RAPPORT dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2014, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
29.1.2013 - (2013/2003(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Monika Hohlmeier
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2014, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej[2],
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati[3],
– wara li kkunsidra t-Titolu II, Kapitolu 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0020/2013),
A. billi l-ftehim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) l-ġdid għall-perjodu 2014-2020 għadu ma ntlaħaqx u, għalhekk, il-limitu massimu għall-Intestatura 5 għall-baġit tal-UE fl-2014 għadu ma ġiex stabbilit, filwaqt li l-limitu massimu għall-Intestatura 5 fl-2013 huwa EUR 9 181 miljun fi prezzijiet kurrenti[4] u, jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar il-QFP li jmiss fil-ħin, dan il-limitu massimu, wara l-aġġustament tekniku annwali[5], jiġi estiż għall-2014;
B. billi, f'kuntest ta' piż kbir ta' dejn pubbliku u ta' trażżin fi żminijiet ta' sforzi kontinwi ta' konsolidazzjoni baġitarja nazzjonali, il-Parlament Ewropew, u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, għandhom ikomplu jeżerċitaw livell għoli ta' responsabbiltà, kontroll u awtotrażżin fil-qasam baġitarju;
C. billi l-funzjonament mingħajr xkiel tal-Parlament għandu jkun prinċipju gwida ugwalment importanti;
D. billi ċerti investimenti jista' jkollhom impatt sostenibbli fuq il-baġit istituzzjonali u għalhekk għandhom jitqiesu minkejja l-marġnijiet stretti għal manuvrar;
E. billi, f'dan l-istadju tal-proċedura annwali, il-Parlament qed jistenna l-estimi tal-istituzzjonijiet l-oħra u l-proposti tal-Bureau tiegħu stess għall-baġit 2014;
F. billi wieħed se jkollu jżomm quddiem għajnejh l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' darba tal-elezzjonijiet Ewropej f'nofs l-2014;
Qafas ġenerali u prijoritajiet għall-baġit 2014
1. Isostni li l-istituzzjonijiet għandhom ikomplu jillimitaw jew jiffriżaw il-baġits amministrattivi tagħhom f'solidarjetà mal-kundizzjonijiet ekonomiċi u baġitarji diffiċli fl-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għall-kwalità tal-attivitajiet istituzzjonali ewlenin, ir-rispett għall-obbligi legali u l-ħtieġa ta' investiment fl-iżvilupp;
2. Jemmen li l-approprjazzjonijiet għall-2014 għandhom ikunu bbażati fuq analiżi bir-reqqa tal-eżitu tal-approprjazzjonijiet fl-2012 u fl-2013, bl-għan li jsir iffrankar fuq linji fejn qamu problemi fl-implimentazzjoni; iqis li jistgħu jsiru ffrankar u effiċjenzi reali permezz tal-identifikazzjoni tas-sovrappożizzjonijiet u l-ineffiċjenzi fil-linji baġitarji;
3. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet isaħħu l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom biex jikkondividu l-aħjar prattiki fejn ikun possibbli u ġustifikat u jidentifikaw iffrankar permezz tal-akkomunament u l-kondiviżjoni tar-riżorsi umani u tekniċi, pereżempju fis-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, it-traduzzjoni, l-interpretazzjoni u s-servizzi tat-trasport u, possibbilment, oqsma oħra;
Il-Parlament
4. Jenfasizza l-fatt li t-trażżin istituzzjonali, meta jitqies il-livell tar-rati ta' inflazzjoni rilevanti, wassal għal tnaqqis fil-baġit tal-PE f'termini reali; ifakkar li dan kien possibbli permezz ta' ppjanar u kontroll baġitarju strett, l-impenn qawwi tal-kumitat responsabbli tiegħu u r-riorganizzazzjoni tax-xogħol, notevolment tnaqqis f'linji baġitarji relatati mal-ivvjaġġar, tnaqqis fit-tul u fin-numru tal-missjonijiet, użu akbar tal-vidjokonferenzi u servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni ottimizzati; ifakkar li r-riformi strutturali li diġà kien hemm qbil dwarhom, li wħud minnhom ilhom japplikaw mill-2011, huma stmati li jippermettu ffrankar annwali ta' madwar EUR 29 miljun – bi ffrankar ulterjuri ta' EUR 10 miljun fir-rata tal-imgħax prevista fuq il-finanzjament tal-proprjetà immobbli fis-snin li ġejjin, ħaġa li saret possibbli minħabba l-pagamenti minn qabel – minkejja l-bżonn li tiġi assorbita ż-żieda tal-kompetenzi u l-ispejjeż addizzjonali ta' 18-il Membru ieħor li jirriżultaw mid-dħul fis-seħħ tat-Trattt ta' Lisbona u t-tħejjija għall-adeżjoni tal-Kroazja;
5. Ifakkar li sinjali viżibbli ta' awtotrażżin huma l-iffriżar tal-allowances kollha tal-Membri fil-livell tal-2011 sal-aħħar tal-mandat parlamentari attwali u l-fatt li l-allowances tal-persunal għall-missjonijiet ma ġewx indiċizzati mill-2007 'l hawn;
6. Jinkoraġġixxi t-tkomplija tar-riformi strutturali u organizzattivi li għandhom l-għan li jiksbu effiċjenzi akbar mingħajr ma jipperikolaw l-eċċellenza leġiżlattiva u l-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol; jappoġġa innovazzjoni organizzattiva biex jittejbu l-effikaċja tal-Parlament u l-kwalità tas-servizzi u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Membri, inklużi, iżda mhux biss, strutturar aktar effiċjenti tar-ritmu ta' ħidma tal-Parlament, servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni skont id-domanda (mingħajr ma jiġi pperikolat il-prinċipju tal-multilingwiżmu), soluzzjonijiet loġistiċi ottimali – inkluża l-loġistika tat-trasport – għall-Membri u għall-assistenti tagħhom, iffrankar fl-ispejjeż tal-catering, assistenza interna mtejba fil-qasam tar-riċerka, u t-tkomplija u l-iżvilupp ulterjuri ta' Parlament mingħajr karti u laqgħat elettroniċi; ifakkar fit-talba għal analiżi tal-ispejjeż, meta mqabbla mal-benefiċċji, tal-laqgħat mingħajr karti, u jistieden lill-amministrazzjoni tippreżentaha lill-Kumitat għall-Baġits sa mhux aktar tard minn nofs l-2013;
7. Jitlob li jiġu implimentati metodi ta' amministrazzjoni razzjonalizzata u effiċjenti fil-Parlament biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u b'hekk l-istituzzjoni tiffranka l-ħin u l-flus;
8. Iqis li l-Grupp ta' Ħidma Konġunt tal-Bureau u tal-Kumitat għall-Baġits dwar il-baġit tal-Parlament jista', abbażi tal-ħidma li beda fl-2012, ikollu rwol utli f'din ir-riforma billi jidentifika ffrankar possibbli u jirrifletti fuq ideat biex tittejjeb l-effiċjenza u jippreżenta dawn l-ideat lill-Kumitat għall-Baġits; jinnota li l-grupp ta' ħidma diġà laħaq fil-parti l-kbira tagħhom l-objettivi stabbiliti għalih fl-aħħar tal-2011, b'mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar; fid-dawl tal-konklużjonijiet preliminari tal-Grupp ibbażati, inter alia, fuq studji kumparattivi tal-baġit tal-Parlament Ewropew mal-baġits tal-Kungress tal-Istati Uniti u kampjun mill-parlamenti tal-Istati Membri, jinkoraġġixxi t-tkomplija tal-ħidma tiegħu u l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni korrispondenti, li għandu jiġi ppreżentat kemm lill-Kumitat għall-Baġits kif ukoll lill-Bureau biex jiġi kkunsidrat matul il-proċess baġitarju tal-Parlament għall-2014; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012[6] fejn esprima l-aspettattiva li dawn l-istudji "[joħolqu] iffrankar fit-tul fil-baġit tal-Parlament u jippreżenta[w] ideat għat-titjib tal-effiċjenza tiegħu fl-2013 u fis-snin ta' wara"; jinnota li l-Parlament Ewropew għandu livell ta' nfiq globali aktar baxx għal kull abitant meta mqabbel ma' parlamenti kumparabbli tal-Istati Membri u mal-Kungress Amerikan; jinnota wkoll li hemm bżonn li jissaħħaħ ir-rwol ta' skrutinju tal-Parlament u li jingħata appoġġ għar-riċerka mmirat aħjar biex ikun jista' jaqdi r-rwol tiegħu fir-rappreżentazzjoni demokratika;
9. Jilqa', b'mod aktar ġenerali, il-kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kumitat għall-Baġits u l-Bureau matul il-proċedura baġitarja annwali; huwa lest li jsaħħaħ aktar il-kooperazzjoni bejn is-Segretarju Ġenerali, il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits tul is-sena kollha bil-ħsieb li jiġu żgurati proċess baġitarju mingħajr intoppi u implimentazzjoni effikaċi tal-baġit; jistenna li l-Bureau jippreżenta abbozz tal-estimi prudenti bbażat fuq il-bżonnijiet, li jikkunsidra l-possibilità ta' żidiet sussegwenti li jirriżultaw mill-obbligi ġuridikament vinkolanti, b'mod partikolari l-ispejjeż ta' darba relatati mal-arranġamenti ta' tranżizzjoni tal-Membri għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2014; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-arranġamenti tranżitorji għall-elezzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew u jippreżenta rendikont dettaljat ta' kif l-ispejjeż żviluppaw s'issa inkwantu dawn jaffettwaw it-tliet postijiet tax-xogħol;
10. Ifakkar fir-riżoluzzjonijiet baġitarji tal-Parlament, inkluża l-aktar riżoluzzjoni riċenti tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012[7], li titlob proċess trasparenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika tal-bini, abbażi ta' informazjoni bikrija, u waqfien fl-akkwisti ġodda sa tmiem il-leġiżlatura attwali; jitlob informazzjoni dwar il-konklużjonijiet tas-Segretarju Ġenerali dwar ix-xogħol ta' rinnovazzjoni u r-rilokazzjoni tal-uffiċċji, u dwar l-iskeda ta' dawn ix-xogħlijiet, inkluża informazzjoni dwar bini intermedju għall-persunal tal-Parlament fis-snin li ġejjin, speċjalment b'rabta mal-problemi strutturali fil-bini Paul-Henri Spaak (PHS) u l-akkwist tal-bini Trebel;
11. Jirrikonoxxi l-isforzi li saru fl-2012 biex jiġi kkomunikat l-istat ta' progress tal-bini KAD lill-Kumitat għall-Baġits, u jitlob li din il-komunikazzjoni tkompli sakemm idum għaddej il-proġett, b'mod partikolari fir-rigward tar-riżultat tas-Sejħa emendata għall-Offerti; jinnota li saru adattamenti u tiċkin ta' 8 000 m2, biex wieħed jibqa' f'livell aktar baxx mill-qafas finanzjarju predeterminat għall-proġett KAD, jew jaderixxi miegħu, skont it-talba tal-Kumitat għall-Baġits; jilqa' bi pjaċir l-iffrankar ta' aktar minn EUR 10 miljun f'pagamenti ta' mgħaxijiet fis-snin li ġejjin – meta mqabbel mal-estimi ta' finanzjament tal-proġett għall-2012 – miksub permezz ta' trasferimenti għal pagamenti bil-quddiem bikrija kemm għall-bini KAD kif ukoll għall-bini Trebel; jemmen li, fil-kuntest tal-maġġoranza li qed tikber fost il-Membri favur arranġamenti ġodda ta' xogħol[8], il-proġetti tal-bini tal-Parlament jeħtieġ li jiġu trattati b'kawtela u li l-kawtela għandha tirbaħ fuq l-ambizzjoni; jinkoraġġixxi t-tkomplija ta' dan id-djalogu siewi, u jitlob li l-informazzjoni mitluba tingħata fil-ħin;
L-istituzzjonijiet l-oħrajn
12. Huwa konxju li l-kuntest u l-eżitu tal-proċeduri baġitarji riċenti ħallew lill-parti l-kbira tal-istituzzjonijiet b'marġni limitat ta' manuvrar meta jitqiesu l-kompiti dejjem jikbru li jiġu fdati lilhom, partikolarment iż-żieda fl-ammont ta' xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ħtiġijiet speċjali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE);
13. Jifhem li s-SEAE huwa istituzzjoni relattivament ġdida, li għadha fil-fażi ta' tkabbir, u li n-netwerk tiegħu ta' missjonijiet jeħtieġ li jissaħħaħ aktar biex jiġu ssodisfati l-prijoritajiet politiċi tal-UE; jinnota li s-SEAE huwa l-unika istituzzjoni li hija esposta għal inflazzjoni f'pajjiżi terzi, għal fluttwazzjonijiet fir-rati tal-kambju u għall-preokkupazzjonijiet partikolari tal-persunal tagħha fir-rigward tas-sigurtà;
14. Iqis kwalunkwe tnaqqis mhux ġustifikat u ġenerali, u kwalunkwe approċċ mhux divrenzjat lejn il-baġits tal-istituzzjonijiet, bħala kontroproduttivi; biħsiebu, minflok, ikompli l-approċċ tiegħu ta' każ b'każ;
15. Jirrepeti l-pożizzjoni tiegħu adottata f'ċikli baġitarji preċedenti li jistenna li l-istituzzjonijiet kollha jkomplu juru sforzi biex jiksbu ffrankar u jżommu livell għoli ta' dixxiplina baġitarja meta jkunu qed ifasslu l-estimi baġitarji tagħhom;
o
o o
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kif ukoll lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
- [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
- [2] ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.
- [3] ĠU C 344, 12.11.2012.
- [4] Il-limitu massimu tal-Intestatura 5 jinkludi l-kontribuzzjoni tal-persunal għall-iskema tal-irtirar.
- [5] Artikolu 24 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba, ĠU C 139, 14.6.2006, p. 3
- [6] Testi adottati, P7_ TA(2012)0359, paragrafu 93.
- [7] Testi adottati, P7_TA(2012)0359.
- [8] Testi adottati, P7_TA(2012)0359.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
23.1.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 2 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marta Andreasen, Zuzana Brzobohatá, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Ingeborg Gräßle, Lucas Hartong, Monika Hohlmeier, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Sergej Kozlík, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, Claudio Morganti, Jan Mulder, Juan Andrés Naranjo Escobar, Nadezhda Neynsky, Dominique Riquet, Alda Sousa, László Surján, Derek Vaughan, Angelika Werthmann |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
François Alfonsi, Edit Herczog, Paul Rübig, Peter Šťastný, Georgios Stavrakakis, Theodor Dumitru Stolojan, Gianluca Susta, Nils Torvalds |
||||