawn it-tabelli aktar ta' spiss;

    Monitoraġġ tal-implimentazzjoni

    X.  billi l-iskambju ta’ esperjenza u l-aħjar prattika bejn l-Istati Membri huwa kruċjali sabiex wieħed jifhem il-mekkaniżmi nazzjonali għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u l-bqija tal-ostakoli għas-Suq Uniku; billi l-Istati Membri għandhom jagħmlu skambju tal-informazzjoni bejniethom u mal-Kummissjoni qabel it-traspożizzjoni sabiex jiżguraw traspożizzjoni korretta u jipprevjenu l-frammentazzjoni; billi l-monitoragg tal-implimentazzjoni tal-ligijiet tal-Unjoni huwa waħda mill-kompetenzi ewlenin tal-Kummissjoni u tal-ħaddiema tac-civil tagħha; billi, sabiex tissodisfa l-impenji tagħha biex tgħin lill-Istati Membri bit-trażpożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tibda u tikkoordina netwerk ta’ ħaddiema taċ-ċivil inkarigati mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida kollha tal-Unjoni lil hinn minn SOLVIT, u b’hekk tipprovdi pjattaforma għall-iskambju u l-analiżi bejn il-pari għal kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, sabiex tittejjeb il-kwalità globali tal-implimentazzjoni u jiġu solvuti problemi li jikkonċernawl-implimentazzjoni mill-Istati Membri; billi għandu jiġi promoss skambju ta’ ħaddiema taċ-ċivil nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni bejn l-Istati Membri, sabiex jitħeġġeġ fluss aħjar ta’ informazzjoni u tal-aħjar prassi;

    Y.  billi statistici purament kwantitattivi dwar l-implimentazzjoni ta’ legizlazzjoni dwar is-Suq Uniku ma jippermettux kejl tal-kwalità tal-implimentazzjoni u l-impatt partikolari fuq is-Suq Uniku ta’ strumenti ewlenin specifici; billi evalwazzjoni politika u kwalitattiva tal-implimentazzjoni u l-progress tas-Suq Uniku hija għalhekk meħtieġa, partikolarment fir-rigward tar-rilevanza ekonomika tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar is-Suq Uniku u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

    Z.   billi din l-evalwazzjoni għandha tiddifferenzja bejn in-nuqqas ta’ traspożizzjoni, li huwa nuqqas identifikabbli b’mod ċar mill-Istat Membru, u l-possibbiltà ta’ nonkonformità li jista’ jkun ibbażat fuq interpretazzjoni u fehim differenti tal-liġi tal-Unjoni; billi t-Trattati jipprevedu li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss tista’, fl-aħħar mill-aħħar u pubblikament tistabbilixxi n-nonkonformità tal-liġi nazzjonali mal-liġi tal-Unjoni; billi, għalhekk, l-ebda istituzzjoni oħra ma tista’ tiddikjara nonkonformità ta’ dan it-tip; billi l-Parlament għandu jiġi pprovdut kull sena b’lista ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni mhux trasposta jew mhux trasposta b’mod korrett fl-Istati Membri kkonċernati;

    AA. billi forom ta' kundizzjonalità fil-Fondi Strutturali relatati mat-traspożizzjoni ta' direttivi dwar is-Suq Uniku fl-Istati Membri għadhom qed jiġu negozjati fil-proċess leġiżlattiv għall-adozzjoni ta' Regolamenti ġodda; billi tali miżuri għandhom jintużaw biss meta ma jkunx fadal għażla oħra, u billi l-użu tal-lieva tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni biex jipprovdi inċentivi għat-traspożizzjoni f'waqtha ta' regoli dwar is-Suq Uniku għandu jiġi bbilanċjat sew;

    Infurzar aħjar

    AB. billi, sabiex titjieb il-governanza tas-Suq Uniku, għandu jkun hemm politika ta’ ‘tolleranza żero fir-rigward tal-Istati Membri li ma jimplimentawx ir-regoli tas-Suq Uniku b’mod xieraq;

    AC. billi proċedimenti ta’ ksur, kif stabbiliti fl-Artikolu 258 tat-TFUE, u kif implimentati mill-Kummissjoni, ma jippermettux nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tas-Suq Uniku fl-Istati Membri li jridu jiġu indirizzati u kkoreġuti malajr;

    AD. billi l-proċeduri ta’ ksur spiss urew serje ta’ limitazzjonijiet konnessi mal-adegwatezza fl-issodisfar tal-aspettattivi tal-konsumaturi individwali u tan-negozji, u billi jeħtieġ li jiġi stabbilit strument ta’ rikors uniku fil-livell tal-Unjoni li jkun rapidu u ekonomikament aċċessibbli;

    AE. billi l-Istati Membri u l-Kunsill Ewropew għandhom għalhekk ikomplu jiżviluppaw aktar il-proċedimenti ta' ksur fil-qafas ta’ reviżjonijiet futuri tat-TFUE; billi fl-istess ħin għandu jsir kull sforz lejn użu aktar strinġenti tal-proċedimenti ta' ksur għal każijiet ta' ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tas-Suq Uniku; billi f'dak il-kuntest proċeduri aktar mgħaġġla fi ħdan il-Kummissjoni u, fejn xieraq, rikors għal proċedimenti interim quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, f'konformità mal-Artikolu 279 tat-TFUE, għandhom jiġu applikati b'mod aktar attiv; billi xi atti legali tal-Unjoni jipprevedu miżuri provviżorji li jistgħu jittieħdu mill-qrati nazzjonali biex jipprevjenu ksur imminenti, bħal inġunzjonijiet; billi dan jista' jservi bħala mudell għal proċeduri aktar effiċjenti u billi l-użu ta' tali miżuri provviżorji għandu għalhekk jitqies fl-oqsma kollha relevanti;

    AF. billi l-użu tal-EU Pilot kellu riżultati pożittivi fl-iżgurar tal-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni u qed jipprovdi soluzzjonijiet aktar rapidi għal problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u n-negozji; billi l-Kummissjoni għandha għalhekk tippromwovi l-użu tal-EU Pilot u ttejjeb aktar l-effettività tiegħu, sabiex tidentifika u tikkoreġi aħjar il-ksur tar-regoli tas-Suq Uniku mingħajr il-ħtieġa li tuża proċeduri ta' ksur li jieħdu ż-żmien;

    AG. billi SOLVIT għandu rwol importanti bħala strument għas-soluzzjoni tal-problemi ewlenin fil-livell nazzjonali u għalhekk biex jiżgura konformità aħjar mal-liġi tal-Unjoni marbuta mas-Suq Uniku, iżda l-potenzjal tas-SOLVIT għadu ma ġiex sfruttat bis-sħiħ; billi għandhom jitħeġġew azzjonijiet konkreti li jtejbu l-viżibbiltà ta' SOLVIT u aktar komunikazzjoni intensiva liċ-ċittadini Ewropej dwar SOLVIT, sabiex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tiegħu, mingħajr ma jinqabeż il-baġit kurrenti; billi għandhom isiru aktar sforzi biex SOLVIT jiġi integrat aħjar fil-firxa ta' servizzi ta' għajnuna u strumenti ta' infurzar disponibbli fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni; billi, fl-istess sens, titjib rigward l-użu faċli u ċ-ċarezza tal-informazzjoni tal-Punti ta' Kuntatt Uniku fl-Istati Membri huwa meħtieġ;

    AH. billi l-Kummissjoni għandha tirrinforza l-azzjonijiet tagħha fl-iżgurar tal-implimentazzjoni kif suppost u l-infurzar tar-regoli kollha adottati fl-Istati Membri, filwaqt illi tirreaġixxi b’mod aktar mgħaġġel għal avviżi u lmenti dwar l-implimentazzjoni mhux korretta tal-liġi tal-Unjoni u tieħu l-passi meħtieġa sabiex jitneħħew inkonsistenzi eżistenti;

    AI. billi jeħtieġ li l-Kummissjoni - wara evalwazzjoni politika - tagħmel użu sod mis-setgħat kollha tagħha u tisfrutta għalkollox il-mekkaniżi kollha ta’ sanzjonar għad-dispożizzjoni tagħha;

    AJ. billi s-sweeps tal-UE, li huma azzjonijiet ta’ monitoraġġ ikkoordinati mill-Kummissjoni u eżegwiti fl-istess ħin fl-Istati Membri minn awtoritajiet nazzjonali rilevanti, taw prova li huma għodda utli sabiex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jimmonitorjaw b'azzjonijiet konġunti l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-Suq Uniku fl-Istati Membri; billi sweeps riċenti żvelaw konformità fqira mar-regoli ta' protezzjoni tal-konsumatur fis-settur bankarju fl-Unjoni kollha; billi, għalhekk, il-Kummissjoni għandha toffri użu aktar estensiv ta’ sweeps tal-UE lill-Istati Membri sabiex tiġi ffaċilitata s-sorveljanza b’mod partikolari minn awtoritajiet nazzjonali inqas attrezzati u anqas imħejjija; billi l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet sweep tal-UE f'oqsma oħra għandhom jiġu kkunsidrati u billi sweeps tal-UE għandhom jiġu estiżi wkoll għal prodotti u servizzi offlajn;

    Atti dwar is-Suq Uniku

    AK.    billi l-Atti dwar is-Suq Uniku jagħmlu parti mill-isforzi għat-tisħiħ tal-governanza tas-Suq Uniku permezz ta’ titjib u koordinazzjoni aħjar b’mod partikolari tal-fażi preleġiżlattiva;

    AL. billi l-metodu ċikliku tal-preżentazzjoni ta’ Atti dwar is-Suq Uniku għandu jitqies b’mod pożittiv, minħabba li jippermetti l-identifikazzjoni u d-diskussjoni tal-prijoritajiet għall-iżvilupp tas-Suq Uniku fuq bażi regolari;

    AM.  billi l-Att dwar is-Suq Uniku kkostitwixxa strateġija trażversali importanti għar-rimedju ta’ nuqqasijiet kbar li fadal tas-Suq Uniku; billi din l-istrateġija ddeterminat b'mod orizzontali miżuri konkreti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li jistgħu jirrilaxxaw potenzjali ta' tkabbir mhux użati u jneħħu ostakli għas-Suq Uniku; billi jidher li f'dan ir-rigward sar xi progress fil-proposti ppreżentati mill-Kummissjoni, iżda għadhom jinħtieġu aktar sforzi f'termini ta’ prospettiva fit-tul; billi l-Kummissjoni għandha ssegwi, bħala prijorità, il-proposti li diġà jinsabu fl-Att dwar is-Suq Uniku, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-istrument orizzontali għas-sorveljanza tas-suq u t-trasparenza tal-imposti bankarji u informazzjoni mhux finanzjarja minn negozji;

    AN.    billi l-Att dwar is-Suq Uniku II ikompli b'dan l-approċċ billi jidentifika netwerks integrati, il-mobilità taċ-ċittadini u n-negozji, l-ekonomija diġitali u l-intraprenditorija soċjali flimkien mal-fiduċja tal-konsumatur bħala l-erba’ assi għal tkabbir fil-ġejjieni; billi proposti leġiżlattivi li jiżguraw id-dritt ta' aċċess għal kont bankarju bażiku, ir-reviżjoni tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern[7]u l-iffaċilitar ta' investiment fit-tul fl-ekonomija reali jistgħu jagħmlu kontribut importanti f'dan ir-rigward; billi l-Kummissjoni, meta tipproponi l-miżuri, u l-Parlament u l-Kunsill, meta jiddiskutuhom, għandhom jevalwaw bir-reqqa kull waħda mill-miżuri maħsuba u l-potenzjali tagħhom sabiex tinkiseb ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ferm u għandhom jaħdmu għal adozzjoni rapida;

    AO.    billi l-Att dwar is-Suq Uniku għandu jindirizza l-problemi soċjoekonomiċi tal-Unjoni u jiffavorixxi suq li jkun għas-servizz taċ-ċittadini;

    AP. billi l-għan tal-approċċi orizzontali tal-ġejjieni għandu jkun it-tlestija tas-Suq Uniku diġitali sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mis-soluzzjonijiet diġitali u biex tiġi żgurata l-kompetittività tan-negozji fl-Unjoni;

    Oqsma prinċipali

    AQ.    billi l-Kummissjoni tipproponi li timmira l-attivitajiet tagħha lejn oqsma principali u strumenti specifici; billi, madankollu, tinħtieġ enfasi aktar qawwija fuq numru limitat ta’ strumenti u azzjonijiet sabiex jinkiseb titjib tanġibbli fl-applikazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku; billi s-Suq Uniku diġitali, is-settur tas-servizzi, is-settur tal-enerġija, l-akkwist pubbliku, ir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumatur u l-mobbiltà akbar taċ-ċittadini, b'mod partikolari il-ħaddiema u l-professjonisti, huma fost l-oqsma ewlenin l-aktar importanti għat-tkabbir;

    AR. billi dawn l-oqsma u l-istrumenti ewlenin jistgħu jiġu riveduti fuq bażi annwali sabiex l-iżviluppi attwali fl-Istati Membri, u b'mod partikolari fl-oqsma li huma ekonomikament l-aktar relevanti għas-Suq Uniku, kif turi valutazzjoni bbażata fuq l-evidenza, ikunu riflessi u meqjusa kif xieraq fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni; billi l-metodoloġija għad-definizzjoni tal-oqsma ewlenin għat-titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku għandha tiġi riveduta regolarment, filwaqt li jitqiesu l-miri tat-tkabbir u l-prospetti ta' tkabbir;

    AS. billi l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiffukaw fuq l-adozzjoni u l-implimentazzjoni rapida ta' miżuri leġiżlattivi marbuta mal-oqsma ewlenin, li huma essenzjali għat-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol, kif enfasizzat fil-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi;

    AT. billi għandhom jittieħdu iktar passi lejn regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji li tipprovdi informazzjoni adegwata u protezzjoni għall-konsumaturi, tippermetti evalwazzjoni trasparenti ta’ prodotti finanzjarji, b’mod partikolari dawk riskjużi, u li tippermetti l-possibilità ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim u mezzi ta' rimedju kollettiv li jiggarantixxu li l-konsumaturi jiġu kkumpensati u rimborżati kif xieraq;

    AU. billi Suq Uniku kkompletat bis-sħiħ li jiffunzjona kif suppost ma jistax ikun effettiv mingħajr sistema tat-trasport Ewropea unika, interkonnessa u effiċjenti li hija kruċjali għall-moviment bla xkiel ta’ oġġetti, persuni u servizzi: il-libertajiet essenzjali u sottostanti għal Suq Uniku;

    AV. billi Żona Unika Ewropea tat-Trasport għandha tiffaċilita l-movimenti ta’ ċittadini u merkanzija, tnaqqas l-ispejjeż u ttejjeb is-sostenibbiltà tat-trasport Ewropew, permezz tat-tlestija ta’ netwerks tat-trasport trans-Ewropej interoperabbli u sostenibbli, u billi telimina l-ostakoli kollha residwi bejn modi u sistemi nazzjonali filwaqt li tiffaċilita l-emerġenza ta’ operaturi multinazzjonali u multimodali; billi, għat-tlestija taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport, is-servizzi ferrovjarji, it-trasport marittimu, it-trasport tal-merkanzija bit-triq kif ukoll l-Ajru Uniku Ewropew u l-interpretazzjoni uniformi tad-drittijiet tal-passiġġieri għandhom rwol ċentrali;

    Suq Uniku għall-atturi kollha

    billi ċ-ċittadini tal-Unjoni u, b’mod partikolari l-istudenti, il-professjonisti u l-imprendituri, kif ukoll l-SMEs, fl-Istati Membri kollha għandhom jiġu mistiedna jagħmlu suġġerimenti dwar kif l-aħjar li jinkiseb twettiq sħiħ tas-Suq Uniku, u billi l-istituzzjonijiet kollha għandhom jiġu inkoraġġuti jistabbilixxu konsultazzjoni pubblika u djalogu mas-soċjetà ċivili sabiex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tan-negozji jiġu kkunsidrati kif xieraq u li l-politika proposta tipprovdi valur miżjud għall-atturi kollha; billi jinħtieġu strumenti xierqa għall-komunikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni liċ-ċittadini;

    AX. billi s-Suq Uniku għandu jiffoka fuq id-drittijiet tal-partijiet interessati kollha; billi involviment aktar b'saħħtu u aktar kmieni tas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati l-oħra kollha fit-tfassil, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-miżuri meħtieġa biex jistimulaw it-tkabbir u d-drittijiet taċ-ċittadini fis-Suq Uniku, ibbażat ukoll fuq forom ta' parteċipazzjoni onlajn u demokrazija elettronika, huwa essenzjali biex tiġi restawrata l-fiduċja fis-Suq Uniku;

    AY. billi, permezz ta' awtoġovernanza lokali u reġjonali, atturi lokali u reġjonali jwettqu bosta dmirijiet li huma previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-Suq Uniku, speċjalment fil-qasam tal-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-istat, is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u l-konċessjonijiet; billi dawk il-politiki għandhom jiġu implimentati b'mod xieraq, inter alia sabiex jitnaqqsu r-rati ta' żbalji fil-politika ta' koeżjoni; billi l-għoti ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja għall-persuni li jgħixu f'kull reġjun tal-Unjoni huwa prerekwiżit għal Suq Uniku dinamiku u qawwi, u billi l-governanza effettiva tas-Suq Uniku għandha għalhekk tqis l-interessi tal-partijiet interessati lokali u reġjonali;

    AZ. billi l-istrateġija tas-Suq Uniku għandha ssaħħaħ il-benesseri soċjali, il-konverġenza u d-drittijiet tal-ħaddiema, tipprevjeni d-dumping soċjali u tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi għall-Ewropej kollha;

    BA. billi hemm bżonn ta' servizz għall-għoti tal-ewwel għajnuna faċilment aċċessibbli, fil-livell nazzjonali li n-negozji u ċ-ċittadini jistgħu jirrikorru għalih meta jiltaqgħu ma’ problemi x'ħin jippruvaw jagħmlu użu mid-drittijiet u l-opportunitajiet li joffrilhom is-Suq Uniku; billi għandha tingħata attenzjoni biex jitnaqqsu l-ostakli għall-aċċessibbiltà fl-ambjent urban u jingħataw servizzi sabiex iċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-Suq Uniku;

    Semestru Ewropew

    BB. billi s-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għall-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi u jqis is-sitwazzjoni baġitarja u ekonomika fl-Istati Membri iżda ma jqisx l-istat tas-Suq Uniku minkejja l-importanza fundamentali tiegħu għal ekonomiji madwar l-Istati Membri kollha;

    BC. billi s-Suq Uniku jista' jkollu rwol importanti fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali fl-Unjoni; billi t-titjib tal-qafas tal-governanza ekonomika għandu jkun ibbażat fuq sett ta’politiki interkonnessi u reċiprokament konsistenti li jistimulaw it-tkabbir u l-impjieg, u billi l-iżvilupp sħiħ tas-Suq Uniku huwa prerekwiżit biex dan iseħħ;

    billi l-Kummissjoni għandha tissorvelja t-tlestija tas-Suq Uniku u l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri relevanti fi ħdan l-eżerċizzju annwali tas-Semestru Ewropew, filwaqt li tikkunsidra l-kontroll annwali tal-governanza u tal-mekkaniżmi ta’ rapportar tat-Tabella ta' valutazzjoni; billi, barra minn hekk, il-kontroll annwali għandu jevalwa x’vantaggi joffri s-Suq Uniku lill-konsumaturi u lin-negozji u jirraporta dwar l-ostakli li jfixklu l-funzjonament tiegħu;

    BE. billi kull sessjoni tar-rebbiegħa tal-Kunsill Ewropew għandha tkun dedikata wkoll lill-evalwazzjoni tal-qagħda tas-Suq Uniku, appoġġjata minn proċess ta’ monitoraġġ;

    BF. billi huwa xieraq li wieħed iħares b’mod individwali lejn kull Stat Membru, filwaqt li jiżviluppa kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali, sabiex jiġu identifikati defiċits fit-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni u sabiex dawn jiġu indirizzati f’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

    BG. billi l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 nieda t-tielet ċiklu tas-Semestru Ewropew u issa jinkludi għall-ewwel darba rapport annwali dwar l-istat tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku; billi dan l-iffokar aktar qawwi fuq is-Suq Uniku fil-kuntest tas-Semestru Ewropew huwa neċessarju sabiex jiġi sfruttat aħjar it-tkabbir tiegħu u l-potenzjali tax-xogħol fl-Ewropa u sabiex jippermetti liċ-ċittadini u n-negozji jibbenefikaw bis-sħiħ minnu;

    BH. billi r-rapport imsemmi hawn fuq dwar l-Istat tal-Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 ma jipprovdix, madankollu, xi għarfien ġdid dwar is-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri u lanqas ma jasal għal konklużjonijiet elaborati biżżejjed fir-rigward ta’ potenzjal konkreti ta’ tkabbir iġġenerat mis-Suq Uniku; billi l-għażla ta’ oqsma ta’ prijorità fir-rapport ta’ integrazzjoni għandu jkun appoġġjat minn data komprensiva;

    billi rapporti futuri dwar l-istat tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku għandhom għalhekk ikunu aktar ċari dwar nuqqasijiet kurrenti fis-Suq Uniku, u jipprovdu gwida aktar konkreta dwar rimedji possibbli u l-benefiċċji mistennija, sabiex jippermettu reazzjonijiet sinifikanti mill-Istati Membri;

    BJ. billi r-rapport dwar l-Istat tal-Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 jenfasizza b'mod partikolari s-settur tas-servizzi u jitlob, inter alia, għal konformità sħiħa mad-Direttiva 2006/123/KE; billi din hija sejħa valida iżda mhux ta’ interess kbir, jekk ma tkunx akkumpanjata minn miżuri kemm ta’ sostenn kif ukoll strinġenti dwar it-traspożizzjoni u l-interpretazzjoni korretti ta’ dik id-Direttiva;

    BK. billi r-rapport jelenka numru ta’ prijoritajiet għas-swieq tal-enerġija u t-trasport, u billi ħafna minn dawk il-prijoritajiet jindikaw in-nuqqas ta’ investiment u kompetizzjoni nazzjonali u Ewropej f’xi oqsma; billi jintħieġu aktar riċerka u informazzjoni bbażata fuq l-evidenza għal dawn is-swieq sabiex isir każ b’saħħtu għal azzjonijiet speċifiċi u għal sejħiet lill-Istati Membri; billi infrastruttura tat-trasport Ewropea integrata, interoperabbli u aċċessibbli, l-istabbiliment ta' suq intern tal-enerġija filwaqt li tiġi żgurata l-kompetizzjoni soda u t-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumaturi, u politika industrijali Ewropea ambizzjuża huma vitali biex jiżguraw il-funzjonament xieraq tas-Suq Uniku;

    BL. billi l-ekonomija diġitali hija wkoll meqjusa bħala qasam ta’ prijorità; billi s-Suq Uniku Diġitali jeħtieġ mekkaniżmi ta' trasparenza u għall-protezzjoni tal-konsumatur, aġġornati u prattikabbli; billi t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni f'waqthom u korretti tad-Direttiva 2011/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur[8] huma għalhekk wieħed mill-fatturi essenzjali għall-iżvilupp tal-ekonomija diġitali;

    BM. billi ċ-ċittadini tal-Unjoni għadhom ma bbenefikawx bis-sħiħ mill-potenzjal tas-Suq Uniku f’ħafna oqsma, b’mod partikolari fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni u tal-ħaddiema; billi l-mobbiltà tal-ħaddiema madwar l-Ewropa għadha baxxa wisq u jinħtieġu miżuri aktar b'saħħithom sabiex jitneħħew l-ostakli li fadal u jiġi ggarantit il-prinċipju ta' trattament ugwali tal-ħaddiema fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattati u f'konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali;

    billi d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali[9] hija strument fundamentali biex jitnaqqas id-dejn enormi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi lejn bosta kumpaniji, speċjalment l-SMEs, u billi t-traspożizzjoni tagħha għandha sseħħ malajr u kif xieraq sabiex jitnaqqsu n-numri ta' sitwazzjonijiet ta' insolvenza;

    billi huma meħtieġa azzjonijiet aktar innovattivi sabiex jappoġġaw is-Suq Uniku bbażat fuq l-ekonomija soċjali tas-suq; billi l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 ressaq proposta interessanti dwar l-introduzzjoni ta’ reġim ta’ insolvenza tal-konsumatur, u billi din il-proposta għandha tiġi mistħarrġa aktar, minħabba li dan it-tip ta’ miżura jista’ jkollha rwol fundamentali kemm għall-protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ riskji sistemiċi possibbli għas-settur finanzjarju;

    billi huwa importanti li titfassal aġenda ambizzjuża għall-konsumaturi, li tinkludi miżuri leġiżlattivi u ta' programmar, bl-għan li l-konsumatur normali jitħeġġeġ biex ikun responsabbli u biex tiżdied il-protezzjoni għall-konsumaturi vulnerabbli;

    billi t-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, li għandu jkun l-għan tas-Semestru Ewropew, jiddependi mill-iżvilupp sħiħ tal-potenzjal tas-Suq Uniku, mill-impenn kollettiv tal-Unjoni Ewropea u mill-parteċipazzjoni effettiva tal-Istati Membri;

    billi s-Semestru Ewropew għandu jiġi konness b’mod aktar sistematiku mal-inizjattivi attwali tal-Unjoni u għandu jieħu kont tal-finalizzazzjoni tas-Suq Uniku biex jiżgura l-koerenza tal-politika ekonomika tal-Unjoni, b’mod partikolari biex jiżgura l-konverġenza meħtieġa bejn pajjiżi li huma parti miż-żona tal-euro u dawk li mhumiex;

    billi l-kwalità tal-programmi nazzjonali ta’ riforma fi ħdan is-Semestru Ewropew tvarja ħafna fil-konkretezza, it-trasparenza, il-vijabilità u l-kompletezza u dawk il-programmi għandhom jiġu eżaminati aktar fil-fond, għandhom jittejbu u għandhom ikunu ambizzjużi biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi tal-integrazzjoni ekonomika u tal-finalizzazzjoni tas-Suq Uniku;

    billi l-Istati Membri għandhom jagħtu informazzjoni kemm jista’ jkun dettaljata anki rigward l-arranġamenti għall-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tar-regoli fl-oqsma ewlenin tas-Suq Uniku;

    billi jeħtieġ li tiġi applika metodoloġija ġdida għas-Semestru Ewropew, li tikkonsisti fid-diskussjoni tal-prijoritajiet tas-Suq Uniku flimkien ma’ dawk ekonomiċi u baġitarji, li tgħaqqadhom, flimkien ma' prijoritajiet tal-impjieg u soċjali, f’qafas uniku integrat ta’ koordinament;

    billi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż għandhom jikkunsidraw il-progress li sar u l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-leġżilazzjoni tas-Suq Uniku, b’referenza partikolari għall-oqsma ewlenin u għall-prijoritajiet identifikati fuq bażi annwali;

    billi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż għandhom, fl-istess ħin, joffru lill-Istati Membri soluzzjonijiet aktar prattiċi biex itejbu l-funzjonament tas-Suq Uniku, sabiex jiġi ġġenerat sostenn pubbliku u impenn politiku aktar qawwija biex titħeġġeġ it-tlestija tas-Suq Uniku;

    BX. billi l-evalwazzjoni tal-istat tas-Suq Uniku għandha ssir parti integrali tas-Semestru Ewropew, fejn pilastru tal-Governanza tas-Suq Uniku jitqiegħed maġenb il-pilastru tal-Governanza Ekonomika; billi l-proposta tal-Kummissjoni sabiex jitħejja rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku li jikkontribwixxi għall-bażi tal-evidenza li fuqha huma bbażati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż, tista’ tqiegħed il-pedament għal ċiklu tas-Suq Uniku annwali fil-ġejjieni fi ħdan is-Semestru Ewropew;

    billi l-introduzzjoni tas-Semestru Ewropew għandha sseħħ bl-involviment sħiħ tal-parlamenti nazzjonali u għandha sseħħ mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Parlament Ewropew;

    1.   Jitlob lill-Kummissjoni tressaq kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li tqis bħala l-bażi legali possibbli d-dispożizzjonijiet relevanti kollha tat-TFUE relatati mas-suq intern, inkluż l-Artikolu 26(3) tat-TFUE, proposta għal att li l-għan tiegħu jkun it-tisħiħ tal-governanza tas-Suq Uniku, filwaqt li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet dettaljati li jinsabu fl-Anness;

    2.   Jinnota li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-principju ta’ sussisdjarjetà;

    3.   Hu tal-fehma li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba jridu jkunu koperti mill-allokazzjonijiet baġitarji eżistenti;

    4.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati li jinsabu fl-annessi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-Kunsill Ewropew u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

    ANNESS GHALL-MOZZJONI GHAL RIZOLUZZJONI:RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENTUT TAL-PROSPOSTA MITLUBA

    Rakkomandazzjoni 1: Li jiġi stabbilit qafas koerenti għall-governanza tas-Suq Uniku.

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha tiġi sottomessa għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

    –   Proposta għal att leġiżlattiv immirat lejn it-tisħiħ tal-governanza tas-Suq Uniku għandha titressaq bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-funzjonament tas-Suq Uniku tal-Unjoni u biex tippromwovi t-tkabbir ekonomiku inklussiv fl-Ewropa. Il-proposta għandha tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet relevanti tat-TFUE relatati mas-suq intern. Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll it-tressiq ta' proposta bbażata fuq l-Artikolu 26(3) tat-TFUE.

       Il-proċedura għandha tipprevedi involviment xieraq tal-Parlament Ewropew fl-istabbiliment ta' qafas ta' governanza tas-Suq Uniku. Għandha tipprevedi wkoll l-adozzjoni, min-naħa tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, ta' miżuri oħra meħtieġa għat-tisħiħ tal-governanza tas-Suq Uniku, b'mod partikolari miżuri li jindirizzaw l-oqsma fejn il-qafas regolatorju tal-Unjoni jkun ġie stabbilit skont l-Artikolu 294 tat-TFUE.

    –   L-att għandu jkun mingħajr pregġudizzju għall-qafas regolatorju tas-Suq Uniku digà fis-seħħ jew ir-regoli li jridu jiddaħħlu fis-seħħ f’setturi differenti. Għandu jkun ukoll mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-istituzzjonijiet kif stabbilit fit-Trattati, b’mod partikolari l-Kummissjoni, jew għall-obbligi tal-Istati Membri bbażati fuq it-Trattati jew li joħorgu mill-acquis tas-Suq Uniku.

    –   L-att għandu jikkumplimenta l-qafas regolatorju tas-Suq Uniku u jiffaċilita t-traspozizzjoni, l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli u l-libertajiet tas-Suq Uniku.

    –   L-att għandu jipprevedi l-adozzjoni tal-linji gwida tal-Unjoni dwar is-Suq Uniku. Dawk il-linji gwida għandhom jinkludu objettivi li jridu jintlaħqu, prijoritajiet għall-azzjoni u kondizzjonijiet li jridu jiġu żgurati, u għandhom jiġu akkumpanjati minn metodi ta’ ħidma u proċeduri li jridu jiġu stabbiliti bil-għan li tissaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku.

    –   Il-proċeduri għas-sottomissjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u għad-determinazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mas-Suq Uniku għandhom jiġu fformulati.

    –   Għandhom jiġu definiti miżuri kumplimentari meħtieġa sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas regolatorju tas-Suq Uniku.

    –   Ir-rabta bejn iċ-ċiklu tal-governanza tas-Suq Uniku u ċ-ċiklu tal-politika annwali tas-Semestru Ewropew għandha tiġi ċċarata.

    Rakkomandazzjoni 2: Jiġu ddeterminati l-objettivi u l-prijoritajiet tal-Unjoni bil-għan li jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha tiġi sottomessa għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

    –   Sabiex ikun żgurat li s-Suq Uniku jwassal b’mod effettiv it-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u jkattar il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji, għandhom jiġu stabbiliti linji gwida tal-Unjoni bl-għan tat-titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku. Dawk il-linji gwida għandhom jinkludu:

    (a) objettivi u prijoritajiet għal azzjoni mill-Unjoni u l-Istati Membri;

    (b) kondizzjonijiet li jridu jiddaħħlu fis-seħħ sabiex tittejjeb aktar il-governanza tas-Suq Uniku.

    –   Għandu jiġi determinat sett limitat ta’ objettivi u prijoritajiet għall-azzjoni f’oqsma fejn Suq Uniku li jiffunzjona aħjar x’aktarx iġib l-aktar kisbiet sinifikanti fit-tkabbir u fl-impjiegi fl-Unjoni kollha.

    –   L-għażla ta’ objettivi u prijoritajiet għal azzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji li gejjin:

    (a)    Paragun tal-produzzjoni permezz ta’ għażla ta’ indikaturi kwantitattivi li jkopru l-kontributi fil-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi, biex jiġu identifikati setturi li fihom jidher l-ogħla potenzjal mhux sfruttat biex jiġi ġġenerat it-tkabbir;

    (b)    Importanza ekonomika, li tanalizza jekk is-settur huwiex sinifikanti biżżejjed f’termini ta’ skala tal-ekonomija tant li jħalli impatt mhux negliġibbli fuq it-tkabbir li kieku jiġu indirizzati r-raġunijiet għall-isfruttament insuffiċjenti tal-potenzjal;

    (c)    Fatturi dinamiċi li janalizzaw jekk is-settur ikunx jidher li diġà qiegħed jindirizza l-potenzjal mhux sfruttat tiegħu, abbażi ta’ fatturi bħalma huma l-kapaċità tas-settur li joħloq it-tkabbir tal-impjiegi, u l-possibbiltà tiegħu li jilħaq il-livelli ta’ riferiment għall-produttività tax-xogħol;

    (d)    Fatturi tas-Suq Uniku li janalizzaw jekk hemmx evidenza li t-titjib tas-Suq Uniku jista’ jwassal għall-użu ta’ potenzjal mhux sfruttat;

    (e)    Fatturi rigward elementi addizzjonali għall-protezzjoni u s-salvagwardja tal-konsumaturi, il-ħaddiema u ċ-ċittadini.

    Rakkomandazzjoni 3: Jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu żgurati biex titjieb il-governanza tas-Suq Uniku

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha titressaq għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

    –    Il-kondizzjonijiet li jridu jiddaħħlu fis-seħħ sabiex tittejjeb aktar il-governanza tas-Suq Uniku għandhom jinkudu:

    (a)    L-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ regolamentazzjoni intelliġenti fejn ir-regoli tas-Suq Uniku isiru u jiġu implimentati sabiex jiżguraw li dawk ir-regoli jsiru, jiġu trasposti u implimentati b’tali mod li jaħdmu b’mod effettiv għal dawk li huma maħsuba għalihom;

    (b)    Tnaqqis fil-livell ta’ piżijiet amministrattivi, speċjalment għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, sal-livell minimu;

    (c)    In-negozji u ċ-ċittadini jkunu jistgħu, fejn jinħtieġu li jikkonformaw mal-proċeduri, jagħmlu dan b’mod mgħaġġel permezz ta’ mezzi elettroniċi;

    (d)    L-iżgurar li n-negozji u ċ-ċittadini jsibu informazzjoni u jgħinu u jkollhom access għal rimedji mgħaġġla, effettivi u ekonomikament aċċessibbli fejn ikunu meħtieġa;

    (e)    Użu aktar intelliġenti ta’ teknoloġija tal-informazzjoni sabiex jiġu infurmati negozji u ċittadini, u jkunu jistgħu jagħmlu użu mid-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom, u jgħaqqdu aħjar l-inizjattivi fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni;

    (f)     Użu mtejjeb ta’ għodda onlajn, bħas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), f’kooperazzjoni transkonfinali bejn amministrazzjonijiet;

    (g)    Aktar żvilupp tal-Punti ta’ Kuntatt Uniku;

    (h)    Użu effettiv ta’ mekkaniżmi rapidi u effettivi għas-soluzzjoni ta’ problemi, anke permezz tal-istabbiliment ta’ servizz għall-għoti tal-ewwel għajnuna faċilment aċċessibbli fil-livell nazzjonali li n-negozji u ċ-ċittadini jistgħu jirrikorru għalih meta jiltaqgħu ma’ problemi x’ħin jippruvaw jużaw id-drittijiet u l-opportunitajiet offruti mis-Suq Uniku;

    Rakkomandazzjoni 4: Jiġu ddefiniti miżuri supplimentari meħtieġa sabiex jittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas regolatorju tas-Suq Uniku

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha titressaq għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

    –    Sabiex tittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas regolatorju tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni għandha:

    (a)    Ittejjeb l-għajnuna tat-traspożizzjoni tagħha lill-Istati Membri għal direttivi li għad iridu jiġu trasposti;

    (b)    Twettaq kontrolli ta’ konformità sistematiċi u tieħu miżuri ta’ appoġġ sabiex ir-regoli jaħdmu fil-prattika fl-Istati Membri kollha;

    (c)    Għal leġiżlazzjoni li ġiet trasposta u implimentata, twettaq reviżjonijiet fil-fond biex tivvaluta kif ir-regoli jiġu implimentati u kif jaħdmu fil-prattika, f’termini prattiċi kif ukoll ekonomiċi;

    (d)    Ittejjeb ir-rappurtar tal-implimentazzjoni ex-post filwaqt illi tiffoka fuq il-konformità mill-Istati Membri u l-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni tagħha filwaqt illi tiffoka fuq l-effiċjenza ta’ miżuri tal-politika adottati;

    (e)    Torganizza eżercizzji ta’ rieżami bejn il-pari mal-Istati Membri.

    –    Sabiex jittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas regolatorju tas-Suq Uniku, l-Istati Membri għandhom:

    (a)    Jissottomettu lill-Kummissjoni abbozz tal-miżuri tat-traspożizzjoni, fejn l-Istati Membri jew il-Kummissjoni jqisu li huwa xieraq, sabiex tiġi żgurata wkoll evalwazzjoni ex-ante ta’ traspożizzjoni tajba u jiġu żgurati l-konformità u l-implimentazzjoni mgħaġġla;

    (b)    Jikkonsultaw regolarment mal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili, inklużi l-konsumturi, in-negozji u l-awtoritajiet reġjonali u lokali matul il-proċess tat-traspożizzjoni u matul l-implimentazzjoni;

    (c)    Jipprovdu spjegazzjoni onlajn ta’ kif ittrasponew ir-regoli u kif dawk ir-regoli jaħdmu fil-prattika;

    Rakkomandazzjoni 5: Jiġu previsti s-sottomissjoni, l-valutazzjoni u l-monitoraġġ ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha titressaq għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

    –   L-Istati Membri għandhom ifasslu u jressqu lill-Kummissjoni pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali immirati lejn l-implimentazzjoni tal-objettivi u l-prijoritajiet tal-Unjoni għal azzjoni bil-għan li jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku. Il-pjanijiet ta’ azzjoni għandhom jinkludu lista ta’ miżuri ddettaljati li jridu jitwettqu u pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tagħhom.

    –    Il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għandhom jitfasslu f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti li jirrappreżentaw interessi ekonomiċi u soċjali, kif ukoll l-interessi tal-konsumaturi.

    –    Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Suq Intern, għandha tivvaluta l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    –    Il-valutazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għandha tqis it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern u r-Rapport dwar il-Governanza tas-Suq Uniku.

    –    Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti kollha meqjusa bħala meħtieġa sabiex jiġi vvalutat il-progress li jkun sar.

    –    It-tressiq u l-evalwazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għandhom jitqiesu bħala azzjonijiet koordinati li jagħmlu parti, fi ħdan qafas integrat, ta’ ċiklu annwali għall-identifikazzjoni tal-prijoritajiet politiċi għat-tlestija sħiħa tas-Suq Uniku, filwaqt li titqies id-dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali.

    Rakkomandazzjoni 6: Tiġi prevista l-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet distinti speċifiċi għall-pajjiż u relatati mas-Suq Uniku

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha titressaq għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

    –    Abbażi tal-valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u bl-użu ta' għodda oħra relevanti tas-Suq Uniku, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jifformula, kif xieraq, u abbażi tal-prijoritajiet politiċi għal azzjoni fl-oqsma meqjusa bħala ewlenin, rakkomandazzjonijiet relatati mas-Suq Uniku lill-Istati Membri bil-għan li jittejbu t-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku.

    –    Meta jindirizza r-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri, il-Kunsill għandu jagħmel użu sħiħ mill-istrumenti previsti fit-TFUE.

    –    Fejn issir rakkomandazzjoni relatata mas-Suq Uniku, il-Kumitat relevanti tal-Parlament Ewropew għandu jkollu l-possibbiltà li jistieden rappreżentanti tal-Istat Membru kkonċernat biex jipparteċipaw fi skambju tal-opinjonijiet, u rappreżentanti tal-Kummissjoni għandu jkollhom il-possibbiltà li jiġu mistiedna biex jiskambjaw l-opinjonijiet tagħhom mal-parlament ta’ dak l-Istat Membru.

    Rakkomandazzjoni 7: Jiġi definit pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha titressaq għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

    –    Sabiex jiġi żgurat li s-Suq Uniku jwassal riżultati konkreti għaċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-ħaddiema u n-negozji, iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew għandu jintuża bħala pjattaforma għall-gwida politika, ir-rappurtar, il-monitoraġġ tal-progress li jkun sar mill-Istati Membri u l-Unjoni fl-ilħuq tal-objettivi tas-Suq Uniku u d-definizzjoni ta’ azzjoni ta' rimedju.

    –    Għandu jiġi definit pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew.

    –    Il-pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew għandu jinkludi.

    (a)    It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern, inklużi rapporti ddettaljati speċifiċi għall-pajjiż fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku;

    (b)    L-arranġamenti ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku, kif iċċarati mill-Istati Membri, b’referenza partikolari għall-oqsma ewlenin u għall-prijoritajiet politiċi identifikati fuq bażi annwali;

    (c)    Il-proposti mill-Kummissjoni għal prijoritajiet politiċi għas-sena li ġejja, fl-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, ippreżentati fi ħdan l-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali u r-rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku. Ir-rapport annwali għandu jipprovdi wkoll valutazzjoni ta’ kif is-Suq Uniku jiffunzjona fil-prattika. Dawk il-proposti dwar prijoritajiet politiċi għandhom jiġu bbażati fuq is-sejbiet tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern u strumenti oħra ta’ monitoraġġ tas-Suq Uniku, sabiex tiġi evitata sovrappożizzjoni u jiġu prodotti rakkomandazzjonijiet effiċjenti u ċari u tiġi żgurata l-koerenza tal-politika ekonomika Ewropea;

    (d)    Il-formulazzjoni ta’ prijoritajiet politiċi biex tittieħed azzjoni u jintlaħqu l-miri biex jingħelbu l-ostakoli li jibqgħu fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali fil-forma ta’ linji gwida tas-Suq Uniku;

    (e)    Is-sottomissjoni mill-Istati Membri ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali bl-għan tal-implimentazzjoni tal-linji gwida tas-Suq Uniku;

    (f)     Il-valutazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali mill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Suq Intern, u filwaqt illi jitqiesu t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern u r-Rapport Annwali dwar il-Governanza tas-Suq Uniku;

    (g)    L-adozzjoni mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew ta’ rakkomandazzjonijiet distinti relatati mas-Suq Uniku lill-Istati Membri, abbazi ta’ proposta mill-Kummissjoni.

    Rakkomandazzjoni 8: Tigi mizjuda l-kontabilità demokratika u r-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-Parlamenti nazzjonali

    Il-Parlament Ewropew iqis li l-proposta leġiżlattiva li għandha titressaq għandu jkollha l-għan li tirregola kif ġej:

    –    Il-Parlament Ewropew għandu jkun involut fl-istabbiliment tal-qafas ta' governanza tas-Suq Uniku skont it-Trattati. Għandu jiġi involut ukoll, u mill-inqas kkonsultat mill-Kunsill, fl-adozzjoni ta' miżuri oħra meħtieġa biex tissaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku, anke fir-rigward ta' objettivi, prijoritajiet u azzjonijiet ta' politika ppjanati tal-Unjoni.

    –    Qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, il-Parlament Ewropew għandu jiddiskuti l-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali u jivvota dwar l-emendi relatati mar-rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku li jrid jiġi sottomess lill-Kunsill Ewropew.

    –    Il-President tal-Parlament Ewropew għandu, fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, jippreżenta l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku.

    –    Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu preżenti f’laqgħat interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali meta tiġi diskussa l-integrazzjoni tas-Suq Uniku.

    NOTA SPJEGATTIVA

    Introduzzjoni

    Filwaqt illi bdiet bħala kriżi finanzjarja fl-2007/2008, ir-riċessjoni ekonomika globali annwali qed ikollha riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali enormi fuq ċittadini u negozji tal-UE li probabbilment u fortunatament ma kinux magħrufa minn ħafna, jekk mhux il-maġġoranza, minna. Din il-kriżi żvelat aktar il-ġestjoni ħażina qawwija ta’ dejn sovran fl-Unjoni, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro, li l-ispejjeż tagħha issa jridu jinġarru minn ċittadini u negozji. Filwaqt illi akkużi reċiproċi bejn l-industriji, l-Istati Membri u atturi individwali jibqgħu parti mid-dibattitu ta’ kuljum, il-ħtieġa għal koordinazzjoni ekonomika u governanza aktar qawwija fil-livell tal-UE ġiet identifikata u mħaddma mal-hekk imsejjaħ ‘Semestru Ewropew’ fl-2011.

    Bħala parti minn dawn l-isforzi tal-irkupru, is-Suq Uniku għandu rwol importanti ħafna għal ċittadini u negozji: Rikonoxxut bħala l-forza prinċipali għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi, għandu jipprovdi l-bażi għar-restawr tal-kompetittività u l-istimulu tat-tkabbir sostenibbli f’konformità mal-istrateġija Ewropa 2020.

    Quddiem acquis diġà mimli ta’ dispożizzjonijiet tas-Suq Uniku, l-implimentazzjoni u l-infurzar kif suppost ta’ dawn ir-regoli jsiru dejjem aktar importanti sabiex jikkontribbwixxu b’mod effettiv għall-irkupru ekonomiku. Minkejja dan, l-istatistiċi dwar id-defiċit fit-traspożizzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tar-regoli tas-Suq Uniku kif ukoll in-numru li dejjem jikber ta’ proċeduri ta’ ksur iqajmu preokkupazzjonijiet serji u juru biċ-ċar li għadna m’aħniex qegħdin ingawdu l-benefiċċji potenzjali ta’ Suq Uniku kkompletat.

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ‘Governanza Aħjar tas-Suq Uniku’

    F’dan l-isfond, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar il-governanza tas-Suq Uniku (COM(2012)259 finali), fejn tipproponi approċċ doppju sabiex jittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku. Minn naħa waħda, huwa prevvist progress mgħaġġel f’oqsma ewlenin. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jittejjeb ‘iċ-ċiklu ta’ governanza’ billi jitqiesu d-disinn, l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku.

    L-opinjoni tar-Rapporteur

    Ir-Rapporteur tiegħek jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-proposti u l-valutazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni. Irrispettivament minn dan, ir-Rapporteur tiegħek huwa tal-opinjoni li dawn il-miżuri la huma suffiċjenti u lanqas estensivi biżżejjed biex jimxu b’mod effettiv lejn it-tlestija tas-Suq Uniku. Għalhekk jikkonkludi li, abbażi tal-osservazzjonijiet u s-sejħiet għall-azzjoni kif deskritt hawn taħt, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tippreżenta proposta għal att li jippermettilha li tindirizza n-nuqqasijiet eżistenti fil-governanza tas-Suq Uniku.

    1. Legiżlazzjoni: Evalwazzjoni aħjar tal-impatti

    Meta jitqies l-approċċ frammentat kemm fl-istadju preparatorju ta’ atti leġiżlattivi ġodda possibbli u l-implimentazzjoni aktar tard fil-passat, huwa neċessarju li jiġu koordinati u vvalutati l-impatt u n-neċessità ta’ strumenti ġodda tas-Suq Uniku.

    Għal dawn ir-raġunijiet, huwa propost li:

    · Tissaħħaħ il-koordinazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni, tiġi evalwata aħjar il-ħtieġa għal strumenti ġodda u għaldaqstant tittejjeb il-koerenza qabel ma jiġi propost att leġiżlattiv.

    · Jintgħażlu regolamenti minflok direttivi, kull fejn xieraq

    · Jiġi introdott ‘Test tas-Suq Uniku’ biex jitkejjel l-impatt ta’ leġiżlazzjoni ġdida fuq livell nazzjonali fis-Suq Uniku

    · Titqies l-estensjoni tal-ambitu tad-Direttiva 98/34/KE (‘Id-Direttiva dwar in-Notifika’) għal setturi oħra.

    2. Traspożizzjoni u implimentazzjoni: Lejn trasparenza u koerenza

    Filwaqt illi t-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE fil-liġi nazzjonali tista’ tiġi perċepita bħala sempliċi teknika legali tal-Istati Membri, hemm potenzjal konsiderevoli sabiex tittejjeb il-governanza tas-Suq Uniku anke f’dak l-istadju.

    It-traspożizzjoni tal-miżuri kollha relatati ma’ att leġiżlattiv tal-Unjoni f'daqqa u b’mod konġunt tirrendi t-traspożizzjoni aktar trasparenti u koerenti billi jiġi rifless il-ftehim li ntlaħaq fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, filwaqt illi diġà hemm strument li jqabbel id-dispożizzjonijiet tad-direttivi adottati fil-livell tal-Unjoni mad-dispożizzjonijiet korrispondenti fil-livell nazzjonali, jiġifieri l-hekk imsejħa ‘tabelli ta’ korrelazzjoni’, il-valur miżjud tiegħu f’termini ta’ trasparenza ma tantx għadu ġie sfruttat. Fl-ispirtu ta’ tfassil tal-liġijiet aħjar kif stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni (2003/C 321/01) jaqbel għalhekk li jitfasslu dawn it-tabelli ta’ korrelazzjoni aktar ta’ spiss u jiġu żvelati diskrepanzi bejn il-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali b’mod aktar rapidu.

    3. Il-monitoraġġ u l-infurzar Il-parteċipanti ewlenin ikunu jistgħu jagħmlu użu ta’ strumenti eżistenti

    Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u għaldaqstant id-dispożizzjonijiet tas-Suq Uniku huwa stabbilit fit-Trattati u attribwit lill-Kummissjoni. Dan huwa rifless b’mod komuni fi proċeduri ta’ ksur. Madankollu, il-monitoraġġ għandu jiġi mifhum bħala katina altar kumplessa u fuq ħafna livelli ta’ azzjoni fejn il-proċedura tal-ksur tirrappreżenta biss l-aħħar stadju. Minħabba fin-natura tal-proċeduri tal-ksur li jieħdu ż-żmien u s-sensittività tal-każijiet tal-qorti, għandhom jintuażaw faċilitaturi addizzjonali għall-applikazzjoni u finalment tal-infurzar.

    Dan iwassal għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

    · Bħal f’oqsma oħra, il-governanza tas-Suq Uniku se jibbenefika minn skambju intensifikat u mtejjeb ta’ esperjenza u l-aħjar prattika bejn il-ħaddiema taċ-ċivil fil-livell tal-Unjoni u tal-Istat Membru.

    · Lil hinn minn valutazzjonijiet li huma sempliċementi ta’ statistika, hemm il-ħtieġa għal evalwazzjoni kwalitattiva tal-implimentazzjoni li tippermetti li jiġu kkunsidrati liema miżuri għandhom impatt partikolari u rilevanza ekonomika għas-Suq Uniku.

    · Huwa pertinenti li ssir distinzjoni bejn in-nuqqas ta’ traspożizzjoni u n-nuqqas ta’ konformità mal-liġi tal-Unjoni fejn din tal-aħħar, f’każ ta’ fehim differenti tal-att leġiżlattiv sottostanti, tista’ tiġi ċċarata finalment mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea biss.

    · Filwaqt illi l-proċeduri tal-ksur jieħdu ħafna żmien u għandhom jittejbu aktar, sadattant, strumenti bħal ‘EU Sweeps’[1] u l-‘EU Pilot’[2] jippermettu li tiġi skoperta konformità fqira u jwasslu tweġibiet għal każijiet possibbli ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni jew nuqqas ta’ konformità aktar malajr.

    4. Oqsma prinċipali: Id-determinazzjoni ta’ prijoritajiet

    Quddiem numru kbir ta’ dispożizzjonijiet tas-Suq Uniku, huwa ovvju li mhux kollha jġorru l-istess rilevanza u għandhom l-istess impatt fuq iċ-ċittadini u n-negozji. Filwaqt illi fi stat ideali, dawk id-dispożizzjonijiet kollha ġew implimentati u mmonitorjati għal grad ugwali, sabiex jinkiseb titjib tanġibbli għas-Suq Uniku, huwa meħtieġ li jiġu magħżula oqsma ewlenin għall-azzjonijiet. Huwa għalhekk issuġġerit li wieħed iħares b’mod partikolari lejn ir-rilevanza ekonomika u l-potenzjal tat-tkabbir tal-oqsma u l-istrumenti speċifiċi. Filwaqt illi numru ta’ oqsma u strumenti ewlenin kif propost mill-Kummissjoni għandhom jiġu llimitati aktar, reviżjoni annwali ta’ dawk il-prijoritajiet tippermetti li tiġi riflessa l-importanza attwali ta’ dawk l-oqsma u li twieġeb għall-iżviluppi riċenti u l-impatt tagħhom fuq is-Suq Uniku.

    Konklużjoni

    Wara dawn il-konsiderazzjonijiet, ir-Rapporteur tiegħek huwa tal-opinjoni li sabiex jinkiseb titjib tanġibbli, hija meħtieġa governanza aktar ċara u aktar strinġenti għas-Suq Uniku. Għal dan l-għan, huwa pertinenti li jiġi stabbilit qafas trasparenti u prevedibbli fejn ir-riżultati negattivi u pożittivi possibbli tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni jiġu riflessi b’mod adegwat u regolarment. Tali ċiklu tal-governanza tas-Suq Uniku għandu jitqies fid-dawl tas-Semestru Ewropew fejn aspetti mhux biss ekonomiċi u baġitarji iżda anke tal-impjieg diġà ġew osservati. Minħabba l-importanza ekonomika tas-Suq Uniku, valutazzjoni regolari tal-istati tiegħu tirrappreżenta valur miżjud għal dawk l-evalwazzjonijiet u tgħaqqad l-istampa.

    Lil hinn minn dan, ir-Rapporteur tiegħek jikkunsidra li tali ċiklu ta’ governanza tas-Suq Uniku għandu jemula ċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew jew jiġi integrat f’dan is-Semestru. Dan jippermetti li jiġi stabbilit eżerċizzju regolari li jevalwa t-tlestija tas-Suq Uniku u l-indirizzar ta’ defiċits speċifiċi fl-Istat Membru kkonċernat, fejn meħtieġ permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

    Għal dan l-għan, ir-Rapporteur tiegħek jitlob proposta għal att ibbażat fuq l-Artikolu 26 III TFUE. Din id-dispożizzjoni tat-Trattat tipprevedi l-istabbiliment ta’ linji gwida u kondizzjonijiet meħtieġa biex jiġi żgurat progress ibbilanċjat fis-setturi kollha kkonċernati mir-regoli tas-Suq Uniku. Il-proposta mitluba għandha timmira sabiex jiġi stabbilit il-qafas meħtieġ li jippermetti d-determinazzjoni tal-oqsma ta’ prijorità, il-prinċipji ta’ tfassil tal-liġijiet aħjar fl-Istati Membri, tipprovdi miżuri ta’ appoġġ fl-Istati Membri, titlob pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali. Fl-aħħarnett dan għandu jirriżulta f’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

    F’dan id-dawl, is-Semestru Ewropew għandu jservi bħala pjattaforma u ċiklu għall-provvista tal-linja gwida tal-politika msemmija hawn fuq. Għal dan l-għan, huwa ssuġġerit li jinħoloq pilastru tas-Suq Uniku maġenb l-aspetti ekonomiċi u baġitarji.

    Barra minn hekk, ir-Rapporteur jipproponi li tiżdied il-kontabilità demokratika u r-rwol tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali.

    B’dawn il-miżuri proposti flimkien ma’ tmexxija b’saħħitha tal-instituzzjonijiet Ewropej kollha u sjieda politika ċara min-naħa tal-Istati Membri, ir-Rapporteur tiegħek jemmen li governanza aktar b’saħħitha tas-Suq Uniku se tikkontribbwixxi sabiex jitneħħew il-bqija tar-restrizzjonijiet u l-atturi kollha jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji tal-erba’ libertajiet.

    17.1.2013

    OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

    għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

    dwar Il-Governanza tas-Suq Uniku

    (2012/2260(INI))

    Rapporteur għal opinjoni: Anthea McIntyre

    (Inizjattiva – Artikolu 42 tar-Regoli ta’ Proċedura)

    SUĠĠERIMENTI

    Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli:

    - biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

    1.  Jinnota li s-Suq Uniku jista' jkollu rwol essenzjali fil-kisba tal-objettivi tal-impjiegi tal-istrateġija UE 2020 għaż-żieda tal-impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli; is-Suq Uniku għandu jitlesta bl-ikbar determinazzjoni u kemm jista’ jkun malajr; is-Suq Uniku mhuwiex għan fih innifsu iżda huwa mezz biex jinkiseb progress soċjali;

    2.  Jikkunsidra li d-djalogu mas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili huwa essenzjali biex tinġieb lura l-fiduċja fis-Suq Uniku; jinnota li s-Suq Uniku għandu jagħti prijorità lid-drittijiet tal-partijiet interessati kollha, mhux biss fil-funzjoni tagħhom bħala konsumaturi jew negozji, iżda wkoll bħala ċittadini u ħaddiema; importanti li jkun hemm involviment intensifikat u iktar bikri tas-sħab soċjali u tal-partijiet interessati kollha fit-tfassil, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-miżuri meħtieġa biex tingħata spinta lit-tkabbir u d-drittijiet tal-ħaddiema fis-Suq Uniku;

    3.  Jinnota li sabiex tinkiseb il-mira tal-istrateġija UE 2020 għaż-żieda fl-impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli, importanti li s-Suq Uniku jissaħħaħ, inter alia, billi jinżamm il-bilanċ xieraq bejn il-prijoritajiet politiċi u l-benesseri soċjali;

    4.  Jenfasizza li l-forniment effikaċi ta' servizzi hu kruċjali għall-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir tal-ġejjieni; jiddispjaċih fir-rigward tal-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-SMEs hija mgħobbija żżejjed; is-Suq Uniku għandu rwol fil-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi sabiex tinkiseb ekonomija tas-suq kompetittiva ħafna;

    5.  Jiddispjaċih li ċ-ċittadini Ewropej għadhom ma bbenefikawx bis-sħiħ mill-potenzjal tas-Suq Uniku f’ħafna oqsma; jinnota għalhekk li l-opportunitajiet li joffri s-Suq Uniku għandhom jintużaw biex tingħata ħajja ġdida lill-ekonomiji tal-Unjoni permezz tal-ftuħ ulterjuri tal-fruntieri għal prodotti u servizzi, filwaqt li jitħeġġeġ moviment liberu ikbar tal-persuni u l-ħaddiema, tingħata għażla ikbar, jinfetħu opportunitajiet ġodda ta' negozji għall-kumpaniji, u finalment jinħolqu l-impjiegi u jintlaħqu klijenti ġodda, b’mod partikolari l-persuni b’diżabilità, bi prodotti u servizzi iktar aċċessibbli; l-SMEs bl-ikbar potenzjal disponibbli għandom jiġu appoġġati permezz tal-applikazzjoni rigoruża tat-test tal-SME matul l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni;

    6.  Jenfasizza li s-Suq Uniku jista’ jkollu rwol importanti fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali fl-Unjoni, filwaqt li jħeġġeġ aktar skambji tal-aħjar prattiki; jinnota li l-qafas tal-governanza ekonomika għandu jkun ibbażat fuq sett ta’politiki interkonnessi u reċiprokament konsistenti li jistimulaw it-tkabbir u l-impjiegi, u l-iżvilupp sħiħ tas-suq intern huwa prerekwiżit sabiex dan iseħħ; jitlob miżuri biex jiġu appoġġati l-kooperattivi u l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju;

    7.  Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs: L-adattament tar-regolamentazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet tal-intrapriżi mikro” (COM(2011)0803) u jappoġġa l-iffokar fuq l-intrapriżi mikro; jinnota li d-dispożizzjonijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza għall-impjegati m’għandhomx jitqiesu bħala piżijiet regolatorji u li f’ċerti oqsma r-rekwiżiti m’għandhomx ikunu l-istess għal kull daqs ta’ kumpanija; jemmen għalhekk li leġiżlazzjoni mfassla skont it-tipi differenti ta’ SMEs tiffaċilita wkoll l-aċċess tagħhom għas-swieq Ewropej u dawk Internazzjonali;

    8.  Jirrikonoxxi, fil-kuntest tas-Suq Uniku, ir-rwol siewi ta' punti uniċi ta' servizz, inklużi dawk elettroniċi u fiżiċi, fit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż ta' tranżazzjoni, fit-titjib tal-effiċjenza, tal-ftuħ tas-suq, tat-trasparenza u l-kompetizzjoni, li jirriżulta f'inqas infiq pubbliku u f'aktar opportunitajiet għan-negozji inklużi l-SMEs u l-intrapriżi mikro biex jaċċessaw is-swieq u jżommu u joħolqu impjiegi ġodda;

    9.  Jemmen li s-suq uniku diġitali waħdu jista' jkollu impatt simili għal dak tal-programm tas-suq uniku tal-1992; jinkoraġġixxi l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali sabiex ikunu massimizzati l-opportunitajiet tal-impjiegi u tan-negozji;

    10. Jinnota li s-swieq tas-servizzi Ewropej għadhom frammentati; jitlob miżuri biex tiżdied il-mobilità fl-Unjoni kollha billi l-proċeduri għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali jiġu ssimplifikati u mħaffa bit-tisħiħ tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern; jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha raġun tinnota li l-mobilità tax-xogħol madwar l-Unjoni għadha baxxa wisq u jinħtieġu miżuri iktar effikaċi sabiex jitneħħew dawn l-ostakli amministrattivi kollha;

    11. Jikkunsidra li għandu jkun hemm servizz tal-ewwel għajnuna, b’aċċess faċli u tal-aħjar kwalità fil-livell nazzjonali li n-negozji u ċ-ċittadini, inklużi l-klijenti b’diżabilità, jistgħu jirrikorru għalih meta jiltaqgħu ma’ problemi x'ħin jipprovaw jużaw id-drittijiet u l-opportunitajiet li joffrilhom is-Suq Uniku. Tali servizzi ta’ għajnuna jistgħu jinbnew anki permezz tal-iżvilupp ulterjuri taċ-ċentri SOLVIT eżistenti;

    12. Jistieden lill-Istat Membri jagħmlu użu iktar intelliġenti mill-għodda tal-IT biex jinfurmaw lin-negozji u ċ-ċittadini u jippermettulhom jużaw id-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom, u jenfasizza li l-aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità hija ta’ importanza assoluta sabiex ikunu jafu d-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom f’formati aċċessibbli;

    13. Jinsisti dwar il-konverġenza soċjali u fiskali bħala fattur ta’ integrazzjoni fis-Suq Uniku; jistieden lill-Istati Membri li għandhom bejn wieħed u ieħor l-istess PDG jħaffu l-proċess ta’ konverġenza permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa;

    14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kontrolli effikaċi biex jiġi evitat id-dumping soċjali u tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-ftehimiet kollettivi;

    15. Jinnota li l-Istandards Soċjali Ewropej huma kkunsidrati valur miżjud għall-Unjoni u għandhom rwol integrali fil-funzjonament tas-Suq Intern;

    16. Jenfasizza li fir-rigward tal-analiżi ta’ setturi ta’ servizzi ewlenin fil-funzjonament tas-suq uniku b'mod partikolari l-kummerċ, is-servizzi tan-negozji u t-trasport fir-rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Intern, għandha tingħata iżjed attenzjoni fir-rigward tal-persuni b’diżabilità li jaffaċċaw ostakli fl-ambjenti mibnija u fis-servizzi mhux imfassla għal kulħadd;

    17. Jikkunsidra li għall-aħjar funzjonament tas-Suq Uniku hu essenzjali li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi u li l-Istati Membri għandhom jittransponu l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni b'mod ugwali, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tuża s-setgħat ta' infurzar tagħha kontra t-trasgressuri b'mod konsistenti u mingħajr favoritiżmu;

    18. Jitlob impenn ikbar biex l-aġenda dwar regolamentazzjoni intelliġenti tipprogressa fis-sentejn li jmiss partikolarment f'dawk is-setturi relatati mat-tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv;

    19. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi n-netwerk Ewropew ta’ entitajiet nazzjonali propost fil-komunikazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni, billi jingħata mandat ġdid lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Suq Intern biex jagħti ħarsa lejn il-kwistjonijiet ta’ governanza u integrazzjoni tas-Suq Uniku b’attenzjoni speċjali fir-rigward tal-aċċessibilità b’konformità mal-Konvenzjoni ratifikata tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità;

    20. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-ikkompletar tas-Suq Uniku billi tiżgura l-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha.

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    14.1.2013

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    24

    7

    14

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Regina Bastos, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Philippe Boulland, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Minodora Cliveti, Emer Costello, Frédéric Daerden, Karima Delli, Sari Essayah, Thomas Händel, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Veronica Lope Fontagné, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu, Andrea Zanoni, Inês Cristina Zuber

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Georges Bach, Malika Benarab-Attou, Edite Estrela, Richard Howitt, Anthea McIntyre, Ria Oomen-Ruijten, Antigoni Papadopoulou, Evelyn Regner, Csaba Sógor

    • [1] .
    • [2] L-‘EU Pilot’ oriġina mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Ewropa li tikseb ir-Rizultati – L-Applikazzjoni tal-Ligi Komunitarja” (COM(2007) 502 finali u ilu jopera mill-2008. Dan jippermetti li ċ-ċittadini u n-negozji joħorġu ilmenti dwar l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni li imbagħad se jiġu eżaminati mill-Kummissjoni u mibgħuta lill-Istat Membru. Bħala proċedura ‘ta’ qabel il-ksur’ l-EU Pilot jippermetti li jiġu solvuti problemi jew nuqqas ta’ qbil fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni f’forma kooperattiva.

    OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (19.12.2012)

    għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

    Il-governanza tas-suq uniku
    (2012/2260(INI))

    Relatur: Oldřich Vlasák

    (Inizjattiva – Artikolu 42 tar-Regoli ta’ Proċedura)

    SUĠĠERIMENTI

    Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

    1. Jemmen li governanza tajba tas-Suq Uniku tipprovdi opportunitajiet enormi ta' kummerċ, investiment u organizzazzjoni tal-forza tax-xogħol u tista' ttejjeb b'mod sinifikanti l-prospetti għat-tkabbir lokali u reġjonali;

    2. Jemmen li governanza tajba tas-suq intern u aktar żvilupp tar-reġjuni jikkomplementaw lil xulxin u flimkien joħolqu Ewropa b'saħħitha kkaratterizzata mill-koeżjoni u l-kompetittività;

    3. Jirrimarka li l-atturi lokali u reġjonali jwettqu bosta dmirijiet li huma previsti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-Suq Uniku speċjalment fil-qasam tal-akkwist pubbliku, l-għajnuna statali, is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u l-konċessjonijiet;

    4. Jemmen li l-governanza effettiva tas-suq uniku trid tikkunsidra b'mod ugwali l-interessi tal-partijiet interessati reġjonali kollha, u li dan huwa l-uniku mod biex jiġi żgurat li s-suq intern se jopera bl-aħjar mod u li l-konsumaturi se juru aktar fiduċja fil-korpi li jirregolawh;

    5. Jenfasizza li l-prinċipju tal-awtogovernanza lokali u reġjonali, espliċitament rikonoxxut fit-Trattat ta' Lisbona, kif ukoll il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, iridu jiġu kkunsidrati kif xieraq fis-Suq Uniku;

    6. Jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet ġeneriċi tagħhom fl-Istati Membri kollha għandhom ikunu kapaċi jagħmlu suġġerimenti dwar x’ikun l-aħjar mod biex jirnexxi t-twettiq sħiħ tas-Suq Uniku;

    7. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni, minbarra l-proċeduri ta' konsultazzjoni u t-trawwim ta' djalogu mal-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom jinfurzaw il-leġiżlazzjoni tal-UE, twettaq valutazzjonijiet profondi tal-impatt territorjali, ibbażati fuq karatteristiċi lokali u reġjonali speċifiċi, fejn jiġu spjegati argumenti konvinċenti għall-bżonn ta' regolament dwar is-Suq Uniku qabel ma jiġu adottati xi proposti leġiżlattivi;

    8. Jirrimarka li servizzi ta' interess ġenerali li jkunu ta’ kwalità għolja u aċċessibbli huma kruċjali għall-komunitajiet lokali u reġjonali u li l-provvediment ta' servizzi pubbliċi lokali u reġjonali huwa importanti għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u għalhekk għandu jittieħed kont sħiħ tal-potenzjal u l-interessi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ulterjuri tas-Suq Uniku;

    9. Jemmen li l-forniment ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja għal persuni li joqogħdu f'kull reġjun fl-Unjoni Ewropea huwa prerekwiżit assolut għal suq uniku dinamiku u b’saħħtu;

    10. Jenfasizza l-bżonn li l-governanza tas-Suq Uniku tkun marbuta mal-politika ta' koeżjoni u mal-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk tal-Istrateġija UE-2020; jipproponi li jiġu stabbiliti patti territorjali fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffukaw l-attivitajiet u l-finanzjamenti tagħhom fuq it-tisħiħ tas-Suq Uniku bi qbil mal-Istrateġija UE-2020 u mal-inizjattivi ewlenin;

    11. Jemmen li l-politika ta' koeżjoni tista' tiżgura konverġenza iktar mgħaġġla permezz tal-integrazzjoni u konnettività ikbar fis-Suq Uniku; biex dan iseħħ, il-politika għandha tibqa' tiffoka fuq l-indirizzar tan-nuqqasijiet tas-suq biex tiżgura li r-reġjuni jagħmlu użu sħiħ tal-potenzjal tagħhom għall-iżvilupp, u fuq il-konsolidazzjoni tal-kooperazzjoni territorjali fil-livell transkonfinali fil-kuntest tal-integrazzjoni ekonomika Ewropea;

    12. Iqis li forom ta’ kundizzjonalità fil-Fondi Strutturali b'rabta mat-traspożizzjoni tad-direttivi dwar is-Suq Uniku fl-Istati Membri għadhom qed jiġu nnegozjati fil-proċess leġiżlattiv għall-adozzjoni tar-regolamenti l-ġodda, iżda jemmen li dawn il-miżuri għandhom jintużaw biss meta jkun falla kull tentattiv ieħor, u jemmen li l-użu tal-piż rappreżentat mill-appoġġ finanzjarju tal-UE biex jingħataw inċentivi għat-traspożizzjoni f'waqtha tar-regoli tas-Suq Uniku għandu jkun ibbilanċjat kif xieraq;

    13. Jenfasizza li b’mod partikolari l-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea hija bbażata fuq kunċetti simili bħas-Suq Uniku billi tippromwovi interazzjonijiet transkonfinali u tibbenefika b’mod reċiproku minn infrastrutturi, investimenti u swieq reġjonali u lokali;

    14. Iqis li r-rata ta’ żbalji fil-Politika ta’ Koeżjoni hija l-aktar minħabba politiki tas-Suq Uniku bħall-akwist pubbliku, u jenfasizza li implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku hija prekundizzjoni importanti biex jitnaqqsu dawn ir-rati ta’ żbalji.

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    18.12.2012

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    31

    2

    1

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Charalampos Angourakis, Victor Boştinaru, John Bufton, Nikos Chrysogelos, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva Kekuš, Constanze Angela Krehl, Jacek Olgierd Kurski, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Vladimír Maňka, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Younous Omarjee, Markus Pieper, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Ivars Godmanis, Lena Kolarska-Bobińska, Maurice Ponga, Elisabeth Schroedter

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Olle Ludvigsson

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    23.1.2013

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    34

    1

    2

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Preslav Borissov, Cristian Silviu Buşoi, Jorgo Chatzimarkakis, Sergio Gaetano Cofferati, Birgit Collin-Langen, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Philippe Juvin, Toine Manders, Sirpa Pietikäinen, Mitro Repo, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Raffaele Baldassarre, Cornelis de Jong, Anna Hedh, Constance Le Grip, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Konstantinos Poupakis, Sabine Verheyen

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Elisa Ferreira, Dolores García-Hierro Caraballo, Angelika Niebler, Phil Prendergast, Kyriacos Triantaphyllides, Patricia van der Kammen