RAPPORT dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi

25.2.2013 - (2010/2043(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur: Zita Gurmai


Proċedura : 2010/2043(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0044/2013
Testi mressqa :
A7-0044/2013
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi

(2010/2043(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 19(1) u 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi[1],

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill  2004/113/KE għall-assigurazzjoni, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-236/09 (Test-Achats)[2],

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża C-236/09 (Test-Achats)[3],

–   wara li kkunsidra r-rapport tan-Netwerk Ewropew tal-Esperti Legali fil-Qasam tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi ta’ Diċembru 2010 bit-titolu “Regoli tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi: Kif inhuma trasposti fil-liġi nazzjonali?”,

–   wara li kkunsidra r-rapport tan-Netwerk Ewropew tal-Esperti Legali fil-Qasam tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi ta’ Lulju 2009 bit-titolu “Id-Diskriminazzjoni Sesswali fl-Aċċess għal u l-Provvista ta’ Merkanzija u Servizzi u t-Traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/113/KE”,

–   wara li kkunsidra r-rapport tan-Netwerk Ewropew tal-Esperti Legali fil-Qasam tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi ta’ Ġunju 2011 bl-isem “Il-persuni transsesswali u intersesswali: Diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru , ta’ identità tal-ġeneru u ta’ espressjoni tal-ġeneru’,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-Prinċipju ta’ Trattament Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel fir-rigward ta’ l-Aċċess għall-Prodotti u għas-Servizzi u l-Proviżjoni tagħhom[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar il-valutazzjoni tar-riżultati tal-Pjan Direzzjonali 2006-2010 għall-Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u r-rakkomandazzjonijiet li jħarsu ’l quddiem[5],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0044/2013),

A. billi d-direttiva tipprojbixxi kemm id-diskriminazzjoni diretta kif ukoll dik indiretta bbażata fuq il-ġeneru fl-aċċess għal merkanzija u servizzi disponibbli għall-pubbliku u fil-provvista tagħhom, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat;

B.  billi d-direttiva tindirizza aspetti li jirrigwardaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru barra mis-suq tax-xogħol;

C. billi t-trattament inqas favorevoli tan-nisa għal raġunijiet ta’ tqala u maternità huwa pprojbit ukoll, kif ukoll il-fastidju u l-fastidju sesswali u l-istruzzjoni biex issir diskriminazzjoni kull fejn jiġu offruti jew fornuti prodotti ta’ merkanzija jew servizzi;

D. billi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, se tittieħed azzjoni xierqa biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru permezz ta’ proċedura leġiżlattiva speċjali li tirrikjedi l-unanimità fil-Kunsill u l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (l-Artikolu 19(1) tat-TFUE);

E.  billi skont l-informazzjoni disponibbli, id-direttiva ġiet trasposta fil-maġġoranza tal-Istati Membri jew permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida, jew inkella permezz tal-emendar tal-leġiżlazzjoni eżistenti f’dan il-qasam;

F.  billi f’xi Stati Membri t-traspożizzjoni kienet inkompleta jew id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni ġiet posposta;

G. billi f’xi każijiet il-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur lil hinn minn dak li tirrikjedi d-direttiva billi tkopri wkoll l-edukazzjoni jew id-diskriminazzjoni fir-rigward tal-midja u r-reklamar;

H. billi l-esklużjoni fakultattiva stabbilita fl-Artikolu 5(2) tad-direttiva ħolqot inċertezza ġuridika u sfidi ġuridiċi potenzjali fil-ġejjieni 'l bogħod;

I.   billi r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, li, skont id-direttiva, suppost li ħareġ fl-2010, ġie pospost għal sa mhux aktar tard mill-2014;

J.   billi d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża C-236/09 (Test-Achats) iddikjarat li l-Artikolu 5(2) ta' din id-direttiva li jipprovdi deroga għall-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati jaħdem kontra l-ilħuq tal-objettiv tat-trattament indaqs bejn l-irġiel u n-nisa u huwa inkompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

K. billi d-dispożizzjoni kkonċernata konsegwentement titqies li hi invalida hekk kif jiskadi l-perjodu tranżitorju xieraq, f’dan il-każ b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2012;

L.  billi fit-22 ta’ Diċembru 2011 il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida mhux vinkolanti mmirati biex jiċċaraw is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati;

M. billi, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-diskriminazzjoni kontra l-persuni transġeneri u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-identità tal-ġeneru jistgħu jammontaw għal diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru[6] fil-politika u l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

1.  Jiddispjaċih minħabba l-fatt li l-Kummissjoni la ppreżentat ir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE u lanqas ippubblikat data aġġornata dwar il-proċessi ta' implimentazzjoni nazzjonali li għaddejjin bħalissa;

2.  Jagħraf il-fatt li d-deċiżjoni Test-Achats seta' kellha impatt fuq il-proċessi ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri, imma jinnota li din waħedha ma tistax tiġġustifika l-fatt li r-rapport mitlub mid-direttiva naqas milli jiġi ppubblikat fil-ħin;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika r-rapport tagħha u d-data disponibbli kollha mill-aktar fis possibbli;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri konkreti ħalli jispjegaw id-direttiva u l-impatt tagħha, b'eżempji konkreti, biex ikun żgurat li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel ikunu jistgħu jagħmlu tagħhom għalkollox id-direttiva u jużawha b’mod xieraq bħala għodda effettiva għas-salvagwardja ta’ jeddijiethom fir-rigward tat-trattament ugwali fl-aċċess għall-beni u għas-servizzi kollha;

5.  Jilqa’ d-deċiżjoni Test-Achats, imma jqis li din ħolqot inċertezza li għaddejja kontinwament fis-suq tal-assigurazzjoni; jistenna li l-iżvilupp ta’ kriterji unisex se jirriżulta f’iffissar ta’ prezzijiet ibbażat fuq fatturi tar-riskju multipli li jkun jirrifletti b’mod ġust il-livell ta’ riskju tal-individwi ikun xi jkun il-ġeneru, u jidentifika d-diskriminazzjoni potenzjali bbażata fuq il-ġeneru;

6.  Iqis li l-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni – fl-assenza ta' effett vinkolanti jew leġiżlattiv – ma neħħewx din l-inċertezza għalkollox;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi prattiċi biex tindirizza l-problema billi tipproponi test leġiżlattiv ġdid li jkun konformi għalkollox mal-linji gwida;

8.  Jinnota li l-industrija tal-assigurazzjoni għandha tibqa’ tagħmel sforz ħalli tirranġa mill-ġdid il-premjums skont kriterji unisex billi tapplika kalkoli attwarji fuq il-bażi ta’ fatturi oħra;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tiftaħ djalogu informali mal-industrija tal-assigurazzjoni għall-valutazzjoni tar-riskji

10. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-metodoloġija li se tuża biex tkejjel l-effetti tad-deċiżjoni Test-Achats dwar l-iffissar tal-prezzijiet tal-assigurazzjoni;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-kwestjoni b’konċentrazzjoni fuq il-politika tal-ħarsien tal-konsumatur ukoll;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu mill-qrib l-iżviluppi fis-suq tal-assigurazzjoni, u jekk ikun hemm xi sinjali ta’ diskriminazzjoni indiretta de facto, jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jindirizzaw il-problema u biex tiġi evitata ż-żieda mhix ġustifikata fil-prezzijiet;

13. Jenfasizza li din id-direttiva mhijiex limitata biss għall-qasam tal-assigurazzjoni u li l-ambitu u l-potenzjal usa' tagħha għall-progress fir-rigward tal-aċċess għall-beni u s-servizzi kemm fl-isfera pubblika kif ukoll dik privata jeħtieġ li jiġu spjegati fid-dettall bil-għan li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel ikunu kapaċi jifhmu għalkollox sa fejn tkopri u x’inhu l-fini tagħha, u konsegwentement ikunu jistgħu jagħmlu użu xieraq tal-karatteristiċi u l-possibilitajiet tagħha;

14. Jinnota li d-dispożizzjoni relatata mat-tibdil fl-oneru tal-provi ġiet implimentata fil-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-Istati Membri kollha;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-każijiet ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tat-tqala, l-ippjanar tal-maternità, u l-maternità fir-rigward, pereżempju, tas-settur tad-djar (kiri) jew diffikultajiet biex dik li tkun tikseb self, kif ukoll l-aċċess għall-beni u s-servizzi mediċi, b’mod partikolari l-aċċess għal kura tas-saħħa riproduttiva u għal trattament ta’ riassenjament tal-ġeneru li jkunu disponibbli legalment;

16. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja partikolarment mill-qrib kwalunkwe diskriminazzjoni relatata mat-treddigħ inkluża l-possibbli diskriminazzjoni fl-aċċess għall-beni u s-servizzi fl-ispazji u ż-żoni pubbliċi;

17. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-direttiva fir-rigward tan-nisa tqal li jkunu qed ifittxu l-asil u li jkunu qed jistennew l-eżitu tat-talba ta' asil tagħhom, bil-għan li jiġi żgurat li dawn in-nisa jkunu koperti bil-kuntratti u l-prodotti ikkonċernati;

18. Jinnota b’diżappunt li f’xi Stati Membri l-imprendituri nisa, b’mod partikolari l-ommijiet waħedhom, ta' spiss issir diskriminazzjoni kontra tagħhom meta jippruvaw jiksbu self jew kreditu għan-negozji tagħhom u ta' spiss għadhom ukoll iħabbtu wiċċhom ma’ xkiel imsejjes fuq stereotipi tal-ġeneru;

19. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tinkludi l-kontenut tal-midja u tar-reklamar fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, filwaqt li tqis is-sinifikat tiegħu, kif ukoll is-sinifikat tal-edukazzjoni, fil-ħolqien, iż-żamma u l-iżvilupp tal-istereotipi bbażati fuq is-sessi, kif ukoll fiż-żieda tas-sesswalizzazzjoni tal-bniet;

20. Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor l-aħjar prattiki u tagħmilhom disponibbli għall-Istati Membri bil-għan li tipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex tiġi appoġġjata l-azzjoni pożittiva u tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar tad-dispożizzjonijiet rispettivi fil-livell nazzjonali;

21. Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ effettività ta’ xi korpi tal-ugwaljanza minħabba li għandhom nuqqas ta’ ħila proprja li jieħdu azzjoni, nuqqas ta’ persunal u nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji adegwati;

22. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja kif suppost u b’mod eżatt is-sitwazzjoni tal-‘korpi tal-ugwaljanza’ stabbiliti wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva, u tara jekk ikunux ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE; jagħmel enfasi partikolari fuq il-fatt li l-kriżi ekonomika li għaddejja bħalissa ma tistax tintuża biex tiġġustifika n-nuqqasijiet fir-rigward tal-funzjonament xieraq tal-korpi tal-ugwaljanza;

23. Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata data u li jkun hemm aktar trasparenza mill-Kummissjoni dwar il-proċeduri u l-azzjonijiet ta’ ksur li għaddejjin bħalissa;

24. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi bażi ta’ data pubblika tal-leġiżlazzjoni u tal-każistika li jirrelataw mad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru; jinsisti fuq il-ħtieġa li jitjieb il-ħarsien għall-vittmi tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru;

25. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jkun hemm appoġġ finanzjarju għal taħriġ ulterjuri għall-ġuristi li jkunu attivi fil-qasam tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, kif ukoll li jsir koordinament mill-UE ta’ dan it-taħriġ, filwaqt li jitqies ir-rwol li jitwettaq mill-qrati nazzjonali;

26. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li d-direttiva tiġi trasposta b'mod li jkun f'waqtu fl-Istati Membri kollha;

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
  • [2]  ĠU C 11, 13.1.2012, p. 1.
  • [3]  ĠU C 130, 30.4.2011, p. 4.
  • [4]  ĠU C 103, 29.4.2004, p. 34.
  • [5]  ĠU C 236E, 12. 8. 2011, p. 87.
  • [6]  Kawża C-13/94 (P. v S. and Cornwall County Council); Kawża C-117/01 (K.B. v National Health Service Pensions Agency and Secretary of State for Health); Kawża C-423/04 (Sarah Margaret Richards v Secretary of State for Work and Pensions)

NOTA SPJEGATTIVA

Sfond Ġenerali

Id-Direttiva 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (minn issa 'l quddiem "id-Direttiva") immarkat pass importanti fl-iżvilupp tal-liġijiet tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi meta daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Diċembru 2004.

Fil-fatt, id-Direttiva tindirizza l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru barra mill-qasam tal-impjiegi għall-ewwel darba fil-livell tal-UE. Din id-Direttiva tipprojbixxi kemm id-diskriminazzjoni diretta kif ukoll dik indiretta bbażata fuq il-ġeneru fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi li huma disponibbli għall-pubbliku, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat. It-trattament inqas favorevoli tan-nisa għal raġunijiet ta’ tqala u maternità huwa pprojbit ukoll, kif ukoll il-fastidju u l-fastidju sesswali u l-istruzzjoni biex issir diskriminazzjoni kull fejn jiġu offruti jew fornuti prodotti ta’ merkanzija jew servizzi. Il-bażi legali tad-Direttiva kienet l-Artikolu 13 preċedenti tat-Trattat KE.

L-Istati Membri kellhom sal-21 ta’ Diċembru 2007 biex jimplimentaw id-Direttiva u skont l-Artikolu 17 tat-test; il-Kummissjoni Ewropea kellha tfassal rapport fil-qosor bil-għan li tivvaluta din l-implimentazzjoni mhux aktar tard mill-21 ta’ Diċembru.

Madankollu, wara għadd ta’ każijiet ta’ dewmien, il-Kummissjoni Ewropea għarrfet lir-rapporteur li tali rapport ta' implimentazzjoni ma kienx se jitfassal qabel l-2014. Minkejja l-fatt li r-rapporteur ripetutament esprimiet id-diżappunt tagħha u enfasizzat il-ħtieġa urġenti li jsir rapport ta’ implimentazzjoni kif ukoll li jkun hemm data eżatta u riċenti bil-għan li tiġi vvalutata t-traspożizzjoni tad-Direttiva, dan il-posponiment ġie kkonfermat. Il-Kummissjoni Ewropea spjegat li l-konsegwenzi tal-Kawża Test-Achats (ara hawn taħt) ċaqilqet il-prijoritajiet u li l-isfidi li nħolqu għas-settur tal-assigurazzjoni għamlu t-tħejjija ta' rapport ta’ implimentazzjoni prematura. Fil-fehma tar-rapporteur, tali rapport kien għadu meħtieġ ħafna, peress li ħafna aspetti oħra tat-traspożizzjoni tad-Direttiva jirrikjedu analiżi xierqa meta jkun il-waqt.

L-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati u l-Kawża Test-Achats

Id-Direttiva rriżultat bħala waħda kontroversjali meta niġu għall-użu tal-ġeneru bħala fattur fil-kalkolazzjoni tal-primjums u l-benefiċċji għall-finijiet ta' assigurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati. L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jipprovdi li ma għandux jirriżulta f’differenzi fil-primjums u l-benefiċċji tal-individwi. Madankollu, permezz ta’ deroga mir-regola ġenerali, l-Artikolu 5(2) offra lill-Istati Membri l-għażla li jiddeċiedu qabel il-21 ta’ Diċembru 2007 li jippermettu differenzi proporzjonati fil-primjums u l-benefiċċji tal-individwi meta l-użu tal-ġeneru jkun fattur determinanti fl-istima ta’ riskji bbażata fuq data attwarjali u statistika, rilevanti u preċiża. Din l-eżenzjoni ġiet ipprovduta mingħajr ebda limitazzjoni temporali.

L-Istati Membri kollha għamlu użu minn din id-deroga fir-rigward ta’ tip wieħed jew aktar ta’ assigurazzjoni (partikolarment l-assigurazzjoni tal-ħajja/pagamenti annwali). Madankollu, tilwima dwar il-legalità tad-deroga tal-Belġju għall-assigurazzjonijiet tal-ħajja fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha wasslet għad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Kawża Test-Achats (C-236/09) tal-1 ta’ Marzu 2011.

Skont din id-deċiżjoni, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva jaħdem kontra l-ilħuq tal-objettiv ta’ trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel u huwa inkompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Bħala konsegwenza, id-dispożizzjoni rispettiva titqies li ma tibqax valida, hekk kif jiskadi l-perjodu tranżitorju xieraq, rispettivament b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2012.

Din id-deċiżjoni għandha konsegwenzi ekonomiċi sinifikanti li huma diffiċli li jiġu vvalutati; ir-relazzjoni bejn is-sess, il-ġeneru u l-prodotti tal-assigurazzjoni ssir aktar ikkumplikata meta titqies wkoll il-pluralità tal-prodotti li hemm fis-suq; it-trattament iddiferenzjat fl-iffissar tal-prezzijiet tal-assigurazzjoni jsir bħala regola ġenerali fuq il-bażi ta’ fatturi determinanti oġġettivi, u s’issa l-ġeneru ġie kkunsidrat mill-industrija bħala fattur ta’ dan it-tip.

Fir-rigward tal-konsumaturi, it-tħassib ewlieni huwa l-fatt li wieħed għandu jistenna żieda immedjata tal-primjums għall-assigurazzjoni tal-ħajja u għall-assigurazzjonijiet tar-responsabilità tal-vetturi b’mutur, partikolarment għan-nisa.

X’konsegwenzi soċjali se joħorġu minn dan bħala konsegwenza taż-żieda potenzjali tal-prezzijiet? Din id-deċiżjoni jista’ jkun li jkollha impatt sinifikanti wkoll fuq il-pensjonijiet privati u l-iskemi tat-tfaddil u jkollha b’mod ġenerali impatt fuq id-diskussjoni aktar wiesgħa dwar l-adegwatezza tal-pensjonijiet.

Minħabba l-perjodu ta’ tranżizzjoni qasir, il-Kummissjoni enfasizzat li fil-fehma tagħha mhix meħtieġa modifika tal-leġiżlazzjoni u ħarġet linji gwida dwar l-implimentazzjoni fis-sura ta' komunikazzjoni fit-22 ta' Diċembru 2011.

Fil-fehma tar-rapporteur, hemm ħtieġa ċara li jkun hemm ċertezza ġuridika u l-linji gwida mhumiex suffiċjenti biex jiżguraw iċ-ċertezza u l-koerenza meħtieġa fl-applikazzjoni fil-ġejjieni.

Ħarsa ġenerali lejn it-traspożizzjoni

Skont l-informazzjoni disponibbli[1], id-Direttiva ġiet trasposta fil-maġġoranza tal-Istati Membri jew permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida, jew inkella permezz tal-emendar tal-leġiżlazzjoni eżistenti f’dan il-qasam. F’xi każijiet il-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur lil hinn minn dak li tirrikjedi d-Direttiva billi tkopri wkoll l-edukazzjoni jew id-diskriminazzjoni fir-rigward tal-midja u r-reklamar[2].

Għal xi Stati Membri t-traspożizzjoni kienet inkompleta jew inkella d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni ġiet posposta. In-nuqqas ta’ ċarezza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew saħansitra l-karattru astratt u vag tagħha wkoll tqajmu bħala aspetti problematiċi.

Diskriminazzjoni relatata mal-ġeneru fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi

Hemm għadd ta’ kwestjonijiet li jkunu jeħtieġu attenzjoni partikolari billi hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-diskriminazzjoni fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi, li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-definizzjonijiet jew li jikkonċernaw il-livell ta’ infurzar li huwa rifless ukoll fil-każistika nazzjonali.

Każijiet ta’ diskriminazzjoni fir-rigward ta’ tqala u maternità ġew irrappurtati, pereżempju, fir-rigward tas-settur tal-akkomodazzjoni (kiri) jew diffikultajiet biex jinkiseb self. Barra minn hekk, l-aċċess għal prodotti u servizzi mediċi ħareġ li kien problematiku, partikolarment fir-rigward tal-aċċess għal kura tas-saħħa riproduttiva li hija disponibbli legalment.

Aspett li għad irid jiġi indirizzat f’għadd ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali huwa d-diskriminazzjoni relatata mat-treddigħ. Anki jekk id-Direttiva nnifisha ma tirregolax id-diskriminazzjoni kontra l-ġenituri, din is-sura ta’ diskriminazzjoni marbuta mill-qrib mal-maternità ġiet enfasizzata bħala problematika, partikolarment fir-rigward tal-aċċess għal spazji pubbliċi, it-trasport pubbliku jew in-nuqqas ta’ faċilitajiet għall-ġenituri bi tfal żgħar jew bi tfal b’diżabilità.

Skont l-informazzjoni disponibbli, ftit huma l-każijiet li ġew irrappurtati ta’ fastidju/fastidju sesswali barra mill-impjieg. Barra minn hekk il-kontenut tal-midja u r-reklamar, li għalissa ma jaqax fl-ambitu, għandu jiġi vvalutat minn din il-perspettiva, filwaqt li titqies l-importanza ta’ dawn l-oqsma fir-rigward tal-edukazzjoni u r-rwol maġġuri li huma jwettqu fil-ħolqien, iż-żamma, it-tqajjim mill-ġdid u l-iżvilupp tal-istereotipi bbażati fuq is-sessi.

Azzjoni pożittiva u trattament iktar favorevoli fir-rigward tat-tqala

Il-maġġoranza tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jipprovdu ambitu għal azzjoni pożittiva, iżda l-livell u sa fejn din l-azzjoni pożittiva hija permessa jvarjaw. Il-ġbir tal-aħjar prattiki u d-disponibilità tagħhom għall-Istati Membri u l-forniment tar-riżorsi meħtieġa biex jingħata appoġġ lill-azzjoni pożittiva se jiżguraw implimentazzjoni aħjar fil-livell nazzjonali tad-dispożizzjonijiet rispettivi.

F’għadd ta’ Stati Membri jeżistu dispożizzjonijiet iktar favorevoli dwar il-protezzjoni tan-nisa fir-rigward tat-tqala u l-maternità, iżda waħda mill-problemi enfasizzati hija li f’ċerti każijiet is-sempliċi kkupjar tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jwassal għal ambigwità fir-rigward tal-implimentazzjoni.

Oneru tal-provi u korpi tal-ugwaljanza

Id-Direttiva tipprevedi ċaqliqa fl-oneru tal-provi, fejn il-konvenut ikollu jagħti provi li ma kien hemm ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali fuq il-bażi tal-evidenza ppreżentata mill-vittma. Din id-dispożizzjoni ġiet implimentata fil-maġġoranza tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-kuntest tal-aċċess għall-merkanzija u s-servizzi u tat lok għall-każistika fil-livell nazzjonali.

Din id-Direttiva tistabbilixxi korpi tal-ugwaljanza għall-promozzjoni tat-trattament ugwali.

Il-kwestjoni ewlenija li hi ffaċċjata hija li anki jekk il-maġġoranza tal-Istati Membri stabbilixxew “korpi tal-ugwaljanza”, mhux il-kundizzjonijiet kollha previsti mil-leġiżlazzjoni tal-UE ġew issodisfati (f’dik li hi l-ħila tagħhom li jwettqu l-kompiti b’mod indipendenti, il-kompetenzi tagħhom, eċċ.).

Rakkomandazzjonijiet

L-għan ta’ dan ir-rapport hu li jiġu vvalutati l-konsegwenzi u l-livell ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/113/KE fl-Istati Membri, li jiġu identifikati l-lakuni eżistenti u li jiġu rrakkomandati soluzzjonijiet possibbli sabiex dawn jingħelbu.

Għandha tiġi enfasizzata l-importanza tal-informazzjoni u tad-data affidabbli; hemm bżonn ta’ aktar trasparenza mill-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ ksur li għaddejjin bħalissa u l-azzjonijiet meħuda. L-istabbiliment ta’ bażi ta’ data pubblika tal-leġilazzjoni u tal-każistika li għandhom x’jaqsmu mad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru jista’ jkun għodda biex bih tittejjeb il-protezzjoni tal-vittmi ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneri.

Il-kunsiderazzjoni tar-rwol li jwettqu l-qrati nazzjonali, l-appoġġ finanzjarju u l-koordinazzjoni tal-UE għal aktar taħriġ għall-ġuristi li huma attivi f’dan il-qasam hija wkoll prerekwiżit għal implimentazzjoni effettiva.

Fir-rigward tal-Korpi tal-Ugwaljanza, hemm bżonn ta’ sorveljanza aħjar dwar kif dawn il-korpi qed jissodisfaw il-kompiti tagħhom u jekk humiex qed jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-livell tal-UE, flimkien mal-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki bejn dawn il-korpi.

It-traspożizzjoni f’waqtha tad-direttivi hija essenzjali wkoll u r-rapporteur tqis li fil-futur il-Kummissjoni għandha tuża għalkollox is-setgħat tagħha biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jittrasponu d-direttivi sal-iskadenzi stipolati mil-leġiżlatur (l-Artikolu 260 tat-TFUE).

L-informazzjoni taċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet tagħhom tirrappreżenta aspett importanti biex wieħed igawdi minn dawn id-drittijiet u biex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar. Għandhom jitħeġġu bis-saħħa miżuri bħalma huma l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali.

B’kunsiderazzjoni tal-każistika eżistenti, fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali, li tfaċċat fil-proċess tal-implimentazzjoni, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni futura fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, l-enfasi għandha titqiegħed fuq il-bżonn li jittieħdu azzjonijiet f’waqthom, bil-ħsieb li jintlaħaq stat ta’ ċertezza legali u jsiru dispożizzjonijiet ċari u mhux ambigwi.

  • [1]  Ir-rapport dwar “Id-Diskriminazzjoni Sesswali fl-Aċċess għal u l-Provvista ta’ Merkanzija u Servizzi u t-Traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/113/KE” tan-Netwerk Ewropew tal-Esperti Legali fil-Qasam tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Lulju 2009, ikkummissjonat mill-Kummissjoni.
  • [2]  Ir-rapport dwar “Regoli tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi: Kif inhuma trasposti fil-liġi nazzjonali?” tan-Netwerk Ewropew tal-Esperti Legali fil-Qasam tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi, aġġornament tal-2010, ikkummissjonat mill-Kummissjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.2.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Regina Bastos, Edit Bauer, Andrea Češková, Marije Cornelissen, Tadeusz Cymański, Iratxe García Pérez, Zita Gurmai, Mikael Gustafsson, Mary Honeyball, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Silvana Koch-Mehrin, Constance Le Grip, Astrid Lulling, Ulrike Lunacek, Elisabeth Morin-Chartier, Krisztina Morvai, Siiri Oviir, Joanna Senyszyn, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Marc Tarabella, Britta Thomsen, Marina Yannakoudakis, Anna Záborská, Inês Cristina Zuber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Minodora Cliveti, Silvia Costa, Anne Delvaux, Mariya Gabriel, Nicole Kiil-Nielsen, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Licia Ronzulli, Angelika Werthmann