RAPPORT dwar l-isfruttament aħjar tal-benefiċċji tal-miżuri ambjentali tal-UE: nibnu l-fiduċja permezz ta' għarfien u rispons aħjar
30.1.2013 - (2012/2104(INI))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Oreste Rossi
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-isfruttament aħjar tal-benefiċċji tal-miżuri ambjentali tal-UE: nibnu l-fiduċja permezz ta' għarfien u rispons aħjar
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tat-TUE u l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 191 u 192 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-Liġi Ambjentali tal-Komunità Ewropea (COM(2008)0773),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu 'Analiżi tal-Politika Ambjentali tal-2008' (COM(2009)0304) u l-Anness tagħha,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu 'Nisfruttaw aħjar il-benefiċċji tal-miżuri ambjentali tal-UE: nibnu l-fiduċja permezz ta’ għarfien u rispons aħjar' (COM(2012)0095),
– wara li kkunsidra d-29 Rapport Annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2011) (COM (2012)0714),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali - Ambjent aħjar għall-ħajja aħjar[1],
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2010 bit-tema 'Intejbu l-Istrumenti tal-Politika Ambjentali',
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill tad-19 ta' April 2012 dwar is-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (2003/C 321/01),
– wara li kkunsidra l-opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu 'Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika ambjentali tal-ġejjieni'[2],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu 'Lejn is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali: implimentazzjoni aħjar tal-liġi tal-UE dwar l-ambjent' [3]
– wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (COM(2003)0624) u t-test adottat mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari[4],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0028/2013),
Rimarki ġenerali
A. billi ħafna mil-liġijiet tal-UE jieħdu l-forma ta’ direttivi, li jistabbilixxu r-regoli u l-għanijiet ġenerali, filwaqt li jħallu l-għażla tal-mezzi ta’ kif jintlaħqu dawk l-għanijiet f’idejn l-Istati Membri u l-entitajiet reġjonali u lokali;
B. billi r-responsabbiltà ewlenija biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tal-leġiżlazzjoni tal-UE taqa' taħt l-awtoritajiet nazzjonali, ħafna drabi fil-livelli reġjonali u lokali;
C. billi l-implimentazzjoni ineffiċjenti mhux biss tagħmel ħsara lill-ambjent u s-saħħa tal-bniedem iżda toħloq ukoll inċertezza fl-industrija u ostakoli għas-Suq Uniku kif ukoll tiġġenera aktar burokrazija u għalhekk spejjeż ogħla;
D. billi l-istudji kkonkludew li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-settur tal-iskart biss għandha tiġġenera 400 000 impjieg u tiffranka EUR 72 biljun fis-sena[5];
E. billi l-livell mhux sodisfaċenti tal-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali huwa rifless fin-numru għoli ta' ksur u lmenti f’dan il-qasam;
F. billi n-nuqqas ta' informazzjoni preċiża u għarfien dwar l-istat tal-implimentazzjoni, u ta' dejta kwantitattiva għal diversi setturi ambjentali, huwa ta’ xkiel għall-implimentazzjoni xierqa tal-acquis ambjentali;
G. billi skont il-Kummissjoni, l-ispiża annwali tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE hija attwalment ta' EUR 50 biljun fi spejjeż ta' saħħa u spejjeż diretti għall-ambjent, bla ma jinkludu l-impatti negattivi fuq l-istat tal-ambjent fl-UE; billi, mis-sena 2020 'il quddiem, din l-ispiża annwali se tiżdied għal EUR 90 biljun[6];
H. billi l-problemi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE jistgħu jkunu ta' żewġ tipi, fuq naħa waħda l-implimentazzjoni tard jew insuffiċjenti u fuq in-naħa l-oħra l-"implimentazzjoni żejda" ("gold plating"), biż-żewġ aspetti li jmorru kontra l-ideat politiċi oriġinali li fuqhom hija bbażata l-liġi ambjentali tal-UE;
I. billi jeżistu differenzi sinifikanti fl-implimentazzjoni kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll fihom li jwasslu għal impatt negattiv fuq l-ambjent, biex b’hekk tiżdied il-ħtieġa għal approċċ iżjed sistematiku u olistiku sabiex jitnaqqas dan id-"distakk fl-implimentazzjoni";
J. billi l-ambjent fl-2011 kien il-qasam fejn ġie nnutat li twettaq l-aktar ksur tal-liġi Komunitarja fl-UE (299), li jirrappreżenta 17 % tar-reati kollha, u li nfetħu 114-il proċedura ġdida kontra ksur f'dan il-qasam fl-2011[7];
K. billi l-konformità sħiħa mal-liġi ambjentali tal-UE hija obbligu tat-Trattat u kriterju għall-użu tal-fondi tal-UE fl-Istati Membri; billi l-Istati Membri għandhom għalhekk jimplimentaw il-leġiżlazzjoni ambjentali fil-waqt u b'mod kosteffiċjenti, sabiex itejbu l-istat tal-ambjent fl-UE;
L. billi s-Sitt Pjan ta' Azzjoni Ambjentali kien ġie mxekkel minn fallimenti persistenti fl-implimentazzjoni f'setturi maturi tal-politika bħall-kontroll tat-tniġġis tal-arja, l-immaniġġjar tal-iskart, it-trattament tal-ilma u tal-ilma mormi, u l-konservazzjoni tan-natura;
L-implimentazzjoni bħala kompitu komuni u opportunità
1. Jilqa' favorevolment il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Nisfruttaw aħjar il-benefiċċji tal-miżuri ambjentali tal-UE: nibnu l-fiduċja permezz ta' għarfien u rispons aħjar' (COM(2012)0095);
2. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha għall-preservazzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli, filwaqt illi jqisu l-ħtieġa ta' ekonomija b'saħħitha u kompetittiva; jenfasizza li l-komunitajiet lokali għandhom ikunu involuti sew biex jinstab l-aħjar bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-persuni u dawk tal-ambjent tagħhom;
3. Iqis li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħu jsaħħu s-sens ta' kooperazzjoni fid-definizzjoni tal-politiki tal-UE fil-qasam tal-ambjent, u jiggarantixxu implimentazzjoni aktar effettiva tal-liġi;
4. Huwa tal-opinjoni li l-piż amministrattiv mhuwiex dejjem riżultat ta' implimentazzjoni eċċessiva jew nuqqas ta' implimentazzjoni; jinnota li l-ispejjeż amministrattivi huma inevitabbli iżda li dawn għandhom jinżammu baxxi kemm jista' jkun minħabba l-impatti negattivi tagħhom fuq iċ-ċittadini u l-industrija;
5. Jinnota li ħafna mill-ispejjeż amministrattivi mhux meħtieġa marbuta mal-leġiżlazzjoni ambjentali huma minħabba l-prattiċi amministrattivi pubbliċi u privati inadegwati jew ineffiċjenti f'diversi Stati Membri u fl-awtoritajiet reġjonali jew lokali tagħhom;
6. Jenfasizza li hija biss l-implimentazzjoni (it-traspożizzjoni) f'waqtha u korretta tal-liġi tal-UE mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet reġjonali u lokali li għandha tiżgura l-kisba tar-riżultati mixtieqa tal-politika tal-UE inkwistjoni;
7. Jenfasizza li l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi u ta' suq komuni kif ukoll l-approċċ armonizzat huma fiċ-ċentru tal-leġiżlazzjoni tal-UE;
8. Huwa tal-opinjoni li l-implimentazzjoni effiċjenti tista' twassal għal benefiċċji għall-industrija, eż. billi tnaqqas il-piżijiet amministrattivi, tipprovdi s-sigurtà għall-investiment u b'hekk toħloq iżjed impjiegi;
9. Jiddeplora li ċ-ċittadini jsiru konxji mil-leġiżlazzjoni tal-UE biss wara li tidħol fis-seħħ; huwa tal-opinjoni li jinħtieġ mezz iżjed bikri għall-iskambju tal-informazzjoni bejn il-leġiżlaturi u ċ-ċittadini sabiex jinkiseb livell ogħla ta' aċċettazzjoni u fehim tal-objettiv tal-leġiżlazzjoni tal-UE;
10. Jikkjarifika li l-Kummissjoni, bħala kustodju tat-Trattati, għandha taġixxi iżjed malajr sabiex tippermetti implimentazzjoni aħjar u iżjed f'waqtha; jistieden lill-Kummissjoni teżamina dak li jeħtieġ isir sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni korretta, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali;
11. Jinnota li l-istat frammentat attwali tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri jfixkel il-kundizzjonijiet ekwi għall-industrija u jżid l-inċertezza dwar ir-rekwiżiti eżatti u, b'dan il-mod, jiskoraġġixxi l-investimenti f'dawk l-oqsma ambjentali li jistgħu jiġġeneraw l-impjiegi;
12. Jenfasizza li r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet Ewropej fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE ma tispiċċax mal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni mill-Parlament u l-Kunsill, u li huwa lest li jassisti lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għal implimentazzjoni iżjed effiċjenti;
13. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni kkonċernati jtejbu l-fluss ta' informazzjoni u jżidu t-trasparenza permezz ta' skambji aktar attivi u frekwenti;
Soluzzjonijiet li jassiguraw implimentazzjoni iżjed effiċjenti
14. Iqis li l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar fil-livelli kollha huma kritiċi, u jistgħu jeħtieġu, fejn xieraq, iżjed tisħiħ; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni ambjentali ċara, konsistenti u mingħajr duplikazzjoni; itenni l-ħtieġa ta' koordinazzjoni, ta' kumplimentarjetà u tal-eliminazzjoni ta' lakuni fil-kopertura tad-diversi biċċiet ta' leġiżlazzjoni li jiffurmaw il-liġi ambjentali tal-UE;
15. Huwa tal-opinjoni li l-leġiżlazzjoni ambjentali tista' tiġi implimentata b'mod aktar effettiv permezz tat-tixrid tal-aħjar prattiċi bejn l-Istati Membri, u bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali responsabbli mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll permezz ta' kooperazzjoni akbar mal-Istituzzjonijiet Ewropej;
16. Jiddeplora n-nuqqas ta' dejta dwar il-konformità u l-ħidma tal-infurzar imwettqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex, bl-għajnuna tan-netwerks u l-korpi tagħha, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, ittejjeb din is-sitwazzjoni;
17. Jinnota l-importanza tat-tisħiħ u l-monitoraġġ tal-indikaturi rilevanti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali u jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' websajt faċli għall-utent, li fuqha jkun hemm disponibbli l-iżjed kejl riċenti tal-indikaturi u li tagħmel possibbli l-paragun informali bejn l-Istati Membri;
18. Huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni nnifisha għandha tkun fiċ-ċentru tal-isforzi biex tiżgura implimentazzjoni aħjar u jiddeplora li, attwalment, dawn l-isforzi qed jiġu dejjem iżjed riferuti lil korpi oħra li spiss ma jkollhomx il-kompetenzi, il-persunal jew ir-riżorsi finanzjarji li għandha l-Kummissjoni;
19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jgħinu fit-titjib tal-għarfien u l-kapaċità tan-nies involuti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, biex jiġi żgurat l-isfruttament aħjar tal-benefiċċji minn din il-leġiżlazzjoni; barra minn hekk huwa tal-opinjoni li l-ftuħ ta' djalogu mal-partijiet interessati rilevanti għandu jtejjeb l-implimentazzjoni wkoll;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li jiġu stabbiliti ftehimiet ta' implimentazzjoni bi sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri individwali, jew bejn l-Istati Membri, sabiex tiġi promossa implimentazzjoni aħjar kif ukoll biex jiġu identifikati u solvuti l-problemi tal-implimentazzjoni;
21. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk parteċipazzjoni ikbar mill-awtoritajiet lokali tul il-proċess li fih tiġi ddefinita l-politika ambjentali tkunx ta' għajnuna għat-titjib fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni b'mod ġenerali, inkluż il-possibbiltà li jiġu stabbiliti timijiet biex jittrasponu l-liġi ambjentali fil-livell reġjonali u lokali;
22. Jirrakkomanda l-istabbiliment ta' għodda ta' informazzjoni online sistematika u aċċessibbli b'mod faċli dwar l-implimentazzjoni; jistieden lill-atturi kollha, iżda b'mod speċjali l-industrija u ċ-ċittadini, biex jipprovdu lill-korpi ta' implimentazzjoni b'feedback dwar il-problemi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni; japprezza d-disponibbiltà tal-informazzjoni affidabbli, paragunabbli u aċċessibbli b'mod faċli dwar l-istat tal-ambjent, li huwa jqis bħala ewlenija għall-monitoraġġ b'mod effettiv tal-istat tal-implimentazzjoni;
23. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis mill-ġdid it-talbiet għall-introduzzjoni ta' bażi ta' dejta bl-aħjar prattiċi, li tippermetti t-tixrid tal-aħjar prattika fl-implimentazzjoni fost l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-modi ta' kif l-informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni jistgħu jintużaw biex jipprovdu kemm jista' jkun possibbli informazzjoni utli online dwar kif għandha tiġi implimentata l-liġi ambjentali tal-UE;
24. Jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ il-monitoraġġ tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali; jitlob, għalhekk, li jissaħħu l-kapaċitajiet eżistenti u li tiġi żgurata koeżjoni bejn il-korpi differenti responsabbli mill-kontrolli fl-Istati Membri fuq il-bażi ta' linji gwida tal-UE;
25. Jenfasizza l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni tal-UE tindirizza l-kawżi tal-ħsara lill-ambjent billi tistabbilixxi regoli dwar ir-responsabbiltà legali għall-ħsara lill-ambjent u dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva; jemmen li huwa ta' importanza fundamentali, għal dan il-għan, li jitwettqu l-inizjattivi kollha maħsuba biex jinkoraġġixxu u jxerrdu responsabbiltà soċjali korporattiva akbar fir-rigward ta' kwistjonijiet ambjentali, peress li dan tal-aħħar jimponi fuq l-intrapriżi l-ħtieġa li jkunu riċettivi fir-rigward tal-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli;
26. Ifakkar li hemm ħafna benefiċċji x'jitgawdu mill-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE: tliet eżempji ta' benefiċċji bħal dawn huma kundizzjonijiet ekwi għall-atturi ekonomiċi fis-Suq Uniku, il-ħolqien tal-istimolu għall-innovazzjoni, u l-vantaġġi ta' min jibda l-ewwel għan-negozji tal-UE;
27. Jenfasizza li livell għoli ta' protezzjoni ambjentali huwa wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandu jwassal benefiċċji diretti liċ-ċittadini, bħal kundizzjonijiet tal-għajxien aħjar permezz ta' kwalità tal-arja aħjar, inqas storbju u inqas problemi tas-saħħa;
28. Jenfasizza li l-UE waqqfet għaliha nnifisha aġenda ambizzjuża sabiex timxi lejn ekonomija reżistenti, effiċjenti fir-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju sal-2050, u li huwa meħtieġ l-impenn fil-livelli kollha sabiex jintlaħaq dan il-għan; ifakkar li sforz komuni huwa vitali sabiex jiġi żgurat li l-ekonomija tal-UE tikber b'mod li jirrispetta r-restrizzjonijiet tar-riżorsi u l-fruntieri planetarji;
29. Jiddispjaċih mill-fatt li l-proċedura għall-adozzjoni tal-proposta għal direttiva dwar l-aċċess tal-pubbliku għall-ġustizzja f'dak li għandu x'jaqsam mal-ambjent[8] waqaf fl-ewwel qari; jistieden, għalhekk, lill-koleġiżlaturi jirrevedu l-pożizzjonijiet tagħhom għall-fini li joħorġu mill-impass;
30. Jirrakkomanda, għalhekk, il-qsim ta' għarfien bejn is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri li jittrattaw il-ksur u n-nuqqas ta' rispett tal-leġiżlazzjoni tal-UE fi kwistjonijiet relatati mal-ambjent;
31. Iqis li l-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-implimentazzjoni huwa ta' importanza kbira, u għalhekk jenfasizza l-valur tax-xogħol tal-EEA f'dan il-qasam – f'konformità mar-responsabbiltà statutorja tagħha;
32. Jenfasizza r-rwol importanti tal-EEA biex tipprovdi bażi solida ta' għarfien li ssostni l-politika u l-implimentazzjoni, u jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa mill-EEA f'dan il-qasam; iħeġġeġ lill-EEA tiżviluppa iżjed il-kapaċitajiet tagħha biex tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-kwalità tal-monitoraġġ u l-komparabbiltà tal-informazzjoni ambjentali miġbura f'partijiet differenti tal-UE; jinkoraġġixxi lill-EEA tiffoka wkoll fuq il-bini tal-kapaċità u t-tixrid tal-aħjar prattika fl-Istati Membri; jistenna li l-istrateġija l-ġdida tal-EEA tindirizza l-kwistjoni tal-implimentazzjoni f'iżjed dettall;
33. Jappoġġja l-Kummissjoni fil-pjan tagħha li tistieden lill-Istati Membri biex bl-appoġġ tal-Kummissjoni jiżviluppaw oqfsa ta' implimentazzjoni strutturata u informazzjoni (SIIFs) għal-liġijiet ambjentali ewlenin kollha tal-UE, jikkjarifikaw id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-direttiva kif ukoll jidentifikaw it-tipi ta' informazzjoni meħtieġa biex juru kif il-liġi tal-UE qed tiġi implimentata;
34. Jinnota t-tħassib frekwenti tal-petizzjonanti f'diversi oqsma tal-politika ambjentali, bħall-miżbliet u r-rimi tal-iskart, il-ħabitats tal-fawna u l-flora selvaġġa u l-kwalità tal-arja u tal-ilma; ifaħħar l-isforzi tagħhom biex jobbligaw lill-awtoritajiet jagħtu rendikont ta' għemilhom, u jistieden lill-Istati Membri biex ikunu sinċieri u jikkooperaw magħhom;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, bl-involviment tal-EEA kif adatt, unità għall-ilmenti fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jikkomunikaw il-problemi relatati mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali;
36. Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-ispezzjonijiet effettivi u jħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kapaċitajiet tagħhom għall-ispezzjonijiet f'konformità mal-aħjar prattiċi; jitlob għal kriterji minimi komuni għall-ispezzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ġusta fil-partijiet kollha tal-UE;
37. Iħeġġeġ lill-atturi kollha jissimplifikaw l-attivitajiet tal-ispezzjoni u s-sorveljanza bil-ħsieb li jużaw ir-riżorsi disponibbli b'aktar effiċjenza; jenfasizza wkoll, f'dan ir-rigward, il-valur ta' użu aktar sistematiku tal-ispezzjonijiet ta' evalwazzjoni bejn il-pari, kif irrimarkat mill-Kummissjoni; jenfasizza l-ħtieġa li l-ispezzjonijiet eżistenti jiġu kkumplimentati b'kooperazzjoni mtejba u evalwazzjonijiet bejn il-pari fost l-awtoritajiet tal-ispezzjoni; jinkoraġġixxi lin-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL) biex jieħu azzjoni f'din id-direzzjoni; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi l-bini tal-għarfien u l-kapaċità billi tappoġġja n-netwerks tal-imħallfin u l-prosekuturi, u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tar-Reġjuni tnaqqas l-ispejjeż ambjentali u ekonomiċi minn nuqqas ta' konformità u tiżgura kundizzjonijiet ekwi;
38. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi Unità tal-Ispezzjoni tal-Liġi Ambjentali, li r-rwol tagħha jkun li tissorvelja u tassisti l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali; jitlob biex din l-Unità tuża teknoloġiji ġodda u tikkoopera mal-aġenziji lokali sabiex iżżomm l-ispejjeż tal-ispezzjoni baxxi; huwa tal-fehma li din l-Unità għandha topera abbażi tal-ispejjeż u li d-dħul għandu jiġi mmirat lejn il-baġit tal-UE u għandu jkun riżervat għas-servizzi relatati mal-implimentazzjoni aħjar;
39. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jfasslu u jippubblikaw it-tabelli tal-korrelazzjoni sabiex jiddeskrivu t-traspożizzjoni tad-direttivi tal-UE f'liġi nazzjonali sabiex titjieb it-trasparenza u l-ftuħ tal-proċess leġiżlattiv u jkun iżjed faċli kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-parlamenti nazzjonali li jissorveljaw l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE;
40. Jenfasizza li l-imħallfin u l-prosekuturi għandhom rwol ewlieni fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali u li għalhekk huwa ta' importanza vitali li jirċievu taħriġ xieraq u informazzjoni dwar dawn il-politiki;
41. Jenfasizza r-rwol importanti taċ-ċittadini fil-proċess tal-implimentazzjoni, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jinvolvuhom b'mod strutturat f'dan il-proċess; jinnota wkoll, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja;
42. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefinixxu b'mod espliċitu l-limitu ta' żmien speċifiku li fih il-kawżi tal-qorti relatati mal-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali għandhom jiġu solvuti, sabiex jiġi evitat li l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali u d-dewmien fil-kawżi tal-qorti jintużaw bħala skuża biex tiġi evitata l-konformità u jixxekklu l-investimenti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kemm inżammu lura investimenti minħabba d-dewmien fil-proċeduri legali relatati mal-irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali;
43. Jenfasizza l-importanza fundamentali li ċ-ċittadini u l-NGOs jiġu infurmati b'mod attiv dwar il-politiki ambjentali tal-UE fi stadju bikri sabiex jinvolvuhom fit-tfassil u fit-twettiq ta' dawn il-politiki; għalhekk iħeġġeġ – anke fid-dawl tas-sejbiet tal-grupp ta' livell għoli ta' partijiet interessati indipendenti fuq il-piżijiet amministrattivi – biex isir sforz ikbar f'dan ir-rigward sabiex jitjiebu l-fiduċja u l-kunfidenza tal-pubbliku fil-liġi ambjentali tal-UE, bil-ħsieb li l-ambjent aħjar għal ħajja aħjar ma jinħoloqx b'mod unilaterali mill-istituzzjonijiet mingħajr l-appoġġ tas-soċjetà nnifisha;
44. Fir-rigward tal-proġetti bil-possibbiltà ta' impatt ambjentali transkonfinali, jistieden lil kull Stat Membru jinforma b'mod komprensiv lill-pubbliku u l-awtoritajiet affettwati fl-Istati Membri kkonċernati malajr kemm jista' jkun u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jiġu kkonsultati kif jixraq;
45. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE bl-aktar mod ċar, sempliċi u li faċli jinftiehem minn kulħadd waqt li jiżguraw l-effiċjenza tagħha.
46. Jistieden lill-Istati Membri javvanzaw iżjed l-implimentazzjoni sħiħa u proprja tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u l-politiki u l-istrateġiji adottati fil-qafas tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali, u jiżguraw il-kapaċità u l-finanzi adegwati għall-implimentazzjoni sħiħa tagħhom, anke fi żminijiet ta' awsterità, għaliex in-nuqqas ta' implimentazzjoni jew l-implimentazzjoni mhux kompluta tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE mhux biss hija illegali, iżda wkoll ferm iżjed ta' spiża għas-soċjetà fit-tul;
47. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tkun xierqa għall-iskop u tirrifletti l-aktar riċerka xjentifika riċenti; jistieden, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri jivvalutaw b'mod regolari jekk il-liġi ambjentali tal-UE tissodisfax dawn ir-rekwiżiti u, fejn meħtieġ, jaġġustawha kif xieraq;
48. Jirrikonoxxi li l-ftehimiet tal-ewwel qari jistgħu jwasslu għall-implimentazzjoni mhux adegwata tal-leġiżlazzjoni jekk il-kontenut konkret jitħalla biex jiġi speċifikat fid-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni; jitlob, għalhekk, lill-atturi kollha biex jiżguraw li t-teħid tad-deċiżjonijiet ikun ibbażat fuq dikjarazzjoni mhux ambigwa ta' rieda politika; jenfasizza l-ħtieġa għal leġiżlazzjoni ambjentali ċara u konsistenti, imfassla abbażi tal-evalwazzjonijiet tal-politika u l-feedback tal-pubbliku;
49. Huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tkompli tuża d-direttivi fil-leġiżlazzjoni tal-UE biex tippermetti lill-Istati Membri kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jimplimentaw il-leġiżlazzjoni Ewropea skont is-sitwazzjoni rispettiva tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, biex issaħħaħ l-appoġġ diġà deskritt fil-proposta tagħha permezz ta' iżjed studji jew azzjonijiet imsemmija fil-valutazzjoni tal-impatt;
50. Ifaħħar l-introduzzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li din il-leġiżlazzjoni tiġi implimentata b'mod aktar effettiv, billi tqis speċifikament il-ħtiġijiet tan-negozji żgħar u ta' daqs medju, tar-residenti, kif ukoll tal-flora u tal-fawna; jesprimi tħassib dwar id-dewmien frekwenti tal-Istati Membri fit-twettiq ta' dawn il-valutazzjonijiet u, fil-kuntest tar-reviżjoni futura tad-Direttiva, jitlob l-introduzzjoni ta' garanziji rigward l-imparzjalità u l-oġġettività;
51. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-parlamenti nazzjonali.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2012)0147.
- [2] ĠU C 15, 18.1.2011, p.4.
- [3] ĠU C 17, 19.1.2013, p.30.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2004)0239.
- [5] Rapport BIOS, COM/2012/095 finali
- [6] Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali Ambjent, "L-ispejjeż tan-nonimplimentazzjoni tal-acquis dwar l-ambjent" Rapport finali, ENV.G.1/FRA/2006/0073, Settembru 2011
- [7] Id-29 Rapport Annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2011) (COM (2012)714)
- [8] COM(2003)0624.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (5.12.2012)
għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar Nisfruttaw aħjar il-benefiċċji tal-miżuri ambjentali tal-UE: nibnu l-fiduċja permezz ta’ għarfien u rispons aħjar
(2012/2104(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Giles Chichester
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jinnota t-tħassib frekwenti tal-petizzjonanti f'diversi oqsma tal-politika tal-ambjent, bħar-rimi tal-iskart u l-landfills, il-ħabitats tal-fawna u l-flora selvaġġa u l-kwalità tal-arja u tal-ilma; ifaħħar l-isforzi tagħhom biex jobbligaw lill-awtoritajiet jagħtu rendikont ta' għemilhom, u jistieden lill-Istati Membri biex ikunu sinċieri u jikkooperaw magħhom;
2. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha għall-preżervazzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli, filwaqt illi jqisu l-ħtieġa ta' ekonomija b'saħħitha u kompetittiva; jenfasizza li l-komunitajiet lokali għandhom ikunu involuti sew biex jinstab l-aħjar bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-persuni u dawk tal-ambjent tagħhom;
3. Jemmen li, minħabba li ċ-ċittadini u r-residenti tal-Istati Membri qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jiġġudikaw dwar l-aktar prijoritajiet xierqa għaż-żoni lokali tagħhom, il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jiġi applikat għal kwistjonijiet ambjentali kull meta jkun possibbli;
4. Jirrikonoxxi li regolamentazzjoni żejda ('gold plating') tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE tista' tħalli effetti perversi billi tnaqqas l-aċċettazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jiddeterminaw, meta jkunu jixtiequ jinvolvu ruħhom lil hinn minn dak li hu mitlub fid-direttivi tal-UE, jekk teżistix ħtieġa ċara għal dan il-għan;
5. Jenfasizza li hemm ħtieġa predominanti biex jiġu żviluppati kapaċitajiet ġodda tal-produzzjoni tal-enerġija fl-UE, u biex isir investiment fit-teknoloġija li jista' jipprovdi metodi alternattivi għall-produzzjoni tal-enerġija; jirrikonoxxi li dan ma jistax isir mingħajr ma jkun hemm impatt fuq l-ambjent, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw l-effetti ambjentali ħżiena u jreġġgħu lura l-inħawi użati għall-kundizzjoni preċedenti tagħhom ladarba jitlesta proġett;
6. Iqis li standards għolja ta' informazzjoni u trasparenza dwar il-leġiżlazzjoni ambjentali u l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE huma essenzjali biex ikun żgurat li l-politika ambjentali tal-UE tkun mifhuma aħjar miċ-ċittadini, jkollha l-approvazzjoni u l-kooperazzjoni tagħhom u tkun kumpatibbli mal-politiki tal-gvernijiet lokali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni kkonċernati jtejbu l-fluss ta' informazzjoni u t-trasparenza permezz ta' skambju aktar attiv u frekwenti bejniethom;
7. Fir-rigward tal-proġetti bil-possibilità ta' impatt ambjentali transkonfinali, jistieden lill-Istati Membri jinformaw b'mod komprensiv lill-pubbliku u l-awtoritajiet affettwati fl-Istati Membri kkonċernati malajr kemm jista' jkun u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jiġu kkonsultati kif jixraq;
8. Ifaħħar l-introduzzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li din il-leġiżlazzjoni tiġi implimentata aħjar, billi tkun tqis speċifikament il-ħtiġijiet tan-negozji żgħar u ta' daqs medju, tar-residenti, kif ukoll tal-flora u tal-fawna; jiddikjara t-tħassib tiegħu dwar id-dewmien frekwenti tal-Istati Membri fit-twettiq ta' dawn il-valutazzjonijiet u jitlob l-introduzzjoni ta' garanziji rigward l-imparzjalità u l-oġġettività fir-reviżjoni futura ta' din id-Direttiva;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issib modi li bihom tiddefinixxi u tiżviluppa aħjar il-Politika tas-Sajd Komuni u l-Politika Agrikola Komuni bi qbil mal-acquis ambjentali tal-UE;
10. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE bl-iktar mod ċar, sempliċi u li faċli jinftiehem minn kulħadd waqt li jiżguraw l-effiċjenza tagħha.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
3.12.2012 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
13 0 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Margrete Auken, Victor Boştinaru, Giles Chichester, Carlos José Iturgaiz Angulo, Peter Jahr, Erminia Mazzoni, Judith A. Merkies, Rolandas Paksas, Jarosław Leszek Wałęsa, Angelika Werthmann, Tatjana Ždanoka |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Birgit Collin-Langen, Vicente Miguel Garcés Ramón, Marian Harkin |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Gabriel Mato Adrover |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
23.1.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
63 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Martina Anderson, Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Lajos Bokros, Milan Cabrnoch, Martin Callanan, Nessa Childers, Yves Cochet, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Jolanta Emilia Hibner, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Eija-Riitta Korhola, Holger Krahmer, Corinne Lepage, Peter Liese, Kartika Tamara Liotard, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Pavel Poc, Frédérique Ries, Dagmar Roth-Behrendt, Kārlis Šadurskis, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Salvatore Tatarella, Thomas Ulmer, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Marina Yannakoudakis |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Margrete Auken, Minodora Cliveti, José Manuel Fernandes, Vicky Ford, Gaston Franco, Judith A. Merkies, Miroslav Mikolášik, Vittorio Prodi, Christel Schaldemose, Birgit Schnieber-Jastram, Renate Sommer, Alda Sousa, Rebecca Taylor, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Andrea Zanoni |
||||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Olle Ludvigsson |
||||