RAPPORT dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni Ewropea hija parti tagħhom

26.3.2013 - (COM(2012)0335 – C7‑0155/2012 – 2012/0163(COD)) - ***I

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Paweł Zalewski


Proċedura : 2012/0163(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni Ewropea hija parti tagħhom

(COM(2012)0335 – C7‑0155/2012 – 2012/0163(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0335),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0155/2012),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7‑0124/2013),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal regolament

Titolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni Ewropea hija parti tagħhom

(Ma taffettwax il-verżjoni Maltija.)

Ġustifikazzjoni

Emenda intiża li tallinja formalment it-titolu tar-regolament mad-definizzjoni inkluża fl-Artikolu 2(d).

Emenda  2

Proposta għal regolament

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-Unjoni kisbet kompetenza esklussiva għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tal-investimenti. L-Unjoni diġà hija parti tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija li jipprovdi għall-protezzjoni tal-investimenti.

(1) Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-Unjoni kisbet kompetenza esklussiva għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tal-investimenti. L-Unjoni, kif ukoll l-Istati Membri, diġà huma parti tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija li jipprovdi għall-protezzjoni tal-investimenti.

Ġustifikazzjoni

Anke mingħajr dan ir-Regolament il-proċeduri ta' soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat huma possibbli fi ħdan il-Karta tal-Enerġija u fil-prattika jindirizzaw Stati Membri li huma partijiet tat-Trattat.

Emenda  3

Proposta għal regolament

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) Ftehimiet li jipprovdu għal protezzjoni tal-investimenti tipikament jinkludu mekkaniżmu ta' soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat, li jippermetti investitur minn pajjiż terz jagħmel talba kontra Stat li fih għamel investiment. Is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat jista' jirriżulta f'aġġudikazzjonijiet ta' kumpens monetarju. Barra minn hekk, huwa inevitabbli li jkun hemm spejjeż sinifikanti għall-amministrazzjoni tal-arbitraġġ kif ukoll spejjeż relatati mad-difiża fi kwalunkwe każ bħal dan.

(2) Fil-każijiet fejn huwa ġustifikabbli, il-ftehimiet dwar il-protezzjoni tal-investimenti futuri li ġew konklużi mill-Unjoni jistgħu jinkludu mekkaniżmu ta' soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat, li jippermetti investitur minn pajjiż terz jagħmel talba kontra Stat li fih għamel investiment. Is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat jista' jirriżulta f'aġġudikazzjonijiet ta' kumpens monetarju. Barra minn hekk, huwa inevitabbli li jkun hemm spejjeż sinifikanti għall-amministrazzjoni tal-arbitraġġ kif ukoll spejjeż relatati mad-difiża fi kwalunkwe każ bħal dan.

Ġustifikazzjoni

Għandu jiġi enfasizzat li mhuwiex neċessarju li jiġu inklużi d-dispożizzjonijiet ISDS fil-ftehimiet futuri dwar l-investiment tal-UE u li l-inklużjoni tagħhom għandha tkun għażla politika konxja u informata li teħtieġ ġustifikazzjoni politika u ekonomika. Anke jekk ikun hemm għażla politika ġenerali li għandha tintuża, il-mistoqsija dwar jekk tiġix inkluża l-ISDS għandha tiġi deċiża għal Kull Ftehim dwar Investiment Internazzjonali fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari.

Emenda  4

Proposta għal regolament

Premessa 3a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a) Ir-responsabbiltà finanzjarja ma tistax tiġi ġestita sew jekk l-istandards ta' protezzjoni offruti fil-ftehimiet ta' investiment jeċċedu b'mod sinifikanti l-limiti ta' responsabbiltà rikonoxxuti fl-Unjoni u fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Għaldaqstant, il-ftehimiet futuri tal-Unjoni għandhom jagħtu lill-investituri barranin l-istess protezzjoni għolja iżda mhux livell ogħla ta' protezzjoni milli jagħtu d-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali li huma komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri lill-investituri fi ħdan l-Unjoni.

Ġustifikazzjoni

Din il-premessa tenfasizza l-ħtieġa li tinżamm ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni fil-limiti stabbiliti sew tad-dritt tal-Unjoni u t-tradizzjoni ġuridika komuni tal-Istati Membri.

Emenda  5

Proposta għal regolament

Premessa 3b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3b) Id-delinjazzjoni tal-limiti esterni tar-responsabbiltajiet finanzjarji fl-ambitu ta' dan ir-Regolament hija marbuta wkoll mas-salvagwardja tas-setgħat leġiżlattivi tal-Unjoni eżerċitati fi ħdan il-kompetenzi definiti mit-Trattati, u kkontrollati għal-legalità tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ma jistgħux jiġu indebitament ristretti minn responsabbiltà potenzjali definita barra mis-sistema bbilanċjata stabbilita mit-Trattati. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat b'mod ċar li r-responsabbiltà tal-Unjoni għall-atti leġiżlattivi speċjalment fl-interazzjoni mad-dritt internazzjonali, għandha tkun inkwadrata b'mod ristrett u ma tistax tiġi impenjata mingħajr l-istabbiliment b'mod ċar tal-ħtija.1 Il-ftehimiet futuri ta' investiment li għandhom jiġu konklużi mill-Unjoni għandhom jirrispettaw dawn is-salvagwardji għas-setgħat leġiżlattivi tal-Unjoni u ma għandhomx jistabbilixxu standards ta' responsabbiltà aktar stretti li jippermettu l-evażjoni tal-istandards iddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

 

______________

 

1 FIAMM u Fedon vs il-Kunsill u l-Kummissjoni [2008] Ġabra I-6513

Ġustifikazzjoni

F'konformità mat-tradizzjoni ġuridika komuni tal-Istati Membri, il-QĠUE ddeċidiet li bħala regola l-Unjoni tista' ma tinżammx responsabbli għall-atti leġiżlattivi adottati f'konformità mad-dritt tal-UE, irrispettivament mid-dritt internazzjonali, sakemm dan ma jagħtix lill-individwi, drittijiet direttament eżegwibbli. Għaldaqstant, sakemm ma jkunux inkwadrati b'mod restrittiv, it-trattati dwar l-investiment tal-UE se jippermettu lit-tribunali tal-arbitraġġ jżommu responsabbli lill-Unjoni għall-investituri barranin fil-każ ta' atti leġiżlattivi fejn l-investituri tal-UE ma jkunu jistgħu jressqu l-ebda talba skont id-dritt tal-UE.

Emenda  6

Proposta għal regolament

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4) Fejn l-Unjoni għandha responsabbiltà internazzjonali għat-trattament mogħti, tkun mistennija, bħala kwistjoni ta' liġi internazzjonali, li tħallas kwalunkwe aġġudikazzjoni u l-ispejjeż ta' kwalunkwe tilwim. Madankollu, aġġudikazzjoni avversa tista' tirriżulta potenzjalment jew mit-trattament mogħti mill-Unjoni stess jew mit-trattament mogħti minn Stat Membru. Bħala konsegwenza ma jkunx ekwu li kieku l-aġġudikazzjonijiet u l-ispejjeż tal-arbitraġġ kellhom jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni meta t-trattament ikun ingħata minn Stat Membru. Għalhekk huwa meħtieġ li r-responsabbiltà finanzjarja tiġi allokata, bħala kwistjoni ta' liġi tal-Unjoni, u mingħajr ħsara għar-responsabbiltà internazzjonali tal-Unjoni, bejn l-Unjoni u l-Istat Membru responsabbli għat-trattament mogħti abbażi tal-kriterji stabbiliti b'dan ir-Regolament.

(4) Fejn l-Unjoni, bħala entità li għandha personalità ġuridika, ikollha responsabbiltà internazzjonali għat-trattament mogħti, tkun mistennija, bħala kwistjoni ta' dritt internazzjonali, li tħallas kwalunkwe aġġudikazzjoni u l-ispejjeż ta' kwalunkwe tilwim. Madankollu, aġġudikazzjoni avversa tista' tirriżulta potenzjalment jew mit-trattament mogħti mill-Unjoni stess jew mit-trattament mogħti minn Stat Membru. Bħala konsegwenza ma jkunx ekwu li kieku l-aġġudikazzjonijiet u l-ispejjeż tal-arbitraġġ kellhom jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni Ewropea (baġit tal-Unjoni) meta t-trattament ikun ingħata minn Stat Membru. Għalhekk huwa meħtieġ li r-responsabbiltà finanzjarja tiġi allokata, bħala kwistjoni ta' liġi tal-Unjoni, u mingħajr ħsara għar-responsabbiltà internazzjonali tal-Unjoni, bejn l-Unjoni u l-Istat Membru responsabbli għat-trattament mogħti abbażi tal-kriterji stabbiliti b'dan ir-Regolament.

Emenda  7

Proposta għal regolament

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Ir-responsabbiltà finanzjarja għandha tiġi allokata lill-entità responsabbli għat-trattament li nsab li huwa inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim. Dan ifisser li l-Unjoni għandu jkollha responsabbiltà finanzjarja fejn it-trattament ikkonċernat huwa mogħti minn istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni. L-Istat Membru konċernat għandu jkollu responsabbiltà finanzjarja fejn it-trattament ikkonċernat huwa mogħti minn Stat Membru. Madankollu, fejn Stat Membru jaġixxi b'mod meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, pereżempju meta jittrasponi direttiva adottata mill-Unjoni, l-Unjoni għandu jkollha responsabbiltà finanzjarja sa fejn it-trattament ikkonċernat huwa meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni. Ir-regolament jeħtieġ jipprevedi wkoll il-possibbiltà li każ individwali jikkonċerna kemm trattament mogħti minn Stat Membru kif ukoll trattament meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni. Dan se jkopri l-azzjonijiet kollha meħuda mill-Istati Membri u mill-Unjoni Ewropea.

(6) Ir-responsabbiltà finanzjarja għandha tiġi allokata lill-entità responsabbli għat-trattament li nsab li huwa inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim. Dan ifisser li l-Unjoni stess għandu jkollha responsabbiltà finanzjarja fejn it-trattament ikkonċernat huwa mogħti minn kwalunkwe istituzzjoni, korp, aġenzija jew entità ġuridika tal-Unjoni. L-Istat Membru konċernat għandu jkollu responsabbiltà finanzjarja fejn it-trattament ikkonċernat huwa mogħti minn tali Stat Membru. Madankollu, fejn Stat Membru jaġixxi b'mod meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni, pereżempju meta jittrasponi direttiva adottata mill-Unjoni, l-Unjoni stess għandu jkollha responsabbiltà finanzjarja sa fejn it-trattament ikkonċernat huwa meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni. Ir-regolament jeħtieġ jipprevedi wkoll il-possibbiltà li każ individwali jikkonċerna kemm trattament mogħti minn Stat Membru kif ukoll trattament meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni. Dan se jkopri l-azzjonijiet kollha meħuda mill-Istati Membri u mill-Unjoni. F'każ bħal dan, l-Istat Membri u l-Unjoni għandu jkollhom responsabbiltà finanzjarja għat-trattament speċifiku mogħti minn xi ħadd minnhom.

Emenda  8

Proposta għal regolament

Premessa 6a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a) Meta l-Istat Membru jaġixxi b'mod inkonsistenti ma' dak meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni, pereżempju meta l-Istat Membru jonqos milli jittrasponi direttiva adottata mill-Unjoni jew jeċċedi t-termini ta' direttiva adottata mill-Unjoni meta jimplimentaha fid-dritt nazzjonali, l-Istat Membru għandu konsegwentement ikollu r-responsabbiltà finanzjarja għat-trattament ikkonċernat.

Emenda  9

Proposta għal regolament

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8) Min-naħa l-oħra, fejn Stat Membru għandu r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali li tirriżulta minn tilwim, huwa xieraq, bħala kwistjoni ta' prinċipju, li Stat Membru bħal dan ikun permess jaġixxi bħala konvenut sabiex jiddefendi t-trattament li jkun ta lill-investitur. L-arranġamenti stabbiliti f'dan ir-Regolament jipprovdu għal dan. Dan għandu l-vantaġġ sinifikanti li l-baġit tal-Unjoni u r-riżorsi tal-Unjoni ma jġorrux il-piż, anke b'mod temporanju, tal-ispejjeż tal-litigazzjoni jew kwalunkwe aġġudikazzjoni eventwali kontra l-Istat Membru konċernat.

(8) Min-naħa l-oħra, fejn Stat Membru għandu r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali li tirriżulta minn tilwim, huwa ekwu u xieraq, bħala kwistjoni ta' prinċipju, li Stat Membru bħal dan ikun permess jaġixxi bħala konvenut sabiex jiddefendi t-trattament li jkun ta lill-investitur. L-arranġamenti stabbiliti f'dan ir-Regolament jipprovdu għal dan. Dan għandu l-vantaġġ sinifikanti li l-baġit tal-Unjoni u r-riżorsi mhux finanzjarji tal-Unjoni ma jġorrux il-piż, anke b'mod temporanju, tal-ispejjeż tal-litigazzjoni jew kwalunkwe aġġudikazzjoni eventwali kontra l-Istat Membru konċernat.

Ġustifikazzjoni

Pereżempju, ir-riżorsi mhux finanzjarji tal-Unjoni jirreferu għall-persunal jew l-impjegati tal-Unjoni.

Emenda  10

Proposta għal regolament

Premessa 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10) F'ċerti ċirkostanzi, huwa essenzjali, sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-Unjoni jistgħu jiġu mħarsa kif xieraq, li l-Unjoni stess taġixxi bħala konvenut f'tilwim li jinvolvi trattament mogħti minn Stat Membru. Dan jista' jkun il-każ, b'mod partikolari, fejn it-tilwim jinvolvi wkoll trattament mogħti mill-Unjoni, fejn jidher li t-trattament mogħti minn Stat Membru huwa meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, fejn huwa probabbli li talbiet simili jistgħu jitressqu kontra Stati Membri oħra jew fejn il-każ jinvolvi kwistjonijiet tal-liġi mhux solvuti, liema soluzzjoni jista' jkollha impatt fuq każijiet futuri possibbli kontra Stati Membri oħra jew l-Unjoni. Fejn tilwim jikkonċerna trattament parzjalment mogħti mill-Unjoni, jew meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, l-Unjoni għandha taġixxi bħala konvenut, sakemm it-talbiet li jikkonċernaw trattament bħal dan mhumiex ta' importanza minuri, b'kunsiderazzjoni tar-responsabbiltà finanzjarja potenzjali involuta u l-kwistjonijiet legali mqajma, relatati mat-talbiet li jikkonċernaw trattament mogħti mill-Istat Membru.

(10) F'ċerti ċirkostanzi, huwa essenzjali, sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-Unjoni jistgħu jiġu mħarsa kif xieraq, li l-Unjoni stess tista' taġixxi bħala konvenut f'tilwim li jinvolvi trattament mogħti minn Stat Membru. Dan jista' jkun il-każ, b'mod partikolari, fejn it-tilwim jinvolvi wkoll trattament mogħti mill-Unjoni, fejn jidher li t-trattament mogħti minn Stat Membru huwa meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni, fejn talbiet simili tressqu kontra Stati Membri oħra jew fejn il-każ jinvolvi kwistjonijiet tad-dritt, liema soluzzjoni jista' jkollha impatt fuq każijiet attwali jew futuri possibbli kontra Stati Membri oħra jew l-Unjoni. Fejn tilwim jikkonċerna trattament parzjalment mogħti mill-Unjoni, jew meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni, l-Unjoni għandha taġixxi bħala konvenut, sakemm it-talbiet li jikkonċernaw trattament bħal dan mhumiex ta' importanza minuri, b'kunsiderazzjoni tar-responsabbiltà finanzjarja potenzjali involuta u l-kwistjonijiet legali mqajma, relatati mat-talbiet li jikkonċernaw trattament mogħti mill-Istat Membru.

Emenda  11

Proposta għal regolament

Premessa 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12) Huwa xieraq li l-Kummissjoni tiddeċiedi, fil-qafas stabbilit f'dan ir-regolament, jekk l-Unjoni għandhiex tkun il-konvenut jew jekk Stat Membru għandux jaġixxi bħala l-konvenut.

(12) Sabiex tinħoloq sistema li taħdem, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, fil-qafas stabbilit f'dan ir-regolament, jekk l-Unjoni għandhiex tkun il-konvenut jew jekk Stat Membru għandux jaġixxi bħala l-konvenut u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kwalunkwe deċiżjoni bħal din bħala parti mir-rappurtar annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Emenda  12

Proposta għal regolament

Premessa 14

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(14) Bl-istess mod, meta Stat Membru jaġixxi bħala konvenut huwa xieraq li jżomm il-Kummissjoni informata tal-iżviluppi fil-każ u li l-Kummissjoni tista', fejn xieraq, teħtieġ li l-Istat Membru li qed jaġixxi bħala konvenut jieħu pożizzjoni speċifika fi kwistjonijiet li għandhom interess tal-Unjoni.

(14) Bl-istess mod, meta Stat Membru jaġixxi bħala konvenut huwa xieraq li jżomm il-Kummissjoni informata tal-iżviluppi fil-każ u li l-Kummissjoni tista', fejn xieraq, teħtieġ li l-Istat Membru li qed jaġixxi bħala konvenut jieħu pożizzjoni speċifika fi kwistjonijiet li għandhom impatt fuq l-interessi prevalenti tal-Unjoni.

Emenda  13

Proposta għal regolament

Premessa 15

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(15) Stat Membru jista' fi kwalunkwe ħin jaċetta li jkun responsabbli finanzjarjament anke fil-każ li jrid jitħallas kumpens. F'każ bħal dan l-Istat Membru u l-Kummissjoni jistgħu jidħlu f'arranġamenti għall-ħlas perjodiku tal-ispejjeż u għall-ħlas ta' kwalunkwe kumpens. Aċċettazzjoni bħal din ma timplikax li l-Istat Membru jaċċetta li t-talba tat-tilwim hija raġunata. Il-Kummissjoni għandha tkun tista' tadotta deċiżjoni li teħtieġ l-Istat Membru jagħmel provvediment għal spejjeż bħal dawn. Fil-każ li t-tribunal jaġġudika l-ispejjeż lill-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe ħlas bil-quddiem tal-ispejjeż jiġi rimborżat immedjatament lill-Istat Membru konċernat.

(15) Mingħajr preġudizzju għall-eżitu tal-proċeduri ta' arbitraġġ, Stat Membru jista' fi kwalunkwe ħin jaċċetta li jkun responsabbli finanzjarjament anke fil-każ li jrid jitħallas kumpens. F'każ bħal dan l-Istat Membru u l-Kummissjoni jistgħu jidħlu f'arranġamenti għall-ħlas perjodiku tal-ispejjeż u għall-ħlas ta' kwalunkwe kumpens. Aċċettazzjoni bħal din ma timplikax bl-ebda mod ġuridiku li l-Istat Membru jaċċetta li t-talba tat-tilwim hija raġunata. Il-Kummissjoni tista', f'każ bħal dan, tadotta deċiżjoni li teħtieġ l-Istat Membru jagħmel provvediment għal spejjeż bħal dawn. Fil-każ li t-tribunal jaġġudika l-ispejjeż lill-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe ħlas bil-quddiem tal-ispejjeż jiġi rimborżat immedjatament lill-Istat Membru konċernat.

Emenda  14

Proposta għal regolament

Premessa 16

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(16) F'ċerti każijiet, jista' jkun xieraq li tintlaħaq soluzzjoni sabiex jiġi evitat arbitraġġ mhux meħtieġ u li jqum ħafna flus. Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita proċedura biex jintlaħqu soluzzjonijiet bħal dawn. Proċedura bħal din għandha tippermetti lill-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont il-proċedura ta' eżaminazzjoni, li ssolvi każ fejn dan ikun fl-interessi tal-Unjoni. Fejn il-każ jikkonċerna trattament mogħti minn Stat Membru, huwa xieraq li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib u konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat. L-Istat Membru għandu jibqa' liberu biex dejjem isolvi l-każ, sakemm jaċċetta responsabbiltà finanzjarja sħiħa u li kwalunkwe soluzzjoni bħal din tkun konsistenti mal-liġi tal-Unjoni u ma tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni.

(16) F'ċerti każijiet, jista' jkun xieraq li tintlaħaq soluzzjoni sabiex jiġi evitat arbitraġġ mhux meħtieġ u li jqum ħafna flus. Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita proċedura effikaċi u rapida biex jintlaħqu soluzzjonijiet bħal dawn. Proċedura bħal din għandha tippermetti lill-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont il-proċedura ta' eżami, li ssolvi każ fejn dan ikun fl-interessi tal-Unjoni. Fejn il-każ jikkonċerna trattament mogħti minn Stat Membru, huwa xieraq li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib u konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat, inkluż dwar il-proċeduri ta' soluzzjoni u dwar l-ammont tal-kumpens monetarju. L-Istat Membru għandu jibqa' liberu biex dejjem isolvi l-każ, sakemm jaċċetta responsabbiltà finanzjarja sħiħa u li kwalunkwe soluzzjoni bħal din tkun konsistenti mad-dritt tal-Unjoni u ma tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni kollha kemm hi.

Emenda  15

Proposta għal regolament

Premessa 18

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(18) Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mill-qrib mal-Istat Membru konċernat sabiex tilħaq ftehim dwar it-tqassim tar-responsabbiltà finanzjarja. Fejn il-Kummissjoni tiddetermina li Stat Membru huwa responsabbli, u l-Istat Membru ma jaċċettax dik id-determinazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħallas il-kumpens, iżda għandha tindirizza deċiżjoni lill-Istat Membru fejn titolbu jipprovdi l-ammonti konċernati lill-baġit tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-imgħax applikabbli. L-imgħax pagabbli għandu jkun dak stabbilit skont l-Artikolu 71(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej kif emendat. L-Artikolu 263 tat-Trattat huwa disponibbli fil-każijiet fejn Stat Membru jqis li d-deċiżjoni ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(18) Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mill-qrib mal-Istat Membru konċernat sabiex tilħaq ftehim dwar it-tqassim tar-responsabbiltà finanzjarja. Fejn il-Kummissjoni tiddetermina li Stat Membru huwa responsabbli, u l-Istat Membru ma jaċċettax dik id-determinazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħallas il-kumpens, iżda għandha tindirizza deċiżjoni lill-Istat Membru fejn titolbu jipprovdi l-ammonti konċernati lill-baġit tal-Unjoni, flimkien mal-imgħax applikabbli. L-imgħax pagabbli għandu jkun dak stabbilit skont l-Artikolu 78(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2002 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni1. L-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huwa disponibbli fil-każijiet fejn Stat Membru jqis li d-deċiżjoni ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti f'dan ir-Regolament.

 

–––––––––––––––––

 

1 ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

Emenda  16

Proposta għal regolament

Premessa 19

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(19) Il-baġit tal-Unjoni għandu jipprovdi kopertura tan-nefqa li tirriżulta minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 218 tat-Trattat li jipprovdi għal soluzzjoni ta' tilwim bejn l-istat u l-investitur. Fejn l-Istati Membri għandhom responsabbiltà finanzjarja skont dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha tkun f'pożizzjoni li jew takkumula l-kontribuzzjonijiet tal-Istat Membru konċernat l-ewwel qabel l-implimentazzjoni tan-nefqa relevanti jew timplimenta n-nefqa relevanti l-ewwel u tiġi rimborżata mill-Istati Membri konernati wara. L-użu ta' dawn iż-żewġ mekkaniżmi ta' trattament baġitarju għandu jkun possibbli, jiddependi fuq x'inhu fattibbli, b'mod partikolari f'termini ta' żmien. Għaż-żewġ mekkaniżmi, il-kontribuzzjonijiet jew ir-rimborżi mħallsa mill-Istati Membri għandhom ikunu ttrattati bħala dħul intern assenjat tal-baġit tal-Unjoni. L-approprijazzjonijiet li jirriżultaw mid-dħul intern assenjat mhux biss għandhom ikopru n-nefqa relevanti iżda għandhom ikunu wkoll eleġibbli għar-rikostituzzjoni ta' partijiet oħra tal-baġit tal-Unjoni li kienu pprovdew l-approprjazzjonijiet inijzali biex tiġi implimentata n-nefqa relevanti skont it-tieni mekkaniżmu.

(19) Il-baġit tal-Unjoni għandu jipprovdi kopertura tan-nefqa li tirriżulta minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 218 tat-Trattat li jipprovdi għal soluzzjoni ta' tilwim bejn l-istat u l-investitur. Fejn l-Istati Membri għandhom responsabbiltà finanzjarja skont dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha tkun f'pożizzjoni li jew takkumula l-kontribuzzjonijiet tal-Istat Membru konċernat l-ewwel qabel l-implimentazzjoni tan-nefqa relevanti jew timplimenta n-nefqa relevanti l-ewwel u tiġi rimborżata mill-Istati Membri konernati wara. L-użu ta' dawn iż-żewġ mekkaniżmi ta' trattament baġitarju għandu jkun possibbli, jiddependi fuq x'inhu fattibbli, b'mod partikolari f'termini ta' żmien. Għaż-żewġ mekkaniżmi, il-kontribuzzjonijiet jew ir-rimborżi mħallsa mill-Istati Membri għandhom ikunu ttrattati bħala dħul intern assenjat tal-baġit tal-Unjoni. L-approprjazzjonijiet li jirriżultaw mid-dħul intern assenjat mhux biss għandhom ikopru n-nefqa relevanti iżda għandhom ikunu wkoll eleġibbli għar-rikostituzzjoni ta' partijiet oħra tal-baġit tal-Unjoni li kienu pprovdew l-approprjazzjonijiet inijzali biex tiġi implimentata n-nefqa relevanti skont it-tieni mekkaniżmu.

Ġustifikazzjoni

(Ma taffettwax il-verżjoni Maltija.)

Emenda  17

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) "spejjeż li jqumu mill-arbitraġġ" tfisser it-tariffi u l-ispejjeż tat-tribunal tal-arbitraġġ u l-ispejjeż tar-rappreżentazzjoni u spejjeż aġġudikati lir-rikorrent mit-tribunal tal-arbitraġġ;

(b) "spejjeż li jqumu mill-arbitraġġ" tfisser it-tariffi u l-ispejjeż tat-tribunal tal-arbitraġġ, l-istituzzjoni tal-arbitraġġ u l-ispejjeż tar-rappreżentazzjoni u spejjeż aġġudikati lir-rikorrent mit-tribunal tal-arbitraġġ;

Emenda  18

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c) "tilwim" tfisser talba mressqa minn rikorrent kontra l-Unjoni skont ftehim u li dwarha tribunal tal-arbitraġġ jagħti sentenza;

(c) "tilwim" tfisser talba mressqa minn rikorrent kontra l-Unjoni jew Stat Membru skont ftehim u li dwarha tribunal tal-arbitraġġ jagħti sentenza;

Emenda  19

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – punt ja (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ja) "interessi prevalenti tal-Unjoni" tfisser kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

 

(i) hemm theddida serja għall-applikazzjoni konsistenti jew uniformi jew l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-investiment tas-soġġett tal-ftehim għat-tilwim bejn l-investitur u l-istat li l-Unjoni hija parti tiegħu,

 

(ii) miżura ta' Stat Memebru tista' tkun f'kunflitt mal-iżvilupp tal-politika ta' investiment futura tal-Unjoni,

 

(iii) it-tilwim jimplika impatt finanzjarju sinifikanti fuq il-baġit tal-Unjoni f'sena partikolari jew bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali.

Emenda  20

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Fejn huwa stipulat f'dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tiddetermina r-responsabbiltà finanzjarja tal-Istat Membru konċernat skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1.

2. Fejn huwa stipulat f'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tiddetermina r-responsabbiltà finanzjarja tal-Istat Membru konċernat skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu informati bit-tali deċiżjoni.

Emenda          21

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Malli l-Kummissjoni tirċievi avviż li permezz tiegħu r-rikorrent jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jibda proċeduri ta' arbitraġġ, skont id-dispożizzjonijiet ta' ftehim, din għandha tinnotifika l-Istat Membru konċernat.

Malli l-Kummissjoni tirċievi avviż li permezz tiegħu r-rikorrent jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jibda proċeduri ta' arbitraġġ, jew malli l-Kummissjoni tiġi informata dwar talba għal konsultazzjonijiet jew talba kontra Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kull talba minn qabel minn rikorrent għall-konsultazzjonijiet, dwar l-avviż li bih r-rikorrent jistqarr l-intenzjoni tiegħu li jibda proċeduri ta' arbitraġġ kontra l-Unjoni jew Stat Membru fi żmien 15-il ġurnata ta' xogħol minn meta jirċievi l-avviż, inkluż l-isem tar-rikorrent, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim li huwa allegat li nkiser, is-settur ekonomiku involut, it-trattament li huwa allegat li kiser il-ftehim u l-ammont ta' kumpens għad-danni mitlub.

Emenda          22

Proposta għal regolament

Artikolu 8 – paragrafu 2 – punt c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c) huwa probabbli li talbiet simili jitressqu taħt l-istess ftehim kontra trattament mogħti minn Stati Membri oħra u l-Kummissjoni qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tiżgura difiża effettiva u konsistenti; jew,

(c) talbiet simili jew talbiet għal konsultazzjonijiet li jirrigwardaw talbiet simili tressqu taħt l-istess ftehim kontra trattament mogħti minn Stati Membri oħra u l-Kummissjoni qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tiżgura difiża effettiva u konsistenti; jew,

Emenda  23

Proposta għal regolament

Artikolu 8 – paragrafu 2 – punt d

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(d) it-tilwim iqum minn kwistjonijiet tal-liġi mhux solvuti li jistgħu jirrikorru f'tilwim ieħor taħt l-istess ftehimiet tal-Unjoni jew oħrajn li jikkonċernaw trattament mogħti mill-Unjoni jew Stati Membri oħra.

(d) it-tilwim iqajjem kwistjonijiet sensittivi tad-dritt li s-soluzzjoni tagħhom tista' tolqot l-interpretazzjoni futura tal-ftehim inkwistjoni jew ftehimiet oħrajn.

Emenda  24

Proposta għal regolament

Artikolu 8 – paragrafu 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a. Meta l-Unjoni tassumi li taġixxi bħala konvenut skont deċiżjoni tal-Kummissjoni f'konformità mal-paragrafu 2 jew mar-regola predefinita stabbilita fil-paragrafu 1, din id-determinazzjoni tal-istatus tal-konvenut għandha tkun vinkolanti għall-konvenut u t-tribunal tal-arbitraġġ.

Ġustifikazzjoni

Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt, għandu jiġi ċċarat li l-konvenut jew it-tribunal tal-arbitraġġ huma soġġetti għar-regoli dwar id-determinazzjoni tal-istatus tal-konvenut u li kwanlunkwe dritt li jirriżulta skont ftehim tal-Unjoni huwa soġġett għal din id-determinazzjoni unilaterali. Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu suxxettibbli għal diskussjoni jew modifika minn tribunali tal-arbitraġġ .

Emenda  25

Proposta għal regolament

Artikolu 8 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra u l-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe tilwim li fih jiġi applikat dan l-Artikolu u l-mod kif qed jiġi applikat.

4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe tilwim li fih jiġi applikat dan l-Artikolu u l-mod kif qed jiġi applikat.

Emenda  26

Proposta għal regolament

Artikolu 9 – paragrafu 1 – punt b

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(b) jinforma lill-Kummissjoni dwar il-passi proċedurali sinifikanti kollha, u jidħol f'konsultazzjonijiet regolarment u, fi kwalunkwe każ, meta mitlub mill-Kummissjoni; u,

(b) jinforma lill-Kummissjoni dwar il-passi proċedurali sinifikanti kollha mingħajr dewmien, u jidħol f'konsultazzjonijiet regolarment u, fi kwalunkwe każ, meta mitlub mill-Kummissjoni; u,

Emenda  27

Proposta għal regolament

Artikolu 9 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Il-Kummissjoni tista', fi kwalunkwe ħin, teħtieġ l-Istat Membru konċernat jieħu pożizzjoni partikolari fir-rigward ta' kwalunkwe punt tal-liġi mqajjem mit-tilwim jew kwalunkwe element ieħor li għandu interess tal-Unjoni.

2. Meta l-interessi ġenerali tal-Unjoni jesiġu hekk, il-Kummissjoni tista', fi kwalunkwe ħin wara l-konsultazzjonijiet mal-Istat Membru konċernat, teħtieġ li l-Istat Membru jieħu pożizzjoni partikolari fir-rigward ta' kwalunkwe punt tad-dritt imqajjem mit-tilwim jew kwalunkwe kwistjoni tad-dritt li s-soluzzjoni tagħha tista' tolqot l-interpretazzjoni futura tal-ftehim inkwistjoni jew ftehimiet oħrajn.

Emenda  28

Proposta għal regolament

Artikolu 9 – paragrafu 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a. Jekk l-Istat Membru kkonċernat jikkunsidra t-talba tal-Kummissjoni bħala li tikkomprometi bla bżonn id-difiża effettiva tiegħu, dan għandu jidħol f'konsultazzjonijiet bl-għan li jsib soluzzjoni aċċettabbli. Fejn ma tistax tinstab soluzzjoni aċċettabbli, il-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni li teħtieġ lill-Istat Membru kkonċernat jieħu pożizzjoni ġuridika partikolari.

Emenda  29

Proposta għal regolament

Artikolu 9 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Meta ftehim, jew ir-regoli msemmija fih, jipprovdu għall-possibbiltà ta' annullament, appell jew reviżjoni ta' punt tal-liġi inkluż f'deċiżjoni ta' arbitraġġ, il-Kummissjoni tista', fejn tikkunsidra li l-konsistenza jew il-korrettezza tal-interpretazzjoni tal-ftehim jeħtieġu dan, titlob l-Istat Membru jippreżenta applikazzjoni għal tali annullament, appell jew reviżjoni. F'ċirkostanzi bħal dawn, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jifformaw parti mid-delegazzjoni u jistgħu jesprimu l-fehmiet tal-Unjoni rigward il-punt tal-liġi inkwistjoni.

3. Meta ftehim, jew ir-regoli msemmija fih, jipprovdu għall-possibbiltà ta' annullament, appell jew reviżjoni ta' punt tad-dritt inkluż f'deċiżjoni ta' arbitraġġ, il-Kummissjoni tista', fejn tikkunsidra li l-konsistenza jew il-korrettezza tal-interpretazzjoni tal-ftehim jeħtieġu dan, wara konsultazzjonijiet mal-Istat Membru konċernat, titlob li l-Istat Membru jippreżenta applikazzjoni għal tali annullament, appell jew reviżjoni. F'ċirkostanzi bħal dawn, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jifformaw parti mid-delegazzjoni u jistgħu jesprimu l-fehmiet tal-Unjoni rigward il-punt tad-dritt inkwistjoni.

Emenda  30

Proposta għal regolament

Artikolu 9 – paragrafu 3a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3a. Jekk l-Istat Membru kkonċernat jirrifjuta li jippreżenta applikazzjoni għal annullament, appell jew reviżjoni, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni fi żmien 30 ġurnata. F'dan il-każ il-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni li teħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta applikazzjoni għal annullament, appell jew reviżjoni.

Emenda  31

Proposta għal regolament

Artikolu 10 – punt c

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(c) il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru bid-dokumenti kollha relatati mal-proċeduri, sabiex tiżgura difiża kemm jista' jkun effettiva; u,

(c) il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru bid-dokumenti kollha relatati mal-proċeduri, iżżomm lill-Istat Membru informat bil-fażijiet proċedurali sinifikattivi kollha u tidħol f'konsultazzjonijiet mal-Istat Membri fi kwalunkwe każ meta mitlub mill-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiżgura difiża kemm jista' jkun effettiva; u,

Emenda  32

Proposta għal regolament

Artikolu 10 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Il-Kummissjoni għandha tinforma b'mod regolari lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill bl-iżviluppi fil-proċeduri ta' arbitraġġ imsemmija fl-ewwel paragrafu.

Emenda  33

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Fejn l-Unjoni hija konvenut f'tilwim li jikkonċerna trattament mogħti, jew kompletament jew inkella parzjalment, minn Stat Membru, u l-Kummissjoni tikkunsidra li s-soluzzjoni tat-tilwim tkun fl-interessi tal-Unjoni, din għandha l-ewwel tikkonsulta lill-Istat Membru konċernat. L-Istat Memrbu wkoll jista' jibda konsultazzjonijiet bħal dawn mal-Kummissjoni.

1. Fejn l-Unjoni hija konvenut f'tilwim li jikkonċerna trattament mogħti, jew kompletament jew inkella parzjalment, minn Stat Membru, u l-Kummissjoni tikkunsidra li s-soluzzjoni tat-tilwim tkun fl-interessi tal-Unjoni, din għandha l-ewwel tikkonsulta lill-Istat Membru konċernat. L-Istat Memrbu wkoll jista' jibda konsultazzjonijiet bħal dawn mal-Kummissjoni. L-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw fehim reċiproku tas-sitwazzjoni ġuridika u l-konsegwenzi possibbli u jevitaw kwalunkwe nuqqas ta' qbil fid-dawl tas-soluzzjoni tal-każ.

Emenda  34

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Fil-każ li Stat Membru ma jaċċettax li jsolvi t-tilwim, il-Kummissjoni tista' ssolvi t-tilwim fejn l-interessi prevalenti tal-Unjoni jeħtieġu dan.

3. Fil-każ li Stat Membru ma jaċċettax li jsolvi t-tilwim, il-Kummissjoni tista' ssolvi t-tilwim fejn l-interessi prevalenti tal-Unjoni jeħtieġu dan. Il-Kummissjoni għandha tforni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-informazzjoni kollha rilevanti dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ssolvi t-tilwim, partikolarment il-ġustifikazzjoni tagħha.

Emenda  35

Proposta għal regolament

Artikolu 14 – paragrafu 3a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3a. Meta Stat Membru huwa konvenut f'tilwim li jikkonċerna b'mod esklussiv it-trattament mogħti mill-awtoritajiet tiegħu u jiddeċiedi li jsolvi t-tilwim, dan għandu jinnotifika lill-Kummissoni bl-abbozz ta' arranġament tas-soluzzjoni u għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni.

Ġustifikazzjoni

Ħafna mit-tilwim fl-investiment jiġi solvut qabel ma jitressqu għall-arbitraġġ. Sabiex ikun hemm progress fl-elaborazzjoni ta' politika ta' investiment tal-UE koerenti, il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata dwar kull soluzzjoni li titteħed għal tilwim li jitqajjem skont ftehimiet tal-UE.

Emenda  36

Proposta għal regolament

Artikolu 17 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Fejn l-Unjoni taġixxi bħala konvenut skont l-Artikolu 8, u l-Kummissjoni tikkunsidra li l-aġġudikazzjoni jew is-soluzzjoni inkwistjoni għandha titħallas, parzjalment jew kompletament, mill-Istat Membru konċernat abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1), għandha tapplika l-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 5.

1. Fejn l-Unjoni taġixxi bħala konvenut skont l-Artikolu 8, u l-Kummissjoni tikkunsidra li l-aġġudikazzjoni jew is-soluzzjoni inkwistjoni għandha titħallas, parzjalment jew kompletament, mill-Istat Membru konċernat abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1), għandha tapplika l-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu. Din il-proċedura għandha wkoll tapplika meta l-Unjoni, hija u taġixxi bħala konvenut skont l-Artikolu 8, tikseb eżitu pożittiv fl-arbitraġġ iżda jkollha ġġorr l-ispejjeż eventwali li ġejjin mill-arbitraġġ.

Emenda  37

Proposta għal regolament

Artikolu 17 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3. Fi żmien tliet xhur mir-riċeviment tat-talba għall-ħlas tal-aħħar aġġudikazzjoni jew soluzzjoni, il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru konċernat, li tiddetermina l-ammont li jrid jitħallas mill-Istat Membru.

3. Fi żmien tliet xhur mir-riċeviment tat-talba għall-ħlas tal-aħħar aġġudikazzjoni jew soluzzjoni, il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru konċernat, li tiddetermina l-ammont li jrid jitħallas mill-Istat Membru. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar deċiżjoni bħal din u r-raġunament finanzjarju tagħha.

Emenda  38

Proposta għal regolament

Artikolu 17 – paragrafu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Sakemm l-Istat Membru ma joġġezzjonax għad-determinazzjoni tal-Kummissjoni fi żmien xahar, l-Istat Membru konċernat għandu jikkumpensa l-baġit tal-Unjoni għall-ħlas tal-aġġudikazzjoni jew tas-soluzzjoni mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-Istat Membru konċernat għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe imgħax dovut għar-rata li tapplika għall-flejjes l-oħra dovuti lill-baġit tal-Unjoni.

4. Sakemm l-Istat Membru ma joġġezzjonax għad-determinazzjoni tal-Kummissjoni fi żmien xahar, l-Istat Membru konċernat għandu jikkumpensa bl-ammont ekwivalenti l-baġit tal-Unjoni għall-ħlas tal-aġġudikazzjoni jew tas-soluzzjoni mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-Istat Membru konċernat għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe mgħax dovut għar-rata li tapplika għall-flejjes l-oħra dovuti lill-baġit tal-Unjoni.

Emenda  39

Proposta għal regolament

Artikolu 18 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni li teħtieġ l-Istat Membru jagħmel kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-baġit tal-Unjoni fir-rigward ta' kwalunkwe spejjeż li jqumu mill-arbitraġġ fejn tikkunsidra li l-Istat Membru għandu jkun responsabbli għall-ħlas ta' kwalunkwe aġġudikazzjoni skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3.

1. Meta l-Unjoni taġixxi ta' konvenut skont l-Artikolu 8, u sakemm tkun daħħlet f'arranġament skont l-Artikolu 11, il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni li teħtieġ l-Istat Membru konċernat jagħmel kontribuzzjonijiet finanzjarji bil-quddiem lill-baġit tal-Unjoni fir-rigward ta' spejjeż previsti jew imġarrba li jqumu mill-arbitraġġ. Id-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għandha tkun proporzjonata u tieħu kont tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3.

Emenda  40

Proposta għal regolament

Artikolu 19

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Ir-rimborż jew il-ħlas ta' Stat Membru lill-baġit tal-Unjoni, għall-ħlas ta' kumpens jew soluzzjoni jew kwalunkwe spejjeż, għandhom jiġu kkunsidrati bħala dħul intern assenjat fit-tifsira ta' [L-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-K omunitajiet Ewropej]. Dan jista' jintuża biex ikopri n-nefqa li tirriżulta minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 218 tat-Trattat li jipprovdi għal soluzzjoni ta' tilwim bejn l-istat u l-investitur jew biex ikunu rikostitwiti approprjazzjonijiet inizjalment provduti biex ikopru l-ħlas ta' kumpens jew soluzzjoni jew kwalunkwe spejjeż.

Ir-rimborż jew il-ħlas ta' Stat Membru lill-baġit tal-Unjoni, għall-ħlas ta' kumpens jew soluzzjoni jew kwalunkwe spejjeż, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 18(1) ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkunsidrati bħala dħul intern assenjat fit-tifsira tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012. Dan jista' jintuża biex ikopri n-nefqa li tirriżulta minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 218 tat-Trattat li jipprovdi għal soluzzjoni ta' tilwim bejn l-istat u l-investitur jew biex ikunu rikostitwiti approprjazzjonijiet inizjalment provduti biex ikopru l-ħlas ta' kumpens jew soluzzjoni jew kwalunkwe spejjeż.

Emenda  41

Proposta għal regolament

Artikolu 20 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-[Kumitat għall-Ftehimiet ta' Investiment stabbilit bir-Regolament [2010/197 COD]]. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru. 182/2011.

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Kumitat għall-Ftehimiet ta' Investiment stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi1. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru. 182/2011.

 

–––––––––––––––––

 

1 ĠU L 351 20.12.2012, p. 40.

Emenda  42

Proposta għal regolament

Artikolu 21 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar it-tħaddim ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'intervalli regolari. L-ewwel rapport għandu jiġi sottomess mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Rapporti sussegwenti għandhom jiġu sottomessi kull tliet snin minn hemm 'il quddiem.

1. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dettaljat dwar it-tħaddim ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'intervalli regolari. Ir-rapport għandu jkun fih l-informazzjoni rilevanti kollha inkluża l-lista ta' talbiet imressqa kontra l-Unjoni jew l-Istati Membri, il-proċeduri u d-deċiżjonijiet relatati kif ukoll l-impatt finanzjarju fuq il-baġits rispettivi. L-ewwel rapport għandu jiġi sottomess mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Rapporti sussegwenti għandhom jiġu sottomessi kull tliet snin minn hemm 'il quddiem sakemm l-awtorità baġitjarja, li tinkludi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, ma jiddeċidux mod ieħor.

Emenda  43

Proposta għal regolament

Artikolu 21 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1a. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill lista ta' talbiet għal konsultazzjonijiet mir-rikorrenti, talbiet u deċiżjonijiet ta' arbitraġġ.

PROĊEDURA

Titolu

L-istabbiliment ta' qafas għall-ġestjoni tar-responsabilità finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali li l-UE hija parti għalihom

Referenzi

COM(2012)0335 – C7-0155/2012 – 2012/0163(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

21.6.2012

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

3.7.2012

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

3.7.2012

BUDG

3.7.2012

ECON

3.7.2012

JURI

3.7.2012

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

DEVE

10.7.2012

BUDG

12.7.2012

ECON

11.9.2012

JURI

18.9.2012

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Paweł Zalewski

11.10.2012

 

 

 

Eżami fil-kumitat

26.11.2012

23.1.2013

21.2.2013

 

Data tal-adozzjoni

21.3.2013

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, Nora Berra, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, María Auxiliadora Correa Zamora, Marielle de Sarnez, Yannick Jadot, Metin Kazak, Franziska Keller, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Cristiana Muscardini, Franck Proust, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Henri Weber, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Paweł Zalewski, Dan Dumitru Zamfirescu

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Silvana Koch-Mehrin, Elisabeth Köstinger, Katarína Neveďalová

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Petri Sarvamaa, Patrice Tirolien

Data tat-tressiq

26.3.2013