RAPPORT dwar it-titjib tal-iżvilupp permezz tal-kummerċ

4.4.2013 - (2012/2224(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Alf Svensson
Rapporteur għal opinjoni (*): Tokia Saifi, Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
(*)       Proċedura b'kumitati assoċjati – Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2012/2224(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0054/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-titjib tal-iżvilupp permezz tal-kummerċ

(2012/2224(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp (COM(2012)0022) tas-27 ta' Jannar 2012, li taġġorna komunikazzjoni tat-18 ta' Settembru 2002 dwar l-istess suġġett,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal l-oħrajn tal-Kummissjoni ta' dawn l-aħħar snin li huma ta' relevanza għal dan is-suġġett, fosthom il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (COM(2009)0458, SEC(2010)0421, SEC(2011)1627), il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti ta’ Poter lin-Nisa fl-Iżvilupp 2010-2015 (SEC(2010)0265), il-komunikazzjoni bit-titolu ''Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-bidla (COM(2011)0637), il-finanzjament għall-iżvilupp (COM(2012)0366), l-approċċ tal-UE għar-reżiljenza (COM(2012)0586), il-protezzjoni soċjali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea (COM(2012)0446), il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet esterni (COM(2012)0492), kif ukoll il-komunikazzjoni tagħha dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ (COM(2007)0163) u r-rapporti annwali tagħha ta' monitoraġġ b'rabta ma' din l-għajnuna,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ tal-UE għall-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp fid-deċennju li jmiss, tas-16 ta' Marzu 2012, u l-konklużjonijiet l-oħrajn tiegħu b'relevanza għal dan is-suġġett,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou[1],

–   wara li kkunsidra r-regolamenti relatati mal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI)[2] u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u l-implimentazzjoni tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u l-punt 11 dwar il-kummerċ fil-Pjan ta' Azzjoni assoċjat[3],

–   wara li kkunsidra l-Qafas Integrat Imsaħħaħ għal għajnuna relatata mal-kummerċ lill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati mħejji taħt it-tmexxija tal-Bank Dinji;

–   wara li kkunsidra l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO u l-Inizjattiva għal Bażi ta' Protezzjoni Soċjali tan-NU,

–   wara li kkunsidra r-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa organizzata f’Pekin f’Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni adottati f’Pekin,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu li huma ta' relevanza għall-kummerċ u l-iżvilupp, inklużi dawk dwar il-kummerċ u l-faqar[4]; l-għajnuna għall-kummerċ[5]; il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika[6]; is-sistema ta' preferenzi ġeneralizzati tal-UE[7]; ir-responsabilità soċjali tal-intrapriżi[8], kwistjonijiet tat-taxxa fir-rigward tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw[9] ir-relazzjonijiet UE-Afrika[10]; is-sigurtà tal-ikel[11]; l-iżvilupp ġenerali tal-politika għall-iżvilupp tal-UE[12] u l-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp[13],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0054/2013),

A. billi huwa ċar li l-Artikoli 207 u 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma interkonnessi; billi l-Artikolu 207 jiddikjara li l-politika kummerċjali tal-UE għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, u billi l-Artikolu 208 jesiġi li l-politiki tal-Unjoni li aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jikkunsidraw l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

B. billi, b'segwitu għad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni ta’ Pekin, l-Istati Membri u l-Kummissjoni adottaw l-istrateġija tal-integrazzjoni tas-sessi bħala parti mill-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħhom;

C. billi t-tnaqqis fil-faqar u l-impenn lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju huma elementi prinċipali tal-politika għall-iżvilupp tal-UE u għandhom ukoll iservu ta' gwida għall-politika kummerċjali tal-UE fil-konfront tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għandha tiġi integrata f'din il-politika, u tikkontribwixxi lejn l-approċċ għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet, adottat mill-UE;

D. billi r-rabta bejn il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u t-tnaqqis fil-faqar mhijiex waħda awtomatika, iżda l-ftuħ tal-kummerċ, dment u fil-każ li l-kundizzjonijiet adatti jkunu preżenti, jista' jkun wieħed mill-aktar muturi effettivi għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp;

E.  billi l-prospetti għal żvilupp b'suċċess immexxi mill-kummerċ jiddependu fost l-oħrajn minn istituzzjonijiet li jiffunzjonaw tajjeb, ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni, settur privat b’saħħtu u l-impenn lejn żvilupp ekonomiku b'bażi wiesgħa u inklużiv, id-diversifikazzjoni u ż-żidiet progressivi fil-valur miżjud;

F.  billi l-politika kummerċjali tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha l-għan li tintegrahom aħjar fis-sistema kummerċjali internazzjonali, iżda hija nieqsa minn objettivi tal-iżvilupp definiti b'mod ċar u għalhekk tirriskja, minflok, li teqred il-produzzjoni lokali u żżid id-dipendenza fuq l-esportazzjoni tal-prodotti bażiċi; billi, minkejja sforzi sinifikanti ta’ liberalizzazzjoni, uħud mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, prinċipalment l-LDCs, ma kinux kapaċi jiddiversifikaw il-produzzjoni u l-esportazzjonijiet;

G. billi l-impatt tal-globalizazzjoni fuq it-tnaqqis tal-faqar mhuwiex uniformi; billi parti kbira tal-popolazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għadha tgħix f'faqar estrem, u b'mod partikolari fl-LDCs; billi fl-1990, 18 % biss ta’ dawk li jinsabu f’kundizzjonijiet ta' faqar estrem kienu jgħixu fl-LDCs, iżda dak is-sehem kien irdoppja għal 36 % sal-2007;

H. billi n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika għadhom lura ħafna minn kif kien ippjanat, il-progress inġenerali għadu dgħajjef, l-objettivi tal-iżvilupp mhumiex identifikati b'mod ċar fl-istrateġija tal-UE dwar il-FSE u hija meħtieġa enfasi ġdida fuq l-iżvilupp fin-negozjati aktar milli skadenza sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata;

I.   billi l-pajjiżi l-foqra għandhom diffikultà jikkumpensaw għat-tnaqqis fit-taxxi kummerċjali b'riżultat tal-kuntest globali attwali tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ; billi hemm il-periklu li t-tariffi doganali fuq prodotti pproċessati li huma ogħla minn dawk li japplikaw għall-materja prima jistgħu jikkontribwixxu sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinżammu fir-rwol ta’ sempliċi esportaturi tal-materja prima;

J.   billi jeħtieġ li jiġu eliminati l-effetti kummerċjali u tal-iżvilupp negattivi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandha l-Politika Agrikola Komuni;

K.  billi l-espansjoni tal-agrokarburanti kienet tiddependi ħafna fuq l-espansjoni ta’ monokultura industrijali fuq skala kbira, bir-riżultat li ġew estiżi l-prattiki agrikoli li huma ta’ ħsara għall-ambjent, il-bijodiversità, il-fertilità tal-ħamrija u d-disponibbiltà tal-ilma; billi l-espansjoni tal-agrokarburanti jista’ jkollha konsegwenzi drammatiċi f’termini ta’ ksur tad-drittijiet tal-art, it-telf tal-aċċess għal riżorsi naturali vitali, id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni ambjentali;

L.  billi l-pajjiżi bi dħul ta' livell medju superjuri se jiġu esklużi mis-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati tal-UE sa mill-1 ta' Jannar 2014, iżda huwa inċert sa liema punt dan se jwassal għall-ftuħ ta’ opportunitajiet ġodda ta' esportazzjoni għall-pajjiżi l-anqas żviluppati;

M. billi l-Għajnuna għall-Kummerċ hija mfassla sabiex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fost oħrajn fil-bini tal-kapaċità kummerċjali, it-tnaqqis fl-ostakoli amministrattivi għall-kummerċ, l-istabbiliment ta' infrastruttura effiċjenti għat-trasport ta' prodotti, u t-tisħiħ tan-negozji lokali sabiex ikunu ppreparati jilħqu d-domanda lokali u għall-kompetizzjoni u jkunu jistgħu jibbenefikaw minn opportunitajiet ġodda tas-suq; billi l-Għajnuna għall-Kummerċ għandha tgħin tippromwovi l-ipproċessar u d-diversifikazzjoni tal-produzzjoni, tassisti l-integrazzjoni reġjonali, tiffaċilita t-trasferimenti teknoloġiċi, tiffaċilita l-istabbiliment jew l-iżvilupp tal-kapaċità produttiva nazzjonali, u tgħin tnaqqas l-inugwaljanza fid-dħul;

N. billi l-integrazzjoni reġjonali hija mezz effettiv għall-kisba tal-prosperità, il-paċi u s-sigurtà; billi l-benefiċċji b'rabta mal-iżvilupp ta' kummerċ intern u reġjonali li jiffunzjona aħjar jistgħu jkunu sinifikanti daqs jew iżjed minn dawk marbutin ma' żieda fil-kummerċ estern, speċjalment fil-kuntest tat-tibdil fil-klima; billi l-kummerċ reġjonali fl-Afrika huwa ddominat mill-kummerċ ta' prodotti pproċessati, f'kuntrast mad-dominazzjoni tal-materja prima fil-kummerċ estern;

O. billi l-esportazzjoni ta' riżorsi naturali spiss hija assoċjata mal-korruzzjoni kif ukoll ma' staġnar f'setturi ekonomiċi oħra; billi l-eżistenza tal-fenomenu tas-'saħta tar-riżorsi' issa huwa rikonoxxut b'mod wiesa' u l-politika kummerċjali tal-UE għandha tassisti sabiex tipprevjeni u tikkontrobatti dan il-fenomenu;

P.  billi 'riżorsi li jalimentaw kunflitti' huma riżorsi naturali li l-isfruttament u l-kummerċ sistematiku tagħhom f’kuntest ta’ kunflitt jikkontribwixxu lejn, jibbenefikaw minn jew jirriżultaw fit-twettiq ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali jew ksur li skont il-liġi internazzjonali jitqies bħala reat;

Q. billi l-politiki tal-UE għandhom jappoġġaw is-sigurtà tal-ikel u ma għandhom qatt jagħmlulha ħsara; billi huwa essenzjali wkoll li tiġi fi tmiemha l-assenjazzjoni mill-ġdid ta' art agrikola f'pajjiżi jew f'reġjuni li qed jiżviluppaw b'nuqqas ta' sigurtà alimentari, għal funzjoni apparti l-produzzjoni tal-ikel għall-ħtiġijiet lokali jew reġjonali (il-problema tal-'ħtif tal-art');

R.  billi partikolarment l-appoġġ għall-bijokarburanti wassal għal bidla indiretta fl-użu tal-art u volatilità fil-prezzijiet tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

S.  billi l-iżgurar taċ-ċertezza taż-żamma tal-pussess tal-art għall-bdiewa ż-żgħar, li jikkostitwixxu l-parti l-kbira tas-sidien tal-art fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u huma l-iżjed vulnerabbli, huwa l-pedament għal swieq tal-proprjetà immobbli u tal-kreditu b’saħħithom li huma essenzjali għal żvilupp stabbli u sostenibbli;

T.  billi l-investiment f'opportunitajiet għan-nisa, b’mod partikolari fejn jidħol il-mikrokreditu, huwa essenzjali sabiex jinkisbu redditi kbar fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

Il-kummerċ bħala mutur effiċjenti tat-tkabbir, l-iżvilupp u t-tnaqqis fil-faqar

1.  Jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu li l-iffaċilitar tal-iżvilupp sostenibbli jrid ikun l-objettiv predominanti tal-politika kummerċjali tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; huwa tal-fehma li għandhom jiġu fformulati objettivi konkreti u sostenibbli b'rabta mal-iżvilupp għall-inizjattivi kollha fil-qafas ta' din il-politika;

2.   Jenfasizza li billi ma jistax jiġi kkunsidrat bħala fatt ċert li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ twassal għal tkabbir u tnaqqis fil-faqar, il-politiki tal-kummerċ u l-għajnuna għall-kummerċ għandhom jiġu mfassla b’mod konsistenti abbażi ta’ proċessi trasparenti, inklużivi u parteċipatorji li jinvolvu l-partijiet interessati kollha, b'attenzjoni speċjali għal dawk l-aktar żvantaġġjati, partikolarment in-nisa;

3.  Jinnota li kummerċ ġust bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkun ibbażat fuq ir-rispett sħiħ u l-garanzija tal-istandards u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ILO u għandu jiżgura l-applikazzjoni tal-ogħla standards soċjali u ambjentali possibbli; jenfasizza li dan jinkludi l-ħlas ta' prezz ġust għar-riżorsi u għall-prodotti agrikoli li ġejjin mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

4.   Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa;

5.  Jilqa' l-konċentrazzjoni fuq l-ambjent tan-negozju, l-integrazzjoni reġjonali u s-swieq dinjija, kif ukoll fuq il-ħarsien soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi fl-Aġenda għall-Bidla (COM(2011)0637);

6.  Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, inkluż permezz tal-waqfien ta' kull prattika tal-produzzjoni u kummerċjali inġusta, is-sajd eċċessiv u s-sussidji agrikoli li huma ta' ħsara għall-iżvilupp u jheddu s-sigurtà tal-ikel;

7.  Jenfasizza li l-politika ta’ investiment tqajjem żewġ sfidi ewlenin għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw: fil-livell nazzjonali, jeħtieġ li l-politika dwar l-investiment tiġi inkluża fl-istrateġija dwar l-iżvilupp, filwaqt li tinkorpora objettivi ta' żvilupp sostenibbli; fil-livell internazzjonali, huwa neċessarju li tissaħħaħ id-dimensjoni ta’ żvilupp tal-Ftehimiet ta' Investiment Internazzjonali u jiġu bbilanċjati d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati u l-investituri;

8.  Jiddispjaċih li, skont ir-Rapport dwar l-Investiment Dinji 2012 tal-UNCTAD, ċerti Ftehimiet ta' Investiment Internazzjonali konklużi fl-2011 iżommu mal-mudell tradizzjonali tat-Trattat li jiffoka fuq il-protezzjoni tal-investiment bħala l-unika għan tat-Trattat; jilqa’ madankollu l-fatt li ċerti Ftehimiet ta' Investiment Internazzjonali ġodda jinkludu dispożizzjonijiet sabiex jiġi żgurat li t-Trattat ma jkunx ta' interferenza iżda ta' kontribut għall-istrateġiji ta' żvilupp sostenibbli tal-pajjiżi li jiffukaw fuq l-impatti ambjentali u soċjali tal-investiment;

9.  Jinnota bi tħassib iż-żieda fin-numru ta’ każijiet għal riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn l-investituri u l-Istati (ISDS) imressqa taħt Ftehimiet ta’ Investiment Internazzjonali fejn l-investituri sfidaw politiki pubbliċi ewlenin filwaqt li sostnew li dawn il-politiki affettwaw b’mod negattiv il-prospetti ta’ negozju tagħhom; jindika f’dan il-kuntest, li r-Rapport dwar l-Investiment Dinji (2012) tal-UNCTAD juri li l-Ftehimiet ta' Investiment Internazzjonali qegħdin isiru dejjem aktar kontroversjali u sensittivi mil-lat politiku, primarjament minħabba t-tixrid tal-arbitrazzjonijiet bejn l-investituri u l-istati bbażati fuq Ftehimiet ta' Investiment Internazzjonali li qed jistimolaw nuqqas ta’ sodisfazzjon dejjem akbar (pereżempju d-dikjarazzjoni tal-politika kummerċjali tal-Awstralja fejn tħabbar li din se tieqaf tinkludi klawsoli tal-ISDS fil-Ftehimiet ta' Investiment Internazzjonali futuri tagħha), u li jirriflettu, fost oħrajn, in-nuqqasijiet fis-sistema (pereżempju l-ambitu wiesa' ta’ dispożizzjonijiet bħall-esproprjazzjoni, it-tħassib dwar il-kwalifika tal-arbitraturi, in-nuqqas ta’ trasparenza u l-ispejjeż għoljin tal-proċedimenti, u r-relazzjoni bejn l-ISDS u l-proċedimenti bejn stat u ieħor; jinsisti għalhekk li kull ftehim ta' investiment Ewropew fil-ġejjieni għandu jiżgura li r-riżoluzzjoni internazzjonali ta' tilwim bejn l-investituri u l-istat m'għandhiex iddgħajjef il-kapaċità tal-istati li jilleġiżlaw favur l-interess pubbliku;

10. Ifakkar li l-mobilizzazzjoni ta’ investiment għal żvilupp sostenibbli tibqa’ tirrappreżenta sfida prinċipali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari għall-LDCs; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-UNCTAD żviluppat qafas komprensiv ta’ politika dwar l-investiment għall-iżvilupp sostenibbli (IPFSD) li jqiegħed enfasi partikolari fuq ir-relazzjoni bejn l-investiment barrani u l-iżvilupp sostenibbli;

11. Jistieden lill-UE tuża b'mod attiv il-ħafna strumenti li għandha għad-dispożizzjoni sabiex tappoġġa l-paċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-finanzi pubbliċi b'saħħithom, l-investimenti fl-infrastruttura, il-konformità man-normi soċjali mill-impriżi Ewropej u s-sussidjarji tagħhom, il-forniment ta' min jorbot fuqu ta' servizzi bażiċi u l-impenn lejn tkabbir inklużiv u sostenibbli u t-tnaqqis fil-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'dan il-mod tgħin ukoll fil-ħolqien ta' ambjent li jwassal għal Għajnuna għall-Kummerċ effiċjenti u żvilupp kummerċjali sostenibbli;

12. Jenfasizza li l-integrazzjoni b’suċċess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kummerċ dinji tirrikjedi xi ħaġa aktar milli aċċess aħjar għas-suq u regoli tal-kummerċ internazzjonali msaħħa; jenfasizza li konsegwentement, il-programmazzjoni tal-Għajnuna għall-Kummerċ għandha tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi interni tagħhom biex jippromwovu l-kummerċ lokali, ineħħu x-xkiel li jirrigwarda l-provvista u jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali, li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ riformi interni fil-politiki relatati mal-kummerċ, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, it-titjib tal-kapaċitajiet doganali, l-immodernizzar tal-infrastruttura, it-titjib tal-kapaċitajiet produttivi u l-bini ta’ swieq domestiċi u reġjonali;

13. Ifakkar li r-rabta bejn il-kummerċ internazzjonali u t-tnaqqis fil-faqar mhijiex awtomatika; jinnota, f’dan ir-rigward, li l-UNCTAD tiddikjara li l-livell medju tal-integrazzjoni kummerċjali tal-LDCs, imkejjel bil-proporzjon tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-oġġetti u s-servizzi mal-PDG, effettivament sa mill-bidu tas-snin disgħin kien ogħla minn dak tal-ekonomiji avvanzati; iqis għaldaqstant, li l-persistenza tal-faqar tal-massa fl-LDCs huwa riżultat tas-sottożvilupp u n-nuqqas min-naħa ta’ dawn il-pajjiżi li jippromwovu trasformazzjoni strutturali, jibnu kapaċità produttiva, u joħolqu impjiegi produttivi fil-livell nazzjonali;

14. Jenfasizza wkoll li l-argument tal-UNCTAD li l-liberalizzazzjoni kummerċjali prematura u rapida li ħafna pajjiżi bi dħul baxx u li qed jiżviluppaw kienu mħeġġa jwettqu fis-snin tmenin u disgħin wasslet għal deindustrijalizzazzjoni u forma ta’ integrazzjoni li intensifikat id-dipendenza tagħhom fuq is-swieq esterni u l-vulnerabbiltà fil-konfront tagħhom, filwaqt li l-pajjiżi li bbenefikaw l-aktar mil-liberalizzazzjoni kummerċjali u esperjenzaw l-akbar tnaqqis fil-faqar assolut huma dawk li fetħu l-ekonomija tagħhom moderatament u gradwalment f'konformità mal-iżvilupp tal-kapaċitajiet produttivi tagħhom, u għamlu progress lejn it-trasformazzjoni strutturali;

15. Jenfasizza li sabiex it-tkabbir u l-ħolqien tal-ġid ikunu inklużivi, sostenibbli u effiċjenti fit-tnaqqis fil-faqar, għandu jkun hemm impenn favurihom fis-setturi l-iktar milqutin mill-faqar u fis-setturi fejn huma attivi l-foqra; jindika li t-tkabbir għandu jibbenefika u jagħti s-setgħa lin-nisa u jkun iffukat fuq it-titjib tal-klima ġenerali tan-negozju sabiex l-SMEs imorru tajjeb, kif ukoll sabiex jiżviluppaw opportunitajiet ta’ mikrofinanzjament u mikrokreditu sostenibbli; jenfasizza li l-politiki ta' żvilupp u l-kummerċ f’dan il-qasam għandhom ikunu ggwidati mill-innovazzjoni, il-kreattività u l-kompetittività, bil-għan li jinħolqu l-impjiegi u tingħata s-saħħa lill-iżvantaġġjati;

16. Jilqa’ r-rikonoxximent tal-Kummissjoni tal-ħtieġa li tiġi appoġġata l-parteċipazzjoni tal-produtturi u n-negozji ż-żgħar; jindika l-potenzjal fis-suq ta’ skemi ta’ Kummerċ Ġust u l-effiċjenza ta’ skemi bħal dawn fil-faċilitazzjoni tal-iżvilupp soċjali;

17.  Jipproponi li l-Kummissjoni toħloq impetu akbar għal akkwist pubbliku sostenibbli fil-livell internazzjonali;

18. Jistieden lill-UE, l-Istati Membri tagħha u donaturi oħra jirrikonoxxu r-rwol vitali li għandhom in-nisa għall-iżvilupp ekonomiku, u jadattaw l-isforzi tal-għajnuna sabiex tingħata s-setgħa lin-nisa, soċjalment u finanzjarjament, inkluż permezz ta' appoġġ immirat għall-iżvilupp tan-negozju u aċċess għal servizzi ta' mikrofinanzjament speċifikament għan-nisa;

19. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa fl-Iżvilupp u l-attivitajiet proposti mill-Azzjoni;

20. Itenni l-obbligu tal-UE li tapplika l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-promozzjoni u l-ħarsien tagħhom fil-politiki esterni kollha tagħha, inkluż il-kummerċ internazzjonali; jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni sħiħa tal-punti dwar il-kummerċ fil-Pjan ta' Azzjoni mehmuż mal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

21. Iqis li l-istrateġiji għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli għandhom, fost l-oħrajn, jipprevedu l-parteċipazzjoni tas-settur privat fl-ekonomija reali, il-koeżjoni reġjonali u l-integrazzjoni tas-swieq permezz ta' kooperazzjoni transkonfinali, u l-iżvilupp ta' kummerċ miftuħ u ġust inkorporat fi ħdan qafas tal-kummerċ multilaterali msejjes fuq regoli;

22. Ifakkar fl-importanza ta’ investiment immirat lejn il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tisħiħ ta' infrastrutturi ewlenin fl-oqsma tal-portijiet, it-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet, u b'mod partikulari l-infrastruttura transkonfinali;

23. Iħeġġeġ lill-pajjiżi benefiċjarji ta’ għajnuna għall-iżvilupp kummerċjali jimmobilizzaw ukoll ir-riżorsi interni proprji tagħhom, inkluż id-dħul baġitarju permezz tal-ġbir xieraq tat-taxxi u l-kapital uman; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ, fil-każ fejn il-pajjiżi jiksbu dħul mill-isfruttament tar-riżorsi naturali, għall-ġestjoni trasparenti u sostenibbli ta’ dawn ir-riżorsi; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi stabbilita trasparenza sħiħa rigward ħlas li jsir lill-gvernijiet mill-impriżi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa strateġiji għall-industrijalizzazzjoni sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, immirati lejn il-kummerċ ta' prodotti b'valur miżjud;

24. Iqis li l-għodod tal-UE fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp permezz tal-kummerċ u l-investiment, b’mod partikolari s-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati riveduta u l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika, huma effettivi; jenfasizza mandankollu li l-għajnuna għall-kummerċ ma tistax tiġi limitata għal dawn l-għodod biss; ifakkar lill-UE fl-objettiv tagħha li l-baġit globali tagħha allokat għall-għajnuna jkun ilaħħaq 0,7 % tal-ING sal-2015; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid is-sehem allokat għall-assistenza teknika mill-baġit totali għall-għajnuna tagħha, inkluż fil-qasam tal-istandardizzazzjoni; jistieden lill-UE turi konsistenza akbar fl-implimentazzjoni tal-politiki kummerċjali, agrikoli, ambjentali, enerġetiċi u ta' żvilupp tagħha;

25. Iqis li huwa essenzjali li l-politiki Ewropej fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp permezz tal-kummerċ jintegraw l-aspetti kollha tal-innovazzjoni - l-innovazzjoni finanzjarja kif ukoll dik teknoloġika u organizzattiva - abbażi tal-aħjar prattiki;

26. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinnegozja l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet tassew infurzabbli relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali u ta' kooperazzjoni bilaterali futuri kollha, sabiex tikkontribwixxi verament għal approċċ lejn l-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet;

27. Jisħaq fuq l-importanza ta' livelli deċenti ta' pagi u standards deċenti ta' sikurezza fuq il-post tax-xogħol għal sistema kummerċjali globali sostenibbli u ktajjen ta' produzzjoni globali ġodda; ifakkar lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, fil-komunikazzjoni tagħha intitolata “Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd”;

28. Jittama li, għall-konsistenza tal-politiki mwettqa mill-UE, tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn is-servizzi differenti tal-Kummissjoni u s-SEAE, u t-tliet istituzzjonijiet li huma l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew;

29. Iqis li l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-iżvilupp permezz tal-politiki u l-programmi kummerċjali u ta’ investiment għandhom jinkludu statistika mhux biss dwar it-tkabbir u l-kummerċ, iżda wkoll dwar in-numru ta' impjiegi li nħolqu u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja għall-persuni li jgħixu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, fir-rigward tal-iżvilupp uman, soċjali, kulturali u ambjentali;

Qafas tal-iżvilupp aktar ċar għan-negozjati u l-ftehimiet kummerċjali

30. Jenfasizza l-importanza li r-riformi kummerċjali jiġu kkombinati ma’ politiki pubbliċi mfassla tajjeb, prinċipalment il-protezzjoni soċjali; jenfasizza b’mod usa’, l-importanza ta' Strateġiji Nazzjonali għall-Iżvilupp u valutazzjonijiet sistematiċi tal-impatt tal-politika kummerċjali eżistenti fuq il-faqar f'waqthom u mħejjija tajjeb; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-gwida mħejjija mir-rapporteur tan-NU dwar id-dritt għall-ikel li tappella għall-użu tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt fuq id-Drittijiet tal-Bniedem – Prinċipji Gwida dwar il-Valutazzjonijiet tal-Impatt fuq id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ftehimiet dwar il-Kummerċ u l-Investiment – meta tkun qiegħda tikkonkludi ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu konsistenti mal-obbligi skont l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ ukoll lill-UE tinkorpora kundizzjonalità ċara u klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-ftehimiet kummerċjali kollha tagħha;

31. Jenfasizza l-importanza li tiġi integrata r-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali; jissuġġerixxi l-inklużjoni ta’ kapitolu komprensiv dwar id-drittijiet tal-bniedem, flimkien ma' kapitoli soċjali u ambjentali, fil-ftehimiet futuri kollha ta' kummerċ ħieles;

32. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw iwettqu konsultazzjonijiet wiesgħin bl-inklużjoni ta’ atturi mhux tal-istat u mhux tan-negozju matul it-tfassil tal-politiki kummerċjali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiffavorixxi wkoll it-trasparenza matul in-negozjati, sabiex tiffaċilita l-involviment kontinwu, wiesa' u effettiv tal-partijiet interessati u tappoġġa l-impenn lejn riżultati b'rabta mal-iżvilupp;

33. Jappella għal analiżi profonda tal-impatt, mill-perspettiva tal-klima, il-ġeneru u s-sostenibbiltà, tal-eżitu tal-ftehimiet kummerċjali multilaterali u bilaterali nnegozjati bejn l-UE u pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tawtorizza appoġġ espliċitu għall-ġestjoni tat-tibdil fil-klima bħala parti mill-għajnuna kollha għall-kummerċ u għajnuna rilevanti oħra għall-iżvilupp;

34. Jemmen li, fin-negozjati għall-ftehimiet kummerċjali, għandhom jiġu stabbiliti parametri ta' riferiment għall-progress fl-iżvilupp sabiex jiġu ffaċilitati l-monitoraġġ u, fejn meħtieġ, il-modifika tal-kalendarji għall-implimentazzjoni tal-miżuri, il-modifika tal-miżuri ta' akkumpanjament, li jistgħu jinkludu Għajnuna għall-Kummerċ u assistenza għall-aġġustament, u t-tħejjija ta' inizjattivi ġodda, meta l-impenn għall-objettivi tal-iżvilupp ikun jitlob dan; jenfasizza l-fatt li, għan-negozjati kummerċjali hu essenzjali li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu pprovduti bil-kompetenza legali u kompetenzi oħra meħtieġa sabiex jaħdmu b’mod effettiv fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u organizzazzjonijiet simili;

35. Jistieden lill-UE tkompli tnaqqas l-ostakli għall-kummerċ u s-sussidji li jgħawwġu l-kummerċ sabiex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżidu s-sehem tagħhom tal-kummerċ dinji; jitlob it-tneħħija tas-sussidji fuq l-esportazzjonijiet agrikoli, skont l-impenn li ttieħed fin-negozjati taċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li għandha tiġi implimentata kemm jista' jkun malajr;

36. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa s-sejħa min-naħa tar-rapporteur speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ inċentivi pożittivi għat-tħeġġiġ tal-importazzjoni ta' prodotti agrikoli lejn l-UE li jikkonformaw ma' standards ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem speċifiċi, b’mod partikolari billi jiġi żgurat dħul ġust għall-produtturi u pagi li jiggarantixxu l-għajxien għall-ħaddiema agrikoli;

37. Jistieden lill-UE tiżgura dejjem li l-approċċ wiesa' tagħha għan-negozjati kummerċjali, bl-inklużjoni ta' kwistjonijiet bħall-investiment, l-akkwist pubbliku mill-gvernijiet, il-kompetizzjoni, il-kummerċ fis-servizzi u d-drittijiet ta' proprjetà intelletwali, ikun konformi mal-ħtiġijiet u l-istrateġiji ta' żvilupp rispettivi tal-pajjiżi sħab; jinnota b’mod partikolari, li l-introduzzjoni tal-prinċipju tar-reċiproċità dwar l-akkwist pubbliku jista’ jkun ta’ ħsara kbira għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi fost l-oħrajn se jostakola l-iżvilupp tal-industriji li għadhom jibdew u l-ipproċessar; iħeġġeġ għalhekk lill-UE tiddefinixxi l-politika tagħha b’rispett sħiħ tat-"trattament speċjali u divrenzjat" mogħti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; itenni wkoll li l-gvernijiet u l-parlamenti għandhom iżommu d-dritt li jirregolaw l-investiment, kemm sabiex ikunu jistgħu jiddiskriminaw favur investituri li jappoġġaw l-iżvilupp tal-pajjiż kif ukoll sabiex jiżguraw li jkun hemm obbligazzjonijiet u dmirijiet imposti fuq l-investituri kollha, inklużi dawk barranin, fir-rigward tal-konformità mal-istandards tax-xogħol, dawk ambjentali, tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn;

38. Jilqa’ l-inklużjoni tal-aspett tal-ġeneru fil-valutazzjonijiet tal-impatt tas-sostenibbiltà marbuta man-negozjati kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota ta' dawn il-valutazzjonijiet u tiżgura li l-kwistjonijiet identifikati dwar il-ġeneru tabilħaqq jiġu indirizzati mill-miżuri ta’ politika li jakkumpanjaw il-ftehimiet kummerċjali;

39. Jemmen li fin-negozjati tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika, l-attenzjoni għandha tkun fuq il-kontenut aktar milli fuq l-iskadenzi; jiddikjara li, biex il-ftehimiet iwasslu għall-iżvilupp, hemm bżonn ta’ approċċ iktar flessibbli min-naħa tal-UE, li jħeġġeġ id-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tal-pajjiżi AKP, b’żieda fl-attivitajiet tal-ipproċessar u żieda fil-kummerċ reġjonali;

L-Għanjuna għall-Kummerċ

40. Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li tiddivrenzja l-għajnuna tagħha għall-kummerċ u li tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, speċjalment il-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) u l-pajjiżi bi dħul baxx;

41. Jitlob li l-istrumenti tal-Għajnuna għall-Kummerċ ikunu ffukati mhux biss fuq il-kummerċ bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda wkoll fuq l-appoġġ għall-kummerċ intern, reġjonali u dak Nofsinhar-Nofsinhar, kif ukoll fuq il-kummerċ trijangolari bejn il-pajjiżi AKP bil-promozzjoni ta’ katini ta’ valur transkonfinali, biż-żieda fl-effiċjenza ta’ servizzi ewlenin u t-tnaqqis fl-ispejjeż tat-trasport li fl-istess ħin jistgħu jgħinu jsaħħu r-rabtiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw mas-swieq globali;

42. Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' strumenti ta' appoġġ aktar effettivi fir-rigward tal-aġġustament u d-diversifikazzjoni tal-produzzjoni, kif ukoll fir-rigward tal-iżvilupp responsabbli u sostenibbli ta' industriji tal-ipproċessar u kumpaniji ta' daqs żgħir u medju fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

43. Jisħaq li l-inugwaljanzi bejn is-sessi fir-rigward tal-aċċess għar-riżorsi, bħal mikrokreditu, kreditu, informazzjoni u teknoloġija, għandhom jiġu kkunsidrati meta jkunu qegħdin jiġu definiti l-istrateġiji għal għajnuna għall-kummerċ u għajnuna rilevanti oħra għall-iżvilupp;

44. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fin-negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika, twarrab ir-rekwiżit li l-pajjiżi AKP ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-materja prima, billi dan jippreżenta riskju ta' dipendenza dejjem akbar fuq l-esportazzjoni tal-materja prima u tnaqqis fl-inċentivi biex dawn jipparteċipaw f’attivitajiet tal-ipproċessar u jiddiversifikaw l-ekonomiji ta' dawk il-pajjiżi; jiddikjara li r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni jistgħu jintużaw bħala għodda ta’ żvilupp sabiex jippromwovu l-ipproċessar tal-materja prima u jnaqqsu d-dipendenza fuq l-esportazzjoni ta’ materja prima mhux ipproċessata;

45. Jappoġġa l-pakkett għall-promozzjoni tal-kummerċ għall-operazzjonijiet iż-żgħar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel progress fl-iżvilupp ta’ dan il-pakkett u jistieden lid-donaturi kollha jallokaw biżżejjed fondi ħalli jimplimentaw dan il-pakkett b’mod speċifiku għall-appoġġ tal-parteċipazzjoni tan-negozji ż-żgħar fl-iskemi kummerċjali li jiżguraw valur miżjud għall-produtturi, inklużi dawk li jirrispondu għas-sostenibbiltà (pereżempju Kummerċ Ġust); jitlob li jsiru aġġornamenti regolari dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pakkett;

46. Jinnota li l-kapaċità kummerċjali tiddependi kemm fuq il-ħardwer (l-infrastruttura) u kemm fuq is-softwer (l-għarfien espert); jappella għalhekk sabiex tiġi investita l-għajnuna tal-UE għall-promozzjoni taż-żewġ elementi f'bosta pajjiżi, b'mod partikolari f'kooperazzjoni mal-pajjiżi l-anqas żviluppati;

47. Jistieden lill-UE tiżgura li l-Għajnuna għall-Kummerċ tippromwovi strumenti inklużivi u li jnaqqsu l-faqar, u b’hekk l-enfasi primarja tagħha għandha tkun fuq il-ħtiġijiet tal-operaturi ż-żgħar; jenfasizza li l-Għajnuna għall-Kummerċ għandha tintuża għall-iżvilupp ta’ katini ta’ valur sostenibbli b’iffukar fuq il-foqra sabiex jitjieb l-għan li tinkiseb katina ta’ provvista sostenibbli;

48. Jistieden lill-UE tiffoka fuq ir-rimedju għall-problemi fil-programmi tal-Għajnuna għall-Kummerċ, b'mod speċjali rigward il-kapaċità ta' implimentazzjoni u monitoraġġ; sussegwentement jitlob bidla fil-perspettiva li tiffoka fuq ir-riżultati u fuq l-eżiti minflok fuq il-kontributi, iżda jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ skrutinju estern diliġenti u miftiehem li jiżgura prattiki kummerċjali miftuħa u trasparenti;

49. Jistieden lill-UE tintegra s-settur privat fit-tfassil ta’ proġetti ta' Għajnuna għall-Kummerċ b’mod iżjed effettiv bil-għan li tingħata s-saħħa lill-kumpaniji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex itejbu l-kummerċ;

L-iżvilupp u r-rwol tas-settur privat

50. Iqis, fid-dawl tat-trasformazzjoni tal-istruttura tal-kummerċ internazzjonali u tan-negozju Tramuntana-Nofsinhar, li s-sjieda tal-programmi ta’ għajnuna mill-pajjiżi benefiċjarji, flimkien mat-trasparenza, ir-responsabbiltà u riżorsi suffiċjenti, jikkostitwixxu fatturi kruċjali li jikkontribwixxu għall-effikaċja u s-suċċess tagħhom, peress li l-għan huwa li jitnaqqsu d-distakki fil-ġid, tiġi kondiviża l-prosperità u tinkiseb l-integrazzjoni reġjonali; iqis essenzjali barra dan, li t-tfassil u l-monitoraġġ ta’ dawn il-programmi jinvolvu sistematikament l-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll is-soċjetà ċivili u jipprevedu l-monitoraġġ mid-donaturi;

51. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar l-isfidi ġodda involuti fl-għajnuna għall-iżvilupp permezz tal-kummerċ, jiġifieri d-divrenzjar tal-livelli ta' żvilupp, l-appoġġ għall-produzzjoni lokali u d-diversifikazzjoni tagħha u l-promozzjoni ta’ standards soċjali u ambjentali;

52. Iħeġġeġ lid-donaturi kollha, pubbliċi u privati, jikkoordinaw aktar l-azzjonijiet tagħhom u jadattawhom għall-fondi eżistenti, b’mod partikolari fil-kuntest attwali ta’ tnaqqis baġitarju; ifakkar li l-pajjiżi BRICS issa huma kemm benefiċjarji tal-għajnuna kif ukoll donaturi; jistedinhom jikkooperaw mal-UE sabiex jikkondividu l-esperjenzi tagħhom u jottimizzaw l-azzjonijiet tagħhom u jaċċettaw aktar responsabilitajiet fil-konfront tal-pajjiżi anqas żviluppati u fi ħdan il-komunità tad-donaturi; jinsab imħasseb dwar it-tixrid tal-prattiki ta' għajnuna marbuta u jħeġġeġ lill-pajjiżi żviluppati u lill-pajjiżi emerġenti l-kbar jevitaw milli jirrikorru għal prattiki bħal dawn;

53. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lid-donaturi kollha jfittxu forom innovattivi ta’ finanzjament u ta’ sħubija għall-iżvilupp; ifakkar, f'dan ir-rigward, li s-self bejn il-pari wkoll jista' jikkontribwixxi sabiex l-iżvilupp jinġieb 'il quddiem permezz tal-kummerċ; jirrakkomanda li jiġu kkoordinati aħjar il-proġetti ta' żvilupp iffinanzjati mill-banek tal-iżvilupp reġjonali u l-Bank Dinji/il-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali, u li jiġi ġġeneralizzat l-użu ta’ skemi interreġjonali ta’ finanzjament bħall-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Infrastruttura fl-Afrika;

54. Iħeġġeġ lill-kumpaniji bbażati fl-UE b'faċilitajiet tal-produzzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, jikkonformaw strettament mal-obbligi tar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ambjentali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, l-istandards fundamentali tax-xogħol, il-ftehimiet internazzjonali u l-ħlas ta’ taxxi xierqa b’mod trasparenti; jitlob li jiġi implimentat mingħajr eċċezzjoni d-dritt għal-libertà mix-xogħol furzat u b’mod speċjali mit-tħaddim tat-tfal;

55. Jinsab konvint mill-potenzjal tas-settur privat li jiffunzjona bħala mutur fl-iżvilupp u jenfasizza li sabiex jitwettaq dan il-potenzjal, il-proċess jeħtieġ li jservi lill-komunitajiet lokali u li, permezz tal-prinċipju ta’ katini tal-provvista inklużivi ġusti, jiġġenera l-għoti tas-setgħa lill-atturi kollha involuti, mill-produttur/ħaddiem sal-konsumatur;

56. Jilqa’ l-fatt li firxa wiesgħa ta’ industriji u korporazzjonijiet transnazzjonali stabbilixxew kodiċi tal-kondotta tal-fornituri li jiddeskrivu fid-dettall l-istandards ta’ prestazzjoni soċjali u ambjentali għall-katini tal-provvista globali tagħhom; ifakkar madankollu li l-proliferazzjoni u l-eteroġeneità tal-kodiċi CSR jippreżentaw sfidi; jinnota, b'mod partikolari, li minħabba l-eteroġeneità tal-kunċett CSR, fejn kumpaniji differenti żviluppaw standards differenti dwar il-kontabilità, l-awditjar u r-rappurtar, il-livelli tas-CSR diffiċli jitqabblu; jistieden għal darb’oħra lill-UE għaldaqstant, sabiex taħdem għal qafas legali internazzjonali ċar dwar ir-responsabbiltajiet u l-obbligi tan-negozju rigward id-drittijiet tal-bniedem;

57. Jistieden barra minn hekk lill-kumpaniji bbażati fl-UE u oħrajn jikkonformaw mal-għaxar prinċipji fundamentali tal-Patt Globali tan-NU u l-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

58. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi klawsoli vinkolanti tas-CSR fil-ftehimiet bilaterali kollha dwar il-kummerċ u l-investiment iffirmati mill-UE, ibbażati fuq il-Linji Gwida OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u inkluża l-proċedura ta’ lmenti tal-OECD;

59. Jappella għal sforzi aktar b'saħħithom min-naħa tal-UE fir-rigward tar-rifuġji fiskali u l-ħarba tal-kapital, li jdgħajfu d-dħul kemm tal-UE u kemm ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u jaħdmu kontra t-tnaqqis fil-faqar u l-ħolqien tal-ġid f'pajjiżi foqra; jenfasizza li l-ħarba illegali tal-kapital mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw tirrappreżenta bejn 6 u 8,7 fil-mija tal-PDG tagħhom u 10 darbiet l-għajnuna totali għall-iżvilupp għal dawn il-pajjiżi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tfittex b’mod proattiv iżjed opportunitajiet għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar din il-kwistjoni; jappella b’mod partikolari għal konvenzjoni internazzjonali bil-għan li jiġu eliminati l-istrutturi fiskali ta’ ħsara (fuq il-mudell ta’ mekkaniżmu multilaterali għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar it-taxxi), li tkun tinkludi sanzjonijiet kemm għal ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx kif ukoll għall-istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw f’rifuġji fiskali (jiġifieri billi tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu rtirati liċenzji bankarji ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw mar-rifuġji fiskali skont l-Att dwar it-Twaqqif tal-Abbuż tar-Rifuġji Fiskali tal-Istati Uniti);

60. Iħeġġeġ lill-UE, lil donaturi tal-għajnuna oħrajn, lill-awtoritajiet tal-pajjiżi sħab u lill-atturi privati lokali u internazzjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jesploraw l-oqsma possibbli ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli sabiex jiġu mmassimizzati r-riżultati relatati mal-iżvilupp tal-attivitajiet kummerċjali u jiġu inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha ta’ diskussjoni;

61. Jenfasizza l-importanza vitali li jiġu promossi sħubijiet ta’ inizjattiva ta’ tkabbir bejn il-pubbliku u l-privat fil-politiki tal-iżvilupp tal-UE u li jintużaw l-esperjenza, il-kompetenza, u s-sistemi ta' ġestjoni tas-settur privat fi sħubija mar-riżorsi pubbliċi; jappella sabiex jiġu megħjuna l-awtoritajiet lokali fl-Istati Membri Ewropej li għandhom esperjenza, pereżempju, fil-bini ta’ infrastruttura, sabiex ikun hemm ġemellaġġ u kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

62. Jemmen li l-Investiment Dirett Barrani huwa wkoll mutur b’saħħtu għal tkabbir ekonomiku sostnut, it-trasferiment tal-għarfien, l-ispirtu ta’ intrapriża, it-teknoloġija u l-ħolqien tal-impjiegi, u għalhekk huwa ta’ importanza vitali għall-iżvilupp; jappella sabiex l-aġenda għall-iżvilupp tiffoka fuq l-appoġġ tal-bini tal-kapaċitajiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-għan li tinħoloq klima ta’ investiment trasparenti, prevedibbli u favorevoli, fejn il-burokrazija għan-negozji titnaqqas għal livell minimu, id-drittijiet tal-proprjetà jiġu rrispettati, il-kompetizzjoni tiġi promossa u jkun hemm impenn lejn l-ilħuq ta’ politiki makroekonomiċi b'saħħithom;

Il-materja prima u l-industriji estrattivi

63. Jinnota li minkejja l-implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Kimberley għaċ-ċertifikazzjoni tad-djamanti ta’ kunflitt, il-kummerċ fir-riżorsi naturali għadu jħeġġeġ lir-ribelli u għadhom qegħdin isiru abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żoni tal-minjieri; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa urġenti ta' sistema ta' diliġenza dovuta għall-ħaġar prezzjuż u l-minerali ta' valur, pereżempju għall-minerali ta’ kunflitt; huwa tal-fehma li miżura bħal din tista’ tikkontribwixxi sabiex tiġi indirizzata l-isfida prinċipali tas-seħta tar-riżorsi u żżid il-benefiċċji għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex ibiegħu l-prodotti bażiċi tagħhom; jilqa’ f’dan il-kuntest il-pjanijiet tal-Kummissjoni li tippubblika komunikazzjoni dwar il-minerali ta’ kunflitt;

64. Jistieden lill-UE tirrispetta bis-sħiħ id-dritt tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jużaw ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fl-interess pubbliku tagħhom; jenfasizza li ż-żidiet fl-ipproċessar lokali tal-materja prima u l-ħolqien tal-valur miżjud huma ta’ importanza ewlenija biex ikun hemm distakk mid-dipendenza fuq l-esportazzjoni tal-materja prima; huwa tal-fehma li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’dipendenza għolja fuq l-esportazzjoni tal-materja prima għandhom jitħallew jużaw it-taxxi u r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni biex iġibu 'l quddiem dawn l-għanijiet;

65. Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni hija sħab fl-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI); jistieden lill-Kummissjoni u l-partijiet attivi fi ħdan l-industrija estrattiva biex b’mod attiv iħeġġu aktar pajjiżi produtturi jissieħbu fl-inizjattiva;

66. Jisħaq fuq il-fatt li r-riżorsi naturali jqajmu żewġ sfidi ewlenin għall-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw: l-isfida ambjentali sabiex jiġu ffaċċati l-impatti mill-użu tar-riżorsi tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u l-isfida soċjopolitika li jiġu affrontati d-drittijiet tal-bniedem u l-faqar f’livell internazzjonali;

67. Jappoġġa b'mod qawwi l-proposta leġiżlattiva għal rappurtar skont kull pajjiż individwali bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kontabilità u t-Trasparenza, biex b'hekk tiġi skoraġġuta l-korruzzjoni u jiġi prevenut l-evitar tat-taxxa; jistieden lill-industriji estrattivi Ewropej li joperaw fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex ikunu ta’ eżempju fir-rigward tar-responsabbiltà soċjali u l-promozzjoni ta’ xogħol deċenti;

68. Jinnota li l-problema tal-governanza fis-settur tar-riżorsi ġiet indirizzata kważi kompletament permezz ta’ inizjattivi volontarji, fejn l-iżjed waħda prominenti kienet l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) li tipprova ttejjeb it-trasparenza fl-informazzjoni; josserva madankollu, li għalkemm neċessarja, l-EITI mhijiex biżżejjed sabiex tiġi indirizzata l-problema usa’ tal-korruzzjoni u t-tixħim fis-settur estrattiv; jinnota wkoll li l-Qafas tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (protezzjoni, rispett, aċċess għar-rimedju) għadu mhuwiex speċifiku fir-rigward tal-industriji estrattivi u r-riżorsi; huwa tal-fehma f'dan ir-rigward li hemm il-ħtieġa li, mal-Qafas tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, jiżdiedu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-industriji estrattivi, u li l-ewwel pass għal dan jista' jkun il-ħatra ta' rapporteur speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar dik il-kwistjoni, b'mandat li jevalwa u jiżviluppa rakkomandazzjonijiet;

69. Huwa tal-fehma li l-istandards għat-trasparenza u ċ-ċertifikazzjoni għandhom jitwessgħu tul iż-żmien sabiex jiġu indirizzati kompletament it-tixħim u l-korruzzjoni fis-settur estrattiv u lil hinn minnu; jistieden, b’mod aktar usa’, lill-UE tappoġġa mekkaniżmi ta’ governanza iżjed b’saħħithom sabiex jiġu indirizzati d-dimensjonijiet ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem fl-isfruttament tar-riżorsi; huwa tal-fehma b’mod partikolari, li konvenzjoni internazzjonali għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi hija essenzjali sabiex jiġu stabbiliti prinċipji legali fundamentali għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi;

70. Jenfasizza li industrija tal-minjieri sostenibbli teħtieġ approċċi li jindirizzaw iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tar-riżorsi; jinnota li l-kumplessità tal-katini globali tal-provvista jfixklu t-trasparenza; huwa tal-fehma għaldaqstant, li l-inizjattivi ta’ trasparenza eżistenti għandhom ikunu akkumpanjati minn sforzi ta’ ċertifikazzjoni fil-forma ta’ ttikkettar tal-prodotti tul il-katini tal-provvista minerali;

71. Jappella sabiex l-atturi privati involuti fil-kummerċ ta' prodotti minn industriji estrattivi jew fir-raffinament tagħhom jieħdu passi sabiex jiżguraw li l-prinċipji CSR jiġu segwiti b'mod regolari, fid-dettall u b'mod strett tul il-katina tal-provvista;

72. Jistieden lill-Kummissjoni u s-SEAE sabiex ikomplu jibnu fuq l-Att Dodd-Frank ratifikat reċentement min-naħa tal-Kummissjoni dwar is-Sigurtajiet u l-Kambju tal-Istati Uniti fejn huwa meħtieġ li l-emittenti relatati mal-estrazzjoni tar-riżorsi jiżvelaw ċerti ħlasijiet magħmula lill-gvernijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni testendi r-rekwiżiti tar-rappurtar għall-industriji estrattivi lil industriji oħra u tivvaluta jekk l-iżvelar għandux jiġi awditjat b’mod indipendenti;

73. Huwa tal-fehma li l-politiki ta’ kummerċ u investiment bilaterali għandhom jirreferu għal prinċipji komuni bħal dawk ipprovduti mill-Karta tar-Riżorsi Naturali; iqis, b’konformità mal-isforzi ta' diliġenza dovuta fl-ambitu tal-katini tal-provvista, li dan jista’ jiġi akkumpanjat minn dispożizzjonijiet settorjali f’oqsma relatati mal-funderiji u r-raffineriji, u mal-industriji tal-metall u r-riċiklaġġ;

74. Jinnota li t-tentattivi tal-UE li tipprojbixxi jew trażżan l-użu tat-taxxi fuq l-esportazzjoni tal-materja prima jmorru kontra l-objettiv li l-pajjiżi jitħallew jiġġeneraw biżżejjed dħul pubbliku sabiex jilħqu l-MDGs u b’mod aktar usa’, biex jiżguraw żvilupp endoġenu; iħeġġeġ lill-UE tirrikonoxxi li r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni jistgħu jkunu parti mill-istrateġiji għall-iżvilupp ta’ xi pajjiżi jew ikunu ġustifikati għal raġunijiet ta' protezzjoni ambjentali;

Is-sigurtà tal-ikel u l-bijokarburanti

75. Iħeġġeġ lill-UE u lid-donaturi l-oħrajn kollha joqogħdu lura milli jiffaċilitaw jew jikkontribwixxu għall-assenjazzjoni mill-ġdid ta' art fertili f'pajjiżi u reġjuni b'nuqqas ta' sigurtà alimentari għal funzjonijiet għajr dawk tal-produzzjoni tal-ikel u jistabbilixxu approċċi ta’ prattika tajba għall-ġestjoni tal-art u r-riżorsi għal bijokarburanti u prodotti agrikoli għall-kummerċjalizzazzjoni oħra;

76. Jenfasizza l-ħtieġa li jitneħħew l-inċentivi biex il-bdiewa f'pajjiżi b'nuqqas ta' sigurtà alimentari jużaw arthom għal funzjonijiet għajr dawk tal-produzzjoni tal-ikel, bħall-produzzjoni ta' bijokarburanti; jemmen li r-riċerka u l-innovazzjoni, appoġġati minn politiki proattivi f'pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw, jistgħu jgħinu jnaqqsu l-kontradizzjoni bejn is-sigurtà alimentari u l-interessi enerġetiċi;

*

*        *

77. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  Il-Ftehim ta' Cotonou, kif rivedut fl-2005 u l-2010.
  • [2]  Regolament (KE) Nru 1905/2006, ĠU L 378, 27.12.2006, p.41.
  • [3]  Dokument tal-istampa tal-Kunsill 11855/12
  • [4]  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p.261.
  • [5]  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p.291.
  • [6]  ĠU C 102 E,24.4.2008, p. 301; ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 149; ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 101; ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 124.
  • [7]  ĠU C 284 E, 20.9.2012, p. 69.
  • [8]  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p.45; ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.
  • [9]  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 37.
  • [10]  ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 45.
  • [11]  ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 75
  • [12]  Testi adottati, P7_TA(2011)0320; Testi adottati, P7_ TA(2012)0386.
  • [13]  ĠU C 161E, tat-31.5.2011, p. 47; Testi adottati, P7_ TA(2012)0399.

NOTA SPJEGATTIVA

L-użu tal-politika kummerċjali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-iżvilupp

Il-kummerċ huwa wieħed mill-oqsma ta’ politika l-aktar importanti mil-lat tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp tal-UE. Sakemm dawn jintużaw tajjeb, l-istrumenti tal-politika kummerċjali jista' jkollhom impatt sostanzjali fuq l-iżvilupp f'pajjiżi foqra. L-għan prinċipali tal-politika kummerċjali tal-UE fir-rigward tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkun li sservi u li ssaħħaħ ir-riżultati tal-politika ta’ għajnuna tagħna. Il-promozzjoni tal-iżvilupp fid-dinja, anke billi jintużaw mezzi oħra minbarra l-għajnuna, tappoġġa l-valuri fundamentali tal-UE, u hija konformi mal-obbligi li hija daħlet għalihom permezz tat-Trattati.

Sabiex jintlaħqu aktar l-objettivi ta' żvilupp, il-politika kummerċjali tal-UE għandha tkun adattata għall-produzzjoni ta' effetti pożittivi indiretti fl-ekonomiji lokali, nazzjonali u reġjonali, il-promozzjoni tad-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u t-tħeġġiġ ta' progress lejn produzzjoni aktar avvanzata u li trendi aktar dħul. Hemm il-periklu li d-dazji tad-dwana fuq prodotti pproċessati li huma ogħla minn dawk li japplikaw għall-materja prima jistgħu jikkontribwixxu sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinżammu fir-rwol ta’ sempliċi esportaturi tal-materja prima.

L-impatt tal-politika kummerċjali tal-UE fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Huwa importanti li tiġi enfasizzata r-responsabilità tal-pajjiżi sinjuri u dik tal-UE fl-ekonomija dinjija. Għandna l-obbligu morali li ngħinu fit-tnaqqis tal-faqar u t-tbatija fid-dinja. Mezz kif dan jista' jsir b'mod effettiv huwa permezz tat-tħejjija ta' ftehimiet kummerċjali li jippermettu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jipparteċipaw b'mod adegwat fl-ekonomija internazzjonali u li jibbenefikaw mill-vantaġġi tal-globalizzazzjoni.

Ma jistax ikun hemm lok għal protezzjoniżmu min-naħa tal-UE jew tal-Istati Membri tal-UE individwali fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħna mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-UE wkoll għandha tkun lesta tagħmel ċerti sagrifiċċji, bħalma aħna mitluba nagħmlu meta nikkonkludu ftehimiet kummerċjali ma' sħab kummerċjali oħra.

L-iżvilupp tas-settur privat, il-bini tal-kapaċità kummerċjali, l-Għajnuna għall-Kummerċ, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-użu effettiv tal-approprjazzjonijiet baġitarji

Sa mill-bidu tiegħu fl-2005, il-kunċett ta’ Għajnuna għall-Kummerċ għamel progress. Skont l-istimi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, għal kull dollaru li jiġi investit bħala għajnuna sabiex titkabbar il-kapaċità kummerċjali ta’ pajjiż li qed jiżviluppa, l-esportazzjonijiet tiegħu jiżdiedu b’medja ta’ 42 dollaru. Il-kapaċità kummerċjali tiddependi kemm mill-ħardwer (l-infrastruttura) u kemm mis-softwer (l-għarfien espert), u aħna għandna ninvestu l-għajnuna tagħna bil-ħsieb li nippromwovu dawn iż-żewġ elementi f’ħafna pajjiżi, b’mod partikolari f’kooperazzjoni mal-pajjiżi l-anqas żviluppati.

Il-governanza tajba hija ta' importanza kruċjali għall-abilità ta' pajjiż li jiżviluppa u jibbenefika mill-kummerċ. Kif nafu, korruzzjoni mifruxa tostakola l-iżvilupp tas-soċjetà fil-livelli kollha. L-UE tista’ u għandha tippromwovi, permezz tal-politika kummerċjali tagħha, il-governanza tajba billi ma tagħlaqx għajnejha għas-sistemi korrotti: għandha pjuttost tinsisti fuq it-trasparenza u l-proċeduri korretti qabel tibda l-kooperazzjoni.

Il-bidliet reali f'pajjiż għandhom isiru mill-intern, u għandhom jiġu kkonsolidati mill-bażi, kemm f'dak li jikkonċerna l-iżvilupp soċjali u kemm l-iżvilupp ekonomiku. Huwa importanti li tingħata għajnuna immirata sabiex jiġi ffaċilitat u promoss l-iżvilupp tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

L-attivitajiet ta' impriżi ibbażati fl-UE u ta' impriżi internazzjonali oħrajn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u r-Responsabilità Soċjali tal-Kumpaniji tagħhom

Il-politiċi jistgħu jagħmlu ħafna billi jifformulaw ftehimiet kummerċjali internazzjonali, iżda l-impriżi tagħna wkoll għandhom responsabilità kbira. L-impriżi multinazzjonali spiss ikollhom impatt kbir fuq is-soċjetà u l-ambjent fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u huma responsabbli għat-tip ta' impatt li jkollhom fuq is-soċjetà lokali: dawn jistgħu jew jgħinu jew ixekklu l-iżvilupp.

Salarji deċenti, kundizzjonijiet tax-xogħol raġonevoli u tajbin, u l-possibilità li tinħoloq jew li wieħed jissieħeb fi trejdjunjin ilkoll jirrappreżentaw standards minimi assoluti li l-impriżi Ewropej iridu jirrispettaw fir-rigward tal-impjegati tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Bosta drabi iżda, l-impriżi l-kbar jistgħu jkollhom aktar responsabilitajiet fir-rigward tal-impjegati tagħhom milli billi sempliċiment jikkonformaw strettament mar-rekwiżiti minimi. Hemm bosta eżempji tajbin li realment għandhom jiġu rikonoxxuti bħala sinifikanti, u għandna ninvestigaw l-ambitu għal kooperazzjoni bejn in-negozji u d-donaturi formali tal-għajnuna f'dawn l-oqsma.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (17.1.2013)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar it-titjib tal-iżvilupp permezz tal-kummerċ
(2012/2224(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Tokia Saïfi(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li tiddifferenzja l-għajnuna tagħha għall-kummerċ u li tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, speċifikament il-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) u l-pajjiżi bi dħul baxx;

2.  Iqis, fid-dawl tat-trasformazzjoni tal-istruttura tal-kummerċ internazzjonali u tan-negozju bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, li l-approprjazzjoni tal-programmi ta’ għajnuna mill-pajjiżi benefiċjarji, flimkien mat-trasparenza, ir-responsabbilizzazzjoni u riżorsi suffiċjenti, jikkostitwixxu fatturi kruċjali li jikkontribwixxu għall-effikaċja u s-suċċess tagħhom, peress li l-għan huwa li jitnaqqsu d-distakki fil-ġid, tiġi kondiviża l-prosperità u tinkiseb l-integrazzjoni reġjonali; iqis ukoll essenzjali li t-tfassil u l-monitoraġġ ta’ dawn il-programmi jinvolvu sistematikament l-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll is-soċjetà ċivili u jipprevedu s-superviżjoni mid-donaturi;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar l-isfidi ġodda involuti fl-għajnuna għall-iżvilupp permezz tal-kummerċ, jiġifieri d-differenzjazzjoni tal-livelli ta' żvilupp, l-appoġġ għall-produzzjoni lokali u għad-diversifikazzjoni tagħha u l-promozzjoni ta’ standards soċjali u ambjentali;

4.  Jinkoraġġixxi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli bħala objettiv integrat mat-totalità tal-politiki, tal-istrateġiji u tal-inizjattivi tagħhom fil-livell nazzjonali bil-għan li jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-gvernijiet li jintegraw l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fl-istrateġiji u l-programmi kummerċjali nazzjonali tagħhom;

5.  Iqis li l-istrateġiji għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli għandhom, fost oħrajn, jipprevedu:

     –   il-parteċipazzjoni tas-settur privat fl-ekonomija reali;

     –   il-koeżjoni reġjonali u l-integrazzjoni tas-swieq bis-saħħa tal-kooperazzjoni       transkonfinali;

     –   l-iżvilupp ta' kummerċ ħieles u miftuħ, integrat f'qafas kummerċjali multilaterali bbażat fuq regoli;

6.  Ifakkar fl-importanza ta’ investiment dirett lejn il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-infrastrutturi essenzjali fl-oqsma tal-portijiet, tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet u b'mod partikulari l-infrastruttura transkonfinali;

7.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi benefiċjarji ta’ għajnuna għall-iżvilupp permezz tal-kummerċ jimmobilizzaw ukoll ir-riżorsi interni proprji tagħhom, inklużi d-dħul baġitarju permezz tal-ġbir xieraq tat-taxxi u l-kapital uman; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ, meta l-pajjiżi jieħdu dħul mill-isfruttament tar-riżorsi naturali, għall-ġestjoni trasparenti u sostenibbli ta’ dawn ir-riżorsi; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi stabbilita trasparenza sħiħa rigward ħlas li jsir lill-gvernijiet mill-impriżi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa strateġiji għall-industrijalizzazzjoni sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, immirati lejn il-kummerċ ta' prodotti b'valur miżjud;

8.  Iqis li l-għodod żviluppati mill-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp permezz tal-kummerċ u l-investiment, b’mod partikolari s-sistema riveduta ta’ preferenzi ġeneralizzati u l-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika, huma għodod effikaċi; jenfasizza mandankollu li l-għajnuna għall-kummerċ mhijiex limitata għal dawn l-għodod biss; ifakkar lill-Unjoni bl-objettiv tagħha li żżid il-baġit globali tagħha allokat għall-għajnuna għal 0,7 % tal-ING sal-2015; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-parti għall-assistenza teknika fl-offerta globali ta’ għajnuna tagħha, inkluża l-istandardizzazzjoni; jistieden lill-Unjoni turi koerenza akbar fl-implimentazzjoni tal-politiki kummerċjali, agrikoli, ambjentali, enerġetiċi u ta' żvilupp tagħha;

9.  Iqis li huwa essenzjali li l-politiki Ewropej dwar l-għajnuna għall-iżvilupp permezz tal-kummerċ jintegraw id-dimensjonijiet kollha tal-innovazzjoni – l-innovazzjoni finanzjarja, kif ukoll l-innovazzjoni teknoloġika u dik organizzattiva – abbażi tal-aħjar prattiki;

10. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinnegozja l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet tassew infurzabbli relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali u ta' kooperazzjoni bilaterali futuri kollha, sabiex tikkontribwixxi verament għal approċċ lejn l-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet;

11. Jisħaq fuq l-importanza ta' livelli deċenti ta' pagi u standards deċenti ta' sikurezza fuq il-post tax-xogħol għal sistema kummerċjali globali sostenibbli u ktajjen ta' produzzjoni globali ġodda; ifakkar lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, fil-komunikazzjoni tagħha intitolata “Promozzjoni ta' xogħol deċenti għal kulħadd”;

12. Jistieden lid-donaturi kollha, pubbliċi u privati, jikkoordinaw aktar l-azzjonijiet tagħhom u jadattawhom għall-offerta eżistenti, b’mod partikolari fil-kuntest attwali ta’ restrizzjonijiet baġitarji; ifakkar li l-BRICS huma issa kemm benefiċjarji kif ukoll donaturi; jistedinhom jikkooperaw mal-Unjoni sabiex jikkondividu l-esperjenzi tagħhom u jottimizzaw l-azzjonijiet rispettivi tagħhom u jassumu aktar responsabbiltajiet fil-konfront tal-pajjiżi anqas żviluppati u fil-komunità tad-donaturi; jinsab imħasseb dwar it-tixrid tal-prattiki ta' għajnuna marbuta u jistieden lill-pajjiżi żviluppati u lill-pajjiżi emerġenti l-kbar biex jevitaw ir-rikors għal dawn il-prattiki;

13. Jittama li, f'ġieħ il-koerenza tal-politiki mnedija mill-UE, tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn is-servizzi differenti tal-Kummissjoni u s-SEAE, u t-tliet istituzzjonijiet li huma l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew;

14. Jenfasizza li, minħabba d-daqs tas-sehem tagħhom fil-kummerċ internazzjonali, il-kumpaniji Ewropej, is-sussidjarji tagħhom u s-sottokuntratturi tagħhom jiżvolġu rwol fundamentali fil-promozzjoni u t-tixrid tal-istandards soċjali u tax-xogħol fid-dinja; iqis li l-kumpaniji Ewropej li jittrasferixxu l-produzzjoni tagħhom lejn pajjiżi b'obbligi soċjali anqas stretti għandhom jinżammu responsabbli, inkluż quddiem qrati Ewropej, għal kwalunkwe ħsara u esternalitajiet negattivi li jolqtu l-popolazzjonijiet lokali;

15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-koerenza bejn il-politika kummerċjali tagħha u l-objettivi ta' żvilupp tagħha, filwaqt li tiżgura li d-dispożizzjonijiet inklużi fi ftehimiet kummerċjali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jxekklux l-aċċess ta' kulħadd għall-ilma, l-art u riżorsi naturali essenzjali oħra u ma jimpedixxux l-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi u l-aċċess tal-SMEs lokali għal opportunitajiet ta' akkwist pubbliku;

16. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u d-donaturi kollha jfittxu forom innovattivi ta’ finanzjament u ta’ sħubija għall-iżvilupp; ifakkar, f'dan ir-rigward, li s-sħubijiet pubbliċi-privati, il-mikrokrediti, il-profitti mit-taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u s-self bejn il-pari jistgħu wkoll jikkontribwixxu sabiex iġibu l-iżvilupp 'il quddiem permezz tal-kummerċ; jappoġġa, inter alia, l-istabbiliment ta’ sħubijiet Nofsinhar-Nofsinhar u trijangulari; jirrakkomanda li jiġu kkoordinati aħjar il-proġetti ta' żvilupp iffinanzjati mill-banek reġjonali tal-iżvilupp u l-Bank Dinji/il-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali, u li jiġi ġeneralizzat il-metodu ta’ skemi interreġjonali ta’ finanzjament bħall-Fond Fiduċjarju UE-Afrika għall-Infrastrutturi; jirrakkomanda li l-pajjiżi benefiċjarji jitħeġġu jistabbilixxu sistemi fiskali nazzjonali ekwi, trasparenti u komprensivi sabiex jiġi żgurat sors sostenibbli ta' riżorsi finanzjarji;

17. Iqis li l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-iżvilupp permezz tal-politiki u l-programmi kummerċjali u ta’ investiment għandhom jinkludu statistika mhux biss dwar it-tkabbir u l-kummerċ, iżda wkoll dwar in-numru ta' impjiegi maħluqa u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, fir-rigward tal-iżvilupp uman, soċjali, kulturali u ambjentali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.1.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

1

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Maria Badia i Cutchet, Nora Berra, Daniel Caspary, George Sabin Cutaş, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, Vital Moreira, Paul Murphy, Franck Proust, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Henri Weber, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Catherine Bearder, Emma McClarkin, Marietje Schaake

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Monika Hohlmeier, Peter Skinner, Nuno Teixeira, Sabine Verheyen

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

19.2.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Thijs Berman, Michael Cashman, Ricardo Cortés Lastra, Véronique De Keyser, Nirj Deva, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Mikael Gustafsson, Filip Kaczmarek, Michał Tomasz Kamiński, Miguel Angel Martínez Martínez, Gay Mitchell, Norbert Neuser, Jean Roatta, Birgit Schnieber-Jastram, Michèle Striffler, Alf Svensson, Keith Taylor, Eleni Theocharous, Patrice Tirolien, Anna Záborská

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philippe Boulland, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Enrique Guerrero Salom, Isabella Lövin, Gesine Meissner, Judith Sargentini

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

George Lyon