RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jürgen Creutzmann
21.3.2013 - (2013/2016(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Francesco Enrico Speroni
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jürgen Creutzmann
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jürgen Creutzmann, imressqa fil-15 ta’ Jannar 2013 mill-Ministru tal-Ġustizzja Federali Ġermaniż, b’rabta mal-proċediment pendenti quddiem il-Kap Prosekutur Pubbliku ta’ Frankenthal (Ġermanja), u mħabbra fis-seduta plenarja tas-17 ta’ Jannar 2013,
– wara li sema' lil Jürgen Creutzmann, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Mejju 1964, 10 ta’ Lulju 1986, 15 u 21 ta’ Ottubru 2008, 19 ta’ Marzu 2010 u 6 ta’ Settembru 2011[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Liġi Bażika Ġermaniża (Grundgesetz),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0107/2013),
A. billi l-Kap Prosekutur Pubbliku ta’ Frankenthal (Ġermanja) talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Jürgen Creutzmann, Membru tal-Parlament Ewropew, b’rabta ma’ proċedimenti investigattivi dwar reat allegat;
B. billi t-talba tal-Kap Prosekutur Pubbliku ta’ Frankenthal hi marbuta ma’ proċedimenti relatati ma’ allegat reat ta' offiża fuq il-persuna b’negliġenza taħt it-Taqsima 229 tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniża;
C. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri jgawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament ta' pajjiżhom;
D. billi, skont l-Artikolu 46(2) tal-Liġi Bażika Ġermaniża (Grundgesetz), Membru ma jistax jinżamm responsabbli ta’ reat kastigabbli mingħajr il-permess tal-Parlament sakemm ma jinqabadx fil-fatt iwettaq ir-reat jew inkella l-għada;
E. billi, konsegwentement, il-Parlament irid ineħħi l-immunità parlamentari ta’ Jürgen Creutzmann biex il-proċedimenti kontrih ikunu jistgħu jitwettqu;
F. billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 46(2) tal-Liġi Bażika (Grundgesetz) Ġermaniżama jipprekludux it-tneħħija tal-immunità ta’ Jürgen Creutzmann;
G. billi għaldaqstant ikun tajjeb li fil-każ konċernat, l-immunità parlamentari titneħħa;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jürgen Creutzmann;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lil Jürgen Creutzmann.
- [1] Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195, Kawża 149/85 Wybot vs Faure u oħrajn [1986] Ġabra 2391, Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parlament [2008] Ġabra II-2849, Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra vs De Gregorio u Clemente [2008] Ġabra I-7929, Kawża T-42/06 Gollnisch vs Il-Parlament [2010] Ġabra II-01135 u Kawża C-163/10 Patriciello (għandha mhix ippubblikata fil-Ġabra).
NOTA SPJEGATTIVA
1. Introduzzjoni
Fis-seduta ta’ smigħ tas-17 ta’ Jannar 2012, il-President ħabbar, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li kien irċieva talba mingħand l-awtoritajiet responsabbli Ġermaniżi għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Jürgen Creutzmann f’konnessjoni ma’ proċedimenti li qed jittieħdu mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ Frankenthal.
Il-President irrefera t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(2). Il-Kumitat sema’ lil Jürgen Creutzmann fit-18 ta’ Marzu 2013, skont l-Artikolu 7(3).
2. Kuntest
Il-Kap Prosekutur Pubbliku ta’ Frankenthal biħsiebu jwettaq proċedimenti kriminali kontra Jürgen Creutzmann abbażi ta’ allegazzjonijiet li wettaq ir-reat kriminali ta’ offiżi fuq il-persuna b’negliġenza taħt it-Taqsima 229 tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniża.
Fl-ittra tiegħu tal-5 ta’ Novembru 2012, il-prosekutur pubbliku ta’ Frankenthal jistqarr li s-Sur Creutzmann, bħala s-sewwieq ta’ vettura, allegatament naqas milli jċedi lil sewwieq ieħor f’inkroċju, u b’hekk ikkawża ħabta bejn iż-żewġ vetturi. Il-passiġġier tal-vettura l-oħra sofra ġrieħi serji fl-inċident.
3. Il-liġi u l-proċedura tal-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew
L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 tat-TFUE dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jgħid kif ġej (enfasi miżjud):
Artikolu 9
Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:
a. fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;
b. fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.
L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.
L-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.
Minħabba li l-Artikolu 9(a) tal-Protokoll jirreferi għal-liġi nazzjonali dwar l-immunitajiet, jeħtieġ li ssir referenza għall-Artikolu 46 tal-Liġi Bażika Ġermaniża (Grundgesetz) li tgħid kif ġej:
Artikolu 46 [Immunitajiet]
(1) Fl-ebda waqt il-Membru m’għandu jiġi suġġett għal proċedimenti fil-qrati jew azzjoni dixxiplinarja jew b’xi mod ieħor miżmum responsabbli barra mill-Bundestag għal vot mitfugħ jew għal kwalunkwe diskors jew dibattitu fil-Bundestag jew f’xi wieħed mill-komunitajiet tiegħu. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għal insulti ta’ malafama.
(2) Membru ma jistax jiġi miżmum responsabbli jew inkella arrestat għal reat kastigabbli mingħajr il-permess tal-Bundestag, sakemm ma jinqabadx fil-fatt iwettaq ir-reat jew inkella l-għada.
(3) Il-permess tal-Bundestag għandu jkun meħtieġ ukoll għal kwlaunkwe restrizzjoni oħra tal-libertà tal-persuna tal-Membru jew biex jinbdew proċedimenti kontra membru skont l-Artikolu 18.
(4) Kwalunkwe proċediment kriminali jew proċediment taħt l-Artikolu 18 kontra Membru u kwalunkwe detenzjoni jew restrizzjoni oħra tal-libertà tal-persuna tiegħu għandha tiġi sospiża fuq it-talba tal-Bundestag.
4. Ġustifikazzjoni għall-proposta ta' deċiżjoni
L-allegati attivitajiet li abbażi tagħhom il-Kap Prosekutur Pubbliku ta’ Frankenthal biħsiebu jwettaq investigazzjoni kontra Jürgen Creutzmann huma b’mod ċar mhux opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa mill-Membru fit-twettiq tad-dmirijietu fit-tifsira ta’ Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. L-Artikolu 9 tal-Protokoll għaldaqstant hu d-dispożizzjoni relevanti għall-valutazzjoni tat-talba għat-tneħħija tal-immunità tas-Sur Creutzmann.
Fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Protokoll u d-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew u l-Liġi Bażika (Grundgesetz) Ġermaniża, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ma jsib ebda oġġezzjoni għat-tneħħija tal-immunità ta' Jürgen Creutzmann.
5. Konklużjoni
Abbażi tal-kunsiderazzjoni t’hawn fuq u skont l-Artikolu 7(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jneħħi l-immunità parlamentari ta’ Jürgen Creutzmann.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
18.3.2013 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
13 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Luigi Berlinguer, Françoise Castex, Giuseppe Gargani, Klaus-Heiner Lehne, Jiří Maštálka, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Rebecca Taylor, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali |
Eva Lichtenberger |
||||