RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ewald Stadler

25.3.2013 - (2012/2239(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur:Tadeusz Zwiefka

Proċedura : 2012/2239(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0120/2013
Testi mressqa :
A7-0120/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ewald Stadler

(2012/2239(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ewald Stadler, imressqa fid-9 ta’ Lulju 2012 mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Vjenna b'rabta mal-proċediment ta’ investigazzjoni pendenti, u mħabbra fis-seduta plenarja tal-10 ta' Settembru 2012,

–   wara li sema' lil Ewald Stadler fil-20 ta' Frar 2013, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 57 tal-Bundesverfassungsgesetz (id-Dritt Kostituzzjonali Federali tal-Awstrija),

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1964, 10 ta’ Lulju 1986, 15 u 21 ta’ Ottubru 2008, 19 ta’ Marzu 2010 u 6 ta’ Settembru 2011 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[1]

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0120/2013),

A. billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Vjenna talab it-tneħħija tal-immunità ta’ Ewald Stadler, Membru tal-Parlament Ewropew, biex ikun possibbli għall-awtoritajiet Awstrijaċi li jwettqu l-investigazzjonijiet meħtieġa u jieħdu azzjoni legali kontra Ewald Stadler;

B.  billi t-tneħħija tal-immunità ta' Ewald Stadler tirrigwarda reati allegati ta’ attentat ta’ koerżjoni aggravata taħt l-Artikoli 15, 105(1) and 106(1)(1) tal-Kodiċi Kriminali Awstrijaka, u r-reat ta’ ġurament falz taħt l-Artikolu 288(1) tal-Kodiċi Kriminali;

C. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament ta' pajjiżhom;

D. billi taħt l-Artikolu 57(2) tal-Liġi Kostituzzjonali Federali Awstrijaka, il-membri tal-Kunsill Nazzjonali (Nationalrat) jistgħu jiġu arrestati biss fil-każ ta’ reat kriminali bil-kunsens tal-Kunsill Nazzjonali – ħlief fejn dawn jinqabdu in flagrante qed iwettqu r-reat– u billi anki t-tfittxijiet fid-djar tal-membri tal-Kunsill Nazzjonali jirrikjedu l-kunsens tal-Kunsill Nazzjonali; billi skont l-Artikolu 57(3) tal-Liġi Kostituzzjonali Federali Awstrijaka, ma tista tittieħed l-ebda azzjoni uffiċjali minħabba reat kastigabbli kontra membri tal-Kunsill Nazzjonali mingħajr il-kunsens tal-Kunsill Nazzjonali sakemm dan ir-reat ma jkunx konness b’mod manifest mal-attività politika tal-membru konċernat u billi, taħt din id-dispożizzjoni, l-awtorità konċernata trid titlob deċiżjoni tal-Kunsill Nazzjonali dwar jekk din il-konnessjoni teżistix, fejn dan jintalab mill-membru konċernat jew terz tal-membri tal-kumitat permanenti xieraq;

E.  billi l-immunità ta' Ewald Stadler trid titneħħa biex l-investigazzjonijiet kontrih ikunu jistgħu jipproċedu;

F.  billi Ewald Stadler ilu Membru tal-Parlament Ewropew sa mis-7 ta' Diċembru 2011;

G. billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Vjenna ilu jwettaq investigazzjonijiet kontrih minn Marzu 2010;

H. billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 57 tal-Bundesverfassungsgesetz (Liġi Kostituzzjonali Federali) Awstrijaka ma jipprekludux it-tneħħija tal-immunità ta’ Ewald Stadler;

I.   billi għaldaqstant ikun tajjeb li fil-każ konċernat, l-immunità parlamentati titneħħa;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Ewald Stadler;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Awstrijaka u lil Ewald Stadler.

  • [1]  Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195, Kawża 149/85 Wybot vs Faure et [1986] Ġabra 2391, Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parlament [2008] Ġabra II-2849, Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra vs De Gregorio u Clemente [2008] Ġabra I-7929, Kawża T-42/06 Gollnisch vs Il-Parlament [2010] Ġabra II-01135 u Kawża C-163/10 Patriciello (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

NOTA SPJEGATTIVA

1. Introduzzjoni

Fis-seduta ta’ smigħ tal-10 ta’ Settembru 2012, il-President ħabbar, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li kien irċieva ittra fid-9 ta’ Lulju 2012 mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Vjenna b'talba li titneħħa l-immunità parlamentari ta’ Ewald Stadler fil-kuntest ta’ proċedimenti li qed jitwettqu kontrih mill-awtoritajiet ġudizzjarji Awstrijaċi.

Il-President irrefera t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta' Proċedura.

2. Il-Fatti

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Vjenna għandu l-ħsieb li jwettaq investigazzjoni preliminari kontra Ewald Stadler, Membru tal-Parlament Eworpew. Is-Sur Stadler hu suspettat li wettaq reat ta’ attentat ta’ koerżjoni aggravata (versuchte schwere Nötigung) taħt it-Taqsimiet 15, 105(1), 106(1) punt 1 tal-Kodiċi Kriminali Awstrijaka, u r-reat ta’ ġurament falz taħt it-Taqsima 288(1) tal-Kodiċi Kriminali.

Fl-ittra tiegħu tad-9 ta’ Lulju 2012, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Vjenna jistqarr li s-Sur Stadler hu suspettat li fit-22 ta’ Diċembru 2006, f’azzjoni konġunta u volontarja b’kompliċità (Artikolu 12 tal-Kodiċi Kriminali Awstrijaka) ma’ persuna oħra, ipprova jeżerċita koerżjoni (Artikolu 12 tal-Kodiċi Kriminali ) kontra Membru tal-Parlament Awstrijak, permezz ta’ talbiet – magħmula lil terza persuna bl-intenzjoni li din it-terza persuna twassalhom lill-Membru tal-Parlament Awstrijak – biex il-Membru tal-Parlament Awstrijak jinnotifika lill-Uffiċċju tal-Kanċillier Federali sat-23 ta’ Diċembru 2006 b’bidla tal-persuna magħżula biex tgawdi sussidju taħt l-Att ta’ Sussidji tal-Ġurnaliżmu 2007, u biex joħroġ stqarrija għall-istampa dwar dan sat-15.00 tat-22 ta’ Diċembru 2006. Fil-każ li dawn l-istruzzjonijiet ma jiġux eżegwiti, kienu se jintbagħtu ‘ritratti ta' sports paramilitari’ u allegazzjonijiet li joħolqu rabta bejn il-Membru tal-Parlament Awstrijak u organizzazzjoni taż-żgħażagħ tal-lemin estrem lill-istampa. Dan kien ifisser li l-Membri tal-Parlament Awstrijak kien ikun imġiegħel jirriżenja. Għaldaqstant hu ġie allegatament mhedded li jitlef il-pożizzjoni soċjali tiegħu, u dan kien jikkostitwixxi attentat biex jiġi mġiegħel jieħu l-azzjonijiet imsemmija hawn fuq.

Barra minn hekk, hu suspettat li fl-24 ta’ Jannar 2008, is-Sur Stadler ħa ġurament falz quddiem il-Qorti Reġjonali għall-Każijiet Kriminali ta’ Vjenna fil-proċeduri pubbliċi ewlenin fil-każ relatat tal-liġi tal-midja, fis-seduta tas-smigħ formali tiegħu dwar il-fatti, billi qal li hu kien irċieva r-ritratti konċernati wara l-Milied u li l-unika raġuni għalfejn għaddihom lil terzi kienet li ried jiżgura li kienu se jiġu investigati debitament.

Bi tħejjija għas-seduta ta’ smigħ, Ewald Stadler ġibed l-attenzjoni tal-Kumitat għal stqarrija, akkumpanjata minn dokumenti ta’ riferiment,, li skontha hu ma wettaqx ir-reati li qed jiġi akkużat bihom, u li l-prosekuzzjoni kienet qed issir b’riżultat ta’ intriċċ politiku kontrih.

Tul is-seduta ta’ smigħ fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali, Ewald Stadler sostna li l-allegazzjonijiet kienu foloz u li l-prosekuzzjoni kienet ir-riżultat ta’ kampanja politika, b’mod partikolari minħabba li kienet bdiet abbażi tal-pubblikazzjoni ta’ ktieb mill-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewlieni ta’ Vjenna.

3. Il-liġi

L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 tat-TUE dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jgħid kif ġej (enfasi miżjuda):

Artikolu 9

Matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu għandhom:

(a) igawdu fit-territorju ta' l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom;

(b) jiġu meqjusa immuni kemm mid-detenzjoni u kemm mill-proċeduri legali kontra tagħhom fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor.

L-immunità għandha tapplika bl-istess mod għall-membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tiġi invokata la meta membru jinqabad fil-fatt li jwettaq reat u lanqas ma żżomm lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' wieħed mill-membri tiegħu.’

Minħabba li l-Artikolu 9(a) jipprevedi li l-Membri jgawdi l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, jeħtieġ issir referenza għall-Artikolu 57 tal-“Bundes-Verfassungsgesetz” Awstrijaka, li jgħid kif ġej (sottolinjar miżjud):

‘Artikolu 57

(1) Il-membri tal-Kunsill Nazzjonali ma jistgħu qatt ikunu miżmuma responsabbli għal voti mitfugħa fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom u biss mill-Kunsill Nazzjonali għal raġunijiet ta’ dikjarazzjonijiet orali jew bil-miktub magħmula fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom.

(2) Il-membri tal-Kunsill Nazzjonali jistgħu għal raġuni ta’ reat kriminali – ħlief fil-każ li wieħed jinqabad in flagrante jwettaq reat – jiġu arrestati biss bil-kunsens tal-Kunsill Nazzjonali. Żjarat domiċiljari ta’ membri tal-Kunsill Nazzjonali daqstant ieħor jirrikjedu l-kunsens tal-Kunsill Nazzjonali.

(3) Azzjoni legali għal raġuni ta’ reat kriminali kontra membri tal-Kunsill Nazzjonali tista’ tittieħed mingħajr il-kunsens tal-Kunsill Nazzjonali biss jekk din hi b’mod ċar mhux konnessa mal-attività politika tal-membru konċernat. L-awtorità konċernata trid madankollu titlob deċiżjoni tal-Kunsill Nazzjonali dwar l-eżistenza ta’ tali konnessjoni jekk il-membru konċernat jew terz tal-membri tal-Kumitat Permanenti fdati b’dawn il-kwistjonijiet jitolbu dan. Kull att ta’ proċess legali għandu fil-każ ta’ dan it-tip ta’ talba jieqaf immedjatament jew ma jitkompliex.

(4) F’dawn il-każijiet kollha, jitqies li l-Kunsill Nazzjonali ikun ta l-kunsens tiegħu jekk fi żmien tmien ġimgħat il-Kunsill Nazzjonali ma jkunx ħa deċiżjoni fuq talba xierqa mill-awtorità kompetenti għall-bidu ta’ azzjoni legali; il-President, fil-perspettiva tal-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni mill-Kunsill Nazzjonali fil-waqt propizju, għandu jressaq talba ta' dan it-tip għall-votazzjoni sa mhux aktar tard minn ġurnata qabel id-data tal-iskadenza. Din tal-aħħar ma tinkludix il-perjodu meta l-Kunsill Nazzjonali ma jkunx qed jiltaqa’.

(5) Fil-każ li membru jinqabad in flagrante jwettaq reat, l-awtorità konċernata trid b'mod immedjat tinnotifika l-President tal-Kunsill Nazzjonali li jkun sar l-arrest. Jekk il-Kunsill Nazzjonali, u meta dan ma jkunx qed jiltaqa', il-Kumitat Permanenti fdat b’dawn il-kwistjonijiet, jitlob dan, l-arrest irid jiġi sospiż jew inkella jaqa’ l-proċess legali kollu kemm hu.

(6) L-immunità tal-membri tintemm dakinhar li jiltaqa’ l-Kunsill Nazzjonali elett ġdid, u dik ta’ uffiċċjali tal-Kunsill Nazzjonali li t-terminu fil-kariga jestendi lil hinn minn din id-data, meta jiskadi dan it-terminu fil-kariga.

(7) Id-dispożizzjonijiet dettaljati huma stipulati permezz tal-liġi federali dwar l-ordnijiet permanenti tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

4. Ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni proposta

L-attivitajiet allegati li huma r-raġuni għalfejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Vjenna biħsiebu jwettaq investigazzjoni kontra Ewald Stadler huma b’mod manifest mhux opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa mill-Membri fit-twettiq tad-dmirijietu fit-tifsira ta’ Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. L-Artikolu 9 tal-Protokoll għaldaqstant hu d-dispożizzjoni relevanti għall-valutazzjoni tat-talba għat-tneħħija tal-immunità tas-Sur Stadler.

Fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Protokoll u d-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew u l-Kostituzzjoni Awstrijaka, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jikkonkludi li m'hemm l-ebda raġuni kontra t-tneħħija tal-immunità ta' Ewald Stadler.

B’mod partikolari, f’dan il-każ, il-Kumitat ma sab l-ebda evidenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-każ tqajjem bl-intenzjoni li jagħmel ħsara politika lill-Membru. Il-Kumitat jixtieq jenfasizza b’mod partikolari l-kronoloġija tal-avvenimenti: Ewald Stadler inħatar Membru tal-Parlament Ewropew b’effett mis-7 ta’ Diċembru 2011, wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll li jemenda l-Protokoll 36 li dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-għamla tal-Parlament Ewropew sat-tmiem tal-leġiżlatura 2009-2014. Skont id-dokumentazzjoni disponibbli, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Vjenna ilu jwettaq investigazzjonijiet kontra Ewald stadler mill-24 ta’ Marzu 2010; L-allegazzjonijiet jirrigwardaw attivitajiet li jmorru lura għall-2006 u l-2008.

5. Konklużjoni

Abbażi tal-kunsiderazzjoni t’hawn fuq il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jipproponi, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li titneħħa l-immunità ta’ Ewald Stadler.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

18.3.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Luigi Berlinguer, Françoise Castex, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Klaus-Heiner Lehne, Jiří Maštálka, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Dimitar Stoyanov, Rebecca Taylor, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Eva Lichtenberger