RAPPORT dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013

    29.1.2013 - (2012/2257(INI))

    Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
    Rapporteur: Veronica Lope Fontagné


    Proċedura : 2012/2257(INI)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A7-0024/2013

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013

    (2012/2257(INI))

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

    –   wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 151 u 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

    –   wara li kkunsidra l-Artikoli 145, 148, 152 u 153(5) tat-TFUE,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    –   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 dwar l-Istħarriġ Annwali ta’ Tkabbir 2013 (COM(2012)0750), u l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness magħha,

    –   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2011 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012 (AGS) (COM(2011)0815), u l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi anness magħha,

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2012 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2012[1],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika[2],

    –   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem ‘Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta’ Settembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri: Parti II tal-Linji gwida Integrati Ewropa 2020[3],

    –   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[4],

    –   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2012 bl-isem “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” (COM(2012)0173),

    –   wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali O-000120/2012 lill-Kummissjoni u r-riżoluzzjoni relatata tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar ‘Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi’[5],

    –   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2010 bl-isem ‘Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi’ (COM(2010)0682)[6],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2011 dwar l-Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi[7],

    –   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2010 bl-isem ‘Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali’ (COM(2010)0758),

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali[8],

    –   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol[9],

    –   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem "Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ" (COM(2011)0933),

    –   wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali B7-0113/2012 lill-Kummissjoni u r-riżoluzzjoni relatata tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar l-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ[10],

    –   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru 2010 bl-isem ‘Żgħażagħ Mobbli: Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taz-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea’ (COM(2010)0477),

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar Żgħażagħ Mobbli: qafas biex jittejbu s-sistemi Ewropej ta' edukazzjoni u taħriġ[11],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-perjodu ta’ taħriġ,[12]

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida[13],

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol[14],

    –   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2012 dwar il-Patt dwar l-Investiment Soċjali – bħala reazzjoni għall-kriżi[15],

    –   wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) adottat mill-Kunsill fis-7 ta’ Marzu 2011,

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP[16],

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC[17],

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0024/2013),

    A. billi l-impjiegi u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi huma approfonditi, u issa qed jiġu aggravati mill-impatt tal-konsolidazzjoni fiskali introdotta f’ċerti pajjiżi bi tweġiba għall-kriżi tad-dejn sovran u politika monetarja kostretta fiż-żona tal-euro, li tmur kontra dak implimentat minn reġjuni ekonomiċi prinċipali oħra u ma tistax tagħti tweġiba effettiva għall-kriżi tad-dejn sovran u tippromwovi t-tkabbir; billi l-kriżi qed ikollha effetti negattivi fuq il-kwalità u l-kwantità tal-investimenti soċjali fl-Ewropa; billi ż-żona tal-euro hija f’reċessjoni u attwalment l-UE hija l-uniku reġjun prinċipali fid-dinja fejn għadu qed jiżdied il-qgħad;

    B.  billi fl-2012, is-sitwazzjoni tal-impjiegi marret għall-agħar u l-prospetti għall-2013 huma pessimisti; billi s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol kompliet tiżdied, il-qgħad fit-tul laħaq livelli allarmanti, il-faqar fost il-persuni b’impjieg għadu problema maġġuri, dħul medju tal-familji naqas f’ħafna Stati Membri u l-indikaturi juru xerja ta’ livelli ogħla u forom aktar profondi ta’ faqar u esklużjoni soċjali, b’żieda fil-faqar fost il-persuni b’impjieg u fil-polarizzazzjoni soċjali f’ħafna Stati Membri.

    C. billi l-qgħad żdied b’mod sinifikanti mill-2008 u laħaq livell ta’ 25 miljun persuna qiegħda fl-UE, li jikkorrispondi għal 10.5% tal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol; billi, matul dawn l-aħħar tnax-il xahar biss, in-numru ta’ persuni qiegħda żdied b’2 miljuni; billi t-tnaqqis fl-impjiegi kien aktar intens f’dawk il-pajjiżi li qed iwettqu aktar konsolidazzjoni fiskali sostanzjali;

    D. billi s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol hija partikolarment kritika għaż-żgħażagħ, minkejja l-livell tagħhom ta' edukazzjoni, li ħafna drabi jispiċċaw b’kuntratti ta’ impjieg prekarji u f’apprendistati mhux imħallsa; billi s-sitwazzjoni diffiċli taż-żgħażagħ hija parzjalment minħabba f’diskrepanzi bejn ħiliet akkwistati u d-domanda fis-suq tax-xogħol, mobilità ġeografika limitata, tluq bikri mill-iskola mingħajr kwalifiki, nuqqas ta’ ħiliet u esperjenza ta’ xogħol rilevanti, kundizzjonijiet prekarji ta’ impjiegi, opportunitajiet ta’ taħriġ illimitati, u politiki tas-suq tax-xogħol attivi u ineffiċjenti;

    E.  billi fl-UE kollha aktar minn żagħżugħ wieħed minn ħamsa huma qiegħda (22.8 %), b’qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla minn 50 % f’ċerti Stati Membri; billi aktar minn 7 miljun Ewropew taħt l-età ta’ 25 sena mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEET); billi dawn iċ-ċifri qed ikomplu jiżdiedu u hemm riskju ta’ ġenerazzjoni mitlufa; billi l-prezz tan-nuqqas ta’ azzjoni fir-rigward tan-NEETs huwa stmat li jilħaq il-EUR 153 biljun madwar l-UE kollha;

    F.  billi wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta’ Jannar 2012, bħala parti mill-"Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ", il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw inizjattivi komprensivi għall-impjiegi, l-edukazzjoni u l-ħiliet taż-żgħażagħ, u biex jiżviluppaw pjanijiet għal impjiegi għaż-żgħażagħ fi ħdan il-programmi ta’ riforma nazzjonali tagħhom; billi, madankollu, tali inizjattivi għadhom iridu jitressqu fil-parti l-kbira tal-Istati Membri;

    G. billi l-persuni li se jilħqu l-età tal-pensjoni, ħaddiema qiegħda fit-tul, ħaddiema mhux tal-UE u ħaddiema b’ħiliet baxxi huma wkoll fost dawk li l-aktar intlaqtu mill-kriżi;

    H. billi r-riformi meħtieġa għandhom jitwettqu biex tiġi ggarantita s-sostenibilità tas-sistemi tal-pensjoni; billi, f'dan ir-rigward, huwa possibbli li l-età attwali tal-irtirar titgħolla mingħajr ma titgħolla l-età mandatorja tal-irtirar, billi jitnaqqas il-għadd ta’ nies li jitilqu kmieni mis-suq tax-xogħol; billi, biex jiżdiedu b’suċċess l-etajiet attwali tal-irtirar, ir-riformi fis-sistemi tal-pensjonijiet jeħtieġ li jiġu akkumpanjati minn politiki li jiżviluppaw opportunitajiet ta’ impjiegi għall-aċċess ta’ ħaddiema akbar fl-età għat-tagħlim tul il-ħajja, idaħħlu politiki ta’ benefiċċji tat-taxxa li jagħtu inċentivi biex dak li jkun jibqa’ jaħdem għal aktar żmien, u jappoġġjaw it-tixjiħ attiv u b’saħħtu;

    I.   billi l-qgħad fit-tul laħaq livelli allarmanti fit-tieni kwart tas-sena tal-2012, meta ċ-ċifri wrew li 11.1 miljun Ewropew li jinsabu qiegħda ilhom qiegħda għal aktar minn 12-il xahar, li jammonta għal 4.6% tal-popolazzjoni attiva; billi l-probabbiltà li persuni qiegħda jsibu impjieg naqas fil-maġġoranza tal-Istati Membri, speċjalment dawk soġġetti għal miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali sinifikanti;

    J.   billi madwar 120 miljun persuna jinsabu mhedda mill-esklużjoni soċjali fl-UE-27 peress li jinsabu f'riskju gravi tal-faqar, ibatu minn deprivazzjoni materjali gravi jew jgħixu f’familji b’parteċipazzjoni ta’ xogħol baxxa ħafna;

    K. billi n-nefqa fuq il-ħarsien soċjali naqset fi kważi l-Istati Membri kollha u billi l-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali (SPC) qed iwissi dwar in-numri li qed jiżdiedu ta’ persuni li jinsabu f'riskju ta’ faqar fl-introjtu tagħhom, faqar tat-tfal, deprivazzjoni materjali gravi u esklużjoni soċjali minħabba l-impatt tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali;

    L.  billi l-kisba tat-tkabbir u livell għoli ta’ impjieg huma meħtieġa għall-irkupru tal-ekonomija, għall-konsolidazzjoni fiskali u għas-sostenibbiltà tal-qagħda soċjali u l-finanzi pubbliċi fit-tul;

    M. billi l-investimenti soċjali mmirati għandhom jiffurmaw parti ewlenija tar-reazzjoni tal-Istati Membri għall-kriżi peress li huma deċiżivi biex jintlaħqu l-objettivi tal-impjiegi, l-objettivi soċjali u dawk edukattivi tal-istrateġija Ewropa 2020;

    N. billi l-Kunsill Ewropew iddikjara fit-30 ta’ Jannar 2012 li ‘it-tkabbir u l-impjiegi ser jerġgħu jibdew biss jekk insegwu approċċ konsistenti u fuq bażi wiesgħa, li jgħaqqad konsolidazzjoni fiskali intelliġenti li tippreserva l-investiment fit-tkabbir futur, politiki makroekonomiċi sodi u strateġija attiva dwar l-impjiegi li tippreserva l-koeżjoni soċjali’.

    O. billi l-konsolidazzjoni fiskali għandu jkompli minħabba l-livelli għolja ta’ dejn u l-isfidi fit-tul li hemm għall-finanzi pubbliċi, imma filwaqt li jitqies kif dovut il-fatt li għandu jkun objettiv għall-futur medju u fit-tul; billi l-konsolidazzjoni fiskali jista’ jkollha effetti negattivi ta’ tkabbir u tal-impjiegi fuq perjodu ta’ żmien qasir, speċjalment f’pajjiżi f’reċessjoni jew b’rati ta’ tkabbir marġinali, li jikkompromettu l-potenzjal futur tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; billi l-konsolidazzjoni fiskali għandu għalhekk jiġi ġestit b’mod li jkun jiffavorixxi t-tkabbir ħalli ma jagħmilx ħsara lill-potenzjal tat-tkabbir u tal-ħolqien tal-impjiegi tal-ekonomija jew tat-tessut soċjali tagħha;

    P.  billi t-tensjonijiet fis-swieq finanzjarji għadhom għolja u l-iżbilanċi fl-aċċess għall-iffinanzjar huma prevalenti bejn l-Istati membri; billi r-riskji tal-premiums għoljin iżidu l-oneri tad-dejn sovran bla bżonn, billi jeħtieġu konsolidazzjoni fiskali aktar qawwija u jaggravaw il-kriżi u konsegwentement ixekklu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

    Q. billi, minkejja l-urġenza tas-sitwazzjoni, l-Unjoni Ewropea qed tfalli milli tilħaq kważi l-miri kollha tal-Ewropa 2020 u l-progress fl-Istati Membri fit-twettiq tal-objettivi tal-Ewropa 2020 kien diżappuntanti; billi l-impenji stabbiliti fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali 2012 mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-maġġoranza tal-miri fil-livell tal-UE;

    R.  billi l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fir-riċerka u l-innovazzjoni – oqsma ewlenin għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi – għadu aktar baxx fl-UE milli fl-imsieħba u l-kompetituri ekonomiċi ewlenin tagħha f’partijiet oħra tad-dinja; billi l-investiment produttiv f’dawn l-oqsma huwa essenzjali biex noħorġu b’mod sostenibbli mill-kriżi imma wkoll biex l-ekonomija tal-UE tiġi kkonsolidata fuq it-triq tal-kompetittività u l-produttività;

    S.  billi d-dimensjoni tal-ġeneru hija kruċjali biex jinkisbu l-miri ewlenin tal-UE 2020, peress li n-nisa jiffurmaw l-akbar riżerva ta’ forza tax-xogħol li s’issa mhijiex qed tintuża; billi n-nisa jiffurmaw il-maġġoranza ta’ dawk li jgħixu fil-faqar fl-UE; billi t-tnaqqis għal servizzi pubbliċi bħalma hi l-kura tat-tfal u l-kura ta’ persuni dipendenti oħra se jkollu impatt negattiv fuq in-nisa u konsegwentement fuq l-abilità tagħhom li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol; billi għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċifika kemm fir-rigward tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll fir-rigward tal-politiki mmirati lejn in-nisa tul il-proċess kollu tas-Semestru Ewropew; billi l-età statutorja tal-irtirar tan-nisa jeħtieġ li tiġi allinjata ma’ dik tal-irġiel;

    T.  billi hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata interazzjoni akbar bejn il-politika tal-impjiegi, dik soċjali u dik ekonomika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, kif spjegat fl-Artikoli 121 u 148 tat-TFUE;

    U. billi huwa essenzjali li titrawwem ir-responsabbiltà, is-sjieda u l-leġittimità demokratika tal-atturi kollha involuti fis-Semestru Ewropew; billi parti essenzjali ta' dan hija l-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew;

    V. billi l-parlamenti nazzjonali huma r-rappreżentanti u l-garanti tad-drittijiet akkwistati u ddelegati miċ-ċittadini; billi l-introduzzjoni tas-Semestru Ewropew għandha tirrispetta għal kollox il-prerogattivi tal-parlamenti nazzjonali;

    Messaġġi ewlenin bil-perspettiva tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa

    1.  Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jiżgura li l-messaġġi li ġejjin jiffurmaw parti mill-gwida politika tiegħu għas-Semestru Ewropew 2013, u jagħti mandat lill-President tiegħu biex jiddefendi din il-pożizzjoni matul il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-14-15 ta' Marzu 2013; jirreferi, b’mod partikolari, għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu adottati mill-Kunsill Ewropew fil-gwida politika tiegħu, annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

    2.  Jikkundanna l-fatt li l-prijoritajiet identifikati matul iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew tas-sena l-oħra, b’mod partikolari dawk relatati mal-ħolqien tal-impjiegi, il-kwalità tal-impjiegi u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali ma tawx ir-riżultati mistennija;

    3.  Jindika li s-sitwazzjoni ekonomika u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi ddeterjoraw aktar matul l-aħħar sena u għalhekk jenfasizza l-importanza tal-intensifikar tal-impenn tal-Istati Membri li jwegwu l-gwida politika tal-2013, b’mod partikolari fil-qasam tal-impjiegi u l-politika soċjali;

    I.      Objettivi tal-Ewropa 2020

    4.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew jiżgura li l-gwida politika ta’ kull sena stabbilita fuq il-bażi tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tkun iffokata bis-sħiħ biex tissodisfa l-objettivi kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv; jiddispjaċih li l-ebda rapport ta’ progress dwar Ewropa 2020 ma ġie inkluż fl-AGS 2013, u jistieden lill-Kummissjoni toħroġ dan ir-rapport fil-ħin qabel il-laqgħa tar-Rebbiegħa tal-Kunsill Ewropew;

    5.  Jikkundanna l-fatt li l-gwida politika tal-2012 u l-implimentazzjoni tagħha ma kinux effettivi biżżejjed fir-rigward tal-kisba tal-miri politiċi minquxa fl-istrateġija Ewropa 2020; jiddeplora l-fatt li xi Stati Membri qed jitbiegħdu aktar mill-miri tal-2020;

    6.  Jikkundanna l-fatt li l-impenji stabbiliti fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali 2012 mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-maġġoranza tal-miri fil-livell tal-UE; jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-miri nazzjonali attwali mhumiex biżżejjed biex jiksbu l-miri ewlenin tal-Ewropa 2020 għall-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar;

    7.  Jitlob lill-Istati Membri jadottaw l-impenji meħtieġa fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali 2013 lejn it-twettiq tal-objettivi Ewropa 2020;

    8.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew jiżgura, fil-linji gwida politiċi tiegħu, li livell suffiċjenti ta’ fondi tal-UE jiġu ddedikati għall-kisba tal-objettivi Ewropa 2020; iħeġġeġ lill-Istati Membri jassenjaw fondi b’mod aktar effettiv għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    II.     Il-ħolqien tal-impjiegi permezz ta’ riformi strutturali u investimenti mmirati lejn it-tkabbir

    9.  Jikkunsidra li huwa ta’ dispjaċir li s-sena l-oħra l-maġġoranza tal-Istati Membri ma rrispettawx l-impenn tagħhom li jissottomettu Pjan Nazzjonali dwar l-Impjiegi (PNI) bħala parti mill-PRN tal-2012 tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw dan l-impenn fl-2013; jenfasizza li PNI għandhom jinkludu miżuri komprensivi għall-ħolqien ta’ impjiegi u ta’ impjiegi ekoloġiċi, rabta bejn il-politiki dwar l-impjiegi u l-istrumenti finanzjarji, riformi tas-swieq tax-xogħol, skeda ta’ żmien ċara għall-introduzzjoni tal-aġenda pluriennali tar-riformi tul it-12-il xahar li ġejjin u indikazzjoni kemm tal-oqsma kif ukoll tar-reġjuni li qegħdin jesperjenzaw skarsezzi u eċċessi ta’ speċjalizzazzjonijiet;

    10. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni m’għamlitx il-PNI rekwiżit obbligatorju u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja t-tħejjija tagħhom matul kull ċiklu tas-Semestru Ewropew ta’ kull sena;

    11. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri favorevoli għall-ħolqien tal-impjiegi bħar-riformi tat-taxxa fuq ix-xogħol li jinkoraġġixxu l-impjiegi, jippromwovu u jappoġġjaw impjieg indipendenti ġenwin u volontarju u l-bidu ta’ negozju, itejbu l-qafas biex isir negozju u jiffaċilitaw l-aċċess għal finanzjament għall-SMEs, jittrasformaw xogħol informali u mhux iddikjarat f’impjieg regolari, jirriformaw swieq tax-xogħol, jekk ikun meħtieġ, biex isiru aktar adattabbli, dinamiċi, kompetittivi u inklussivi filwaqt li jiżguraw sigurtà adegwata għall-impjegati, jipprovdu lill-impjegaturi u lill-impjegati l-ħiliet u l-istrumenti li jippermettulhom jadattaw għall-ħtiġijiet tas-suq li qed jinbidlu, jimmodernizzaw is-sistemi tal-iffissar tal-pagi – fil-qafas ta’ djalogu soċjali bil-parteċipazzjoni attiva tas-sħab soċjali, filwaqt li tiġi rispettata d-diversità tal-mudelli nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali – sabiex il-pagi jiġu allinjati max-xejriet tal-produttività fil-limiti ta’ pagi għal għajxien diċenti u jisfruttaw il-potenzjal għoli ta’ impjegar ta’ setturi bħalma huma l-ekonomija ekoloġika, il-kura tas-saħħa u l-kura soċjali, u s-settur tal-ICT biex jinħolqu impjiegi sostenibbi u ta’ kwalità;

    III.      Impjiegi għaż-żgħażagħ

    12. Jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jagħmel il-qgħad fost iż-żgħażagħ prijorità fil-gwida politika tal-2013;

    13. Jitlob lill-Istati Membri jieħdu miżuri deċiżivi fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, inklużi miżuri tal-politika tas-suq tax-xogħol immirati u attivi, miżuri li jindirizzaw diskrepanzi f'ħiliet fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari billi jevitaw it-tluq bikri mill-iskola jew minn skemi ta’ perjodi ta’ taħriġ u jiżguraw li s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ jipprovdu liż-żgħażagħ bil-ħiliet rilevanti b’mod effiċjenti, u jippromwovu l-intraprenditorija u l-appoġġ għall-iżvilupp tan-negozju effettiv għaż-żgħażagħ u oqfsa li jiżguraw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol;

    14. Jappoġġja bis-saħħa l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ; jitlob li tiġi implimentata malajr u li jiġi pprovdut finanzjament suffiċjenti għaliha; iqis li l-FSE għandu jwettaq rwol ewlieni fil-finanzjament tal-Iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ u li għandu jinstab bilanċ xieraq bejn il-finanzjament mill-UE u dak mill-Istati Membri;

    15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji komprensivi għaż-żgħażagħ li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEET); iħeġġiġhom ukoll biex, huma u jiżviluppaw dawn l-istrateġiji, juru solidarjetà finanzjarja ma’ dawk l-Istati Membri li għandhom spazju fiskali limitat;

    IV.      Swieq tax-xogħol aktar adattabbli, dinamiċi u inklussivi u impjiegi ta’ kwalità aħjar

    16. Jiddispjaċih li l-AGS tal-2013 ma jindirizzax il-kwalità tal-impjiegi u li tingħata ftit wisq attenzjoni biex jiġu stabbiliti l-prekundizzjonijiet meħtieġa biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari dik tan-nisa, ħaddiema ta’ 45 sena u aktar, persuni b’diżabbiltajiet u dawk l-aktar fil-bżonn;

    17. Ifakkar li l-isbilanċi interni ta’ bejn l-Istati Membri, speċjalment fl-impjiegi u fl-indikaturi soċjali, qed jikbru; jindika li l-Istati Membri bi swieq tax-xogħol relattivament mhux segmentati, sistemi b’saħħithom tas-sigurtà soċjali u abilità li temporanjament jaġġustaw is-sigħat tax-xogħol, il-ħin tax-xogħol u arranġamenti oħra flessibbli tax-xogħol (flessibbiltà interna) u mudelli effiċjenti ta’ negozjar kollettiv urew li huma aktar reżiljenti quddiem il-konsegwenzi tal-kriżi li jolqtu l-qasam tal-impjiegi u dak soċjali;

    18. Jitlob li s-swieq tax-xogħol ikunu aktar adattabbli u dinamiċi, ikunu jistgħu jaġġustaw għal tfixkil fis-sitwazzjoni ekonomika mingħajr ma jiġu kkawżati sensji, u jkunu aktar inklussivi, jiffavorixxi parteċipazzjoni miżjuda tax-xogħol, speċjalment għal dawk in-nies vulnerabbli u żvantaġġjati;

    19. Iwissi li l-miżuri tal-awsterità m’għandhomx jikkompromettu l-kwalità tal-impjieg, lanqas il-protezzjoni soċjali u l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-identifikazzjoni ta’ kumpaniji u SMEs li jkunu qed jagħmlu sforz biex aktar juru kuxjenza soċjali milli sempliċement jissodisfaw l-obbligi legali minimi tagħhom;

    V.    Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ

    20. Jissottolinja r-rwol ewlieni tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    21. Jenfasizza kemm hu importanti li titnaqqas ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola bil-għan li jitnaqqsu n-numri fil-grupp NEET;

    22. Jistieden lill-Istati Membri, filwaqt li jsegwu konsolidazzjoni fiskali sostenibbli, li tirrispetta t-tkabbir u li tkun iddivrenzjata, jiżguraw investiment effiċjenti u suffiċjenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja bil-għan li jiġu ssodisfati l-impenji kollha miftiehma fl-Istrateġija Europa 2020;

    23. Jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw il-programmi ta’ skambju Ewropej għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fil-miżuri meħuda fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

    VI.     Il-garanzija tal-kwalità ta’ servizzi pubbliċi u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

    24. Huwa ppreokkupat ħafna dwar iż-żieda fil-faqar u fil-qgħad fost il-gruppi tal-etajiet kollha mill-aħħar ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-2012;

    25. Jilqa’ l-fatt li l-AGS tal-2013 tindirizza l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll tindirizza l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi; jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza dawn il-miżuri fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u, b'mod partikolari, li tindirizza l-faqar fost il-persuni b’impjieg, il-faqar fost persuni b’rabtiet illimitati jew l-ebda rabta mas-suq tax-xogħol u l-faqar fost l-anzjani; jistieden lill-Kunsill Ewropew biex japprova din il-gwida bħala prijorità.

    26. Jitlob li l-implimentazzjoni ta’ strateġiji integrati dwar l-inklużjoni attiva għandha tkun element ċentrali tal-aġendi tal-politika soċjali fil-livell nazzjonali u dak tal-UE.

    VII.    Issir ħidma fuq il-konsolidazzjoni fiskali proporzjonata u differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir filwaqt li jkunu żgurati l-irkupru ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi

    27. Jagħraf il-ħtieġa li tiġi implimentata konsolidazzjoni fiskali proporzjonata u ddivrenzjata li tkun tirrispetta t-tkabbir biex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq it-tkabbir u l-impjiegi għall-futur qrib, fuq żmien medju u għall-futur il-bogħod filwaqt li tiġi ggarantita s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi; jenfasizza l-fatt li l-impatt tal-programmi ta’ konsolidazzjoni fiskali għandu jiġi vvalutat abbażi tal-effetti tagħhom għall-futur qrib fuq it-tkabbir, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, speċjalment fil-pajjiżi li jinsabu f’reċessjoni jew b’rati marġinali ta’ tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew biex fi żminijiet ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jagħmlu użu tal-flessibilità li jipprovdu għaliha ir-Regolamenti (UE) Nru 1175/2011 u (UE) Nru 1177/2011;

    28. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tqis aktar it-tendenzi lokali, reġjonali u nazzjonali speċifiċi, kif ukoll l-iżbalji potenzjali fil-previżjoni tagħha, li tirrappreżenta l-bażi tas-SAT;

    29. Jikkunsidra li l-konsolidazzjoni fiskali għandha tiġi implimentata b’mod proporzjonat u li jiffavorixxi t-tkabbir u li r-ritmu tal-konsolidazzjoni għandu jiġi ddivrenzjat fil-pajjiżi kollha skont l-ispazju fiskali tagħhom u dak tal-ekonomija Ewropea usa’, sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq it-tkabbir u fuq l-impjiegi filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn;

    30. Jistieden lill-Kummissjoni tikkalibra mill-ġdid il-mudelli tagħha dwar l-impatt tal-effett multiplikatur fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi li jirriżulta mit-tnaqqis fiskali fuq il-baġits tal-Istati Membri f’konformità mar-reviżjonijiet reċenti mill-FMI;

    31. Jistieden lill-Kunsill Ewropew jiżgura l-koerenza bejn il-prijoritajiet differenti fil-gwida politika tiegħu, sabiex ma jiġix kompromess il-potenzjal tat-tkabbir sostenibbli u tal-ħolqien tal-impjiegi, ma jiżdidux il-faqar u l-esklużjoni soċjali, jew jiġi pprevenut l-aċċess universali għall-provvediment ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità; jemmen li l-prijorità ewlenija trid tkun li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri integrati ta’ riforma u investimenti li jippromwovu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi filwaqt illi tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi;

    32. Jistieden lill-Kunsill Ewropew, biex jekk japprova l-ewwel prijorità tal-AGS, "konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tgħin fit-tkabbir", jispjega b’mod speċifiku kif dan jista’ jiġi implimentat f’konformità sħiħa mal-għan li tiżdied il-koeżjoni soċjali u li jiġi miġġieled il-faqar, kif hemm delineat fir-raba’ prijorità tiegħu, "jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi";

    33. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-indikaturi soċjali, bħalma huma l-inugwaljanza fl-introjtu u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, fit-tabella tar-riżultati għall-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi;

    34. Jenfasizza l-ħtieġa li tinkiseb koerenza sħiħa bejn il-konsolidazzjoni baġitarja u l-miżuri ekonomiċ min-naħa l-waħda u l-politika soċjali, it-tkabbir u l-miżuri tal-impjiegi min-naħa l-oħra;

    35. Jindika li, fi żmien ta’ restrizzjonijiet fiskali qawwija u ta’ tnaqqis fil-kapaċità tas-self fis-settur privat, il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni, permezz tad-daqs finanzjarju tagħhom u l-objettivi segwiti, jirrappreżentaw xprun essenzjali, għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, biex tiġi stimulata l-ekonomija u biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tat-tkabbir u tal-impjiegi li hemm minquxa fl-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li fid-dawl tar-rwol ewlieni tal-politika ta’ koeżjoni fl-iżvilupp tal-programmi nazzjonali fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew, din il-politika għandha tikkostitwixxi element essenzjali tal-SAT u għandha tikkontribwixxi għad-dibattitu annwali dwar it-tkabbir u l-impjiegi fl-UE;

    36. Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza meħtieġa biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jirrispettaw ir-rakkomandazzjonijiet soċjali introdotti fis-Semestru Ewropew u fil-Programm ta’ Riforma Nazzjonali; jiddeplora l-fatt li dan ma kienx sar fis-semestri preċedenti;

    VIII.   Il-leġittimità demokratika u l-involviment tas-soċjetà ċivili

    37. Jinsab imħasseb minħabba l-fatt li l-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili għadhom iwettqu rwol limitat fis-Semestru Ewropew; jenfasizza l-fatt li l-gwida politika fl-AGS mibdija mill-Kummissjoni, u li trid tiġi approvata mill-Kunsill Ewropew, hija nieqsa mill-involviment parlamentari u ċivili u għalhekk mill-leġittimità demokratika;

    38. Iqis li l-Parlament Ewropew għandu rwol essenzjali fil-ħolqien tal-leġittimità demokratika meħtieġa; iqis li, fin-nuqqas ta’ bażi legali għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja applikabbli għall-AGS, il-Kunsill Ewropew għandu jqis il-kummenti parlamentari meta japprova l-gwida politika sabiex jiggarantixxi leġittimità demokratika;

    39. Jitlob lill-Kummissjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jiggarantixxu trasparenza massima fl-elaborazzjoni tal-PRN kif ukoll involviment wiesa’ tal-parlamenti nazzjonali u tas-sħab soċjali f’dan il-proċess;

    Sforzi addizzjonali li għandhom jiġu segwiti fil-qasam tal-impjiegi u soċjali

    Il-ħolqien tal-impjiegi permezz ta’ riformi strutturali u investimenti mmirati lejn it-tkabbir

    40. Ifakkar li t-tisħiħ tat-tkabbir li jġib miegħu abbundanza ta’ impjiegi jitlob politiki dwar l-impjiegi li jiġġeneraw kundizzjonijiet favorevoli għall-ħolqien tal-impjiegi, jiffaċilitaw tranżizzjonijiet pożittivi minn impjieg għal impjieg u minn qgħad għal impjieg, iżidu il-provvista tax-xogħol u jtejbu t-tqabbil ġeografiku u tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

    41. Jenfasizza l-ħtieġa li jsiru riformi fis-suq tax-xogħol biex tiżdied il-produttività u l-effiċjenza tax-xogħol sabiex tittejjeb il-kompetittività ekonomika tal-UE u jkunu jistgħu jseħħu t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi sostenibbli filwaqt li jiġu rispettati b’mod strett kemm il-forma u kemm is-sustanza tal-Aquis Soċjali Ewropew u l-prinċipji tiegħu; jemmen li r-riformi fis-swieq tax-xogħol għandhom jiġu implimentati b’tali mod li jippromwovu l-kwalità tal-impjiegi;

    42. Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jnaqqsu t-tassazzjoni fuq ix-xogħol meta l-kundizzjonijiet fiskali jippermettu dan, b’mod speċjali fir-rigward ta’ ħaddiema b’pagi baxxi u b’ħiliet baxxi u gruppi vulnerabbli; jikkunsidra li tnaqqis temporanju mmirat sew fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew skemi tas-sussidji tal-impjiegi għal rekluti ġodda, speċjalment għal persuni qiegħda b’ħiliet baxxi u li ilhom ħafna bla xogħol, huma inċentivi effettivi ħafna biex jiġi promoss il-ħolqien tal-impjiegi;

    43. Jinnota li t-tibdil demografiku għandu impatt ċar fuq il-provvediment tal-infrastruttura soċjali, u jippreżenta sfida serja għall-ġenerazzjonijiet kollha fl-UE kollha kemm hi; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li r-rwol tal-politiki ta’ koeżjoni fl-indirizzar determinat tal-isfidi demografiċi għandu jiġi kkunsidrat aktar fl-istħarriġ tal-Kummissjoni.

    44. Jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu r-riformi meħtieġa sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet; jemmen li l-età tal-irtirar tista' tiġi vvalutata abbażi tal-evoluzzjoni tal-istennija tal-għomor b’saħħtu, iżda jfakkar li huwa possibbli li l-età attwali tal-irtirar tiżdied mingħajr ma tiżdied l-età mandatorja tal-irtirar billi jitnaqqas il-għadd tan-nies li jitilqu bikri mis-suq tax-xogħol; jemmen li biex l-etajiet effettivi tal-irtirar jiżdiedu b’suċċess, ir-riformi fis-sistemi tal-pensjonijiet jeħtieġ li jiġu akkumpanjati minn politiki li jillimitaw l-aċċess għall-iskemi tal-irtirar bikri u toroq oħra ta’ ħruġ bikri, jiżviluppaw opportunitajiet ta’ impjiegi għall-ħaddiema aktar kbar fl-età, jiggarantixxu aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, jintroduċu politiki ta’ benefiċċji tat-taxxa li jagħtu inċentivi biex dak li jkun jibqa’ jaħdem għal aktar żmien, u jappoġġjaw it-tixjiħ b’saħħtu attiv;

    45. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-programmi ta’ awsterità ma jxekklux il-miżuri tal-ħolqien tal-impjiegi u l-politiki tal-promozzjoni tat-tkabbir, u li ma jikkompromettux il-protezzjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprijoritizzaw l-infiq li jiffavorixxi t-tkabbir bħalma huma l-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-effiċjenza enerġetika, u fl-istess ħin jiżguraw l-effiċjenza ta’ dan l-infiq;

    46. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-istrumenti finanzjarji innovattivi tal-UE jistgħu jservu bħala katalisti għall-investiment immirat, jilħqu effett multiplikatur fuq il-baġit tal-UE u jżidu l-potenzjal tat-tkabbir tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tipprovdi informazzjoni dettaljata, aktar għajnuna u gwida lill-Istati Membri u lir-reġjuni rigward titjib fl-applikazzjoni ta’ strumenti finanzjarji fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni fl-2013 u tal-perjodu ta’ programmar futur (2014-2020); jistieden lill-Istati Membri jimxu fil-passi tal-Kummissjoni u jindikaw ukoll b’mod ċar fil-programmi ta’ riforma nazzjonali rispettivi tagħhom kif bi ħsiebhom jużaw l-allokazzjonijiet tal-Fond Strutturali biex jippromwovu l-prijoritajiet ta’ titjib tat-tkabbir u tal-impjiegi bl-użu ta’ strumenti finanzjarji;

    47. Jilqa’ l-attenzjoni mogħtija lill-isfruttament tal-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi ta’ setturi ewlenin bħalma huma l-industriji innovattivi, is-servizzi, l-ekonomija ekoloġika, il-kura tas-saħħa u dik soċjali (hekk imsejjaħ “is-settur l-abjad”), u s-settur tal-ICT fil-prijoritajiet tal-AGS għall-2013; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw inizjattivi li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ dawn is-setturi b’potenzjal għoli ta’ impjiegi;

    48. Ifakkar li l-isfruttar sħiħ tal-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi ta’ dawn is-setturi l-ġodda se jitlob adattament, speċjalment tal-ħaddiema b’ħiliet baxxi u ta’ dawk aktar kbar fl-età, u ħiliet ġodda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jantiċipaw il-ħiliet meħtieġa f’dawn is-setturi u jiggarantixxu l-investimenti meħtieġa fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jiġu pprovduti dawk il-ħiliet;

    49. Jiddispjaċih li assolutament mhumiex qed jissemmew il-passi biex tiġi implimentata l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013; jikkunsidra li ż-żieda sinifikanti fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija kruċjali għall-kisba tal-mira ewlenija Ewropa 2020 għar-rata tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiġu promossi rati ogħla ta’ impjiegi fost in-nisa, bħall-kura affordabbli u l-kura tat-tfal, skemi adegwati ta' maternità, paternità u liv tal-ġenituri u flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol u postijiet tax-xogħol;

    50. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-ambjent għan-negozji speċjalment għall-SMEs, u jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew jintensifikaw l-isforzi sabiex jittejjeb is-Suq Uniku, tittejjeb l-ekonomija diġitali u biex jiffokaw fuq regolamentazzjoni intelliġenti sabiex titnaqqas il-burokrazija mhux meħtieġa. jilqa’ l-Att dwar is-Suq Uniku II u jitlob implimentazzjoni mgħaġġla u sħiħa tiegħu;

    51. Jistieden lill-Kummissjoni biex il-governanza tas-Suq Uniku tagħmilha prijorità ewlenija, peress li tagħti kontribut sostanzjali biex jintlaħqu l-miri tas-Semestru Ewropew, jiġifieri għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u għall-impjiegi; huwa tal-fehma li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni speċifiċi għal kull pajjiż għandhom, fl-istess waqt, joffru lill-Istati Membri aktar soluzzjonijiet prattiċi biex jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku, ħalli jinħolqu appoġġ pubbliku u impenn politiku aktar b’saħħithom biex jitħeġġeġ l-ikkompletar għalkollox tas-Suq Uniku;

    52. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-importanza tal-aċċess għall-finanzjamenti għall-SMEs, li jikkostitwixxu l-pedament tal-impjiegi u tal-ħolqien tagħhom fl-UE u għandhom potenzjal konsiderevoli biex jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u d-disparitajiet bejn is-sessi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-aċċess għall-finanzjamenti għall-SMEs prijorità assoluta fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom tat-tkabbir; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu aċċess faċli għall-Fondi Ewropej dedikati għal dan l-iskop;

    53. Jirrikonoxxi l-importanza tal-kapaċità tal-kapital ta’ self ikbar tal-BEI u jirrakkomanda li din tiġi allinjata mal-prijoritajiet tal-UE li huma ffokati sabiex jeliminaw id-disparitajiet reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw parti mill-allokazzjonijiet tal-Fondi Strutturali tagħhom sabiex jinqasmu r-riskji tas-self tal-BEI u tkun pprovduta garanzija għas-self lill-SMEs u l-mikroimpriżi, b’hekk tintlaħaq iż-żieda tal-attività ekomomika fis-setturi u r-reġjuni kollha, u jkunu garantiti iktar opportunitajiet ta’ impjiegi u jingħeleb in-nuqqas ta’ aċċess għall-kreditu li qed ixekkel lill-SMEs bħalissa;

    54. Jitlob lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw l-intraprenditorija, inkluż l-intraprenditorija soċjali, u l-bidu ta’ negozji, partikolarment permezz tal-programmi tal-iżvilupp tan-negozji u l-aċċess għall-finanzjament;

    55. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-intraprenditorija soċjali tirċievi appoġġ qawwi skont il-Qafas Pluriennali 2014-2020, peress li dan il-qasam għandu potenzjal għoli evidenti għal impjiegi ġodda u għal tkabbir innovattiv;

    56. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmobilizza għal kollox strumenti u appoġġ finanzjarju tal-UE biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jitlob lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fondi Strutturali sabiex tittejjeb l-impjegabilità u jiġi miġġieled il-qgħad strutturali, fit-tul u taż-żgħażagħ b’mod effikaċi;

    57. Jinnota li l-politika ta’ koeżjoni, bħala għodda ewlenija ta’ investiment tal-UE li twettaq rwol importanti fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li hija mmirata preċiżament għall-ħtiġijiet lokali, reġjonali u nazzjonali fir-rigward tal-investmenti, tikkontribwixxi mhux biss għat-tnaqqis tad-disparitajiet ta’ bejn ir-reġjuni, iżda wkoll għall-irkupru ekonomiku tal-Istati Membri u biex iseħħu b’mod effikaċi t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Istati Membri u fl-Unjoni in ġenerali; jinnota li dan jagħmel il-politika ta’ koeżjoni waħda mill-aħjar stumenti disponibbli sabiex l-irkupru jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi, kif tipprevedi l-Kummissjoni fl-SAT 2013; huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li kwalunkwe tnaqqis fil-baġit tal-politika ta’ koeżjoni jista’ jkollu konsegwenzi negattivi għall-miri tal-Ewropa 2020 u jinsisti, għalhekk, li fil-perjodu ta’ programmar il-ġdid jiġi allokat livell adegwat ta’riżorsi lill-politika ta’ koeżjoni, tal-inqas f’livell bħal dak li ġie miftiehem għall-perjodu ta’ programmar attwali 2007-2013, u li jibqgħu jkunu koperti r-reġjuni kollha tal-UE;

    58. Jilqa’ r-rikonoxximent tal-Kummissjoni fl-SAT 2013 li l-kapaċitajiet amministrattivi għandhom jiżdiedu sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni aktar malajr tar-riżorsi tal-Fond Strutturali li għadhom ma ntefqux; jirrimarka li tali sforzi għandhom ikunu ffokati fuq l-awtoritajiet fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza li żborżament aktar mgħaġġel ta’ riżorsi ta’ Fondi Strutturali li għadhom ma ntefqux jista’ jsaħħaħ il-likwidità tas-suq;

    59. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-politika reġjonali tibqa’ twettaq rwol importanti fl-iżvilupp tal-programmi nazzjonali fl-ambitu tas-Semestru Ewropew u li tirrappreżenta għodda ewlenija biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti, fir-rigward tal-politiki soċjali u l-impjiegi, fuq perjodu ta’ żmien medju sa żmien fit-tul;

    60. Iqis li huwa essenzjali li l-politika ta’ koeżjoni tikkontribwixxi biex jitnaqqsu d-disparitajiet kompetittivi interni u l-iżbilanċi strutturali permezz tal-possibiltà li tadatta ruħha għall-kundizzjonijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi li jiġu identifikati fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex ikunu riprogrammati, fejn hu possibbli, ir-riżorsi li għadhom ma ntefqux tal-Fond Strutturali favur l-effiċjenza enerġetika, l-impjiegi taż-żgħażagħ u l-SMEs; jitlob li huwa jibqa’ jinżamm infurmat debitament dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva fil-livell nazzjonali;

    Impjiegi għaż-żgħażagħ

    61. Jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol; jindika, f’dan ir-rigward, is-suċċess ta’ ‘taħriġ vokazzjonali doppju’ f’ċerti Stati Membri, li pprovda l-ogħla rata ta’ impjiegi fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea.

    62. Iqis li huwa kruċjali li ż-żgħażagħ jiġu megħjuna jiksbu ħiliet b’mod aktar effettiv, ħaġa li teħtieġ kooperazzjoni u komunikazzjoni akbar bejn il-kumpaniji, il-gvernijiet u dawk li jipprovdu l-edukattivi;

    63. Jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tippreżenta pakkett għall-impjiegi taż-żgħażagħ; jitlob lill-Istati Membri jippromwovu u jiżviluppaw, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, Garanzija għaż-Żgħażagħ, bil-għan li kull persuna żagħżugħa fl-UE tiġi offruta xogħol, perjodu ta’ taħriġ, taħriġ addizzjonali jew xogħol u taħriġ ikkumbinati wara perjodu massimu ta’ 4 xhur qgħad; iqis li l-finanzjament mill-Unjoni, speċjalment il-FSE, għandu jwettaq rwol ewlieni fil-kofinanzjament tal-Iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri u lir-reġjuni assistenza teknika biex jimplimentaw tali skemi u jagħmlu użu tajjeb mill-FSE sabiex jiġu żviluppati l-Iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ; jenfasizza li s-sħab settorjali nazzjonali f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom iwettqu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ;

    64. Jinnota li l-Iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom ikunu akkumpanjati minn qafas ta’ kwalità sabiex tiġi żgurata l-kwalità ta’ dawn l-iskemi u jiġi żgurat li t-taħriġ, il-perjodi ta' taħriġ u l-impjiegi offruti jkunu jinkludu kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa u jkunu konformi ma’ standards tas-saħħa u tas-sikurezza; iqis li, f’dan il-qafas, iż-żgħażagħ kollha għandhom jirċievu valutazzjoni personalizzata tal-ħtiġijiet tagħhom, u jiġu pprovduti servizzi mfassla speċifikament għalihom u personalizzati;

    65. Jilqa’ s-suġġeriment tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita sorveljanza multilaterali tal-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ permezz tal-“Kumitat tal-Impjiegi” u biex il-Parlament jiġi assoċjat;

    66. Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiġi proposta Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ; jitlob lill-Istati Membri u r-reġjuni jippromwovu intraprenditorija u impjieg indipendenti fost iż-żgħażagħ u jimplimentaw programmi ta’ appoġġ ta’ żvilupp tal-intraprenditorija speċifiċi u mmirati għaż-żgħażagħ;

    67. Jenfasizza li, f’Jannar 2012, il-Kunsill Ewropew ressaq azzjoni pilota biex jgħin it-tmien Stati Membri bl-ogħla livelli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ sabiex jallokaw mill-ġdid parti mill-allokazzjonijiet tal-fond strutturali tagħhom tal-UE biex jindirizzaw b’mod deċiżiv il-qgħad fost iż-żgħażagħ; jiddispjaċih li f’Mejju 2012 il-Kummissjoni baxxiet b’mod sinifikanti l-istimi dwar il-fondi disponibbli għar-riallokazzjoni minn EUR 82 biljun għal EUR 29 800 miljun u b’hekk naqqset l-ambitu tal-azzjonijiet pilota; jiddeplora l-fatt li huwa biss porzjon żgħir minn dawn il-fondi li sa issa ġie dirett mill-ġdid biex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jsibu impjieg;

    68. Jilqa’ l-proposta biex isir aktar użu mill-Fond Soċjali Ewropew għall-miżuri tal-impjieg taż-żgħażagħ fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020; jitlob l-użu ta’ fondi tal-FSE biex miżuri relatati maż-żgħażagħ jiġu ffokati b’mod speċjali fuq perjodi ta’ taħriġ/apprendistati u intraprenditorija; jilqa’ r-ridistribuzzjoni ta’ flejjes tal-Fond Strutturali li ma jkunux intefqu mill-perjodu finanzjarju tal-UE tal-2007-13 għall-għan li tiġi indirizzata r-rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u l-promozzjoni ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;

    Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ

    69. Jenfasizza l-importanza li jittejbu l-ħiliet ta’ monitoraġġ f’setturi u/jew reġjuni speċifiċi u li jiġu rimedjati dawn id-diskrepanzi fil-ħiliet malajr kemm jista’ jkun; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoperaw fl-elaborazzjoni tal-Panorama tal-Ħiliet tal-UE sabiex tiġi provduta deskrizzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet tal-ħiliet tal-UE;

    70. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jrawmu l-kooperazzjoni u s-sinerġiji bejn is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ minn naħa u l-intrapriżi min-naħa l-oħra biex jantiċipaw il-ħiliet meħtieġa u jadattaw is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol bl-objettiv li l-forza tax-xogħol tiġi pprovduta l-ħiliet meħtieġa, abbażi tal-ambjenti tax-xogħol li jinbidlu u l-bżonnijiet individwali ta’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ, u li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol;

    71. Jitlob lill-Istati Membri jipprovdu, bħala prijorità, għal investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ, il-promozzjoni ta’ ħiliet intraprenditorjali u t-tagħlim tul il-ħajja għall-gruppi tal-etajiet kollha, mhux biss permezz ta’ tagħlim formali iżda anke permezz tal-iżvilupp ta’ tagħlim mhux formali u informali; iwissi dwar l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi fit-tul li jirriżultaw mit-tnaqqis fil-baġits tal-edukazzjoni u t-taħriġ peress li dan it-tnaqqis ixekkel il-possibilità li dak li jkun joħroġ mill-kriżi u jnaqqas il-kompetittività tal-ekonomiji tal-Istati Membri;

    72. Jenfasizza l-fatt li l-użu ta’ opportunitajiet ġodda ta’ tagħlim u li jsir l-aħjar użu ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi akkwistati barra mill-edukazzjoni formali jista’ jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-impjegabbiltà; jissottolinja l-importanza ta’ validazzjoni mhux formali u informali; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ validazzjoni sal-2015, marbuta mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, inkluża l-possibbiltà li tinkiseb kwalifika sħiħa jew parzjali abbażi tat-tagħlim mhux formali jew informali;

    73. Iħeġġeġ l-implimentazzjoni effettiva tal-Qafas ta’ Kwalifiki Nazzjonali bħala għodda li tippromwovi l-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet isir realtà sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u tiġi promossa l-mobilità transkonfinali tal-ħaddiema;

    74. Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kwalità, il-kompetenza u l-istatus tal-għalliema bħala kundizzjoni indispensabbli (sine qua non) għal sistema Ewropea tal-edukazzjoni u t-taħriġ bi prestazzjoni għolja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddedikaw l-isforzi u r-riżorsi meħtieġa għal dan l-għan;

    Swieq tax-xogħol aktar adattabbli, dinamiċi u inklussivi u impjieg ta’ kwalità aħjar

    75. Jemmen li r-riformi tas-suq tax-xogħol għandhom jiġu mmirati lejn iż-żieda fil-produttività u l-kompetittività u, fl-istess ħin, is-salvagwardjar tal-kwalità tal-impjiegi; jistieden lill-Kunsill Ewropew jagħti attenzjoni għall-kwalità tal-impjiegi fil-gwida politika tal-2013 tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess tal-ħaddiema għal sett ewlieni ta’ drittijiet tax-xogħol, kif minquxa fit-Trattati, u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri;

    76. Jemmen li r-riformi strutturali fis-suq tax-xogħol għandhom jintroduċu flessibbiltà interna biex jiġu sostnuti l-impjiegi fi żminijiet ta’ tfixkil ekonomiku, u biex tiġi żgurata l-kwalità tal-impjiegi, is-sigurtà fit-tranżizzjonijiet tal-impjiegi, l-iskemi tal-benefiċċji tal-qgħad ibbażati fuq ir-rekwiżiti ta’ attivazzjoni u konnessi ma’ politiki ta’ integrazzjoni mill-ġdid li jsostnu inċentivi tax-xogħol filwaqt illi jiġi żgurat introjtu suffiċjenti, arranġamenti kuntrattwali għall-ġlieda kontra s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, l-antiċipazzjoni ta’ ristrutturar ekonomiku, u jiġi żgurat l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja;

    77. Jitlob lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-eżistenza u l-proliferazzjoni ta’ kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol u impjieg indipendenti falz u biex jiġi żgurat li persuni b’kuntratti temporanji jew part-time jew li huma impjegati għal rashom ikollhom protezzjoni soċjali u aċċess għat-taħriġ adegwat;

    78. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi fejn meħtieġ u bil-ħsieb li jippromwovu relazzjonijiet stabbli relatati mal-impjieg, jappoġġjaw u jiżviluppaw kundizzjonijiet biex jiġu offruti arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli flimkien ma’ livelli adegwati ta’ sigurtà soċjali, speċjalment għall-ħaddiema aktar kbar fl-età u ħaddiema aktar żgħażagħ, u jippromwovu l-mobilità volontarja tal-ħaddiema permezz ta’ skemi ta’ appoġġ għall-mobilità;

    79. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-livell baxx ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-gruppi żvantaġġjati, inklużi persuni li jappartjenu għal minoranzi (eż. Roma) u persuni b’diżabbiltà, u jirrispettaw pagi għal għajxien deċenti fil-mumenti kollha;

    80. Jitlob lill-Istati Membri jżidu l-kopertura u l-effikaċja ta’ politiki attivi fis-suq tax-xogħol, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, li jkunu appoġġati b’mod reċiproku minn inċentivi ta’ attivazzjoni, bħal pereżempju programmi għat-tranżizzjoni minn dipendenza fuq il-benefiċċji għas-suq tax-xogħol, u sistemi ta’ benefiċċji adegwati sabiex tinżamm l-impjegabilità, jappoġġaw lill-persuni biex imorru lura għax-xogħol u jissalvagwardjaw il-kundizzjonijiet ta’ għajxien deċenti;

    81. Jitlob lill-Istati Membri jantiċipaw proċessi ta' ristrutturar bil-għan li jiġu salvati l-impjiegi, titrawwem il-mobilità interna u esterna u jiġu minimizzati l-effetti negattivi possibbli tal-proċessi tar-ristrutturar; jitlob lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod effettiv il-liġi nazzjonali u direttivi eżistenti tal-UE, bħad-Direttiva dwar is-Sensji Kollettivi, id-Direttiva dwar it-Trasferiment tal-Impriżi u d-Direttiva Qafas dwar l-Informazzjoni u l-Konsultazzjoni, filwaqt illi jitqies kif mistħoqq il-prinċipju tas-sussidjarjetà; jikkunsidra li l-fondi tal-UE għandu jkollhom rwol importanti biex jiġu evitati, minimizzati jew jittaffew effetti negattivi possibbli ta’ proċessi ta’ ristrutturar;

    82. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-infurzar effettiv tad-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol;

    83. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-għan li japprofondixxu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol Ewropew, jieħdu passi sabiex itejbu l-mobilità fi ħdan u fost is-swieq tax-xogħol billi jneħħu ostakli legali u amministrattivi għall-moviment liberu ta’ ħaddiema fi ħdan l-UE bħar-restrizzjonijiet ta’ tranżizzjoni tas-suq tax-xogħol għall-ħaddiema mir-Rumanija u l-Bulgarija u billi jtejbu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ ħaddiema li jagħmlu użu miid-dritt tagħhom għall-moviment liberu; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-użu tagħhom tal-EURES sabiex jittejjeb it-tqabbil tal- impjiegi u dawk li jfittxu l-impjiegi min-naħa għall-oħra tal-fruntieri;

    84. Jiġbed l-attenzjoni għaż-żieda li seħħet fil-faqar u l-qgħad fost il-gruppi tal-etajiet kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, sabiex jadottaw impenji ġodda biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-faqar fost il-persuni b’impjieg, il-faqar fost il-persuni b’rabtiet limitati jew l-ebda rabta mas-suq tax-xogħol, inklużi l-ħaddiema akbar fl-età li ilhom żmien twil qiegħda u l-faqar fost persuni akbar fl-età;

    85. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li effetti negattivi ta’ konsolidazzjoni fiskali fuq l-ugwaljanza tas-sessi, l-impjiegi tan-nisa u l-faqar fost in-nisa jinqalbu bl-adozzjoni ta’ approċċ ta’ integrazzjoni tal-ugwaljanza tas-sessi fil-baġits nazzjonali, bl-indirizzar ta’ rakkomandazzjonijiet aktar b’saħħithom fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma speċifiċi għas-sessi lill-Istati Membri, u bid-diżaggregazzjoni tal-miri ewlenin tal-Ewropa 2020 u l-miri nazzjonali korrispondenti skont is-sessi;

    Il-garanzija tal-kwalità ta’ servizzi pubbliċi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali

    86. Jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u jiżguraw li jkomplu jaġġixxu bħala protetturi kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali; jinnota, fl-istess ħin, li l-Mudell Soċjali Ewropew jeħtieġ modernizzazzjoni fid-direzzjoni ta’ “attivazzjoni tal-welfare states”, li jinvestu fin-nies u jipprovdu strumenti u inċentivi bil-ħsieb li joħolqu impjiegi sostenibbli u tkabbir kif ukoll jipprevjenu d-distorsjonijiet soċjali;

    87. Jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw strateġiji attivi ta' inklużjoni u servizzi ta’ kwalità għolja adegwati u affordabbli u approċċi direzzjonali għal impjiegi ta’ kwalità bil-għan li jipprevjenu l-marġinalizzazzjoni ta' gruppi b’introjtu baxx u vulnerabbli;

    88. Jitlob lill-Istati Membri jispeċifikaw fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali tagħhom kif il-fondi tal-UE se jintużaw biex jappoġġaw il-kisba tal-miri nazzjonali fir-rigward tal-faqar u miri oħra soċjali, tal-impjiegi u tal-edukazzjoni biex jiżguraw l-ilħuq tal-miri tal-Ewropa 2020;

    89. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe riforma fis-sistema tas-saħħa tkun iffokata fuq it-titjib tal-kwalità u fuq l-iżgurar tal-adegwatezza, l-affordabilità u l-aċċess universali u l-garanzija tas-sostenibbiltà;

    90. Jemmen li sussidji mmirati għall-proċess tat-tfittix tal-ħaddiema fost gruppi żvantaġġjati huma mod effettiv kif jiżdiedu l-livelli tal-parteċipazzjoni tagħhom fix-xogħol;

    91. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-konsolidazzjoni fiskali tkun kompatibbli mad-dimensjoni tal-impjiegi u dik soċjali ta’ Ewropa 2020;

    92. Huwa mħasseb dwar l-impatt soċjali tal-kriżi fuq il-faqar fost in-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-effetti tal-konsolidazzjoni fiskali fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-impjiegi tan-nisa;

    93. Jitlob lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri biex jitnaqqas il-faqar fost il-persuni b’impjieg, bħat-trawwim ta’ livelli suffiċjenti ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ġo familji u l-iffaċilitar ta’ tranżizzjonijiet 'il fuq għal dawk f’impjiegi bi ħlas baxx jew prekarji; jitlob lill-Istati Membri jiġġieldu l-faqar fost il-persuni b’impjiegi billi jsegwu politiki tas-suq tax-xogħol li jkollhom l-għan li jiżguraw pagi għall-għajxien għal dawk li jaħdmu;

    94. Jistieden lill-Kummissjoni tersaq quddiem il-kumitati kompetenti tal-Parlament biex tippreżenta l-AGS kull sena fil-bidu ta' Novembru, ibda mill-4 sal-5 ta’ Novembru 2013, ħalli jkun hemm biżżejjed żmien biex il-Parlament iressaq il-fehmiet tiegħu f’Semestri Ewropej sussegwenti;

    Sforzi addizzjonali meħtieġa biex itejbu l-governanza, l-impenn u l-leġittimità demokratika

    95. Jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Istati Membri jiżguraw li parlamenti nazzjonali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili jkunu involuti mill-qrib fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-gwida politika taħt l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-proċess ta’ governanza ekonomika, sabiex jiżguraw is-sjieda;

    96. Jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni jintegraw il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-għanijiet tal-impjiegi, dawk soċjali u dawk edukattivi tal-istrateġija Ewropa 2020 b’mod aktar effikaċi fis-Semestru Ewropew 2013;

    97. Itenni l-appell tiegħu biex tiżdied il-leġittimità demokratika tas-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jikkunsidra t-tħassib u l-proposti espressi mill-Parlament Ewropew meta jadotta l-gwida politika tal-2013 tiegħu;

    98. Jistieden lill-Parlament biex jinvolvi ruħu b’mod xieraq fis-Simestru Ewropew bl-għan li jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini u anke biex iżid il-leġittimità fir-rigward tal-politiki soċjali li għandhom jitwettqu mill-istati Membri;

    99. Jixtieq jara r-rwol tal-parlamenti nazzjonali msaħħaħ fir-rigward tal-involviment tagħhom fil-proċess tat-tfassil tal-politika ekonomika u soċjali fil-qafas tas-Semestru Ewropew, sabiex tiżdied il-leġittimità tad-deċiżjonijiet meħuda;

    100.    Jitlob għall-involviment tas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili bil-għan li tiżdied l-adegwatezza u l-effikaċja tal-politiki soċjali;

    101.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:RAKKOMANDAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI LI GĦANDHOM JIĠU ADOTTATI MILL-KUNSILL EWROPEW FIL-GWIDA POLITIKA TIEGĦU

    Objettivi tal-Ewropa 2020

    Ir-Rakkomandazzjoni 1: It-Twettiq tal-Objettivi tal-Ewropa 2020

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Twettaq l-objettivi kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv;

    L-impenji stabbiliti fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali 2013 iridu jkunu biżżejjed sabiex jilħqu l-objettivi Ewropa 2020.

    L-Istati Membri għandhom jassenjaw b’mod aktar effettiv l-użu tal-baġits nazzjonali tagħhom għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020.

    Jiġi garantit li livell suffiċjenti tal-fondi tal-UE huwa ddedikat għall-kisba tal-objettivi Ewropa 2020

    Il-ħolqien tal-impjiegi permezz ta’ riformi strutturali u investimenti mmirati lejn it-tkabbir

    Rakkomandazzjoni 2.1 dwar Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Impjiegi

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    L-Istati Membri għandhom jissottomettu Pjan Nazzjonali dwar l-Impjiegi (PNI) bħala parti mill-PRN tal-2013 tagħhom.

    PNI iridu jinkludu:

    - miżuri komprensivi għall-ħolqien tal-impjiegi u l-impjiegi ekoloġiċi, speċjalment is-setturi li għandhom potenzjal qawwi li joħolqu l-impjiegi,

    - rabta bejn il-politiki dwar l-impjiegi u l-istrumenti finanzjarji,

    - ir-riformi tas-swieq tax-xogħol, jekk ikunu meħtieġa,

    - politiki attivi tas-suq tax-xogħol immirati lejn iż-żgħażagħ qiegħda, il-persuni qiegħda fit-tul, il-persuni qiegħda ta’ età avvanzata u gruppi kollettivi vulnerabbli oħra,

    - skeda ta' żmien preċiża għall-introduzzjoni tal-aġenda pluriennali tar-riformi tul it-12-il xahar li ġejjin u indikazzjoni kemm tal-oqsma kif ukoll tar-reġjuni li qegħdin jesperjenzaw skarsezzi u eċċessi ta’ speċjalizzazzjonijiet;

    Rakkomandazzjoni 2.2 dwar riformi tat-taxxa fuq ix-xogħol

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    L-Istati Membri għandhom jadottaw riformi tat-taxxa fuq ix-xogħol li jagħtu inċentivi għall-impjiegi.

    L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jnaqqsu t-tassazzjoni fuq ix-xogħol, speċjalment tnaqqis temporanju mmirat sew fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew skemi ta' sussidji tal-impjiegi għal rekluti ġodda, speċjalment fuq ħaddiema b'pagi baxxi u b'ħiliet baxxi, gruppi ta' persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil u gruppi vulnerabbli oħra, filwaqt li jiżguraw is-sostenibilità tas-sistemi tal-pensjoni pubbliċi għal żmien fit-tul.

    Ir-Rakkomandazzjoni 2.3: il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Ttittrasforma x-xogħol informali u mhux iddikjarat f'impjieg regolari anki billi tiżdied il-kapaċità tal-ispezzjonijiet tax-xogħol.

    Ir-Rakkomandazzjoni 2.4: dwar sistemi tal-iffissar tal-pagi

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Timmodernizza s-sistemi tal-iffissar tal-pagi - fi ħdan qafas ta’ djalogu soċjali u bil-parteċipazzjoni attiva tas-sħab soċjali, filwaqt li tirrispetta d-diversità tal-mudelli nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali - sabiex il-pagi jiġu allinjati max-xejriet tal-produttività fil-limiti ta’ pagi għal għajxien diċenti,

    Ir-Rakkomandazzjoni 2.5: Riformi biex tiġi garantita s-sostenibbiltà ta’ sistemi ta’ pensjonijiet

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Jitwettqu r-riformi meħtieġa biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet abbażi ta’ dan li ġej:

    ­- L-età tal-irtirar tista’ tiġi vvalutata b’kunsiderazzjoni tal-evoluzzjoni tal-istennija tal-għomor b’saħħtu,

    - L-età effettiva tal-irtirar tiżdied billi jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, jitnaqqas il-ħruġ bikri mis-suq tax-xogħol (pereżempju billi jiġu introdotti politiki dwar il-benefiċċji tat-taxxa li jagħtu inċentivi biex dak li jkun jibqa' għal aktar żmien fix-xogħol) u l-ħaddiema jiġu megħjuna jagħmlu tranżizzjonijiet flessibbli mix-xogħol għall-irtirar,

    - Il-politiki biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta' impjiegi għall-ħaddiema li huma akbar fl-età, aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, u appoġġ għat-tixjiħ b'saħħtu attiv jeħtieġu jkunu fil-qalba tar-riformi fis-sistemi tal-pensjonijiet biex jiġu pprevenuti perjodi itwal ta' qgħad għall-ħaddiema li huma akbar fl-età;

    Recommendation 2.6 investimenti mmirati lejn it-tkabbir

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Programmi ta' awsterità m'għandhomx ixekklu l-miżuri tal-ħolqien tal-impjiegi u l-politiki dwar il-promozzjoni tat-tkabbir, u lanqas ma għandhom jikkompromettu l-protezzjoni soċjali.

    L-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw l-investimenti li jiffavorixxu t-tkabbir fl-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, ir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll l-effiċjenza enerġetika.

    Ir-Rakkomandazzjoni 2.7: l-isfruttar tal-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tas-setturi ewlenin bħall-ekonomija ekoloġika, il-kura tas-saħħa u soċjali, u l-ICT

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw inizjattivi u investimenti li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' setturi li għandhom potenzjal għoli ta' impjiegi bħalma huma l-industriji innovattivi, l-ekonomija ekoloġika, is-servizzi, il-kura tas-saħħa u dik soċjali, u l-ICT.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jantiċipaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet f’dawn is-setturi u l-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex jipprovdu dawn il-ħiliet u biex jiffavorixxu l-adattament ta’ ħaddiema, speċjalment ħaddiema b’ħiliet baxxi u ħaddiema aktar anzjani.

    Ir-Rakkomandazzjoni 2.8: Riformi strutturali għall-promozzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi fost in-nisa

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Tiġi applikata l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-gwida politika li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew

    Jiġu adottati l-miżuri meħtieġa biex jiġu promossi rati ogħla ta’ impjiegi fost in-nisa, bħall-kura affordabbli u l-kura tat-tfal, skemi adegwati ta' maternità, paternità u liv tal-ġenituri u flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol u l-postijiet tax-xogħol;

    Ir-Rakkomandazzjoni 2.9: jitwettaq għal kollox is-Suq Uniku

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew għandhom isaħħu l-isforzi biex jitjieb is-Suq Uniku, biex tiżdied l-ekonomija diġitali u biex tingħata attenzjoni partikolari fir-rigward ta’ regolamentazzjoni intelliġenti sabiex titnaqqas il-burokrazija żejda; L-Att dwar is-Suq Uniku II għandu jiġi implimentat mingħajr dewmien.

    Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni speċifiċi għal kull pajjiż għandhom, fl-istess waqt, joffru lill-Istati Membri aktar soluzzjonijiet prattiċi biex itejbu l-funzjonament tas-suq uniku, ħalli jinħolqu appoġġ pubbliku u impenn politiku aktar b’saħħithom biex jitħeġġeġ l-ikkompletar għalkollox tas-suq uniku;

    Ir-Rakkomandazzjoni 2.10: Jittejjeb l-embjent għan-negozji, speċjalment għall-SMEs

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    L-Istati Membri għandhom iwettqu l-azzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi meħtieġa biex jittejjeb il-qafas għan-negozju, speċjalment għall-SMEs.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jadottaw aċċess għall-finanzjament għal SMEs bħala prijorità assoluta fl-aġenda tal-politika tagħhom.

    L-Istati Membri għandhom jippromwovu u jappoġġjaw l-intraprenditorija, inkluż l-intraprenditorija soċjali, u l-bidu ta’ negozji, speċjalment permezz tal-programmi tal-iżvilupp tan-negozji u l-aċċess għall-finanzjament;

    Ir-Rakkomandazzjoni 2.11: jiġu mobilizzati għalkollox fondi tal-UE

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ tal-Fondi Strutturali sabiex tiżdied l-impjegabilità u jiġi missielet b’mod effikaċi l-qgħad fost iż-żgħażagħ, dak strutturali u dak fit-tul u jintlaħqu l-objettivi tal-Ewropa 2020;

    Jitlob li tal-anqas 25% tal-Fondi ta’ Koeżjoni jiġu allokati lill-FSE għall-ipprogrammar tal-2014 - 2020.

    Impjiegi għaż-żgħażagħ

    Ir-Rakkomandazzjoni 3.1: Impjiegi għaż-żgħażagħ bħala prijorità

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Il-Kunsill Ewropew għandu jagħmel l-impjiegi għaż-żgħażagħ prijorità fil-gwida tal-politika tiegħu tal-2013. Il-Pjanijiet dwar l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ iridu jiġu ppreżentati mill-Istati Membri fi ħdan il-Programmi Nazzjonali dwar l-Impjiegi u l-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja l-miri tal-politiki li jkun fihom.

    Il-Miżuri biex jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ għandhom jinkludu:

    - Miżuri tal-politika tas-suq tax-xogħol attivi u b’miri speċifiċi,

    - L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jimplimentaw, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, Skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ bil-għan li kull persuna ta’ taħt l-età ta’ 25 sena fl-UE tirċievi offerta ta' kwalità tajba ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, perjodu ta' prattika jew apprendistat fi żmien erba’ xhur minn meta tkun ġiet qiegħda jew tkun telqet mill-edukazzjoni formali; Il-finanzjament mill-Unjoni għandu jwettaq rwol ewlieni, speċjalment il-FSE, fil-finanzjament ta’ dawn l-iskemi.

    - Miżuri li jindirizzaw b’mod deċiżiv id-diskrepanzi tal-ħiliet li hemm fis-suq tax-xogħol, speċjalment permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola jew minn skemi ta’ perjodi ta’ prattika u permezz tal-iżgurar li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jipprovdu liż-żgħażagħ ħiliet rilevanti b’mod effikaċi,

    - Oqfsa li jiżguraw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol,

    - Il-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ appoġġ għall-iżvilupp ta’ negozji għaż-żgħażagħ li jkunu speċifiċi u mmirati.

    Ir-Rakkomandazzjoni 3.2: dwar iż-żgħażagħ li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEET)

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    L-Istati Membri, bis-sostenn tal-Istituzzjonijiet tal-UE, għandhom jiżviluppaw strateġiji komprensivi għaż-żgħażagħ li mhumiex f'impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEET);

    L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jippromwovu u jiżviluppaw, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, Garanzija għaż-Żgħażagħ, bil-għan li kull persuna taħt l-età tal-25 sena fl-UE tiġi offruta xogħol, perjodu ta’ taħriġ, taħriġ addizzjonali jew xogħol u taħriġ ikkumbinati wara perjodu massimu ta’ 4 xhur qgħad;

    Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri u r-reġjuni b’assistenza teknika biex jagħmlu użu tajjeb mill-FSE sabiex jiġu żviluppati skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ;

    Ir-Rakkomandazzjoni 3.3: Aktar użu tal-fondi tal-UE fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Isir użu akbar tal-Fond Soċjali Ewropew għall-miżuri għall-impjiegi għaż-żgħażagħ għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020;

    Issir enfasi fuq l-użu ta’ fondi tal-FSE għal miżuri relatati maż-żgħażagħ b’mod speċjali fuq il-perjodi ta’ prattika/apprendistati u l-intraprenditorija.

    Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ

    Ir-Rakkomandazzjoni 4.1: L-indirizzar tad-diskrepanzi bejn il-ħiliet

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Jitwettaq monitoraġġ aħjar ta' ħtiġijiet ta’ ħiliet f’setturi u/jew reġjuni speċifiċi u r-rimedju mgħaġġel ta’ dawn id-diskrepanzi bejn il-ħiliet.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw fl-elaborazzjoni tal-Panorama tal-Ħiliet tal-UE sabiex tiġi provduta deskrizzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet tal-ħiliet tal-UE.

    Jitrawmu l-kooperazzjoni u s-sinerġiji bejn is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-intrapriżi biex jantiċipaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet u jkunu adattati s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, bil-għan li l-forza tax-xogħol tiġi provduta bil-ħiliet meħtieġa u biex tiġi faċilitata t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol;

    Jiġi promoss l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja għall-gruppi tal-etajiet kollha, mhux biss permezz ta’ tagħlim formali iżda anke permezz tal-iżvilupp tat-tagħlim mhux formali u informali.

    Tiġi stabbilita sistema ta’ validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali sal-2015 marbuta mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;

    Jiġi implimentat b’mod effettiv il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki u l-Passaport Ewropew tal-Ħiliet isir realtà.

    Ir-Rakkomandazzjoni 4.2: Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Jiġi żgurat investiment effiċjenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ filwaqt illi tiġi segwita l-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi.

    Jiġu adottati miżuri u riżorsi biex jittejbu l-kwalità, il-kompetenza u l-istatus tal-għalliema.

    Swieq aktar adattabbli, dinamiċi u inklussivi u impjiegi ta’ kwalità aħjar

    Rakkomandazzjoni 5.1 dwar riformi tas-suq tax-xogħol

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Jiġu promossi riformi strutturali fis-suq tax-xogħol biex jiżdiedu l-produttività u l-effiċjenza tax-xogħol sabiex tittejjeb il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE u jiġu garantiti t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi.

    Ir-riformi fis-suq tax-xogħol għandhom jiġu bbażati fuq:

    - L-introduzzjoni ta' flessibbiltà interna flimkien ma' livell adegwat ta' sigurtà soċjali, bl-objettiv li l-impjieg jiġi sostnut fi żminijiet ta' ċirkostanzi ekonomiċi ta’ kriżi,

    - L-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-kombinazzjoni tar-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-għoti ta’ kura,

    - L-iffaċilitar ta' tranżizzjonijiet pożittivi u sikuri minn impjieg għal impjieg u mill-qgħad għall-impjieg,

    - Skemi ta' benefiċċji għall-qgħad ibbażati fuq ir-rekwiżiti ta’ attivazzjoni u marbuta mal-politiki tax-xogħol effikaċi u attivi u li jsostnu inċentivi għax-xogħol filwaqt illi jiżguraw introjtu suffiċjenti,

    - Ir-rispett strett tad-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema,

    - Il-ġlieda kontra s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u kontra x-xogħol prekarju,

    - It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tad-Djalogu Soċjali fil-livell tal-UE.

    - L-antiċipazzjoni tar-ristrutturar ekonomiku,

    - Il-garanzija tal-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja,

    - L-indirizzar tal-parteċipazzjoni baxxa fis-suq tax-xogħol tal-gruppi żvantaġġjati, inklużi persuni li jappartjenu għall-minoranzi (eż. Roma) u l-persuni b’diżabbiltà;

    - Iż-żieda fil-provvista ta’ ħaddiema billi jittejjeb it-tqabbil ġeografiku u tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol,

    - Iż-żieda tal-kopertura u l-effikaċja tal-politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, li jkunu appoġġati b'mod reċiproku minn politiki tas-suq tax-xogħol attivi, bħal pereżempju programmi għat-tranżizzjoni minn dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali għas-suq tax-xogħol, u sistemi ta' benefiċċji adegwati sabiex tinżamm l-impjegabilità, jiġu appoġġjati l-persuni biex imorru lura għax-xogħol u jkunu salvagwardjati l-kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti;

    - It-titjib tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi u l-appoġġ u l-iżvilupp ta' kundizzjonijiet għal arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli, speċjalment għall-ħaddiema aktar kbar fl-età u dawk aktar żgħażagħ.

    Ir-Rakkomandazzjoni 5.2: Il-promozzjoni tal-mobilità ta’ ħaddiema

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Jiġu adottati politiki u miżuri biex tiġi promossa l-mobilità fi ħdan u fost is-swieq tax-xogħol, pereżempju permezz ta’ skemi ta’ appoġġ tal-mobilità.

    Jitneħħew ostakoli legali u amministrattivi u jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' xogħol u s-sigurtà soċjali għas-sostenn tal-moviment liberu ta' ħaddiema fi ħdan l-UE sabiex tiġi approfondita l-integrazzjoni Ewropea fis-suq tax-xogħol.

    L-Istati Membri għandhom iżidu l-użu tagħhom ta’ EURES sabiex jittejjeb it-tqabbil ta’ impjiegi u dawk li jfittxu l-impjiegi min-naħa għall-oħra tal-fruntieri;

    Rakkomandazzjoni 5.3 dwar il-kwalità tal-impjiegi

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Il-Kunsill Ewropew għandu jagħti attenzjoni għall-kwalità tal-impjiegi fil-gwida politika tal-2013 tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess tal-ħaddiema għal sett ewlieni ta’ drittijiet tax-xogħol, kif minquxa fit-Trattati, u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri.

    Jiġi ggarantit li riformi fis-swieq tax-xogħol jiġu implimentati b’tali mod li jippromwovu l-kwalità tal-impjiegi;

    Jiġu miġġielda l-eżistenza u l-proliferazzjoni ta’ kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol u impjieg indipendenti falz u jiġi żgurat li persuni b’kuntratti temporanji jew part-time jew li huma impjegati għal rashom ikollhom protezzjoni soċjali u aċċess għat-taħriġ adegwat;

    Jiġi żgurat l-infurzar effettiv tad-Direttiva li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol;

    Il-garanzija tal-kwalità ta’ servizzi pubbliċi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali

    Ir-Rakkomandazzjoni 6.1: Il-garanzija tal-kwalità tas-servizzi pubbliċi

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Jiġi żgurat li l-konsolidazzjoni fiskali tkun kompatibbli mad-dimensjoni tal-impjiegi u dik soċjali tal-Ewropa 2020 u ma tfixkilx il-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja.

    Ir-riformi tas-sistema tas-saħħa għandhom jiffokaw fuq it-titjib fil-kwalità u l-iżgurar tal-adegwatezza, affordabbiltà u aċċess universali, u l-garanzija tas-sostenibbiltà.

    Ir-Rakkomandazzjoni 6.2: Il-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Il-Kunsill Ewropew għandhu jagħmel prijorità fil-gwida politika tiegħu l-ġlieda kontra l-faqar u l-qgħad fost il-gruppi tal-etajiet kollha, speċjalment fil-faqar fost il-persuni b'impjiegi, il-faqar fost persuni b'rabtiet limitati jew bl-ebda rabta mas-suq tax-xogħol u l-faqar fost l-anzjani;

    Tittejjeb l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u jiġi żgurat li dawn ikomplu jaġixxu bħala protetturi kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

    Jiġu implimentati strateġiji ta’ inklużjoni attiva u servizzi ta’ kwalità għolja adegwati u affordabbli u approċċi direzzjonali għal impjiegi ta’ kwalità bil-għan li tiġi prevenuta l-marġinalizzazzjoni ta’ gruppi b’introjtu baxx u vulnerabbli;

    Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-effetti tal-konsolidazzjoni fiskali fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-impjieg u l-faqar fost in-nisa.

    Jiġi żgurat li l-effetti negattivi tal-konsolidazzjoni fiskali fuq l-ugwaljanza tas-sessi, l-impjieg u l-faqar tan-nisa jinqalbu billi jiġu indirizzati lill-Istati Membri rakkomandazzjonijiet aktar b’saħħithom speċifiċi għas-sessi, u billi jiġu diżaggregati l-miri ewlenin tal-istrateġija UE 2020 u l-miri nazzjonali korrispondenti skont il-ġeneru.

    Jiġu żviluppati politiki u miżuri biex jitnaqqas il-faqar fost il-persuni b’impjieg, bħat-trawwim ta’ livelli suffiċjenti ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ġo familji u l-iffaċilitar ta’ tranżizzjonijiet 'il fuq għal dawk maqbuda f’impjiegi bi ħlas baxx jew prekarji.

    L-Istati Membri għandhom jiġġieldu kontra l-faqar fost il-persuni b’impjieg billi jsegwu politiki tas-suq tax-xogħol li jkollhom l-għan li jiżguraw pagi għall-għajxien għal dawk li jaħdmu.

    L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ sussidji mmirati għall-proċess tat-tfittix tal-ħaddiema fost gruppi żvantaġġjati.

    L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali tagħhom kif il-fondi tal-UE se jintużaw biex jappoġġaw il-miri nazzjonali fir-rigward tal-faqar u miri oħra soċjali, tal-impjiegi u tal-edukazzjoni, u jiżguraw l-ilħuq tal-miri tal-Ewropa 2020;

    Issir ħidma fuq il-konsolidazzjoni fiskali proporzjonata u differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir filwaqt li jkunu żgurati l-irkupru ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi

    Ir-Rakkomandazzjoni 7: Issir ħidma fuq il-konsolidazzjoni fiskali proporzjonata u differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir filwaqt li jkunu żgurati l-irkupru ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Timplimenta programmi ta' konsolidazzjoni fiskali, sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, b'mod proporzjonat u ddivrenzjat li jiffavorixxi t-tkabbir li jippermetti li l-investimenti jilħqu l-istrateġija UE 2020 u tiġi użata sal-massimu l-flessibbiltà prevista mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

    (Ex AM 248( Or. EN) tal-FdR R:\DocEP\922372EN.doc){AM\EN\922372}

    Jiġu riveduti l-multiplikaturi fiskali biex tiġi evitata sottovalutazzjoni sistematika tal-effett tal-konsolidazzjoni fiskali fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi f'kuntest ta' reċessjoni;

    Issir reviżjoni tar-ritmu tal-konsolidazzjoni sabiex isir iddivrenzjar fil-pajjiżi kollha skont l-ispazju fiskali tagħhom biex jiġu evitati l-effetti negattivi potenzjali fuq it-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tad-dejn;

    Tiġi żgurata l-koerenza bejn il-prijoritajiet differenti fil-gwida politika tiegħu, sabiex il-konsolidazzjoni fiskali ma jikkompromettix il-potenzjal tat-tkabbir sostenibbli u tal-ħolqien tal-impjiegi, ma żżidx il-faqar u l-esklużjoni soċjali, jew tevita l-provvista tas-servizzi pubbliċi ta' kwalità.

    Tinkiseb koerenza totali bejn il-konsolidazzjoni baġitarja u l-miżuri ta' riforma ekonomika proposti min-naħa l-waħda u t-tnaqqis tal-faqar u ż-żieda tar-rati ta' impjieg min-naħa l-oħra;

    Sforzi addizzjonali meħtieġa biex itejbu l-governanza, l-impenn u l-leġittimità demokratika

    Ir-Rakkomandazzjoni 8: Tiżdied il-leġittimità demokratika għas-Semestru Ewropew

    Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-gwida politika annwali li trid tiġi adottata mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-AGS għandha timmira li:

    Jiġi żgurat li parlamenti nazzjonali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili jkunu involuti profondament fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-gwida politika taħt l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-proċess ta’ governanza ekonomika, sabiex jiżguraw is-sjieda.

    Il-Parlament Ewropew għandu jiġu involut b’mod xieraq fis-Semestru Ewropew.

    Il-Kunsill Ewropew għandu jikkunsidra t-tħassib u l-proposti espressi mill-Parlament Ewropew meta jadotta l-gwida politika tal-2013 tiegħu.

    NOTA SPJEGATTIVA

    Kuntest ta’ dan ir-rapport

    Fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013 tagħha (AGS) (COM (2012 750)) filwaqt illi fetħet is-Semestru Ewropew tal-governanza ekonomika għall-2013. L-AGS jistabbilixxi dak illi l-Kummissjoni temmen li għandhom ikunu l-prijoritajiet tal-UE għat-12-il xahar li ġejjin f’termini ta’ politiki u riformi baġitarji, ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali.

    l-AGS tal-2013 jitlob li l-isforzi nazzjonali u tal-UE jiġu kkonċentrati fuq ħames prijoritajiet:

    - il-ħidma lejn konsolidazzjoni fiskali divrenzjata, li tiffavorixxi t-tkabbir

    - li jerġa’ jibda jsir self normali lill-ekonomija

    - il-promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività għal-lum u għal għada

    - l-indirizzar determinat tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi

    - l-immodernizzar ta' l-amministrazzjoni pubblika

    Il-Kumitat tal-EMPL ifassal dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja biex jindirizza l-aspetti tal-impjiegi u dawk soċjali fl-AGS. Ir-rapport se jippermetti lill-Parlament jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-impjiegi u dik soċjali fl-UE, il-progress li sar biex jintlaħqu l-miri tal-impjiegi u dawk soċjali tal-Ewropa 2020 u l-prijoritajiet relatati mressqa fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni. B’dan ir-rapport, il-Parlament għandu l-intenzjoni li jikkontribbwixxi b’mod attiv għall-proċess tas-Semestru Ewropew b’ħarsa lejn il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa.

    Ir-rwol limitat tal-Parlament fis-Semestru Ewropew jikkostitwixxi difett demokratiku li jrid jiġi solvut. Sabiex tiżdied il-leġittimità demokratika tas-Semestru Ewropew, il-Parlament irid jiġi involut b’mod xieraq fil-proċessi tiegħu. Għalhekk, ir-Rapporteur tiegħek jixtieq jenfasizza r-responsabbiltà tal-Kunsill Ewropew li jadotta t-tħassib u l-proposti espressi mill-Parlament meta jadotta l-gwida politika tal-2013 tiegħu

    Sabiex tiġi evitata r-repetizzjoni, dan ir-rapport se jiffoka fuq il-kontenut tal-gwida politika dwar l-aspetti soċjali u tal-impjieg tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir pjuttost milli fuq il-proċess tas-Semestru Ewropew.

    Il-proċedura interistituzzjonali attwali u l-format attwali tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ma jipprovdux lill-Parlament bil-possibbiltà li jipproponi emendi konkreti għall-gwida politika mogħtija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-annessi tagħha. Ir-rapport tal-Parlament se jadotta l-format użat fil-każ tar-Rapporti Leġiżlattivi fuq Inizjattiva Proprja, kif deskritti fl-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-PE, għalkemm mhuwiex rapport INI leġiżlattiv iżda rapport INI standard.

    Dan ir-rapport huwa kompost minn suġġeriment bħal fil-każ ta’ riżoluzzjonijiet mhux leġiżlattivi standard u anness għall-Mozzjoni għal Riżoluzzjoni, li jinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu adottati mill-Kunsill Ewropew fil-gwida politika tiegħu. Dan il-format jirrifletti n-natura “kważi leġiżlattiva” proposta u l-intenzjoni li jitqajjem il-profil tal-pożizzjoni tal-Parlament fis-Semestru Ewropew.

    L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013

    Mill-aħħar AGS fl-2012, is-sitwazzjoni tal-impjiegi u soċjali marret għall-agħar u l-prospetti għall-2013 huma pessimisti. Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, in-numru ta’ persuni qiegħda żdied b’2 miljuni u laħaq il-livell ta’ 25 miljun persuna qiegħda fl-UE (10.5% tal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol. Is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol kompliet tiżdied, il-qgħad fuq perjodu ta’ żmien twil laħaq livelli allarmanti, id-dħul medju tal-familji naqas f’ħafna Stati Membri u l-indikaturi juru xerja ta’ livelli ogħla u forom aktar profondi ta’ faqar u esklużjoni soċjali, b’żieda fil-faqar fost il-persuni b’impjieg u polarizzazzjoni soċjali f’ħafna Stati Membri.

    Il-progress għall-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 kien diżappuntanti. L-effikaċja tal-gwida politika tal-2012 u l-impenji stabbiliti mill-Istati Membri u l-implimentazzjoni tagħha ma kinux biżżejjed. Ir-Rapporteur tiegħek jemmen li gwida politika stabbilita abbażi tal-AGS mill-Kunsill Ewropew trid tiġi mmirata għal kollox lejn it-twettiq tal-objettivi kollha tal-Ewropa 2020. Konsegwentement, l-Istati Membri għandhom jadottaw l-impenji meħtieġa fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali tal-2012 lejn dan l-objettiv.

    Il-livelli għolja ta’ dejn u l-isfidi fit-tul għall-finanzi pubbliċi li jirriżultaw mill-kriżi jobbligaw il-ħidma lejn konsolidazzjoni fiskali biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u tas-sistema tas-sigurtà soċjali tagħna. Madankollu, ir-Rapporteur tiegħek jixtieq iwissi dwar l-effetti negattivi fuq it-tkabbir u l-impjiegi ta’ konsolidazzjoni fiskali, speċjalment f'pajjiżi f'reċessjoni jew b’rati marġinali ta’ tkabbir, li jikkompromettu l-potenzjali tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fil-futur.

    Ir-Rapporteur tiegħek jemmen li huwa meħtieġ li jinkiseb bilanċ korrett bejn il-konsolidazzjoni fiskali u l-miżuri li jippromwovu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. F’dan is-sens, ir-Rapporteur tiegħek jilqa’ l-prijorità stabbilita fl-AGS 2013 biex issir ħidma lejn konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir. Ir-ritmu tal-konsolidazzjoni fiskali jrid jiġi ddiferenzjat fost il-pajjiżi skont l-ispazju fiskali tagħhom biex jintlaħaq il-bilanċ tajjeb bejn tkabbir negattiv potenzjali u effetti fuq l-impjiegi u r-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn u jrid isir b’mod li jiffavorixxi t-tkabbir.

    Il-kriżi laqtet b’mod drammatiku liż-żgħażagħ. Madwar l-UE, aktar minn wieħed minn ħames żagħżugħ huma qiegħda (22.8 %), b’qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla minn 50 % f’ċerti Stati Membri, u 8.3 miljun Ewropew taħt l-età tal-25 sena li mhumiex la f’impjieg, la fl-edukazzjoni u lanqas fit-taħriġ (NEET) Dawn iċ-ċifri qed ikomplu jiżdiedu u hemm riskju ta’ ġenerazzjoni mitlufa. Ir-Rapporteur tiegħek jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jagħmel il-qgħad fost iż-żgħażagħ prijorità fil-gwida politika tal-2013 tiegħu u lill-Istati Membri biex iwettqu miżuri deċiżivi fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ.

    Huwa meħtieġ li jiġu żviluppati strateġiji komprensivi għaż-żgħażagħ li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEET). F’dan is-sens, ir-Rapporteur tiegħek jipproponi li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jippromwovu u jiżviluppaw, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, bil-għan li kull persuna taħt l-età tal-25 sena fl-UE tiġi offruta xogħol, perjodu ta’ taħriġ, taħriġ addizzjonali jew xogħol u taħriġ ikkumbinati wara perjodu massimu ta’ 4 xhur qgħad.

    It-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi jridu jkunu l-prijorità l-aktar importanti 'l fuq mill-kunsidrazzjonijiet l-oħra kollha. F’dan is-sens l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri favorevoli għall-ħolqien tal-impjiegi bħar-riformi tat-taxxa fuq ix-xogħol li jipprovdu inċentivi ta’ impjiegi, jippromwovu u jappoġġjaw impjieg indipendenti u l-bidu ta’ negozju, itejbu l-qafas biex isir negozju u jiffaċilitaw aċċess għal finanzjament għal SMEs, jittrasformaw xogħol informali u mhux iddikjarat f’impjieg regolari, jirriformaw swieq tax-xogħol biex isiru aktar adattabbli, dinamiċi u inklussivi, jimmodernizzaw sistemi tal-iffissar tal-pagi sabiex il-pagi jiġu allinjati ma’ żviluppi ta’ produttività, jisfruttaw il-potenzjal għoli ta’ impjieg ta’ setturi bħall-ekonomija ekoloġija, il-kura tas-saħħa u l-kura soċjali, u s-settur tal-ICT biex jinħolqu l-impjiegi;

    Id-distakk bejn l-Istati Membri fl-impjiegi u l-indikaturi soċjali qed jitwessa’. L-Istati Membri bi swieq tax-xogħol relattivament mhux segmentati, sistemi b’saħħithom tas-sigurtà soċjali u abilità li jiġu aġġustati temporanjament is-sigħat tax-xogħol, il-ħin tax-xogħol u arranġamenti oħra flessibbli tax-xogħol (flessibbiltà interna) urew li huma aktar reżiljenti għall-konsegwenzi tal-impjiegi u soċjali tal-kriżi; L-Istati Membri għandhom jitgħallmu mill-aħjar prattiċi u jwettqu riformi fis-swieq tax-xogħol tagħhom filwaqt illi jżommu l-kwalità tal-impjiegi.

    Is-swieq tax-xogħol tagħna għandhom ikunu aktar adattabbli u dinamiċi, ikunu jistgħu jaġġustaw għal tfixkil fis-sitwazzjoni ekonomika mingħajr ma jiġu kkawżati sensji, u jkunu aktar inklussiva, jiffavorixxu parteċipazzjoni miżjuda tax-xogħol, speċjalment għal dawk in-nies vulnerabbli u żvantaġġjati.

    Ir-Rapporteur tiegħek jindika li għalkemm hemm ir-rati għolja tal-qgħad hemm spazji vakanti fis-swieq tax-xogħol tagħna minħabba f'diskrepanzi ġeografiċi u ta’ ħiliet. F’dan is-sens, il-mobilità tal-ħaddiema u monitoraġġ aħjar tal-ħtiġijiet tal-ħiliet fis-setturi u/jew ir-reġjuni speċifiċi huma kruċjali biex jiġi rimedjat.

    Barra minn hekk, l-isfruttament sħiħ tal-potenzjal għoli tal-impjiegi ta’ setturi bħall-ekonomija ekoloġija, il-kura tas-saħħa u soċjali, u s-settur tal-ICT biex jinħolqu l-impjiegi jitlob ħiliet ġodda u l-adattament tal-ħaddiema. F’dan is-sens, huwa meħtieġ li jitrawmu l-kooperazzjoni u s-sinerġiji bejn is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-intrapriżi biex jiġu antiċipati l-ħtiġjiet tal-ħiliet u jiġu adattati s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

    Fl-aħħarnett, ir-Rapporteur tiegħek jinsab inkwetat dwar iż-żieda fil-faqar u l-qgħad fost il-gruppi tal-etajiet kollha, u jitlob li l-ġlieda kontra l-faqar u l-qgħad tkun element kruċjali tal-aġendi tal-politika soċjali tal-UE u nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw strateġiji integrati ta’ inklużjoni attiva u jadottaw impenji ġodda biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, speċjalment il-faqar fost il-persuni b’impjieg, il-faqar fost persuni b’rabtiet limitati jew bl-ebda rabta għas-suq tax-xogħol u l-faqar fost l-anzjani

    OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (18.12.2012)

    għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

    dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013
    (2012/2257(INI))

    Rapporteur għal opinjoni: Mojca Kleva

    SUĠĠERIMENTI

    Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

    1.  Jikkunsidra diżappuntanti l-fatt li l-Kummissjoni injorat stediniet ripetuti mill-Parlament biex tistabbilixxi leġittimità demokratika sħiħa għas-Semestru Ewropew, li tibda mit-trasformazzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) f’Linji Gwida Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li jiġu ppreżentati f’forma li tippermetti lill-Parlament iressaq emendi u tiżgura li l-proċess trasparenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet interistituzzjonali jirriżulta fi gwida tal-politika li dwarha kien hemm qbil komuni; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta SATs futuri b’mod aktar ambizzjuż, filwaqt li jiġu inklużi linji gwida aktar estensivi għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza l-fatt li l-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom aċċess limitat ħafna għall-proċess tas-Semestru Ewropew, minkejja l-fatt li l-kontribut u l-parteċipazzjoni tagħhom huma meħtieġa sabiex jitjiebu l-opportunitajiet għall-kisba tal-miri Ewropa 2020;

    2.  Huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li, avolja għaddew diversi snin mill-bidu tal-kriżi sistemika, il-qgħad fit-tul qed jibqa’ jiżdied fi ħdan l-UE, u huwa akkumpanjat minn livelli allarmanti ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fejn ir-riskji tal-faqar u l-esklużjoni soċjali qed jiżdiedu u m’hemm l-ebda previżjoni ta’ titjib immedjat;

    3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni jagħmlu azzjoni ddeterminata biex il-ġlieda kontra l-livelli ta’ qgħad fl-UE tkun il-prijorità tagħhom;

    4.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tqis aktar it-tendenzi lokali, reġjonali u nazzjonali speċifiċi, kif ukoll l-iżbalji potenzjali fil-previżjoni tagħha, li tirrappreżenta l-bażi tas-SAT;

    5.  Jinnota li l-politika ta’ koeżjoni, bħala strument ta’ investiment prinċipali tal-UE bi rwol importanti fl-ambitu tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 u li huwa mmirat preċiżament lejn il-ħtiġijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, tikkontribwixxi mhux biss biex tnaqqas id-disparitajiet bejn ir-reġjuni iżda wkoll għall-irkupru ekonomiku tal-Istati Membri u l-provvista effikaċi ta’ tkabbir sostenibbli u ħolqien ta’ impjiegi fl-Istati Membri u fl-Unjoni in ġenerali; jinnota li dan jagħmel il-politika ta’ koeżjoni waħda mill-aħjar stumenti disponibbli sabiex l-irkupru jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi, kif tipprevedi l-Kummissjoni fl-SAT 2013; huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li kwalunkwe tnaqqis fil-baġit tal-politika ta’ koeżjoni jista’ jkollu konsegwenzi negattivi għall-miri tal-Ewropa 2020 u jinsisti, għalhekk, li fil-perjodu ta’ programmar il-ġdid jiġi allokat livell adegwat ta’riżorsi lill-politika ta’ koeżjoni, tal-inqas f’livell bħal dak li ġie miftiehem għall-perjodu ta’ programmar attwali 2007-2013, u li jibqgħu jkunu koperti r-reġjuni kollha tal-UE;

    6.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-politika reġjonali jibqa’ jkollha rwol importanti fl-iżvilupp tal-programmi nazzjonali fl-ambitu tas-Semestru Ewropew, u jassiguraw li din tirrappreżenta strument ewlieni għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fir-rigward tal-politiki soċjali u l-impjieg, f’perjodu ta’ żmien medju sa żmien twil;

    7.  Jindika li fi żmien ta’ restrizzjonijiet fiskali u ta’ tnaqqis fil-kapaċità tas-self fis-settur privat, il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni, permezz tad-daqs finanzjarju tagħhom u l-objettivi li jsegwu, huma xprun essenzjali għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri biex tiġi stimulata l-ekonomija u jgħinu biex joħolqu t-tkabbir u biex jintlaħqu l-objettivi tal-impjiegi li ġew minquxa fl-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li fid-dawl tar-rwol ewlieni tal-politika ta’ koeżjoni fl-iżvilupp tal-programmi nazzjonali fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew, din il-politika għandha tikkostitwixxi element essenzjali tal-SAT u għandha tikkontribwixxi għad-dibattitu annwali dwar it-tkabbir u l-impjiegi fl-UE;

    8.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill jiftiehmu dwar miżuri konkreti li jirrispettaw il-karatteristiċi speċifiċi, itejbu l-parteċipazzjoni u jżidu l-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili fil-formolazzjoni u l-implimentazzjoni tal-gwida tal-politika fl-ambitu tas-SAT, sabiex tiġi żgurata aktar responsabilità fil-konfront tal-objettivi ta’ Ewropa 2020; jinnota li din l-applikazzjoni ta’ approċċ ta’ governanza f’diversi livelli m’għandhiex iżżid il-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji finali;

    9.  Iqis li huwa essenzjali li l-politika ta’ koeżjoni tikkontribwixxi biex jitnaqqsu d-disparitajiet kompetittivi interni u l-iżbilanċi strutturali permezz tal-possibiltà li tadatta ruħha għall-kundizzjonijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi li jiġu identifikati fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex ikunu riprogrammati, fejn hu possibbli, ir-riżorsi li għadhom ma ntefqux tal-Fond Strutturali favur l-effiċjenza enerġetika, l-impjiegi taż-żgħażagħ u l-SMEs; jitlob li huwa jibqa’ jinżamm infurmat debitament dwar l-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva fil-livell nazzjonali;

    10. Jilqa’ r-rikonoxximent tal-Kummissjoni fl-SAT 2013 li l-kapaċitajiet amministrattivi għandhom jiżdiedu sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni aktar malajr tar-riżorsi tal-Fond Strutturali li għadhom ma ntefqux; jirrimarka li tali sforzi għandhom ikunu ffokati fuq l-awtoritajiet fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza li żborżament aktar mgħaġġel ta’ riżorsi ta’ Fondi Strutturali li għadhom ma ntefqux jista’ jsaħħaħ il-likwidità tas-suq;

    11. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-istrumenti finanzjarji innovattivi tal-UE jistgħu jservu bħala katalisti għall-investiment immirat, jilħqu effett multiplikatur tal-baġit tal-UE u jżidu l-potenzjal tat-tkabbir tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl ta’ dan, tipprovdi informazzjoni dettaljata, aktar assistenza u gwida lill-Istati Membri u lir-reġjuni rigward it-titjib fl-applikazzjoni ta’ strumenti finanzjarji fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni fl-2013 u tal-perjodu ta’ programmar futur (2014-2020); jistieden lill-Istati Membri jimxu fil-passi tal-Kummissjoni u jindikaw ukoll b’mod ċar fil-programmi ta’ riforma nazzjonali rispettivi tagħhom kif bi ħsiebhom jużaw l-allokazzjonijiet tal-Fond Strutturali biex jippromwovu l-prijoritajiet ta’ titjib tat-tkabbir u tal-impjiegi bl-użu ta’ strumenti fiannzjarji;

    12. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw il-parteċipazzjoni baxxa tas-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġjati, li jinkludu nies li jagħmlu parti minn minoranzi (pereżempju Roma), li ġejjin mill-mikroreġjuni l-iktar fqar jew li għandhom diżabilità;

    13. Jirrikonoxxi l-importanza tal-kapaċità tal-kapital ta’ self ikbar tal-BEI u jirrakkomanda li din tiġi allinjata mal-prijoritajiet tal-UE li huma ffokati sabiex jeliminaw id-disparitajiet reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw parti mill-allokazzjonijiet tal-Fondi Strutturali tagħhom sabiex jinqasmu r-riskji tas-self tal-BEI u tkun pprovduta garanzija għas-self lill-SMEs u l-mikroimpriżi, b’hekk tintlaħaq iż-żieda tal-attività ekomomika fis-setturi u r-reġjuni kollha, u jkunu garantiti iktar opportunitajiet ta’ impjiegi u jingħeleb in-nuqqas ta’ aċċess għall-kreditu li qed ixekkel lill-SMEs bħalissa;

    14. Jinnota li bidla demografika għandha impatt ċar fl-ambitu tal-infrastruttura soċjali, u tqiegħed sfida serja għall-ġenerazzjonijiet kollha fl-UE; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li r-rwol tal-politiki ta’ koeżjoni fl-indirizzar tal-isfidi demografiċi għandu jitqies aktar fl-Istħarriġ tal-Kummissjoni.

    15. Jistieden l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fondi Strutturali permezz ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol sabiex itejbu l-impjegabilità fil-gruppi kollha tal-età, jiffaċilitaw ħajjiet tax-xogħol itwal u jiġġieldu b’mod effikaċi kontra l-qgħad strutturali u fit-tul; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li għandu jiġi assigurat investiment suffiċjenti kemm fl-assistenza finanzjarja u wkoll fit-taħriġ għal amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali sabiex jiżdiedu l-ħiliet u l-kapaċitajiet, kif ukoll l-għarfien tagħhom tar-regoli li jirregolaw il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni; iqis li l-Kummissjoni għandha tipproponi b’urġenza Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ sabiex ittejjeb realment is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ li m’għandhomx impjieg, li mhux involuti f’edukazzjoni jew taħriġ u għandha taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex jużaw parti mill-Fond Strutturali biex jikkumbattu l-qgħad fost iż-żgħażagħ, b’fokus ukoll fuq iż-żgħażagħ f’żoni rurali, u jkunu enfasizzati l-possibilitajiet ta’ intraprenditorija tagħhom sabiex tiġi evitata d-depopolazzjoni.

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    18.12.2012

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    35

    2

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Charalampos Angourakis, Victor Boştinaru, John Bufton, Nikos Chrysogelos, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva Kekuš, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Ramona Nicole Mănescu, Vladimír Maňka, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Miroslav Mikolášik, Ana Miranda, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Younous Omarjee, Markus Pieper, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Justina Vitkauskaite, Oldřich Vlasák, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Ivars Godmanis, Lena Kolarska-Bobińska, Maurice Ponga, Elisabeth Schroedter, Derek Vaughan

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Olle Ludvigsson

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    24.1.2013

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    39

    5

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Edit Bauer, Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Minodora Cliveti, Marije Cornelissen, Emer Costello, Andrea Cozzolino, Frédéric Daerden, Richard Falbr, Marian Harkin, Roger Helmer, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Martin Kastler, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Thomas Mann, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu, Andrea Zanoni

    Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

    Georges Bach, Malika Benarab-Attou, Sergio Gutiérrez Prieto, Richard Howitt, Dieter-Lebrecht Koch, Jan Kozłowski, Svetoslav Hristov Malinov, Paul Murphy, Ria Oomen-Ruijten

    Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Jolanta Emilia Hibner