RAPPORT dwar theddid għas-saħħa okkupazzjonali marbut mal-asbestos u prospettivi għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu
30.1.2013 - (2012/2065(INI))
Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Stephen Hughes
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar theddid għas-saħħa okkupazzjonali marbut mal-asbestos u prospettivi għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-preambolu u l-Artikoli 3 u 6 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 6, 9, 151, 153, 156 u 168 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 6, 31, 35 u 37 tagħha[1],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-ILO tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar l-asbestos,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO tas-16 ta' Ġunju 1989 dwar is-Sikurezza fl-Użu tal-Asbestos,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-WHO dwar l-asbestos,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ħaddiema li ħarġet mill-Konferenza ta' Dresden dwar l-Asbestos (2003),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 1978 dwar programm ta’ azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol, b’mod partikolari l-Artikolu 4[2]
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (id-Direttiva Qafas)[3],
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/57/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1992, dwar il-ħtiġijiet minimi ta' sigurtà u saħħa li għandhom jiġu implimentati f'postijiet ta' kostruzzjoni temporanji jew mobbli[4],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/148/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol[5],
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 90/326/KEE tat-22 ta’ Mejju 1990 lill-Istati Membri dwar l-adozzjoni ta’ lista Ewropea ta’ mard relatat max-xogħol[6],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: Strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol (COM(2007)0062),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2011 intitolat "L-evalwazzjoni ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol" (SEC(2011)0547),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tal-Kimiki (REACH)), fir-rigward tal-Anness XVII[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol[9],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tal-Ispetturi Anzjani tax-Xogħol (SLIC) dwar il-Kampanja Ewropea dwar l-Asbestos (2006),
– wara li kkunsidra r-rapport tad-WHO bit-titolu "Preventing Disease Through Healthy Environments: Action is needed on Chemicals of Major Public Health Concern"[10],
– wara li kkunsidra l-Monografija 100C tal-Aġenzija Internazzjonali tar-Riċerka dwar il-Kankru (IARC) bit-titolu "Arsenic, Metals, Fibres, and Dusts: A Review of Human Carcinogens’ (2012)[11],
– wara li kkunsidra l-istqarrija ‘Global Asbestos Ban and the Elimination of Asbestos-related Diseases’ mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar is-Saħħa Fuq il-Post tax-Xogħol (ICOH)[12],
– wara li kkunsidra l-"Information Notices on Occupational Diseases - Guide to Diagnosis (2009)" (Noti Informattivi dwar il-Mard relatat max-Xogħol - Gwida għad-Dijanjożi) tal-Kummissjoni[13],
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Inkjesta 24/E tal-Eurogip (April 2006) bit-titolu ‘Asbestos-related Occupational Diseases in Europe: Recognition - Figures - Specific systems’[14],
– wara li kkunsidra r-Rapport 08-E tal-Eurogip (Awwissu 2004) bit-titolu ‘Costs and funding of occupational diseases in Europe’[15],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0025/2013),
A. billi t-tipi kollha ta' asbestos huma perikolużi u l-impatt perikoluż tiegħu ġie ddokumentat u rregolat; billi l-biċċa l-kbira tal-effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-fibri tal-asbestos li jidħlu man-nifs jidhru għexieren ta' snin wara l-esponiment;
B. billi sa mill-1977 grupp ta’ esperti kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea kkonkluda li: ‘M’hemm l-ebda evidenza teoretika li jeżisti limitu minimu ta’ esponiment li taħtu ma jiġix ikkawżat il-kanċer. Livell ta’ esponiment sikur għall-asbestos għadu ma ġiex stabbilit’, billi din l-opinjoni ġiet affermata matul is-snin mill-korpi konsultattivi rilevanti xjentifiċi kollha, billi huwa ġeneralment aċċettat mill-qrati li m’hemm l-ebda limitu minimu ta’ esponiment magħruf għall-asbestos li taħtu ma jkun hemm l-ebda riskju,
C. billi d-Direttiva 1999/77/KE tiddikjara li “ebda livell ta' espożizzjoni għadu ma ġie identifikat li taħtu l-asbestos tal-krisotil ma jimponix riskji karċinoġeniċi” u li “mod effettiv għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huwa li jiġi projbit l-użu tal-fibri krisotili tal-asbestos u tal-prodotti li jikkontjenuhom”;
D. billi ġiet osservata żieda fir-riskji tal-kankru f'popolazzjonijiet esposti għal livelli ferm baxxi ta' fibri tal-asbestos, inklużi l-fibri krisotili;
E. billi r-rimi tal-iskart tal-asbestos fil-landfill ma jidhirx li huwa l-mod l-aktar sikur biex jitħassar b'mod permanenti r-rilaxx tal-fibri tal-asbestos fl-ambjent (partikolarment fl-arja u fl-ilma ta' taħt l-art) u li għalhekk is-sistemi għad-ditossifikazzjoni tal-asbestos ikunu ferm ippreferuti;
F. billi l-ħolqien ta' landfills tal-iskart tal-asbestos huwa biss soluzzjoni temporanja għall-problema, li, b'dan il-mod, qed titħalla f'idejn il-ġenerazzjonijiet futuri, peress li meta jgħaddi ż-żmien ikun virtwalment impossibbli li jinqerdu l-fibri tal-asbestos;
G. billi, minkejja l-projbizzjoni fuq l-użu tal-asbestos, xorta waħda għadu jinsab f'ħafna vapuri, ferroviji, makkinarju, bunkers, mini, pajpijiet taħt l-art ta' netwerks tal-ilma kemm pubbliċi kif ukoll privati u speċjalment f'binjiet, inklużi ħafna binjiet pubbliċi u privati;
H. billi minkejja l-projbizzjoni, is-sorveljanza eżistenti tas-suq ma tistax tiżgura li l-asbestos ma jiġix impurtat fis-swieq Ewropej;
I. billi ħafna Stati Membri pprovdew korsjijiet ta' taħriġ għall-ħaddiema involuti fit-twaqqigħ, bini u manutenzjoni tal-binjiet u għal oħrajn li jaħdmu fit-tneħħija ta' materjali li fihom l-asbestos (ACMs);
J. billi ħafna ħaddiema huma esposti għall-asbestos fix-xogħol tagħhom, b’mod partikolari fis-setturi tal-manutenzjoni u tad-dekontaminazzjoni;
K. billi l-għan għandu jkun il-ħolqien tal-impjiegi u l-għoti ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol li jippromwovu s-saħħa u l-benesseri tal-individwi u, b’estensjoni, il-progress soċjali bħala riżultat tax-xogħol tagħhom;
L. billi, flimkien mad-dimensjoni umana ta’ saħħa u sigurtà inadegwati fuq il-post tax-xogħol, din il-problema hija wkoll ta’ detriment għall-ekonomija; b’mod aktar speċifiku, il-problemi relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma ostakolu għat-tkabbir u l-kompetittività, filwaqt li fl-istess ħin jikkawżaw żieda sproporzjonata fl-ispejjeż tas-sigurtà soċjali;
M. billi l-ħaddiema aktar żgħażagħ u l-ħaddiema tal-bini ma jagħrfux l-asbestos fil-binjiet meta jkunu qed iwettqu xogħol ta' tiġdid jew ta' twaqqigħ, speċjalment f'ħafna Stati Membri li għandhom projbizzjonijiet fuq l-asbestos li ilhom ħafna fis-seħħ;
N. billi ħafna ACMs diġà tneħħew, ġew issiġillati jew inkapsulati u ħafna kumpaniji u sidien ta' binjiet għandhom dokumenti li jagħtu dettalji preċiżi dwar siti tat-tneħħija tal-asbestos;
O. billi t-tneħħija tal-ACMs mill-bini, speċjalment fi Stati Membri ekonomikament inqas żviluppati u f’żoni rurali, timponi piż finanzjarju fuq is-sidien tal-bini u għalhekk, għandha tkompli tirċievi appoġġ attiv fil-livell nazzjonali u tal-UE;
P. billi l-ACMs għandhom ċiklu ta' ħajja tipiku ta' bejn 30 u 50 sena; billi dan iwassal għal żieda fil-proġetti ta' tiġdid u ta' kostruzzjoni u, għaldaqstant, żieda fl-għadd ta' ħaddiema li jkunu esposti;
Q. billi s-suċċess tar-regolamenti dwar l-asbestos fl-Istati Membri huwa limitat minn nuqqas ta' għarfien dwar l-eżistenza ta' ACMs u r-riskji assoċjati, kif ukoll nuqqas ta’ taħriġ vokazzjonali u kwalifiki tal-ħaddiema tal-bini u tal-manutenzjoni, inklużi ħaddiema tal-kostruzzjoni li jaħdmu b’mod inċidentali bl-asbestos;
R. billi l-komunitajiet lokali m’għandhomx għarfien espert u għandhom nuqqasijiet serji fit-twettiq ta’ kompiti tal-prevenzjoni, tas-sorveljanza u tal-infurzar, li spiss huma wisq frammentati;
S. billi l-ACMs sikwit ikunu moħbija u/jew fejn ikunu jinsabu ma jkunx magħruf, u t-tagħrif dwar dan qiegħed jonqos drastikament maż-żmien;
T. billi awditu obbligatorju dwar l-asbestos f’binjiet, vapuri, ferroviji, makkinarju, bunkers, mini, u pajpijiet taħt l-art ta' netwerks tal-ilma kemm pubbliċi kif ukoll privati u miżbliet jipprovdi bażi soda u infurmata għall-programmi tat-tneħħija tal-asbestos fil-livell nazzjonali, reġjonali u Ewropew;
U. billi l-UE żviluppat politika ambizzjuża għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija hija mistennija li tistabbilixxi strateġija għat-tiġdid tal-binjiet, fuq żmien fit-tul u f'kull Stat Membru, iżda din il-politika mhijiex marbuta ma' strateġija għat-tneħħija tal-asbestos;
V. billi d-dubju dwar jekk l-asbestos huwiex preżenti jew ġiex inkapsulat jew imneħħi minn binjiet speċifiċi jista' jwassal għal kunflitti bejn il-ħaddiema u min iħaddimhom, u billi informazzjoni minn qabel dwar il-preżenza tal-asbestos tagħti lok għal kundizzjonijiet tax-xogħol ferm aktar sikuri, partikolarment waqt xogħol ta' tiġdid;
W. billi, b’konformità mad-Direttiva 92/57/KEE[16], f’sitwazzjonijiet perikolużi għandhom jiġu pprovduti faċilitajiet biex il-ħwejjeġ tax-xogħol jinżammu f’post separat mill-ħwejjeġ u l-effetti personali tal-ħaddiema stess
X. billi l-inkapsulazzjoni jew l-issiġillar tal-ACMs għandhom jitħallew isiru biss meta l-materjali jkollhom tikketti adegwati bit-twissijiet;
Y. billi tliet Stati Membri għadhom jippermettu l-fibri tal-asbestos fiċ-ċelloli tal-elettroliżi filwaqt li alternattivi tekniċi jeżistu u ġew implimentati b'suċċess f'pajjiżi oħrajn;
Z. billi għad hemm differenzi kbar u inaċċettabbli bejn l-iskedi tal-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-mard li jiġi mix-xogħol relatat mal-asbestos;
AA. billi wieħed mill-akbar ostakoli għat-trattament tal-vittmi huwa n-nuqqas ta' rrappurtar tal-mard relatat mal-asbestos;
AB. billi l-programmi nazzjonali tas-sorveljanza tas-saħħa għall-ħaddiema esposti għall-asbestos ivarjaw ħafna madwar l-UE, speċjalment fir-rigward tal-kontrolli mediċi wara s-snin tal-impjieg;
AC. billi l-esponiment għall-asbestos huwa theddida għall-pubbliku inġenerali u jikkostitwixxi kawża rikonoxxuta ta' mard[17];
AD. billi, skont l-istimi tad-WHO, l-għadd ta' każijiet ta' mard relatat mal-asbestos fl-UE huwa bejn 20 000 u 30 000 fis-sena u dan l-għadd għadu qed jiżdied;
AE. billi, minħabba l-perjodu twil ta' kemm idum mistur u minħabba n-nuqqas ta' għarfien fost l-istaff mediku, il-vittmi sikwit ma jirċevux l-appoġġ xieraq u f’waqtu mingħand dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa;
AF. billi l-Polonja hija l-uniku Stat Membru li adotta pjan ta' azzjoni għal pajjiż ħieles mill-asbestos;
AG. billi f'ħafna Stati Membri l-ispezzjonijiet qed jonqsu u billi t-tendenza lejn deregulazzjoni akbar tintensifika r-riskji relatati mal-asbestos;
AH. billi ħafna ħaddiema fil-bini u utenti tal-binjiet għadhom mhux protetti minn livelli għoljin ta' esponiment għall-asbestos;
AI. billi anki kieku jkun hemm projbizzjoni, fil-binjiet għad hemm miljuni ta' tunnellati ta' asbestos, u m'hemm l-ebda reġistru li jżomm kont ta' fejn jinsab u kemm asbestos jeħtieġ li jitneħħa;
AJ. billi kwalunkwe proposta leġiżlattiva ġdida għandha tqis il-leġiżlazzjoni eżistenti fil-livell nazzjonali u Ewropew u għandha tkun preċeduta b’valutazzjoni dettaljata tal-impatt possibbli tagħha kif ukoll b’analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tagħha;
L-iskrinjar u r-reġistrazzjoni tal-asbestos
1. Jistieden lill-UE tiżviluppa, timplimenta u tappoġġja mudell għall-iskrinjar u r-reġistrazzjoni tal-asbestos b'konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/148/KE u titlob lis-sidien ta’ binjiet pubbliċi jew kummerċjali biex:
a. jiskrinjaw binjiet għall-preżenza ta’ materjali li jkun fihom l-asbestos;
b. jippreparaw pjanijiet għall-ġestjoni tar-riskji li dawn jippreżentaw;
c. jiżguraw li informazzjoni bħal din tkun disponibbli għall-ħaddiema li jistgħu jiddisturbaw materjali bħal dawn;
d. fil-każ ta' Stati Membri li diġà jimplimentaw skemi obbligatorji ta' skrinjar, iżidu l-effiċjenza ta' dawn l-iskemi;
2. Iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa mudelli għall-monitoraġġ tal-asbestos eżistenti fil-binjiet privati u pubbliċi inklużi l-akkomodazzjoni residenzjali u mhux residenzjali, l-art, l-infrastruttura, il-loġistika u s-sistemi ta’ pajpijiet;
3. Jistieden lill-UE tiżviluppa mudelli għall-monitoraġġ tal-fibri tal-asbestos fl-arja preżenti fil-post tax-xogħol, fiż-żoni mibnija, fil-miżbliet, u l-fibri li jinsabu fl-ilma għax-xorb imwassla permezz ta' pajpijiet tas-siment bl-asbestos;
4. Iħeġġeġ lill-UE twettaq valutazzjoni tal-impatt u analiżi tal-kost-benefiċċji tal-possibilità li jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ azzjoni għat-tneħħija sikura tal-asbestos mill-bini pubbliku u minn bini li jipprovdu servizzi li jirrikjedu l-aċċess pubbliku sal-2028, u sabiex tipprovdi informazzjoni u linji gwida biex tinkuraġġixxi lis-sidien tad-djar privati sabiex iwettqu awditu u jivvalutaw ir-riskju b’mod effettiv tal-ACMs fi djarhom, billi jiġi segwit l-eżempju tal-Polonja; fil-każ tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali ta' rtirar, il-ministri kompetenti tal-gvernijiet għandhom jikkoordinaw l-azzjoni filwaqt li l-awtoritajiet responsabbli tal-Istat Membru għandhom jikkontrollaw il-konformità tal-pjanijiet ta’ rtirar lokali;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra l-kwistjoni tal-asbestos f'politiki oħrajn, bħall-politika tal-UE dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u dik dwar l-iskart;
6. Jipproponi li tiġi kkombinata strateġija għat-tiġdid tal-binjiet biex isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija b'mod parallel mat-tneħħija gradwali tal-asbestos kollu;
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri jiżviluppaw reġistri pubbliċi tal-asbestos li jservu biex tingħata informazzjoni relevanti dwar ir-riskji tal-asbestos għall-ħaddiema u lil min iħaddem qabel ma jitwettqu xogħlijiet ta’ restawr, u li jikkumplimentaw il-protezzjonijiet eżistenti tas-saħħa u tas-sigurtà meħtieġa skont il-liġi tal-UE;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tiżgura implimentazzjoni effettiva u bla xkiel ta’ leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-asbestos u biex iżżid l-ispezzjonijiet uffiċjali;
9. Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tan-nuqqas ta’ informazzjoni għall-min iħaddem u għall-persunal dwar l-asbestos, biex tikkoopera mal-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti, inklużi s-sħab soċjali, fil-ħolqien u l-iżvilupp ta’ servizzi li jipprovdu pariri u informazzjoni kontinwa;
10. Jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, biex tipprovdi l-appoġġ neċessarju biex tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema kollha tal-UE, minħabba li l-intrapriżi żgħar u medji, li jimpjegaw ħafna mill-ħaddiema Ewropej, huma esposti b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà;
11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod korrett u jirrispettaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/148/KE u jiżguraw li l-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri jkunu infurmati debitament dwar il-pjanijiet maħsuba dwar xogħol b'ACMs;
12. Jistieden lis-Segretarji Ġenerali tal-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu reġistru komplut – li għandu jkun miftuħ għall-pubbliku – tal-ACMs fil-binjiet tal-UE; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jmexxu bl-eżempju billi jistabbilixxu reġistri pubbliċi tal-asbestos;
13. Iħeġġeġ lill-UE tagħmel obbligatorju d-differenzazzjoni bejn asbestos li jitfarrak u dak li ma jitfarrakx;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-twaqqif, madwar l-UE kollha, ta' ċentri ta' trattament u ditossifikazzjoni tal-iskart li jkun fih l-asbestos, flimkien mat-tmiem gradwali ta’ kull rimi f’miżbla ta’ dan it-tip ta’ skart;
Il-garanzija ta' kwalifiki u taħriġ
15. Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf grupp ta' ħidma, flimkien mal-Istati Membri, biex tiżviluppa kwalifiki minimi speċifiċi għall-asbestos għall-inġinieri ċivili, arkitetti u impjegati ta’ kumpaniji reġistrati li jneħħu l-asbestos u tipprovdi kwalifiki speċifiċi għall-asbestos għat-taħriġ ta’ ħaddiema oħrajn li aktarx ikunu esposti għall-asbestos bħal impjegati tal-industrija tat-tarzna u l-bdiewa, b’attenzjoni speċjali fuq dawk in-nies li huma responsabbli għat-tneħħija tal-asbestos minn fuq il-post, billi jissaħħaħ it-taħriġ tagħhom, it-tagħmir protettiv tagħhom u l-kontroll tal-attivitajiet tagħhom mill-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri;
16. Jistieden lill-UE biex, flimkien mas-sħab soċjali u ma' partijiet interessati oħrajn, tfassal programmi u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji relatati mal-asbestos u l-ħtieġa ta' taħriġ adegwat għall-persunal li aktarx li jkun affettwat mill-ACMs, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2009/148/KE, u biex ittejjeb l-informazzjoni dwar leġiżlazzjoni eżistenti tal-asbestos u tipprovdi gwidi prattiċi ta’ konformità magħha;
17. Jenfasizza li t-taħriġ għal kull min hu involut (min iħaddem, is-superviżuri u l-ħaddiema) fix-xogħol li jista’ jinvolvi (jew li fil-fatt jinvolvi) l-asbestos, għandu jkopri: il-proprjetajiet tal-asbestos u l-effetti tiegħu fuq is-saħħa, inkluż l-effett sinerġistiku tat-tipjip; it-tipi ta’ materjali jew prodotti li jista’ jkun fihom l-asbestos u fejn x’aktarx li jinstabu; kif il-kundizzjoni tal-materjal jew tal-prodotti taffettwa l-faċilità ta’ rilaxx tal-fibri u x’għandu jsir f’każ li wieħed jiltaqa’ ma’ materjali li hemm suspett li fihom l-asbestos;
18. Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tipproponi direttiva speċifika b'rekwiżiti minimi għat-taħriġ vokazzjonali tal-ħaddiema tal-bini u tal-manutenzjoni, inklużi maniġers u ħaddiema professjonali fil-kostruzzjoni li jaħdmu b'mod inċidentali bl-asbestos, kif ukoll l-impjegati fil-landfills għar-rimi tal-iskart li jkun fih l-asbestos jew f'ċentri speċjalizzati għat-trattament, it-tneħħija sikura, u r-rimi tal-iskart tal-asbestos, kif ukoll biex taħdem mal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn, u tappoġġjahom, biex itejbu l-implimentazzjoni tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2009/148/KE permezz ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa għal taħriġ xieraq u biex tiżviluppa informazzjoni u materjali biex dan jiġi pprovdut; dan it-taħriġ għandu jkun ipprovdut f’intervalli regolari u bla ebda spiża għall-ħaddiema;
19. Jistieden lill-UE, permezz tal-SLIC u l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol, tiżgura li l-ispetturi tax-xogħol jirċievu taħriġ dwar l-ACMs, u li l-ispetturi tax-xogħol f’dan il-qasam jirċievu tagħmir ta’ protezzjoni xieraq;
20. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li t-tobba tax-xogħol jitħarrġu sew sabiex ikun żgurat li huma jafu dwar l-asbestos u għalhekk, ikunu kapaċi jipprovdu l-informazzjoni neċessarja lill-ħaddiema taħt is-superviżjoni tagħhom;
L-iżvilupp ta' programmi ta' tneħħija
21. Iħeġġeġ lill-UE taħdem flimkien mas-sħab soċjali u ma' partijiet oħra interessati fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali biex jiżviluppaw u jikkondividu pjanijiet ta' azzjoni għat-tneħħija u l-ġestjoni tal-asbestos. Dawn il-pjanijiet għandhom jinkludu: proposti għal leġiżlazzjoni; l-edukazzjoni u l-informazzjoni; it-taħriġ għall-impjegati pubbliċi; it-taħriġ nazzjonali u internazzjonali; il-programmi li jiffinanzjaw it-tneħħija tal-asbestos; l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni relatati mat-tneħħija tal-asbestos u ta' prodotti li fihom l-asbestos (inkluż waqt it-tneħħija minn binjiet), installazzjonijiet pubbliċi u siti fejn kien hemm fabbriki tal-asbestos; it-tindif ta' binjiet u l-bini ta' installazzjonijiet għall-eliminazzjoni tal-asbestos u tad-debris li fih l-asbestos; il-monitoraġġ tal-effikaċja tar-rekwiżiti legali eżistenti; il-valutazzjonijiet ta’ esponiment tal-persunal fir-riskju; u l-protezzjoni tas-saħħa;
22. Jistieden lill-Istati Membri jimxu ’l quddiem bit-tneħħija gradwali tal-asbestos fl-iqsar żmien possibbli;
23. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati proċeduri ta’ xogħol sikur, inkluż l-użu korrett ta’ tagħmir protettiv personali, għall-ħaddiema li jistgħu jaħdmu ħdejn materjali li fihom l-asbestos;
24. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka biex tirrevedi l-valur limitu eżistenti għall-fibri tal-asbestos, u l-ħtieġa li jitbaxxa l-valur, kif ukoll il-valur iffissat, għandhom ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika soda;
25. Iħeġġeġ lill-UE tissostitwixxi l-metodu tal-phase-contrast optical microscopy (PCOM) permezz tal-Eżattezza tal-Mikroskopija Elettronika bit-Trażmissjoni (ATEM) li huwa metodu aktar preċiż u jipprovdi għall-iskoperta aħjar ta’ partiċelli rqaq;
26. Jistieden lill-UE tistabbilixxi pjan direzzjonali għal postijiet tax-xogħol li jkunu ħielsa mill-asbestos, ibbażat fuq il-prinċipji stipulati mid-WHO[18];
27. Jistieden lill-UE, permezz tal-SLIC u tal-ispettorati nazzjonali tax-xogħol, tiggarantixxi l-infurzar sħiħ tar-regolamenti tal-UE u nazzjonali dwar l-asbestos;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi strateġija kkoordinata dwar l-asbestos fl-Istrateġija Komunitarja 2014-2020 għas-Saħħa u s-Siġurtà li jmiss u tforni lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq ix-Xogħol b’għodda effettiva biex ittejjeb il-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni teknika, xjentifika u ekonomika fl-Istati Membri u tiffaċilita l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki nazzjonali maħsuba biex jipproteġu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-progress dwar l-iżvilupp ta’ dijaframmi ħielsa mill-krisotilu użati f’installazzjonijiet tal-elettroliżi, skont l-Anness XVII, Parti 6 tar-REACH u biex jiżguraw li s-sostituzzjoni ssir qabel ma jispiċċa l-perjodu ta' eżenzjoni ta’ għaxar snin mogħtija fl-2009;
30. Jistieden lill-UE ssaħħaħ evalwazzjonijiet ex ante ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni għall-asbestos;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi attivitajiet ta’ riċerka u rimedju mmirati biex jevitaw is-sospensjoni mill-ġdid ta’ fibri individwali, u/jew biex jeqirdu l-istruttura kristallina simili għall-fibri tal-asbestos;
32. Jinnota li, fir-rigward tal-immaniġġjar tal-iskart tal-asbestos, iridu jittieħdu wkoll miżuri – bil-kunsens tal-popolazzjonijiet ikkonċernati – biex titħeġġeġ u tiġi appoġġata r-riċerka għall-alternattivi ekokompatibbli u t-teknoloġija li tużahom u biex jiġu żgurati proċeduri, bħan-newtralizzazzjoni tal-iskart li fih l-asbestos, biex jiġu deattivati l-fibri tal-asbestos attivi u jinqalbu f'materjali li ma joħolqux riskji għas-saħħa pubblika;
33. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jsaħħu l-kontrolli bżonnjużi sabiex il-partijiet interessati kkonċernati kollha jkunu obbligati, b'mod partikolari dawk involuti fit-trattament tal-iskart tal-asbestos fil-miżbliet, jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tas-saħħa kollha stipulati fid-Direttiva 2009/148/KE, u jiżguraw li l-iskart kollu li fih l-asbestos, irrispettivament mill-kontenut tal-fibri tiegħu, jiġi klassifikat bħala skart perikoluż skont id-Deċiżjoni 2000/532/KE aġġornata; Jenfasizza li tali skart irid jintrema biss f'miżbliet dedikati għall-iskart perikoluż, kif previst fid-Direttiva 1999/31/KE, jew fejn jingħata l-permess, jiġi proċessat f'impjanti dedikati, ittestjati u sikuri għat-trattament u n-newtralizzazzjoni, li dwarhom il-popolazzjoni ikkonċernata għandha tkun infurmata.
Rikonoxximent tal-Mard relatat mal-Asbestos
34. Jirrikonoxxi li ż-żewġ rakkomandazzjonijiet dwar il-mard relatat max-xogħol ma wasslu għall-ebda standards u proċeduri nazzjonali armonizzati fir-rigward tal-identifikazzjoni, in-notifika, l-għarfien u l-kumpens għall-mard relatat mal-asbestos, u li, għaldaqstant, għad hemm differenzi kbar ħafna bejn is-sistemi nazzjonali;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni temenda r-Rakkomandazzjoni 2003/670/KE sabiex tirrifletti l-progress miksub mir-riċerka medika u tinkludi l-kankru tal-larinġi u l-kankru tal-ovarji bħala relatati mal-asbestos;
36. Jiddeplora n-nuqqas ta' informazzjoni minn bosta Stati Membri li jimpedixxi tbassir affidabbli tal-mortalità marbuta mal-mesoteljoma fl-Ewropa meta, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), kull sena jiġu rreġistrati bejn 20 000 u 30 000 każ ta’ mard relatat mal-asbestos fl-UE biss, u li fl-UE aktar minn 300 000 ċittadin huwa mistenni li jmut mill-mesoteljoma sal-2030; f’dan il-kuntest jagħti importanza kbira liċ-ċittadini biex jiġu informati u mħarrġa u jkun hemm skambji tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri għad-dijanjożi tal-mard relatat mal-asbestos;
37. Jenfasizza li t-tipi kollha ta' mard relatati mal-asbestos bħall-kanser tal-pulmun u l-mesoteljoma plewrali – ikkawżati minn fibri tal-asbestos f’sospensjoni li jittieħdu bin-nifs, li tant huma rqaq li jilħqu l-alveoli u li huma twal biżżejjed biex jiżbqu d-daqs tal-makrofaġi, kif ukoll tipi differenti ta' kanser ikkawżati mhux biss mill-fibri fl-arja li jittieħdu bin-nifs iżda wkoll bl-inġestjoni ta’ ilma li jkun fih il-fibri li jkunu ġejjin mill-pajpijiet tal-asbestos – ġew rikonoxxuti bħala periklu tas-saħħa u jistgħu jieħdu ħafna deċennji, u f'ċerti każijiet aktar minn 40 sena, biex isiru evidenti;
38. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-każijiet kollha ta' asbestosi, mesoteljoma u mard relatat jiġu rreġistrati permezz ta' ġbir sistematiku ta' data dwar il-mard okkupazjonali u mhux okkupazzjonali marbut mal-asbestos, biex jikkategorizzaw u uffiċjalment jirreġistraw il-plakki plewrali bħala mard relatat mal-asbestos, u biex jipprovdu, bl-għajnuna ta' osservatorji dedikati, mappa affidabbli tal-preżenza tal-asbestos; jenfasizza li tali reġistru u mappa fil-livell tal-UE għandhom jinkludu l-post eżatti fejn jinsabu s-siti pubbliċi u privati li fihom l-asbestos, kif ukoll jipprovdu dettalji ċari ta' dawk il-miżbliet li fihom l-iskart tal-asbestos, sabiex jiġi evitat li xi ħadd li ma jkunx jaf bis-sitwazzjoni jiddisturba l-art fejn jinsab midfun tali materjal, u biex jikkontribwixxu għal azzjonijiet ta' prevenzjoni u rimedju;
39. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwettqu azzjoni ta’ riċerka fir-rigward tal-iskala u l-gravità tal-impatti psikoloġiċi klinikament miżurabbli fil-komunitajiet madwar l-UE tal-mard attribwibbli unikament għall-espożizzjoni għall-asbestos[19];
40. Jistieden lill-entitajiet tal-assikurazzjoni u tal-kumpens jadottaw approċċ komuni għar-rikonoxximent u l-kumpens għall-mard relatat max-xogħol marbut mal-asbestos;
41. Jappella biex il-proċeduri ta' rikonoxximent jiġu simplifikati u ffaċilitati;
42. Jistieden lill-Kummissjoni biex b’mod urġenti tressaq proposta sabiex tiġi emendata d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-karċinoġeni u l-mutaġeni fuq ix-xogħol, biex jiġi żgurat li s-saħħa tal-ħaddiema f’riskju li jkunu esposti għal karċinoġeni tkun protetta u salvagwardjata permezz tal-promozzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-prevenzjoni u d-dijanjożi;
43. Jistieden lill-UE tiżgura li l-mard kollu relatat mal-asbestos, inklużi plakek plewriċi, ikun rikonoxxut bħala mard relatat max-xogħol;
44. Jirrikonoxxi li, minħabba l-perjodi twal ta' kemm idum mistur, il-vittmi tal-asbestos sikwit ma jkunux jistgħu jissostanzjaw il-kawżalità tal-esponiment tagħhom għall-asbestos fuq ix-xogħol;
45. Jistieden lill-Istati Membri ma jitfgħux il-piż tal-provi fuq il-vittmi tal-asbestos iżda jistabilixxu drittijiet usa' għat-talbiet għal kumpens, kif propost fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/670/KE[20];
46. Jistieden lill-UE tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jieħdu passi biex jiżguraw li l-każijiet kollha ta' mard relatat max-xogħol marbut mal-asbestos ikunu identifikati, irrappurtati lill-awtorità kompetenti u eżaminati minn esperti;
47. Jitlob li tiġi mfittxija u sanzjonata r-responsabbiltà kriminali tad-delinkwenti, jitlob f’dan ir-rigward li l-ostakoli għall-din l-azzjoni, li possibbilment jinsabu fil-liġijiet kriminali nazzjonali, jiġu identifikati u eliminati;
48. Jistieden lill-Kummissjoni xxerred l-aħjar prattiki fir-rigward ta’ linji gwida u prattiki nazzjonali għall-proċeduri nazzjonali għar-rikonoxximent tal-mard relatat mal-asbestos;
49. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki għat-taħriġ tal-istaff mediku fid-dijanjożi tal-mard relatat mal-asbestos;
50. Jistieden lill-aġenziji rilevanti tal-UE - bil-għajnuna ta’ esperti mediċi u tekniċi - sabiex jiddelinjaw il-provi xjentifiċi meħtieġa li juru li ċerti kundizzjonijiet tax-xogħol wasslu għal mard relatat mal-asbestos;
Appoġġ għall-Gruppi tal-Vittmi tal-Asbestos
51. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja konferenzi li jipprovdu lill-gruppi tal-vittmi tal-asbestos pariri professjonali, u li jipprovdu appoġġ għall-membri tagħhom;
52. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja netwerk tal-UE tal-vittmi tal-asbestos;
Strateġiji għal projbizzjoni globali tal-asbestos
53. Jenfasizza li indipendentement mis-sors tal-espożizzjoni jew l-istatus ta' impjieg tal-persuna esposta, il-vittmi kollha tal-asbestos fl-UE u l-qraba tagħhom jistħoqqilhom id-dritt li jirċievu kura medika rapida u xierqa u appoġġ finanzjarju adegwat mill-iskemi tas-saħħa nazzjonali tagħhom;
54. Jistieden lill-UE taħdem flimkien ma' organizzazzjonijiet internazzjonali biex toħloq strumenti li jittimbraw is-suq tal-asbestos bħala suq tossiku;
55. Jitlob, b'mod aktar ġenerali, biex il-kunċett tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiem b’paga jiġi kkunsidrat mil-liġijiet nazzjonali u jikkostitwixxi obbligu li jintlaħaq riżultat għal min iħaddem, b'referenza għad-Direttiva Qafas 89/931/KE;
56. Jistieden lill-UE tqis bħala prijorità li l-krisotilu jitniżżel fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam;
57. Jistieden lill-UE tindirizza d-dumping inaċċettabbli tal-asbestos fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw waqt fora fejn il-ftehimiet ta' kummerċ ikun qed jiġu diskussi, b’mod partikolari fid-WTO, u sabiex tagħmel pressjoni diplomatika u finanzjarja fuq il-pajjiżi li jesportaw l-asbestos sabiex jagħlqu l-industriji tal-minjieri tal-asbestos u jwaqqfu l-prattika illegali u mhux etika li jesportaw vapuri li jkunu waslu fit-tmiem tal-użu tagħhom u li jkun fihom l-asbestos;
58. Jistieden lill-UE, f’kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, pajjiżi terzi u korpi internazzjonali oħra, tippromwovi livelli għolja ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol madwar id-dinja kollha, pereżempju billi tidentifika problemi relatati mal-asbestos u tippromwovi soluzzjonijiet li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tas-saħħa;
59. Jistieden lill-UE tiżviluppa u tappoġġja l-esportazzjoni ta' teknoloġiji mingħajr l-użu tal-asbestos, u tal-għarfien dwar l-asbestos, lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
60. Jikkundanna l-investiment finanzjarju Ewropew fl-industriji tal-asbestos globali;
61. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li bastimenti li jġorru l-asbestos bħala merkanzija fi tranżitu la jistgħu jittrakkaw u lanqas jużaw il-faċilitajiet tal-port jew il-ħażna temporanja fl-UE;
62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.
- [2] Tiġi żviluppata azzjoni preventiva u protettiva għal sustanzi rikonoxxuti bħala karċinoġeniċi, billi jiġu stabbiliti limiti ta’ esponiment, ir-rekwiżiti dwar kampjuni u l-metodi tal-kejl, u l-kundizzjonijiet sodisfaċenti ta’ iġene fuq il-post tax-xogħol, u billi jiġu speċifikati projbizzjonijiet fejn meħtieġ.
- [3] ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.
- [4] ĠU L 245, 26.8.1992, p. 6.
- [5] ĠU L 330, 16.12.2009, p. 28.
- [6] ĠU L 160, 26.6.1990, p. 39.
- [7] ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 14.
- [8] ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 106.
- [9] Testi adottati, P7_ TA(2011)0589.
- [10] http://www.who.int/ipcs/features/10chemicals_en.pdf
- [11] http://monographs.iarc.fr/ENG/Monographs/vol100C/mono100C.pdf
- [12] http://www.icohweb.org/site_new/multimedia/news/pdf/ICOH%20Statement%20on%20global%20asbestos%20ban.pdf
- [13] http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=3155&langId=en
- [14] http://www.eurogip.fr/en/docs/EUROGIP-24E-AsbestosOccDiseases.pdf
- [15] http://www.europeanforum.org/pdf/Eurogip-08_E-cost.pdf
- [16] Id-Direttiva 92/57/KEE: ĦTIĠIET MINIMI TA' SIGURTÀ U SAĦĦA GĦALL-POSTIJIET TA' KOSTRUZZJONI 14.1.2 Jekk iċ-ċirkustanzi jeħtieġu hekk (pereżempju C1 sustanzi perikolużi, umdità, ħmieġ), għandhom jiġu pprovduti faċilitajiet biex il-ħwejjeġ tax-xogħol ikunu jistgħu jinżammu f’post separat mill-ħwejjeġ u l-oġġetti personali tal-ħaddiema stess.
- [17] Fl-1978, wara perjodu ta’ 18-il xahar ta’ investigazzjoni, kumitat parlamentari kkonkluda li l-asbestos ippreżenta ‘periklu kemm għall-ħaddiema fl-industrija tal-asbestos kif ukoll għal dawk esposti f’sitwazzjonijiet oħrajn’ (Parlament Ewropew 1978)
- [18] WHO - ‘Global Health Risks: Mortality and burden of disease attributable to selected major risks’ - http://www.who.int/healthinfo/global_burden_disease/GlobalHealthRisks_report_full.pdf and http://www.who.int/ipcs/assessment/public_health/asbestos/en/
- [19] Il-mesoteljoma tqiegħed kemm lill-vittmi kif ukoll lill-familji tagħhom f’sitwazzjoni estremament diffiċli biex ilaħħqu magħha, anke mil-lat psikoloġiku. Minn riċerka li twettqet f’Casale Monferrato mill-Università ta’ Turin (Professur A. Granieri) irri¿ulta li dawk li jbatu bil-mesoteljoma u l-familji tagħhom juru sintomi psikoloġiċi varji li jaqgħu fid-definizzjoni xjentifikament aċċettata ta’ disturbi ta’ stress post trawmatiku (PTSD).
- [20] ĠU L 238, 25.9.2003, p. 28
OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (10.1.2013)
għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
dwar theddid għas-saħħa okkupazzjonali marbut mal-asbestos u prospettivi għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu
(2012/2065(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Sabine Wils
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jiddeplora n-nuqqas ta' informazzjoni minn bosta Stati Membri li jimpedixxi tbassir affidabbli tal-mortalità marbuta mal-mesoteljoma fl-Ewropa filwaqt li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), kull sena jiġu rreġistrati bejn 20 000 u 30 000 każ ta’ mard relatat mal-asbestos fl-UE biss, u li fl-UE aktar minn 300 000 ċittadin huwa mistenni li jmut mill-mesoteljoma sal-2030; f’dan il-kuntest jagħti importanza kbira liċ-ċittadini biex jiġu informati u mħarrġa u jkun hemm skambji tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri għad-dijanjożi tal-mard relatat mal-asbestos;
2. Jenfasizza li t-tipi kollha ta' mard relatati mal-asbestos bħall-kanser tal-pulmun u l-mesoteljoma plewrali – ikkawżati minn fibri tal-asbestos fl-ajru li jittieħdu bin-nifs, li tant huma rqaq li jilħqu l-alveoli u li huma twal biżżejjed biex jiżbqu d-daqs tal-makrofaġi, kif ukoll tipi differenti ta' kanser ikkawżati mhux biss mill-fibri fl-arja li jittieħdu bin-nifs iżda wkoll bl-inġestjoni ta’ ilma li jkun fih il-fibri li jkunu ġejjin mill-pajpijiet tal-asbestos – ġew rikonoxxuti bħala periklu tas-saħħa u jistgħu jieħdu ħafna deċennji, f'ċerti każijiet aktar minn 40 sena, biex isiru evidenti;
3. Jilqa' b'sodisfazzjon is-sentenza, li nqatgħet fit-13 ta' Frar 2012 minn qorti f'Turin, dwar il-konsegwenzi fatali tal-asbestos fejn l-eks sid u l-eks direttur tal-fergħa Taljana tal-kumpanija Eternit ġew akkużati bħala responsabbli għal madwar 3 000 każ ta' mewt relatati mal-asbestos u ġew ordnati jħallsu kumpens għad-danni lill-vittmi u lill-qraba tagħhom u lill-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
4. Jinnota li l-asbestos għadu preżenti f'ħafna minjieri miftuħa tal-asbestos, miżbliet mhux sikuri, sistemi ta’ provvista tal-ilma, relitti viċin il-kosta u bastimenti, f'binjiet pubbliċi u privati (l-aktar fis-soqfa, fl-art, fil-madum tal-linoljum u tal-vinil), fil-ferroviji, bunkers, mini u passaġġi ta’ taħt l-art, f'ċerti tipi ta' żrar li jintuża biex fuqu titqiegħed il-linja ferrovjarja kif ukoll f'attivitajiet ta' twaqqigħ ta' bini u pproċessar tal-iskart li jafu jinvolvu s-sospensjoni mill-ġdid ta’ fibri individwali; jinnota li, ta' spiss, il-post eżatt fejn jinsab tali asbestos mhuwiex magħruf u, bħala konsegwenza, huwa ta' periklu għas-saħħa mhux biss għall-ħaddiema esposti imma għall-pubbliku in ġenerali wkoll; jinnota f'dan il-kuntest, 'li l-allokazzjoni ta’ fondi għall-prevenzjoni u t-trattament tista' twassal għar-riabilitazzjoni ambjentali ta' siti perikolużi u tnaqqis fl-ispejjeż tal-kura tas-saħħa, bil-benefiċju miżjud li tiġġenera l-impjiegi;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi attivitajiet ta’ riċerka u rimedju mmirati biex jevitaw is-sospensjoni mill-ġdid ta’ fibri individwali, u/jew biex jeqirdu l-istruttura kristallina simili għal fibri tal-asbestos;
6. Jilqa’ l-inizjattivi f’ċerti reġjuni u Stati Membri mmirati lejn is-sostituzzjoni tal-asbestos mis-soqfa tal-matmura u minn bini rurali b’pannelli solari, biex b’hekk tinħoloq sitwazzjoni pożittiva minn kull lat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw dan l-approċċ fi ħdan il-qafas tal-politika tal-iżvilupp rurali tal-UE.
7. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-każijiet kollha ta' asbestosi, mesoteljoma u mard relatat jiġu rreġistrati permezz ta' ġbir sistematiku ta' data dwar il-mard okkupazjonali u mhux okkupazzjonali marbut mal-asbestos, biex jikkategorizzaw u uffiċjalment jirreġistraw il-plakki plewrali bħala mard relatat mal-asbestos, u biex jipprovdu, bl-għajnuna ta' osservatorji dedikati, mappa affidabbli tal-preżenza tal-asbestos; jenfasizza li tali reġistru u mappa fil-livell tal-UE għandhom jinkludu l-post eżatti fejn jinsabu s-siti pubbliċi u privati li fihom l-asbestos, kif ukoll jipprovdu dettalji ċari ta' dawk il-miżbliet li fihom l-iskart tal-asbestos, sabiex jiġi evitat li xi ħadd li ma jkunx jaf bis-sitwazzjoni jiddisturba l-art fejn jinsab midfun tali materjal, u biex jikkontribwixxu għal azzjonijiet ta' prevenzjoni u rimedju;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal studju (rapport) li jirrekordja l-problemi kkawżati mill-użu tal-asbestos f'kull Stat Membru, u biex tidentifika azzjonijiet immirati fejn l-aktar ikunu meħtieġa, bħat-tneħħija sikura tal-asbestos mill-bini pubbliku, billi tispeċifika l-fondi li se jkunu bżonnjużi għal dan il-għan;
9. Jenfasizza li indipendentement mis-sors tal-espożizzjoni jew l-istatus ta' impjieg tal-persuna esposta, il-vittmi kollha tal-asbestos fl-UE u l-qraba tagħhom jistħoqqilhom id-dritt li jirċievu kura medika rapida u xierqa u appoġġ finanzjarju adegwat mill-iskemi tas-saħħa nazzjonali tagħhom;
10. Jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-assoċjazzjonijiet u l-gruppi tal-vittmi tal-asbestos u ta' assoċjazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, u jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-UE jipprovdu finanzjament xieraq biex jappoġġaw xogħolhom u jikkollaboraw magħhom sabiex jiġi stabbilit pjan komprensiv għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu fl-Ewropa; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza li l-pubbliku jkun infurmat u l-importanza tat-taħriġ speċjali tal-persunal mediku;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iwettqu azzjoni ta’ riċerka fir-rigward tal-iskala u l-gravità tal-impatti psikoloġiċi klinikament miżurabbli fil-komunitajiet madwar l-UE tal-mard attribwibbli unikament għall-espożizzjoni għall-asbestos[1];
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkommettu ruħhom għall-iskadenza tal-2023 proposta mit-trejdunjins għall-projbizzjoni totali tal-asbestos fl-UE, filwaqt li jtemmu kull eżenzjoni fir-rigward tad-dijaframmi tal-asbestos chrysotile, biex jitbaxxa l-limitu tal-esponiment tal-ħaddiema għall-fibri tal-asbestos, stipulat fid-Direttiva 2009/148/KE, billi jiżdiedu d-dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u jiġi żgurat ir-rimedju xieraq tas-siti pubbliċi u privati kollha affettwati, inkluż il-miżbliet mhux sikuri, u biex jiġu eliminati gradwalment is-siti mhux sikuri u perikolużi li fihom l-asbestos mal-UE;
13. Jinnota li, fir-rigward tal-immaniġġjar tal-iskart tal-asbestos, iridu jittieħdu wkoll miżuri – bil-kunsens tal-popolazzjonijiet ikkonċernati – biex titħeġġeġ u tiġi appoġġata r-riċerka għall-alternattivi ekokompatibbli u t-teknoloġija li tużahom u biex jiġu żgurati proċeduri, bħan-newtralizzazzjoni tal-iskart li fih l-asbestos, biex jiġu deattivati l-fibri tal-asbestos attivi u jinqalbu f'materjali li ma joħolqux riskji għas-saħħa pubblika;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrevedu d-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet għall-asbestos chrysotile fl-Anness XVII tar-Regolament REACH u biex jiżguraw li s-sostituzzjoni ssir qabel ma jispiċċa l-perjodu ta' eżenzjoni ta’ għaxar snin mogħtija fl-2009;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex isaħħu l-kontrolli bżonnjużi sabiex il-partijiet interessati kkonċernati kollha jkunu obbligati, b'mod partikolari dawk involuti fit-trattament tal-iskart tal-asbestos fil-miżbliet, jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tas-saħħa kollha stipulati fid-Direttiva 2009/148/KE, u jiżguraw li l-iskart kollu li fih l-asbestos, irrispettivament mill-kontenut tal-fibri tiegħu, jiġi klassifikat bħala skart perikoluż skont id-Deċiżjoni 2000/532/KE aġġornata; Jenfasizza li tali skart irid jintrema biss f'miżbliet dedikati għall-iskart perikoluż, kif previst fid-Direttiva 1999/31/KE, jew fejn jingħata l-permess, jiġi proċessat f'impjanti dedikati, ittestjati u sikuri għat-trattament u n-newtralizzazzjoni, fejn il-popolazzjoni ikkonċernata għandha tkun infurmata.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
28.11.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
49 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Nessa Childers, Yves Cochet, Chris Davies, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Elisabetta Gardini, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Holger Krahmer, Jo Leinen, Peter Liese, Zofija Mazej Kukovic, Linda McAvan, Radvile Morkunaite-Mikuleniene, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Mario Pirillo, Oreste Rossi, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Claudiu Ciprian Tanasescu, Salvatore Tatarella, Thomas Ulmer, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Nikos Chrysogelos, Julie Girling, Georgios Koumoutsakos, Judith A. Merkies, Britta Reimers, Birgit Schnieber-Jastram, Alda Sousa, Rebecca Taylor, Marita Ulvskog, Andrea Zanoni |
||||
- [1] Il-mesoteljoma tqiegħed kemm lill-vittmi kif ukoll lill-familji tagħhom f’sitwazzjoni estremament diffiċli biex ilaħħqu magħha, anke mil-lat psikoloġiku. Minn riċerka li twettqet f’Casale Monferrato mill-Università ta’ Turin (Professur A. Granieri) irriżulta li dawk li jbatu bil-mesoteljoma u l-familji tagħhom juru sintomi psikoloġiċi varji li jaqgħu fid-definizzjoni xjentifikament aċċettata ta’ disturbi ta’ stress post trawmatiku (PTSD).
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
24.1.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
40 2 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Edit Bauer, Heinz K. Becker, Jean-Luc Bennahmias, Phil Bennion, Pervenche Berès, Vilija Blinkevičiūtė, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Minodora Cliveti, Marije Cornelissen, Emer Costello, Andrea Cozzolino, Frédéric Daerden, Sari Essayah, Richard Falbr, Marian Harkin, Roger Helmer, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Ádám Kósa, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Siiri Oviir, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu, Andrea Zanoni |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Georges Bach, Malika Benarab-Attou, Sergio Gutiérrez Prieto, Richard Howitt, Jan Kozłowski, Svetoslav Hristov Malinov, Paul Murphy, Ria Oomen-Ruijten, Gabriele Zimmer |
||||